52013DC0897

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF) Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istabbiliment tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għal Tagħlim tul il-ħajja /* COM/2013/0897 final */


1.           Introduzzjoni

Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK)[1] jippromwovi t-tagħlim tul il-ħajja u jtejjeb il-mobbiltà, l-impjegabbiltà u l-integrazzjoni soċjali tal-istudenti u tal-ħaddiema billi joħloq qafas Ewropew ta’ referenza għas-sistema ta’ kwalifiki. Il-QEK jiffaċilita l-komparabbiltà u r-rikonoxximent ta’ kwalifiki ta’ miljuni ta’ gradwati li qed ifittxu opportunitajiet ta’ tagħlim ulterjuri jew li jidħlu fis-suq tax-xogħol fl-Ewropa kull sena. Pereżempju, fl-2012, ir-Repubblika Ċeka tat 900 tip ta’ kwalifika vokazzjonali lil kważi 150 000 student. Fl-istess sena, ingħataw madwar 69 000 tip ta’ kwalifika rregolata lil madwar 16,8 miljun student fir-Renju Unit.

Il-QEK jirrappreżenta approċċ ġdid għall-kooperazzjoni Ewropea dwar il-kwalifiki. Huwa jintroduċi tmien livelli ta’ referenza deskritti f’termini ta’ eżiti ta’ tagħlim, li jkopru l-forom u l-livelli kollha ta’ kwalifiki. Din l-attenzjoni fuq it-tagħlim tpoġġi lill-istudent fiċ-ċentru, u hija importanti meta l-kwalifiki jiġu kkomparati u rikonoxxuti minn pajjiżi differenti u minn kuntesti ta’ tagħlim differenti.

Il-Kummissjoni ilha żmien twil tenfasizza l-importanza li tiġi appoġġjata l-komparabbiltà tal-ħiliet u tal-kwalifiki fl-UE kollha, speċjalment fil-kuntest tal-livelli għoljin tal-qgħad tal-lum, peress li dan jagħmilha eħfef biex l-istudenti u l-ħaddiema jiċċaqilqu bejn il-pajjiżi u jimxu minn impjieg għal ieħor. Il-possibbiltà li l-istudenti u l-ħaddiema jippreżentaw il-ħiliet u l-kwalifiki li jkunu kisbu f’ambjenti ta’ tagħlim formali, informali u mhux formali, hija partikolarment importanti fil-kuntest tal-inizjattivi ewlenin Ewropa 2020 “Żgħażagħ Attivi”, l-“Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda” u l-“Aġenda Diġitali”, kif ukoll il-Pakkett tal-Impjiegi “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali. Sabiex tappoġġja din il-ħidma u tiżgura li l-ħiliet u l-kwalifiki jistgħu jiġu rikonoxxuti faċilment bejn fruntiera u oħra, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li toħloq “Żona Ewropea għall-Ħiliet u l-Kwalifiki” bħala parti mill-inizjattiva “Reviżjoni tal-Edukazzjoni”[2] .

Il-QEK qed jistimula lill-gvernijiet nazzjonali biex jagħmlu r-rikonoxximent tal-kwalifiki eħfef u iktar trasparenti: 36 pajjiż ipparteċipaw b’mod volontarju fil-QEK (28 Stat Membru tal-UE, ħames pajjiżi kandidati u l-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera).

Dan ir-rapport jippreżenta l-esperjenza tal-QEK sa issa u jiddiskuti implikazzjonijiet possibbli għall-futur. Huwa jiddiskuti jekk ir-rakkomandazzjoni fil-forma attwali tagħha tistax tlaħħaq mal-isfidi ġodda kkawżati mit-tibdiliet soċjoekonomiċi u teknoloġiċi mgħaġġla u jekk hix trawwem tagħlim flessibbli. Din l-evalwazzjoni qed issir fi żmien ta’ importanza partikolari, sabiex tindirizza l-qgħad għoli u l-għadd dejjem jiżdied ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim u kwalifiki disponibbli. L-isfidi jinkludu n-numru dejjem jiżdied ta’ kwalifiki offruti minn fornituri privati, iktar kwalifiki internazzjonali, u l-fenomenu riċenti ta' Korsijiet Onlajn Miftuħa Massivi (Massive Open Online Courses (MOOCs)), li għandhom il-potenzjal li jilħqu ħafna studenti. Din l-evalwazzjoni, flimkien mal-Europass u l-evalwazzjonijiet EQAVET u r-rapport ta’ progress dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja, se jgħinu biex jiġu identifikati l-isfidi għaż-Żona Ewropea tal-Ħiliet u l-Kwalifiki u possibbilment anke punti fejn din tista' titjieb.

2.           Eżiti u impatt

2.1. Il-karatteristiċi ewlenin tal-QEK

L-elementi li ġejjin huma fil-qalba tal-QEK:

• Tmien livelli ta’ referenza Ewropej definiti f’termini ta’ eżiti ta’ tagħlim u kapaċi jaqbdu t-tipi u l-livelli kollha ta’ kwalifiki madwar l-Ewropa. Livelli QEK 5, 6, 7 u 8 huma kompatibbli mad-deskrizzjonijiet ta’ kwalifiki ta’ ċikli qosra u t-tliet ċikli tal-Qafas għall-Kwalifiki taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (QF-EHEA);[3]

• Approċċ dwar l-eżiti ta’ tagħlim. Id-deskritturi tal-livell huma espressi f’termini ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi u mhumiex marbuta ma’ elementi tal-kuntest tat-tagħlim, bħall-perjodu ta’ żmien tat-tagħlim jew il-lokalità;

• Prinċipji komuni għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-kuntest tal-QEK.

