RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) /* COM/2013/0861 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar
l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’
trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u
xogħol (tfassil mill-ġdid) 1. Introduzzjoni Fil-5 ta' Lulju 2006,
il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 2006/54KE dwar
I-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta'
trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u
xogħol (tfassil mill-ġdid) ('id-Direttiva')[1]. Din id-Direttiva
tikkonsolida u timmodernizza l-acquis tal-UE f’dan il-qasam billi
tgħaqqad Direttivi preċedenti[2]
u tintroduċi xi karatteristiċi ġodda. Il-proposta hija
bbażata fuq l-Artikolu 157(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea ('TFUE'). Dan ir-rapport jivvaluta t-traspożizzjoni
mill-Istati Membri tal-karatteristiċi innovattivi u l-effikaċja
tal-applikazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva.[3]
Ir-rapport huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe
proċeduri ta’ ksur fuq it-traspożizzjoni tad-Direttiva. Il-Parlament Ewropew sejjaħ
konsistentement għal aktar azzjoni biex titjieb l-applikazzjoni
tad-dispożizzjonijiet għal pagi ugwali fil-livell Ewropew u adotta
riżoluzzjonijiet għal dak l-għan fl-2008[4] u l-2012[5]. L-Istrateġija
tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015[6] stabbilixxiet modi biex
jiġi implimentat il-prinċipju ta’ pagi ugwali b'mod aktar effettiv
fil-prattika u azzjonijiet biex titnaqqas id-differenza persistenti fil-pagi
bejn is-sessi. Il-Kummissjoni nediet studju li jivvaluta għażliet
biex tissaħħaħ l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju,
bħat-titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-obbligi u l-miżuri
eżistenti mmirati biex itejbu t-trasparenza fil-pagi. Dan ir-rapport jinkludi taqsima li tivvaluta
kif jiġu applikati fil-prattika d-dispożizzjonijiet għal pagi
ugwali . Sabiex tiġi promossa aħjar u ffaċilitata
l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet għal pagi ugwali fil-prattika,
flimkien ma' dan ir-rapport hemm Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni li jikkonsisti f’erba’ annessi: (1) taqsima dwar sistemi ta'
evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali fir-rigward tas-sessi;
(2) sommarju tal-każistika dwar il-pagi ugwali tal-Qorti
tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ('QtĠ-UE'); (3) eżempji
tal-każistika nazzjonali dwar il-pagi ugwali; u (4) deskrizzjoni
tal-fatturi li jikkawżaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u
n-nisa, l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex din tiġi indirizzata u
eżempji tal-aħjar prattiki nazzjonali. 2. L-Istat tal-Proċeduri
ta' Traspożizzjoni u ta’ Ksur Bħala riżultat tal-kontrolli
tal-konformità tal-Kummissjoni, tqajmu mistoqsijiet ma' 26 Stat Membru dwar il-konformità
tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom man-novitajiet
tad-Direttiva[7].
F’żewġ Stati Membri t-transpożizzjoni hija ċara u konformi
biżżejjed u għalhekk mhix meħtieġa iktar
informazzjoni.[8]
Xi wħud mill-elementi tad-Direttiva
ġejjin minn Direttivi preċedenti, li ġew imħassra
bħala riżultat tat-tfassil mill-ġdid. It-traspożizzjoni ta’
dawn l-elementi antiki tad-Direttiva kienet diġà mmonitorjata bħala
parti mill-verifiki tal-konformità fuq id-Direttivi preċedenti, l-aktar
reċentement id-Direttiva 2002/73/KE.[9]
Fil-bidu, il-proċedimenti ta’ ksur abbażi tan-nuqqas ta’ konformità
mad-Direttiva 2002/73/KE tnedew fl-2006 kontra 23 Stat Membru. Dawn
il-proċedimenti kollha minbarra wieħed[10] ingħalqu, peress
li l-Istati Membri ġabu l-liġijiet nazzjonali tagħhom f’konformità
mal-liġi tal-UE. Il-każ li jifdal jikkonċerna l-obbligu li
jiġu protetti b’mod adegwat id-drittijiet tal-impjegati dwar il-maternità,
il-liv għall-adozzjoni jew tal-ġenituri meta jmorru lura
għax-xogħol. Dan kien ġie riferut quddiem il-QtĠ-UE fl-24 ta’ Jannar 2013[11]. 3. L-impatt tad-Direttiva Peress li d-Direttiva prinċipalment
tikkonsolida l-liġi tal-UE dwar it-trattament ugwali billi tlaqqa'
flimkien, timmodernizza u tissimplifika d-dispożizzjonijiet f’Direttivi
preċedenti u billi tinkorpora l-każistika tal-QtĠ-UE, l-obbligu
għat-traspożizzjoni japplika biss għad-dispożizzjonijiet li
jimplikaw tibdiliet sostanzjali.[12]
Dawn in-novitajiet jikkonċernaw: (1)
Id-definizzjoni ta’ paga[13]; (2)
l-estensjoni espliċita tal-applikazzjoni
tat-trattament ugwali fi skemi tas-sigurtà soċjali okkupazzjonali
għal skemi tal-pensjonijiet għal kategoriji partikolari ta’
ħaddiema, bħall-impjegati pubbliċi[14]; (3)
l-estensjoni espliċita
tad-dispożizzjonijiet orizzontali (jiġifieri fuq id-difiża
tad-drittijiet, il-kumpens jew ir-riparazzjoni u l-oneru tal-prova) għal
skemi tas-sigurtà soċjali okkupazzjonali[15]; (4)
ir-referenza espliċita
għad-diskriminazzjoni li-tirriżulta mill-bidla fis-sess[16]. B’mod ġenerali, l-implimentazzjoni
fl-Istati Membri ma ffokatx speċifikament fuq dawn in-novitajiet. Xi Stati
Membri ttrasponew espliċitament id-Direttiva jew
bil-leġiżlazzjoni ġdida jew b’emendi sostanzjali
għal-leġiżlazzjoni eżistenti[17]. F’żewġ
Stati Membri, id-Direttiva ġiet trasposta flimkien ma’ żewġ
direttivi oħra dwar in-nondiskriminazzjoni[18]. F’żewġ
Stati Membri oħra, it-traspożizzjoni ġiet ikkunsidrata
meħtieġa biss fir-rigward ta’ skemi tas-sigurtà soċjali
okkupazzjonali[19]
u għar-ritorn mil-liv tal-maternità[20].
