RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-funzjonament tal-arranġamenti għas-superviżjoni kompjuterizzata tal-movimenti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju u dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa, skont l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE, l-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2008/118/KE, l-Artikolu 35(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2073/2004 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 /* COM/2013/0850 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-funzjonament tal-arranġamenti
għas-superviżjoni kompjuterizzata tal-movimenti tas-sisa taħt
sospensjoni tad-dazju u dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kooperazzjoni
amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa, skont l-Artikolu 8(3)
tad-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE, l-Artikolu 45(1)
tad-Direttiva 2008/118/KE, l-Artikolu 35(1) tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 2073/2004 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 WERREJ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
U LILL-KUNSILL 2 1........... Introduzzjoni................................................................................................................ 4 2........... Sommarju...................................................................................................................... 4 3........... Il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment
u s-sorveljanza ta’ prodotti soġġetti għas-sisa... 5 4........... Il-verżjoni stampata
tad-dokument elettroniku ta' amministrazzjoni jew dokument kummerċjali
ieħor u arranġamenti ta' riżerva (l-Artikolu 45 (1)
tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE)..... 8 5........... Riżultati tal-konsultazzjoni
dwar l-arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam
tad-dazju tas-sisa................................................................................................................................ 9 6........... Konklużjoni ġenerali u
mixja 'l quddiem.................................................................... 10
1.
Introduzzjoni
Fl-Unjoni Ewropea, id-dazji tas-sisa l-iktar
applikati frekwentament huma dawk fuq ix-xorb alkoħoliku, il-prodotti
tat-tabakk manifatturat u prodotti tal-enerġija (fjuwil għall-magni u
fjuwil għat-tisħin, bħall-petrol u l-gażolina, l-elettriku,
il-gass naturali, faħam u l-kokk). L-Istati Membri kollha tal-UE japplikaw
dazji tas-sisa fuq dawn it-tliet kategoriji ta’ prodotti u r-regoli
bażiċi, speċjalment l-istruttura tat-taxxi u r-rati minimi, huma
armonizzati fuq livell tal-UE sabiex jiġu evitati distorzjonijiet ta’
kompetizzjoni fis-Suq Intern li fih ma għadx hemm kontrolli ta’ natura
fiskali mal-fruntieri interni bejn l-Istati Membri. Sabiex is-sistema tas-sisa fis-suq intern
tiffunzjona, jeħtieġ dispożizzjonijiet ġenerali li
japplikaw għall-kategoriji ta’ prodotti. Dawn id-dispożizzjonijiet
jikkonċernaw b’mod partikolari l-produzzjoni, il-ħażna u
l-moviment ta’ prodotti tas-sisa bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk,
kooperazzjoni amministrattiva li tiffunzjona tajjeb bejn l-Istati Membri dwar
dawn id-dazji tas-sisa kollha hija imperattiva jekk id-distorzjonijiet iridu
jiġu minimizzati u s-sisa tkun applikata korrettament f’sitwazzjonijiet
transfruntiera. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni tas-sisa
speċifika għall-prodotti msemmija hawn fuq hija integrata f’sett ta’
regoli orizzontali, stabbiliti f’diversi atti ta’ leġiżlazzjoni
tal-UE dwar dawn l-aspetti. Dan ir-rapport għandu l-għan li jivvaluta
l-funzjonament ta’ dawn ir-regoli orizzontali skont l-obbligi rispettivi
tar-rappurtar fil-leġiżlazzjoni, fir-rigward ta’ żewġ
aspetti ewlenin: il-funzjonament tal-arranġamenti għal
superviżjoni kompjuterizzata tal-movimenti tas-sisa taħt sospensjoni
tad-dazju u l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ kooperazzjoni
amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa. Huwa għalhekk l-ewwel “element kostitwenti”
ta’ evalwazzjoni ekonomika formali ppjanat mill-Kummissjoni fis-snin li
ġejjin li se jkopri wkoll sett sħiħ ta’ regoli
ġuridiċi sostantivi oħra stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE
dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u jirrevedi
l-funzjonament tas- Sistema
tal-Movimenti u tal-Kontrolli tas-Sisa (Excise Movement and Control System -
EMCS) tal-UE, is-sistema kompjuterizzata għall-monitoraġġ
tal-movimenti ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa
taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa fi ħdan l-UE. Ta’ min jinnota li t-teknikalità tal-kwistjoni
tagħmilha impossibbli li jerġgħu jiġu spjegati
l-kunċetti bażiċi kollha u t-termini f’dan ir-rapport. F’dan
ir-rigward, issir referenza għad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni anness u l-ispjegazzjonijiet fuq is-siti elettroniċi[1]magħmula apposta
tal-Kummissjoni. Id-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal anness jelabora dwar
il-kwistjonijiet ippreżentati f’dan ir-rapport f''dettall sħiħ.
