RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-Ħames Rapport dwar l-implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża /* COM/2013/0807 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-Ħames Rapport dwar l-implimentazzjoni
mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni
tal-Viża 1. Introduzzjoni Id-Djalogu bejn l-UE u r-Repubblika
tal-Moldova li matulu ġew eżaminati l-kundizzjonijiet
tal-ivjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini
tar-Repubblika tal-Moldova (minn hawn 'il quddiem 'ċittadini tal-Moldova')
lejn l-UE tnieda fil-15 ta’ Ġunju 2010, bl-ewwel Laqgħa
tal-Uffiċjali Għolja. Il-Pjan ta' Azzjoni dwar
il-Liberalizzazzjoni tal-Viża (VLAP)[1]
ġie ppreżentat lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova (minn
hawn 'il quddiem 'L-awtoritajiet tal-Moldova') mill-Kummissjoni fl-24 ta’ Jannar 2011,
u dan kien segwit fi Frar mit-tieni Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja.
Il-VLAP ifassal serje ta' valuri referenzjarji preċiżi
għar-Repubblika tal-Moldova fuq erba' hekk msejħin ‘pedamenti’[2] ta' kwistjonijiet
teknikament relevanti, bil-għan li jiġi adottat qafas
leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali (l-ewwel fażi) kif ukoll sabiex
dan jiġi implimentat b'mod effettiv u sostenibbli (it-tieni fażi). Il-Kummissjoni rrapportat b'mod regolari
għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-VLAP.
L-Ewwel Rapport ta' Progress ġie ppreżentat fis-16 ta’ Settembru 2011[3]. It-tielet Laqgħa
tal-Uffiċjali Għolja saret fis-7 ta’ Ottubru 2011. Il-missjonijiet ta' evalwazzjoni fuq it-Tieni, it-Tielet u r-Raba' Pedamenti tal-VLAP saru
f'Ottubru/Novembru 2011, u involvew esperti mill-Istati Membri tal-UE,
uffiċjali tal-Kummissjoni u uffiċjali tas-Servizz Ewropew
għall-Azzjoni Esterna (minn hawn 'il quddiem 'SEAE'). L-iskop ta' dawn
il-missjonijiet kien li jivvalutaw il-qafas leġiżlattiv, politiku u
istituzzjonali skont il-valuri referenzjarji tal-ewwel fażi tal-VLAP u
l-konformità tiegħu mal-istandards Ewropej u internazzjonali. It-Tieni Rapport
ta' Progress ħareġ fid-9 ta’ Frar 2012[4] u r-raba' Laqgħa
tal-Uffiċjali Għolja saret fis-27 ta’ Frar 2012. It-Tielet Rapport ta' Progress ħareġ
fit-22 ta’ Ġunju 2012[5].
Kien ir-rapport ta' progress finali dwar l-ewwel fażi tal-VLAP u
ppreżenta valutazzjoni konsolidata mill-Kummissjoni tal-progress tar-Repubblika
tal-Moldova fl-ilħuq tal-valuri referenzjarji tal-ewwel fażi tal-VLAP.
Fit-3 ta’ Awwissu 2012[6],
il-Kummissjoni ħarġet valutazzjoni tal-impatti possibbli fuq
il-migrazzjoni u s-sigurtà tal-liberalizzazzjoni tal-viża fil-ġejjieni
għaċ-ċittadini tal-Moldova li jivjaġġaw lejn l-UE,
u fiha involviet l-aġenziji relevanti tal-UE u l-partijiet interessati. Wara dawn ir-rapporti, il-Kunsill adotta
l-Konklużjonijiet fid-19 ta’ Novembru 2012 li fihom qabel
mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li r-Repubblika tal-Moldova laħqet il-valuri
referenzjarji kollha fl-ewwel fażi tal-VLAP. Il-qafas
leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali meħtieġ kien
ġie implimentat. Tnediet il-valutazzjoni tal-valuri referenzjarji stabbiliti
fit-tieni fażi. Il-ħames Laqgħa
tal-Uffiċjali Għolja saret fit-28 ta’ Jannar 2013.
Ġiet organizzata serje ġdida ta' missjonijiet ta' evalwazzjoni
fuq l-erba' Pedamenti kollha tal-VLAP bejn it-18 ta’ Frar u l-15 ta’ Marzu 2013.
Il-missjonijiet qatt ma saru bħalhom f'termini tal-fond tal-valutazzjoni —
erba' ġimgħat li involvew esperti minn 12-il Stat Membru tal-UE
akkumpanjati minn uffiċjali tal-Kummissjoni u tas-SEAE. L-iskop
tal-missjonijiet kien li jiġu vvalutati kemm l-istatus ta' lħuq
tal-valuri referenzjarji tat-tieni fażi tal-VLAP u l-firxa
tal-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali,
b'konformità ma' standards Ewropej u internazzjonali. Inxteħtet attenzjoni
partikolari fuq oqsma bħall-antidiskriminazzjoni u l-integrazzjoni ta'
minoranzi u t-traffikar tal-bnedmin, b'uħud minnhom imsemmijin
fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2012. Ir-Repubblika
tal-Moldova ħadet impenn li tindirizza r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu
fir-rapporti tal-esperti permezz tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali
aġġornat abbozzat fi tmiem Mejju 2013. Ir-Raba' Rapport ta'
Progress ħareġ fil-21 ta’ Ġunju 2013[7] u ppreżenta
l-qagħda tal-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali,
il-funzjonament tal-istituzzjonijiet u l-livell ta' koordinazzjoni
interaġenziji. Dan il-Ħames Rapport jippreżenta
l-livell ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġin
fir-Raba' Rapport u tal-ilħuq ġenerali tal-valuri referenzjarji
tat-tieni fażi tal-VLAP. Inxteħtet attenzjoni partikolari fuq is-sostenibbiltà
tar-riformi u r-riżultati miksubin, inkluż permezz ta' reklutaġġ,
kapaċità u finanzjament importanti. Dan ir-rapport jibni wkoll fuq
is-sejbiet li saru fil-15 ta’ Ottubru 2013 matul is-sitt Laqgħa
tal-Uffiċjali Għolja li saret f'Chisinau, u fuq
iż-żjara mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Interni
tal-Kummissjoni Ewropea fil-linja amministrattiva fix-Xmara Nistru u
fir-reġjun Transnistria. Jinkludi valutazzjoni
tal-qagħda tat-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Repubblika
tal-Moldova li jinsabu fir-rapport ta' Valutazzjoni tal-Impatti ta’ Awwissu 2012. 1. Valutazzjoni
tal-implimentazzjoni tal-erba' pedamenti tat-tieni fażi tal-Pjan ta'
Azzjoni ta' Liberalizzazzjoni tal-Viża 1.1. L-Ewwel Pedament: Is-sigurtà
tad-dokumenti, inkluża l-bijometrika 1.1.1. Valuri referenzjarji tal-VLAP ·
Tnedija gradwali tal-passaporti bijometriċi
konfomi mal-istandards tal-ICAO, inkluż fil-konsulati tal-Moldova barra
l-pajjiż, u l-eliminazzjoni gradwali tal-passaporti li ma jikkonformawx
mal-ICAO Ir-Repubblika tal-Moldova ilha
toħroġ esklussivament passaporti bijometriċi kompletament
konformi mal-istandards tal-ICAO[8]
mill-1 ta’ Jannar 2011 u l-qafas leġiżlattiv
sħiħ meħtieġ huwa fis-seħħ u qed jiġi
implimentat. Huwa żgurat qafas konsolidat għall-ġestjoni sigura
tal-identità. Il-passaporti attwali bl-istikers ġew ittestjati
mill-kumpanija Franċiża Ingelis Expertise u f'Settembru 2010 instab
li huma kompletament konformi[9]
mal-istandards tal-ICAO. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Ġunju 2013,
ir-Repubblika tal-Moldova saret it-38 membru tad-Direttorju taċ-Ċavetta
Pubblika tal-ICAO, bir-Reġistru (‘Registru’) taċ-Ċentru
għar-Riżorsi tal-Informazzjoni tal-Istat (CSIR) li rċieva sitt
ċertifikati f'Settembru 2013. Il-ġbir u l-ġestjoni ta' dejta
bijometrika jsiru b'konformità sħiħa mal-liġi dwar
il-protezzjoni ta' dejta personali[10]. Sabiex jibdew
joħorġu passaporti bijometriċi b'ċipep integrati, Registru u
l-kumpanija azzjonarja Gemalto ffirmaw kuntratt fis-27 ta’ Settembru 2013
għall-produzzjoni u l-kunsinna ta' passaporti b'ċirkwit integrat bla
kuntatt. Il-kuntratt ġie ppreżentat fit-30 ta’ Settembru 2013
lill-Aġenzija għall-Akkwist Pubbliku tal-Ministeru tal-Finanzi
għar-reġistrazzjoni, u ser jidħol fis-seħħ wara
r-reġistrazzjoni. Il-ħruġ ta' passaporti ġodda huwa ppjanat
għall-ewwel trimestru tal-2015. Il-passaporti li ma fihomx
dejta bijometrika maħruġin sal-1 ta’ Jannar 2011 fir-Repubblika
tal-Moldova u dawk maħruġin sal-31 ta’ Diċembru 2011
barra l-pajjiż ser jibqgħu validi sad-data ta' skadenza. Fl-1 ta’ Settembru 2013,
fiċ-ċirkulazzjoni kien hemm 2 623 225 passaport
taċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova, inklużi 680 836 (jew
25.19 %) passaport bijometriku. L-eliminazzjoni gradwali sħiħa
tal-passaporti mhux bijometriċi hija skedata għall-2020. ·
Livell għoli ta' integrità u sigurtà
tal-proċess ta' applikazzjoni, personalizzazzjoni u distribuzzjoni għall-passaporti,
kif ukoll karti tal-identità u dokumenti nissiela oħrajn Is-Servizz tal-Istat
Ċivili jipprovdi sistema ċentralizzata għal kull xorta ta'
dokument nissiel tal-istat ċivili bi grad għoli ta' protezzjoni
(ċertifikati tal-istat ċivili u siltiet minn ċertifikati
tal-istat ċivili). Kull dokument nissiel tal-istat ċivili ta'
kontabilità stretta huwa pprovdut b'ħames sinjali ta' protezzjoni. Mis-7 ta’ Marzu 2013,
il-karti tal-identità l-ġodda jinħarġu fil-format ID-1
il-ġdid. Biex il-proċess ta'
produzzjoni jsir awtomatizzat, il-proċeduri manwali li fadal
tneħħew fl-oqsma li ġejjin: fit-tfassil tal-makkinarju ta'
estrużjoni għall-karti bil-format ID-1; fl-iżgurar
tal-produzzjoni tat-tagħmir speċjalizzat f'waħda mill-fabbriki
speċjalizzati; fit-tfassil u l-iżgurar tal-produzzjoni ta'
qattiegħa tal-format tal-karta ID-1 għall-makkinarju ta'
estrużjoni eżistenti (tal-format ID-2); fit-tfassil tat-torn
b'kontroll tal-programm (software ta' kontroll numeriku) biex jipprovdi
awtomatizzazzjoni tal-proċess teknoloġiku ta' tnaqqix bil-laser,
qtugħ, eċċ. Rigward miżuri kontra
l-korruzzjoni, qed isiru spezzjonijiet ippjanati u għall-għarrieda
bla heda. Regoli ġodda dwar l-organizzazzjoni ta' spezzjonijiet għall-għarrieda
ġew approvati permezz tal-Ordni Nru 51 tat-18 ta’ Ġunju 2013.
Strateġija għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni
fil-livell tal-persunal ġiet żviluppata mis-Servizz tal-Istat
Ċivili u approvata permezz tal-Ordni Nru 58 fis-16 ta’ Lulju 2013.
Il-persunal kollu, inkluż il-maniġment tal-uffiċċji
ċentrali u territorjali tal-evidenza u d-dokumentazzjoni tal-popolazzjoni
ffirma biex jikkonferma li kienu jafu bl-Ordni ‘Dwar ċerti miżuri ta'
prevenzjoni kontra l-korruzzjoni u l-protezzjoniżmu’. Il-Kodiċi Etiku
għall-persunal li jaħdem fir-reġistrazzjoni ċivili u
l-ħruġ tad-dokumenti ilu fis-seħħ mill-1 ta’ April 2011.
Fl-2012, kien hemm ksur wieħed tal-Kodiċi Etiku u l-membru
tal-persunal ġie dixxiplinat skont Ordni Intern tar-Registru. Fl-2013 ma
kien hemm ebda każ. ·
Rapportar minnufih u sistematiku fid-database
tal-Interpol/LASP dwar passaporti mitlufin u misruqin Fl-2012, 33349 passaport
tal-Moldova ġew irrapportati misruqin jew mitlufin fid-database
tal-Interpol ta' Dokumenti tal-Ivjaġġar Misruqin u Milufin u 1676 passaport
ġew irtirati mid-database. Fl-ewwel seba' xhur tal-2013, ġew
irrapportati misruqin jew mitlufin 2000 passaport inqas meta mqabblin
mal-istess perjodu tal-2012. Fl-2012, infetħu disa' investigazzjonijiet
kriminali f'dokumenti tal-ivjaġġar misruqin u nfetħu sitta
oħra fl-ewwel tmien xhur tal-2013. Ittieħdu miżuri
biex jonqos in-numru ta' każijiet li fihom ċittadini tar-Repubblika
tal-Moldova jiddikjaraw il-passaporti mitlufin. Id-Deċiżjoni
tal-Gvern Nru 125 tat-18 ta’ Frar 2013 ippermettiet
liċ-ċittadini sabiex japplikaw mal-awtorità emittenti billi
jagħtu r-raġunijiet sabiex iżommu passaport għal użu
għal perjodu limitat jekk tqatta', jekk il-passaport kien fih viża
jew permess ta' residenza maħruġ minn awtorità barranija, jew jekk
kisbu att legali fuq il-bażi tad-dokument. Il-Ministeru
tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u l-Ministeru
tal-Intern bdew valutazzjoni konġunta tal-kawżi ta' passaporti
mitlufin u misruqin u ser jissottometti rakkomandazzjonijiet ġenerali sa
tmiem is-sena. ·
Tpartit regolari ta' kampjuni ta' passaporti u
kooperazzjoni reċiproka fuq is-sigurtà tad-dokumenti mal-UE Il-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE
jinżammu aġġornati ma' kampjuni ta' passaporti ġodda fuq
bażi anwali permezz ta' kanal ta' komunikazzjoni stabbilit.
L-aħħar aġġornament ġie ppreżentat fit-8 ta’ Awwissu 2013.
L-aħħar aġġornament fis-sistema PRADO[11] sar
f'Marzu 2013, fejn ġew introdotti kampjuni ġodda
għall-karatteristiċi tas-sigurtà tal-passaporti bijometriċi
tal-Moldova. 1.1.1. Rakkomandazzjonijiet dwar
il-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Tfassil u applikazzjoni ta' sanzjonijiet
proporzjonati, effettivi u dissważivi kontra persuni misjubin ħatja
li biegħu jew silfu l-passaporti tagħhom L-Artikolu 361(1) tal-Kodiċi
Kriminali tar-Repubblika tal-Moldova jistabbilixxi sanzjonijiet
għall-produzzjoni, il-pussess jew l-użu ta' dokumenti uffiċjali foloz:
multa sa 300 unità konvenzjonali (unità konvenzjonali hija MDL 20[12]) jew 150 sa
200 siegħa ta' xogħol fil-komunità mhux imħalas jew sa
sentejn ħabs. Biex jonqsu d-dikjarazzjonijiet ta' passaporti mitlufin,
id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 125 tat-18 ta’ Frar 2013
tippermetti sabiex passaport li fih viża jew permess ta' residenza jitradd
lura lid-detentur mill-awtorità emittenti sabiex tużah għal perjodu
limitat, jekk ikun imqatta'. Biex tiżdied ir-responsabilità tad-detenturi
tal-passaporti, it-tariffi għall-ħruġ ta' dawn id-dokumenti ser
ikunu ogħla jekk jintilfu. ·
Skambju regolari ta' dejta fuq passaporti
bijometriċi mitlufin u misruqin mal-awtoritajiet tal-UE, b'mod partikolari
bl-użu tad-database tal-Interpol ta' Dokumenti tal-Ivjaġġar
Mitlufin u Misruqin Ara l-valuri referenzjarji tal-VLAP iktar 'il
fuq. ·
Tisħiħ tal-qafas legali u
istituzzjonali rigward ir-‘Reġistru Ċivili’ sabiex jiġi evitat
l-abbuż mill-bdil tal-isem jew l-identità sabiex jinkiseb passaport
ġdid. Għandhom jitfasslu u jiġu stabbiliti regoli iktar
ċari rigward il-bdil tal-isem; il-qafas legali u istituzzjonali
għandu jissaħħaħ u jinkludi miżuri effettivi ta'
kontroll u traċċabilità. Skont id-Deċiżjoni tal-Gvern
Nru 333 tat-18 ta’ Marzu 2002 dwar l-approvazzjoni
tal-kunċett tas-sistema informattiva awtomatizzata ‘Reġistru tal-Istat
dwar il-Popolazzjoni’ u r-Regolament dwar ir-Reġistru tal-Istat dwar
il-Popolazzjoni, kull persuna identifikata fit-territorju tar-Repubblika
tal-Moldova tkun assenjata Numru ta' Identifikazzjoni tal-Persuna (IDNP). Sabiex
tiżdied is-sigurtà tal-proċess ta' identifikazzjoni, tiżdied
iktar dejta persunali. Il-kontenut u l-istruttura tad-dejta personali
jistgħu jiġu emendati, iżda l-IDNP jibqa' l-istess. Dan
jipprevjeni abbużi b'bidliet fl-isem jew l-identità biex jinkiseb passaport
ġdid. Valutazzjoni ġenerali tal-Ewwel Pedament Ir-Repubblika tal-Moldova qed tieħu biżżejjed miżuri rigward it-telf ta' passaporti u sanzjonijiet relatati. It-tqassim tal-ktejjeb b'ċippa integrata ser jibda mill-2015, u l-passaporti attwali bl-istiker jagħtu l-garanziji neċessarji dwar is-sigurtà. Ir-Repubblika tal-Moldova implimentat b'mod sodisfaċenti l-azzjonijiet mitlubin mir-rakkomandazzjonijiet tar-Raba' rapport tal-VLAP, filwaqt li baqgħat timplimenta l-leġiżlazzjoni relevanti b'mod effettiv. Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Moldova ssodisfat il-valuri referenzjarji tat-tieni fażi stabbiliti fl-Ewwel Pedament. 1.2. It-Tieni Pedament: L-immigrazzjoni
irregolari, inkluża r-riammissjoni 1.2.1. It-Tieni Pedament / l-ewwel
suġġett — Il-ġestjoni tal-fruntieri 1.2.1.1. Valuri referenzjarji tal-VLAP ·
Implimentazzjoni effettiva
tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-fruntieri permezz ta'
kontrolli fuq il-fruntieri u sorveljanza tal-fruntieri adegwati, proċeduri
u effettività operazzjonali, il-qagħda tas-sitwazzjoni fil-livell
nazzjonali u lokali, inkluża l-implimentazzjoni ta' analiżi
tar-riskju, intelligence u ġestjoni tal-fluss tad-dejta kif ukoll
aċċess dirett u konsolidazzjoni tad-databases nazzjonali u
internazzjonali relevanti Id-Dipartiment
tal-Pulizija tal-Fruntiera (BPD) jaħdem biex isaħħaħ
is-sistema ta' sorveljanza tal-fruntiera tal-istat billi juża tagħmir
speċjali modern inklużi sistemi fissi ta' sorveljanza tal-fruntiera.
B'hekk, bħala parti mill-proġett iffinanzjat mill-UE dwar "Netwerk
ta' Komunikazzjoni Fiss u Mobbli għas-Servizzi tal-Għassiesa
tal-Fruntiera tal-Moldova (il-Pulizija tal-Fruntiera, wara r-riforma)”, ġew
installati 125 kamera ta' sorveljanza fissi u 53 kamera ta' sorveljanza
bil-vidjo dome tul 575 km tal-fruntiera tal-istat sabiex tiġi żgurata
s-sorveljanza tagħha ġewwa u fl-inħawi tas-siti tat-torrijiet
installati fl-akwati pubbliċi, gradi u bini ta' sottodiviżjonijiet
tal-BPD u perimetri tal-punti ta' qsim tal-fruntiera. Iċ-Ċentru
Nazzjonali ta' Koordinazzjoni huwa responsabbli mill-implimentazzjoni
tar-Regolament li jistabbilixxi Sistema Nazzjonali ta' Kontroll tal-Fruntiera
tal-Istat u din ilha titħaddem mit-12 ta’ Ottubru 2012.
Ħames Ċentri Reġjonali ta' Koordinazzjoni u ġew stabbiliti
41 Punt ta' Koordinazzjoni Lokali/Dispatcher biex joperaw il-ħin kollu. Għalhekk,
inħolqu 16-il kariga fil-livell ċentrali, 66 fil-livell
reġjonali, u 205 fil-livell lokali. Biex dawn
l-attivitajiet jissejsu fuq l-aħjar prattika tal-UE, fl-2013 saru bosta
żjariet ta' studju fl-Istati Membri tal-UE[13]. Il-Missjoni tal-UE ta' Assistenza
fil-Fruntiera (EUBAM) għenet lill-BPD fit-tiswir ta' bosta profili ta'
riskju u fl-implimentazzjoni ta' rapportar b'sistema online li tikkonċerna
l-qagħda ta' kuljum tal-fruntiera, li fiha d-dejta relevanti dwar
is-sitwazzjoni tal-kriminalità fil-fruntiera fil-pajjiż kollu. Dawn
il-prodotti analitiċi jintużaw minn maniġers reġjonali u
lokali biex jottimizzaw l-allokazzjoni tar-riżorsi tul il-fruntiera, u
jagħżlu passiġġiera u vetturi għal kontrolli tat-tieni
linja. Bħala parti integrata tas-sistema ta' reġistrazzjoni
awtorizzata għal dawk li jaqsmu l-fruntiera, il-BPD żviluppa l-modulu
tal-kriterji tar-riskju “PASENGER” inklużi indikaturi ta' riskju, li
jipprovdi twissijiet b'mod awtomatiku lill-uffiċjali tal-BPD għall-fini
ta' selettività. Dan il-modulu huwa disponibbli wkoll għall-Unitajiet
Mobbli tal-BPD li nħolqu dan l-aħħar (ara iktar 'l isfel). Tul l-ewwel sitt xhur tal-2013,
il-permess biex jaqsmu l-fruntiera tal-istat tar-Repubblika tal-Moldova kien
rifjutat lil 2786 persuna, li 2212 minnhom kienu ħirġin
mill-pajjiż. Ir-raġunijiet ewlenin għar-rifjut jinkludu: dokumenti
invalidi, dokumenti tal-ivjaġġar skaduti, ebda viża
għall-pajjiż ta' destinazzjoni, u nuqqas ta' konformità mal-istatus
tal-punt ta' qsim tal-fruntiera. Il-BPD tal-Ministeru tal-Intern investiga 173 każ
kriminali. Minn dawn, 45 tressqu l-qorti u 33 huma quddiem il-prosekutur. Id-disaggregazzjoni
hija kif ġej: 8 każijiet ta' kutrabandu; 8 każijiet ta'
migrazzjoni irregolari; 73 każ ta' qsim illegali tal-fruntiera tal-istat;
2 każijiet ta' traffikar tal-bnedmin; 3 każijiet ta' pussess illegali
ta' munizzjon u 79 każ ta' falsifikazzjoni ta' dokumenti. Meta jagħmlu
kontrolli, il-pulizija tal-fruntiera tuża databases tal-profili ta' riskju
biex tgħinha tidentifika riskji ta' persuni moħbijin li jippruvaw
jevitaw kontroll fuq il-fruntiera. Is-Sistema ta' Analiżi tar-Riskju (RAS)
tal-BPD tuża profili tar-riskju dwar it-traffikar tal-bnedmin (THB)
inklużi fis-Sistema Integrata ta' Informazzjoni tal-Pulizija tal-Fruntiera.
