52013DC0941

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: It-Tisħiħ tar-Reazzjoni tal-UE /* COM/2013/0941 final */


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti:

It-Tisħiħ tar-Reazzjoni tal-UE

1. Introduzzjoni

1.1 Xejriet u sfidi

Peress li l-istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ġiet aġġornata l-aħħar fl-2008, ix-xejriet, il-mezzi u t-tendenzi tar-radikalizzazzjoni evolvew u twessgħu.

L-ewwel nett, it-terroriżmu fl-Ewropa issa jsib l-ispirazzjoni tiegħu f'varjetà aktar wiesgħa ta' ideoloġiji, kif muri mir-rapport TE-Sat tal-Europol tal-2013. Dawn jinkludu ideoloġiji nazzjonalisti u separatisti, dawk ispirati mill-Al Qaida, ideoloġiji tax-xellug vjolenti, anarkisti, u tal-lemin.

It-tieni nett, attivitajiet terroristi u estremisti vjolenti fl-UE mhumiex id-dominju esklussiv ta' organizzazzjonijiet ċentralizzati u ġerarkiċi. It-theddida evolviet progressivament biex tinkludi gruppi iżgħar ibbażati fl-UE, ċelloli, u atturi solitarji li joperaw b'inqas restrizzjonijiet u b'mod iktar imprevedibbli. Huma jippjanaw attakki b'direzzjoni limitata jew mingħajr ebda direzzjoni minn xi organizzazzjoni, biex b'hekk jagħmlu l-prevenzjoni iktar diffiċli.

Ħafna terroristi li jippjanaw attakki fuq art Ewropea jkunu Ewropej huma stess. Attakki bħal dawn jikkawżaw iktar minn telf ta' ħajjiet u ħsara ekonomika; jistgħu jiżirgħu ż-żerriegħa tas-separazzjoni bejn il-komunitajiet fl-Ewropa, biex b'hekk iżidu opinjonijiet reazzjonarji u estremisti f'partijiet oħrajn tas-soċjetà. Dan jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-estremiżmu, li jipperpetwa ċirku vizzjuż ta' radikalizzazzjoni, aggressjoni, u reazzjonijiet vjolenti.

L-Ewropa hija wkoll direttament affettwata minn attività terrorista madwar id-dinja. L-Ewropej jistgħu jkunu vittmi ta' attakki, bħal ma wrew biċ-ċar l-atroċitajiet riċenti f'Nairobi. Iżda jistgħu wkoll ikunu l-awturi ta' dawn l-attakki. Ħafna drabi mpoġġija fuq it-triq għar-radikalizzazzjoni fl-Ewropa minn propaganda estremista jew minn rekluti, l-Ewropej jivvjaġġaw barra minn xtuthom biex jitħarrġu u jiġġieldu f'żoni ta' kumbattiment, u fil-proċess isiru iktar radikali.

Armati b'ħiliet ta' kumbatt akkwistati riċentement, ħafna minn dawn "il-ġellieda barranin" Ewropej jistgħu jpoġġu theddida għas-sigurtà tagħna mar-ritorn tagħhom minn żona ta' kunflitt. Fit-terminu twil jistgħu jaġixxu bħala katalisti għat-terroriżmu. Il-fenomenu tal-ġellieda barranin mhuwiex wieħed ġdid, iżda hekk kif qed ikompli l-ġlied fis-Sirja, in-numru ta' estremisti li jivvjaġġaw biex jieħdu sehem fil-kunflitt qed jiżdied. U hekk kif in-numru ta' ġellieda barranin Ewropej qed jiżdied, hekk ukoll tiżdied it-theddida għas-sigurtà tagħna.

Gruppi terroristiċi u estremisti qed jikkapitalizzaw fuq l-avvanzi fit-teknoloġija biex isibu modi ġodda biex jimpenjaw ruħhom ma' żgħażagħ li mhumiex affettwati, billi jieħdu vantaġġ minn siti ta' netwerking soċjali, kanali tal-vidjos onlajn u chat rooms radikali. Qed iferrxu l-propaganda tagħhom b'mod iktar wiesa', iktar rapidu, u iktar effettiv.

Tekniki ta' nfurzar tal-liġi tradizzjonali mhumiex biżżejjed biex jiġu trattati xejriet fir-radikalizzazzjoni li qed jevolvu, u għalhekk metodu iktar wiesa' huwa meħtieġ biex tiġi evitata u miġġielda r-radikalizzazzjoni. Dan il-metodu iktar wiesa' li jirrispondi għax-xejriet fir-radikalizzazzjoni jrid jimpenja s-soċjetà kollha kemm hi.

Din il-Komunikazzjoni tindirizza r-radikalizzazzjoni fil-forom kollha tagħha u tidentifika ż-żoni li jkopru spettru wiesa' ta' miżuri biex tiġi evitata u miġġielda r-radikalizzazzjoni għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti.

1.2 Approċċ u għan ġenerali

L-Istati Membri huma responsabbli biex jiddisinjaw u jimplimentaw miżuri mmirati biex jipprevjenu u jiġġieldu r-radikalizzazzjoni, u l-azzjonijiet ewlenin huma, u għandhom jibqgħu, fuq livelli nazzjonali u lokali. Ċerti Stati Membri għamlu ħafna xogħol f'dan il-qasam, u jistgħu jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma' Stati Membri oħra interessati.