2.
Sommarju
F’konformità mal-obbligi ġuridiċi
imposti fuq il-Kummissjoni permezz tal-leġiżlazzjoni rilevanti dan
ir-rapport jinkludi tliet taqsimiet iddedikati għall-implimentazzjoni ta'
aspetti orizzontali determinati tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar
is-sisa. Kull taqsima hija bbażata fuq sondaġġ komprensiv
tal-partijiet interessati rilevanti, kif ukoll kontribuzzjonijet minn partijiet
interessati u r-riflessjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet imqajma.
Id-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni anness jipprovdi
ħarsa ġenerali komprensiva tal-kontribut miksub minn tliet
sessjonijiet ta’ konsultazzjoni ta’ partijiet interessati, kif ukoll is-sejbiet
ewlenin u l-metodoloġija applikata. Il-Kapitolu 3
jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 1152/2003/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u
tas-sorveljanza ta’ prodotti soġġetti għas-sisa. Din
id-Deċiżjoni stabbiliet l-arranġamenti ta’ governanza u
l-iffinanzjar tal-iżvilupp ċentrali għas-Sistema tal-Movimenti u
tal-Kontrolli tas-Sisa (EMCS). Il-maġġoranza kbira tal-partijiet
interessati kollha jirrappurtaw li l-arranġamenti ta’ governanza taħt
id-Deċiżjoni jaħdmu tajjeb u jikkunsidraw li l-EMCS
tirrappreżenta titjib kbir mis-sistema preċedenti bbażata fuq
il-karta. Madankollu, il-partijiet interessati għamlu għadd ta’
suġġerimenti utli għal titjib, partikolarment f’dak li
għandu x’jaqsam mar-rabta tal-EMCS ma’ applikazzjonijiet doganali. Il-Kummissjoni
se tqis dawn is-suġġerimenti fix-xogħol ġuridiku u tekniku
tagħha fil-ġejjieni. Il-Kapitolu 4
jindirizza r-rekwiżit skont l-Artikolu 45(1)
tad-Direttiva 2008/118/KE għall-Kummissjoni sabiex tipprovdi rapport
dwar il-Proċeduri ta’ Riżerva tal-EMCS, u l-kopja stampata
tad-dokument amministrattiv elettroniku. Il-partijiet interessati kienu
ġeneralment sodisfatti bl-arranġamenti mwaqqfa skont
id-Direttiva 2008/118/KE, iżda talbu għal mudelli standard ta'
dokumenti ta’ riżerva biex jiżguraw li jkunu rikonoxxibbli
faċilment bħala tali mill-partijiet kollha interessati.
Il-Kummissjoni se tikkunsidra li jiġu inkorporati dawn
is-suġġerimenti f’reviżjoni futura tar-Regolament
tal-Kummissjoni (KE) 684/2009. Il-Kapitolu 5
jiġbor fil-qosor il-konsultazzjoni tal-Istati Membri dwar l-ewwel
esperjenzi tagħhom mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 dwar
kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa u li jħassar
ir-Regolament (KE) Nru 2073/2004. Stati Membri jħossu li
l-arranġamenti l-ġodda huma titjib fuq sistemi preċedenti
bbażati fuq formoli elettroniċi, hekk kif jikkontrollaw il-fluss
tax-xogħol aħjar u joffru arkivju ta’ informazzjoni faċilment
disponibbli dwar kooperazzjoni amministrattiva. Saru diversi
suġġerimenti għal titjib fil-funzjonalità tal-EMCS li
l-Kummissjoni se tinkludi fl-evoluzzjoni futura tal-EMCS u fejn
meħtieġ fl-atti ta' implimentazzjoni li jikkorrispondu.
