RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni tal-inizjattiva Europass It-tieni evalwazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas tal-Komunità uniku għat-trasparenza tal-kwalifiki u l-kompetenzi (Europass) /* COM/2013/0899 final */
1.
INTRODUZZJONI L-opportunitajiet ta’ tagħlim tal-lum
huma mingħajr limitu, mingħajr fruntieri u huma immedjati. L-individwi jistgħu
jitgħallmu u jiksbu ħiliet u kompetenzi ġodda mhux biss fl-ambjent
tradizzjonali ta’ klassi tal-iskola, iżda dejjem iktar barra minnha u bir-ritmu
tagħhom. Fil-klima preżenti ta’ tibdil ekonomiku u teknoloġiku mgħaġġel,
l-individwi jgħaddu wkoll minn diversi tranżizzjonijiet fil-ħajja professjonali
u akkademika tagħhom, jaqsmu fruntieri, jalternaw jew jikkombinaw ix-xogħol, l-edukazzjoni,
it-taħriġ ulterjuri jew il-volontarjat. Filwaqt li l-pressjoni
għall-impjegabbiltà u għal ħiliet aħjar qiegħda dejjem tikber, hemm il-ħtieġa ta’
sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ iktar miftuħa u flessibbli, imfassla aħjar
għall-bżonnijiet u ċ-ċirkostanti tal-istudenti u tal-ħaddiema. Il-kwalifiki,
il-ħiliet u l-kompetenzi sħaħ tagħhom, għandhom jiġu rikonoxxuti b’mod faċli u
malajr, u għandhom ikunu tali li jinftiehmu minn min iħaddem u
mill-istabbilimenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ fi kwalunkwe post fl-Ewropa. Fis-snin riċenti, fil-qafas ta' diversi
inizjattivi tal-programm Ewropa 2020 u
partikolarment fid-dawl tal-qgħad għoli persistenti,[1] il-Kummissjoni
enfasizzat l-importanza li tippermetti lill-istudenti u lill-ħaddiema
jippreżentaw b’mod ċar il-profili tal-ħiliet u tal-kwalifiki tagħhom miksuba kemm
f’ambjent formali, mhux formali jew informali. Dan iservi sabiex tiġi
ffaċilitata l-mobbiltà u jittejbu l-prospetti tal-impjieg u tat-tagħlim tul
il-ħajja. Dan l-għan huwa enfasizzat fil-Komunikazzjoni ‘Reviżjoni tal-Edukazzjoni’,[2] li fiha l-Kummissjoni
ħabbret xogħol esploratorju dwar iż-Żona Ewropea għall-Ħiliet u l-Kwalifiki
sabiex tiżgura li l-ħiliet u l-kwalifiki jkunu jistgħu jiġu rikonoxxuti b’mod
faċli madwar il-fruntieri. Il-Europass, stabbilit fl-2005[3],
jappoġġja dawn l-għanijiet billi jgħin lill-istudenti u lill-ħaddiema jindikaw aħjar
il-kompetenzi u l-għarfien tagħhom madwar l-Ewropa permezz ta’ għodod li
jirreġistraw u jrendu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom trasparenti (ara t-taqsima 2 għal deskrizzjoni komprensiva). Filwaqt li l-għan
li għalih ġie stabbilit il-Europass qiegħed isir dejjem iktar rilevanti, xi
wħud mill-għodod preżenti tiegħu jeħtieġ jiġu adattati sabiex jindirizzaw
l-isfidi maħluqa mill-aspettattivi u l-ħtiġijiet tal-lum tal-istudenti u ta’
swieq tax-xogħol li qed jevolvu. Dan ir-rapport janalizza l-kisbiet
tal-qafas tal-Europass abbażi tal-evalwazzjoni esterna tal-Europass imwettqa
fl-2012.[4]
Huwa jenfasizza li l-għanijiet oriġinali għandhom jibqgħu rilevanti, b’mod
partikolari għall-Qafas Strateġiku 2020
għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ għall-kooperazzjoni Ewropea (ET 2020).[5]
Il-Europass jappoġġja t-triq tal-istudenti u l-ħaddiema għat-tagħlim tul
il-ħajja jew għax-xogħol billi jippermetti li jiġu kkomparati ħiliet, kwalifiki
u eżiti ta’ tagħlim. Il-Europass, u b’mod partikolari, il-Europass CV, stabbilixxa
ruħu bħala prodott rikonoxxut tajjeb u fdat sew fejn jidħlu t-trasparenza u
r-rikonoxximent, kemm fl-Ewropa u kemm lil hinn minnha. Iċ-ċifri minn
Marzu 2013 jindikaw li mill-2005, ġew kompluti onlajn iktar minn 27 miljun Europass CV. Barra minn hekk,
l-għodod tal-Europass huma kosteffiċjenti u l-użu u d-disseminazzjoni tagħhom
evolvew konsiderevolment mill-ewwel evalwazzjoni tal-Europass, fl-2008. Dan ir-rapport jinnota wkoll
in-nuqqasijiet kurrenti tal-Europass biex jindirizza t-tibdil
fil-kundizzjonijiet tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tax-xogħol. Xi wħud
mill-għodod tiegħu ma jippromwovux modi flessibbli ta’ tagħlim u lanqas ma
jippermettu li jsir irrekordjar komprensiv tal-ħiliet miksuba permezz ta’
tagħlim mhux formali u informali, inkluż permezz ta’ tagħlim onlajn, kif iddikjarat
riċentiment fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Niftħu l-Edukazzjoni’.[6] Id-dejta
tal-evalwazzjoni turi li ħafna mill-għodod Europass għadhom ma jilħqux