Bit-tħassib li qiegħed jikber dwar ir-radikalizzazzjoni onlajn u ż-żieda notevoli fi gruppi estremisti pubbliċi fl-Ewropa, iktar u iktar Stati Membri qed jiffaċċjaw theddid mir-radikalizzazzjoni. Madwar l-UE, ir-riskju tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-vjolenza estremista qed jiżdied, u l-Istati Membri jibbenefikaw billi jżidu l-isforzi tagħhom biex jirrispondu effettivament għal dawn l-isfidi.

Ir-radikalizzazzjoni taqsam fruntieri nazzjonali b'ħafna modi. Pereżempju, l-użu ta' chat rooms, midja soċjali, u għodod onlajn oħra ħafna drabi għandu dimensjoni internazzjonali. It-tip ta' theddid li l-Istati Membri jiffaċċjaw hu ħafna drabi simili, allura jista' jkun effettiv kieku tittieħed azzjoni fuq livell ta' UE.

Il-Kummissjoni Ewropea digà qed tappoġġja l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiġi evitat u miġġieled l-estremiżmu. Fl-2011, il-Kummissjoni stabbilixxiet in-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), li jlaqqa' flimkien iktar minn 700 espert u prattikant minn madwar l-Ewropa. L-RAN jiġbor kompetenzi u jiffaċilita l-iskambju ta' ideat dwar suġġetti li jvarjaw mill-għoti tas-setgħa ta' atturi lokali sal-organizzazzjoni ta' konferenzi internazzjonali, biex b'hekk iġib flimkien il-kompetenzi fuq kull livell.

Din il-Komunikazzjoni tistipula kif il-Kummissjoni Ewropea, b'kollaborazzjoni mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (Rappreżentant Għoli) u bl-appoġġ tal-Koordinatur għal Kontra t-Terroriżmu tal-UE (CTC), tista' tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex tiġi prevista r-radikalizzazzjoni. Magħha l-Kummissjoni tirrispondi għall-konklużjonijiet ta' Ġunju 2013, u tikkontribwixxi għall-eżerċizzju iktar wiesa' li bih tiġi aġġornata l-Istrateġija tal-UE Kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu. Il-kapitolu segwenti jiddefinixxi għaxar oqsma fejn L-Istati Membri u l-UE jistgħu jieħdu aktar azzjoni biex jipprevjenu r-radikalizzazzjoni f'pajjiżhom u barra minn xtuthom.

L-azzjonijiet ippreżentati f'din il-Komunikazzjoni jirriflettu l-impenn tal-UE sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u r-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE, kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, inklużi l-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, u r-rispett għad-diversità lingwistika, kulturali u reliġjuża.

2. Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni

Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tar-Rappreżentant Għoli u s-CTC, u b'input sinifikanti mill-RAN, identifikat għaxar oqsma li l-Istati Membri u l-UE jistgħu jikkonsidraw bħala parti mill-isforzi tagħhom biex tiġi ttrattata r-radikalizzazzjoni f'pajjiżhom u barra minn xtuthom. Din it-taqsima tinkludi spjegazzjonijiet qosra dwar kif dawn l-ideat jistgħu jżidu l-valur mal-isforzi tal-Istati Membri biex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni, u tiddefinixxi f'kull każ kif il-Kummissjoni tista' tappoġġja l-Istati Membri interessati.

L-RAN ġabar kollezzjoni ta' metodi u l-aħjar prattiki minn ġewwa l-UE li l-Kummissjoni qed tpoġġi onlajn sabiex takkumpanja din il-Komunikazzjoni. Din il-kollezzjoni tinkludi firxa wiesgħa ta' prattiki li jindirizzaw aktar l-azzjonijiet proposti f'din il-Komunikazzjoni.[1]

L-azzjonijiet definiti fit-taqsimiet li ġejjin huma intenzjonati li jiġu implimentati billi jintużaw ir-riżorsi ta' programmi eżistenti taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020. Se jkunu ffinanzjati fi ħdan il-baġit ippjanat u b'mod konformi mal-objettivi tal-programmi. F'każ li jkun hemm bżonn iktar riżorsi umani, jerġa' jiġi mqassam persunal eżistenti. Kull missjoni assenjata lil aġenzija deċentralizzata taqa' taħt il-mandat kurrenti ta' dik l-aġenzija u tkun akkomodata taħt ir-riżorsi tagħha għall-perjodu 2014-2020. L-inizjattivi proposti mhux se jinvolvu kostijiet addizzjonali għall-baġit tal-UE.

2.1 L-Istati Membri jibbenefikaw minn strateġiji nazzjonali li qed jiżviluppaw biex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni

Għalkemm it-terroriżmu ma affettwax l-Istati Membri kollha direttament, it-theddida hija persistenti u l-attakki terroristi huma imprevedibbli. It-terroriżmu jista' jolqot kullimkien fi kwalunkwe ħin. Huwa għalhekk kruċjali li naħdmu flimkien biex nagħmlu dak li nistgħu biex nantiċipaw din it-theddida.

Numru ta' Stati Membri diġà implimentaw miżuri sabiex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni, kemm internament u kemm esternament. Iżda metodi komprensivi taħt il-fergħa tal-Istrateġija tal-UE ta' Kontra t-Terroriżmu mmirati biex jindirizzaw r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ mhumiex użati ħafna. Ċerti Stati Membri għandhom metodi bħal dawn, iżda oħrajn m'għandhomx. L-istrateġiji li jintużaw huma bbażati fuq kooperazzjoni orizzontali u vertikali bejn il-partijiet ikkonċernati mil-livell lokali għal-livell internazzjonali. Prevenzjoni effettiva tfisser l-involviment ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi, ħaddiema f'kuntatt dirett, servizzi tas-sigurtà u esperti fil-qasam.

