RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Tielet rapport dwar l-implimentazzjoni mill-Ukraina tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża /* COM/2013/0809 final */
I. Introduzzjoni Fid-29 ta’ Ottubru 2008 tnieda d-Djalogu dwar
il-Viża bejn l-UE u l-Ukraina bil-għan li jiġu eżaminati
l-kondizzjonijiet għall-ivvjaġġar mingħajr viża
għaċ-ċittadini tal-Ukraina lejn l-UE. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar
il-Liberalizzazzjoni tal-Viża (VLAP)[1] ġie ppreżentat
lill-Ukraina mill-Kummissjoni fit-22 ta’ Novembru 2010. Il-VLAP
jistabbilixxi serje ta’ parametri preċiżi għall-Ukraina fuq
erba’ ‘blokok’[2]
ta’ kwistjonijiet rilevanti, bil-għan li jiġi adottat qafas
leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali (l-ewwel fażi) u
għall-implimentazzjoni effettiva u sostenibbli tiegħu (it-tieni
fażi). Il-Kummissjoni ressqet rapporti b’mod regolari lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-VLAP. L-Ewwel Rapport ta’ Progress dwar l-implimentazzjoni
mill-Ukraina tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża
ġie ppreżentat fis-16 ta’ Settembru 2011[3]. It-Tieni Rapport ta’ Progress dwar l-implimentazzjoni mill-Ukraina tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar
il-Liberalizzazzjoni tal-Viża nħareġ fid-9 ta’ Frar 20123. F’April
2012 saret Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja li matulha ġie
ppreżentat it-Tieni Rapport ta’ Progress u ġew diskussi l-passi li
jmiss fil-proċess. L-Ukraina ppreżentat it-tielet
rapport ta’ progress tagħha fit-22 ta’ Lulju ta’ din is-sena u
pprovdiet aġġornament fil-11 ta’ Ottubru, li kienet id-data
tal-għeluq għall-kunsiderazzjoni tal-iżviluppi
leġiżlattivi ġodda. F’Settembru 2013 saru missjonijiet ta’
evalwazzjoni fuq l-erba’ blokok kollha, li kienu jinvolvu disa’ esperti. Fis-27 ta’ Settembru
saret laqgħa tal-uffiċjali għolja mal-Ukraina. Dan ir-Rapport tal-Kummissjoni huwa t-tielet rapport ta’ progress dwar l-ewwel fażi
tal-VLAP, li jippreżenta valutazzjoni komprensiva u kkonsolidata
mill-Kummissjoni tal-progress li sar mill-Ukraina fl-issodisfar tal-parametri
tal-ewwel fażi tal-VLAP fir-rigward tal-ħolqien tal-qafas leġiżlattiv,
politiku u istituzzjonali. Lil hinn mill-parametri tal-VLAP, il-kwistjonijiet relatati
mar-riforma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u tal-Ġudikatura huma mmonitorjati
f’oqfsa ta’ djalogu oħrajn, bħad-Djalogu Ġudizzjarju informali
mniedi fi Frar 2013, il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, il-Kunsill ta’
Kooperazzjoni, is-Summit, kif ukoll fil-kuntest tal-implimentazzjoni
tal-Aġenda tal-Assoċjazzjoni. II. Valutazzjoni tal-miżuri skont
l-erba’ blokok tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża Blokk 1: Is-sigurtà
tad-dokumenti, inkluża l-bijometrika Valutazzjoni ġenerali Il-qafas
leġiżlattiv bażiku (liġi primarja) huwa fil-biċċa
l-kbira tiegħu fis-seħħ. Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni ġew adottati
kemm għat-tnedija tal-passaporti bijometriċi konformi mal-Awtorità
Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), kif ukoll
għall-eliminazzjoni gradwali tal-passaporti mhux konformi mal-ICAO. Il-Kummissjoni
hija tal-fehma li l-Ukraina tissodisfa l-parti l-kbira tal-parametri ffissati
taħt il-Blokk 1. L-użu tal-marki tas-swaba’ bħala
karatteristika bijometrika obbligatorja għall-passaporti għandu
jiġi kkjarifikat aktar, filwaqt li għadhom iridu jiġu adottati
l-liġijiet lokali neċessarji li jistabbilixxu l-proċeduri
tal-ħruġ. Kummenti ddettaljati ·
L-adozzjoni ta’ qafas legali
għall-ħruġ ta’ passaporti internazzjonali bijometriċi li
jistgħu jinqraw minn magna b’konformità sħiħa mal-ogħla
standards tal-ICAO fuq il-bażi ta’ ġestjoni tal-identità sikura (ir-reġistru
ċivili u d-dokumenti ta’ nisel) u wara li tiġi kkunsidrata
l-protezzjoni adegwata tad-dejta personali Fl-20 ta’ Novembru 2012
ġiet adottata u implimentata liġi qafas[4] li
toħloq reġistru demografiku uniku tal-Istat u li tistabbilixxi lista
tad-dejta li għandha tinġabar u tintuża sabiex
jinħarġu d-dokumenti tal-identità jew tal-ivvjaġġar li
jagħmlu użu minn karatteristiċi ta’ dejta bijometrika. Il-Liġi
tintroduċi 14-il tip ta’ dokument bijometriku tal-identità, tal-ivvjaġġar
u tar-residenza għall-Ukraini, għal persuni barranin u għal
persuni apolidi, fosthom il-passaport internazzjonali u l-passaport intern,
b’tal-aħħar iservi bħala l-karta tal-identità li tintuża
bħala d-dokument ta’ sostenn ewlieni sabiex persuna tapplika għal
passaport internazzjonali. Il-Liġi
tippreskrivi il-biċċa l-kbira tar-regoli bażiċi li
jirregolaw il-ħruġ tad-dokumenti tal-ivvjaġġar konformi
mal-ICAO (il-prinċipju ta’ dokument wieħed għal persuna
waħda, in-nuqqas ta’ estensjoni tal-validità, ir-regoli dwar
il-protezzjoni tad-dejta li jindikaw l-għanijiet li għalihom
tinġabar, tinħażen u tintuża d-dejta, eċċ.). Fir-rigward
tal-karatteristiċi bijometriċi li għandhom jinqabdu,
il-liġi tikkwota b’mod ċar ir-ritratt diġitizzat u l-firma,
iżda ssemmi l-marki tas-swaba’ biss bħala element addizzjonali u
fakultattiv mingħajr ebda referenza preċiża għal liema marki
tas-swaba’ għandhom jinġabru, u lanqas ma tindika liema
eċċezzjonijiet huma meqjusa bħala xierqa u liema proċeduri
għandhom jiġu segwiti. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’
indikazzjoni ċara ta’ liema marki tas-swaba’ għandhom jinġabru u
jinħażnu fil-passaport. Bl-istess mod, ir-referenza
għar-rakkomandazzjonijiet tal-ICAO fil-liġi għandha tiġi
spjegata f’aktar dettall. Għandhom
jiġu adottati miżuri ta’ implimentazzjoni dwar il-proċeduri
tal-ħruġ u speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali — minħabba
s-sospensjoni ta’ dawk li ġew adottati f’Marzu 2013. Għaldaqstant,
tista’ tittieħed l-opportunità sabiex tiġi ssimplifikata u
armonizzata l-proċedura tal-applikazzjoni. ·
L-adozzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni li jinkludi
limitu ta’ żmien għat-tnedija kompleta tal-passaporti internazzjonali
bijometriċi konformi mal-ICAO, inkluż fil-konsulati Ukraini barra
l-pajjiż, kif ukoll għall-eliminazzjoni gradwali kompleta tal-passaporti
mhux konformi mal-ICAO Fl-2011
diġà kien ġie adottat Pjan ta’ Azzjoni għall-eliminazzjoni
gradwali ta’ passaporti mhux konformi mal-ICAO. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jelenka
sett ta’ miżuri u azzjonijiet li għandhom jitwettqu sal-24 ta’ Novembru 2015
u jindika wkoll li l-eliminazzjoni sejra tiġi implimentata gradwalment kif
u meta jinħarġu d-dokumenti bijometriċi, iżda ma
jagħti ebda limitu ta’ żmien għat-tnedija
ta’ dawn id-dokumenti bijometriċi. Fir-rigward tat-tnedija tal-passaporti bijometriċi konformi
mal-ICAO, fil-11 ta’ Settembru 2013 ġie adottat Pjan ta’
Azzjoni għall-perjodu 2013-16, li jeħtieġ li jiġi vvalutat
ladarba jkun hemm traduzzjoni bl-Ingliż disponibbli. ·
L-istabbiliment ta’ programmi ta’
taħriġ u l-adozzjoni ta’ kodiċi ta’ etika kontra l-korruzzjoni
mmirati għall-uffiċjali ta’ kwalunkwe awtorità pubblika li tittratta
l-passaporti internazzjonali, il-passaporti domestiċi u dokumenti ta’
nisel oħrajn Is-Servizz
tal-Immigrazzjoni tal-Istat (SMS) fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Interni
huwa l-korp responsabbli mill-ġestjoni tar-reġistru u
mill-ħruġ ta’ passaporti internazzjonali u dokumenti tal-identità
oħrajn. Fl-2011
diġà kien ġie adottat kodiċi ta’ etika, li kien jiffoka fuq
l-integrità tas-servizz ċivili, id-dikjarazzjonijiet tal-assi u r-regoli
dwar l-informaturi, filwaqt li fl-2012 ġie adottat ukoll kodiċi
ieħor aktar ġenerali għall-uffiċjali tal-korpi għall-affarijiet
interni tal-Ukraina[5].
Għandu jiġi deċiż jekk hemmx bżonn ta’ xi
aġġornamenti, minħabba l-bidliet sussegwenti fil-qafas legali
globali kontra l-korruzzjoni (għal aktar dettalji ara t-taqsima dwar il-Blokk 3).
Id-Diviżjoni
ta’ Kontra l-Korruzzjoni twaqqfet fi ħdan l-SMS f’April 2012 sabiex
tiġġieled u tipprevjeni l-korruzzjoni. Pjan ta’ Azzjoni Annwali dwar
il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati ta’ korruzzjoni huwa approvat
mill-Kap tal-SMS. Għalkemm ma
hemm ebda taħriġ speċifiku għall-uffiċjali li
jittrattaw passaporti internazzjonali, ġew żviluppati bosta korsijiet
speċjalizzati u avvanzati ta’ taħriġ intern għall-uffiċjali
tal-SMS b’kooperazzjoni ma’ universitajiet u li bdew minn din is-sena
(Ġunju 2013). Il-korsijiet jikkonsistu minn programm ta’ ġimgħa,
jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-bijometrika u l-ġlieda kontra
l-korruzzjoni u l-lezzjonijiet jingħataw mid-Diviżjoni ta’ Kontra
l-Korruzzjoni. Il-kontenut
tagħhom jidher li huwa wieħed komprensiv u jikkontribwixxi sabiex
jiżdied l-għarfien tal-impjegati taċ-ċivil dwar
il-korruzzjoni u s-sanzjonijiet imposti. L-effettività
ta’ dawn il-miżuri għandha tkompli tiġi vvalutata ladarba jibdew
jinħarġu d-dokumenti bijometriċi. Blokk 2: L-immigrazzjoni
irregolari, inkluża r-riammissjoni Valutazzjoni ġenerali Fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri, il-liġijiet
neċessarji kollha huma fis-seħħ flimkien mal-qafas istituzzjonali,
inklużi l-għoti ta’ taħriġ u l-kodiċi ta’ etika
għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn
l-aġenziji għandu jittejjeb permezz tal-possibbiltà li l-informazzjoni tiġi
skambjata fil-livelli lokali u reġjonali. Fir-rigward
tal-ġestjoni
tal-immigrazzjoni, l-Ukraina
ppreskriviet bażi komprensiva għal sistema effikaċi ta’
ġestjoni tal-immigrazzjoni u l-qafas leġiżlattiv rilevanti huwa
fis-seħħ. Fil-qasam
tal-ażil, il-bażi leġiżlattiva hija fis-seħħ ukoll
u l-biċċa l-kbira tagħha hija konformi mal-istandards Ewropej u
internazzjonali, għalkemm hemm bżonn ta’ aktar titjib, b’attenzjoni
partikolari għat-twessiegħ tad-definizzjoni tal-protezzjoni
sussidjarja u temporanja u d-dispożizzjonijiet dwar il-kura medika
għall-persuni li jfittxu l-ażil. Il-qafas istituzzjonali,
fil-biċċa l-kbira tiegħu, jinsab fis-seħħ,
għalkemm għandhom jiġu allokati aktar riżorsi
għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Kummenti ddettaljati mill-qasam tal-politika Blokk 2 / suġġett
1 — Il-ġestjoni tal-fruntieri ·
L-adozzjoni tal-miżuri neċessarji
kollha għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ infurzar tal-liġi dwar
l-iżvilupp tal-fruntieri statali u r-rikostruzzjoni u l-kunċett ta’
żvilupp għas-Servizz ta’ Gwardja tal-Fruntieri Statali, it-tnejn li
huma għall-perjodu sal-2015, inkluż qafas legali għall-kooperazzjoni
bejn l-aġenziji, jiġifieri bejn is-Servizz ta’ Gwardja tal-Fruntieri,
l-aġenziji ta’ infurzar tal-liġi u aġenziji oħrajn involuti
fil-ġestjoni tal-fruntieri, u li jippermettu lis-Servizz ta’ Gwardja
tal-Fruntieri jipparteċipa fid-detezzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati transfruntiera
b’koordinazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti kollha fil-qasam tal-infurzar
tal-liġi Il-qafas
leġiżlattiv diġà kien ġie implimentat, bil-Liġi dwar
il-kontroll tal-fruntieri fis-seħħ sa minn Diċembru 2010
flimkien mal-emenda ta’ għadd ta’ partijiet oħrajn
tal-leġiżlazzjoni u tal-liġijiet lokali. Fl-aħħar
sentejn, saru biss xi bidliet żgħar fil-leġiżlazzjoni
relatata mal-fruntieri. Waħda minn dawn il-bidliet, jiġifieri
fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi ġdid
tal-Proċedura Kriminali, affettwat il-kompetenza tas-Servizz ta’ Gwardja
tal-Fruntieri Statali (SBGS), li tilef id-dritt tiegħu li jwettaq
proċeduri kriminali preliminari, bil-kontroll proċedurali
jgħaddi f’idejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur (li joħroġ
l-ordni ta’ kompitu). Fil-fażi tal-implimentazzjoni, jeħtieġ li
jiġu kkjarifikati l-konsegwenzi preċiżi
għall-kapaċitajiet tal-SGBS bħala aġenzija effettiva għall-infurzar
tal-liġi li tindirizza reati kriminali transfruntiera. Id-demarkazzjoni
tal-fruntieri statali bdiet fil-fruntiera bejn l-Ukraina u r-Russja f’Novembru
2012 u kompliet tagħmel progress sostanzjali fil-fruntiera bejn l-Ukraina
u l-Moldova (tant li ġiet iffinalizzata 95 % ta’ dik il-fruntiera, għal
ammont totali ta’ 1 163 km, inkluż 88 % tas-segment Transnistrijan).