għalkollox gruppi ta’ utenti potenzjali. Bħalissa l-utenti tal-Europass
għandhom it-tendenza li jkunu żgħażagħ, nisa u edukati ħafna. Koordinazzjoni
aħjar mas-servizzi li jipprovdu gwida dwar il-karrieri u l-integrazzjoni
tagħhom fil-qafas tal-Europass, tippermetti li fil-mira jkun hemm gruppi kbar –
bħal persuni diżokkupati li għandhom ħiliet baxxi, li ħafna drabi għandhom
nuqqas ta’ ħila biex jikkompletaw id-dokumenti Europass jew li jsibuhom wisq
kumplessi u ta’ konfużjoni. Titjib neċessarju ieħor jinkludi konverġenza msaħħa ma’ għodod Ewropej ta’ referenza u interoperabbiltà
aħjar tal-għodod tal-IT tal-Europass mal-għodod tal-UE użati għat-tqabbil ta’
impjiegi. Sabiex jiġu indirizzati tali nuqqasijiet,
l-istruttura kurrenti tal-Europass għandha tinbidel radikalment u ssir servizz
iktar sempliċi, iktar orjentat lejn dak li qed jimmira u aġġornat, filwaqt li
jżomm l-għan oriġinali tiegħu ta’ komparabbiltà u trasparenza tal-ħiliet u
l-kwalifiki għat-titjib tal-mobbiltà ġeografika u okkupazzjonali tal-istudenti
u l-ħaddiema. Ir-reviżjoni mill-ġdid tal-Europass qed issir dejjem iktar
urġenti peress li jinsabu fil-proċess ta’ żvilupp diversi inizjattivi privati,
lokali u/jew nazzjonali b’għanijiet simili, b’mod partikolari f’format
elettroniku bħall-portafolji elettroniċi. Dawn il-kunsiderazzjonijiet se jkunu
kruċjali għat-tisħiħ tar-rwol tal-Europass fl-iżvilupp ta’ Żona Ewropea
għall-Ħiliet u l-Kwalifiki li permezz tagħha l-Kummissjoni se ssaħħaħ
is-sinerġiji bejn l-għodod Ewropej ta’ trasparenza u rikonoxximent
għall-kwalifiki tal-ħiliet. Għal dan l-għan, is-sejbiet ta’ dan ir-rapport se
jiġu kkombinati mar-riżultati tal-evalwazzjonijiet tal-Qafas Ewropew
tal-Kwalifiki u tal-Assigurazzjoni Ewropea tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u
t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) u tar-rapport tal-Progress dwar l-Assigurazzjoni
tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja. Flimkien se jappoġġjaw id-dibattitu pubbliku
li għandu jsir dwar iż-Żona Ewropea għall-Ħiliet u l-Kwalifiki fix-xitwa 2013/2014. 2.
EŻITI U IMPATT Il-Europass, stabbilit fl-2005 huwa portafoll ta’ ħames dokumenti
differenti li għandu l-għan li jinkludi deskrizzjonijiet tal-kisbiet
tat-tagħlim kollha tad-detentur, il-kwalifiki uffiċjali, l-esperjenza ta’
xogħol, il-ħiliet u l-kompetenzi miġbura matul is-snin. Żewġ dokumenti li huma
parti mill-Europass huma għodod ta’ awtodikjarazzjoni: il-Curriculum Vitae (CV)
Ewropew[7]
u l-Passaport tal-Lingwi tal-Europass,[8]
u tlieta huma maħruġa minn korpi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ: is-Suppliment
tal-Europass tad-Diplomi,[9]
is-Suppliment tal-Europass taċ-Ċertifikati[10] u
d-dokument tal-Europass tal-Mobbiltà.[11]
Id-dokumenti kollha għandhom isem komuni (Europass) u logo. Il-Europass huwa
disponibbli mingħajr ħlas u f’27 lingwa,
f’format elettroniku aċċessibbli fuq il-portal tal-Europass.[12] Mill-2012, l-individwi jistgħu jiġbru d-dokumenti
Europass kollha fil-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, folder elettroniku faċli biex
jintuża li jgħin lid-detenturi jibnu inventarju personali u modulari tal-ħiliet
u l-kwalifiki personali miġbura matul ħajjithom. 2.1 Nilħqu udjenzi ġodda Id-dokumenti Europass kollha huma meqjusa
suċċess — sa punti li jvarjaw minn xulxin — billi jagħmlu l-ħiliet,
il-kompetenzi u l-kwalifiki iktar komparabbli fil-pajjiżi u s-setturi kollha,
kif ukoll jagħmlu l-proċessi tal-għażla iktar faċli għal min iħaddem u
għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni. Ir-rikonoxximent internazzjonali
tad-dokumenti hija r-raġuni ewlenija għall-utenti aħħarin biex jagħżlu
l-Europass. Il-Europass huwa meqjus bħala prodott b’saħħtu b’valur miżjud
Ewropew sinifikanti, li jilħaq udjenza wiesgħa u mmirata. Pereżempju
l-partijiet ikkonċernati u r-rappreżentanti nazzjonali tal-EURES[13] jissuġġerixxu li s-CV
u s-Supplimenti tad-Diplomi u ċ-Ċertifikati huma l-iktar dokumenti utli
tal-Europass għall-utenti kurrenti tal-EURES. Is-CV hija meqjusa bħala l-iktar strument
utli, apprezzat u magħruf mill-għodod kollha tal-Europass. L-użu tagħha ra
tkabbir kostanti – fl-2012 biss, inħolqu
tnax-il darba iktar CVs mill-2006. Skont
ma hu indikat, sa Marzu 2013, minn meta
