52013DC0886

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Pjan direzzjonali dwar l-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti It-tiswir tal-fiduċja fis-servizzi ta' konsenja u l-għoti ta' spinta lill-bejgħ onlajn /* COM/2013/0886 final */


1) L-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku permezz ta' servizzi mtejba ta' konsenja

Il-kummerċ elettroniku huwa wieħed mill-muturi ewlenin ta’ Ewropa aktar kompetittiva u prospera, b’potenzjal sinifikanti biex jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Bejn l-2013 u l-2016, il-kummerċ elettroniku mistenni li jilħaq rata ta’ tkabbir annwali ta’ iktar minn 10 fil-mija madwar l-UE.

Il-livelli ta’ kummerċ elettroniku jvarjaw ħafna madwar l-Istati Membri tal-UE. Filwaqt li 82 % tal-utenti tal-internet fir-Renju Unit xtraw xi ħaġa onlajn fl-2012, kienu biss madwar 11 % tal-utenti tal-internet fir-Rumanija li għamlu dan. Il-kummerċ elettroniku transfruntier fl-UE qiegħed jikber aktar bil-mod mill-kummerċ elettroniku domestiku: filwaqt li 54% tal-utenti tal-internet tal-UE kienu xtraw xi ħaġa onlajn minn bejjiegħ minn pajjiżhom stess fl-2012, kienu biss 14% li xtraw xi ħaġa onlajn minn bejjiegħ transfruntier[1]. Teżisti sitwazzjoni simili għar-rigward tal-impriżi, fejn kienu 14 % fost l-impriżi kollha li għamlu bejgħ elettroniku f'pajjiżhom stess u 6 % biss lejn pajjiżi oħra fl-UE[2].

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kummerċ elettroniku flimkien ma’ inizjattivi oħra tal-UE[3] identifikat il-konsenja fiżika[4] ta’ oġġetti ordnati onlajn bħala waħda mill-elementi kruċjali biex il-kummerċ elettroniku jkun jista' jikber. Is-servizzi ta' konsenja offruti mill-bejjiegħa onlajn huma wieħed mill-fatturi fundamentali li jinfluwenzaw id-deċiżjoni ta' konsumatur li jixtri mingħandhom. Bħalissa, il-konsenja u r-ritorn tal-prodotti huma fost l-aktar affarijiet li jippreokkupaw kemm lix-xerrejja kif ukoll lill-bejjiegħa onlajn fl-UE[5]. Il-Green Paper tal-Kummissjoni ta’ Novembru 2012 dwar “Suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE” iddefiniet il-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati.  Din poġġiet enfasi partikolari fuq it-twassil transfruntier tal-pakketti[6], fuq il-ħtiġijiet tal-SMEs, kif ukoll fuq reġjuni inqas avvanzati u aċċessibbli, bl-argument li l-kummerċ elettroniku jrid ikun aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom u l-post fejn jinsabu.

Wara l-adozzjoni tal-Green Paper, tfaċċa qbil wiesa’ fost il-partijiet kollha kkonċernati, kemm fuq il-kwistjonijiet identifikati kif ukoll fuq il-bżonn urġenti biex dawn jiġu indirizzati. L-operaturi tal-konsenja, il-bejjiegħa onlajn u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur kienu involuti f’diskussjonijiet kostruttivi f’diversi konferenzi apposta kif ukoll f'fora oħra. Bosta operaturi bdew jiżviluppaw soluzzjonijiet li jistgħu jikkorrispondu aħjar mal-aspettattivi tal-klijenti tagħhom.

Permezz ta’ dan il-pjan direzzjonali, il-Kummissjoni għandha l-għan li tara li jsir titjib tanġibbli kemm jista’ jkun malajr. Tinħtieġ azzjoni biex il-bejjiegħa onlajn u l-konsumaturi jingħataw servizzi transfruntieri ta' kwalità għolja ta' konsenja tal-pakketti, li jkunu aċċessibbli u bi prezzijiet li jistgħu jlaħħqu magħhom, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-SMEs u ta’ reġjuni anqas avvanzati jew aċċessibbli (inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda[7]).  Filwaqt li jkompli jibni fuq il-progress li diġà sar wara l-adozzjoni tal-Green Paper, il-pjan direzzjonali għandu l-għan li jiggwida u jorganizza t-triq ’il quddiem fi tliet għanijiet ewlenin:

Aktar trasparenza u informazzjoni għall-atturi kollha tul il-katina ta’ valuri tal-kummerċ elettroniku Disponibbiltà, kwalità u affordabbiltà aħjar tas-soluzzjonijiet tal-konsenja

· Ġestjoni aħjar tal-ilmenti u mekkaniżmi mtejba ta’ rimedju għall-konsumaturi

Il-pjan direzzjonali jattribwixxi kompiti u rwoli speċifiċi lill-partijiet interessati varji. Il-Kummissjoni ser tiffaċilita dan il-proċess kollaborattiv permezz ta’ fora u workshops apposta, u se tosserva mill-qrib il-progress li jsir. Wara 18-il xahar sejra tagħmel analiżi tas-sitwazzjoni sabiex tivvaluta jekk ikunx hemm bżonn ta' miżuri addizzjonali. 

2) Suq mhux kompletat fejn tidħol il-konsenja transfruntiera tal-pakketti

L-isfidi ewlenin li jesperjenzaw il-konsumaturi u l-bejjiegħa onlajn

It-tweġibiet għall-Green Paper ta’ konsultazzjoni[8] kif ukoll stħarriġ, studji u workshops speċifiċi jikkonfermaw li l-konsenja hija fattur ewlieni fl-iżvilupp ġenerali tal-kummerċ elettroniku. Madankollu l-aspettattivi u l-ħtiġijiet tal-konsumaturi u tal-bejjiegħa onlajn mhux dejjem qed jintlaħqu fejn jidħlu l-veloċità, il-kwalità, l-affidabilità jew tal-ispiża tal-konsenja. [9]Il-biċċa l-kbira tal-ilmenti tal-konsumaturi fejn jidħlu t-tranżazzjonijiet transfruntiera, li daħlu għand in-Network ta' Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, jikkonċernaw il-problemi ta' konsenja. Studju riċenti minn Copenhagen Economics ikkonferma li l-problemi relatati mal-konsenja jinfluwenzaw bil-kbir jekk il-bejjiegħa jiffinalizzawx ix-xiri tagħhom jew jekk jabbandunawx it-tentattivi li jixtru onlajn[10]

Il-problemi ewlenin identifikati jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:    

· Il-konsumaturi ħafna drabi ma jkunux jafu liema għażliet ta’ konsenja għandhom, meta u kif pakkett jista’ jiġi kkonsenjat lilhom, u kif jistgħu jirritornawh jekk ikunu jixtiequ hekk. Huma jilmentaw dwar konsenja li ddum ma tasal u dwar nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-proċess tal-konsenja. Ta’ spiss jikkunsidraw il-prezzijiet għall-konsenja transfruntiera, u l-konsenja lejn żoni rurali jew remoti bħala eċċessivi. Huma ressqu ilmenti li l-prodotti jkollhom il-ħsara jew li ma jiġu kkonsenjati xejn, u dwar il-konsenja ta' prodott b'ieħor. Barra minn dan, spiss ma jkunux jafu bil-mekkaniżmi ta' ilmenti u ta' rimedju jekk xi ħaġa tmur ħażin.

