52013DC0804

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effikaċja tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu /* COM/2013/0804 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effikaċja tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Sfond

F'April 2013, id-Dominju tal-Ogħla Livell (TLD) .eu ċċelebra s-seba' (7) anniversarju tiegħu. Matul dawn l-ewwel seba' snin, it-TLD .eu sar il-11 l-akbar TLD u s-sitt l-akbar TLD b'kodiċi tal-pajjiż fid-dinja. Il-pożizzjoni tat-TLD .eu niżlet xi daqsxejn meta mqabbla mas-snin preċedenti minħabba l-marketing aggressiv ta’ żewġ TLDs oħrajn, jiġifieri .tk u .cn. B'iżjed minn 3.7 miljun reġistrazzjoni, it-TLD .eu sar għażla apprezzata mill-Ewropej meta jagħżlu isem tad-dominju għall-preżenza tagħhom fuq l-Internet.

Dan ir-Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill hu dwar l-implimentazzjoni, l-effikaċja u l-funzjonament tat-TLD .eu matul dawn l-aħħar sentejn. B'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 733/2002 dwar l-implimentazzjoni tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu, il-Kummissjoni teħtieġ li tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sena wara l-adozzjoni tar-Regolament u mbagħad kull sentejn.

Dan ir-Rapport isegwi mir-Rapporti tal-2007[1], tal-2009[2] u tal-2011[3], u jkopri l-iżviluppi tat-TLD .eu mill-1 ta’ April 2011 sal-31 ta’ Marzu 2013.

2.           Il-qafas legali u l-prinċipju bażiku ta’ .eu

It-TLD .eu ġie stabbilit b'dawn l-atti legali:

– Ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Qasam [Dominju] tal-Ogħla Livell .eu (kif emendat)[4] (ir- Regolament Qafas);

– Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 tat-28 ta’ April 2004 li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni (kif emendat)[5] (ir-Regolament dwar il-PPR).

Fil-perjodu tar-rappurtar, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 560/2009, li emenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 sabiex jiddaħħlu Ismijiet tad-Dominji Internazzjonalizzati (IDNs) taħt it-TLD .eu, kien is-suġġett ta’ rettifika sabiex jitranġaw żbalji ovvji fil-lista ta’ ismijiet ta’ dominji riżervati fl-Anness. Ir-rettifika ġiet adottata fl-20 ta’ Marzu 2012.

Ir-Reġistru magħżul mill-Kummissjoni[6], il-EURid (ir-Reġistru Ewropew għad-Dominji tal-Internet), huwa responsabbli għall-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tat-TLD .eu. Dan huwa organizzazzjoni indipendenti li tieħu d-deċiżjonijiet kollha neċessarji b'mod awtonomu, b'konformità mar-Regolament Qafas[7].

Meta ġie abbozzat dan ir-rapport, is-servizzi tal-Kummissjoni kienu qed jivvalutaw il-ħtieġa li jiġi emendat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 sabiex jinkludi dispożizzjonijiet relatati mal-ippakkettar tal-omoglifi, l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE u l-fatt li sew is-Serbja, il-Montenegro u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM) issa huma kandidati biex jissieħbu l-UE, l-aċċess ta’ Membri tal-EFTA/ŻEE biex jirreġistraw taħt id-.eu u l-korrezzjonijiet ta’ xi ismijiet riżervati li fihom l-S Qawwija Ġermaniża (β) u dawk s-Sigma Finali tal-Grieg (ς).

3.           Ir-reġistrazzjoni u l-użu tal-ismijiet tad-dominju .eu

Fil-perjodu tar-rappurtar, it-TLD .eu kompla jikber b'mod stabbli, bi qbil mat-TLDs l-oħra tal-kodiċijiet tal-pajjiżi Ewropej. It-TLD .eu laħaq total ta' 3.7 miljun reġistrazzjoni, li jagħmlu d-dominju l-ħdax l-akbar TLD fid-dinja u r-raba' l-aktar ccTLD popolari tal-Ewropa. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 0.3 miljun reġistrazzjoni mill-aħħar rapport ippreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Fl-Ewropa, huma biss .de (il-Ġermanja), .uk (ir-Renju Unit) u .nl (il-Pajjiżi l-Baxxi) li baqgħu f’pożizzjoni iktar b’saħħitha fejn jidħol l-għadd ta’ reġistrazzjonijiet. Globalment, .com, .net, .org u .info u żewġ ccTLDs .tk ta' Tokelau u .cn taċ-Ċina għandhom aktar reġistrazzjonijiet (ara l-Anness 1). L-akbar swieq għad-dominju .eu huma l-Ġermanja (30,4 %), il-Pajjiżi l-Baxxi (13 %), Franza (9,1 %), ir-Renju Unit (9 %) u l-Polonja (6,5 %) (ara l-Anness 4).

Is-suq .eu varja 'l fuq u 'l isfel f’diversi pajjiżi tal-UE. Madankollu, minkejja l-kriżi ekonomika u finanzjarja, it-TLD .eu kkonsolida t-tkabbir tiegħu u saħansitra daq prestazzjonijiet aħjar f’xi pajjiżi.

Ir-rata tat-tiġdid tal-ismijiet tad-dominju .eu baqgħet f’medja ta’ 80%, meta mqabbla mal-medja tal-industrija ta’ 73%.