ġie mniedi l-Europass kienu nħolqu aktar minn 27
miljun CV. Madankollu, is-Suppliment tad-Diplomi u s-Suppliment taċ-Ċertifikati
huma meqjusa bħala għodod importanti li jgħinu lill-istituzzjonijiet edukattivi
biex imexxu u jistrutturaw il-programmi edukattivi tagħhom b’mod aktar effettiv
billi jagħmlu użu mill-istandards internazzjonali. Minkejja dan, il-biċċa
l-kbira tal-għodod tal-Europass għadhom ma jilħqux gruppi kbar ta’ utenti
potenzjali. Fl-2012 biss, inħolqu biss 115 000
Passaport Ewropew Lingwistiku u tqassmu biss 80
000 dokument tal-Mobbiltà tal-Europass. Il-partijiet
ikkonċernati — inklużi min iħaddem u t-trejdunjins — utenti
aħħarin u utenti potenzjali jaqblu li l-għodod tal-Europass jikkontribwixxu b’mod
pożittiv għall-mobbiltà għat-tagħlim tul il-ħajja jew fis-suq tax-xogħol. 58 % ta’ dawk
li wieġbu stħarriġ imwettaq taħt l-evalwazzjoni esterna[14] ħassew li
s-CV għenithom sabiex jiġu mistiedna għal intervista għal impjieg, taħriġ jew
xogħol volontarju / ikunu magħżula minn qabel għal pożizzjoni ta’ impjieg,
taħriġ jew xogħol volontarju; 46 % ħassew
li għenithom sabiex jiġu aċċettati għal programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja (e.ż.
Erasmus), korsijiet tal-lingwa eċċ. B’mod
partikolari, il-Europass jagħti kontribut utli għat-tibdil tal-impjieg jew
tal-lokalità: 60.4 % ta’ dawk li wieġbu rrikonoxxew il-kontribut
tal-Europass għal dan l-iżvilupp. Id-dokumenti Europass jissodisfaw
il-bżonnijiet tal-maġġoranza vasta (madwar 80 %)
tal-utenti tiegħu, irrispettivament mill-età jew mill-kisbiet edukattivi. Madankollu, l-iktar li jużaw il-Europass
huma l-gradwati. 40 % tal-utenti
aħħarin għandhom impjieg u 37 %
jinsabu fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Europass għandu rwol importanti wkoll
kemm fil-mobbiltà transnazzjonali kif ukoll fil-mobbiltà nazzjonali: iktar minn
40 % tal-individwi domestikament
mobbli issa jużaw id-dokumenti Europass. L-utenti tal-Europass għandhom
it-tendenza li jkunu żgħażagħ, nisa u edukati ħafna: kważi 60 % għandhom diploma fl-edukazzjoni
għolja. In-nisa jammontaw għal 59.4 % tal-utenti tal-Europass. L-iktar grupp diffiċli li jintlaħaq huwa
dak magħmul minn persuni diżokkupati u li għandhom ħiliet baxxi, kif ukoll
il-voluntiera, li jammontaw għal 12.8 % u 1.1 % tal-utenti tal-Europass
rispettivament. Id-dejta (Tabella 1)
turi li numru kbir ta’ persuni li għandhom ħiliet baxxi jew li huma diżokkupati
li ma jużawx il-Europass, ħafna drabi ma għandhomx il-ħila li jikkompletaw
id-dokumenti jew isibuhom wisq ikkumplikati u ta’ konfużjoni. Gwida mmirata
għal dawn il-gruppi tista’ ttejjeb l-aċċess tagħhom għal dokumenti Europass. Tabella. 1:
Utenti tal-Europass skont l-istatus tal-edukazzjoni/tax-xogħol[15] Status tal-edukazzjoni/tax-xogħol || Dokumenti Europass kollha || CV Europass || LP Europass || CS Europass || DS Europass || MD Europass Edukazzjoni jew taħriġ || 37.3 % || 30.2 % || 26.3 % || 20.1 % || 19.5 % || 30.5 % Arranġament volontarju || 1.1 % || 1.5 % || 1.5 % || 1.1 % || 1.1 % || 1.0 % Impjieg (inqas minn ħames snin) || 19.5 % || 20.2 % || 21.1 % || 31.4 % || 25.8 % || 32.4 % Impjieg (iktar minn ħames snin) || 20.8 % || 26.4 % || 32.0 % || 29.1 % || 35.2 % || 12.3 % Diżokkupati/ qed ifittxu impjieg || 12.8 % || 15.9 % || 12.5 % || 9.9 % || 14.4 % || 12.6 % Oħrajn || 8.5 % || 5.8 % || 6.6 % || 8.4 % || 4.0 % || 11.2 % Total || 100 % || 100 % || 100 % || 100 % || 100 % || 100 % Sors: Evalwazzjoni Europass 2012
mill-PPMI. Kif jidher fit-Tabella 2, iż-żgħażagħ li wieġbu (taħt l-20 sena sa 35
sena) huma l-ikbar utenti tad-dokument Europass, possibbilment minħabba li huma
iktar miftuħa għall-mobbiltà (bejn lokalitajiet, impjiegi u setturi
professjonali). Tabella. 2:
Utenti tal-Europass skont l-età [16] Età || Dokumenti Europass kollha || CV Europass || LP Europass || DS Europass || CS Europass || MD Europass <20 || 9 % || 9 % || 10 % || 2 % || 11 % || 10 % 21-25 || 41 % || 40 % || 35 % || 35 % || 42 % || 49 % 26-35 || 30 % || 32 % || 31 % || 40 % || 27 % || 31 % 36-49 || 14 % || 15 % || 18 % || 18 % || 17 % || 7 % 50+ || 5 % || 5 % || 6 % || 4 % || 5 % || 3 % Sors: 2012 Evalwazzjoni Europass
mill-PPMI. Il-perċentwali ġew approssimati. Il-Europass
għandu wkoll ‘impatt pedagoġiku’ fuq il-proprjetarju ta’ dawn id-dokumenti.
