KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi /* COM/2013/0913 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn mobilità urbana kompetittiva u
effiċjenti fl-użu tar-riżorsi 1. Introduzzjoni L-ibliet tal-Ewropa[1] – id-dar ta’ 70%
tal-popolazzjoni tal-UE u li jiġġeneraw aktar minn 80% tal-PDG
tal-Unjoni – huma mqabbdin ma’ xulxin permezz ta’ waħda mill-aqwa sistemi
tat-trasport fid-dinja. Iżda l-mobilità urbana qiegħda ssir dejjem
iktar diffiċli u ineffiċjenti. Il-mobilità urbana għadha
tiddependi ħafna fuq l-użu ta’ karozzi privati li jaħdmu
bil-fjuwil b’mod konvenzjonali. Qed isir biss progress bil-mod fil-bidla lejn
modi iktar sostenibbli ta’ mobilità urbana. Ħafna bliet Ewropej isofru minn
konġestjoni kronika tat-traffiku li hija stmata li tiswa mat-80 biljun
ewro fis-sena[2].
Iż-żoni urbani huma wkoll il-kawża
ta’ sehem kbir, madwar 23%, tal-emissjonijiet tas-CO2 kollha
mit-trasport. L-ibliet iridu jagħmlu iktar sforzi biex ibiddlu t-tendenzi
tal-passat u jikkontribwixxu biex jiksbu tnaqqis ta’ 60% tal-emissjonijiet
tal-gassijiet serra kif mitlub mill-White Paper tal-Kummissjoni “Pjan
direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema
tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”[3] (minn hawn ’il quddiem
“White Paper dwar it-Trasport tal-2011”). Bid-densitajiet għoljin
tal-popolazzjoni tagħhom u bil-proporzjon kbir ta’ vjaġġi fuq
distanza qasira tagħhom, hemm potenzjal ikbar għall-ibliet li jersqu
lejn trasport b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, milli s-sistema tat-trasport
b’mod ġenerali, permezz tal-iżvilupp tal-mixi, l-użu tar-roti,
it-trasport pubbliku – u l-introduzzjoni bikrija fis-suq ta’ vetturi li
jaħdmu bi fjuwils alternattivi. Il-leġislazzjoni tal-UE dwar il-kwalità
tal-arja[4]
u l-istandards dejjem iktar stretti dwar l-emissjonijiet għall-vetturi
tat-toroq ifittxu li jipproteġu liċ-ċittadini minn
espożizzjoni perikoluża għal sustanzi li jniġġsu
l-arja u minn materja partikolata. Iżda l-ibliet fi prattikament l-Istati
Membri kollha għadhom qegħdin isibuha diffiċli biex jikkonformaw
mar-rekwiżiti legali. In-numru ta’ fatalitajiet fit-toroq fl-UE jibqa’
għoli ħafna, madwar 28,000 fl-2012. Iż-żoni urbani huma
responsabbli għal 38% tal-fatalitajiet fit-toroq, b’utenti vulnerabbli
bħal nies mexjin partikolarment esposti. Il-progress biex jitnaqqsu
l-fatalitajiet fit-triq kien taħt il-medja fiż-żoni urbani. Stħarriġ tal-Eurobarometer[5] investiga
l-attitudnijiet lejn il-mobilità urbana. Il-maġġoranza kbira
taċ-ċittadini tqis il-konġestjoni, l-ispejjeż u l-impatt
negattiv tal-mobilità urbana u tal-mudelli tat-trasport fuq l-ambjent u
s-saħħa umana bħala problemi importanti. Il-maġġoranza
ta’ dawk li wieġbu kienu pjuttost pessimisti dwar il-prospetti
għat-titjib tas-sitwazzjoni tat-traffiku fl-ibliet tagħhom. L-istħarriġ wera wkoll li jeżistu
differenzi konsiderevoli madwar l-UE. Hemm ‘differenza fil-mobilità urbana’
dejjem tikber bejn il-ftit bliet avvanzati fl-Ewropa u l-maġġoranza
li għadhom lura ħafna. L-Istrateġija Ewropa 2020 għal
tkabbir intelliġenti, inklussiv, u sostenibbli[6] enfasizzat l-importanza
ta’ sistema Ewropea modernizzata u sostenibbli ta’ trasport
għall-iżvilupp futur tal-Unjoni u enfasizzat il-ħtieġa li
tkun indirizzata d-dimensjoni urbana tat-trasport. Hemm
bżonn ta’ bidla fil-pass. Din
il-Komunikazzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ
l-appoġġ lill-ibliet Ewropej biex iwieġbu għall-isfidi
tal-mobilità urbana. Hemm bżonn ta’ bidla fil-pass fl-approċċ
għall-mobilità urbana biex jiġi żgurat li ż-żoni
urbani tal-Ewropa jiżviluppaw b’mod iktar sostenibbli u li jintlaħqu
l-għanijiet tal-UE għal sistema tat-trasport Ewropea iktar
kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti. Huwa
kruċjali wkoll li jingħelbu l-approċċi frammentati u li
s-suq waħdieni jiġi żviluppat għal soluzzjonijiet innovattivi
ta’ mobilità urbana billi jiġu indirizzati kwistjonijiet bħal
standards jew speċifikazzjonijiet komuni jew xiri konġunt. Il-Komunikazzjoni
tistabbilixxi kif il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-azzjonijiet
tagħha dwar mobilità urbana sostenibbli f’żoni fejn hemm valur
miżjud tal-UE. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi wkoll lill-Istati
Membri biex jieħdu azzjoni iktar deċiżiva u kkordinata
aħjar. 2. Flimkien niksbu mobilità
urbana sostenibbli It-trasformazzjoni tal-mobilità urbana
teħtieġ azzjoni kkordinata mill-persuni li jieħdu
d-deċiżjonijiet u l-awtoritajiet kompetenti fil-livelli kollha
tal-gvern. Azzjoni fil-livell tal-UE għandha
tikkontribwixxi għall-isforz konġunt:
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Mobilità Urbana fl-2009[7] sab appoġġ
kbir mill-Parlament Ewropew[8],
mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[9],
mill-Kumitat tar-Reġjuni[10]
u mill-Istati Membri[11],
kif ukoll mill-partijiet interessati madwar l-Unjoni. L-20 inizjattiva tal-Pjan
ta’ Azzjoni ġew implimentati b’suċċess sal-2012. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni
nediet reviżjoni indipendenti[12]
tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u konsultazzjoni pubblika[13] biex tesplora t-triq
’il quddiem. Il-partijiet interessati affermaw mill-ġdid il-valur
miżjud tal-appoġġ fuq il-livell tal-UE u enfasizzaw li l-azzjoni
tal-UE kienet partikolarment adegwata biex tiżgura dibattitu wiesa’ dwar
il-mobilità urbana madwar l-Unjoni; biex tiffaċilita l-iskambju ta’
esperjenzi u l-aqwa prattiki; biex tikkatalizza r-riċerka u
l-innovazzjoni; u biex tipprovdi appoġġ finanzjarju għal
proġetti tat-trasport urban, b’mod partikolari fir-reġjuni l-inqas
żviluppati. Huma enfasizzaw ukoll l-importanza li jaħdmu flimkien fuq
temi speċifiċi bħall-ippjanar għall-mobilità urbana,
l-użu ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) jew regolamenti
tal-aċċess, u s-sigurtà fit-triq. Azzjoni mifruxa mal-UE fuq il-mobilità urbana
teħtieġ li tinvolvi lill-Istati Membri: L-inizjattivi
tal-Kummissjoni ma jistgħux jilħqu kull belt u raħal mill-eluf
li jinsabu madwar l-Ewropa, lanqas ma jistgħu jidentifikaw
b’suċċess u jegħlbu l-barrieri speċifiċi għal
mobilità urbana aħjar u iktar sostenibbli li tista’ teżisti
f’partijiet differenti tal-Unjoni. Biex jintużaw b’mod effettiv u wiesa’,
il-kunċetti u l-għodod żviluppati fuq livell Ewropew għandhom
jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull Stat
Membru u mbagħad għandha ssir promozzjoni attiva tagħhom
fil-livelli nazzjonali u reġjonali. 3. Il-Pjanijiet Ta’ Mobilità
Urbana Sostenibbli Qed jinbtu approċċi ġodda
għall-ippjanar tal-mobilità urbana hekk kif l-awtoritajiet lokali qed
jippruvaw jabbandunaw l-approċċi tas- sajlos tal-passat u
jiżviluppaw strateġiji li jistgħu jistimulaw bidla għal modi
iktar nodfa u iktar sostenibbli ta’ trasport, bħall-mixi, l-użu
tar-roti[14],
it-trasport pubbliku, u mudelli ġodda għall-użu tal-karozzi u
sjieda ta’ karozzi. Ħafna bliet madwar l-UE esperimentaw b’soluzzjonijiet
innovattivi għall-mobilità urbana u qasmu l-esperjenzi tagħhom
permezz ta’ netwerks ta’ bliet varji. Il-Kummissjoni ppromwoviet b’mod attiv
il-kunċett ta’ ppjanar ta’ mobilità urbana sostenibbli għal bosta
snin. Inizjattivi ffinanzjati mill-UE laqqgħu flimkien partijiet
interessati u esperti biex janalizzaw l-approċċi preżenti,
jiddiskutu oqsma problematiċi u jidentifikaw l-aqwa prattiki tal-ippjanar.
Bl-appoġġ tal-Kummissjoni[15],
ġew żviluppati linji gwida għall-iżvilupp u
l-implimentazzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli[16], pereżempju, li
jipprovdu lill-awtoritajiet lokali b’suġġerimenti konkreti dwar kif
iridu jiġu implimentati strateġiji għall-mobilità urbana li
jibnu fuq analiżi magħmula bir-reqqa tas-sitwazzjoni preżenti,
kif ukoll bħala viżjoni ċara għall-iżvilupp
sostenibbli għaż-żona urbana tagħhom. Il-kunċett ta’ Pjan ta’ Mobilità Urbana
Sostenibbli jikkunsidra ż-żona urbana funzjonali u jipproponi li l-azzjoni
fuq il-mobilità urbana tkun imsejsa fuq strateġija urbana u territorjali
usa’. Għalhekk, dawn il-Pjanijiet għandhom jiġu żviluppati
b’kooperazzjoni madwar oqsma u setturi politiċi differenti (it-transport,
l-ippjanar tal-użu tal-art u tal-ispazju[17],
l-ambjent, l-iżvilupp ekonomiku, il-politika soċjali,
is-saħħa, is-sikurezza fit-triq, eċċ); madwar livelli
differenti ta’ gvern u amministrazzjoni; kif ukoll flimkien ma’ awtoritajiet
f’żoni fil-qrib – kemm urbani u rurali. Il-Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli
huma dwar it-trawwim ta’ żvilupp ibbilanċjat u integrazzjoni
aħjar ta’ modi differenti ta’ mobilità urbana. Dan l-ippjanar jenfasizza
li l-mobilità urbana hija primarjament dwar in-nies. Għalhekk jenfasizza
l-parteċipazzjoni taċ-ċittadin u tal-partijiet interessati, kif
ukoll li jrawwem bidliet fl-imġieba tal-mobilità. Il-Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli
jistgħu jgħinu lill-ibliet sabiex jagħmlu użu iktar
effiċjenti u jadottaw miżuri għall-mobilità urbana b’mod
kost-effettiv. Il-kunċett ta’ Pjanijiet ta’ Mobilità
Urbana Sostenibbli qabad pass mgħaġġel matul dawn
l-aħħar snin u l-Kummissjoni se tkompli tappoġġja
l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-kunċett fil-futur. Madankollu, biex jiġi żgurat li l-aqwa
prattiki fl-ippjanar għal mobilità urbana jibdew jitwettqu, dan
il-kunċett għandu jiġi adattat għar-rekwiżiti
speċifiċi u l-prattiki tal-ippjanar eżistenti f’kull Stat Membru
u mbagħad għandu jiġi promoss b’mod attiv fuq livell nazzjonali.