· Il-bejjiegħa onlajn[11], b’mod partikolari dawk żgħar, ma għandhomx biżżejjed informazzjoni dwar is-servizzi ta' konsenja li jista' jkollhom u għandhom għażla u disponibilità limitata ta’ soluzzjonijiet tal-konsenja tal-kwalità (eż. funzjonalitajiet ta' monitoraġġ u traċċar, għażliet flessibbli fejn tidħol l-aħħar fażi tal-konsenja, l-hekk imsejjaħ "last mile") u l-affordabbiltà meħtieġa.

Il-bejjiegħa onlajn jinsabu taħt pressjoni ta’ żmien. Il-vijabbiltà tan-negozji tagħhom tiddependi fuq il-ħila tas-settur tal-konsenja li jwassal il-prodotti bi prezz baxx, u b’mod konvenjenti Dan japplika b’mod partikolari fil-każ tal-parteċipanti ż-żgħar fis-suq tal-kummerċ elettroniku. Minħabba volumi iżgħar, dawn ma għandhomx biżżejjed poter ta’ negozjar li jiksbu skonti sostanzjali mill-operaturi tal-konsenja u b’hekk huma kkonfrontati b’għażliet anqas favorevoli ta’ konsenja. Fl-istess ħin, huma m’għandhomx il-kapaċità li jinvestu f’netwerk ta’ konsenja tagħhom stess. F’ambjent ikkaratterizzat mill-ekonomiji ta’ skala, dawn ma humiex kapaċi jkunu kompetittivi fil-konfront ta' bejjiegħa onlajn akbar.

L-operaturi tal-konsenja jkollhom jirreaġixxu b'mod xieraq għall-aspettattivi ta' konsenja dejjem jinbidlu tal-klijenti tagħhom, filwaqt li jadattaw ruħhom għal sfidi bħalma huma l-ispejjeż għolja tal-ewwel u tal-aħħar parti tal-vjaġġ, jew l-eżenzjoni mill-VAT għas-servizzi postali pubbliċi. L-operazzjoni ta' konsenja transfruntiera huma affettwati minn għadd kbir ta’ rekwiżiti amministrattivi u regolatorji, inklużi d-dwana[12], u n-nuqqas ta’ interoperabilità bejn il-kumpaniji ta’ konsenja (eż. fejn jidħol il-monitoraġġ u t-traċċar, jew is-sistemi komuni ta’ tikkettar).

Ambjent regolatorju fi trasformazzjoni

Il-qafas regolatorju għas-servizzi postali kif imfisser fid-Direttiva tas-Servizzi Postali [13](minn hawn 'l quddiem: DSP) tiffoka primarjament fuq is-servizzi postali tal-ittri u dwar il-ħarsien tas-servizz postali universali fl-Istati Membri. Madankollu hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet, b’mod partikolari fl-ambitu tar-rekwiżiti tas-servizz universali, li huma rilevanti għall-konsenja ta’ pakketti. Fil-prattika, 5-10 % (biss) tal-volum tal-konsenji transfruntiera ta' pakketti jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tas-servizz universali peress li r-rekwiżiti minimi tad-DSP ikopru biss is-servizzi bażiċi tal-pakketti, dawk hekk imsejħa “over the counter" (għalhekk prinċipalment C2C). L-obbligi minimi tas-servizz universali huma mfissra fl-Artikolu 3 tad-Direttiva Postali iżda l-Istati Membri jistgħu jmorru lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jew il-ġbir ta’ dejta statistika japplikaw ukoll għal servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti li l-operaturi kollha tal-konsenja — inklużi l-operaturi postali — jipprovdu barra mill-ambitu tas-servizz universali. Fil-bidu tal-2014, il-Kummissjoni Ewropea se tippubblika rapport ta’ implimentazzjoni li se jivvaluta l-effettività u r-rilevanza tad-DSP fil-kuntest ta’ ambjent ta’ suq fi trasformazzjoni rapida.

Il-konsumaturi Ewropej se jkomplu jibbenefikaw, mit-13 ta' Ġunju 2014, mill-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (minn issa 'l quddiem: DDK), li ser itejjeb b’mod sinifikanti l-informazzjoni u t-trasparenza fil-qasam tax-xiri onlajn. Dan jolqot b'mod partikolari l-eliminazzjoni ta' nollijiet moħbija u t-trasparenza fil-prezzijiet għal kuntratti mill-bogħod u mhux fuq il-post; drittijiet imtejba fejn jidħlu r-rifużjonijiet (pereż. r-rifużjoni tal-ispejjeż tal-konsenja fejn ikun applikabbli) u obbligi ta' informazzjoni ċara dwar l-ispejjeż involuti meta jiġu rritornati oġġetti mixtrija fil-każ ta' irtirar. L-istrumenti li ġew adottati dan l-aħħar dwar is-soluzzjoni alternattiva u onlajn tat-tilwim (l-ADR u l-ODR) se jkomplu jtejbu l-mekkaniżmi tar-riżoluzzjoni tat-tilwim.[14]

L-aspetti ambjentali u tat-trasport huma importanti għall-iżvilupp sostenibbli tas-servizzi tal-konsenja u għat-tnaqqis tal-ispejjeż għolja tas-servizzi tal-ewwel u tal-aħħar parti tal-vjaġġ.[15]  Kwalunkwe azzjoni proposta taħt dan il-pjan direzzjonali għandha tkun kompletament koerenti ma’ inizjattivi relatati, partikolarment fil-kuntest tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011[16], u ta' kwalunkwe inizjattiva ta' segwitu (bħalma hija l-inizjattiva tat-trasport elettroniku tal-merkanzija), jew azzjonijiet dwar il-loġistika tal-ibliet, l-ippjanar sostenibbli tal-mobilità urbana (SUMP), ir-regolament dwar l-arja, kif ukoll inizjattivi fir-rigward ta’ proċeduri doganali.

Fir-rigward tal-aspetti soċjali, id-domandi tal-kummerċ elettroniku f’termini ta’ flessibilità, kapaċità u kumplessità għandhom implikazzjonijiet sinifikanti fejn jidħlu l-kondizzjonijiet ta’ impjieg. Minħabba l-innovazzjoni fil-kumpaniji ta' konsenja u l-mudelli l-ġodda tan-negozju jista' jkun hemm bżonn ta' bidliet fejn jidħlu l-impjiegi u l-ħiliet operattivi. L-imsieħba soċjali għandhom rwol importanti fis-salvagwardja ta' kundizzjonijiet responsabbli tal-impjiegi u, fil-livell tal-UE, qed jiġu żviluppati proġetti u programmi differenti[17] li se jitkomplew ukoll bħala parti minn djalogu regolari fil-qafas tal-kumitat Ewropew tad-djalogu soċjali għas-servizzi postali, flimkien mar-rapportar u l-promozzjoni tal-aħjar prattika.

Il-ħtieġa għal azzjoni li tmur lil hinn mill-qafas regolatorju

Il-qafas regolatorju eżistenti tal-UE, madankollu, ma jindirizzax is-sensiela sħiħa ta’ problemi mfissra hawn fuq. In-nuqqas ta’ interoperabilità bejn l-operaturi tal-konsenja huwa fil-fatt ħafna inqas konsegwenza tal-frammentazzjoni regolatorja milli ta' strutturi operazzjonali tradizzjonali. Is-swieq postali tradizzjonali (tal-ittri) dejjem kienu ddominati mit-traffiku domestiku, u l-proċessi operattivi, inklużi s-sistemi tal-IT, ġew ottimizzati fid-dawl taċ-ċirkostanzi domestiċi. Fil-passat il-flussi transfruntiera kienu jikkonċernaw l-aktar il-posta tal-ittri, u s-DSP kienet ta' għajnuna biex jiġi żgurat li l-kwalità ta’ dawn il-flussi tiżdied b’mod sinifikanti biż-żmien. B’kuntrast, il-flussi transfruntiera tal-pakketti — speċjalment B2C (mill-impriżi lejn il-konsumaturi) — ma kellhom l-ebda rwol sinifikanti qabel ma feġġ il-kummerċ elettroniku.

