5.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Għodod statistiċi biex jitkejjel il-volontarjat (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 170/02

Korelatur: is-Sur PATER

Nhar l-14 ta’ Frar 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Għodod ta' statistika biex jitkejjel il-volontarjat

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-14 ta' Novembru 2013.

Matul l-494 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Diċembru 2013 (seduta tal-10 ta' Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’109 voti favur, vot 1 kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Billi l-volontarjat huwa:

1.1.1

motivatur importanti għat-tkabbir inklużiv, li jikkontribwixxi kemm għall-kapital soċjali kif ukoll għal dak uman, u jrawwem is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, filwaqt li joffri valur ekonomiku sinifikanti,

1.1.2

fattur ewlieni f'bosta politiki soċjali u indikatur tal-impatt tal-politika pubblika, li għandu jitkejjel b'mod effettiv u jiġi sorveljat biex jingħata tagħrif adegwat lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet,

1.1.3

suġġett ta' riċerka, li attwalment mhuwiex imkejjel biżżejjed għax l-istħarriġiet mhumiex konsistenti u huma ristrettivi żżejjed, iħallu barra kwistjonijiet bħall-għajnuna voluntarja li tingħata direttament lill-persuni barra minn kwalunkwe struttura ta' organizzazzjoni, u jinjoraw il-valur ekonomiku tax-xogħol volontarju,

1.2

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni Ewropea:

1.2.1

biex iddaħħal kundizzjonijiet biex jinbeda xogħol metodoloġiku u riċerka pilota, immirati biex jiddefinixxu l-prinċipji li fuqhom trid tkun ibbażata r-riċerka dwar ix-xogħol volontarju mill-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika fl-Istati Membri tal-UE. F'dan il-proċess għandhom jintużaw il-Manwal tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar it-Tkejjil tal-Volontarjat u l-esperjenzi tal-passat ta' pajjiżi li diġà wettqu riċerka bl-użu tas-soluzzjonijiet rakkomandati f'dan il-manwal;

1.2.2

biex, fil-ftit snin li ġejjin, taħdem fuq metodoloġija standardizzata għar-riċerka dwar ix-xogħol volontarju u biex tiżgura l-adozzjoni tagħha permezz ta' regolament adegwat tal-Kummissjoni Ewropea għall-fini ta' riċerka regolari mwettqa mill-Istati Membri;

1.2.3

biex tieħu passi biex tinkoraġġixxi lill-uffiċċji tal-istatistika fl-Istati Membri biex isiru involuti fir-riċerka dwar ix-xogħol volontarju qabel ma jiddaħħal ir-regolament;

1.2.4

biex tiġbor u tagħmel disponibbli informazzjoni konsistenti li toħroġ mir-riċerka dwar il-volontarjat li jitwettaq f'pajjiżi individwali jew fil-livell tal-UE,

1.2.5

biex tintroduċi miżuri legali vinkolanti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, u permezz tagħhom is-settur mingħajr skop ta' qligħ ikun jista' jikkofinanzja l-għotjiet pubbliċi bil-valur ekonomiku tax-xogħol volontarju stmat abbażi ta' data statistika soda ġġenerata b'għodod ta' statistika żviluppati skont din l-Opinjoni.

1.3

Barra dan, il-KESE jieħu din l-opportunità biex itenni l-ħtieġa għal ambjent favorevoli u għal appoġġ għall-attivitajiet tal-volontarjat. Suġġerimenti preċiżi biex ikun hemm ambjent favorevoli li jattira l-volontarjat ġew żviluppati fi ħdan il-qafas tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011, u dawn jinkludu l-appoġġ sostenibbli għall-attivitajiet ta' volontarjat, li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-ġid komuni (1).

2.   Il-kuntest

2.1

Skont id-definizzjoni tat-terminu li jintuża ħafna (fl-istituzzjonijiet tal-UE), “il-volontarjat” jirreferi għall-forom kollha ta' attività volontarja, kemm formali kif ukoll informali, li titwettaq skont ir-rieda ħielsa, l-għażla u l-motivazzjoni tal-persuna, mingħajr attenzjoni għall-gwadann finanzjarju.

2.2

Konsistenti ma' dan il-fehim dwar il-vololntarjat, għalkemm aktar preċiża, hemm id-definizzjoni tax-xogħol volontarju fil-Manwal tal-ILO dwar it-Tkejjil tal-Volontarjat, li tintuża bħala qafas kunċettwali biex jitkejjel il-volontarjat formali u dak informali f'diversi xenarji kulturali u legali. Skont din id-definizzjoni, ix-xogħol volontarju jfisser “xogħol mhux ta' bilfors u bla ħlas"; jiġifieri, ħin li l-individwi jagħtu mingħajr ħlas għal attivitajiet imwettqa permezz ta' organizzazzjoni jew direttament lill-oħrajn barra mill-familja tagħhom” (2). Din id-definizzjoni, li toħroġ b'mod preċiż il-karatteristiċi tal-volontarjat, għandha tintuża fir-riċerka komparattiva internazzjonali. Dan joħroġ mill-bżonn li jitqiesu l-karatteristiċi importanti kollha tax-xogħol volontarju fid-definizzjonijiet użati f'pajjiżi individwali, u b'hekk jiġi żgurat li l-qasam ta' studju jiġi definit b'mod uniformi, irrispettivament miċ-ċirkostanzi lokali.