Barra minn hekk, għandhom jiġu addottati miżuri xierqa fl-Istati
Membri biex jassiguraw qafas ta’ kundizzjonijiet li jippermettu
lill-awtoritajiet lokali biex jimplimentaw strateġiji lokali għal
mobilità urbana b’suċċess. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw: ·
Li jagħmlu valutazzjoni bir-reqqa
tal-prestazzjoni preżenti u futura tal-mobilità urbana fit-territorju
tagħhom, anke fid-dawl tal-miri politiċi ewlenin tal-UE; ·
Li jiżviluppaw approċċi
għall-mobilità urbana li jassiguraw azzjoni kkoordinata u li ssaħħaħ
b’mod reċiproku fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali; ·
Li jiżguraw li Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana
Sostenibbli jiġu żviluppati u implimentati fiż-żoni urbani
tagħhom u li jiġu integrati fi strateġija urbana jew
territorjali usa’; ·
Li jirrevedu – u jemendaw fejn meħtieġ –
l-għodod tekniċi, ibbażati fuq il-politika, legali, finanzjarji,
u għodod oħra għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet lokali
tal-ippjanar; ·
Fejn meħtieġ, jadottaw miżuri biex
jevitaw approċċi frammentati biex jassiguraw kontinwità u kompatibilità
tal-miżuri għall-mobilità urbana biex iħarsu l-funzjonament
tas-suq intern. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, sejra: ·
Tistabbilixxi, fl-2014, Pjattaforma Ewropea
għall-Mobilità Urbana biex tikkoordina l-kooperazzjoni tal-UE dwar aktar
żvilupp tal-kunċett u l-għodod; tipprovdi punt uniku ta' servizz;
u tespandi s-sit www.mobilityplans.eu
attwali f’ċentru virtwali ta’ għarfien u kompetenzi; ·
Tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali,
reġjonali u lokali biex jiżviluppaw u jimplimentaw il-Pjanijiet ta’
Mobilità Urbana Sostenibbli, inkluż permezz ta’ strumenti ta’ ffinanzjar. 4. Koordinazzjoni ta’ intervent
mis-settur pubbliku u privat Il-kisba ta’ titjib sistematiku fis-settur
tat-trasport teħtieġ sforz konġunt tal-atturi pubbliċi
fil-livelli kollha tat-tmexxija, kif ukoll l-involviment tas-settur privat,
fl-oqsma segwenti enfasizzati mill-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport. Iktar azzjoni dwar il-Loġistika
Urbana Il-loġistika urbana hija essenzjali biex l-ibliet
jiffunzjonaw b’suċċess u tagħmel parti sinifikanti mit-traffiku
urban bħala parti mill-katini ta' provvista reġjonali, nazzjonali u
internazzjonali. Hija mistennija li tikber u b'hekk iżżid iktar
l-ispejjeż esterni għoljin tagħha. Madankollu, ħafna drabi
l-ħtiġijiet loġistiċi jiġutraskurati fl-ippjanar u
l-ġestjoni urbana. Hemm potenzjal sinifikanti biex jitjiebu
l-operazzjonijiet u s-servizzi tal-loġistiċi urbani, u l-flotot
vinkolanti, bħall-vetturi li jintużaw għat-tqassim tal-posta u
t-trakkijiet tal-iskart, huma xierqa ferm għall-introduzzjoni bikrija ta’
tipi ġodda ta’ vetturi u fjuwils alternattivi biex titnaqqas id-dipendenza
fuq iż-żejt u l-emissjonijiet. Il-miżuri msemmija hawn
taħt, flimkien ma’ inizjattivi oħrajn tal-White Paper tal-2011 dwar
it-Trasport (eż. Pakkett ta’ Enerġija Iktar Nadifa
għat-Trasport), se jikkontribwixxu għall-mira li tintlaħaq
loġistika essenzjalment ħielsa mid-CO2
fiċ-ċentri urbani ewlenin fl-Ewropa sal-2030. L-Istati Membri u l-awtoritajiet urbani
jeħtieġu li jipprovdu qafas (eż. spazji ta’ tqassim, regolament
dwar l-aċċess, infurzar eċċ.), biex jiżguraw li hemm opportunità
ta’ negozju għall-operaturi loġistiċi privati biex jinvestu
f’teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda. Huma għandhom
jiffaċilitaw ukoll il-kooperazzjoni bejn l-atturi, jibnu l-kapaċità
meħtieġa fuq livell lokali, jistimulaw it-teħid ta’ prattika
tajba, jassiguraw l-interoperabilità tas-soluzzjonijiet loġistiċi
lokali bbażati fuq Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti, u jassiguraw
l-integrazzjoni ma’ prijoritajiet nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li: ·
Jiżguraw li l-loġistika urbana
tingħata kunsiderazzjoni xierqa fl-approċċi nazzjonali
tagħhom għall-mobilità urbana u fil-Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana
Sostenibbli; ·
Joħolqu pjattaformi għall-kooperazzjoni,
l-iskambju ta’ dejta u informazzjoni, taħriġ, eċċ.,
għall-atturi kollha tal-ktajjen loġistiċi urbani. Il-Kummissjoni sejra: ·
Ittejjeb it-tixrid u t-teħid tal-aqwa prattika
tal-loġistika urbana (2014); ·
Tħejji, mal-esperti, dokumenti ta’ gwida li
jipprovdu għajnuna prattika dwar kif tista’ tittejjeb il-prestazzjoni
tal-loġistika urbana, eż. billi jkunu żviluppati pjanijiet ta’
tqassim u servizz, il-loġistika tal-bliet fi skemi ta’ regolamenti ta’
aċċess eċċ. (2014-2016); ·
Tiffaċilita x-xiri ta’ vetturi nodfa
użati għal-loġistika urbana billi tirrevedi l-kamp ta'
applikazzjoni tal-Portal għal Vetturi Nodfa[18] (2015-2016). L-approċċ propost huwa stabbilit fid-dettall
fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "A call to
action on urban logistics" (“Sejħa għal azzjoni fuq
il-loġistika urbana”) li jakkumpanja dan id-dokument. Regolamenti għal Aċċess
Urban Iktar Intelliġenti u Nollijiet għall-Utenti tat-Triq Sabiex iċ-ċentri urbani jsiru
aċċessibbli kemm jista’ jkun, jeħtieġ li jsiru deċiżjonijiet
dwar l-użu tal-ispazju urban. L-ispazji ta’ tagħbija u ħatt, il-lejns
għall-karozzi tal-linja, il-karozzi, l-ipparkjar, il-faċilitajiet
għal nies mexjin, il-lejns u l-parkeġġ għar-roti, kollha
jikkompetu bejniethom għall-ispazju fit-toroq urbani[19] u l-ibliet għandhom
jimmaniġġjaw din il-kompetizzjoni fid-domanda skont il-prijoritajiet
u ċ-ċirkostanzi lokali. Ir-regolamenti tal-aċċess urban
għall-vetturi jistgħu jgħinu biex jiġi ottimizzat
l-aċċess urban, tittejjeb il-kwalità tal-arja u jsir kontribut
għall-għan li sal-2050 ftit ftit jitneħħew mill-ibliet il-karozzi
li jaħdmu bil-fjuwil konvenzjonali.. Bħalissa hemm diversità kbira ta’ skemi
li qed jiġu implimentati madwar l-Ewropa u huwa meħtieġ fehim
aħjar ta’ dawn it-tipi differenti ta’ regolamenti dwar l-aċċess,
l-ispiża u l-impatti tagħhom. Dawn ir-regoli u r-rekwiżiti differenti,
u n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-konformità mal-iskemi varji, għandhom
il-periklu li jifframmentaw is-suq intern u li joħolqu barrieri ġodda
għall-moviment tan-nies u tal-oġġetti. Approċċ Ewropew
armonizzat b’mod sħiħ mhuwiex meqjus xieraq minħabba li huwa
kruċjali li d-disinn u l-implimentazzjoni ta’ dawn l-iskemi jkunu
jistgħu jitfasslu skont is-sitwazzjoni speċifika f’kull żona
urbana. Linji gwida mhux obbligatorji jistgħu, madanakollu, jippermettu
lill-ibliet u lill-Istati Membri biex jibbenefikaw mill-esperjenzi ta’ bliet
oħrajn u, fejn huwa xieraq, irawmu approċċ iktar komuni
għal kwistjonijiet bħall-kategoriji tal-vetturi, is-sinjali
tat-traffiku, l-għoti tal-informazzjoni, l-infurzar, l-eżenzjonijiet,
u l-ipprezzar. Dan jagħmilha iktar faċli għall-utenti biex
jifhmu l-iskemi u jikkonformawmagħhom, filwaqt li jħallu lill-ibliet
il-flessibilità biex jaddattaw għaċ-ċirkustanzi lokali
tagħhom. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-iskemi
għandha ssegwi regoli trasparenti li jevitaw id-diskriminazzjoni ta’
utenti okkażjonali jew barranin. Approċċ iktar komuni, eż.