Is-sottodiviżjonijiet kollha ta' kontroll tal-fruntiera jistgħu
jaċċessaw dawn il-profili online, u dawn jiġu
aġġornati b'mod kostanti. Skont l-indikaturi ta' riskju, fl-2013
il-pulizija tal-fruntiera indirizzat 11-il każ (li involvew 24 persuna) ta'
traffikar tal-bnedmin; b'każ minnhom li kien attentat li jittieħdu
tfal barra l-pajjiż. Il-pulizija tal-fruntiera investigat żewġ
każijiet; oħrajn ġew sottomessi lill-aġenziji relevanti ta'
infurzar tal-liġi. ·
Il-forniment ta' infrastruttura, tagħmir
tekniku, sistemi informatiċi, riżorsi finanzjarji u umani adegwati
skont l-Istrateġija tal-IBM u l-Pjan ta' Azzjoni li għandhom
jiġu adottati, u l-implimentazzjoni effettiva tal-programmi ta'
taħriġ u miżuri kontra l-korruzzjoni Fl-2013, mill-91 miżura fil-Pjan ta'
Azzjoni għall-istrateġija tal-IBM, 80 % ġew implimentati u
l-20 % l-oħrajn kienu għaddejjin. Ir-riorganizzazzjoni
tal-pulizija tal-fruntiera tlestiet. In-numru totali ta'
sottodiviżjonijiet tal-BPD tnaqqas b'50 % fil-livell reġjonali u
42 % fil-livell lokali. In-numru massimu ta' persunal tal-BPD kien
stabbilit għal 3500. Bħalissa, ir-rata ta' impjiegi tal-istituzzjoni
hija ta' 86% tal-massimu. Matul l-2013, il-BPD iffinalizza r-riforma
strutturali tal-unitajiet fil-livel lokali, u b'hekk implimenta r-rakkomandazzjonijiet
relevanti tal-EUBAM. Fl-2013, il-BPD għamel bosta attivitajiet ta'
tisħiħ tal-kapaċitajiet. Inxtara ammont sostanzjali ta'
tagħmir modern[14]. Saret serje ta' attivitajiet u korsijiet ta'
taħriġ biex tiġi evitata u miġġielda l-korruzzjoni. Fl-ewwel
sitt xhur tal-2013, il-persunal tas-sottodiviżjoni speċjalizzata
tal-BPD għamel 25 spezzjoni għall-għarrieda fis-sottodiviżjonijiet
tal-BP u 196 investigazzjoni fis-servizz li rriżultaw f'227 sanzjoni, 15 minnhom
irriżultaw f'sensji. Ġiet installata sorveljanza bil-vidjo
fl-Ajruport ta' Chisinau, biex ma jsirx biss monitoraġġ
tar-reġistrazzjoni online, il-verifika u l-kontrolli fuq
il-passiġġiera, iżda anki tal-imġiba tal-ispetturi fil-punt
ta' qsim tal-fruntiera, sabiex tiġi evitata l-korruzzjoni attiva. Barra
minn hekk, tħarrġu 220 impjegat tal-BPD u s-Servizz tad-Dwana bl-assistenza
taċ-Ċentru Nazzjonali għal Kontra l-Korruzzjoni. F'Ottubru 2013,
31 uffiċjal tas-Servizz tad-Dwana tal-Moldova u l-Pulizjia tal-Fruntiera
ġew arrestati b'akkużi ta' korruzzjoni passiva. ·
Titjib tal-kooperazzjoni interaġenziji
(inkluż l-iskambju ta' dejta bejn is-Servizz tal-Għassiesa
tal-Fruntiera u l-aġenziji ta' infurzar tal-liġi), kooperazzjoni
internazzjonali, inkluża kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien u
l-implimentazzjoni ta' arranġament tax-xogħol mal-FRONTEX b'livell
għoli ta' effettività. Il-kooperazzjoni mal-FRONTEX kompliet b'pass
mgħaġġel, b'uffiċjali tal-BPD li ħadu sehem
fl-operazzjoni konġunta ‘Punti Fokali Art u Ajru 2013’, flimkien
mas-servizzi tal-fruntieri tal-Polonja, ir-Rumanija u Spanja. Ir-Repubblika
tal-Moldova ospitat il-Punti ta' Koordinazzjoni tal-FRONTEX 2013 f'żewġ
punti ta' qsim tal-fruntiera: Criva u Tudora. Minn Marzu sa Mejju 2013, operazzjoni
reġjonali, ROMOLUK, tmexxiet mill-Awtorità Nazzjonali tad-Dwana b'mod
konġunt mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu ta' prodotti illeċiti tat-tabakk
u alkoħol. Fl-2013 kien hemm kooperazzjoni intensa mal-EUBAM b'konformità
mal-Pjan ta' Azzjoni tad-Disa' Fażi. Fil-kuntest tal-operazzjonijiet
konġunti tal-FRONTEX bil-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova, l-iskambju
tal-informazzjoni tħaffef permezz tal-aċċess ta' uffiċjali
tal-Moldiva fil-Punt Uniku ta' Servizz tal-Frontex (FOSS), il-pjattaforma fuq
il-web tal-Aġenzija għall-iskambju tal-informazzjoni ma' Stati Membri
u partijiet terzi, kif ukoll l-Applikazzjoni ta' Rapportar tal-Operazzjonijiet
Konġunti (JORA), l-għodda tal-Aġenzija għar-rapportar,
il-ġestjoni u l-analiżi tad-dejta relatata ma' inċidenti
identifikati matul operazzjonijiet konġunti. L-iskambju ta' informazzjoni bejn il-BPD u
l-Uffiċċju għall-Migrazzjoni u l-Ażil (MBA) tjieb,
iżda jeħtieġ iktar investimenti. Hemm bżonn li jiġi
installat modulu elettroniku għall-iskambju ta' informazzjoni biex
idaħħal f'kollegament id-databases tal-BPD u tal-BMA. It-titjib fis-sistema ta' monitoraġġ
għall-flussi ta' migrazzjoni fil-fruntiera bejn il-Moldova u l-Ukraina
fis-segment ta' Transnistria huwa għan li ilu fil-mira tal-awtoritajiet
tal-Moldova. L-awtoritajiet tal-Moldova żviluppaw mekkaniżmu
speċjali[15]
għall-monitoraġġ tal-flussi ta' migrazzjoni. Huwa msawwar fuq
l-obbligu legali ta' viżitaturi barranin li jaslu permezz tas-segment ta'
Transnistria biex jirreġistraw is-soġġorn tagħhom fir-Repubblika
tal-Moldova fi żmien 72 siegħa mill-qsim tal-fruntiera, u
jipprovdi għall-kapaċità u l-proċeduri amministrattivi
neċessarji biex jitħaffef il-proċess ta' reġistrazzjoni.
Ir-reġistrazzjoni hija b'xejn. Sitt Uffiċċji Territorjali tal-BMA
stabbiliti qrib il-linja amministrattiva bdew jaħdmu fi tmiem Ottubru
2013. L-uffiċċji territorjali jużaw l-infrastruttura
eżistenti tal-Punti Interni ta' Kontroll tad-Dwana mwaqqfin fl-2004. Għandha tingħata kunsiderazzjoni
għall-iżvilupp ta' regolament li jinkludi dispożizzjonijiet mhux
ambigwi għar-reġistrazzjoni ta' vjaġġaturi barranin. Hemm
bżonn li titnieda strateġija ta' komunikazzjoni li tispjega dawn
ir-regoli l-ġodda malajr kemm jista' jkun. B'mod partikolari, kwalunkwe
dispożizzjoni ma għandhiex tikkaġuna piż fuq il-fluss ta' vjaġġaturi,
u lanqas ma tipprovdi sanzjonijiet amministrattivi għal ċirkustanzi
mhux attribwibbli għalihom. Dan huwa attribit għan-nuqqas ta'
kontroll fuq il-fruntiera mill-awtoritajiet tal-Moldova tul is-segment
ċentrali tal-fruntiera tal-istat bejn l-Ukraina u r-Repubblika tal-Moldova.
1.2.1.2. Rakkomandazzjonijiet
tal-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Issoktar tat-tisħiħ tal-kontrolli fuq
il-fruntieri, inklużi analiżi tar-risji u miżuri ta'
sorveljanza, kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-fruntiera,
u ssoktar tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-EUBAM fl-oqsma kollha ta'
ġestjoni tal-fruntieri; Ara t-Tieni Pedament / l-ewwel
suġġett Valuri referenzjarji tal-VLAP. Matul l-2013, il-EUBAM
organizza iktar minn 20 Eżerċizzju ta' Assistenza Konġunta (JAEs)
u dawn saru bil-parteċipazzjoni tal-aġenziji tal-fruntiera tar-Repubblika
tal-Moldova u l-Ukraina. Il-miżuri konġunti ssawru fuq riskji
identifikati bħall-kutrabandu ta' prodotti tat-tabakk u prodotti
oħrajn bid-dazju (etanol, eċċ), reati relatati ma' vetturi, migrazzjoni
irregolari/kutrabandu ta' migranti u THB, kutrabandu ta' prodotti
għall-konsumatur u laħam. Skont il-miri identifikati, il-JAEs koprew
il-fruntiera komuni sħiħa inklużi BCPs u fruntieri
ħodor/blu, kif ukoll postijiet interni. Il-valutazzjoni finali ta' dawn
l-eżerċizzji indikat ħtiġijiet ta' iktar taħriġ
fuq ix-xogħol u titjib fl-oqsma bħal: kooperazzjoni
interaġenziji, ħiliet ta' analiżi tar-riskji u użu u
tagħmir ta' unitajiet mobbli. ·
Tisħiħ tal-kooperazzjoni ma'
pajjiżi ġirien. Tisħiħ ta' kooperazzjoni bilaterali u
internazzjonali u skambju ta' informazzjoni dwar dejta statistika u analitika u
dejta/intelligence tattika/operazzjonali, permezz ta' miżuri bħal
tnedija/parteċipazzjoni f'operazzjonijiet transfruntiera konġunti,
timijiet ta' investigazzjoni konġunti, u timijiet ta' intelligence
konġunti, it-tħaffif tat-tpartit ta' uffiċjali ta' kollegament
fit-tali operazzjonijiet, l-offerta ta' taħriġ għat-twettiq ta'
kontrolli konġunti fil-fruntieri u tad-dwana Fl-2013, l-attivitajiet tal-BPD
iffokaw l-iktar fuq l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni ffirmati
bejn il-BPD u l-aġenziji tal-fruntieri tal-Polonja, il-Latvja,
il-Litwanja, l-Estonja u l-Ġeorġja. F'dan il-kuntest, 96 uffiċjal
tal-BPD tħarrġu fil-Polonja fir-rigward tal-proġett fil-qasam
ta' ġestjoni tar-riskji u analiżi tar-reati ‘Ġestjoni
tal-informazzjoni fis-sistema tal-ġlieda kontra l-kriminalità
transfruntiera’. Ir-rappreżentanti tal-BPD għamlu żjara ta'
studju fl-Estonja, dwar is-sistema ta' sigurtà u verifika għal dokumenti
skont l-istandards Ewropej. Saru żewġ operazzjonijiet konġunti “OVIDIUS”
u “PONTUS EUXINUS” taħt il-kappa tal-EUBAM, bil-għan li
tissaħħaħ il-kapaċità tas-sottodiviżjonijiet
tal-Ministeru tal-Intern kif ukoll is-Servizzi tad-Dwana u s-Sigurtà billi
jittieħdu miżuri b'mod konġunt mal-Ukraina, l-UE, l-Istati
Membri u esperti internazzjonali biex tiġi evitata u miġġielda
l-kriminalità transfruntiera. Il-BPD u l-BMA jieħdu
sehem b'mod attiv fil-laqgħat regolari u ad-hoc tal-Grupp ta' Ħidma I
mmexxi mill-EUBAM dwar il-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin. Dan
il-qafas jiġbor flimkien investigaturi mill-aġenziji kllha ta'
infurzar tal-liġi tal-Moldova u l-Ukraina kif ukoll mill-Istati Membri
tal-UE, il-Europol, il-FRONTEX u SELEC, fi sforz konġunt
għall-iskambju ta' informazzjoni u tisħiħ tal-kapaċitajiet
b'appoġġ ta' investigazzjonijiet konġunti fil-migrazzjoni
irregolari u t-traffikar tal-bnedmin. Ir-rappreżentanti tal-aġenziji
ta' infurzar tal-liġi tal-Moldova (Servizz tad-Dwana, Ministeru tal-Intern,
BPD) huma parteċipanti attivi f'bosta proġetti oħrajn tal-EUBAM
ukoll, bħall-Grupp ta' Ħidma II dwar il-Kutrabandu ta' Prodotti u
Sigaretti, il-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà
Intellettwali, it-Task Force Armi, it-Task Force Droga u t-Task Force Kriminalità
tal-Vetturi. Dawn il-fora kollha jikkontribwixxu
għall-aġġornament tal-ħarsa ġenerali lejn
is-sitwazzjoni kurrenti, il-ġbir tar-riżorsi u l-organizzazzjoni ta'
rispons konġunt għall-perikli imposti minn attivitajiet transfruntiera
illeċiti f'oqsma rispettivi. ·
Titjib tat-taħriġ u tisħiħ tal-kapaċitajiet
fir-rigward tal-kooperazzjoni internazzjonali fid-dwana u l-infurzar
tal-liġi u l-iskambju tal-informazzjoni. Ara t-Tieni Pedament / l-ewwel
suġġett Valuri referenzjarji tal-VLAP. ·
Koordinazzjoni tal-attivitajiet ta' kontroll
fil-fruntiera komuni. Skambju ta' intelligence u tisħiħ
tal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni komuni fil-livell operazzjonali. Fl-4 ta’ Lulju 2013, bdew
in-negozjati fuq ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova u l-Kabinett
tal-Ministri tal-Ukraina dwar punti ta' kuntatt fil-fruntiera bejn il-Moldova u
l-Ukrania. Ser iservi bħala l-bażi għal kunċett ġdid
ta' skambju ta' informazzjoni, għall-istabbiliment ta' forom ġodda
ta' interazzjoni bit-twaqqif u t-tħaddim ta' punti ta' kuntatt
fil-fruntiera bejn il-Moldova u l-Ukraina skont l-aħjar prattika tal-UE. Qiegħed jiġi aġġornat
Protokoll bejn id-Dipartiment tal-Pulizija tal-Fruntiera tal-Ministeru
tal-Intern tar-Repubblika tal-Moldova u l-Amministrazzjoni tas-Servizz ta'
Għassiesa tal-Fruntiera tal-Istat tal-Ukraina dwar l-iskambju ta'
informazzjoni analitika u statistika. Fl-2013 il-Protokoll kien
soġġett għal titjib permezz ta' inklużjoni
tal-implimentazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni ta' kuljum dwar
is-sitwazzjoni fuq segment konġunt tal-fruntiera. Barra minn hekk, fuq
bażi ta' kull xahar, l-aġenziji tal-fruntiera tar-Repubblika
tal-Moldova u l-Ukraina jfasslu rapporti konġunti ta' valutazzjoni
tar-riskju. Apparti minn hekk, il-EUBAM sostniet lill-aġenziji
tal-fruntiera miż-żewġ pajjiżi fit-tisħiħ
tal-iskambju ta' informazzjoni operazzjonali u l-implimentazzjoni tas-sistema
ta' monitoraġġ ta' kuljum dwar il-flussi ta' migrazzjoni fis-segment
ċentrali ta' Transnistria tal-fruntiera tal-istat bejn il-Moldova u
l-Ukraina. Ġie stabbilit l-iskambju ta' dejta mhux nominali fuq
ċittadini ta' pajjiżi terzi li qasmu l-fruntiera komuni tal-istat
permezz tas-segment ċentrali. ·
Tisħiħ tal-kooperazzjoni ma'
pajjiżi ġirien, b'mod partikolari l-Ukraina F'Mejju-Ġunju 2013, saru bosta
laqgħat tal-gruppi ta' ħidma konġunti ta' esperti mill-BPD,
iċ-Ċentru għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin,
il-BMA, is-Servizz tal-Għassiesa tal-Fruntiera tal-Istat tal-Ukraina, l-Organizzazzjoni
Internazzjonali għall-Migrazzjoni u l-EUBAM. Ipproduċew rapport
speċjali dwar il-migrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin fil-fruntiera
tal-istat bejn il-Moldova u l-Ukraina. Il-proċess ta' demarkazzjoni
tal-fruntiera tal-fruntiera tal-istat bejn ir-Repubblika tal-Moldova u
l-Ukraina huwa mistenni jintemm sa tmiem l-2014. Bħalissa ġew
demarkati 1,202.5 mill-1,222.0 kilometru. 19.2 kilometri fis-segment
ċentrali u 0.3 kilometri fis-setturi fin-Nofsinhar tal-fruntiera komuni
għadhom iridu jiġu demarkati. Bħalissa qed issir l-elaborazzjoni
tad-dokumentazzjoni finali tad-demarkazzjoni tal-fruntiera rigward is-setturi
kollha. Meqjus bħala l-progress miksub, diġà nbeda l-iżvilupp
tat-Trattat bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina dwar l-iskema
tal-fruntiera tal-istat. Fl-2013 saru erba' serje ta'
negozjati dwar l-Abbozz tat-Trattat bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina
dwar l-iskema tal-fruntiera tal-istat. Fil-21 ta’ Mejju 2013,
saru n-negozjati fuq l-abbozzar ta' dokument trilaterali fil-livell tal-gvern
li jistabbilixxi u jimmarka l-punti ta' ħbit (triplex confinium) tal-fruntieri
tal-istat tal-Moldova, ir-Rumanija u l-Ukraina. ·
Issoktar tal-appoġġ
għall-kooperazzjoni mal-EUBAM u implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet
tal-EUBAM dwar it-titjib u l-intensifikazzjoni tal-użu ta' unitajiet
mobbli Il-EUBAM tosserva[16] li n-numru ta'
ċittadini tal-Moldova (83) li nqabdu huma u ħirġin mir-Repubblika
tal-Moldova bl-intenzjoni li jivjaġġaw b'mod frawdolenti lejn
pajjiżi tal-UE naqas b'29 % fl-2012 meta mqabbel mal-2011 (117). Ir-rapport
jisħaq ukoll fuq titjib issoktat fis-sistemi ta' ġestjoni
tal-fruntiera u l-migrazzjoni fil-kuntest tal-isforzi ta' liberalizzazzjoni
tal-viża, xejra li qed tonqos b'mod ġenerali fil-migrazzjoni
irregolari fir-Repubblika tal-Moldova u kontroll imsaħħaħ
tal-migrazzjoni irregolari fil-fruntiera tal-Moldova. Il-kontrolli f'rotot tat-traffiku
internazzjonali fi ħdan it-territorju tal-pajjiż minn unitajiet
mobbli huma fattur importanti fil-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u
l-kriminalità transfruntiera. Il-BPD stabbilixxa Direttorat
għall-Unitajiet Mobbli, li huwa mgħammar sew fil-livelli
ċentrali u reġjonali. Regolament dwar l-unitajiet mobbli tal-BPD
ġie approvat permezz tad-Digriet tal-Gvern # 752 datat l-20 ta’ Settembru 2013,
li jistabbilixxi r-rwol, il-kompiti u d-drittijiet tal-unitajiet mobbli fi
ħdan azzjonijiet tattiċi u operattivi tal-missjonijiet tal-PBPD,
l-ordni pubblika u s-sigurtà tal-Ministeru tal-Intern. Ir-Regolament jipprovdi
għall-possibilità li jiġu stabbiliti unitajiet mobbli konġunti
fuq il-bażi ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni. Ir-Regolament dwar
it-Traffiku tar-Repubblika tal-Moldova ġie emendat sabiex jinkludi dispożizzjonijiet
li jawtorizzaw lill-unitajiet mobbli tal-BPD sabiex jimplimentaw l-attivitajiet
tagħhom fit-toroq pubbliċi. Minn Frar sa Marzu 2013, l-unitajiet mobbli
konġunti tal-BPD u s-Servizz tad-Dwana għamlu operazzjonijiet
konġunti: ġew ikkontrollati 477 mezz tat-trasport, u 396 kienu
rreġistrati b'numri nazzjonali u 81 b'numri barranin. Matul dawn
l-operazzjonijiet, instabu u ġew dokumentati l-każijiet li
ġejjin: każ ta' trasport illegali ta' prodotti soġġetti
għal dazju (etanol); 3 każijiet ta' trasport ta' prodotti
għall-konsumatur bla ċertifikati ta' oriġini; 2 każijiet
ta' setgħat iffalsifikati tal-avukat dwar il-mezzi tat-trasport u 2
każijiet ta' bdil tan-numri tal-vetturi. 1.2.2. It-Tieni Pedament / it-tieni
suġġett — Il-ġestjoni tal-migrazzjoni 1.2.2.1. Valuri referenzjarji tal-VLAP ·
Issoktar tal-implimentazzjoni effettiva
tal-ftehim ta' riammissjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova u miżuri
għar-riintegrazzjoni ta' ċittadini tal-Moldova (li jmorru lura minn
jeddhom jew riammessi) Skont il-Ftehim ta'
Riammissjoni mal-Unjoni Ewropea u pajjiżi li mhumiex fl-UE,
għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Lulju 2013,
il-Ministeru tal-Intern eżamina 83 applikazzjoni ta' riammissjoni
mill-pajjiżi li ġejjin: Franza 35, l-Awstrija 8, il-Ġermanja 7,
Spanja 10, l-Isvizzera 6, ir-Rumanija 7, il-Belġju 9, l-Isvezja 1. Matul
l-istess perjodu, 42 ċittadin tal-Moldova ġew riammessi
b'suċċess fir-Repubblika tal-Moldova u 2 ċittadini tal-UE
ġew riammessi mit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova fl-Istati Membri
tal-UE (ir-Rumanija 1, l-Ungerjia 1). Min-numru totali ta' applikazzjonijiet
ta' riammissjoni riċevuti minn pajjiżi tal-UE, 8 persuni nstabu li ma
kinux ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova jew li ma kellhom ebda
assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Moldova. Fil-qasam tar-ritorn u
r-riammissjoni, inbdew b'suċċess żewġ proġetti
ffinanzjati mill-UE. Il-proġett ‘Tisħiħ tal-Ġestjoni
tal-Migrazzjoni u l-Kooperazzjoni fir-Riammissjoni fl-Ewropa tal-Lvant[17] (MIGRECO)’
tnieda fil-21 ta’ Marzu 2013 u ser idum għaddej sentejn.