Twaqqaf Grupp Konsultattiv (AG) għall-QEK u ġew stabbiliti Punti Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni fl-Istati Membri sabiex jimplimentaw il-QEK.

Il-Grupp Konsultattiv jiżgura koerenza kumplessiva u jippromwovi trasparenza tal-proċess ta’ sistemi ta’ kwalifiki relatati mal-QEK. Fir-rwol tiegħu li jappoġġja r-referenzjar fl-2009 tal-QEK, il-Grupp Konsultattiv adotta għaxar kriterji u proċeduri għar-referenzjar tal-livelli nazzjonali tal-kwalifiki mal-QEK[4]. Dawn għenu sabiex jiġi stabbilit approċċ komuni għall-preżentazzjoni ta’ riżultati ta’ referenzjar għall-partijiet ikkonċernati. Il-pajjiżi kollha jużaw dawn il-kriterji biex jistrutturaw ir-rapporti nazzjonali ta’ referenzjar tagħhom. Xi kriterji (b’mod partikolari l-kriterji 3 u 4) jistgħu jiġu interpretati b’modi differenti u jeħtieġu kjarifikazzjoni ulterjuri biex jiżguraw koerenza kumplessiva dwar il-proċess ta’ referenzjar.

L-appoġġ tal-NCPs u, flimkien ma’ awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħrajn, jiggwidaw ir-relazzjoni bejn is-sistemi nazzjonali ta’ kwalifiki u l-QEK u jippromwovu l-kwalità u t-trasparenza ta’ dik ir-relazzjoni.

2.2. Inħaffu l-implimentazzjoni: meħtieġ sens ġdid ta’ urġenza

Ir-rakkomandazzjoni tinkludi żewġ dati ta’ mira:

• 2010: L-Istati Membri għandhom jirrelataw is-sistemi nazzjonali ta’ kwalifiki tagħhom mal-QEK, b’mod partikolari billi jirreferenzjaw il-livelli tal-kwalifiki tagħhom mal-QEK u, fejn neċessarju, jiżviluppaw oqfsa nazzjonali ta’ kwalifiki (NQFs);

• 2012: iċ-ċertifikati ta’ kwalifiki, id-diplomi u d-dokumenti “Europass” kollha ġodda maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu referenza ċara għal-livell tal-QEK rilevanti.

Il-pass importanti tal-2010

Sal-2010, erba’ Stati Membri rreferenzjaw is-sistemi nazzjonali ta’ kwalifiki tagħhom. Fl-2008, tlieta minnhom kellhom diġà stabbilit NQF.

Sa Ġunju 2013, għoxrin Stat Membru ppreżentaw ir-rapporti nazzjonali tagħhom dwar ir-referenzjar mal-QEK. Il-pajjiżi li baqa’ (tmien Stati Membri, erba’ pajjiżi kandidati u n-Norveġja) qed jippjanaw li jiffinalizzaw ir-referenzjar tagħhom fl-2013-14.

Sal-aħħar tal-2010 || FR, IE, MT, UK

2011 || BE-vl, CZ, DK, EE, LT, LV, NL, PT

2012 || AT, DE, HR, LU

2013 || BG, IT, PL, SI

Għar-referenzjar || Stati Membri: BE-fr, BE-de, EL, ES, FI, HU, KY, RO, SE, SK, Pajjiżi kandidati: IS, ME, MK, TK Pajjiż taż-ŻEE: NO

Tabella 1 — Ħarsa ġenerali tal-implimentazzjoni tal-ewwel pass importanti tar-Rakkomandazzjoni tal-QEK, Settembru 2013

It-tabella turi li r-Rakkomandazzjoni tiġġenera riformi – pereżempju, l-iżvilupp ta’ NQFs komprensivi bbażati fuq eżiti ta’ tagħlim — li jirrikjedu impenn politiku u tekniku sinifikanti minn diversi partijiet ikkonċernati. Tali żviluppi jieħdu ż-żmien. Għaldaqstant, minkejja l-impenn nazzjonali qawwi għall-QEK, id-dewmien fl-implimentazzjoni tiegħu jsir viżibbli. Sabiex jiġi evitat dewmien ulterjuri, il-pajjiżi kollha għandhom jiffinalizzaw il-proċessi ta’ referenzjar tagħhom sal-aħħar tal-2014 u jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni iktar malajr. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-monitoraġġ tagħha tal-implimentazzjoni tal-QEK fil-livell nazzjonali, jekk neċessarju permezz ta’ skambji bilaterali, sabiex tgħin lill-pajjiżi individwali jegħlbu l-isfidi speċifiċi tagħhom.