għall-iskambju tal-informazzjoni dwar l-iskemi, jgħin fl-ippjanar tal-vjaġġi,
u l-użu ta’ soluzzjonijiet tas-Sistema ta’ Trasport Intelliġenti
għall-implimentazzjoni tal-iskemi jnaqqas l-ispejjeż
għall-ibliet u l-utenti u jtejjeb il-konformità. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li: ·
Jmexxu reviżjoni bir-reqqa tal-effettività u
l-impatti ta’ skemi ta’ regolazzjoni tal- aċċess; ·
Jipprovdu qafas li jippermetti lill-awtoritajiet
lokali tat-trasport biex ifasslu, jimplimentaw, u jevalwaw skemi ta’
regolamenti għall-aċċess, inkluż nollijiet
għall-utenti tat-toroq urbani. Il-Kummissjoni sejra: ·
Trawwem skambju mal-Istati Membri u esperti dwar
regolamenti għall-aċċess urban, inkluż il-bażijiet
kunċettwali, l-implimentazzjoni prattika, l-effettività u l-impatti
tagħhom; ·
Tħejji, mal-imsieħba, gwida mhux
obbligatorja biex tgħin lill-ibliet jimplimentaw skemi ta’ regolamenti
dwar l-aċċess b’mod effettiv. L-approċċ propost huwa stabbilit
fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “A call
for smarter urban vehicle access regulations” (“Sejħa għal azzjoni
fuq il-loġistika urbana”) li jakkumpanja dan id-dokument. Użu kkordinat ta’ Sistemi ta’
Trasport Intelliġenti Urbani It-teknoloġiji intelliġenti u b’mod
partikolari s-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (STI) huma għodod
ewlenin għall-ippjanar tal-mobilità urbana. Huma jappoġġjaw lil
dawk li jfasslu l-politika fl-ilħuq tal-għanijiet tal-politika
tagħhom, u fl-immaniġġjar ta’ operazzjonijiet tat-traffiku
konkreti. Huma jgħinu wkoll lill-utenti finali billi jipprovduhom
b’għażliet infurmati dwar il-mobilità. B’mod aktar speċifiku, l-ITS jgħinu
biex isir użu aħjar tal-infrastruttura eżistenti permezz ta’
diversi mezzi, bħas-sinjali tat-traffiku, pjanijiet tal-vjaġġi,
sistemi ta’ qtugħ ta’ biljetti intelliġenti jew sistemi kooperattivi
(inkluż sistemi ta’ komunikazzjoni minn vettura għal vettura u minn
vettura għal infrastruttura). Huma jrawmu l-immaniġġjar
ikkordinat tat-toroq u tan-netwerks tat-trasport pubbliku u jiffaċilitaw
l-implimentazzjoni tal-loġistika urbana u skemi ta’ restrizzjoni
tal-aċċess. Biex jiżgura iktar koerenza u interoperabilità
tas-soluzzjonijiet tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti madwar l-Ewropa,
il-Grupp tal-Esperti dwar l-ITS Urbani[20]
żviluppa sett ta’ Linji Gwida għall-użu ta’ applikazzjonijiet
ewlenin tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti Urbani[21]. L-aqwa prattika, kif
ukoll il-ħtiġijiet ta’ standardizzazzjoni għas-Sistemi
tat-Trasport Intelliġenti Urbani, ġew identifikati f’dan il-kuntest. Jinħtieġu sforzi kkombinati biex iż-żoni
urbani jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-potenzjal sħiħ ta’
soluzzjonijiet tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti, filwaqt li jiġi
żgurat l-użu kost-effettiv, kontinwu u mingħajr intoppi tas-Sistemi
tat-Trasport Intelliġenti madwar l-UE. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li: ·
Jużaw il-Linji Gwida meta applikazzjonijiet
ewlenin tas-STI jintużaw fil-konurbazzjonijiet tagħhom; ·
Jiżviluppaw interfaċċji xierqa bejn
in-netwerks tat-trasport urbani u n-netwerks tat-trasport interurbani
madwarhom; ·
Jistabbilixxu settijiet ta’ dejta mibnija fuq
ħafna moduli interoperabbli li jiġbru l-informazzjoni kollha dwar
il-mobilità urbana. Il-Kummissjoni se: ·
Tmexxi ’l quddiem ix-xogħol dwar
l-issupplimentar tal-leġislazzjoni eżistenti dwar l-aċċess
għad-dejta dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar; ·
Tħejji speċifikazzjonijiet dwar
l-Informazzjoni tat-Traffiku fil-Ħin Reali u s-Servizzi ta’ Informazzjoni
Mibnija Fuq Ħafna Moduli, kif imbassar fil-qafas tad-Direttiva dwar is-STI[22]; ·
Tiffaċilità l-użu ta’ sistemi ta’
komunikazzjoni minn vettura għal vettura u minn vettura għal
infrastruttura f’żoni urbani. L-approċċ propost huwa stabbilit fid-dettall
fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Mobilising
Intelligent Transport Systems for EU cities” (“L-Immobilizzar ta’ Sistemi
tat-Trasport Intelliġenti għall-bliet tal-UE”) li jakkumpanja lil
dan id-dokument. Sikurezza fit-Toroq Urbani Madwar 11 000 ruħ imutu fit-traffiku
tat-toroq f’żoni urbani tal-UE kull sena[23].