3.
Il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u s-sorveljanza
ta’ prodotti soġġetti għas-sisa
Fl-2003, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw
id-Deċiżjoni 1152/2003/KE li tat il-mandat
għall-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u s-sorveljanza ta’ prodotti
soġġetti għas-sisa. Id-Deċiżjoni tirrikjedi li
l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar
l-implimentazzjoni tagħha. Fuq il-bażi ta’ din id-Deċiżjoni
l-EMCS kellha tiġi speċifikata u żviluppata mill-Kummissjoni u
l-Istati Membri fil-perjodu bejn l-2004 u l-2009. Kien maħsub li
ln-Negozju Ewlieni tal-EMCS tinbeda fl-1 ta' April 2009
(l-operaturi kollha fl-Istati Memri kollha setgħu jirrilaxxaw id-dokumenti
elettroniċi ta' amministrazzjoni billi jibagħtu rapporti
elettroniċi ta' rċevuta, filwaqt li s-sistemi bbażati fuq
il-karta jkomplu joperaw.) L-applikazzjoni sħiħa tal-EMCS kienet
ippjanata għall-1 ta' Jannar 2010 (il-movimenti kollha ta'
prodotti taħt sospensjoni mid-dazju tas-sisa kellhom isiru permezz
tal-EMCS). Fuq il-bażi ta’ diskussjonijiet li saru bejn
il-Kummissjoni u l-Istati Membri kollha u b’kont meħud ta’ diskussjonijiet
fil-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa, instab li l-ippjanar oriġinali
m’għadux realistiku. Bosta Stati Membri kkonfermaw li kien hemm problemi
tekniċi bl-użu tal-EMCS. Kien hemm ukoll restrizzjonijiet
ġuridiċi, hekk kif id-diskussjonijiet fil-Kunsill dwar il-proposta
għad-Direttiva, li tista' tipprovdi l-bażi ġuridika għall-EMCS,
kienu qed jieħdu aktar ħin milli kien mistenni oriġinarjament. Għalhekk, il-Kummissjoni pproponiet li
tirrevedi l-ippjanar għall-implimentazzjoni tal-EMCS u
ssuġġeriet 2 għażliet: (1) Posponiment tal-implimentazzjoni u
t-tnedija tal-EMCS b’sena (sal-1 ta’April 2010) mingħajr ma
tinbidel l-istrateġija stabbilita fl-Ispeċifikazzjonijiet dwar
l-Introduzzjoni Gradwali u l-Ambitu; (2) Li tippermetti lil dawk l-Istati Membri li
jkunu lesti li jibdew l-implimentazzjoni u l-użu tal-EMCS bejniethom qabel
April 2010 (pereżempju fl-1 ta’ Settembru 2009) biex
jipproċedu. Fil-25 Laqgħa tal-Grupp tal-Politika Doganali
(it-2 ta’ Lulju 2008) id-Diretturi Ġenerali responsabbli
għas-sisa ddeċidew b'maġġoranza kbira biex
jappoġġjaw ix-xenarju nru 1. L-ewwel fażi operattiva tal-EMCS bdiet
titħaddem f’April 2010, flimkien mas-sistema bbażata fuq
il-karta li kienet ilha tintuża sa mill-1993. L-EMCS ħadet post
kompletament is-sistema preċedenti bbażata fuq il-karta
mill-1 ta’ Jannar 2011 'il quddiem. Fl-1 ta’ Jannar 2012 it-tieni
fażi operattiva tal-EMCS bdiet titħaddem. Dan inkorpora
r-reġistrazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ kontroll, ir-rapport ta’ avvenimenti
matul il-movimenti u l-iskambju ta’ informazzjoni għal kooperazzjoni
amministrattiva bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni wettqet tliet sondaġġi
lill-operaturi ekonomiċi u l-Amministrazzjonijiet tal-Istati Membri li
jinvolvu aspetti varji tal-EMCS. Din it-taqsima tittratta r-riżultati
tas-sondaġġ imwettaq dwar aspetti tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni.
