52013DC0711

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan tal-infrastruttura għall-Ewropa u lil hinn minnha fuq terminu ta' żmien twil /* COM/2013/0711 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan tal-infrastruttura għall-Ewropa u lil hinn minnha fuq terminu ta' żmien twil

1.         Introduzzjoni: konsiderazzjonijiet u sfidi

Netwerks tal-enerġija adegwati, integrati u affidabbli huma prerekwiżit essenzjali mhux biss għall-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni, iżda anke għall-istrateġija ekonomika tal-Unjoni. L-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija tagħna se jippermetti lill-Unjoni tipprovdi suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb, se jtejjeb is-sigurtà tal-provvista, se jippermetti l-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, iżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jippermetti lill-konsumaturi jibbenefikaw minn teknoloġiji ġodda u użu intelliġenti tal-enerġija. L-infrastrutturi tal-enerġija huma indispensabbli wkoll biex issir it-transizzjoni għal ekonomija kompetittiva li tuża ftit karbonju.

Is-sistema tal-enerġija Ewropea għaddeja minn tranżizzjoni. Filwaqt li l-prijorità fuq terminu ta' żmien qasir hija t-tlestija tas-suq intern tal-enerġija permezz tal-iżvilupp tal-interkonnetturi neqsin, biex tiġi fi tmiemha l-iżolazzjoni ta' għadd ta' Stati Membri, u billi jitneħħew l-ostakoli interni, l-infrastruttura tal-enerġija li qed tiġi ppjanata llum, fl-istess ħin jeħtieġ li tkun kompatibbli ma' għażliet politiċi fuq terminu ta' żmien itwal.

Xenarji varji ta' dekarbonizzazzjoni jimplikaw taħlitiet ta' enerġija diversi u b'hekk rekwiżiti infrastrutturali diversi. Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija tal-2050 jagħti ħarsa ġenerali lejn diversi xenarji ta' kif wieħed jista' jiżgura sistema ta' enerġija aktar kompetittiva u sigura filwaqt li tintlaħaq l-isfida tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju bi 80% sal-2050, u jipprovdi sinjal politiku qawwi. Huwa jidentifika wkoll l-investiment f'infrastrutturi dejjem aktar intelliġenti u flessibbli bħala waħda mill-għażliet li ma jistgħux imorru ħażin. Bħallissa l-Kummissjoni qiegħda tħejji proposti konkreti għal qafas għal wara l-2020 ta' politiki dwar il-klima u l-enerġija.

L-ilħuq tal-isfidi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija bi ftit użu ta' karbonju li dejjem qed issir iżjed varjabbli, filwaqt li jinżammu standards ta' sigurtà tal-provvista, ikun ħafna irħas meta mqabbel mal-kost ġenerali ta' politiki nazzjonali frammentati, jekk isir f'livell Ewropew permezz ta' swieq integrati, li għalihom huma prerekwiżit l-infrastrutturi adegwati. Fuq medda itwal ta' żmien, jeħtieġ li jiġu żviluppati teknoloġiji ta' voltaġġ għoli, li jkopru distanzi twal u għall-ħżin tal-elettriku ġodda, biex jakkomodaw proporzjonijiet dejjem akbar ta' enerġija rinnovabbli mill-Unjoni u mingħand il-pajjiżi ġirien tagħha.

Huwa kruċjali li tiżdied id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-gass biex l-ebda Stat Membru ma jkun jiddependi minn sors ta' forniment wieħed. Huwa importanti wkoll li tiżdied il-flessibbiltà u r-reżiljenza tas-sistema tal-gass b'mod sinifikanti kemm fuq terminu qasir, kif ukoll fuq tul ta' żmien medju, biex insostnu r-rwol tal-gass bħala fjuwil sostitut għall-ġenerazzjoni tal-elettriku varjabbli, filwaqt li nżommu f'moħħna l-mira tad-dekarbonizzazzjoni fuq terminu ta' żmien twil, iżda wkoll biex inkunu nistgħu nibbenefikaw minn żviluppi riċenti fis-swieq tal-LNG, tal-bijogass u tar-riżorsi mhux konvenzjonali, b'mod partikolari fl-Istati Uniti. Netwerk tal-gass integrat tajjeb huwa wkoll l-aħjar garanzija biex jagħmel tajjeb għall-falliment possibbli tal-ikbar infrastruttura tal-gass fi kwalunkwe Stat Membru, dan huwa standard obbligatorju imdaħħal bir-regolament dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass[1].

