52013DC0792

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL It-tieni rapport ta’ valutazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-titjib tas-sigurtà fil-portijiet /* COM/2013/0792 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-tieni rapport ta’ valutazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-titjib tas-sigurtà fil-portijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

Id-Direttiva 2005/65/KE[1] dwar it-titjib tas-sigurtà fil-portijiet (iktar ’il quddiem "id-Direttiva") għandha l-għan ewlieni li tikkomplimenta l-miżuri adottati fl-2004 bir-Regolament (KE) Nru 725/2004[2] dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-portijiet (iktar ’il quddiem "ir-Regolament").

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament huwa limitat għall-miżuri ta’ sigurtà abbord il-bastimenti u l-interfaċċa diretta bejn il-port u l-bastiment. Bħala prijorità, l-Istati Membri ntrabtu b’dawn l-obbligi li essenzjalment jirriżultaw mill-kodiċi ISPS (International Ship and Port facility Security), qabel ma aċċettaw l-implimentazzjoni ta’ obbligi supplimentari fil-kuntest tad-Direttiva. Id-Direttiva tikkomplimenta l-mekkaniżmu previst billi tistabbilixxi sistema ta’ sigurtà għaż-żoni kollha tal-portijiet, ħalli tiżgura livell għoli u ugwali ta’ sigurtà fil-portijiet Ewropej kollha[3].

Iktar minn 1 200 port marittimu kummerċjali joperaw fuq medda ta’ 70 000 kilometru ta’ kosta tal-Unjoni Ewropea, li hija wieħed mill-aktar reġjuni fid-dinja li għandu portijiet. Minn fost dawn, kważi elf (ara l-punt 6.1) jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, jiġifieri l-portijiet kollha li għandhom faċilità waħda tal-port jew bosta faċilitajiet tal-port li huma s-suġġett ta’ pjan ta’ sigurtà approvat skont ir-Regolament.

L-għan tad-Direttiva huwa li ttejjeb is-sigurtà fiż-żoni tal-portijiet li mhumiex koperti bir-Regolament u li tiżgura li tissaħħaħ i t-tisħiħ tas-sigurtà fil-portijiet isaħħaħ il-miżuri ta’ sigurtà skont dan ir-Regolament. Filwaqt li r-responsabbiltà tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà fil-livell tal-faċilitajiet tal-port essenzjalment hi tal-operatur tal-port, il-miżuri ta’ sigurtà xierqa fil-livell tal-portijiet huma fir-responsabbiltà, l-ewwel nett, tal-awtorità tal-port[4] u tas-servizzi kollha inkarigati miż-żamma tas-sigurtà u tal-paċi pubblika.

L-Artikolu 19 tad-Direttiva jipprovdi li sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Diċembru 2008 u kull ħames snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-konformità mad-Direttiva u l-effettività tal-miżuri li jkunu ttieħdu.

L-ewwel rapport ġie adottat fl-20 ta’ Jannar 2009[5]. It-tieni rapport, dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-miżuri wera x’miżuri tieħdu sabiex teħfief l-implimentazzjoni ta’ miżuri standard ta’ sigurtà fil-livell tal-Unjoni, il-progress li sar fl-aħħar perjodu ta’ referenza ta’ ħames snin u l-problemi persistenti li tfaċċaw fl-implimentazzjoni[6].

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq:

– l-informazzjoni li waslet mingħand l-awtoritajiet tal-Istati Membri inkarigati mis-sigurtà marittima u minn partijiet rilevanti oħra;

– ir-riżultati tal-ispezzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà fil-portijiet;

– id-djalogu kostanti bejn l-awtoritajiet nazzjonali u d-diversi protagonisti mill-qasam marittimu u tal-portijiet.

Ir-rapport ġibed l-attenzjoni dwar ċerti diffikultajiet li tfaċċaw bil-għan li jintlaħqu l-effetti mixtieqa iżda anke fejn jidħol l-impatt globali li toħloq l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

2.           Il-konklużjonijiet tal-ewwel rapport

L-ewwel rapport saħaq fuq il-fatt li, għalkemm id-Direttiva ġiet adottata fl-ewwel qari b’appoġġ wiesa’ fil-Parlament Ewropew u unanimament mill-Kunsill, ħafna mill-Istati Membri kkonċernati damu sew biex jittrasponu d-dispożizzjonijiet tagħha. Dan wassal biex infetħu proċeduri ta' ksur, li tnejn minnhom inqatgħu li kien hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu[7].

