52013DC0791

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru /* COM/2013/0791 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru

I. PROGRESS FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM

Il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR)[1] jagħti appoġġ finanzjarju lil għażla ta' proġetti strateġiċi ferm fi tliet oqsma tas-settur tal-enerġija: il-konnessjonijiet tal-gass u tal-elettriku, l-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut u l-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju. Bil-kofinanzjament ta' dawn il-proġetti, il-progamm jgħin lill-Unjoni Ewropea timxi 'l quddiem fl-għanijiet tagħha għall-enerġija u l-klima: is-sigurtà u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija; it-tlestija u t-tħaddim bla problemi tas-suq intern tal-enerġija; u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra.

Il-biċċa l-kbira tal-baġit disponibbli ġie allokat lil 59 promotur u 61 proġett fis-subprogrammi li ġejjin: l-infrastruttura tal-gass (EUR 1 363 miljun); l-infrastruttura tal-elettriku (EUR 904 miljun); l-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut (EUR 565 miljun); u l-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (EUR 1 000 miljun). Globalment, sa tmiem l-2010 kienu ttieħdu deċiżjonijiet tal-għotja u saru ftehimiet tal-għotja għal ammont totali ta’ EUR 3 833 miljun, jiġifieri 96.3 % tal-baġit totali tal-EEPR. L-ammont ta’ EUR 146.3 miljun li ma setax jiġi allokat għall-proġetti f’dawn is-setturi sad-data tal-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 2010 reġa’ ġie allokat għal faċilità finanzjarja ġdida, il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (l-EEEF)[2], li jiffoka fuq l-investiment fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli.

Mir-rapport tas-sena li għaddiet ’l hawn (COM(2012)445 finali), kompla jsir progress fl-implimentazzjoni tal-EEPR. Għadd sostanzjali ta' proġetti issa tlestew u oħrajn mexjin skont l-iskeda u se jibdew jaħdmu dalwaqt. Dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-istat attwali, f’termini kwalitattivi, mill-aħħar rapport ’l hawn (ta’ Awwissu tal-2012) u jipprovdi wkoll dejta marbuta mal-pagamenti u d-diżimpenji mill-bidu tal-programm sa Ġunju tal-2013. Jagħti wkoll ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali u lejn l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-EEEF (ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni).

(1) Stejjer ta’ suċċess

L-infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku

Mill-perspettiva tal-politika tal-enerġija l-programm irnexxielu jtejjeb il-mod kif jaħdmu s-swieq interni tal-gass u tal-elettriku. Huwa jikkontribwixxi għal żieda fil-kapaċitajiet tal-interkonnessjonijiet u sabiex tiġi żgurata integrazzjoni aħjar bejn il-partijiet tal-Unjoni li jinsabu fil-Lvant u fil-Punent. Il-programm qed jgħin lil xi wħud mill-Istati Membri, notevolment lil dawk tal-Baltiku u tal-peniżola Iberika, lejn il-mira ta’ 10 % ta’ interkonnessjoni tal-elettriku. Ħoloq kapaċitajiet addizzjonali ta’ ħżin fi Stati Membri periferali u fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Ikkontribwixxa għat-tlestija ta' netwerk bidirezzjonali ta' pajpijiet tal-gass fl-Ewropa u għall-issodisfar ta’ N-1 tal-istandard tal-infrastruttura kif mitlub mir-Regolament dwar is-sigurtà tal-provvista[3].

Il-proġetti tal-flussi invertiti tal-gass, li jinsabu fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, issa qed jaħdmu u għenu biex ġiet evitata kriżi fil-provvista tal-gass matul il-kesħa straordinarja li kien hemm fi Frar 2012.

It-tisħiħ tal-interkonnessjonijiet għall-gass u għall-elettriku kkontribwixxa għall-integrazzjoni tas-suq intern. L-iktar eżempji prominenti huma dawn li ġejjin: l-interkonnessjonijiet tal-gass fil-kuritur li jorbot 'l-Afrika, lil Spanja u lil Franza; l-interkonnessjonijiet tal-elettriku bejn il-Portugall u Spanja li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq tal-elettriku Iberiku; l-interkonnessjonijiet tal-elettriku bejn ir-Renju Unit (Deeside) u r-Repubblika tal-Irlanda (Meath) għat-twaqqif ta' suq reġjonali bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda; u l-interkonnessjonijiet tal-elettriku fir-reġjun Baltiku u l-integrazzjoni tagħhom fis-suq ta' Nordpool.

L-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut

Permezz tal-appoġġ tal-EEPR għall-provvista u l-installazzjoni ta’ strutturi ta’ pedamenti innovattivi u ġeneraturi tat-turbini tar-riħ, setgħu jinbnew l-ewwel parks eoliċi kbar (ta’ 400 MW) fuq il-baħar, li jinsabu lil hinn sewwa mix-xtut (aktar minn 100 km ’l bogħod minnhom) u f’ilmijiet fondi (ta’ iktar minn 40 m). Tabilħaqq, il-flus mill-EEPR kienu strumentali biex il-proġetti magħżulin fil-Baħar tat-Tramuntana Ġermaniż u Belġjan jiksbu s-self meħtieġ minn konsorzji bankarji sabiex ikopru l-finanzjament kollu. L-azzjoni tal-EEPR fuq it-Thornton Bank fil-Belġju ġiet iffinalizzata f’Settembru 2011 u l-ewwel elettriku ġġenerat mir-riħ lil hinn mix-xtut permezz ta’ infrastruttura kkofinanzjata mill-EEPR diġà kien ittrasferit lin-netwerk Ġermaniz fil-ħarifa tal-2010.

Fil-qasam tal-integrazzjoni tal-elettriku ġġenerat mir-riħ lil hinn mix-xtut man-netwerk, il-kofinanzjament tal-EEPR kien kruċjali għad-deċiżjoni finali dwar l-investiment għall-proġett imsejjaħ “Kriegers Flak-Combined Grid Solution” (“Kriegers Flak - soluzzjoni kkombinata tan-netwerk”) fil-Baltiku. Dan il-proġett ewlieni huwa l-ewwel ħolqa lil hinn mix-xtut li tintuża kemm bħala konnessjoni tal-parks eoliċi lil hinn mix-xtut u kemm bħala interkonnettur transfruntier. Se juża t-tagħmir innovattiv HVDC VSC (il-konvertituri ta’ sors tal-vultaġġ li jkun kurrent dirett b’vultaġġ għoli) u jikkostitwixxi l-ewwel element importanti fl-iżvilupp modulari ta’ grilja lil hinn mix-xtut.

B'mod aktar ġenerali, saret analiżi fil-fond tal-impatti tal-EEPR permezz ta’ evalwazzjoni indipendenti[4] ta' nofs it-terminu tal-programm li twettqet fl-2011. Jidher li l-programm, billi ta bidu għall-bini u x-xiri ta’ tagħmir u oġġetti intermedji mmanifatturati, diġà qed ikollu impatt importanti fuq l-ekonomija reali.

Bosta proġetti issa huma ffinalizzati u ħafna oħrajn mexjin skont l-iskeda, filwaqt li f’xi każijiet l-implimentazzjoni tal-proġetti għadha problematika u qed tavvanza aktar bil-mod milli kien ippjanat oriġinarjament, kif spjegat fil-kapitoli li ġejjin. Il-kuntest ekonomiku safa partikolarment ta’ sfida għas-subprogramm tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju.

