52013DC0843

ANNESS Rapport Konġunt mill-Kummissjoni u d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti rigward il-valur tad-Dejta Pprovduta tat-TFTP skont l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Dejta dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar is-Segwiment tal-Finanzjament tat-Terroriżmu /* COM/2013/0843 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar ir-Rapport Konġunt mill-Kummissjoni u mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti rigward il-valur tad-Dejta Pprovduta mit-TFTP, skont l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Dejta dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżm

Bażi ġudirika

F'konformità mal-Artikolu 6(6) tal-Ftehim Bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-Ipproċessar u t-Trasferiment ta’ Dejta dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-Finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (il-"Ftehim"), il-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti ħejjew ir-rapport konġunt rigward il-valur tad-Dejta Pprovduta mill-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu - TFTP (ir-"Rapport Konġunt"), "b'enfażi partikolari fuq il-valur tad-dejta miżmuma għal diversi snin u fuq l-informazzjoni rilevanti akkwistata mir-rieżami konġunt li jkun sar skont l-Artikolu 13."

Aspetti proċedurali

Il-modalitajiet ta' dan ir-Rapport ġew determinati b'mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, f'konformità mal-Artikolu 6(6) tal-Ftehim.

F'Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti taw bidu għal diskussjonijiet dwar il-modalitajiet, il-mandat u l-metodoloġija għar-rapport. Fil-25 ta’ Frar 2013, it-timijiet ta’ valutazzjoni tal-UE u tal-Istati Uniti ltaqgħu f’Washington, D.C. biex jiddiskutu dwar it-tħejjija tar-Rapport, u fl-14 ta’ Mejju 2013 sejħu t-tieni laqgħa tagħhom fil-binja tal-Europol li tinsab fl-Aja.  Matul il-laqgħa fl-Aja, it-timijiet tal-UE u tal-Istati Uniti ltaqgħu wkoll mar-rappreżentanti tal-Europol biex jiddiskutu dwar il-kontribut inizjali min-naħa tal-partijiet kollha u dwar il-passi li jmiss.

Min-naħa tal-UE, fit-13 ta’ Mejju 2013 il-Kummissjoni Ewropea organizzat laqgħa klassifikata mar-rappreżentanti tal-Istati Membri. L-Istati Membri u l-Europol ipprovdew kontributi bil-miktub, li ġew ikkunsidrati u li saret riflessjoni dwarhom waqt li kien qed jitħejja dan ir-Rapport.  Għal dan il-għan, l-Europol ħareġ kwestjonarju indirizzat lill-Istati Membri kollha kkonċernati sabiex jiġbor l-informazzjoni rilevanti għall-kontribut tiegħu għal dan ir-Rapport.  Il-kwestjonarju kellu l-għan li jikseb il-perspettiva attwali dwar il-valur miżjud tad-Dejta Pprovduta mit-TFTP, fir-rigward ta' każijiet speċifiċi investigati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rilevanti.

Bejn l-1 ta’ Frar u l-24 ta’ Mejju 2013, it-tim ta’ valutazzjoni tal-Istati Uniti intervista lill-investigaturi li jiġġieldu kontra t-terroriżmu f’diversi aġenziji, eżamina mill-ġdid il-każijiet kontra t-terroriżmu fejn intuża t-TFTP u analizza aktar minn 1 000 rapport tat-TFTP sabiex jivvaluta l-valur tal-informazzjoni miksuba permezz tat-TFTP. 

Il-kamp ta’ applikazzjoni

Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, l-Europol u l-Istati Membri pprovdew l-informazzjoni għar-Rapport.  Ir-Rapport jiffoka fuq kif intużat id-Dejta Pprovduta mit-TFTP u kemm din id-dejta kienet ta' valur għall-investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu fl-Istati Uniti u fl-UE. Ir-Rapport jinkludi diversi eżempji konkreti fejn id-dejta mit-TFTP, inkluża d-dejta miżmuma għal tliet snin jew aktar, kienet ta’ valur għall-investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu, fl-Istati Uniti u fl-UE, sa minn meta daħal fis-seħħ il-Ftehim fl-1 ta’ Awwissu 2010 u anke qabel.  Flimkien ma’ dan ir-Rapport, ġew ippreżentati eżempji oħra li jindikaw l-utilità u l-valur tad-dejta mit-TFTP fil-kuntest taż-żewġ rieżamijiet konġunti li saru fi Frar 2011 u f’Ottubru 2012, skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim.  B'mod globali, dawn il-ġabriet ta' informazzjoni fattwali u konkreta jikkostitwixxu pass konsiderevoli ‘l quddiem biex jiġi spjegat ulterjorment it-tħaddim tat-TFTP u l-valur miżjud tiegħu. 

Ir-Rapport jiddeskrivi wkoll il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-perjodi ta' żamma ta' dejta mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, u t-tneħħija tad-dejta li ma tkunx ġiet estratta.

Ir-Rapport juri li d-Dejta Pprovduta mit-TFTP, inkluża d-dejta miżmuma għal diversi snin, kienet qed tkun ta' valur importanti ħafna għall-isforzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-Istati Uniti, fl-Ewropa, u fi bnadi oħra.

Permezz ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed titrasferixxi r-Rapport Konġunt bħala Anness lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

ANNESS

Rapport Konġunt mill-Kummissjoni u d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti rigward il-valur tad-Dejta Pprovduta tat-TFTP skont l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Dejta dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar is-Segwiment tal-Finanzjament tat-Terroriżmu

għall-

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

dwar ir-Rapport Konġunt mill-Kummissjoni u d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti rigward il-valur tad-Dejta Pprovduta tat-TFTP skont l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Dejta dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar is-Segwiment tal-Finanzjament tat-Terroriżmu

Sommarju eżekuttiv

Skont l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-Ipproċessar u t-Trasferiment ta’ Dejta dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-Finijiet tal-Programm dwar is-Segwiment tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (il-Ftehim), il-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti ppreparaw dan ir-rapport konġunt rigward il-valur tad-Dejta Pprovduta għall-Programm ta' Segwiment tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP), "b’enfasi partikolari fuq il-valur tad-dejta miżmuma għal snin multipli u informazzjoni rilevanti miksuba minn rieżami konġunt li sar skont l-Artikolu 13."

L-informazzjoni għar-Rapport ġiet ipprovduta mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, il-Europol u l-Istati Membri.  Ir-Rapport jiffoka fuq kif id-Dejta Pprovduta tat-TFTP ġiet użata u l-valur li d-dejta ġġib f'investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu fl-Istati Uniti u l-UE. Ir-Rapport jinkludi diversi eżempji konkreti fejn id-dejta tat-TFTP, inkluż id-dejta miżmuma għal tliet snin jew aktar, kienet ta’ valur f’investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu, fl-Istati Uniti u l-UE, qabel ma’ u minn meta l-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2010.  Flimkien ma’ dan ir-rapport, eżempji oħra tal-utilità u l-valur tad-dejta tat-TFTP ġiet ippreżentata fil-kuntest taż-żewġ rieżamijiet konġunti li saru fi Frar 2011 u f’Ottubru 2012, skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim.  Fl-intier tagħhom, dawn is-settijiet ta’ informazzjoni fattwali u konkreti jikkostitwixxu pass konsiderevoli ‘l quddiem li jispjegaw iktar il-funzjonament u l-valur miżjud tat-TFTP. 

Ir-Rapport jiddeskrivi wkoll il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-perjodi taż-żamma mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti u t-tħassir ta' dejta mhux estratta.

Ir-Rapport juri li d-Dejta Pprovduta tat-TFTP, inkluż id-dejta miżmuma għal diversi snin, bdiet tagħti valur importanti ħafna lill-isforzi kontra t-terroriżmu fl-Istati Uniti, l-Ewropa, u bnadi oħra.

2. Sfond

It-TFTP twaqqfet mid-Dipartiment tat-Tezor tal-Istati Uniti ftit wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru 2001 meta dan beda joħroġ ordnijiet ta' produzzjoni vinkolanti lil fornitur ta' servizzi ta' messaġġi dwar pagamenti finanzjarji għal dejta ta' messaġġi dwar pagamenti finanzjarji maħżuna l-Istati Uniti li jintużaw esklussivament għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu.  Sal-aħħar tal-2009, il-fornitur kien jaħżen il-messaġġi finanzjarji rilevanti kollha fuq żewġ servers identiċi, li jinsabu fl-Ewropa u l-Istati Uniti.  Fl-1 ta’ Jannar 2010, il-fornitur implimenta l-arkitettura ġdida tiegħu għall-messaġġi, li tikkonsisti f’żewġ żoni tal-ipproċessar – żona waħda fl-Istati Uniti u l-oħra fl-Unjoni Ewropea.  Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tat-TFTP taħt dawn il-kundizzjonijiet il-ġodda, ftehim ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar din il-kwistjoni ġie kkunsidrat neċessarju.  Wara li verżjoni inizjali tal-Ftehim ma rċevietx il-kunsens tal-Parlament Ewropew, ġiet innegozjata verżjoni riveduta u ntlaħaq ftehim dwarha fis-sajf tal-2010.  Il-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu għall-Ftehim fit-8 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill approvaha fit-13 ta’ Lulju 2010, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2010.

