52013DC0710

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju: /* COM/2013/0710 final */


WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 3

2........... Evoluzzjoni tal-qafas regolatorju...................................................................................... 4

2.1........ Emendi għar-Regolament (KE) Nru 428/2009................................................................ 4

2.2........ Miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni........................................................................... 5

2.3........ Rapport dwar l-introduzzjoni ta’ Awtorizzazjonijiet Ġenerali ta’ Esportazzjoni tal-UE....... 5

3........... L-implimentazzjoni tar-Regolament — il-qagħda preżenti................................................. 6

3.1........ Attivitajiet tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Użu Doppju............................................ 6

3.2........ Gwida tal-UE dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni ta’ Oġġetti b’Użu Doppju..................... 7

3.3........ Żjarat bejn il-pari............................................................................................................ 7

3.4........ Skambju ta’ informazzjoni u l-introduzzjoni ta’ sistema elettronika sigura u kriptata........... 8

3.5........ Trasparenza u djalogu mal-industrija u mal-akkademja.................................................... 8

3.6........ Monitoraġġ u infurzar ta’ kontroll tal-esportazzjoni........................................................... 9

4........... Kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE — Dejta prinċipali....................................................... 9

4.1........ Il-kummerċ tal-UE tal-prodotti u t-teknoloġiji b’użu doppju: oġġetti u destinazzjonijiet...... 9

4.2........ Applikazzjonijiet, liċenzji, ċaħdiet.................................................................................. 12

5........... Kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE - impatt fuq is-sigurtà u l-kummerċ............................. 14

5.1........ Kontrolli tal-esportazzjoni: strument ewlieni biex jippromwovi s-sigurtà f’dinja multipolari globalizzata   14

5.2........ Is-“settur b’użu doppju” elużiv: indikazzjoni tal-innovazzjoni u l-kompetittività fl-Ewropa. 15

5.3........ Is-sistema tal-UE ta’ kontroll tal-esportazzjoni: akbar mis-somma tal-partijiet tagħha...... 15

5.4........ Kontroll tal-esportazzjoni u kompetittività: Distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u opportunitajiet għal kundizzjonijiet ekwi madwar id-dinja................................................................................................... 16

6........... Kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE f’dinja li qed tinbidel — reviżjoni tal-politika ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni   17

6.1........ Konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni.......................................... 17

6.2........ Il-prospetti għal evoluzzjoni tar-reġim tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-UE...................... 17

6.3........ L-analiżi tal-politika tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-UE: il-passi li jmiss......................... 18

Anness I - Lista ta’akronimi........................................................................................................ 19

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju:

1.           Introduzzjoni

Il-kontrolli ta’ esportazzjonijiet ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju għandhom rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa (WMD) u armi konvenzjonali u jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali u għall-istabbiltà. Ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju (minn hawn’ il quddiem ‘ir-Regolament’) jimplimenta impenji internazzjonali taħt ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1540 (2004), ftehimiet internazzjonali bħalma huma l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC) u t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT), u r-reġimi multilaterali għall-kontroll tal-esportazzjoni bħall-Arranġament Wassenaar, il-Grupp ta’ Fornituri Nukleari (NSG), il-Grupp Awstralja u r-reġim ta’ Kontroll tat-Tekonoloġija dwar il-Missili (MTCR).

Is-sistema tal-UE ta’ kontroll tal-esportazzjoni twaqqfet fid-disgħinijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 3381/94 u d-Deċiżjoni 94/942/PESK, u ssaħħet konsiderevolment bl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1334/2000. Ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 introduċa titjib sinifikanti fir-reġim tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-UE, partikolarment bi tweġiba għall-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tad-WMD f’Diċembru 2003 u fid-dawl ta’ rapporti mingħand l-esportaturi u l-industrija. Ir-Regolament jipprovdi għall-moviment liberu ta’ oġġetti b’użu doppju — bi ftit eċċezzjonijiet — ġewwa l-UE u jistabbilixxi prinċipji bażiċi u regoli komuni għall-kontroll tal-esportazzjoni, is-senserija, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju, fil-qafas tal-politika kummerċjali komuni. Huwa jipprovdi wkoll għal kooperazzjoni amministrattiva u politiki armonizzati u għodod għall-implimentazzjoni u l-infurzar. Ir-Regolament huwa direttament applikabbli għall-“esportaturi” iżda jeħtieġ xi miżuri addizzjonali ta’ implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-UE taħt sistema “ibrida”, fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma b’mod partikolari responsabbli għal deċiżjonijiet dwar ħruġ ta’ liċenzji.

L-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) 428/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1232/2011, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, kull tliet snin “rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni u rapport tal-valutazzjoni tal-impatt” lill-Kunsill u lill-Parlament li jinkludu, kif inhu xieraq, proposti għal emendi. L-Artikolu 25(3) jistipula li taqsimiet speċjali tar-rapport għandhom jittrattaw l-attivitajiet tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Użu Doppju (DUCG), l-introduzzjoni ta’ sistema sigura u kriptata għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Artikolu 15(1) u (2) rigward l-aġġornamenti mal-listi ta’ kontroll nazzjonali u l-Artikolu 24 dwar pieni f’każ ta’ ksur tar-Regolament. Barra minn hekk, l-Artikolu 25(4) jitlob li l-Kummissjoni għandha tirrapporta, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013, dwar l-introduzzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali tal-esportazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1232/2011. L-Artikolu 25 jindika li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha adatta għall-preparazzjoni tar-rapport. Dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tar-Regolament mill-adozzjoni tiegħu sal-bidu tal-2013 u għalhekk bażikament ikopri l-attivitajiet fl-2010, l-2011 u l-2012.

2.           Evoluzzjoni tal-qafas regolatorju

Ir-Regolment tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 ġie adottat fil-5 ta’ Mejju 2009, u daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Awwissu 2009. Huwa rrevoka r-Regolament (KE) Nru 1334/2000. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, u skont l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-proċedura għall-emendar tar-Regolament inbidlet, u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja saret applikabbli.

2.1.        Emendi għar-Regolament (KE) Nru 428/2009

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, ir-Regolament ġie emendat darbtejn:

– Ir-Regolament (UE) Nru 1232/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 introduċa 5 Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-UE ġodda (EUGEAs) għall-esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti b’użu doppju lejn ċerti destinazzjonijiet, bl-iskop li tittejjeb il-kompetittività tal-industrija u jitwaqqaf kamp kompetittiv ekwu għall-esportaturi tal-UE. B’kunsiderazzjoni xierqa għar-riskji relatati, l-EUGAs il-ġodda b’hekk jiffaċilitaw l-esportazzjoni ta’ apparat ta’ telekomunikazzjoni u kimiċi lejn ċerti destinazzjonijiet, u l-esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti wara tiswija/tibdil u għal fieri u wirjiet temporanji. Ir-Regolament (UE) Nru 1232/2011 emenda wkoll l-Artikolu 25 tar-Regolament u introduċa dispożizzjonijiet rinfurzati għar-rappurtar u t-trasparenza.