(2) Tagħlim miksub

L-EEPR huwa l-ewwel eżempju ta’ appoġġ fuq skala kbira mill-baġit tal-UE għas-settur tal-enerġija ġestit permezz ta’ għotjiet diretti lill-kumpaniji.

Madankollu, minkejja l-progress li sar, is-settur ħabbat wiċċu ma' xi ostakli strutturali fl-implimentazzjoni.

L-integrazzjoni tal-enerġija ġġenerata mir-riħ lil hinn mix-xtut fil-grilja kienet parzjalment ta’ suċċess minkejja xi diffikultajiet tekniċi li għadhom ma ġewx solvuti mill-kumpaniji tal-enerġija. F’termini ġenerali, l-Istati Membri ma kinux proattivi biżżejjed fl-implimentazzjoni b’suċċess tal-EEPR. In-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (l-ARN) f’ċerti każijiet tista’ toħloq inċertezza kbira għall-promoturi mil-lat tal-vantaġġi kummerċjali. Dan l-aspett huwa partikolarment kritiku għal xi proġetti ġodda tal-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut.

Problema komuni għat-tliet subprogrammi tirriżulta mill-proċeduri kumplessi u twal tal-għoti tal-permessi. Dawn id-diffikultajiet u t-tagħlimiet miksuba mill-implimentazzjoni tal-EEPR tqiesu mill-Kummissjoni hija u tfassal ir-Regolament il-ġdid (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea[5]. Ir-Regolament fih dispożizzjonijiet biex jaċċelleraw il-proċeduri tal-għoti tal-permessi, billi jistipula perjodu ta’ tliet snin u nofs biex tinħareġ id-deċiżjoni tal-għotja tal-permess u jżid it-trasparenza u l-parteċipazzjoni pubblika. Jipprevedi wkoll miżuri biex jiġu żviluppati miżuri ta’ inċentivi regolatorji u biex tiġi permessa l-għajnuna finanzjarja jekk ikun meħtieġ.

Barra minn hekk, il-proġetti tal-infrastruttura ffaċċjaw diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament fit-tul fuq termini kompetittivi. Din għadha kwistjoni importanti. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (“Connecting Europe Facility” – CEF)[6], li hija fond tal-infrastruttura transettorjali, hija mfassla biex tgħin lill-proġetti jiġbru flimkien il-mezzi meħtieġa ta' finanzjament u biex twassal għar-riżultati. Il-lakuna fil-vijabilità kummerċjali ta’ proġetti ta’ importanza Ewropea se tiġi kkumplimentata permezz tal-għotjiet mis-CEF. Barra minn hekk, l-istrumenti finanzjarji tas-CEF għandhom jgħinu lill-promoturi tal-proġetti biex ikollhom il-finanzjament fit-tul meħtieġ għall-proġetti tagħhom permezz tal-introduzzjoni ta’ klassijiet ġodda ta’ investituri (il-fondi tal-pensjonijiet u tal-assigurazzjoni) u t-taffija ta’ ċerti riskji. L-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti, li hija waħda mill-istrumenti finanzjarji proposti fil-kuntest tas-CEF, diġà saret disponibbli għall-promoturi tal-proġetti f'“fażi pilota” bl-użu tar-riżorsi baġitarji disponibbli fil-baġit tal-2007 sal-2013. L-ewwel bond tal-proġetti tnediet f’Lulju 2013 bl-appoġġ tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li huwa s-sieħeb tal-Kummissjoni f’din l-inizjattiva, u huma mistennija operazzjonijiet oħra aktar tard fl-2013.

Il-finanzjament tal-EEPR, kif maħsub, ippermetta bidu veloċi tal-proġetti tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (is-CCS). Madankollu, kif kien diġà magħruf fil-bidu tal-programm, il-finanzjament tal-EEPR qatt ma kien maħsub biex ikopri l-ispejjeż operattivi u ta’ investiment kbar ħafna tal-proġetti tas-CCS. Il-prezz baxx tal-karbonju fl-iskema għan-negozjar tal-emissjonijiet (l-ETS) wassal biex il-proġetti tas-CCS ma jkunux attraenti mil-lat tal-vantaġġi kummerċjali fuq medda taż-żmien qasir u medju. Barra minn hekk, il-kuntest ekonomiku attwali jagħmilha aktar diffiċli għall-proġetti biex ikollhom il-finanzjament addizzjonali meħtieġ. Għalhekk, is-subprogramm tas-CCS qiegħed jiffaċċja inċertezzi kbar li jirriskjaw li jdgħajfu l-implimentazzjoni b’suċċess tiegħu.

Il-kondiviżjoni tal-għarfien dwar is-CCS hija kruċjali għas-suċċess tat-teknoloġija. Fl-ambitu tal-programm tas-CCS tal-EEPR, twaqqaf in-Netwerk ta’ Proġetti tas-CCS biex jiġu skambjati l-esperjenzi u l-aħjar prattiki. Dan huwa l-ewwel netwerk għall-iskambju tal-għarfien ta’ dan it-tip mad-dinja kollha u l-membri tiegħu (li huma l-proġetti tas-CCS tal-EEPR u l-proġett Sleipner fin-Norveġja) qed jaħdmu flimkien u jipproduċu gwidi komuni ta' “prassi tajba”. In-Netwerk ippubblika wkoll rapporti dwar it-tagħlimiet miksuba minn proġetti tal-ħżin tas-CO2, l-involviment pubbliku u l-għoti tal-permessi.

Rigward il-futur tat-teknoloġiji għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (is-CCS), il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni fis-27 ta’ Marzu 2013 (COM(2013)180 finali) u affermat mill-ġdid li "Jeħtieġ reazzjoni politika urġenti għall-isfida fundamentali ta’ stimolu ta’ investiment fis-CCS ta’ dimostrazzjoni biex jiġi ttestjat jekk l-utilizzazzjoni sussegwenti u l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura tas-CO2 hijiex fattibbli. L-ewwel pass f’din id-direzzjoni huwa għalhekk li jiġi żgurat li tirnexxi s-CCS ta’ dimostrazzjoni fuq skala kummerċjali fl-Ewropa li tikkonferma l-vijabbiltà teknika u ekonomika tas-CCS bħala miżura kosteffettiva biex jittaffa l-GHG fis-settur tal-enerġija u dak industrijali”.

Flimkien mal-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar is-CCS, infetħet konsultazzjoni pubblika sat-2 ta’ Lulju, li rċeviet iktar minn 150 tweġiba[7]. Iktar tard din il-ħarifa, il-Kummissjoni se tippubblika taqsira tat-tweġibiet flimkien mal-kontributi individwali fuq is-sit tal-internet tal-konsultazzjoni pubblika[8].

(3) Il-passi li jmiss għall-proġetti

Minbarra l-proġetti li tlestew diġà, il-proġetti li fadal jistgħu jiġu kklassifikati f'żewġ kategoriji ewlenin: il-proġetti li qegħdin jimxu skont l-iskeda li għalihom l-appoġġ finanzjarju għandu jkompli jingħata; u l-proġetti li fihom mhux qed isir progress xieraq u li għalihom il-Kummissjoni se tieħu d-deċiżjoni li twaqqaf l-appoġġ.