Il-Ftehim jagħti rwol importanti lill-Europol, li hija responsabbli biex tirċievi kopja tat-talbiet tad-dejta, flimkien ma’ kwalunkwe dokumentazzjoni supplimentari, u biex tivverifika li dawn it-talbiet  tal-Istati Uniti għad-dejta jikkonformaw ma’ ċerti kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 4 tal-Ftehim, inkluż li għandhom jitfasslu b'attenzjoni kbira biex kemm jista' jkun jitnaqqas il-volum ta’ dejta mitluba.  Ladarba l-Europol tikkonferma li t-talba hija konformi mal-kondizzjonijiet iddikjarati, il-fornitur tad-dejta jkun awtorizzat u obbligat li jipprovdi d-dejta lid-Dipartiment tat-Tezor tal-Istati Uniti.  Il-Europol ma għandhiex aċċess dirett għad-dejta sottomessa mill-fornitur tad-dejta lid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti u ma tagħmilx tiftix fuq id-dejta tat-TFTP.

Il-Ftehim jistipula li t-tiftix fit-TFTP għandu jiġi mfassal b’attenzjoni kbira u jkun ibbażat fuq informazzjoni jew evidenza li tkun diġà teżisti li tagħti raġuni biex wieħed jemmen li s-suġġett ta’ tfittxija jkollu kuntatt mat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu. Skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim it-tiftix fit-TFTP huma mmonitorjati minn sorveljanti indipendenti bil-kapaċità li jsaqsu dwar u li jwaqqfu tiftix wiesa' żżejjed jew kwalunkwe tiftix ieħor li ma jissodisfax is-salvagwardji stretti u l-kontrolli tal-Artikolu 5 tal-Ftehim.

L-Artikolu 13 tal-Ftehim jipprovdi rieżamijiet konġunti regolari ta' salvagwardji, kontrolli, u dispożizzjonijiet ta' reċiproċità li jiġu kondotti minn timijiet ta' rieżami mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, inkluż il-Kummissjoni Ewropea, id-Dipartiment tat-Tezor tal-Istati Uniti, u rappreżentanti ta' żewġ awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta minn Stati Membri tal-UE, u jistgħu jinkludu wkoll esperti ta' sigurtà u ta' protezzjoni tad-dejta u individwi b'esperjenza ġudizzjarja.  Diġà twettqu żewġ rieżamijiet konġunti, bit-tielet rieżami konġunt previst għall-2014.  Kull wieħed mir-riezamijiet konġunti eżamina każijiet fejn informazzjoni ġejja mit-TFTP ġiet użata għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-segwiment, jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu. 

Matul l-ewwel rieżami konġunt kondott fi Frar 2011 id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti pprovda għadd ta' eżempji (kklassifikati) ta' każijiet prominenti ta' terroriżmu fejn kienet intużat informazzjoni li ġejja mit-TFTP.  L-ewwel rapport tar-rieżami konġunt jirrikonoxxi l-valur tat-TFTP u jiddikjara li “numru ta’ indikazzjonijiet ipprovduti mill-bidu tal-programm u mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim jindikaw li għad hemm benefiċċju għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu madwar id-dinja, b’enfasi partikolari fuq l-Istati Uniti u l-UE.”[1]

Matul it-tieni rieżami konġunt tal-Ftehim, kondott f'Ottubru 2012, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti pprovda anness li fih 15-il eżempju konkret ta' investigazzjonijiet speċifiċi li fihom id-dejta TFTP kienet kruċjali fl-investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu.[2]  Ir-Rapport tat-tieni rieżami konġunt jikkonkludi li “l-Europol u l-Istati Membri saru aktar u aktar konxji tal-valur tad-dejta tat-TFTP għall-kompitu tagħhom li jiġġieldu u jipprevjenu t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu fl-UE”[3] u, permezz tal-użu ta’ arranġamenti ta’ reċiproċità, qegħdin “dejjem aktar jibbenefikaw minn dan.”[4]

L-Artikolu 6(6) tal-Ftehim jitlob li l-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jippreparaw rapport konġunt rigward il-valur tad-Dejta Pprovduta tat-TFTP fi tliet snin mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, b'enfasi partikolari fuq il-valur tad-dejta miżmuma għal diversi snin u informazzjoni rilevanti miksuba mir-rieżami konġunt kondott skont l-Artikolu 13. 

3. Aspetti proċedurali

Il-modalitajiet ta' dan ir-Rapport ġew determinati mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, skont l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim.

Il-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti bdew id-diskussjonijiet fuq il-modalitajiet, il-mandat u l-metodoloġija għar-rapport f'Diċembru 2012.  Fil-25 ta’ Frar 2013 l-UE u t-timijiet ta’ valutazzjoni tal-Istati Uniti ltaqgħu f’Washington, D.C. sabiex jiddiskutu t-tħejjija tar-Rapport u sejħu t-tieni laqgħa fil-bini tal-Europol fl-Aja fl-14 ta’ Mejju 2013.  Waqt il-laqgħa fl-Aja, l-UE u timijiet tal-Istati Uniti ltaqgħu wkoll ma’ rappreżentanti tal-Europol biex jiddiskutu l-kontribut inizjali mill-Partijiet kollha u l-passi li jmiss.

Min-naħa tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea organizzat laqgħa kklassifikata ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri fit-13 ta’ Mejju 2013.  L-Istati Membri u l-Europol ipprovdew kontribuzzjonijiet bil-miktub, li ġew ikkunsidrati u li saret riflessjoni fuqhom fit-tħejjija ta’ dan ir-Rapport.  Għal dan l-għan, il-Europol ħarġet kwestjonarju lill-Istati Membri kollha kkonċernati sabiex tiġbor l-informazzjoni rilevanti għall-kontribut tagħha għal dan ir-Rapport.  Il-kwestjonarju kien immirat lejn il-kisba ta’ ħarsa ġenerali attwali lejn il-valur miżjud tad-Dejta Pprovduta tat-TFTP, fir-rigward ta’ każijiet speċifiċi rilevanti investigati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rilevanti.

Bejn l-1 ta’ Frar u l-24 ta’ Mejju 2013, it-tim ta’ valutazzjoni tal-Istati Uniti intervista investigaturi kontra t-terroriżmu f’varjetà ta’ aġenziji, għamel rieżami ta' każijiet kontra t-terroriżmu fejn intuża t-TFTP , u analizza iktar minn 1,000 rapport tat-TFTP biex jivvaluta l-valur tal-informazzjoni miksuba mit-TFTP. 

L-eżempji diskussi f’dan ir-rapport huma meħuda minn investigazzjonijiet sensittivi ħafna li bħalissa jista' jkun li għadhom għaddejjin.  Għalhekk, xi informazzjoni ġiet imnaddfa biex tipproteġi dawn l-investigazzjonijiet.

4. Il-valur tad-Dejta Pprovduta tat-TFTP

Sa mill-bidu tat-TFTP fl-2001, dan ipproduċa għexieren ta’ eluf ta’ indikazzjonijiet u aktar minn 3,000 rapport (li fihom diversi indikazzjonijiet TFTP) kontra l-awtoritajiet tat-terroriżmu madwar id-dinja, inkluż iktar minn 2,100 rapport lill-awtoritajiet Ewropej.[5]

It-TFTP intuża biex jiġu investigati ħafna mill-aktar attakki u komplotti terroristiċi sinifikanti ta’ dawn l-aħħar għaxar snin, inkluż:

Matul il-perjodu wara l-konklużjoni tal-Ftehim:

· l-ibbumbardjar tal-Maratona ta' Boston f'April 2013;

it-theddid fir-rigward tal-Logħob Olimpiku tas-Sajf ta' Londra fl-2012; il-Komplott tal-2011 biex jinqatel l-Ambaxxatur tal-Arabja Sawdija għall-Istati Uniti; l-attakki ta’ Lulju 2011 fin-Norveġja mwettqa minn Anders Breivik; u l-ibbumbardjar bil-karozzi f'Jum l-Indipendenza Niġerjana ta’ Ottubru 2010.

Qabel intlaħqet konklużjoni għall-Ftehim:

l-attakk ta’ Lulju 2010 kontra ammiraturi waqt li kienu qed isegwu partita tat-Tazza Dinjija f’Kampala, l-Uganda; l-attakki f'lukanda f'Jakarta f'Lulju 2009; L-għadd ta' operazzjonijiet ta' ħtif u teħid ta' ostaġġi kondotti minn al-Shabaab – inkluż is-serq tal-bastiment Belġjan MV Pompei f'April 2009; l-attakki f'Mumbaj ta’ Novembru 2008; il-komplott ta' Settembru 2007 tal-Unjoni Iżlamika tal-Jihad li tattakka postijiet fil-Ġermanja; il-komplott tal-2007 ta' attakk fuq l-ajruport John F. Kennedy ta' New York; il-komplott tal-2006 b’bomba likwida kontra inġenju tal-ajru transatlantiku; l-ibbumbardjar ta’ Lulju 2005 f’Londra; il-qtil relatat mat-terroriżmu ta' Van Gogh ta' Novembru 2005; l-ibbumbardjar ta' Marzu 2004 f'ferrovija f'Madrid; u l-ibbumbardjar ta' Ottubru 2002 f'Bali.

It-timijiet ta' valutazzjoni tal-UE u tal-Istati Uniti semgħu mill-Europol u mid-Dipartiment tat-Tezor tal-Istati Uniti, kif ukoll minn awtoritajiet oħra, dwar il-valur tat-TFTP.  L-investigaturi kontra t-terroriżmu nnutaw li t-TFTP fih informazzjoni unika u preċiża ħafna li hija ta’ valur sinifikanti sabiex jiġu segwiti u identifikati netwerks ta’ appoġġ terroristiċi u biex jiġu identifikati metodi ġodda ta’ finanzjament tat-terroriżmu.  F’każijiet fejn ftit huwa magħruf dwar suspettat terroristiku iktar mill-isem tal-individwu jew in-numru tal-kont bankarju, l-informazzjoni miksuba mit-TFTP tista' tiżvela biċċiet ta’ informazzjoni kritika, inkluż il-lokalitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji, u l-assoċjati.  Il-valur uniku tat-TFTP tinsab fl-eżattezza tal-informazzjoni bankarja, peress li l-individwi kkonċernati għandhom interess ċar li jipprovdu informazzjoni preċiża sabiex jiżguraw li l-flus jaslu fid-destinazzjoni tagħhom.