Ir-rivalità fl-industrija żdiedet f’dawn l-aħħar ħames (5) snin, wara l-liberalizzazzjoni ta’ ċerti ccTLDs u l-introduzzjoni jew ir-rebranding tat-TLDs eżistenti, bħal .co u .me. Barra minn hekk, il-wasla ta’ aktar minn 1,000 gTLD ġdid se tkun xokk enormi fis-suq, u probabbli se jitfixklu l-mudelli kummerċjali eżistenti u se tintensifika aktar il-kompetittività tal-industrija.

Minħabba x-xejra storika u s-sitwazzjoni preżenti tas-suq, l-għan tal-EURid huwa li jżomm rata stabbli ta' tkabbir fir-reġistrazzjonijiet ta' madwar 5-8 % fis-sena. Ir-Reġistru għandu fis-seħħ Pjan annwali ta' Marketing u Komunikazzjoni biex jgħinu jilħaq dawn l-għanijiet.

4.           L-Ismijiet tad-Dominji Internazzjonalizzati (IDNs)

4.1.        IDNs .eu

L-introduzzjoni tal-IDNs fl-ogħla livell, jiġifieri fuq in-naħa tal-lemin wara l-aħħar punt ta' isem id-dominju, hija materja li taqa' fil-kompetenza tal-ICANN[8]. Fis-16 ta’ Novembru 2009, l-ICANN nediet il-Proċess Mgħaġġel[9] tat-TLD għall-kodiċi tal-pajjiż tal-IDN biex tiffaċilita l-introduzzjoni ta' estensjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell tal-Internet li jirrappreżentaw kodiċijiet tal-pajjiżi (eż. .gr, .bg, .eu) li jużaw karattri mhux Latini (eż. karattri Ċirilliċi, Griegi, Għarab u Ċiniżi). Il-proċess jinvolvi tliet passi: (i) ir-reġistru tal-pajjiż japplika biex iħaddem "string" tal-IDN (il-verżjoni li tingħata tal-kodiċi tal-pajjiż rilevanti [cc] TLD fi skript ieħor), flimkien mal-appoġġ tal-komunità tal-Internet fit-territorju tiegħu ("appoġġ komunitarju") u r-raġuni tal-għażla tiegħu (il-kriterju tas-"sens"); (ii) l-istring mitluba mbagħad tiġi evalwata mill-ICANN li tgħaddiha lil kumitat indipendenti li jiċċekkja jekk hemmx xi kunflitt possibbli mal-istrings eżistenti tat-TLD (il-kriterju tal-"konfondità"); (iii) hekk kif tiġi approvata, l-istring il-ġdida tiġi allokata lir-Reġistru ("delega").

Il-EURid issottometta applikazzjoni lill-ICANN biex jiftaħ ir-reġistrazzjoni għall-verżjonijiet Ċirilliċi u Griegi tat-TLD .eu f'Mejju 2010. L-applikazzjoni tiegħu kienet ibbażata fuq sottomissjonijiet lill-Kummissjoni mingħand Ċipru, il-Greċja u l-Bulgarija[10] dwar il-verżjonijiet preferuti tagħhom tas-suffiss .eu (.ευ bil-Grieg u .ею biċ-Ċirilliku rispettivament).

L-ICANN kkonfermat it-twettiq tal-ewwel żewġ kriterji (appoġġ komunitarju u sens).

Fi Frar 2012, IANA/ICANN infurmaw lill-EURid li l-evalwazzjoni tal-istring Ċirillika (.ею) kienet tlestiet b’suċċess, iżda li l-istring Griega ma għaddietx il-pass tal-proċess tal-evalwazzjoni teknika għar-raġuni li hija, "jew viżwalment identika għal jew viżwalment konfondibbli ma' mill-inqas tliet strings tal-ISO 646-BV ''eu', 'ev', and 'ev'." Il-Kummissjoni ordnat lill-EURid biex jissospendi t-talba possibbli ta’ delega tal-istring Ċirillika (.ею) sakemm jgħaddu l-kwistjonijiet marbuta mal-istring Griega (.ευ), minħabba li din tista’ tiġi interpretata bħala aċċettazzjoni tad-deċiżjoni tal-ICANN.

F’Awwissu 2012, l-EURid issottometta studju dwar ir-rappreżentazzjoni viżwali tal-istring Griega (.ευ) lill-ICANN. Abbażi tan-newroxjenza konoxxittiva, l-istudju kkonkluda li ċ-ċans li l-istring Griega (.ευ) tiġi konfuża mal-istrings imsemmija fl-evalwazzjoni tal-ICANN kien wieħed limitat ħafna, speċjalment jekk jiġi infurzat l-approċċ li l-iskript tat-tieni livell għandu jkun jaqbel mal-iskript tal-ogħla livell. Sadanittant, is-ccNSO (Country Code Names Supporting Organisation) kompliet għaddejja bil-Proċess ta' Żvilupp tal-Politika tal-azzjoni rapida tal-IDN ccTLD biex tintroduċi proċess ta’ appell għall-istrings miċħuda sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu evalwati mill-ġdid minn bord ta’ esperti lingwistiċi. Waqt li qed jinkiteb dan ir-rapport, ir-rakkomandazzjoni tas-ccNSO biex jiġi rivedut il-proċess tal-IDN ccTLD qed tgħaddi minn stadju ta' votazzjoni fil-Kunsill tas-ccNSO u mbagħad se tintbagħat lill-Bord tas-sħubija tas-ccNSO u l-Bord tal-ICANN għall-proċedura ta’ votazzjoni sussegwenti.