Huwa stmat li sal-2020, jinħtieġu madwar EUR200 biljun ta' investimenti biex jittejbu u jitkabbru n-netwerks tal-enerġija Ewropej biex dawn isiru l-faċilitatur ċentrali tal-għanijiet politiċi fuq it-termini ta' żmien twal u medji kollha. Iżda din iċ-ċifra impressjonanti tista' tinvolvi frankizzi importanti li jwasslu sa bejn EUR40 u EUR70 biljun[2] kull sena sal-2030 f'termini ta' kostijiet ta' ġenerazzjoni evitati u prezzijiet bl-imnut tal-gass aktar kompetittivi, li jiġu tradotti fi frankizzi ta' bejn 7 u 12-il euro fil-kontijiet ta' kull xahar. Dan jista' jagħmel kontribut kbir biex jagħmel tajjeb għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u jtejjeb il-kompetittività tal-industriji tal-Unjoni.

L-ewwel darba li ġiet deskritta fil-qosor il-politika fuq tul ta' żmien dwar l-infrastruttura tal-enerġija kienet fil-Komunikazzjoni dwar il-Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara – pjan ta' azzjoni għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat[3] u stabbilit sew fir-Regolament adottat dan l-aħħar dwar Linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea[4] (Linji Gwida TEN-E) li jidentifikaw disa' kurituri ta' prijorità tal-infrastruttura ġeografika strateġika fl-oqsma tal-elettriku, tal-gass u taż-żejt, u tliet oqsma infrastrutturali ta' prijorità[5] madwar l-Unjoni għall-awtostradi tal-elettriku, grids intelliġenti u netwerks tat-trasport għad-diossidu tal-karbonju, li l-implimentazzjoni tagħhom hija l-prijorità komuni tal-Unjoni fuq termini ta' żmien qasir u twil.

Din il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa ġenerali lejn pjan fuq terminu ta' żmien twil għal infrastruttura tal-enerġija pan-Ewropea. L-ewwel grupp ta' Proġetti ta' Interess Komuni (PCIs - Projects of Common Interest) huwa pass importanti lejn integrazzjoni aħjar tan-netwerks tal-Istati Membri, u biex ikun żgurat li ebda Stat Membru ma jibqa' iżolat, jiffaċilita l-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli madwar l-Unjoni, biex ikun hemm sorsi diversi ta' provvista tal-gass billi jiftaħ kurituri tal-gass ġodda, u biex joffri l-għażla lil dawk l-Istati Membri li jiddependu minn sors wieħed ta' żejt jew ta' gass.

Iżda għad fadal ħafna xi jsir. L-ewwel lista ta' PCIs tal-Unjoni hija biss l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni tal-pjan għall-infrastruttura fuq terminu ta' żmien twil. Il-lista tal-PCIs se tiġi riveduta kull sentejn biex jiddaħħlu proġetti ġodda, biex jiġu implimentati bis-sħiħ it-tnax-il kuritur u qasam ta' prijorità fid-direzzjoni tal-pjan fit-tul ta' integrazzjoni tas-suq pan-Ewropea u tat-tranżizzjoni għall-użu baxx tal-karbonju. B'mod partikolari, jeħtieġ li l-Unjoni tiżgura li l-iżoli tal-enerġija li għad fadal jiġu integrati kemm jista' jkun malajr, iżda trid tiżgura wkoll li l-grid li qed tiżviluppa lil hinn mill-kosta fl-Ibħra tat-Tramuntana, titkabbar u tiġi żviluppata iżjed permezz tal-awtostradi tal-elettriku, f'sistema tal-elettriku verament pan-Ewropea. Fl-istess ħin, l-Unjoni trid tiżgura li l-pajjiżi ġirien jkunu effettivament integrati mal-Unjoni permezz ta' netwerks infrastrutturali xierqa u oqfsa regolatorji skont l-istrateġija deskritta fil-Komunikazzjoni dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali[6].

2.         Lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni

Bħala l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida TEN-E, il-Kummissjoni adottat, skont il-proċedura tal-atti delegati, il-lista tal-Unjoni ta' madwar 250 proġett ta' interess komuni[7] għat-trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass, għall-ħżin u l-LNG kif ukoll għall-grids intelliġenti u għaż-żejt. Din l-ewwel lista hija msejsa fuq ix-xogħol intensiv ta' 12-il grupp reġjonali, li ġabru flimkien ir-rappreżentanti tal-Istati Membri, awtoritajiet regolatorji nazzjonali, promoturi tal-proġetti kif ukoll in-netwerks Ewropej tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass (ENTSO-E u ENTSOG), l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija u l-Kummissjoni.

Il-maġġoranza tal-proġetti ta' interess komuni qegħdin fil-qasam tal-elettriku, prevalentement il-linji ta' trażmissjoni, 14-il proġett għall-ħżin u żewġ proġetti għall-grids intelliġenti. Dawn se jikkontribwixxu biex l-integrazzjoni tas-suq intern tal-elettriku tkun aħjar, biex il-grid tkun aktar ippreparata li tieħu ammonti ta' enerġija dejjem jiżdiedu minn sorsi rinnovabbli varjabbli filwaqt li żżomm l-istabbiltà tas-sistema. Filwaqt li l-Unjoni se tavviċina iżjed il-kisba tal-mira ta' 10% interkonnessibbiltà tal-elettriku li rrakkomanda l-Kunsill Ewropew ta' Barċellona fl-2002, għad iridu jiġu identifikati aktar proġetti biex ikun hemm integrazzjoni vera tal-Peninsula Iberjana fis-suq Ewropew.

