52013DC0704

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċertu żebgħa u lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi u li temenda d-Direttiva 1999/13/KE /* COM/2013/0704 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċertu żebgħa u lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi u li temenda d-Direttiva 1999/13/KE

1.           Introduzzjoni

Id-Direttiva 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ("id-Direttiva dwar iż-Żebgħa") tillimita l-emissjonijiet tal-komposti organiċi volatili ("KOV") minħabba l-użu ta' solventi organiċi f'ċerta żebgħa, lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi.

Id-Direttiva dwar iż-Żebgħa timmira li tevita jew tnaqqas it-tniġġis tal-arja li jirriżulta mill-kontribuzzjoni tal-KOVs għall-formazzjoni tal-ożonu fil-livell tal-art[1] u tal-materja partikulata sekondarja. Din tikkumplimenta miżuri li jridu jittieħdu fil-livell nazzjonali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-limiti tal-emissjonijiet tal-KOV kif stabbiliti fid-Direttiva 2001/81/KE dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi (“id-Direttiva dwar in-NEC”). Il-prodotti koperti bid-Direttiva dwar iż-Żebgħa huma ż-żebgħa u l-lostri applikati fuq il-bini, it-tiżjin u t-tagħmir tagħhom, u fuq strutturi assoċjati għal skopijiet dekorattivi, funzjonali u prottetivi, kif ukoll il-prodotti ta’ lostru mill-ġdid tal-vetturi[2].

Skont id-Direttiva dwar iż-Żebgħa, il-kontenut tal-KOV fil-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha u li jitqiegħdu fis-suq wara l-1 ta’ Jannar 2007 ma jistax jaqbeż il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness II tagħha. Mill-1 ta’ Jannar 2010, bdew japplikaw valuri tal-limitu tal-KOV iżjed stretti għaż-żebgħa u l-lostri (il-Fażi II). Barra minn hekk, skont id-Direttiva dwar iż-Żebgħa, it-tikketti tal-prodotti jridu jindikaw il-kontenut tal-KOV tal-prodotti u b’hekk jgħinu lill-konsumatur jagħmel għażliet infurmati. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programm ta’ monitoraġġ biex tiġi vverifikata l-konformità mal-limiti tal-KOV u mar-rekwiżiti tat-tikkettar, u għandhom jibagħtu rappori b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ dan il-monitoraġġ.

Dan huwa t-tieni rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jagħti ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa mill-Istati Membri. L-ewwel rapport[3] ġie adottat fl-2011. L-analiżi li għaddejja bħalissa tal-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja (TSAP)[4] tinkludi valutazzjoni sħiħa tas-sorsi tal-emissjonijiet tal-KOV u tal-miżuri kosteffikaċi possibbli ta' tnaqqis. Għalhekk, ma saret l-ebda analiżi separata tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa.

Bħala azzjoni supplimentari fuq livell Ewropew, ta’ min jinnota li issa hemm l-“ekotikketti” għaż-żebgħa u l-lostru ta’ ġewwa u ta’ barra[5]. Dawn l-ekotikketti jeħtieġu, fost l-oħrajn, limitazzjonijiet volontarji aktar stretti tal-kontenut tal-KOV fil-prodotti, biex b’hekk iwasslu għal aktar tnaqqis fl-emissjonijiet tal-KOV permezz ta’ għażla tal-prodotti aktar informata min-naħa tal-konsumatur.

2.           Implimentazzjoni

2.1.        Introduzzjoni

Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa, l-Istati Membri jridu jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-programm ta’ monitoraġġ tagħhom biex juru l-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva. Skont l-istess Artikolu, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw ukoll dwar il-kategoriji u l-kwantitajiet ta’ prodotti li għalihom inħarġet liċenzja skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa.

L-Istati Membri kellhom jissottomettu t-tieni rapport tagħhom, li jkopri l-2010, sal-1 ta’ Lulju 2012 fid-dawl tal-limiti aktar stretti tal-KOV tal-Fażi II (l-Anness II tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa) li bdew japplikaw għaż-żebgħa u l-lostri sa mill-1 ta’ Jannar 2010. Il-Kummissjoni żviluppat u adottat format komuni biex tippromwovi rappurtar konsistenti min-naħa tal-Istati Membri[6].

Is-27 Stat Membru kollha bagħtu r-rapport tal-implimentazzjoni tagħhom. Dawn ir-rapporti, u l-valutazzjoni sussegwenti tagħhom, huma disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni[7].

Dan ir-rapport, li jiġbor fih fil-qosor is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tat-tagħrif li wasal mingħand l-Istati Membri, jiffoka fuq żewġ aspetti tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa, jiġifieri:

· fuq liema programmi ta’ monitoraġġ ġew stabbiliti sabiex jiġu ċċekkjati r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa, jiġifieri l-azzjonijiet prinċipalment imwettqin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri; u

· fuq kemm l-Istati Membri jikkonformaw tajjeb mar-rekwiżiti tekniċi tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa, jiġifieri l-azzjonijiet ta' implimentazzjoni meħudin mill-manifatturi, l-importaturi, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut taż-żebgħa u l-lostri.