Ħafna mill-investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu jistrieħu fuq il-ġbir, l-iskambju, u l-analiżi ta’ kwantitajiet sinifikanti ta’ informazzjoni minn diversi sorsi.  Abbażi tal-esperjenza tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri f’għadd kbir ta’ investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu, u l-kompetenza ġenerali fi kwistjonijiet li jirrelataw mat-terroriżmu u l-intelliġenza finanzjarja, jitqiegħed valur kbir ħafna fuq id-dejta tat-TFTP bħala strument uniku li jipprovdi informazzjoni f’waqtha, preċiża, u affidabbli dwar attivitajiet assoċjati ma’ atti ssuspettati ta’ finanzjament u ppjanar tat-terroriżmu.

Investigaturi kontra t-terroriżmu tal-Istati Uniti minn varjetà ta’ aġenziji li jibbenefikaw minn informazzjoni miksuba mit-TFTP pprovduta skont il-Ftehim ġew intervistati biex jiġi ddeterminat il-valur tal-programm għall-investigazzjonijiet tagħhom.  L-investigaturi mistħarrġa qablu li t-TFTP jipprovdi informazzjoni ta' valur li tista’ tintuża biex jiġu identifikati u segwiti t-terroristi u n-netwerks ta’ appoġġ tagħhom.  Barra minn hekk, huma nnutaw li t-TFTP tipprovdi għarfien ewlieni dwar in-netwerks ta' appoġġ finanzjarju ta’ wħud mill-organizzazzjonijiet terroristiċi l-aktar perikolużi fid-dinja, inkluż Al-Qaida, Al-Qaida fl-Artijiet tal-Magreb Iżlamiku (AQIM), Al-Qaida fil-Peniżola Għarbija (AQAP), Al Shabaab, l-Unjoni Iżlamika tal-Jihad (IJU), il-Moviment Iżlamiku tal-Uzbekistan (IMU), u l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika tal-Iran - Forza Qods (IRGC-QF).  L-investigaturi osservaw li informazzjoni miksuba mit-TFTP tippermettilhom jidentifikaw flussi ġodda ta’ appoġġ finanzjarju u assoċjati mhux magħrufa qabel, jorbtu entitajiet u psewdonimi tal-faċċata ma’ organizzazzjonijiet terroristiċi, jevalwaw/jikkorroboraw intelliġenza eżistenti, u jipprovdu informazzjoni li tista’ tintuża biex jiġu identifikati miri ġodda għall-investigazzjoni.  Diversi investigaturi intervistati nnutaw li informazzjoni dwar tranżazzjonijiet finanzjarji miksuba mit-TFTP tippermettilhom li jimlew lakuni ta' informazzjoni u li jagħmlu konnessjonijiet li ma kinux ikunu jidhru f'sorsi oħra. 

Il-gruppi terroristiċi jiddependu fuq likwidità regolari għal varjetà ta’ raġunijiet, inkluż il-ħlas tal-aġenti tagħhom u ta' tixħim, arranġament ta’ vjaġġar, it-taħriġ u r-reklutaġġ ta’ membri, il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti, l-akkwist ta’ armi, u t-twettiq ta’ attakki.  L-investigaturi kontra t-terroriżmu jiddependu fuq diversi settijiet ta’ dejta biex jinvestigaw u jisfrattaw dawn l-operazzjonijiet.  Madankollu, jista’ jkun hemm lakuni fl-informazzjoni li jistgħu jwaqqfu l-investigaturi milli jifhmu bis-sħiħ dawn in-netwerks.  It-TFTP jipprovdi l-investigaturi b’informazzjoni ċara dwar messaġġi finanzjarji li tista' tinkludi numri ta’ kontijiet, kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-bank, ismijiet, indirizzi, ammonti ta’ tranżazzjonijiet, dati, indirizzi tal-posta elettronika, u numri tat-telefown.  Bl-użu ta' din l-informazzjoni, l-investigaturi jistgħu jidentifikaw netwerks terroristiċi ta’ appoġġ finanzjarju, inkluż l-identifikazzjoni ta' assoċjati mhux magħrufa qabel.  F’każ wieħed fl-2012, pereżempju, informazzjoni miksuba mit-TFTP sabet li terrorist suspettat magħruf kien wieħed mill-firmatarji f’kont ta’ organizzazzjoni li permezz tagħha saru bosta tranżazzjonijiet suspettużi.  Kontrolli sussegwenti tat-TFTP identifikaw ukoll il-flussi tal-flus bejn din l-organizzazzjoni u kumpanija oħra suspettata bil-forniment ta' appoġġ materjali lil entitajiet terroristiċi oħra fiż-żona ġeografika kkonċernata.

L-informazzjoni miksuba mit-TFTP tista' tintuża biex jiġu pprovduti indikazzjonijiet li jassistu fl-identifikazzjoni u l-lokalizzazzjoni ta' persuni involuti f'netwerks terroristiċi u li jagħtu prova ta’ attivitajiet finanzjarji ta’ għajnuna għal attakki terroristiċi.  Pereżempju, hu possibbli li jiġi llokalizzat individwu suspettat permezz ta’ kontroll meta u fejn is-suspettat għalaq u/jew fetaħ kont bankarju ġdid f’belt jew pajjiż għajr l-aħħar post magħruf ta’ residenza tiegħu jew tagħha.  Din hija indikazzjoni ċara li l-individwu jista' jkun li mexa.  Madankollu, anke meta individwu suspettat ma jbiddilx il-kontijiet bankarji iżda jiċċaqlaq u jkompli bl-użu tal-kont 'antik', (pereżempju permezz tal-ibbankjar elettroniku), kien possibbli li tinstab il-bidla fil-post minn, pereżempju, l-identifikazzjoni tal-ħlasijiet għal oġġetti jew servizzi speċifiċi (pereżempju għal tiswijiet jew manutenzjoni jew attivitajiet oħra li s-soltu jsiru fejn il-persuna tkun tgħix).  Bħala riżultat tal-preċiżjoni tad-dejta TFTP , anke meta s-suspettati joqogħdu attenti ħafna bit-tranżazzjonijiet tal-bank tagħhom, kien ukoll possibbli biex jiġu llokalizzati permezz tal-pagamenti u xiri ta’ assoċjati qrib tagħhom.  It-TFTP jista’ jipprovdi informazzjoni prinċipali dwar il-movimenti ta’ terroristi suspettati u n-natura tan-nefqiet tagħhom.  Anki “n-non-attività” ta’ kont bankarju wieħed jew aktar marbutin ma’ suspettat terrorist, f’termini ta’ tranżazzjonijiet, huwa indikatur utli tat-tluq possibbli ta’ individwu suspettat minn ċertu pajjiż.

Abbażi tat-TFTP, kien possibbli li tinkiseb informazzjoni dwar iċ-ċittadini u r-residenti tal-Istati Uniti u tal-UE suspettati b’terroriżmu jew bil-finanzjament tat-terroriżmu f’pajjiżi terzi fejn it-talbiet għall-assistenza legali reċiproka ma kinux imwieġba fil-ħin.  F’każ wieħed fl-2010, it-TFTP għen biex jiġi llokalizzat resident tal-UE suspettat b'reat terroristiku, li kien għeb mill-UE.  L-individwu kien fil-fatt detentur ta’ kont ġdid f'pajjiż fil-Lvant Nofsani.  Aktar investigazzjonijiet ikkonfermaw li l-individwu kien tabilħaqq qed jgħix f’dan il-pajjiż terz, u b’hekk dan ippermetta l-iffukar ta’ rizorsi investigattivi bħala appoġġ għal mandat ta' arrest internazzjonali korrispondenti.

F'każ iehor, it-TFTP kien użat għall-investigazzjoni tal-Franċiż Rachid Benomari, suspettat faċilitatur u li jiġbor il-fondi għal Al-Qaida u għal al-Shabaab. Benomari flimkien ma żewġ uffiċjali oħra ta' al-Shabaab ġew arrestati minħabba dħul illegali fil-Kenja f'Lulju 2013. Benomari u l-assoċjati tiegħu huma mfittxija fl-UE fuq ħlasijiet relatati mat-terroriżmu, u nħareġ Avviż Aħmar tal-Interpol għall-arrest ta' Benomari. L-informazzjoni miksuba mit-TFTP pprovdiet l-investigaturi bin-numru tal-kont bankarju ta' Benomari u identifikat assoċjati finanzjarji li qabel ma kinux magħrufa. It-Teżor ikkondivida din l-informazzjoni mal-Europol b’risposta għal talba skont l-Artikolu 10.

F’ħafna każijiet, l-investigaturi kontra t-terroriżmu użaw informazzjoni miksuba mit-TFTP biex jipprovdu indikazzjonijiet preċiżi u f’waqthom li mexxew investigazzjonijiet b'rabta mat-terroriżmu 'l quddiem.  Pereżempju, l-informazzjoni miksuba mit-TFTP intużat biex tgħin fl-identifikazzjoni ta' sorsi ta’ ffinanzjar użati fl-2011 fil-komplott tal-qtil tal-Ambaxxatur tal-Arabja Sawdija  għall-Istati Uniti minn Manssor Arbabsiar u l-IRGC-QF.[6] Permezz tat-TFTP, l-investigaturi kienu kapaċi jidentifikaw tranżazzjoni  ta' USD100,000 mibgħuta minn bank barrani Non-Iranjan għal bank fl-Istati Uniti, f’kont tal-individwu reklutat minn Arbabsiar biex iwettaq il-qtil.  Arbabsiar ġie arrestat, u sussegwentement iddikjara li kien ħati u ġie kkundannat għal 25 sena ħabs. 

