|
12.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 311/7 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impjegabbiltà taż-żgħażagħ – inqabblu t-taħriġ mal-ħtiġijiet tal-industrija fi żmien ta' awsterità”
2014/C 311/02
Relatur: is-Sur Fornea
Korelatur: is-Sur Grimaldi
Nhar il-11 ta' Lulju 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
L-impjegabbiltà taż-żgħażagħ – inqabblu t-taħriġ mal-ħtiġijiet tal-industrija fi żmien ta' awsterità
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta' April 2014.
Matul l-498 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-29 u t-30 ta' April 2014 (seduta tat-30 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'156 vot favur u 2 voti kontra.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-kriżi gravi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ teħtieġ li l-gvernijiet, min iħaddem, il-ħaddiema u s-soċjetà ċivili jaħdmu flimkien u aktar biex jippromovu, joħolqu u jżommu impjiegi deċenti (1) u sostenibbli. Il-kwistjoni saret sfida kemm politika kif ukoll ekonomika. Il-KESE diġà saħaq li hemm bżonn ta' strateġija ta’ tkabbir reali fil-livell nazzjonali u tal-UE biex tappoġġja l-ħolqien ta’ impjiegi aħjar u iktar stabbli għaż-żgħażagħ. Il-KESE jemmen li huwa ta’ importanza fundamentali li l-gvernijiet jagħmlu sforzi impressjonanti u korrettivi biex jevitaw li l-kriżi teskala. |
|
1.2 |
Kif miftiehem mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ġunju 2013, il-KESE jqis li l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ (YG) ikunu kompletament operattivi mingħajr dewmien. L-allokazzjoni ta’ fondi nazzjonali u Ewropej għall-edukazzjoni u t-taħriġ, għall-impjieg u l-qgħad fit-tul taż-żgħażagħ għandhom jiżdiedu sostanzjalment. |
|
1.3 |
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwi li l-pjani ta' azzjoni konkreti li diġà ġew adottati mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ jitressqu għal valutazzjoni regolari, bl-involviment tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jemmen li f'dawn il-pjani u fil-programmi għandhom jittieħdu miżuri konkreti biex jippermettu lill-gradwati żgħażagħ jiksbu ħiliet għax-xogħol, inklużi, fost oħrajn, tagħrif espert fil-ġestjoni u l-ħidma f'tim, abilitajiet ta' soluzzjoni tal-problemi u kreattività biex itejbu l-versatilità u l-possibilitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol. |
|
1.4 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri, u l-awtoritajiet kollha involuti, għandhom jikkunsidraw l-impjegabbiltà bħala proċess kontinwu li jaffettwa l-ħajja tax-xogħol kollha. L-Istati Membri għandhom ifasslu u joħolqu għodod u kundizzjonijiet sabiex jgħinu lin-nies jaġġornaw, itejbu u jevalwaw il-livell ta' impjegabbiltà tagħhom. It-tisħiħ tar-rikonoxximent u tat-trasparenza tal-ħiliet u l-kwalifiki jaqdi rwol importanti biex l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ li qed ifittxu xogħol titqabbel mal-bżonnijiet tas-suq kif ukoll mal-mobilità tagħhom. Il-KESE jappoġġja l-politiki tal-UE sabiex jiżdiedu r-rikonoxximent u t-trasparenza tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki u l-għodod relatati, bħall-QEK, il-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi, il-Europass u s-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità u tal-krediti. |
|
1.5 |
Il-KESE jsostni b'konvinzjoni li r-responsabbiltà tal-impjegabbiltà mhijiex biss individwali. L-impjegabbiltà hija kwistjoni li għandha tiġi indirizzata u maqsuma bejn il-partijiet interessati kollha: il-gvernijiet, l-imsieħba soċjali, l-universitajiet, l-iskejjel, l-awtoritajiet lokali u l-ħaddiema individwali, fost oħrajn. Sħubija aħjar bejn l-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi hija rakkomandata ferm, u f'dan ir-rigward, programmi ta' taħriġ ta' kwalità għolja organizzati mill-kumpanija għandhom jiġu promossi f'konformità mal-prinċipji u l-metodi tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u l-Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships propost. |
|
1.6 |
L-Istati Membri għandhom jipprovdu inċentivi għal dawk l-universitajiet u l-unitajiet ta' riċerka u żvilupp li joffru korsijiet ta' lawrja li jaqblu mal-ħtiġijiet tas-suq globalizzat. Dan jista' jkun utli wkoll f'termini tal-promozzjoni ta' livell għoli ta' professjonaliżmu. |
|
1.7 |