Dawn l-istrateġiji jirrikjedu l-bini ta' fiduċja fi ħdan u bejn il-komunitajiet, il-promozzjoni ta' fehim aħjar tas-sensittivitajiet u l-problemi ta' xulxin, l-impenn f'taqsimiet differenti tas-soċjetà, u ħafna aktar. Il-ġabra ta' dawn l-aspetti differenti kollha flimkien tnaqqas ir-riskju ta' radikalizzazzjoni, u tirriżulta f'ċans akbar li jitwaqqfu l-proċessi li jwasslu għall-estremiżmu u l-vjolenza.

Kif identifikat mill-RAN, prerekwiżit għal prevenzjoni effettiva hu li aktar Stati Membri jintroduċu strateġiji biex jipprevjenu l-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu kemm ġewwa u kemm barra l-UE, ibbażati fuq l-analiżi u l-ispeċifikazzjonijiet tat-theddid tagħhom stess. Strateġiji nazzjonali jistgħu jorbtu mal-istrateġija riveduta tal-UE u jistgħu jikkonsidraw kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u atturi rilevanti oħra, sabiex jiġu identifikati modi innovattivi biex jiġu evitati u miġġielda r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti.

Il-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mar-Rappreżentant Għoli u bl-appoġġ tas-CTC, tista' wkoll tappoġġja l-Istati Membri fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tagħhom, tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' proġetti ġodda, u tiffaċilita l-kooperazzjoni ġewwa l-UE u lil hinn minnha.

2.2 Il-konsolidazzjoni ta' għarfien espert dedikat għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni

Hemm massa kbira ta' għarfien espert u l-aħjar prattika ġewwa l-UE u lil hinn minnha. Dawk li jfasslu l-politika u partijiet oħra interessati fl-Istati Membri għandu jkollhom aċċess għal din il-bażi tal-għarfien u jibnu b'mod attiv fuqha. It-twaqqif tal-RAN kien pass lejn dik id-direzzjoni; id-djalogi strutturati li rawwem għandhom jitkomplew u r-repożitorju tal-aħjar prattiċi li kien inġabar bħala riżultat għandu jiġi żviluppat aktar. L-UE għandha tkompli tgħin biex titqawwa l-kooperazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika, l-akkademiċi, l-imsieħba privati, u l-fora internazzjonali.

Sabiex jintlaħaq dan, il-Kummissjoni tipproponi li jissaħħaħ ir-rwol tas-segretarjat tal-RAN u tagħmlu iktar bħala fus tal-għarfien sal-2015, billi tikkonċentra l-għarfien espert dedikat biex jiġu evitati u miġġielda r-radikalizzazzjoni għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti. Barra mir-rwol loġistiku tiegħu, il-ħidmiet prinċipali jkunu:

- Primarjament jirrispondi għal rikjesti għal appoġġ minn Stati Membri u l-Kummissjoni fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-proposti dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni;

- Ilaqqa' l-għarfien espert fil-qasam tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, inkluż il-ġbir flimkien u t-tixrid tal-aħjar prattika, u jgħin b'mod attiv biex tieħu forma l-aġenda ta' riċerka;

- Iservi bħala ċentru ta' koordinazzjoni għal inizjattivi ta' prevenzjoni ġewwa u barra l-UE.

Is-segretarjat tal-RAN se jkun immexxi fuq bażi ta' żmien limitat wara l-ħruġ ta' tender.

2.3 Allinjament aħjar tax-xogħol tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni mal-bżonnijiet tal-Istati Membri

L-RAN kellu suċċess fl-iżvilupp ta' għodod għall-indirizzar tal-isfidi tar-radikalizzazzjoni. Ir-repożitorju onlajn tal-aħjar prattiki huwa eżempju tajjeb ta' dan ix-xogħol. Eżempju ieħor huwa l-faċilità tat-tagħlim elettroniku li tippermetti skambju remot ta' informazzjoni u ideat fost membri tan-netwerk. L-RAN beda wkoll jindirizza fenomeni speċifiċi f'sessjonijiet ta' ħidma u proġetti dedikati. Riċentement lesta xogħol fuq impenn ma' ġellieda barranin, billi ffoka fuq il-prevenzjoni, komunikazzjoni, ir-riabilitazzjoni u r-reintagrazzjoni. Dan huwa suġġett li dejjem qed isir iktar rilevanti hekk kif il-kunflitt fis-Sirja ma juri l-ebda sinjal li jbatti.

F'Jannar 2013 il-Kummissjoni żammet konferenza ta' livell għoli li fiha esperti tal-RAN iltaqgħu ma' dawk li jfasslu l-politika mill-Istati Membri biex jabbozzaw rakkomandazzjonijiet biex jiġi miġġieled l-estremiżmu vjolenti. Dan kien l-ewwel pass biex tingħalaq id-diskrepanza bejn l-RAN u dawk li jfasslu l-politika tal-Istati Membri, u l-Kummissjoni se tkompli taħdem biex tingħalaq din id-diskrepanza.

