8.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/13


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk”(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 214/03

Relatur: is-Sur NARRO

Korelatur: is-Sur MORENO

Fis-sessjoni plenarja ta' Frar 2013, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha fl-4 ta' Frar 2014.

Matul l-496 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Frar 2014 (seduta tas-26 ta' Frar 2014) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'179 vot favur, 3 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jinnota r-relazzjonijiet kummerċjali msaħħa bejn l-UE u l-Marokk. Madankollu jappella li s-soċjetà ċivili tkun involuta aktar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet u jappoġġja li l-iżvilupp sostenibbli jiġi inkluż b'mod effettiv u wiesa'.

1.2

Il-KESE jinnota li l-Marokk qed jibża' li l-ftehimiet kummerċjali l-ġodda mal-UE ser ikomplu jikkontribwixxu b'mod negattiv għall-bilanċ tal-kummerċ tiegħu. Fil-kuntest tax-xettiċiżmu dejjem jikber tas-soċjetà ċivili Marokkina, l-UE trid tirrispondi permezz ta' strateġija kummerċjali li minbarra li tippromovi l-iskambju tal-merkanzija tqiegħed ukoll is-sisien għall-ħolqien ta' impjiegi deċenti u kwalifikati, il-promozzjoni tal-ispirtu ta' assoċjazzjoni, il-konsolidazzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema (1) u r-rispett tal-ambjent.

1.3

Sabiex jiġi żgurat ir-rispett tar-regoli dwar l-iżvilupp sostenibbli b'segwitu għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles profondi u komprensivi, il-KESE jħeġġeġ lid-DĠ Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea jenfasizza li fil-ftehim jiġi inkluż kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli, li jinkludi mekkaniżmi ta' segwitu mis-soċjetà ċivili.

1.4

L-UE tista' tibbenefika b'mod sħiħ mill-potenzjal ta' qafas kummerċjali ġdid mal-Marokk biss jekk isir progress fil-protezzjoni tal-investiment u tiġi garantita ċ-ċertezza legali għall-investituri. Il-KESE jindika li l-mekkaniżmu l-ġdid għar-riżoluzzjoni tat-tilwim kummerċjali jipprovdi inċentiv biex jinħoloq ambjent ta' negozju aktar favorevoli.

1.5

Madankollu l-KESE jinsisti li s-segwitu tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles profondi u komprensivi mis-soċjetà ċivili għandu jiġi kkoordinat rispettivament mill-Kumitat Ekonomiku, Soċjali u Ambjentali tal-Marokk u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, peress li dawn il-korpi għandhom ir-rappreżentanza u l-għarfien espert akkumulat biex iwettqu tali segwitu.

1.6

L-UE u l-Marokk għandhom ifittxu li jsaħħu l-potenzjal sħiħ ta' ftehim bħal dan billi jżidu l-livelli ta' investiment fl-oqsma kollha ta' taħriġ u fil-miżuri għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa kemm jista' jkun malajr. Għandha tingħata prijorità lill-ħtiġijiet speċifiċi taż-żgħażagħ, in-nisa u l-persuni li jkunu ġejjin mill-aktar żoni żvantaġġati. Il-KESE jemmen li l-programmi ta' għajnuna finanzjarja tal-UE jikkontribwixxu biex isir iżjed progress fid-drittijiet tal-bniedem, il-liġijiet tax-xogħol kif ukoll il-leġislazzjoni dwar l-ugwaljanza.

1.7

Jekk jingħata appoġġ finanzjarju qawwi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-istrumenti legali u operattivi, l-implimentazzjoni tas-Sħubija għall-Mobilità bejn il-Marokk u l-UE ser toħloq prospetti ġodda ta' żvilupp fl-aktar żoni vulnerabbli. Il-flussi migratorji u l-moviment liberu tal-persuni jistgħu jiġu mmaniġġjati aħjar bis-saħħa tal-parteċipazzjoni aktar attiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.8

Il-Marokk jappoġġja l-biedja bħala waħda mill-attivitajiet li jixprunaw l-ekonomija tiegħu. L-opportunitajiet ġodda għall-biedja Marokkina fis-suq Ewropew m'għandhomx iwasslu biex il-pajjiż jibda jiddependi minn pajjiżi oħra għall-materja prima bażika, inaqqas il-bijodiversità u jitlef il-biedja tal-familja (2). Il-Marokk u l-UE għandhom jikkooperaw biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-ikel.

1.9

In-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv għandhom iqarrbu l-leġislazzjoni Marokkina lejn l-acquis communautaire. Dan il-proċess ser ikun wieħed kumpless u ser jeħtieġ kooperazzjoni kontinwa u mill-qrib u perjodi ta' żmien realistiċi għal suġġetti tant importanti bħall-proprjetà intellettwali u l-istandards tas-saħħa pubblika u tas-saħħa tal-pjanti.