Il-fruntiera bejn l-Ukraina u l-Moldova għandha tiġi ffinalizzata
sal-aħħar tal-2013. Sadanittant, il-ħidma fil-fruntiera mal-Belarus
għadha ma bdietx, iżda f’Ġunju 2013, l-Ukraina u l-Belarus iffirmaw
protokoll dwar l-iskambju ta’ noti ta’ rattifika dwar il-ftehim tal-fruntieri
statali li kien konkluż miż-żewġ pajjiżi f’Mejju 1997.
Wieħed jittama li dan id-dokument jagħti bidu għall-ħidma
prattika fuq id-demarkazzjoni tal-fruntiera bejn l-Ukraina u l-Belarus. Minkejja
n-nuqqas ta’ demarkazzjoni, xorta waħda jeżisti mekkaniżmu ta’
kontroll tal-fruntieri, tant li l-fruntieri jinsabu taħt il-kontroll tal-awtoritajiet
kompetenti fuq iż-żewġ naħat tagħhom. F’termini ta’
kooperazzjoni internazzjonali, l-SBGS qiegħed jiżviluppa b’mod attiv
ir-relazzjonijiet tiegħu mal-awtoritajiet tal-pajjiżi ġirien u
ma’ atturi oħrajn fl-isfera tal-fruntieri internazzjonali. Dan
ix-xogħol ta’ żvilupp issokta u bħalissa qiegħed jitmexxa
dejjem aktar lejn il-mira li jservi l-kooperazzjoni prattika. Tajjeb
ngħidu li sar progress konsiderevoli, b’mod partikolari fil-qasam
tal-monitoraġġ konġunt tal-fruntieri abbażi tal-ftehimiet
bilaterali mal-pajjiżi ġirien: f’Mejju 2012 iddaħħal
fis-seħħ ftehim mal-Ungerija, filwaqt li fi Frar 2012
iddaħħal fis-seħħ ftehim simili mar-Russja.
Il-kooperazzjoni mal-Frontex kompliet skont il-pjan ta’ kooperazzjoni ġdid
għall-perjodu 2013-15 b’enfasi fuq l-operazzjonijiet konġunti,
l-analiżi tar-riskju, l-iskambju ta’ informazzjoni, it-taħriġ
tal-persunal u l-kooperazzjoni teknoloġika. Il-kooperazzjoni
bejn l-aġenziji hija wieħed mill-oqsma li għadhom
jeħtieġu l-attenzjoni. Ittieħdu l-ewwel passi, iżda
l-kooperazzjoni effettiva bejn l-aġenziji – speċjalment l-iskambju
ta’ informazzjoni – għadha limitata biss għall-organizzazzjonijiet
tal-ogħla livell. Huwa importanti ħafna li jiġi rikonoxxut
il-valur miżjud tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji, mhux biss
għall-SBGS, iżda wkoll għall-awtoritajiet l-oħrajn li huma involuti
fil-prevenzjoni tal-kriminalità transfruntiera u sabiex jiġi kkunsidrat
bir-reqqa, inkluż mill-perspettiva legali, jekk għadhomx jeżistu
ostakoli bla bżonn. L-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell ta’ bejn
l-aġenziji qiegħed isir permezz taċ-Ċentru ta’ Analiżi
u Kuntatt Virtwali, li jgħaqqad l-unitajiet speċifikati tal-SBGS, il-Ministeru
tal-Affarijiet Interni, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, is-Servizz
tal-Immigrazzjoni tal-Istat, is-Servizz Doganali tal-Istat, is-Servizz tas-Sigurtà
u l-Aġenzija Nazzjonali tas-Servizz Ċivili, bl-SBGS jingħata
r-rwol tal-koordinazzjoni. Iċ-Ċentru pproduċa rapporti
analitiċi konġunti, li abbażi tagħhom, it-tmexxija tal-SBGS
u s-Servizz Doganali tal-Istat qegħdin jieħdu deċiżjonijiet
fl-isfera tal-protezzjoni tal-fruntieri. ·
L-adozzjoni ta’ Strateġija Nazzjonali
għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri u ta’ Pjan ta’ Azzjoni
għall-implimentazzjoni effettiva tagħha, inklużi limitu ta’
żmien u objettivi speċifiċi għall-iżvilupp ulterjuri
tal-leġiżlazzjoni, tal-organizzazzjoni, tal-infrastruttura, tat-tagħmir
u ta’ riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti fil-qasam
tal-ġestjoni tal-fruntieri Ċerti
dokumenti ewlenin kienu diġà fis-seħħ, bħal ngħidu
aħna Strateġija li ġiet approvata fl-2006 u Pjan ta’ Azzjoni
mill-2007 sal-2015 bil-għan li l-SBGS jiġi ttrasformat
f’aġenzija moderna tat-tip Ewropew għall-infurzar tal-liġi.
F’Lulju 2012 ġie adottat test dwar ir-Riforma tal-iskwadri mobbli, filwaqt
li fl-2011 ġew adottati Strateġiji (‘Kunċetti’)
għall-gwardji marittimi u l-avjazzjoni. Ir-riżultati
miksuba jissuġġerixxu li, b’mod ġenerali, il-Kunċetti
msemmija qabel ġew implimentati b’suċċess (pereżempju;
l-użu tal-koskritti f’doveri ta’ kontroll fil-fruntieri issa ġie fi
tmiemu u l-membri tal-persunal kollha tal-SBGS ingħataw kuntratt u
ngħataw taħriġ speċjali sabiex ikunu jistgħu jwettqu
d-doveri tagħhom). Fir-rigward tal-avjazzjoni, inxtraw inġenji
tal-ajru addizzjonali u l-piloti tħarrġu skont l-istandards tal-ICAO.
Fir-rigward tar-riżorsi marittimi, il-proġetti tlestew (bdiet
tintuża l-patrol boat ‘Oral’) u bħalissa qegħdin jitfasslu
kunċett ġdid ta’ taħriġ u sistema ta’ wara l-gradwazzjoni. Bħalissa
qiegħda tintuża sistema integrata ta’ komunikazzjoni u informazzjoni
bejn l-aġenziji imsejħa ‘Arkan’ għall-kontroll tal-persuni, tal-vetturi
u tal-merkanzija li jaqsmu l-fruntiera statali. Din is-sistema tgħaqqad
disa’ ministeri u aġenziji differenti, tippermetti t-twettiq ta’
attivitajiet ta’ appoġġ funzjonali u informazzjoni u tagħti
ċ-ċans lill-utenti tagħha jamministraw il-bażijiet ta’
dejta tagħhom u jkollhom aċċess għall-bażijiet ta’
dejta ta’ xulxin, filwaqt li jiskambjaw l-informazzjoni b’mod protett u sigur.
Għalkemm ‘Arkan’ diġà qiegħda topera, l-użu tagħha
huwa limitat minħabba li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-aġenziji
mhuwiex possibbli bejn il-livelli lokali u reġjonali. ·
Il-ħolqien ta’ programmi ta’
taħriġ u l-adozzjoni ta’ kodiċi ta’ etika kontra l-korruzzjoni speċifikament
immirati għall-gwardji tal-fruntieri, għall-uffiċjali tad-dwana
u għal uffiċjali oħrajn li huma involuti fil-ġestjoni tal-fruntieri L-Akkademja tal-SGBS
kompliet ittejjeb il-livell ta’ taħriġ u l-kondizzjonijiet
tat-taħriġ tagħha. Fir-rigward tal-istruttura istituzzjonali,
twaqqaf dipartiment speċifiku fi ħdan l-SGBS bil-kompiti
speċifiċi li jipprevjeni l-korruzzjoni. F’termini edukattivi,
il-kurrikulu tal-Akkademja tal-SBGS jinkludi 114-il siegħa akkademika ta’
studji legali dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kodiċi ta’
mġiba tal-persunal responsabbli mill-ġestjoni tal-fruntieri. Hemm
ukoll taħriġ speċjali f’livell avvanzat għall-persunal
responsabbli mill-ġestjoni tal-fruntieri. Barra minn hekk,
hemm ukoll miżuri konkreti oħrajn fis-seħħ: hemm Uffiċċju
Pubbliku ta’ Akkoljenza għat-talbiet li jsiru miċ-ċittadini, kif
ukoll hotline li jibqa’ miftuħ għal 24 siegħa kuljum.
Qegħdin jitwettqu kampanji kontra l-korruzzjoni, inkluż
f’kooperazzjoni ma’ ċerti NGOs. Fir-rigward
tad-dwana, il-Ministeru tad-Dħul mit-Taxxi u d-Dazji saħħaħ
ukoll id-Dipartiment tas-Sigurtà Interna li jittratta l-każijiet ta’
korruzzjoni. Huwa rċieva setgħat usa’ sabiex ikun jista’ jidentifika
u jipprevjeni r-reati ta’ korruzzjoni fl-isfera doganali. L-istrateġija
Kontra l-Korruzzjoni Doganali tinkludi l-objettivi intiżi sabiex titnaqqas
il-korruzzjoni fost il-persunal permezz ta’ ħidma preventiva u t-tiswir
ta’ attitudni negattiva lejn l-aċċettazzjoni tat-tixħim. Fi Frar
2013 tniedet l-Operazzjoni tal-Fruntieri Statali 2013 sabiex tindirizza l-problema.
Blokk 2 / suġġett
2 — Il-ġestjoni tal-immigrazzjoni ·
L-adozzjoni ta’ qafas legali għall-politika
tal-immigrazzjoni li jipprovdi struttura istituzzjonali effettiva
għall-ġestjoni tal-immigrazzjoni, regoli għad-dħul u
l-permanenza ta’ persuni barranin, miżuri għar-riintegrazzjoni
taċ-ċittadini Ukraini (li jirritornaw volontarjament jew skont
il-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u l-Ukraina), il-monitoraġġ
tal-flussi tal-immigrazzjoni u miżuri intiżi biex jiġġieldu
l-immigrazzjoni irregolari (fosthom il-proċeduri ta’ ritorn, id-drittijiet
tal-persuni soġġetti għal tali proċeduri,
il-kondizzjonijiet tad-detenzjoni, l-isforzi sabiex jiġu konklużi
ftehimiet ta’ riammissjoni mal-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini u
d-detezzjoni fil-pajjiż ta’ immigranti irregolari) F’Settembru 2011 ġiet adottata u implimentata liġi qafas
dwar il-barranin u l-persuni apolidi. Din il-liġi tkopri r-regoli
tad-dħul, tal-permanenza u tar-ritorn. B’segwitu
għar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, ġew emendati ħames
liġijiet sussegwenti oħrajn intiżi biex jippreskrivu regoli
ddettaljati dwar il-proċedura ta’
espulsjoni, dwar id-dokumenti maħruġa lill-immigranti u dwar
il-kompetenzi addizzjonali tas-Servizz ta’ Gwardja tal-Fruntieri Statali fil-qasam
tar-ritorn sfurzat. Barra minn hekk, ġew miżjuda regoli operattivi addizzjonali
fil-forma ta’ liġijiet lokali, li ġabu magħhom ċarezza
akbar fir-rigward tal-proċeduri dwar soġġorn legali. Ir-riintegrazzjoni taċ-ċittadini Ukraini riammessi jew
li rritornaw volontarjament hija formalment parti mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar
l-integrazzjoni mmirat kemm għall-immigranti kif ukoll
għaċ-ċittadini proprji. Ċerti aspetti speċifiċi (il-validazzjoni
tat-taħriġ vokazzjonali miksub b’mod informali waqt esperjenza ta’
xogħol barra l-pajjiż) ġew indirizzati mil-liġi lokali. Il-President,
li inkariga lill-Ministeru tal-Politika Soċjali sabiex jabbozza liġi
u programm nazzjonali mmirat f’dan ir-rigward, tkellem favur approċċ
aktar komprensiv għar-riintegrazzjoni tax-xogħol (waqt l-indirizz annwali
lill-Verkhovna Rada, Ġunju 2013). Ir-regoli dwar ir-ritorn volontarju
ġew ikkonkretizzati f’liġi lokali fl-2012, madankollu,
l-ispeċifikazzjoni ulterjuri tal-mekkaniżmu għandha tkun utli. L-espulsjoni
obbligatorja jew sfurzata ta’ immigrant irregolari tinvolvi d-detenzjoni
tal-persuna barranija fl-hekk imsejjaħ Migration Custody Centre (MCC) għall-perjodu
neċessarju sabiex tiġi infurzata d-deċiżjoni
ġudizzjarja dwar l-espulsjoni obbligatorja, li ma għandux ikun ta’
aktar minn 12-il xahar kif stipulat mid-dispożizzjonijiet rilevanti
tal-Liġi tal-2011 dwar l-istatus legali taċ-ċittadini barranin u
tal-persuni apolidi[6].