2.3

Fis-snin reċenti, speċjalment b'rabta mas-Sena Ewropea tal-Volontarjat tal-2011, ħafna dokumenti tal-KE, il-PE u tal-Kunsill, kif ukoll tal-KESE, il-KtR u l-organizzazzjonijiet Ewropej tas-soċjetà ċivili innotaw li l-volontarjat huwa assoċjat ma' valuri ewlenin tal-UE bħalma huma l-parteċipazzjoni ċivika u s-solidarjetà ma' dawk fil-bżonn. Ġie enfasizzat li l-volontarjat joffri kontribut kbir għal dik il-parti tal-benesseri soċjali li ma titkejjilx mill-PDG, u dan għandu influwenza importanti fuq il-kwalità tal-ħajja. Mill-perspettiva sistemika, ix-xogħol volontarju jgħin biex jinħoloq il-kapital soċjali, u biex jiżviluppaw u jissaħħu r-rabtiet ta' fiduċja u kooperazzjoni, filwaqt li jitrawmu normi u valuri soċjali li huma aċċettati b'mod mifrux. Il-volontarjat informali huwa forma importanti ta' investiment fil-kapital uman, pereżempju permezz tal-kura u l-edukazzjoni informali tat-tfal u ż-żgħażagħ, filwaqt li l-volontarjat formali jaqdi rwol ewlieni, fost oħrajn, fl-iżvilupp ta' ħiliet trasversali u fl-akkwist ta' ħiliet vokazzjonali ġodda. Barra minn hekk il-kura volontarja li tingħata lix-xjuħ kif ukoll dik li ġejja mingħand ix-xjuħ, hija importanti ferm għas-soċjetajiet Ewropej li kulma jmur qed jixjieħu. Dawn il-karatteristiċi kollha, li juru r-rwol tal-volontarjat fl-iżvilupp tal-koeżjoni soċjali u biex jiffaċilita l-impjieg, ifissru li l-volontarjat jitqies bħala element importanti ta' tkabbir inklużiv, u jifforma wieħed mit-tliet pilastri tal-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp – l-Ewropa 2020.

2.4

Element ewlieni tad-dibattitu kienu r-rakkomandazzjonijiet li jenfasizzaw il-ħtieġa li tinġabar data komparabbli li turi l-importanza tal-volontarjat, kemm dik soċjali kif ukoll dik ekonomika. F'dan il-kuntest, saret ukoll referenza għall-metodoloġija proposta fil-Manwal tal-ILO bħala mudell adegwat biex titwettaq ir-riċerka statistika f'dan il-qasam (3).

2.5

Kien jidher ċar li dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu relatati mas-sejba li ma kienx hemm biżżejjed data disponibbli dwar il-volontarjat, konklużjoni li għadha valida.

2.6

F'pajjiżi individwali saret xi riċerka dwar il-volontarjat li tkopri aspetti ewlenin tiegħu (mhux biss il-livell ta' parteċipazzjoni fil-volontarjat u l-profil demografiku tal-persuni involuti f'dan ix-xogħol iżda anke, pereżempju, il-motivazzjoni tagħhom). Ostaklu wieħed għall-użu ta' din ir-riċerka għal analiżi li tapplika għall-firxa kollha tal-UE huwa n-nuqqas ta' konsistenza fir-rigward tal-ambitu tad-definizzjoni tal-volontarjat u l-modi kif jiġi definit, kif ukoll fir-rigward tad-differenzi metodoloġiċi (pereżempju l-perjodu kopert mir-riċerka, inkonsistenzi fil-kategoriji tal-età użati għall-popolazzjonijiet mistħarrġa, metodi differenti ta' riċerka, preċiżjoni tar-riżultati), flimkien ma' differenzi fid-dati tar-riċerka. Kif huwa enfasizzat fir-rapport, li sar mill-kumpanija ta' konsulenza GHK fuq talba tal-Kummissjoni Ewropa, id-differenzi fir-riżultati ta' spiss jistgħu jkunu ta' aktar minn 30-40 punti perċentwali (4).

2.7

It-tip ta' data disponibbli dwar il-volontarjat li tinġabar regolarment u li tista' titqabbel fil-livell internazzjonali għandha ambitu pjuttost ristrett, u tirrigwarda prinċipalment il-frekwenza ta' xogħol volontarju fil-komunità (bid-definizzjonijiet varji tiegħu) imwettaq permezz ta' organizzazzjonijiet (volontarjat formali), kif ukoll il-profil demografiku tal-persuni involuti f'din l-attività. Xi kultant ir-riċerka titratta kwistjonijiet oħrajn, bħall-frekwenza tal-volontarjat (5). Uħud minn dawn l-istudji mhumiex limitati għal kwistjoni ġenerali dwar il-volontarjat, kif definit f'mod wieħed jew ieħor, iżda pjuttost jiffokaw fuq tipi multipli (bejn wieħed u ieħor sa xi tużżana) ta' organizzazzjonijiet jew attivitajiet li għalihom il-persuni jkunu dedikaw il-ħin (6). Meta mqabbla ma' mistoqsijiet oħrajn, il-mistoqsija li ġiet indirizzata l-inqas kienet in-numru ta' sigħat maħduma mill-voluntieri (7).