1.10

Il-KESE jitlob li l-atturi ekonomiċi u soċjali tal-Marokk u tal-UE jieħdu sehem aktar attiv fit-tfassil, il-monitoraġġ u l-iżvilupp tal-ftehimiet kummerċjali. F'dan il-qafas, il-KESE jipproponi li jinħoloq kumitat konsultattiv konġunt magħmul mill-Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Ambjentali (KESA) tal-Marokk u l-KESE, fuq il-bażi tal-Artikolu 85 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni sabiex is-soċjetà ċivili organizzata tkun tista' ssegwi l-impatt tal-ftehimiet kollha bejn l-UE u l-Marokk, inkluż l-impatt totali tal-ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk. Barra minn hekk, għandhom jissaħħu r-relazzjonijiet diretti bejn l-organizzazzjonijiet simili mill-Marokk u mill-UE, filwaqt li jiġu appoġġjati l-inizjattivi tagħhom f'dak li hu djalogu soċjali bejn il-ħaddiema u min iħaddem u f'oqsma oħra.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-UE u l-Marokk għandhom relazzjoni bilaterali soda li wasslet għal ftehimiet importanti fejn il-promozzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali kienet wieħed mill-pilastri ewlenin. L-UE mhux talli hi l-imsieħeb kummerċjali prinċipali tal-Marokk, iżda talli wkoll appoġġjat lil dan il-pajjiż bħala msieħeb strateġiku prijoritarju fil-ħidma favur id-demokrazija u l-prosperità fiż-żona tal-Mediterran.

2.2

Tradizzjonalment ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk kienu karatterizzati minn negozjati intensi u kultant problematiċi dwar l-aċċess għas-suq u l-liberalizzazzjoni gradwali tat-tariffi doganali. Il-biedja kienet fil-qalba ta' ħafna minn dawn id-diskussjonijiet, imma bħalissa, f'kuntest ta' liberalizzazzjoni kważi totali fis-settur agrikolu, qed jintużaw strumenti ġodda li jwasslu għal dinamika usa' li ttejjeb l-ambjent kummerċjali kollu.

2.3

Il-Marokk daħal fi proċess kumpless sabiex joqrob lejn l-acquis communautaire. B'dan l-isforz hu għandu jkun jista' jibbenefika aħjar mill-istrumenti li toffri l-Politika Ewropea tal-Viċinat u jilħaq livell ogħla ta' integrazzjoni. Ir-Renju tal-Marokk għadu l-benefiċjarju prinċipali tal-fondi Ewropej fil-qasam tal-kooperazzjoni teknika u finanzjarja.

2.4

Ir-risposta tal-UE għar-“Rebbiegħa Għarbija” kienet iffokata fuq il-promozzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali ma' erba' pajjiżi tal-Mediterran: l-Eġittu, it-Tuneżija, il-Ġordan u l-Marokk. L-UE ħaffet il-pass tal-proċess tan-negozjati mal-Marokk u msieħba oħra fil-Mediterran, u fl-istess ħin biddlet il-mod kif taqra r-realitajiet politiċi u ekonomiċi tar-reġjun u rrevediet fil-fond l-istrateġija politika tagħha għaż-żona tal-Mediterran kollha.

2.5

Min-naħa tiegħu, il-Marokk beda għadd ta' riformi li wasslu għal kostituzzjoni ġdida li għandha tadatta għall-bidliet li seħħew fir-reġjun tal-Mediterran u tirrispetta r-rekwiżiti Ewropej biex isir progress fl-integrazzjoni. Madankollu, il-KESE jemmen li l-isfidi jibqgħu kbar immens u li dawn jitolbu azzjoni kontinwa u konsistenti fit-tul.

2.6

F'din il-perspettiva kummerċjali l-ġdida, huwa indispensabbli li naħsbu dwar kif nistgħu niggarantixxu l-parteċipazzjoni effettiva tas-soċjetà ċivili tal-UE u tal-Marokk fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali, skont il-prinċipju tal-involviment tas-soċjetà ċivili fi ftehimiet kummerċjali oħrajn maqbula mill-UE reċentament. Hawnhekk għandna nikkunsidraw ukoll l-inklużjoni tal-preokkupazzjonijiet soċjali u ambjentali ta' soċjetà li bil-mod il-mod qed tirrikjedi li s-sostenibbiltà tkun il-linja li tiggwida l-ftehimiet kummerċjali futuri.

3.   It-triq twila tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk

3.1

L-UE hi l-imsieħeb kummerċjali ewlieni u l-investitur barrani prinċipali tal-Marokk. Warajha, b'qabża konsiderevoli, hemm potenzi kbar bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina, li fl-aħħar snin għamlu sforz biex isaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom ma' msieħeb fil-Mediterran.