Għandu jiġi nnutat li rapport ta’ referenzjar huwa stampa tas-sistema ta’ kwalifiki ta’ pajjiż, filwaqt li r-referenzjar huwa proċess kontinwu ta’ riflessjoni dwar sistemi ta’ kwalifiki li jinbidlu. Għalhekk, il-pajjiżi għandhom regolarment jirrevedu r-rapporti ta’ referenzjar tagħhom u jinfurmaw lill-Grupp Konsultattiv dwar kull tibdil u dwar kif irrispondew għall-kummenti tal-partijiet ikkonċernati. Il-Grupp Konsultattiv għandu jistabbilixxi kriterji u proċeduri għas-segwitu ta’ żviluppi fis-sistemi nazzjonali ta’ kwalifiki u l-impatt tagħhom fuq ir-referenzjar.

Il-pass importanti tal-2012

It-tieni pass importanti għandu l-benefiċċju li jġib il-QEK direttament għand l-istudenti, il-ħaddiema, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u għal min iħaddem. L-inklużjoni tal-livelli tal-QEK dwar il-kwalifiki u s-supplimenti huwa pass kbir ’il quddiem lejn il-faċilitazzjoni ta’ tqabbil aħjar tal-kwalifiki madwar il-fruntieri.

In-nuqqas li jintlaħaq il-pass importanti ta’ referenzjar ikkawża dewmien sinifikanti sabiex jintlaħaq dan it-tieni pass importanti. Sal-2012, pajjiż wieħed biss inkluda l-livelli tal-QEK fis-supplimenti Europass tiegħu. Żewġ pajjiżi inkludew il-livelli tal-QEK fil-bażijiet tad-dejta tal-kwalifiki tagħhom. Sa Settembru 2013, tliet pajjiżi ħarġu kwalifiki li rreferenzjaw livell tal-QEK u ħames pajjiżi bdew jinkludu livelli tal-QEK fis-supplimenti Europass tagħhom. Sitt pajjiżi oħra qed jippjanaw li jibdew jagħmlu dan fl-2013-2014.

|| L-aħħar tal-2012 ||  Sett. 2013

Livell tal-QEK inkluż f’ċertifikati u diplomi ġodda || ||  CZ, DK, LT

Livell tal-QEK inkluż fis-supplimenti Europass– Suppliment tad-Diplomi (ds) u/jew Suppliment taċ- Ċertifikati (cs) || FR (cs) ||  CZ (cs), DK (ds),  EE (ds), IE (ds)

Livell tal-QEK inkluż fil-bażijiet tad-dejta nazzjonali tal-kwalifiki || FR, UK ||  CZ, DK,

Tabella 2: Ħarsa ġenerali tal-implimentazzjoni tat-tieni pass importanti tar-Rakkomandazzjoni għall-QEK

Issa qed jagħfas iż-żmien biex jintlaħaq it-tieni pass importanti. L-inklużjoni tal-livell tal-QEK u d-deskrizzjoni ċara tal-eżiti tat-tagħlim akkwistati jagħtu għodda qawwija lill-individwi biex jikkomunikaw aħjar il-livell u l-varjetà tal-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom. Dan huwa importanti speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi. Issa sar urġenti li jiżdied ix-xogħol fuq livell nazzjonali sabiex jiġi żgurat li sal-aħħar tal-2014, tal-inqas kwart tal-kwalifiki kollha maħruġa fl-Ewropa jinkludu referenza għall-QEK.

Il-pajjiżi jindirizzaw it-tieni pass importanti b’modi differenti. Il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet nazzjonali qed jikkunsidraw soluzzjonijiet tekniċi sabiex jintużaw sistematikament fil-livell nazzjonali. Oħrajn iħallu f’idejn l-istituzzjonijiet li joħorġu l-kwalifiki biex jiddeċiedu jekk u kif jinkludu livelli QEK f’bażijiet ta’ dejta ta’ ċertifikati, diplomi, supplimenti Europass u bażijiet ta’ dejta ta’ kwalifiki. B’mod ġenerali, il-pajjiżi jaqblu li huwa meħtieġ approċċ komuni tal-UE sabiex jiġi żgurat l-istess livell ta’ trasparenza lill-istudenti u lill-ħaddiema kollha. Il-Grupp Konsultattiv għandu jiżviluppa tali approċċ komuni.

2.3 Sistema koerenti

L-istruttura ta’ tmien livelli tal-QEK hija applikabbli għal sistemi nazzjonali ta’ kwalifiki u għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għandhom jew inkella qed jiżviluppaw NQFs li jkopru t-tipi u l-livelli kollha ta’ kwalifiki fl-edukazzjoni formali u s-sistemi ta’ taħriġ. L-għadd ta’ livelli ta' NQF jiddependi fuq il-ħtiġijiet nazzjonali.