Skont l-esperjenza miġbura mill-RAN, il-Kummissjoni se:

- Torganizza konferenza oħra ta' livell għoli f'nofs l-2014;

- Tagħti struzzjonijiet lill-RAN biex jiffoka fuq l-appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri ssuġġeriti f'din il-Komunikazzjoni;

- Tilqa' l-inizjattivi tal-Istati Membri biex joħolqu pjattaformi nazzjonali – bbażati fuq il-mudell tal-RAN kull fejn ikun xieraq – immirati biex jipprovdu gwida aktar dettaljata għal dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u lokali u partijiet interessati li mhumiex statutorji;

- Tappoġġja konferenza dwar ġellieda barranin fis-Sirja li għandha ssir kmieni fl-2014 u mmexxija mill-RAN. Din il-konferenza se tlaqqa' flimkien rappreżentanti tas-setturi rilevanti kollha (infurzar tal-liġi, kura tas-saħħa, eċċ.) mill-ibliet fl-UE fejn ġellieda barranin qed jikkawżaw l-ikbar tħassib. Prattikanti lokali u esperti nazzjonali se jaqsmu prattiki u jiskambjaw ideat dwar il-prevenzjoni ta' ġellieda potenzjali milli jmorru s-Sirja u jimpenjaw ruħhom ma' ġellieda barranin wara li jirritornaw.

2.4  It-taħriġ ta' prattikanti biex jipprevjenu r-radikalizzazzjoni

Skont l-esperjenza mill-RAN, atturi lokali għandhom bżonn ikunu mgħammra b'mod xieraq biex jirrikonoxxu mġieba radikalizzata. Dan jgħodd speċjalment għal dawk li huma f'kuntatt dirett ma' individwi f'riskju ta' radikalizzazzjoni. Dawn il-ħaddiema f'kuntatt dirett jinkludu ħaddiema soċjali, edukaturi, ħaddiema fil-kura tas-saħħa, pulizija, persunal tal-ħabs, u persunal tal-probation. Għalkemm dawn il-professjonisti mhumiex kollha persunal tas-sigurtà, it-taħriġ u l-għarfien tagħhom tal-bżonnijiet tal-individwi f'riskju jfissru li huma fl-aħjar pożizzjoni biex jirrikonoxxu dawk l-individwi fil-proċess li jkunu radikalizzati. Iżda ħaddiema f'kuntatt dirett mhux dejjem ikollhom fehim tajjeb tal-proċess tar-radikalizzazzjoni jew għarfien ta' kif jirrispondu għalih. It-taħriġ huwa għalhekk bżonnjuż biex jgħinhom jirrikonoxxu u jinterpretaw is-sinjali tar-radikalizzazzjoni, u biex jgħinhom jiġġudikaw jekk intervent ikunx xieraq jew le.

Madwar l-Ewropa, korsjiet u taħriġ diġà ġew żviluppati biex jitqajmu għarfien u fehim fost ħaddiema li għandhom kuntatt dirett ma' individwi jew gruppi f'riskju. Iżda kif it-theddida tkompli tevolvi, qed isir iktar ċar li huwa meħtieġ metodu iktar komprensiv ġewwa u fost is-setturi. Metodu bħal dan għandu jibni fuq it-taħriġ eżistenti u jinkorpora l-aktar ħsibijiet riċenti. Ċerti Stati Membri waqqfu programmi ta' taħriġ għal varjetà ta' setturi, iżda oħrajn jillimitaw il-programmi ta' taħriġ tagħhom għall-gruppi destinatarji iktar tradizzjonali, bħall-persunal ta' nfurzar tal-liġi u l-persunal tal-ħabs. Xejriet riċenti fir-radikalizzazzjoni jirrikjedu li moduli ta' taħriġ jiġu estiżi għal setturi oħrajn, bħas-servizzi soċjali, il-kura tas-saħħa, u l-edukazzjoni.

Il-Kummissjoni se:

- B'kontribut mill-Istati Membri, se tagħti d-dmir lill-RAN li jwaqqaf programm Ewropew biex "jiġu mħarrġa dawk li jħarrġu", billi jiġi offrut kemm taħriġ speċifiku għas-settur u kemm taħriġ transsettorjali;

- Fejn ikun xieraq, tagħti d-dmir lill-RAN li jmexxi l-korsijiet ta' taħriġ li tiżviluppa;

- B'appoġġ mill-RAN, taħdem mal-Kulleġġ tal-Pulizija Ewropew (CEPOL) biex jiġi żviluppat modulu ta' taħriġ għall-professjonisti tal-infurzar tal-liġi dwar kif jiġi rikonoxxut u evitat il-proċess tar-radikalizzazzjoni.

2.5 L-Istati Membri jibbenefikaw minn "strateġiji ta' ħruġ" biex jgħinu individwi jħallu warajhom l-estremiżmu vjolenti

Anke xi ħadd li ġie radikalizzat sal-punt tal-estremiżmu vjolenti jew it-terroriżmu jista' jirrinunzja l-vjolenza u l-ideoloġija tagħha. "L-Istrateġiji ta' ħruġ" jistgħu jgħinu r-radikali jiddiżimpenjaw (jirrinunzjaw il-vjolenza mingħajr ma jċedu l-ideoloġija li mibnija fuqha) u jwaqqfu r-radikalizzazzjoni (jirrinunzjaw kemm il-vjolenza u kemm l-ideoloġija mibnija fuqha). Dawn l-istrateġiji jvarjaw fl-ambizzjoni, mill-iskoraġġament tal-estremisti mill-vjolenza għar-reintegrazzjoni tal-eks radikali fis-soċjetà. Kull radikali huwa individwu bil-motivazzjonijiet u r-raġunament tiegħu, għalhekk il-programmi ta' ħruġ għandhom ikunu mfassla għall-bżonnijiet individwali.