L-implimentazzjoni tal-proġetti ta' interess komuni fil-qasam tal-gass se tippermetti lill-Unjoni biex tiddiversifika s-sorsi tal-gass tagħha, se ttemm id-dipendenza fuq sors wieħed ta' bosta mill-Istati Membri u se żżid l-għażla u tnaqqas l-inċertezza fis-suq. Il-ftuħ tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar permezz tal-Pipeline Trans-Adrijatiku, mill-2018 'il quddiem se jkun pass importanti. Dan irid jiġi kkumplementat bl-implimentazzjoni f'waqtha tal-proġetti identifikati l-oħra, b'mod notevoli, il-Pipeline Trans-Anatoljan, biex iżid is-sigurtà tal-provvista fir-reġjun kollu u b'aktar diversifikazzjoni billi jintużaw ir-riżorsi tal-gass fir-reġjun tal-Mediterran tal-Lvant.

L-implimentazzjoni f'waqtha tal-proġetti ta' interess komuni hija prijorità għal kulħadd. Għalhekk il-Linji Gwida TEN-E jintroduċu rekwiżiti stretti fil-proċess tal-għotja tal-permessi għall-PCIs, li jinkludu limiti taż-żmien vinkolanti għall-proċess tal-permessi (b'mod ġenerali tliet snin u nofs (3,5)), l-istabbiliment ta' "punt uniku ta' servizz" għall-għotja tal-permessi, konsultazzjonijiet pubbliċi bikrin u effettivi u rekwiżit li l-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri ta' valutazzjoni tal-ambjent. Dawn ir-rekwiżiti huma mmirati biex iħaffu l-proċess tal-permessi filwaqt li jirrispettaw l-istandards stretti tal-acquis ambjentali tal-Unjoni. Is-servizzi tal-Kummissjoni li huma inkarigati mill-enerġija u mill-ambjent flimkien ħejjew dokument ta' gwida[8]biex jgħinu lill-Istati Membri jiddefinixxu miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi biex jissimplifikaw il-proċeduri tal-valutazzjoni ambjentali u biex jiżguraw applikazzjoni koerenti ta' dawn il-proċeduri meħtieġa skont il-liġi tal-Unjoni rigward il-PCIs.

Il-lista tal-Unjoni fiha PCIs fi stadji differenti ta' żvilupp. Xi wħud għadhom fi stadji bikrin, għaldaqstant għadhom meħtieġa l-istudji biex juru li l-proġett huwa fattibbli. L-inklużjoni ta' dawn il-proġetti fil-lista tal-PCIs tal-Unjoni hija mingħajr ħsara għar-riżultat rilevanti tal-valutazzjoni ambjentali u tal-proċeduri tal-permessi. Jekk jirriżulta li xi proġetti li huma fil-lista tal-Unjoni tal-PCIs ma jikkonformawx mal-acquis tal-UE, għandhom jitħassru minn fuq il-lista tal-Unjoni.

Qafas attraenti biżżejjed għall-finanzjament fuq żmien twil, li jinkludi inċentivi regolatorji xierqa u ċertezza regolatorja għal żmien twil (inkluża l-allokazzjoni tal-kostijiet transkonfinali) huwa prekondizzjoni għall-iżvilupp tal-infrastrutturi. Is-settur qed jinbidel b'mod fundamentali u jeħtieġ rata ta' investiment mgħaġġla, li titlob flussi kbar tal-flus. Il-metodi ta' evalwazzjoni tal-investituri jkollhom jiġu addattati biex jirnexxilhom jirbħu dawn l-opportunitajiet ta' investiment u jikkontribwixxu għall-futur. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se jkollha rwol ewlieni fl-ingranaġġ tal-finanzjament privat u pubbliku meħtieġ.

Il-passi li jmiss għall-PCIs;

• Jinbeda djalogu tal-investituri biex jiġi promoss l-investiment fl-infrastrutturi Ewropej biex iġib il-finanzjament meħtieġ mis-swieq kapitali dinjin

• Isir monitoraġġ fuq il-ħatra ta' punti uniċi ta' servizz nazzjonali (li għandha tibda f'Diċembru 2013)

• L-ewwel sejħa fi ħdan il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fl-2014

• Isir monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-għotja tal-permessi

• Isir monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-PCIs (l-ewwel rapporti fl-2015)

3.         L-isfidi li fadal u pjan għall-infrastrutturi fuq terminu itwal ta' żmien

Il-proġetti ta' interess komuni identifikati f'din l-ewwel serje jiffukaw primarjament fuq it-tlestija ta' suq tal-enerġija intern mingħajr fruntieri, u ftit huma l-proġetti ta' interess komuni li jaffettwaw lill-pajjiżi ġirien, jew lil hinn minnhom. Ġaladarba qegħdin jitneħħew l-ostakoli interni, l-Unjoni tista' effettivament tikkommetti ruħha u tipprovdi suq ikbar għall-enerġija prodotta u kkunsmata fl-Unjoni u fil-pajjiżi ġirien. Kull sentejn, se jitnieda l-proċess tal-identifikazzjoni ta' proġetti biex jiddaħħlu fil-lista proġetti ġodda li tkun qed tinħass il-ħtieġa tagħhom għall-futur.