Fi tmiem dan il-perjodu ta’ valutazzjoni, id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva ġew finalment integrati fil-liġi nazzjonali tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Madanakollu, l-applikazzjoni prattika tagħhom għadha taffaċċja diffikultajiet ta’ natura organizzattiva u funzjonali fil-livell tal-portijiet stess, minħabba li l-amministrazzjonijiet lokali għad ma għandhomx l-elementi meħtieġa kollha biex jiżguraw l-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva. Id-diffikultà ewlenija għandha x’taqsam mad-definizzjoni tal-perimetru tal-port mil-lat ta’ sigurtà.

3.           Il-miżuri ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar tal-implimentazzjoni wara l-perjodu ta’ valutazzjoni preċedenti

Id-dewmien fit-tħejjija u l-adozzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali laqat azzjonijiet oħra għax l-awtoritajiet kompetenti fil-livell tal-portijiet ma setgħux jissoktaw bl-implimentazzjoni tad-Direttiva qabel ikunu ġew approvati l-miżuri nazzjonali b’mod definittiv.

B’mod ġenerali, l-Istati Membri ttrasponew tajjeb id-Direttiva, jiġifieri l-miżuri ta’ traspożizzjoni ġew integrati tajjeb fil-liġijiet, fir-regolamenti u fid-dispożizzjonijiet amministrattivi. Iżda ħafna drabi l-implimentazzjoni prattika tagħhom għad trid issir.

Fil-fatt, id-Direttiva – f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà – prevediet li l-Istati Membri jiddeterminaw huma stess il-limiti ta’ kull port u ħalliet f’idejhom biex jiddeċiedu li japplikawhom għaż-żoni tal-madwar. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitfasslu sew il-valutazzjonijiet u l-pjanijiet ta’ sigurtà fil-portijiet. Iżda fl-2009, għadd sinifikanti ta’ portijiet kien għadhom ma jistgħux jissodisfaw l-obbligi tad-Direttiva.

Għaldaqstant, matul il-perjodu 2009-2013, il-Kummissjoni kompliet bl-impenn tagħha li tiżgura implimentazzjoni aktar effettiva tad-Direttiva. Is-servizzi tagħha ħadmu kemm b’inizjattivi ta’ assistenza lill-Istati Membri kif ukoll b’miżuri ta’ kontroll. L-approċċi tfasslu hekk:

– Jitħejja t-tieni seminar dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva;

– Isir studju dwar l-aspetti tekniċi tas-sigurtà fil-portijiet (TAPS II) u dan kien fdat liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC – Ispra);

– Tinġabar u tixxerred l-aqwa prattika fil-kuntest tal-kumitat MARSEC;

– Tinħoloq sistema ta’ informazzjoni regolari dwar it-twettiq u l-infurzar ta’ pjanijiet ta’ azzjoni tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva;

– Isiru spezzjonijiet għall-infurzar tal-applikazzjoni tad-Direttiva f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 324/2008[8].

4.           Għajnuna għall-implimentazzjoni tad-direttiva

4.1.        Is-Seminar tal-21 ta’ Ottubru 2010

F’Settembru 2006 ġie organizzat l-ewwel seminar bil-għan li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jaqsmu bejniethom informazzjoni dwar il-metodi tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Madankollu, l-Istati Membri li ltaqgħu l-aktar ma’ diffikultajiet xtaqu jiksbu informazzjonijiet supplimentari dwar il-mekkaniżmi u l-prattiki diġà applikati b’suċċess f’ċerti portijiet tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni qablet u organizzat it-tieni seminar fil-21 ta’ Ottubru 2010 li matulu ngħataw bosta eżempji li kienu għenu sabiex jitjiebu l-istandards tas-sigurtà fil-portijiet.

Dan is-seminar kien siewa għax matulu ntwerew approċċi differenti maħsuba għad-definizzjoni tal-perimetru tal-port mil-lat ta’ sigurtà skont il-konfigurazzjoni ġeografika taż-żoni tal-portijiet u kif jaħbtu ma’ żoni residenzjali jew siti industrijali u kummerċjali. Ingħataw bosta soluzzjonijiet sabiex jinstabu l-limiti taż-żoni tal-portijiet f’każijiet varji bħal fil-każ ta’ port f’estwarju, ta’ port storiku (il-Belt Valletta), ta’ port imdawwar minn belt urbana popolata ħafna (Salerno) jew saħansitra ta’ wieħed mill-ikbar portijiet fid-dinja (Rotterdam).