Ma hija prevista ebda reviżjoni ġudizzjarja tad-deċiżjoni
dwar id-detenzjoni amministrattiva f’MCC, għajr meta din tkun akkumpanjata
minn appell dwar is-sustanza tal-każ, jiġifieri l-espulsjoni[7]; l-awtoritajiet
tal-infurzar huma mitluba biss li jinnotifikaw lill-Uffiċċju tal-Prosekutur
fi żmien 24 siegħa. Fir-rigward tal-kapaċità istituzzjonali, is-Servizz
tal-Immigrazzjoni tal-Istat (SMS) huwa l-aġenzija ewlenija li timplimenta
u tikkoordina l-politika tal-immigrazzjoni. Din l-aġenzija twaqqfet fl-2011
u sa issa qiegħda topera b’mod sħiħ b’199 uffiċjal
fl-uffiċċju ċentrali tagħha u 5 133 uffiċjal
fl-uffiċċji reġjonali tagħha; hemm ukoll il-pjanijiet li
jinkrew 1 500 impjegat addizzjonali sabiex jittrattaw l-immigrazzjoni
irregolari. Hija kompetenti kemm għall-immigrazzjoni legali kif ukoll
għall-immigrazzjoni irregolari, għalkemm fir-rigward ta’ din
tal-aħħar (pereżempju; id-detenzjoni), minħabba n-natura
ċivili tagħha, hija jkollha tinvolvi lill-aġenziji tal-infurzar
tal-liġi. Fir-rigward
tar-riammissjonijiet, l-Ukraina kkonkludiet ftehimiet ta’ riammissjoni
mal-Unjoni Ewropea (fis-seħħ sa mill-1 ta’ Jannar 2008). B’mod speċifiku, ġie
ffirmat protokoll ta’ implimentazzjoni mal-Awstrija; in-negozjati għal
protokolli simili jinsabu fl-istadji finali tagħhom mar-Repubblika
Ċeka, mal-Polonja u mal-Estonja, filwaqt li tali negozjati jinsabu
għaddejjin ukoll ma’ 12-il Stat Membru ieħor. Fl-2013 ġie
ffirmat u implimentat ftehim ġdid mar-Russja li jkopri r-riammissjoni
aċċellerata. In-negozjati għadhom għaddejjin ma’ numru ta’
pajjiżi oħrajn (pajjiżi mill-Balkani tal-Punent, l-Isvizzera u
l-Islanda). Il-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Ukraina
għar-riammissjoni ltaqa’ f’Mejju 2012 u sab li ma kien hemm ebda problema
kbira bl-implimentazzjoni
prattika tal-Ftehim, filwaqt li ddiskuta numru ta’ kwistjonijiet tekniċi. ·
L-adozzjoni ta’ Strateġija Nazzjonali
għall-Ġestjoni tal-Immigrazzjoni għall-implimentazzjoni
effettiva tal-qafas legali għall-politika tal-immigrazzjoni u Pjan ta’
Azzjoni, li jinkludi limitu ta’ żmien, objettivi speċifiċi,
attivitajiet, riżultati, indikaturi tal-prestazzjoni u riżorsi umani
u finanzjarji suffiċjenti L-Istrateġija dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil, li
ġiet adottata fit-30 ta’ Mejju 2011, tidentifika x-xejriet,
il-prinċipji u l-prijoritajiet, flimkien ma’ Pjan ta’ Azzjoni li
jistabbilixxi l-attivitajiet, il-limitu ta’ żmien u l-awtoritajiet
responsabbli. Kummissjoni interim bejn l-aġenziji tqabbdet sabiex
timplimenta l-politika dwar l-immigrazzjoni, filwaqt li nħoloq Kunsill
tal-Koordinazzjoni sabiex jikkoordina l-attivitajiet tal-Pjan ta’ Azzjoni. ·
Il-ħolqien ta’ mekkaniżmu
għall-monitoraġġ tal-flussi tal-immigrazzjoni, li
jipproduċi profil tal-immigrazzjoni li jiġi aġġornat
regolarment għall-Ukraina, b’dejta dwar l-immigrazzjoni legali u irregolari,
kif ukoll għall-istabbiliment ta’ korpi responsabbli mill-ġbir u
l-analiżi ta’ dejta dwar l-istokkijiet u l-flussi tal-immigrazzjoni Qiegħed
jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-flussi
tal-immigrazzjoni fuq il-bażi ta’ Riżoluzzjoni mill-Kabinett
tal-Ministri mill-2012, bħala subsistema ta’ Arkan (is-sistema integrata
ta’ informazzjoni bejn l-aġenziji, ara aktar ’il fuq is-suġġett
1 dwar il-ġestjoni tal-fruntieri). Għal dan il-għan, ġew
prodotti t-termini ta’ referenza. Il-profili
tal-immigrazzjoni jiġu aġġornati regolarment, fejn
għall-aħħar wieħed, dak tal-2012 (maħruġ
fl-2013), is-Servizz tal-Immigrazzjoni tal-Istat kien diġà fit-tmexxija
bl-għajnuna attiva tal-esperti tal-ILO. Safejn
għandha x’taqsam l-analiżi tar-riskji, fuq il-bażi ta’ Strateġija
li ġiet adottata fl-2011, għadha qiegħda tiġi stabbilita
Metodoloġija għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari
permezz ta’ Ċentru ta’ Analiżi ta’ Kuntatt. Bħalissa,
ix-xogħol kollu qiegħed isir mit-Taqsima Analitika fi ħdan
is-Servizz tal-Immigrazzjoni tal-Istat, li tiġbor id-dejta statistika u
dejta oħra b’mod manwali, mingħajr appoġġ tal-IT
mill-aġenziji rilevanti. Blokk 2 / suġġett
3 — Il-politika tal-ażil ·
L-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni
fil-qasam tal-ażil skont l-istandards internazzjonali (il-Konvenzjoni ta’
Ġinevra tal-1951 bil-Protokoll ta’ New York) u l-istandards tal-UE, li
tistabbilixxi r-raġunijiet għall-protezzjoni internazzjonali
(inklużi l-forom sussidjarji ta’ protezzjoni), ir-regoli proċedurali
dwar l-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali
u d-drittijiet tal-persuni li jfittxu l-ażil u tar-refuġjati Daħlet fis-seħħ liġi qafas mill-2011 dwar
ir-refuġjati u l-persuni li jeħtieġu protezzjoni sussidjarja u
temporanja. Tali liġi tipprovdi bażi legali soda għall-proċeduri
tal-ażil, li fil-biċċa l-kbira tagħha hija konformi
mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Madankollu, għad hemm xi aspetti
li jeħtieġu titjib, minħabba li, minkejja r-rakkomandazzjonijiet
preċedenti li saru mill-Kummissjoni u r-rakkomandazzjoni tal-UNHCR maħruġa
f’rapport tal-pajjiż f’Lulju ta’ din is-sena[8], il-Liġi ma ġietx
emendata. B’mod partikolari, id-definizzjoni ta’ protezzjoni kumplimentarja u d-definizzjoni
ta’ protezzjoni temporanja għandhom jiġu estiżi, filwaqt li
l-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil għandhom
jingħataw il-kura medika neċessarja mingħajr ħlas,
għall-inqas f’każ ta’ emerġenza. Fir-rigward ta’ dawn
tal-aħħar, l-SMS diġà fassal abbozz. Wara r-rakkomandazzjonijiet
li saru, fl-2012 ittieħdet azzjoni sabiex partijiet oħrajn
tal-leġiżlazzjoni isiru konformi mal-liġi qafas, billi ġew
stabbiliti diversi drittijiet għall-persuni bi protezzjoni temporanja u
sussidjarja (edukazzjoni, kura tas-saħħa, allowances tal-familja,
servizzi soċjali, eċċ.). Fir-rigward tal-proċedura tal-ażil, il-Liġi hija
fis-seħħ, għalkemm għad hemm bżonn li jsir xi titjib,
b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-iskadenza
għall-appelli, li bħalissa hija ffissata għal ħamest ijiem,
anki jekk skont l-awtoritajiet Ukraini, din mhijiex applikata strettament
mill-qrati. L-informazzjoni dwar il-pajjiż tal-oriġini għandha
tissemma wkoll b’mod speċifiku. Barra minn hekk, jeħtieġ li
jiġu ċċarati kwistjonijiet bħad-dritt
għall-interpretazzjoni, il-kunfidenzjalità
tal-intervisti, l-għoti tar-raġunijiet għar-rifjut u
l-inammissibilità tat-talbiet għall-ażil. Fl-aħħarnett,
ir-regoli dwar id-detenzjoni għandhom jiġu speċifikati aktar,
b’attenzjoni speċjali għal awtorizzazzjoni meħtieġa
mill-qorti. Fir-rigward
tal-għajnuna legali, hemm liġi dwar l-għajnuna legali
mingħajr ħlas li għandha tibda tapplika mill-2014 ’il quddiem,
apparentement anki permezz ta’ ‘kliniki legali’ li jipprovdu s-servizz ta’
avukat anki lill-barranin u lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu
l-ażil; il-finanzjament mhuwiex ċar għal kollox. Madankollu, il-Liġi
tipprevedi biss l-għoti ta’ għajnuna legali liċ-ċittadini
ta’ pajjiżi li magħhom l-Ukraina ffirmat ftehim bilaterali dwar
l-għajnuna legali mingħajr ħlas - dispożizzjoni li fil-fatt
teskludi lil ħafna persuni li qegħdin ifittxu l-ażil milli
jkollhom aċċess għall-għajnuna legali mingħajr
ħlas. F’termini politiċi,
f’Lulju 2012 ġie adottat Pjan ta’ Azzjoni dwar l-integrazzjoni
tar-refuġjati u tal-persuni li jeħtieġu protezzjoni
addizzjonali, li jqanqal approċċ aktar ikkoordinat fost l-awtoritajiet
differenti, fosthom il-Ministeru tal-Politika Soċjali, iżda
għandhom jiġu indirizzati kwistjonijiet importanti
bħall-iżgurar ta’ dispożizzjonijiet baġitarji
għall-implimentazzjoni tiegħu. F’termini
istituzzjonali, is-Servizz tal-Immigrazzjoni tal-Istat (SMS) huwa
l-aġenzija ewlenija tal-gvern kompetenti sabiex jieħu
deċiżjonijiet dwar l-applikanti għall-ażil. Bil-għan
tal-implimentazzjoni, in-numru ta’ impjegati li jittrattaw l-applikanti
għall-ażil għandu jiżdied u b’hekk ikun jista’ jiġi
ssimplifikat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
Madankollu, ir-relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u mal-UNHCR ma rawx
wisq titjib. Blokk 3: L-ordni pubbliku u s-sigurtà Valutazzjoni
ġenerali Ġie
stabbilit il-qafas politiku u leġiżlattiv dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Il-Liġi dwar il-kriminalità organizzata ġiet adottata
flimkien mal-Istrateġija (‘Politika tal-Istat’) u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’
akkumpanjament, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma konformi
mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Il-qafas
leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (THB) ġie kkonsolidat u fil-biċċa l-kbira tiegħu
huwa konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Il-Pjan ta’ Azzjoni
għall-perjodu 2012-15
jipprovdi approċċ
komprensiv fl-indirizzar tat-THB. Fir-rigward
tal-politika kontra
l-korruzzjoni, għalkemm
sar progress sostanzjali fl-aħħar sentejn, xorta waħda għad
hemm bżonn ta’ aktar titjib sabiex ikun jista’ jiġi kkompletat il-qafas
politiku u leġiżlattiv. Fir-rigward
tal-kooperazzjoni bejn
l-aġenziji għall-infurzar tal-liġi, b’mod ġenerali, il-koordinazzjoni tjiebet, tant li
qiegħda tippermetti li jsir skambju aktar effettiv tal-informazzjoni.
Il-qafas leġiżlattiv u politiku għall-prevenzjoni u
l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament
tat-terroriżmu huwa
fis-seħħ u konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. L-Ukraina
aderixxiet għall-konvenzjonijiet kollha tan-Nazzjonijiet Uniti u
tal-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam tal-ordni pubbliku u s-sigurtà u
għall-maġġoranza tal-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u
tal-Kunsill tal-Ewropa rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Barra
minn hekk, għandhom jittieħdu passi oħrajn sabiex jinkiseb il-progress
fir-rigward tal-konklużjoni ta’ ftehimiet mal-Europol u mal-Eurojust. Il-qafas
leġiżlattiv u istituzzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta huwa konformi mal-istandards Ewropej, għalkemm għad hemm
bżonn ta’ xi aġġustamenti bil-għan li titwessa’
l-kompetenza tal-Awtorità Superviżorja tal-Protezzjoni tad-Dejta. L-Ukraina
daħħlet fis-seħħ il-qafas leġiżlattiv, politiku u
istituzzjonali neċessarju fil-qasam tal-politika kontra d-droga skont l-istandards Ewropej u internazzjonali. Il-qafas
leġiżlattiv rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali kompla jiġi kkonsolidat. L-Ukraina diġà rratifikat
it-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar
l-assistenza legali reċiproka fi kwistjonijiet kriminali u
daħħlet dispożizzjonijiet xierqa fil-Kodiċi ġdid
tagħha dwar il-Proċeduri Kriminali. Lil
hinn mill-parametru tal-VLAP, ta’ min jinnota li l-Ukraina ħadet passi
sabiex tirriforma kemm il-ġudikatura kif ukoll l-uffiċċju
tal-prosekutur, li huwa marbut mill-qrib mar-riforma kostituzzjonali. Kummenti ddettaljati Blokk 3 / suġġett
1 — Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata,
it-terroriżmu u l-korruzzjoni ·
L-adozzjoni ta’ strateġija komprensiva
għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, flimkien ma’ pjan ta’
azzjoni li jinkludi limitu ta’ żmien, objettivi speċifiċi,
attivitajiet, riżultati, indikaturi tal-prestazzjoni u riżorsi umani
u finanzjarji suffiċjenti Il-Liġi
dwar l-organizzazzjoni u l-prinċipji legali tal-ġlieda kontra
l-kriminalità organizzata, li ġiet riveduta fl-2011, tipprovdi l-bażi
leġiżlattiva għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata
billi tippreskrivi qafas organizzattiv ġenerali u billi tistabbilixxi
sistema ta’ awtoritajiet statali responsabbli, li jiddefinixxu l-kompetenzi u
l-metodi ta’ kooperazzjoni tagħhom. Minbarra l-liġi, hemm ukoll Strateġija
(‘Kunċett’) għal linji politiċi statali dwar il-ġlieda
kontra l-kriminalità organizzata, li tmur lura għal Ottubru 2011 u li
ġiet ikkonkretizzata permezz ta’ Pjan ta’ Azzjoni li ġie adottat
f’Jannar 2012. Il-qafas legali
dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata ġie
kkompletat permezz ta’ emendi rilevanti fil-Kodiċi Kriminali u, b’mod
partikolari, permezz tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi
ġdid tal-Proċedura Kriminali, li daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Novembru 2012.
Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jinkludi dispożizzjonijiet li
huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b’mod
partikolari regoli ddettaljati dwar miżuri investigattivi moħbija,
filwaqt li l-Kodiċi Kriminali jippreskrivi l-kriterji kwalifikattivi
għar-reati li għandhom jitqiesu bħala kriminalità organizzata u
jagħmilha punibbli b’piena aktar ħarxa. Il-protezzjoni tax-xhieda
kompliet tissaħħaħ permezz tal-introduzzjoni ta’ miżuri ta’
prekawzjoni, għalkemm huwa mixtieq li jiġu introdotti
dispożizzjonijiet speċifiċi addizzjonali dwar il-kooperazzjoni
tal-ex membri ta’ gruppi kriminali mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi permezz
tal-ħolqien ta’ programmi speċifiċi maħsuba sabiex
jinċentivaw u jippremjaw il-kooperazzjoni tagħhom. Fir-rigward
tal-proċeduri kriminali, bil-għan li tkompli tittejjeb l-effettività
tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ikun ta’ vantaġġ
jekk jiġu introdotti tipi aktar avvanzati ta’ konfiska (konfiska
estiża, konfiska mhux ibbażata fuq kundanna, konfiska tal-valur u,
konsegwentement, il-ħolqien ta’ aġenzija indipendenti
għall-ġestjoni tal-assi maqbuda u kkonfiskati). Fir-rigward
tal-qafas politiku, il-‘Kunċett’ għall-politika tal-Istat, flimkien
mal-Pjan ta’ Azzjoni ddettaljat ta’ akkumpanjament, huma implimentati
bir-reqqa, filwaqt li l-miri u l-iskadenzi qegħdin jiġu ssodisfati,
b’attenzjoni speċjali għall-analiżi tal-leġiżlazzjoni
rilevanti u l-emendi sussegwenti, kif ukoll għall-iżvilupp ta’
mekkaniżmu effettiv ta’ kooperazzjoni. Barra minn hekk, titwettaq
analiżi sistematika annwali tal-kawżi u l-kondizzjonijiet li
jaffettwaw bl-għajnuna ta’ reġistru unifikat waħdieni
tal-investigazzjonijiet kollha ta’ qabel is-smigħ imwaqqfa fi ħdan
l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (GPO). Fl-aħħarnett,
fir-rigward tal-istruttura istituzzjonali, il-Kodiċi ġdid
tal-Proċedura Kriminali jiddeskrivi b’mod ċar ir-rwol ewlieni ta’
koordinazzjoni u superviżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, li
jistipula min għandu s-setgħa li jieħu deċiżjoni
f’każ ta’ konflitt. L-awtoritajiet tal-Istat, li nħolqu
speċifikament sabiex jiġġieldu l-kriminalità organizzata — kemm
fil-Ministeru tal-Affarijiet Interni kif ukoll fis-Servizz tas-Sigurtà — jistgħu
jkomplu jtejbu s-sistema tal-awtoritajiet tal-Istat involuti fil-ġlieda
kontra l-kriminalità organizzata. ·
L-adozzjoni ta’ liġi dwar it-traffikar
tal-bnedmin u l-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni
b’mod effettiv tal-Programm tal-Istat għall-ġlieda kontra t-traffikar
tal-bnedmin, li jinkludi limitu ta’ żmien, objettivi speċifiċi, attivitajiet,
riżultati, indikaturi tal-prestazzjoni u riżorsi umani u finanzjarji
suffiċjenti Il-Liġi kontra
t-traffikar tal-bnedmin ilha fis-seħħ minn Ottubru 2011. Hija
tippreskrivi d-dispożizzjonijiet ewlenin dwar il-ġlieda kontra
t-traffikar u l-prevenzjoni tiegħu, u dwar l-għajnuna u l-protezzjoni
li għandhom jingħataw lill-vittmi skont l-istandards Ewropej u
internazzjonali rilevanti (skont il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa). Matul
l-aħħar sentejn, din il-Liġi ġiet issupplimentata bi
strumenti leġiżlattivi varji li tejbu u kkonsolidaw il-qafas legali
b’mod sostanzjali u li mxew fuq ir-rakkomandazzjonijiet kważi kollha li
saru fit-Tieni Rapport ta’ Progress tal-Kummissjoni. Bil-għan
li tiġi implimentata l-Liġi, f’Mejju 2012 ġew adottati atti
legali sekondarji (Riżoluzzjonijiet tal-Kabinett tal-Ministri) sabiex
jintroduċu proċeduri ta’ rikonoxximent standardizzat
għall-għoti tal-istatus tal-vittmi tat-traffikar u, f’Awwissu 2012,
fuq il-mekkaniżmu nazzjonali għall-interazzjoni bejn l-aġenti
involuti fil-ġlieda kontra t-traffikar. L-għan ta’ dan
tal-aħħar kien li jevita d-duplikazzjoni tal-kompetenzi u li
jistabbilixxi sistema komprensiva. F’termini
tad-drittijiet proċedurali tal-vittmi, ċerti dispożizzjonijiet
ġodda dwar il-protezzjoni tax-xhieda fil-Kodiċi ġdid
tal-Proċedura Kriminali (fis-seħħ
mid-19 ta’ Novembru 2012) huma rilevanti għall-vittmi
tat-traffikar ukoll (smigħ bil-bibien magħluqin, investigazzjoni
remota qabel il-proċess u proċedimenti remoti fil-qorti). Id-drittijiet
proċedurali jistgħu jissaħħu aktar permezz ta’ sistema li
tippermetti li jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni qabel issir
l-intervista mal-vittmi potenzjali u li tiżgura l-kunfidenzjalità
diġà f’dak l-istadju. Fir-rigward tal-vittmi barranin, il-leġiżlazzjoni
dwar l-istatus legali tal-barranin għandha tiġi ssupplimentata sabiex
tagħtihom iċ-ċans li jirċievu permessi ta’ residenza wara
r-rikonoxximent tal-istatus tagħhom. F’Mejju
2012 ġie adottat Pjan ta’ Azzjoni li jistabbilixxi miżuri sal-2015,
b’limiti ta’ żmien, objettivi, riżultati u indikaturi
tal-prestazzjoni speċifiċi. L-għajnuna pprovduta lill-vittmi (ir-rijabilitazzjoni
u l-assistenza soċjali, ġudizzjarja, medika u psikoloġika)
mistennija tissaħħaħ permezz ta’ sistema konkreta ta’ monitoraġġ
u koordinazzjoni aħjar. Fil-qasam tal-prevenzjoni, qegħdin jiġu
skedati kampanji ta’ informazzjoni u attivitajiet oħrajn ta’
sensibilizzazzjoni b’allokazzjoni baġitarja speċifika. Barra minn
hekk, ġew adottati programmi ta’ taħriġ avvanzat b’baġit
speċifiku għall-impjegati tal-gvern, inklużi l-uffiċjali f’pożizzjonijiet
importanti. Madankollu, l-allokazzjoni baġitarja għall-assistenza
tista’ tkun aktar speċifika sabiex jiġu garantiti biżżejjed
riżorsi kemm fil-livell lokali kif ukoll fil-livell nazzjonali. F’termini
istituzzjonali, il-Ministeru tal-Politika Soċjali huwa l-Koordinatur
Nazzjonali għall-prevenzjoni maħtur minn Jannar 2012. Intant,
intlaħaq qbil fuq metodi ta’ kooperazzjoni mal-NGOs elenkati f’Memorandum ta’
Kooperazzjoni mal-Koalizzjoni tal-NGOs Ukraini kollha kontra t-Traffikar
tal-Bnedmin li ġie ffirmat f’April 2013. Barra minn hekk, għandha
tiġi stabbilita sistema trasparenti ta’
involviment mis-soċjetà ċivili fl-għoti ta’ servizzi
soċjali lill-vittmi tat-traffikar. Fir-rigward
tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-Prosekutur għandu
jikkoordina lill-aġenziji għall-infurzar tal-liġi u f’Awwissu
2013 twaqqaf Dipartiment separat fi ħdan il-Militia b’kompetenza
speċifika li jinvestiga. ·
L-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni
u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u lF-ħolqien ta’ aġenzija unika
u indipendenti kontra l-korruzzjoni; it-tisħiħ tal-koordinazzjoni u
l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda
kontra l-korruzzjoni Wara l-adozzjoni
f’April 2011 tal-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni, l-Ukraina
ħadet aktar inizjattivi leġiżlattivi (jiġifieri l-pakketti leġiżlattivi ta’ Mejju 2013)
bil-għan li tindirizza wħud mir-rakkomandazzjonijiet pendenti li saru
mill-Kummissjoni u mill-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO). Fl-istess
waqt, għandu jiġi enfasizzat li l-bidliet leġiżlattivi
frammentati frekwenti, kuntrarju għal approċċ strateġiku
koerenti għar-riformi leġiżlattivi, joħolqu riskji serji
għaċ-ċertezza legali u jistgħu jagħmlu
l-implimentazzjoni tal-linji politiċi kontra l-korruzzjoni aktar
diffiċli. Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi sabiex tittejjeb
il-kwalità tal-proċess leġiżlattiv, jissawwar approċċ
strateġiku komprensiv li jkun ibbażat fuq valutazzjonijiet tal-impatt
tajbin u jiżdied l-għarfien dwar il-bidliet leġiżlattivi
kontinwi. Fir-rigward
tal-qafas tal-liġi kriminali, jista’ jiġi osservat xi titjib,
bħall-kjarifika ulterjuri tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-reati ta’
korruzzjoni. Barra minn hekk, ġiet adottata liġi li tabolixxi
l-artikoli tal-Kodiċi ta’ Reati Amministrattivi li kienu jkopru reati li jikkawżaw
responsabbiltà kriminali għal korruzzjoni attiva jew passiva. Fl-2012, ġew adottati regoli
ta’ mġiba etika għall-persuni kollha li huma awtorizzati sabiex
iwettqu funzjonijiet tal-gvern ċentrali jew lokali. Fir-rigward
tas-settur privat, sar progress permezz tal-introduzzjoni ta’ responsabbiltà
kriminali korporattiva għar-reati ta’ korruzzjoni kommessi fl-interess ta’
jew f’isem persuni ġuridiċi. Mhuwiex ċar għal kollox jekk
il-leġiżlazzjoni l-ġdida tkoprix ir-responsabbiltà korporattiva
u, jekk iva, kif tkopriha, f’każ ta’ nuqqas ta’ superviżjoni jew
kontroll. Is-sanzjonijiet li huma applikabbli bħalissa
għall-individwi u l-entitajiet legali fir-rigward tal-korruzzjoni
fis-settur privat mhumiex dissważivi biżżejjed. Barra minn hekk,
ġiet ippreżentata liġi ġdida fil-parlament bil-għan li
żżid il-livell tal-pieni, filwaqt li madankollu tħalli
s-sentenzi ta’ priġunerija għall-individwi bħala alternattiva
għal reati inqas serji. Il-monitoraġġ
tal-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni 2011-15 huwa wieħed
mill-kompiti tal-Kumitat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (NAC). Il-pjan ta’
azzjoni korrispondenti (programm statali), li huwa kkoordinat mill-Ministeru
tal-Ġustizzja, jibbenifika mill-aġġornament tal-miżuri
ppjanati b’konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-allokazzjoni ta’
fondi baġitarji suffiċjenti. Is-soċjetà ċivili hija
rrappreżentata fl-NAC (wieħed minn kull ħamsa tal-membri
tiegħu). Madankollu, fil-prattika, l-NAC baqa’ ma ltaqax matul is-sena li
għaddiet, fejn ir-rappreżentanza ġenwina tas-soċjetà
ċivili f’dan il-Kumitat setgħet tagħti xi riżultati
konkreti. Barra minn hekk, GRECO rrimarka li għad hemm dubji dwar kemm
l-NAC jista’ tabilħaqq ‘iwettaq funzjoni ta’ monitoraġġ
sinjifikanti’. Permezz
tal-Kodiċi ġdid tal-Proċedura Kriminali, li daħal
fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2012, ir-rwol
superviżorju tal-prosekutur fi proċeduri kriminali kompla
jissaħħaħ. Intant, jidher li bħalissa qiegħda
titħejja leġiżlazzjoni dwar il-funzjonament tas-servizzi
tal-prosekuzzjoni. Madankollu, għad hemm xi dubji dwar kemm l-isfond
istituzzjonali attwali qiegħed tabilħaqq joffri garanziji adegwati
ta’ indipendenza u effikaċja, inkluż fir-rigward
tal-ispeċjalizzazzjoni kontra l-korruzzjoni tal-korpi għall-infurzar
tal-liġi u l-prosekuzzjoni, kif ukoll it-tqassim tal-kompiti tagħhom
u l-kooperazzjoni konkreta. GRECO rrimarka li
r-rakkomandazzjonijiet tiegħu rigward il-garanziji tal-indipendenza
tal-prosekuturi minn kull intereferenza politika għadhom ma ġewx implimentati
b’mod sħiħ, filwaqt li rrikonoxxa l-isfidi kostituzzjonali u
prattiċi li jfixklu l-approvazzjoni ta’ leġiżlazzjoni rriformata
dwar is-servizzi tal-prosekuzzjoni. Sadanittant, ġew adottati emendi
ġodda għall-Kodiċi Kriminali u għall-Kodiċi tal-Proċedura
Kriminali, inklużi dispożizzjonijiet dwar il-konfiska bbażata
fuq il-valur u dwar il-konfiska ta’ parti terza. Fir-rigward
tal-immunitajiet, għad hemm tħassib fir-rigward tal-immunità tal-Membri
Parlamentari minn proċedimenti kriminali u arrest, li toħloq
ir-riskju ta’ tfixkil u politiċizzazzjoni tal-proċedimenti
ġudizzjarji. Fil-fatt, tajjeb ngħidu li ma jista’ jitwettaq ebda
proċediment kriminali (fosthom investigazzjonijiet preliminari,
tfittxijiet, interċezzjonijiet, operazzjonijiet moħbija,
eċċ.) kontra Membru Parlamentari mingħajr il-kunsens tal-parlament.