It-TFTP assista wkoll f’investigazzjonijiet tal-Front al-Nusrah (ANF), li ġie identifikat bħala psewdonimu tal-Al-Qaida fl-Iraq mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Al-Qaida, kif ukoll mill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, li rriżulta fl-iffriżar mandatorju ordnat min-NU ta’ kwalunkwe assi tagħha madwar id-dinja.  Minn Settembru 2011, l-ANF assuma r-responsabbiltà għal aktar minn 1,100 attakk terroristiku, fejn inqatlu u ġew feruti bosta mijiet ta’ Sirjani. Skont l-informazzjoni miksuba mit-TFTP, individwu bbażat fil-Lvant li jiġbor il-fondi għall-ANF irċieva ekwivalenti ta’ aktar minn EUR 1,4 miljun mill-2012, mogħtija f’varjetà ta’ muniti minn donaturi bbażati f’mill-anqas 20 pajjiż differenti, fosthom Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, l-Isvezja, u r-Renju Unit. L-investigaturi kontra t-terroriżmu tal-Istati Uniti ikkondividew din l-informazzjoni ma’ awtoritajiet globali kontra t-terroriżmu, inkluż awtoritajiet fl-Ewropa u fil-Lvant Nofsani. F’mill-inqas każ wieħed, pajjiż terz talab tiftix addizzjonali tat-TFTP biex jgħin f'investigazzjoni li kienet għaddejja tiegħu.

It-Teżor ikompli juża t-TFTP biex jinvestiga terroristi bbażati fl-UE li kienu qed jitħarrġu fis-Sirja. Analisti tat-Teżor kontra t-terroriżmu  wettqu tiftix TFTP dwar is-suspettati terroristi Mohommod Hassin Nawaz u Hamaz Nawaz. L-aħwa Nawaz ġew arrestati f’Dover, ir-Renju Unit, mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fis-16 ta' Settembru 2013 wara li vvjaġġaw minn Calais, Franza u kienu akkużati b'reati ta' terroriżmu, inkluż li vvjaġġaw lejn kamp ta' taħriġ terroristiku fis-Sirja. Indikazzjonijiet miksuba mit-TFTP pprovdew informazzjoni dwar tranżazzjonijiet, inkluż in-numri tal-kontijiet, l-ammonti, id-dati, u assoċjati potenzjali, inkluż suspettat finanzjatur tat-terroriżmu.

Organizzazzjonijiet terroristiċi jużaw diversi metodi biex jiffinanzjaw l-operat tagħhom.  Dawn il-metodi jistgħu jinkludu l-ħasil tal-flus, it-traffikar tan-narkotiċi, serq, u l-użu ta’ organizzazzjonijiet faċċata biex jiġbru l-fondi.  Informazzjoni miksuba mit-TFTP tista' tgħin lil investigaturi ta' kontra t-terroriżmu fl-identifikazzjoni tal-mezzi użati mit-terroristi u s-sostenituri tagħhom biex jiffinanzjaw l-operat tagħhom.  Organizzazzjonijiet terroristiċi spiss jużaw kumpaniji faċċata biex jistabilixxu preżenza ta' negozju leġittimu sabiex ikunu jistgħu jaħarbu s-sanzjonijiet u jagħmlu użu mis-sistema finanzjarja globali.  Informazzjoni miksuba mit-TFTP fiha informazzjoni fundamentali – inkluż ismijiet, kodiċi ta' identifikazzjoni tal-banek, ammonti ta' tranżazzjonijiet, u dati – li jistgħu jintużaw biex jorbtu organizzazzjonijiet faċċata ma' gruppi terroristiċi.  Id-dettalji ta’ tranżazzjoni bejn suspettata kumpanija faċċata u terrorist magħruf jista’ jkun fihom l-informazzjoni li l-investigaturi jkollhom bżonn biex ikun ikkonfermat li organizzazzjoni allegatament leġittima qed tiġbor il-fondi f'isem organizzazzjoni terroristika.  Barra minn hekk, informazzjoni miksuba mit-TFTP tista' tidentifika organizzazzjonijiet faċċata mhux magħrufa u individwi li jmexxu dawk l-organizzazzjonijiet li huma marbuta ma’ gruppi terroristiċi.  It-TFTP intużat biex tipprovvdi indikazzjonijiet għall-investigazzjoni tal-fergħa, illum mhux operattiva, tal-Istati Uniti tas-Soċjetà tal-Karità għas-Sigurtà Soċjali mwaqqfa mit-Terrorist Globali Speċjalment Ikklassifikat[7] Abd-al-Majid Al-Zindani.  L-uffiċjal tal-AQAP, illum mejjet, Anwar al-Aulaqi serva bħala Viċi President tal-organizzazzjoni.  L-organizzazzjoni tal-karità ġiet deskritta minn prosekuturi federali tal-Istati Uniti bħala organizzazzjoni faċċata li tintuża biex tappoġġja l-Al-Qaida u lil Usama Bin Ladin. L-informazzjoni miksuba mit-TFTP wriet tranżazzjonijiet u assoċjati marbuta ma’ din l-organizzazzjoni.

Informazzjoni miksuba mit-TFTP kkontribwixxiet ukoll fl-investigazzjoni tal-Bank Saderat tal-Iran għall-appoġġ tiegħu għat-terroriżmu.  Il-Bank Saderat ġie identifikat għal attivitajiet illeċiti tiegħu, li rriżulta fl-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, fost ġuriżdizzjonijiet oħra.  Il-Bank Saderat, li kellu madwar 3,200 fergħa, intuża mill-Gvern tal-Iran biex jgħaddi fondi lill-Hizballah u l-Ħamas fost oħrajn.  Mill-2001 sal-2006, il-Bank Saderat ittrasferixxa USD50 miljun mill-Bank Ċentrali tal-Iran permezz tal-kumpanija sussidjarja tiegħu f’Londra lill-fergħa tiegħu f’Bejrut għall-benefiċċju tal-organizzazzjonijiet faċċata ta' Hizballah fil-Libanu li jappoġġjaw atti ta’ vjolenza. L-informazzjoni miksuba mit-TFTP kienet kruċjali għall-isforzi tal-investigaturi kontra t-terroriżmu biex isegwu t-tranżazzjonijiet finanzjarji tal-Bank Saderat u tal-gruppi terroristiċi u l-affiljati tiegħu ma’ istituzzjonijiet finanzjarji li juża biex jaħrab is-sanzjonijiet globali.

L-organizzazzjonijiet terroristiċi spiss jużaw il-qerq biex jgħattu l-iskemi ta’ ffinanzjar illegali tagħhom.  L-informazzjoni miksuba mit-TFTP għenet biex jiġi identifikat fluss ta’ ffinanzjar użat minn Hizballah biex isir ħasil tal-flus tad-droga għall-operazzjonijiet tiegħu.  F’din l-iskema kumplessa ferm, Hizballah kien ibigħ id-drogi fl-Ewropa u jaħsel il-fondi b’karozzi użati mixtrija fl-Istati Uniti u sussegwentement mibjugħin fl-Afrika.  Il-qliegħ mill-bejgħ tal-karozzi użati u d-drogi jintbagħtu l-Libanu u lil-djar ta' skambju Libaniżi speċifiċi.  It-Teżor iddetermina li d-djar ta' skambju kienu qed jintużaw minn Hizballah biex jiġu trasferiti fondi għall-operat jew jintbagħtu lura lejn l-Istati Uniti biex jinxtraw aktar karozzi użati.  Sa kmieni fl-2013 stess, l-informazzjoni minn indikazzjonijiet TFTP ippermettiet investigaturi biex jidentifikaw il-moviment tal-flus bejn Hizballah, ċerti djar ta’ skambju, u negozji tal-karozzi użati fl-Istati Uniti.  It-Teżor għadu mħasseb dwar l-użu potenzjali ta’ djar ta' skambju sabiex jgħinu fl-aċċess għas-sistema finanzjarja, u qed isegwi attivament indikazzjonijiet u azzjonijiet kontra t-terroriżmu biex jaqbad u jisfratta l-użu tas-sistema finanzjarja biex jiġu appoġġjati attivitajiet terroristiċi. 