2.8

Minkejja differenzi kbar fir-riżultati minn studji internazzjonali individwali, kif ukoll bejn ir-riżultati nazzjonali u dawk internazzjonali, xorta nistgħu ngħidu li l-volontarjat – anke jekk jitqies biss dak formali – huwa mifrux ħafna. Stimi tan-numru ta' voluntieri fl-UE li għandhom 'il fuq minn 15-il sena jvarjaw bejn 92 u 150 miljun, li jfisser li bejn 22 % u 36 % tal-adulti mill-pajjiżi kollha tal-UE jipparteċipaw f'xogħol voluntarju, bla ħlas f'diversi tipi ta' organizzazzjonijiet (8). Il-pożizzjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet prinċipali tal-UE dwar il-volontarjat huma bbażati fuq stima relattivament baxxa tan-numru ta' voluntieri, ta' mhux aktar minn 100 miljun (9).

2.9

Abbażi tad-data disponibbli attwalment dwar il-volontarjat, mhuwiex possibbli li ssir l-analiżi kif tintalab fid-dokumenti tal-KE, il-Parlament, il-Kunsill Ewropew jew il-KESE. Fil-preżent, huwa impossibbli li tiġi sorveljata b'mod affidabbli l-importanza ekonomika tal-volontarjat jew il-kontribut tiegħu għall-politiki fil-livell tal-UE. Mhuwiex possibbli li jitkejjel l-ammont totali tal-ħin dedikat għax-xogħol volontarju jew tal-valur monetarju tiegħu u, għaldaqstant, biex issir evalwazzjoni ta' kemm hu mifrux f'termini ta' indikaturi ekonomiċi universali bħal pereżempju l-impjieg nazzjonali (in-numru ta' persuni li qed jaħdmu fl-ekonomija nazzjonali) jew il-PDG. L-unika data disponibbli attwalment, għalkemm din hija limitata għall-volontarjat formali li jsir minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u evalwat abbażi ta' metodi li mhumiex konsistenti ħafna, toriġina mill-proġett internazzjonali imsejjaħ il-Comparative Nonprofit Sector Project u koordinat mill-Università Johns Hopkins. Din id-data stabbiliet il-proporzjon ta' xogħol volontarju li jsir minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ meta mqabbel mal-PDG u l-potenzjal tax-xogħol tal-popolazzjoni attiva ekonomikament fi tliet pajjiżi biss fl-UE: ir-Repubblika Ċeka (0,2 % tal-PDG, 0,5 % tal-popolazzjoni attiva ekonomikament), Franza (1,4 %, 3,2 %) u l-Belġju (0,7 %, ebda data disponibbli) (10).

2.10

Abbażi tal-prinċipji ta' metodoloġija stabbiliti fil-Manwal tal-ILO, l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika fi tliet pajjiżi tal-UE (il-Polonja, l-Ungerija u l-Italja) diġà wettqu stħarriġ dwar il-firxa u l-valur tax-xogħol volontarju, filwaqt li f'xi pajjiżi oħrajn qed isiru t-tħejjijiet biex dan isir (11). Id-data tal-Polonja għall-2011 bħalissa hija disponibbli. Din turi li, globalment, il-volontarjat formali u dak informali jirrappreżenta l-ekwivalenti ta' 9,6 % tax-xogħol ta' dawk li jaħdmu fl-ekonomija nazzjonali aktar estiża (inkluż il-volontarjat) u 2,8 % tal-PDG fid-definizzjoni wiesgħa tiegħu. Fil-Polonja, fejn ir-rabtiet tal-familji estiżi huma partikolarment b'saħħithom, ix-xogħol volontarju li kien jinkludi prinċipalment il-volontarjat informali – is-sehem tiegħu min-numru ta' persuni li huma attivi fl-ekonomija nazzjonali, li jinkludi wkoll il-volontarjat kien jammonta għal 8 %, u l-kontribut tiegħu għall-PDG fid-definizzjoni wiesgħa tiegħu kien ta' 2,2 %. Il-volontarjat formali jirrappreżenta 1,6 % u 0,6 % tal-kategoriji li jissemmew hawn fuq rispettivament (12).