Dan jista’ jaffettwa serjament l-effikaċja u l-korrettezza
tal-proċedimenti kriminali u jista’ fil-fatt iwassal għal sitwazzjoni
fejn il-parlament jispiċċa jieħu post is-sistema
ġudizzjarja. Għad hemm xi tħassib ukoll fir-rigward tal-immunità
tal-imħallfin u l-prosekuturi minn arrest jew detenzjoni, mhux l-inqas
il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet
għat-tneħħija tal-immunitajiet, li bħalissa huwa taħt ir-responsabbiltà
tal-parlament. Barra minn hekk, ġie ppreżentat abbozz ta’
leġiżlazzjoni quddiem il-parlament bil-għan li l-Kunsill
Għoli tal-Ġustizzja jiġi fdat bis-setgħa li
jneħħi l-immunitajiet tal-imħallfin u tal-prosekuturi. Filwaqt
li l-Ukraina għandha sistema ta’ żvelar tal-assi li hija applikabbli
għall-uffiċjali pubbliċi, jeħtieġ li jsiru aktar
sforzi sabiex jiġu żgurati mekkaniżmu ta’ verifika tajjeb u
indipendenti u sistema ta’ sanzjonar li tkun effettiva, proporzjonata u
dissważiva. Inħolqu mekkaniżmi ddedikati ta’ kontroll intern fi
ħdan l-istituzzjonijiet pubbliċi, filwaqt li l-Ministeru
tad-Dħul mit-Taxxi u d-Dazji kien innominat bħala l-istituzzjoni
responsabbli mill-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi. Madankollu, jeħtieġ
li jittieħdu aktar passi sabiex jiġi żgurat li
d-dikjarazzjonijiet tal-assi jiġu żvelati b’mod aktar wiesa’ u jkunu
aċċessibbli b’mod elettroniku. Barra minn hekk, għadu mhuwiex
ċar kif sejra tiġi organizzata l-ħidma ta’ verifika
tal-Ministeru tad-Dħul mit-Taxxi u d-Dazji, liema metodoloġiji u
għodod sejrin jiġu applikati u kif sejra tiġi żgurata
l-kapaċità tiegħu li jwettaq dan il-kompitu addizzjonali ġdid.
L-Awtorità lanqas ma ser ikollha s-setgħa li tapplika s-sanzjonijiet hija
stess. Hija tista’ biss tirreferi l-każijiet lil awtoritajiet oħrajn
jew lill-korpi għall-infurzar tal-liġi. Jeħtieġ li l-kooperazzjoni
bejn l-Awtorità tal-Istat dwar id-Dħul u l-Ħlasijiet u korpi
amministrattivi u tal-infurzar tal-liġi oħrajn għall-finijiet
ta’ verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tiġi definita b’mod ċar.
Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ konflitti ta’ interess, filwaqt li huwa previst
ċertu kontroll intern, ma hemm ebda verifika indipendenti esterna
fis-seħħ. Is-sistema ta’ sanzjonar għandha
tissaħħaħ bil-għan li jiġi żgurat li,
fil-prattika, is-sanzjonijiet u l-miżuri dissważivi jkunu
jistgħu jiġu infurzati fil-ħin bil-għan li tiġi
rrimedjata l-ħsara li kienet ikkawżata jew li tista’ tiġi
kkawżata għall-interess pubbliku. F’nofs
l-2012 ġew adottati dispożizzjonijiet
leġiżlattivi dwar sistema ġdida ta’ akkwist elettroniku.
Għad hemm xi kwistjonijiet pendenti, bħall-ħtieġa li
tkompli tittejjeb it-trasparenza tal-akkwist pubbliku u li jiġi
ssimplifikat l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li jiġi indirizzat
it-tħassib li jirrigwardja l-eżistenza ta’ għadd numeruż
ta’ esklużjonijiet mis-sistema tal-akkwist pubbliku u li jiġi
kkjarifikat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ‘entitajiet tal-akkwist’ li
għalihom japplikaw ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku, b’mod partikolari
meta niġu għall-kumpaniji tal-Istat u l-impriżi ta’ interess
pubbliku. Bħalissa, il-parlament għandu quddiemu abbozz ta’ liġi
li għandu l-għan li jżid it-trasparenza tan-nefqa pubblika, inkluż
fir-rigward tal-kumpaniji tal-Istat. Il-leġiżlazzjoni
Ukraina, li titlob lill-uffiċjali pubbliċi sabiex jirrapportaw
il-korruzzjoni, tinkludi dispożizzjonijiet ġenerali dwar
il-protezzjoni tal-informaturi. Fil-prattika, il-protezzjoni tal-informaturi
tidher li hija perċepita b’mod pjuttost restrittiv (jiġifieri hija
limitata għall-investigazzjonijiet kriminali). L-Ukraina introduċiet
xi dispożizzjonijiet ġenerali f’għadd ta’ regolamenti settorjali
bil-għan li tirrimedja din is-sitwazzjoni. Madankollu, jeħtieġ
li jsiru aktar sforzi sabiex ikompli jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni
tal-protezzjoni u tkun tista’ tinħoloq kultura ta’ fiduċja
fil-mekkaniżmi ta’ rapportar. Il-finanzjament
tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali huwa qasam fejn għad
hemm nuqqasijiet sinjifikanti. Bħalissa qiegħed jitħejja abbozz
ta’ leġiżlazzjoni bil-għan li jiġu indirizzati
r-rakkomandazzjonijiet pendenti ta’ GRECO. Fil-bidu tal-2013, GRECO kkonkluda li 11
minn fost il-25 rakkomandazzjoni mill-ewwel żewġ sessjonijiet ta’
evalwazzjoni konġunta ma ġewx implimentati b’mod sodisfaċenti.
GRECO enfasizza li l-qafas legali fir-rigward ta’ tali oqsma fundamentali
bħas-servizzi tal-prosekuzzjoni, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika
u l-akkwist pubbliku ‘għadu ma ġiex iffissat, tant li qiegħed
iwassal għal nuqqas ta’ sigurtà legali u jrendi l-miżuri ta’
implimentazzjoni meħtieġa bħala insinjifikanti’. ·
L-adozzjoni ta’ strateġija nazzjonali
għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament
tat-terroriżmu; l-adozzjoni ta’ liġi dwar il-prevenzjoni
tal-finanzjament tat-terroriżmu Fil-qasam
tal-ħasil tal-flus sar titjib leġiżlattiv sinjifikanti fis-snin
riċenti u jidher li hemm fis-seħħ sistema tajba intiża biex
tiżgura s-sorveljanza tal-politika globali. Kull sena jiġi adottat
Pjan ta’ Azzjoni annwali li jispjega fid-dettall l-Istrateġija Nazzjonali
li tkopri l-perjodu sal-2015 (adottata mill-Kabinett tal-Ministri). Il-Pjan ta’
Azzjoni jinkludi miżuri konkreti u r-responsabbiltà
għall-implimentazzjoni tagħhom hija allokata b’mod ċar lil
istituzzjonijiet partikolari. Il-pjan jinkludi wkoll skadenzi għall-miżuri
differenti. F’termini
istituzzjonali, ir-responsabbiltajiet għas-superviżjoni tas-setturi partikolari
huma maqsuma, u l-Unità tal-Intelliġenza Finanzjarja (FIU) għandha
rwol ewlieni. L-FIU timpjega analisti mħarrġa ħafna li jevalwaw
kuljum ir-rapporti li jaslu mingħand l-entitajiet li jirrapportaw.
Fis-snin riċenti ġew organizzati programmi ta’ bini tal-kapaċità
istituzzjonali għall-benefiċċju tal-FIU u ta’ korpi oħrajn
għall-infurzar tal-liġi fil-qasam tal-ħasil tal-flus. Il-kwistjonijiet
pendenti rigward is-sanzjonar ta’ abbuż minn informazzjoni
privileġġata u tal-manipulazzjoni tas-suq ġew indirizzati wkoll
permezz ta’ emendi leġiżlattivi li ġew adottati; l-abbuż
minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq jiġu
sanzjonati jew skont il-Kodiċi tar-Reati Amministrattivi jew inkella skont
il-Kodiċi Kriminali. L-entitajiet legali li jinstabu ħatja ta’ dawn
ir-reati jiffaċċjaw responsabbiltà finanzjarja u revoka
tal-liċenzja li abbażi tagħha jistgħu joperaw fis-suq. L-oqsma fejn
hemm bżonn ta’ aktar ħidma jikkonċernaw il-ħtieġa li
l-persuni domestiċi li huma esposti politikament (PEPs) jiġu koperti
fil-leġiżlazzjoni, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi
ċċarat il-fatt li l-ħasil tal-flus huwa reat awtonomu, minkejja
li diġà kien hemm xi każistika rilevanti li ppontat f’dik
id-direzzjoni. Il-ħasil tal-flus għandu jitqies bħala li jmur
lil hinn minn sempliċi assoċjazzjoni ma’ kriminali għall-iskop
tal-ħabi tal-evidenza tar-reat sabiex jinkisbu riżultati aħjar fil-ġlieda
kontra l-kriminalità ekonomika fuq skala kbira u sabiex gruppi kriminali
jiġu mċaħħda milli jiksbu l-ġid b’mod illegali. ·
L-adozzjoni ta’ Programm Strateġiku
Nazzjonali ġdid dwar id-droga u l-pjan ta’ azzjoni relatat miegħu;
ir-ratifika tal-Memorandum ta’ Qbil mal-EMCDDA Il-miżuri
leġiżlattivi, politiċi u istituzzjonali rilevanti huma
fis-seħħ skont l-istandards Ewropej u internazzjonali. Fl-2010
iddaħħlet fis-seħħ Strateġija (‘Kunċett’) għall-implimentazzjoni
tal-politika statali dwar il-prevenzjoni tat-tixrid tal-vizzju tad-droga u
l-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, sustanzi psikotropiċi u
prekursuri għall-perjodu 2011-15, flimkien ma’ Pjan ta’ Azzjoni
għall-implimentazzjoni tagħha. Barra minn hekk, hemm sistema ta’
monitoraġġ li tmur lura għall-2011, flimkien ma’ Pjan ta’
Azzjoni sussegwenti li ġie adottat f’Lulju 2012. Ġew
adottati bosta liġijiet u liġijiet lokali għall-implimentazzjoni
ta’ dawn id-dokumenti ta’ politika. Fit-28 ta’ Awwissu 2013
ġiet approvata Strateġija ġdida dwar id-Droga sal-2020 permezz
ta’ Digriet Presidenzjali. Tali strateġija tiżgura s-sigurtà
nazzjonali, iżda tagħti prijorità lill-protezzjoni tad-drittijiet
tal-bniedem (is-simplifikazzjoni tal-aċċess għal mediċini
legali għal skopijiet mediċi, enfasi ġenerali fuq l-assistenza
medika u legali, it-titjib tal-profili tal-prevenzjoni). Għal dan
il-għan, is-sistema ta’ monitoraġġ analitiku għandha
tagħti ċ-ċans lill-entitajiet legali jipprovdu kura medika u
jużaw sustanzi ta’ mediċini fil-ħidma tagħhom. Akkademiċi,
NGOs u organizzazzjonijiet internazzjonali, fosthom il-Grupp Pompidou
tal-Kunsill tal-Ewropa, ġew ikkonsultati dwar l-abbozz ta’
Strateġija. Fir-rigward
tal-qafas istituzzjonali, fl-2011 twaqqaf is-Servizz tal-Istat
għall-Kontroll tad-Drogi (SSDC) bħala l-korp ewlieni (flimkien
mas-sitt uffiċċji reġjonali li twaqqfu wara) responsabbli
mill-implimentazzjoni tal-politika kontra d-droga. L-SSDC jaġixxi mhux
biss bħala koordinatur iżda wkoll bħala inizjatur tal-azzjoni għall-ġlieda
kontra t-traffikar tad-droga, it-tnaqqis tal-użu tad-droga, il-kisba ta’
approċċ integrat bejn l-aġenziji, it-tisħiħ
tar-rijabilitazzjoni tal-vittmi tad-droga u s-sensibilizzazzjoni. Il-Liġi
dwar id-droga ġiet emendata f’Marzu 2013 bil-għan li tikkjarifika s-setgħat
ta’ koordinazzjoni tal-SSDC u r-relazzjonijiet tiegħu ma’ partijiet interessati
oħrajn. Il-kooperazzjoni
u l-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u bejn l-aġenziji tjiebu.