Għal tmien proġetti ta’ infrastruttura importanti, il-benefiċjarji ma kinux f’pożizzjoni jieħdu deċiżjoni finali dwar l-investiment (FID) jew jimplimentaw il-proġett skont l-iskeda inizjali. Għal wieħed, imsejjaħ “HVDC Hub” (il-pjattaforma ta’ kurrent dirett b’vultaġġ għoli), il-promotur qabel li jittermina l-proġett. Għal żewġ proġetti oħrajn (imsejħin “Aberdeen offshore wind” (l-enerġija ġġenerata mir-riħ lil hinn mix-xtut ta Aberdeen) u “Gravity Foundations”) hija mistennija FID fis-sitt xhur li ġejjin. Għall-proġett imsejjaħ “Cobra cable”, il-Kummissjoni bħalissa qed titlob assigurazzjoni li l-FID tittieħed sa nofs l-2016, u, jekk din ma tingħatax, il-Kummissjoni tista' ttemm il-ftehim tal-għotja.

Għalhekk il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjonijiet bil-ħsieb li ttemm l-għajnuna finanzjarja għal erba’ proġetti tal-gass (dawk imsejħin “ITGI Poseidon”, “Nabucco” u “Galsi” u l-proġett tal-fluss invertit fir-Rumanija). Madankollu, it-terminazzjoni tal-għajnuna finanzjarja ma tippreġudikax il-fatt li dawn il-proġetti tal-gass jistgħu jiġu kkwalifikati bħala proġetti ta’ interess komuni (PCI)[9] għall-Ewropa fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-infrastrutturi tat-TEN-E.

Għas-sitt proġetti ta’ dimostrazzjoni tas-CCS, l-azzjoni tal-EEPR għal wieħed mill-proġetti se titlesta f’Ottubru tal-2013 (għal dak imsejjaħ “Compostilla”), tliet proġetti ġew itterminati, u t-tnejn li jibqa' x’aktarx li mhux se jitlestew mingħajr sforzi finanzjarji addizzjonali u sostanzjali min-naħa tal-Istati Membri u/jew tal-industrija.

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-kumpaniji kkonċernati bil-proċess tat-terminazzjoni permezz ta’ ittra.

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil dan ir-rapport jagħti rendikont tas-sitwazzjoni li jinsab fiha kull proġett.

Il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika ilu jiffunzjona minn Lulju tal-2011. Flimkien ma’ dan ir-rapport qed jiġi ppreżentat dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni speċifiku li jirrapporta dwar l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu.

II. IS-SITWAZZJONI ĠENERALI

Fi tmiem l-2012, 20 proġett minn 61 kienu diġà teknikament lesti, u kien tħallas effettivament ammont totali ta’ EUR 1,416,970,178,64 lill-benefiċjarji (f’Ġunju tal-2013).

Ir-rata ta’ pagamenti għadha baxxa, iżda dan jikkonferma d-diffikultajiet fl-ippjanar ta’ proġetti kbar u kumplessi bħal dawn. Fil-fatt, il-kumplessità tat-teknoloġiji involuti, speċjalment għall-integrazzjoni tal-enerġija ġġenerata mir-riħ lil hinn mix-xtut fil-grilja u s-CCS, id-diffikultajiet għall-awtoritajiet pubbliċi kemm fil-livell tal-gvern u kemm fil-livell regolatorju biex joffru qafas regolatorju xieraq, in-nuqqas ta’ aċċettazzjoni pubblika, kif ukoll id-diffikultajiet marbutin mal-kwistjonijiet ambjentali u mal-akkwist pubbliku lkoll kienu jikkostitwixxu sfidi addizzjonali għall-promoturi tal-proġetti. Barra minn hekk, il-proċedura tal-għoti tal-permessi hija r-raġuni għal ħafna dewmien.

Bħalissa, EUR 42 miljun f'fondi mhux minfuqa ġew irkuprati mill-proġett Ġermaniż tas-CCS. Għall-proġetti tal-infrastrutturi tal-elettriku u tal-gass li ġew itterminati, ġew diżimpenjati EUR 12-il miljun. Dan jista' jiġi spjegat parzjalment mill-fatt li l-ispejjeż finali kienu inqas mill-ewwel stima tal-ispejjeż.

1.         L-infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku

- Is-subprogramm tal-infrastruttura tal-EEPR jappoġġa 44 proġett fi tliet oqsma ewlenin ta’ attivitajiet.

Il-proġetti jiġu implimentati mill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni (it-TSOs) f’kull Stat Membru jew mill-promoturi tal-proġetti. Ġie allokat ammont ta’ EUR 2 268 miljun, li EUR 777 miljun minnhom, jiġifieri 34.25 %, kienu diġà tħallsu lill-benefiċjarji sa Ġunju 2013. Il-pagamenti huma soġġetti għall-impenn sod tal-promoturi li jimplimentaw il-proġett permezz ta’ FID.

Il-proġetti jkopru tliet oqsma:

- il-proġetti tal-infrastruttura u l-ħżin tal-gass: l-infrastruttura għat-trasport u l-kummerċ tal-gass madwar l-UE trid tiġi integrata aktar billi jinbnew il-ħoloq li huma neqsin bejn l-Istati Membri. Is-sorsi u r-rotot tal-enerġija tal-UE, inkluż il-gass naturali likwifikat (LNG), għandhom ikomplu jiġu ddivrenzjati;

- il-proġetti tal-fluss invertit tal-gass: Matul il-kriżi tal-provvista tal-gass fl-2009 bejn ir-Russja u l-Ukraina, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant spiċċaw mingħajr gass, mhux minħabba nuqqas ta’ gass fl-Ewropa, iżda minħabba li l-infrastruttura eżistenti ma kienx fiha t-tagħmir u l-kapaċitajiet tekniċi meħtieġa biex il-flussi tal-gass jiġu invertiti biex minflok mil-Lvant għall-Punent imorru fid-direzzjoni opposta. Il-finanzjament tal-EEPR ipprovda appoġġ sabiex tiġi indirizzata din id-diffikultà u issa fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant hemm infrastruttura biex il-fluss ikun jista’ jiġi invertit;

- il-proġetti tal-infrastruttura tal-elettriku: L-integrazzjoni ta’ ammont dejjem ikbar ta' elettriku minn sorsi differenti tal-enerġija rinnovabbli tirrikjedi investimenti kbar f’infrastruttura ġdida. Barra minn hekk, għadd ta’ Stati Membri għadhom “gżejjer tal-enerġija” għaliex mhumiex konnessi tajjeb mal-ġirien tagħhom u mas-suq intern tal-enerġija.

1.1       Il-progress li sar s'issa

S’issa, minn 44 proġett, 19 minnhom huma kompluti, meta mqabbla ma’ 13 fil-bidu tal-2012. Fis-settur tal-elettriku, erba’ proġetti tlestew. It-tmien proġetti li fadal mexjin sew, u wħud minnhom mistennija jitlestew sal-2014. Fis-settur tal-gass, 15-il proġett tlestew u 13-il proġett mexjin skont l-iskeda. Il-biċċa l-kbira tal-proġetti tal-fluss invertit u tal-interkonnessjonijiet fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tlestew (10 proġetti minn 15-il proġett). Il-fondi tal-EEPR għenu lill-proġetti biex jiżguraw il-finanzjament tagħhom u, għalhekk, biex jibdew jaħdmu mingħajr dewmien. Għalhekk, kemm is-sigurtà u kemm l-affidabbiltà tan-network tal-gass ġew imtejba, is-sigurtà tal-provvista u d-diversifikazzjoni żdiedu u l-konġestjonijiet kritiċi tneħħew.