Aktar ħidma li ssir trid tiffoka fuq l-integrazzjoni ta' proporzjon dejjem jikber ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli varjabbli, filwaqt li tinżamm is-sigurtà tal-provvista u jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' assi moħlija. Fl-elettriku, tinħtieġ madwar 40% aktar kapaċità ta' trażmissjoni sal-2020 biex jinħassu sew il-benefiċċji tal-integrazzjoni meta mqabbel mal-2010, u din ir-rata mhijiex mistennija li titnaqqas fl-għaxar snin ta' wara (105% sa 146% ta' kapaċità addizzjonali meħtieġa, imqabbla mal-livelli tal-2010, skont ix-xenarji politiċi)[9]. Waħda mill-isfidi ewlenin għal żmien medju u twil hija l-fehim aħjar u l-ippjanar tal-interazzjoni bejn il-grids differenti, is-sistemi tal-elettriku u tal-gass, kif ukoll it-trasportazzjoni tad-dijossidu tal-karbonju, u t-titjib tal-koordinazzjoni u l-użu transettorjali. Nafu li l-varjabbiltà li qed tiżdied tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli toħloq sfida ta' flessibbiltà anki għas-sistema tal-gass, li tista' mhux biss isservi bħala sostitut għall-ġenerazzjoni fejn jinqala' l-bżonn, iżda wkoll għall-ħżin tal-elettriku fuq skala kbira. Jeħtieġ li dawn l-interazzjoniiet jitqiesu fl-ippjanar futur tal-infrastrutturi pan-Ewropej.

Waħda mill-miri tal-Unjoni hija li tkompli ttejjeb iżjed l-interkonnessjonijiet ma' pajjiżi ġirien. Din l-ewwel lista ta' proġetti ta' interess komuni diġà tinkludi għadd ta' rabtiet ma' pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni, waqt li fil-futur dejjem qed tiżdied il-possibbiltà li dawn il-proġetti jiġu identifikati jew bħala proġetti ta' interess komuni inkella bħala proġetti ta' interess reċiproku, għal dawn tal-aħħar għadha trid tiġi studjata u żviluppata l-politika u, – jekk ikun hemm bżonn, – il-qafas legali.

B'mod simili għall-proċess tal-PCIs fl-Unjoni, il-Komunità tal-Enerġija wkoll identifikat l-hekk imsejħin Proġetti tal-Interess Komunitarju tal-Enerġija (PECIs - Projects of Energy Community Interest) li se jiġu adottati mill-Kunsill Ministerjali f'Ottubru tal-2013. Il-proġetti kandidati għal din il-lista nġabru permezz ta' sejħa miftuħa għall-proposti u tqabblu ma' sett ta' kriterji simili għal dawk tal-PCIs (is-sigurtà tal-provvista; l-integrazzjoni fis-suq; it-titjib tal-kompetizzjoni u l-faċilità tal-użu tal-enerġija rinnovabbli) minn Task Force dedikat tal-Komunità tal-Enerġija. Minħabba l-importanza ġeostrateġika tal-Partijiet Kontraenti u l-progress kontinwu tagħha lejn l-integrazzjoni mas-suq intern tal-enerġija, il-Komunità tal-Enerġija għandha rwol importanti fl-ippjanar tal-infrastrutturi tal-Unjoni. Id-deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar il-lista tal-PECIs se tagħti l-appoġġ polititiku meħtieġ, biex jiġi ffaċilitat it-trattament regolatorju tagħhom u biex jipprovdi sinjal pożittiv għall-investituri potenzjali. It-tlestija tal-PECIs hija ta' importanza ewlenija għall-ftuħ tas-suq, għas-sigurtà tal-provvista u għas-sostenibbiltà fir-reġjun aktar wiesa'.

F'Mejju 2012, ġiet stabbilita il-"MED-TSO" bħala pjattaforma għall-kooperazzjoni tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni madwar il-Mediterran biex jaħdmu aħjar biex jintlaħaq l-għan li jiġi żviluppat pjan direttur għal netwerk integrat fin-Nofsinhar u għall-konnessjonikonnessjoni tas-sistemi tal-elettriku fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran tul tliet rotot fiż-żoni tal-Punent, Ċentrali, u tal-Lvant tal-Mediterran. Dan il-Pjan Direttur għall-Infrastrutturi, li se jinkludi l-identifikazzjoni ta' sett ta' proġetti infrastrutturali prijoritarji li se jwasslu biex jintlaħaq l-għan ta' sistemi Mediterranji tal-elettriku aktar integrati, se jiġi ppreżentat waqt il-laqgħa Ministerjali Ewro-Mediterranja dwar l-enerġija f'Diċembru 2013.