5.           Il-funzjonament tar-Reġistru

5.1.        Ir-Reġistru

L-EURid ntgħażel mill-Kummissjoni bħala r-Reġistru tad-.eu fl-2003 wara sejħa għal espressjoni tal-interess[11].

Fit-12 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni u l-EURid ikkonkludew kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizz, li ġġeddet fl-2009 sat-12 ta’ Ottubru 2014.

L-EURid (ir-Reġistru Ewropew għad-Dominji tal-Internet) huwa organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ, għall-Ewropa kollha, bl-uffiċċju prinċipali tiegħu f'Diegem (il-Belġju) u b'uffiċċji reġjonali fi Stokkolma, Praga u Pisa[12].

5.2.        Relazzjonijiet mar-reġistranti

Ir-Reġistru ta' .eu nnifsu ma jaġixxix bħala Reġistrant[13]. L-ogħla prijorità għall-EURid tibqa’ li jiġi pprovdut servizz ta’ kwalità lis-780 reġistrant li huma akkreditati miegħu. L-għadd ta’ reġistranti akkreditati naqas fl-aħħar sentejn wara l-konsolidazzjoni ta’ ċerti kontijiet tar-reġistraturi. Il-EURid jevalwa s-sodisfazzjon tar-reġistranti ta' .eu fuq bażi regolari. Skont l-aħħar Stħarriġ dwar is-Sodisfazzjon tar-Reġistranti tad-dominju .eu, li sar f’Q4 2012, 95% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li kienu sodisfatti jew sodisfatti ħafna (2011:  93%). 80% taw klassifikazzjoni ta’ mill-anqas tmienja minn għaxra (8/10) meta ġew mistoqsija jekk humiex se jibqgħu jużaw l-EURid, minflok imorru għand fornitur ieħor. L-investiment fid-dominju .eu ikompli jitqies li huwa sod, u din il-perċezzjoni tjiebet ukoll fil-quċċata (47% tal-klijenti intervistati taw klassifika ta' mill-inqas tmienja minn għaxra (8/10) dwar dan l-aspett, filwaqt li fl-2010 il-persentaġġ kien 44%).

Barra minn hekk, l-EURid beda jinteraġixxi mal-komunità tar-reġistranti bil-midja soċjali, inklużi Facebook, Twitter u l-kanal YouTube[14], fejn wieħed jista' jara aktar minn 100 filmat ta’ testimonjanzi ta' .eu.

Matul dawn l-aħħar sentejn, ir-Reġistru ħadem biex idaħħal bidliet fil-proċeduri tal-kummerċ u t-trasferimenti, li saru effettivi mill-21 ta' Novembru 2012; l-attribwit tat-tiskir tar-reġistru li jżid saff ieħor ta' sigurtà lill-ismijiet fid-dominju .eu; it-tnedija ta' reġistrazzjonijiet għal għadd ta' snin nhar is-7 ta' April 2011 (matul Q1 2013, saru 6 466 reġistrazzjoni ġdida għal perjodu ta' reġistrazzjoni ta' aktar minn sena; dawn irrappreżentaw 3,1% tar-reġistrazzjonijiet kollha fi Q1, b'mod konformi mal-volumi ta' reġistrazzjonijiet għal għadd ta' snin għat-TLDs l-oħra); u l-offerta ta' servizzi ġodda lir-reġistranti. F’dawn l-aħħar sentejn, ir-Reġistru ssieħeb mar-reġistranti tiegħu biex jippromwovi t-TLD .eu bi Programm ta’ Marketing Kofinanzjat u skemi oħra ta’ inċentivi. Il-programm sar dejjem iktar suċċess fost ir-reġistranti u barra minn hekk, ġie introdott ukoll minn reġistri oħra.

Barra minn hekk, ir-Reġistru ħadem biex iżid l-għarfien ta' .eu billi nieda azzjonijiet dedikati u kampanja ta' kartelluni f’erba’ ajruporti Ewropej (Brussell, Kopenħagen, Milan Linate u Munich). Il-kampanji kollha jinsabu fil-websajt dedikat tar-Reġistru (ambitionhasanaddress.eu) fejn l-utent tal-internet jista’ jara testimonjanzi ta' kumpaniji u individwi li għażlu isem fid-dominju .eu biex jippreżentaw lilhom infushom u/jew il-prodotti tagħhom onlajn.

5.3.        Is-sitwazzjoni finanzjarja

Is-sitwazzjoni finanzjarja tar-Reġistru .eu baqgħet stabbli matul il-perjodu tar-rappurtar.

Is-saħħa finanzjarja tar-Reġistru hija element ewlieni li jassigura l-kredibbiltà tad-dominju .eu. Il-Kummissjoni tiskrutinja mill-qrib is-sitwazzjoni finanzjarja tar-Reġistru b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-qafas legali u l-Kuntratt ta' Konċessjoni ta' Servizz. Ir-rwol superviżorju tal-Kummissjoni huwa eżerċitat b'diversi strumenti fosthom valutazzjonijiet tar-rimarki tal-awdituri, rapporti finanzjarji kull tliet xhur u annwali, rapporti dwar il-progress kull tliet xhur, proposti għall-baġit, u pjanijiet ta' strateġija u kummerċjalizzazzjoni. Kwistjonijiet finanzjarji jiġu diskussi b'mod regolari mar-Reġistru f'laqgħat kull tliet xhur u f'laqgħat fil-livell tas-servizz.