Qed jiġi implimentat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali
għall-Migrazzjoni (IOM). Il-proġett ‘Appoġġ lir-Repubblika
tal-Moldova fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-Liberalizzazzjoni
tal-Viża — Ġlieda kontra l-Migrazzjoni Illegali fir-Repubblika
tal-Moldova[18] (FIRMM)’ tnieda fl-20 ta’ Marzu 2013. Qed
jiġi implimentat miċ-Ċentru Internazzjonali
għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni (ICMPD) matul
is-sentejn li jmiss. Iż-żewġ proġetti jikkontribwixxu
għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-BMA billi jiżviluppa
l-ħiliet neċessarji għan-negozjar u l-implimenazzjoni ta'
ftehimiet ta' riammissjoni ma' pajjiżi terzi oħrajn kif ukoll ta'
Protokolli ta' Implimentazzjoni mal-Istati Membri tal-UE[19]. ·
Implimentazzjoni effettiva ta' qafas legali
għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, inkluż il-forniment ta'
strutturi amministrattivi b'riżorsi umani adegwati b'kompetenzi ċari
u relevanti għall-aspetti kollha tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, kif
ukoll il-kooperazzjoni effettiva bejn l-aġenziji relevanti Fi ħdan il-kuntest
tal-proċess ta' riforma tal-Ministeru tal-Intern u sabiex
tissaħħaħ il-ġestjoni ġenerali tal-migrazzjoni fir-Repubblika
tal-Moldova, ġie rivedut sew il-qafas istituzzjonali tal-BMA (skont
l-Ordni Nru 70 tal-Ministeru tal-Intern tat-28 ta’ Frar 2013).
Il-BMA ttella' f'livell ta' Dipartiment u n-numru ta' persunal kważi
rdoppja minn 104 għal 198. Il-Ftehim bejn ir-Repubblika
tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea li jemenda l-Ftehim bejn ir-Repubblika
tal-Moldova u l-Komunità Ewropea dwar it-tħaffif tal-ħruġ
tal-viżi, iffirmat f'Ġunju 2012, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2013.
Il-progress fl-implimentazzjoni tal-ftehim ġie vvalutat bħala
pożittiv fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat Konġunt dwar
l-implimentazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova u l-UE li saret fit-12 ta’ Ġunju 2013
fi Brussell. Għall-2012, in-numru ta' viżi tal-UE maħruġin
għal ċittadini tal-Moldova żdied għal 157 974. Ir-rata
medja ta' rifjut għall-2012 niżlet għal 3.05 % minn 7.02 %
għall-2010. Fl-2012, l-Istati Mebri tal-UE ħarġu 101 135
viża għal ċittadini tal-Moldova, li 45.01 % minnhom kienu
viżi għal dħul multiplu, inklużi 26.71 % viżi Schengen.
Fl-2008, 11.6 % biss min-numri totali ta' viżi maħruġin
kienu viżi tat-tip multiplu. Fl-2012, l-iktar viżi
għal dħul multiplu nħarġu mir-Rumanija (61.94 % jew 32 533
viża għal dħul multiplu minn total ta' 52 520); il-Litwanja
(45.15 % jew 647 viża għal dħul multiplu minn total ta' 1 433);
u l-Italja (36.07 % jew 3 795 minn total ta' 10 521). L-ogħla
rata ta' rifjut fl-2012 ġiet irreġistrata fi Franza (9.8 % jew
434 talba għal viża rifjutati minn 4 391); ir-Repubblika
Ċeka (9.52 % jew 439 talba rifjutati minn 4610); u l-Italja (8.03 %[20] jew 918 talba
rifjutati minn 11439). L-inqas rati ta' rifjut kienu għall-Bulgarija (0.04 %
jew 25 taba rifjutati minn 56 864); ir-Rumanija (2.78 % jew 1502 talbiet
rifjutati minn 54022); u l-Ġermanja (2.43 %[21] jew 162 talba
rifjutati minn 6679). ·
Profil tal-migrazzjoni stabbilit u
aġġornat b'mod regolari u analiżi effettiva tad-dejta dwar
il-livelli u l-flussi ta' migrazzjoni Ir-Rapport tal-Profil Estiż dwar
il-Migrazzjoni (EMP) tar-Repubblika tal-Moldova ġie ppubblikat b'mod
uffiċjali f'April 2013. Il-produzzjoni perjodika indipendenti tar-Rapport
ser titkompla mill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova, speċifikament
taħt il-koordinazzjoni tal-Uffiċċju għall-Migrazzjoni u
l-Ażil tal-Ministeru tal-Intern. F'dan ir-rigward, sa tmiem l-2013 għandu
jiġi ppubblikat sett aġġornat ta' statistiki konformi mal-lista
ta' indikaturi. Twettaq[22]
stħarriġ indipendenti fuq skala kbira dwar il-migranti u l-familji[23] miċ-Ċentru
għall-Analiżi u l-Investigazzjonijiet Soċjoloġiċi,
Politiċi u Psikoloġiċi ‘CIVIS’ u l-Aġenzija Internazzjonali
għall-Informazzjoni dwar il-Pajjiż Sors bħala parti
mill-proġett iffinanzjat mill-UE dwar it-Tisħiħ tar-rabta bejn
il-migrazzjoni u l-iżvilupp (NEXUS Moldova). Ir-riċerka sabet li hemm
370 000 Moldovan barra l-pajjiż bħala ħaddiema migranti
fit-tul, li jifformaw 11 % tal-popolazzjoni sħiħa, u 109 000
Moldovan oħrajn attivi f'migrazzjoni staġjonali f'pajjiżi
oħrajn, li jammontaw għal 6.6 % tal-popolazzjoni sħiħa.
Mill-migranti staġjonali, 81 % jimigraw fil-Federazzjoni Russa u 7 %
fl-Italja. L-istudju sab li 91.2 % tal-popolazzjoni sħiħa li
għadhom ma kinux migranti ma għandhom ebda intenzjoni li jimigraw (inklużi
ħaddiema migranti, migrazzjoni għal studju, staġjonali u
interna). Madwar 56 000 ruħ, jew 3.4 % tal-popolazzjoni
sħiħa, għandhom pjanijiet li jsiru ħaddiema migranti
internazzjonali fit-tul u 51 000, jew 3.3 % tal-popolazzjoni
sħiħa, beħsiebhom ifittxu xogħol staġjonali barra
l-pajjiż. ·
Implimentazzjoni konsistenti ta'
metodoloġija effettiva dwar il-qbid fi ħdan il-pajjiż ta'
migrazzjoni irregolari, analiżi tar-riskju (inkluż ir-rapportar
tal-aġenziji relevanti u analiżi f'kull livell amministrattiv,
eż. lokali, ċentrali), u investigazzjoni ta' każijiet ta'
migrazzjoni irregolari ffaċilitata organizzata, inkluża l-kooperazzjoni
effettiva bejn l-aġenziji relevanti Fl-ewwel sitt xhur tal-2013, ġew
irreġistrati 312-il każ ta' ksur tar-regoli ta' soġġorn (minħabba
l-applikazzjoni tal-metodi ta' qbid interni tal-Ministeru tal-Intern): 270
każ ta' ksur tar-regoli ta' soġġorn minn barranin u nies bla
stat u 42 każ ta' tħaddim ta' barranin bla awtorizzazzjoni. Il-BMA ħareġ
73 deċiżjoni għar-ritorn ta' barranin u l-qorti ħarġet
26 deċiżjoni ta' tkeċċija ta' ċittadini barranin. Sabiex tissaħħaħ
il-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-oqsma kollha u biex
tissaħħaħ il-kapaċità ta' prevenzjoni u indirizzar
tas-soġġorni illegali minn barranin fir-Repubblika tal-Moldova, l-istruttura
tad-Direttorat tal-MBA għall-Ġlieda kontra s-Soġġorn
Illegali ta' Barranin ġiet riveduta u n-numru ta' persunal żdied minn
11 għal 47. Tliet unitajiet reġjonali għall-ġlieda kontra
s-soġġorn illegali ta' barranin twaqqfu fid-Direttorat sabiex
jiġġieldu kontra s-soġġorn illegali ta' barranin
(fit-Tramuntana, Balti; fiċ-ċentru, Chişinau; u fin-Nofsinhar,
Comrat) b'numru totali ta' 34 membru tal-persunal. Sa Settembru 2013, kien
intgħażel il-persunal għal 85 % tal-karigi maħluqin
ġodda. Il-proġett iffinanzjat tal-UE ‘Nappoġġjaw
lir-Repubblika tal-Moldova fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE u r-Repubblika
tal-Moldova dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża — Ġlieda kontra
l-Migrazzjoni Illegali fil-Moldova (FIRMM)’ jiżviluppa l-kapaċità
tal-awtoritajiet ċentrali u lokali sabiex jaqbdu migranti irregolari fi
ħdan il-pajjiż u ser jgħin biex jinxtara t-tagħmir
meħtieġ. Bħala parti mill-istess proġett FIRMM, il-BMA
ħoloq taqsima ġdida għall-iżvilupp tal-informazzjoni,
il-ġestjoni tad-dejta u l-analiżi tar-riskji li ser ikunu sostnuti
fil-konsolidazzjoni tal-kapaċitajiet ta' operazzjoni u analiżi
tiegħu. Fl-istess kuntest, twaqqaf grupp ta' ħidma intern biex
jabbozza metodoloġija għall-analiżi u l-valutazzjoni tar-riskji
għall-immigrazzjoni u l-ażil, u ser jirċievi appoġġ
minn esperti tal-Istati Membri tal-UE. Matul l-ewwel seba' xhur
tal-2013, ġew irreġistrati 34 każ kriminali ta' migrazzjoni
irregolari, imqabblin ma' 82 fl-istess perjodu tal-2012 (tnaqqis ta' 58.5 %).
Fl-2013, il-BMA rrefera tliet każijiet
lill-uffiċċju tal-prosekutur, u bdew l-investigazzjonijiet kriminali. ·
Forniment ta' infrastruttura adegwata (inklużi
ċentri ta' detenzjoni) u tisħiħ tal-korpi responsabbli biex
tiġi żgurata tkeċċija effettiva ta' ċittadini minn
pajjiżi terzi b'residenza u/jew transizzjoni irregolari mit-territorju
tar-Repubblika tal-Moldova Biex tissaħħaħ il-kapaċità
u jitjiebu kemm l-effiċjenza tal-proċeduri ta' ritorn kif ukoll
il-forniment tas-servizzi lill-barranin, l-istruttura taċ-Ċentru
għad-Detenzjoni Temporanja tal-Baranin fil-Ministeru tal-Intern ġiet
riveduta (Ordni Ministerjali Nru 70 tat-28 ta’ Frar 2013).
Bl-istruttura l-ġdida, il-membri tal-persunal żdied minn 29 għal
40. In-numru ta' persunal tas-Servizz ta' Sigurtà u Aċċess tela' minn
17 għal 25 u dak tas-Servizz ta' Identifikazzjoni u Skorta minn 5 għal
6. Is-servizz loġistiku ngħata żewġ karigi oħrajn. Biex jiġi żgurat li l-migranti
detenuti jirċievu assistenza legali, fis-6 ta’ Awwissu 2013
ġie ffirmat memorandum ta' qbil bejn il-BMA, il-Kunsill Nazzjonali
tal-Għajnuna Legali tal-Istat u ċ-Ċentru Legali tal-Avukati
(organizzazzjoni mhux governattiva). Skont il-memorandum ta' qbil, il-Kunsill
Nazzjonali ta' Għajnuna Legali tal-Istat u ċ-Ċentru Legali
tal-Avukati ser jipprovdu pariri inizjali u l-assistena legali
meħtieġa lill-persuni kollha li jinsabu fiċ-Ċentru
għad-Detenzjoni Temporanja ta' Barranin. Fl-ewwel sitt xhur tal-2013, kien
hemm 34 fiċ-Ċentru. Id-durata medja ta' detenzjoni hija iktar minn
xahrejn. Iż-żmien medju relattivament twil għall-ħruġ
huwa dovut għal-livell baxx ta' tweġibiet minn ċerti
pajjiżi terzi. 1.2.2.2. Rakkomandazzjonijiet
tal-Valutazzjoni tal-impatt ·
Organizzazzjoni ta' kampanji informattivi bla
heda u mmirati bil-għan li jiġu ċċarati d-drittijiet u
l-obbligi tal-ivjaġġar bla viża, inkluża informazzjoni dwar
ir-regoli li jirregolaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-UE
(inkluż permezz tal-Portal tal-UE dwar l-Immigrazzjoni) u r-responsabilità
għal kwalunkwe abbuż tad-drittijiet skont l-iskema ta' bla viża F'Lulju 2013 inħoloq grupp tal-kumitat
ta' tmexxija dwar l-informazzjoni u l-komunikazzjoni fuq l-integrazzjoni
Ewropea. Huwa presedut mid-Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin,
bil-parteċipazzjoni tal-Konsulent ta' Livell Għoli tal-UE tal-Prim
Ministru dwar il-Komunikazzjoni, il-kelliem tal-Prim Ministru, konsulenti
tal-Prim Ministru, rappreżentanti tad-Direttorat Ġenerali għall-Integrazzjoni
Ewropea u l-Unità tal-Istampa tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-kumitat
ta' tmexxija jiltaqa' kull ġimgħa jew darba kull
ġimgħatejn. Pjan prattiku ta' azzjoni fuq prijoritajiet fit-terminu
qasir, medju u twil ġie abbozzat u beda bl-implimentazzjoni f'Lulju 2013.
Il-liberalizzazzjoni tal-viża hija waħda mis-suġġetti
ewlenin indirizzati fit-taħditiet mal-pubbliku. Bejn Awwissu u Ottubru
2013 biss, ġew organizzati iktar minn 20 attività pubblika dwar
l-ivjaġġar bla viża. F'Settembru, il-Ministeru tal-Affarijiet
Barranin u l-Integrazzjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Moldova kellu
laqgħat informali separati u konġunti ma' rappreżentanti
tal-mezzi tax-xandir (edituri mill-istazzjonijiet kollha tat-TV, u
l-maġġoranza tal-mezzi tar-radju, online u gazzetti) biex jispjega
l-prijoritajiet tad-djalogu bejn l-UE u l-MD sas-Summit ta' Vilnius, u
l-Aġenda ta' Wara Vilnius, flimkien mal-aħħar żviluppi
fl-implimentazzjoni tal-VLAP. 1.2.3. It-Tieni Pedament / it-tielet
suġġett — Il-politika dwar l-ażil ·
Implimentazzjoni effettiva
tal-leġiżlazzjoni dwar l-ażil, inkluż il-forniment ta'
infrastruttura adegwata u t-tisħiħ ta' korpi responsabbli (persunal,
finanzjament), b'mod partikolari fil-qasam tal-proċeduri dwar l-ażil,
l-akkoljenza ta' nies li jfittxu ażil u l-ħarsien tad-drittijiet
tagħhom, kif ukoll l-integrazzjoni tar-rifuġjati; żgurar li
l-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali għandhom
aċċess għal dokumenti tal-ivjaġġar previsti
mil-leġiżlazzjoni Fl-2012, 162 persuna
applikaw għal ażil, 19 ġew rikonoxxuti bħala rifuġjati,
45 ingħataw protezzjoni umanitarja u ġiet rifjutata kwalunkwe xorta
ta' protezzjoni lil 55 ruħ. Fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2013,
54 ruħ applikaw għal ażil, 9 ġew rikonoxxuti bħala
rifuġjati, 43 ingħataw protezzjoni umanitarja u ġiet rifjutata
kwalunkwe xorta ta' protezzjoni lil 22 ruħ. Fl-2012, iż-żmien
medju ta' pproċessar bejn is-sottomissjoni ta' applikazzjoni u
deċiżjoni tal-ewwel istanza kien ta' 107 ijiem, filwaqt li
ż-żmien meħud bejn is-sottomissjoni ta' applikazzjoni u deċiżjoni
finali kien ta' 401 jum. Fl-ewwel nofs tal-2013, it-tul medju
tal-proċedura amministrattiva kien ta' 129 jum u 289 jekk il-każ
ġie appellat. Iż-żmien meħud għall-analiżi
tal-applikazzjonijiet għal ażil fil-proċedura amminisrattiva
huwa bejn xahar u sitt xhur. Sal-1 ta’ Lulju 2013, 272 persuna
bi status ta' protezzjoni, li 79 minnhom kienu rifuġjati, u 135 persuna li
ngħataw protezzjoni umanitarja kienu qed jgħixu fit-territorju tar-Repubblika
tal-Moldova. Bħalissa, hemm deċiżjonijiet fuq 58 persuna
pendenti, li qed jistennew deċiżjoni fl-ewwel istanza jew b'appell.
Ħafna mill-applikanti ġejjin mis-Sirja, l-Armenja, l-Afganistan,
il-Federazzjoni Russa, l-Azerbajġan, il-Kirgiżistan jew is-Sudan. Id-Deċiżjoni
tal-Gvern Nru 362 dwar l-għajnuna finanzjarja mogħtija
lir-rifuġjati u l-benefiċjarji ta' protezzjoni umanitarja
għas-sena 2013 ġiet adottata fit-12 ta’ Ġunju 2013.
L-għajnuna tfasslet għal MDL 577.50, li tirrappreżenta 15 %
tal-paga medja stmata għall-2013. Fl-2013, daħlu talbiet għal
għajnuna minn 25 ruħ u din ingħatat fi 22 każ (21 mis-Sirja,
u 1 mis-Sudan) u ġiet rifjutata fi 3 każijiet (mill-Armenja). Fl-ewwel
nofs tal-2013, 59 barrani rreġistraw mal-aġenziji tal-impjiegi u 15 sabu
xogħol. F'April 2013, ġie
ffirmat ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-proġett Inizjattiva ffinanzjat
mill-UE dwar il-Kwalità tas-Sistemi tal-Ażil fl-Ewropa tal-Lvant u
l-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-persunal tad-Determinazzjoni tal-Istatus ta'
Rifuġjat (RSD) ħa sehem f'taħriġ kontinwu. Il-proġett
jipprevedi wkoll it-tnedija tal-verżjoni Russa tal-pjattaforma Refworld
tal-UNHCR. Il-persunal tal-RSD huwa involut fl-implimentazzjoni
tal-Proġett Pilota 4 skont il-Proċess ta' Praga wkoll, imsejjaħ
'Taħriġ dwar il-kwalità fl-ażil’, bl-appoġġ
tal-Uffiċċju Federali Ġermaniż għall-Migrazzjoni u
l-Bord Svediż għall-Migrazzjoni. Il-konsulenti kollha dwar
l-eliġibbiltà fid-Direttorat tal-BMA dwar l-Ażil u l-Integrazzjoni
(AID) attendew il-Kurrikulu Ewropew fil-Qasam tal-Ażil — il-korsijiet
f'format online ta' tagħlim elettroniku għall-moduli li ġejjin:
Informazzjoni dwar il-Pajjiż ta' Oriġini (COI), Klawżoli ta'
Inklużjoni, u Abbozzar u Teħid ta' Deċiżjonijiet.
Ir-riċerkatur tas-COI u dawk tal-BMA li jieħdu
d-deċiżjonijiet studjaw il-Modulu tas-COI dwar il-Kurrikulu Ewropew
fil-Qasam tal-Ażil, u għandhom aċċess għad-databases
uffiċjali pubbliċi kollha dwar is-COI. Bħala parti
mill-Proġett ta' Integrazzjoni Lokali u l-Programm ta' Protezzjoni
Reġjonali ffinanzjati mill-UE u implimentati mill-UNHCR,
it-taħriġ għall-persunal tal-AID, għall-pulizija
tal-fruntiera u l-imħallfin dwar id-dritt ta' kisba ta' ażil u
l-proċeduri sussegwenti fis-seħħ, kif ukoll dwar id-drittijiet
tal-persuni li jfittxu l-ażil u r-rifuġjati[24] kompla
jsir fl-2013. L-Ordni rigward evidenza, manutenzjoni u preservazzjoni ta' fajls
ta' persuni akkomodati fiċ-Ċentru ta' Akkoljenza ġiet approvata
fil-5 ta’ Ġunju 2013 skont ir-Regolament
taċ-Ċentru ta' akkoljenza, approvat permezz tad-Deċiżjoni
tal-Gvern Nru 1023 tat-28 ta’ Diċembru 2012. Il-Kodiċi
etiku tagħha huwa f'konsultazzjoni bejn is-servizzi. Valutazzjoni ġenerali tat-Tieni Pedament Ir-Repubblika tal-Moldova bdiet tinstalla sistemi ta' sorveljanza teknika matul il-fruntiera fuq l-art. Inxtraw tagħmir u vetturi oħrajn. L-unitajiet mobbli twaqqfu u huma operazzjonali. Il-kapaċità u l-kopertura tal-BMA ssaħħew, filwaqt li nfetħu s-sitt uffiċċji territorjali fi ħdan ir-reġjun Transnistria. Twettqu l-azzjonijiet kollha relatati mal-ażil, u t-taħriġ għall-persunal ta' infurzar tal-liġi u l-maġistrati qed imexxi sew. Ir-Repubblika tal-Moldova implimentat b'mod sodisfaċenti l-azzjonijiet mitlubin mir-rakkomandazzjonijiet tar-Raba' rapport tal-VLAP, filwaqt li tkompli timplimenta l-leġiżlazzjoni relevanti b'mod effettiv. Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Moldova ssodisfat il-valuri referenzjarji tat-tieni fażi stabbiliti mit-Tieni Pedament. 1.3. It-Tielet Pedament: L-ordni
pubblika u s-sigurtà 1.3.1. It-Tielet Pedament / l-ewwel
suġġett — Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità
organizzata, it-terroriżmu u l-korruzzjoni 1.3.1.1. Valur referenzjarju tal-VLAP - Il-prevenzjoni
u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu ·
Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan
ta' Azzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità
organizzata inkluża l-koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet
relevanti, kif ukoll it-twettiq ta' investigazzjoni effettiva, prosekuzzjoni u
konfiski tar-rikavat mill-kriminalità; Ir-Regolament dwar
l-organizzazzjoni u l-funzjonijiet tal-Ministeru tal-Ispettorat tal-Pulizija
Ġenerali tal-Intern (GPI) kien approvat fl-24 ta’ April 2013.