It-traspożizzjoni ma ġietx
ikkunsidrata meħtieġa minn xi Stati Membri minħabba li t-traspożizzjoni
ta’ direttivi preċedenti kienet biżżejjed biex jikkonformaw
mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva[21]. 3.1. Id-definizzjoni ta’ paga L-Artikolu 2(1)(e) tad-Direttiva
jiddefinixxi l-kelma paga bl-istess termini bħall-Artikolu 157(2)
tat-TFUE, jiġifieri bħala 'l-paga jew is-salarju ordinarju,
bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus
jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament,
minħabba l-impjieg tiegħu/tagħha mingħand min
iħaddmu/iħaddimha'. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati
Membri, il-kunċett tal-paga huwa definit fil-leġiżlazzjoni
nazzjonali u jikkorrispondi għal din id-definizzjoni[22]. F’oħrajn,
id-definizzjoni ġuridika ta' paga mhix identika għal dik
fid-Direttiva, iżda l-effett ġenerali jidher li huwa l-istess[23] jew il-qrati
nazzjonali jinterpretaw it-terminu 'paga' f’konformità mal-każistika
tal-QtĠ-UE[24]. F’ċerti Stati Membri, il-paga ma tkunx
definita b'mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali[25]. Pereżempju,
il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' Stat Membru minnhom tintitola n-nisa
għal trattament ugwali f’termini kuntrattwali (inkluż, iżda mhux
limitat biss għall-paga) bħall-irġiel li jistgħu jitqabblu
magħhom[26].
3.2. L-iskemi tal-pensjonijiet għal
kategoriji partikolari ta’ ħaddiema bħalma huma l-impjegati pubbliċi L-Artikolu 7(2) jinkorpora każistika
tal-QtĠ-UE stabbilita sew u għalhekk jagħmilha ċara li
l-iskemi tal-pensjonijiet għal kategoriji partikolari ta’ ħaddiema,
bħall-impjegati pubbliċi, għandhom jiġu kkunsidrati
bħala skemi okkupazzjonali tal-pensjonijiet u għalhekk iħallsu
għall-fini tal-Artikolu 157(2) tat-TFUE, anki jekk dawn jagħmlu
parti mill-iskema ġenerali statutorja[27].
Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, din id-dispożizzjoni ġiet
implimentata jew permezz ta’ disposizzjoni espliċita jew b'mod impliċitu
fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tiddistingwix bejn kategoriji ta’
ħaddiema[28].
F’għadd sinifikanti ta’ Stati Membri, it-traspożizzjoni hija nieqsa
jew mhix ċara[29].
Fost dawn: żewġ Stati Membri jidhru li għandhom età ta' rtirar
differenti għall-irġiel u n-nisa kemm fis-setturi privati u kif ukoll
f'dawk pubbliċi[30];
il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' erba' Stati Membri dwar l-iskemi
tas-sigurtà soċjali okkupazzjonali ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni
dwar it-trattament ugwali[31]
u d-dispożizzjonijiet ta' Stat Membru wieħed dwar it-trattament
ugwali fi skemi tas-sigurtà soċjali okkupazzjonali ma jestendux
għall-impjegati pubbliċi[32].
3.3. L-estensjoni
tad-dispożizzjonijiet orizzontali għal skemi tas-sigurtà soċjali
okkupazzjonali Waħda min-novitajiet sinifikanti
tad-Direttiva hija l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet orizzontali
fit-Titolu III għal skemi tas-sigurtà soċjali okkupazzjonali[33]. Id-Direttiva
preċedenti dwar l-iskemi tas-sigurtà soċjali okkupazzjonali[34] ma kinitx tinkludi
espliċitament dawn id-dispożizzjonijiet, li jinkludu d-difiża
tad-drittijiet[35],
il-kumpens jew ir-riparazzjoni[36],
l-oneru tal-prova[37],
il-korpi ta' ugwaljanza[38],
id-djalogu soċjali[39]
u d-djalogu ma' organizzazzjonijiet nongovernattivi[40]. Il-konsolidazzjoni
tal-liġi tal-UE dwar it-trattament ugwali fid-Direttiva ppreżentat
opportunità biex l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet orizzontali
tiġi estiża espliċitament għal skemi tas-sigurtà
soċjali okkupazzjonali. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri,
id-dispożizzjonijiet orizzontali ġew trasposti
fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u japplikaw għal skemi tas-sigurtà
soċjali okkupazzjonali[41].
F’erba’ Stati Membri, dan ma jidhirx li hu l-każ
għad-dispożizzjonijiet orizzontali kollha fid-Direttiva[42]. Fi Stat Membru
wieħed mhux ċar jekk il-korp ta' ugwaljanza jistax jaġixxi
fil-qasam tal-iskemi tas-sigurtà soċjali okkupazzjonali[43]. Fi Stat Membru
ieħor, ladarba l-leġiżlazzjoni dwar skemi ta’ pensjonijiet
okkupazzjonali tkun fis-seħħ, se japplika il-qafas tal-liġi
kontra d-diskriminazzjoni, li jinkorpora d-dispożizzjonijiet orizzontali[44]. F’żewġ
Stati Membri, il-leġiżlazzjoni dwar skemi tas-sigurtà soċjali
okkupazzjonali ma tidhirx li fiha dispożizzjonijiet dwar it-trattament
ugwali[45].