3.   Il-Manwal tal-ILO bħala approċċ komprensiv u universali għar-riċerka dwar il-volontarjat

3.1

Kif issemma qabel, fi kważi kull dokument tal-UE dwar il-volontarjat, il-manwal dwar it-tkejjil tax-xogħol volontarju pubbikat taħt l-awspiċju tal-ILO jissemma bħala mudell adatt biex titwettaq riċerka ta' statistika f'dan il-qasam. Is-soluzzjonijiet metodoloġiċi inklużi f'dan il-manwal ġew enfasizzati wkoll mill-Konferenza Internazzjonali tal-Uffiċjali tal-Istatistika dwar ix-Xogħol bħala bażi adatta għar-riċerka dwar ix-xogħol volontarju. Huwa propost li x-xogħol volontarju jiddaħħal fl-istatistika uffiċjali dwar ix-xogħol (13). Is-soluzzjonijiet proposti fil-manwal irċivew ukoll l-appoġġ mill-partijiet interessati tat-tielet settur, b'għadd kbir ta' NGOs li jippromovu l-mudell tiegħu biex iwettqu riċerka dwar il-volontarjat (14).

3.2

L-approċċ metodoloġiku propost fil-Manwal tal-ILO huwa wkoll rispons għan-nuqqas, jew nuqqas ta' konsistenza, fid-data disponibbli dwar il-volontarjat fit-tielet settur, problema li ġiet identifikata mill-Proġett Comparative Nonprofit Sector, u aktar tard enfasizzata bħala xkiel serju għat-tfassil ta' statistika preċiża għall-kontijiet nazzjonali u għall-kont satellita tas-settur mingħajr skop ta' qligħ (15).

3.3

L-approċċ metodoloġiku huwa bbażat fuq definizzjoni operattiva tal-fenomenu li, fil-manwal, jissejjaħ “xogħol volojntarju”. Dan mhuwiex ibbażat fuq terminu speċifiku jew fuq termini li jintużaw b'mod uniformi għar-riċerka fil-pajjiżi sorveljati iżda, pjuttost, huwa definizzjoni deskrittiva li tenfasizza tliet karatteristiċi fundamentali. Ix-xogħol volontarju huwa definit bħala azzjonijiet li:

a)

jinvolvu xogħol produttiv;

b)

mhumiex imħallsa;

c)

mhumiex obbligatorji; u

d)

mhumiex għall-użu tal-membri tal-familja proprja.

Il-Manwal tal-ILO fih ħafna spjegazzjonijiet addizzjonali, li jgħinu biex jindirizzaw kull dubju li jista' jkun hemm dwar l-interpretazzjoni tal-kriterji (16).

3.4

L-ambitu wiesa' għar-riċerka kif imfassal fil-Manwal jagħmilha possibbli li jaqdi l-bżonnijet ta' informazzjoni ta' ħafna partijiet interessati. Fil-manwal, id-definizzjoni ewlenija tax-xogħol volontarju timplika firxa wiesgħa ta' riċerka, li tkopri kemm il-volontarjat formali li l-ILO jsejjaħlu xogħol volontarju indirett) kif ukoll dak informali (li l-ILO jsejjaħlu xogħol volontarju dirett). Barra minn hekk, l-enfasi mhijiex limitata għal settur wieħed biss imma, pereżempju, tkopri kemm il-volontarjat fit-tielet settur kif ukoll fl-istituzzjonijiet tas-settur pubbliku. Din l-enfasi titlob li d-data tinfired skont is-settur u l-qasam istituzzjonali. Id-data miġbura hija definita b'mod ċar u flessibbli għall-utenti.

3.5

Il-mudell ta' riċerka propost fil-Manwal tal-ILO huwa bbażat fuq numru ta' prinċipji ġenerali li jiżguraw il-konsistenza, irrispettivament mit-tip ta' stħarriġ li fuqu tkun ibbażata r-riċerka:

a)

l-aktar kopertura wiesgħa possibbli tal-popolazzjoni, sabiex jinqabdu il-komponenti rilevanti kollha tal-popolazzjoni;

b)

l-użu tad-definizzjoni ta' “xogħol volontarju” adottata fil-Manwal u t-terminoloġija li tintuża biex tfissru;

c)

kopertura tal-forom kollha ta' volontarjat (jiġifieri xogħol volontarju li sar għal organizzazzjonijiet jew permezz tagħhom u xogħol volontarju li sar direttament għal individwi barra mill-unità familjali jew għall-komunitajiet);

d)

kopertura tal-varjabbli mdaħħla fil-modjul tal-istħarriġ rakkomandat: ammont ta' ħin ta' volontarjat (numru ta' sigħat fil-fatt maħduma), tip ta' attività ta' xogħol (impjieg), qasam li fih isir il-volontarjat (industrija jew settur istituzzjonali);

e)

il-kapaċità biex l-attivitajiet ta' volontarjat jiġu tradotti f'kodiċi okkupazzjonali (ISCO) u industrijali (klassifikazzjoni standard tan-NACE jew il-klassifikazzjoni ICNPO maħsuba għall-attivitajiet tas-settur mingħajr skop ta' qligħ) standard sabiex ikun possibbli li ssir analiżi addizzjonali tas-suq tax-xogħol, inkluż l-istima tal-valur ekonomiku għax-xogħol volontarju (17).