F’dan il-grupp ta’ ħidma setgħu jitfakkru l-għanijiet fundamentali tad-Direttiva u jiġu enfasizzati l-aspetti kollha relatati mal-valutazzjoni tas-sigurtà fil-portijiet li hi s-sies tal-implimentazzjoni tad-Direttiva. Wara, il-konklużjonijiet tas-seminar ġew approvati mill-kumitat MARSEC.

4.2.        Studju dwar l-aspetti tekniċi tas-sigurtà fil-portijiet (TAPS II)

Wara li qieset id-diffikultajiet li kellhom ċertu Stati Membri, il-Kummissjoni fdat liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) biex jagħmel studju dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-portijiet Ewropej.

Dan l-istudju hu fuq il-metodoloġiji li li jgħin biex tkun żgurata implimentazzjoni tajba tad-Direttiva u l-mezzi tekniċi biex dan isir. L-istudju għandu l-għan li jgħin biex jinstabu kriterji komuni biex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva, jitfasslu standards minimi, rakkomandazzjonijiet, linji gwida u tinġabar l-aqwa prattika. Id-definizzjoni tal-perimetru tal-port ingħatat attenzjoni partikolari peress li ċerti Stati Membri kellhom diffikultajiet jew in-nuqqas ta’ rieda biex jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u l-miżuri ta’ sigurtà fil-portijiet b’mod ġenerali. Ir-rapport finali jipproponi metodoloġija b’żewġ stadji suċċessivi ta’ verifika, wieħed li jiddefinixxi l-faċilitajiet tal-port u l-karatteristiċi li jagħmlu parti mill-port, u l-ieħor li juża analiżi tar-riskji biex jiddefinixxi l-limiti ta’ port b’mod li jintlaħaq l-aktar livell effikaċi ta’ sigurtà fil-portijiet.

Qabel tqassam ir-rapport finali tal-istudju tal-Kummissjoni, l-Istitut għall-protezzjoni u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-JRC organizza laqgħa f’Ispra (l-Italja), fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2011, mal-partijiet interessati kollha, inklużi 14-il rappreżentant tal-Istati Membri u tal-industrija tal-portijiet, biex jiġu preżentati u diskussi l-konklużjonijiet preliminari u r-rakkomandazzjonijiet tal-istudju, ħalli l-awturi tal-istudju jkunu jistgħu jispjegaw is-sejbiet tagħhom.

Fl-20 ta’ Settembru 2011, ir-riżultati tal-istudju TAPS II ingħataw lill-Kumitat MARSEC. Għadd ta’ proposti, l-aktar dawk li joħolqu metodoloġija sistemika għal analiżi tar-riskji f’żewġ stadji ħalli jinstabu l-limiti ta’ port, ġew ippreżentati bħala għodod partikolarment utli u effikaċi fil-ħidma analitika li ssir qabel l-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva[9].

Fl-24 ta’ Jannar 2012, il-membri tal-kumitat ingħataw dokument ta’ ħidma dwar il-kapitolu fuq id-determinazzjoni tal-limiti ta’ port. B’mod ġenerali, l-Istati Membri dehrilhom li bl-approċċ ippreżentat fl-istudju setgħu jissolvew ċerti diffikultajiet biex jinstabu l-limiti ġeografiċi ta’ port. Madankollu, il-possibbiltà li dik il-metodoloġija tintuża b’mod obbligatorju ġiet rifjutata b’mod kategoriku iżda – skont il-każ, u b’mod mhux vinkolanti – il-konklużjonijiet tal-istudju TAPS II jistgħu jintużaw għar-reviżjoni li jmiss ta’ kull ħames snin tal-valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-portijiet.

5.           Kontroll tal-implimentazzjoni tad-direttiva

5.1.        Infurzar tal-pjan ta’ azzjoni għall-kisba tal-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva

Mill-2009, il-Kummissjoni applikat sistema li tippermettilha tirċievi b’mod regolari l-informazzjoni tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Sar djalogu regolari mal-awtoritajiet tal-Istati Membri bl-għan li tinkiseb informazzjoni affidabbli b’mod regolari dwar il-livell tat-twettiq tal-valutazzjoniet u l-adozzjoni tal-pjanijiet tas-sigurtà fil-portijiet.

L-Istati Membri li qegħdin tard sew fit-twettiq tal-obbligi tagħhom intalbu jibagħtu l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom flimkiem ma’ dati tal-iskadenza preċiżi għat-twettiq tal-valutazzjonijiet u tal-pjanijiet. Barra minn hekk, intalbu rapporti regolari tal-istadji sabiex jiġi vverifikat it-twettiq xieraq tal-obbligi.