– Ir-Regolament (UE) Nru 388/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ April 2012[1] aġġornat l-Lista ta’ Kontroll tal-UE fl-Anness I tar-Regolament, u inkorpora modifiki maqbula fir-reġimi tal-kontroll tal-esportazzjoni multilaterali fl-2009 u l-2010. Il-modifiki jinkludu t-tneħħija ta' kontrolli ta’ ċerti oġġetti u emendi għal deskrizzjonijiet tal-oġġetti u definizzjonijiet. Il-lista ta’ kontroll tal-UE ġdida konsolidata u aġġornata saret applikabbli fil-15 ta’ Ġunju 2012, u b’hekk tippermetti lill-UE taderixxi mal-impenji internazzjonali tagħha fir-rigward tal-kontrolli tal-esportazzjoni u tgħin lill-esportaturi tal-UE fejn il-parametri ta’ kontroll ġew rilassati.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-Artikolu 15 tar-Regolament li jistipula li l-Lista ta’ Kontroll tal-UE għandha tiġi aġġornata regolarment skont it-tibdil li ntlaħaq ftehim dwaru fi ħdan reġimi multilaterali, il-Kummissjoni adottat fis-7 ta’ Novembru 2011, proposta għall-emendar tar-Regolament u li jiddelega l-kompetenza għall-aġġornament tal-Lista ta’ Kontroll tal-UE lill-Kummissjoni (“atti delegati”)[2]. Il-proposta introduċiet ukoll delegazzjoni ta’ kompetenza lill-Kummissjoni biex temenda l-Anness II tar-Regolament b’reazzjoni għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu, u tneħħi ċerti destinazzjonijiet u/jew oġġetti mill-kamp tal-applikazzjoni tal-EUGEAs. Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari f’Ottubru 2012, iżda din il-proposta leġiżlattiva għadha qed tiġi diskussa, bl-intenzjoni li tintlaħaq konklużjoni qabel April 2014.

Evoluzzjoni ulterjuri tal-qafas regolatorju tibqa’ miftuħa għal eżaminazzjoni. Għalhekk, hekk kif jiġi adottat ir-Regolament, il-Kunsill u l-Kummissjoni stqarru li l-lista ta’ oġġetti li għalihom tinħtieġ liċenzja għal trasferimenti intra-UE kienu se jiġu vvalutati, waqt li jżommu f’moħħhom il-prinċipji tat-Titolu II, il-Kapitolu 9 tat-Trattat Euratom (Is-Suq Komuni Nukleari) u l-Artikolu 36 tat-TFUE. Aktar tard, mal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1232/2011, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tirrevedi l-possibbiltà li tintroduċi EUGEA għal spedizzjonijiet ta’ valur baxx sal-aħħar tal-2013[3]. Dawn il-kwistjonijiet attwalment qed jiġu kkunsidrati bħala parti mir-reviżjoni politika ta’ kontroll tal-esportazzjoni li tinsab għaddejja, u twaqqaf grupp ta’ ħidma informali fil-bodu tal-2013 biex jeżamina l-lista tal-oġġetti soġġetti għal kontrolli tat-trasferiment u modalitajiet ta’ kontroll.

2.2.        Miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha, iżda, madankollu, jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri fl-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet, u li l-informazzjoni dwar dawk il-miżuri għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Avviżi mill-Istati Membri ġew ippubblikati fis-6 ta’ Marzu 2012[4], u jipprovdu ħarsa ġenerali tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri dwar eż. l-estensjoni tal-kontrolli tas-senserija, l-applikazzjoni ta’ kontrolli ta’ tranżitu, l-estensjoni tal-kontrolli għal oġġetti mhux elenkati għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u drittijiet tal-bniedem, l-introduzzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali nazzjonali ta’ esportazzjoni, l-applikazzjoni ta’ kontrolli ta' trasferimenti intra-UE għal oġġetti mhux elenkati, kif ukoll informazzjoni relatata ma’ awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, avviż ippubblikat fid-19 ta’ Settembru 2012[5] jinforma li l-Italja nnotifikat l-impożizzjoni ta’ rekwiżit speċifiku nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni fuq l-esportazzjoni lejn is-Sirja ta’ ċerti oġġetti ta' telekomunikazzjoni mhux elenkati fl-Anness I għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika jew minħabba konsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Miżuri nazzjonali ta' implimentazjoni rigward il-kundizzjonijiet u rekwiżiti magħżulin mill-Istati Membri għall-użu tal-EUGEAs huma wkoll suġġetti għall-pubblikazzjoni ta' avviż ta' informazzjoni.

2.3.        Rapport dwar l-introduzzjoni ta’ Awtorizzazjonijiet Ġenerali ta’ Esportazzjoni tal-UE   

Fid-dawl tar-Regolament (UE) Nru 1232/2011, u b’konsiderazzjoni xierqa tal-Artikolu 25(4) tar-Regolament, kif emendat, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Użu Doppju impenja ruħu li jevalwa l-implimentazzjoni tal-EUGEAs li ġiet introdotta. Kif indikat hawn fuq, l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti għall-użu kienet miġbura għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali. Barra minn hekk, il-konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti wasslu għall-konklużjonijiet li ġejjin:

· Fir-rigward tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti għall-użu, bosta Stati Membri introduċew rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni u jeħtieġu wkoll notifika a posteriori wara l-ewwel użu għalkemm xi Stati Membri jeħtieġu notifika minn qabel. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jeħtieġu informazzjoni dwar l-esportatur, deskrizzjoni tal-oġġett u l-kategorija, il-valur u l-volum ta’ tranżazzjonijiet, id-destinazzjoni u l-informazzjoni għall-utent aħħari. Xi Stati Membri jużaw ukoll dejta doganali rilevanti. Barra minn hekk, bosta Stati Membri introduċew rekwiżiti ta’ rapportar regolari, għalkemm il-frekwenza tvarja, u xi wħud għandhom ukoll obbligu ta' żamma tar-rekords u l-verifika.

· B’kollox waslu 'l fuq minn 4000 notifika dwar l-użu tal-EUGEAs għand l-awtoritajiet kompetenti, u huwa stmat li madwar 3500 kumpanija jużaw l-EUGEAs. L-EUGEAs kollha qed jintużaw minn operaturi ekonomiċi, għalkemm EUGEA 001 hija l-aktar waħda li qed tintuża. L-operaturi ekonomiċi jużaw EUGEAs fi kważi l-Istati Membri kollha, iżda operaturi ekonomiċi fi ftit Stati Membri għadhom ma użawx l-EUGEAs il-ġodda introdotti fl-2011.