3.6

Permezz tal-metodoloġija proposta jkun possibbli li l-isforzi tar-riċerka jiffokaw primarjament fuq l-akkwist tad-data meħtieġa biex jiġu kwantifikati l-volum u l-valur tax-xogħol volontarju f'unitajiet ekonomiċi standard, u dan jippermetti t-tqabbil mal-impjieg nazzjonali jew mal-PDG. Id-data li tinġabar tista' tintuża biex jiġu stabbiliti l-ammont u l-valur tat-tipi diversi ta' xogħol volontarju skont is-settur istituzzjonali jew ekonomiku, il-forma ta' attività, ir-reġjun, jew il-livell ta' urbanizzazzjoni, eċċ.

3.7

Abbażi tad-data miġbura bl-użu tal-modjul tax-xogħol volontarju, ikun possibbli wkoll li jitwettqu bosta analiżi ta' natura soċjali. Huwa possibbli li jiġu analizzati l-firxa u l-livell ta' intensità tax-xogħol volontarju, il-forom tiegħu (għall-persuni u l-organizzazzjonijiet – fil-każ ta' strutturi formali, jista' jiġi speċifikat il-qasam ta' attività jew is-settur). Din l-analiżi tista' tieħu kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi diversi tal-voluntieri: karatteristiċi demografiċi (eż. età, sess, status familjari), post (eż. reġjun, daqs tal-lokalità) u status professjonali, status ta' edukazzjoni u status materjali. Biż-żieda ta' mistoqsijiet supplimentari għall-modjul tax-xogħol volontarju, ikun possibbli wkoll li jiġu analizzati l-motivazzjoni tal-voluntieri, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' involviment fil-volontarjat, eċċ.

3.8

Minħabba l-fatt li dawk li jwieġbu normalment ikunu jistgħu jagħtu data dettaljata u affidabbli għall-passat reċenti biss, il-Manwal jadotta perjodu ta' referenza ta' erba' ġimgħat għall-mistoqsijiet dwar ix-xogħol volontarju. Dan joħroġ mill-bżonn li jiġi stabbilit kemm jista' jkun b'mod preċiż in-numru ta' sigħat dedikati għall-volontarjat. Fl-istess ħin, il-perjodu ta' erba' ġimgħat huwa sostanzjalment iqsar mill-perjodu tipiku ta' 12-il xahar għal ħafna mir-riċerka dwar il-volontarjat. Il-perjodu ta' referenza iqsar jissarraf f'ċifri iżgħar għall-firxa tax-xogħol volontarju (numru ta' voluntieri), u joħloq ir-riskju li jinġabru riżultati mxattrin minħabba ċ-ċaqliq staġonali. Għaldaqstant ir-rakkomandazzjoni hija li jinżamm il-perjodu ta' erba' ġimgħat għal raġunijiet ta' tqabbil, filwaqt li jinstabu metodi biex tiġi bilanċjata l-istaġonalità u biex jinkiseb daqs ta' kampjun adatt li jipprovdi biżżejjed voluntieri fl-istħarriġ dwar stimi addizzjonali tan-numru ta' sigħat fir-raggruppamenti differenti.

3.9

Il-metodu li l-gwida tirrakkomanda għar-riċerka dwar ix-xogħol volontarju fil-forma ta' modjul tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol jew modjul ieħor ta' stħarriġ dwar l-unità domestika. Bl-użu tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol bħala pjattaforma jipprovdi sensiela ta' benefiċċji:

(a)

komparabilità u affidabilità tar-riżultati miksuba abbażi tar-riċerka bl-użu ta' kampjun rappreżentattiv kbir u metodoloġija universali;

(b)

minimizzazzjoni tal-piż fuq is-sistema tal-istatistika uffiċjali u fuq dawk li jagħtu rispons;

(c)

possibbiltà li ssir analiżi tad-data dwar ix-xogħol volontarju b'rabta ma' data li tispeċifika l-qagħda demografika, soċjali u professjonali, miksuba fil-qafas tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol;

(d)

spejjeż żgħar biex jintlaħqu dawk li mistennija jagħtu rispons;

(e)

possibbiltà li jsir użu mill-intervistaturi li għandhom esperjenza dwar il-kodifikazzjoni ta' diversi tipi ta' xogħol bl-għajnuna ta' klassifikazzjonijiet użati mill-istatistika uffiċjali, speċjalment il-klassifikazzjoni tal-impjiegi (ISCO);

(f)

sistema konoxxitiva adatta għar-riċerka (mistoqsijiet dwar xogħol mingħajr ħlas naturalment jikkomplimentaw il-mistoqsijiet dwar xogħol bi ħlas).