Wara r-riforma tal-pulizija ta’ Marzu 2013, in-numru ta'
funzjonijiet maniġerjali tnaqqas b'20% u n-numru ta' pulizija li
jaħdmu fit-territorju żdied bi 19 %. Il-ħin ta' reazzjoni u
intervent wara sejħa minn membru tal-pubbliku niżel fl-2013 minn 45 minuta
għal madwar 30 minuta. Fl-2013, in-numru ta' mwiet u korrimenti serji
minħabba aċċidenti naqas b'20 %. Sa tmiem is-sena
għandha tiġi ppreżentata lill-Gvern ordni li tistabbilixxi
żieda fil-paga ta' 30% b'mod speċifiku għall-uffiċjali
tal-pulizija, minbarra żidiet oħrajn fis-salarju
għall-uffiċjali. Matul l-ewwel seba' xhur tal-2013, tkissru 40 grupp
kriminali, b'175 membru attiv[25]. Fl-24 ta’ Diċembru 2012,
inħoloq iċ-Ċentru ta' Analiżi tal-Informazzjoni (CIA) fl-Ispettorat
Nazzjonali tal-Investigazzjoni. Huwa maqsum f'żewġ unitajiet f'livell
ċentrali (l-Unità ta' Investigazzjoni Analitika u l-Unitajiet ta'
Analiżi tal-Informazzjoni), u t-Taqsimiet lokali ta' Investigazzjoni
tar-Reati, li jeżistu f'kull Spettorat tal-Pulizija tar-Repubblika
tal-Moldova. Is-CIA huwa kompletament operazzjonali u funzjonali, bi 12-il
uffiċjal ta' investigazzjoni. Qed jiġi impimentat proġett[26] dwar il-‘Konsolidazzjoni
tal-kapaċità tal-Ministeru tal-Intern fil-qasam tal-ġlieda kontra
l-kriminalità u l-kontroll tal-armi’ bl-appoġġ tal-programm
tar-Rumanija dwar l-Assistenza fl-Iżvilupp Uffiċjali (ODA)
(il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Rumanija) u l-Programm ta'
Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) fir-Repubblika
tal-Moldova. Fl-2013, il-Ministeru
tal-Intern xtara t-tagħmir li ġej għall-prevenzjoni u
l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata: 90 karozza
għall-Ispettorat Nazzjonali tal-Pattulja (mill-baġit tal-istat); 10
kits forensiċi speċjalizzati għat-tiftix fuq il-post, 5
settijiet ta' kameras diġitali speċjali, 13-il test tal-etil u 30 kompjuter
għall-GPI; bini ġdid għaċ-ċentru tal-GPI għall-forensika
teknika u l-kompetenza ġudizzjarja (CTFJE) (li għandu jitlesta sa
tmiem l-2013). Bħalissa għaddej proġett dwar l-akkwist ta'
tagħmir speċjali għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet
tal-laboratorji forensiċi u l-kunsinna u l-installazzjoni tal-provvista
huma mistennija fl-2014 (sa EUR 2.4 miljun mill-programm tal-2011 tal-Bini
Komprensiv tal-Istituzzjonijiet tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u
Sħubija). Il-pjan tal-baġit tal-2014 tal-Ministeru tal-Intern ikopri
wkoll xirjiet oħrajn fil-ġejjieni ta' vetturi għal spettorati
tal-pulizija, l-akkwist ta' tagħmir speċjali investigattiv u
l-aġġornament ta' databases operattivi eżistenti. Il-Ministeru tal-Intern, l-Uffiċċju
tal-Prosekutur Ġenerali u ċ-Ċentru Nazzjonali
għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni qed janalizzaw l-aspetti
prattiċi għall-ħolqien tal-uffiċċju għall-irkupru
ta' assi. Bħalissa, fir-Repubblika
tal-Moldova għadu mhuwiex possibbli li jiġu interċettati
l-komunikazzjonijiet għal skopijiet ta' investigazzjoni kriminali
esklussivament mill-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi. Dan huwa dovut
għal kunsiderazzjonijiet tekniċi, legali u finanzjarji. L-istimi
tal-ispejjeż biex il-korpi kollha ta' infurzar tal-liġi jkunu
mgħammra bit-tagħmir li jeħtieġu huma ta' madwar MDL
220-250 miljun. Ir-Repubblika tal-Moldova tkun teħtieġ assistenza
finanzjarja esterna biex tlaħħaq ma' modernizzazzjoni bħal din. 1.3.1.2. Rakkomandazzjonijiet
tal-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Tisħiħ tal-ġbir tad-dejta fuq
kriminali u gruppi tal-kriminalità organizzata (OCGs) fil-livell nazzjonali,
inter alia, billi jitwaqqfu u/jew jittejbu d-databases nazzjonali. Sabiex jiġu
żgurati komunikazzjoni istituzzjonali u ġbir ta' dejta effettiva,
fl-1 ta’ Awwissu 2013 ġie deċiż li tinħoloq
database komuni dwar l-attività mill-gruppi u l-organizzazzjonijiet kriminali
sa tmiem l-2013 li tkun aċċessibbli mill-Ministeru tal-Intern,
l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, is-Servizz tas-Sigurtà u
l-Informazzjoni, iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ġlieda Kontra
l-Korruzzjoni, is-Servizz tad-Dwana, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, il-Ministeru
għaż-Żgħażagħ u l-Isport, il-Kanċellerija
tal-Istat u l-Akkademja tax-Xjenza. ·
Issoktar tal-isforzi biex jittejbu l-indikaturi
tad-dejta u l-ġbir tad-dejta kriminali fl-oqsma kollha tal-kriminalità. Id-dejta dwar
il-kriminalità miġbura permezz tar-reġistrazzjoni tal-ilmenti kollha
u r-rapporti ta' reati mwettqin f'database ċentrali amministrata u
kkontrollata mis-servizz informatiku tal-Ministeru tal-Intern. Sabiex jitjieb u
jitħaffef il-ġbir ta' dejta dwar il-kriminalità organizzata, twaqqaf portal
online għall-imenti dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fuq
il-websajt uffiċjali tal-Ministeru[27]. Mill-bidu tal-2013, irċieva 29
ilment. Il-websajt uffiċjali tal-GPI tnediet fil-15 ta’ Mejju 2013,
fejn iċ-ċittadini jistgħu jirrapportaw reat jew itellgħu
ritratti, vidjo, jew informazzjoni fuq reati li kienu xhud għalihom.
In-numru totali ta' 1 767 notifika (sal-15 ta’ Awwissu 2013)
juri l-kunfidenza ikbar tan-nies fil-pulizija, speċjalment
fil-kapaċità tal-pulizija li taġixxi fuq diversi tipi ta' reati. Bl-implimentazzjoni
tar-reġistru l-ġdid dwar il-kriminalità u l-informazzjoni
kriminoloġika mill-1 ta’ Jannar 2013, il-ġbir
tad-dejta dwar il-kriminalità fir-Repubblika tal-Moldova ġie simplifikat. Kull
sottodiviżjoni tal-Ministeru tal-Intern imqabbda mad-databases tista'
tikseb kull xorta ta' statistiki fi kwalunkwe ħin skont it-tip ta'
kriminalità jew reġjun. Il-karti amministrattivi tneħħew
mill-proċess ta' ġbir ta' dejta fuq il-kriminalità. Finalment, grupp
ta' ħidma interistituzzjonali għall-iżvilupp ta' regolament dwar
l-ipproċessar u l-analiżi uniformi ta' dejta statistika relatata
mal-ġustizzja kriminali beda bl-attività tiegħu fil-bidu tal-2013. 1.3.1.3. Valur referenzjarju tal-VLAP - Il-prevenzjoni
tat-traffikar tal-bnedmin ·
Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni
dwar il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u l-Pjan Nazzjonali rispettiv,
inkluża koordinazzjoni effettiva bejn l-aġenziji tal-istat u
l-protezzjoni effettiva tal-vittmi tat-traffikar, b'mod partikolari tfal; Fl-ewwel nofs tal-2013, ġew identifikati 71
każ kriminali dwar it-traffikar tal-bnedmin (THB), tnaqqis ta' 6.5 % meta
mqabblin mas-76 identifikati fl-istess perjodu s-sena li għaddiet. Madwar
80 % minnhom irriżultaw minn miżuri proattivi ta' invesigazzjoni
tal-pulizija u 20 % jirrappreżentaw ilmenti u rapporti. 61 ruħ
kienu soġġetti għal sfruttament sesswali u 90 għal
sfruttament għal xogħol. Għall-ewwel darba, id-dejta
miġbura turi predominanza ta' traffikar għall-isfruttament għal
xogħol meta mqabbel mal-isfruttament sesswali. Dan jirriżulta l-iktar
minn sforzi ta' taħriġ tal-pulizija li saru fl-2011-2012 fuq
l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni effettivi ta' każijiet ta'
traffikar għal sfruttament għal xogħol. Il-pajjiżi ta'
destinazzjoni ewlenin baqgħu l-Federazzjoni Russa (madwar 60 %
tal-vittmi kollha), it-Turkija u l-Emirati Għarab Magħquda (UAE). Dan
juri biċ-ċar li l-isforzi tal-infurzar tal-liġi tal-Moldova huma
sostenibbli fir-rigward tal-qbid u l-investigazzjoni effiċjenti ta'
każijiet ta' traffikar u l-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi. Skont Deċiżjoni tal-Kumitat
Nazzjonali dwar it-THB, mill-15 ta’ Lulju 2013 l-awtoritajiet
tal-istat ser jibdew jaħdmu fuq il-Pjan Nazzjonali għall-Prevenzjoni
u l-Ġlieda kontra t-THB għat-tliet snin li jmiss f'Settembru 2013. Id-database
tat-THB immexxija mis-Segretarjat Permanenti hija waħda funzjonali u
tiġbor dejta minn awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi u
istituzzjonijiet li jassistu l-vittmi. Fl-ewwel sitt xhur tal-2013, saru 280 kampanja
ta' sensibilizzazzjoni u attiviatjiet oħrajn[28] relatati
mal-prevenzjoni tat-THB. Il-liġi dwar il-protezzjoni soċjali ta' tfal
f'riskju u tfal separati mill-ġenituri tagħhom kienet approvata
mill-Parlament fl-14 ta’ Ġunju 2013. Il-liġi
tistabbilixxi mekkaniżmi ta' kooperazzjoni settorjali
għall-valutazzjoni u l-appoġġ tat-tfal f'riskju. Mekkaniżmu nazzjonali
għall-valutazzjoni, l-akkreditament u l-monitoraġġ ta' fornituri
tas-servizzi soċjali ġie promoss mill-Ministeru tax-Xogħol,
il-Protezzjoni Soċjali u l-Familja skont il-Liġi Nru 129 tat-8 ta’ Ġunju 2012
dwar l-akkreditament tal-fornituri tas-servizzi soċjali u r-Regolament
dwar l-attività tal-Kunsill Nazzjonali għall-akkreditament tal-fornituri
tas-servizzi soċjali (Deċiżjoni tal-Gvern Nru 998 tat-28 ta’ Diċembru 2012).
Il-Kunsill Nazzjonali għall-Akkreditament ta' Fornituri tas-Servizzi
Soċjali twaqqaf f'April 2013. Il-mekkaniżmu tnieda f'fażi pilota
u huwa kkonsultat ma' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u msieħba
tal-iżvilupp tal-kooperazzjoni u huwa skedat li jitnieda kompletament
fl-2014. Il-ħolqien ta' fond nazzjonali għall-assistenza,
il-protezzjoni u l-kumpens ta' vittmi[29]
ġie identifikat bħala prijorità importanti għall-kooperazzjoni
fil-ġejjieni mal-Kunsill tal-Ewropa. 1.3.1.4. Rakkomandazzjonijiet
tal-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Żgurar tal-protezzjoni effettiva tax-xhieda
ta' THB, u titjib ulterjuri fil-protezzjoni, l-assistenza u l-appoġġ
lill-vittmi ta' THB. Iċ-ċentru
għall-assistenza u l-protezzjoni tal-vittmi u l-vittmi potenzjali ta'
traffikar tal-bnedmin, kompletament operazzjonali mill-2008, kompla bl-attività
tiegħu. Fl-2013, erba' vittmi ta' THB irċivew miżuri ta' protezzjoni
speċjali offruti mid-Diviżjoni għall-Protezzjoni tax-Xhieda fi
ħdan il-GPI. Il-vittmi kollha ġew riferuti wkoll għas-servizzi
ta' protezzjoni soċjali. Bis-saħħa tal-miżuri effettivi
meħudin, ma kien hemm ebda inċident li involva vittmi. L-istandards minimi tal-kwalità
għall-assistenza u l-protezzjoni tal-vittmi u l-vittmi potenzjali ta'
traffikar tal-bnedmin qed jiġu diskussi u jistgħu jiġu approvati
mill-Gvern fil-bidu tal-2014. Fl-ewwel sitt xhur tal-2013,
31 koppja ta' omm u iben/bint kienu assistiti fiż-żewġ swali
tal-maternità taċ-Ċentri ta' Akkomodazzjoni inn Chisinau u Balti. Iċ-ċentri
huma taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tas-Saħħa tar-Repubblika
tal-Moldova. Is-swali tal-maternità joffru servizzi ta' akkoljenza,
saħħa, edukazzjoni, kura tas-saħħa, legali, soċjali, psikoloġiċi
u (ri)integrazzjoni lil koppji ta' omm u iben/bint f'diffikultà, skont
il-ħtiġijiet tagħhom. 1.3.1.5. Valur referenzjarju tal-VLAP - Il-prevenzjoni
u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni ·
Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni
dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, żgurar
tal-funzjonament effiċjenti tal-aġenzija indipendenti
għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni; żvilupp ta' kodiċijiet
etiċi u taħriġ fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'fokus speċjali
fuq uffiċjali pubbliċi involuti fl-infurzar tal-liġi u
l-ġudikatura; Wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 106 tat-3 ta’ Mejju 2013,
iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni (NAC)
ġie taħt ir-responsabilità tal-Gvern minflok il-Parlament.
Id-direttur tal-NAC jinħatar għal mandat ta' 4 snin u
jitneħħa mill-President tar-Repubblika tal-Moldova wara proposta
tal-Prim Ministru. Ir-Repubblika tal-Moldova hija mħeġġa ssegwi
kompetizzjonijiet miftuħin bi kriterji oġġettivi bbażati
fuq il-mertu pprovduti b'mod ċar mil-liġi. It-trasferiment tal-kompetenzi
tal-investigazzjonijiet f'reati finanzjarji għall-Ministeru tal-Intern u
s-Servizz tad-Dwana wassal għall-konsolidazzjoni tal-mandat tal-NAC[30] fil-ġlieda kontra
l-korruzzjoni u reati relatati mal-korruzzjoni. L-NAC jew ċerti taqsimiet
tal-NAC għandhom isiru speċjalizzati esklussivament
f'investigazzjonijiet ta' każijiet li jinvolvu ċertu livell ta'
uffiċjali jew ċertu livell ta' ħsara, sabiex jindirizzaw
aħjar każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli. Il-Kodiċi tal-Kondotta l-ġdid
għall-impjegati taċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ġlieda
Kontra l-Korruzzjoni daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Awwissu 2013.
L-adozzjoni tal-Kodiċi tal-Kondotta huwa mistenni jikkontribwixxi
għal kondotta iktar effiċjenti u responsabbli tal-attività tal-NAC,
jiġifieri żieda fil-fiduċja pubblika fl-istituzzjoni. Wara
emenda tas-7 ta’ Marzu 2013 fil-liġi dwar is-salarji
tas-settur pubbliku, l-uffiċjali pubbliċi u l-persunal tal-kabinett
tal-uffiċjali pubbliċi ngħataw żieda fil-paga ta' 35 %
mill-1 ta’ Jannar 2013. Sabiex jiġi żgurat l-istess
trattament, iktar minn 1566 uffiċjal pubbliku rċivew żieda
fis-salarju, inklużi 101 deputat, 773 prosekutur, 516-il imħallef, u 227
membru tal-persunal tal-kabinett tal-uffiċjali pubbliċi. Bħalissa, l-NAC jieħu ħsieb
l-analiżi tal-Pjanijiet ta' Integrità tal-awtoritajiet ċentrali
pubbliċi. L-NAC għadu jipprovdi kompetenza fil-qasam tal-ġlieda
kontra l-korruzzjoni meta jkunu qed jiġu abbozzati atti normattivi. Minn
Jannar sa Lulju 2013, l-NAC eżamina u pprovda kompetenza dwar
il-ġlieda kontra l-korruzzjoni għal 498 abbozz ta' atti normattivi.
Sabiex tkun żgurata speċjalizzazzjoni profonda tal-investigaturi
fl-investigazzjonijiet finanzjarji, s'issa fl-2013 ġew organizzati sitt
korsijiet ta' taħriġ speċjalizzat għal rappreżentanti
tal-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi: iċ-Ċentru Nazzjonal għall-Ġlieda
Kontra l-Korruzzjoni, il-Ministeru tal-Intern, is-Servizz tas-Sigurtà u
l-Intelligence, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali u
awtoritajiet relevanti oħrajn. Bejn Jannar u Settembru 2013, id-Dipartiment
tal-Prosekuzzjoni Kriminali tal-NAC fetaħ 400 kawża kriminali, u 126
kawża kriminali minnhom kontra 163 imputat tressqu l-qorti. Il-qrati
qatgħu 118-il sentenza. Fl-2013, tressqu l-qorti 9 kawżi kriminali
għal reati relatati mal-korruzzjoni kontra persuni b'kariga ta'
uffiċjal pubbliku ta' klassifikazzjoni għolja, jew li kellhom din
il-kariga fl-imgħoddi: Segretarju Deputat Ġenerali tal-Gvern; Deputat
Kap ta' Distrett; 5 Sindki; Ex-Kap tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni
Awdjoviżiva u Kap tal-Ispettorat Fiskali tal-Istat. Ir-Repubblika
tal-Moldova hija mistennija tirrapporta fil-ġejjieni dwar l-ammont ta'
kundanni u r-rata ta' suċċess. L-awtorità l-kbira l-oħra
għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-Kummissjoni Nazzjonali
għall-Integrità, taħtar il-persunal tagħha wara proċeduri
pubbliċi ta' kompetizzjoni u għażla. Mill-21 kariga
fil-Kummissjoni Nazzjonali għall-Integrità, 8 għadhom battala. Il-kundizzjonijiet
neċessarji kollha għax-xogħol ġew ipprovduti — inxtara
t-tagħmir neċessarju u nħolqu d-databases tar-rekords
tad-dikjarazzjonijiet. Fl-ewwel nofs tal-2013, il-Kummissjoni stħarrġet
38 ilment. F'ħames każijiet, is-sejbiet tal-Kummissjoni ntwerew
fil-qorti. Matul l-2013, il-qrati kienu notifikati b'328 kawża ta' reati
inqas gravi għan-nuqqas ta' sottomissjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' assi
jew interessi fi ħdan id-data ta' skadenza stabbilita mil-liġi. Fis-6 ta’ Frar 2013
tnediet il-websajt tal-Kummissjoni li tipprovdi pjattaforma
għall-komunikazzjoni u l-aċċess dirett
għad-dikjarazzjonijiet. Ġiet żgurata l-kooperazzjoni bejn
il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Integrità u l-NAC. Fl-ewwel nofs tal-2013,
iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni
bagħat 12-il rapport ta' ksur possibbli ta' dispożizzjonijiet legali
li jaqgħu fi ħdan l-oqsma ta' kompetenza għal analiżi tal-Kummissjoni.
L-NAC jikkollabora mal-Kummissjoni fil-proċess ta' applikazzjoni ta'
sanzjonijiet amministrattivi meta jinstab nuqqas ta' dikjarazzjoni ta' kunflitt
ta' interess, u fl-analiżi tal-materjali mibgħutin mill-Kummissjoni biex
jinfetħu miżuri ta' investigazzjoni fuq disparitajiet bejn
id-dħul u l-proprjetajiet proprji. Ir-Repubblika tal-Moldova hija
mistennija tistabbilixxi track-record dwar il-verifika ta' kunflitti ta'
interess u dwar id-divulgazzjoni tal-assi, u dwar is-sanzjonijiet applikati. Fl-14 ta’ Marzu 2003 tnediet
reviżjoni tal-kategorija ta' persuni li jgawdu minn immunità
għall-proċdura kriminali biex jiġi emendat il-Kodiċi
tal-Proċedura Kriminali. Abbozz tal-liġi dwar ir-reviżjoni
tal-immunitajiet fi ħdan il-proċeduri ta' prosekuzzjoni kriminali
ġie abbozzat mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali u
sottomess għal koordinazzjoni bejn u fi ħdan l-aġenziji.
Bħalissa qed isir studju dwar ir-regoli ta' responsabilità
għall-prosekuturi, inkluża r-responsabilità dixxiplinari u
l-eliminazzjoni tal-immunità ġenerali tagħhom,
mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali b'mod konġunt
mal-Istitut għar-Riforma Kriminali. Fis-16 ta’ Ottubru 2013,
il-Gvern approva żewġ liġijiet ġodda għall-ġlieda
kontra l-korruzzjoni — l-ewwel waħda testendi l-perjodu ta' preskrizzjoni
għall-prosekuzzjoni ta' mħallfin li jwettqu delitti, u tipprojbixxi
komunikazzjoni bejn l-imħallfin u l-partijiet involuti fil-proċess
sabiex tkun żgurata imparzjalità. L-abbozz tal-liġi jipprovdi wkoll
għal responsabilità ikbar għal arrikkiment illiċitu, projbizzjoni
fuq il-ħidma f'karigi pubbliċi għal perjodu itwal,
dispożizzjonijiet dwar il-konfiska ta' assi, multi u priġunerija. It-tieni
abbozz tal-liġi, dwar ir-remunerazzjoni tal-imħallfin, jipprovdi
għal żieda fis-salarji tal-imħallfin sabiex dawn jitilgħu
għal 3-5 darbiet is-salarju medju. 1.3.1.6. Rakkomandazzjonijiet
tal-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Prevenzjoni u ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli
kollha u fl-oqsma kollha. Ara l-valur referenzjarju
tal-VLAP iktar 'il fuq. ·
Implimentazzjoni ta' azzjonijiet tal-ġlieda
kontra l-korruzzjoni bħala kwistjoni prijoritarja fl-oqsma kollha, kif
ukoll fir-rigward tal-aspetti usa' tal-istat tad-dritt. L-awtoritajiet
nazzjonali għandu jkollhom il-kapaċità li jiġġieldu
l-korruzzjoni fil-livelli kollha — ċentrali, reġjonali, lokali u
speċifiċi għas-setturi, b'attenzjoni partikolari fuq
l-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi u tad-dwana. Is-Servizz Intern għas-Sigurtà u
l-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni twaqqaf fil-Ministeru tal-Intern f'Marzu
2013. Is-servizz huwa awtorità awtonoma fil-Ministeru tal-Intern. Jieħu miżuri
ta' investigazzjoni speċjali u għandu biżżejjed
kapaċità biex jiġġieled u jissorvelja fenomeni ta' korruzzjoni
kemm f'livell ċentrali kif ukoll lokali. Il-membri tal-persunal
tas-Servizz żdiedu minn 18 għal 111-il kariga fl-2013. Barra minn
hekk, l-abbozz tal-Liġi dwar l-Ittestjar tal-Integrità Professjonali
tal-Pulizija ġie adottat mill-Gvern u issa jinsab quddiem il-Parlament. Il-liġi
tistabbilixxi l-proċedura, il-metodoloġija, il-mezzi u t-tekniki ta'
ttestjar tal-integrità professjonali tal-pulizija, inklużi modi ta'
identifikazzjoni, valutazzjoni u eliminazzjoni ta' vulnerabilitajiet u riskji
ta' korruzzjoni jew atti illegali oħrajn. Bħalissa qed jiġi
abbozzat ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Ministeru tal-Intern u
ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni. L-ilmenti dwar każijiet ta' korruzzjoni huma
analizzati mis-Servizz Intern għas-Sigurtà u l-Ġlieda Kontra
l-Korruzzjoni bla heda, u dan jippermettilu jintervjeni minnufih fuq il-post,
anki fi tmiem il-ġimgħa, u b'hekk tiżdied l-effettività
tal-prevenzjoni u l-monitoraġġ tal-impimentazzjoni tar-riskju.