Is-sitwazzjoni tjiebet malajr għall-Istati Membri li għandhom inqas minn 30 port. Għal dan il-grupp ta’ Stati Membri saru kważi l-valutazzjonijiet kollha u 96% tal-pjanijiet tas-sigurtà fil-portijiet ġew stabbiliti u approvati.

Għall-kuntrarju, għall-Istati Membri li għandhom iktar minn 30 port, l-iżvilupp kien ħafna iktar bil-mod.  Bħalissa wieħed jista’ jikkunsidra li twettqu 92% tal-valutazzjonijiet u ġew stabbiliti u approvati ftit iktar minn terz (70%) tal-pjanijiet tas-sigurtà fil-portijiet. Id-dewmien osservat essenzjalment jikkonċerna lir-Renju Unit, lil Spanja, lill-Greċja u lill-Ġermanja. In-nuqqas ta’ rieda min-naħa ta’ dawn l-Istati Membri milli jimpenjaw ruħhom u jagħtu prijorità lill-implimentazzjoni tad-Direttiva wassal lill-Kummissjoni biex tibda proċeduri ta’ ksur (ara l-punt 5.3).

5.2.        It-twettiq tal-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni għall-infurzar tal-implimentazzjoni tad-Direttiva

Il-proċeduri għall-infurzar tal-implimentazzjoni tad-Direttiva saru waqt spezzjonijiet tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 324/2008.

Wara l-2009, il-programm ta’ ħidma għat-twettiq tal-ispezzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà marittima sistematikament jinkludi taqsima biex jiġi vverifikat li l-proċeduri għall-infurzar tal-implimentazzjoni tad-Direttiva ġew implimentati tajjeb.

Madankollu, sal-2012, l-ispezzjonijiet kellhom dewmien fl-implimentazzjoni prattika għax l-amministrazzjonijiet lokali ma rċivewx l-istruzzjonijiet u l-mezzi meħtieġa biex ikunu jistgħu jagħmlu l-valutazzjonijiet tas-sigurta fil-portijiet.

L-ispezzjonijiet wara l-2012, kemm fil-livell tal-amministrazzjonijiet nazzjonali kif ukoll direttament fuq kampjun ta’ portijiet urew li, għalkemm issa l-qafas ġenerali tal-implimentazzjoni tad-Direttiva hu stabbilit tajjeb, hemm diskrepanza kbira bejn l-għanijiet li titjieb is-sigurtà fil-portijiet u r-riżultati li għadhom mhumiex perfetti li fil-fatt ġew rapportati. Fost l-oħrajn, l-ispetturi spiss jirrapportaw li l-valutazzjonijiet ma jkunux saru skont il-proċeduri xierqa, il-pjanijiet ma jkunux koerenti mar-riżultati tal-valutazzjoni, li l-aġenti tas-sigurtà fil-portijiet mhux dejjem ikunu maħtura, li ma jkunx hemm fis-seħħ sistema ta’ monitoraġġ regolari tal-pjanijiet tas-sigurtà fil-portijiet u li ma jkunux ġew implimentati d-dispożizzjonijiet dwar it-taħriġ u l-eżerċizzji.

5.3.        Proċeduri ta’ ksur

Għalkemm il-Kummissjoni żammet djalogu kostanti mal-Istati Membri kollha biex issir implimentazzjoni konsistenti u koerenti tad-Direttiva, mill-2009 sal-2013 din kellha tiftaħ ħames proċeduri ta’ ksur.

Tlieta minn dawn il-każijiet għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni mhux kompluta tad-Direttiva minħabba dewmien fit-twettiq tal-valutazzjonijiet u l-adozzjoni tal-pjanijiet tas-sigurtà fil-portijiet. Dawn il-proċeduri jikkonċernaw lill-Greċja, lil Spanja u lir-Renju Unit li – minn dak iż-żmien ’il hawn impenjat ruħha għal pjanijiet ta’ azzjoni ġodda bil-għan li isir twettiq sħiħ tal-valutazzjonijiet u tal-pjanijiet minn issa sal-ewwel trimestru tal-2014.