3.10

Ir-riċerka dwar il-volontarjat bl-użu ta' modjul tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tinvolvi wkoll ċerti limitazzjonijiet u problemi li jissolvew skont il-kundizzjonijiet lokali jew abbażi ta' approċċ globali:

(a)

użu tal-metodu bit-telefon għat-twettiq tar-riċerka, li kulma jmur qed isir aktar komuni fl-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, minflok intervisti diretti jżid il-pressjoni fuq il-ħin tal-intervista u, b'riżultat t'hekk, dan jista' jwassal għal rata aktar baxxa ta' volontarjat, speċjalment fil-pajjiżi fejn l-għarfien dwar il-volontarjat huwa limitat u ma jagħmilx parti integrali mil-lingwaġġ ta' kuljum. L-intervisti għalhekk jeħtieġu l-ħin għal spjegazzjonijiet addizzjonali jew biex jingħataw eżempji (18);

(b)

il-problema li tissemma hawn fuq tista' tiġi solvuta billi jiddaħħlu mistoqsijiet mill-modjul għat-tkejjil tax-xogħol volontarju fl-istħarriġiet ta' firxa wiesgħa li jitwettqu permezz ta' kuntatt dirett bejn l-intervistatur u dak li jwieġeb (il-metodu wiċċ imb wiċċ) (19);

(c)

l-awturi tal-Manwal tal-ILO jirrakkomandaw soluzzjonijiet universali għal xi wħud mill-problemi msemmija hawn fuq dwar l-implimentazzjoni tal-modjul għar-riċerka dwar ix-xogħol voluntarju. Pereżempju, minħabba li jirriżulta li l-informazzjoni li tingħata minn dawk li jwieġbu f'isem ħaddieħor tkun ta' kwalità ifqar huwa rakkomandat li l-intervisti jsiru biss ma' dawk il-persuni li dwarhom ikun l-istħarriġ, pjuttost milli tintuża informazzjoni dwar ix-xogħol volontarju ta' xi ħadd ieħor u li tkun ingħatat mill-konjugi jew minn membri oħra tal-familja. F'każ li jkun hemm diffikultajiet biex jiġu applikati klassifikazzjonijiet universali kumplessi, bħan-NACE, l-awturi ħasbu għall-possibbiltà li jintużaw klassifikazzjonijiet aktar faċli bħall-ICNPO (20).

3.11

Il-Manwal dwar it-tkejjil tax-xogħol volontarju huwa komprensiv, u jinkludi linji gwida dwar l-organizzazzjoni u t-twettiq tar-riċerka kif ukoll rakkomandazzjonijiet dwar it-tfassil u l-preżentazzjoni tar-riżultati. Meta ssir il-valutazzjoni tal-valur tax-xogħol volontarju, il-Manwal jirrakkomanda l-approċċ ta' spejjeż f'każ ta' sostituzzjoni kompleta, bl-użu tal-paga medja fl-ekonomija nazzjonali għat-tip ta' attività (vokazzjoni) u s-settur ekonomiku u istituzzjonali li għalih ikun jappartjeni l-korp li għalih ikun twettaq ix-xogħol volontarju.

3.12

Indipendentament mill-approċċ ġenerali tas-soluzzjonijiet proposti u l-ġustifikazzjoni soda għalihom, il-Manwal tal-ILO jżomm flessibbiltà konsiderevoli dwar bosta mistoqsijiet li jistgħu jiġu trattati minn pajjiżi individwali skont il-kundizzjonijiet lokali. Dan jirrigwarda kwistjonijiet bħall-adattar tal-frażijiet għaċ-ċirkostanzi lokali, u l-mod pjuttost dettaljat għall-kalkolu tal-valur tax-xogħol volontarju (jingħataw xi eżempji oħrajn fil-punt 3.10). Min-naħa l-oħra, għandhom jintużaw l-elementi ewlenin mid-definizzjonijiet tax-xogħol volontarju sabiex tiġi żgurata l-komparabilità tad-data.

3.13

Il-flessibbiltà tal-Manwal toħroġ mix-xewqa li dan ikun universali u biex tiġi żgurata applikazzjoni wiesgħa, irrispettivament mid-differenzi kulturali u soċjetali sinifikanti fil-livell globali. Fl-UE, dawn id-differenzi huma relattivament żgħar, u dan jippermetti li tiġi żviluppata metodoloġija aktar uniformi u, konsegwentement, biex tinkiseb data aktar komparabbli.

4.   X'għandu jsir?

4.1

Minħabba l-bżonn konsiderevoli ta' data dwar il-volontarjat, li joriġina mir-rwol ewlieni tiegħu biex joħloq tkabbir inklużiv u jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali, fil-kapital soċjali kif ukoll għal dak uman, fl-edukazzjoni informali, fl-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u fis-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, hemm il-ħtieġa li fil-livell tal-UE jiġu żgurati kundizzjonijiet li jappoġġaw riċerka sistemika u komparabbli dwar il-volontarjat fl-Istati Membri. Il-KESE jifhem li l-attivitajiet kollha li jidħlu għalihom l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jridu jingħataw stabbiltà finanzjarja adatta u, għaldaqstant, ser jibqa' jesplora l-mezzi possibbli kollha għall-appoġġ u l-finanzjament ta' riċerka biex jitkejjel il-volontarjat inkluża l-proposta msemmija fil-punt 4.2.