Fi Stat Membru ieħor, fejn bħalissa m'hemm l-ebda skemi
okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali, mhuwiex ċar jekk
il-leġiżlazzjoni nazzjonali li fiha d-dispożizzjonijiet
orizzontali rilevanti tkunx tapplika li kieku dawn l-iskemi jidħlu
fis-seħħ[46]. 3.4. Bidla fis-sess Il-Premessa 3
tad-Direttiva tirreferi għall-każistika tal-QtĠ-UE, li tipprevedi
li l-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa ma
jistax jiġi ristrett għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni
abbażi tal-fatt li persuna tkun ta’ sess wieħed jew l-ieħor, u
li tapplika wkoll għad-diskriminazzjoni li tirriżulta minħabba bidla
fis-sess ta' persuna[47].
Ftit ħafna Stati Membri ttrasponew espliċitament din in-novità[48]. Żewġ Stati
Membri inkludew 'l-identifikazzjoni bejn is-sessi jew bejn il-ġeneri'[49] u “l-identità
tal-ġeneru”[50]
fir-raġunijiet tagħhom għad-diskriminazzjoni. Il-leġiżlazzjonijiet
nazzjonali ta' tnejn mill-Istati Membri diġà pprovdew li jinkludu
'l-identità sesswali' bħala raġuni għad-diskriminazzjoni[51]. Jidher li dawn
it-termini jinkludu, iżda mhumiex limitati għall-bidla fis-sess.
F'wieħed mill-Istati Membri, l-Ombudsman għall-Ugwaljanza
ħareġ linji gwida li jistabbilixxu li r-raġunijiet
għad-diskriminazzjoni jkopru l-persuni transġeneri kollha u mhux biss
dawk li għaddew minn bidla fis-sess[52].
F’erba’ Stati Membri, fejn m'hemmx miżuri ta’ implimentazzjoni
speċifiċi, il-qrati nazzjonali interpretaw il-leġiżlazzjoni
domestika dwar it-trattament ugwali bħala waħda li tipprojbixxi
d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ bidla fis-sess[53]. Tliet Stati Membri
oħra, fejn ukoll m’hemmx miżuri ta’ implimentazzjoni
speċifiċi, jistrieħu direttament fuq l-effett tal-każistika
tal-QtĠ-UE fuq il-liġi domestika[54].
F’bosta oħrajn, fejn din in-novità ma ġietx trasposta b’mod
speċifiku u fejn m’hemmx referenza espliċita preżistenti
fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ugwaljanza għall-projbizzjoni
tad-diskriminazzjoni minħabba bidla fis-sess, ir-raġunijiet pprojbiti
eżistenti ta’ diskriminazzjoni jistgħu ma jkunux eżawrjenti
biżżejjedbiex ikopru d-diskriminazzjoni minħabba l-bidla
fis-sess. Pereżempju, fi Stat Membru wieħed huwa possibbli li d-diskriminazzjoni
fuq bażi ta’ bidla fis-sess tista' tkun koperta minn diskriminazzjoni fuq
bażi ta’ ‘ċirkostanzi personali'[55].
Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma ħadux
l-opportunità ppreżentata mid-Direttiva biex jinkludu b’mod ċar
id-dritt tan-nies li għaddejin jew li jkunu għaddew minn bidla
fis-sess li ma jiġux iddiskriminati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
tagħhom. 3.5. Valutazzjoni ġenerali L-Istati Membri kienu biss obbligati li
jittrasponu n-novitajiet tad-Direttiva. B’mod ġenerali, dawn ma jidhrux li
użaw din l-opportunità biex jirrevedu fil-fond is-sistemi nazzjonali
tagħhom sabiex jissimplifikaw u jimmodernizzaw il-leġiżlazzjoni
dwar it-trattament ugwali. Is-servizzi tal-Kummissjoni bħalissa
qegħdin isaqsu mistoqsijiet dettaljati lil 26 Stat Membru dwar
it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom. Il-kwistjonijiet
diskussi għandhom jiġu solvuti bħala kwistjoni ta’ prijorità.