Fil-bidu tal-operazzjonijiet tat-TLD .eu, id-dħul iġġenerat min-numru kbir ta' reġistrazzjonijiet tad-dominju kien konsiderevolment akbar mill-ispejjeż tar-Reġistru. Il-bilanċi pożittivi annwali konsegwenti ġew trasferiti għall-baġit tal-UE. Gradwalment ir-Reġistru naqqas diversi miżati għar-reġistranti tal-EURid. Fi Frar 2012, wara l-konsultazzjonijiet interni u esterni tar-Reġistru, il-miżati għar-riattivazzjoni u t-trasferimenti minn kwarantina ġew allinjati għal EUR 4. Bħala riżultat taż-żieda fil-portafoll tal-ismijiet tad-dominju, qed jiżdied id-dħul minn tiġdid tal-isem tad-dominju. Sabiex jibqa' fidil għall-obbligu kuntrattwali li jaħdem skont l-ispiża, ir-reġistru ddeċieda li jibdel it-tiġdid u l-estensjoni tal-miżata tat-terminu ta’ isem tad-dominju minn EUR 4,00 għal EUR 3,75 mill-1 ta’ Jannar 2013.

L-aspetti finanzjarji prinċipali tar-Reġistru baqgħu stabbli fl-2011 u fl-2012. Kemm id-dħul kif ukoll l-ispejjeż tar-Reġistru kienu madwar EUR 13-il miljun għas-sentejn li huma. Għalhekk, ir-riżultat finanzjarju nett ġie aktar bilanċjat mis-snin preċedenti b'bilanċ favorevoli għall-benefiċċju tal-baġit tal-UE ta’ EUR 772,892 għas-sena ta’ kontabbiltà 2011 u EUR 443,117 għall-2012.

Il-bidliet fl-ispejjeż ibbaġitjati u reali tar-Reġistru ġew eżaminati fid-dettall mill-Kummissjoni, b'mod partikolari l-ispejjeż relatati mal-kummerċjalizzazzjoni (EUR 2.8 miljuni fl-2011 u EUR 2.7 miljuni fl-2012) u r-riżorsi umani (EUR 4.0 miljuni fl-2011 u EUR 4.4 miljuni fl-2012). Iż-żieda fl-ispejjeż kienet ġustifikata minħabba l-ħtieġa ta' titjib fil-kwalità tas-servizz u żieda fil-livelli ta' sigurtà.

Ir-Reġistru jżomm erba' tipi ta' riżervi finanzjarji: id-diprezzament, l-investimenti, ir-responsabbiltajiet soċjali u r-responsabbiltajiet legali. Matul il-perjodu tar-rappurtar, il-livell totali tar-riżervi baqa' stabbli: EUR 5.4 miljuni fl-2011 u EUR 5.0 miljuni fl-2012. Fl-aħħar tal-2012, dan it-total kien maqsum bejn ir-riżerva għad-deprezzament (EUR 1.0 miljun), ir-riżerva għall-investimenti (EUR 0.5 miljun), ir-riżerva għar-responsabbiltajiet soċjali (EUR 2.7 miljuni) u r-riżerva għar-responsabbiltajiet legali (EUR 0.8 miljun). Barra minn hekk, dispożizzjoni ta’ EUR 150,000 żdiedet sabiex titħeġġeġ u tiġi inċentivata r-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim.

5.4.        Il-kontinwità tan-negozju, ir-reżiljenza u l-kwalità

5.4.1.     Kontinwità tan-negozju

Fit-12 ta’ Diċembru 2012, biex jittestja l-kapaċitajiet tiegħu fl-immaniġġjar tal-kriżijiet, l-EURid irnexxielu jibda eżerċizzju ta' Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju (BCP) mhux imħabbar. L-eżerċizzju ffoka fuq il-qlib tal-EPP, l-Extranet tar-Reġistranti, id-DAS tar-Reġistranti das u servizz tal-WHOIS tar-Reġistranti minn ċentru ta’ dejta wieħed għal ieħor u lura. L-impatt fuq l-infrastruttura tar-reġistranti kien minimu - interruzzjoni temporanja ta’ madwar 15-il minuta - sakemm ir-reġistranti kienu implimentaw l-aħjar prattiki li l-EURid kien introduċa fl-eżerċizzju tal-BCP tal-2011. L-użu ta’ Ismijiet ta’ Dominji Kwalifikati Sħaħ (FQDNs) fis-servizzi tar-reġistranti ggarantixxa sostituzzjoni (failover) trasparenti waqt li sar il-qlib.

Wara s-simulazzjoni ta' kwistjoni f’ċentru tad-dejta ewlieni, l-EURid qaleb għal sostitut fit-tieni ċentru tad-dejta permezz ta’ aġġornament tad-DNS. Wara l-propagazzjoni ta' din il-bidla, is-servizzi korretti tar-reġistranti kienu aċċessibbli fi żmien 10 minuti, sakemm ir-reġistranti kienu qed jużaw l-FQDNs (jekk le, jkun meħtieġ aġġornament manwali). Wara sagħtejn, l-EURid aġġorna l-FQDNs biex għal darb’oħra jdur lejn iċ-ċentru prinċipali tad-dejta. Gradwalment, is-sistemi daru lura fuq iċ-ċentru tad-dejta ewlieni ladarba l-FQDNs indunaw bihom is-servers DNS tar-reġistranti ta' .eu. L-eżerċizzju kollu ġie spezzjonat minn PricewaterhouseCoopers.