L-eżempji li ġejjin jistgħu jissemmew: il-fondi tal-EEPR żguraw l-iżvilupp tal-proġett tal-iżvilupp tal-fergħa tal-gass ta' Larrau bl-aġġornament tan-netwerks Spanjoli (l-istazzjon tal-kompressjoni ta’ Vilar de Arnedo u l-linja ta' pajpijiet bejn Yela u Vilar de Arnedo) u dawk Franċiżi (l-arterja ta’ Béarn). B’hekk, is-sigurtà tal-provvista fir-reġjun u l-kompetizzjoni tas-suq se jiżdiedu u s-suq tal-gass Iberiku se jiġi integrat aħjar fil-bqija tas-suq Ewropew.

It-tlestija taż-żewġ interkonnessjonijiet tal-elettriku bejn il-Portugall u Spanja fl-2011, fir-reġjuni ta' Douro u Algarve, għenet biex issir konnessjoni mas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Il-fondi tal-EEPR kkontribwew b'mod sinifikanti għat-titjib u l-estensjoni tan-netwerk Portugiż u, b'riżultat ta' dan, żdiedu l-iskambji tal-kapaċitajiet ma’ Spanja.

Il-fondi tal-EEPR appoġġaw ukoll it-twaqqif tal-ewwel interkonnessjoni tal-elettriku bejn l-Irlanda u r-Renju Unit. Billi kkontribwiet għaż-żieda fil-kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni tal-elettriku u ppermettiet l-integrazzjoni tal-enerġija ġġenerata mir-riħ lil hinn mix-xtut, din l-interkonnessjoni saħħet is-sigurtà tal-provvista u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija għall-Irlanda.

Tliet proġetti tal-EEPR fir-reġjun Baltiku għandhom l-għan li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija u l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet uniformi. Meta jitlestew, dawn il-proġetti ser jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-titjib tas-sigurtà tal-provvista, u jippermettu l-kummerċ fl-elettriku u t-tnaqqis tal-bżonnijiet tal-importazzjoni tar-reġjun.

Madankollu, minkejja l-progress tajjeb li sar, erba’ proġetti fis-settur tal-gass qed jiffaċċjaw dewmien serju li jista’ jwassal għat-terminazzjoni tagħhom:

- il-kompetizzjoni dwar ir-rotta finali b’rabta mar-riżorsi ta’ Shah Denizġiet konkluża bejn il-proġetti msejħin “Nabucco” u “TAP” (li mhumiex koperti mill-EEPR) favur il-proġett TAP. Id-deċiżjoni tal-konsorzju ta’ Shah Deniz se jkollha impatt fuq l-għotja tal-EEPR; - b’deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2013, il-kumpanija tal-gass Alġerina ddeċidiet tipposponi, għat-tielet darba, id-deċiżjoni dwar il-bini tal-linja ta' pajpijiet bejn l-Alġerija u l-Italja (il-proġett imsejjaħ “Galsi”). Għalhekk, dan il-proġett appoġġat mill-EEPR huwa suġġett għal dewmien sinifikanti. L-awtorizzazzjonijiet biex jinbena l-proġett għadhom ma ngħatawx wara ħames snin ta’ proċeduri u l-ftehimiet kummerċjali għall-provvista tal-gass għadhom ma ġewx konklużi;

- il-proġett imsejjaħ “ITGI Poseidon” qed jiffaċċja diffikultajiet fl-akkwist tas-sorsi tal-gass meħtieġa biex isostnu l-kostruzzjoni tiegħu;

- fl-aħħar nett, il-proġett tal-fluss invertit fir-Rumanija, li jinkludi wkoll l-irbit tas-sistema tal-gass ta’ “tranżitu” mas-sistema nazzjonali tal-gass, huwa suġġett għal dewmien serju. Madankollu, il-proġett huwa kruċjali għall-iżvilupp ulterjuri tas-suq tal-gass fir-Rumanija u fir-reġjun usa’ tax-Xlokk tal-Ewropa.

Għal dawn il-proġetti kollha li qed jiffaċċjaw dewmien kbir u li fihom għadu ma sarx biżżejjed progress, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' qabel it-terminazzjoni lill-promoturi tal-proġetti.

1.2       Konklużjonijiet

Intwera progress sostanzjali fil-proġetti tal-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku. Il-biċċa l-kbira tal-proġetti (40 minn 44) huma jew lesti jew qed javvanzaw tajjeb. Għal xi proġetti, id-data finali tal-implimentazzjoni ġiet estiża (ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni).

Globalment, l-EEPR qiegħed itejjeb b’mod konkret il-mod kif jaħdem is-suq intern, billi jipprovdi interkonnessjonijiet bejn il-partijiet tal-UE li jinsabu fil-Lvant u fil-Punent, u billi jżid is-sigurtà tal-provvista fil-pajjiżi u r-reġjuni kkonċerrnati. Saru xi passi 'l quddiem li huma notevoli: il-proġetti tal-fluss invertit tal-gass qed jitħaddmu u evitaw kriżi fil-provvista tal-gass matul il-kesħa straordinarja li għamlet dan l-aħħar fi Frar tal-2012. Il-proġetti tal-elettriku appoġġati qed jagħtu impetu qawwi lit-tlestija tas-suq intern. Il-proġetti tan-netwerk tal-elettriku ser jikkontribwixxu biex jassorbu l-elettriku prodott mis-sorsi rinnovabbli. Qed isir progress fit-tlestija ta’ sistema ta’ infrastruttura tal-enerġija mal-UE kollha bis-saħħa tat-tneħħija tal-ostakli u tal-integrazzjoni progressiva tal-"gzejjer tal-enerġija” bħat-tliet Stati Baltiċi, il-Peniżola Iberika, l-Irlanda, Sqallija u Malta.

Sal-lum, huwa mbassar li l-maġġoranza tal-25 proġett li għaddejjin bħalissa għandhom jitlestew matul l-2013 u l-2014 u li ftit huma l-proġetti li ser jittawlu sal-2017. Il-bqija tal-proġetti, dawk li għaddejjin minn diffikultajiet serji, jistgħu jiġu tterminati sa tmiem l-2013.

Ħafna mid-dewmien u d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom xi proġetti setgħu ġew evitati li kieku ġie previst l-involviment bikri tal-ARN u tal-ACER. Din hija tagħlima li l-Kummissjoni qieset fil-proċess ta’ valutazzjoni u identifikazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni fil-kuntest tas-CEF.

2.         Il-proġetti tal-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut

Is-subprogramm tal-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut tal-EEPR jikkonsisti f'disa’ proġetti f’żewġ oqsma ewlenin ta’ attivitajiet:

- l-appoġġ għall-ittestjar, il-manifattura u l-introduzzjoni ta’ turbini innovattivi u strutturi ta’ pedamenti lil hinn mix-xtut fuq skala kbira;

- l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq moduli għall-integrazzjoni ta’ ammonti kbar ta’ elettriku ġġenerat mir-riħ fil-grilja.

Il-benefiċjarji tal-għotjiet jinkludu kumpaniji li jiżviluppaw il-proġetti, kumpaniji tal-inġinerija, produtturi tal-enerġija rinnovabbli u TSOs. Il-pakkett sħiħ tal-EEPR disponibbli ta’ EUR 565 miljun ġie allokat u l-pagamenti lid-disa’ proġetti f'daqqa fi tmiem Ġunju 2013 kienu jammontaw għal EUR 204 miljun.

2.1       Il-progress li sar s'issa

Mid-disa’ proġetti, wieħed tlesta b’suċċess (Thornton Bank). Tliet proġetti oħra mexjin tajjeb u mistennija jitlestew fl-2013 u l-2014. Xi oħrajn jistgħu jdumu għaddejjin sal-2016/l-2017 (“Gravity Foundations”), sal-2017/l-2018 (“Aberdeen” u “Krieger Flak”) u sal-2019 (“Cobra Cable”), u se jeħtieġu monitoraġġ mill-qrib mill-Kummissjoni.