L-isfida futura għall-Istati Membri kollha se tkun li jimxu
mit-traspożizzjoni koretta tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali
għall-iżgurar tal-applikazzjoni sħiħa u l-infurzar
tad-drittijiet stabbiliti fid-Direttiva fil-prattika. 4. L-applikazzjoni
tad-dispożizzjonijiet ta’ paga ndaqs fil-prattika Filwaqt li l-prinċipju ta’ pagi ugwali
ilu parti integrali mit-Trattati sa mit-Trattat ta’ Ruma u minn dak
iż-żmien ġie żviluppat aktar fil-liġi tal-UE u
l-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri, jibqgħu ċerti problemi
fl-applikazzjoni effettiva tiegħu fil-prattika. L-Artikolu 4 tad-Direttiva jistabbilixxi
l-prinċipju ta’ paga ndaqs billi jistabbilixxi li, għall-istess
xogħol jew għal xogħol ta’ valur ugwali, diskriminazzjoni
diretta u indiretta minħabba s-sess hi pprojbita fl-aspetti u
l-kundizzjonijiet kollha tar-rimunerazzjoni. Fejn jintużaw sistemi ta’
klassifikazzjoni tal-impjiegi biex tiġi ddeterminata l-paga, id-Direttiva
tgħid li dawn iridu jkunu bbażati fuq l-istess kriterji kemm
għall-irġiel kif ukoll għan-nisa u mfassla biex jeskludu kull
diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess. L-Istati Membri jimplimentaw il-prinċipju
ta’ pagi ugwali l-aktar permezz tal-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza u
l-kodiċijiet tax-xogħol. Bosta minnhom għandhom dan
l-prinċipju mħaddan fid-dispożizzjonijiet kostituzzjonali
tagħhom.[56]
Ftit minnhom għaddew liġijiet li jimplimentaw speċifikament
il-prinċipju ta’ paga ugwali[57]
u xi wħud minnhom ittrasponew id-dispożizzjoni permezz ta’ ftehimiet
kollettivi tax-xogħol[58]. Il-leġiżazzjoni tal-parti l-kbira
tal-Istati Membri tipprojbixxi espliċitament id-diskriminazzjoni fil-pagi[59]. Madankollu, minkejja
l-oqfsa legali nazzjonali li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fil-paga,
l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali fil-prattika għadha
problematika. Dan jintwera permezz tad-differenza persistenti fil-pagi bejn
is-sessi u n-numru baxx ta’ każijiet ta' diskriminazzjoni fil-paga
miġjuba quddiem il-qrati nazzjonali fil-biċċa l-kbira tal-Istati
Membri. Id-differenza fil-pagi bejn is-sessi
bħalissa qiegħda f’medja ta’ 16,2 % fl-Istati Membri tal-UE[60]. Għalkemm
l-estimi jvarjaw dwar kemm mid-differenza fil-pagi bejn is-sessi
jirriżulta minn diskriminazzjoni fil-paga kif ipprojbit
mill-Artikolu 157 TFUE u l-Artikolu 4 tad-Direttiva, jidher li kien
hemm kunsens fuq il-fatt li parti konsiderevoli ta' din id-differenza tista’
tiġi traċċata lura għal prattiki diskriminatorji[61]. Filwaqt li jidher li
d-diskriminazzjoni diretta fl-istess xogħol eżatt naqset b’mod
sinifikattiv, hemm problemi sostanzjali fil-valutazzjoni tax-xogħol
magħmul b’mod predominanti min-nisa jew l-irġiel, b’mod partikolari
fejn din l-evalwazzjoni titwettaq fi ftehimiet kollettivi. In-numru ta’ każijiet ta’
diskriminazzjoni fil-pagi riferuti lill-qrati nazzjonali huwa baxx jew baxx
ħafna fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, bi ftit
eċċezzjonijiet[62].
Fl-istess ħin, meta jkun hemm każijiet ta' paga ugwali, dawn ikunu
twal[63].
Madankollu, minħabba nuqqas ta’ dejta u
monitoraġġ ineffettiv f’bosta Stati Membri, mhi disponibbli l-ebda
informazzjoni komprensiva dwar deċiżjonijiet tal-qorti jew
tat-tribunal dwar diskriminazzjoni fil-paga. Dan jagħmilha diffiċli
li tiġi vvalutata u kkwantifikata bis-sħiħ id-diskriminazzjoni
fil-paga bejn l-irġiel u n-nisa[64]. In-nuqqas
ta' każistika nazzjonali dwar il-paga ugwali jista’ jindika nuqqas ta’
aċċess effettiv għall-ġustizzja għall-vittmi ta’
diskriminazzjoni fil-pagi bejn is-sessi. L-applikazzjoni effettiva
tad-dispożizzjonijiet dwar tal-prinċipju ta’ pagi ugwali fil-prattika
tista’ tkun imfixkla minn tliet fatturi: (i) in-nuqqas ta' ċarezza u
ċertezza legali dwar il-kunċett ta' xogħol ta' valur ugwali;
(ii) in-nuqqas ta' trasparenza fis-sistemi tal-paga u (iii) l-ostakli
proċedurali. Dawn it-tliet l-ostakli huma diskussi hawn taħt. 4.1. Id-definizzjoni u
l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ 'xogħol ta’ valur ugwali' u s-sistemi
ta’ evalwazzjoni tax-xogħol użati biex tiġi determinata l-paga M'hemm l-ebda definizzjoni fil-livell tal-UE
ta’ xogħol ta’ valur ugwali jew kwalunkwe kriterji ta’ valutazzjoni
ċari biex jiġu mqabbla impjiegi differenti. Madankollu,
il-QtĠ-UE ċċarat il-kunċett ta’ paga ugwali f’diversi
okkażjonijiet[65].
Ħarsa ġenerali sħiħa lejn il-każistika tal-QtĠ-UE
hija pprovduta fl-Anness 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.
Il-Premessa 9 tad-Direttiva tipprovdi li, skont il-każistika
tal-QtĠ-UE, biex jiġi vvalutat jekk il-ħaddiema jkunux qed
jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali, għandu
jiġi ddeterminat jekk jistgħux jiġu kkunsidrati li qegħdin
f’sitwazzjoni komparabbli, billi jitqiesu firxa ta’ fatturi inklużi
n-natura tax-xogħol u t-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-leġiżazzjoni tal-biċċa
l-kbira tal-Istati Membri ma tispjegax xi jfisser ix-xogħol ta’ valur
ugwali, u tħalliha għall-interpretazzjoni tal-qrati nazzjonali.