3.2

Il-Marokk jirrappreżenta ekonomija tas-servizzi u fl-aħħar snin wettaq sforzi kbar favur id-diversifikazzjoni settorjali. Il-parti l-kbira tal-kummerċ bejn l-UE u l-Marokk issir fis-settur tal-prodotti pproċessati, it-tagħmir tat-trasport u l-makkinarju, l-ikel u l-materjal kimiku. L-ekonomija Marokkina għandha potenzjal kbir ħafna, iżda fl-aħħar sena kien hemm tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku.

3.3

Fl-UE l-imsieħeb kummerċjali l-aktar importanti hu Franza, u qrib warajha jiġu Spanja u r-Renju Unit, li l-investimenti tagħhom huma ffokati fuq setturi bħat-turiżmu, is-servizzi, il-banek u t-trasport. Minkejja li l-kriżi ekonomika internazzjonali ma kinitx kiefra mal-Marokk, dan il-pajjiż qed jibda jbati d-danni kollaterali ta' kuntest ekonomiku inċert kif jidher f'setturi bħat-turiżmu, it-trasport jew ir-rimessi tal-emigranti. Il-faqar u l-qgħad mifrux qed joħolqu problemi ekonomiċi, ta' migrazzjoni u ta' sigurtà fir-reġjun. Din is-sitwazzjoni hi affettwata wkoll mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku Ewropew.

3.4

Fl-aħħar għaxar snin, ir-rabtiet kummerċjali tjiebu bis-saħħa tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' assoċjazzjoni fl-2000 u l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni f'Lulju 2005 bħala parti integrali mill-Politika Ewropea tal-Viċinat. L-Istatus Avvanzat mogħti fl-2008 fetaħ it-triq għal fażi ġdida ta' assoċjazzjoni aktar ambizzjuża u wiesgħa. Fl-2012 beda jintuża mekkaniżmu ġdid għar-riżoluzzjoni tat-tilwim kummerċjali. Fl-istess sena kien hemm żewġ ftehimiet kummerċjali kontroversjali, wieħed dwar il-biedja u l-ieħor dwar is-sajd. Fl-2013 l-UE fetħet in-negozjati mal-Marokk dwar ftehim marbut mal-protezzjoni reċiproka tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, u li l-partijiet qed jittamaw li jikkonkludu qabel l-2014.

4.   Ir-Rebbiegħa Għarbija u l-iżvilupp ta' perspettiva kummerċjali ġdida

4.1

Ir-Rebbiegħa Għarbija reġgħet ħeġġet lill-Unjoni Ewropea biex terġa' tibda taqdi rwol ġdid fir-reġjun permezz ta' reviżjoni fil-fond tal-azzjonijiet, l-istrumenti u r-relazzjonijiet tagħha. L-UE adottat strumenti ġodda biex tipprova tagħti risposta rapida u koordinata, bil-għan li fil-Mediterran tinħoloq żona ta' paċi u prosperità permezz tal-liberalizzazzjoni bilanċjata u gradwali tal-kummerċ.

4.2

F'Mejju 2012, il-Kummissjoni ppubblikat pjan direzzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fir-rigward tal-imsieħba tagħha tal-Mediterran fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat il-ġdida.

4.3

Il-promozzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-imsieħba tal-Mediterran, b'mod speċjali l-Marokk, saret mira importanti tal-UE f'din l-istrateġija l-ġdida li tfittex li tegħleb kuntest politiku u ekonomiku mimli inċertezzi.

4.4

Fl-1 ta' Marzu 2013, l-UE fetħet b'mod formali n-negozjati mal-Marokk dwar ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv. L-għan, kif diġà ntwera minn ftehimiet simili negozjati (iżda li għadhom mhumiex finalizzati) mal-ġirien tal-UE tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari l-Ukraina, il-Ġeorġja u l-Moldova, huwa li mmorru lilhinn mill-fruntieri biex tinħoloq koerenza regolatorja ikbar bejn l-UE u pajjiżi ġirien speċifiċi. L-għan hu li jiġu estiżi l-kwistjonijiet tradizzjonali marbutin mal-kummerċ u li jiġu indirizzati suġġetti fundamentali għat-titjib tal-ambjent kummerċjali kollu (protezzjoni tal-investimenti, akkwist pubbliku, servizzi, eċċ.), li l-Marokk joqrob lejn ir-regoli tas-suq intern Ewropew u li jitqiesu fid-dettall kwistjonijiet speċifiċi li ġew imwarrba fin-negozjati preċedenti (proprjetà intellettwali, il-miżuri tas-saħħa pubblika u tas-saħħa tal-pjanti, eċċ.).