It-tranżazzjonijiet finanzjarji jistgħu jipprovdu wkoll lill-investigaturi kontra t-terroriżmu bl-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni ta’ individwi li jiffaċilitaw it-taħriġ terroristiku.  L-organizzazzjonijiet terroristiċi jeħtieġu ffinanzjar biex jippermettu lill-assoċjati li jivvjaġġaw lejn is-siti ta’ taħriġ.  Dawn it-tranżazzjonijiet ta’ spiss jindikaw meta suspettat terrorist jiddeċiedi li jsir operazzjonali u jaffilja ruħu ma’ grupp jew organizzazzjoni.  L-informazzjoni miksuba mit-TFTP tista' tipprovdi lill-investigaturi bl-informazzjoni kontra t-terroriżmu li dawn ikunu jeħtieġu, inkluż id-dati tal-ivvjaġġar, l-ammonti tat-tranżazzjonijiet, ismijiet, psewdonimi, postijiet, u informazzjoni ta’ kuntatt, biex jiġu segwiti dawn l-individwi.  Pereżempju, t-TFTP intuża biex jgħin fil-provvediment ta' indikazzjonijiet għall-investigazzjoni tal-faċilitatur tal-al-Shabaab Omar Awadh Omar.  Omar iffaċilita l-iffinanzjar lil al-Shabaab u huwa mifhum li ffaċilita l-moviment ta’ ġellieda barranin u provvisti lejn is-Somalja.  Omar allegatament kien involut fl-ippjanar tal-attakk tal-11 ta’ Lulju 2010 kontra l-ispettaturi li kienu qed isegwu partita tat-Tazza Dinjija f'Kampala, l-Uganda.  Al-Shabaab assumiet ir-responsabbiltà għal dan l-attakk, li qatel 74 persuna.  It-TFTP pprovda informazzjoni ta' indikazzjonijiet kruċjali intużat għall-identifikazzjoni ta’ individwi fin-netwerk ta’ appoġġ ta' Omar u fl-identifikazzjoni ta' kontijiet mhux magħrufa qabel.  Omar bħalissa qiegħed taħt arrest u qed jistenna l-proċess fl-Uganda.  Omar kien ukoll ikklassifikat mid-Dipartiment tat-Tezor tal-Istati Uniti skont l-Ordni Ezekuttiva 13536, li timmira lejn theddid fuq il-paċi, is-sigurtà u l-istabilità fis-Somalja.

L-użu tat-TFTP mill-Istati Membri u l-UE

Minkejja li t-TFTP ġie żviluppat minn awtoritajiet fl-Istati Uniti, l-Istati Membri u l-UE huma permessi jagħmlu użu mit-TFTP għall-investigazzjonijiet tagħhom stess kontra t-terroriżmu  permezz ta’ klawżoli ta’ reċiproċità inklużi fil-Ftehim.  Skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim, l-Istati Membri, il-Europol u l-Eurojust jistgħu jitolbu tfittxija ta’ informazzjoni miksuba mit-TFTP, li t-Teżor għandu mbagħad imexxi skont is-salvagwardji tal- Artikolu 5.  Separatament, skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti b'mod spontaju jipprovdi informazzjoni rilevanti ġġenerata mit-TFTP lill-Istati Membri kkonċernati, il-Europol u l-Eurojust.

Sa mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, l-Istati Membri saru aktar u aktar konxji tad-disponibbilta tat-TFTP bħala għodda investigattiva.  Diversi Stati Membri u l-Europol jibbenefikaw fuq bażi kontinwa minn informazzjoni miksuba mit-TFTP u l-indikazzjonijiet investigattivi utli li jirċievu.  Matul dawn l-aħħar tliet snin, bi tweġiba għat-total ta' 158 talba li saru mill-Istati Membri u mill-UE skont l-Artikolu 10, inkisbu 924 indikazzjoni investigattiva permezz tat-TFTP.[8]

Pereżempju, fil-każ ta’ Spanja, għadd totali ta’ 11-il talba, skont l- Artikolu 10, iġġeneraw 93 indikazzjoni investigattiva dwar persuni fiżiċi u ġuridiċi suspettati li qedgħin f'kuntatt mat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu.  Minn 11-il talba, tlieta kienu jikkonċernaw gruppi terroristiċi domestiċi separatisti: tnejn relatati mal-ETA[9], li ġġeneraw 25 indikazzjoni u waħda relatata ma' Resistência Galega[10], li ġġenerat erba' indikazzjonijiet.  Fir-rigward tal-Al-Qaida, Spanja bagħtet erba’ talbiet u kisbet 11-il indikazzjoni, fejn żewġ talbiet relatati ma’ Hizballah iġġeneraw 27 indikazzjoni.  Barra minn hekk, talba waħda relatata ma’ grupp separatist PKK[11] iġġenerat 19-il indikazzjoni investigattiva u talba waħda relatata ta’ investigazzjoni kontra t-terroriżmu u kontra l-proliferazzjoni iġġenerat seba’ indikazzjonijiet investigattivi.

Matul l-istess perjodu ta’ żmien, skont l-Artikolu 9, l-Istati Uniti spontanjament ipprovdew lill-Istati Membri u lill-UE bl-informazzjoni rilevanti dwar 23 okkażjoni, li jinvolvu 94 indikazzjoni investigattiva.[12]

Il-każijiet li ġejjin, li nġabru u ġew ipprovduti mill-Europol, huma eżempji ta’ kif it-TFTP intuża mill-Istati Membri u li wassal għal riżultati investigattivi mit-tiftix mitlub skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim.[13]  Huma jikkumplimentaw l-informazzjoni pprovduta fis-Sezzjoni 4 ta’ dan ir-rapport, fejn xi eżempji Ewropej ġew użati wkoll biex jispjegaw ir-rwol li l-informazzjoni miksuba mit-TFTP taqdi f’investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu.  L-għażla ta’ eżempji u l-informazzjoni pprovduta kienet li jiġu rrispettati l-limiti preskritti mir-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità u sigurtà. 

Każ 1:  Attivitajiet terroristiċi Iżlamiċi

Grupp/organizzazzjoni terroristiku/a:  Attivitajiet terroristiċi Iżlamiċi (organizzazzjoni mhux magħrufa/mingħajr isem)

Deskrizzjoni tal-każ:  Investigazzjoni kontra raġel ta’ 40 sena suspettat li ġie reklutat għal servizz armat barra n u sħubija f’organizzazzjoni terroristika.  Dan l-individwu huwa suspettat wkoll bil-preparazzjoni u/jew it-twettiq ta' attakki terroristiċi.

Segwitu mingħand l-Istat Membru:  Wara talba skont Artikolu 10, l-indikazzjonijiet ta' informazzjoni ikkorroboraw informazzjoni li kienet magħrufa qabel, dawn ġew ikkunsidrati bħala aġġornati, u l-indikazzjonijiet kellhom rabtiet ġodda mat-terroriżmu/il-kriminalità.

Perjodu ta' żmien tal-indikazzjonijiet:  2008-2011

Każ 2:  Il-Ħamas

Grupp/organizzazzjoni terroristiku/a:  Il-Ħamas (Harakat al-Muqāwamah al-Islāmiyyah, "Moviment ta'Reżistenza Iżlamika) huwa l-organizzazzjoniSunniIżlamikaPalestinjana jew Iżlamista, b'fergħa militari assoċjata, il-Brigati Izz ad-Din al-Qassam, li jinsabu fit-territorji Palestinjani.  L-Unjoni Ewropea, l-Iżrael, l-Istati Uniti, il-Kanada, u l-Ġappun jikklassifikaw il-Ħamas bħala organizzazzjoni terroristika.

Deskrizzjoni tal-każ:  Investigazzjoni dwar Organizzazzjoni Mingħajr Skop ta’ Qligħ (NPO) sanzjonata mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru.  Din l-NPO hija organizzazzjoni "sieħba" ta' NPO simili li topera fi Stat Membru ieħor, li kienet issanzjonata talli pprovdiet l-appoġġ lill-Ħamas.  Kien hemm suspett li l-organizzazzjoni taħt investigazzjoni pprovdiet iffinanzjar sinifikanti, permezz tal-entità "sieħba", biex tappoġġja lill-Ħamas finanzjarjament.

Segwitu mingħand l-Istat Membru:  Wara talba skont l-Artikolu 10 , l-indikazzjonijiet ta' informazzjoni ikkorroboraw informazzjoni magħrufa, u kienu kkunsidrati bħala attwali.

Il-fondi mill-NPO ġew iffriżati qabel it-tnedija tat-talba skont l-Artikolu 10; Madankollu, it-TFTP pprovdiet “tranżazzjonijiet li ġew irrapportati lill-Unità tal-Intelliġenza Finanzjarja minħabba indikazzjonijiet ta' ħasil ta' flus u dawn aktar tard ġew identifikati bħala ffinanzjar għal organizzazzjoni terroristika.”

Perjodu ta' żmien tal-indikazzjonijiet:  2011

Każ 3:  PKK

Grupp/organizzazzjoni terroristiku/a:  Il-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (Partiya Karkerên Kurdistan jew Parti Karkerani Kurdistan), magħruf komunement bħala PKK, magħruf wkoll bħala KGK u li qabel kien magħruf bħala KADEK (Il-Kungress għal-Libertà u d-Demokrazija fil-Kurdistan) jew KONGRA-GEL (Il-Kungress Popolari tal-Kurdistan), huwa organizzazzjoni Kurda li mill-1984 qed jiġġieled ġlieda armata kontra l-Istat Tork għal Kurdistan awtonomu u għad-drittijiet politiċi u kulturali għall-Kurdi fit-Turkija.  Il-grupp twaqqaf fis-27 ta’ Novembru 1978 fir-raħal ta’ Fis, ħdejn Lice, u kien immexxi minn Abdullah Öcalan.  Il-PKK qiegħed elenkat internazzjonalment bħala organizzazzjoni terroristika minn stati u organizzazzjonijiet, inkluż l-Unjoni Ewropea, in-Nazzjonijiet Uniti, in-NATO, u l-Istati Uniti.

Deskrizzjoni tal-każ:  Investigazzjoni kontra ċittadin tal-UE li huwa suspettat li jappoġġja lil Kongra Gel/PKK.  L-individwu suspettat għandu drawwiet ta' vjaġġar internazzjonali estensiv, inkluż diversi vjaġġi lejn postijiet ta' interess għas-sigurtà.  Hemm suspett li l-individwu suspettat jiġbor il-fondi, huwa finanzjatur, jew faċilitatur għall-organizzazzjoni terroristika proskritta Kongra Gel/PKK.

Segwitu mingħand l-Istat Membru:  Wara talba skont l-Artikolu 10, l-indikazzjonijiet tal-informazzjoni ikkorroboraw informazzjoni magħrufa u pprovdew ukoll rabtiet internazzjonali mhux magħrufa qabel u kuntatti u individwi suspettati magħrufa qabel.