Tnax-il Stat Membru[66]
introduċew definizzjoni ta’ dan il-kunċett
fil-leġiżlazzjoni tagħhom, bl-indikazzjoni ta' qafas analitiku
jew l-aktar kriterji importanti biex jitqabbel il-valur ta’ impjiegi
differenti. Fil-biċċa l-kbira ta’ dawn il-każijiet,
il-leġiżlazzjoni telenka l-ħiliet, l-isforz, ir-responsabbiltà u
l-kundizzjonijiet tax-xogħol bħala l-fatturi ewlenin
għall-evalwazzjoni tal-valur tax-xogħol. L-inklużjoni ta' definizzjoni
bħal din fil-liġijiet nazzjonali tista' tkun ass ewlieni
għall-vittmi ta’ diskriminazzjoni fil-paga u tista' tgħinhom iressqu
l-prestensjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali. Bosta Stati Membri li
m'għandhomx dispożizzjonijiet speċifiċi bħal dawn
spjegaw li l-kunċett ġie żviluppat mill-qrati nazzjonali
tagħhom[67]
jew hu pprovdut fil-kummentarju[68]
jew fix-xogħol preparatorju tal-leġiżlazzjoni dwar il-paga
ugwali[69]. Mod wieħed kif jiġi ddeterminat
ix-xogħol ta’ valur ugwali huwa bl-użu tas-sistemi
tal-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali fir-rigward
tas-sessi. Madankollu, id-Direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri
jimplimentaw sistemi bħal dawn, u d-disponibbiltà tagħhom fuq livell
nazzjonali tvarja b’mod sinifikanti. Filwaqt li l-leġiżlazzjoni ta'
ċerti Stati Membri tiżgura espliċitament li sistemi
tal-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tax-xogħol użati biex tiġi
ddeterminata l-paga huma newtrali fir-rigward tas-sessi[70],
id-dispożizzjonijiet legali ta' ċerti Stati Membri oħrajn ma
jirriflettux dan b’mod espliċitu[71].
Fi ftit Stati Membri, l-evalwazzjoni tax-xogħol newtrali fir-rigward
tas-sessi hija mħarsa permezz ta' ftehimiet kollettivi tax-xogħol[72]. L-istrumenti
prattiċi mfassla biex jgħinu fl-istabbiliment ta’ sistemi ta'
evalwazzjoni tax-xogħol u ta’ pagi li jkunu newtrali fir-rigward tas-sessi
jvarjaw ukoll skont l-Istat Membru. Ftit Stati Membri stabbilixxew gwidi u
listi ta’ kontroll għall-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tax-xogħol
li jagħmluha possibbli li l-impjiegi jiġu evalwati b’mod aktar
oġġettiv u jkun evitat il-preġudizzju dwar l-ugwaljanza bejn
is-sessi. Dawn l-għodod speċifiċi huma maħruġa l-aktar
mill-korpi għall-ugwaljanza bejn is-sessi tal-Istati Membri[73] jew mill-awtoritajiet
nazzjonali[74].
Bosta Stati Membri għandhom programmi ta’ taħriġ biex
jgħinu lil min iħaddem biex jimplimenta sistemi ta’ klassifikazzjoni
tax-xogħol newtrali fir-rigward tas-sess[75]. L-Anness 1 tad-Dokument ta’ Ħidma
tal-Persunal mehmuż ma' dan ir-Rapport, fuq l-evalwazzjoni tax-xogħol
u s-sistemi ta’ klassifikazzjoni newtrali fir-rigward tas-sessi, jista'
jikkontribwixxi għal implimentazzjoni aħjar tal-prinċipju ta’
paga ugwali fil-prattika. 4.2. It-trasparenza fil-pagi Żieda fit-trasparenza tal-pagi tista'
tiżvela diskriminazzjoni bejn is-sessi fl-istrutturi tal-pagi ta’
impriża jew industrija u tippermetti lill-impjegati, min iħaddem jew
l-imsieħba soċjali biex jieħdu azzjoni xierqa biex jiżguraw
l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali. Skont
l-Artikolu 21(3) u (4) tad-Direttiva, bosta Stati Membri implimentaw
miżuri speċifiċi ta’ trasparenza fil-pagi. Dawn jistgħu
jinqasmu f’miżuri li jiżvelaw il-paga ta’ impjegati individwali u
miżuri li jiżvelaw b'mod kollettiv informazzjoni dwar il-pagi
għal kategoriji ta’ impjegati. Filwaqt li miżuri li jipprovdu għall-iżvelar
tal-pagi individwali jistgħu jgħinu fil-bini ta’ każijiet
individwali u jkollhom effett preventiv, l-iżvelar kollettiv tal-pagi
jista’ jkun il-bażi għal miżuri aktar ġenerali biex
titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn is-sessi. F’każijiet ta’ diskriminazzjoni allegata
fil-paga, f’ċerti Stati Membri, min iħaddem huwa obbligat jipprovdi
l-impjegat b’informazzjoni fuq il-paga, li tgħin biex wieħed
jivvaluta jekk kienx hemm diskriminazzjoni[76].
F’ċerti Stati Membri din l-informazzjoni tista’ tinkiseb minn
rappreżentant tal-impjegat, bil-kunsens tal-impjegat[77]. Jekk l-iżvelar
jiġi rrifjutat, f’ċerti Stati Membri, dan jista’ jinkiseb permezz
tal-qrati[78].
Ir-Regolamenti f’xi wħud mill-Istati Membri jinkludu obbligu biex
tiġi indikata l-paga minima legali fir-reklamar tal-impjiegi[79], jew jagħmluha
illegali li min iħaddem jipprevjeni lill-impjegati milli jiżvelaw
il-paga tagħhom lil ħaddieħor, fejn l-iskop ta’ dan
l-iżvelar huwa li jiġi determinat jekk hemmx xi raġunijiet
għad-differenza fil-pagi u rabta ma' karatteristiċi protetti
bħas-sess[80].