Il-Kummissjoni Ewropea għarfet l-importanza tal-kapitolu dwar is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali fil-konklużjoni ta' dan il-ftehim il-ġdid, b'segwitu tal-preċedent li diġà ġie stabbilit f'kull ftehim kummerċjali reċenti li ntlaħaq mill-UE. Il-KESE, talab f'diversi opinjonijiet, talab ukoll biex l-UE tagħti prijorità wkoll lill-aspetti soċjali u ambjentali fin-negozjati dwar ftehimiet ta' kummerċ ħieles.

5.   L-aspetti kummerċjali tal-iżvilupp sostenibbli. In-negozjati bejn l-UE u l-Marokk dwar ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv.

5.1

Il-ftuħ tan-negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv hu l-aħħar fażi tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk. Ladarba tneħħew it-tariffi doganali fl-oqsma tal-biedja u l-prodotti industrijali, l-għan ewlieni hu li jitjieb l-ambjent tan-negozju u li l-leġislazzjoni Marokkina toqrob lejn l-acquis communautaire  (3). Dan il-ftehim bilaterali huwa importanti immens għaliex ser ikun il-mudell li jnebbaħ ftehimiet simili bejn l-UE u wħud mill-aktar imsieħba importanti tagħha fin-Nofsinhar tal-Mediterran.

5.2

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li fin-negozjati tinkludi kapitolu speċifiku dwar l-iżvilupp sostenibbli. Fil-fatt, il-kumpanija ta' konsulenza ECORYS wettqet, kif mitluba mill-UE, studju tal-impatt relatat mal-kapitolu tal-“iżvilupp sostenibbli” (4) tal-ftehim.

5.3

Dan l-istudju janalizza kwistjonijiet mill-aktar importanti u l-KESE jixtieq jagħti l-kontribut kostruttiv tiegħu dwarhom, sabiex iż-żewġ partijiet fin-negozjati jqisu li l-kummerċ għandu jkun ta' servizz għall-iżvilupp sostenibbli. Hawn taħt ser jiġu diskussi wħud mill-elementi indispensabbli li, fil-fehma tal-KESE, l-UE u l-Marokk għandhom jikkunsidraw sabiex ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jissaħħu b'mod konsistenti mal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali.

L-iżvilupp ekonomiku

5.4

Id-defiċit kummerċjali tal-Marokk mal-UE żdied fl-aħħar snin, sa ċertu punt minħabba l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, u ħoloq ċertu xettiċiżmu min-naħa tal-Marokk fir-rigward tal-“opportunitajiet” li joffri ftehim ġdid. L-esperjenzi ta' ftehimiet preċedenti mal-Istati Uniti jew mat-Turkija jżidu l-kawtela u l-biża' minn dipendenza eċċessiva mir-riżorsi esterni. Il-biedja, settur fundamentali fil-Marokk, qed issir dejjem aktar dipendenti mill-importazzjoni tal-materja prima bħall-ħalib jew iċ-ċereali, u dan jaffettwa ħażin is-sovranità tal-ikel tal-pajjiż. L-istrateġija kummerċjali bejn iż-żewġ partijiet għandha tippromovi d-diversità produttiva.

5.5

Is-settur Ewropew qed ikompli jitlob protezzjoni akbar tal-investiment, sabiex tinħoloq iċ-ċertezza legali meħtieġa biex tiffaċilita l-investiment dirett barrani. Il-progress li sar fl-aħħar snin għandu jieħu l-forma konkreta tiegħu permezz ta' aktar bidliet fil-leġislazzjoni tal-Marokk. L-intrapriżi Ewropej qed ikomplu jappoġġjaw lill-Marokk bħala d-destinazzjoni fejn jistgħu jirrilokaw ċerti fażijiet tal-produzzjoni “off shore”. Is-setturi tal-karozzi, l-ajrunawtika u l-elettronika kienu minn tal-ewwel f'dan ir-rigward, iżda t-trasparenza fir-regolamentazzjoni u l-forom ġodda ta' kollaborazzjoni mal-intrapriżi nazzjonali jistgħu jiġġeneraw opportunitajiet ġodda.

5.6

L-UE tara potenzjal kbir biex l-intrapriżi tagħha jibbenefikaw mill-opportunitajiet ġodda fis-settur tas-servizzi u dak finanzjarju. Min-naħa tiegħu, il-Marokk qed jitlob aktar fondi Ewropej sabiex jiffaċilita dan il-proċess kumpless ta' armonizzazzjoni leġislattiva.

5.7

Il-benefiċċji ekonomiċi tal-kummerċ ħieles mal-Marokk sikwit kienu kkonċentrati f'ċerti setturi jew żoni tal-pajjiż, u b'hekk ġew imwarrba t-territorji bl-aktar żvantaġġi. L-istudji tal-impatt għandhom janalizzaw l-aktar il-vantaġġi u r-riskji li jinħolqu fil-livell lokali jew reġjonali.