· Kważi l-kategoriji kollha ta’ oġġetti b’użu doppju huma esportati taħt l-EUGEAs, f’numru ta’ setturi, inkluż fis-setturi b’użu doppju ‘tradizzjonali’ bħalma huma l-ajrunawtika spazjali, softwer u l-elettronika, iżda wkoll f’setturi oħra bħal prodotti tal-ikel jew l-industrija tal-polpa u l-karta.

· L-esportazzjonijiet taħt l-EUGEAs huma l-aktar iddestinati lejn l-Istati Uniti u pajjiżi oħra ‘EU001' (l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, l-Isvizzera, in-Norveġja, New Zealand), iżda destinazzjonijiet oħra jibbenefikaw ukoll mill-EUGEAs, bħall-Brażil, iċ-Ċina, il-Korea t’Isfel, il-Federazzjoni Russa, l-Afrika t’Isfel u t-Turkija.

3.           L-implimentazzjoni tar-Regolament — il-qagħda preżenti

3.1.        Attivitajiet tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Użu Doppju

L-Artikolu 23 tar-Regolament jistabbilixxi l-ħolqien ta’ Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Użu Doppju (DUCG) li jgħaqqad flimkien esperti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri sabiex jeżamina kull kwistjoni rigward l-applikazzjoni ta’ kontrolli tal-esportazzjoni bil-għan li tittejjeb fil-prattika l-konsistenza u l-effettività tagħhom madwar l-UE. Id-DUCG jipprovdi forum uniku għall-iskambju tal-aħjar prattiki u informazzjoni bejn l-uffiċjali tal-kontroll tal-esportazzjoni u jifforma l-bażi ta’ ‘netwerk tal-UE' ta’ aġenziji tal-kontroll tal-esportazzjoni. Matul il-perjodu ta’ rappurtar, id-DUCG iltaqa' b'mod regolari: Sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament saru 16-il laqgħa. Id-DUCG organizza diskussjonijiet dwar għadd ta’ kwistjonijiet topiċi dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament, bħalma huma l-approċċi tal-Istati Membri lejn l-UE u Awtorizzazzjonijiet Ġenerali Nazzjonali ta’ Esportazzjoni (NGEAs), il-kontrolli tal-esportazzjoni għas-settur tar-riċerka eċċ. Id-DUCG jipprovdi wkoll forum għal konsultazzjonijiet dwar każijiet speċifiċi ta’ applikazzjoni tal-kontrolli inkluż rigward kwistjonijiet irrappurtati mill-industrija eż. dwar l-esportazzjoni ta’ turbini tal-gass lejn ċerti destinazzjonijiet, l-esportazzjoni ta’ komponenti tal-grafit u l-karbonju eċċ.

Id-DUCG regolarment jorganizza laqgħat konġunti mal-partijiet interessati, u partikolarment organizza żewġ laqgħat konġunti ma’ uffiċjali tad-dwana f’Ottubru 2010 u Settembru 2011, li jiffukaw fuq skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana u tal-liċenzjar sabiex jiġu evitati d-devjazzjoni u l-esportazzjonijiet illegali. Id-DUCG kultant ikollu wkoll laqgħat konġunti mar-rappreżentanti tal-industrija u eż. organizza seminar konġunt mal-Forum Ewropew tal-Enerġija Nukleari fi Frar 2013 biex jiddiskuti kontrolli tal-esportazzjoni nukleari u jeżamina t-tħassib tal-industrija dwar l-ispejjeż assoċjati mal-konformità, distorzjonijiet ta’ kompetizzjoni u trasferimenti intra-UE ta’ teknoloġija u oġġetti nukleari.

Id-DUCG iddiskuta wkoll l-alternattivi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-kompetenzi tekniċi, bħala element ewlieni tal-proċess ta’ liċenzjar u infurzar fil-fruntieri. Jeżistu diversi inizjattivi ta’ taħriġ nazzjonali ta’ kontroll tal-esportazzjoni u seminars tekniċi għal uffiċjali u esperti tekniċi tal-liċenzjar tal-kontroll tal-esportazzjoni ġew ukoll organizzati miċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-Kummissjoni f’kollaborazzjoni ma’ esperti nazzjonali mill-UE u l-Istati Uniti. F’dan il-kuntest, saru sessjonijiet ta' taħriġ pilota biex iħejju għal programm ta' taħriġ ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-UE "in-reach" li possibbilment se jiġi strutturat fil-futur li għandu jkun immirat l-aktar għal-liċenzjar, dwana u esperti tekniċi kif ukoll uffiċjali tal-gvern rilevanti oħra (affarijiet barranin, difiża, intelligence).

3.2.        Gwida tal-UE dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni ta’ Oġġetti b’Użu Doppju

Id-DUCG żviluppa “Linji gwida tal-UE dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju” biex jappoġġja l-implimentazzjoni prattika ta’ miżuri ta’ kontroll tal-esportazzjoni u b’mod partikolari jiġu ċċarati diversi proċeduri ta' skambju ta’ informazzjoni u konsultazzjoni previsti skont ir-Regolament. Il-linji gwida tal-UE bħalissa huma maħsuba għall-użu uffiċjali mill-awtoritajiet tal kontroll tal-esportazzjoni tal-Istati Membri; dawn mhumiex legalment vinkolanti u mhumiex għar-rilaxx pubbliku. Il-linji gwida tal-UE jikkostitwixxu dokument ħaj li se jiġi aġġornat u għandu jitwessa’ fuq bażi regolari sabiex wieħed jirrispondi għall-ħtiġijiet dejjem jevolvu u ċirkostanzi li jinbidlu.

Wara li l-Kummissjoni wettqet stħarriġ fl-2010, id-DUCG ipprepara l-linji gwida għat-twaqqif ta’ “Grupp ta’ Esperti”[6] jiġifieri mekkaniżmu strutturat li jġib flimkien l-għarfien espert disponibbli f’diversi Stati Membri għall-benefiċċju ta’ kulħadd, b’appoġġ ta’ deċiżjonijiet dwar il-kontroll konsistenti. Il-linji gwida jistabbilixxu mudelli standardizzati u proċeduri għall-għoti, fuq bażi volontarja, ta’ pariri li ma jorbtux lill-awtoritajiet kompetenti dwar tali kwistjonijiet tekniċi ħafna bħal klassifikazzjoni ta' oġġetti.

Figura 1: Kunċett ta' Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar l-Użu Doppju

3.3.        Żjarat bejn il-pari

Żjarat bejn il-Pari, organizzati b’mod konġunt mill-Kummissjoni u l-Presidenza tal-UE, jirrappreżentaw element ieħor ewlieni tan-netwerk ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-UE u jipprovdu opportunità għal skambju estensiv ta’ informazzjoni li jiffoka fuq il-kwistjoni ta’ kontroll tal-esportazzjoni speċifiku. Għalhekk ġew organizzati 6 Żjarat bejn il-Pari tul il-perjodu tar-rappurtar u ġew iddedikati għal eż. kontrolli ta’ trasferimenti intra-UE, l-applikazzjoni ta’ kontrolli li jkopru kollox, trasferimenti tat-teknoloġija intanġibbli, kontroll ta’ tagħmir tal-informatika u l-komunikazzjoni.