Ir-riżultati ta’ sondaġġi oħra huma diskussi f’kapitoli
sussegwenti ta' dan ir-rapport. Ġew riċevuti 131 tweġiba għal
dan is-sondaġġ, li jikkonsistu f'104 operaturi ekonomiċi
individwali u federazzjonijiet kummerċjali Ewropej, u 27 tweġiba minn
23 Stat Membru. Il-maġġoranza kbira ta’ partijiet interessati
jikkunsidraw li b’mod ġenerali l-għanijiet tad-Deċiżjoni
ġew implimentati b’mod sodisfaċenti. Il-partijiet interessati jirrappurtaw li
l-arranġamenti ta' governanza stabbiliti fid-Deċiżjoni
jaħdmu tajjeb: il-Proġett EMCS ta kontribut suffiċjenti
lill-partijiet interessati kollha u l-proċess tat-teħid
tad-deċiżjonijiet ġeneralment jilħaq l-aspettattivi.
Għalhekk il-Kummissjoni mhix se tkun qed tipproponi reviżjoni
tad-Deċiżjoni. L-operaturi ekonomiċi huma b’mod
ġenerali sodisfatti bl-arranġamenti għall-konsultazzjoni
tal-proġett EMCS, imsejsa fuq il-Grupp ta’ Kuntatt dwar is-Sisa (Excise
Contact Group - ECG). Madankollu, xi operaturi ekonomiċi jixtiequ jaraw
aktar laqgħat tal-ECG b’aktar diskussjonijiet dwar l-aspetti prattiċi.
Huma jixtiequ jaraw ukoll il-Kummissjoni twettaq sondaġġi b'mod aktar
frekwenti mmirati lejn negozjanti li jikkonċernaw l-EMCS. Il-Kummissjoni
se tinvestiga kif l-aħjar tissodisfa dawn it-talbiet. Il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet
interessati kollha jemmnu wkoll li l-EMCS tirrappreżenta titjib kbir fuq
is-sistema preċedenti bbażata fuq il-karta. Dan jidher ukoll mir-rati
estremament baxxi ta' żbalji tekniċi (żbalji tekniċi
jseħħu f’anqas minn 1 % tal-movimenti) u l-ħinijiet qosra
ħafna meħtieġa biex jitwettqu l-movimenti tas-sisa (bħala
medja 6.8 jiem mill-validazzjoni tad-dokument elettroniku ta'
amministrazzjoni għall-preżentazzjoni ta’ rapport ta' notifika
tal-wasla fid-destinazzjoni.) Madankollu, għad hemm xi aspetti tal-EMCS li
jeħtieġu attenzjoni: Ir-rabtiet bejn l-EMCS u
l-applikazzjonijiet doganali ma jaħdmux b’mod sodisfaċenti, u
jeħtieġu interventi manwali mill-operaturi ekonomiċi u
l-Amministrazzjonijiet tal-Istati Membri. Dan huwa partikolarment il-każ
fir-rabta mal-esportazzjoni fejn il-proċedura ta' esportazzjoni tibda fi
Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru li fih huwa bbażat l-operatur
ekonomiku tas-sisa, jew meta l-prodotti joħorġu 'l barra mill-Unjoni
Ewropea minn Stat Membru ieħor; L-arranġamenti
għall-immaniġġjar ta’ eċċezzjonijiet fis-sekwenza
normali tal-avvenimenti waqt moviment mhux dejjem ikunu definiti sew, u dan
iwassal għal inċertezza ġuridika u piż żejjed fuq
l-operaturi ekonomiċi u l-Istati Membri; L-operaturi ekonomiċi għadhom
xi drabi jsofru dewmien minħabba dewmien fid-distribuzzjoni ta’
informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet ta' operaturi ekonomiċi fi Stati
Membri oħra; Xi destinatarji u xi Stati Membri li
jaġixxu bħala Stati Membri ta’ Destinazzjoni għadhom
jesperjenzaw problemi bil-kwalità tad-dejta li jirċievu mingħand
spedituri. Sabiex jiġu solvuti l-problemi assoċjati
mal-konnessjonijiet ma' sistemi doganali se jiġi speċifikat rilaxx
futur tal-EMCS, u se jinkludi titjib fil-konnessjonijiet ma’ sistemi doganali.