L-iżvilupp soċjali

5.8

L-impuls kummerċjali l-ġdid m'għandux iwassal biex jintilfu d-drittijiet tal-ħaddiema. Il-liġi dwar it-trejdjunjins għandha tissaħħaħ u tqiegħed is-sisien sabiex jinħolqu impjiegi deċenti u ta' kwalità, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). Tradizzjonalment wieħed mill-punti dgħajfa fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk kien li ma tantx jinħolqu impjiegi.

5.9

L-UE u l-Marokk għandhom jinvestu fit-taħriġ bil-għan li mill-opportunitajiet il-ġodda jkunu jistgħu jibbenefikaw il-faxex tas-soċjetà bi ftit kwalifiki, il-ħaddiema minn żoni żvantaġġati, iż-żgħażagħ u n-nisa. Il-promozzjoni tal-intraprendituri, it-tisħiħ tal-kooperattivi u l-iżvilupp tal-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju għandhom ikunu wieħed mill-pilastri tal-istrateġija l-ġdida fil-qasam tat-taħriġ. L-inizjattivi relatati mal-ekonomija soċjali għandhom jiġu msaħħa.

5.10

Is-Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u l-Marokk (5) hija l-frott ta' ħidma sfiqa miż-żewġ partijiet biex jiffaċilitaw il-moviment ħieles tal-persuni u l-ġestjoni tal-flussi migratorji. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-UE u l-Marokk li jagħtu rwol akbar lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-elementi differenti li qablu fuqhom iż-żewġ partijiet.

5.11

Din is-Sħubija għandha ttejjeb l-iskambji akkademiċi, it-trasferiment tal-għarfien tar-riċerka u l-promozzjoni tal-flussi kulturali u turistiċi. Jidher ċar li l-eżodu tal-imħuħ hu problema li għandha tiġi indirizzata permezz ta' dispożizzjonijiet speċifiċi.

5.12

L-għajnuna finanzjarja tal-UE maħsuba biex tiffaċilita l-konverġenza leġislattiva għandha tippromovi l-implimentazzjoni prattika tal-leġislazzjoni favur l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u d-drittijiet fundamentali. Mhux biżżejjed li joktru l-istrumenti favur in-nisa; għandu jsir progress regolari fil-prattika u għandha tiġi appoġġjata l-ħidma li jwettqu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

L-iżvilupp ambjentali

5.13

Il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali u r-rispett tal-bijodiversità ma jmorrux kontra l-fatt li jkun hemm dinamika kummerċjali akbar. Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ m'għandhiex tgħin biex jiżdiedu ċerti attivitajiet li jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-ambjent. L-UE u l-Marokk għandhom jagħtu prijorità lill-armonizzazzjoni gradwali, b'perjodi ta' żmien determinati, fil-qasam ambjentali minkejja l-ispiża finanzjarja li jista' jkun hemm sabiex tiġi allinjata l-leġislazzjoni relatata mal-protezzjoni tas-saħħa u tal-pjanti, il-ġestjoni tar-residwi industrijali jew it-tniġġis tal-ilma.

5.14

L-istudji tal-impatt dwar is-sostenibbiltà li twettaq l-UE fil-qafas tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-Marokk għadhom ma indirizzawx nuqqas kbir li għandhom dawn il-ftehimiet, jiġifieri l-monitoraġġ bir-reqqa tal-impatt ambjentali tagħhom hekk kif tavvanza l-liberalizzazzjoni kummerċjali. Huwa indispensabbli li s-soċjetà ċivili tal-UE u tal-Marokk tingħata l-istrumenti meħtieġa biex tappoġġja lill-awtoritajiet fil-ħidma diffiċli tagħhom li jżommu t-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fil-kummerċ iżda mingħajr ma jikkompromettu l-protezzjoni meħtieġa tal-ambjent.

5.15

Il-ftehim dwar is-sajd negozjat bejn l-UE u l-Marokk (6) juri l-bżonn li fi kwalunkwe tip ta' inizjattiva kummerċjali jiġu inklużi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, is-sostenibbiltà ambjentali u l-benefiċċju għall-popolazzjoni lokali affettwata. Il-ftehimiet ta' dan it-tip jistgħu jkunu leġittimi biss jekk jinkludu strumenti u indikaturi li jiggarantixxu s-sostenibbiltà tagħhom.