Dan il-każ jibqa’ parti minn investigazzjoni attiva u, bħala tali, informazzjoni limitata biss tista’ tiġi żvelata għal skopijiet ta' rispons.  Madankollu, bħala riżultat tal-informazzjoni miksuba mit-TFTP, l-inkjesta finanzjarja tista' tiffoka f'aktar dettall fuq assoċjati u postijiet mhux magħrufa qabel , li jirriżultaw fil-mili ta' lakuni ta' tagħrif sinifikanti u l-ftuħ ta’ opportunitajiet investigattivi ġodda.  B'mod speċifiku, dan ta dimensjoni internazzjonali lill-inkjesta li qabel kienet suspettata imma mhux faċilment identifikabbli u għalhekk ikkorrobora tagħrif eżistenti.  Min-naħa tiegħu dan iġġenera stħarriġ ulterjuri sinifikanti u riferimenti għal aġenziji oħra tal-infurzar tal-liġi fir-rigward tas-suġġett ewlieni ta’ interess u finanzjarji assoċjati .  Għandu jiġi enfasizzat li l-informazzjoni pprovduta permezz tat-TFTP kienet tkun ferm improbabbli li tiġi skoperta permezz ta’ kanali oħra u għalhekk kienet ta’ benefiċċju konsiderevoli f’dan il-każ.

Perjodu ta' żmien tal-indikazzjonijiet:  2004-2011

Każ 4:  IJU

Grupp/organizzazzjoni terroristiku/a:  L-Unjoni Iżlamika tal-Jihad (IJU), magħrufa wkoll bħala l-Grupp Iżlamiku tal-Jihad (IJG), hija organizzazzjoni terroristika u wettqet attakki fl-Uzbekistan u għamlet attentati ta’ attakki fil-Ġermanja.  L-IJU twaqqfet f’Marzu 2002 minn dawk separati mill-Moviment Iżlamiku tal-Uzbekistan (IMU) fiż-Żoni Tribali tal-Pakistan.  L-organizzazzjoni kienet responsabbli għal attakki li fallew fl-Uzbekistan fl-2004 u kmieni fl-2005.  Imbagħad bidlet isimha, mill-Grupp Iżlamiku tal-Jihad, għall-Unjoni Iżlamika tal-Jihad.  Wara dan il-perjodu, saret aktar qrib tal-qalba tal-al Qaida.  Sa mir-riorjentazzjoni tagħha, l-organizzazzjoni biddlet l-attenzjoni tagħha u bdiet tippjana attakki terroristiċi fil-Pakistan u l-Ewropa tal-Punent, speċjalment il-Ġermanja.  Miralifil-Ważiristan t’Isfel hija l-bażi tal-organizzazzjoni fejn l-individwi reklutati mill-Punent għal attakki fil-Punent jiġu mħarrġa.

Deskrizzjoni tal-każ:  Investigazzjoni kontra sitt individwi suspettati li huma membri tal-organizzazzjoni terroristika IJU.  Wieħed mis-suspettati huwa mifhum li vjaġġa jew se jivvjaġġa biex jingħata taħriġ relatat mat-terroriżmu f’post ostili.  Individwu wieħed huwa suspettat li kien responsabbli mill-finanzjament, ir-reklutaġġ, u l-immigrazzjoni illegali fl-Istati Membri.  Ir-residenza attwali ta' dan is-suspettat mhix magħrufa.

Segwitu mingħand l-Istat Membru:  Wara talba skont Artikolu 10, l-indikazzjonijiet tal-informazzjoni ikkorroboraw informazzjoni li kienet magħrufa qabel.

Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet iġġeneraw informazzjoni mhux magħrufa qabel (kontijiet ta’ banek barranin, indirizzi, numri tat-telefon, eċċ.), rabtiet internazzjonali mhux identifikati, u kuntatti addizzjonali u persuni suspettati mhux magħrufa qabel.  L-indikazzjonijiet tqiesu bħala aġġornati.

Perjodu ta' żmien tal-indikazzjonijiet:  2009-2012

Każ 5:  Attivitajiet terroristiċi Sikh

Grupp/organizzazzjoni terroristiku/a:  Attivitajiet terroristiċi Sikh (organizzazzjoni mhux magħrufa/mingħajr isem)

Deskrizzjoni tal-każ:  Investigazzjoni dwar attivitajiet terroristiċi Sikh: Individwu u l-istruttura tan-negozju relatata huma suspettati li akkumulaw ammonti kbar ta’ flus kontanti u wettqu trasferimenti ta’ fondi bejn kontijiet u postijiet diversi.  Dawn il-flus huma suspettati li qed jintużaw biex jappoġġaw u anke jikkummissjonaw atti ta’ terroriżmu.

Segwitu mingħand l-Istat Membru:  Wara talba skont Artikolu 10, l-indikazzjonijiet tal-informazzjoni ikkorroboraw informazzjoni li kienet magħrufa qabel.  Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet iġġeneraw informazzjoni mhux magħrufa qabel (kontijiet ta’ banek barranin, indirizzi, numri tat-telefon, eċċ.), rabtiet internazzjonali mhux identifikati, u kuntatti addizzjonali u persuni suspettati mhux magħrufa qabel.  L-indikazzjonijiet tqiesu bħala aġġornati.

L-indikazzjonijiet tal-intelliġenza ppermettew li ssir valutazzjoni aktar preċiża ta’ intelligenza finanzjarja miksuba aktar kmieni matul l-inkjesta.  Speċifikament, ġie identifkat li s-suġġett kellu ammonti kbar ta’ flus ikkreditati lill-kont(ijiet) bankarju(i) tiegħu ; madankollu, l-oriġini ta’ dawn il-fondi ma kinitx magħrufa qabel.

Ma nġiebu l-ebda akkużi, iżda minħabba n-natura sensittiva tal-investigazzjoni, ftit aktar informazzjoni tista’ tiġi żvelata għal skopijiet ta' rispons.  F’dan il-każ, it-TFTP kien ikkunsidrat fi stadju bikri minħabba suspett li s-suġġett ta’ interess seta' kellu attività finanzjarja lil hinn mill-UE.  Malajr waslet tweġiba dettaljata mill-inkjesta tat-TFTP, li rriżultat fl-identifikazzjoni ta’ attività finanzjarja internazzjonali u interessi kummerċjali barranin li rriżultaw ta' valur sinifikanti tal-intelliġenza.  B'hekk, tista' ssir valutazzjoni iktar infurmata tal- attivitajiet tas-suġġett ta' interess, fil-kuntest tal-miri investigattivi u intelliġenza oħra miżmuma.  Għal darb’oħra, n-natura tas-sħubijiet finanzjarji u t-tranżazzjonijiet ipprovduti permezz tat-TFTP probabbli ma kinux jiġu skoperti permezz ta’ kanali oħra ta’ inkjesta u għenu ferm fil-progress tal-investigazzjoni u l-valutazzjoni bikrija tal-attività.

Perjodu ta' żmien tal-indikazzjonijiet:  2007-2012

Il-valur tad-Dejta Pprovduta mit-TFTP miżmuma għal diversi snin

L-awtoritajiet kontra t-terroriżmu wrew lit-timijiet ta' valutazzjoni tal-UE u l-Istati Uniti li d-dejta finanzjarja miżmuma matul diversi snin, magħrufa bħala dejta storika, hija ta’ valur sinifikanti sabiex jiġu mwettqa investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu.  Id-dejta storika tippermetti lill-investigaturi sabiex jidentifikaw ix-xejriet, isegwu l-affiljazzjonijiet ta' grupp, u janalizzaw il-metodoloġija.  Minħabba l-preċiżjoni tad-dejta tat-TFTP, l-investigaturi jistgħu jużaw tranżazzjonijiet finanzjarji biex jintraccaw terroristi u s-sostenituri tagħhom mad-dinja kollha għal diversi snin.  Sa mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim f’Awwissu 2010, 45 fil-mija tad-dejta tat-TFTP kollha eżaminata minn analista kellha tliet snin jew iktar. 

Terrorist jista’ jaħdem f’pajjiż partikolari għal diversi snin.  F’xi punt, dak l-individwu jista' jimxi f’pajjiż ieħor biex iwettaq operazzjonijiet terroristiċi.  L-individwu jista' jibdel l-identifikaturi preċedenti kollha, inkluż l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefown.  Madankollu, l-informazzjoni tat-TFTP miżmuma fil-limiti ta’ żmien tal-Artikolu 6 tista' torbot l-individwu ma' numru ta' kont bankarju li jkun uża qabel.  Anke meta terrorist jistabilixxi kontijiet bankarji ġodda, l-investigaturi jkunu jistgħu jorbtu lill-individwu mal-kont il-ġdid – u kull informazzjoni ta’ identifikazzjoni assoċjata miegħu – billi jsegwu tranżazzjonijiet assoċjati ma’ kontijiet magħrufa li jintużaw mill-organizzazzjoni tat-terrorist.  Fil-fatt, l-investigaturi mistħarrġa għal dan ir-rapport qablu li t-tnaqqis tal-perjodu taż-żamma tad-dejta mit-TFTP għal xejn inqas minn ħames snin jista' jirriżulta f’telf sinifikanti ta’ tagħrif dwar l-iffinanzjar u l-operat ta’ gruppi terroristiċi.