Imħasseb dwar it-tendenza riċenti ta' tnaqqis fil-baġit tal-edukazzjoni f’bosta Stati Membri, il-KESE jirrakkomanda li Membri tal-UE jallokaw biżżejjed riżorsi biex jiżguraw li l-persunal edukattiv jipprovdi edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd. Il-professjoni tal-għalliema fl-Ewropa mhix meqjusa bħala waħda attraenti u tbati minn nuqqasijiet, problema li tista' tiżdied fil-futur qrib (2). Kundizzjonijiet tax-xogħol, salarji u pensjonijiet diċenti huma meħtieġa biex l-edukazzjoni tkun għażla ta’ karriera attraenti. |
|
1.8 |
Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-KE li tistabbilixxi l-programm Erasmus +, li jħeġġeġ ukoll taħriġ vokazzjonali transkonfinali, u jittama li, kif miftiehem, dan se jkun kompletament operattiv mill-aktar fis. Il-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali huwa partikolarment sodisfaċenti. |
|
1.9 |
Il-KESE jilqa' wkoll il-Qafas ta' Azzjonijiet dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ miftiehem mill-imsieħba soċjali f'Ġunju 2013. Fi żmien ta' kriżi ekonomika u soċjali, l-Ewropa għandha tuża bl-aħjar mod il-potenzjal tal-popolazzjoni tagħha mill-isfondi soċjoekonomiċi kollha, filwaqt li tiżgura l-kosteffettività. |
|
1.10 |
Il-KESE jtenni l-konvinzjoni tiegħu li l-inizjattivi tal-UE maħsuba biex jindirizzaw il-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għandhom jirriżultaw f'miżuri konkreti li jippromovu politika industrijali effettiva immirata lejn l-avvanz tal-industrija Ewropea u jagħtu spinta lill-kompetittività tagħha b'mod soċjalment aċċettabbli u sostenibbli. |
|
1.11 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-effetti negattivi tal-użu sistematiku ta' kuntratti temporanji għaż-żgħażagħ, li għandhom implikazzjonijiet importanti għax-xbieki tas-sigurtà soċjali (inqas kontribuzzjonijiet) u l-koeżjoni soċjali tal-Istati Membri. |
|
1.12 |
Il-KESE jħoss li l-investiment fit-titjib tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ hija kruċjali għall-futur tal-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej. L-inizjattivi approvati għandhom ikunu aċċessibbli faċilment miż-żgħażagħ kollha mingħajr diskriminazzjoni jew preġudizzji sessisti, u għandhom ikunu akkumpanjati b'miżuri konkreti għall-inklużjoni. Il-partijiet interessati rilevanti (inklużi l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ) fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali għandhom ikunu involuti fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riżultati ta’ dawn l-inizjattivi. |
|
1.13 |
Għandhom ikomplu jiġu żviluppati miżuri nazzjonali u lokali konkreti li joffru tagħlim tul il-ħajja aċċessibbli għal kulħadd, bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili u b'evalwazzjoni regolari tar-riżultati. |
|
1.14 |
F'mudelli ta' tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol, bħas-sistema ta' tagħlim parallela, parti sinifikanti tat-taħriġ jitwettaq fi ħdan il-kumpaniji. Iż-żgħażagħ għandu jkollhom il-possibbiltà li jalternaw bejn tagħlim fl-iskola u taħriġ fuq ix-xogħol f’kumpanija.Il-KESE huwa konvint mis-suċċess tas-sistemi ta' tagħlim paralleli, kif implimentati f'xi wħud mill-Istati Membri. Ir-responsabbiltajiet kondiviżi, kemm min-naħa tal-pubbliku kif ukoll min-naħa tan-negozji, sabiex ikun hemm investiment fil-futur, huma kruċjali għal skemi ta' apprendistati li jkollhom suċċess. |
|
1.15 |
Il-Kumitat jirrakkomanda passi li għandhom jittieħdu biex jiżguraw il-kwalità u r-rilevanza tal-attivitajiet proposti, u biex jistabbilixxu qafas xieraq, fejn ir-responsabbiltajiet, id-drittijiet u l-obbligi ta' kull parti interessata jiġu fformulati b'mod ċar u jkunu jistgħu jiġu nfurzati fil-prattika. Id-djalogu soċjali bejn min iħaddem u t-trejdjunjins għandu jibqa' jiġi żviluppat u użat bħala għodda importanti biex jidentifika perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol, biex ikattar il-ħolqien tal-impjiegi, biex jaqsam prattiċi ta’ taħriġ aktar adegwati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u biex iħeġġeġ lin-nisa u l-irġiel żgħażagħ biex itejbu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom sabiex jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tal-industrija li qed jiżviluppaw. |
|
1.16 |