6.   Il-kwistjoni tal-biedja: theddida jew opportunità?

6.1

Il-qasam tal-biedja huwa element importanti fin-nisġa soċjoekonomika tal-Marokk. Fl-2012 kien jirrappreżenta 15 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) u, billi jimpjega 43 % tal-popolazzjoni attiva u jipprovdi aktar minn 78 % tal-impjiegi fiż-żoni rurali, għadu s-sors prinċipali tal-impjiegi fil-pajjiż. Is-salarju medju fil-Marokk huwa madwar 0,55-0,65 EUR/siegħa (7). Il-ħaddiema staġjonali ma jgawdux bis-sħiħ id-drittijiet tax-xogħol u għad hemm it-tħaddim tat-tfal fl-għelieqi Marokkini. It-trobbija tal-bhejjem hi importanti wkoll għall-ekonomija agrikola tal-Marokk, u tirrappreżenta 30 % tal-valur miżjud agrikolu u 20 % tal-ħaddiema fiż-żoni rurali.

6.2

Mill-banda l-oħra, l-industrija tal-ikel taqdi rwol strateġiku fl-ekonomija Marokkina. F'dan is-settur hemm 'il fuq minn 1  700 intrapriża, li jirrappreżentaw kwart tal-produzzjoni industrijali totali tal-pajjiż.

7.   Il-ftehim dwar il-biedja bejn l-UE u l-Marokk

7.1

Ir-relazzjoni soda fil-qasam agrikolu bejn l-UE u l-Marokk bdiet meta ġie ffirmat il-Ftehim Ewro-Mediterranju ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Marokk fis-26 ta' Frar 1996, u l-emendi li saru wara b'riżultat tal-ftehimiet ġodda. L-aħħar fażi ntemmet fl-2012 bi ftehim ġdid dwar il-biedja li ġie approvat b'maġġoranza mill-Parlament Ewropew.

7.2

Abbażi tal-ftehim dwar il-biedja biss, ir-relazzjoni bejn il-partijiet kienet waħda diffiċli, speċjalment fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, minħabba l-kompetizzjoni l-aktar b'rabta mal-frott u l-ħaxix, il-polemiki rigward meta jinqabżu l-kwoti u l-allegazzjonijiet dwar il-ksur tal-prezzijiet tad-dħul tat-tadam Marokkin f'ċerti żminijiet, li hu prodott ewlieni tal-ftehim.

7.3

Il-KESE jemmen li għandhom jiġu introdotti kriterji u klawsoli fil-Ftehim ta' Agrikoltura bejn l-UE u l-Marokk li bihom ikun jista' jiġi vverifikat l-impatt tal-ftuħ kummerċjali għaż-żewġ naħat, b'mod partikolari l-impatt fuq l-ambjent u d-drittijiet tax-xogħol.

8.   Il-Pjan għal Marokk Ekoloġiku

8.1

Flimkien mal-ftehim dwar il-biedja kien hemm żewġ azzjonijiet oħra għall-ġejjieni li huma marbutin mill-qrib: il-Pjan għal Marokk Ekoloġiku u l-hekk imsejjaħ “Status Avvanzat”.

8.2

Il-Pjan għal Marokk Ekoloġiku għandu l-għan li sal-2020 iżid il-valur miżjud tal-PDG agrikolu tal-Marokk, li jimmultiplika b'erba' darbiet il-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa biex sal-2020 titla' għal 3 40  000 tunnellata, kif ukoll li ċ-ċitru jitla' għal 3,7 miljun tunnellata minflok 1,5 miljun tunnellata u li l-frott u l-ħaxix jiżdiedu għal 10 miljun tunnellata minflok l-4,45 miljun tunnellata attwali. Intant, is-superfiċje maħsuba għaċ-ċereali ser tonqos b'mod globali minn 5,3 miljun ettaru għal 4,2 miljun ettaru. Il-Gvern Marokkin jisħaq li jixtieq iżid il-produttività, għalkemm l-investimenti barranin ser imorru għas-settur tal-frott u l-ħaxix. Il-prijorità tal-Marokk hi li jtejjeb il-bilanċ tal-kummerċ tiegħu, u għalhekk irid jappoġġja l-esportazzjoni.

9.   L-Istatus Avvanzat

9.1

Fis-17 ta' April 2013, il-Kummissjoni ppubblikat il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni UE-Marokk li jimplimenta l-Istatus Avvanzat (2013-2017), li jgħid b'mod ċar li l-ewwel miżura fil-qasam tal-biedja hi “[i]l-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-ħiliet fis-settur agrikolu fil-qafas tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u b'koerenza mal-perspettivi tal-Pjan għal Marokk Ekoloġiku”.