L-istrateġiji ta' ħruġ ġeneralment jiddependu fuq superviżjoni individwali li tikkonsisti f'appoġġ psikoloġiku u servizz ta' konsulenza. Dan huwa kombinat ma' appoġġ soċjali u ekonomiku biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid. Is-superviżuri jridu jippossjedu l-kompetenzi professjonali speċifiċi, ikunu mħarrġa b'mod adegwat, u jkunu appoġġjati minn prattikanti oħrajn.

L-istrateġiji ta' ħruġ għandhom ikunu nkorporati fil-kuntest soċjetali iktar wiesa'. Strateġiji bħal dawn għandhom jimpenjaw ruħhom ma' familji u komunitajiet, li jkunu ħafna drabi fl-aħjar pożizzjoni biex jikkontribwixxu għad-deradikalizzazzjoni, billi jinkoraġġixxu d-diskussjoni ta' kwistjonijiet diffiċli, billi jelenkaw għajnuna mill-komunità aktar wiesgħa, u billi jibqgħu attenti għal kambjamenti ta' tħassib fl-imġiba.

Esperjenzi mill-RAN urew li awtoritajiet nazzjonali u lokali jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ ta' impenn akbar ma' familji, billi jgħinuhom jifhmu u jisfidaw ir-radikalizzazzjoni tal-qraba tagħhom, jew, fejn possibbli, jipprevjenuha. Servizzi ta' konsulenza, hotlines, u netwerks ta' appoġġ lokali jistgħu jipprovdu appoġġ kruċjali f'ċirkostanzi diffiċli.

B'metodu bħal dan, l-istrateġiji ta' żvilupp iridu jkunu diżinjati u implimentati b'kollaborazzjoni ma' varjetà wiesgħa ta' partijiet interessati tal-istat u mhux tal-istat. Dan huwa magħruf bħala l-approċċ ta' aktar minn aġenzija waħda. L-isforzi biex jiġu promossi l-istrateġiji ta' ħruġ jistgħu jużaw kollaborazzjoni transsettorjali bejn l-awtoritajiet rilevanti bħall-pulizija, is-servizzi tal-ħabs u tal-probation, dawk li jipprovdu s-servizzi soċjali, l-iskejjel, eċċ. Għandhom jieħdu perspettiva fit-tul, billi jieħdu in konsiderazzjoni fatturi soċjoekonomiċi moħbija, u billi jkollhom riżorsi dedikati għad-dispożizzjoni tagħhom.

Sabiex tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta' ħruġ bħal dawn, il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, se tqabbad l-RAN jiġbor l-informazzjoni u għarfien espert biex tappoġġjhom, fuq talba tagħhom stess, fl-istabbiliment ta' programmi effettivi ta' deradikalizzazzjoni u diżimpenn. Appoġġ bħal dan jinkludi:

- L-organizzazzjoni ta' gruppi ta' ħidma madwar l-UE mal-Istati Membri biex jiġu esplorati programmi differenti ta' deradikalizzazzjoni u diżimpenn u biex jiġu diskussi mekkaniżmi ta' referenza għal familji, komunitajiet, u ħaddiema b'kuntatt dirett;

- It-twaqqif ta' taħriġ għal prattikanti lokali li jgħinu individwi jiddiżimpenjaw u jwaqqfu r-radikalizzazzjoni;

- Il-ħidma, fuq talba ta' kull Stat Membru, mal-amministrazzjoni ċentrali u l-awtoritajiet lokali tiegħu biex jiġi appoġġjat it-twaqqif ta' programmi nazzjonali ta' deradikalizzazzjoni jew diżimpenn.

2.6 Kooperazzjoni iktar mill-qrib mas-soċjetà ċivili u s-settur privat biex jiġu indirizzati l-isfidi ffaċċjati onlajn

It-teknoloġija tal-komunikazzjoni moderna toffri aċċess mingħajr preċedent għall-informazzjoni. Ir-radikalizzaturi qed jieħdu vantaġġ minn dan billi jużaw għodod onlajn biex jibgħatu l-messaġġi ta' mibegħda tagħhom b'mod iktar effettiv minn qatt qabel. Barra minn hekk, l-utenti tal-internet tal-lum jistgħu jaċċessaw materjal estremist fil-privatezza tad-djar tagħhom. Barra minn hekk, individwi radikalizzati jistgħu jikkomunikaw faċilment ma' nies f'riskju ta' radikalizzazzjoni. Rivisti, bħall-Inspire tal-Al Qaida fil-Peniżola Għarbija, li hija ppubblikata onlajn, juru stampa mhux reali tal-ħajja bħala terrorist. Vidjos promozzjonali għal gruppi bħal Al-Shabab huma faċli biex jinsabu. Anke vidjos grafiċi li juru atti ta' terroriżmu jistgħu jinsabu fuq pjattaformi tal-internet tradizzjonali popolari.

Jista' jsir aktar sabiex tiġi pprevenuta din il-propaganda perikoluża milli tipprolifera u tilħaq l-udjenza destinatarja tagħha, u sabiex tittieħed azzjoni fuqha. L-Istati Membri u l-fornituri tas-servizz jikkooperaw fuq bażi ad hoc biex jitneħħa materjal illeċitu, iżda peress li ħafna websajts estremisti huma bbażati barra l-UE din hija biċċa xogħol diffiċli. Id-Direttiva dwar Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi diġà tobbliga l-awtoritajiet f'kull pajjiż tal-UE li jiżguraw li s-servizzi awdjoviżivi ma jkollhomx l-ebda inċitament għall-mibegħda bbażat fuq razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità. L-azzjonijiet kollha meħuda taħt din id-Direttiva jridu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għal-libertà tal-espressjoni.