3.4.        Skambju ta’ informazzjoni u l-introduzzjoni ta’ sistema elettronika sigura u kriptata

Is-sistema elettronika għall-Użu Doppju (DUeS), li hija sistema elettronika sigura ospitata mill-Kummissjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri ġiet imnedija f’Jannar 2011 u bdiet taħdem b’mod sħiħ f’Ġunju 2012, mal-Istati Membri kollha li jkollhom aċċess għal u li jużaw is-sistema b’mod attiv. Minn dakinhar, ġew żviluppati verżjonijiet ġodda, li jintroduċu funzjonijiet addizzjonali u t-titjib, inkluż fost oħrajn il-possibbilità li tiddaħħal informazzjoni dwar ċaħdiet dwar oġġetti b’użu doppju, biex jiġu skambjati dokumenti f'librerija jew biex jitwettqu esportazzjonijiet sħaħ ta’ informazzjoni. Id-DUCG jaħdem kontinwament fuq żvilupp ulterjuri tad-DUeS biex jippermetti skambju effettiv ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni u l-Kummissjoni pereżempju biex jinkludi funzjonijiet kif meħtieġ mill-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida bħar-Regolament (UE) Nru 1232/2011 jew miżuri restrittivi (sanzjonijiet) dwar il-kummerċ f’oġġetti b’użu doppju. Inbdew ukoll diskussjonijiet rigward l-estensjoni possibbli tad-DUeS għal ċaħdiet ta’ esportazzjoni tal-armi taħt Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944 u għall-esportazzjoni ta’ oġġetti miċħuda skont ir-Regolament (UE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament ieħor krudili, inuman jew degradanti jew kastig.

Minbarra d-DUeS, l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu wkoll koperazzjoni diretta dwar każijiet speċifiċi fuq bażi ad hoc, bl-użu tal-punti ta’ kuntatt ta’ kontroll tan-netwerk tal-esportazzjoni tal-UE, u xi wħud ħadu miżuri speċifiċi skont l-Artikolu 19(1) u (2) għal skambju ta’ informazzjoni li jinkludi, pereżempju, dettalji ta’ tranżazzjonijiet.

Id-DUCG iddiskuta u ppromwova l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ liċenzjar elettroniċi mill-awtoritajiet kompetenti, minħabba li dawn is-sistemi jissimplifikaw il-proċess ta’ ħruġ ta’ liċenzji u jqassru ż-żmien tal-ipproċessar, filwaqt li jippermettu superviżjoni aħjar fuq proċeduri ta’ liċenzjar u koordinazzjoni mtejba fi ħdan l-amministrazzjoni. Total ta’ 8 Stati Membri issa għandhom sistemi elettroniċi fis-seħħ, filwaqt li 6 Stati Membri qed jaħdmu fuq l-użu ta’ dawn is-sistemi fl-2012-2013, u tlieta qed jagħmlu passi preparatorji.

3.5.        Trasparenza u djalogu mal-industrija u mal-akkademja

Fid-dawl tal-Artikolu 23(2), il-Kummissjoni organizzat laqgħat regolari mal-industrija. Il-Kummissjoni organizzat forum għall-industrija fl-2010 u organizzat Konferenza għall-Esportaturi fl-2011, billi laqqgħet flimkien aktar minn 200 parteċipant mill-industrija, l-akkademja, l-awtoritajiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet tal-UE sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-programm il-ġdid EUGEAs u t-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper. Fl-2013, wara l-adozzjoni tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD (2013)7) li nsiltu konklużjonijiet mid-dibattitu pubbliku organizzati wara l-Green Paper, il-Kummissjoni torganizza, flimkien mal-Presidenza Irlandiża, “Konferenza ta’ Kontroll għall-Esportazzjoni Strateġika” biex tipprovdi forum biex jiddiskuti l-prijoritajiet għar-reviżjoni tas-sistema tal-UE ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

L-awtoritajiet kompetenti wettqu attivitajiet ta’ involviment sinifikanti fl-industrija u jipprovdu l-akbar ammont ta’ informazzjoni possibbli lil partijiet interessati ekonomiċi, akkademiċi u oħra qabel il-fażi tal-liċenzjar, sabiex iqajmu kuxjenza għal kummerċ responsabbli ta’ oġġetti b’użu doppju. L-awtoritajiet kompetenti jipprovdu l-aktar informazzjoni fil-websajts tagħhom u xi kultant permezz ta' newsletter u tipikament iżommu kuntatt dirett mal-operaturi u regolarment jorganizzaw jew sessjonijiet ta’ informazzjoni ġenerali "Jum għall-Kontroll tal-Esportazzjoni" jew seminars speċifiċi għall-operaturi. Xi awtoritajiet jirrilaxxaw dokumenti ta’ gwida speċifiċi fis-sens tal-Artikolu 19(5) eż. fuljetti dwar Programmi ta’ Konformità Interna (ICP), Trasferimenti ta’ Teknoloġija Intanġibbli, is-senserija, u jagħmlu disponibbli “Manwal” dwar il-Kontroll tal-Esportazzjoni.

Xi awtoritajiet kompetenti jirrapportaw dwar il-kummerċ f’oġġetti b’użu doppju lill-parlamenti nazzjonali u, f’xi Stati Membri, din l-informazzjoni tkun disponibbli pubblikament.

3.6.        Monitoraġġ u infurzar ta’ kontroll tal-esportazzjoni

Il-Kummissjoni tippromwovi infurzar effettiv tal-kontrolli tal-esportazzjoni fl-UE permezz ta’ diversi azzjonijiet ta’ appoġġ bħat-tħejjija ta’ “tabella ta’ korrelazzjoni” li tgħaqqad kodiċijiet doganali ma’ klassifikazzjonijiet b’użu doppju, l-inklużjoni ta’ parametri ta’ kontroll tal-esportazzjoni fid-dejtabejż onlajn tal-UE tat-tarfiffi doganali, it-TARIC u evalwazzjonijiet tar-riskju doganali, kif ukoll moduli ta' taħriġ biex iqajmu kuxjenza għall-kontroll tal-esportazzjoni mogħtija miċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-Kummissjoni, eż. għall-gwardjani tal-fruntieri.

Min-naħa tagħhom, skont ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi applikabbli għal ksur ta’ kontroll tal-esportazzjoni. Huma introduċew firxa ta’ sanzjonijiet amministrattivi u kriminali nazzjonali diversi, li tipikament jinkludu multi u l-konfiska tal-oġġetti kif ukoll priġunerija.