Bosta korpi għall-ugwaljanza bejn is-sessi tal-Istati Membri huma
intitolati li jitolbu informazzjoni dwar il-pagi[81], pereżempju
informazzjoni dwar iċ-ċifri tal-introjtu għal impjegati
komparabbli mill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali[82]. Madankollu,
informazzjoni dwar il-paga hija spiss meqjusa bħala kunfidenzjali skont
il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta u
l-privatezza. Għaldaqstant, f’ħafna Stati Membri din l-informazzjoni
ma tistax tiġi rilaxxata minn min iħaddem. L-impjegati jistgħu
anki jkunu kontrattwalment ipprojbiti milli jinformaw impjegati oħra dwar
il-paga tagħhom. Is-soltu, l-iżvelar ta' informazzjoni dwar il-paga
huwa aktar problematiku fis-settur privat milli fis-settur pubbliku. Sa fejn huma kkonċernati l-miżuri
kollettivi, bosta Stati Membri jinkoraġġixxu l-promozzjoni
tal-ippjanar tal-ugwaljanza billi jobbligaw lil min iħaddem biex jivvaluta
regolarment il-prattiki tal-pagi u d-differenzi fil-pagi u billi jfassal pjan
ta’ azzjoni għal pagi ugwali[83].
Is-soltu, dan huwa l-obbligu ta' min iħaddem ħafna nies. Il-ksur ta’
dan l-obbligu jista’ jiġi soġġett għal sanzjonijiet
pekunarji[84].
Ċerti Stati Membri jeħtieġu wkoll li min iħaddem ifassal
stħarriġ dwar il-pagi[85],
filwaqt li oħrajn jobbligaw lil min iħaddem biex jiġbor dejta
statistika marbuta mal-impjiegi bbażata fuq is-sess[86]. F’ċerti Stati
Membri min iħaddem huwa obbligat jipprovdi perjodikament rapport
bil-miktub lir-rappreżentanti tal-impjegati dwar is-sitwazzjoni
tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-intrapriża, inklużi d-dettalji tal-pagi[87]. 4.3. L-ostakli proċedurali
fil-każijiet ta' paga ugwali Il-vittmi tad-diskriminazzjoni fil-paga
jiffaċċjaw ċerti ostakli għall aċċess
għall-ġustizzja, inklużi: proċedimenti ġudizzjarji
twal u għalja, limiti ta' żmien, nuqqas ta' sanzjonijiet effettivi u
ta' kumpens suffiċjenti, u aċċess limitat
għall-informazzjoni neċessarja biex jagħmlu pretensjoni ta' paga
ugwali. L-impjegati individwali normalment ikollhom
aċċess limitat għall-informazzjoni meħtieġa biex
jagħmlu pretensjoni ta' paga ugwali, bħal informazzjoni dwar il-pagi
ta' persuni li jwettqu l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali.
Dan huwa ostaklu għall-applikazzjoni effikaċi tar-regola tat-trasferiment
tal-oneru tal-provi, prevista fl-Artikolu 19 tad-Direttiva, li
teħtieġ li l-vittma l-ewwel tistabbilixxi l-fatti li minnhom jista’
jiġi preżunt li seħħet diskriminazzjoni. Huwa biss wara li
jsir dan li min iħaddem ikun obbligat jipprova li ma seħħet
l-ebda diskriminazzjoni. L-applikazzjoni tar-regola tat-trasferiment tal-oneru
tal-provi tibqa’ problematika f’xi Stati Membri fejn jidher li hemm limitu
ogħla minn dawk stipulati fid-Direttiva biex iseħħ
it-trasferiment[88].
Il-kostijiet tal-assistenza legali u
l-proċedimenti ġudizzjarji ta’ spiss ikunu għoljin u huma ta'
piż fuq il-vittma. Barra minn hekk, il-kumpens u r-riparazzjoni li
jistgħu jinkisbu huma ħafna drabi limitati[89]. Għalhekk, ir-rwol
attiv tal-korpi tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-trejdjunjins fl-għoti
ta’ assistenza indipendenti lil vittmi ta’ diskriminazzjoni jista’
jgħinhom jiksbu aċċess għall-ġustizzja u jiżgura
l-effikaċja tal-qafas legali dwar il-paga ugwali. Dan jista’ jnaqqas ukoll
ir-riskju ta’ litigazzjoni għal impjegati individwali u jista’ jkun
soluzzjoni possibbli sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas sinifikanti ta’
każijiet ta' paga ugwali. Għalhekk, huwa strumentali li l-korpi
tal-ugwaljanza bejn is-sessi jiġu involuti fl-applikazzjoni b’mod effettiv
tal-prinċipju ta’ paga ugwali. Madankollu, il-kompiti u s-setgħat
tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza bejn is-sessi huma varjati ħafna u
huwa biss f’xi wħud mill-Istati Membri li r-rwol tal-korpi ta’ ugwaljanza
bejn is-sessi jinkludi r-rapreżentazzjoni ta' individwi f'tali
pretensjonijiet[90].
Ir-rappreżentazzjoni tal-individwi tista’ sseħħ ukoll
mit-trejdjunjins[91]
u l-NGOs. Id-Direttiva titlob lill-Istati Membri biex
jieħdu miżuri preventivi relatati mal-ksur tal-prinċipju
ta’ paga ugwali[92],
u għal darb’ oħra tħalli l-għażla tal-miżuri
f’idejhom. Il-miżuri ta' prevenzjoni jistgħu jinkludu t-twettiq ta’
investigazzjonijiet li għandhom l-għan li jipprevjenu l-inugwaljanza
fil-paga, l-organizzazzjoni ta’ taħriġ għall-partijiet
interessati, u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni. 5. Il-konklużjonijiet u
l-passi li jmiss Id-Direttiva introduċiet għadd ta’
novitajiet importanti li għandhom l-għan li jagħmlu
l-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam aktar koerenti, sabiex
jadattawha mal-każistika tal-QtĠ-UE u, fl-aħħar
mill-aħħar, sabiex il-liġi tkun aktar effettiva u
aċċessibbli għall-professjonisti u l-pubbliku ġenerali. Fir-rigward tat-traspożizzjoni korretta ta’ dawn
in-novitajiet fil-liġi nazzjonali, is-servizzi tal-Kummissjoni xorta
għandhom mistoqsijiet għal bosta Stati Membri. Dawn il-kwistjonijiet
li baqa’ se jiġu ċċarati b'mod prijoritarju, jekk meħtieġ
permezz ta’ proċedimenti ta’ ksur. Għall-futur, l-isfida ewlenija
għall-Istati Membri kollha hija l-applikazzjoni u l-infurzar korretti
fil-prattika tad-drittijiet f’din id-Direttiva. L-applikazzjoni prattika
tad-dispożizzjonijiet dwar il-paga ugwali fl-Istati Membri tidher li hija
waħda mill-aktar oqsma problematiċi tad-Direttiva. Dan jintwera
permezz tad-differenza persistenti fil-pagi bejn is-sessi, li parti
konsiderevoli minnha tista’ tiġi kkawżata mid-diskriminazzjoni
fil-paga u min-nuqqas ta’ oġġezzjonijiet minn individwi fil-qrati nazzjonali.