Il-Kummissjoni se tkompli taħdem sabiex tinkorpora rekwiżiti
speċjali għal oġġetti tas-sisa fl-applikazzjonijiet
doganali ġodda li se jiġu żviluppati għall-implimentazzjoni
sħiħa tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Dan se jinvolvi wkoll
reviżjoni tad-dispożizzjonijiet fid-Direttiva 2008/118/KE dwar
il-proċeduri doganali. Il-Kummissjoni qed tinvestiga kif tista' ttejjeb
it-trattament ta’ eċċezzjonijiet, għall-inkorporazzjoni ta’
funzjonalità ġdida f’rilaxx futur tal-EMCS. Dan jista’ jinvolvi
r-reviżjoni tad-Direttiva 2008/118/KE sabiex tiċċara u
tespandi dispożizzjonijiet eżistenti f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni addottat Regolament ta'
Implimentazzjoni ġdid (Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni
(UE) Nru 612/2013) li jistipula d-distribuzzjoni f'ħin reali
tal-awtorizzazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi bejn l-Istati Membri.
Id-distribuzzjoni f'ħin reali se tkun operattiva sa mhux aktar tard
mill-1 ta’ Jannar 2015. Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri
biex ittejjeb l-ittestjar għall-konformità tal-applikazzjonijiet EMCS
sabiex titnaqqas il-possibbiltà ta’ problemi minħabba dejta skorretta. Fl-aħħar nett, il-partijiet interessati
ntalbu jissuġġerixxu mezz għall-kejl tal-prestazzjoni tal-EMCS
fil-futur. Hemm livell għoli ta’ ftehim bejn il-partijiet interessati dwar
kejl fil-futur. Żmien meħud biex
jingħalqu l-movimenti; Żmien meħud biex tingħata
tweġiba għat-talbiet għal kooperazzjoni amministrattiva; Perċentwal ta’ movimenti bi
żbalji; Perċentwal ta’ movimenti ta’
esportazzjoni li jkollhom bżonn jingħalqu manwalment; Tnaqqis miżurabbli fil-piż
amministrattiv/titjib fil-ġbir tad-dħul. Il-kejl deskritt fil-punti 1 sa 3 hawn fuq
jista' fil-prinċipju jinkiseb awtomatikament. Il-punti 4 u 5
jeħtieġu aktar investigazzjoni sabiex jiġi stabbilit
l-aħjar mezz biex tinġabar din l-informazzjoni. Il-Kummissjoni qed tipprepara Regolament ta'
Implimentazzjoni li jikkonċerna l-istatistika abbażi
tal-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (EU) Nru 389/2012 u se
tqis dawn ir-rakkomandazzjonijiet fit-tfassil tar-Regolament ta'
Implimentazzjoni u fir-reviżjoni tal-funzjonament tal-komponent EMCS
CS/MISE[2].
4.