5.4.2.     Sigurtà

L-EURid organizza seminars ta' taħriġ[15] għar-reġistranti ta’ .eu sabiex jinkoraġġihom jippromwovu d-DNSSEC (protokoll imfassal biex jipproteġi lill-utenti tal-internet minn dejta tad-DNS iffalsifikata) mal-klijenti tagħhom, li min-naħa tagħhom ixerrdu l-protokoll mal-atturi tal-internet (ISPs, webmasters, eċċ.). L-hekk imsejjaħ tnaqqis tad-DNSSEC (EUR 0.02 skont fuq il-miżata tal-isem tad-dominju għal kull isem tad-dominju ffirmat sew kull xahar) ġie introdott fl-2013 biex ikompli jappoġġja l-implimentazzjoni tad-DNSSEC fil-livell tar-reġistranti.

5.4.3.     Phishing u attivitajiet malizzjużi oħra

Ir-Reġistru applika miżuri sabiex jiġġieled kuljum il-phishing u tipi oħra ta' mġiba onlajn malizzjuża[16] . B'mod partikolari l-ismijiet tad-dominji jiġu ċċekkjati għall-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà[17] u r-reġistrazzjonijiet ġodda jiġu skrinjati kuljum għal mudelli suspettużi jew anormalitajiet oħra.

Ta' kuljum ukoll, ir-Reġistru jiġi infurmat bi mġiba ħażina suspettata jew ippruvata minn organizzazzjonijiet privati tas-sigurtà jew mill-awtoritajiet pubbliċi[18].

B'riżultat ta' dan, isem tad-dominju suspettuż jista’ jiġi rtirat. Fil-perjodu tar-rappurtar, l-għadd ta' ismijiet tad-dominji suspettużi li ġew irtirati naqas drammatikament bis-saħħa tal-azzjonijiet li ħa r-reġistru: minn tnejn (2) f'Jannar 2011 (imqabbel ma' 81 f'Jannar 2010) għal ebda dominju rtirat fi Q4 2012[19].

Barra minn hekk, ir-Reġistru saħħaħ id-djalogu mal-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi biex jipprevjenu u jiġġieldu l-abbużi possibbli fis-sistema .eu. Dan wassal għall-konklużjoni ta’ Memorandum ta’ Qbil bejn il-Kummissjoni, is-CERT-ue u l-EURid li ġie ffirmat f’Ottubru 2012.

5.5.        Il-profil tal-utent ta' .eu

Il-klijenti jirreġistraw id-dominju .eu għal bosta għanijiet (negozju, attivitajiet soċjali, preżenza tal-istituzzjonijiet fuq l-internet, eċċ.). L-aħħar rapport[20] dwar l-użu ta' siti elettroniċi bit-TLD .eu juri li madwar 31,4% huma relatati man-negozju.

Għat-tielet sena konsekuttiva, .eu ta prova ta’ profil kummerċjali b’saħħtu, li jikkonferma l-pożizzjoni unika tiegħu bħala TLD għan-negozji u l-SMEs b’dimensjoni transfruntiera Ir-rapport jikkonkludi li d-dominji aktar antiki ġeneriċi tal-ogħla livell (gTLDs) għad għandhom profili distinti. L-eżempju prinċipali huwa .org, li għandu persentaġġ għoli ħafna ta’ websajts tal-komunità. F'dan, il-gTLDs huma differenti mid-dominji tal-kodiċi nazzjonali tal-pajjiżi tal-ogħla livell (ccTLDs), li lkoll jintużaw għal għanijiet simili ħafna. It-TLD .eu jixbaħ ħafna kemm lis-ccTLDs u ċerti gTLDs (l-aktar .net, iżda wkoll .biz u .com).

5.6.        Proċeduri legali u tilwimiet rigward l-ismijiet tad-dominju

5.6.1.     Kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti Ġenerali: xejn

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea: deċiżjoni preliminari waħda (1).

Il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell irreferiet żewġ mistoqsijiet lis-CJEU fil-kawża “lensworld.eu” u l-kawża C-376/11 Pie Optiek vs. Bureau Gevers.

Fid-19 ta’ Lulju 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li: “It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 tat-28 ta’ April 2004 li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn id-dritt minn qabel kkonċernat huwa dritt ta' trejdmark, il-kliem “persuni liċenzjati tad-drittijiet ta’ qabel” ma jirreferix għal persuna li ġiet awtorizzata mill-proprjetarju tal-marka kummerċjali kkonċernata biex tirreġistra biss, f’isimha stess imma f’isem dak il-proprjetarju, isem ta’ dominju identiku jew simili għal dik il-marka kummerċjali, iżda mingħajr ma dik il-persuna tkun awtorizzata biex tuża kummerċjalment il-marka kummerċjali b’mod konsistenti mal-funzjonijiet tagħha.”

Il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell mistennija tagħti d-deċiżjoni aħħarija tagħha fil-ħarifa tal-2013.

5.6.2.     Proċedura ta' Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim

Kull tilwima bejn id-detenturi tal-ismijiet tad-dominji .eu jew pretensjoni kontra deċiżjonijiet tar-Reġistru .eu, tista' tiġi sottomessa lill-fornitur tas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim (ADR)[21] — lill-Qorti tal-Arbitraġġ ibbażata fi Praga (il-Qorti Ċeka tal-Arbitraġġ jew CAC)[22].

L-ilmenti jinfetħu l-aktar kontra d-detenturi ta' isem tad-dominju .eu. Dan minħabba li kull parti tista' tibda proċeduri ta' ADR kontra d-detenur ta' isem ta' dominju u ssostni li r-reġistrazzjoni hija spekulattiva jew abbużiva skont l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 874/2004.