Il-prinċipji u l-arkitettura ġenerali tal-QEK – id-definizzjoni ta’ ‘kwalifika’ u l-livelli bbażati fuq eżiti ta’ tagħlim – jagħmluha iktar faċli li jiġu kkomparati l-kwalifiki. Madankollu, għandhom jiġu kkunsidrati ftit kwistjonijiet sostanzjali għal titjib futur:

Filwaqt li l-QEK għandu l-għan li jkun punt ta’ riferenza għall-kwalifiki kollha fl-Ewropa irrispettivament minn liema korp ikun ħariġhom, ħafna NQFs huma limitati għal kwalifiki mogħtija minn istituzzjonijiet pubbliċi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ. Ftit NQFs biss ikopru kwalifiki mogħtija barra s-sistemi formali, pereżempju fis-settur privat, li ħafna drabi huma importanti għas-suq tax-xogħol. Sfida ewlenija hija li jiġi żgurat li l-kwalifiki kollha fl-NQFs, inklużi dawk miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali, ikunu affidabbli u jissodisfaw ir-rekwiżiti bażiċi tal-kwalità. Il-Grupp Konsultattiv għandu jipprovdi gwida dwar kriterji komuni li għandhom jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni tal-kwalifiki fl-NQFs. Il-karatteristiki tal-QEK attwali jistgħu ma jkunux adattati għal żviluppi ġodda. Prattiki ġodda bħal tagħlim imħallat qed jintużaw iktar ta’ spiss. L-MOOCs huma żvilupp riċenti fl-edukazzjoni mill-bogħod, u jippermettu li jiġi organizzat tagħlim madwar il-fruntieri u fiż-żoni kollha tal-ħin, kull fejn hemm konnessjoni tal-internet.

Il-kwalifiki saru jingħataw ukoll minn korpi internazzjonali u kumpaniji multinazzjonali f’diversi pajjiżi fl-Ewropa u lil hinn. Xi pajjiżi inkludewhom fl-NQFs tagħhom, iżda mhux dejjem bl-istess livell tal-QEK. Dawn il-kwistjonijiet jitolbu li jkun hemm approċċ koerenti meta jsir referenzjar mal-QEK mill-pajjiżi kollha sabiex tiġi evitata l-konfużjoni għal min iħaddem u għad-detenturi tal-kwalifiki.

Id-deskritturi tal-livell tal-QEK għal ‘għarfien’ u ‘ħiliet’ jaqblu mad-deskritturi nazzjonali. Madankollu, id-deskrittur tal-‘kompetenza’ huwa iktar problematiku peress li d-deskrittur inkluż fl-Anness II mhux konsistenti għalkollox mad-definizzjoni ta’ ‘kompetenza’ fl-Anness I. Id-deskrittur ta’ ‘kompetenza’ għandu għaldaqstant jiġi kkjarifikat. Il-prinċipji komuni dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità għenu pajjiżi li għaddejjin minn proċess ta’ referenzjar. Għalkemm kienu intenzjonati li jindirizzaw biss edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ u kwalifiki ta’ edukazzjoni għolja, ovvjament huma rilevanti għal kwalifiki oħra wkoll. Il-potenzjal tagħhom li jipprovdu gwida għal-livelli kollha u t-tipi kollha ta’ kwalifiki għandu jsir espliċitu. Xi kwistjonijiet oħra diskussi iktar fil-fond fil-livell Ewropew huma relatati mal-kwalifiki fil-livell 2-3 tal-QEK – kwalifiki tat-tluq mill-edukazzjoni obbligatorja u fil-livell 3-5 tal-QEK – li jinkludu kwalifiki meta student jispiċċa mill-iskola obbligatorja u li jagħtu aċċess għal edukazzjoni għolja u kwalifiki Master fis-snajja’.

Skont il-Konvenzjoni ta’ Lisbona dwar ir-Rikonoxximent, il-kwalifiki li jkollu student meta jispiċċa mill-edukazzjoni obbligatorja li jagħtu aċċess għal edukazzjoni għolja, kumplessivament huma ekwivalenti, u jagħtu aċċess għal edukazzjoni għolja fl-Ewropa kollha u lil hinn. Il-fatt li dawn il-kwalifiki jiġu relatati ma’ livelli tal-QEK differenti jissuġġerixxi differenza fil-livell tal-eżiti tat-tagħlim miksuba, li tista’ tippreżenta ostakli għall-mobbiltà ta’ dawk l-istudenti li jispiċċaw l-iskola obbligatorja li jixtiequ jkollhom aċċess għal edukazzjoni għolja f’pajjiż ieħor.

F’xi każijiet, kwalifiki nazzjonali bl-istess isem/titlu jvarjaw fil-kontenut u fil-kumplessità. F’każijiet oħra, il-pajjiżi għandhom interpretazzjonijiet differenti dwar kif l-eżiti tat-tagħlim jidħlu l-aħjar f’livell tal-QEK. Dawn id-differenzi, anke jekk leġittimi, mhumiex se jinftiehmu minn persuni li għalihom it-titlu tal-kwalifika jibqa’ simili u għaldaqstant għandu jippreżenta kwalifika simili. L-iskambjar ta’ informazzjoni u l-ħruġ ta’ gwida fil-livell Ewropew għandu jkompli jkollu l-għan li jagħmel id-deċiżjonijiet ta’ referenzjar miftiehma u fdati.

Id-disinn tal-QEK huwa kompatibbli b’mod sħiħ mal-QF-EHEA. Qed tiġi żgurata koerenza fl-implimentazzjoni, b’mod partikolari minħabba li l-Kunsill tal-Ewropa (CoE) jipparteċipa f’laqgħat tal-Grupp Konsultattiv u tal-NCP u l-Kummissjoni tattendi laqgħat QF-EHEA. Din il-koerenza għamlitha possibbli għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li jwettqu r-referenzjar tal-QEK tagħhom u l-awtoċertifikazzjoni tal-QF-EHEA fi proċess uniku, u li jippreżentaw rapport uniku li jindirizza l-kriterji taż-żewġ proċessi. Diversi pajjiżi li pparteċipaw f’Bologna li mhumiex QEK, żviluppaw ukoll NQFs tat-tagħlim tul il-ħajja bbażati fuq l-eżiti tat-tagħlim. Ikun utli li jiġu evalwati l-opinjonijiet tal-pajjiżi dwar il-valur miżjud ta’ żewġ oqfsa ġenerali Ewropej ta’ kwalifiki.