Id-domanda dejjem tikber għall-provvista ta' servizzi B2C tal-pakketti transfruntiera, li jkunu ta' kwalità għolja u affordabbli għalhekk tirrappreżenta kemm sfida ġdida għall-operaturi postali tradizzjonali — kif ukoll fl-istess ħin wieħed mill-aktar swieq ta’ tkabbir promettenti fi żminijiet li fihom il-volum tal-ittri qiegħed kontinwament jonqos. Dawn l-operaturi bħalissa qegħdin fil-proċess li jirriorjentaw il-proċessi tagħhom lejn servizzi (transfruntiera) ta' konsenja tal-pakketti li jkunu effiċjenti, traċċabbli u madankollu affordabbli.

L-operaturi privati tal-pakketti u dawk express ukoll jeħtieġ li jadattaw ruħhom għat-tkabbir rapidu tal-kummerċ elettroniku xprunat mill-konsenji B2C, kemm nazzjonali kif ukoll lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Dawn l-operaturi — li għadhom jiddominaw is-swieq transfruntiera tal-pakketti — jeħtieġ partikolarment li jaddattaw l-operazzjonijiet tagħhom orjentati lejn il-B2B għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi individwali, billi jinvestu fil-kapaċitajiet ta' ssortjar, in-netwerks ta' bejgħ bl-imnut u s-sistemi ta' ritorn tal-pakketti.

F’dan il-kuntest, dan il-pjan direzzjonali għandu l-għan li jrawwem titjib (kontinwu) fiż-żewġ mudelli ta' negozju, u għalhekk ukoll il-kompetizzjoni bejn id-diversi atturi fis-suq tal-konsenja, għall-benefiċċju tal-bejjiegħa onlajn, tal-klijenti aħħarija, u tal-ekonomija b’mod ġenerali.

3) It-triq 'il quddiem: Pjan direzzjonali b'azzjonijiet għat-18-il xahar li ġejjin

Proċess immexxi mill-industrija

Is-suq tal-konsenja transfruntiera tal-pakkett marbut mal-kummerċ elettroniku huwa kkaratterizzat minn tkabbir u innovazzjoni mgħaġġlin, iżda wkoll minn sinjali ta’ xi fallimenti tas-suq, pereżempju f’termini tal-asimmetriji tal-informazzjoni. Dan il-pjan direzzjonali għandu l-għan li jirrikonċilja l-potenzjal tal-forzi tas-suq li jsibu soluzzjonijiet effiċjenti mal-ħtieġa li jiġu ssalvagwardati ċerti interessi kruċjali ta' politika pubblika — pereż. l-aċċess għall-benefiċċji tal-kummerċ elettroniku fil-każ ta' atturi anqas qawwija bħall-SMEs u l-abitanti ta’ żoni remoti/rurali.

Wara l-identifikazzjoni ta’ objettivi ċari ta’ politika pubblika fil-Green Paper tal-2012, grupp ta’ operaturi postali u l-Korporazzjoni Internazzjonali tal-Posta (IPC) dan l-aħħar għamlu sensiela ta’ impenji f’ċerti oqsma koperti mill-Green Paper (jiġifieri, informazzjoni aħjar lill-bejjiegħa onljan; soluzzjonijiet effiċjenti għar-ritorn; funzjonalitajiet ta' monitoraġġ u traċċar għal pakketti ħfief; sistemi ta’ ttikkettar imtejba u ġestjoni konnessa aħjar fejn jidħlu l-ilmenti tal-konsumaturi).

Il-Kummissjoni tilqa’ dawn l-impenji, peress li jidher li jwittu t-triq lejn l-indirizzar ta' għadd ta’ kwistjonijiet indirizzati kemm fil-Green Paper kif ukoll f’dan il-pjan direzzjonali. Hija sejra tissorvelja mill-qrib u tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji, u sa liema punt dawn jindirizzaw b’mod effettiv il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-bejjiegħa onlajn u tal-konsumaturi tagħhom. Ta' min jinnota li, relevanti kemm huma relevanti dawn l-impenji, ma jindirizzawx l-isfidi kollha identifikati f’dan il-pjan direzzjonali, u lanqas ma jorbtu jew jinkludu l-operaturi kollha fl-industrija tal-konsenja tal-pakketti. Fl-evalwazzjoni finali tagħha, il-Kummissjoni sejra teżamina wkoll sa liema punt is-soluzzjonijiet implimentati minn xi parti tal-industrija tal-konsenja se jiżguraw livell suffiċjenti ta' interkonnettività ta’ operaturi oħra fis-suq (pereż. permezz ta’ standards miftuħa u/jew aċċess mhux diskriminatorju) sabiex il-bejjiegħa onlajn  jiġu pprovduti b'servizzi effiċjenti ta’ konsenja transfruntiera.

Huwa evidenti wkoll li xi wħud mill-objettivi msemmija hawn fuq ma jistgħux jiġu ssodisfati biss mill-operaturi tal-konsenja. Se jkun hemm bżonn ta' azzjoni kumplimentari (awto-regolatorja) mill-bejjiegħa onlajn, kif ukoll mill-Istati Membri u l-korpi regolatorji tagħhom.

L-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, is-segwitu

Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib ma’ dawk kollha interessati biex tiżgura li d-diversi flussi ta’ ħidma deskritti hawn taħt jiġu implimentati kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effettiv possibbli.

Matul il-perjodu u l-proċess tal-implimentazzjoni il-Kummissjoni ser tieħu għadd ta’ miżuri ta’ faċilitazzjoni. Peress li l-bżonnijiet u l-aspettattivi tal-bejjiegħa onlajn u l-konsumaturi huma ċentrali għal dan il-pjan direzzjonali, il-Kummissjoni se tikkoordina mill-qrib magħhom biex tiżgura li kwalunkwe soluzzjoni żviluppata fil-kuntest ta’ dan il-pjan direzzjonali tkun kemm jista' jkun relevanti għalihom. Il-Forum tal-Utenti Postali, organizzat mill-Kummissjoni fuq bażi annwali, se jkollu rwol partikolarment importanti f’dan il-kuntest.

Għar-rigward tal-azzjonijiet mmexxija mill-industrija, il-Kummissjoni se tiffaċilita u timmonitorja l-progress billi torganizza laqgħat ta’ ħidma apposta. Dawn se jkunu jinvolvu l-operaturi ta' konsenja kollha li jistgħu jkunu milquta jew interessati, kif ukoll esperti f’operazzjonijiet tal-konsenja u rappreżentanti tal-bejjiegħa onlajn u tal-konsumaturi. Permezz ta’ dawn il-gruppi ta’ ħidma, il-Kummissjoni se (i) tara li l-partijiet interessati kollha rilevanti jkunu involuti fil-proċess, (ii) tara li jinkiseb kunsens dwar in-natura preċiża tal-kompiti li jridu jitwettqu, u (iii) tagħti ħarsa lejn il-progress miksub.