Il-kriżi ekonomika u soċjali attwali qed timponi restrizzjonijiet fuq id-deċiżjonijiet baġitarji tal-Istati Membri tal-UE, speċjalment dawk soġġetti għall-programmi ta' aġġustament fiskali – sitwazzjoni li qed tiggrava minħabba t-tnaqqis fil-baġit tal-UE nnifisha. Meta wieħed iqis ir-rwol ċentrali kopert mill-edukazzjoni fl-iżvilupp tal-kundizzjonijiet ta’ impjegabbiltà, il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jtejbu r-riżorsi allokati għal edukazzjoni ta' kwalità li għandhom ikunu ikkunsidrati mhux bħala nefqa iżda bħala investiment essenzjali biex tingħeleb il-kriżi u jinbena ġejjieni aħjar għal kulħadd. Fid-dawl ta' dan, il-KESE appoġġja l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bl-isem ta' “L-edukazzjoni hija investiment! L-infiq fl-edukazzjoni m'għandux jitqies fid-defiċit!” (3) Il-Kumitat iwissi li t-tnaqqis li qed jiġi applikat għall-baġits tal-edukazzjoni u t-taħriġ qed joħloq sitwazzjonijiet fejn inizjattivi u proposti vitali qed jispiċċaw sempliċiment dikjarazzjonijiet ta' intenzjoni tajba. Billi jqis l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwi li l-KE torganizza “Jum Ewropew għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ” fl-2015. |
|
1.17 |
Il-KESE jikkunsidra li l-industriji u l-impriżi għandhom jinvestu fl-għodda tal-produzzjoni u jimplimentaw il-politiki tas-salarji u ta’ komunikazzjoni tagħhom sabiex is-settur industrijali jsir aktar attraenti. It-titjib tad-djalogu bejn l-intrapriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' taħriġ vokazzjonali jista' jirrappreżenta pass importanti sabiex naffrontaw it-tema tal-impjegabbiltà u jista’ jnaqqas l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda. |
|
1.18 |
L-inizjattivi kollha adottati biex itejbu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ għandhom ikunu ffinanzjati b'mod adegwat, permezz tal-FSE u fondi strutturali oħra. Il-KESE jirrakkomanda li, meta jintużaw il-Fondi Strutturali, għandha ssir enfasi partikolari fuq l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, inkluża azzjoni biex jiġu pprogrammati mill-ġdid fondi mhux minfuqa, fejn xieraq. |
2. Introduzzjoni
|
2.1 |
L-industrija Ewropea tinkludi firxa wiesgħa ta’ kumpaniji, fosthom kumpaniji kbar, SMEs, u mikroindustriji, b’rekwiżiti tax-xogħol differenti. Għalhekk għandha bżonn ħaddiema b'ħiliet u kapaċitajiet differenti. Dawn id-differenzi għandhom jiġu kkunsidrati fit-tfassil tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ. Id-djalogu soċjali bejn min iħaddem u t-trejdjunjins għandu jibqa' jiġi żviluppat u użat bħala għodda importanti biex jidentifika perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol, biex ikattar il-ħolqien tal-impjiegi, biex jaqsam prattiċi ta’ taħriġ aktar adegwati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u biex iħeġġeġ lin-nisa u l-irġiel żgħażagħ biex itejbu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom sabiex jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tal-industrija li qed jiżviluppaw. |
|
2.2 |
L-UE u l-Istati Membri jeħtieġu politika industrijali li tiffaċilita t-tkabbir u tħeġġeġ il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja (4). Il-KE tqis li hemm bżonn ta' sħubija soda bejn l-UE, l-Istati Membri u l-industrija, sabiex jiġi żgurat qafas ta' kooperazzjoni effettiv u biex jiġu stimulati investimenti f’teknoloġiji u riżorsi umani li jistgħu jipprovdu vantaġġ kompetittiv lis-settur industrijali Ewropew fuq kompetituri globali oħra. Biex tindirizza dan u l-kwistjoni ġenerali tal-impjegabbiltà fl-industrija, il-KE assigurat (5) li wieħed mill-pilastri tal-politika industrijali l-ġdida se jkun l-investimenti fin-nies u l-ħiliet. |
|
2.3 |
Il-kriżi finanzjarja li bdiet fl-2008 dgħajfet serjament ħafna ekonomiji Ewropej u sa issa l-irkupru qed iseħħ bil-mod ħafna. Kwistjoni li tista’ tagħmel l-irkupru aktar diffiċli u li l-konsegwenzi tagħha għall-ġejjieni jistgħu jkunu saħansitra aktar inkwetanti hija l-kriżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li teħtieġ li l-gvernijiet, min iħaddem, il-ħaddiema u s-soċjetà ċivili jaħdmu flimkien biex jippromwovu, joħolqu u jżommu impjiegi diċenti u produttivi. |
|
2.4 |
Il-mexxejja Ewropej jidhru li qegħdin jieħdu din il-kriżi bis-serjetà, iżda kif il-KESE diġà enfasizza f’opinjonijiet preċedenti (6), l-inizjattivi l-ġodda mhux se jgħinu biex tissolva l-problema sakemm ma jindirizzawx l-għeruq tagħha. Il-kwistjoni saret sfida kemm politika kif ukoll ekonomika. Ikun żbaljat li wieħed jiġġeneralizza – is-sitwazzjoni ċertament mhijiex l-istess f’kull pajjiż u f'kull livell lokali, iżda għal ħafna żgħażagħ Ewropej, madankollu, il-finanzjament u t-tlestija tal-istudji tagħhom, it-tfittxija ta' impjieg vera u mhux biss impjieg fuq perjodu qasir jew apprendistat, it-tnedija tal-proġett jew in-negozju tagħhom stess, il-ħajja indipendenti jew it-trobbija ta' familja huma kollha parti mill-istess ġlieda ta' kuljum. Għalkemm il-qgħad mhux fenomenu ġdid fl-Ewropa, il-qgħad fost iż-żgħażagħ li qed jiżdied huwa wieħed mill-aktar effetti viżibbli tal-kriżi ekonomika attwali, kemm fir-rigward tat-telf tal-impjiegi kif ukoll fin-nuqqas ta' ħolqien tal-impjiegi (7). |