2.4 Il-QEK bħala għodda ċentrali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki u għall-iżgurar tat-trasparenza

Il-QEK jirrelata mal-livelli u t-tipi kollha ta’ kwalifiki. Il-koerenza bejn il-QEK u politiki u għodod Ewropej oħra[5] li għandhom l-għan li jtejbu t-trasparenza tal-ħiliet u kwalifiki (bħal pereżempju QF-EHEA, Europass, ECTS, ECVET, id-Direttiva 2005/36, ESCO, validazzjoni ta’ tagħlim informali u mhux formali) kif ukoll oqfsa u prinċipji li jiżguraw il-kwalità (EQAVET u ESG) hija fundamentali għall-effettività u l-impatt tagħhom. Dawn kollha jiffaċilitaw il-moviment ħieles tal-persuni u jippromwovu tagħlim tul il-ħajja, u xi wħud jaqsmu l-approċċ tal-eżiti tat-tagħlim.

Il-QEK u s-sistemi Ewropej għat-trasferiment u l-akkumulazzjoni tal-krediti, jiġifieri l-ECTS u l-ECVET, huma koerenti fil-prinċipji sottostanti tagħhom, iżda għadhom mhux allinjati għalkollox fl-implimentazzjoni prattika tagħhom. L-ECTS jintuża f’madwar 75 % tal-korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-programmi issa huma deskritti f’termini ta’ eżiti ta’ tagħlim intenzjonati, l-isfida hija li jiġu estiżi l-eżiti tat-tagħlim għad-disinn u l-valutazzjoni tal-programm. Ir-reviżjoni li għaddejja tal-gwida tal-ECTS se tipprovdi gwida Ewropea addizzjonali. L-ECVET hija bbażata b’mod sħiħ fuq eżiti tat-tagħlim, iżda għadha fi stadju iktar bikri ta’ implimentazzjoni.

Il-prinċipji komuni tal-QEK dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità huma b’mod ġenerali kompatibbli mal-istandards u l-linji gwida Ewropej (European standards and guidelines (ESG)) u mal-EQAVET. Madankollu, il-prinċipji tat-tliet għodod kollha jirreferu għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ b’mod ġenerali biss, u ma jipprovdux gwida speċifika għall-iżgurar tal-kwalità tal-approċċ tal-eżiti tat-tagħlim, il-kwalifi u l-oqfsa tal-kwalifiki. L-evalwazzjonijiet li għaddejjin tal-QEK, l-EQAVET u r-reviżjoni tal-ESG għandhom jintużaw sabiex jiġi identifikat fejn jistgħu jintlaħqu sinerġiji oħra bejn l-oqfsa ta’ kwalifiki Ewropej u arranġamenti tal-assigurazzjoni tal-kwalità.

Il-QEK huwa konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Lisbona dwar ir-Rikonoxximent (LRC),[6] li tiffaċilita r-rikonoxximent ta’ kwalifiki fi u l-aċċess għall-edukazzjoni għolja fl-Ewropa. It-test sussidjarju tal-LRC dwar l-użu ta’ oqfsa ta’ kwalifiki fir-rikonoxximent ta’ kwalifiki barranin, adottat f’Ġunju 2013 jinkoraġġixxi rabtiet iktar mill-qrib bejn l-oqfsa tal-kwalifiki u r-rikonoxximent tal-kwalifiki għall-finijiet ta’ tagħlim ulterjuri. Madankollu, il-prattiki tar-rikonoxximent fil-livell istituzzjonali rarament jikkunsidraw l-oqfsa tal-kwalifiki u ż-żieda fit-trasparenza miġjuba mill-oqfsa Ewropej.

Teżisti inqas koerenza mad-Direttiva dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali. Id-direttiva taħdem b’ħames livelli u kriterji ta’ input bħall-perjodu ta’ żmien għar-rikonoxximent tal-kwalifiki fis-suq tax-xogħol, filwaqt li l-QEK għandu tmien livelli bbażati fuq l-eżiti tat-tagħlim. Dan ikkawża inċertezza fost il-partijiet ikkonċernati. Għaldaqstant, id-direttiva l-ġdida[7] tipprevedi sinerġiji mal-QEK. Hija żżomm is-sistema ta’ ħames livelli ta’ inputs, iżda tagħmel possibbli l-istabbiliment ta’ ‘oqfsa komuni ta’ taħriġ’ li jippermettu lill-pajjiżi biex jaqblu dwar livelli minimi ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi marbuta mal-livelli tal-QEK. Abbażi ta’ dan, il-pajjiżi awtomatikament se jkunu jistgħu jirrikonoxxu kwalifiki professjonali.

Ir-rakkomandazzjoni tipprevedi rabta mill-qrib mal-Europass. Is-supplimenti Europass għandhom jirreferu għal-livell tal-QEK korrispondenti, iżda dan rarament jiġri minħabba l-implimentazzjoni limitata tat-tieni pass importanti tal-QEK.