Għar-rigward ta' dawk l-azzjonijiet li jinvolvu l-Istati Membri, ir-regolaturi u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni se torganizza diskussjonijiet regolari fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-servizzi tal-posta, il-Kumitat tal-Istati Membri stabbilit skont id-DSP, u l-Grupp ta’ Esperti stabbilit skont id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku. Se jkomplu jsiru laqgħat regolari u skambji ta’ informazzjoni dwar id-dimensjonijiet soċjali u ambjentali kif ukoll dwar kwistjonijiet marbuta mat-trasport fil-kuntest usa’ mal-imsieħba soċjali u b’mod partikolari mal-kumitat ta' djalogu soċjali Ewropew għas-servizzi postali.

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-iżviluppi matul perjodu ta’ 18-il xahar mill-pubblikazzjoni ta’ dan il-pjan direzzjonali. Jekk sa dak iż-żmien ċerti azzjonijiet ma jkunux għadhom ġew implimentati, jew jekk jirriżulta li dawn ma kellhomx effettività suffiċjenti fid-dawl tal-għanijiet identifikati, il-Kummissjoni se tikkunsidra azzjonijiet korrettivi jew addizzjonali xierqa sabiex tirrimedja għan-nuqqasijiet tas-suq.

L-azzjonijiet kollha proposti biex jittieħdu mill-Kummissjoni f’dan id-dokument huma konsistenti u kompatibbli mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali (2007-2013) u l-QFP il-ġdid 2014-2020. L-azzjonijiet kollha huma bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet huma ffukati fuq aspetti B2C, xi wħud jistgħu anki jkunu applikabbli fil-kuntest B2B (mill-impriżi lejn l-impriżi).

Objettiv I: Żieda fit-trasparenza, fl-informazzjoni u fl-iskambju ta' informazzjoni għall-atturi kollha tul il-katina ta’ valuri tal-kummerċ elettroniku 

Il-konsumaturi huma “l-inizjatur” ta’ kwalunkwe xiri online iżda mhux neċessarjament f’pożizzjoni li jikkontrollaw il-konsenja tal-oġġetti ordnati. Dan għaliex il-konsenja hija bbażata fuq kuntratt bejn il-bejjiegħ onlajn u l-operatur(i) tal-konsenja. L-għoti ta' informazzjoni suffiċjenti, ċara u komprensiva dwar il-firxa u l-karatteristiċi tas-servizzi pprovduti tkun ta' għajnuna lill-konsumaturi biex jingħeleb it-tħassib tagħhom dwar il-konsenja. L-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur se tiżgura li l-konsumaturi jkunu aktar infurmati b'mod partikolari dwar il-prezzijiet (pereż. għar-ritorn). Madankollu jkun jaqbel li l-bejjiegħa onlajn imorru lil hinn mill-ammont minimu legali ta' informazzjoni rikjesta meta l-klijenti jkunu jixtiequ hekk.

Jeħtieġ li l-bejjiegħa onlajn jirreaġixxu għall-aspettattivi tal-konsumaturi mhux biss fir-rigward tal-informazzjoni, iżda wkoll billi joffru servizzi ta' konsenja sempliċi, affordabbli u affidabbli. Fis-suq diġà jeżisti għadd ta’ soluzzjonijiet xierqa ta' konsenja, iżda ħafna drabi dawn ma jkunux magħrufa fost il-bejjiegħa onlajn, speċjalment l-SMEs.[18] Il-bejjiegħa onlajn jeħtieġu informazzjoni aħjar dwar is-servizzi disponibbli ta’ konsenja, operaturi alternattivi tal-konsenja, l-għażliet ta' konsolidazzjoni u l-intermedjarji, u indikaturi ewlenin ta’ prestazzjoni (dwar il-veloċità, il-karatteristiċi tar-ritorn, il-livelli tariffarji, eċċ.).

Fl-istess ħin, jeħtieġ li jkun hemm aktar informazzjoni globali dwar is-swieq u s-servizzi (transfruntiera) tal-pakketti. Is-suq tal-konsenja tal-pakketti bħalissa mhux trasparenti. Id-dejta dwar il-pakketti, speċjalment fejn jidħlu l-volumi, it-tariffi u l-ħlasijiet terminali[19], mhux disponibbli għar-regolaturi jew għal korpi kompetenti oħra, peress li l-operaturi postali ma jippubblikawx jew ma jipprovdux dejta li tkun barra l-ambitu tar-reġim USO (tal-pakketti). Madankollu, l-iżvilupp mgħaġġel tal-kummerċ elettroniku jitlob li jkun hemm iktar trasparenza ta’ flussi tal-pakketti (transfruntiera) sabiex il-qafas superviżorju jsir aktar idoneu għall-iskop tiegħu, biex jista' jkun hemm definizzjonijiet ċari tas-suq u biex jiġi vverifikat li teżisti kompetizzjoni ġusta. 

Kumpaniji ta’ konsenja stabbiliti kif ukoll parteċipanti ġodda fis-suq jeħtieġu ambjent regolatorju prevedibbli. Studji riċenti kif ukoll rapporti[20] u kontribuzzjonijiet għall-Green Paper ikkonfermaw li għad hemm ostakoli għad-dħul fis-suq għal ċerti swieq ta’ konsenja postali. Operaturi postali alternattivi kif ukoll xi bejjiegħa onlajn iressqu l-argument li hemm lok għal titjib fir-rigward tal-applikazzjoni tad-DSP. L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva dwar is-Servizzi Postali hija ffukata ħafna fuq il-provvista ta’ servizzi postali tal-ittri u s-salvagwardja tal-provvista ta’ servizz universali. Ir-regolaturi nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni se jkollhom bżonn li jkun f’pożizzjoni li jidentifikaw ċerti preokkupazzjonijiet regolatorji u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-konsenja tal-pakketti u li japplikaw miżuri korrettivi fejn ikun meħtieġ. Jistgħu pereżempju jqumu preokkupazzjonijiet dwar il-kompetizzjoni għar-rigward ta’ abbużi tas-setgħa fis-suq, bħal sussidji inkroċjati illegali, prezzijiet għoljin mhux ġustifikabbli (jiġifieri bi ksur tal-prinċipji tal-Artikolu 14(3)(b)(iv) tad-DSP), tariffi predatorji (transfruntiera) għall-konsenja tal-pakketti jew ċaħda mhux ġustifikata ta’ aċċess għan-netwerks tal-konsenja jew għall-elementi ewlenin tagħhom (pereż. bażi tad-dejta tal-indirizzi).

L-Art. 22a tad-DSP jobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi postali jipprovdu "l-informazzjoni kollha, b’mod partikolari lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, inkluża dik finanzjarja u informazzjoni dwar il-forniment tas-servizz universali sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva u għal (...) finijiet statistiċi definiti b’mod ċar”. L-applikazzjoni tiegħu mhix limitata għall-USO iżda tista' wkoll tintuża bex tiġi inkluża informazzjoni dwar oġġetti postali (pakketti) oħra; lanqas ma hi strettament limitata għal fornituri maħtura tas-servizz universali. Għar-rigward tal-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jipprovdu lill-Kummissjoni, meta din titlobha, informazzjoni xierqa u rilevanti meħtieġa biex din tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha taħt din id-Direttiva. Abbażi ta' dan, l-Istati Membri għandhom jisfruttaw il-potenzjal sħiħ sabiex tiġi żgurata trasparenza dwar is-swieq globali tal-konsenja tal-pakketti. Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu qafas statistiku li jkopri d-dejta tal-pakketti kollha rilevanti. Dan il-fluss ta’ ħidma se jitwettaq f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Posta (ERGP) li diġà beda jirrifletti metodoloġija komuni ta' ġbir ta' dejta statistika, li tiġi applikata mir-regolaturi nazzjonali kollha.