L-individwi huma inkoraġġiti jirrevedu l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom u li
jikkomunikawhom b’mod iktar ċar. Dan jgħin lil dawk li qed ifittxu impjieg biex
jiffukaw fuq dawk il-ħiliet u l-kompetenzi li huma l-iktar imfittxija
f’impjiegi vakanti. 2.2 Niffaċilitaw modi flessibbli ta’ tagħlim L-istħarriġ juri aspettattiva dejjem
tikber mill-partijiet ikkonċernati għal Europass biex jadatta għall-bżonnijiet li
jinbidlu tal-utenti tiegħu. Il-Europass għandu jippermetti l-ħiliet u
l-kwalifiki kollha ta’ individwu, u jinkorpora s-setturi kollha tal-edukazzjoni
u t-taħriġ u tipi ta’ esperjenza ta’ tagħlim, sabiex ikunu dokumentati b’mod
sħiħ u faċli. Simplifikazzjoni u aġġornament tal-qafas kollu, flimkien ma’
koerenza interna iktar b’saħħitha, b’mod ċar jintlaqgħu sabiex jindirizzaw modi
fl-edukazzjoni u taħriġ moderni, flessibbli u orjentati lejn l-istudenti.
Kwistjonijiet bħall-importanza akbar tat-tagħlim mhux formali u informali
għall-kisba ta’ ħiliet u kwalifiki ġodda jew għodod bħal ‘badges’ miftuħa,
iġġenerati minn fornituri onlajn tal-edukazzjoni bħalissa mhumiex indirizzati
mill-Europass. Fl-edukazzjoni u t-taħriġ formali,
bħalissa l-Europass għandu żewġ dokumenti supplimentari separati, kull wieħed
ikopri settur edukattiv speċifiku u sistema ta’ krediti differenti. Dan
il-format jista’ jtellef il-permeabbiltà rrakkomandata ta’ modi ta’ tagħlim.
Il-ħolqien ta’ struttura komuni għal dawn is-supplimenti sabiex ikopru
l-livelli u t-tipi kollha ta’ edukazzjoni u taħriġ (skejjel, edukazzjoni u
taħriġ vokazzjonali, edukazzjoni għolja u edukazzjoni adulta) se jiffaċilita
fehim komuni tal-kwalifiki, irrispettivament mis-settur inkwistjoni. L-istudenti
u l-ħaddiema mbagħad ikunu jistgħu jippreżentaw il-ħiliet tagħhom b’mod iktar
faċli meta japplikaw għal tagħlim ulterjuri f’settur ieħor. Mudell komuni li
jevita diverġenza jagħmel ukoll is-supplimenti eħfef biex jinqraw minn min
iħaddem. Bħalissa, il-Europass ma għandux għodda
li tippermetti l-irrekordjar komprensiv tal-ħiliet u l-kompetenzi akkwistati
permezz ta’ kwalunkwe esperjenza ta’ tagħlim mhux formali u informali (inkluż
onlajn). Id-dokument attwali tal-Mobbiltà tal-Europass sa issa kellu użu limitat
u jista’ jkun applikat biss f’kuntest strett ta’ mobbiltà internazzjonali. Fl-aħħar nett, l-uniku dokument ta’
awtodikjarazzjoni tal-Europass li jissupplimenta s-CV — il-Passaport tal-Lingwi
— intuża minn numru limitat ħafna ta’ persuni. L-utenti u min iħaddem iħossu li
s-CV għandha, minnha nnifisha, tagħti stampa komprensiva tal-ħiliet personali,
bħal-lingwi u kompetenzi fl-ICT, mingħajr il-bżonn ta’ dokumenti
awtodikjaratorji supplimentari prodotti mid-detenturi tas-CV. Dan it-titjib għandu jagħmel il-qafas
kollu iktar faċli u iktar sempliċi sabiex jintuża. It-tfassil mill-ġdid
tal-Europass jista’ jirrikjedi reviżjoni tal-bażi ġuridika attwali tiegħu,
peress li d-Deċiżjoni attwali ma tippermettix sostituzzjoni, tibdil jew
tneħħija ta’ ebda wieħed mill-ħames dokumenti li jsejsu l-Europass. 2.3 Noħolqu iktar sinerġiji ma’ inizjattivi Ewropej oħra Strumenti Ewropej oħra bħall-Qafas
Ewropew tal-Kwalifiki (il-QEK),[17]
is-Sistema Ewropea ta’ Krediti għal Edukazzjoni u Taħriġ Professjonali (ECVET)[18] u s-Sistema Ewropea għat-Trasferiment
ta’ Krediti (ECTS)[19]
ġew implimentati flimkien mal-Europass fl-aħħar deċennju sabiex jiġi appoġġjat
il-moviment tal-istudenti u l-ħaddiema. Huma jikkontribwixxu għall-mobbiltà
reali Ewropea u permezz tagħhom, l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi ta’
persuna jistgħu jiġu miftiehma b’mod ċar u jiġu rikonoxxuti malajr. Dawn l-istrumenti ma ġewx żviluppati
f’iżolament minn xulxin u huma kumplimentarji għall-Europass. L-integrazzjoni gradwali