L-awtoritajiet nazzjonali huma primarjament responsabbli għall-infurzar tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni. Matul il-perjodu ta’ rappurtaġġ ftit kienu l-vjolazzjonijiet li ġew irrappurtati eż. għall-esportazzjoni ta’ oġġetti mhux liċenzjati, li rriżultaw fl-impożizzjoni ta’ multi u/jew il-konfiska tal-oġġetti, filwaqt li ftit każijiet ġew riferuti lil qrati.

4.           Kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE — Dejta prinċipali

Huwa diffiċli li tinkiseb informazzjoni affidabbli dwar l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju minħabba li ma hemmx settur ekonomiku definit b’mod korrispondenti, u lanqas ma ġiet żviluppata metodoloġija speċifika s’issa għall-irrekordjar tad-dejta u l-kalkolu tal-isatistika dwar il-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju. Iżda l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġbru dejta li tippermetti stimi approssimattivi tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju bbażata, min-naħa, fuq komoditajiet doganali identifikati mit-tabella ta’ korrelazzjoni li tinkludi merkanzija ta’ użu doppju bħala parti, u, min-naħa l-oħra, fuq dejta speċifika miġbura mill-awtoritajiet kompetenti. Għandu jiġi nnutat li, stimi ta’ esportazzjonijiet ppreżentati aktar ’il quddiem ma jkoprux servizzi u trasferimenti teknoloġiċi intanġibbli assoċjati mal-kummerċ f’oġġetti b’użu doppju.

4.1.        Il-kummerċ tal-UE tal-prodotti u t-teknoloġiji b’użu doppju: oġġetti u destinazzjonijiet

Ir-Regolament primarjament japplika għall-esportazzjoni ta’ madwar 1600 oġġett b’użu doppju elenkati fl-Anness I — Il-Lista ta’ Kontroll tal-UE, kif aġġornata fl-2012 — u kklassifikati f’10 kategoriji (Figura 2).

Figura 2: Numru ta’ oġġetti b’użu doppju elenkati fil-kategoriji tal-Anness I.

Dawn l-oġġetti b’użu doppju huma relatati ma' madwar 1000 komodità doganali[7], inklużi sustanzi kimiċi, metalli bażiċi u prodotti minerali mhux metalliċi, kompjuters, prodotti elettroniċi u ottiċi, tagħmir elettriku, makkinarju, vetturi u tagħmir tat-trasport eċċ. u tipikament jaqgħu fil-parti tat-teknoloġija avvanzata f'dan il-qasam ta' komiditajiet imħallta. Huwa stmat li, filwaqt li l-valur ta’ esportazzjoni b’użu doppju kkontrollata jirrappreżenta madwar 2% tal-esportazzjonijiet totali, il-kontrolli indirettament jaffettwaw “qasam tal-esportazzjoni" li jirrappreżenta madwar 20% tal-esportazzjonijiet totali (Figura 3).

Figura 3: Il-valur stimat tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju meta mqabbel ma’ "għad-dominju tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju" u l-esportazzjonijiet totali

Parti kbira mid-dominju tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tikkonċerna l-kummerċ intra-UE jew esportazzjonijiet lejn “pajjiżi E001” li jibbenefikaw minn awtorizzazzjonijiet ġenerali tal-esportazzjoni. Dan jirrifletti l-istruttura tas-suq tal-esportazzjoni tal-UE fil-komoditajiet rilevanti kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-kummerċ taħt EUGEAs (Figura 4).

Figura 4: Pajjiżi destinatarji għal dominju tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE fl-2012.

4.2.        Applikazzjonijiet, liċenzji, ċaħdiet

Id-DUCG skambja informazzjoni u dejta miġbura dwar il-kummerċ ta’ oġġetti kkontrollati, sabiex jittejjeb il-fehim ta’ kontrolli fuq l-esportazzjoni u l-effett ekonomiku tagħhom. Xi dejta miġbura għall-perjodu ta’ rappurtar hija rrappurtata hawn taħt; madankollu, għandu jiġi nnutat li mhux l-Istati Membri kollha jiġbru d-dejta kollha. L-informazzjoni pprovduta hawn isfel għalhekk tirrappreżenta stimi approssimattivi ta’ kwantitajiet aggregati u l-valur fil-limiti tad-dejta magħmula disponibbli fiż-żmien tat-tħejjija ta’ dan ir-rapport.

Figura 5: In-numru ta’ awtorizzazzjonijiet u ċaħdiet għall-2010, l-2011 u l-2012[8]

Figura 6: Valur ta’ awtorizzazzjonijiet u ċaħdiet għall-2010-2011 u l-2012 (miljuni ta' EUR)

Figura 7: In-numru kumparattiv ta’ liċenzji u awtorizzazzjonijiet għal kull kategorija (dejta tal-2011)

B’kollox, l-applikazzjonijiet issa għandhom it-tendenza li jaqbżu EUR 30 biljun fis-sena u jirrappreżentaw madwar 2.5% tal-kummerċ estern tal-UE, filwaqt li madwar 3500 ċaħda attiva jirrappreżentaw madwar 0.01 % tat-total tal-kummerċ estern tal-UE. Madankollu, l-istimi tad-dejta juru żieda sostanzjali ta’ kummerċ kkontrollat matul l-aħħar snin. B’kuntrast, l-għadd ta’ ċaħdiet jidher li naqsu matul il-perjodu[9].

5.           Kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE - impatt fuq is-sigurtà u l-kummerċ

Fid-dawl tas-sejħa fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 428/2009, kif emendat, sabiex il-Kummissjoni tippreżenta “evalwazzjoni komprensiva dwar l-implimentazzjoni u l-impatt“, tal-impatt”, ir-rapport dwar il-konsultazzjoni pubblika ppreżentat f’SWD (2013) fis-7 ta’ Jannar 2013 jipprovdi inputs konsiderevoli mill-partijiet interessati rigward l-effetti tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni kemm dwar is-sigurtà kif ukoll dwar il-kummerċ[10]. Il-kontribut tal-partijiet interessati f’dan ir-rigward huwa ppreżentat fil-qosor hawn isfel.

5.1.        Kontrolli tal-esportazzjoni: strument ewlieni biex jippromwovi s-sigurtà f’dinja multipolari globalizzata

Il-partijiet interessati jirrikonoxxu li l-kontrolli fuq l-esportazzjoni, bħala strument kummerċjali relatat mas-sigurtà, aktar minn qatt qabel, jibqa' fuq quddiem nett fl-isforzi ta’ nonproliferazzjoni, u jeħtieġ li jiġu aġġustati għall-evoluzzjoni tar-riskji fil-qasam tas-sigurtà u t-theddid — inkluż il-forom varji ta' terroriżmu u l-isforzi minn xi Stati u atturi mhux statali sabiex jakkwistaw l-armi ta’ qerda tal-massa u teknoloġija korrispondenti tat-trasportaturi u armamenti. Xi partijiet interessati jargumentaw ukoll li l-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet iridu jaġġustaw għal sfidi politiċi u tibdil fl-objettivi tal-politika estera tal-UE, pereżempju fir-rigward tar-rebbiegħa Għarbija u tal-pajsaġġ ġeopolitiku li qed jinbidel malajr, jew f’termini ta’ prevenzjoni tal-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem ikkawżati minn reġimi oppressivi permezz tal-kontroll mill-Istat tal-informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni.