Azzjoni 1: Titjieb l-informazzjoni għall-konsumaturi dwar il-karatteristiċi u l-ispejjeż ta’ soluzzjonijiet ta' konsenja u ta' ritorn differenti offruti fuq il-websajts tal-bejjiegħa onlajn Il-bejjiegħa onlajn għandhom: · jipprovdu informazzjoni li tinftiehem faċilment dwar l-opzjonijiet ta' konsenja u ta' ritorn. L-informazzjoni trid tkun tkopri l-fatturi rilevanti kollha tad-diversi opzjonijiet ta’ konsenja (speċjalment fejn jidħlu l-perjodu tal-konsenja, kwalunkwe possibbiltajiet tat-traċċar, l-opzjonijiet differenti għall-aħħar parti tat-traġitt tal-konsenja, it-tariffi tas-servizz ta’ konsenja u tas-soluzzjonijiet għar-ritorn), u t-tariffi assoċjati tagħhom. Dan l-objettiv ikun jista’ jinkiseb, fost l-oħrajn, billi: - jiġi adottat, matul it-18-il xahar li ġejjin, kodiċi ta’ kondotta jew kodiċi ta’ prattika tajba (volontarju) imfassal u segwit mill-bejjiegħa onlajn. Il-kodiċi għandu jindirizza l-komprensività u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-servizzi ta' kunsinna u ta' ritorn, filwaqt li jiġi żgurat li jitqiesu l-ħtiġijiet u r-restrizzjonijiet speċifiċi tal-bejjiegħa onlajn iż-żgħar: Għalkemm jista' jkun li l-bejjiegħa onlajn iż-żgħar isibuha diffiċli li jipprovdu tali informazzjoni, l-għoti ta' ammont minimu ta’ informazzjoni ewlenija jidher li huwa fl-interess tagħhom stess jekk ikunu jixtiequ jakkwistaw il-fiduċja tal-klijenti (potenzjali) tagħhom; - l-inklużjoni tar-rekwiżiti relevanti tal-konsenja fit-tfassil u l-operazzjoni tal-marki ta' fiduċja tal-kummerċ elettroniku; - l-inklużjoni ta' opzjonijiet għall-konsumaturi li jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom lill-bejjiegħa onlajn dwar l-esperjenza li jkollhom tal-konsenja. Il-Kummissjoni sejra: · Torganizza laqgħat apposta ma’ bejjiegħa onlajn u rappreżentanti tal-konsumaturi sabiex tappoġġja dan/wn il-fluss(i) ta’ ħidma u sabiex jitkejjel il-progress. Azzjoni 2: Informazzjoni aħjar għall-bejjiegħa onlajn dwar is-servizzi ta' konsenja disponibbli għalihom Filwaqt li jitqiesu s-sinerġiji potenzjali mal-istrutturi u l-inizjattivi eżistenti bħal pereżempju l-inizjattiva eFreight tal-Kummissjoni[21], L-operaturi tal-konsenja u l-bejjiegħa onlajn għandhom (flimkien): · jiżviluppaw definizzjoni konġunta ta' kunċetti u karatteristiċi bażiċi tas-servizzi ta' konsenja li jkunu bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-konsumatur pjuttost milli fuq proċessi loġistiċi. Din tkun tista’ tkopri oqsma bħalma huma d-dimensjonijiet tal-pakketti (id-daqs, il-piż), il-perjodu ta’ konsenja (il-veloċità), jew servizzi addizzjonali offruti (pereż. f’termini ta’ traċċar, kopertura tal-assigurazzjoni, eċċ.), u tkun ta' għajnuna kemm għall-bejjiegħa onlajn kif ukoll għall-konsumaturi biex ikunu jistgħu jqabblu l-offerti u jagħmlu għażliet infurmati. · jiżguraw aċċess aħjar għall-informazzjoni għall-bejjiegħa onlajn fil-livell nazzjonali u transfruntier. L-informazzjoni għandha tinkludi: is-soluzzjonijiet ta' konsenja disponibbli fl-Istati Membri tal-UE fejn jidħlu l-perjodu ta' konsenja (il-veloċità), it-tariffi, il-karatteristiċi tar-ritorn, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-aċċess għal dawn is-servizzi, eċċ). Għandha tinkludi s-servizzi pprovduti mill-operaturi rilevanti kollha, inklużi operaturi alternattivi tal-konsenja, il-konsolidaturi, is-sensara tal-pakketti u intermedjarji oħra, eċċ. dan l-objettiv jista’ jinkiseb, fost l-oħrajn, permezz ta': - sistemi ta' paragun fuq l-internet (dwar prezzijiet u/jew karatteristiċi tas-servizz); - pjattaformi (webportals), li jipprovdu lill-bejjiegħa onlajn b’aċċess għal informazzjoni disponibbli pubblikament, li tinkludi ġabra minima ta’ dejta u ta' informazzjoni kif identifikati hawn fuq.  L-istrumenti ta' preżentazzjoni għandhom ikunu miftuħa u disponibbli għall-bejjiegħa onlajn kollha u kwalunkwe operatur ta' konsenja jew intermedjarju għandhom jitħallew jippreżentaw is-servizzi tagħhom permezz ta’ dan l-istrument abbażi ta' kundizzjonijiet ta’ aċċess mhux diskriminatorji. Dawn l-istrumenti għandhom jieħdu kont tad-dimensjoni tal-konsumatur. L-industrija hija mħeġġa biex tqis l-istandards kif żviluppati fil-kuntest tal-inizjattiva eFreight, peress li dawn l-istandards jipprovdu l-bażi biex jiġu żviluppati strumenti tal-internet simili bħal ma huma pjanifikaturi multimodali tal-vjaġġ tal-merkanzija. Il-Kummissjoni sejra: · Torganizza laqgħat u workshops apposta sabiex tlaqqa' flimkien lill-atturi relevanti kollha, inkluż b'mod speċjali l-operaturi privat tal-konsenja; tikkjarifika b'mod preċiż dak li għandu jinkiseb (inkluż kwistjonijiet ta' ħin), u żżomm għajnejha fuq il-progress miksub. · Tiffoka l-aġenda tal-Forum annwali tal-Utenti tal-Posta dwar l-evalwazzjoni tal-progress li sar. Azzjoni 3: Iżjed trasparenza fuq is-swieq (transfruntiera) tal-konsenja, is-servizzi tal-konsenja u l-istandards ta' kwalità abbażi tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali L-Istati Membri għandhom: · abbażi tax-xogħol metodoloġiku preparatorju li diġà qed isir mill-ERGP, jiddefinixxu qafas statistiku ċar, abbażi tal-Artikolu 22a tad-DSP, li jippermetti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jiġbru d-dejta tas-suq relevanti dwar il-flussi domestiċi u transfruntiera tal-pakketti mill-fornituri kollha tas-servizz postali attivi fis-swieq tal-pakketti B2C u B2B, inkluż intermedjarji, konsolidaturi u operaturi alternattivi. Id-dejta li tinġabar għandha tinkludi mill-inqas il-volumi, it-tariffi, il-ħlasijiet terminali, is-servizzi offruti, il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ aċċess għas-servizzi u l-livelli tal-istandard ta’ kwalità;  · jieħdu passi biex jiżguraw li l-utenti u l-fornituri tas-servizz postali jingħataw b'mod regolari u trasparenti informazzjoni suffiċjentement iddettaljata dwar il-karatteristiċi partikolari tas-servizz universali offrut mill-fornitur(i) tas-servizz universali, speċjalment dwar is-servizzi bażiċi ta’ konsenja tal-pakketti. Il-fornituri nnominati ta’ servizz universali għandhom jippreżentaw b’mod aktar ċar soluzzjonijiet differenti tal-konsenja tal-pakketti li jkunu parti mill-USO, kif ukoll il-karatteristiċi tas-servizz tagħhom, inklużi t-tariffi. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom: · jippubblikaw kull sena d-dejta tas-suq relevanti dwar il-flussi domestiċi u transfruntiera tal-pakketti mill-fornituri kollha tas-servizz postali attivi fis-swieq tal-pakketti B2C u B2B, inklużi intermedjarji, konsolidaturi u operaturi alternattivi. B’mod parallel, il-Kummissjoni sejra: · tniedi studju li jindirizza r-rekwiżit ta' trasparenza, u l-għodod biex tinkiseb, pereż. permezz tal-istabbiliment ta' tabella ta’ valutazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-konsenja; · tindirizza l-iżviluppi u l-isfidi fil-konsenja tal-pakketti (transfruntiera), fil-kuntest tar-rapport ta' implimentazzjoni tad-DSP, li għandu jiġi ppubblikat fl-ewwel kwart tal-2014. Ir-Rapport għandu l-għan li jqiegħed l-iżviluppi reċenti fil-kuntest akbar tal-politika postali tal-UE u tan-natura dejjem tinbidel tas-settur postali. Filwaqt li dan il-pjan direzzjonali se jipprovdi l-azzjoni meħtieġa dwar il-konsenja tal-pakketti mill-angolu tal-kummerċ elettroniku, l-implimentazzjoni tar-rapport se tieħu f'kunsiderazzjoni din id-dimensjoni meta tkun qed tivvaluta is-sitwazzjoni globali u l-isfidi futuri għas-settur postali. · tiżgura li Grupp Ewropew għar-Regolaturi tas-servizzi postali jiffoka fuq il-pakketti transfruntiera, b’mod partikolari billi: - tirrapporta dwar il-kwalità tal-prestazzjoni tas-servizz u tad-dejta statistika; - tagħmel analiżi sabiex jiġi determinat jekk ikunx hemm xi falliment tas-suq fis-swieq transfruntiera tal-konsenja tal-pakketti li minħabba fih ikun hemm bżonn xi azzjoni ulterjuri.