Il-ġlieda kontra l-propaganda estremista tfisser iktar minn projbizzjoni jew tneħħija ta' kontenut illegali biss. Irid jinfirex messaġġ pożittiv u ffokat bir-reqqa, u jrid jinfirex 'il bogħod biżżejjed biex joffri lill-utenti vulnerabbli tal-internet alternattiva aċċessibbli faċilment għall-propaganda terrorista.

Il-Kummissjoni tinsab lesta li toffri appoġġ lill-Istati Membri, pajjiżi terzi, is-settur privat, is-soċjetà ċivili, u l-individwi fl-isforzi tagħhom biex jinħoloq counter-messaging onlajn u biex kontenut illegali jinżamm mill-aċċess pubbliku. Sabiex jintlaħaq dan, il-Kummissjoni se tieħu l-azzjonijiet li ġejjin:

- Twaqqaf forum b'persuni prinċipali fl-industrija biex jiddiskutu l-kobor tal-problema, il-passi li qed jieħdu l-partijiet interessati, u l-opportunitajiet għal kooperazzjoni iktar mill-qrib. Il-parteċipanti jiddiskutu firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, inklużi l-modi kif il-pubbliku jsibha iktar faċli jimmarka materjal offensiv jew potenzjalment illegali, biex jiġi promoss il-ħolqien ta' kontronarrativi onlajn, u biex isiru disponibbli messaġġi alternattivi aċċessibbli faċilment li jistimolaw ħsieb kritiku. Dan il-forum ikollu laqgħat regolari ta' livell għoli u tekniku, u jirrapporta dwar l-attivitajiet tiegħu; 

- Tkompli tinkoraġġixxi l-gruppi tal-komunità, iċ-ċittadini, il-vittmi u l-eks estremisti biex jiżviluppaw kontronarrativi. Bħala parti minn dan l-isforz il-Kummissjoni se tqabbad lill-RAN biex jiżviluppa kontronarrativi onlajn mingħand eks terroristi u vittmi tat-terroriżmu. L-għan huwa li tiġi prodotta varjetà ta' vidjos u messaġġi onlajn li jolqtu n-nies f'riskju. L-ilħiq u l-impatt ta' dawn il-vidjos se jiġi mkejjel, u għandu jiġi prodott rapport għall-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-kontronarrativi onlajn effettivi.

2.7 L-għoti tas-setgħa lill-vittmi biex jgħin fl-evitatar tar-radikalizzazzjoni

Il-vittmi ta' vjolenza estremista jsofru ħsara kbira u jkollhom bżonn ikunu appoġġjati fl-irkupru tagħhom. Jekk jingħataw tip ta' appoġġ tajjeb, jistgħu jagħżlu li jitkellmu kontra l-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu. Preċiżament għax is-sofferenza tagħhom hija daqshekk personali u diretta, huma xhieda kredibbli għall-aħħar, u l-impatt tagħhom huwa akbar minn dak li kwalunkwe organizzazzjoni statutorja tista' tispera li tilħaq. Jistgħu jġibu lura d-dar il-konsegwenzi veri tat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti u jifformaw bilanċ iktar effettiv għall-propaganda unilaterali tal-estremisti.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tgħin il-vittmi tat-terroriżmu u l-vjolenza estremista, u se:

- Tkompli ssaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi u tappoġġja l-gruppi u n-netwerks, kemm ġewwa l-UE u lil hinn minnha;

- Tiffinanzja proġetti li jippermettu l-vittmi jgħidu l-istejjer tagħhom, kemm bħala parti mill-irkupru tagħhom u kemm bħala parti mill-isforz biex jinħolqu kontronarrativi ġodda;

- Iżżid l-għarfien pubbliku dwar is-sitwazzjoni tal-vittmi billi tikkommemora Jum il-Vittmi fil-11 ta' Marzu kull sena, u billi twaqqaf wirjiet iddedikati għall-istejjer tal-vittmi.

2.8 Jista' jsir aktar biex iż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jaħsbu b'mod kritiku dwar il-messaġġi estremisti

In-nies jiġu influwenzati l-aktar fl-adolexxenza u kmieni fil-ħajja adulta, u ħafna mill-valuri u l-attitudnijiet li jiżviluppaw f'dan l-istadju jibqgħu magħhom għall-maġġoranza ta' ħajjithom. Għalhekk mhux sorprendenti, li dawk l-iktar f'riskju minn propaganda radikali huma adolexxenti u adulti żgħażagħ. Fil-passat, l-aċċess għal materjal estrem seta' jiġi kkontrollat aħjar minn ġenituri, għalliema, u mexxejja tal-komunità. Madankollu, b'teknoloġiji ġodda u l-firxa ta' dan il-materjal, dan m'għadux il-każ.

Iż-żgħażagħ ħafna drabi jużaw l-internet waħedhom, meta ma jkun hemm ħadd jikkritika l-materjal ħażin. Dan iżid il-periklu li l-messaġġ jieħu l-ħajja u jwassal iż-żgħażagħ għall-vjolenza. Iżda hekk kif iż-żgħażagħ jistgħu jkunu esposti għal materjal dannuż onlajn, hekk ukoll jistgħu jsibu kontronarrativi pożittivi. Hemm bżonn li jittieħdu passi biex iż-żgħażagħ jiġu nkuraġġuti ma jibqgħux passivi iżda jaħsbu b'mod kritiku, biex jisfidaw l-opinjonijiet estremisti u jagħżlu fosthom. L-RAN identifika djalogu interkulturali u skambji personali bejn iż-żgħażagħ bħala metodu prinċipali biex tinbena reżiljenza għall-propaganda estremista. Impenn ċiviku u parteċipazzjoni fil-komunitajiet jgħinu wkoll fil-bini ta' attitudnijiet pożittivi.