|
2.5 |
Ħafna inizjattivi pożittivi tal-UE (bħall-Inizjattiva Garanzija għaż-Żgħażagħ) se joffru taħriġ fuq ix-xogħol u apprentistati. Madankollu huma mhux dejjem jiggarantixxu aċċess għal impjieg. U dan jenfasizza nuqqas ta' qbil kbir: l-impjiegi normalment huma konsegwenza tat-tkabbir ekonomiku. Il-KESE diġà saħaq li hemm bżonn ta' strateġija ta’ tkabbir reali fil-livell nazzjonali u tal-UE biex tappoġġja l-ħolqien ta’ impjiegi aħjar u iktar stabbli għaż-żgħażagħ. Il-KESE jemmen li huwa ta’ importanza fundamentali li l-gvernijiet jagħmlu sforzi impressjonanti u korrettivi biex jevitaw li l-kriżi teskala. Bħalma indikat il-KE, “iż-żgħażagħ huma l-qofol tad-dinamiżmu u l-prosperità futuri tal-Ewropa” (8). |
|
2.6 |
Il-kunċett ta’ “impjegabbiltà” m'għandu l-ebda definizzjoni universalment aċċettata, huwa kunċett dinamiku u hemm xejra ġenerali lejn twessigħ biex jinkludi fatturi kuntestwali. Minkejja l-importanza tagħha fil-kwistjonijiet tas-suq tax-xogħol, l-impjegabbiltà hija diffiċli biex titkejjel; hemm approċċi multipli għad-definizzjoni tal-impjegabbiltà. L-impjegabbiltà hija affettwata kemm minn fatturi marbuta mal-provvista kif ukoll mad-domanda, li spiss m'humiex fil-kontroll tal-individwu. Fi żmien ta’ kriżi ekonomika u soċjali, l-Ewropa teħtieġ li jiġu utilizzati bl-aħjar mod il-kreattività, l-enerġija u l-kapaċitajiet potenzjali kollha tal-popolazzjoni tagħhom, minn kull sfond soċjoekonomiku. Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b'saħħithom u attivi sew, għandhom rwol abilitanti importanti. |
|
2.7 |
L-impjegabbiltà hija ddeterminata ħafna mill-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ ipprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali u lokali. Filwaqt li jinnota li l-awtoritajiet lokali qed jaħdmu biex jinstab il-bilanċ tajjeb li jippermetti titjib f'dan ir-rigward, il-KESE jqis li s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ attwali mhux dejjem jirriflettu b'mod koerenti d-deċiżjonijiet meħuda fil-livell Ewropew. Minkejja t-talbiet tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, lill-awtoritajiet lokali biex jaqsmu r-risposti istituzzjonali tagħhom għall-problemi ta' mobilità taż-żgħażagħ u t-taħriġ, itejbu l-kwalità tat-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni u l-aġġornamenti, jirrispondi b'mod xieraq għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, jikkonformaw bi skeda ta' kisbiet relatati mal-objettivi komuni u bil-benchmarks u r-riżultati, janalizzaw u jintegraw ir-riżultati tal-istudji u r-riċerka, għad hemm wisq ostakli istituzzjonali u nuqqas ta' impenn reali li qed jostakolaw żona komuni Ewropea reali tal-edukazzjoni u t-taħriġ. |
|
2.8 |
Min iħaddem huwa konxju tal-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-impjegati tal-lum, iżda jeħtieġ li jkunu aktar konxji tal-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-impjegati futuri f'kambjament mgħaġġel fuq il-post tax-xogħol, b'mod partikolari minħabba l-iżvilupp ta' teknoloġiji li jagħmluha vitali għall-impjegati biex jakkwistaw ħiliet ġodda u jaġġornawhom kontinwament. Il-kumpaniji għandhom karatteristiċi differenti u ħtiġijiet differenti, għalhekk huwa essenzjali li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jkunu addattabbli u flessibbli fil-ħiliet li jgħallmu. Kif enfasizza l-KESE fl-opinjoni tiegħu SOC/476, hija meħtieġa bil-qawwa kooperazzjoni aħjar u aktar rilevanti bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni fil-livelli kollha u l-industrija. |
|
2.9 |
Fid-dawl tal-fatt li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mhumiex l-uniċi elementi li jiffurmaw l-impjegabbiltà ta' individwu, approċċ li jiffoka fuq l-edukazzjoni waħedha huwa restrittiv wisq. L-iskemi ta' traineeships ta' kwalità, it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol (fl-iskejjel jew fil-kumpaniji) jew l-apprendistati u l-programmi mmirati għall-impjieg għandhom jiġu kkunsidrati bħala modi ewlenin ta’ kif iż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol, iżda ma jistgħux jitqiesu bħala s-soluzzjoni għall-problema tal-impjegabbiltà. Huwa importanti li wieħed jagħraf li s-swieq tax-xogħol huma integrati fis-soċjetà u l-kultura, kif inhuma l-istituzzjonijiet ekonomiċi, u li normi u drawwiet informali jifformaw ukoll il-prattiki tas-suq tax-xogħol. |