Il-proġett imsejjaħ “Cobra Cable” (li joħloq konnessjoni bejn id-Danimarka u l-Pajjiżi l-Baxxi) kellu dewmien serju u l-imsieħba tiegħu, l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni tad-Danimarka u tal-Pajjiżi l-Baxxi, għad iridu jingħataw l-approvazzjoni mir-regolaturi tagħhom għall-investimenti meħtieġa jew il-permessi għar-rotta tal-kejbil. Wara li rċevew ittra ta' qabel it-terminazzjoni mill-Kummissjoni, l-imsieħba żiedu l-isforzi tagħhom u kisbu l-ftehim tar-regolaturi tagħhom għal proċess li għandu jwassal għall-approvazzjoni regolatorja f’April 2014. Bħalissa l-Kummissjoni qed titlob assigurazzjoni mill-imsieħba dwar l-istadji ewlenin li għandhom jintlaħqu qabel ma jingħata permess biex l-FID tittieħed wara tmiem l-2013.

Proġett wieħed, imsejjaħ “HVDC Hub” (il-pjattaforma ta’ kurrent dirett b’vultaġġ għoli), se jiġi tterminat bi ftehim mal-benefiċjarju minħabba d-dewmien akkumulat u kontinwu u l-ambitu mibdul ferm u mnaqqas tiegħu.

2.2       Il-progress li sar s'issa skont is-settur

2.2.1    It-turbini u l-istrutturi fil-baħar (sitt proġetti)

Permezz tal-għotjiet tal-EEPR, l-installazzjoni tal-ewwel parks eoliċi kbar (ta’ 400 MW) fuq il-baħar, lil hinn sewwa mix-xtut (iktar minn 100 km ’l bogħod minnhom) u f’ilmijiet fondi (ta’ iktar minn 40 m) issa hija assigurata. Tabilħaqq, il-flus mill-EEPR kienu strumentali biex il-proġetti magħżulin jiksbu s-self meħtieġ minn konsorzji bankarji sabiex ikopru l-finanzjament kollu.

L-azzjoni tal-EEPR fuq it-Thornton Bank fil-Belġju tlestiet f’Settembru 2011. Tlieta mill-proġetti Ġermaniżi tal-parks eoliċi diġà jinsabu fil-fażi tal-installazzjoni lil hinn mix-xtut. Huwa antiċipat li tnejn minnhom se jitlestew sal-aħħar tal-2013 u t-tielet wieħed sa tmiem l-2014. L-ewwel elettriku ġġenerat mir-riħ lil hinn mix-xtut permezz ta’ infrastruttura kkofinanzjata mill-EEPR diġà kien ittrasferit lin-netwerk Ġermaniz fil-ħarifa tal-2010. Filwaqt li dawn il-proġetti qed javvanzaw tajjeb ħafna, għad għandhom xi dewmien meta mqabbel mal-pjan inizjali, prinċipalment minħabba dewmien fil-konnessjoni ggarantita mal-grilja. Ir-raba’ proġett Ġermaniż ta’ park eoliku lil hinn mix-xtut, li għandu l-għan li jimmanifattura u jinstalla pedamenti bbażati fuq il-gravità, ġie skedat mill-ġdid wara dewmien serju fil-proċess tal-għoti tal-permessi. Huwa mistenni jitlesta kompletament sal-2017.

Il-proġett li għandu l-għan li jinstalla ċentru tal-ittestjar tat-teknoloġija tal-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut f’Aberdeen (fir-Renju Unit) ġie approvat bis-sħiħ. Madankollu, bħalissa din l-approvazzjoni qed tiġi kkontestata mil-lat legali. Id-deċiżjoni finali dwar l-investiment għal dan il-proġett mistennija tittieħed kmieni fl-2014.

2.2.2.   Il-grilja tal-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut (tliet proġetti)

Fl-2012, ittieħdet l-FID għall-proġett imsejjaħ “Kriegers Flak - Combined Grid Solution” ("Kriegers Flak - soluzzjoni kkombinata tan-netwerk”) fil-Baltiku. Dan il-proġett ewlieni huwa l-ewwel ħolqa lil hinn mix-xtut li tintuża kemm bħala konnessjoni tal-parks eoliċi lil hinn mix-xtut u kemm bħala interkonnettur transfruntier. Bħala tali, jikkostitwixxi l-ewwel element importanti fl-iżvilupp modulari ta’ grilja lil hinn mix-xtut. Is-soluzzjoni teknika għaż-żona ta’ Kriegers Flak, li tinvolvi komponenti teknoloġiċi importanti tal-HVDC VSC, ġiet iddefinita u ġie żviluppat mudell tas-suq u tan-negozju għall-kombinazzjoni tal-allokazzjoni tal-elettriku rinnovabbli u tal-kummerċ transfruntier fl-elettriku. Huma mistennija impatti importanti fuq id-diżinn futur tal-interkonnessjonijiet ikkombinati u fuq l-integrazzjoni tal-enerġija ġġenerata mir-riħ lil hinn mix-xtut.

Madankollu, is-sitwazzjoni kumplessiva tal-proġetti tal-grilja tal-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut għadha diffiċli ħafna. B’mod partikolari, l-użu lil hinn mix-xtut tat-teknoloġija innovattiva tal-HVDC f'soluzzjonijiet multiterminali qed jiffaċċja taħlita kumplessa ta' ostakli teknoloġiċi, regolatorji u kummerċjali.

Id-dewmien fid-deċiżjonijiet dwar il-kofinanzjament mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (l-ARN) ifixkel l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti tal-grilja lil hinn mix-xtut. Ir-rwol tal-ARN huwa kruċjali f’dawn il-proġetti kif muri fil-każ tal-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku, fejn il-mudelli ekonomiċi u l-esperjenza fil-kooperazzjoni bejn l-ARN huma ħafna aktar avvanzati. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ARN għandhom jaġixxu b’mod aktar ikkoordinat, kif mitlub mit-tielet pakkett intern tal-enerġija[10].

2.3       Konklużjonijiet

L-appoġġ tal-EEPR għall-proġetti tat-“turbini u tal-istrutturi” jirriżulta direttament f’żieda ta’ 1 500 MW fil-kapaċità ta’ produzzjoni tal-elettriku mingħajr karbonju. Il-proġetti tal-EEPR qed jiġġeneraw ukoll effetti importanti ta’ tagħlim, bħal, pereżempju, żmien iqsar għall-produzzjoni tal-pedamenti lil hinn mix-xtut u tnaqqis fiż-żmien tal-installazzjoni tal-pedamenti.

Għall-proġetti tal-integrazzjoni tal-grilja tal-enerġija mir-riħ, il-maturità u l-ispiża tat-teknoloġija tal-HVDC, l-għoti ta' liċenzji lill-parks eoliċi li għandhom jiġu konnessi mal-grilja, kif ukoll il-kofinanzjament li jrid jinkiseb permezz tal-awtoritajiet regolatorji huma l-ostakli kruċjali li jridu jiġu indirizzati qabel ma tkun tista' tittieħed l-FID.