4.2

B'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet fid-dokumenti tal-UE li jappellaw sabiex l-Istati Membri jiżviluppaw riċerka dwar il-volontarjat abbażi tal-Manwal ILO, il-KESE jħeġġeġ lill Kummissjoni Ewropea sabiex, matul il-ftit snin li ġejjin, taħdem fuq metodoloġija standard għar-riċerka dwar il-volontarjat u tiżgura li tiġi adottata permezz ta' regolament adatt sabiex l-Istati Membri jwettqu riċerka regolari.

4.3

Qabel ma jiġi adottat ir-regolament, il-KE għandha tieħu passi biex tappoġġja x-xogħol metodoloġiku u l-istudji pilota, bl-għan li jiġu stabbiliti prinċipji konsistenti għar-riċerka dwar ix-xogħol volontarju mill-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika, bl-użu tal-prinċipji ewlenin fil-Manwal tal-ILO u l-esperjenza tal-pajjiżi li diġà jkunu wettqu riċerka permezz tas-soluzzjonijiet deskritti fih. Meta jkunu qed jitfasslu d-dettalji tar-regolament għandhom jittieħdu passi biex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż u l-burokrazija. Għal dan il-għan, l-aħjar approċċ ikun li r-riċerka dwar il-volontarjat tingħaqad flimkien ma' wieħed mill-oqsma l-oħra tar-riċerka li qed titwettaq bħalissa mill-uffiċċji tal-istatistika nazzjonali tal-Istati Membri.

4.4

Minħabba l-ħtieġa konsiderevoli ta' data dwar il-firxa tal-volontarjat formali u dak informali u l-impatti tiegħu fuq il-livell ġenerali tal-benesseri u fuq oqsma partikolari tal-ħajja pubblika f'pajjiżi individwali u mal-UE kollha, għandhom jiddaħħlu kundizzjonijiet li jiżguraw li l-Kummissjoni Ewropea tkun tista' tiġbor data armonizzata sew mill-istudji li jsiru fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE, u tagħmilha disponibbli. Possibbiltà waħda biex titwettaq riċerka dwar l-effetti tal-volontarjat tista' tkun, pereżempju, l-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni tal-Adulti, li permezz tiegħu tkun tista' tinġabar u tiġi analizzata d-data dwar l-impatt tax-xogħol volontarju fuq il-kisba ta' ħiliet essenzjali biex jinstab impjieg mixtieq.

4.5

Il-valur ekonomiku tax-xogħol volontarju għandu jiġi rikonoxxut u apprezzat mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jintroduċu regoli li permezz tagħhom il-valur ekonomiku tax-xogħol volontarju jkun mezz kif jiġu kofinanzjati l-proġetti li jingħataw fondi pubbliċi. L-esperjenza u d-data li jinkisbu waqt ir-riċerka dwar il-valur ekonomiku tal-volontarjat, li titwettaq abbażi ta' metodoloġija unika madwar l-UE, tkun ta' għajnuna kbira għat-tfassil ta' soluzzjonijiet prattiċi.

Brussell, 10 ta' Diċembru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 181, 21.06.2012, p. 150.

(2)  Manwal dwar it-Tkejjil tal-Volontarjat, Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), Ġinevra, 2011 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  (1) Komunikazzjoni dwar il-Politiki tal-UE u l-Volontarjat: Ir-Rikonoxximent u l-Promozzjoni fl-UE tal-Ħidmiet Volontarji Transkonfinali, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni (COM(2011) 568 final); (2) Ir-rwol tal-attivitajiet volontarji fil-politka soċjali – Konklużjonijiet tal-Kunsill – Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 2011; (3) OJ C 181, 21.06.2012, p.150.

(4)  GHK report Volunteering in the European Union, GHK 2010 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Pereżempju, fil-qafas tal-Istħarriġ Soċjali Ewropw (ESS 2002-2010), kull sentejn tinġabar data dwar il-frekwenza tal-involviment fix-xogħol ta' partiti politiċi jew organizzazzjonijit oħrajn, jew b'xewqa biex isir il-ġid jew biex ma jitħallewx jiġru affarijiet ħżiena. Madankollu, fl-istħarriġiet għall-2006 u l-2012, in-nies intalbu jwieġbu wkoll dwar kemm-il darba pparteċipaw f'xogħol għall-komunità jew għal organizzazzjoni ta' karità fit-tnax-il xahar ta' qabel.

(6)  L-Istudju dwar il-Valuri Ewropej, u xi stħarriġiet oħrajn imwettqa fil-qafas tal-Istħarriġ tal-Ewrobarometru – koordinati mid-DĠ għall-Komunikazzjoni (Ewrobarometru 66.3/2006, 73.4/2010, 75.2/2011).

(7)  Stħarriġ dwar il-Kwalità tal-Ħajja Ewropea (EQLS 2003, 2007), Ewrobarometru 60.3 (2003/2004). L-aktar data komprensiva dwar il-ħin iddedikat għax-xogħol bla ħlas fil-qafas ta' organizzazzjonijiet, l-għajnuna informali għal unitajiet familjali oħrajn jew il-parteċipazzjoni fil-laqgħat ta' organizzazzjonijiet, gruppi jew komunitajiet, li tqis ukoll id-differenzi staġonali matul is-sena – id-data tinġabar fil-qafas tat-Time Use Survey.