|
2.10 |
Il-KESE jemmen li dak li ġie diskuss u approvat fil-livell Ewropew dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ ma jistax jiġi tradott għal sempliċi skambju ta' prattika tajba. F'dan ir-rigward, huwa mixtieq li s-sistemi ta' taħriġ ikunu kapaċi jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' impjieg, waqt li joħolqu professjonisti ġodda li jistgħu jlaħħqu mal-bidliet kontinwi fl-organizzazzjoni tax-xogħol u s-soċjetà moderna. Filwaqt li jqis, għalhekk, l-iskadenzi stabbiliti għall-ET 2020 u d-Dikjarazzjoni ta' Bruges, il-KESE jitlob li ssir valutazzjoni u analiżi bir-reqqa ta' kif l-impenji jiġu implimentati fil-prattika u tal-objettivi miksuba. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1 |
F’numru ta’ opinjonijiet, is-CCMI enfasizzat għadd ta’ kwistjonijiet ekonomiċi, industrijali u soċjali inklużi l-impjegabbiltà u t-taħriġ mill-ġdid, b’mod partikolari matul il-kriżi attwali (9). Marbuta mal-Garanzija għall-Impjieg taż-Żgħażagħ approvata mill-Kummissjoni Ewropea f’Ġunju 2013, l-imsieħba soċjali Ewropej (10) ippreżentaw qafas għal azzjoni konġunta dwar l-impjieg taż-żgħażagħ li jiffoka fuq l-għarfien, it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, l-impjiegi u l-iżvilupp tal-intraprenditorija. |
|
3.2 |
Iż-żgħażagħ huma l-preżent u l-futur tal-Ewropa u sors rikk ta' dinamiżmu fis-soċjetajiet tagħna. Madankollu, l-inklużjoni soċjali u ekonomika taż-żgħażagħ tippreżumi u tirrikjedi sekwenza ta' tranżizzjonijiet ta' suċċess. F'kuntest fejn it-tranżizzjoni għall-ħajja adulta saret iktar kumplessa, edukazzjoni ta' kwalità għal kulħadd u swieq tax-xogħol inklużivi huma l-istrumenti ewlenin ta' dawn it-tranżizzjonijiet ta' suċċess. Hemm bżonn ta' approċċ olistiku sabiex jittrawmu swieq tax-xogħol dinamiċi, miftuħa u mobbli għaż-żgħażagħ, b'miżuri u riżorsi xierqa li jiffokaw fuq il-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar, riżultati ta' tagħlim ta' kwalità għolja, u tqabbil aħjar bejn il-provvista u d-domanda tal-ħiliet, inkluż permezz tal-firxa ta' tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol madwar l-Ewropa. |
|
3.3 |
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'ħafna mill-Istati Membri (b'mod partikolari dawk li ntlaqtu l-iktar mill-kriżi attwali), b'diversi modi enfasizzaw l-importanza li l-approċċ individwali għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol ikun marbut ma' approċċ kollettiv (il-kuntest, l-ambjent, l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol) li jikkunsidra l-aspettattivi u l-aspirazzjoni taż-żgħażagħ. Sabiex ikunu għal kollox effettivi, dawn il-miżuri għandhom jiġu inċentivati permezz tal-fondi Ewropej u miżuri li jsaħħu t-tkabbir, u mhux limitata għal EUR 6-8 biljun tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, somma li ghandha tiżdied sostanzjalment. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1 |
Il-prinċipji u l-metodi ta' ħidma tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u l-Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships isaħħu l-konvinzjoni tal-KESE l-apprentistati u l-esperjenzi qosra tax-xogħol huma strumenti importanti biex iż-żgħażagħ jiksbu ħiliet u esperjenza tax-xogħol u għandhom jagħmlu parti mill-istrateġiji korporattiva. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-industrija jiżguraw il-kwalità u r-rilevanza tal-attivitajiet proposti, u li jiġi stabbilit qafas xieraq, fejn ir-responsabbiltajiet, id-drittijiet u l-obbligi ta’ kull parti interessata jkunu fformulati b’mod ċar u jistgħu jiġu infurzati fil-prattika. |
|
4.2 |
Meta wieħed jikkunsidra li l-kisba ta' kwalifiki universitarji rikonoxxuti f’diversi livelli hija importanti imma ma għadhiex biżżejjed, il-Kumitat jemmen li matul l-implimentazzjoni tal-għanijiet u l-programmi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, għandhom jittieħdu miżuri konkreti biex jippermettu lill-gradwati żgħażagħ jiksbu ħiliet għax-xogħol, inklużi, fost oħrajn, esperjenza fil-ġestjoni u l-ħidma f'tim, abilitajiet ta' soluzzjoni tal-problemi u kreattività biex itejbu l-possibilitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol. |