3.         Il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS)

3.1.      Introduzzjoni

Id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija sal-2050 bil-fjuwils fossili bħala parti mit-taħlita tal-enerġija teħtieġ li jiġu introdotti teknoloġiji għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS). L-EEPR huwa mmirat lejn id-dimostrazzjoni ta’ proġetti integrati tas-CCS bil-għan li din it-teknoloġija ssir vijabbli kummerċjalment sa tmiem id-deċennju. Il-programm ta appoġġ finanzjarju ta’ EUR 1 biljun lil proġetti fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, li minnhom EUR 399.5 miljun kienu diġà tħallsu lill-benefiċjarji f'’Ġunju tal-2013. Il-proġetti integrati tas-CCS huma sfida teknoloġika ġdida u d-dimostrazzjoni tagħhom jeħtieġ li tindirizza l-firxa tal-isfidi tekniċi, ekonomiċi u regolatorji li jeżistu. Il-koordinaturi tal-proġetti huma l-kumpaniji tas-servizzi jew tal-enerġija. Benefiċjarji oħrajn jinkludu l-kumpaniji tat-trażmissjoni tal-enerġija, il-fornituri tat-tagħmir u l-istituti tar-riċerka.

3.2.      Il-progress li sar s'issa

Fl-ambitu tal-EEPR, inizjalment kienu appoġġati sitt proġetti tas-CCS (mill-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u Spanja).

Il-proġett imsejjaħ “Jänschwalde” (tal-Ġermanja) ġie tterminat fuq talba tal-promotur b’effett mill-5 ta’ Frar 2012, minħabba n-nuqqas ta’ qafas regolatorju għall-ħżin tas-CO2, kif ukoll minħabba kwistjonijiet marbutin mal-aċċettazzjoni pubblika. Dak iż-żmien il-promotur ikkonkluda li n-nuqqas ta' trasponiment tad-Direttiva dwar is-CCS fil-liġi Ġermaniża ma kienx se jippermetti li jinħarġu l-permessi meħtieġa għall-ħżin tas-CO2 fil-limiti taż-żmien tal-proġett.

Il-proġett Pollakk (imsejjaħ “Belchatow”) ġie tterminat fis-6 ta' Mejju 2013 fuq talba tal-promotur minħabba n-nuqqas ta' pjan realistiku biex tingħalaq il-lakuna fl-istruttura finanzjarja tal-proġett, minħabba r-riskji tekniċi u n-nuqqas tal-Istat Membru li jittrasponi fil-waqt id-Direttiva dwar is-CCS bir-riżultat li ma kienx hemm qafas legali xieraq għall-ħżin tas-CO2 u minħabba kwistjonijiet marbutin mal-aċċettazzjoni pubblika tal-ħżin tas-CO2.

Il-proġett Taljan (imsejjaħ “Porto Tolle”) ġie tterminat fil-11 ta’ Awwissu 2013 fuq talba tal-promotur minħabba dewmien li ma setax jingħeleb fit-twettiq tal-proġett ikkawżat minn deċiżjoni tal-Kunsill tal-Istat Taljan li jannulla l-permess ambjentali għall-impjant tal-enerġija ta’ Porto Tolle. Barra minn hekk, il-promotur ma rax li kien hemm ċans li l-finanzjament li kellu bżonn il-proġett kien se jinkiseb kollu. Madankollu, il-promotur tal-proġett mhux se jwaqqaf l-attivitajiet kollha fir-rigward tas-CCS, iżda se jkompli jaħdem fuq aspetti differenti tas-CCS fl-impjant pilota fi Brindisi.

L-ebda wieħed mit-tliet proġetti li fadal għadu ma adotta d-deċiżjoni finali dwar l-investiment (l-FID). Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ li tappoġġa l-implimentazzjoni b’suċċess tal-proġetti kollha li fadal.

L-istat attwali tagħhom huwa kif ġej:

Fejn jidħol il-proġett tar-Renju Unit (imsejjaħ “Don Valley”), il-promoturi huma impenjati li jmexxu bil-pjan u qed jimmiraw li jiżguraw appoġġ operazzjonali mill-iskema tar-Renju Unit li qiegħda titħejja bħalissa msejħa "Contract for Difference" (CfD). L-implimentazzjoni tal-proġett toħloq opportunitajiet għal sinerġiji ma’ wieħed mill-proġetti magħżula mill-Gvern tar-Renju Unit għal appoġġ fil-kuntest tal-Kompetizzjoni tar-Renju Unit għall-Kummerċjalizzazzjoni tas-CCS.

Il-proġett Olandiż (imsejjaħ “ROAD”) huwa l-iktar wieħed avvanzat u lest jadotta FID jekk iż-żieda fl-ispejjeż tal-proġett, notevolment minħabba l-prezz baxx tal-karbonju, tista' tiġi koperta minn finanzjament addizzjonali. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma’ investituri addizzjonali bil-għan li l-istruttura finanzjarja tal-proġett tkun kompluta fl-2013.

Fejn jidħol il-proġett Spanjol (imsejjaħ “Compostilla”), l-azzjoni tal-EEPR se titlesta kif ippjanat f’Ottubru tal-2013. Sa dak iż-żmien, tliet impjanti pilota għall-ġbir, it-trasport u l-ħżin tas-CO2 se jkunu bdew jaħdmu u se jipprovdu faċilitajiet utli ħafna għall-ittestjar għall-katina kollha ta’ valur tas-CCS. Il-pass potenzjali li jmiss tal-proġett, barra mill-azzjoni tal-EEPR, għandu jkun impjant integrat ta’ dimostrazzjoni tas-CCS fuq skala industrijali li, madankollu, ikun jeħtieġ li jinstab finanzjament addizzjonali.

3.3.      Konklużjonijiet

Minkejja l-progress tajjeb li sar s’issa fix-xogħol ta’ tħejjija għall-implimentazzjoni tas-soluzzjonijet għall-ġbir, it-trasport u l-ħżin tas-CO2, l-implimentazzjoni effettiva tal-parti l-kbira tal-proġetti tas-CCS għadha inċerta. L-aċċettazzjoni pubblika tal-ħżin fuq l-art tas-CO2 għadha ostaklu kbir. L-ispejjeż tal-investimenti u tat-tħaddim huma kbar ħafna u, kif kien magħruf mill-bidu tal-programm, il-finanzjament min-naħa tal-EEPR waħdu jippermetti li jingħata bidu għall-proġetti iżda mhux biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż addizzjonali kollha għall-applikazzjoni tas-CCS fl-impjanti tal-enerġija. L-użu tiegħu flimkien mal-istrument tan-NER 300 u mal-Fond Reġjonali għadu ma ġiex sfruttat għal kollox. Barra minn hekk, il-kumpaniji ma għelbux l-isfidi tekniċi kollha u, f'ħafna każijiet, il-permessi ma ngħatawx fil-ħin. Bil-prezzijiet kurrenti tal-karbonju, li huma baxxi ħafna, u mingħajr ebda obbligu legali jew inċentiv ieħor, l-operaturi ekonomiċi ma għandhomx raġuni biex jinvestu fis-CCS.

Il-Komunikazzjoni dwar il-Futur tal-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa[11] tas-27 ta’ Marzu 2013 għandha l-għan li terġa’ tagħti spinta lill-aġenda tas-CCS u li tagħti bidu għal dibattitu dwar l-aħjar mod biex jitħeġġu d-dimostrazzjoni u l-implimentazzjoni u biex jiġi stimulat l-investiment. Abbażi tal-kontribuzzjonijiet li jaslu fil-kuntest tal-konsultazzjoni li għaddejja bħalissa u tal-analiżi sħiħa tat-trasponiment u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-CCS fl-Istati Membri, u fil-kuntest tal-ħidma tagħha fuq il-qafas għall-Klima u l-Enerġija għall-2030, il-Kummissjoni ser tikkunsidra l-ħtieġa li tħejji proposti, jekk ikun xieraq, għall-perjodu taż-żmien qasir, medju u twil.