(8)  L-istimi t'hawn fuq joħorġu mir-rapport tal-GHK dwar il-Volontarjat fl-Unjoni Ewropea, 2010 (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Iċ-ċifra ta' 100 miljun voluntier kienet inkluża fir-Rapport dwar l-irwol tal-volontarjat fil-kontribuzzjoni għal koeżjoni ekonomika u soċjali, Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Parlament Ewropew (2008) (2007/2149 (INI) dokument A6- 0070/2008.

(10)  Dawn ir-riżultati huma bbażati fuq studji ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ. Ir-riċerka saret bil-kalkolu tan-numru totali ta' sigħat ta' xogħol volontarju fis-settur mingħajr skop ta' qligħ (li nqalbu f'numru ta' impjiegi ekwivalenti għall-full-time) biex b'hekk ikunu jistgħu jitqabblu mal-għadd ta' persuni attivi professjonalment fil-pajjiż konċernat. Imbagħad dan il-valur tax-xogħol volontarju nħadem permezz tal-multiplikazzjoni tan-numru ta' impjiegi ekwivalenti bis-salarji medji fis-settur mingħajr skop ta' qligħ. Dan il-metodu jista' jwassal għal stimi tal-kwantità u l-valur tax-xogħol volontarju aktar baxxi milli fil-każ tal-metodu deskritt fil-Manwal tal-ILO, għax ġeneralment l-organizzazzjonijiet ma jirreġistrawx in-numru ta' sigħat ta' xogħol volontarju li jsir u għandhom tendenza li ma jqisux ix-xogħol volontarju li ma jitwettaqx regolarment. Barra dan, ir-riżultati miksuba jikkonċernaw is-settur mingħajr skop ta' qligħ biss, filwaqt li l-metodoloġija tal-ILO tippermetti li jitkejjel il-volontarjat formali kollu fis-setturi istituzzjonali kollha. Ir-riżultati li jissemmew f'dan il-paragrafu ttieħdu minn din il-pubblikazzjoni: Salamon, L. M., Sokolowski, S. W., Haddock, M. A., Tice, H.S, The State of Global Civil Society and Volunteering. Latest findings from the implementation of the UN Nonprofit Handbook, Center for Civil Society Studies – Johns Hopkins University, 2013 (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  L-uffiċċju tal-istatistika pubblika fil-Portugall diġà wettaq modjul pilota tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol skont il-Manwal tal-ILO; u ntwera interess biex jinbdew studji bħal dan mill-uffiċċji tal-istatistika pubblika fl-Irlanda u fi Spanja.

(12)  Nałęcz, S., Goś-Wójcicka, K., (edituri) Volunteering through organizations and other forms of volunteer work outside own household – 2011. Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tal-Polonja, Warsaw, 2012.

(13)  Skont ir-riżoluzzjoni adottata fil-11 ta' Ottubru 2013 mid-19-il Konferenza Internazzjonali tal-Uffiċjali tal-Istatistika dwar ix-Xogħol, id-definizzjoni statistika tax-xogħol tinkludi x-xogħol volontarju. B'riżultat t'hekk huwa propost li dan ikun soġġett għal osservazzjoni statistika regolari.

(14)  Pereżempju: EYV 2011 Alliance, European Volunteer Centre (CEV), Johns Hopkins Center for Civil Society Studies (CCSS), u Associazione Promozione e Solidarietà (SPES).

(15)  Handbook on non-profit institutions in the System of National Accounts, United Nations Statistics Division, New York, 2003.

(16)  Traduzzjonijiet uffiċjali tal-Manwal huma disponibbli bil-Franċiż, l-Ispanjol, it-Taljan u l-Montenegrin u jistgħu jitniżżlu minn www.ilo.org u www.evmp.eu.

(17)  Abridged and modified version of the provisions set out in the Manual on the Measurement of Volunteer Work (p. 10). ISCO – International Standard Classification of Occupations, NACE – Statistical Classification of Economic Activities in the EU; ICNPO – International Classification of Nonprofit Organizations

(18)  Nałęcz, S., Sharing the Experience of Volunteer Work Measurement. Lessons from pioneer implementation of the ILO methodology by the Central Statistical Office of Poland, http://evmp.eu/wp-content/uploads/Lessons-Podgorica-GUSISP.pdf.

(19)  Cappadozzi, T., Sharing the Italian experience on the project of measurement of unpaid volunteer work. http://evmp.eu/wp-content/uploads/Cappadozzi_Presentation_EVMP-Conference_Madrid_3.28.2012.pdf.

(20)  Ġew applikati klassifikazzjonijiet aktar sempliċi fit-tliet pajjiżi li s'issa kejlu ix-xogħol volontarju skont il-Manwal tal-ILO.