Il-maġġoranza tal-ħabtiet fatali jew serji tat-traffiku
tat-toroq li jinvolvu utenti tat-toroq vulnerabbli jseħħu
f’żoni urbani. Madwar żewġ terzi tal-fatalitajiet ta' nies
mexjin jseħħu f’żoni urbani u 50% ta’ dawk li jmutu
f’aċċidenti f’żoni urbani huma nies mexjin jew li jużaw
ir-rota. Matul l-aħħar snin, in-numru ta’ fatalitajiet ta’ nies
mexjin naqas b’39% meta mqabbel mad-49% għall-fatalitajiet tas-sewwieqa
tal-karozzi.[24] Għalhekk hemm bżonn ta’ sforzi
addizzjonali biex isaħħu s-sikurezza fit-toroq u jipproteġu
b’mod partikolari lill-utenti vulnerabbli minn mewta jew minn korriment gravi. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li: ·
Jiżguraw li l-Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana
Sostenibbli jqisu l-aspetti tas-sigurtà fit-toroq bħala kwistjoni
orizzontali, fil-passi kollha tal-proċess tal-ippjanar u jindirizzaw b’mod
xieraq kwistjonijiet bħall-użu tat-teknoloġija moderna għal
aktar sikurezza fit-toroq urbani, l-infurzar tar-regoli tat-traffiku, u
l-edukazzjoni dwar is-sikurezza fit-toroq; ·
Jiżguraw il-ġbir xieraq ta’ dejta dwar
l-indikaturi tas-sikurezza fit-toroq fl-iktar livell dettaljat possibbli u
jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet lokali biex jużaw din id-dejta
għall-analiżi lokali u l-ippjanar tas-sigurtà fit-toroq. Il-Kummissjoni, sejra, matul l-2014-2015: ·
Tiġbor u xxerred l-eżempji ta’ prattika
tajba għall-ippjanar tas-sigurtà fit-toroq; ·
Tanalizza miżuri biex tnaqqas in-numru ta’
korrimenti serji fit-traffiku tat-toroq f’żoni urbani. L-approċċ propost huwa stabbilit f’iktar
dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Targeted
action on urban road safety”. (“Azzjoni mmirata dwar is-sigurtà fit-toroq
urbani”). 5. It-tisħiħ
tal-appoġġ tal-UE L-iskambju tal-esperjenzi, il-wiri
tal-aqwa prattika u t-trawwim tal-koperazzjoni Il-valur tal-iskambju tal-esperjenzi, il-wiri
tal-eżempji tal-aqwa prattika, u t-trawwim tal-koperazzjoni madwar
l-Unjoni mhuwiex ikkontestat. Il-Kummissjoni sejra ssaħħaħ
l-appoġġ tagħha għal attivitajiet relevanti fil-futur: L-Osservatorju
tal-Mobilità Urbana Permezz tal-Pjan ta’
Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana tal-2009, il-Kummissjoni stabbilixxiet
Osservatorju tal-Mobilità Urbana fil-forma ta’ pjattaforma virtwali – is-sit
elettroniku ELTIS.[25]
Dan jipprovdi punt uniku ta' servizz għal dak li għandu x’jaqsam
mal-iskambju tal-għarfien u tal-esperjenza, jew mad-diskussjoni dwar
il-mobilità urbana u kwistjonijiet marbuta mat-trasport. Il-Kummissjoni hija
intenzjonata li ttejjeb l-iskop tal-portal billi tiżviluppa l-portal
preżenti tal-Pjanijiet ta’ Mobilità[26]
f’ċentru komprensiv tal-għarfien u l-kompetenza li se jikkonsolida
l-informazzjoni dwar l-ippjanar tat-trasport urban minn madwar l-UE. Il-portal
tal-Pjanijiet ta’ Mobilità se jkun integrat fl-ELTIS. Barra minn hekk, se
tkun stabbilita l-Pjattaforma Ewropea dwar Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana
Sostenibbli. Din il-pjattaforma se tappoġġja l-iżvilupp
ulterjuri tal-kunċett u tal-għodod meħtieġa biex tkun
applikata b’suċċess mill-awtoritajiet tal-ippjanar lokali, billi
tikkordina l-attivitajiet kollha relevanti appoġġjati
mill-Kummissjoni f’dan il-qasam[27]
u trawwem skambju usa’. URBACT – Skambju
ta’ prattika tajba dwar żvilupp urban sostenibbli URBACT[28] huwa programm Ewropew
ta’ skambju u tagħlim – iffinanzjat mill-Programm għall-Koperazzjoni
Territorjali Ewropea – li jippromwovi l-iżvilupp urban sostenibbli. Huwa
jgħin lill-ibliet biex jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw
soluzzjonijiet pragmatiċi li huma ġodda u sostenibbli, u li jintegraw
id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Għall-perjodu
ta’ pprogrammar li jmiss, URBACT III se jkompli jappoġġja l-iskambju
u l-bini tal-kapaċità bejn il-bliet Ewropej. Dejta u statistika u t-Tabella ta’
Valutazzjoni tal-Mobilità Urbana Ibbażata inter alia fuq ir-riżultati
tal-istudju dwar " Collection of European Data and Statistics in the Field
of Urban Mobility" (“Il-Ġbir tad-Dejta u l-Istatistika Ewropea
fil-Qasam tal-Mobilità Urbana”)[29],
il-Kummissjoni sejra tesplora kif il-kwalità u d-disponibilità tad-dejta u tal-istatistika
dwar l-operazzjonijiet tas-sistemi tat-trasport urban u t-teħid
tad-deċiżjonijiet fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u
tal-UE jistgħu jiġu mtejbin. B’mod partikolari, il-Kummissjoni sejra
tkompli tappoġġja l-iżvilupp tat-Tabella ta’ Valutazzjoni
tal-Mobilità Urbana (Urban Mobility Scoreboard), billi tidentifika indikaturi
armonizzati biex tagħmel valur referenzjarju u tqabbel il-progress ta’
żoni urbani madwar l-UE[30].
Il-Kummissjoni sejra tibni fuq il-ħidma mwettqa fi proġetti bħal
EcoMobility Shift[31]
u Conduits[32].
Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Mobilità Urbana Il-Kummissjoni sejra tistabbilixxi Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri
dwar il-Mobilità Urbana u t-Trasport biex trawwem skambju dwar kif il-politiki
nazzjonali u tal-UE dwar il-mobilità urbana u t-trasport jistgħu
jissaħħu u jiġu kkordinati aħjar; Bi qbil mal-Istati Membri, jistgħu jiġu stabbiliti Gruppi ta’
Ħidma biex jiddiskutu kwistjonijiet speċifiċi
bħar-regolamenti dwar l-aċċess urban, il-loġistika urbana,
l-ITS, jew it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Mobilità Urbana f’iktar dettall. L-iffukar
tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jingħataw soluzzjonijiet
għall-isfidi tal-mobilità urbana Primarjament permezz tal-Programmi Qafas
għar-Riċerka tagħha, l-Unjoni Ewropea pprovdiet appoġġ
għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni relatati mat-trasport
urban għal ħafna snin. Dan l-appoġġ għamel
kontribuzzjoni importanti biex teknoloġiji u kunċetti tal-mobilità
ġodda jitwasslu għall-istadju tal-użu. Sa mit-tnedija tagħha 10 snin ilu,
l-Inizjattiva CIVITAS saret l-mutur tal-innovazzjoni urbana u wasslet biex
l-ibliet Ewropej ikollhom rwol ewlieni fil-proċess ta' innovazzjoni. Ġew
implimentati madwar 700 attività ta' dimostrazzjoni f'iktar minn 60 belt Ewropea
li għaddew minn evalwazzjoni tal-impatt u proċess riguruż.
Illum, in-netwerk ta' bliet CIVITAS fih 200 belt membru u jkopri prattikament
l-Istati Membri kollha. CIVITAS sar marka kummerċjali għat-tibdil
fil-paradigmi urbani tal-mobilità u t-trasport iżda wkoll
għall-isħubija Ewropea. CIVITAS 2020 Il-Kummissjoni beħsiebha tniedi Inizjattiva CIVITAS 2020 taħt
Orizzont 2020, il-programm ta' qafas tal-Unjoni għar-riċerka u
l-innovazzjoni għall-2014-2020[33].
B'mod partikolari, il-programm ta' ħidma Orizzont 2020 għall-2014 u l-2015
se jixpruna l-politiki u t-teknoloġiji meħtieġa għal mixja
lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fir-riżorsi. CIVITAS se tkompli tappoġġja
s-sħubiji lokali fl-implimentazzjoni u l-ittestjar ta’ approċċi
ġodda f’kundizzjonijiet tal-ħajja reali fuq kwistjonijiet bħal:
kif tkun indirizzata l-konġestjoni tat-toroq urbani, it-tnaqqis
tal-użu ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwil konvenzjonali f’żoni
urbani, it-tnaqqis tal-impatti u l-ispejjeż tal-merkanzija urbana, u
t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali biex
jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ mobilità urbana sostenibbli. Fl-2012, tnediet inizjattiva oħra strateġika
fil-politika tal-innovazzjoni Ewropea "Bliet u Komunitajiet
Intelliġenti - Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni" [34]. L-għan
tagħha huwa li tħaffef l-użu fuq firxa wiesgħa
tal-innovazzjonijiet fejn il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-użu
tal-enerġija, il-mobilità u t-trasport; kif ukoll l-ICT huma relatati
mill-qrib. Din l-inizjattiva tikkontribwixxi għall-miri tal-UE għal
azzjoni fuq il-klima billi ttejjeb l-effiċjenza fl-użu
tal-enerġija, iżżid l-użu tal-enerġija rinovabbli, u
tnaqqas il-konsum tal-enerġija, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra,
il-kwalità ħażina tal-arja u l-konġestjoni. Bliet u Komunitajiet Intelliġenti – Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni Is-Sħubija għandha l-għan li tegħleb il-fatturi li
jxekklu l-użu fuq skala wiesgħa tas- soluzzjonijiet tal-ibliet
intelliġenti. Is-Sħubija se tagħti attenzjoni sinifikanti lill-‘faċilitaturi’,
bħat-tmexxija u l-iffinanzjar (inkluż ix-xiri). Bliet
Intelliġenti qed tipprova tiffaċilita sħubiji
strateġiċi bejn l-industrija, l-ibliet Ewropej u partijiet oħra
biex jiġu żviluppati s-sistemi urbani u l-infrastrutturi ta’
għada u biex tinkiseb implimentazzjoni fuq firxa wiesgħa
tas-soluzzjonijiet tal-ibliet intelliġenti. Din l-inizjattiva se trawwem kooperazzjoni
eqreb bejn is-setturi bħat-trasport, l-enerġija, u t-teknoloġiji
tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Minkejja li
l-maġġoranza tal-azzjonijiet tas-Sħubija x’aktarx li se
jiġu implimentati minn amministrazzjonijiet lokali, negozji,
organizzazzjonijiet ta’ riċerka u organizzazzjonijiet tas-soċjetà
ċivili, se jkun hemm appoġġ finanzjarju mill-UE taħt Orizzont
2020. Barra minn hekk, l-Inizjattiva Ewropea
għal Vetturi Ekoloġiċi (EGVI) għall-Effiċjenza
fl-Użu tal-Enerġija tal-Vetturi u Powertrains Alternattivi sejra
tipprovdi qafas iktar b’saħħtu li jappoġġja l-iżvilupp
ta’ vetturi urbani nodfa, siguri u effiċjenti għall-ferroviji u
t-triq. It-teħid ta’ soluzzjonijiet innovattivi
għas-suq Soluzzjonijiet innovattivi jistgħu jipprovdu
kontribut importanti biex itejbu l-effiċjenza u s-sostenibilità
tal-mobilità urbana. Iżda dan huwa kruċjali biex jiġi
żgurat li teknoloġiji promettenti jinbidlu fi prodotti maturi li
jistgħu jkunu introdotti b’suċċess fis-suq. Il-Kummissjoni u
l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ suq
waħdieni għal soluzzjonijiet għal trasport urban innovattiv,
eż. billi jiżviluppaw standards komuni u speċifikazzjonijiet tekniċi
jew billi jiffaċilitaw akkwisti b’mod konġunt u nadif. L-għoti
ta’ appoġġ finanzjarju mmirat Fondi Ewropej Strutturali u tal-Investiment
Il-fondi strutturali llum huma l-iktar fond
waħdieni importanti tal-iffinanzjar tal-UE għal proġetti
tat-trasport u l-mobilità urbana. Għall-perjodu 2007-13 madwar €8 biljun
ġew allokati għat-trasport urban nadif.[35] Fir-reġjuni inqas żviluppati
tal-Unjoni, dan l-appoġġ finanzjarju għen biex itejjeb
l-aċċessibilità ta’ żoni urbani, inaqqas id-differenza bejn
ir-reġjuni żviluppati u dawk inqas żviluppati, u għalhekk
biex jinkseb livell għoli ta’ koeżjoni territorjali. Huwa għalhekk importanti li jkun esplorat
kif isir l-aqwa użu mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta'Investiment (fondi
ESI) għall-għanijiet politiċi ewlenin fit-trasport u l-oqsma
politiċi relatati fil-perjodu 2014-2020.[36] Il-fondi ESI għandhom jintużaw iktar
sistematikament għall-iffinanzjar ta’ pakketti integrati ta’ miżuri,
fejn l-ibliet żviluppaw pjan integrat tat-trasport lokali, bħal Pjan
ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli, u identifikaw l-azzjonijiet xierqa. Il-miżuri għall-mobilità urbana
jistgħu jkunu appoġġjati mill-fondi ESI jekk jikkontribwixxu
għal miri ta’ ammonti baxxi ta’ karbonju[37].