Żewġ proċeduri oħra għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni żbaljata tad-Direttiva kif ħareġ mill-ispezzjonijiet:

– L-ewwel waħda tikkonċerna l-port ta’ Malmö (l-Isvezja). Hemmhekk l-ispetturi sabu li l-ħdax-il faċilità tal-port li jagħmlu l-port, kienu identifikati bħala portijiet individwali ħalli tiġi evitata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet essenzjali tad-Direttiva. Din il-proċedura setgħet titranġa wara reviżjoni tal-valutazzjoni tas-sigurtà fil-portijiet li biha nħoloq il-port uniku ta’ Malmö (Malmö Hamn) li fih ħdax-il faċilità tal-port[10].

– It-tieni tikkonċerna l-portijiet tal-punent ta’ Land de Mecklembourg-Poméranie (il-Ġermanja) fejn mill-ispezzjonijiet ġie nnutat li l-evalwazzjonijiet u l-pjanijiet tas-sigurtà fil-portijiet għadhom iridu jiġu stabbiliti u implimentati. Wara li ntbagħtet opinjoni motivata, l-awtoritajiet Ġermaniżi qablu li jagħmlu valutazzjonijiet ġodda tas-sigurtà fil-portijiet b’ħafna faċilitajiet biex iħejju pjanijiet tas-sigurtà fil-portijiet li jissodisfaw l-obbligi tad-Direttiva.

6.           Punti partikolari li jirriżultaw mill-valutazzjoni

6.1.        Id-daqs kritiku tal-portijiet soġġetti għar-rekwiżiti tal-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva

Fil-laqgħat mal-bosta partijiet rilevanti, ħareġ fid-dieher li skonthom id-Direttiva hi b’mod ġenerali maħsuba tajjeb għal portijiet kbar li għandhom attività kummerċjali qawwija iżda d-Direttiva toħloq diffikultajiet sabiex tiġi adattata għal portijiet żgħar.

Irid jitfakkar li d-Direttiva tapplika għall-portijiet kollha tal-Istati Membri li għandhom faċilità tal-port waħda jew bosta faċilitajiet tal-port li huma koperti minn pjan tas-sigurtà tal-faċilità tal-port approvat skont ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 (l-Artikolu 2(2)) u li l-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri tas-sigurtà fil-portijiet ikunu kkoordinati mill-qrib mal-miżuri li jittieħdu bl-applikazzjoni tar-Regolament (l-Artikoli 4 u 7). Id-Direttiva pprovdiet li l-Istati Membri stess għandhom isibu l-limiti ta’ kull port u tħalli f’idejhom biex jiddeċiedu li japplikawhom għaż-żoni fil-madwar.

Għaldaqstant, sabiex ikun żgurat l-istabbiliment ibbilanċjat ta’ miżuri utli skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-koleġiżlaturi ħadu l-prekawzjoni li jipprevedu fl-Artikolu 2(4) li jekk il-perimetru tal-faċilità tal-port skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 kien definit bħala li effettivament jinkludi l-port, id-dispożizzjonijiet pertinenti tar-Regolament jieħdu preċedenza fuq dawk tad-Direttiva.

Din id-dispożizzjoni kienet fil-biċċa l-kbira utilizzata mill-Istati Membri fil-portijiet li għandhom biss faċilità tal-port waħda skont ir-Regolament. Abbażi tal-valutazzjoni tas-sigurtà fil-portijiet, il-perimetru tal-port ħafna drabi (iżda mhux dejjem) kien definit bħala li jirfes lil dak ta’ faċilità tal-port. Għalhekk, mill-1052 port[11] li għandhom faċilità tal-port waħda jew bosta faċilitajiet tal-port koperti minn pjan tas-sigurtà appovat skont ir-Regolament, 586 port tqiesu rilevanti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva, jiġifieri 55% tal-portijiet tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, saret referenza għal din is-sitwazzjoni mill-Istati Membri li għandhom portijiet żgħar imxerrdin ma’ kosta twila jew fuq il-gżejjer[12].

6.2.        Għarfien tat-theddida u sensibilizzazzjoni tal-atturi

Bil-ħidma li saret fuq l-valutazzjonijiet tas-sigurtà ġew identifikati l-oġġetti u l-infrastrutturi li għandhom jitħarsu fir-rigward tat-theddid u tar-riskji li jinfluwenzaw l-attivitajiet tal-port. It-taqsima li ġejja tikkonsisti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri xierqa li jistgħu jikkonfrontaw it-theddid, f’kull wieħed mit-tliet livelli tar-riskju identifikati (normali, li qed jikber, għoli), bi proċeduri speċifiċi u bl-użu ta’ tagħmir tekniku maħsub skont il-ħtiġijiet tal-portijiet u li bih jista’ jingħata r-rispons it-tajjeb għall-vulnerabbiltà potenzjali tal-infrastruttura.