(a) Il-prijoritajiet li fadal fil-kamp tal-elettriku

Fil-kamp tal-elettriku, l-oqsma li se jkollhom bżonn ta' aktar proġetti u żvilupp teknoloġiku huma dawn:

– Li jiżdied iżjed il-livell ta' interkonnessjoni bejn il-peniżola Iberjana u l-bqija tal-kontinent, biex jinkisbu l-vantaġġi kollha ta' allokazzjoni ottimali tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli. Aktar 'il quddiem, għandhom jiġu studjati aktar konnessjonijiet ma' pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq.

– L-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku mas-sinkronizzazzjoni futura tas-sistema tal-elettriku Baltika mas-sistema ENTSO-E.

– Aktar espansjoni ta' grid lil hinn mix-xtut imxibbka verament fl-Ibħra tat-Tramuntana. Filwaqt li l-lista kurrenti tal-proġetti ta' interess komuni tinkludi madwar 20 interkonnettur u rinforzi interni rilevanti, hemm biss ċentru lil hinn mix-xtut wieħed li hu ppreparat biex jilqa' l-grid li fih saru l-investimenti antiċipatorji bħala mudell għall-grid integrata futura lil hinn mix-xtut. L-isfidi teknoloġiċi qegħdin jintlaqgħu mill-manifatturi ewlenin ta' dan il-qasam. It-tfassil u l-iżvilupp ikkoordinat u t-tmexxija tal-grid mxibbka tal-futur u ta' soluzzjonijiet għall-ħżin, kif ukoll soluzzjonijiet xierqa ta' regolazzjoni u finanzjament, għad iridu jiġu żviluppati. Ir-riżorsi abbundanti ġeotermali u ta' ħżin fl-Islanda jridu jiġu studjati wkoll aktar 'il quddiem.

– Il-kwantità ta' elettriku li se jkollu jiġi ttrasportat fuq distanzi l-ħin kollu jitwalu kemm fl-Ewropa kif ukoll minn barra l-Ewropa, se tkompli tiżdied. It-tneħħiha jew il-prevenzjoni ta' ostakoli permezz tal-bini ta' awtostradi għall-elettriku ta' kapaċità għolja, għadha mira tal-futur. Dawn l-awtostradi għall-elettriku jkunu jinkludu konnessjonijiet lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni, li jikkollegaw il-Komunità tal-Enerġija, it-Turkija, ir-Russja, kif ukoll il-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u l-pajjiżi fil-Lvant tal-Mediterran mal-Unjoni; kif ukoll konnessjonijiet għall-importazzjoni tal-elettriku miż-żona sub-Saħarjana aktar 'il quddiem, filwaqt li titqies ukoll l-evoluzzjoni possibbli ta' ġenerazzjoni u reazzjoni għad-domanda distribwita. Filwaqt li xi wħud mill-PCIs, bħall-konnessjonijiet Ġermaniżi bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, jistgħu jitqiesu bħala mudelli għal dan il-qasam prijoritarju, it-tfassil u l-iżvilupp ikkoordinat ta' awtostradi għall-elettriku madwar l-Unjoni, kif ukoll l-isfidi teknoloġiċi, għad irid li jinstabu soluzzjonijiet għalihom.

– L-ewwel proċess tal-PCIs identifika żewġ proġetti biss fil-qasam ta' grids tal-elettriku intelliġenti li jkabbru ż-żona tal-konsum b'mod intelliġenti biex din tikkorrispondi aħjar mal-ġenerazzjoni fornuta u b'hekk juru li hu possibbli li s-sistema tal-elettriku tisserraħ permezz tal-kooperazzjoni tad-DSOs u t-TSOs fl-istess ħin li s-sistema tkun qed taħdem b'mod transkonfinali. Għal dawk li jiżviluppaw il-grids intelliġenti, li – sa issa – dejjem ħadmu f'kuntest lokali u kkonċentraw fuq id-distribuzzjoni, hija sfida ġdida li jistabbilixxu l-kooperazzjoni vertikali (fil-livelli ta' distribuzzjoni u trażmissjoni) filwaqt li jaqsmu l-konfini nazzjonali. Se tinħtieġ aktar determinazzjoni fl-użu ta' teknoloġiji tal-grids intelliġenti, billi l-grids intelliġenti jagħtu riżultati promettenti fil-ġestjoni ta' ġenerazzjoni distribwita u varjabbli minn sorsi rinnovabbli, li joffru servizzi ġodda min-naħa tal-klijent, u b'hekk jikkompletu l-infrastrutturi tradizzjonali.