L-Istati Membri għandhom jużaw
l-għodod ipprovduti fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal biex
iżidu l-effikaċja tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga
ugwali u biex jindirizzaw id-differenza persistenti fil-pagi bejn is-sessi. Il-Kummissjoni
se tkompli timmonitorja b’mod komprensiv l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’
paga ugwali. F’konformità mal-istrateġija Ewropa 2020, minbarra
attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u disseminazzjoni tal-aħjar prattiki,
il-Kummissjoni se tkompli tressaq rakkomandazzjonijiet speċifiċi
għall-pajjiż li jindirizzaw il-kawżi tad-differenza fil-pagi
bejn is-sessi matul l-eżerċizzju annwali tas-Semestru Ewropew. Barra
minn hekk, il-Kummissjoni qed tippjana għall-2014 li tadotta inizjattiva
mhux leġiżlattiva bl-għan li tippromwovi u tiffaċilita
l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' paga ugwali fil-prattika u
tgħin lill-Istati Membri biex isibu l-approċċi tajbin biex
titnaqqas id-differenza persistenti fil-pagi[93].
Din l-inizjattiva x’aktarx li se tiffoka fuq it-trasparenza tal-pagi. [1] ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23-36. [2] Id-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, ĠU
L 45, 19.2.1975, p. 19; id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE,
ĠU L 39, 14.2.1976, p. 40; id-Direttiva 2002/73/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 269, 5.102001, p. 15;
id-Direttiva tal-Kunsill 86/378/KEE, ĠU L 225, 12.8.1986,
p. 40; id-Direttiva tal-Kunsill 96/97/KE, ĠU L 46,
17.2.1997, p. 20; id-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE, ĠU
L 14, 20.1.1998, p. 6; id-Direttiva tal-Kunsill 98/52/KE, ĠU
L 205, 22.7.1998, p. 66. [3] F’konformità mal-Artikolu 31 tad-Direttiva. [4] P6_TA(2008)0544. [5] P7_TA-PROV(2012)0225. [6] COM(2010) 491. [7] Dan it-tħassib tqajjem permezz tas-sistema Pilota
tal-UE tal-Kummissjoni, li hija l-proċess għall-iskambju ta’ ittri
amministrattivi qabel kwalunkwe proċedimenti ta’ ksur skont
l-Artikolu 258 tat-TFUE. [8] NL, FR. [9] ĠU L 269, 5.10.2002, p. 15. [10] NL [11] Il-każ jikkonċerna n-nuqqas ta' konformità
min-naħa tal-liġi Olandiża mal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva
76/207/KEE kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE, li tispeċifika li
l-impjegati li jkunu deħlin lura mil-liv tal-maternità, tall-adozzjoni jew
dak parentali huma intitolati li jerġgħu lura fuq xogħolhom jew
f’impjieg ekwivalenti u jibbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-kundizzjonijiet
tax-xogħol li kieku kienu jkunu intitolati għalihom waqt l-assenza
tagħhom. Il-leġiżlazzjoni Olandiża m’għandhiex
id-dispożizzjonijiet espliċiti meħtieġa dwar din
il-kwistjoni u dan iqajjem dubji fuq l-grad ta’ protezzjoni pprovduta u
jagħmilha diffiċli għaċ-ċittadini biex ikunu jafu u
jinfurzaw id-drittijiet tagħhom. [12] L-Artikolu 33(3). [13] Artikolu 2(1)(e). [14] L-Artikolu 7(2). [15] Artikoli 17–19 [16] Paragrafu 3. [17] CZ, DK, EE, EL, HR, IT, CY, LT, PT, SI, SK, SE, UK. [18] FR, PL. [19] RO, fejn il-leġiżlazzjoni dwar dawn l-iskemi hija
pendenti. [20] BG. [21] BE, DE, IE, ES, LV, LU, HU, MT, NL, AT, FI. [22] BE, BG, CZ, DK, IE, EL, ES, FR, HR, CY, LT, LU, HU, MT,
PT, RO, SI, SK. [23] EE, PL. Fl-Estonja, l-attivitajiet ta' min iħaddem
huma meqjusa diskriminatorji jekk jistabbilixxi kundizzjonijiet għal
remunerazzjoni jew benefiċċji li huma inqas favorevoli
għall-impjegat ta’ ċertu sess meta mqabbla ma’ impjegat tas-sess
oppost li jagħmlu l-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur
ugwali. [24] NL. Ara l-każijiet 80/70, 43/75, 12/81, C-262/88,
C-360/90, C-200/91, C-400/93, C-281/97, C-366/99, disponibbli fuq http://curia.europa.eu/. [25] DE, IT, LV, AT, FI, SE, UK. [26] UK. [27] Każijiet C-7/93 u C-351/00. [28] BE, BG, CZ, DE, EE, IE, EL, FR, CY, LT, LU, NL, AT, FI,
UK. Fl-Ungerija, il-leġiżlazzjoni ma tiddistingwix bejn il-kategoriji
tal-ħaddiema, iżda m'hemmx skemi tal-pensjonijiet speċifiċi