Objettiv II: Jittejbu d-disponibbiltà, il-kwalità u l-affordabbiltà tas-soluzzjonijiet tal-konsenja

Il-bejjiegħa onlajn, speċjalment l-SMEs u l-mikrokumpaniji lokalizzati f'żoni remoti jew f'reġjuni periferiċi, jistgħu jirnexxu biss jekk ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom soluzzjonijiet ta' konsenja affordabbli u effiċjenti. 

L-operaturi tal-konsenja, il-kmamar tal-kummerċ u l-assoċjazzjonijiet tal-bejjiegħa onlajn diġà qed jistabbilixxu prassi tajba fl-appoġġ lill-SMEs li jkunu qed jibdew jużaw l-internet u fit-titjib tal-kumdità għall-konsumatur finali.

Madankollu, fid-dawl tal-ħtiġijiet u l-aspettattivi dejjem jevolvu kemm tal-bejjiegħa onlajn kif ukoll tal-konsumaturi tagħhom, l-innovazzjoni sostnuta fil-proċessi, il-prodotti u s-servizzi tal-konsenja hija indispensabbli. L-interoperabilità msaħħa bejn l-operaturi tal-konsenja hija essenzjali biex ikomplu jiżviluppaw is-soluzzjonijiet tal-konsenja li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-bejjiegħa onlajn u l-konsumaturi f’termini ta’ kwalità (aktar veloċità, effiċjenza, affidabilità), affordabbiltà u aċċessibbiltà[22], u b’hekk tkun żgurata l-kumdità tal-konsumaturi, kwalità għolja tal-konsenja finali (“last mile”) u proċeduri ta' ritorn li jkunu qed jiffunzjonaw kif suppost.

Bħalissa qed jibdew jaħdmu għadd ta’ inizjattivi fil-livell tal-UE biex tiżdied l-interoperabbiltà kif ukoll għadd ta' soluzzjonijiet innovattivi ta’ fluss ta’ dejta. [23]Ġew adottati programmi tal-aħjar prattiki u ta' riċerka teknoloġika fejn l-operaturi tal-loġistika u l-bejjiegħa onlajn jistgħu konġuntement jiżviluppaw proġetti. Organizzazzjonijiet bħal ma huma l-IPC reċentement varaw proġetti oħra f’dan il-qasam. Il-flussi ta’ kummerċ transfruntier jibbenefikaw bil-kbir minn interfaċċi miftuħin għall-flussi tal-informazzjoni, soluzzjonijiet ta' monitoraġġ u traċċar u ta' tiftix bejn it-trasportaturi, is-sistema ta’ ttikkettar, sistemi mtejba ta' preavviż għat-trattament tal-volumi transfruntiera diretti 'l ġewwa u operazzjonijiet ta’ ritorn aħjar/aktar sempliċi. Barra minn hekk, bis-saħħa ta' aggregazzjoni aktar sistematika tal-volumi ta’ bejjiegħa bl-imnut żgħar, ikunu jistgħu jgawdu minn aċċess għal skontijiet għall-volum.

Konsegwentement, il-kompetizzjoni ġusta fl-UE, u l-istabbiliment ta’ standards li jtejbu l-flussi kummerċjali interkonnessi fl-UE eventwalment ikollhom impatt pożittiv fuq il-kompetittività internazzjonali tal-UE kemm fis-suq tal-kummerċ elettroniku kif ukoll f'dak tal-konsenja.

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-livell tal-ERGP bejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jiżguraw li l-istrumenti regolatorji eżistenti jkunu infurzati aħjar f’kuntest tranfruntier.

Azzjoni 4: Il-promozzjoni tal-interoperabilità msaħħa ta' operazzjonijiet ta' konsenja tal-pakketti biex jiġi appoġġjat kummerċ transfruntier effiċjenti L-operaturi tal-konsenja u l-bejjiegħa onlajn għandhom: jiżviluppaw soluzzjonijiet ta' interkonnessjoni bejn is-sistemi ta' informazzjoni u l-interfaċċi miftuħa biex ikun jista' jsir l-iskambju ta' dejta bejn is-sistemi ta' informazzjoni f'ambjent b'ħafna operaturi; b'mod partikolari, għandhom jiżviluppaw soluzzjonijiet transfruntiera għall-monitoraġġ u t-traċċar, it-tikkettar u proċessi relatati li jitolbu armonizzazzjoni mtejba; jiżviluppaw soluzzjonijiet ta' ritorni aktar effettivi, li jistgħu jinkludu wkoll opzjonijiet ta' kooperazzjoni u konsolidazzjoni bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konsenja "last-mile". Is-soluzzjonijiet kollha previsti għandhom ikunu bbażati fuq standards u infrastrutturi miftuħa u aċċess mhux diskriminatorju għal dawn. B’mod partikolari, l-industrija hija mħeġġa li tqis l-iżviluppi taħt l-inizjattiva eFreight. Soluzzjonijiet affordabbli ta' monitoraġġ u traċċar għandhom ikunu disponibbli b’mod partikolari għal pakketti li jkunu jiżnu anqas minn 2 kg, li jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti tal-konsenji li joriġinaw mill-kummerċ elettroniku. Il-Kummissjoni sejra: timmonitorja u tissorvelja l-progress fuq bażi regolari; tagħti mandat lill-Kumitat Ewropew tal-Istandardizzazzjoni skont l-Artikolu 20 tad-DSP biex jiżviluppa, fejn fattibbli, standards volontarji dwar il-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti, jiġifieri sistema komuni ta indirizzi fl-UE.