L-RAN għaraf li l-edukazzjoni, it-taħriġ, u s-setturi tax-xogħol taż-żgħażagħ ħafna drabi jkunu fl-aħjar pożizzjoni biex jgħinu ż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet ta' ħsieb kritiku. Sabiex jitkabbar l-impatt tal-isforzi ta' kontra r-radikalizzazzjoni, dawk li jfasslu l-politika tal-Istati Membri fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-attivitajiet għaż-żgħażagħ informali, u s-sigurtà jistgħu jikkooperaw iktar mill-viċin biex jiġu żviluppati programmi iktar effettivi.

Sabiex jintlaħaq dan, il-Kummissjoni se tieħu l-azzjonijiet li ġejjin:

- Tappoġġja l-Istati Membri billi tidentifika u tqassam programmi ddisinjati biex jitrawmu ħiliet ta' ħsieb kritiku. L-espożizzjoni ta' difetti fi propaganda estremista u terrorista tinkoraġġixxi ż-żgħażagħ jisfidaw l-opinjonijiet li din il-propaganda tippreżenta. L-attività tal-Kummissjoni dwar il-litteriżmu medjatiku ġewwa l-Programm Ewropa Kreattiva toffri l-Istati Membri u l-esperti modi kif jiżviluppaw għodod effettivi f'dan il-qasam;

- Tuża Erasmus+, il-programm ta' finanzjament tal-UE għal kooperazzjoni fl-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ, u l-isport biex toffri opportunitajiet sostanzjali fl-2014-2020 għall-mobilità tal-istudenti u l-għalliema u biex tappoġġja sħubiji bejn partijiet interessati. Dan iżid il-livelli ta' ħiliet, ikabbar il-kwalità tat-tgħalim, jimmodernizza l-edukazzjoni u s-sistemi ta' taħriġ u fl-aħħar mill-aħħar jgħin liż-żgħażagħ fl-iżvilupp tar-reżiljenza tagħhom għal opinjonijiet estremisti;

- Tappoġġja gruppi lokali u tal-komunità li jaħdmu ma' eks estremisti vjolenti u mal-vittmi tal-vjolenza biex turi ż-żgħażagħ li hemm naħa oħra tal-istorja. Il-Kummissjoni se tqabbad ukoll lill-RAN bit-twaqqif ta' ġabra ta' prattikanti, vittmi tat-terroriżmu, u eks terroristi għall-benefiċċju ta' skejjel interessati fl-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet b'mod iktar dettaljat.

2.9 Għandha titwettaq iktar riċerka fix-xejriet tar-radikalizzazzjoni u l-evalwazzjoni ta' prattiki eżistenti

Ma nistgħux niżviluppaw reazzjoni immirata tajjeb għal sfidi emerġenti ta' estremiżmu vjolenti sakemm ma nifhmux x'imexxi l-proċess. Riċerka mwettqa fuq livell ta' UE tista' żżid mal-valur meta l-għan tagħha jkun li titraċċa u tanalizza xejriet wiesgħin fir-radikalizzazzjoni. Il-Kummissjoni bħalissa qed tiffinanzja riċerka fil-motivazzjonijiet ta' atturi solitarji u għalfejn iduru għall-vjolenza, iċ-ċaqliq minn moderazzjoni għal estremiżmu vjolenti, u l-ħolqien ta' gwida għall-evalwazzjoni tal-impatt ta' programmi li jindirizzaw r-radikalizzazzjoni. Hemm bżonn ta' iktar riċerka biex nifhmu kif u għalfejn in-nies jirradikalizzaw jew jidderadikalizzaw. Din ir-riċerka għandha tindirizza r-rwoli tal-ideoloġija, tekniki ġodda ta' reklutaġġ fuq l-internet, u mudelli.

Biex tappoġġja iktar riċerka l-Kummissjoni se:

- Tuża l-programm Orizzont 2020 biex tiffinanzja riċerka f'Soċjetajiet Siguri, sforz kollaborattiv li jinkludi riċerka fir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ;

- Tuża s-sorsi ta' fondi Reżilienza għad-Diżastri u Ġlieda kontra l-Kriminalita u t-Terroriżmu (li fil-futur se jkun Fond għas-Sigurtà Interna) biex tiġi ffinanzjata iktar riċerka dwar modi biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni.

- Taħdem ma' persuni li jfasslu l-politika nazzjonali, l-RAN, u r-riċerkaturi, biex tiżgura li r-riċerka tibqa' mmirata.

2.10 Ħidma iktar mill-qrib ma' pajjiżi msieħba biex tiġi evitata u miġġielda r-radikalizzazzjoni kemm ġewwa u kemm barra l-UE

Flimkien ma' azzjonijiet meħuda internament, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jippromwovu inizjattivi f'pajjiżi terzi, b'enfasi partikolari fuq pajjiżi fraġli jew affettwati minn kunflitt, pajjiżi fi tranżizzjoni jew dawk karatterizzati minn governanza dgħajfa. Il-vulnerabbilità għar-radikalizzazzjoni ma tiqafx fil-fruntieri tal-UE; huwa magħruf sew li l-proċess tar-radikalizzazzjoni jiġri wkoll barra mill-Unjoni, f'kampijiet ta' taħriġ tat-terroriżmu u f'żoni ta' kunflitt. Għalhekk, flimkien ma' dawn il-miżuri interni, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jinkoraġġixxu pajjiżi msieħba biex jieħdu miżuri tagħhom stess.