Bħala indikazzjoni tal-effettività ta' din il-politika, fl-ewwel sitt xhur
tal-2013, għal bosta ksur, ittieħdu bosta miżuri dixxiplinari
kontra 233 impjegat tal-Ministeru tal-Intern meta mqabblin mal-424 fl-ewwel
sitt xhur tal-2012. 1.3.1.7. Valur referenzjarju tal-VLAP - Il-prevenzjoni
tal-ħasi tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ·
Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u
l-Istrateġija għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u
l-finanzjament tat-terroriżmu, implimentazzjoni
tal-leġiżlazzjoni relevanti dwar il-konfiska ta' assi ta' kriminali
(inklużi d-dispożizzjonijiet li jindirizzaw aspetti transfruntiera); Fis-6 ta’ Ġunju 2013,
il-Parlament approva l-Istrateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni u
l-Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu
għall-2013-2017 u l-Pjan ta' Azzjoni mfassal biex jimplimenta din
l-istrateġija ta' ħames snin, sabiex tiġi żviluppata skema
nazzjonali effettiva għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus / kontra
l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT). Il-Pjan ta' Azzjoni jiddikjara
l-miżuri li għandhom jittieħdu, id-data ta' skadenza,
l-awtoritajiet responsabbli u l-indikaturi tal-monitoraġġ. B'hekk,
ir-Repubblika tal-Moldova għandha l-għan l-ieħor
li tikkonforma mal-istandards tal-AML/CFT tat-Task Force ta' Azzjoni
Finanzjarja (FATF) u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-raba' rapport ta'
evalwazzjoni ta’ Diċembru 2012 minn Moneyval, il-Kumitat
tal-Esperti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Evalwazzjoni ta' Miżuri ta'
Ħasil tal-Flus. Ir-Repubblika tal-Moldova rrapportat li fl-2013 diġà
kienu ġew implimentati bis-sħiħ seba' miżuri tal-Pjan ta'
Azzjoni u li kienu qed jiġu implimentati erba' miżuri oħra. Ir-Repubblika tal-Moldova hija mħeġġa tkompli bil-proċess ta'
implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha u, peress li
l-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni għandhom jirreferu
għar-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF 40+9 tal-2003, għandha
taġġorna l-liġijiet u r-regolamenti tagħha dwar l-AML/CFT fid-dawl
tar-Rakkomandazzjonijiet riveduti adottati mill-FATF fi Frar 2012. Apparti minn
hekk, meta r-Repubblika tal-Moldova tissorvelja l-progress
tagħha, għandha tieħu f'kunsiderazzjoni l-aspetti kwalitattivi
flimkien ma' dawk kwantitattivi. Fir-rigward
tal-miżuri leġiżlattivi, ir-Repubblika
tal-Moldova ħejjiet
inter alia abbozz tal-liġi li jindirizza sanzjonijiet għal ksur minn
entitajiet ta' rapportar u setgħat ta' sanzjonar għall-konformità
mar-Rakkomandazzjoni 17 tal-FATF. Dawn l-abbozzi tal-emendi għall-Art. 291
tal-Kodiċi dwar il-Kontravenzjonijiet donnhom ikopru l-ksur kollu
possibbli tal-obbligi pprovduti mil-Liġi dwar l-AML/CFT. Bħalissa, uħud
minn dawn in-nuqqasijiet l-iskema ta' sanzjonar tal-AML/CFT għadhom
preżenti, minħabba l-lista limitata ta' ksur li jistgħu
jikkostitwixxu bażi għal penali u minħabba n-nuqqas ta'
ċarezza dwar liema awtorità superviżorja tista' teżerċita
s-setgħat ta' sanzjonar. B'hekk, ir-Repubblika
tal-Moldova hija
mħeġġa tgħaddi l-emendi proposti malajr kemm jista' jkun. Fil-kuntest
tal-impenji li jaqgħu taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni
tal-ġejjieni, ir-Repubblika tal-Moldova trid tiżgura applikazzjoni
gradwali tar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu tal-kapital[31], li jinvolvi anki l-liberalizzazzjoni
tal-operazzjonijiet ta' importazzjoni u esportazzjoni għall-kambju. Dan
ser ifisser it-tneħħija tal-limiti eżistenti fuq l-importazzjoni
u l-esportazzjoni tal-kambju. Skont ir-Repubblika tal-Moldova, il-miżuri
ta' implimentazzjoni meħudin sabiex tiġi żgurata applikazzjoni
effettiva tal-liġijiet u r-regolamenti dwar l-AML/CFT inkludew dawn li
ġejjin: minn Jannar sa Awwissu 2013, twettqu verifiki ex officio u fuq
il-post ta' 235 uffiċċji tal-kambju, 48 parteċipant
professjonali fis-suq finanzjarju mhux bankarju, u 7 istituzzjonijiet bankarji.
Il-ksur ewlieni li nstab kien: ebda implimentazzjoni jew implimentazzjoni
parzjali tal-programmi istituzzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda
kontra tal-ħasil tal-fus, u nuqqas ta' rapportar ta' tranżazzjonijiet
suspettati fi flus kontanti. Fl-2013, l-Uffiċċju
għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus
ippreżenta 37 oġġett ta' informazzjoni lill-awtoritajiet ta'
prosekuzzjoni kriminali fl-uffiċċju tal-prosekutur
għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-NAC. B'riżultat ta' dan,
infetħu 20 kawża kriminali, 15 minnhom relatati ma' reati ta'
ħasil tal-flus. 1.3.1.8. Rakkomandazzjonijiet
tal-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Il-proċeduri ta' konfiska tal-assi jridu
jkunu maqbulin mal-awtoritajiet tal-Moldova, sabiex jiġu rkuprati
l-proprjetajiet misruqin jew il-profitti li jsiru minnhom, u sabiex tonqos
is-setgħa finanzjarja tal-OCGs, u b'hekk jitħaffef it-tkissir
tagħhom. Ir-Repubblika tal-Moldova għarrfet li
bħalissa kienet qed tiġi abbozzata l-Liġi dwar l-emenda u
t-tlestija tal-art. 243 u l-art. 106 tal-Kodiċi Kriminali u l-art. 206 tal-Kodiċi
tal-Proċedura Kriminali sabiex jissaħħu l-azzjonijiet
tal-ġlieda u jiġu ottimizzati r-regoli ta' konfiska u li din
għandha tkun sottomessa lill-Parament sa tmiem is-sena sabiex japprovaha. Skont ir-Repubblika tal-Moldova, f'termini ta'
konfiska, minn Jannar sa Lulju 2013, il-qrati tal-ewwel istanza qatgħu
disa' sentenzi ta' konfiska ta' prodotti/dħul użati f'reat jew li
rriżultaw minn reati u ttrasferiethom lill-istat. L-ammont totali ta'
prodotti kkonfisikati huwa ta' MDL 1 984 047 f'seba' kawżi
ta' kutrabandu fuq skala partikolarment kbira u żewġ każijiet
ta' serq b'ċirkustanzi aggravanti. Fl-istess perjodu, il-Qrati tal-Appell
ħarġu disa' deċiżjonijiet b'valur finali tal-prodotti sekwestrati
ta' MDL 688 309. 1.3.1.9. Valur referenzjarju tal-VLAP - L-implimentazzjoni
tal-Politika ta' kontra d-droga ·
Implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali
kontra d-Droga u l-pjan ta' azzjoni relatat magħha, biex l-informazzjoni
dwar is-sekwestri ta' droga u l-persuni involuti ssir aċċessibbli
fil-punti ta' qsim tal-fruntiera; żvilupp ulterjuri tal-kooperazzjoni u
l-iskambju ta' informazzjoni ma' korpi internazzjonali relevanti fil-qasam
tad-droga; Wara r-riforma
tal-Ministeru tal-Intern (ara iktar 'il fuq taħt it-Tielet Pedament / l-ewwel
suġġett Valur referenzjarju tal-VLAP), id-Dipartiment ta' Kontra
d-Droga tal-GPI ġie riorganizzat f'Marzu 2013. L-uffiċċji
reġjonali ta' kontra d-droga fir-reġjuni tat-Tramuntana u n-Nofsinhar
tal-pajjiż inħolqu fl-istess żmien, u żewġ unitajiet
addizzjonali tad-Dipartiment ta' Kontra d-Droga: it-taqsima
għall-ġlieda taċ-ċirkwit illeċitu ta' sustanzi
psikotropiċi u prekursuri, u l-unità ta' analiżi u ppjanar.
Il-persunal tad-Dipartiment ta' Kontra d-Droga żdied għal 27.
L-attivitajiet ta' taħriġ għall-persunal involut fl-attivitajiet
ta' kontra d-droga komplew isiru fl-2013 kif ukoll attivitajiet ta'
sensibilizzazzjoni. Il-baġit tal-ministeru għall-2014 jinkludi
allokazzjoni ta' MDL 30 miljun għax-xiri ta' mezzi speċjali
għall-ġlieda kontra d-droga. Fl-2013, tressqu l-qorti 609
kawża kriminali relatata ma' droga (imqabblin ma' 865 fl-istess perjodu
tas-sena 2012). Bħala riżultat tar-reati maqbudin f'dak il-perjodu,
ġew sekwestrati 85 kg droga (fl-2012: 171 kg), 62 kg minnhom marijuana (fl-2012:
78 kg), 116 795 pjanti tal-kannabis (fl-2012: 136491) u 17 971 pjanta
tal-pepprin (fl-2012: 10598). It-tnaqqis fin-numru ta' kawżi kriminali
relatati mad-droga mressqin huwa dovut għad-dekriminalizzazzjoni ta'
ċerti reati relatati ma' droga u konċentrazzjoni tal-pulizija li
ffokat fuq każijiet ta' livell għoli f'termini ta' sekwestri. Matul
l-2013, ġew organizzati bosta operazzjonijiet speċifiċi: “Xaħxieħa”
(MAC) – għall-ġlieda kontra l-koltivazzjoni domestika ta' marijuana, u
“OVIDIU” – għall-ġlieda kontra l-kutrabandu ta' droga, narkotiċi
u prekursuri fil-fruntiera bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina, organizzati
mill-EUBAM. Il-kooperazzjoni u
l-iskambju ta' informazzjoni kompla mal-korpi internazzjonali relevanti, inklużi
l-EMCDDA u l-Grupp Pompidou tal-Kunsill tal-Ewropa. Is-sħubijiet
mas-soċjetà ċivili komplew jiġu żviluppati, anki flimkien
ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, bl-NGOs li bdew jiġu involuti
iktar f'attivitajiet u trattamenti kontra d-droga. Memorandum ta' Kooperazzjoni
bejn il-GPI, il-Ministeru tal-intern u l-Unjoni NGO għall-Prevenzjoni
tal-HIV u t-Tnaqqis tad-Dannu (UOHR) ġie ffirmat fit-2 ta’ Lulju 2013.
Il-Fondazzjoni Soros fir-Repubblika tal-Moldova kompliet tiffinanzja
attivitajiet ta' tnaqqis tad-dannu. Kors ta' taħriġ
għall-impjegati tad-Dipartiment Kontra d-Droga dwar it-trattament u
t-tnaqqis tad-dannu għal dawk li jużaw id-droga fil-kustodja
tal-pulizija ġie organizzat mill-Grupp Pompidou u l-NGO ‘Proġetti
Innovattivi fil-Ħabsijiet’. ·
Impimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet relevanti
tan-NU u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet ta' GRECO
fl-oqsma msemmijin hawn fuq. Ir-Repubblika tal-Moldova nediet
il-proċess nazzjonali ta' mili tal-Kwestjonarju Ġenerali u Tematiku
dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Lanzarote. Dan għandu
jiġi ppreżentat lill-Kumitat ta' Lanzarote f'Jannar 2014. Fl-2013, ir-Repubblika tal-Moldova għarrfet
b'mod perjodiku lill-GRECO dwar l-aħħar żviluppi tagħha
fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u r-riżultati
ewlenin tar-riforma tal-NAC. Fl-istess ħin, ir-Repubblika tal-Moldova implimentat
bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet ta' GRECO indirizzati
għat-tieni ċiklu ta' evalwazzjoni. Fid-59 Laqgħa Plenarja ta'
GRECO mit-18 sat-22 ta’ Marzu 2013, ir-rapport dwar ir-Repubblika
tal-Moldova fit-tielet serje ta' evalwazzjonijiet ta' GRECO ġie diskuss u
adottat. Ir-rapport ġie ppubblikat fl-4 ta’ April 2013. Ir-rapport
li jmiss ta' GRECO dwar ir-Repubblika tal-Moldova ser jiġi ppubblikat sa
Settembru 2014. Grupp ta' ħidma għar-reviżjoni
u l-emenda tal-leġiżlazzjoni dwar il-finanzjament ta' partiti
politiċi u kampanji elettorali twaqqaf mill-Kummissjoni Elettorali
Ċentrali sabiex tiżgura l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet
ta' GRECO. L-abbozz tal-liġi ġie approvat mill-Gvern fid-19 ta’ Ġunju 2013
u l-Parlament approva l-liġi f'Ottubru 2013. Il-proċedura
l-ġdida ta' finanzjament tal-partiti politiċi ser jiġu applikati
għas-sena 2017. 1.3.2. It-Tielet Pedament / it-tieni
suġġett — Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali 1.3.2.1. Valuri referenzjarji tal-VLAP ·
Implimentazzjoni ta' konvenzjonijiet
internazzjonali dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet
kriminali (b'mod partikolari l-Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa); L-awtoritajiet tal-Moldova komplew jindirizzaw
il-bosta forom ta' kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali.
It-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar
Assistenza Legali Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali, iffirmat fit-8 ta’ Novembru 2001,
ġie ratifikat mir-Repubblika tal-Moldova fit-8 ta’ Awwissu 2013.
Rigward l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv, inklużi
l-konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa fi kwistjonijiet kriminali,
iż-żewġ awtoritajiet ċentrali, l-Uffiċċju
tal-Prosekutur Ġenerali (minn hawn 'il quddiem il-GPO) u l-Ministeru
tal-Ġustizzja komplew jipproċessaw numru importanti ta' każijiet
ma' pajjiżi terzi, mal-Istati Membru tal-UE iżda b'mod partikolari
ma' pajjiżi terzi oħrajn. Matul l-ewwel tliet trimestri tal-2013, il-GPO
indirizza l-każijiet li ġejjin (figuri globali): –
estradizzjoni: 180 talba
mill-GPO u 14 talba lill-GPO. Kien hemm rifjut wieħed biss ta'
talba lill-Moldova, peress li l-persuna kellha ċittadinanza Moldovana. –
ittri rogatorji: 250 talba
mill-GPO u 420 talba lill-GPO. Kien hemm 32 rifjut ta' talbiet lill-GPO l-iktar
minħabba raġunijiet proċedurali (it-trażmissjoni ma saritx
permezz ta' awtoritajiet ċentrali). –
proċedimenti kriminali: 17-il trasferiment mill-GPO ta' każijiet u 19 lill-GPO sabiex
jieħu f'idejh talbiet ta' każijiet. Matul l-ewwel tliet trimestri tal-2013,
il-Ministeru tal-Ġustizzja indirizza l-każijiet li ġejjin
(figuri globali): –
estradizzjoni: 73 talba
mill-GPO u 2 talbiet lill-GPO –
ittri rogatorji: 8 talbiet
mill-GPO u 238 talba lill-GPO. –
proċedimenti kriminali: ebda trasferiment mill-GPO ta' każijiet u 3 lill-GPO sabiex
jieħu f'idejh talbiet ta' każijiet. –
barra minn hekk, skont il-kompetenza speċifika
tiegħu, il-Ministeru tal-Ġustizzja indirizza 17-il talba għall-infurzar
ta' sentenzi kriminali, 9 mill-Ministeru, 8 lill-Ministeru u 73 talba ta' trasferiment
tal-persuna kkundannata. –
Ma kien hemm ebda rifjut ta' talbiet għal ebda
tip ta' każ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Minn Lulju 2013 għall-GPO
u April 2013 għall-Ministeru tal-Ġustizzja, l-istatistiki dwar
il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali tjiebu – iż-żewġ
istituzzjonijiet qed jirrapportaw fuq bażi ta' kull xahar u qed jużaw
lista ta' parametri inklużi kriterji bħall-istat rikjedenti u l-istat
mitlub, il-kategorija tar-reat, u l-ħin ta' eżekuzzjoni. Rigward it-taħriġ, sabiex tiġi
armonizzata l-metodoloġija għall-indirizzar ta' talbiet ta'
kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali/assistenza legali
reċiproka, il-manwal dwar l-Assistenza Legali Internazzjonali għall-imħallfin
u l-prosekuturi tqassam f'Diċembru 2012 lill-prosekuturi territorjal iu
speċjalizzati, l-imħallfin u awtoritajiet oħrajn ta' infurzar
tal-liġi. Kemm il-prosekuturi u l-imħallfin attendew taħriġ
u laqgħat, f'livell internazzjonali u nazzjonali, inklużi bosta
organizzati mill-Istitut Nazzjonali tal-Ġustizzja. ·
Livell għoli ta' effettività ta'
kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali ta' mħallfin u
prosekuturi mal-Istati Membri tal-UE. L-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova komplew
jiżguraw kooperazzjoni effettiva mal-awtoritajiet relevanti tal-Istati
Membri tal-UE. Rigward il-kooperazzjoni mal-Istati Membri, kemm il-GPO kif
ukoll il-Ministeru tal-Ġustizzja komplew jipproċessaw numru
sinifikanti ta' każijiet, speċjalment il-GPO. Matul l-2009-2013, mill-każijiet
kollha indirizzati mill-GPO, il-maġġoranza assoluta kienu
mar-Rumanija, l-Italja, il-Bulgarija, l-Ungerija, ir-Repubblika
Ċeka, il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Polonja,
is-Slovenja u sa ċertu punt inqas mal-Pajjiżi l-Baxxi, Franza,
il-Greċja, Spanja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Estonja u l-Irlanda. Matul l-ewwel trimestri tal-2013, il-GPO
indirizza l-każijiet li ġejjin (ma' Stati Membri tal-UE): –
estradizzjoni: 6 talbiet
mill-GPO u talba lill-GPO. Ma kien hemm ebda rifjut ta' każ ta'
estradizzjoni. L-Istati Membri tal-UE li magħhom kellhom x'jaqsmu l-iktar
il-każijiet kienu l-Awstrija, il-Bulgarija, Franza, il-Ġermanja, l-Italja
u r-Rumanija. –
ittri rogatorji: 124 talba
mill-GPO u 147 talba lill-GPO. Kien hemm 3 rifjuti ta' talbiet lill-GPO l-iktar
minħabba raġunijiet proċedurali (it-trażmissjoni ma saritx
permezz tal-awtoritajiet ċentrali). L-Istati Membri li magħhom
kellhom x'jaqsmu l-iktar il-każijiet kienu r-Rumanija, il-Greċja,
l-Italja, l-Ungerija, l-Awstrija u l-Bulgarija. –
proċedimenti kriminali: 2 trasferimenti mill-GPO ta' każijiet u 10 lill-GPO sabiex
jieħu f'idejh talbiet ta' każijiet. L-Istati Membri li magħhom
kellhom x'jaqsmu l-iktar il-każijiet kienu l-Italja, is-Slovenja, il-Bulgarija
u r-Repubblika Ċeka. Matul l-2012-2013, mill-każijiet
kollha indirizzati mill-Ministeru tal-Ġustizzja, il-maġġornaza
assoluta kienu mar-Rumanija, il-Portugall, l-Ungerjia, il-Bulgarija,
ir-Repubblika Ċeka u sa ċertu punt inqas mal-Italja, il-Ġermanja,
il-Polonja u l-Greċja. Matul l-ewwel tliet trimestri tal-2013, il-Ministeru
tal-Ġustizzja indirizza l-każijiet li ġejjin (ma' Stati Membri
tal-UE): –
estradizzjoni: 6 talbiet
mill-GPO u talba lill-GPO. L-Istati Membri tal-UE li magħhom
kellhom x'jaqsmu l-iktar il-każijiet kienu l-Italja, il-Polonja u
l-Irlanda. –
ittri rogatorji: talba
mill-GPO u 140 talbiet lill-GPO. L-Istati Membri tal-UE li magħhom kellhom
x'jaqsmu l-iktar il-każijiet kienu r-Rumanija, il-Portugall u l-Ungerija. –
proċedimenti kriminali: ebda trasferiment mill-GPO ta' każijiet u l-GPO ma ħa f'idejh
ebda talba ta' każijiet. –
barra minn hekk, skont il-kompetenza speċifika
tiegħu, il-Ministeru tal-Ġustizzja indirizza 9 talbiet għall-infurzar ta' sentenzi kriminali. L-Istati Membri
tal-UE li magħhom kellhom x'jaqsmu l-iktar il-każijiet kienu
r-Rumanija u l-Portugall. Il-Ministeru tal-Ġustizzja indirizza wkoll 8
talbiet ta' trasferiment ta' persuni kkundannati, bl-Istati Membri tal-UE kkonċernati li kienu
l-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, ir-Rumanija, l-Awstrija,
il-Belġju u l-Italja. ·
Konklużjoni ta' ftehim ta' kooperazzjoni
operazzjonali mal-Eurojust Wara n-negozjati
b'suċċess, f'Ottubru 2013 il-Eurojust issottomettiet lir-Repubblika
tal-Moldova t-test tal-abbozz tal-ftehim ta' kooperazzjoni, li mbagħad
qablu dwaru l-awtoritajiet tal-Moldova. Il-passi li jmiss fil-proċedura
lejn il-firma tal-ftehim għandhom jittieħdu mill-Eurojust u
mill-Kunsill skont id-Deċiżjoni tal-Eurojust. Il-Eurojust ser
idaħħal il-ftehim fl-aġenda tal-Awtorità ta' Kontroll Komuni
(JSB) f'Novembru 2013 u malli tasal opinjoni pożittiva tal-JSB, il-ftehim
ser jiddaħħal fl-aġenda tal-Kulleġġ tal-Eurojust.
Wara, ser jiġi sottomess lill-Kunsill għal approvazzjoni skont
l-Artikolu 26a(2) tad-Deċiżjoni tal-Eurojust. F'dan il-kuntest, ta' min
jgħid li f'Settembru l-Gvern Moldovan approva l-abbozz tal-Liġi dwar
id-dikjarazzjonijiet għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni
tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Dejta Personali.