Fl-aħħar nett, jeżistu rabtiet mill-qrib bejn l-iżvilupp tal-Klassifikazzjoni Ewropea tal-Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Okkupazzjonijiet multilingwi (European multilingual Skills, Competences, Qualifications and Occupations classification (ESCO)) u l-QEK. Il-kwalifiki li huma relatati mal-QEK se jkunu inklużi indirettament fl-ESCO. Dan se jsir permezz tal-portal tal-QEK, li se jorbot flimkien il-bażijiet tad-dejta nazzjonali dwar il-kwalifiki. Il-kwalifiki internazzjonali li mhumiex inklużi fl-NQFs se jiġu inklużi direttament fl-ESCO. L-approċċ tal-eżiti tat-tagħlim użat fil-QEK u l-ESCO għandu jiġi kkoordinat.

2.5 Governanza

Il-QEK huwa rregolat mill-Grupp Konsultattiv u l-NCPs (taqsima 2.1).

Il-Grupp Konsultattiv huwa kompost minn rappreżentanti ta’:

· 36 pajjiż (28 Stat Membru, ħames pajjiżi kandidati, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera);

· L-imsieħba soċjali Ewropej (ETUC, BusinessEurope, UAEPME, CEEP);

· L-organizzazzjonijiet umbrella Ewropej li jagħtu l-kwalifiki (Eurochambres, EUCIS-LLL, EUA); kif ukoll

· partijiet ikkonċernati oħra (servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, l-Unjoni Ewropea tal-Istudenti, iċ-Ċentru Ewropew tal-Voluntiera, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ).

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (CoE) jipparteċipa fil-Grupp Konsultattiv sabiex tiġi żgurata koerenza bejn il-QEK u l-QF-EHEA.

Is-Cedefop u l-Fondazzjoni Ewropea tat-taħriġ jappoġġjaw il-Grupp Konsultattiv.

Il-Grupp Konsultattiv jipprovdi gwida effettiva għall-proċessi nazzjonali ta’ referenzjar u jibni fiduċja u ftehim fost il-pajjiżi parteċipanti. Il-mandat tiegħu ġie estiż fl-2012 sabiex jimmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali[8]. Dan għandu l-għan li jsaħħaħ iktar ir-rabtiet bejn l-oqfsa tal-kwalifiki u l-arranġamenti ta’ validazzjoni, li għadhom iridu jiġu żviluppati f’ħafna pajjiżi.

L-NCPs ġew stabbiliti f’36 pajjiż. Huma jinsabu f’diversi stabbilimenti istituzzjonali, inklużi ministeri, aġenziji nazzjonali, awtoritajiet nazzjonali tal-kwalifiki, istituzzjonijiet edukattivi tar-riċerka u ċentri edukattivi tal-informazzjoni. L-effettività tagħhom b’mod ġenerali tiddependi fuq kemm huma marbuta mill-qrib mal-governanza nazzjonali tal-proċess tal-NQF/QEK. L-NCPs jiffukaw il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tagħhom fuq il-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, iżda huma jsibuha bħala sfida li jikkomunikaw mal-imsieħba soċjali għandhom nuqqas fil-kompetenza tal-komunikazzjoni mal-pubbliku iktar wiesa’. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jivvalutaw kif l-NCPs jistgħu jikkomunikaw aħjar ma’ varjetà ta’ partijiet ikkonċernati u kif jistabbilixxu strateġiji ta’ komunikazzjoni.

Għalkemm fl-aħħar tliet snin l-NCPs użaw biss madwar 75 % tal-baġit disponibbli tagħhom minħabba diffikultajiet organizzazzjonali inizjali u tibdil fl-iskedi ta’ referenzjar, l-attivitajiet tagħhom kienu kkunsidrati kruċjali għall-implimentazzjoni tal-QEK fil-livell nazzjonali.

Il-portal tal-QEK jikkomunika dwar l-QEK u r-riżultati tal-proċessi nazzjonali ta’ referenzjar. Huwa jippermetti li jiġu kkomparati livelli nazzjonali ta’ kwalifiki mal-QEK u li ssir riċerka dwar il-kwalifiki. Il-funzjoni ta’ tqabbil turi informazzjoni dwar disgħa minn għoxrin pajjiż li rreferenzjaw. Ir-riċerka dwar il-kwalifiki individwali se tkun possibbli biss fl-aħħar tal-2013. Teżisti sfida sinifikanti minħabba li l-bażijiet tad-dejta nazzjonali tal-kwalifiki għadhom ma jeżistux fil-pajjiżi kollha u li dawk eżistenti ma jkoprux il-kwalifiki kollha fl-NQFs. Il-portal jeħtieġ maġġoranza kritika ta’ pajjiżi li jipparteċipaw sabiex il-potenzjal tiegħu jkun jista’ jiġi sfruttat b’mod sħiħ.

2.6 Impatt u sostenibbiltà

Għalkemm ma teżistix statistika dwar l-impatt tal-QEK fuq it-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà u l-implimentazzjoni tagħha fi stadju bikri, it-trasferiment lejn l-approċċ tal-eżiti tat-tagħlim huwa suċċess kbir. Huwa witta t-triq għal modi iktar flessibbli ta’ tagħlim u l-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali.