Il-Programm ta' Riċerka u Innovazzjoni Orizzont 2020 jinkludi attivitajiet li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' grid tal-elettriku pan-Ewropea li diġà ġew żviluppati u se jiġu implimentati permezz ta' sinerġiji tajbin mal-politika tal-infrastruttura elettrika tal-Unjoni. Dawn, fost affarijiet oħra, se jindirizzaw l-isfidi teknoloġiċi tal-ħtiġiet tal-infrastruttura fuq termini ta' żmien medji u twal, b'mod partikolari, l-iżvilupp, id-dimostrazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi tal-grids biex isostnu l-implimentazzjoni tal-kuritur prijoritarju fil-Baħar tat-Tramuntana tal-grids barra mill-ixtut, tat-awtostradi tal-elettriku u tal-grids intelliġenti. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa imbagħad tkun tista' tikkontribwixxi għall-introduzzjoni ta' dawn it-teknoloġiji fuq skala industrijali.

(b) Il-prijoritajiet li fadal fil-kamp tal-gass

Fil-każ tal-gass, l-għanijiet fuq terminu ta' żmien twil jibqgħu infrastruttura tal-gass diversifikata tajjeb biex tiffaċilita provvista sikura lill-Unjoni f'kundizzjonijiet ta' qafas attraenti. Filwaqt li l-investimenti fil-PCIs kurrenti, b'mod ġenerali jissodisfaw il-ħtiġiet infrastrutturali għal żmien twil, se jkunu meħtieġa wkoll għadd ta' espansjonijiet.

– Jeħtieġ li l-Ewropa tkompli bl-isforzi tagħha biex tiddiversifika l-provvista u li tkompli tespandi l-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar biex iżżid id-diversifikazzjoni tal-provvista, b'mod partikolari fl-Ewropa tax-Xlokk, u li tilħaq il-mira politika fuq terminu ta' żmien medju, li timporta madwar 10% tal-enerġija meħtieġa mir-reġjun Kaspjan u mil-Lvant Nofsani.

– Is-sistema tal-gass trid tkompli żżid il-flessibbiltà tagħha biex tkun tista tissodisfa l-ħtiġiet ta' użu varjabbli tal-gass, anki permezz tal-iżvilupp ta' aktar terminals u ħażniet tal-LNG.

– Jeħtieġ li l-Ewropa tippromwovi l-ġenerazzjoni indiġena u, bħala l-ewwel pass, tivvaluta użu aktar sistematiku ta' sorsi indiġeni ta' enerġija fuq l-art u fil-baħar biex dawn jiġu sfruttati b'mod sikur, sostenibbli u kosteffikaċi, kemm jekk ikunu f'żoni ġodda fil-Mediterran tal-Lvant, mill-bijogass jew minn sorsi mhux konvenzjonali, sakemm dawn jissodisfaw l-ogħla standards imposti mil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni. L-għażliet kollha possibbli għat-trasportazzjoni tal-gass mill-Mediterran tal-Lvant lejn l-Unjoni għandhom jinżammu miftuħin, mill-PCIs identifikati diġà li jikkonsistu fit-trasportazzjoni tal-gass minn Ċipru bħala LNG sa pipeline lejn l-Ewropa. Ir-rotot possibbli kollha għandhom jiġu kkunsidrati u vvalutati kemm mill-perspettiva ta' sigurtà tal-enerġija, kif ukoll mill-perspettiva tal-kosti u l-benefiċċji relattivi tagħhom.

(c) Netwerks tad-diossidu tal-karbonju fuq terminu ta' żmien twil

Minħabba l-kundizzjonijiet favorevoli tas-suq għall-ġenerazzjoni tal-enerġija permezz tal-faħam, il-proporzjon tal-faħam fit-taħlita tal-enerġija tal-Unjoni reġa' qed jiżdied. L-aħħar żviluppi fil-qasam tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju ma tantx kienu ta' inkoraġġiment billi bosta proġetti ta' ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju donnhom jieqfu minħabba kundizzjonijiet ekonomiċi sfavorevoli. L-Unjoni għandha tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżviluppa pjan pan-Ewropew għal netwerk tat-trasportazzjoni tad-dijossidu tal-karbonju u tidentifika l-ewwel il-proġetti transkonfinali anki b'kooperazzjoni man-Norveġja.

Il-passi li jmiss lejn l-implimentazzjoni tal-pjan għall-infrastruttura fuq terminu ta' żmien twil:

• Tħejji għall-identifikazzjoni tal-proġetti ta' interess komuni bi preparazzjoni għar-reviżjoni tal-lista tal-Unjoni fl-2015 u wara;

• Tkompli d-diskussjonijiet mal-pajjiżi ġirien dwar aktar integrazzjoni tan-netwerks u l-oqfsa regolatorji xierqa, b'mod partikolari fil-qafas tal-Komunità tal-Enerġija u tal-MED-TSO;

• Tiżgura appoġġ xieraq lill-PECIs u proġetti oħrajn li huma meqjusa ta' interess reċiproku fi ħdan l-oqfsa finanzjarji rilevanti tal-Unjoni;

• Tesplora l-aħjar mod li timplimenta l-kunċett ta' proġetti ta' interess reċiproku.