9.2

Dan il-pjan tat-titjib fil-qasam agrikolu inkluż fl-Istatus Avvanzat diġà qed jirċievi l-fondi tal-UE li jmorru b'mod dirett u esklużiv għall-għajnuna tat-tieni pilastru tal-Pjan għal Marokk Ekoloġiku: fl-aħħar 10 snin l-UE tat lill-Marokk EUR 1  330 miljun f'fondi għall-iżvilupp. Bejn l-2011 u l-2013 diġà ġew impenjati EUR 565 miljun oħra: EUR 70 miljun minnhom permezz tal-Programm ta' Appoġġ għall-Politiki tas-Settur Agrikolu (PAPSA), u warajh jiġi t-tieni programm b'EUR 60 miljun. Parti minn din l-għajnuna tal-UE tintuża għall-iżvilupp tal-kultivazzjoni tas-siġar fil-Mediterran, l-aktar taż-żebbuġ.

10.   Is-sigurtà tal-ikel

10.1

Dawn l-azzjonijiet kollha għall-iżvilupp tal-ekonomija agrikola tal-Marokk ser iwasslu, mingħajr dubju, biex jinkisbu l-għanijiet tal-ewwel pilastru tal-Pjan għal Marokk Ekoloġiku, jiġifieri li tiżdied l-esportazzjoni tal-frott u l-ħaxix, speċjalment tar-raba' saqwi. Mhux ta' b'xejn li r-riżultati tal-mudelli tal-Istudju tal-Valutazzjoni tal-Impatt ippubblikat mill-ECORYS fis-17 ta' Ottubru li għadda jiżvelaw il-possibbiltà ta' tkabbir fis-settur tal-frott u l-ħaxix u tal-prodotti veġetali pproċessati bis-saħħa tal-ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv.

10.2

Dan l-isforz min-naħa tal-Marokk biex itejjeb l-effiċjenza agrikola tiegħu hu ta' min ifaħħru, iżda jinsab f'kunflitt mar-raba' skarsa. Iċ-ċereali jieħdu 65 % tas-superfiċje agrikola, u warajhom jiġu l-pjantaġġuni tal-frott (ċitru, żebbuġ) bi 11 %, il-kultivazzjonijiet industrijali (pitravi taz-zokkor, kannamieli) b'4 %, il-pjantaġġuni tal-legumi b'4 % oħra, u l-ħaxix (tadam, frawli, bettiegħ, eċċ.) bi 3 %. Il-frott u l-ħaxix jinsabu fuq quddiem nett tal-esportazzjonijiet tal-Marokk.

10.3

L-ostaklu għall-iżvilupp tat-tieni pilastru tal-Pjan għal Marokk Ekoloġiku huwa wieħed konsiderevoli: 12 % tal-art biss hi superfiċje agrikola utli, u ħafna minnha hi raba' bagħli. L-azjendi agrikoli ż-żgħar immexxijin mill-familji li jkollhom inqas minn ħames ettari ta' art jiddominaw il-pajsaġġ agrikolu (aktar minn 70 % tal-azjendi agrikoli Marokkini jokkupaw inqas minn terz tas-superfiċje agrikola).

10.4

Minħabba t-trasferiment mill-biedja taċ-ċereali għall-biedja intensiva fil-Marokk qed tiżdied is-salinizzazzjoni – li mhix xi ħaġa li ma nafux biha fix-xatt tat-Tramuntana tal-Mediterran – u din taffettwa 5 % tas-superfiċje tal-pajjiż. L-UE għandha timpenja ruħha sabiex jinstab bilanċ bejn iż-żewġ pilastri tal-Pjan għal Marokk Ekoloġiku u biex jitrawwem settur agrikolu għall-bdiewa ż-żgħar, għax attwalment huwa totalment żbilanċjat favur il-biedja għall-esportazzjoni, li teskludi l-parti l-kbira tal-produtturi Marokkini. Il-programm li jmiss ta' proġetti pilota għall-iżvilupp rurali (ENPARD) fil-Marokk jista' jiftħilhom ukoll opportunitajiet ġodda.

11.   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili

11.1   Ir-riformi, il-libertà ta' assoċjazzjoni u s-soċjetà ċivili

11.1.1

F'xi pajjiżi tar-reġjun il-libertà ta' assoċjazzjoni, b'livelli differenti ta' konsolidazzjoni, bdiet minn wara t-tranżizzjonijiet demokratiċi attwali. Però fil-Marokk, qabel ir-riformi attwali, diġà kienu jeżistu għaqdiet indipedenti tal-ħaddiema, ta' min iħaddem u ta' setturi oħra tas-soċjetà ċivili li kellhom il-libertà li jieħdu azzjoni, minkejja li dan kien isir fil-limiti u r-restrizzjonijiet imposti mill-poter politiku.

11.1.2

Din is-sitwazzjoni marret għall-aħjar bis-saħħa tar-riformi li twettqu fl-aħħar snin, u għaldaqstant il-liberalizzazzjoni politika tal-Marokk sikwit titqies bħala mudell li l-pajjiżi Għarab għandhom isegwu. Madankollu xorta hemm oqsma fejn jista' jsir xi titjib.