Id-Direttiva dwar is-CCS tipprovdi qafas legali għall-ġbir, it-trasport u l-ħżin tas-CO2. Sad-data tal-iskadenza tat-traspożizzjoni f’Ġunju tal-2011 ftit Stati Membri biss irrappurtaw li kienu għamlu traspożizzjoni sħiħa jew parzjali. Is-sitwazzjoni tjiebet sostanzjalment sadattant u attwalment Stat Membru wieħed biss għadu ma bagħat l-ebda notifika ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva lill-Kummissjoni. Filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri li għandhom proġetti proposti ta’ dimostrazzjoni tas-CCS lestew it-traspożizzjoni tad-Direttiva, bosta Stati Membri qed jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-ħżin tas-CO2 fit-territorji tagħhom. Analiżi sħiħa tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-CCS fl-Istati Membri se tħares ukoll lejn dan fid-dettall.

Għall-futur qarib, it-tieni sejħa għall-proposti fil-qafas tal-programm NER 300, li tnediet fit-3 ta’ April, hija opportunità oħra biex jittejbu l-prospetti attwali tad-dimostrazzjoni tat-teknoloġiji tas-CCS fl-Ewropa.

Fil-kuntest tal-EEPR, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni li għaddejja bħalissa u tat-tieni sejħa tal-programm NER 300 (li għaliha proġett wieħed biss tas-CCS applika għall-fondi) u se tislet il-konklużjonijiet ix-xierqa dwar il-futur tal-proġetti ta’ dimostrazzjoni tas-CCS li jkun għad baqa’ fil-kuntest tal-EEPR.

III.       IL-FOND EWROPEW GĦALL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA (L-EEEF)

1.         Introduzzjoni

Kif mitlub mir-Regolament li Jemenda l-EEPR, id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni marbut ma’ dan ir-rapport fih evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu li tagħti informazzjoni dwar l-istatus tal-“faċilità finanzjarja” (l-EEEF, l-Assistenza Teknika u l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni).

Mill-evalwazzjoni jidher li r-riżultati inizjali huma sodisfaċenti u li l-Fond għandu prospetti pjuttost promettenti.

S’issa, ġew approvati u ffirmati sitt proġetti, li jwasslu għal total ta’ madwar EUR 79, 2 miljun allokati.

Barra minn hekk, il-proġetti ppjanati jinkludu, fl-aktar kategorija matura, investimenti potenzjali ta’ EUR 114-il miljun.

Għalhekk, huwa mistenni li, għalkemm diffiċli, il-kontribuzzjoni sħiħa tal-UE se tiġi allokata għall-investimenti.

Fejn tidħol l-Assistenza Teknika, ġew approvati tmien rikjesti, li jirrappreżentaw ammont totali ta’ EUR 6.3 miljun.

2.         Ir-riżultati ewlenin tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu

L-ilħiq tal-għanijiet tar-Regolament

L-ewwel għan tar-Regolament li Jemenda kien li jistabbilixxi fond ta’ investiment speċjalizzat sabiex jirrialloka l-approprjazzjonijiet mhux impenjati tal-EEPR biex b’hekk ikun hemm aktar kontribuzzjonijiet. Dan l-għan inkiseb bl-appoġġ tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li ngħata l-inkarigu li jistabbilixxi l-Fond u li jimmaniġġa l-kontribuzzjoni tal-UE.

It-tieni għan tal-EEEF kien li jiffaċilita l-finanzjament tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika (b’mira tal-portafoll ta’ 70 %), tal-enerġija rinnovabbli (20 %) u tat-trasport urban nadif (10 %). Għalhekk, il-Fond jikkonċentra l-aktar fuq it-tnaqqis tal-ostakli finanzjarji u mhux finanzjarji speċifiċi għall-effiċjenza enerġetika, bħall-ispejjeż għoljin tat-tranżazzjonijiet, l-investimenti żgħar u fframmentati, l-aċċess limitat għall-kreditu, l-istrutturar kumpless tat-trattattivi, il-livell baxx ta’ fiduċja tal-investituri u n-nuqqas ta’ kapaċità tal-promoturi tal-proġetti.

Sabiex jagħmel dan, il-Fond jappoġġa l-iżvilupp ta’ suq kredibbli tal-effiċjenza enerġetika permezz tal-għoti ta’ finanzjament mhux standard għall-proġetti[12] u ta’ prodotti finanzjarji apposta (kemm tad-debitu u kemm tal-ekwità)[13] li jappoġġaw b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ kkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija.

Biex jindirizza n-nuqqas ta’ finanzjament u l-biża’ tal-investituri mir-riskju, l-EEEF ġie stabbilit bħala fond ta’ investiment b’diversi saffi, u fih tliet klassijiet ta’ ishma. L-UE investiet f’ishma ta’ grad inferjuri tat-tip C, li jassorbu l-ewwel telf u jġorru l-biċċa l-kbira tar-riskju, sabiex tiġbed aktar investituri, inklużi dawk privati.

L-EEEF iservi wkoll bħala mudell għall-istrumenti finanzjarji innovattivi billi jinvesti fi proġetti kosteffikaċi u maturi tal-enerġija sostenibbli (b’perjodi ta’ ħlas lura ta' massimu ta' 20 sena) u jiġbed lejhom il-kapital privat filwaqt li juri l-vantaġġi kummerċjali ta’ dawn l-investimenti u joħloq rekord kredibbli għalihom.

Il-kosteffiċjenza

Il-baġit indikattiv tal-2013 jipprevedi nefqa amministrattiva ta’ EUR 1.48 miljun u allokazzjoni għall-investiment ta’ EUR 160 miljun. F’termini konkreti, jekk jinkiseb, dan se jfisser li EUR 1 minfuq għall-ispejjeż amministrattivi se jwassal għal madwar EUR 108 ta’ investiment. Dan il-kalkolu ma jqisx id-dħul iġġenerat fil-forma tar-rata tal-imgħax u tar-rimborż tal-kapital (EUR 21,804 għall-2012), li l-ewwel jiġi allokat biex ikopri l-infiq amministrattiv tal-EEEF.

L-addizzjonalità

L-addizzjonalità tal-EEEF intweriet mill-ħila tiegħu li jipprovdi finanzjament fit-tul u li jippromwovi investimenti ta’ kwalità għolja bbażati fis-suq b’impatti ta’ replikazzjoni, filwaqt li jżomm bilanċ ġeografiku bejn il-proġetti ppjanati.

L-Assistenza Teknika tal-Fond tista' tindirizza effettivament in-nuqqas ta' kapaċità tal-promoturi tal-proġetti u l-ostakli amministrattivi li jxekklu t-tgħaqqid flimkien ta’ proġetti akbar biex tintlaħaq massa kritika.

It-twaqqif tal-Fond u l-ewwel operazzjonijiet tiegħu qajmu kuxjenza dwar l-opportunitajiet kummerċjali tal-effiċjenza enerġetika u l-finanzjament innovattiv tal-proġetti, hekk li attiraw l-interess tas-settur privat u tal-istituzzjonijiet finanzjarji.