4.         Konklużjonijiet

Din il-lista tal-bidu ta' proġetti ta' interess komuni hija biss l-ewwel pass f'pjan għall-infrastruttura fuq terminu ta' żmien twil. Il-pajjiżi tal-Unjoni, inklużi l-pajjiżi fiż-Żona Ekonomika Ewropea, għandhom jaħdmu flimkien biex jlestu s-suq uniku għall-enerġija, iħottu l-ostakoli kollha għat-trażmissjoni tal-enerġija, speċjalment għal dik l-enerġija li tkun ġejja minn sorsi rinnovabbli, filwaqt li jinżammu l-istandards għoljin tas-sigurtà tal-provvista. Madankollu, il-pjan tal-Unjoni dwar l-enerġija, u b'hekk ukoll dwar l-infrastruttura tal-enerġija, huwa ħafna aktar wiesgħa minn sempliċiment is-suq intern. Għandha titkompla l-kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tal-Komunità tal-Enerġija, ma' pajjiżi ġirien u ma' sħab fl-enerġija stateġiċi biex jiġu żviluppati proġetti ta' interess reċiproku. L-għodod jeżistu (it-tielet pakkett u l-Linji Gwida TEN-E), dan kollu jista' jinkiseb pass pass f'qafas fuq terminu twil taż-żmien stabbli u attraenti għall-investimenti fl-infrastruttura.

Anness I – IL-KURITURI U L-OQSMA PRIJORITARJI TAL-INFRASTRUTTURA TAL-ENERĠIJA[10]

1. KURITURI PRIJORITARJI TAL-ELETTRIKU

(1) Il-Grid Barra mill-Kosta tal-Ibħra tat-Tramuntana ("NSOG" — Northern Seas Offshore Grid): l-iżvilupp ta’ grid tal-elettriku integrata barra mill-kosta u l-interkonnetturi relatati fil-Baħar tat-Tramuntana, il-Baħar Irlandiż, il-Kanal Ingliż, il-Baħar Baltiku u l-ilmijiet fil-viċin għat-trasport tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija barra mill-kosta rinnovabbli lejn ċentri ta’ konsum u ħżin u għaż-żieda tal-iskambju tal-elettriku transkonfinali.

(2) Interkonnessjonijiet tal-elettriku Tramuntana-Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa ("NSI West Electricity"): interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri tar-reġjun u maż-żona tal-Mediterran, inkluża l-peniżola Iberika, speċjalment biex jintegraw l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u jsaħħu l-infrastrutturi tal-grids interni biex titrawwem l-integrazzjoni tas-suq fir-reġjun.

(3) Interkonnessjonijiet tal-elettriku Tramuntana-Nofsinhar fil-Lvant Ċentrali u x-Xlokk tal-Ewropa ("NSI East Electricity"): interkonnessjonijiet u linji interni fid-direzzjonijiet ta’ Tramuntana-Nofsinhar u Lvant-Punent biex jikkompletaw is-suq intern u jintegraw il-ġenerazzjoni minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

(4) Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq Baltiku tal-Enerġija fl-elettriku (Baltic Energy Market Interconnection Plan "BEMIP tal-Elettriku"): interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri fir-reġjun Baltiku u r-rinfurzar ta’ infrastrutturi tal-grid interni skont dan, biex jintemm l-iżolament tal-Istati Baltiċi u biex titrawwem l-integrazzjoni tas-suq fost affarijiet oħra billi jkun hemm ħidma lejn l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fir-reġjun.

2. KURITURI PRIJORITARJI TAL-GASS

(5) Interkonnessjonijiet tal-gass Tramuntana-Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa ("NSI West Gas"): infrastruttura tal-gass għal flussi tal-gass Tramuntana-Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa biex ikomplu jiddiversifikaw ir-rotot tal-provvista u biex tiżdied il-kapaċità ta’ kunsinna ta’ gass fi żmien qasir.

(6) Interkonnessjonijiet tal-gass Tramuntana-Nofsinhar fil-Lvant Ċentrali u fix-Xlokk tal-Ewropa ("NSI East Gas"): infrastruttura tal-gass għall-konnessjonijiet tal-gass reġjonali bejn ir-reġjun tal-Baħar Baltiku, l-Ibħra Adrijatiku u tal-Eġew, il-Baħar Mediterran tal-Lvant u l-Baħar l-Iswed u għat-tisħiħ tad-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvista tal-gass.