Il-liġi ntbagħtet lill-Parlament bil-għan li tiġi adottata
f'Novembru 2013 (ara hawn taħt it-Tielet Pedament / ir-raba'
suġġett Valur referenzjarju tal-VLAP). 1.3.2.2. Rakkomandazzjonijiet
tal-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja,
inkluża l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, b'mod
partikolari l-assistenza legali reċiproka. L-Istrateġija ta'
Riforma tas-Settur tal-Ġustizzja għall-2011-2016 u l-Pjan ta' Azzjoni
tagħha adottat fi Frar 2012 qed jiġu implimentati. Fl-2012 u l-2013
ġew adottati pakketti leġiżlattivi sostanzjali rigward
ir-Riforma ġudizzjarja. Fi Frar 2013, il-Ministeru tal-Ġustizzja
ħareġ l-ewwel Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija[32]: tlestew 87
azzjoni minn 157 li għandhom jiġu implimentati sa tmiem l-2012 (56 %),
49 tlestew b'mod parzjali (31 %) u 21 ma tlestewx (13 %). Bħalissa
grupp ta' ħidma qiegħed jabbozza liġi li tintroduċi emendi
sostanzjali fil-Liġi tal-2008 tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, filwaqt
li f'Novembru 2013 jibdew dibattiti pubblitiċ dwarha. Mill-2013, l-ispejjeż
tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni huma inklużi fl-Oqfsa
Baġitarji tat-Terminu Medju 2013-2015 u għall-2014-2016. Il-baġit
annwali tal-2014 għas-settur ġudizzjarju, li jkopri l-baġits
individwali kollha tal-partijiet interessati involuti fil-proċess
żdied b'59.6 % meta mqabbel mal-2013. Il-Ftehim Finanzjarju bejn l-UE
u r-Repubblika tal-Moldova ffirmat fl-14 ta’ Ġunju 2013 jipprovdi
għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 60 000 000 għall-Appoġġ
għar-Riforma tas-Settur tal-Ġustizzja kif ġej: EUR 58 200 000
f'appoġġ baġitarju u EUR 1 800 000 f'appoġġ
komplimentari. 1.3.3. It-Tielet Pedament / it-tielet
suġġett — Il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi 1.3.3.1. Valuri referenzjarji tal-VLAP ·
Livell għoli ta' kapaċità
operazzjonali u investigattiva speċjali tas-servizzi ta' infurzar
tal-liġi u l-użu konsistenti u effiċjenti tagħha biex
tiġi indirizzata l-kriminalità transfruntiera; L-uffiċjali tal-Ministeru tal-Intern li
jwettqu attivitajiet ta' investigazzjoni speċjali jikkooperaw
bis-sħiħ mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali
fil-livelli dipartimentali u proċedurali. Fis-7 ta’ Awwissu 2013
saret laqgħa ta' ħidma bejn il-GPI u l-Uffiċċju
tal-Prosekutur Ġenerali fuq l-isfidi u n-nuqqasijiet fit-twettiq attivitajiet
investigattivi speċjali u nħarġu rakkomandazzjonijiet. F'Mejju
2013 ġew organizzati żewġ seminars dwar ‘Attività investigattiva
speċjali’ u fuq ‘Raġunijiet u proċedura
għall-awtorizzazzjoni ta' miżuri investigattivi speċjali’ mill-Istitut
Nazzjonali tal-Ġustizzja f'kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur
Ġenerali. Fl-2013, saret donazzjoni ta' tagħmir
ġdid — kameras tar-ritratti diġitali u kit speċjali tax-xena ta'
investigazzjoni tad-delitti — mill-Gvern Ġermaniż. Il-ħtiġijiet
tal-ġejjieni ser ikunu koperti mill-Baġit tal-Istat u mill-programm tal-Bini
Komprensiv tal-Istituzzjonijiet tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u
Sħubija għall-2011 (ara l-punt tal-valur referenzjarju tal-VLAP fil-paġna
14 ta' dan ir-rapport). F'Ġunju 2013, permezz ta' Assistenza Teknika u
Skambju ta' Informazzjoni (TAIEX), ġiet organizzata missjoni tal-esperti
dwar il-liġi fuq l-użu ta' DNA f'investigazzjonijiet u proċedimenti
tal-qrati bil-parteċipazzjoni ta' esperti Awstrijaki fil-ġenetika
ġudizzjarja. Bħala segwitu għall-missjoni tal-esperti, f'Settembru
u Ottubru 2013 ġiet organizzata żjara ta' studju fl-Awstrija
għal tliet membri tal-grupp ta' ħidma biex jitgħallmu
mill-aħjar prattika Ewropea fl-użu tad-DNA f'investigazzjonijiet u
proċedimenti fil-qrati. Matul l-2013, is-sottodiviżjoni
speċjalizzata tal-Ministeru tal-Intern użat il-kapaċità
investigattiva speċjali biex twettaq bosta operazzjonijiet ta' livell
għoli bil-għan li tindirizza l-kriminalità transfruntiera.
L-attivitajiet kriminali ta' żewġ “ħallelin fil-liġi” (kif
magħrufin f'ċerti pajjiżi ex-Sovjetiċi) bil-psewdonimu “Ċiniż”
u “Sid”, ġew dokumenti u dawn ġew arrestati f'Awwissu 2013 u
Settembru 2013 rispettivament bis-saħħa ta' kooperazzjoni u
operazzjonijiet konġunti ma' awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi
tal-Italja u r-Rumanija. It-talbiet ta' estradizzjoni Moldovani qegħdin
jiġu analizzati fl-Italja u r-Rumanija. ·
Livell għoli ta' effettività tal-kooperazzjoni
fl-infurzar tal-liġi fost l-aġenziji nazzjonali relevanti — speċjalment
għassiesa tal-fruntiera, pulizija u uffiċjali tad-dwana — kif ukoll
il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarja; Ftehim ta' kooperazzjoni bilaterali bejn
id-Dipartiment tal-Pulizija tal-Fruntiera u l-Ispettorat tal-Pulizija
Ġenerali ġie ffirmat fit-3 ta’ Lulju 2013 sabiex
tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-forniment, iż-żamma u
l-irkupru tal-ordni pubblika u s-sigurtà. Il-ftehim isaħħaħ
l-assistenza reċiproka fil-qbid u l-investigazzjoni ta' reati u
kontravenzjonijiet fi ħdan il-kompetenza tal-istituzzjonijiet, u
l-organizzazzjoni ta' kontrolli u operazzjonijiet konġunti, bħal
kunsinni kkontrollati. Barra minn hekk, gruppi ta' ħidma konġunti u
timijiet mobbli konġunti ser jitwaqqfu sabiex jiġu organizzati u
jitwettqu analiżijiet tar-riskji speċifiċi fl-ordni pubblika u
s-sigurtà fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Fl-ewwel laqgħa tiegħu tal-4 ta’ Marzu 2013,
il-Kunsill Nazzjonali għall-koordinazzjoni ta' attivitajiet
għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata
ddeċieda sabiex fit-terminu medju: jistabbilixxi database komuni dwar
l-attività ta' gruppi u organizzazzjonijiet kriminali; jistabbilixxi entità
nazzjonali speċjalizzata għas-sorveljanza permanenti
tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relevanti; u jwettaq
riċerka fil-form u t-tendenzi fil-kriminalità organizzata u
jissuġġerixxi soluzzjonijiet. Iddeċieda li jiżgura li
l-Ministeru tal-Intern u l-Ministeru tal-Edukazzjoni jniedu proġett
konġunt biex ifasslu materjali edukattivi dwar il-periklu, ir-riskji u
l-periklu tal-kriminalità organizzata u l-konsegwenzi avversi tagħha. ·
Tisħiħ tal-ftehimiet operazzjonali
bilaterali u multilaterali dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi,
inkluż bil-qsim ta' informazzjoni relevanti fil-ħin mal-awtoritajiet
kompetenti ta' infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-UE. Iċ-Ċentru ta'
Kooperazzjoni tal-Pulizija Internazzjonali (IPCC) stabbilit ġdid
jiżviluppa l-kooperazzjoni tal-aġenziji ta' infurzar tal-liġi
tal-Moldova ma' aġenziji simili fl-Istati Membri tal-UE, stati membri ta'
SELEC, PCCSEE, GUAM u parteċipenti fil-proġetti tal-Unitajiet
Internazzjonali ta' Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (ILECUs) fil-Balkani tal-Punent, kif ukoll ICPO-Interpol
u Europol. Jadotta l-prinċipju ta' ‘punt uniku ta' dħul / punt uniku
ta' ħruġ’, l-evitar ta' riċevuti doppji, informazzjoni dwar
l-analiżi u r-rimessa lill-applikant. Fl-2013, permezz tal-kanali ta'
SELEC u GUAM, ġew analizzati 2826 materjal (1795 ma' aġenziji ta'
infurzar tal-liġi tar-Repubblika tal-Moldova, 693 maċ-Ċentru
Konġunt ta' Kuntatt Galati, 259 ma' stati membri oħrajn u osservaturi
ta' SELEC u 79 ma' stati ta' GUAM). Ġew analizzati 1428 talba u ġew
skambjati 1398 tweġiba fuq il-każijiet differenti ta' kriminalità
transfruntiera[33]. Ir-Repubblika tal-Moldova appoġġjat
it-tkabbir tan-Netwerk tal-ILECUs għall-ġlieda kontra l-kriminalità
organizzata transnazzjonali fit-tieni laqgħa tal-mexxejja tal-ILECUs mid-9
sat-12 ta’ Lulju 2013. Il-parteċipanti tar-Repubblika
tal-Moldova fil-proġett reġjonali ‘Tisħiħ
tal-Prinċipji Legali fix-Xlokk tal-Ewropa u l-Governanza Tajba’ mniedi
mill-Uffiċċju tal-Pulizija Kriminali tal-Awstrija. Ħadet sehem ukoll
fl-operazzjoni ‘Black Poseidon’[34]
organizzata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Interpol fil-perjodu ta' bejn
il-15 ta’ Mejju u l-15 ta’ Ġunju 2013. Din
kienet operazzjoni twila fl-Ewropa tal-Lvant, li fil-mira tagħha kellha
gruppi tal-kriminalità organizzata transnazzjonali involuti f'reati
tal-proprjetà intellettwali. ·
Konklużjoni ta' ftehim ta' kooperazzjoni
operazzjonali mal-Europol Uffiċjal ta' kollegament tar-Repubblika
tal-Moldova, li jikkoordina l-każijiet u l-investigazzjonijiet kriminali
kollha ta' interess reċiproku, tqabbad mal-Europol u beda jaħdem
fit-23 ta’ Lulju 2013. Din hija kisba notevoli, u
eċċezzjoni għar-Repubblika tal-Moldova qabel il-konklużjoni
ta' ftehim ta' kooperazzjoni operazzjonali. Bħalissa qiegħed
jiġi nnegozjat l-abbozz tal-Memorandum ta' Qbil bejn ir-Repubblika
tal-Moldova u l-Europol dwar il-ħolqien ta' linja ta' komunikazzjoni
sigura u hija ppjanata żjara ta' studju mill-esperti tar-Repubblika
tal-Moldova fil-Europol, inkluż EC3. F'Lulju 2013, ir-Repubblika tal-Moldova bagħtet
it-tweġibiet tagħha għall-kwestjonarji addizzjonali tal-Europol
rigward il-qafas leġiżlattiv dwar il-protezzjoni tad-dejta fir-Repubblika
tal-Moldova. Fit-28-31 ta' Ottubru, rappreżentanti mill-Uffiċċju
tal-Affarijiet Legali u l-Protezzjoni tad-Dejta tal-Europol żaru
l-Awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Korp Superviżorju ta' Protezzjoni
tad-Dejta tar-Repubblika tal-Moldova. Ir-rapport dwar il-protezzjoni
tad-dejta, li jwettaq il-passi tekniċi kollha meħtieġa,
għandu jkun sottomess lill-Bord ta' Amministrazzjoni tal-Europol, li ser
jorganizza l-laqgħa li jmiss tiegħu fit-3-4 ta' Diċembru. Wara, ir-rapport
ser jintbagħat lill-Awtorità ta' Kontroll Komuni għal approvazzjoni. L-aħħar
passi għall-formalizzazzjoni tal-ftehim ta' kooperazzjoni operazzjonali ser
isegwu fil-ġimgħat li ġejjin. 1.3.3.2. Rakkomandazzjonijiet
tal-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Moldovani u
tal-Istati Membri għandha tissaħħaħ, inkluż l-iskambju
ta' informazzjoni mal-Europol. Ara t-Tielet Pedament / it-tielet
suġġett Valuri referenzjarji tal-VLAP. Ir-Repubblika tal-Moldova ħadet
sehem fl-attivitajiet li ġejjin taħt SELEC: l-10 Laqgħa tal-grupp
ta' ħidma dwar reati relatati mat-trasport (10 ta’ April 2013),
Bukarest, ir-Rumanija; it-Tielet Laqgħa tal-grupp ta' ħidma dwar
reati ambjentali u s-sigurtà tal-kontenituri (24 sal-25 ta’ April 2013),
Bukarest, ir-Rumanija; il-grupp ta' ħidma dwar il-ġlieda kontra
t-traffikar ta' droga (21 sat-22 ta’ Mejju 2013), Bukarest,
ir-Rumanija; is-Sitt Laqgħa tal-Kunsill tas-SELEC (28 ta’ Mejju 2013),
Bukarest, ir-Rumanija; it-13-il laqgħa tal-grupp ta' ħidma dwar
il-ġlieda kontra l-kriminalità fi frodi u kutrabandu (6 ta’ Ġunju 2013),
Bukarest, ir-Rumanija; il-Laqgħa tal-Grupp ta' Esperti dwar
l-iżvilupp tar-Rapport Analitiku dwar il-periklu tal-kriminalità
organizzata fix-Xlokk tal-Ewropa għall-2013 (26 ta’ Ġunju 2013),
Bukarest, ir-Rumanija, u l-Operazzjoni ‘ŻIEMEL TA' TROJJA III’ dwar
il-ġlieda kontra prodotti ffalsifikati u l-protezzjoni tad-drittijiet
tal-proprjetà intellettwali (11 sat-22 ta’ Marzu 2013). ·
Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Moldova
u l-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Membri tal-UE fil-protezzjoni u
l-assistenza għandha tissaħħaħ, inklużi
l-identifikazzjoni u r-riferiment tal-vittmi ta' THB u r-ritorn sikur
tagħhom. F'April 2013, ġie ffirmat sabiex
iċ-Ċentru għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin jiġi
kollegat mad-database tal-Interpol dwar il-ġlieda kontra t-traffikar
tal-bnedmin. Barra minn hekk, bl-assistenza tal-Interpol, ġiet stabbilita
kollaborazzjoni mal-Emirati Għarab Magħquda fil-ġlieda kontra
t-traffikar tal-bnedmin bil-ħatra ta' punti ta' kuntatt u uffiċjali
ta' kollegament. Fl-ewwel seba' xhur tal-2013, 31 uffiċjal
tal-pulizija miċ-Ċentru għall-Ġlieda kontra t-Traffikar
tal-Bnedmin u mill-uffiċċju reġjonali għal kontra
t-traffikar attendew 10 seminars ta' laqgħat li b'kollox damu 384 siegħa.
Il-persunal ibbenefika minn informazzjoni fuq il-prattika tajba maqsuma
mir-Rumanija, l-Awstrija, il-Belġju u l-Litwanja relatati mal-organizzazzjoni
u t-tħaddim ta' sistemi ta' informazzjoni biex jiġu
appoġġjati investigazzjonijiet kriminali proattivi. Kompliet
l-impimentazzzjoni tal-istrateġija tas-Sistema Nazzjonali ta' Referenza (NRS)
tal-5 ta’ Diċembru 2012. It-timijiet multidixxiplinari
stabbiliti biex jikkoordinaw l-operazzjonijiet tal-NRS fl-amministrazzjoni
pubblika lokali huma kompletament operazzjonali. ·
Fuq bażi regolari għandhom jiġu
stabbiliti valutazzjonijiet tal-perikli u skambju ta' informazzjoni fuq
kriminalità serja, taħt il-kontroll tal-Europol, u fejn xieraq
bl-appoġġ tal-kanali tal-Interpol. Dejta kriminali komparattiva
għandha tinġabar skont indikaturi definiti b'mod komuni. Ara t-Tielet Pedament / it-tielet
suġġett Valuri referenzjarji tal-VLAP. Iċ-Ċentru
għall-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija għandu
aċċess għad-databases tal-Interpol użati mill-aġenziji
ta' infurzar tal-liġi tar-Repubblika tal-Moldova: Dokumenti
tal-Ivjaġġar Misruqin/Mitlufin (SLTD); Vetturi Misruqin (SMV); id-database
dwar persuni li huma mfittxija fil-livell internazzjonali; Dokumenti
Amministrattivi Misruqin (SAD); u d-Database ta' Stampi ta' Sfruttament
Sesswali ta' Tfal (ICSEDB). L-aċċess huwa ristrett, u jingħata
biss mis-Segretarjat Ġenerali; Fl-ewwel nofs tal-2013,
NCB Interpol ipproċessa 14 350 dokument: 6 733 li waslulu u 7 617
li bagħat. Fuq it-talba tas-sottodiviżjonijiet territorjali, 189 persuna
ġew irrapportati għal tiftix internazzjonali (125 għal arrest u
estradizzjoni, 49 persuna biex jinstabu, 4 barranin imfittxijin u 11-il persuna
nieqsa). Wara talbiet ta' tiftix internazzjonali riċevuti mill-awtoritajiet
kompetenti, 40 persuna ġew arrestati u 16-il persuna ġew estraditi
minn stati membri tal-Interpol (8 mill-Italja, 1 kull wieħed
mill-Bulgarija, il-Portugall, il-Belġju, Spanja, l-Albanija, l-Awstrija,
ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerjia). ·
L-iskambju tal-aħjar prattika u
t-taħriġ tas-servizzi ta' infurzar tal-liġi għandhom
jissaħħu. Ara t-Tielet Pedament / it-tielet
suġġett Valuri referenzjarji tal-VLAP. 1.3.4. It-Tielet Pedament / ir-raba'
suġġett — Protezzjoni tad-dejta ·
Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni
dwar il-protezzjoni ta' dejta personali; l-iżgurar ta' funzjonament
effiċjenti tal-awtorità indipendenti ta' sorveljanza tal-protezzjoni
tad-dejta anki permezz tal-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani
meħtieġa Ir-Repubblika tal-Moldova kienet ferm attiva
fl-2013 fil-konsolidazzjoni ulterjuri tal-qafas leġiżlattiv u
politiku, filwaqt li ħadet f'kunsiderazzjoni l-iżviluppi fil-qafas
regolatorju Ewropew. L-abbozz tal-Liġi dwar id-dikjarazzjoni
għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward
tal-Ipproċessaw Awtomatiku ta' Dejta Personali ġie approvat
mill-Gvern fl-4 ta’ Settembru 2013 u sottomess lill-Parlament
għal adozzjoni (ara wkoll iktar 'il fuq taħt it-Tielet Pedament /
it-tieni suġġett). Minbarra l-valuri referenzjarji tal-VLAP, f'Ottubru
2013 il-Parlament adotta l-Istrateġiaj ta' Protezzjoni tad-Dejta
għall-2013-2018 u l-Pjan ta' Azzjoni għall-impimentazzjoni
tagħha. Barra minn hekk, iċ-Ċentru għal Protezzjoni tad-Dejta
Personali (iċ-Ċentru), żviluppa linji gwida rigward
l-ipproċessar ta' dejta personali fis-settur tal-pulizija u
fil-proċess elettorali. Qed jiġu żviluppati linji gwida
fis-setturi tal-mediċina, l-edukazzjoni u l-banek. L-abbozz tal-liġi
dwar l-emendi fil-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi qed
jiġi diskuss fil-Parlament bil-għan li jiġi adottat f'Novembru. Iċ-Ċentru baqa' involut b'mod attiv
f'għadd ta' oqsma: Perjodu || Numru ta' konsultazzjonijiet dwar l-abbozz tal-leġiżlazzjoni || Numru ta' petizzjonijiet analizzati || Numru ta' azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni || Attendenza fi proċedimenti tal-Qrati || Numru ta' kontrolli mwettqin || Numru ta' proċeduri kriminali/ proċeduri fi ħdan qrati amministrattivi mnedijin miċ-Ċentru Sena 2011 || 35 || 90 || 63 || 0 || 46 || 0 Sena 2012 || 41 || 214 || 85 || 35 || 82 || 4/6 Sena 2013 (01.01.-30.06.) || 27 || 171 || 70 || 23 || 71 || 9/0 Rigward b'mod iktar speċifiku
l-ipproċessar ta' dejta personali minn awtoritajiet ta' infurzar
tal-liġi, qed jiġu żviluppati linji gwida speċifiċi.
Matul l-ewwel nofs tal-2013, kien hemm 6 deċiżjonijiet tal-Qorti
Suprema tal-Ġustizzja wara każijiet ta' appell imnedijin
miċ-Ċentru li ċċaraw il-proċeduri
għall-klassifikazzjoni ta' informazzjoni dwar l-ipproċessar ta' dejta
personali mill-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi. Iċ-Ċentru kompla jżid
l-għarfien b'mod attiv dwar kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni
tad-dejta, inkluż f'komunikazzjonijiet elettroniċi. Rigward b'mod
iktar speċifiku l-komunikazzjoni elettronika, ir-rappreżentanti
taċ-Ċentru ħadu sehem u għadhom jagħmlu dan b'mod regolari
fi programmi tax-xandir dwar din il-kwistjoni. Iċ-Ċentru huwa
kkonsultat ukoll fil-proċess ta' abbozzar tal-leġiżlazzjoni li
tkopri kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni ta' dejta personali
f'komunikazzjonijiet elettroniċi. Barra minn hekk, l-informazzjoni kollha
relatata mas-sensibilizzazzjoni hija disponibbli fuq il-websajt
taċ-Ċentru. Iċ-Ċentru huwa pprovdut
b'riżorsi finanzjarji xierqa, b'baġit ta' 2 975 300 MDL għall-2013
u b'21 kariga ta' persunal permanenti li 19 minnhom imtlew. Din is-sena, sabiex
isaħħaħ il-kapaċità loġistika tiegħu, it-tim
tal-Kontroll taċ-Ċentru ngħata mezzi ta' trasport u tagħmir
tekniku għad-dokumentazzjoni ta' każijiet ta' ksur, u l-verifika
tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti għas-sigurtà ta' dejta personali
fl-ipproċessar tagħha fi ħdan is-sistemi ta' informazzjoni ta'
dejta personali mill-kontrolluri. Ġew organizzati iktar attivitajiet ta'
taħriġ: il-persunal taċ-Ċentru attenda 3 żjariet ta'
studju ta' TAIEX: fl-Isvezja fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-ġbir ta' dejta
personali rigward minorenni, fir-Repubblika Ċeka dwar l-ipproċessar
ta' dejta personali fil-mezzi tax-xandir stampati, viżivi u
awdjoviżivi u fil-Ġermanja dwar l-ipproċessar ta' dejta dwar is-saħħa. Valutazzjoni ġenerali tat-Tielet Pedament Ir-Repubblika tal-Moldova rnexxilha twettaq il-parti
ewlenija tar-riforma tal-Ministeru tal-Intern, bid-dipartimenti kollha
tagħha riorganizzati b'mod effettiv u li qed ifornu riżultati.
L-analiżijiet tal-intelligence u tar-riskji huma inkorporati
fl-operazzjonijiet. Is-setgħat ta' konfiska qed jintużaw dejjem iktar
u b'mod iktar estensiv. Id-databases dwar it-THB tjiebu, u ġie żgurat
appoġġ soċjali għall-vittmi. Is-salarji tal-uffiċjali
kollha żdiedu b'mod sostanzjali, speċjalment dawk li jaħdmu
fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u dan ippermetta li
jintlaħqu l-miri ta' reklutaġġ. Għad irid jiġi
stabbilit track record tas-sentenzi għal korruzzjoni ta' livell
għoli, filwaqt li trid titfassal proċedura ta' reklutaġġ
iktar indipendenti għall-kap tal-NAC. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja
mexxejja fi kwistjonijiet kriminali mal-Istati Membri kompliet, filwaqt li
l-metodi ta' ġbir ta' statistiki ġew armonizzati. Bħalissa
l-Eurojust qed jieħu passi ulterjuri lejn il-firma/konklużjoni
tal-ftehim ta' kooperazzjoni bil-għan li dan jiġi sottomess
lill-Kunsill qabel tmiem l-2013. Il-kooperazzjoni bejn il-pulizija
internazzjonali wasslet għal każijiet u operazzjonijiet ta'
investigazzjoni li rnexxew u ssawru bażijiet solidi
għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-Ukraina. Il-ftehim ta' kooperazzjoni
operazzjonali tal-Europol ser jiġi finalizzat fix-xhur li ġejjin.