Il-QEK kellu impatt fuq iktar minn 36 pajjiż parteċipant. Diversi pajjiżi msieħba tal-UE adottaw kunċetti tal-QEK għall-iżviluppi nazzjonali u reġjonali tagħhom stess u pajjiżi minn reġjuni oħra tad-dinja qed ifittxu li jiddjalogaw mal-QEK.

Minħabba l-livell ta’ impenn politiku għall-QEK, l-għodda komuni ta’ referenza se tkun sostenibbli mingħajr appoġġ finanzjarju Ewropew, iżda partijiet ikkonċernati jqisu li l-koordinazzjoni qawwija fil-livell tal-UE hija fundamentali għall-implimentazzjoni koerenti u trasparenti.

3.           Konklużjonijiet

Is-sejbiet jikkonfermaw li l-QEK b’mod ġenerali huwa aċċettat bħala punt ta’ referenza għall-iżvilupp ta’ oqfsa ta’ kwalifiki, li jimplimenta l-approċċ tal-eżiti tat-tagħlim u li jsaħħaħ it-trasparenza u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi. Jista’ jkun ċentrali f’Żona Ewropea ta’ Ħiliet u Kwalifiki fil-futur. Madankollu, id-dewmien fl-implimentazzjoni ħoloq sens ta’ urġenza. L-UE għandha tagħmilha possibbli għall-istudenti u l-ħaddiema li jagħmlu l-ħiliet tagħhom iktar viżibbli irrispettivament minn fejn kisbuhom. Għandha tagħmel l-QEK operazzjonali għalkollox malajr kemm jista’ jkun.

Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jiġu kkunsidrati l-miżuri li ġejjin sabiex tissaħħaħ ir-rilevanza, l-effettività u l-impatt tal-QEK:

Jitħaffef ir-referenzjar tal-QEK u jiġu żviluppati oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki

Il-pajjiżi kollha għandhom jiżviluppaw NQFs b’saħħithom li jinftiehmu u jintużaw mill-partijiet ikkonċernati. Għandhom jibnu fuq konsultazzjonijiet nazzjonali, jistabbilixxu kunsens ġenerali dwar kif livelli nazzjonali ta’ kwalifiki jirrelataw mal-QEK u jaħdmu sabiex jiffinalizzaw l-ewwel rapport ta’ referenzjar tagħhom sal-2014.

Jissaħħu r-rwol u l-impatt tal-oqfsa tal-kwalifiki abbażi tal-eżiti tat-tagħlim fil-livelli nazzjonali u Ewropej

Il-gvernijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jużaw l-approċċ tal-eżiti tat-tagħlim fis-subsistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ kollha, billi jimplimentaw NQFs komprensivi li jinkludu kwalifiki mogħtija kemm fi ħdan is-sistemi tradizzjonali ta’ edukazzjoni u taħriġ formali kif ukoll barra minn dawn is-sistemi. L-NQFs għandhom jiġu integrati fil-prattiki kumplessivi tal-edukazzjoni, u t-taħriġ formali. Fil-livell Ewropew, id-deskrittur tal-‘kompetenza’ fl-Annessi I u II għar-rakkomandazzjoni għandu jiġi kjarifikat.

Jissaħħaħ ir-referenzjar trasparenti u koerenti tal-QEK, b’kunsiderazzjoni għan-natura li qed tinbidel tas-sistemi ta’ kwalifikazzjoni

Ir-referenzjar għandu jidher bħala proċess kontinwu, u ma għandux ikun limitat għall-preżentazzjoni ta’ rapport ta’ referenzjar wieħed. Il-Grupp Konsultattiv għandu jipprovdi gwida dwar il-kriterji 3 u 4 u jiżviluppa strateġija komprensiva għas-segwitu ta’ rapporti ta’ referenzjar fil-futur. Dan għandu jinkludi monitoraġġ imsaħħaħ ta’ kif il-pajjiżi jikkunsidraw il-kummenti tal-Grupp Konsultattiv dwar rapporti nazzjonali ta’ referenzjar u kif jiġu indirizzati inkonsistenzi ta’ referenzjar bejn il-pajjiżi. Il-Grupp Konsultattiv għandu jappoġġja wkoll komunikazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati dwar kwistjonijiet ta’ referenzjar li huma ta’ sfida.

Tissaħħaħ ir-rabta bejn l-assigurazzjoni Ewropea tal-kwalità u l-oqfsa tal-kwalifiki

Il-prinċipji komuni tal-QEK dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità, l-EQAVET u l-ESG, għandhom isiru iktar koerenti u għandhom jappoġġjaw l-approċċ tal-eżiti tat-tagħlim, bil-għan li jiġu żviluppati prinċipji koerenti ta’ assigurazzjoni tal-kwalità għat-tagħlim tul il-ħajja. Apparti minn fiduċja ikbar fil-kwalifiki, fl-oqfsa tal-kwalifiki u fir-referenzjar għall-QEK, dan jista’ jwassal ukoll għal iktar fiduċja u permeabbiltà aħjar bejn is-subsistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Titjieb il-komunikazzjoni dwar il-QEK, sabiex l-istudenti, il-ħaddiema u partijiet ikkonċernati oħra jintlaħqu aħjar u jiġu infurmati dwar il-benefiċċji tal-QEK