|
4.3 |
F'mudelli ta' tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol, bħas-sistema ta' tagħlim parallela, parti sinifikanti tat-taħriġ jitwettaq fi ħdan il-kumpaniji. Iż-żgħażagħ għandu jkollhom il-possibbiltà li jalternaw bejn tagħlim fl-iskola u taħriġ fuq ix-xogħol f’kumpanija. Il-KESE huwa konvint mis-suċċess tas-sistemi ta' tagħlim paralleli, kif implimentati f'xi wħud mill-Istati Membri. Ir-responsabbiltajiet kondiviżi, kemm min-naħa tal-pubbliku kif ukoll min-naħa tan-negozji, sabiex ikun hemm investiment fil-futur, huma kruċjali għal skemi ta' apprendistati li jkollhom suċċess. |
|
4.4 |
Huwa tajjeb li jiġi stimulat it-tagħlim, bil-kundizzjoni li dan ma jiddependix biss mill-isforz li kull persuna tista’ u jeħtieġ li tagħmel. Jekk dan ma jiġrix, il-gruppi li diġà uma l-iżjed żvantaġġati jew marġinalizzati jkomplu jiġu ssegregati b’mod kollettiv. Għandhom ikomplu jiġu żviluppati miżuri nazzjonali u lokali konkreti li joffru tagħlim tul il-ħajja aċċessibbli għal kulħadd, bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili u b'evalwazzjoni regolari tar-riżultati. |
|
4.5 |
Meta jiġu riveduti s-sistemi tal-edukazzjoni/tat-taħriġ huwa importanti li jiġi żgurat li l-edukazzjoni tista' tibqa' professjoni attraenti u kompetittiva. Ħajja mill-ġdid għall-professjoni tal-għalliem hija wkoll marbuta mal-adattament aħjar għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; Hemm bżonn għalliema motivati u ppreparati sew, biex ikunu jistgħu jittrattaw firxa varjata ta’ talbiet mis-soċjetà, l-industrija u l-istudenti. |
|
4.6 |
L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-pariri dwar il-karriera għandhom jappoġġjaw liż-żgħażagħ nisa u rġiel fl-isforzi tagħhom biex jiksbu edukazzjoni, kwalifiki u ħiliet aħjar. Materjal ta’ gwida dwar il-karrieri għandu jinkludi informazzjoni ċara dwar l-impjiegi disponibbli u l-prospetti ta' karriera fis-suq tax-xogħol (11). Il-KESE laqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi l-programm Erasmus +, li jiffavorixxi wkoll taħriġ vokazzjonali transkonfinali, u jittama li, kif miftiehem, se jkun kompletament operattiv minn Jannar 2014. Il-ftehim li ntlaħaq reċentament bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali ntlaqa’ bil-kbir. |
|
4.7 |
L-Istati Membri għandhom jipprovdu inċentivi għal l-universitajiet u l-unitajiet ta' riċerka u żvilupp li joffru korsijiet ta' lawrja li jaqblu mal-ħtiġijiet tas-suq globalizzat; dan jista' jgħin biex jiġi promoss livell għoli ta' professjonaliżmu. |
|
4.8 |
L-introduzzjoni tat-taħriġ obbligatorju jista' jkun ikkunsidrat bħala tip ta' “assigurazzjoni tal-karriera”. Madankollu, l-apprendistat u t-taħriġ m’għandhomx isiru mezz għall-firxa ta’ xogħol irħas jew mhux imħallas. Għandhom jiġu rikonoxxuti l-aħjar prattiki tal-industrija u m'għandhomx jiġu ttolerati abbużi. Kwalunkwe perjodu ta' tagħlim jew taħriġ għandu jirriżulta f'diploma jew ċertifikat li jirrikonoxxi l-kwalifiki miksuba. |
|
4.9 |
Minħabba d-differenzi eżistenti bejn iż-żgħażagħ nisa u rġiel li jidħlu fis-swieq tax-xogħol, il-KESE jenfasizza l-importanza li l-qgħad fost iż-żgħażagħ ikun indirizzat b'perspettiva tal-ġeneru xierqa, inkluża azzjoni konkreta fejn meħtieġ. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ għalhekk tispeċifika li l-iskemi ta’ garanzija għaż-żgħażagħ għandhom iqisu s-sess tal-individwu u d-diversità taż-żgħażagħ fil-mira (12). |
|
4.10 |
Biex titjib l-impjegabbiltà, għandu jsir kull sforz sabiex l-kondizzjonijiet attwali.jkunu riflessi. Aktar ma l-miżuri ta' politika jagħmlu dan, aktar hemm ċans li tingħata spinta lill-impjegabbiltà. Kwalunkwe azzjoni mfassla sabiex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku għandha tkun marbuta ma' kundizzjonijiet prattiċi peress li din hi l-unika triq għall-eċċellenza sostenibbli. Il-ħolqien ta’ sħubijiet lokali se jkun utli biex jiżdied id-djalogu u l-azzjonijiet biex jiġi affrontat il-qgħad fost iż-żgħażagħ. Istituzzjonijiet lokali, universitajiet, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, awtoritajiet pubbliċi u korpi ta' taħriġ vokazzjonali, junjins u min iħaddem li joperaw fl-istess żona lokali – dawn għandhom isibu mod ta' kif jaħdmu flimkien biex jidentifikaw strateġiji possibbli komuni. Il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet lokali se jkunu rikonoxxuti u ikkunsidrati aħjar biex itejbu l-opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ. |