Il-verżjoni stampata tad-dokument elettroniku
ta' amministrazzjoni jew dokument kummerċjali ieħor u
arranġamenti ta' riżerva (l-Artikolu 45 (1) tad-Direttiva
tal-Kunsill 2008/118/KE)
Dan il-kapitolu tar-rapport tħejja
abbażi tal-Artikolu 45 (1) tad-Direttiva
tal-Kunsill 2008/118/KE, li jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi rapport
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Proċeduri ta’ Riżerva
EMCS , li huma koperti mill-Artikoli 26 u 27 tad-Direttiva, u l-kopja
stampata tad-dokument li jakkumpanja previst skont l-Artikolu 21(6)
tad-Direttiva. Sabiex jinbena dan ir-rapport il-Kummissjoni wettqet
sondaġġ indirizzat lill-Istati Membri u lir-rappreżentanti ta’
negozjanti sabiex jgħin fl-evalwazzjoni, l-effikaċja u l-utilità ta’
dawn l-arranġamenti. Tpoġġew ukoll xi mistoqsijiet dwar l-EMCS
b’mod ġenerali biex tiġi provvduta orjentazzjoni għal aktar
riċerka. Il-kwestjonarju rċieva total ta' 104 tweġibiet u
żewġ kampjuni differenti setgħu jiġu identifikati,
il-kampjun tal-Istati Membri u l-kampjun tan-negozjanti. It-tweġibiet għall-kwestjonarju joffru
informazzjoni utli rigward il-proċedura ta’ riżerva attwali u
kwistjonijiet possibbli mal-kopja stampata tad-dokument li jakkumpanja.
Il-maġġoranza kbira tal-kampjuni tal-Istati Membri u l-kampjuni
tan-negozjanti kienet sodisfatta bil-proċedura tar-riżerva kif inhi
bħalissa. Madankollu, il-maġġoranza taż-żewġ
kampjuni esprimiet il-ħtieġa għal dokument ta’ riżerva
standardizzat għall-Istati Membri kollha bi preżentazzjoni fissa.
Il-maġġoranza tal-Istati Membri ħassew li mudell standard li
jinkludi biss id-dejta essenzjali jnaqqas il-bżonn li jinbidlu d-dokumenti
ta’ riżerva kull darba li jkun hemm verżjoni ġdida tal-EMCS.
It-tnaqqis fil-ħtieġa li wieħed jirrikorri
għall-proċedura ta’ riżerva billi jiġu investigati modi
għal-titjib fid-disponibbiltà ta’ aċċess nazzjonali
għall-EMCS huwa wkoll prijorità għal xi wħud min-negozjanti li
wieġbu. Rigward il-kopja stampata tad-dokument ta’
akkumpanjament elettroniku (electronic Administrative Document - e-AD)
50 % tal-Istati Membri ħasbu li ż-żieda ta’ barcode li jkun
fih il-kodiċi ta' referenza amministrattiv tad-dokument tkun utli.
Kważi 40 % tal-kampjun tal-Istati Membri u l-kampjun tan-negozjanti
jesprimi l-ħtieġa għal dokument standardizzat. Jista' jitfassal
mudell standardizzat, li għandu jinkludi barcode. Dan jgħin
fir-rikonoxximent tal-kopja stampata u jgħin biex jissolvew il-problemi
lingwistiċi li jkun hemm meta l-materjal ikun stampat fl-ilsna
uffiċjali kollha. Madankollu, min wieġeb wera prijorità ogħla
fuq xogħol rigward ir- riżerva hekk kif maġġoranza kbira
taż-żewġ kampjuni indikat ħtieġa għal dokument
ta' riżerva standardizzat. Bi tweġiba għall-mistoqsijiet
ġenerali dwar l-EMCS maġġoranza kbira kemm tal-kampjun
tal-Istati Membri u l-kampjun tan-negozjanti tiddikjara li l-esperjenza
operazzjonali tagħha mal-EMCS hija bejn tajba u eċċellenti. Biex
titjieb is-sistema dawk li wieġbu jissuġġerixxu azzjonijiet
bħal pereżempju l-possibbiltà li d-dejta tiġi kkoreġuta
fl-(e-AD) wara l-validazzjoni u l-aġġornament aktar malajr tad-dejta
fil-bażi tad-dejta SEED ( reġistru distribwit ta' negozjanti
awtorizzati biex iġorru l-merkanzija taħt l-EMCS), sabiex
tinżamm aġġornata. L-investigazzjoni tal-problemi bl-EMCS
fil-proċedura tal-esportazzjoni hija wkoll ta’ importanza kbira. Se
titwettaq aktar riċerka dwar ir-rispons li jasal permezz tal-kwestjonarju
sabiex jiġu pperfezzjonati s-sondaġġi li jmiss dwar il-metodi u
l-kriterji ghal evalwazzjonijiet futuri tal-EMCS u fuq l-implimentazzjoni
tad-Direttiva 2008/118/KE b'mod ġenerali. Il-Kummissjoni tirrakkomanda: ·