Matul dawn l-aħħar sentejn, ġiet ippreżentati medja ta' 12-il kawża kull tliet xhur[23](ara l-Anness 3).

Fl-2011, 52 deċiżjoni ġew mogħtija mis-CAC. 73% tal-ilmenti ġew aċċettati.

Fl-2012, 44 deċiżjoni ġew mogħtija mis-CAC. 81% tal-ilmenti ġew aċċettati.

Il-miżati għall-proċeduri tal-ADR huma bbażati fuq il-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż[24].

Fis-27 ta’ Ġunju 2012, il-Qorti ta’ Arbitraġġ Ċeka (CAC) u r-reġistru .eu ħabbru tnaqqis speċjali fil-miżata biex jagħmlu l-proċess tas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim (ADR) tal-.eu, dejjem aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini Ewropej. L-ispiża ta’ proċediment bażiku tnaqqset b’50%, mill-1 ta’ Lulju 2012. Din il-bidla seħħet b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet magħmula f’verifika esterna tas-servizz tal-ADR ta' .eu (“il-proċdurta tal-ADR ta' .eu qed taħdem sew iżda, skont il-verifika, it-tnaqqis fil-ħlasijiet tal-miżati jkompli jgħolli l-viżibbiltà tas-servizz u jtejjeb l-aċċess”). Minn meta tnaqqset il-miżata f’Lulju 2012, l-għadd medju ta’ kawżi tal-ADR rreġistrati għal kull xahar żdied bi 80%.

5.6.3.     Proċeduri fil-qorti

Fil-perjodu tar-rappurtar, l-EURid kien parti fil-kawżi li ġejjin:

Zheng: Zheng appella deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Brussell. It-talba ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Appell ta' Brussell fid-Deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ Settembru 2010. Wara l-għeluq finali tal-kawża tal-qorti fl-2011, l-ismijiet tad-dominju miżmuma minn Zheng (aktar minn 9,000) ġew rilaxxati għar-reġistrazzjoni ġenerali fl-24 ta’ Ottubru 2011. Il-kawża ntemmet.

Ovidio: Il-partijiet laħqu kompromess fi Frar 2011, li ġie rreġistrat uffiċjalment fil-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Brussell waqt li ntemmu l-proċedimenti pendenti kollha fid-9 ta’ Settembru 2011. Bħala parti mis-soluzzjoni, Ovidio ħallas EUR 45,000 lill-EURid. Il-kawża ntemmet.

Topeu (a.o. sex.eu): Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Brussell ġiet notifikata fuq il-kumpanija Ungeriża Sex Bt fl-4 ta’ Awwissu 2011. Il-perjodu tal-appell spiċċa fl-4 ta’ Diċembru 2011 u fis-6 ta’ Diċembru 2011, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Brussell saret finali. Fit-12 ta’ Diċembru 2011, l-EURid attiva l-isem tad-dominju SEX.eu f’isem l-ewwel applikant b'suċċess Sunrise, Yellow Register On Line AB (li oriġinarjament l-applikazzjoni tiegħu kienet aċċettata, iżda billi għaddej bil-kawża fil-qorti l-isem tad-dominju qatt ma ġie attivat sa dak iż-żmien). Il-kawża ntemmet.

6.           Ir-Reġistrazzjoni tal-EMAS

Fl-2011, l-EURid beda l-proċess biex isir l-ewwel reġistru ċċertifikat bl-EMAS[25] fl-Ewropa. Il-proċess tar-reġistrazzjoni tlesta fit-23 ta’ Mejju 2012. In-numru tar-reġistrazzjoni huwa BE-VL-000016.

L-EURid beda jinforma lill-partijiet interessati kollha tiegħu dwar l-impenn tiegħu għal internet aktar ambjentali b’serje ta’ inizjattivi. Ġie organizzat avveniment fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu bejn il-21 u t-23 ta’ Mejju 2012 li nieda r-reġistrazzjoni tal-EURid fl-EMAS[26].

7.           Konklużjonijiet

Il-mudell tat-TLD .eu ġie implimentat b'suċċess u qiegħed jopera b'mod effettiv.

Matul l-aħħar sentejn, it-TLD .eu saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fost l-akbar u l-iżjed Dominji tal-Ogħla Livell popolari fl-Ewropa u fid-dinja. Dan għadu qed jagħmel suċċess, anke jekk aktar bil-mod, minkejja t-tkabbir kontinwu tas-27 TLD tal-kodiċi nazzjonali tal-pajjiż fl-Istati Membri u d-disponibbiltà ta' TLDs ġeneriċi bħal .com u .org. Meta dan ir-rapport jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kroazja se tkun it-28 membru tal-Unjoni Ewropea.

L-ICANN għadha ma lestietx it-tibdiliet fil-proċedura ta' evalwazzjoni tal-istrings tas-ccTLD IDN li jippermettu li tiġi evalwata mill-ġdid l-istring miċħuda (.ευ bil-Grieg minħabba s-similarità li allegattament tista' toħloq konfużjoni ma' strings oħrajn). Il-Kummissjoni ħeġġet lill-ICANN sabiex dan il-proċess jitlesta malajr kemm jista’ jkun. Hija għamlitha ċara li r-regoli futuri li jistabbilixxu proċedura 'permanenti' għall-applikazzjonijiet tal-IDN għandhom ikunu ddisinnjati b'mod li jiġi evitat kull dewmien bla bżonn. Din hija waħda mill-kwistjonijiet ta' politika pubblika li l-Kummissjoni se tkompli tqajjem fil-Kumitat Konsultattiv tal-Gvern li jipprovdi parir lill-ICANN.