Il-miżuri għall-mobilità urbana jistgħu jiġu ffinanzjati
wkoll bħala parti minn strateġija integrata għal żvilupp
urban sostenibbli li jindirizza l-isfidi ekonomiċi, ambjentali,
klimatiċi, demografiċi u soċjali li jaffettwaw iż-żona
urbana[38].
Speċjalment għall-implimentazzjoni
tal-istrateġiji territorjali, huwa rrakkomandat l-użu tal-istrument
il-ġdid tal-Investimenti Territorjali Integrati. Għall-investimenti
kollha fil-mobilità urbana, għandha tiġi żgurata l-integrazzjoni
b’mod wiesa’ tas-sistema tat-trasport appoġġata. Bil-mira tagħhom fuq proġetti ta’
skala kbira fil-perjodu 2007-2013, l-ibliet maġġuri u kapitali kienu
dawk li bbenefikaw l-iktar mill-fondi strutturali. Madanakollu, jeżistu
ħafna bliet Ewropej żgħar u ta’ daqs medju fir-reġjuni
tal-Ewropa u huwa importanti li jitqiesu d-daqsijiet kollha tal-ibliet
għall-investimenti għall-mobilità urbana. Il-fondi ESI għandhom
joħolqu opportunitajiet għall-bini tal-kapaċità, l-assistenza
teknika u l-iżvilupp ta’ strateġiji u pjanijiet komprensivi u lokali
ta’ mobilità. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib
mal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex tassigura li jsir l-aqwa
użu mill-fondi ESI biex l-aspirazzjonijiet lokali jsiru realtà u
jintlaħqu l-għanijiet politiċi tal-UE. Se tingħata
attenzjoni wkoll biex jiġu appoġġjati soluzzjonijiet
kost-effettivi. In-Netwerk Trans-Ewropew – Trasport (TEN-T) In-nodi urbani huma elementi ewlenin
għall-kostruzzjoni ta’ netwerk Ewropew komprensiv tat-trasport. L-azzjoni
tal-ibliet Ewropej hija kruċjali għall-ilħuq tal-għanijiet
tal-politika TEN-T. Il-proposta tal-Kummissjoni għal-Linji
Gwida tal-Unjoni[39]
għalhekk tirrikonoxxi l-ħtieġa li "wieħed jipprovdi
għall-iżvilupp tan-netwerk komprensiv fin-nodi urbani, minħabba
li dawn in-nodi huma l-punt tal-bidu jew tad-destinazzjoni finali
(“l-aħħar mil”) għall-passiġġieri u l-merkanzija li
jkunu mixjin fuq in-netwerk tat-trasport trans-Ewropew u huma punti ta’
trasferiment fi jew bejn moduli ta’ trasport differenti.” L-Artikolu 36 tal-Linji Gwida jidentifika
l-prijoritajiet fl-iżvilupp tan-nodi urbani tan-netwerk komprensiv permezz
tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa[40].
L-appoġġ finanzjarju tal-UE għalhekk se jkun disponibbli
għal proġetti ta’ interess komuni f’żoni urbani,
bħat-titjib tal-operazzjonijiet loġistiċi urbani li huma parti
minn ktajjen ta’ forniment nazzjonali jew internazzjonali. Koperazzjoni internazzjonali L-urbanizzazzjoni sostenibbli hija rikonoxxuta
b’mod wiesa’ bħala sfida globali ewlenija għas-seklu 21.
Il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvern fil-Konferenza
tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2012 (Rio+20)
irrikonoxxiet l-importanza ta’ trasport sostenibbli għat-tkabbir ekonomiku
u tal-iżvilupp urban sostenibbli u qablet dwar il-“ħtieġa li
tippromwovi approċċ integrat għat-tfassil tal-politika
fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali għas-servizzi u s-sistemi
tat-trasport biex jiġu promossi żviluppi sostenibbli”[41]. Il-Kummissjoni sejra tintensifika l-isforzi
tagħha biex tappoġġja politika dwar mobilità urbana sostenibbli
fl-attivitajiet ta’ kooperazzjoni tagħha b’mod partikolari ma’
reġjuni li qed jiżviluppaw. L-għan huwa li twitti t-triq
għall-esportazzjoni tal-kompetenzi u tat-teknoloġiji Ewropej f’oqsma
bħat-tnaqqis tal-emissjonijiet, it-titjib tal-effiċjenza
tal-enerġija u s-sikurezza fit-toroq. Se jsiru iktar sforzi biex jittieħed
vantaġġ mis-sħubiji eżistenti tal-UE ma’ pajjiżi u
reġjuni ewlenin (eż. mal-pajjiżi EuroMed,
il-Brażil, Singapor, jew iċ-Ċina). 6. Konklużjoni L-immaniġġjar ta’ tranżizzjoni
b’suċċess lejn tip iktar sostenibbli ta’ mobilità urbana jibqa’ sfida
ewlenija għall-ibliet madwar l-Unjoni. L-awtoritajiet lokali
jeħtieġu appoġġ biex jindirizzaw l-impatti ekonomiċi,
ambjentali u soċjali negattivi assoċjati mal-mudelli ta’ mobilità
urbana tal-lum. Huwa għalhekk meħtieġ li
l-mobilità urbana tibqa’ prominenti fuq l-aġenda politika tal-UE.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom isaħħu
l-appoġġ tagħhom lill-awtoritajiet lokali biex li-bliet kollha
madwar l-Unjoni jkunu jistgħu jagħmlu bidla fil-pass fl-isforzi
tagħhom għal mobilità urbana iktar kompetittiva u li tuża r-riżorsi
b’mod effiċjenti. Din il-Kommunikazzjoni
għandha l-għan li tingrana azzjoni madwar il-livelli kollha
tal-gvern: il-Kummissjoni sejra ssaħħaħ l-appoġġ
tagħha f’oqsma b’valur miżjud tal-UE stabbilit, filwaqt li l-Istati
Membri huma mħeġġa joħolqu l-kundizzjonijiet qafas
ix-xierqa għall-awtoritajiet lokali biex jiżviluppaw u jimplimentaw
strateġiji integrati u komprensivi għal mobilità urbana aħjar u
iktar sostenibbli. Biex tiffaċilita skambju eqreb bejn il-Kummissjoni u
l-Istati Membri, il-Kummissjoni tipproponi li tospita Grupp ta’ Esperti
mill-Istati Membri dwar il-Mobilità Urbana. Il-Kummissjoni qed
tirrakkomanda sett konkret ta’ miżuri li għandhom jittieħdu
f’livelli differenti fuq għadd ta’ kwistjonijiet relevanti