Iċ-Ċentru ta' Protezzjoni tad-Dejta wessa' l-awtorità tiegħu u
laħaq livell effiċjenti tax-xogħol biex b'hekk iħarreġ
bla heda lill-awtoritajiet inkarigati. Minbarra l-valuri referenzjarji tal-VLAP għat-Tielet
Pedament, ta' min jinnota li r-Repubblika tal-Moldova ħadet passi
oħrajn fir-riforma tal-Ġudikatura kif ukoll l-Uffiċċju
tal-Prosekutur, anki permezz ta' investimenti konsiderevoli
fit-taħriġ ta' mħallfin u prosekuturi. Ir-Repubblika tal-Moldova implimentat b'mod
sodisfaċenti l-azzjonijiet mitlubin mir-rakkomandazzjonijiet tar-Raba'
rapport tal-VLAP, filwaqt li baqgħet timplimenta b'mod effettiv il-leġiżlazzjoni
relevanti. Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Moldova ssodisfat il-valuri
referenzjarji tat-tieni fażi stabbiliti fit-Tielet Pedament. 1.4. Ir-Raba' Pedament: Ir-relazzjonijiet esterni u d-drittijiet fundamentali 1.4.1. Valuri referenzjarji tal-VLAP ·
L-iżgurar li l-libertà
tal-moviment fi ħdan ir-Repubblika tal-Moldova taċ-ċittadini
tal-Moldova u barranin b'soġġorn legali jew persuni bla stat mhijiex
soġġetta għal restrizzjonijiet mhux iġġustifikati,
inklużi miżuri ta' għamla diskriminatorja, ibbażati fuq xi
raġuni bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali,
karatteristiċi ġenetiċi, qagħda tas-saħħa (inklużi
HIV/AIDS), lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew oħra,
sħubija f'minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabilità, età jew
orjentazzjoni sesswali; Kien hemm restrizzjonijiet
fuq il-libertà tal-moviment ta' ċittadini tal-Moldova u barranin
b'soġġorn legali jew persuni bla stat fi ħdan ir-Repubblika
tal-Moldova fir-rigward tal-proċessi ta' reġistrazzjoni u dereġistrazzjoni.
L-Uffiċċju għall-Migrazzjoni u l-Ażil (BMA) kompla sabiex
ineħħi dawn ir-restrizzjonijiet billi fetaħ sitt
uffiċċji territorjali tul il-linja tal-fruntiera amministrattiva
mar-reġjun ta' Transnistria, u b'hekk setgħet issir
reġistrazzjoni eħfef u iktar konsistenti ta' barranin li jidħlu
fil-pajjiż permezz tas-segment ċentrali tal-fruntiera komuni
tal-pajjiż mal-Ukraina. L-emendi introdotti fl-2012
għal-Liġi dwar l-HIV, b'mod partikolari l-iżgurar tad-drittijiet
tal-migranti, ir-rifuġjati u l-persuni li jfittxu l-ażil, komplew
jiġu implimentati bl-estensjoni ta' programmi ta' prevenzjoni tar-riskji u
ttestjar volontarju għal gruppi vulnerabbli, it-tisħiħ
tal-monitoraġġ mediku tal-persuni bl-HIV/AIDS (fi tmien
ufiċċji reġjonali, inkluż ir-reġjun ta' Transnistria, u
l-ħabsijiet) u żieda tan-numru ta' ċentri mediċi li
kapaċi jipprovdu kura antiretrovirali (1 185 pazjent qed jiġu
kkurati b'xejn minn dawn iċ-ċentri, inklużi dawk fir-reġjun
ta' Transnistria). Barra minn hekk, il-Kodiċi dwar il-Kontravenzjonijiet
ġie emendat fl-10 ta’ Ottubru 2013 biex jitneħħew
is-sanzjonijiet kontra barranin li jirrifjutaw testijiet tal-HIV/AIDS. ·
Aċċess
sħiħ u effettiv għal dokumenti tal-ivjaġġar u tal-identità
għaċ-ċittadini kollha tal-Moldova inklużi nisa, tfal, nies
b'diżabilitajiet, nies li jappartjenu għal minoranzi u gruppi
vulnerabbli oħrajn. Għadhom qed jiġu
implimentati miżuri speċifiċi li għandhom l-għan li
jħaffu l-ħruġ ta' dokumenti tal-ivjaġġar u
tal-identità għal żgħażagħ u gruppi soċjalment
vulnerabbli. Permezz tad-digriet tal-Gvern tat-18 ta’ Frar 2013,
iċ-ċittadini tal-Moldova jistgħu japplikaw għal dokumenti
tal-ivjaġġar u tal-identità fi kwalunkwe sottodiviżjoni
territorjali tar-Reġistru tas-CSIR, ikun xi jkun il-post ta' residenza
tagħhom, u hemm faċilitajiet ipprovduti għal persuni
b'diżabilitajiet (uffiċċji mobbli ta' dokumentazzjoni, kunsinna
d-dar). Fl-istess ħin, il-laboratorju ta' ttestjar ta' Registru rċieva
l-akkreditazzjoni ISO 17025 u sar operazzjonali biex jittestja materja prima,
materjali u prodotti finali u għarfien tal-wiċċ. Fl-2013 saru
disgħa u disgħin test għall-finijiet ta' ttestjar tal-prodotti
jew għarfien tal-wiċċ. Fir-rigward tal-minoranzi
etniċi, il-miżuri mdaħħlin fis-seħħ biex
tiġi implimentata l-politika ta' integrazzjoni tal-awtoritajiet għal
soċjetà Moldovana multietnika huma użati b'mod attiv mill-gruppi fil-mira
(għall-ewwel tmien xhur tal-2013, mid-dokumenti kollha
tal-ivjaġġar u tal-identità, madwar 25% kienu għal minoranzi
etniċi). Iċ-ċittadini tal-Moldova li jgħixu fir-reġjun
ta' Transnistria baqgħu japplikaw għal dokumenti
tal-ivjaġġar u tal-identità tal-Moldova, bil-proċeduri ta'
identifikazzjoni speċjali stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Gvern
Nru 525 tal-11 ta’ Lulju 2013 dwar l-implimentazzjoni
tal-emendi għal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza tat-2 ta’ Ġunju 2000.
Sa tmiem Lulju 2013, inħarġu 239 758 passaport lit-tali
residenti. Barra minn hekk, ġew organizzati laqgħat bilaterali
mal-awtoritajiet de facto relevanti ta' ‘Transnistria’, sabiex titressaq
il-kwistjoni ta' numru uniku ta' identifikazzjoni nazzjonali li għandu
jintuża fuq ċertifikati tat-twelid maħruġin
mill-awtoritajiet de facto. ·
Implimentazzjoni effettiva
tal-leġiżlazzjoni u l-politiki dwar l-antidiskriminazzjoni, l-implimentazzjoni
tal-istrumenti relevanti tan-NU u l-Kunsill tal-Ewropa; Il-Liġi dwar
l-Iżgurar tal-Ugwaljanza tal-25 ta’ Mejju 2012,
akkumpanjata minn atti ta' implimentazzjoni, tikkostitwixxi l-qalba tal-qafas
antidiskriminatorju. L-awtoritajiet tal-Moldova ħadu impenn li
jimplimentaw il-liġi mill-iktar fis, hekk kif tennew matul id-djalogu dwar
id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova tas-16 ta’ April 2013.
Il-programmi ta' taħriġ għall-maġistrati, l-avukati,
l-uffiċjali ta' infurzar tal-liġi u l-pubbliku għaddejjin b'rata
mgħaġġla. Il-Kunsill tal-Ugwaljanza twaqqaf wara li ttardja ftit
f'Ġunju 2013, bil-President tiegħu li ttella' fit-23 ta' Lulju, u
fil-31 ta’ Lulju 2013 ġie stabbilit b'baġit ta' MDL 1.8
miljun (€112.000) għall-perjodu sal-aħħar tas-sena. Sa issa
ġew allokati MDL 3.3 miljun għall-perjodu 2014-2016, ammont meqjus
proporzjonat għall-attivitajiet previsti fil-Pjan Strateġiku
2014-2016 żviluppat mill-membri tal-Kunsill bl-għajnuna tal-Kunsill
tal-Ewropa. Il-Kunsill dwar l-Ugwaljanza ltaqa' b'mod attiv biex tiġi
stabbilita l-amministrazzjoni tiegħu, tiġi żviluppata
d-dokumentazzjoni ta' ġestjoni interna tiegħu (anki bl-għajnuna
tal-Kunsill tal-Ewropa), jinbeda l-iżvilupp ta' netwerk ta' kuntatti
internazzjonali, u titnieda reviżjoni komprensiva
tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u
l-antidiskriminazzjoni. Fl-istess ħin, fil-11 ta’ Ottubru 2013
il-Gvern u l-Parlament irribattew tentattiv minn bosta MP biex jappellaw
il-qafas antidiskriminatorju billi saħqu fuq it-tneħħija ta'
referenza għal ‘relazzjonijiet minbarra dawk relatati
maż-żwieġ u l-familja’ fl-emendi ta’ Mejju 2013 għall-Kodiċi
ta' Kontravenzjoni. Allegatament l-emendi kellhom l-għan li
jipproteġu t-tfal u tiġi implimentata l-Konvenzjoni tal-Kunsill
tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u
l-Abbuż Sesswali (il-'Konvenzjoni ta' Lanzarote'), b'mod partikolari billi
jiddaħħlu multi kontra t-tqassim pubbliku ta' informazzjoni ‘b'impatt
negattiv fuq minorenni u/jew li jippromwovi prostituzzjoni, pedofelija u
pornografija’. L-Ordnijiet ġew adottati mill-Gvern
għall-implimentazzjoni tal-emendi skont il-Liġi dwar l-ugwaljanza u
l-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni sakemm l-emendi għal-Liġi
dwar il-Kodiċi ta' Kontravenzjoni ġew revokati mill-Parlament. Fuq
l-istess nota, fis-27 ta’ Mejju 2013 l-Ombudsman ippreżenta
kawża ċivili kontra d-dispożizzjonijiet ta' liġi adottata
mir-Reġjun Awtonomu Gagauz-Yeri li jiksru l-prinċipji ta' ugwaljanza,
il-ġustizzja u l-oġġettività minquxin fil-Liġi dwar
l-Iżgurar tal-Ugwaljanza; fl-20 ta’ Ġunju 2013
il-Qorti tal-Ġustizzja ta' Comrat laqgħat l-azzjoni u annullat
id-dispożizzjonijiet legali relevanti. Il-Kummissjoni
ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa[35]
kkummentat fuq id-deċiżjonijiet meħudin mil-qrati domestiċi
tar-Repubblika tal-Moldova li annullaw il-projbizzjoni fuq “propaganda aggressiva
ta' omosesswalità” adottata mill-awtoritajiet lokali u l-irtirar volontarju
tal-abbozz tal-iġijiet mill-awtoritajiet lokali l-oħrajn[36], filwaqt
li minkejja dan osservat li d-deċiżjonijiet tal-Qrati jiffokaw
l-iktar fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza, u li l-kwistjoni ta'
orjentazzjoni sesswali u l-forma relatata ta' espressjoni ma kinux indirizzati. Permezz ta' liġi tal-21 ta’ Diċembru 2012,
ir-Repubblika tal-Moldova rrikonoxxiet il-kompetenza tal-Kumitat tan-NU dwar
l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali biex tirċievi
komunikazzjonijiet skont l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar
l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali. Il-liġi
daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Mejju 2013; fil-21 ta’ Awwissu 2013,
ir-Repubblika tal-Moldova lestiet il-preparamenti tagħha billi assenjat
lill-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Interetniċi bħala
l-awtorità responsabbli għar-rapportar dwar l-implimentazzjoni
tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, b'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali
dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Gvern nieda studju ta' fattibilità
bil-għan li jiġi ratifikat il-Protokoll Nru 12
għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u
l-Libertajiet Fundamentali (ETS Nru 177). Il-Gvern daħħal
fis-seħħ miżuri estensivi wkoll għall-implimentazzjoni
tal-Liġi dwar l-Inklużjoni Soċjali ta' Persuni
b'Diżabilitajiet tat-30 ta’ Marzu 2012, b'mod partikolari
permezz tas-servizz soċjali maħluq ġdid "Assistenza
Personali" (430 assistent personali, inklużi 179 iffinanzjati
kompletamet mill-baġit ċentrali). ·
Implimentazzjoni effettiva
tal-miżuri tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fuq
il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni (inkluża l-allokazzjoni ta'
riżorsi adegwati); kampanji ġenerali ta' sensibilizzazzjoni kontra
r-razziżmu, il-ksenofobija, l-anti-Semitiżmu u forom oħrajn ta'
diskriminazzjoni; tisħiħ tal-korpi responsabbli għall-politika
ta' antidiskriminazzjoni u l-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija
u l-anti-Semitiżmu; Il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar
id-Drittijiet tal-Bniedem 2011-2014 kompla jiġi implimentat taħt
is-superviżjoni ta' Kummissjoni Permanenti transaġenziji dwar
id-Drittijiet tal-Bniedem, appoġġjata b'mod tekniku mill-Ministeru
tal-Ġustizzja Kull awtorità ċentrali u reġjonali abbozzat u qed
timplimenta l-pjan ta' azzjoni tagħha stess biex tapplika l-Pjan ta'
Nazzjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. F'Settembru 2013, il-Kummissjoni
Permanenti ddeċidiet li żżid il-viżibilità tal-azzjoni
tagħha, u li tappoġġjaha, billi tiftaħ
il-parteċipazzjoni għall-Kunsill tal-Ewropa, in-NU, l-UE, l-Organizzazzjoni
għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u l-NGOs nazzjonali u
internazzjonali. Barra minn hekk, ġew implimentati r-rakkomandazzjonijiet
fir-rapport tal-pajjiż mir-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà
tar-reliġjon jew it-twemmin. Żdiedu wkoll
l-isforzi fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni 2011-2015 għall-Appoġġ
tal-Persuni Roma, rivedut kif issuġġerew organizzazzjonijiet
internazzjonali, b'mod partikolari billi ġie organizzat taħriġ
regolari fir-reġjuni, li żamm lill-awtoritajiet lokali,
l-uffiċjali tal-pulizija tad-distretti u t-tobba tad-distretti f'kuntatt
spiss mal-grupp ta' ħidma interministerjali dwar l-implimentazzjoni
tal-Pjan ta' Azzjoni, b'enfasi speċjali fuq is-settur tal-edukazzjoni, u
l-implimentazzjoni tan-netwerk ta' 15-il medjatur tal-komunità tar-Roma (kif
previst fil-qafas tal-baġit tat-terminu medju, fl-2014-2015 ser jiġu
skjerati 33 medjatur ieħor tal-komunità). L-istrateġija
għar-riforma tas-settur tal-ġustizzja tagħti l-importanza dovuta
lir-riforma tal-istituzzjoni tal-Ombudsman, iċ-Ċentru
għad-Drittijiet tal-Bniedem, bil-għan li jissaħħu
l-indipendenza u l-effettività tagħha u dawk tal-Mekkaniżmu
Nazzjonali relatat għall-Prevenzjoni tat-Tortura. Grupp ta' ħidma ad
hoc wettaq studju dettaljat dwar l-attività taċ-Ċentru, inkluża
evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta' dan tal-aħħar,
il-ħtiġijiet finanzjarji u l-miżuri possibbli
għall-ottimizzazzjoni tal-attivitajiet tiegħu. Fuq il-bażi
tal-konklużjonijiet tiegħu, u bl-involviment ta' msieħba
internazzjonali (bħall-konsulent lokali tan-NU dwar id-drittijiet
tal-bniedem u l-eks Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura) u NGOs
lokali, il-Ministeru tal-Ġustizzja abbozza leġiżlazzjoni dwar
ir-riorganizzazzjoni taċ-Ċentru dwar l-għażla u
l-ħatra tal-Ombudspersuna/i, u dwar l-istabbiliment tal-awtonomija ta' dan
tal-aħħar fl-għażla u l-ħatra tal-persunal
taċ-Ċentru u d-deċiżjoni tal-kwistjonijiet interni
tiegħu ta' organizzazzjoni u baġit. L-abbozz tal-liġi ġie
adottat mill-Gvern fl-4 ta’ Settembru 2013 u ġie sottomess
lill-Parlament minnufih. Dan ikkonferma r-rieda tal-awtoritajiet li
jsaħħu l-istituzzjoni tal-Ombudsman. Fl-istess ħin, iċ-Ċentru
ħa sforzi minn jeddu biex itejjeb l-effettività tiegħu u
l-kredibilità tar-rwol tiegħu. Beda juża l-prerogattiv tiegħu
biex jixħet dubji fuq il-kostituzzjonalità ta' liġijiet
speċifiċi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u jniedi proċedimenti
legali quddiem il-Qorti jew jintervjeni fi proċedimenti ġudizzjarji
fil-forma ta' amicus curiae, inklużi proċedimenti ta'
antidiskriminazzjoni. Fetaħ ċentru reġjonali f'Varnitsya, subborg
ta' Bender ikkontrollat mill-Moldova, fl-hekk imsejħa żona ta'
sigurtà tal-kunflitt ta' Transnistria, bil-għan li jieħu ħsieb
talbiet mill-popolazzjoni lokali u jtejjeb il-kooperazzjoni mal-istituzzjoni
korrispondenti tal-Ombudsman fi ‘Transnistria’. 1.4.2. Rakkomandazzjonijiet
tal-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Issoktar tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta'
Azzjoni 2011-2014 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tinżamm fil-mira
l-kisba tal-involviment tal-komunità internazzjonali fl-indirizzar ta'
kwistjonijiet relatati mal-minoranzi. L-awtoritajiet tal-Moldova komplew juru impenn
konsistenti u riżultati mtejbin fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni
2011-2014 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, fuq il-bażi ta' allokazzjonijiet
baġitarji sostanzjali, għad li mhux ottimi. F'Settembru 2013, il-Kummissjoni
Permanenti dwar id-Dirtijiet tal-Bniedem stiednet lil organizzazzjonijiet
internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa, in-NU, l-UE, l-OSCE u NGOs
internazzjonali biex jieħdu sehem fil-ħidma tagħha ta'
monitoraġġ u valutazzjoni. L-istedina nħarġet ftit wara li
l-Gvern tal-Moldova ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jagħmel
l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni iktar trasparenti u b'mod iktar
responsabbli. ·
Żgurar tal-implimentazzjoni effettiva
tal-leġiżlazzjoni ta' antidiskriminazzjoni, b'konformità ma'
standards Ewropej u internazzjonali, b'mod partikolari billi jinħarġu
linji gwida komprensivi u billi jiddaħħal fis-seħħ Kunsill
tal-Ugwaljanza funzjonanti. L-awtoritajiet tal-Moldova, l-istituzzjonijiet
ġudizzjarji, soċjetà ċivili u l-popolazzjoni ġenerali juru
livell għoli ta' għarfien dwar kwistjonijiet ta'
antidiskriminazzjoni, suġġett li qajjem is-soċjetà tal-Moldova.
Wara l-inċertezza f'Marzu-Ġunju 2013, it-twaqqif mexxej tal-Kunsill tal-Ugwaljanza
b'baġit adegwat għas-sena kurrenti kkonferma r-rieda tal-awtoritajiet
sabiex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni ta' antidiskriminazzjoni tal-2012
bis-sħiħ u b'mod sostenibbli. ·
Sostenn tal-isforzi finanzjarji
għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni 2011-2015 dwar
l-Appoġġ għar-Roma b'mod effettiv u konsistenti. Kif ġie rrapportat qabel, il-Pjan ta'
Azzjoni 2011-2015 dwar l-Appoġġ għar-Roma ġie implimentat
b'mod konsistenti mill-awtoritajiet tal-Moldova. Għad li b'xi dewmien, l-impenn
preċedenti tagħhom li jagħmlu uffiċjali l-medjaturi
tal-komunità tar-Roma ġiet sostnuta permezz ta' impenji baġitarji
fl-2013. Bħalissa ma hemm ebda sinjal preżenti li dan l-impenn
mhuwiex ser ikun sostnut fil-ġejjieni. Dwar din il-kwistjoni, bħal fi
kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem ġenerali,
il-kooperazzjoni mal-komunità internazzjonali u l-appoġġ
mingħandha huma fatturi importanti fl-iżgurar tas-suċċess
tal-azzjonijiet ippjanati. ·
Issoktar tal-kooperazzjoni tajba
mal-awtoritajiet de facto f'Tiraspol, li tippermetti l-iskambju ta'
informazzjoni dwar il-ħruġ ta' dokumenti kif ukoll aspetti relatati
mal-infurzar tal-liġi; Id-dokumenti tal-identità inħarġu
lil residenti ta' Transnistria mill-awtoritajiet kostituzzjonali tar-Repubblika
tal-Moldova fuq il-bażi ta' informazzjoni pprovduta skont il-liġi
tal-Moldova u verifikati fl-isfond tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni
tal-awtoritajiet kostituzzjonali. Il-kooperazzjoni bejn Chisinau u Tiraspol fi
kwistjonijiet ta' infurzar tal-liġi hija ad hoc, skont ftehim tal-1994. Madankollu,
il-ftehim ma jistax ikun implimentat minħabba l-progress tar-Repubblika
tal-Moldova fi kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, peress li ma
tipprovdix biżżejjed garanziji ta' protezzjoni tad-dejta personali u
rispett għad-drittijiet tal-bniedem ta' suspettati mfittxijin għal
investigazzjoni mill-awtoritajiet de facto ta' Transnistria. Dan il-format irid
jiġi rivedut; ix-xogħol fuq din il-kwistjoni beda f'Ġunju 2013
fuq il-bażi ta' abbozz propost mill-Missjoni tal-OSCE fir-Repubblika
tal-Moldova. ·
Żieda fl-isforzi biex jingħelbu sfidi
possibbli fis-sigurtà u l-migrazzjoni u jinstabu soluzzjonijiet possibbli
għat-tisħiħ tal-kontroll mingħajr ħsara
għall-proċess ta' negozjar ‘5+2’. F'Marzu 2013, il-Viċi Prim Ministru
tal-Moldova inkarigat mir-riintegrazzjoni (ir-rappreżentant politiku tar-Repubblika
tal-Moldova fil-‘5+2’) bagħat ittra li tgħarraf lill-amministrazzjoni
de facto ta' Transnistria, il-parteċipanti l-oħrajn fil-proċess
‘5+2’ u l-Kummissjoni ta' Kontroll Konġunt stabbilita skont il-ftehim ta'
waqfien mill-ġlied tal-1992 bejn il-Federazzjoni Russa u r-Repubblika
tal-Moldova bl-intenzjoni tar-Repubblika tal-Moldova li toħloq sitt
uffiċċji territorjali tal-BMA tal-Moldova tul il-linja tal-fruntiera
amministrattiva ma' ‘Transnistria’ sabiex jitjieb il-monitoraġġ
tal-flussi ta' migrazzjoni permezz tas-segment ċentrali tal-fruntiera bejn
ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina (li nkella jkun soġġett
għal kontrolli tal-fruntieri tal-Ukraina u dawk mhux rikonoxxuti ta' ‘Transnistria’).