Wara li jirreferenzjaw il-kwalifiki tagħhom mal-QEK, il-pajjiżi għandhom jiżguraw li ċ-ċertifikati, id-diplomi u s-supplimenti Europass ġodda kollha jinkludu riferenza għal-livell tal-QEK rilevanti. Il-pajjiżi għandhom iwaqqfu bażijiet tad-dejta/reġistri nazzjonali u dawn ikollhom ħolqa mal-portal tal-QEK. Il-portal tal-QEK għandu jkollu ħolqa mal-portal Ewropew dwar l-opportunitajiet tat-tagħlim (Ploteus) u l-ESCO. Il-Kummissjoni se tesplora kif l-għodod tal-internet jistgħu jintużaw biex joffru servizzi relatati mal-ħiliet lill-istudenti, il-ħaddiema u partijiet ikkonċernati oħra sabiex jiġu appoġġjati l-mobbiltà, it-tagħlim tul il-ħajja, u l-impjegabbiltà.

Isir użu aħjar tal-QEK f’politiki u għodod għall-mobbiltà u t-tagħlim tul il-ħajja

Il-QEK jista’ jkun il-qofol li miegħu jirrelataw politiki u għodod Ewropej oħra, bħat-trasferiment tal-krediti u r-rikonoxximent. L-oqfsa tal-kwalifiki u s-sistemi tal-krediti bbażati fuq l-eżiti tat-tagħlim jiffaċilitaw modi iktar flessibbli ta’ tagħlim individwali f’istituzzjonijiet, setturi u pajjiżi differenti. Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati għandhom isaħħu u jispjegaw ir-rabtiet bejn il-QEK u s-sistemi Ewropej tat-trasferiment u ta’ akkumulazzjoni tal-krediti. Il-pajjiżi għandhom jużaw iktar il-QEK bħala sors addizzjonali tal-informazzjoni għall-awtoritajiet kompetenti biex jeżaminaw ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki maħruġa fi Stati Membri oħra fil-kuntest tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali u fil-pajjiżi ET2020 fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Lisbona dwar ir-Rikonoxximent.

Jiġi kkjarifikat ir-rwol tal-QEK b’relazzjoni mal-kwalifiki internazzjonali u mal-pajjiżi u r-reġjuni barra mill-Ewropa

Il-QEK qed jintuża dejjem iktar bħala punt ta’ referenza għall-komparabbiltà tal-kwalifiki. Il-proċess ta’ referenzjar eżistenti u l-kriterji tiegħu għandu jiżgura li l-QEK ikopri t-tipi kollha ta’ kwalifiki, inklużi l-kwalifiki internazzjonali. Għandhom ikomplu jiġu esplorati modi kif il-QEK jista’ jappoġġja l-komparabbiltà u r-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba barra mill-Ewropa.

Il-QEK jiġi żviluppat sabiex isir adattat aħjar għall-iżviluppi attwali fit-tagħlim onlajn u l-kwalifiki internazzjonali

Il-QEK għandu jkopri kwalifiki internazzjonali u kwalifiki li jinkludu moduli kompluti f’pajjiżi differenti jew li jitħalltu wiċċ imb wiċċ u t-tagħlim onlajn. Il-QEK jista’ jsir biss qafas verament komprensiv jekk jadatta għal dawn l-iżviluppi ġodda u jibqa’ kapaċi jżomm mat-tibdil fil-provvediment tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Il-Komunikazzjoni 'Reviżjoni tal-Edukazzjoni' enfasizzat ir-rwol tal-edukazzjoni fit-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-impjieg. Waħda mill-proposti tagħha tikkonċerna t-twettiq ta’ xogħol esploratorju dwar sinerġiji ulterjuri bejn għodod tal-UE għat-trasparenza u r-rikonoxximent ta’ ħiliet u kwalifiki. Dan għandu jkun indirizzat lejn il-bini ta’ Żona Ewropea ta’ Ħiliet u Kwalifiki li fiha kulħadd jista’ jiċċaqlaq b’mod ħieles u jkollu l-kompetenzi u l-kwalifiki tiegħu/tagħha rikonoxxuti malajr għal tagħlim ulterjuri u jkunu jinftiehmu b’mod adegwat minn min iħaddem.

Il-Kummissjoni se tiddiskuti l-konklużjonijiet ippreżentati f’dan ir-rapport mal-partijiet ikkonċernati rilevanti anke matul dibattitu pubbliku dwar iż-Żona Ewropea tal-Ħiliet u l-Kwalifiki fix-xitwa 2013/2014. Abbażi tal-konklużjonijiet ta’ dan id-dibattitu u l-valutazzjoni tal-Impatt, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tipproponi reviżjoni tal-bażi ġuridika attwali tal-QEK — (2008/C 111/01) Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008.

[1] http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/eqf_en.htm.

[2] COM(2012) 669 finali.

[3] http://www.ehea.info/Uploads/qualification/QF-EHEA-May2005.pdf.

[4] http://ec.europa.eu/eqf/documentation_en.htm

[5] http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/mobility_en.htm.

[6] ETS 165 — Recognition Qualifications 1997 Higher Education in the European Region, 11.IV.1997.

[7] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52011PC0883:MT:NOT

[8] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2012:398:0001:0005:MT:PDF