u r-referenza għall-QEK, l-ECVET u l-ECTS fil-Europass hi
mistennija sseħħ hekk kif timxi 'l quddiem l-implimentazzjoni ta’ dawn
l-istrumenti. Ir-Rakkomandazzjoni Ewropea dwar il-QEK speċifikat li mill-2012, iċ-ċertifikati tal-kwalifiki, id-diplomi
u d-dokumenti Europass ġodda kollha maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti
kellhom jinkludu referenza ċara għal-livell xieraq tal-QEK. Xi pajjiżi (CZ, DK,
EE, FR u IE) diġà bdew jirrekordjaw dawn il-livelli fid-dokumenti Europass
rilevanti (is-Suppliment tad-Diplomi u ċ-Ċertifikati) iżda jeħtieġ li jkun hemm
sforzi addizzjonali mill-bqija tal-pajjiżi. Minkejja l-kumplimentarjetà ta’ dawn
l-inizjattivi, xorta għad hemm fejn titjieb il-koerenza sabiex l-għodod u
s-servizzi differenti jiġu offruti b’mod ikkoordinat. Bħalissa l-utenti mhumiex
offruti aċċess faċli li jinftiehem u koerenti għal dawn l-istrumenti. Filwaqt
li kważi l-għodod Ewropej kollha ta’ trasparenza u mobbiltà għandhom il-portal
tagħhom u xi wħud għandhom punti ta’ konverġenza (bħall-għodda onlajn tas-CV li
tgħin lill-utenti tal-EURES biex joħolqu s-CV Europass tagħhom fuq il-websajt
tal-EURES), huma mhumiex konnessi biżżejjed. Dan jagħmilha iktar diffiċli
għall-utenti potenzjali biex jaċċessaw informazzjoni rilevanti, dokumenti u
servizzi. Hija meħtieġa iktar interoperabbiltà
tal-Europass ma’ għodod oħra tal-UE użati għat-tqabbil tal-impjiegi, inkluż
mal-EURES. Bl-istess mod, is-sinerġiji, bejn il-Europass u l-Youthpass, għodda
li ttejjeb ir-rikonoxximent tal-eżiti tat-tagħlim ta’ żgħażagħ li jieħdu parti
fi proġetti appoġġjati mill-Programm tal-UE Żgħażagħ fl-Azzjoni, jeħtieġ li
jitjiebu sabiex jiġu evitati koinċidenzi potenzjali. Eżempju ieħor hija
d-deċiżjoni li tirrikonoxxi kwalifika professjonali fi Stat Membru li
tawtorizza aċċess għal professjoni rregolata[20].
Id-detenturi tal-kwalifika għandhom ikunu jistgħu jamalgamaw mal-Europass
id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, fuq il-karta jew b’mod elettroniku, inkluż meta
din tinkiseb permezz tal-proċedura ġdida tal-Karta Professjonali Ewropea. 2.4 Insegwu governanza effiċjenti
u sostenibbli L-użu u
s-sensibilizzazzjoni ta’ għodod Europass differenti kibru b’mod kostanti mit-tnedija
tal-inizjattiva fl-2005. Il-portal
Europass huwa ħafna drabi responsabbli għaż-żieda fl-użu u s-sensibilizzazzjoni
ta’ dawn l-għodod ta’ trasparenza. Il-portal wera li għamel suċċess fir-rigward
ta' persuni li jżuruh, l-użu u s-sodisfazzjon tal-utent. L-għadd ta’ żjarat ilu
jiżdied kull sena minn madwar 3 miljuni
fl-2006 għal kważi 15-il miljun fl-2012.
Madwar 88 % tal-utenti li ġew
mistħarrġa qablu li l-portal Europass huwa faċli biex jintuża u huwa ċar. 60 % ħassew li żviluppi futuri tal-portal
għandhom, b’mod partikolari jinkludu informazzjoni u pariri dwar il-mobbiltà
transnazzjonali, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u t-tfittxija għall-impjiegi. Flimkien
mal-portal tal-internet tal-Europass, iċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass (NECs) huma
l-muturi ewlenin għall-implimentazzjoni tal-Europass. L-NECs kienu
operazzjonali fil-pajjiżi kollha tal-UE, kif ukoll fl-Iżlanda u fin-Norveġja,
min-nofs l-2005 (2007 għall-Bulgarija u r-Rumanija u 2011 għall-Kroazja), fil-Liechtenstein mill-2006, fit-Turkija mill-2008, u fl-Iżvizzera mill-2011.
Il-missjoni tagħhom ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-Europass u li jipprovdu
l-informazzjoni neċessarja kollha lill-partijiet interessati kollha hija
meqjusa sodisfaċenti. Il-maġġoranza tal-NECs
jikkooperaw b’mod regolari ma’ korpi oħra, bħall-Eurogwida u ċ-ċentri NARIC, l-aġenziji
EURES, l-aġenziji nazzjonali LLP, il-Eurodesk u Europe Direct, għalkemm tali
kooperazzjoni tista’ tiġi msaħħa u s-sinerġiji jistgħu jiġu sfruttati aħjar.