L-iżvilupp ta’ mudelli standardizzati
għal dokumenti ta’ riżerva għall-Istati Membri kollha bi tqassim
fiss. ·
L-investigazzjoni għal titjib
fid-disponibbiltà ta' sistemi nazzjonali EMCS sabiex jiġi evitat
il-bżonn li tintuża l-proċedura ta’ riżerva. ·
Għall-kopja stampata tal-e-AD jistgħu
jiġu proposti mudelli standardizzati. Dan għandu jgħin biex
jonqsu d-diffikultajiet lingwistiċi. Il-mudell jista' jkun ibbażat
fuq dokumenti kummerċjali standard, bħalma huwa s-CMR (Consignment
Note for Road Transport) Dokument ta' Akkumpanjament għat-Trasport
fit-Triq. Dan għandu jiġi introdott fuq bażi volontarja fi
proġett pilota. ·
In-numru ARC[3]
li jidentifika kull moviment b’mod uniku, għandu jkun riprodott bħala
barcode fuq il-kopja stampata, sabiex tingħata għajnuna
lill-kontrolli tat-triq, u biex in-negozjanti jiġu assistiti
fl-identifikazzjoni tal-konsenji. Il-Kummissjoni, fejn japplika, se tinkorpora
r-rakkomandazzjonijiet t'hawn fuq fl-emenda li jmiss tar-Regolament
tal-Kummissjoni Nru 684/2009 li jispecifika l-kontenut
tal-messaġġi elettroniċi EMCS u l-istruttura tad-dokumenti
tar-riżerva.
5.
Riżultati tal-konsultazzjoni dwar
l-arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji
tas-sisa
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012
daħal fis-seħħ f'Lulju 2012 biex jieħu post
ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2073/2004. Ir-Regolament il-ġdid
jiċċara u jarmonizza arranġamenti għar-reġistrazzjoni
ta' operaturi ekonomiċi, skambju ta’ informazzjoni, il-produzzjoni ta’
statistika operazzjonali u d-dmir tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri biex
iżommu u jiżviluppaw l-EMCS. L-ewwel rapport dwar il-funzjonament
tar-Regolament huwa dovut fl-2017, iżda kien meqjus utli li jinġabru
l-ewwel reazzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-użu tar-Regolament,
partikolarment fil-kuntest tal-EMCS, peress li r-Regolament jordna l-użu
tal-EMCS f’kull ċirkostanzi normali. S’issa, ir-Regolament il-ġdid ma wassalx
għal bidliet kbar fil-mod kif l-Istati Membri jikkooperaw ma’ xulxin. Dan
minkejja ż-żieda fir-responsabbiltajiet tar-rwol
tal-Uffiċċju Ċentrali ta’ Kollegament tas-Sisa. Is-sostituzzjoni ta’ formoli elettroniċi
permezz tal-Fażi 3 tal-EMCS (sa minn Jannar 2012) kienet
suċċess kbir u hija meqjusa bħala titjib mill-biċċa
l-kbira tal-Istati Membri. Madankollu, il-kontenut attwali u l-fluss
tax-xogħol għandhom jiġu riveduti sabiex wieħed jara jekk
huwiex possibbli titjib li jissodisfa l-ħtiġijiet kummerċjali
espressi . L-Istati Membri jixtiequ jaraw l-iżvilupp ta’
messaġġ ta’ reazzjoni fl-EMCS, flimkien ma’ dispożizzjoni
fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni xieraq, li jkun jippermetti lill-Istati
Membri rikjedenti biex jinfurmaw, lill-Istati Membri mitluba dwar azzjonijiet
sussegwenti li ħadu abbażi tal-informazzjoni riċevuta. Xi Stati Membri kkritikaw l-arranġamenti ta'
riżerva attwali tal-EMCS. Iċ-ċirkolazzjoni ta' dokumenti mhux
neċessarjament tinvolvi l-Istati Membri u hija meqjusa li tagħti
opportunitajiet għal frodi. Dawn l-Istati Membri jixtiequ jaraw
iċ-ċirkolazzjoni ta’ dokumenti tgħaddi mill-Istati Membri
kkonċernati, b'korrispondenza mal-fluss tal-e-AD. Xi Stati Membri jixtiequ jaraw messaġġ
ġdid li jippermetti t-trasferiment ta’ informazzjoni fejn l-operatur
ekonomiku li qed jiġi vverifikat ma jkunx f’pożizzjoni li
jipproduċi dokumentazzjoni għall-oġġetti tas-sisa
preżenti. Xi Stati Membri rrapportaw li parti mit-talbiet
għal kooperazzjoni amministrattiva ma jitweġbux fil-limitu ta’
żmien ta' xahar jew tliet xhur , jew saħansitra ma jitweġbux.