Dawn l-uffiċċji territorjali ġew stabbiliti f'Ottubru 2013, wara
kampanja informattiva addizzjonali li fil-mira tagħha kellha r-residenti
ta' Transnistria, l-awtoritajiet de facto tagħhom u l-parteċipanti
fil-'5+2'. L-uffiċċji ser jirreġistraw ċittadini barranin
li jidħlu jew iħallu t-territorju tar-Repubblika tal-Moldova minn dak
ir-reġjun. Ċittadini barranin ibbażati fi Transnistria
(ċittadini tal-Moldova mingħajr passaport tal-Moldova) li jridu
jitilqu jew jidħlu r-Repubblika tal-Moldova minn territorju kkontrollat
minn Chisinau, ser ikunu eżentati minn reġistrazzjoni obbligatorja
mal-awtorità tal-migrazzjoni ladarba jiddaħħal fis-seħħ
il-qafas leġiżlattiv neċessarju. Dan il-mekkaniżmu ma
jaffettwax il-moviment tal-barranin fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti b'mod
internazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova. Fl-istess ħin,
iddaħħlu fis-seħħ l-unitajiet mobbli ta' kontroll tal-pulizija
tal-fruntiera tal-Moldova biex jagħmlu kontrolli tat-tieni linja
f'territorju kkontrollat minn Chisinau, bil-pulizija tal-Moldova li hija
awtorizzata tagħmel it-tali kontrolli fl-hekk imsejħa żona ta'
sigurtà tul il-linja tal-fruntiera amministrattiva. B'hekk, ir-Repubblika tal-Moldova tejbet
il-politika tagħha li diġà kienet ġeneralment inklużiva
fir-rigward taċ-ċittadini tagħha li jgħixu fi
‘Transnistria’, u barra minn hekk tippermettilhom aċċess b'xejn
għaċ-ċittadinanza tal-Moldova fuq bażi volontarja (jew
ħruġ b'xejn ta' dokumenti tal-identità għall-ewwel dokumentazzjoni).
Minħabba n-nuqqas ta' rikonoxximent ta' dokumenti tal-istat ċivili
ta' Transnistria mir-Repubblika tal-Moldova, il-Ministeru tal-Informazzjoni,
it-Teknoloġija u l-Komunikazzjonijiet japplika miżuri
speċifiċi biex jikkonferma ċ-ċittadinanza tal-applikanti, b'konformità
mal-emendi fil-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza 2004 u
d-Deċiżjonijiet tal-Gvern Nru 959 tad-9 ta’ Settembru 2005,
Nru 337 tal-10 ta’ Mejju 2011, u Nru 525 tal-11 ta’ Lulju 2013.
Id-diskussjonijiet ma' Tiraspol komplew fi kwistjonijiet ta' kooperazzjoni
tal-pulizija: biex jiġi implimentat mekkaniżmu ta' skambju ta'
informazzjoni u biex tkun tista' ssir ir-reġistrazzjoni mill-ġdid
fir-Repubblika tal-Moldova ta' dokumenti maħruġin mill-awtoritajiet
de facto ta' Transnistria. Titjieb notevoli ieħor li qed jiġi diskuss
huwa t-tidħil ta' elementi ta' identifikazzjoni madwar il-pajjiż
(numru ġġenerat mir-Reġistru tal-Istat Ċivili tal-Moldova)
f'dokumenti tal-istat ċivili maħruġin mill-awtoritajiet de facto
ta' Transnistria, peress li fil-fatt dan jissimplifika l-proċess għal
residenti ta' Transnistria li japplikaw għal dokumenti tal-identità
tal-Moldova. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Moldova daħlet
f'taħditiet mal-Ukraina dwar l-iskambju ta' informazzjoni tal-qsim
tal-fruntiera dwar barranin li jidħlu fi ‘Transnistria’ mill-Ukraina, u
hemm l-għan li l-prattika ta' kontrolli u pattulja konġunti
mal-għassiesa tal-fruntiera tal-Ukraina tiġi estiża
għas-segment ċentrali tal-fruntiera bejn ir-Repubblika tal-Moldova u
l-Ukraina. Din il-prattika bdiet fl-2012 fis-segment tal-fruntiera
tat-Tramuntana, fil-punt ta' qsim tal-fruntiera operat b'mod konġunt bejn
Rososhany u Briceni, u hija fil-proċess li tiġi estiża
għall-punt ta' qsim tal-fruntiera f'Palanca / Mayaki fil-fruntiera
tan-Nofsinhar. Valutazzjoni ġenerali tar-Raba' Pedament Ir-Repubblika tal-Moldova mexiet lejn implimentazzjoni effettiva tal-bidliet leġiżlattivi sostanzjali introdotti matul l-ewwel fażi tal-VLAP. L-awtoritajiet tal-Moldova ħadu sforzi serji ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-Liġi dwar l-Iżgurar tal-Ugwajanza, l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, it-tisħiħ tal-uffiċċju tal-Ombudsman, l-istabbiliment ta' uffiċċji ta' reġistrazzjoni għal barranin li jidħlu fil-pajjiż mit-territorju ta' ‘Transnistria’, u t-tħaffif tad-dokumentazzjoni u l-evidenza għar-residenti ta' Transnistria. Ir-Repubblika tal-Moldova implimentat b'mod sodisfaċenti l-azzjonijiet mitlubin mir-rakkomandazzjonijiet tar-Raba' rapport tal-VLAP, filwaqt li għadha qed timplimenta b'mod effettiv il-leġiżlazzjoni relevanti. Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Moldova ssodisfat il-valuri referenzjarji tat-tieni fażi stabbiliti fir-Raba' Pedament. 2. konklużjonijiet Mit-tnedija tad-Djalogu dwar il-Viża bejn
l-UE u r-Repubblika tal-Moldova f'Ġunju 2010 u l-preżentazzjoni lill-awtoritajiet
tal-Moldova tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża (VLAP)
f'Jannar 2011, il-Kummissjoni rrapportat b'mod regolari mal-Parlament Ewropew u
l-Kunsill dwar il-progress li għamlet ir-Repubblika tal-Moldova fl-ilħuq
tal-valuri referenzjarji identifikati fl-erba' pedamenti tal-ewwel u t-tieni
fażi tal-VLAP. Il-Kummissjoni kompliet tissorvelja wkoll il-progress
li għamlet ir-Repubblika tal-Moldova fl-oqsma relevanti tal-VLAP permezz
ta': ·
il-Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja tad-Djalogu
dwar il-Viża bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova; ·
il-Kumitat Konġunt dwar it-Tħaffif
tal-Viża bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova; ·
il-Kumitat Konġunt dwar ir-Riammissjoni bejn
l-UE u r-Repubblika tal-Moldova; ·
is-Sottokumitat Konġunt Nru 3 bejn l-UE u
r-Repubblika tal-Moldova; ·
il-Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja tas-Sħubija
fil-Mobilità bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova; u ·
id-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE
u r-Repubblika tal-Moldova. F'kull wieħed minn dawn il-kumitati u
d-djalogi, il-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova hija
indirizzata b'mod regolari. Fl-aħħar Kumitati Konġunti dwar
it-Tħaffif tal-Viża u r-Riammissjoni li saru fit-12 ta’ Ġunju 2013
fi Brussell u li għalihom attendew rappreżentanti tal-Istati Membri
tal-UE, il-Kummissjoni osservat li l-implimentazzjoni taż-żewġ
ftehimiet kienet ferm sodisfaċenti b'mod ġenerali. Id-Djalogu dwar il-Viża bejn l-UE u r-Repubblika
tal-Moldova wera li huwa għodda importanti u partikolarment effettiva
għat-tressiq ta' riformi estiżi u diffiċli fil-qasam
tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u lil hinn, li jħallu impatt
fuq oqsma bħall-istat tad-dritt u r-riforma fil-ġustizzja, inklużi
finanzjament tajjeb tal-partiti, ir-reviżjoni tal-immunitajiet, u
modernizzazzjoni amministrattiva. Minbarra l-valuri referenzjarji tal-VLAP, ir-Repubblika
tal-Moldova ħadet passi ulterjuri fir-riforma tal-Ġudikatura kif
ukoll l-Uffiċċju tal-Prosekutur. Dawn il-kwistjonijiet huma
ssorveljati f'oqfsa oħrajn tad-djalogu, bħall-Kumitat dwar
il-Kooperazzjoni u l-Kunsill tal-Kooperazzjoni, u ser ikunu ssorveljati
fil-kuntest tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni tal-ġejjieni. Il-progress miksub mir-Repubblika tal-Moldova tul
l-aħħar tliet snin fl-oqsma kollha koperti mill-erba' pedamenti tal-VLAP
huwa kostanti u effettiv. Juri l-impenn u l-isforzi kostanti
tal-gvernijiet suċċessivi tal-Moldova u l-istituzzjonijiet kollha
tal-istat li taw l-ilħuq tal-valuri referenzjarji tal-VLAP prijorità
nazzjonali qawwija. Ta' min jinnota li f'bosta oqsma ewlenin,
ir-riformi tal-VLAP tlestew fl-ewwel nofs tal-2013 minkejja sitwazzjoni
politika instabbli li damet bosta xhur, xi ħaġa li tindika livell
xieraq ta' governanza tajba u maturità tal-amministrazzjoni pubblika. L-emendi fir-regoli tal-UE
dwar il-viża EU ser jintroduċu mekkaniżmu ġdid ta'
sospensjoni tar-rinunzja tal-viża li jikkontribwixxi
għall-preservazzjoni tal-integrità tal-proċess ta' liberalizzazzjoni
tal-viża u jiżgura, bħala l-aħħar miżura, li
l-ivjaġġar bla viża mhuwiex ser iwassal għal
irregolaritajiet jew abbuż. Ir-Repubblika tal-Moldova allokat
riżorsi finanzjarji u umani xierqa biex tiżgura li r-riformi jkunu
sostenibbli. Ġie stabbilit pjan nazzjonali pluriennali fit-tul. Anki
l-UE qed tagħti s-sehem tagħha f'dan il-proċess. Il-Programm ta'
Azzjoni Annwali tal-UE għall-2012 għar-Repubblika tal-Moldova ser
jipprovdi EUR 60 miljun fil-forma ta' Appoġġ tal-Baġit
tas-Settur għar-Riformi tas-Settur tal-Ġustizzja, bl-ewwel
żborżament ta' EUR 15-il miljun ippjanat għal Novembru 2013. Il-programm
ser jipprovdi wkoll EUR 21 miljun esklussivament għall-appoġġ
fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Liberalizzazzjoni tal-Viża.
Barra minn hekk, ir-riformi f'dan is-settur huma appoġġjati wkoll
mill-Programm tas-CIB għall-2011-2013. Saru kampanji informattivi
mmirati bla heda, bil-għan li jiċċaraw id-drittijiet u
l-obbligi marbutin mal-ivjaġġar bla viża, u dwar ir-regoli ta'
aċċess għas-suq tax-xogħol tal-UE. Dawn għandhom
jibqgħu jitħaddmu sal-liberalizzazzjoni tal-viża u wara. Ġew ippreżentati erba' Rapporti ta'
Progress dwar l-implimentazzjoni tal-VLAP (Settembru 2011, Frar 2012, Ġunju
2012 u Ġunju 2013). Ir-Raba' Rapport ta' Progress ikkonferma li r-Repubblika
tal-Moldova kienet ġeneralment konformi mal-valuri referenzjarji kollha
stabbiliti fl-erba' pedamenti tal-VLAP u identifika azzjonijiet li, jekk
jittieħdu, ilestu l-implimentazzjoni tagħha tal-valuri referenzjarji kollha
għat-tieni fażi tal-VLAP. Il-Kummissjoni tqis li minn dak
iż-żmien, ir-Repubblika
tal-Moldova għamlet il-progress
neċessarju biex tiżgura implimentazzjoni effettiva u sostenibbli
tar-riformi li fadal. Ittieħdet kull azzjoni meħtieġa
skont ir-Raba' rapport ta' progress tal-VLAP. Il-qafas leġiżlattiv u
politiku, il-prinċipji istituzzjonali u organizzazzjonali, u
l-implimentazzjoni tal-proċeduri fi ħdan l-erba' pedamenti jikkonformaw
mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Fuq il-bażi ta' din
il-valutazzjoni, u minħabba l-eżitu tal-monitoraġġ u
r-rapportar kontinwi mwettqin sa mit-tnedija tad-Djalogu dwar il-Viża bejn
l-UE u r-Repubblika tal-Moldova f'Ġunju 2010, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Moldova tissodisfa l-valuri referenzjarji kollha stabbiliti fl-erba' pedamenti
tat-tieni fażi tal-VLAP. Għaldaqstant, wara
li tieħu f'kunsiderazzjoni r-relazzjonijiet ġenerali bejn l-UE u r-Repubblika
tal-Moldova, il-Kummissjoni ser tikkunsidra, eżatt
wara s-Summit tas-Sħubija fil-Lvant ta' Vilnius, il-preżentazzjoni
ta' proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat ir-Regolament tal-KE
539/2001 skont il-metodoloġija miftiehma skont il-VLAP. Il-Kummissjoni ser tkompli
tissorvelja b'mod attiv l-implimentazzjoni kontinwa mir-Repubblika
tal-Moldova tal-valuri referenzjarji kollha skont l-erba' pedamenti tal-VLAP
skont l-istrutturi u d-djalogu eżistenti dwar is-Sħubija u
l-Kooperazzjoni, u, jekk ikun hemm bżonn, permezz ta' mekkaniżmi ta'
segwitu ad hoc. [1] Dokument tal-Kunsill 18078/10. [2] Dawn huma: (i) is-sigurtà tad-dokumenti, inkluża
l-bijometrika; (ii) il-migrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni;
(iii) l-ordni u s-sigurtà pubbliċi; u (iv) ir-relazzjonijiet esterni u
d-drittijiet fundamentali. [3] L-Ewwel Rapport ta' Progress dwar l-Implimentazzjoni
mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni
mill-Viża, SEC(2011) 1075 finali. [4] SWD (2012)12 finali. [5] COM(2012) 348 finali. [6] COM(2012) 443 finali. [7] COM(2013) 459 finali. [8] ICAO 9303 ‘Dokumenti tal-Ivvjaġġar li Jinqraw
minn Magna, Parti 1 Passaporti li Jinqraw minn Magna, Volum 2 Speċifikazzjonijiet
għal Passaporti Elettroniċi b'Kapaċità ta' Identifikazzjoni
Bijometrika’ (traduzzjoni mhux uffiċjali). [9] Rapport Tekniku tal-ICAO, Durabilità tal-Passaporti li
Jinqraw minn Magna (Verżjoni 3.2, 206.8.30); ISO/IEC 10373-1 SE: 206.5.01 —
Karti ta' identifikazzjoni — Metodi ta' Ttestjar — Karatteristiċi
Ġenerali; Rapport Tekniku tal-ICAO, Protokoll tal-RF u Standard tat-Test
tal-Applikazzjoni għal Passaporti Elettroniċi — Parti 2 (Verżjoni
1.02, 207.2.20); Rapport Tekniku tal-ICAO, Protokoll tal-RF u Standard tat-Test
tal-Applikazzjoni għal Passaporti Elettroniċi — Parti 3 (Verżjoni
1.01, 207.2.20) (traduzzjoni mhux uffiċjali). [10] Liġi Nru 133 mit-8 ta' Ġunju 2011. [11] Reġistru Pubbliku dwar Dokumenti Awtentiċi
tal-Identità u l-Ivjaġġar online. [12] 1 Euro = 17.26 Leu Moldovan (MDL) fil-21 ta’ Ottubru 2013. [13] Ċentru tas-Sitwazzjoni tal-FRONTEX u Spettorat
Ġenerali tal-Pulizija tal-Fruntiera tar-Rumanija. [14] Dan inkluda: karozzi Dacia Duster — 80; ATVs — 105; apparati
ta' immaġni termali — 32; apparati għall-vista binhar — 420; apparati
għall-vista billejl — 304; detetturi portabbli ta' radjazzjoni
tan-newtroni u gamma — 354; mirja ta' spezzjoni — 66; endoskopi — 62; apparati
ta' verifika tad-dokument ‘Regula 1019’ — 32; u apparati ta' qari tad-dokument 'Regula
7337’ — 47. [15] Il-miżuri relevanti ser jipprevjenu milli
jinħoloq xkiel addizzjonali għal-libertà ta' moviment tar-residenti tar-reġjun
ta' Transnistria u jirrispettaw l-arranġamenti eżistenti
fiż-Żona tas-Sigurtà. Il-mekkaniżmu japplika biss għal
ċittadini barranin mhux residenti fir-reġjun ta' Transnistria li qed
jaqsmu l-fruntiera bejn l-Ukraina u l-Moldova permezz tas-segment ta'
Transnistria. [16] Rapport speċjali tal-EUBAM dwar ‘Il-Migrazzjoni
Irregolari u t-Traffikar tal-Bnedmin fil-Fruntiera bejn il-Moldova u l-Ukraina
2012’, 16 ta’ Lulju 2013 (traduzzjoni mhux uffiċjali). [17] Baġit għar-Repubblika tal-Moldova: EUR 673 000. [18] Baġit għar-Repubblika tal-Moldova: EUR 1 200 000. [19] Daħlu fis-seħħ ħdax-il Protokoll ta'
Implimentazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Istati Membri tal-UE,
jiġifieri ma': l-Estonja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Ġermanja,
l-Awstrija, il-Litwanja, il-Latvja, Malta, id-Danimarka, il-Bulgarija u
r-Repubblika Ċeka. Ġie ffirmat Protokoll ta' implimentazzjoni
ieħor mal-pajjiżi tal-Benelux (il-Belġju, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi
l-Baxxi), u ġie ffirmat ftehim ta' riammissjoni bilaterali mad-Danimarka.
Qed jiġu negozjati l-abbozzi tal-Protokolli ta' Implimentazzjoni
mal-Greċja, il-Finlandja, ir-Renju Unit u l-Isvezja. [20] Din ir-rata niżlet għal 5 % fl-2013. [21] Din ir-rata niżlet għal 1.4 % fl-2013. [22] Stħarriġ tal-familji Nexus Moldova Mejju sa
Awwissu 2013. [23] Bħala parti mill-proġett ‘Tisħiħ
tar-Rabta bejn il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp: Ittestjar ta' Fornitur
tas-Servizzi Integrat għal Migranti mill-Moldova u l-Komunitajiet tagħhom
(NEXUS Moldova)’ (traduzzjoni mhux uffiċjali). [24] Fis-16 ta’ April 2013, sar seminar f'Cahul fuq il-liġi
dwar ir-rifuġjati għal 37 uffiċjal għoli tal-pulizija
tal-fruntiera. Fit-Tramuntana tal-pajjiż ġiet organizzata missjoni
transfruntiera mill-BMA u l-UNHCR biex tippromwovi l-prinċipji ta'
protezzjoni tar-rifuġjati fil-ġestjoni tal-fruntiera u biex
tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera bejn ir-Rumanija u
r-Repubblika tal-Moldova f'dan il-qasam. Sitt imħallfin u għaxar
avukati kienu inklużi fil-programm ta' tagħlim elettroniku tal-Modulu
ta' Inklużjoni tal-Kurrikulu Ewropew fil-Qasam tal-Ażil. Mal-Istitut
Nazzjonali tal-Ġustizzja, il-BMA organizza s-seminars li ġejjin
għall-imħallfin u l-prosekuturi fil-qasam tal-migrazzjoni: ‘Standards
nazzjonali u internazzjonali dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni u
l-ażil’ (22-23 ta’ Mejju 2013), għal 30 imħallef
u 7 rappreżentanti tal-BMA; ‘Standards nazzjonali u internazzjonali dwar
kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni u l-ażil’ (17-18 ta’ Ottubru 2013),
għal 15-il imħallef, 10 prosekuturi, 5 avukati, 7 rappreżentanti
tal-BMA u 5 uffiċjali tal-pulizija tat-traffiku; u ‘Id-drittijiet
tal-migranti, ir-rifuġjati u l-persuni li jfittxu l-ażil’ (12-13 ta’ Settembru 2013),
għal 30 imħallef. [25] Inklużi 8 gruppi (55 membru) speċjalizzati
fit-twettiq ta' kull xorta ta' serq, ħruġ u tqassim ta' flus foloz,
kutrabandu ta' prodotti, u qerq; 20 gruppi (78 membru) speċjalizzati
fit-twettiq ta' frodi ekonomiku; 6 gruppi (20 membru) involuti fit-traffikar
tad-droga u 6 gruppi (22 membru) li jispeċjalizzaw fit-traffikar
tal-bnedmin, il-prostituzzjoni u l-migrazzjoni irregolari. [26] Fi ħdan il-proġett, fl-2013, inxtraw 5
liċenzji ta' i2 Analyst‘s Notebook, 4 liċenzji ta' iBase User,
liċenzja ta' iBase Designer, u liċenzja ta' I2 Text Chart, 8 kompjuters
Hewlett Packard adattati għall-ħtiġijiet tax-xogħol ta'
analist u apparati speċjalizzati oħrajn. [27] http://crima-organizata.mai.gov.md/index-ro.php. [28] Is-Segretarjat Permanenti tal-Kumitat Nazzjonali
għall-Ġlieda kontra t-THB nieda websajt tat-THB
fit-18 ta’ Ġunju 2013: www.antitrafic.gov.md. [29] Studju dwar ‘Drittijiet, Riablitazzjoni u Rkupru: Kumpens
għall-Persuni traffikati fir-Repubblika tal-Moldova’, (traduzzjoni mhux
uffiċjali) imwettaq minn espert internazzjonali, ġie finalizzat
fil-5 ta’ Awwissu 2013. [30] L-NAC jinvestiga biss ħasil tal-flus, il-finanzjament
tat-terroriżmu, atti ta' korruzzjoni (tixħim attiv/passiv, abbuż
mill-influwenza) u atti relatati mal-korruzzjoni (abbuż mis-setgħa
jew abbuż ta' kariga uffiċjali, setgħa żejda jew awtorità
uffiċjali żejda, falsifikazzjoni ta' dokumenti pubbliċi). [31] L-Anness 1 għad-Direttiva tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 1988
għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (88/361/KEE). [32] http://justice.gov.md/public/files/RAPORT_implementare_PAI_SRSJ_eng_red.04.03.13.pdf [33] 587 fuq kontrolli ta' persuni, 91 fuq kontrolli ta'
vetturi, 11 fuq traffikar ta' droga, 392 fuq tiftix ta' persuni, 14 fuq
verifika ta' kumpaniji, 18 fuq gruppi tal-kriminalità organizzata, 143 fuq tipi
oħrajn ta' reati, 16 fuq assistenza legali u 24 fuq in-negozjar fi drogi u
tabakk. [34] Fit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova, l-operazzjoni
involviet 19-il intervent (fl-ajruport, punti ta' qsim tal-fruntiera fuq l-art,
fi swieq, eċċ.) fejn ġie identifikat ksur tad-drittijiet
tal-proprjetà intellettwali. Ir-riżultati finali għadhom ma ġewx
ippubblikati. [35] Ara l-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa ta’ Ġunju 2013 [36] Ara wkoll
COM(2013) 459 finali, paġna 37