Konverġenza msaħħa ta’ dawn il-korpi twassal għal strutturi ssimplifikati u
servizzi aħjar eqreb għall-istudenti u l-ħaddiema, li jiffaċilitaw l-aċċess
għall-Europass, b’mod partikolari minn dawk il-gruppi li bħalissa jibbenefikaw l-inqas
minnu. Madankollu, l-isforzi mill-NECs biex jippromwovu l-għodod Europass fost
fornituri ta’ servizzi tal-impjieg privati wrew li kellhom inqas suċċess. Ħafna
minn dawn il-fornituri huma lesti biss jippromwovu l-użu ta’ dokumenti Europass
għal gwadann finanzjarju. Is-Cedefop għandu
rwol ċar fis-suċċess tal-Europass. Minbarra l-immaniġġjar effettiv tal-portal
Europass u l-provvediment ta’ appoġġ għall-NECs, huwa jikkontribwixxi bil-ħila
esperta tiegħu għall-iżvilupp kunċettwali tal-qafas tal-Europass. Fl-2012, il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ
finanzjarju li jammonta għal total ta’ € 2 250 000 għall-NECs permezz
tal-Programm Tagħlim tul il-Ħajja. B’mod ġenerali, l-evalwazzjoni esterna kellha
żieda fil-livelli tal-effiċjenza fl-aspetti kollha tal-Europass analizzati
mqabbla mal-evalwazzjoni tal-2008.
Filwaqt li l-finanzjament ipprovdut mill-UE[21]
u s-sorsi nazzjonali ma kellhomx żieda sinifikanti matul il-perjodu 2008-2011,
l-għadd ta’ dokumenti Europass maħluqa onlajn u maħruġa, u l-għadd ta’ żjarat
tal-portal, żdiedu b’mod kostanti mingħajr ebda sinjal ta’ tnaqqis
fil-popolarità tal-għodod Europass. Ġiet
osservata effiċjenza ikbar kemm f’termini tal-attivitajiet promozzjonali
mill-NECs kif ukoll fl-użu ta’ diversi għodod tal-Europass. L-ispiża totali
tal-Europass (mill-baġits nazzjonali, tal-Kummissjoni u tas-Cedefop) mit-tnedija
tiegħu hija ta’ madwar € 31.5 miljun. Abbażi ta’ 54 miljun CV Europass maħruġa mill-2005 (28 miljun maħluqa
onlajn u 27 miljun imniżżlin
mill-internet), l-ispiża medja ta’ CV waħda prodotta hija madwar € 0.58, li hija madwar erba’
darbiet inqas minn dak stmat fl-2008 (€ 2.1). Minħabba
l-prezz tant baxx għal kull dokument u l-livell għoli ta’ sodisfazzjon
tal-utent, l-evalwazzjoni tikkonkludi li l-implimentazzjoni tal-Europass
tipprovdi valur tajjeb għall-flus. Madankollu, probabbilment il-Europass mhux
se jibqa’ sostenibbli mingħajr it-tkomplija tal-appoġġ finanzjarju Ewropew.
Il-biċċa l-kbira tal-NECs mhux se jkunu jistgħu jkomplu joperaw mingħajr finanzjament
tal-UE, peress li ma ġew identifikati ebda sorsi ta’ finanzjament alternattiv
vijabbli għall-Europass u mhux mistenni li jkun hemm finanzjament pubbliku
addizzjonali. Ma hemm ebda inċentiv speċifiku għal atturi privati sabiex jiġu
involuti, minħabba li l-Europass ma jipprovdi ebda benefiċċju finanzjarju
immedjat. 3.
KONKLUŻJONIJIET Fl-isfond ta’
forza tax-xogħol li qed tiċkien u tkabbir ekonomiku minimu, waħda mill-iktar
sfidi urġenti għall-Istati Membri hija l-immodernizzar tas-sistemi
tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom u t-titjib tal-provvista ta’ ħiliet sabiex
tissodisfa aħjar il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol. Il-Europass għandu jgħin
sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi u għandu jissaħħaħ skont dan fis-snin li
ġejjin. Is-sejbiet u
r-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni esterna jikkonfermaw li l-Europass
għandu jżomm ir-rwol qawwi tiegħu ta’ promozzjoni tal-mobbiltà u
l-komparabbiltà tal-ħiliet u l-kwalifiki. It-titjib propost jinkludi wkoll
razzjonalizzazzjoni aħjar u l-inklużjoni tad-dokumenti Europass sabiex titjieb
il-konverġenza ma’ għodod ta’ referenza Ewropej oħra u servizzi ta’ gwida
orjentati lejn il-mira marbuta mal-istrumenti Europass, biex b’hekk jiġu
appoġġjati l-mobbiltà transnazzjonali, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u
t-tfittxija ta’ impjiegi. Fuq kollox, il-Europass jeħtieġ li jsir għodda iktar
flessibbli u faċli biex tintuża, li għandu jisfrutta l-potenzjal ta’
teknoloġiji moderni sabiex jevolvi b’mod kostanti mal-bżonnijiet tal-utenti.