Pereżempju, informazzjoni miksuba mit-TFTP intużat biex jiġu segwiti t-tranżazzjonijiet tal-uffiċjal tal-IJU Mevlut Kar.  Kar ipprovda aktar minn 20 detonatur lill-membri tal-IJU.  F’Jannar 2012, Kar ġie kklassifikat bħala Terrorist Globali Speċjalment Ikklassifikat mill-Istati Uniti, li rriżulta fl-iffriżar ta’ kwalunkwe assi tiegħu soġġetti għall-ġuriżdizzjoni tal-Istati Uniti.  L-informazzjoni miksuba mit-TFTP miżmuma għal aktar minn erba’ snin intużat biex tipprovdi indikazzjonijiet u ssegwi tranżazzjonijiet bejn Kar u l-partitarji tiegħu.  Kar huwa implikat fl-attentat Ewropew b’bomba tal-2007 li kellu fil-mira tiegħu l-istallazzjonijiet militari tal-Istati Uniti u ċ-ċittadini Amerikani fil-Ġermanja.  Kar bħalissa huwa mfittex mill-Gvern tal-Libanu, u Avviż Aħmar tal-Interpol inħareġ għall-arrest u l-estradizzjoni tiegħu.  Il-Gvern Libaniż ikkundannah in absentia għal 15-il sena ħabs minħabba li pprova jistabilixxi ċellola tal-Al Qaida fil-Libanu.  Mingħajr dejta storika, l-investigaturi ma kinux ikunu jistgħu jiksbu t-tagħrif sinifikanti tagħhom rigward l-operazzjonijiet ta' Kar. 

Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti wettaq analiżi ta' iktar minn elf rapport TFTP maħruġ bejn l-2005 u l-2012.[14]  Din l-analiżi wriet li, matul dak il-perjodu ta’ seba’ snin, 35 fil-mija tal-indikazzjonijiet ta' informazzjoni miksuba mit-TFTP kellhom dejta miżmuma għal mill-inqas tliet snin. 

Minbarra l-prevalenza ta’ dejta storika fost indikazzjonijiet miksuba mit-TFTP, l-analiżi tar-rapporti TFTP mill-2005 sal-2012 turi l-importanza relattiva ta’ dejta miżmuma għal iktar minn tliet snin fir-rapporti.  Kif jidher fil-grafika ta’ hawn taħt, bejn l-2005 u l-2012, iktar minn 65 fil-mija tar-rapporti miġbura minn indikazzjonijiet ta' informazzjoni miksuba mit-TFTP kellhom dejta TFTP miżmuma għal iktar minn tliet snin.  Għal kważi 35 fil-mija tar-rapporti, id-dejta storika kienet tinkludi mill-inqas nofs il-materjal ta’ sors tar-rapport.  Mill-2010, 10 fil-mija tar-rapporti TFTP miġbura minn analisti li jwettqu investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu serrħu biss fuq dejta TFTP miżmuma għal iktar minn tliet snin.

Id-dejta storika kienet kruċjali sabiex jiġu identifikati sorsi ta’ ffinanzjar u l-metodoloġija li appoġġjat lit-terrorist Norveġiż Anders Behring Breivik.  Ġurnata wara l-attakki tat-22 ta' Lulju 2011 li qatlu 77 persuna u ferew mijiet oħra, il-Europol ipprovdiet lid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti b'talba ta' emerġenza skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim relatat mal-avvenimenti.  Fl-istess jum, it-Teżor wieġeb lill-Europol b’35 indikazzjoni ta' informazzjoni miksuba mit-TFTP bid-dettalji estensivi ta’ attivitajiet finanzjarji u n-netwerk ta' Breivik li kienet imferrxa ma' kważi tużżana pajjiżi, l-aktar fl-Ewropa, iżda wkoll fl-Istati Uniti tal-Amerika u ċerti destinazzjonijiet off-shore.  Erbgħa mill-35 indikazzjoni involvew tranżazzjonijiet finanzjarji mwettqa fi żmien sentejn qabel l-attakki, u indikazzjoni addizzjonali involviet attività finanzjarja mwettqa ftit iktar minn tliet snin qabel l-attakki.  It-30 indikazzjoni l-oħra involvew tranżazzjonijiet finanzjarji mwettqa bejn erba’ u tmien snin qabel l-attakki[15], hekk kif Breivik bena n-netwerk finanzjarji internazzjonali tiegħu, stabilixxa kumpanija li tipproduċi kredenzjali edukattivi foloz, magħrufa wkoll bħala “diploma mill", stabilixxa operazzjoni ta' tkabbir biex ikun jista' jikseb materjal użati għall-isplussivi, u ħadem ma' ċerti assoċjati f’pajjiżi oħra.

Meta l-attakki tan-Norveġja qorbu, Breivik apparentement naqqas l-użu tas-sistema finanzjarja internazzjonali, forsi sabiex jevita li jinqabad.  Madankollu, l-indikazzjonijiet TFTP eqdem ippermettew lill-invetigaturi jidentifikaw malajr il-flussi ta’ fondi u l-metodoloġija ta' Breivik, kif ukoll il-kuntatti tiegħu u l-attivitajiet finanzjarji f’pajjiżi oħra, li kienu partikolarment kritiċi fiż-żmien, meta l-awtoritajiet kienu qed jippruvaw jiddeterminaw jekk kienx qed jaġixxi waħdu jew flimkien ma’ aġenti oħra mhux identifikati.   

F’wieħed mill-każijiet l-oħra mistħarrġa għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, l-investigaturi kienu jistgħu jużaw l-informazzjoni miksuba mit-TFTP biex isegwu aktar minn 100 tranżazzjoni bejn suspettat terrorist u partitarji f’bosta pajjiżi fuq medda ta’ erba’ snin.  Is-suspettat terrorist kien juża kontijiet f’diversi pajjiżi biex jgħaqqad fondi sabiex jappoġġja pjanijiet għal attakk potenzjali.  Aktar investigazzjoni ta’ tranżazzjonijiet identifikat assoċjati u sostenituri mhux magħrufa qabel.

Barra minn hekk, f’bosta każijiet mistħarrġa għal dan ir-rapport, l-investigaturi kienu kapaċi jsegwu tranżazzjonijiet bejn gruppi terroristiċi, inkluż Al-Qaida, u sorsi ġodda ta’ ffinanzjar.  Fil-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet, l-użu ta’ informazzjoni miksuba minn dejta TFTP miżmuma għal iktar minn tliet snin – u, f’ħafna każijiet għal tiftix imwettaq qabel it-tħassir Lulju 2012, għal iżjed minn ħames snin – wassal għal investigazzjonijiet separati f’entitajiet mhux magħrufa qabel. 

Fl-eżempji illustrattivi ta’ investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu fl-UE inklużi fit-Taqsima 5 ta’ dan ir-rapport, l-indikazzjonijiet investigattivi iġġenerati mit-TFTP kellhom ukoll diversi snin.

Iż-żamma u t-tħassir ta' dejta

Il-Ftehim fih bosta dispożizzjonijiet dwar iż-żamma u t-tħassir tad-dejta.  L-Artikolu 6(5) jistipula li matul it-terminu tal-Ftehim, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti se jwettaq evalwazzjoni kontinwa u mill-anqas annwali sabiex jidentifika dejta mhux estratta li ma għadhiex neċessarja sabiex tiġġieled it-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu, u meta tiġi identifikata, titħassar b'mod permanenti kif ikun possibbli li dan isir teknoloġikament.  Għal dan l-għan kull sena jsir awditjar u analiżi fuq skala kbira annwali tad-dejta estratta u janalizzaw, fuq bażi kwantitattiva u kwalitattiva, it-tipi u l-kategoriji ta’ dejta, inkluż skont ir-reġjun ġeografiku, li kienu utli għal investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu.

L-awditjar u l-analiżi jseħħu f’diversi stadji.  L-ewwel, issir valutazzjoni komprensiva ta’ dejta estratta sabiex jiġu ddeterminati t-tipi ta’ messaġġi u r-reġjuni ġeografiċi li l-iktar u li l-inqas jirrispondu għal tiftix bit-TFTP.  It-tieni, dawk it-tipi ta’ messaġġi u r-reġjuni ġeografiċi li minnhom ittieħdet l-inqas dejta, kwantitattivament, jiġu eżaminati bi skrutinju biex jiġi ddeterminat il-komponent kwalitattiv tagħhom – b'mod partikolari, jekk ir-rispons relattivament żgħir madankollu kellux informazzjoni ta’ kwalità għolja jew kienx ta’ valur partikolari għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-segwiment, jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu.  It-tielet, dawk it-tipi ta’ messaġġi u/jew reġjuni ġeografiċi li, minn perspettiva kwantitattiva jew kwalitattiva fiż-żmien tal-evalwazzjoni, ma jidhrux meħtieġa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu jitneħħew mit-Talbiet futuri skont Artikolu 4.  Fejn tali tipi ta’ messaġġi u/jew reġjuni ġeografiċi jiġu identifikati f’dejta mhux estratta, it-Teżor iħassarhom skont l-Artikolu 6(1) tal-Ftehim. 

Skont l-Artikolu 6(5) tal-Ftheim, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti wkoll iwettaq evalwazzjoni kontinwa sabiex jivvaluta l-perjodi ta' żamma tad-dejta meta dawn ma jibqgħux neċessarji sabiex jiġġieldu t-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu.  Titwettaq regolarment valutazzjoni komprensiva li tikkonsisti f'intervisti minn investigaturi, analiżijiet ta’ investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu, u evalwazzjoni tat-theddid u attivitajiet terroristiċi, flimkien mal-analiżi annwali msemmija hawn fuq, tad-dejta estratta riċevuta, biex jiġi żgurat li l-perjodi għaż-żamma tad-dejta TFTP huma relevanti għall-isforzi li jkunu jinsabu għaddejjin kontra t-terroriżmu.  Tliet evalwazzjonijiet annwali kondotti minn meta l-Ftehim daħal fis-seħħ, kif ukoll il-valutazzjonijiet li għaddejjin bħalissa, kollha kkonkludew li perjodu ta’ żamma ta’ ħames snin għadu meħtieġ għall-investigazzjonijiet li t-TFTP jiġi użat għalihom.