Il-partijiet interessati jidentifikaw varjetà ta’ sfidi għall-politika tal-kontroll tal-esportazzjoni. Dawn jikkonċernaw l-innovazzjoni u l-kapaċitajiet ta' produzzjoni dejjem jiżdiedu tal-ekonomiji emerġenti li jirriżultaw d-disponibbiltà estera tal-prodotti sensittivi, kumpaniji multinazzjonali u proċessi industrijali fi ħdan in-netwerks ta’ produzzjoni dinjija u l-ktajjen tal-provvisti, u l-globalizzazzjoni u ż-żieda fil-volumi tal-kummerċ. Il-firxa rapida ta’ żviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi u l-mobbiltà tal-għarfien, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji trasformattivi ġodda u avvanzati – bħall-cloud computing, l-għodda tal-informatika ċibernetika, ir-riċerka b’użu doppju fix-xjenzi tal-ħajja – ukoll iżidu mal-kumplessità ta’ kontrolli tal-esportazzjoni.

5.2.        Is-“settur b’użu doppju” elużiv: indikazzjoni tal-innovazzjoni u l-kompetittività fl-Ewropa.

Il-partijiet interessati ġeneralment jaqblu l-esportazzjonijiet fl-użu doppju għandhom importanza akbar għall-ekonomija tal-UE minn dak li jidher li jindika l-perċentwal ta’ tranżazzjonijiet kontrollati, billi dawn iħallu impatt sinifikanti fuq is-setturi ewlenin tal-ekonomija tal-UE. Fil-fatt, kontrolli ta’ oġġetti b’użu doppju jaffettwaw ir-riċerka u l-iżvilupp (R&D), il-produzzjoni u l-kummerċ madwar firxa wiesgħa ta’ industriji ċivili — pereżempju l-enerġija (nukleari, iż-żejt u l-gass) ajruspazjali, ta’ difiża u sigurtà, tal-lejżers u navigazzjoni, tat-telekomunikazzjonijiet, tax-xjenzi tal-ħajja, tal-kimika u tal-farmaċewtika, tagħmir għall-ipproċessar tal-materjali, l-elettronika, semikondutturi u industriji tal-kompjuter, mediċi, tal-karozzi — u prodotti kkontrollati li jidħlu fil-katina tal-valur internazzjonali fuq bażi wiesgħa. B’mod kruċjali, il-partijiet interessati jenfasizzaw li prodotti b’użu doppju ta’ spiss jirrappreżentaw prodotti b’teknoloġija avvanzata ħafna li fihom il-kumpaniji tal-UE stabbilixxew ruħhom bħala minn ta’ quddiem u għalhekk ħafna teknoloġiji avvanzati huma affettwati b’mod sħiħ jew parzjalment mill-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti b' użu doppju.

Bosta mill-partijiet interessati jisħqu li l-industrija estensiva tal-UE b'użu doppju tlaqqa’ flimkien eluf ta’ kumpaniji żgħar, medji u kbar li jipprovdu impjiegi u kompetenzi b'valur miżjud għoli - inkluż xogħol sinifikanti ta’ R&D - tul firxa wiesgħa ta' setturi ewlenin tal-ekonomija tal-UE. Din tappoġġja porzjon kbir tal-kummerċ tal-UE ma’ msieħba strateġiċi u għalhekk huwa kruċjali li jkun hemm kontrolli effettivi lejn l-isforzi tal-UE favur l-innovazzjoni u l-kompetittività.

5.3.        Is-sistema tal-UE ta’ kontroll tal-esportazzjoni: akbar mis-somma tal-partijiet tagħha

Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati huma sodisfatti li r-reġim attwali tal-UE ta’ kontroll tal-esportazzjoni jipprovdi qafas sod u fl-istess ħin flessibbli u jinnotaw li l-kostruzzjoni tiegħu hija unika, fis-sens li jipprovdi bażi legali uniformi, b’regoli komuni, definizzjonijiet, kriterji ta’ awtorizzazzjonijiet u lista ta' kontroll komuni, iżda tgħaqqad prinċipji mal-UE kollha u regolamenti mar-regoli u deċiżjonijiet nazzjonali. Il-partijiet interessati jirrikonoxxu li l-benefiċċju primarju tar-Regolament tal-UE ġej mill-moviment liberu ta’ oġġetti b’użu doppju fi ħdan is-suq intern. Huma japprezzaw ukoll is-sempliċità relattiva tiegħu (eż. lista ta' kontroll waħda unika). Barra minn hekk, ħafna partijiet interessati jenfasizzaw l-iżvilupp (pożittiv) konsiderevoli ta’ kontrolli fuq l-esportazzjoni tal-UE matul l-aħħar ftit snin, permezz ta’ inizjattivi importanti bħall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 428/2009, l-introduzzjoni ta' EUGEAs ġodda, it-twaqqif tad-DUeS, kif ukoll proposti biex jiżguraw li l-lista ta' kontroll tal-UE tiġi aġġornata regolarment.

Xi partijiet interessati, madankollu, iqisu li s-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-UE għadha timpedixxi l-kompetittività speċjalment minħabba li d-differenzi politiċi, regolatorji u operattivi inkorporati fis-sistema tal-UE jistgħu jirriżultaw f’varjazzjonijiet sinifikanti f’termini tal-ipproċessar ħin għal-liċenzji tal-esportazzjoni u interpretazzjonijiet diverġenti tar-regoli tal-UE. Huma jgħidu li "l-implimentazzjoni assimetrika" ta' kontrolli tal-UE fuq l-esportazzjoni toħloq distorsjoni fil-kummerċ u xi drabi tirriżulta f'suq frammentat li jaffettwa t-trattament ugwali tal-kumpaniji Ewropej. Huma jqisu li kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE ma jindirizzawx biżżejjed livelli differenti ta’ riskju, filwaqt li l-infurzar jibqa’ xi drabi fframmentat minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni sistematika bejn l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Minn perspettiva ta’ sigurtà, xi partijiet interessati huma tal-fehma li livelli varji ta’ kontroll iżidu r-riskju ta' esponiment għal “punti dgħajfa” fil-kontroll tal-katina tal-esportazzjoni u tista’ tikkomprometti l-effikaċja globali ta’ kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE.