Għandu jżomm utenti eżistenti u jattira oħrajn ġodda, b’mod partikolari
individwi li għandhom ħiliet baxxi. Sabiex jintlaħaq dan, jista’ jkun meħtieġ
bażi ġuridiku ġdid tal-Europass, li jippermetti aġġornamenti u aġġustamenti
regolari ta’ dawn l-għodod. Bl-għan li
jiżdied l-appoġġ tal-Europass għall-istudenti u l-ħaddiema li jippreżentaw
il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom, għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari
l-iżviluppi li ġejjin: • Sinerġiji mtejba
bejn il-Europass u inizjattivi Ewropej oħra — Minkejja s-suċċess ġenerali
tal-Europass, il-gwida dwar l-użu tal-għodod Europass tista’ tittejjeb u
tissaħħaħ permezz ta’ koordinazzjoni aħjar ma’ servizzi li jipprovdu gwida
tal-karrieri u trasparenza u rikonoxximent tal-kwalifiki, sabiex tilħaq udjenzi
ikbar u tiġġenera valur miżjud ikbar. Dan jidher li huwa partikolarment
rilevanti għal gruppi li għandhom diffikultà ikbar biex jużaw il-Europass, bħal
dawk li għandhom ħiliet baxxi u dawk diżokkupati. Fi ħdan Żona Ewropea futura
għall-Ħiliet u l-Kwalifiki, il-Europass jista’ jiffoka fuq il-provvediment ta’
servizzi tal-informazzjoni u għodod interattivi għat-trasparenza tal-ħiliet u
l-kwalifiki, li jlaqqgħu flimkien in-netwerks Ewropej differenti, is-servizzi
tal-informazzjoni u għodod oħra li bħalissa huma kkonċernati mill-ħiliet u
l-kwalifiki flimkien taħt punt ta’ dħul uniku. Dan jippermetti lill-istudenti u
lill-ħaddiema jagħmlu użu aħjar mill-għodod tat-trasparenza u r-rikonoxximent,
li jsiru magħrufa aħjar ukoll fost istituzzjonijiet u negozji u għaldaqstant ikunu
iktar effettivi. L-ippuljar ta’ dawn ir-riżorsi għandu jikseb kisbiet
effiċjenti u jippermetti l-integrazzjoni tar-riżorsi mal-kontrapartijiet
tagħhom fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, dan probabbilment
jikkontribwixxi għal promozzjoni u implimentazzjoni usa’ tal-għodod Europass fost
il-partijiet differenti ikkonċernati fin-netwerk uniku amalgamat tas-servizz li
jirriżulta. ·
Il-Europass bħala strument li jiffaċilita modi flessibbli
ta’ tagħlim — Hemm bżonn ċar li jiġu adattati l-għodod
Europass kurrenti għal modi ta’ tagħlim iktar flessibbli u iktar orjentati lejn
l-istudenti, li jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ individwi. Il-qafas mibdul
radikalment għandu jkun flessibbli biżżejjed biex jintegra kif xieraq żviluppi
u tekniki ġodda dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż fl-ICT. Bħalissa, hemm żewġ
setturi fejn dawn il-bżonnijiet jidhru iktar urġenti: a) Il-Europass għandu żewġ għodod differenti
li jipprovdu informazzjoni supplimentari dwar eżiti ta’ tagħlim: is-Suppilment
tad-Diplomi għal kwalifiki ta’ edukazzjoni għolja u s-Suppliment taċ-Ċertifikati
għal taħriġ vokazzjonali. Huwa utli li wieħed jesplora jekk dokument uniku
jistax jiffaċilita fehim komuni tal-kwalifiki maħruġa minn kwalunkwe settur
tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u jistax jistimola l-interoperabbiltà tas-sistemi
Ewropej tat-trasferiment tal-krediti, bħall-ECTS u l-ECVET, bejn livelli ta’
edukazzjoni u taħriġ u fil-pajjiżi kollha. b) L-irrekordjar ta’ ħiliet miksuba permezz
ta’ esperjenza ta’ tagħlim mhux formali jew informali, inkluż permezz ta’
edukazzjoni onlajn: illum, id-dokument tal-Mobbiltà tal-Europass biss
jipprevedi l-irrekordjar ta’ ħiliet akkwistati f’ambjent mhux formali barra
mill-pajjiż. F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni
ta’ tagħlim mhux formali u informali, il-Europass għandu jiġi rivedut sabiex
jippermetti l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni ta’ ħiliet, inklużi awditi
tal-ħiliet, miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali, kemm permezz
tal-mobbiltà kif ukoll mingħajrha. Abbażi tax-xogħol preparatorju li diġà sar
mill-Kummissjoni dwar dokument potenzjali ġdid “Esperjenza Europass”, din
il-karatteristika ġdida għandha tappoġġja l-linji gwida Ewropej dwar
il-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali. Dawn il-karatteristiki
ġodda jkunu rilevanti wkoll għall-inizjattivi ta’ garanziji u apprentistat
għaż-żgħażagħ.[22]
Għandu jiġi esplorat ukoll il-mod li bih
għandhom jiġu rreġistrati ċertifikati ġġenerati mill-mekkaniżmu Youthpass
fil-Europass sabiex jiġu evitati koinċidenzi. Huwa meħtieġ ukoll xogħol
ulterjuri sabiex jiġi analizzat kif għodod ta’ trasparenza bħal ‘badges’
miftuħa maħluqa mill-proċessi ġodda ta’ ċertifikazzjoni dwar tagħlim diġitali
għandhom jiġu integrati fil-Europass jew bħala suppliment tiegħu. Fl-aħħar nett,
ħiliet ICT funzjonali u avvanzati għandhom ikunu iktar viżibbli fis-CV Europass. ·
Intejbu l-interoperabbiltà tal-Europass
mal-għodod tal-UE użati għat-tqabbil tal-impjiegi –Standards
tekniċi differenti bħalissa jipprevjenu konverġenza mtejba fost xi għodod
tal-UE użati minn dawk li qed ifittxu x-xogħol. Huma meħtieġa sforzi ulterjuri
sabiex l-għodda tas-CV Europass u l-Passaport Ewropew ġdid dwar il-Ħiliet ikollhom
ħolqa mal-bażi tad-dejta tas-CV EURES u ma’ għodod ta’ servizzi privati ta’
impjieg, gwida u ċentri ta’ validazzjoni kif ukoll għodod ta’ valutazzjoni
tal-ħiliet. Għandha tiġi esplorata wkoll l-amalgamazzjoni tad-deċiżjoni li
tirrikonoxxi kwalifika professjonali fi Stat Membru, inkluż meta tkun inkisbet
permezz tal-proċedura tal-Karta Professjonali Ewropea, mal-Europass. Kif semmejna, il-Komunikazzjoni
‘Reviżjoni tal-Edukazzjoni’ enfasizzat ir-rwol tal-edukazzjoni u l-ħiliet bħala
assi strateġiċi ewlenija għat-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-impjieg.