L-Artikolu 6 tal-Ftehim jistipula wkoll li d-dejta kollha li ma ġietx estratta (jiġifieri, id-dejta mhux estratta mit-TFTP bħala parti minn investigazzjoni kontra t-terroriżmu) li waslet qabel l-20 ta’ Lulju 2007 titħassar mhux aktar tard mill-20 ta’ Lulju 2012.  Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti wettaq dan it-tħassir qabel din id-data ta' għelueq, u dan ġie kkonfermat minn awdiuri indipendenti impjegati minn fornitur waqt it-tieni rieżami konġunt.[16]

Barra minn hekk, il-Ftehim jistipula wkoll li d-dejta mhux estratta li waslet fl-20 ta’ Lulju 2007 jew wara din id-data se titħassar mhux aktar tard minn ħames snin mid-data ta’ meta waslet.  Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti inizjalment kellu l-intenzjoni li jimplimenta din id-dispożizzjoni permezz ta’ eżercizzju ta' tħassir annwali fir-rigward tad-dejta mhux estratta li tolqot skadenza ta’ ħames snin f’dik is-sena.[17]  Wara konverżazzjonijiet matul it-tieni rieżami konġunt, u fuq ir-rakkomandazzjoni tat-tim tal-UE tar-rieżami konġunt, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti irreveda l-proċeduri tiegħu sabiex jakkomoda eżerċizzji ta' tħassir addizzjonali sabiex jiżgura li t-tħassir kollu ta' dejta mhux estratta jista' jitlesta kompletament fil-ħames snin stipulati.  Għalhekk, id-dejta kollha mhux estratta li waslet qabel il-31 ta’ Diċembru 2008 diġà ġiet imħassra.

Konklużjoni

L-informazzjoni li tinsab f’dan ir-Rapport turi b’mod ċar il-valur sinifikanti tad-Dejta Pprovduta mit-TFTP għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu.  L-importanza tad-dejta TFTP tidher mill-ħarsiet mogħtija lejn l-użu attwali tal-informazzjoni miksuba mit-TFTP fl-investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu tal-Istati Uniti u tal-Ewropa akkumpanjati minn għadd ta’ eżempji konkreti.  Filwaqt li hemm ħafna aktar każijiet li jappoġġjaw bis-sħiħ il-benefiċċji tat-TFTP, l-iżvelar tagħhom ikun ta’ detriment għall-inkjesti li għadhom miftuħa.  L-informazzjoni mit-TFTP u l-eżattezza tagħha jippermettu l-identifikazzjoni u s-segwiment ta’ terroristi u n-netwerks ta’ appoġġ tagħhom madwar id-dinja.  Din titfa’ dawl fuq l-istrutturi finanzjarji eżistenti ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi, u jippermetti l-identifikazzjoni ta’ flussi ġodda ta’ appoġġ finanzjarju, assoċjati mhux magħrufa qabel, u suspettati terroristi ġodda.  L-informazzjoni mit-TFTP tista’ tgħin ukoll biex tiġi evalwata u kkorroborata l-intelligenza eżistenti, tiġi kkonfermata s-sħubija ta' persuna f’organizzazzjoni terroristika, u timla l-lakuni ta' informazzjoni. 

Ir-Rapport ħares lejn il-valur tad-dejta miżmuma għal diversi snin u l-intensità tal-użu tagħha.  Id-dejta storika jista’ jkollha rwol ewlieni fl-investigazzjonijiet ta’ individwi li ħafna drabi jippruvaw jaħbu informazzjoni ta’ identifikazzjoni tagħhom, inkluż l-isem, l-indirizz, u n-numru tat-telefown.  Madankollu, bit-TFTP u d-dejta miżmuma fiha, l-investigaturi jistgħu jkunu jistgħu jorbtu individwu ma' kont tal-bank użat fil-passat u jidentifikaw informazzjoni personali korretta u r-rabtiet assoċjati magħha.  Skont l-istatistika disponibbli dwar ir-rapporti TFTP maħruġa bejn l-2005 u l-2012, 35 fil-mija tal-indikazzjonijiet ta' informazzjoni miksuba mit-TFTP kellhom dejta miżmuma għal tliet snin jew aktar.  Jekk wieħed jikkunsidra kemm il-valur uniku tad-dejta storika u l-prevalenza tagħha fost l-indikazzjonijiet TFTP, it-tnaqqis fil-perjodu taż-żamma tad-dejta mit-TFTP għal xejn inqas minn ħames snin jista' jirriżulta f’telf sinifikanti ta’ tagħrif dwar l-iffinanzjar u l-operat ta’ gruppi terroristiċi. 

Skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tal-Ftehim, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti ħassar id-dejta mhux estratta kollha riċevuta qabel il-31 ta' Diċembru 2008.  It-talbiet għad-dejta huma definiti fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni regolari u estensiva ta’ reazzjoni fir-rigward ta' tipi ta’ messaġġi u r-reġjuni ġeografiċi partikolari.  Barra minn hekk, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti wkoll iwettaq evalwazzjonijiet kontinwi sabiex jivvaluta l-perjodi ta' żamma tad-dejta meta dawn ma jibqgħux neċessarji sabiex jiġġieldu t-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu. 

B’mod parallel għat-tħejjija ta’ dan ir-Rapport, fuq talba tal-Kummissjoni, ġew imnedija konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 19 tal-Ftehim fid-dawl tal-allegazzjonijiet tal-midja dwar ksur potenzjali tat-termini tal-Ftehim mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti. L-informazzjoni pprovduta mid-Dipartiment tat-Tezor tal-Istati Uniti fl-ittri tiegħu tat-18 ta' Settembru u  tat-8 ta' Novembru 2013 u waqt laqgħat ta' livell għoli fis-7 ta'Ottubru u t-18 ta' Novembru 2013 iċċarat iktar l-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn dwar it-TFTP bejn il-UE u l-Istati Uniti u ma wriet l-ebda ksur tal-Ftehim. Il-Kummissjoni u t-Teżor tal-Istati Uniti qablu li jwettqu r-Rieżami Konġunt li jmiss skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim fir-Rebbiegħa 2014.

[1]  Ir-Rapport tal-ewwel rieżami konġunt SEC(2011) 438 f’p. 5.

[2]  Ir-Rapport tat-tieni rieżami konġunt SWD(2012) 454 f’p. 38 Anness IV.

[3]  Ir-Rapport tat-tieni rieżami konġunt f’p. 15.

[4]  Ir-Rapport tat-tieni rieżami konġunt f’p. 17.

[5]  Ġew użati “Rapporti” biex titqassam informazzjoni miksuba mit-TFTP mal-Istati Membri tal-UE u l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, li nbdew ħafna qabel il-Ftehim tat-TFTP fl-2010.  "Indikazzjoni" TFTP tirreferi għal sommarju ta’ tranżazzjoni finanzjarja partikolari identifikata b’rispons għal tiftixa tat-TFTP li hija rilevanti għal investigazzjoni kontra t-terroriżmu.  Kull rapport TFTP jista’ jkun fih ħafna indikazzjonijiet TFTP.

[6]  IRGC-QF ipprovdiet materjal ta' appoġġ lit-Taliban, lill-Hizballah Libaniż, lill-Ħamas, lill-Jihad Iżlamika Palestinjana, u lill-Kmand Ġenerali tal-Front Popolari għal-Liberazzjoni tal-Palestina. IRGC-QF ipprovdiet ukoll appoġġ letali fil-forma ta’ armi, taħriġ, u l-iffinanzjar lill-organizzazzjonijiet terroristiċi, u kienet responsabbli għal bosta attakki terroristiċi.

[7]  It-terminu "Terrorist Globali Speċjalment Ikklassifikat" jew "TGSI" jirreferi għal individwu jew entità li hija suġġetta għal sanzjonijiet skont l-Ordni Eżekuttiva 13224, l-awtorità primarja tas-sanzjonijiet kontra t-terroriżmu tal-Gvern tal-Istati Uniti.

[8] Dawn in-numri huma dawk attwali fl-20 ta' Awwissu 2013.

[9] ETA (Euskadi ta Askatasuna) – Patrija Baska u Libertà.

[10] Resistência Galega – Reżistenza Galesjana.

[11] PKK (Partiya Karkerên Kurdistan) – Il-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan.

[12] Dawn in-numri huma attwali mit-22 ta' Awwissu 2013.

[13] Il-preżentazzjoni ta’ dawn l-eżempji hija bbażata fuq id-deskrizzjonijiet ipprovduti mill-Istati Membri kkonċernati.

[14]  Ir-rapporti ntagħżlu b’mod aleatorju sabiex jinkiseb kampjun rappreżentattiv ta’ rapporti prodotti tat-TFTP kollha matul il-perjodu 2005 sal-2012.  Kif ġie indikat qabel, rapport TFTP wieħed jista’ jkun fih diversi indikazzjonijiet TFTP.

[15] Id-dejta tat-TFTP li għandha iktar minn ħames snin kienet għadha disponibbli f’dak iż-żmien billi skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim id-dejta kollha mhux estratta li waslet qabel l-20 ta’ Lulju 2007 kellha titħassar mhux aktar tard mill-20 ta’ Lulju 2012.

[16]  Ir-Rapport tat-tieni rieżami konġunt f’p. 10.

[17]  Ir-rapport tat-tieni rieżami konġunt f’p. 10.