bħal-loġistika urbana, ir-regolamenti għall-aċċess
urban, l-użu ta’ soluzzjonijiet ITS urbani, u s-sikurezza fit-toroq, u se
tkun qed tagħmel monitoraġġ bir-reqqa tas-segwitu tagħhom. L-azzjonijiet f’din
il-Komunikazzjoni jippreżentaw bażi għal mixja flimkien lejn
mobilità urbana kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod
effiċjenti. [1] Ara wkoll ir-rapport “Il-Bliet ta’ Għada”,
Kummissjoni Ewropea, 2011 [2] L-ispiża totali tal-konġestjoni; ara
SEC(2011)358 finali [3] COM(2011)144 finali [4] Ara b’mod partikolari d-Direttiva 2008/50/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità
tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, ĠU L 152,
11/6/2008, p.1 [5] Eurobarometer Speċjali 406 (2013) [6] COM(2010)2020 finali [7] COM(2009) 490 finali [8] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2008;
2008/2041(INI) [9] Opinjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Mobilità
Urbana tas-27 ta’ Mejju 2010, TEN/414 [10] Opinjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Mobilità
Urbana tas-27 ta’ Awwissu 2010, 2010/C 232/05 [11] Konklużjonjiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni
għall-Mobilità Urbana, 24 ta’ Ġunju 2010; www.ec.europa.eu/transport/themes/urban/urban_mobility/doc/2010_06_24_apum_council_conclusions.pdf
[12] Rapport dwar ir-Reviżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar
il-Mobilità Urbana, 2013, ec.europa.eu/transport/themes/urban/studies/urban_en.htm [13] Riżultati tal-konsultazzjoni pubblika “Id-dimensjoni
urbana tal-politika tal-UE dwar it-trasport”, 2013, www.ec.europa.eu/transport/themes/urban/studies/urban_en.htm
[14] Bidla lejn iktar mixi u użu tar-rota, b’mod
partikolari, tnaqqas b’mod konsiderevoli l-effetti negattivi tal-mobilità
urbana u t-trasport, bil-valur miżjud li jitrawwem stil ta’ ħajja
iktar attiv bil-benefiċċji kollha tas-saħħa li dan
iġib miegħu. Kwistjonijiet relevanti huma indirizzati wkoll
fis-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Anzjanità Attiva u
f’Saħħitha http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm?section=active-healthy-ageing
[15] Osservatorju dwar il-Mobilità Urbana - www.eltis.org [16] Linji Gwida – L-Iżvilupp u l-Implimentazzjoni ta’
Pjan ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli, 2013 [17] Jirrifletti l-importanza ta’ ppjanar urban tajjeb biex
jitnaqqsu l-ħtiġijiet għall-mobilità urbana (pereżempju
billi jevitaw tixrid urban) [18] www.cleanvehicle.eu
[19] Spazju f’toroq urbani, min-naħa tiegħu, qed
jikkompeti mat-talbiet għal spazju pubbliku għal attivitajiet
tal-ħin liberu u interazzjoni soċjali (żoni tal-logħob
għat-tfal, parks, eċċ.) [20] http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=2520
[21] europa.eu/transport/themes/its/road/action_plan/its_for_urban_areas_en.htm [22] Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tas- 7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar
ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u
għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport, ĠU L
207, 6.8.2010, p. 1 (Artikoli 3 a & b), [23] CARE database dwar l-inċidenti tat-traffiku tat-triq
fl-UE [24] Idem [25] www.eltis.org [26] www.mobilityplans.eu
[27] Immexxi eż. mill-proġetti preżenti
ENDURANCE, QUEST, ADVANCE, eċċ. [28] www.urbact.eu [29] Studju fuq il-Ġbir Armonizzat tad-Data u l-istatistika
Ewropea fil-Qasam tal-Mobilità Urbana; MOVE/B4/196-2/2010 (2013) [30] Minħabba li ħafna mit-trasport urban huwa kopert
mill-Effort Sharing Decision (ESD) iktar mill- Emissions trading scheme (ETS)
tal-UE, jista’ jkun ta’ interess li l-benchmarking tal-emissjonijiet tas- CO2
mit-trasport urban jgħin lill-Istati Membri fl-azzjonijiet tagħhom
biex inaqqsu l-emissjonijiet. [31] www.ecomobility-shift.org/index.php/en/
[32] www.polisnetwork.eu/eu-projects/eu-projects-2/conduits-city-pool
[33] http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm
[34] www.ec.europa.eu/eip/smartcities/
[35] Fil-perjodu ta’ pprogrammar preżenti, 9,63% tal-fondi
tal-FERŻ u CF għat-trasport huma allokati għat-trasport urban u
l-promozzjoni ta’ trasport urban nadif (Kategoriji 25 + 52); ċifri
mid-database INFOVIEW (Lulju 2013) [36] Ara r-Regolament tal-FERŻ, b’mod partikolari l-Artikoli
5 u 7 [37] Ir-Regolament dwar Il-Fond Ewropew
għall-Iżvilupp Reġjonali Artikolu 5(4) (e) – Prijorità ta’
Investiment: il-promozzjoni ta’ strateġiji ta’ ammont baxx ta’ karbonju għal
kull tip ta’ territorju, b’mod partikolari għal żoni urbani,
inkluż il-promozzjoni ta’ mobilità urbana sostenibbli mibnija fuq moduli
differenti u l-mitigazzjoni ta’ miżuri ta’ addattabilità relevanti [38] Ir-Regolament dwar Il-Fond Ewropew
għall-Iżvilupp Reġjonali, Artikolu 7 [39] COM/2011/0650 finali/2 - 2011/0294 (COD) [40] ec.europa.eu/transport/themes/infrastructure/connecting_en.htm [41] Riżoluzzjoni
tan-Nazzjonijiet Uniti 66/288 “Il-futur li rridu” http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/66/288&Lanh=E