Bid-Direttiva jistgħu jitwaqqfu kumitati għas-sigurtà fil-portijiet sabiex jagħtu pariri prattiċi (id-disa’ (9) premessa). Fl-Istati Membri li applikaw dan it-tip ta’ struttura, dawn ikunu ġeneralment komposta minn rappreżentanti lokali tal-amministrazzjonijiet inkarigati mis-sigurtà (pulizija, gwardji kostali, affarijiet marittimi, dwana, armata, eċċ). Dan ikun forum adegwat għall-qsim tal-informazzjoni tant meħtieġ u biex jixxerred l-għarfien tat-theddid ħalli l-atturi kollha kkonċernati jkunu konxji.

L-iżvilupp tas-sensibilizzazzjoni għall-ħarsien tal-portijiet hu parti mill-politika ġenerali tas-sigurtà, li minnha għandu jkun konxju kemm il-persunal kollu tal-port (jiġifieri l-persunal tal-intrapriżi tal-port iżda wkoll dak tal-intrapriżi esterni li jieħdu sehem fl-attività tal-port) kif ukoll il-bosta utenti tal-port. L-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni huma importanti sabiex tkun żgurata li titqajjem sensibilizzazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà u li din tixtered b’mod effettiv. Hu importanti li l-miżuri tas-sigurtà jitqiesu bħala mezzi li jiffavorixxu t-twettiq u l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi tal-port.

Jekk jitqiesu aħjar l-eżiġenzi relatati mat-taħriġ tal-persunal u mat-twettiq tal-eżerċizzji tas-sigurtà fil-portijiet[13], kif jissemma sikwit fir-rapporti tal-ispezzjoni, ikun njista’ jsir ukoll titjib ġenerali tal-għarfien neċessarju għall-ħarsien tal-portijiet.

6.3.        Spezzjonijiet u sorveljanza tal-pjanijiet tas-sigurtà fil-portijiet

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jagħmlu spezzjonijiet biex ikunu jistagħu jissorveljaw sew u b’mod regolari l-pjanijiet tas-sigurtà fil-portijiet u l-implimentazzjoni tagħhom. Dan hu punt kruċjali li mhux dejjem laħaq ir-ritmu ta’ tkabbir tiegħu fl-Istati Membri kollha, minħabba dewmien fit-traspożizzjoni iżda wkoll minħabba inkompatibbiltà bejn l-għanijiet stabbiliti u r-riżorsi meħtieġa biex jitwettqu dawn l-ispezzjonijiet.

Kull Stat Membru ħoloq is-sistema ta’ sorveljanza tiegħu stess skont l-organizzazzjoni interna u r-riżorsi disponibbli tiegħu. Dan ir-rwol ta’ spezzjoni kien attribwit kemm lill-amministrazzjonijiet ċentrali, kemm lill-amministrazzjonijiet lokali, kif ukoll lil timijiet universali li jiġbru diversi gruppi amministrattivi (trasport, pulizija, dwana, kaptaneriji, eċċ). L-eżerċizzji tal-awditjar għandhom l-għan li jivverifikaw li l-pjanijiet huma konformi mar-regolamenti, kif ukoll li fil-fatt il-miżuri tas-sigurtà jaqblu mar-rekwiżiti tal-pjan u li huma applikati sew.

Dawn il-kompiti jsiru skont programm ta’ ħidma li jkun approvat b’mod regolari. Meta jinstab nuqqas, issir proposta bil-għan li n-nuqqas jissolva. Abbażi tar-rapport mibgħut lill-amministrazzjoni kompetenti, tista’ tintalab valutazzjoni ġdida tas-sigurtà fil-portijiet jew aġġornament tal-pjan. Wieħed mis-suġġetti importanti ta’ tħassib għas-servizzi tal-ispezzjoni hu l-verifika tal-koordinazzjoni effettiva bejn il-miżuri li jkunu ttieħdu fil-livell tal-faċilitajiet tal-port u dawk maħsuba għall-portijiet. Xi drabi l-infurzar tal-miżuri korrettivi jista’ jkun żgurat b’verifiki mhux mistennija tal-kwalità operazzjonali tal-miżuri applikati.