Madankollu, għandhom jiġu pprovduti allokazzjonijiet baġitarji
ċari għall-implimentazzjoni tal-miżuri u għat-tħaddim
tal-istrutturi istituzzjonali, speċjalment l-uffiċċji
reġjonali. Il-Memorandum ta’
Qbil bejn l-Ukraina (il-Ministeru tas-Saħħa) u ċ-Ċentru Ewropew
ta’ Monitoraġġ għad-Droga u l-Abbuż mid-Droga (EMCDDA) ġie
konkluż fl-2010 għal perjodu ta’ ħames snin u ilu
fis-seħħ minn dak iż-żmien mingħajr
il-ħtieġa ta’ ratifika. Huwa qiegħed jiġi implimentat fuq
bażi kontinwa. Il-kooperazzjoni hija effettiva (pereżempju permezz
ta’ skambju regolari ta’ informazzjoni dwar tipi ġodda ta’ drogi,
l-implimentazzjoni ta’ protokolli ġodda fl-Ukraina dwar mard infettiv li
jirriżulta mill-użu tad-droga, ir-reġistrazzjoni ta’ indikaturi
ġodda relatati mal-abbuż tad-droga). Bħalissa,
il-gvern qiegħed jikkunsidra liġi li tagħti ċ-ċans
lill-Ukraina tissieħeb fil-Grupp Pompidou tal-Kunsill tal-Ewropa. Fir-rigward
tal-aspetti li jikkonċernaw l-infurzar tal-liġi, bl-Ukraina mhux biss
pajjiż ta’ tranżitu iżda wkoll destinazzjoni finali għall-marijuana,
l-opju u d-drogi sintetiċi (Subutex), l-objettiv tat-tisħiħ
tal-investigazzjonijiet huwa segwit mill-Uffiċċju tal-Prosekutur
Ġenerali, permezz ta’ taħriġ tal-uffiċjali tal-pulizija,
l-użu usa’ ta’ aġenti ‘undercover’ u l-ħolqien ta’
diviżjoni speċjali ġewwa l-Ministeru tal-Affarijiet Interni. ·
L-adozzjoni ta’ konvenzjonijiet rilevanti
tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tal-Ewropa fl-oqsma elenkati aktar ’il fuq
u dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu L-Ukraina aderixxiet
għall-konvenzjonijiet kollha tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill
tal-Ewropa li huma rilevanti għall-oqsma msemmija fuq. L-Ukraina issa aderixxiet ukoll għall-Protokoll tal-2001
kontra l-manifattura illeċita u t-traffikar ta’ armi tan-nar, kif ukoll
tal-partijiet, tal-komponenti u tal-munizzjon tagħhom. Hija rratifikat
il-Protokoll f’April 2013 u f’Mejju 2013 adottat l-emendi meħtieġa
għall-Kodiċi Kriminali li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Lulju 2013.
Blokk 3 / suġġett
2 — Il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali ·
L-adozzjoni ta’ qafas
legali dwar l-assistenza legali reċiproka Il-qafas
leġiżlattiv fil-qasam tal-assistenza legali reċiproka huwa
fis-seħħ u konformi mal-istandards Ewropej. Kif
ġie indikat aktar ’il fuq (taħt Blokk 3/suġġett 1), l-Ukraina
wettqet proċess ta’ riforma tal-leġiżlazzjoni kriminali u
tal-proċedura kriminali tagħha, li rriżulta fl-adozzjoni ta’
Kodiċi ġdid tal-Proċedura Kriminali (CPC), li issa ilu
fis-seħħ minn Novembru 2012. F’Ġunju 2011
ġiet adottata liġi dwar l-assistenza legali reċiproka. Is-CPC il-ġdid
jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar
il-prinċipji ġenerali tal-kooperazzjoni internazzjonali, jipprovdi
bażi legali għal assistenza legali internazzjonali u jippreskrivi
dispożizzjonijiet xierqa dwar l-estradizzjoni, it-trasferiment
tal-proċedimenti kriminali, ir-rikonoxximent u
l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija minn qrati barranin u t-trasferiment
ta’ persuni li jkunu ngħataw sentenza. Fir-rigward
tal-qafas istituzzjonali, is-CPC il-ġdid ikkonferma r-rwol
tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (GPO) u tal-Ministeru
tal-Ġustizzja (MoJ) bħala l-awtoritajiet ċentrali
għall-assistenza legali internazzjonali. It-talbiet għal
kooperazzjoni ġudizzjarja li jaslu matul l-investigazzjonijiet ta’ qabel
il-proċess jiġu evalwati mill-GPO, filwaqt li dawk li jaslu matul
il-proċedimenti fil-qorti jiġu evalwati mill-MoJ. Il-kuntatti diretti
bejn l-awtoritajiet bdew ikunu permessi, b’xi eċċezzjonijiet
f’każijiet speċifiċi fejn l-awtoritajiet ċentrali
jżommu l-kompetenza tagħhom. ·
Ir-ratifika tat-Tieni Protokoll
għall-Konvenzjoni Ewropea dwar l-assistenza legali reċiproka It-Tieni
Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar
l-assistenza legali reċiproka (MLA) kien diġà ġie rratifikat u
mdaħħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012,
għalkemm b’xi dikjarazzjonijiet u riżervi. Ir-riżervi
jikkonċernaw is-servizz bil-posta (l-Artikolu 16), l-osservazzjonijiet
transfruntiera (l-Artikolu 17) u l-investigazzjonijiet moħbija (l-Artikolu 19).
Is-CPC il-ġdid u liġijiet oħrajn bħal-Liġi tal-1993 dwar
il-kriminalità organizzata, kif ġew emendati wara, jirregolaw uħud
mis-sitwazzjonijiet li huma koperti mir-riżervi. Filwaqt li
r-riżervi tal-Ukraina ma jipperikolawx il-livell ta’ kooperazzjoni
internazzjonali, huwa mixtieq li dawn jitneħħew bil-għan li
jittejjeb il-qafas dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja. Ċerti
dispożizzjonijiet speċjali fit-Tieni Protokoll Addizzjonali
għall-Konvenzjoni dwar l-MLA ġew inklużi wkoll fis-CPC
il-ġdid: il-preżenza tar-rappreżentanti ta’ awtoritajiet
barranin matul l-attivitajiet proċedurali, smigħ bil-vidjo jew
konferenza bit-telefon, informazzjoni dwar ir-reati, it-trasferiment temporanju
tal-persuni miżmuma f’detenzjoni lejn it-territorju tal-parti rikjesta,
kunsinna kkontrollata u timijiet ta’ investigazzjoni konġunti. ·
Il-konklużjoni ta’ ftehim
mal-Eurojust F’Diċembru 2011 diġà kien miftiehem
u inizjalat abbozz ta’ ftehim mal-Eurojust u kien diġà ġie stabbilit
punt ta’ kuntatt fi ħdan il-GPO. Madankollu, il-passi li jmiss lejn
l-iffirmar tal-ftehim jiddependu fuq ir-riżultati tal-analiżi
kontinwa mill-Eurojust tal-emendi għall-qafas leġiżlattiv dwar
il-protezzjoni tad-dejta (ara s-suġġett 4 dwar il-protezzjoni
tad-dejta). Blokk 3 / suġġett
3 – Il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi ·
Il-ħolqien ta’
mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni adegwat fost l-aġenziji nazzjonali
rilevanti u bażi ta’ dejta komuni li jiggarantixxi aċċess dirett
f’kull parti tal-Ukraina Is-CPC il-ġdid u l-abbozz ta’ liġi dwar
l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ġdid introduċew bidliet
kbar u b’hekk segwew fuq ir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapporti
preċedenti tal-Kummissjoni. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet tkellmu favur ir-reviżjoni
tal-kompetenza tal-uffiċċju tal-prosekutur sabiex dan ikun jista’
jiġi informat minnufih dwar l-atti kriminali kollha u, jekk ikun hemm
bżonn, ikun jista’ jikklassifikahom bħala reati kriminali
speċifiċi (kriminalità organizzata) u jassenja l-każ
lill-aġenzija kompetenti, filwaqt li jżid il-livell ta’
koordinazzjoni fost l-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi. Inħoloq reġistru unifikat (integrat) ta’
investigazzjonijiet qabel il-proċess[9]
li fih għandha tiddaħħal l-informazzjoni ewlenija dwar ir-reati
żvelati immedjatament (fi żmien 24 siegħa) ladarba korp
tal-infurzar tal-liġi jkun irċieva informazzjoni dwar reat. Investigazzjoni
qabel il-proċess tista’ tibda mar-reġistrazzjoni.
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (GPO) huwa responsabbli mis-superviżjoni
tal-amministrazzjoni ta’ dan ir-reġistru. Fil-fażi ta’ qabel
il-proċess, huwa jista’ wkoll jagħti bidu għal attivitajiet
investigattivi, jassenja l-każijiet lill-aġenzija kompetenti u
jieħu deċiżjonijiet proċedurali, inkluż rigward il-koordinazzjoni
tat-talbiet għal assistenza legali internazzjonali. Is-CPC jikkonferma wkoll
li għandha tiġi stabbilita unità investigattiva ġdida,
imsejħa ‘l-Uffiċċju Statali tal-Investigazzjoni’. Din l-unità
sejra tkun kompetenti f’investigazzjonijiet li jsiru qabel il-proċess dwar
reati kommessi minn uffiċjali li għandhom status partikolari,
imħallfin u membri tal-persunal involuti fl-infurzar tal-liġi.
Fl-aħħarnett, inħolqot pożizzjoni ġudizzjarja
ġdida, jiġifieri dik tal-imħallef inkwirenti. Din il-figura
għandha toħroġ permessi għall-attivitajiet investigattivi
kollha li jistgħu jillimitaw id-drittijiet u l-libertajiet
taċ-ċittadini (arrest, tfittxija fid-dar, interrogazzjoni,
eċċ.) u sabiex tiġi eżerċitata s-superviżjoni proċedurali
matul l-investigazzjonijiet. Fir-rigward tal-kompetenzi speċifiċi
tal-uffiċċju tal-prosekutur fil-koordinazzjoni
tal-investigazzjonijiet dwar reati kommessi minn gruppi organizzati, il-GPO
huwa responsabbli mis-superviżjoni tal-attivitajiet investigattivi mwettqa
mill-unitajiet investigattivi speċjali li nħolqu fi ħdan
il-Ministeru tal-Intern skont il-Liġi dwar il-kriminalità organizzata. Għall-funzjonament
tal-Uffiċċju Statali tal-Investigazzjoni għandhom jiġu
adottati atti ulterjuri, li l-iskadenzi għalihom huma stipulati fid-dispożizzjoni
finali u tranżitorja tas-CPC. Il-liġi li għandha tiġi
adottata dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku hija wkoll
essenzjali f’dan ir-rigward. Fir-rigward
tal-ħolqien ta’ bażijiet ta’ dejta ċentralizzati li jinkludu informazzjoni
dwar reati kommessi minn gruppi organizzati, tajjeb ngħidu li hemm bażijiet
ta’ dejta separati fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Interni u s-Servizz
tas-Sigurtà. Awtoritajiet oħrajn jista’ jkollhom aċċess
għalihom biss wara li jagħmlu talba formali. Fl-2011
inħarġet ordni mill-Ministeru tal-Affarijiet Interni u s-Servizz
Sigriet li tagħti struzzjonijiet dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar
tal-liġi fl-isfera tal-kriminalità organizzata. Hija
tirreferi għall-metodi ta’ kooperazzjoni (skambju ta’ informazzjoni,
il-ħolqien ta’ gruppi ta’ ħidma, analiżi konġunta tal-istat
u l-istruttura tar-reati), iżda ma tinkludi ebda perjodu ta’ żmien
speċifiku, li għandu jiżdied sabiex jiggarantixxi l-iskambju
xieraq u regolari ta’ informazzjoni u attività adegwata ta’ rapportar. Ma jeżisti ebda standard universali għall-ħolqien
ta’ ‘bażi ta’ dejta komuni’: xi pajjiżi għandhom bażi ta’
dejta wieħed, filwaqt li oħrajn għandhom bażijiet ta’ dejta
separati. Madankollu, huwa importanti li jiġu implimentati l-għodod
meħtieġa għal konsultazzjoni proattiva dwar il-bażijiet ta’
dejta kollha disponibbli msemmija fuq. ·
Il-konklużjoni ta’ ftehim operattiv mal-Europol
b’enfasi speċjali fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni
tad-dejta In-negozjati ta’ ftehim operattiv mal-Europol jiddependu fuq il-valutazzjoni
minn dan tal-aħħar tal-istandards rilevanti dwar il-protezzjoni
tad-dejta (ara taħt il-punt 4 dwar il-protezzjoni tad-dejta).
Min-naħa tal-Europol, il-valutazzjoni għadha
għaddejja. L-Ukraina kkonkludiet żewġ settijiet ta’ kwestjonarji
(f’Ottubru 2011 u
f’Ġunju 2012). Fi żmien qasir, l-Europol ser ikun qiegħed
iwettaq missjoni fl-Ukraina, li għandha tkompli tiċċara
s-sitwazzjoni attwali. Blokk 3 / suġġett
4 — Il-protezzjoni tad-dejta ·
L-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni adegwata
dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali u l-ħolqien ta’ awtorità indipendenti
għas-superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta L-Ukraina kellha liġi dwar
il-protezzjoni tad-dejta fis-seħħ minn Jannar 2011, iżda din
kellha firxa ta’ nuqqasijiet. Barra minn hekk, ma kien hemm ebda awtorità
indipendenti għas-superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta.
Għaldaqstant, f’Novembru 2012 u f’Lulju 2013 ġew adottati
żewġ emendi fil-Liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta, flimkien ma’
xi emendi fil-Liġi dwar l-Ombudsman bil-għan li jiġi fdat
b’funzjonijiet ta’ protezzjoni tad-dejta. L-emendi fil-Liġi dwar
il-Protezzjoni tad-Dejta u fil-Liġi dwar l-Ombudsman għandhom
jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2014. Tabilħaqq, sar progress sostanzjali
fl-indirizzar tan-nuqqasijiet identifikati, filwaqt li l-qafas
leġiżlattiv issa huwa konformi b’mod wiesa’ mal-istandards Ewropej,
inkluż l-acquis tal-UE. L-emendi fil-Liġi dwar il-Protezzjoni
tad-Dejta introduċew l-eċċezzjoni essenzjali
tal-ipproċessar tad-dejta għal skopijiet artistiċi u
ġurnalistiċi, li mhuwiex limitat biss għall-ġurnaliżmu
professjonali. Id-drittijiet tas-suġġett tad-dejta u d-definizzjoni
ta’ kontrollur tad-dejta ġew iċċarati u s-sistema ta’
reġistrazzjoni, li kienet ikkritikata bħala waħda burokratika,
ġiet sostitwita b’sistema ta’ notifika tal-ipproċessar ta’ dejta sensittiva.