għall-impjegati pubbliċi. [29] DK, EL, ES, HR, IT, LV, MT, PL, PT, RO, SI, SK, SE. [30] IT, SK. [31] LV, PL, PT, SE. [32] RO. [33] Għalkemm dawn l-iskemi ma kinux msemmija
espliċitament fir-regoli orizzontali, il-kjarifika tal-QtĠ-UE li
pensjoni okkupazzjonali tikkostitwixxi paga (differita) timplika li japplikaw
ukoll għal dawn l-iskemi regoli orizzontali prżistenti dwar il-paga
ndaqs u dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol (inkluża l-paga). [34] Id-Direttiva tal-Kunsill 86/378/KEE. [35] Artikolu 17. [36] Artikolu 18. [37] Artikolu 19. [38] Artikolu 20. [39] Artikolu 21. [40] Artikolu 22. [41] BE, BG, CZ, EE, IE, EL, ES, FR, IT, CY, LV, LT, LU,
HU, MT, NL, FI, SE, UK (b’dubji għall-Irlanda ta’ fuq). [42] DE, SI, SK, FI. [43] DK [44] RO [45] PL, PT. [46] HR. [47] Każijiet C-13/94, C-117/01 u C-423/04. [48] BE (apparti r-reġjun ta’ Brussell li jidher li hu
eċċezzjoni), CZ, EL, UK. [49] SK. [50] MT. [51] DE, HU. [52] FI. [53] DK, IE, ES, FR. [54] CY, AT. Fil-Kroazja, l-Att dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tiegħu ma għandhomx
jiġu interpretati jew implimentati b’kontradizzjoni mal-liġi tal-UE. [55] SI. [56] EL, ES, IT, HU, PL, PT, RO, SI, SK, FI. [57] DK, EL, CY. [58] BE, DK. [59] Bosta Stati Membri (pereżempju BE, DE, PL, SE)
m’għandhomx projbizzjoni espliċita bħal din, iżda
projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni fuq bażi tas-sess tidher
li tkopri wkoll id-diskriminazzjoni fil-pagi. [60] Il-Bażi tad-Dejta onlajn tal-Eurostat 2011,
disponibbli fuq http://epp.eurostat.ec.europa.eu/tgm/table.do?tab=table&init=1&plugin=1&language=en&pcode=tsdsc340. [61] Ara pereżempju r-rapport tal-2010 tal-Presidenza
Belġjana ‘Id-differenza fil-pagi bejn is-sessi fl-Istati Membri tal-Unjoni
Ewropea: 'indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi', disponibbli fuq: http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/10/st16/st16516-ad02.en10.pdf. [62] Pereżempju IE, UK. Fl-2011, il-valutazzjoni
tal-impatt tar-Renju Unit dwar il-miżuri leġiżlattivi biex
tiġi promossa l-paga ugwali stmat li kien hemm 28 000 pretensjoni
dwar il-paga ugwali kull sena fit-tribunali tax-xogħol. [63] Dan jinkludi r-Renju Unit. It-Tribunal Annwali
tal-Istatistika 2011-2012 jindika li l-każijiet ta' paga ugwali huma
l-iktar li jdumu, ara http://www.justice.gov.uk/downloads/statistics/tribs-stats/ts-annual-stats-2011-12.pdf. [64] Bosta Stati Membri għandhom nuqqas ta'
statistiċi speċifiċi dwar l-għadd u t-tipi ta’
każijiet ta’ diskriminazzjoni fil-pagi. [65] Ara l-każijiet 237/85, C-262/88, C-400/93, C-381/99. Ara wkoll il-Premessa 9 tad-Direttiva. [66] CZ, IE, FR, HR, CY, HU, PL, PT, RO, SK, SE, UK. [67] DK, DE, EL, ES, LV, AT. [68] AT. [69] FI. [70] Pereżempju EL, FR, IT, CY, LT, AT, SI. [71] Pereżempju BE, DE, EE, IE, HR, LV, LU, HU, PL, FI. [72] Pereżempju in BE. [73] Pereżempju BE, NL, PT, SE, UK. [74] Pereżempju BE, EE, LU, AT. [75] Pereżempju BE, EE, CY, SE. [76] Pereżempju BG, EE, IE, SK, FI. [77] Pereżempju FI. [78] Pereżempju CZ, LV. [79] Pereżempju AT. [80] Pereżempju UK. [81] Pereżempju EE, SE. [82] Pereżempju AT. [83] Pereżempju BE, ES, FR, FI, SE. [84] Dan huwa l-każ fi FR. [85] Pereżempju FI. SE. [86] Pereżempju DK, EE. [87] Pereżempju BE, DK, FR, IT, LU, AT. [88] Pereżempju CY, MT, BG. Ir-Rumanija emendat
riċentement il-leġiżlazzjoni tagħha biex tneħħi
dik il-problema. [89] F’ħafna każijiet il-kumpens huwa ugwali
għall-qligħ mitluf fuq il-bażi tad-differenza fil-paga bejn
il-pretendent u l-komparatur. F’ċerti Stati Membri, il-ħsara
immaterjali mġarrba tkun inkluża wkoll. Il-qafas legali nazzjonali
dwar is-sanzjonijiet ivarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. [90] Pereżempju BE, BG, EE, IE, IT, HU, MT, AT, SK,
FI, SE, UK. [91] Pereżempju fil-BE, DK, FR, SE, UK. [92] L-Artikolu 26 tad-Direttiva; [93] Il-Programm ta' Ħidma
tal-Kummissjoni 2014, COM(2013) 739 final, disponibbli
fuq http://ec.europa.eu/atwork/pdf/cwp_2014_annex_en.pdf.