Ir-rapporti tal-awdituri kif ukoll dawk tal-ispetturi tal-Kummissjoni, iservu ta’ bażi għall-awtoritajiet nazzjonali sabiex jipprovdu pariri u assistenza lill-awtoritajiet kompetenti tal-portijiet bil-għan li jirrettifikaw in-nuqqasijiet innutati. Din il-prattika għandha titħeġġeġ u titwessa’; iżda ċerti Stati Membri mhux dejjem applikaw l-istrutturi meħtieġa biex jiżguraw dan il-kontroll tal-konformità b’mod regolari u xieraq[14]. Hu importanti li l-mezzi umani jew finanzjarji attribwiti għal dawn il-kompiti ta’ sorveljanza jiġu applikati mill-iktar fis possibbli. Dan il-punt se jingħata aktar attenzjoni ’il quddiem, filwaqt li s-sistemi attwali ta’ sorveljanza tal-pjanijiet tas-sigurtà fil-portijiet b’mod ġenerali għad baqgħalhom x’jitjiebu.

7.           Konklużjoni

Il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/65/KE turi li l-miżuri meħtieġa biex issir implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva għad baqgħalhom x’jitjiebu fil-maġġoranza tal-Istati Membri.

Madankollu, l-esperjenza li nkisbet fil-kuntest tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva turi li sar progress importanti. M’hemmx dubju li l-livell tas-sigurtà żdied fil-portijiet Ewropej. Bl-implimentazzjoni tar-Regolament u bl-applikazzjoni tad-Direttiva, ilkoll flimkien seta’ jinħoloq qafas kredibbli biex ikunu evitati ksur tas-sigurtà fil-portijiet u biex jitħarsu sew l-attivitajiet marittimi u tal-port. Għalkemm hu diffiċli li jiġi evalwat l-impatt ta’ dawn il-miżuri fejn jidħlu d-disważjoni ta’ atti terroristiċi, l-awtoritajiet tal-port jaqblu li l-konsegwenzi huma sinifikanti fir-rigward ta’ atti ta’ kontrabandu, serq, u atti malizzjużi għax dawn naqsu sew. Barra minn hekk, ħafna drabi l-miżuri tas-sigurtà wasslu biex issir reviżjoni tal-organizzazzjoni tal-portijiet, bħal pereżempju t-traffiku u l-ħżin tal-merkanzija, il-kontrolli tal-aċċess f’partijiet differenti tal-port jew id-definizzjoni ta’ żoni ta’ aċċess limitat. Dawn il-miżuri dehru importanti ħafna biex titjieb l-effettività tal-attivitajiet tal-port, f’ambjent tassew kompetittiv.

Kif tfakkar il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha[15] tat-23 ta’ Mejju 2013 "Il-Portijiet : Magna għat-Tkabbir", l-Unjoni Ewropea tiddependi ħafna fuq il-portijiet marittimi għal kummerċ mal-bqija tad-dinja kif ukoll fis-suq intern tagħha. Għaldaqstant us-sigurtà fil-portijiet u tal-approċċi tagħhom hi importanti biex tkun żgurata s-sigurtà globali tat-trasport marittimu. Il-kundizzjonijiet tas-sigurtà fil-portijiet jeħtieġu livell għoli ta’ viġilanza tal-Istati Membri u ta’ preparazzjoni tal-atturi kollha kkonċernati biex ikun żgurat livell għoli u globali ta’ sigurtà fil-portijiet kollha Ewropej. Huwa għal hekk li l-atturi kollha kkonċernati għandhom jibqgħu jaħdmu biex itejbu b’mod permanenti l-mekkaniżmi ta’ prevenzjoni, protezzjoni u reazzjoni li jiġġieldu theddidiet ġodda. Għal dan il-għan, is-sistemi tas-sigurtà tal-faċilitajiet tal-port u dawk tal-portijiet għandhom jikkumplimentaw eżatt lil xulxin. Relazzjonijiet effikaċi bejn il-portijiet, l-installazzjonijiet tal-port tagħhom u l-bastimenti li jaqduhom, jibqgħu sfida kbira għall-operaturi u l-amministrazzjonijiet.

Fix-xhur li ġejjin, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw mill-ġdid il-valutazzjonijiet u l-pjanijiet tas-sigurtà fil-portijiet skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tal-Direttiva li jipprevedi din ir-reviżjoni ta’ mill-inqas darba kull ħames snin. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tqis li l-metodoloġija żviluppata fl-istudju TAPS II tista’ tintuza utilment, jekk ikun hemm bżonn, sabiex jerġa’ jiġi definit il-perimetru tal-portijiet, inkluż il-bżonn li jitqies kif xieraq il-pjan tal-ilma.