Objettiv III: Ġestjoni aħjar tal-ilmenti u mekkaniżmi mtejba ta’ rimedju għall-konsumaturi

Kważi 40 % tal-konsumaturi jindikaw li l-problemi konnessi mal-konsenja iżommuhom lura milli jixtru onlajn[24]. Il-konsumaturi jinkwetaw b’mod partikolari li ma jkollhomx biżżejjed protezzjoni “meta l-konsenja tmur ħażin”, pereż. fil-każ ta’ konsenja li ma tasalx, dewmien fil-konsenja jew opzjonijiet mhux adegwati tar-ritorn.

Filwaqt li jkomplu jibnu fuq il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-protezzjoni tal-konsumatur msemmija hawn fuq, il-partijiet involuti jridu jaħdmu flimkien biex jipprovdu soluzzjonijiet faċli għall-konsumatur li bihom jiġu ġestiti l-ilmenti u t-tilwim potenzjali. F’dan il-qasam l-IPC bħalissa qed taħdem fuq ġestjoni mtejba tal-ilmenti tal-konsumatur billi tikkollega l-call centres tal-operaturi parteċipanti u s-sistemi komuni ta’ servizz għall-konsumatur għal prodotti (rintraċċati), iżda għandhom jiġu identifikati proġetti oħra li għaddejjin u jeħtieġ li jiġu esplorati opzjonijiet biex ikomplu jiġu żviluppati soluzzjoni eżistenti.

Azzjoni 5: Protezzjoni aħjar tal-konsumatur[25] L-operaturi tal-konsenja, il-bejjiegħa onlajn u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom (flimkien): · jiżguraw kooperazzjoni aħjar fir-rigward tat-trattament tal-ilmenti u s-sistemi ta’ protezzjoni tal-konsumatur. L-Istati Membri għandhom: · jinkoraġġixxu l-użu ta’ mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim għal servizzi ta’ konsenja tal-pakketti kif dawn qed jiġu żviluppati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ADR. Il-Kummissjoni sejra: · tenfasizza kwistjonijiet relatati mal-konsenja (pereż. rekwiżiti ta’ trasparenza rigward informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-konsenja jew l-arranġamenti ta’ ritorn, ir-responsabbiltà tal-operaturi tal-konsenja) fil-kuntest tal-linji-gwida li jmiss (2014) dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur indirizzata lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri; · titlob lill-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi Postali (ERPG) biex janalizza l-ilmenti tal-konsumaturi marbuta mal-konsenja tal-pakketti (transfruntiera); ·  tagħti mandat lill-Kumitat Ewropew tal-Istandardizzazzjoni skont l-Artikolu 20 tad-DSP biex jiżviluppa strumenti (volontarji) ta' standardizzazzjoni għall-kejl ta' ilmenti li jikkonċernaw pakketti li jkun saritilhom il-ħsara, li jkunu damu ma waslu jew li jkunu ntiflu.

ANNESS: Tabella ta’ azzjonijiet

Atturi: || Objettiv I: Aktar trasparenza, informazzjoni || Objettiv II: Disponibbiltà, kwalità u affordabbiltà aħjar tas-soluzzjonijiet tal-konsenja || Objettiv III: Ġestjoni aħjar tal-ilmenti u mekkaniżmi mtejba ta’ rimedju għall-konsumaturi

L-operaturi tal-konsenja, flimkien mal-bejjiegħa onlajn || Jiġi żgurat aċċess aħjar għall-informazzjoni dwar is-soluzzjonijiet ta’ konsenja għall-bejjiegħa onlajn fil-livell nazzjonali u transfruntier (strumenti ta' informazzjoni ġodda/mtejba; standards komuni) || Jiżviluppaw soluzzjonijiet għal interoperabilità aħjar (sistemi ta' informazzjoni interkonnessi; soluzzjonijiet transfruntiera għall-monitoraġġ u t-traċċar, it-tikkettar u proċessi relatati li jirrekjedu aktar standardizzazzjoni; soluzzjonijiet aktar effettivi ta' ritorn; konsenja tal-"last mile") || Jittejbu l-mekkaniżmu tar-riżoluzzzjoni tad-disputi u s-sistemi ta’ protezzjoni tal-konsumatur

Il-bejjiegħa onlajn || Jiżguraw li l-konsumaturi jsibu informazzjoni xierqa fuq il-websajts tal-bejjiegħa onlajn || ||

L-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji || Provvista mtejba ta’ informazzjoni dwar servizzi ta’ konsenja tal-pakketti u s-swieq tal-pakketti fil-livell nazzjonali SM: - jibnu fuq ix-xogħol li għaddej bħalissa mill-ERGP biex jiġi definit qafas statistiku għall-ġbir ta’ dejta tas-suq relevanti dwar il-konsenja domestika u transfruntiera tal-pakketti mill-fornituri kollha tas-servizz postali - jistabbilixxu standards ċari nazzjonali ta' kwalità tas-servizz għall-konsenja (transfruntiera) USO tal-pakketti u jaraw li jkun hemm monitoraġġ indipendenti; ARN: jippubblikaw kull sena r-riżultati tad-dejta statistika u tal-kejl tal-istandards tal-kwalità ta' servizz || || SM: - jimplimentaw u jinkoraġġixxu l-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju li jirriżultaw mid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur anke qabel id-data attwali tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-disposizzjonijiet; - jiżviluppaw, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-DSP u l-ADR, (Riżoluzzjoni Alternattiva tad-Disputi) mekkaniżmi għas-servizzi kollha ta’ distribuzzjoni ta’ pakketti

Il-Kummissjoni Ewropea || - tniedi studju li jindirizza t-trasparenza fis-swieq tal-pakketti u servizzi; - tippubblika l-ħames rapport ta’ applikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-DSP, u titratta b'mod komprensiv is-settur tal-pakketti; - titlob lill-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi Postali (ERPG) biex jirrapporta dwar il-kwalità tal-prestazzjoni tas-servizz u dwar id-dejta statistika għall-pakketti u biex jagħmel analiżi tas-swieq transfruntiera tal-konsenja tal-pakketti ||  - tagħti mandat lill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej biex jiżviluppaw standards volontarji għal sistema komuni ta' indirizzi || - tenfasizza l-aspetti relatati mal-konsenja fil-kuntest ta’ gwida dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (CRD), ippubblikata fl-2014; - titlob lill-ERGP li janalizzaw l-ilmenti tal-konsumaturi involuti f’konsenja transfruntiera; - tagħti mandat lill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej biex jiżviluppaw standards volontarji għall-kejl tal-imenti

- Monitoraġġ u superviżjoni tal-progress fuq bażi regolari; - Organizzazzjoni ta' laqgħat u ta' sessjonijiet ta' ħidma apposta sabiex jitlaqqgħu flimkien l-atturi relevanti kollha, jiġi kkjarifikat b'mod preċiż dak li għandu jinkiseb (inkluż kwistjonijiet ta' ħin), u jittieħed kont tal-progress miksub; - Tiġi ffokata l-aġenda tal-Forum Annwali tal-Utenti tal-Posta dwar l-evalwazzjoni tal-progress li sar; - Jiġu diskussi kwistjonijiet rilevanti għall-Istati Membri fil-Kumitati stabbiliti skont id-Direttivai dwar is-Servizzi Postali u l-Kummerċ elettroniku; - Jiġi żgurat li l-programmi ta’ ħidma 2014/2015 tal-ERGP jieħdu kont tal-kompiti identifikati f'dan il-pjan direzzjonali; - Isir rapport dwar il-progress li jkun sar fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni ta’ dan il-pjan direzzjonali; - Jiġu identifikati miżuri addizzjonali (leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi) f'każ li l-implimentazzjoni u l-impatt ta’ dan il-pjan direzzjonali ma jilħqux il-livell mistenni.