Waħda mill-proposti ta’ ‘Reviżjoni tal-Edukazzjoni’ hija li jiġu esplorati
iktar is-sinerġiji u l-konverġenza ta’ għodod tal-UE eżistenti għat-trasparenza
u r-rikonoxximent ta’ ħiliet u kwalifiki bil-għan li tiġi ffurmata Żona Ewropea
ta’ Ħiliet u Kwalifiki, li tippermetti li kulħadd jiċċaqlaq b’mod liberu u
jkollu l-kompetenzi u l-kwalifiki tiegħu rikonoxxuti malajr għal tagħlim
ulterjuri u jkunu jinftiehmu u vvalutati b’mod adegwat minn min iħaddem. Il-Kummissjoni se
tiddiskuti l-konklużjonijiet ippreżentati f’dan ir-rapport mal-partijiet
ikkonċernati rilevanti matul dibattitu pubbliku dwar iż-Żona Ewropea ta’ Ħiliet
u Kwalifiki fix-xitwa 2013/2014. Abbażi tal-konklużjonijiet ta’ dan
id-dibattitu dwar il-qafas tal-Europass u dwar Valutazzjoni tal-Impatt,
il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tipproponi reviżjoni tal-bażi ġuridika
kurrenti tal-Europass— Deċiżjoni 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-15 ta’ Diċembru 2004. [1] COM(2010) 478 finali, COM(2010)
682 finali, COM(2010) 245 finali/2, COM(2012)
173 finali, COM(2012) 485 finali. [2] COM(2012) 669 finali. [3] Deċiżjoni 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-15 ta’ Diċembru 2004, magħrufa f’dan ir-rapport bħala
“id-Deċiżjoni”. [4]Ara l-Artikolu 15
tad-Deċiżjoni. Ir-rapport kurrenti jiffoka fuq is-sejbiet tat-tieni
evalwazzjoni tal-Europass, imwettqa fl-2012
mill-Public Policy and Management Institute (PPMI). Ara http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/evalreports/index_en.htm#trainingHeader. [5] ĠU 2009/C 119/02. [6] COM(2013) 654 final. [7] Mudell għad-deskrizzjoni tal-curriculum vitae tad-detentur. [8] Għodda ta’ awtodikjarazzjoni għall-ħiliet lingwistiċi, li tuża skala
ta’ referenza tal-profiċjenza lingwistika tal-Qafas Ewropew Komuni
tar-Referenza għal-Lingwi. [9] Jelenka l-kisbiet tad-detenturi ta’ diploma jew lawrji tal-edukazzjoni
għolja, inklużi s-suġġetti studjati u l-gradi miksuba. [10] Deskrizzjoni tal-kontenut ta’ kwalifiki vokazzjonali sabiex jiġi
ssupplimentat ċertifikat ta’ edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali diġà maħruġ. [11] Dokument maħruġ minn awtoritajiet edukazzjonali jew tat-taħriġ li
jirrekordja l-esperjenzi tax-xogħol u tal-edukazzjoni f’pajjiżi Ewropej oħra. [12] Il-portal ġie żviluppat, ospitat u mmaniġġjat mis-Cedefop f’isem
il-Kummissjoni. Ara http://europass.cedefop.europa.eu/mt/home. [13] https://ec.europa.eu/eures/home.jsp?lang=mt&langChanged=true. [14] http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/evalreports/training/2013/europass_en.pdf Id-dejta f’dan
ir-rapport ġiet misluta minn evalwazzjoni esterna. [15] L-akronimi jfissru: CV: Curriculum Vitae; LP: Passaport tal-Lingwa;
MD: Dokument tal-Mobbiltà; DS: Suppliment tad-Diplomi; CS: Suppliment
taċ-Ċertifikati. [16] idem. [17] http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/eqf_en.htm. [18] http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/ecvet_en.htm. [19] http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/ects_en.htm. [20] Direttiva 2005/36/KE [21] Il-kontribuzzjoni tal-UE tammonta sa 50 %
tal-ispejjeż operattivi taċ-ċentri nazzjonali tal-Europass. [22] Ara wkoll http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1006.