Barra minn hekk, it-tbassir tas-sistema tal-UE ta’ kontroll tal-esportazzjoni fuq livelli multilaterali u internazzjonali għadhom ma ġewx ipperfezzjonati, minħabba li la l-Istati Membri u lanqas l-UE ma jipparteċipaw fir-reġimi tal-kontroll tal-esportazzjoni multilaterali[11]. Minkejja dan, matul il-perjodu kollu, l-UE żviluppat relazzjonijiet ma’ msieħba ewlenin biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ interess komuni eż. mal-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina. B’mod partikolari, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jsegwu mill-qrib ir-riforma tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni tal-Istati Uniti u, mill-introduzzjoni tal-Awtorizzazzjoni tal-Kummerċ Strateġiku (STA) fl-2011, enfasizzat il-ħtieġa li tiġi estiża għall-Istati Membri kollha.

5.4.        Kontroll tal-esportazzjoni u kompetittività: Distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u opportunitajiet għal kundizzjonijiet ekwi madwar id-dinja

Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jirrikonoxxu li kontrolli fuq l-esportazzjoni tajba huma kruċjali għar-reputazzjoni għall-introduzzjoni, iżda jenfasizzaw l-ispejjeż ta’ konformità għoljin assoċjati mal-ġestjoni ta’ ċerti proċeduri ta’ kontroll tal-esportazzjoni li jirrappreżentaw piż amministrattiv reali għal ċerti industriji. Dawn ġeneralment jikkunsidraw li l-kontrolli fuq l-esportazzjoni saru fattur sinifikanti tal-kompetittività bħala riżultat tal-ktajjen tal-forniment interkonnessi u kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni. Huma jenfasizzaw li l-kombinazzjoni tad-disponibbiltà estera ta’ ċerti oġġetti b’użu doppju mal-implimentazzjoni assimetrika tal-obbligi internazzjonali permezz ta’ politiki ta' kontrolli tal-esportazzjoni differenzjati jaffettwaw il-kompetittività ta’ ċerti operaturi ekonomiċi mill-UE. Huma jissuġġerixxu li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni tista’ tirriżulta mid-differenzi fil-liġijiet u r-regolamenti, inklużi esklużjonijiet u eżenzjonijiet differenti u arranġamenti oħra ta’ faċilitazzjoni, minn lista ta' kontroll tal-UE mhix aġġornata, u minn dewmien fit-twassil ta’ kunsinni kkawżat minn reġimi ta’ applikazzjoni għal-liċenzji li ċerti kompetituri ma jikkonfrontawx. Kontrolli tal-esportazzjoni anqas stretti jew aktar sempliċi f’pajjiżi terzi li ma jipparteċipawx f’reġimi multilaterali ta’ kontroll fuq l-esportazzjonijiet jirrappreżentaw kwistjoni partikolari. Il-kumpaniji li joperaw fis-suq globali jitolbu għal aktar parità sabiex l-industriji tal-UE jkunu jistgħu jikkompetu fuq termini ugwali u biex jiġi mħeġġeġ aktar l-iskambju ta’ informazzjoni u kollaborazzjoni regolatorja bejn l-imsieħba kummerċjali ewlenin.

Fl-istess ħin, il-partijiet interessati jirrikonoxxu li l-globalizzazzjoni tippreżenta opportunitajiet għal kundizzjonijiet aktar ekwi, billi l-UNSCR 1540 tesiġi li l-pajjiżi kollha għandu jkollhom kontrolli effettivi tal-esportazzjoni u li r-reġimi multilaterali tal-kontroll tal-esportazzjoni għandhom iwettqu kuntatt sinifikanti ma’ fornituri ta’ oġġetti sensittivi. Bħala riżultat ta' dan, pajjiżi terzi barra r-reġimi multilaterali dejjem aktar qed jiżviluppaw sistemi domestiċi ta’ kontroll fuq l-esportazzjoniijiet fir-reġjuni kollha tad-dinja. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni tal-UE u programmi ta’ sensibilizzazzjoni, kif ukoll approssimazzjoni tar-regolamenti fil-pajjiżi kandidati permezz tal-proċess ta’ tkabbir, jippromwovu konverġenza internazzjonali, u jista’ jiġi nnutat li s-sistema tal-UE żviluppat f’punt ta’ riferiment internazzjonali.

6.           Kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE f’dinja li qed tinbidel — reviżjoni tal-politika ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, minbarra l-emendi leġiżlattivi rrappurtati hawn fuq, il-Kummissjoni tat ukoll bidu għal reviżjoni wiesgħa tal-politika ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

6.1.        Konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni

Il-Kummissjoni regolarment torganizza konsultazzjonijiet pubbliċi, li fiha titlob l-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni. F’April 2011, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni teknika dwar il-lista ta’ kontroll tal-UE biex tiġbor informazzjoni dwar id-disponibbiltà estera ta’ oġġetti suġġetti għal kontrolli.

Fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 25, il-Kummissjoni ħarġet f’Ġunju 2011 Green Paper[12] fejn enfasizzat l-iżvilupp tas-sistema tal-UE ta’ kontroll tal-esportazzjoni matul l-aħħar għaxar snin u fejn nediet dibattitu pubbliku wiesa’ dwar il-funzjonament tagħha u alternattivi strateġiċi futuri. Il-Green Paper immarkat l-ewwel pass lejn it-tħejjija tar-reviżjoni meħtieġa skont l-Artikolu 25 tar-Regolament. Bħala tali, il-Green Paper kien fiha mistoqsijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 428/2009, kif ukoll mistoqsijiet aktar strateġiċi mfassla biex jgħinu jistabbilixxu f’liema direzzjoni għandha tevolvi s-sistema tal-UE ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

F’Jannar 2013, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni[13] “Kontrolli tal-esportazzjoni strateġiċi: l-iżgurar tas-sigurtà u l-kompetittività f’dinja li dejjem tinbidel" irreveda iktar minn 100 kontribuzzjoni li waslu u identifika l-kwistjonijiet ewlenin imqajma mill-partijiet interessati (Stati Membri, inklużi parlamenti nazzjonali u partiti politiċi, membri tal-Parlament Ewropew, assoċjazzjonijiet tal-industrija u operaturi ekonomiċi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-akkademja matul il-konsultazzjoni pubblika) li wkoll esprimew l-opinjonijiet tagħhom dwar is-saħħiet u d-dgħufijiet tas-sistema tal-UE ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

6.2.        Il-prospetti għal evoluzzjoni tar-reġim tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-UE.

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jirrapporta wkoll dwar il-fehmiet tal-partijiet interessati rigward titjib possibbli u l-evoluzzjonijiet lejn approċċ iktar integrat tar-reġim ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-UE “fl-era tal-informazzjoni” li se jiżgura kundizzjonijiet ekwi u jsaħħaħħ denominaturi komuni. Xi partijiet interessati b'mod partikolari jsejħu għal aktar armonizzazzjoni fejn tidħol il-politika tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjoni u biex jittieħed kont tal-iżviluppi reċenti ta' politika bħall-użu tal-interċettazzjoni bl-ICT u elementi ta' monitoraġġ jew “cybertools“. Xi partijiet interessati jirrakkomandaw ukoll aġġustamenti biex jittejjeb il-qafas għal-liċenzjar, eż. permezz tal-użu ta’ EUGEAs imwessgħa bbażati fuq ir-riskju u reviżjoni tal-kontrolli nazzjonali. Huma jsejħu għal ottimizzazzjoni tal-mekkaniżmu li jkopri kollox u reviżjoni kritika ta’ trasferimenti intra-UE, sabiex jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fi ħdan is-Suq Uniku tal-UE. Xi wħud jagħmlu suġġerimenti biex itejbu s-senserija u l-kontrolli tat-transitu u jenfasizzaw l-importanza għal listi ta’ kontroll li jiġu aġġornati b'mod regolari fid-dawl ta’ żviluppi teknoloġiċi u kummerċjali.