Madankollu, għandu jiġi żgurat li d-definizzjoni tal-kunsens
tas-suġġett tad-dejta terġa’ tiddaħħal fil-Liġi,
filwaqt li n-notifiki għandhom jintalbu minn qabel l-ipproċessar ta’
dejta sensittiva u mhux wara, kif inhu stipulat bħalissa. Għandha
tingħata attenzjoni speċifika lejn l-iżgurar tal-bilanċ
ġust bejn il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-privatezza.
Għal dan il-għan, interpretazzjoni xierqa tal-aċċess
ristrett għad-dejta personali sejra tkun kruċjali wkoll sabiex ikun
evitat li l-aċċess għall-informazzjoni pubblika jiġi
affettwat b’mod negattiv. Fir-rigward tal-qafas istituzzjonali, inħolqot
awtorità indipendenti għas-superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta li
tafda dan il-kompitu lill-Ombudsman, li l-indipendenza tiegħu hija
garantita mit-termini tal-ħatra u t-tkeċċija tiegħu u
baġit separat. Is-setgħat tal-Ombudsman huma definiti sewwa
fil-Liġi (li jinforma, jirċievi ilmenti, jinvestiga, jirrapporta
każijiet ta’ ksur lill-qorti, jimmonitorja prattiki ġodda, jistabbilixxi
l-kategoriji tal-ipproċessar tad-dejta li għandhom jiġu
nnotifikati, jadotta r-rakkomandazzjonijiet, eċċ.). Madankollu,
il-kompetenza tiegħu għandha tiġi estiża għas-settur
privat. Is-Servizz tal-Protezzjoni tad-Dejta, li ilu fis-seħħ
mill-2011, sejjer jiġi abolit. F’Settembru ta’ din is-sena ġiet
adottata ordni konġunta tal-Ombudsman u tal-Ministru tal-Ġustizzja,
li tinkludi Pjan ta’ Azzjoni li jindika l-miżuri meħtieġa
għat-trasferiment amministrattiv tal-kompetenzi lill-Ombudsman. Wieħed
għad irid jara kif ser jiġu żgurati r-riżorsi umani u
finanzjarji meħtieġa u kif sejra tiżdied il-kapaċità
tal-Ombudsman sabiex ikun jista’ jlaħħaq mal-kompitu ġdid
tiegħu. Intant, qabel l-aħħar ta’ din is-sena għadhom iridu
jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni ulterjuri. Barra minn hekk,
bħalissa għaddejja konsultazzjoni bejn is-servizzi dwar abbozz ta’
liġi ġdid li jestendi s-setgħat tal-Ombudsman għas-settur privat
u li jinkludi l-kunċett tal-kunsens tas-suġġett tad-dejta
personali. ·
Ratifika tal-konvenzjonijiet
internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa
għall-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar
awtomatiku ta’ dejta personali u l-Protokoll tal-2001 L-Ukraina
diġà rratifikat kemm il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1981
għall-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar
awtomatiku ta’ dejta personali, kif ukoll il-Protokoll Addizzjonali tal-2001
rigward l-awtoritajiet superviżorji u l-flussi tad-dejta transfruntiera, li
daħlu fis-seħħ fil-pajjiż mill-1 ta’ Jannar 2011. Blokk 4:
Ir-relazzjonijiet esterni u d-drittijiet fundamentali Valutazzjoni
ġenerali L-Ukraina għamlet progress fil-Blokk 4 dwar
ir-relazzjonijiet esterni u d-drittijiet fundamentali. B’mod partikolari,
hija indirizzat il-kwistjoni tal-ħruġ mhux diskriminatorju
tad-dokumenti tal-identità għar-refuġjati u għall-persuni
apolidi, billi estendiet b’mod adegwat il-perjodu ta’ validità tagħhom.
Hija adottat Liġi dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.
Hija adottat ukoll Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni dwar l-inklużjoni
soċjali tal-minoranza Roma. Barra minn hekk, hija ssimplifikat
il-proċeduri tar-reġistrazzjoni u tat-tneħħija
tar-reġistrazzjoni għar-residenza. Il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni,
li ġiet adottata f’Settembru 2012, tirrappreżenta pass fid-direzzjoni
t-tajba, iżda xorta waħda għadha mhijiex komprensiva
biżżejjed. B’mod partikolari, iċ-ċertezza legali
għadha insuffiċjenti fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi,
b’mod partikolari, dwar il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi
tal-identità tas-sessi u l-orjentazzjoni sesswali, b’attenzjoni speċjali
għall-aċċess għall-impjiegi u t-taħriġ
vokazzjonali. Barra minn hekk, fin-nuqqas tal-inverżjoni tal-piż
tal-prova u minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward
tal-mekkaniżmi ta’ kumpens, id-drittijiet tal-vittmi mhumiex protetti
b’mod adegwat. Filwaqt li ġew adottati xi dokumenti (Strateġija
u Pjan ta’ Azzjoni) dwar l-inklużjoni tal-minoranza Roma li jipprovdu
qafas politiku speċifiku u li jixprunaw ċerta mainstreaming f’dan
ir-rigward, tali dokumenti għandhom bosta nuqqasijiet. Il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni u
tneħħija tar-reġistrazzjoni għar-residenza, minkejja li
ttejbu, għadhom jistgħu jippreżentaw xi diffikultajiet għal
gruppi vulnerabbli. Kummenti
ddettaljati Blokk 4
/ suġġett 1 – Il-libertà tal-moviment fi ħdan l-Ukraina ·
Ir-reviżjoni tal-qafas legali u regolatorju
dwar il-proċeduri tar-reġistrazzjoni u tat-tneħħija
tar-reġistrazzjoni għaċ-ċittadini Ukraini u
s-soġġorn legali għall-barranin jew għall-persuni apolidi
bil-għan li jiġu evitati restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq,
jew obbligi relatati mal-libertà tal-moviment tagħhom fi ħdan l-Ukraina,
b’referenza speċjali għall-kondizzjonijiet għal
soġġorn legali mingħajr reġistrazzjoni tar-residenza u
l-miżuri meħuda għan-nuqqas ta’ reġistrazzjoni, kif ukoll
ir-responsabbiltà tal-kerrejja Il-Liġi
dwar l-emendi f’ċerti liġijiet tal-Ukraina, li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni
tar-residenza u l-post ta’ residenza tal-persuni fl-Ukraina, daħlet
fis-seħħ fil-5 ta’ Awwissu 2012. Taħt
il-qafas legali l-ġdid, is-sistema ta’ reġistrazzjoni tar-residenza
tpoġġiet taħt il-ġurisdizzjoni tas-Servizz
tal-Immigrazzjoni tal-Istat (SMS), Aġenzija tal-Ministeru tal-Affarijiet
Interni maħluqa f’Diċembru 2010 (Digriet Nru 1085/2010 tal-President
tal-Ukraina datat id-9 ta’ Diċembru 2010; Digriet Nru 405/2011
tal-President tal-Ukraina datat is-6 ta’ April 2011) sabiex
tieħu r-responsabbiltà għal firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet
relatati mal-politika tal-immigrazzjoni u l-ażil u mar-reġistrazzjoni
ta’ individwi. Il-qafas
legali l-ġdid introduċa ċertu titjib immirat biex jagħmel
il-proċedura ta’ inqas piż, aktar effikaċi u aktar
effiċjenti. B’kuntrast mar-regolament l-antik, ir-reġistrazzjoni issa
qiegħda ssir dakinhar li l-individwu jissottometti n-notifika rilevanti
lill-uffiċċju tal-SMS. Fi kliem ieħor, it-tneħħija
tar-reġistrazzjoni mill-post ta’ residenza preċedenti u
r-reġistrazzjoni fil-post ġdid ta’ residenza issa ssir b’mod simultanju,
fl-istess ġurnata. Il-proċedura tar-reġistrazzjoni tista’
titwettaq mhux biss mill-persuna kkonċernata nnifisha, iżda wkoll
minn rappreżentant legali. Il-possibbiltà għar-reġistrazzjoni
ġiet estiża wkoll għal każijiet fejn il-persuna tkun
tgħix f’istituzzjoni soċjali speċjalizzata (djar ta’ kura, boarding
schools, ċentri ta’ rijabilitazzjoni, eċċ.) u mhux biss
għal min jgħix f’appartamenti u djar privati. Bħala
kondizzjoni għar-reġistrazzjoni, ir-rekwiżit tat-trasferiment
tal-pussess ta’ titolu legali lil art jew unità ta’ akkomodazzjoni jew ftehim
ma’ sid il-kera għadu fis-seħħ. It-tħassir
tar-reġistrazzjoni ta’ residenza jista’ jitwettaq fuq il-bażi ta’
applikazzjoni individwali, ċertifikat tal-mewt, ordni tal-qorti dwar
il-privazzjoni tas-sjieda jew l-użu ta’ abitazzjoni, iżda wkoll fuq it-talba
tas-sid tar-residenza fejn ftehim ta’ kiri jkun skada. Dan jista’ joħloq
diffikultajiet fil-kisba jew iż-żamma ta’ reġistrazzjoni
għall-persuni li jappartjenu għal kategoriji vulnerabbli bħal
refuġjati jew membri tar-Roma li jgħixu f’insedjamenti informali, biex
b’hekk tinħoloq il-ħtieġa għal azzjoni korrettiva f’dan
ir-rigward. Il-possibbiltà għall-persuni bla dar li jirreġistraw
permezz ta’ ċentri tal-kura soċjali tista’ ma tindirizzax
il-ħtiġijiet ta’ dawn il-gruppi biżżejjed. Skont
il-Liġi dwar il-libertà tal-moviment[10],
ir-reġistrazzjoni tal-post ta’ residenza tal-persuna jew in-nuqqas
tagħha ma jistgħux ikunu l-bażi għall-eżerċitar
tad-drittijiet u l-libertajiet inkorporati fil-Kostituzzjoni u l-liġijiet
tal-Ukraina u fit-trattati internazzjonali li jorbtuhom, jew raġuni
għar-restrizzjoni tagħhom. Madankollu, fil-prattika, il-konferma ta’
reġistrazzjoni ġeneralment tkun rekwiżit għall-kisba ta’
aċċess għall-kura medika, ir-reġistrazzjoni tat-tfal
fl-iskola u l-kisba ta’ pensjonijiet jew benefiċċji soċjali, u
l-individwi jistgħu jiffaċċjaw problemi bl-aċċess
għal dawn id-drittijiet soċjali fundamentali meta jkunu bogħod
mill-post irreġistrat ta’ residenza tagħhom. Għalhekk, din
il-prattika għandha tiġi riveduta fil-fażi tal-implimentazzjoni. B’mod
ġenerali, il-Liġi dwar il-libertà tal-moviment u r-regolamenti legali
relatati jagħtu lill-barranin drittijiet u responsabbiltajiet ugwali għal
dawk mogħtija liċ-ċittadini Ukraini (b’xi
eċċezzjonijiet), bil-kondizzjoni li l-persuna barranija jew apolida
jkollha status legali fl-Ukraina li jkun konformi mal-leġiżlazzjoni
dwar l-immigrazzjoni u l-ażil. Persuni barranin li jgħixu fl-Ukraina
huma legalment mitluba jirreġistraw il-post ta’ residenza tagħhom fi
żmien 10 ijiem mill-wasla tagħhom fil-post ta’ residenza l-ġdid,
limitu ta’ żmien li komunement jiġi interpretat bħala li jibda
minn dakinhar li jinħareġ il-permess legali mill-awtoritajiet
kompetenti. Blokk 4
/ suġġett 2 – Il-kondizzjonijiet u l-proċeduri
għall-ħruġ tad-dokumenti tal-identità ·
Ir-reviżjoni tal-qafas legali u regolatorju
sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv
għad-dokumentazzjoni tal-identità u l-ivvjaġġar mingħajr
diskriminazzjoni u, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ gruppi vulnerabbli L-awtoritajiet
Ukraini segwew fuq ir-rakkomandazzjoni li saret fit-Tieni Rapport ta’ Progress
li ma jillimitawx b’mod li ma jkunx raġonevoli il-perjodu ta’ validità
tad-dokumenti ta’ residenza permanenti għall-persuni apolidi, tad-dokumenti
interni tar-refuġjati u tad-dokumenti tal-ivvjaġġar. Fl-2012
saru emendi fil-leġiżlazzjoni sabiex iċ-ċertifikat
tar-refuġjati jsir validu għal ħames snin u sabiex jiġi
żgurat li d-dokument tal-ivvjaġġar tar-refuġjati (Dokument
tal-Ivvjaġġar skont il-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati)
jinħareġ għall-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat
tar-refuġjati, bil-kondizzjoni li ċ-ċertifikat
jinħareġ għal perjodu ta’ mhux inqas minn ħames snin (l-Artikolu 34(5)).