Is-sitwazzjoni finanzjarja tar-Reġistru baqgħet stabbli fl-2011 u fl-2012.

Is-sistema tal-ADR ipprovduta mill-Qorti Ċeka tal-Arbitraġġ tippermetti l-protezzjoni tad-drittijiet tar-reġistranti bil-lingwi kollha tal-UE. Il-Kummissjoni timmonitorja l-użu proprju tas-sistema. Wara r-rakkomandazzjonijiet tal-awdituri, l-EURid naqqas il-miżata tal-ADR biex tkun żgurata aċċessibbiltà aħjar tal-ADR għal individwi u SMEs li jkollhom raġunijiet għaliex jaħsbu li l-ismijiet .eu tagħhom ikunu ġew reġistrati ħażin minn partijiet terzi.

Fis-snin li ġejjin, ir-Reġistru għandu jaħdem biex isaħħaħ u jiżviluppa l-perċezzjoni tat-TLD .eu fost gruppi ta' mira differenti, sabiex jespandi l-penetrazzjoni tiegħu fis-suq Ewropew tal-ismijiet tad-dominji u biex isaħħaħ l-għarfien tal-pubbliku dwar it-TLD. L-istabilità u s-sigurtà tas-servizzi assoċjati tat-TLD iridu jkunu assigurati skont l-aqwa standards fil-qasam. Minħabba n-natura dinamika tal-ambjent tat-TLD, ir-Reġistru għandu jkompli jżomm u jespandi d-djalogu u l-iskambji tiegħu mal-komunità Ewropea u internazzjonali tal-Internet. Il-Kummissjoni se tkompli tikkoopera mill-qrib mar-Reġistru kif stabbilit fit-termini tal-qafas legali.

ANNESSI

Anness 1: It-TLDs l-aktar mfittxija fid-dinja fil-31 ta’ Marzu 2013

Sors: Ir-Rapport ta' kull tliet xhur dwar il-Progress tal-EURid, Q1 2013

ANNESS 2: Reġistrazzjonijiet ta' .eu għal kull kwart ta’ sena

ANNESS 3: Ħarsa ġenerali lejn id-deċiżjonijiet meħuda mit-Tribunal tal-Arbitraġġ Ċek f’każijiet ta’ .eu

Id-deċiżjonijiet tal-ADR mogħtija || 2011 || 2011

Irrifjutati || Aċċettati || Difettużi Ilment || Oħrajn (saldu irtirat) || Deċiżjonijiet skont ix-xahar

Jannar || || 2 || || || 2

Frar || 1 || 7 || || || 8

Marzu || || 3 || 1 || 2 || 6

April || || 3 || 2 || || 5

Mejju || 1 || 3 || || || 4

Ġunju || 1 || 3 || || 1 || 5

Lulju || || 5 || || || 5

Awwissu || || 1 || 1 || 1 || 3

Settembru || || 2 || 1 || || 3

Ottubru || 1 || 4 || || || 5

Novembru || || 1 || || 1 || 2

Diċembru || || 4 || || || 4

Totali || 4 || 38 || 5 || 5 ||

Deċiżjonijiet totali kull sena || 52

Ilment aċċettat || 73%

Id-deċiżjonijiet tal-ADR mogħtija || 2012 || 2012

Irrifjutati || Aċċettati || Ilmenti difettużi || Oħrajn (saldu irtirat) || Deċiżjonijiet skont ix-xahar

Jannar || || 2 || 1 || 1 || 4

Frar || || 2 || 1 || || 3

Marzu || || 8 || || || 8

April || || 3 || || 1 || 4

Mejju || || 7 || || || 7

Ġunju || || 1 || 1 || || 2

Lulju || || || || || 0

Awwissu || || || || || 0

Settembru || || 3 || || || 3

Ottubru || 2 || 3 || || || 5

Novembru || || 3 || || || 3

Diċembru || 1 || 4 || || || 5

Totali || 3 || 36 || 3 || 2 ||

Deċiżjonijiet totali kull sena || 44

Ilment aċċettat || 81%

ANNESS 4: Għadd totali ta’ ismijiet tad-dominji .eu skont il-pajjiż tar-reġistrant

Sors: Ir-Rapport ta' kull tliet xhur dwar il-Progress tal-EURid, Q1 2013

ANNESS 5: Dominji .eu għal kull 1,000 abitant

Sors: Ir-Rapport ta' kull tliet xhur dwar il-Progress tal-EURid, Q1 2013

ANNESS 6: Reġistrazzjonijiet tal-IDN taħt .eu

Kwart || Ismijiet tal-IDN || Frazzjoni

Q4 2009 ||  56 036 || 1,8%

Q1 2010 ||  62 609 || 1,9%

Q2 2010 ||  65 109 || 2,0%

Q3 2010 ||  67 074 || 2,1%

Q4 2010 ||  57 826 || 1,7%

Q1 2011 ||  56 961 || 1,7%

Q2 2011 ||  58 424 || 1,7%

Q3 2011 ||  58 332 || 1,7%

Q4 2011 ||  56 699 || 1,6%

Q1 2012 ||  58 455 || 1,6%

Q2 2012 ||  60 681 || 1,7%

Q3 2012 ||  61 752 || 1,7%

Q4 2012 ||  58 211 || 1,6%

Q1 2013 ||  57 157 || 1,5%

Sors: Ir-Rapport ta' kull tliet xhur dwar il-Progress tal-EURid, Q1 2013

[1]               COM(2007) 385 finali, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Rapport dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effettività tat-TLD ".eu" (is-6 ta’ Lulju 2007).