Il-partijiet interessati jagħtu wkoll attenzjoni konsiderevoli lejn l-effettivita tal-implimentazzjoni tal-kontrolli u xi wħud jippromwovu ideat dwar l-iżvilupp ta' netwerk tal-UE tal-kontroll tal-esportazzjoni b'komunalitajiet ta' infrastruttura mtejba abbażi pereż. ta' kooperazzjoni strutturata, ġabra flimkien tar-riżorsi u l-iskambju tal-informazzjoni, għodod, kriterji u evalwazzjoni tar-riskju komuni, kif ukoll taħriġ. Huma jsejħu wkoll għal aktar trasparenza u djalogu mas-settur privaat u mad-dinja akkademika sabiex jitjiebu kemm iċ-ċertezza legali kif ukoll l-effettività tal-kontrolli, pereż. permezz tar-rikonoxximent tal-Programmi Interni ta' Konformità (PIK) u l-ħruġ ta' linji ta' gwida.

6.3.        L-analiżi tal-politika tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-UE: il-passi li jmiss

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal u r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għalhekk jifforma parti minn analiżi aktar wiesgħa tas-sistema tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-UE. Huwa jwittu t-triq għat-tħejjija ta' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li għandha toħroġ kmieni fl-2014 li tista' tfassal viżjoni għat-tul dwaril-kontrolli strateġiċi tal-esportazzjoni tal-UE u tista' tħabbar inizjattivi konkreti ta' politika għall-modernizzazzjoni tas-sistema tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-UE u l-adattazzjoni tagħha għal ċirkostanzi teknoloġiċi, ekonomiċi u politiċi li qed jinbidlu malajr, skont il-mandat tal-Artikolu 25 tar-Regolament dwar il-kontroll tal-esportazzjoni.

Anness I - Lista ta’akronimi

AG || Il-Grupp Awstralja

CWC   || Il-Konvenzjoni tal-Armi Kimiċi

DUCG || Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar oġġetti b'Użu Doppju

DUeS || Is-Sistema Elettronika b’Użu Doppju (Dual-Use Electronic System)

DUWP || Il-Grupp ta’ Ħidma dwar oġġetti b’Użu Doppju

UE || L-Unjoni Ewropea

EUGEA || Awtorizzazzjoni Ġenerali Nazzjonali tal-Esportazzjoni

ICP MTCR || Programm ta’ Konformità Interna Ir-reġim ta’ Kontroll tat-Teknoloġija Missilistika

NPT NSG || It-Trattat tan-Nonproliferazzjoni Il-Grupp tal-Fornituri Nukleari.

TARIC || Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej

AQM || Armi tal-Qerda Massiva

[1]               ĠU L 129, 16.5.2012, p. 12.

[2]               COM(2011) 704 finali.

[3]               Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni u Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar spedizzjonijiet ta’ valur baxx annessa mar-Regolament (UE) Nru 1232/2011.

[4]               ĠU C 67, 6.3.2012, p. 1.

[5]               ĠU C 283, 19.9.2012, p. 4.

[6]               Il-Grupp ta’ esperti kien inizjalment inħoloq b’reazzjoni għal rakkomandazzjoni ta' Evalwazzjoni bejn il-Pari tal-2004, u iktar tard kien formalizzat u ssaħħaħ minħabba domanda dejjem tikber.

[7]               Il-kunċett ta' dominju tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju jirreferi għal qasam kbir u mħallat ta' komoditajiet li jinkudi oġġetti b'użu doppju. Il-kummerċ ta' oġġetti b'użu doppju jseħħ fi ħdan dan il-qasam ta' komoditajiet, iżda mhux identiku miegħu, peress li mhux il-komoditajiet kollha fi ħdan id-dominju tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju huma kkontrollati fejn tidħol l-esportazzjoni u l-oġġetti b'użu doppju tipikament jinstabu fuq in-naħa tat-teknoloġija għolja tiegħu. Il-kejl miċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-bażi tad-dejta Comext tal-Eurostat, jirriżulta fi stima stabbli ta’ "dominju tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju” li tirrappreżenta madwar 20 % tat-total tal-esportazzjonijiet tal-UE (inkluż il-kummerċ fi ħdan l-UE).

[8]               It-tnaqqis fl-applikazzjonijiet (volum f'Figura 5 u l-valur f'Figura 6) huwa minħabba dejta mhux kompluta, minħabba li ma nġabritx id-dejta kollha sal-pubblikazzjoni tar-rapport. Għandu jiġi nnutat li l-applikazzjonijiet mhumiex neċessarjament is-somma tal-awtorizzazzjonijiet u ċaħdiet, minħabba li numru ta’ applikazzjonijiet jistgħu jiġu kkanċellati u xi applikazzjonijiet jistgħu ma jiġux ffinalizzati fl-istess sena.

[9]               Innota li dan jista’ jiġi attribwit għal diversi fatturi, inkluż għarfien aħjar tal-kumpaniji dwar każijiet kritiċi, l-introduzzjoni ta’ reġimi ta' projbizzjoni (sanzjonijiet), eċċ.

[10]             Din iċ-ċifra tirreferi għan-numru totali ta' ċaħdiet li għadhom validi fit-tmiem tal-perjodu ta' referenza, inkluż caħdiet maħruġa qabel. B'kuntrast ma' dan, id-dejta fil-Figuri 5 u 6 jirriferu biss għal madwar 1700 ċaħda, approssimattivament maħruġa matul il-perjodu ta' rappurtar.

[11]             Il-Kummissjoni — u, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-UE — hija membru tal-Grupp Awstralja u l-Kummissjoni hija wkoll osservatur fl-NSG u tieħu sehem attiv fl-attivitajiet ta’ dawn ir-reġimi ta’ kontroll tal-esportazzjoni multilaterali. L-UE m’għandhiex status formali fir-reġimi ta’ kontroll tal-esportazzjoni l-oħra — l-MTCR u l-Arranġament Wassenaar. Tmien Stati Membri mhumiex membri tal-MTCR u Ċipru lanqas mhi membru tal-Ftehim ta’ Wassenaar.

[12]             COM (2011) 393 tat-30.6.2011.

[13]             SWD COM(2013)7 tas-17.1.2013