L-effett ta’ ingranaġġ

Fil-livell tal-programm, il-kontribuzzjoni tal-UE (EUR 125 miljun) aktar milli rdoppjat bl-impenji addizzjonali tal-investituri (EUR 140 miljun). Għal kull EUR 100 allokati mill-UE għall-finanzjament tal-proġetti, investituri oħra qed jagħtu iktar minn EUR 110, hekk li qed ikun hemm ingranaġġ ta’ aktar minn 2. Fil-futur, huwa mixtieq, naturalment, li iktar investituri jiddeċiedu li jinvestu. Madankollu, dan mhux ser iseħħ qabel ma l-EEEF ikun kiseb rekord konvinċenti.

Ġestjoni finanzjarja tajba

Il-ġestjoni finanzjarja tal-EEEF hija bbażata fuq linji gwida u prinċipji tal-investiment stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-BEI u ssegwi standards bankarji għoljin immonitorjati u vvalutati fid-diversi stadji tal-investiment.

Il-Maniġer tal-Investiment (li huwa d-“ Deutsche Bank”) jipproduċi rapporti ta’ kull xahar dwar il-portafoll tal-investiment, rapporti ta’ kull tliet xhur u pjanijiet annwali tan-negozju li fihom jiġu stabbiliti l-miri annwali u jiġu previsti l-impatti fuq il-karta tal-bilanċ tal-EEEF.

Il-Kummissjoni tiżgura l-monitoraġġ kontinwu tal-EEEF fil-livell operattiv u permezz tar-rappreżentanza tagħha fil-Bord Superviżorju tal-EEEF u f’dak Amministrattiv tiegħu. Hija responsabbli wkoll għall-approvazzjoni tar-rikjesti għall-Assistenza Teknika mħejjija mill-Maniġer tal-Investiment.

3.         Il-konklużjonijiet prinċipali

L-esperjenza miksuba fil-kuntest tal-EEEF għenet biex wieħed jifhem id-dinamika tas-suq tal-effiċjenza enerġetika, u din tissuġġerixxi li:

· l-istrumenti tal-finanzjament għall-enerġija sostenibbli jeħtieġ li jkunu flessibbli u li jkunu jirriflettu l-ħtiġijiet tas-suq lokali;

· id-differenza fil-kapaċità għall-iżvilupp u l-finanzjament tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika tista' tiġi indirizzata b’mod effikaċi bl-għoti ta’ għajnuna għall-iżvilupp tal-proġetti, li tippermetti l-ħolqien ta’ rekord ivverifikat tal-impatti tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika, hekk li jikbru l-kredibilità tas-settur u l-fiduċja tal-investituri;

· l-istrumenti fil-livell tal-UE għandhom jindirizzaw l-ostakli komuni, il-fallimenti tas-suq u l-impatti tal-kriżi finanzjarja, filwaqt li jikkumplimentaw l-iskemi nazzjonali jew reġjonali li jkunu fis-seħħ, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jitħalla spazju għall-investimenti privati;

· biex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq, jeħtieġ li jkun hemm aggregazzjoni tad-domanda billi l-proġetti individwali jingħaqdu flimkien f'oħrajn ikbar, u li x-xogħol isir permezz tal-intermedjarji finanzjarji u li jingħataw il-garanziji.

B’mod ġenerali, mill-evalwazzjoni jidher li r-riżultati inizjali huma sodisfaċenti u li l-Fond għandu prospetti pjuttost promettenti.

Bħalissa, ma jidhirx li tkun iġġustifikata żieda fil-kontribut finanzjarju tal-UE, fost l-oħrajn minħabba l-ammont li għad irid jiġi allokat. Madankollu, ladarba dan l-ammont jintefaq u l-Fond ikun laħaq il-livell ta’ maturità tiegħu u jkun wera lis-suq kemm huwa attraenti, jista' jitqies li jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet sakemm ikun hemm żieda kbira fl-ingranaġġ.

IV.       L-AKKWIST PUBBLIKU

Wara r-rimarki tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-iżbalji fil-proċeduri tal-akkwist ta’ proġett tal-EEPR, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi azzjonijiet sistematiċi u bagħtet kwestjonarju ddettaljat lil 59 promotur (għal 61 proġett) fi tmiem l-2012, bil-għan li tiġbor informazzjoni dwar il-proċeduri li huma applikaw fl-għoti tal-kuntratti fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-azzjoni.

L-analiżi mwettqa wriet biċ-ċar li l-benefiċjarji tal-proġetti tal-EEPR b’mod ġenerali wrew għarfien matur tas-sitwazzjoni tagħhom skont ir-regoli tal-akkwist pubbliku u tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. L-azzjonijiet sistematiċi ta' sensibilizzazzjoni li ħadet il-Kummissjoni b’rabta mal-benefiċjarji tal-EEPR mistennija jgħinu biex fil-ġejjieni jiġu evitati n-nuqqasijiet fil-proċeduri tal-akkwist (in-nuqqas identifikat s'issa ma kienx jaffettwa l-implimentazzjoni tal-programm tal-EEPR).

[1]               Ir-Regolament (KE) Nru 663/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija. ĠU L 200, 31.7.2009, p. 39.

[2]               Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 (ĠU L 346, 30.12.2010, p. 5).

[3]               Ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-20 ta’ Ottubru 2010 (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 1).

[4]               http://ec.europa.eu/energy/evaluations/doc/2011_eepr_mid_term_evaluation.pdf.

[5]               ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.

[6]               Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Faċilità  Nikkollegaw l-Ewropa (COM(2011)665).

[7]               http://ec.europa.eu/energy/coal/ccs_en.htm.

[8]               http://ec.europa.eu/energy/coal/ccs_en.htm.

[9]               Il-Kummissjoni adottat l-ewwel lista ta’ proġetti ta’ interess komuni fl-14 ta’ Ottubru 2013 permezz ta' Regolament delegat.

[10]             Id-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE li jistabbilixxu regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku u tal-gass.

[11]             COM(2013)180 finali.

[12]             Il-finanzjament tal-proġett huwa bbażat fuq il-fluss tal-flus tal-proġett iktar milli fuq il-karta tal-bilanċ tal-isponsors tiegħu, u dan joħloq punti ta' riferiment għall-valutazzjoni tal-valur u tar-riskji tal-proġetti tal-effiċjenza enerġetika nfushom.

[13]             Bħad-dejn superjuri u dak subordinat, l-istrumenti ta’ finanzjament intermedju, il-garanziji, l-ekwità, l-istrutturi tal-kiri u s-self bil-forfaiting. L-EEEF ma jagħtix għotjiet jew rati ssussidjati tal-imgħax (self privileġġat), peress li dawn l-inċentivi finanzjarji ma jitqisux li huma xierqa għal proġetti li jiġġeneraw biżżejjed dħul.

Ammont totali tal-pagamenti li saru għall-proġetti tal-EEPR (EUR) It-30 ta’ Ġunju 2013

BL || sena || Totali

Interkonnetturi || 2010 || 360,855,255.05

|| 2011 || 224,169,430.99

|| 2012 || 129,624,008.68

|| 2013 || 67,763,843.57

Total ġenerali || || 782,412,537.72

CCS || 2010 || 193,746,614.74

|| 2011 || 192,027,188.76

|| 2012 || 37,119,607.39

|| 2013 || 19,405,061.13 -42,735,826

Total ġenerali || || 399,562,646.02

ENERĠIJA MIR-RIĦ LIL HINN MIX-XTUT || 2010 || 146,307,027.84

|| 2011 || 41,300,324.67

|| 2012 || 15,648,927.94

|| 2013 || 804.463,30

Total ġenerali || || 204.060.743,75

|| 2011 || 30,000,000.00

|| 2012 || 934,251.15

Fond tal-Effiċjenza Enerġetika  || || 30,934,251.15

Total Kumplessiv || || 1,416,970,178.64