[2]               COM(2009) 303 finali, Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effettività tat-TLD ".eu" (is-26 ta’ Ġunju 2009).

[3]               COM(2011) 616 finali, Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effettività tat-TLD ".eu" (il-5 ta' Ottubru 2011).

[4]               Ir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 li jadatta numru ta' strumenti suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tal-proċedura regolatorja bi skrutinju — L-Ewwel Parti (ĠU L 311, 21.11.2008, p. 1).

[5]               Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1654/2005 tal-10 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 266, 11.10.2005, p. 35), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1255/2007 tal-25 ta’ Ottubru 2007 (ĠU L 282, 26.10.2007, p. 16) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 560/2009 tas-26 ta’ Ġunju (ĠU L 166, 27.6.2009, p. 3).

[6]               Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Mejju 2003 dwar id-desinjazzjoni tar-Reġistru tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu.

[7]               Ara l-premessi 9 u 12, l-Artikoli 2(a), 3(1)(c), 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002.

[8]               L-ICANN (Internet Corporation for Assigned Names and Numbers, jiġifieri il-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati) hija korporazzjoni tas-settur privat mingħajr skop ta' qligħ. Għal aktar informazzjoni ara: http://www.icann.org/.

[9]               Għal aktar informazzjoni dwar il-Proċess Mgħaġġel ara: http://www.icann.org/en/topics/idn/fast-track/.

[10]             Ċipru u l-Greċja (f'Ottubru 2008); il-Bulgarija (fi Frar 2009).

[11]             L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002.

[12]             Għal aktar tagħrif dwar l-aċċess għall-EURid ara http://www.eurid.eu/en/about-us

[13]             Ara l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002.

[14]             Facebook (EUregistry), Twitter (@Euregistry), YouTube (Europeanregistry).

[15]             Tliet seminars saru fl-2012: fis-17 ta' April fi Bratislava, fil-11 ta' Mejju f'Milan u fil-31 ta' Lulju f'Budapest.

[16]             Il-phishing huwa l-ksib ta' informazzjoni personali u finanzjarja (ismijiet tal-utent, passwords, eċċ.) b’mezzi qarrieqa bħal emails frodulenti jew kopji ta’ siti elettroniċi leġittimi.               Il-warehousing hija l-prattika taż-żamma ta' ismijiet tad-dominji sabiex jerġgħu jinbiegħu bi prezz ogħla.

Is-cyber-squatting huwa r-reġistrazzjoni, it-traffiku jew l-użu b'mala fede ta' marka kummerċjali ta' xi organizzazzjoni jew individwu ieħor f'isem tad-dominju, bl-iskop ta' qligħ mill-avvjament tal-marka kummerċjali ta' ħaddieħor. Is-cyber-squatters jerġgħu jbigħu l-isem tad-dominju inkwistjoni lid-detentur tal-marka kummerċjali bi prezz ogħla. Domainers huwa terminu popolari għall-ispekulaturi tal-ismijiet tad-dominji.

[17]             Rigward il-kriterji tal-eliġibbiltà ara l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 733/2002. Ir-Reġistru għandu l-jedd li jivverifika l-validità ta' reġistrazzjoni (l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 874/2004). Il-politika tar-reġistrazzjoni teħtieġ li r-reġistrant iżomm dejta personali kompluta u preċiża u indirizz elettroniku li jaħdem għall-komunikazzjoni mar-Reġistru, li jirriżerva l-jedd li jirrevoka isem id-dominju f'każ ta' indirizz li ma jaħdimx.

[18]             Pereżempju Internet Identity, Arbor Network, MarkMonitor, il-Federal Computer Crime Unit (FCCU) fil-Belġju, l-Internal Revenue Service (IRS) tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti.

[19]             Ir-Rapport ta' Q4 2012 tal-EURid tista' tarah fuq: http://www.eurid.eu/files/publ/quarterly_2012_Q4.pdf

[20]             “Website usage trends among top-level domains”, Novembru 2011, u jinsab fuq: eurid.eu/insights

[21]             Ara l-Artikolu 4(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002 u l-premessa 15, Artikoli 22 u 23 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 874/2004.

[22]             Memorandum ta' Qbil (2005) bejn l-EURid u l-Qorti Ċeka tal-Arbitraġġ marbuta mal-Kamra Ekonomika tar-Repubblika Ċeka u l-Kamra Agrikola tar-Repubblika Ċeka.

[23]             In-numru ta' kawżi ADR mibdija quddiem is-CAC naqas b'mod sinifikanti mill-2006 minn madwar 200 kawża kull kwart għal-livell preżenti.

[24]             Ara l-Artikolu 4(2)(d) tar-Regolament (KE) 733/2002.

[25]             L-Iskema Komunitarja għall-Iskema ta' Verifika u l-Eko-Immaniġġjar (EMAS) hija għodda ta' ġestjoni għall-kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra biex tivvaluta, tirrapporta u ttejjeb il-prestazzjoni ambjentali tagħhom.

[26]             Għal aktar tagħrif dwar l-impenn ambjentali tal-EURid ara: http://www.eurid.eu/en/about-us/going-green