Peress li hemm konnezzjoni ċara bejn dimensjonijiet interni u esterni, il-Kummissjoni se taħdem iktar mill-viċin mar-Rappreżentant Għoli u s-CTC biex tiżgura li l-aspetti interni u esterni tar-reazzjoni Ewropew dwar il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni huma allineati sew. Dawn l-aspetti għandhom bżonn jindirizzaw il-prioritajiet it-tajba u jkunu nformati sew minn analiżi tar-riskju meħuda jew għodod ta' valutazzjoni tal-kunflitt oħrajn użati f'pajjiżi terzi. Fl-istess ħin, trid tingħata attenzjoni speċjali lid-dimensjonijiet transnazzjonali u transkontinentali tal-programmi u l-proġetti li jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jieħdu l-azzjonijiet li ġejjin:

- Iżidu l-isforzi ta' bini ta' kapaċità esterni li jiffokaw fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u jkunu ċerti li dan ix-xogħol huwa integrat fil-pjanijiet ta' azzjoni u fid-djalogi politiċi bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba tagħha. Xogħol estern imwettaq biex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni sar komponent dejjem iktar importanti tal-kooperazzjoni ta' kontra t-terroriżmu tal-UE, u huwa ppjanat iktar investiment f'dan il-qasam, speċjalment taħt l-Istrument għall-Istabbiltà. L-UE se tappoġġja proġetti dwar il-Ġlieda Kontra l-Estremiżmu Vjolenti (CVE) fil-Qarn tal-Afrika u fl-Asja tan-Nofsinhar. Huwa ppjanat iffinanzjar addizzjonali għal dawn l-attivitajiet fl-Afrika tal-Punent. L-UE timmira wkoll li tniedi proġetti permezz taċ-Ċentru Internazzjonali ta' Eċċellenza għall-Ġlieda Kontra l-Estremiżmu Vjolenti f'Abu Dhabi (iċ-Ċentru Hedaya) biex tiżviluppa, fost affarijiet oħra, programmi ta' taħriġ interni biex taqsam ħiliet speċifiċi għas-settur ma' prattikanti f'kuntatt dirett f'pajjiżi msieħba;

- Tenfasizza r-rabtiet bejn programmi ta' edukazzjoni u sigurtà ffinanzjati permezz ta' strumenti ta' assistenza esterni biex it-tfal u ż-żgħażagħ f'pajjiżi terzi jiġu mħeġġa jiżviluppaw ħsieb kritiku mill-istadji bikrija tal-edukazzjoni tagħhom u għalhekk iżżommhom milli jsiru vittmi tar-radikalizzazzjoni, il-vjolenza estremista jew it-terroriżmu;

- Tappoġġja l-midja bħala attur prinċipali biex jissaħħaħ id-djalogu ma' organizzazzjoniet tas-soċjetà ċivili, awtoritajiet lokali, atturi tas-settur privat, akkademiċi, organizzazzjonijiet reġjonali jew internazzjonali f'pajjiżi terzi fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni;

- Tgħin fit-tiswir tal-Fond Globali għall-Impenn u r-Reżilienza tal-Komunità riċentement imniedi mill-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu. Dan il-Fond jappoġġja inizjattivi ta' kontra r-radikalizzazzjoni fuq livell lokali u jopera parzjalment ma' riżorsi privati;

- Tinkorpora strateġiji biex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti f'għodod u strumenti ta' kooperazzjoni ta' żvilupp tradizzjonali, partikolarment fi stati fraġli bit-tendenza għal estremiżmu vjolenti;

- Tistabbilixxi netwerks esterni biex tippromwovi strateġiji preventivi bejn delegazzjonijiet tal-UE u ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE f'reġjuni ta' priorità, u tiżgura li d-delegazzjonijiet jistgħu jidentifikaw opportunitajiet biex jappoġġjaw impenn tas-soċjetà ċivili u proġetti tas-CVE. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jappoġġjaw ukoll delegazzjonijiet tal-UE biex jistħarrġu attitudnijiet lejn l-UE u jivvalutaw kif il-messaġġi tal-UE qed jiġu rċevuti f'pajjiżi ta' priorità.

3. It-Triq ’il Quddiem

Din il-Komunikazzjoni identifikat azzjonijiet li l-Istati Membri u l-UE jistgħu jieħdu biex jevitaw u jiġġieldu r-radikalizzazzjoni b'mod iktar effettiv. Il-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mar-Rappreżentant Għoli u bl-appoġġ tal-Koordinatur għal Kontra t-Terroriżmu, toffri lill-Istati Membri għodod u appoġġ għax-xogħol tagħhom.

Din il-Komunikazzjoni hija maħsuba wkoll biex iddaħħal il-viżjonijiet tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tal-Istrateġija biex jiġu Miġġielda r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat Terroriżmu tal-UE, li għandha tiġi mibdija fl-2014.

Il-Kummissjoni, b'ħidma mar-Rappreżentant Għoli u l-Koordinatur għal Kontra t-Terroriżmu, se tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet differenti li jinsabu f'din il-Komunikazzjoni lejn l-aħħar tal-2015.

***

[1] http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/networks/radicalisation_awareness_network/index_en.htm.