(7) Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar ("SGC"): infrastruttura għat-trażmissjoni ta' gass mill-Baċir tal-Kaspju, l-Asja Ċentrali, il-Lvant Nofsani u l-Baċir Mediterranju tal-Lvant lill-Unjoni, sabiex tissaħħaħ id-diversitifikazzjoni tal-provvista tal-gass.

(8) Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq Baltiku tal-Enerġija fil-gass ("BEMIP Gas"): infrastruttura tal-gass li ttemm l-iżolament tat-tliet Stati Baltiċi u l-Finlandja u d-dipendenza tagħhom fuq fornitur wieħed, li ssaħħaħ l-infrastrutturi tal-grids interni u li żżid id-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvisti fir-reġjun tal-Baħar Baltiku.

3. KURITUR PRIJORITARJU TAŻ-ŻEJT

(9) Konnessjonijiet tal-provvista taż-żejt fil-Lvant Ċentrali tal-Ewropa ("OSC"): interoperabbiltà tan-netwerk tal-pipelines taż-żejt fil-Lvant Ċentrali tal-Ewropa għaż-żieda tas-sigurtà tal-provvista u tnaqqis tar-riskji ambjentali.

4. OQSMA TEMATIĊI PRIJORITARJI

(10) Użu ta' grids intelliġenti: adozzjoni ta' teknoloġiji ta' grids intelliġenti fl-Unjoni li jintegraw b'mod effiċjenti l-imġiba u l-azzjonijiet tal-utenti kollha għan-netwerk tal-elettriku, b’mod partikolari l-ġenerazzjoni ta’ ammonti kbar ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jew distribwiti u r-rispons għad-domanda mill-konsumaturi.

(11) Awtostradi tal-elettriku: l-ewwel awtostradi tal-elettriku sal-2020, fid-dawl tal-bini ta' sistema ta' awtostradi tal-elettriku fl-Unjoni li hija kapaċi:

(a) takkomoda l-ġenerazzjoni żejda tal-enerġija mir-riħ li qiegħda dejjem tiżdied fl-Ibħra tat-Tramuntana u l-Baltiku u madwarhom u żżid il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli fil-Lvant u t-Tramuntana tal-Ewropa kif ukoll fl-Afrika ta’ Fuq;

(b) torbot dawn iċ-ċentri ġodda ta’ ġenerazzjoni mal-kapaċitajiet ta’ ħżin importanti fil-pajjiżi Nordiċi, fl-Alpi u f’reġjuni oħra b’ċentri ta’ konsum ewlenin; u

(c) tlaħħaq ma' provvista tal-elettriku dejjem iżjed varjabbli u deċentralizzata u ma' domanda flessibbli għall-elettriku.

(12) Netwerk transkonfinali tad-diossidu tal-karbonju: żvilupp ta' infrastruttura għat-trasport tad-diossidu tal-karbonju bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi tal-viċinat biex ikunu jistgħu jiġu attivati l-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju.

Anness II – Mapep tal-proġetti ta' interess komuni

Anness III: mira ta' konnessjoni għall-elettriku ta' 10% kemm qabel, kif ukoll wara l-PCIs

Anness III: Id-diversifikazzjoni tas-sors tal-provvista qabel u wara l-implimentazzjoni tal-proġetti ta' interess komuni fil-qasam tal-gass

Għadd ta' sorsi tal-provvista li kull pajjiż ikun jista' jaċċessa potenzjalment permezz tal-infrastrutturi (mill-inqas proporzjon ta' 5%)

Sorsi tal-Provvista: L-Ażerbajġan, l-Alġerija, il-Libja, in-Norveġja, ir-Russja, Ġenerazzjoni Nazzjonali, għall-fini ta' simplifikazzjoni, l-LNG jintwera bħala sors wieħed, iżda x-xejra turi liema huma l-pajjiżi li għandhom aċċess għal-LNG. Din il-grafika ma tiġġudika ebda kuntratt kummerċjali minn qabel.

Sors: ENTSO-G TYNDP 2013, il-Kummissjoni

Anness IV Konformità mal-istandard tal-infrastrutturi N-1 qabel u wara l-implimentazzjoni tal-PCIs

Referenza: L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 994/2010

[1]               L-istandard N-1, ara r-Regolament (UE) Nru 994/2010, ĠU L 295, 12.11.2010, p.1–22

[2]               "Study on the benefits of an integrated European energy market" 2013, Booz&Co; http://ec.europa.eu/energy/infrastructure/studies/doc/20130902_energy_integration_benefits.pdf

[3]               COM(2010) 677 finali

[4]               Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).

[5]               Ara l-Anness I.

[6]               COM(2011) 539 finali.

[7]               C(2013) 6766 final.

[8]               http://ec.europa.eu/energy/infrastructure/pci/doc/20130724_pci_guidance.pdf

[9]               Study on the benefits of an integrated European energy market, 2013, Booz&Co.

[10]             Silta mill-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 dwar it-TEN-E