Barra minn hekk, il-pjan ta’ ħidma pluriennali tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni se jidħol f’fażi ta’ eżami iktar fil-fond. Pereżempju dan ifisser li se jiġi infurzat l-eżami tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-proċeduri previsti fil-pjan tas-sigurtà fil-portijiet li għandu jiġi applikat għall-passiġġieri u għall-vetturi qabel dawn jimbarkaw fuq bastimenti RO-RO (li min-natura tagħhom huma partikolarment vulnerabbli) jew li għandu jiġi verifikat li l-Istati Membri kkonċernati jikkoperaw fil-valutazzjoni tas-sigurtà fil-portijiet għaż-żewġ naħat tar-rotta marittima, fil-każ tas-servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tibqa’ taħdem mal-Istati Membri biex ittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva, bil-għan komuni li tħares aħjar il-portijiet tal-Unjoni Ewropea għall-ġid tal-utenti tal-port, tal-utenti tal-mezzi tat-trasport, tal-ekonomija tat-trasport marittimu u tas-soċjetà inġenerali. Din se tibqa’ tara li ssir l-applikazzjoni t-tajba ta’ din id-Direttiva u se tibqa’ timpenja ruħha li tieħu azzjoni legali meta jkun hemm bżonn.

[1]               Direttiva 2005/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar it-titjib tas-sigurtà fil-portijiet – ĠU L 310 25.11.2005, p. 2

[2]               Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-portijiet - ĠU L 129 29.4.2004, p. 6

[3]               Id-Direttiva tikkonċerna biss il-portijiet marittimi, u l-obbligi ma japplikawx għall-Awstrija, għar-Repubblika Ċeka, għall-Ungerija, għal-Lussemburgu u għas-Slovakkja. Barra minn hekk, l-Awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA tiżgura li l-Islanda u n-Norveġja josservaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

[4]               L-awtorità għas-sigurtà fil-portijiet tinħatar mill-Istat Membru b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva.

[5]               COM(2009)2 finali

[6]               L-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-Kroazja għadha ma ġietx evalwata.

[7]               Kawża C-464/08, Il-Kummissjoni vs L-Estonja tat-3 ta’ Settembru 2009 u l-Kawża C-527/08, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit tat-3 ta’ Settembru 2009.

[8]               Regolament (KE) Nru°324/2008 tal-Kummissjoni tad-9 ta’ April 2008 li jistabbilixxi proċeduri riveduti għal spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima - ĠU L 98 10.4.2008, p. 5.

[9]               Matul l-ispezzjonijiet, il-valur pedagoġiku u l-punti ta’ riflessjoni proposti mill-istudju TAPS II ġew ikkonstatati diversi drabi.

[10]             L-ispezzjoni ta’ infurzar ippermettiet li tiġi vverifikata u kkonfermata l-implimentazzjoni tad-Direttiva għal Malmö.

[11]             Id-differenza bejn iċ-ċifra ċċitata fir-rapport tal-2009 (754 port) hija spjegata mill-fatt li ċerti Stati Membri inizjalment ma inkludewx il-portijiet rilevanti tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(4), fil-lista tagħhom tal-portijiet ikkonċernati mid-Direttiva. Dan ġie kkoreġut wara li saret talba mill-Kummissjoni (ċifri tas-16/09/2013).

[12]             Il-portijiet li għandhom installazzjoni tal-port unika jirrappreżentaw parti importanti mill-portijiet tal-Finlandja (65/78, jiġifieri 83%), tal-Isvezja (131/162, jiġifieri 81%), tal-Greċja (82/119, jiġifieri 69%), tar-renju Unit (119/175, jiġifieri 68%) u tad-Danimarka (51/82, jiġifieri 62%).

[13]             Fl-4 ta’ Mejju 2012, wara li ġie infurzat it-twettiq ta’ manwal dwar l-eżerċizzji u t-taħriġ tas-sigurtà tal-portijiet, sar eżerċizzju fil-port ta’ Antwerp (il-Belġju). Dan l-eżerċizzju seta’ jiġi infurzat mill-osservaturi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

[14]             Fil-kuntest tal-iskambju tal-informazzjoni, l-Istati Membri ntalbu jfornu l-programmi rilevanti tagħhom. Ċerti Stati Membri ttrażmettew ċifri preċiżi dwar l-ammissjonijiet tal-awdituri u dwar il-linji gwida tal-eżerċizzji tal-awditi tal-portijiet tagħhom, waqt li oħrajn ma kinux f’pożizzjoni li jindirizzaw informazzjoni daqshekk preċiża.

[15]             COM(2013)295 finali