Fattur kontributorju jista’ jkun li l-EMCS ma tappoġġjax
il-possibbiltà permessa mir-Regolament (UE) 389/2012 li tirrifjuta talba
għal kooperazzjoni amministrattiva, jew li tipprovdi ġustifikazzjoni
għal dan ir-rifjut, għalkemm huwa possibbli li wieħed jirrifjuta
talba minħabba l-passat ta’ xi moviment EMCS. Xi wħud mill-Istati
Membri ssuġġerew ukoll li s-sistema għandha mnejn
tissaħħaħ biex tkun tista' tappoġġja risposti mhux
kompluti għat-talbiet. SEED hija meqjusa li taħdem tajjeb u hija
l-aktar affidabbli u aġġornata. Huwa mistenni li jkun hemm iktar
titjib mad-daħla fis-seħħ tar-rekwiżiti tal-livell
tas-servizz fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE)
Nru 612/2013. Appoġġ aħjar
għall-analiżi tar-riskju għandu jiġi inkorporat fl-EMCS
fil-ġejjieni. Dawn il-kunsiderazzjonijiet se jiġu meqjusa
mill-Kummissjoni fix-xogħol ġuridiku u tekniku tagħha
fil-ġejjieni.
6.
Konklużjoni ġenerali u mixja 'l quddiem
Is-sondaġġi mnedija mill-Kummissjoni
dwar il-funzjonament tar-regoli orizzontali ewlenin rigward il-funzjonament
tal-arranġamenti għal superviżjoni kompjuterizzata tal-movimenti
tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju u l-applikazzjoni tar-regoli dwar
il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa juri
biċ-ċar li r-regoli attwali qed jaħdmu b’mod sodisfaċenti.
Madankollu, waslu għadd ta’ suġġerimenti utli għal titjib,
partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mar-rabta tal-EMCS ma’
applikazzjonijiet doganali, iżjed standardizzazzjoni ta’ dokumenti ta’
riżerva, u suġġerimenti speċifiċi għal xi
funzjonalitajiet EMCS. Il-Kummissjoni beħsiebha tqis dawn mal-Istati Membri
f’xogħol tekniku rilevanti, u fejn xieraq tinkludi atti ta’
implimentazzjoni. Abbażi ta' evalwazzjoni aktar komprensiva
tas-sistema tas-sisa tal-UE u partikolarment tal-EMCS b'mod sħiħ u
l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/118/KE fl-intier tagħha se
titwettaq bil-ħsieb li jkun hemm inizjattiva għal riforma
leġiżlattiva possibbli sa mill-2015. [1] http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/excise_duties/circulation_control/index_en.htm [2] Dan
il-komponent EMCS huwa responsabbli għall-estrazzjoni ta' dejta operattiva
u għall-ġenerazzjoni ta' rapporti statistiċi u għalhekk se
jipprovdi l-maġġoranza tal-informazzjoni għar-rappurtar dwar
il-prestazzjoni. [3] Kodiċi
ta’ Referenza Amministrattiv – ,ara wkoll : http://ec.europa.eu/taxation_customs/common/faq/faq_2898_en.htm għal aktar dettalji u spjegazzjonijiet