|
4.11 |
L-Istati Membri għandhom jinkludu korsijiet fl-intraprenditorija fil-kurrikuli tal-iskejjel u jippromovu prattika ta' intraprenditorija f'mudelli ta' tagħlim fuq ix-xogħol, skont il-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid dwar l-Intraprenditorija 2020 imniedi mill-Kummissjoni Ewropea. L-intraprenditorija għandha titqies bħala kunċett wiesgħa li m'għandhiex biss l-għan li jinħolqu n-negozji. In-nies għandhom jitgħallmu u jifhmu kif iridu jkunu imprendituri f'ħajjithom stess minn età żgħira. L-edukazzjoni intraprenditorjali għandha tipprepara liż-żgħażagħ għall-ħajja billi tgħallimhom biex juru inizjattiva, jassumu r-responsabbiltà u janalizzaw sitwazzjonijiet. Il-KESE jemmen li l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-kompetenzi bħall-kreattività, l-inizjattiva, tenaċità, u ħidma f'tim huma essenzjali għal kulħadd, mhux biss għall-intraprendituri futuri li jixtiequ jistabbilixxu n-negozji. Dawn il-ħiliet għandhom jgħammru ġenerazzjoni biex din taħdem b'mod effettiv fis-setturi kollha u tixpruna l-infrastruttura meħtieġa għal ekonomija Ewropea ta' suċċess. |
|
4.12 |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Ewropa “teħtieġ bidla kulturali radikali mifruxa” (13) biex tintroduċi metodoloġiji tat-tagħlim intraprenditorjali effettivi fil-klassi. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġu introdotti bidliet fit-taħriġ tal-għalliema u l-Istati Membri għandhom jingħataw pariri li jfasslu biżżejjed dispożizzjonijiet għall-iżvilupp tal-għalliema f'dan il-qasam. It-twettiq tal-politika tiddependi minn persunal adattat, li jeħtieġ li jkun imħarreġ u appoġġjat. |
|
4.13 |
F’opinjonijiet preċedenti, il-KESE (14) diġà ġibed l-attenzjoni għall-implikazzjonijiet tat-tnaqqis tar-rwol tal-kuntratti permanenti għall-impjieg ta’ nisa u rġiel żgħażagħ u rrakkomanda li jiġu kkunsidrati r-riskji li jiġu minn dan l-iżvilupp. Il-kuntratti temporanji, li llum il-ġurnata huma komuni għaż-żgħażagħ, partikolarment għal dawk li għadhom qed jibdew il-karriera tagħhom, wasslu għal suq tax-xogħol iktar segmentat. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lil dan l-aspett, li wkoll għandu implikazzjonijiet importanti għax-xbieki tas-sigurtà soċjali (inqas kontribuzzjonijiet) u l-koeżjoni fis-soċjetajiet tal-Istat Membri. |
|
4.14 |
Il-kriżi ekonomika u soċjali attwali qed timponi restrizzjonijiet fuq deċiżjonijiet baġitarji tal-Istati Membri tal-UE, speċjalment dawk soġġetti għal programmi ta' aġġustament fiskali – sitwazzjoni li qed tiggrava minħabba t-tnaqqis fil-baġit tal-UE stess. Il-Kumitat iwissi li t-tnaqqis li qed jiġi applikat għall-baġits tal-edukazzjoni u t-taħriġ qed joħloq sitwazzonijiet fejn inizjattivi u proposti vitali qed jispiċċaw sempliċiment dikjarazzjonijiet ta' intenzjoni tajba. Fid-dawl ta' dan, il-KESE jappoġġja l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bl-isem ta' “L-edukazzjoni hija investiment! L-infiq fl-edukazzjoni m'għandux jitqies fid-defiċit!” |
|
4.15 |
L-inizjattivi kollha biex itejbu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ għandhom ikunu implimentati f'waqthom madwar l-Ewropa, u iffinanzjati b’mod adegwat, permezz tal-FSE u fondi strutturali oħra. Il-KESE jħoss li dan huwa investiment kruċjali fil-futur tal-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej. Dawn l-inizjattivi għandhom ikunu aċċessibbli faċilment għaż-żgħażagħ kollha mingħajr diskriminazzjoni. Il-partijiet interessati rilevanti (inklużi l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ) fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riżultati tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li, meta jintużaw il-Fondi Strutturali, għandha ssir enfasi partikolari fuq l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, inkluża azzjoni biex jiġu pprogrammati mill-ġdid fondi mhux minfuqa, fejn xieraq. |
Brussell, 30 ta' April 2014
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) Il-kunċett ta' “Impjiegi Diċenti” tfassal mill-kostitwenti tal-ILO – gvernijiet, impjegaturi u ħaddiema – abbażi ta' fehim li x-xogħol huwa sors ta' dinjità umana, koeżjoni soċjali, paċi fil-komunità, demokrazija u tkabbir ekonomiku li jwessa' l-opportunitajiet għal impjiegi ta' kwalità u l-iżvilupp tal-intrapriżi. ILO, www.ilo.org.