11.1.3

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għaddejjin minn fażi ta' żvilupp, għalkemm ħafna attivisti jilmentaw fuq l-ostakli amministrattivi, b'mod partikolari fil-proċedura għar-reġistrazzjoni tal-assoċjazzjonijiet.

11.1.4

Fost l-istrumenti istituzzjonali adottati fil-qafas tar-riforma politika, ta' min isemmi l-ħolqien tal-Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Ambjentali (KESA) tal-Marokk fi Frar 2011, li għandu rwol konsultattiv u li jagħti pariri lill-Gvern, lill-Kamra tar-Rappreżentanti u lill-Kamra tal-Kunsilliera dwar id-direzzjoni tal-politika ekonomika, ambjentali u tat-taħriġ vokazzjonali. Il-KESA għandu r-rwol ukoll li jippromovi u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-atturi ekonomiċi u soċjali.

11.1.5

Jeżistu assoċjazzjonijiet li mhumiex rappreżentati fil-KESA iżda għandhom reputazzjoni stabbilita fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa, tad-drittijiet tal-bniedem b'mod ġenerali u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

11.1.6

Li ġejjin huma korpi konsultattivi oħra regolati mill-Kostituzzjoni: il-Kunsill Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Osservatorju Ċentrali tal-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, il-Kunsill taż-Żgħażagħ, il-Kunsill tal-Komunità Marokkina Barra 'l Pajjiż, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni u l-Kunsill tas-Sigurtà. Il-Kunsill tal-Ġustizzja, il-Kunsill tal-Familja, il-Kunsill tal-Ugwaljanza u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsna u tal-Kultura Marokkina għad iridu jiġu stabbiliti.

11.2   Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili Ewropea u Marokkina fil-ftehimiet bejn l-UE u l-Marokk

11.2.1

Kif indikat fl-Opinjoni preċedenti tal-KESE dwar il-Marokk (8), il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk ġie negozjat mingħajr ma qabel saret konsultazzjoni suffiċjenti bejn l-organizzazzjonijiet ekonomiċi u soċjali.

11.2.2

It-test tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-seħħ ma jwaqqafx mekkaniżmu konkret għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ u l-iżvilupp tal-istess Ftehim.

11.2.3

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jistabbilixxi, fl-Artikolu 85, li l-ogħla korp deċiżjonali tiegħu, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, ser jieħu miżuri biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-istituzzjoni korrispondenti tal-Marokk.

11.2.4

Billi l-KESA Marokkin diġà beda jopera u jikkollabora b'mod sħiħ mal-KESE, huwa mixtieq li ż-żewġ korpi jitolbu lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni biex joħloq Kumitat Konsultattiv Konġunt li jkun jista' jressaq rapporti u talbiet quddiem il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

11.2.5

Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt għandu jkun magħmul minn sitt rappreżentanti tal-KESA tal-Marokk u sitt rappreżentanti tal-KESE tal-UE, u jiltaqa' darbtejn f'sena, darba fil-Marokk u darba fl-UE.

11.2.6

Bl-istess mod, ikun tajjeb li jinħolqu mekkaniżmi oħra li jikkomplementaw il-parteċipazzjoni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Marokk, pereżempju fir-rigward tad-djalogu soċjali bejn il-ħaddiema u min iħaddem.

Brussell, 26 ta' Frar 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  B'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).

(2)  Ara d-definizzjoni tal-biedja tal-familja li tagħti l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO). www.fao.org/family-farming-2014

(3)  Huwa mistenni li fl-2015 il-Marokk iressaq pjan ta' konverġenza leġislattiva mal-acquis communautaire.

(4)  Trade sustainability impact assestment (TSIAs) in support of negotiations of DCFTAs between the EU and the kingdom of Morocco and the Republic of Tunisia.

(5)  Nhar it-3 ta' Ġunju li għadda, fi Brussell ġiet iffirmata d-Dikjarazzjoni Konġunta li twaqqaf Sħubija għall-Mobilità bejn ir-Renju tal-Marokk, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

(6)  Fl-24 ta' Lulju, il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk iffirmaw ftehim ġdid dwar is-sajd li għandu jtemm sena u nofs mingħajr attività min-naħa tal-flotta tas-sajd Ewropea fiż-żoni tas-sajd Marokkini. Il-Parlament Ewropew għandu japprova jew jirrifjuta l-ftehim u jiżgura s-sostenibbiltà ambjentali tiegħu.

(7)  Sors: Federazzjoni Nazzjonali tas-Settur Agrikolu tal-Marokk (UMT).

(8)  Opinjoni 264/2010, relatur: is-Sinjura López Almendáriz.