[1] Eurostat [isoc_ec_ibuy]]- 2012.

[2] Eurostat [isoc_ec_eseln2] -2011, aġġornat f'Diċembru 2013.

[3]   Il-komunikazzjoni dwar il-kummerċ elettroniku, COMP(2011) 942 finali; ir-Riżoluzzjoni (P7_TA(2010)0320) tal-21/9/2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku; il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE dwar is-Suq Uniku Diġitali u l-Governanza tas-Suq Uniku, 31/5/2012; l-opinjoni tal-ESC INT 674 ta' 3/2013 dwar il-Green Paper; ir-Riżoluzzjoni (P7_TA-PROV(2012)0468) tal-11/12/2012 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali (2012/2030(INI)).

[4] Din l-inizjattiva għalhekk ma tkoprix "il-konsenja" elettronika (eż. biljetti elettroniċi, kotba elettroniċi).

[5] Ir-riċerka dwar is-suq tal-konsumatur dwar it-tħaddim tal-kummerċ elettroniku u tal-kummerċjalizzazzjoni dwar it-tekniki ta' kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ fuq l-Internet fil-bejgħ bl-imnut tal-prodotti, Studju f'isem il-Kummissjoni Ewropea (KE), DĠ SANCO, 2011, il-Kummerċ elettroniku transfruntier Ewropew, Accenture for the European Retail Round Table, 1/2012.

[6] Dan il-pjan direzzjonali jirreferi għall-pakketti bħala kwalunkwe oġġett (ħlief prodotti tal-merċa) li jiġi ordnat onlajn u jiġi kkonsenjat lill-konsumatur. Pakkett huwa definit fl-aktar sens wiesa' u jinkludi kull oġġett li jkollu piż ta' bejn il-100 g u t-30 kg.

[7] L-importanza tal-kwistjoni għar-reġjuni l-aktar imbiegħda ġiet enfasizzata fir-Rapport Solbes, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2012 dwar l-aktar reġjuni imbiegħda fakkret fil-ħtieġa li jitqiesu r-reġjuni l-aktar imbiegħda fil-proposti kollha marbuta mas-Suq Uniku Diġitali fejn ikun rilevanti.

[8] [Link to Summary report Green Paper consultation].

[9] Ara, pereżempju, l-i"Studju tas-suq tal-konsumatur dwar l-iffunzjonar tat-tekniċi tal-kummerċ elettroniku u tal-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ fuq l-Internet fil-bejgħ bl-imnut ta’ oġġetti”, li ħareġ fl-2011 (f’isem il-KE, DĠ SANCO).

[10] Copenhagen Economics (CE), Studju dwar il-qagħda attwali tas-swieq tal-pakketti tal-UE b’enfasi partikolari fuq il-kummerċ elettroniku, 2013, studju f’isem il-KE, p. 19.

[11] F’dan il-pjan direzzjonali, it-terminu “bejjiegħ onlajn” jirreferi għal kwalunkwe bejjiegħ bl-imnut li jbigħ mill-inqas parti mill-offerta tiegħu onlajn u għalhekk ikun jinħtieġ servizzi ta' konsenja biex ikun jista' jwettaq dawn it-tranżazzjonijiet.

[12] Id-dwana hija indirizzata fil-kuntest tat-tħejjija tar-regoli ta’ implimentazzjoni dwar il-Kodiċi Doganali Modernizzat, il-VAT fir-reviżjoni attwali tal-VAT. L-ebda waħda minn dawn l-aspetti ma hi speċifikament indirizzata f’dan il-pjan direzzjonali peress li huma lill hinn mill-ambitu tiegħu.

[13] Id-Direttiva 97/67/KE, kif emendata bid-Direttivi 2002/39/KE u 2008/6/KE, ĠU L 52, 27.2.2008, p. 3

[14] Id-Direttiva 2013/11/UE, id-Diretiva dwar ADR tal-konsumatur, ĠU L 165, 18.6.2013, p.63; ir-Regolament (UE) Nru 524/2013, ir-Regolament dwar l-ODR tal-konsumatur ODR, ĠU L 165,, 18.6.2013, p.51)

[15] F’dan il-kuntest ara wkoll il-Konklużjonijiet konġunti dwar l-Ambjent tal-kumitat tad-Djalogu Soċjali Ewropew għas-servizzi postali, 4/4 2013.

[16] Il-White Paper, "Pjan Direzzjonali għal Żona Ewropea Unika tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti".

[17] Ara d-dikjarazjonijiet konġunti tal-imsieħba soċjali settorjali Ewropej (PostEurope u UNI Europa Post & Logistics) dwar l-evoluzzjoni tas-settur postali fl-Ewropa u l-ħidma tagħhom li għaddejja dwar it-tlaqqiegħ ta' bejn il-ħiliet u l-impjiegi fis-settur postali Ewropew, appoġġjat mill-Kummissjoni; il-Komunikazzjonijiet "Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi:  Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi" (COMP(2010)finali) u "Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi" (COM (2012) 173 finali).

[18]  Ara FTI, Studju dwar il-konsenja transfruntiera tal-pakketti, 2011.

[19] L-operaturi tal-konsenja li jibagħtu l-pakketti lejn pajjiż ieħor jirrimuneraw lill-operatur tal-konsenja destinatarju għall-ipproċessar u l-konsenja ta' dak l-oġġet f’każijiet fejn dawn ma jkollhomx netwerk integrat tal-kunsinna. Din is-sistema ta’ rimunerazzjoni se tissejjaħ pagamenti terminali għall-iskop ta’ dan id-dokument (pereż. drittijiet terminali jirrappreżentaw rimunerazzjoni simili fil-każ ta’ ittra postali; taħt is-sistema UPU il-ħlasijiet terminali għall-pakketti jissejħu rati territorjali interni).

[20] WIK, The role of Regulators, 2011; Study on the main developments in the postal sector, 2013.

[21] l-inizjativa eFreight tal-Kummissjoni;http://ec.europa.eu/transport/media/consultations/doc/2013-01-17-efreight/background.pdf, ara wkoll l-inizjattiva reċenti tal-IPC kif imsemmi qabel (taqsima D).

[22] Problemi ta’ interoperabbiltà, bħalma hija l-multitudni eżistenti tal-istandards tal-indirizzar u tat-tikkettar, u n-nuqqas ta’ interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni, iżidu l-ispejjeż tal-konsenja u b'hekk il-prezzijiet tal-konsenja mħallsa mill-bejjiegħ.

[23] Ara b'mod speċjali l-inizjattivi eFreight; http://ec.europa.eu/transport/media/consultations/doc/2013-01-17-efreight/background.pdf ; CE E–Commerce Study 2013.

[24] Ewrobarometru Speċjali 398, 2013 għall-2012; 47% fl-2010 (Cons Focus, 11/ 2010).

[25] Dan il-pjan direzzjonali ma jinkludi l-ebda azzjonijiet speċifiċi dwar is-sigurtà tal-prodotti, li kienu diġà ġew identifikati fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar 20 azzjoni għal prodotti aktar sikuri u konformi għall-Ewropa, 13.2.2013, COM (2013) 76 finali.