(2) Ara “Key Data on Teachers & School Leaders in Europe”. 2013, Rapport Eurydice, Kummissjoni Ewropea.
(3) Fuq inizjattiva taċ-ċittadini Griegi u promossa minn DIKTIO – “The Network”.
(4) Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li sal-2020, is-settur industrijali għandu jgħodd għal 16 % tal-PDG tal-UE.
(5) Kummissjoni Ewropea, 10 ta' Ottubru 2012, “Industrija Ewropea Aktar b’Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku”.
(6) ĠU C 68/11, 6.3.2012, p. 11-14, ĠU C 143/94, 22.05.2012, p; 94-101; ĠU C 299/97, 4.10.2012, p. 97-102; ĠU C 11, 15.1.2013, p. 8-15; ĠU C 161, 06.06.2013, p. 67-72.
(7) “Fi żminijiet ta' tnaqqis ekonomiku, l-impjegati żgħażagħ mhux biss huma l-aħħar li jiġu impjegati iżda wkoll l-ewwel li jintbagħtu 'l barra, billi jiswa iktar għal dawk li jħaddmu li jagħtu s-sensja lil ħaddiema ikbar fl-età. Hemm inqas ċans li l-ħaddiema żgħażagħ ikunu ngħataw taħriġ mill-kumpanija, għandhom inqas ħiliet, u huma ta' spiss fuq kuntratti temporanji” [...] “Anke meta ż-żgħażagħ huma impjegati, jistgħu ma jkunux f'impjiegi tajbin. Fil-pajjiżi żviluppati, ħafna drabi jkunu fuq kuntratti temporanji sabiex ikun iktar faċli li jingħataw is-sensja, jew ikollhom xogħol li ma jisfruttax il-kapaċitajiet tagħhom billi jkun ta' livell inqas mill-kwalifiki tagħhom.” (Forum Ekonomiku Dinji – Viżwalizzazzjoni tal-Qgħad fost iż-Żgħażagħ 2013) http://www.weforum.org/community/global-agenda-councils/youth-unemployment-visualization-2013.
(8) COM(2013) 447 final, Ġunju 2013.
(9) “Il-politika industrijali, għandha dimensjoni soċjali qawwija li taffettwa l-livelli kollha tas-soċjetà [...] is-settur tal-edukazzjoni u l-universitatjiet, il-konsumaturi u ċ-ċittadini. Il-politika industrijali hija marbuta kemm mar-ristrutturar kif ukoll mal-antiċipazzjoni. Għandha tipprovdi edukazzjoni, taħriġ u informazzjoni aġġornati, u trawwem it-teknoloġija, l-innovazzjoni, il-kreattività u l-intraprenditorija. Irid jiġi antiċipat ukoll it-tibdil demografiku u ssir reazzjoni adatta.”. ĠU C 327, 12.11.2013, p. 82.
(10) ETUC, BUSINESS EUROPE, UEAPME u CEEP, 11 ta' Ġunju 2013.
(11) ĠU C 327, 12.11.2013, p. 58-64.
(12) “Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija waħda mid-dimensjonijiet li l-miżuri ta’ politika għandhom iqisu sabiex effettivament jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ.[…]. In-nisa żgħażagħ huma aktar probabbli milli ż-żgħażagħ irġiel li jkunu bla impjieg, edukazzjoni jew taħriġ [...] Iż-żgħażagħ irġiel ikollhom tranziżżjoni ta' suċċess (jiġifieri b'kuntratt permanenti). B'kuntrast, in-nisa żgħażagħ huma aktar probabbli li jkunu ħaddiema part-time u temporanji u jibdew fil-pożizzjoni doppjament fraġli ta' post temporanju u part-time. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ għalhekk tispeċifika li l-Iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom jagħtu attenzjoni lis-sessi u d-diversità taż-żgħażagħ fil-mira.” László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, Mejju 2013.
(13) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020.
(14) Opinjoni tal-KESE dwar Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi, ĠU C 299, 4.10.2012, p. 97-102.