Dawn id-dispożizzjonijiet issa huma konformi b’mod sħiħ ma’ dawk
tal-Liġi dwar ir-Refuġjati tal-2011. Għandhom isiru l-aġġustamenti
meħtieġa fir-rigward tal-istatus tal-protezzjoni kumplimentarja u
sabiex jiġu evitati d-diffikultajiet fit-tgawdija sħiħa ta’
drittijiet usa’ assoċjati mal-istatus tal-protezzjoni kumplimentarja. Blokk 4/
suġġett 3 – Id-drittijiet taċ-ċittadini, inkluża l-protezzjoni
tal-minoranzi ·
L-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni
komprensiva kontra d-diskriminazzjoni, kif irrakkomandata mill-korpi ta’
monitoraġġ tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tal-Ewropa,
bil-għan li tiġi żgurata protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjoni F’Settembru
2012, l-Ukraina adottat il-Liġi dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra
d-diskriminazzjoni, liġi qafas li għandha tipprovdi l-istrumenti
meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva kontra
d-diskriminazzjoni. Anki jekk l-adozzjoni tal-Liġi tirrappreżenta
progress, hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti Ewropej u internazzjonali
kollha. B’mod partikolari, hija ma tipprovdix biżżejjed ċertezza
legali fir-rigward tal-projbizzjoni fuq id-diskriminazzjoni abbażi
tal-identità tas-sessi u l-orjentazzjoni sesswali. Il-Liġi lanqas ma
kkontribwiet għat-titjib tal-protezzjoni
tad-drittijiet tal-vittmi minħabba li l-inverżjoni tal-piż
tal-prova baqgħet ma ġietx introdotta. Barra
minn hekk, ċerti forom ta’ diskriminazzjoni huma neqsin minn definizzjonijiet,
b’mod partikolari s-segregazzjoni, il-vittimizzazzjoni u d-diskriminazzjonijiet
multipli. Dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati b’tali mod
li jipprovdi ċertezza legali inkonfutabbli. Barra minn hekk, għandhom
jiġu ċċarati kemm kwistjonijiet ta’ ambitu (jiġifieri jekk
tapplikax ukoll għas-settur privat, jekk humiex koperti l-aspetti kollha
tad-drittijiet tax-xogħol, inklużi t-taħriġ vokazzjonali u
l-parteċipazzjoni fuq l-organizzazzjoni tal-ħaddiema), kif ukoll
id-dispożizzjonijiet dwar akkomodazzjoni raġonevoli
għall-persuni b’diżabilità. F’Marzu 2013, il-gvern ressaq quddiem il-parlament
emendi għal-Liġi li, fost l-oħrajn, jinkludu projbizzjoni tad-diskriminazzjoni
fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali fl-impjiegi u li indirizzaw
il-kwistjoni tal-piż tal-prova. Madankollu, il-proposta ma tressqitx
għal votazzjoni matul is-sessjonijiet parlamentari tar-rebbiegħa jew
tal-ħarifa. Għalkemm
l-Ombudsman inħatar bħala l-istituzzjoni b’responsabbiltajiet
għall-implimentazzjoni tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni, huwa ma
għandu ebda setgħa legali sabiex jittratta inċidenti ta’ diskriminazzjoni
li jirriżultaw bejn individwi jew bejn individwi u entitajiet legali. L-Ukraina
ħabbret li emenda leġiżlattiva għandha tagħti
s-setgħa lill-Ombudsman sabiex jittratta każijiet ta’ diskriminazzjoni
bejn ċittadini u/jew bejn ċittadini u entitajiet korporattivi jew
entitajiet legali privati. Din l-emenda għadha trid tiġi adottata. Fir-rigward
tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-Kummissjoni sejra ssegwi wkoll mill-qrib
kwalunkwe żvilupp ulterjuri fuq l-abbozz ta’ liġijiet pendenti 0711
(sussegwentement 0945), kif ukoll 0290, billi tieħu f’kunsiderazzjoni
t-tħassib imqajjem mill-Kummissjoni ta’ Venezja fl-opinjoni tagħha[11].
·
Is-segwitu b’mod attiv tar-rakkomandazzjonijiet
speċifiċi tal-korpi tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-OSCE/ODIHR, tal-Kunsill
tal-Ewropa/ECRI u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet
tal-bniedem fl-implimentazzjoni ta’ linji politiċi dwar il-ġlieda
kontra d-diskriminazzjoni, il-protezzjoni tal-minoranzi u l-ġlieda kontra
r-reati ta’ mibegħda L-Ukraina
rratifikat il-Konvenzjoni ta’ Qafas għall-protezzjoni ta’ minoranzi
nazzjonali f’Mejju 1998 u l-Karta Ewropea għal-lingwi reġjonali jew
minoritarji f’Jannar 2006. Barra minn hekk, f’Ġunju 2012, hija adottat
il-Liġi dwar il-prinċipji tal-politika rigward il-lingwa tal-Istat. Sabiex
issegwi fuq ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti li għamlet
il-Kummissjoni fl-aħħar rapport ta’ Progress tagħha, f’April u
f’Settembru 2013, rispettivament, l-Ukraina adottat Strateġija u Pjan ta’
Azzjoni dwar l-inklużjoni tal-minoranza Roma. Minkejja li
ż-żewġ dokumenti ġew diskussi mas-soċjetà ċivili
lokali, huma ma kinux soġġetti għal konsultazzjoni mal-OSCE u
mal-Kunsill tal-Ewropa qabel ġew adottati, filwaqt li
r-rakkomandazzjonijiet ewlenin li saru mis-soċjetà ċivili ma
ġewx inklużi fit-test approvat. Sabiex tiġi segwita politika
ġenwina f’dan ir-rigward, hemm bżonn ta’ xenarju ta’ referenza aktar
żviluppat b’definizzjoni tal-problema kkwantifikata (pereżempju;
estimi ta’ dawk l-individwi Roma mingħajr dokumenti u estimi tat-tfal Roma
li mhumiex qegħdin jingħataw l-edukazzjoni). Barra minn hekk,
il-miżuri u l-iskeda ta’ żmien għandhom jiġu spjegati
f’aktar dettall, filwaqt li għandhom jiġu żgurati riżorsi
adegwati flimkien mal-involviment ġenwin tas-soċjetà ċivili
fil-proċess ta’ implimentazzjoni. Bil-għan li jiġi żgurat
segwitu adegwat ta’ dawn id-dokumenti ta’ politika, jeħtieġ li
jiġu stabbiliti korp ta’ koordinazzjoni b’saħħtu u
mekkaniżmu ta’ monitoraġġ fil-fażi tal-implimentazzjoni.
Bħalissa, l-unità inkarigata mill-politika dwar ir-Roma tagħmel parti
mill-Ministeru tal-Kultura, filwaqt li ħafna kwistjonijiet ewlenin
fil-qasam tal-politika soċjali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem
huma fil-kompetenza ta’ dipartimenti ministerjali oħrajn. L-Ukraina
rratifikat il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-drittijiet
tal-persuni b’diżabilità tat-13 ta’ Diċembru 2006, li
daħlet fis-seħħ għall-Ukraina fl-4 ta’ Frar 2010.
L-Ukraina adottat serje ta’ miżuri leġiżlattivi rigward
l-aċċessibbiltà ta’ postijiet u servizzi pubbliċi. ·
Ratifika tal-istrumenti rilevanti
tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tal-Ewropa fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni L-Ukraina
hija parti għall-biċċa l-kbira tat-testi tan-Nazzjonijiet Uniti
u tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u
l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Jeħtieġ
li jiġu ddedikati aktar sforzi sabiex tittejjeb il-leġiżlazzjoni
fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u sabiex
il-leġiżlazzjoni eżistenti ssir konformi
mad-dispożizzjonijiet tat-trattati u tal-konvenzjonijiet internazzjonali
rratifikati, kif deskritt f’aktar dettall hawn fuq. ·
L-ispeċifikazzjoni tal-kondizzjonijiet u
ċ-ċirkostanzi għall-akkwist taċ-ċittadinanza Ukraina Il-kondizzjonijiet
u ċ-ċirkostanzi għall-akkwist taċ-ċittadinanza Ukraina
huma stabbiliti mil-Liġi dwar iċ-ċittadinanza tal-Ukraina li
ġiet adottata fit-18 ta’ Jannar 2001. L-Ukraina adottat
il-prinċipju ta’ ċittadinanza unika. Il-Liġi tippromwovi l-prinċipju
tal-ugwaljanza quddiem il-liġi taċ-ċittadini Ukraini,
irrispettivament mill-motivi, l-ordni u d-data tal-akkwist
taċ-ċittadinanza tagħhom. Minn din il-perspettiva, il-Liġi
hija konformi mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar in-nazzjonalità, li
daħlet fis-seħħ fis-sena 2000. Fl-2006, l-Ukraina ffirmat,
iżda għadha ma rratifikatx, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar
l-evitar tal-apolidija fir-rigward tas-suċċessjoni tal-Istat. III.
Valutazzjoni ġenerali u l-passi li jmiss B’konformità
mal-metodoloġija stabbilita, il-Kummissjoni vvalutat kontinwament u
rrapportat regolarment (l-Ewwel Rapport f’Settembru 2011; it-Tieni Rapport fi Frar
2012) dwar l-issodisfar mill-Ukraina tal-parametri tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni
tal-Viża (VLAP), abbażi
tal-informazzjoni u t-testi tal-leġiżlazzjoni adottata pprovduta
mill-Ukraina, flimkien mal-missjonijiet ta’ valutazzjoni mwettqa fuq il-post
mill-Kummissjoni u mill-persunal tal-EEAS akkumpanjati minn esperti mill-Istati
Membri. Minbarra dan il-proċess ta’
rapportaġġ intensiv għall-VLAP, il-Kummissjoni kompliet
timmonitorja l-progress li sar mill-Ukraina f’oqsma rilevanti tal-VLAP fil-qafas
tal-Kumitat Konġunt tal-Faċilitazzjoni tal-Viża bejn l-UE u l-Ukraina,
il-Kumitat ta’ Riammissjoni bejn l-UE u l-Ukraina u s-Subkumitat Nru 3
bejn l-UE u l-Ukraina. F’kull wieħed minn dawn il-kumitati, l-istat ta’
djalogu u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina huwa meqjus bħala avvanzat. Id-Djalogu bejn
l-UE u l-Ukraina dwar il-Viża kompla jkun għodda importanti u
effettiva għall-avvanz tar-riformi fil-qasam tal-ġustizzja u
l-affarijiet interni u lil hinn. Il-valutazzjoni sabet li l-Ukraina
għamlet progress sostanzjali fl-erba’ blokok kollha tal-VLAP u
b’mod partikolari mill-aħħar tal-2012, fejn bdiet tħaffef
fl-implimentazzjoni tagħha u tadotta numru ta’ pakketti
leġiżlattivi sostanzjali bil-għan li tindirizza l-lakuni
identifikati. Madankollu, xorta għad hemm xi rekwiżiti importanti
tal-ewwel fażi li jridu jiġu ssodisfati. Fir-rigward tas-sigurtà
tad-dokumenti, jeħtieġ li l-użu tal-marki tas-swaba’
bħala karatteristika bijometrika obbligatorja għall-passaporti
jiġi kkjarifikat aktar fil-liġi. Fil-qasam tal-ażil, jeħtieġ
li jsiru ċerti aġġustamenti b’attenzjoni partikolari kemm
għall-protezzjoni temporanja u sussidjarja, kif ukoll għall-kura
medika f’każ ta’ emerġenza għall-persuni li jkunu qegħdin
ifittxu l-ażil. Fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-leġiżlazzjoni
għandha bżonn tissaħħaħ aktar, b’mod partikolari
fir-rigward tal-għoti ta’ sanzjonijiet dissważivi għas-settur
privat, l-iżgurar ta’ kontrolli imparzjali fuq id-dikjarazzjonijiet
tal-assi, it-tisħiħ tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-istipular
ta’ regoli xierqa dwar l-immunità. Fl-aħħarnett, jeħtieġ li
l-qafas leġiżlattiv dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni
jissaħħaħ aktar sabiex tiġi pprovduta protezzjoni
legali adegwata kontra d-diskriminazzjoni skont l-istandards Ewropej u
internazzjonali. Huwa mistenni li tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar
il-passi li mistennija jittieħdu sabiex jiġi ffinalizzat il-qafas
istituzzjonali u leġiżlattiv tal-protezzjoni tad-dejta. Il-Kummissjoni sejra tkompli
taħdem f’kuntatt mill-qrib mal-awtoritajiet Ukraini sabiex tindirizza
mingħajr dewmien il-kwistjonijiet pendenti li ġew identifikati hawn
fuq bil-ħsieb li mbagħad tikkomunika mal-Parlament Ewropew u
mal-Kunsill ladarba jkunu ġew adottati l-miżuri kollha
meħtieġa mill-ewwel fażi tal-VLAP. [1]
Id-dokument tal-Kunsill SEC (2011) 1076 final. [2] L-erba’ blokok huma: (1) is-sigurtà tad-dokument, inkluża
l-bijometrika; (2) l-immigrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni; (3)
l-ordni pubbliku u s-sigurtà; u (4) ir-relazzjonijiet esterni u d-drittijiet
fundamentali. [3] SW 2012 (10) final. [4] Il-Liġi tal-Ukraina Nru 5492 dwar ir-Reġistru
Demografiku Uniku tal-Istat u d-dokumenti li jikkonfermaw
iċ-ċittadinanza tal-Ukraina, l-identità tal-persuna u l-istatus
speċjali tagħha. [5]
Ordni tal-Ministeru tal-Affarijiet Interni tal-Ukraina Nru 155 tat-22 ta’
Frar 2012 li tadotta regoli ta’ mġiba u etika professjonali
għall-uffiċjali tal-korpi tal-affarijiet interni tal-Ukraina. Din
l-ordni tindirizza l-kwistjoni tal-konflitti ta’ interess u l-prevenzjoni
tal-korruzzjoni. [6] L-Artikolu 30(3) u (4) tal-Liġi dwar l-istatus legali taċ-ċittadini barranin u tal-persuni apolidi tal-2011. [7] Ara, b’mod partikolari,
il-paragrafu 2 tal-Artikolu 183-5 u l-Artikolu 256(9) tal-Kodiċi
tal-Proċedura Amministrattiva. [8] http://www.refworld.org/docid/51ee97344.html [9] Ordni maħruġa mill-GPO fis-17 ta’ Awwissu 2012
li tippreskrivi l-proċedura għall-ħażna u ż-żamma
tad-dejta. [10] Il-Liġi 1382-IV ta’ Diċembru 2003 dwar il-libertà
tal-moviment u l-għażla ħielsa tal-post ta’ residenza
fl-Ukraina. [11] Ara l-Opinjoni 707/2012 maħruġa mill-Kummissjoni ta’ Venezja
tal-Kunsill tal-Ewropa fit-18 ta’ Ġunju 2013.