2.2.        Programmi ta' monitoraġġ

L-informazzjoni għall-2010 pprovduta mill-Istati Membri turi li sar progress fil-monitoraġġ tal-konformità mal-limiti tal-kontenut tal-KOV (l-Anness II) u mar-rekwiżiti tat-tikkettar (l-Artikolu 4), jew li dan il-monitoraġġ baqa’ mill-inqas fl-istess livell tal-2007.

L-Istati Membri jużaw approċċi differenti biex jimmonitorjaw il-konformità. Dawn jistgħu jinkludu kontrolli fiżiċi (pereżempju, it-teħid ta' kampjuni u l-analiżi tal-prodotti taż-żebgħa, u l-ispezzjoni viżwali tat-tikketti) u/jew approċċ ta' verifika anqas dirett permezz ta’ kontrolli tad-dokumentazzjoni ppreżentata mill-produtturi. F’xi każijiet, il-proċess iktar ikkumplikat tal-ispezzjoni jew it-teħid ta’ kampjuni jsir biss jekk l-osservazzjonijiet tal-verifika jkunu jiġġustifikaw dan. Biex jippromwovu monitoraġġ aktar effettiv, xi Stati Membri indikaw li qiesu approċċi alternattivi għall-verifika ta' konformità, bħal pereżempju li jobbligaw lill-manifatturi jimlew kwestjonarju li jintradd lura flimkien ma’ kampjuni tal-prodotti, jewinkella li jdaħħlu skemi ta’ awtoċertifikazzjoni.

Għalkemm kien hemm varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri individwali, in-numru totali ta’ spezzjonijiet fuq il-post imwettqin fl-2010 fl-UE-27 kien sinifikanti – fil-fatt saru xi 4 700 spezzjoni biex jiġi ċċekkjat il-kontenut tal-KOV tal-prodotti u/jew it-tikkettar tagħhom. L-ispezzjonijiet koprew l-atturi kollha involuti fit-tqegħid tal-prodotti fis-suq, jiġifieri l-manifatturi, l-importaturi, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut taż-żebgħa u l-lostri. Fil-livell tal-Istati Membri individwali, in-numru ta’ spezzjonijiet irrappurtati kien ivarja minn żero (fi tliet Stati Membri) sa 830.

Minkejja li, għal darb’oħra, kien hemm varjazzjonijiet kbar fil-livell tal-Istati Membri individwali, numru kbir ta’ kampjuni taż-żebgħa u tal-lostru ġew analizzati għall-kontenut tal-KOV tagħhom, u fil-fatt saru aktar minn 19 000 analiżi fl-UE-27 fl-2010. Erba’ Stati Membri analizzaw aktar minn 1 000 kampjun (l-akbar numru kien ta’ 11 800 kampjun), iżda ħames Stati Membri ma għamlu l-ebda analiżi. L-iktar li kienu analizzati kienu l-prodotti taż-żebgħa u tal-lostru mibjugħa mill-bejjiegħa bl-imnut (li jammontaw għal 41 % tal-kampjuni).

In-numru ta’ kontrolli tat-tikketti tal-prodotti, jew permezz ta’ spezzjoni viżwali jew permezz ta’ metodi oħrajn, kien ilaħħaq il-121 000 fl-UE-27 fl-2010, għalkemm għal darb’oħra kien hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Fil-livell tal-Istati Membri individwali, in-numru ta’ kontrolli kien ivarja minn żero (fi tliet Stati Membri) sa 78 000. L-iktar li kienu ċċekkjati għall-konformità tat-tikketti kienu l-prodotti taż-żebgħa u tal-lostru mibjugħa mill-bejjiegħa bl-ingrossa (li kienu jammontaw għal 41 % tal-kontrolli kollha).

Dawk l-Istati Membri li rrappurtaw li ma sar l-ebda monitoraġġ fl-2010, jew li rrappurtaw livelli baxxi ħafna tiegħu, semmew numru ta’ raġunijiet għal dan. Ħafna Stati Membri kienu mxekkla minn nuqqas ta’ riżorsi, b’mod partikolari finanzjarji. Xi awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għelbu din il-problema billi użaw il-prijoritizzazzjoni (pereżempju, billi l-monitoraġġ ġie mmirat lejn prodotti speċifiċi) u/jew billi użaw kampanji ta’ informazzjoni (biex jiżdied l-għarfien dwar id-Direttiva dwar iż-Żebgħa u tittejjeb il-konformità magħha). Kien hemm ukoll kwistjonijiet ta' nuqqas ta’ laboratorji ċċertifikati għall-analiżi tal-kampjuni tal-prodotti.

2.3.        Konformità mal-limiti tal-KOV u mar-rekwiżiti tat-tikkettar

Il-limiti tal-KOV

L-Anness IIA tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa jiddefinixxi żewġ settijiet ta’ valuri tal-limitu għall-kontenut massimu tal-KOV fil-prodotti taż-żebgħa u fil-lostri (fi grammi għal kull litru tal-prodott li hu “lest għall-użu”). Il-“valuri tal-limitu tal-Fażi I” ilhom fis-seħħ sa mill-1 ta’ Jannar 2007. Il-"valuri tal-limitu tal-KOV tal-Fażi II", li huma aktar stretti, daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010. Għalhekk, prodotti li fl-2010 nstabu li ma kinux konformi mal-limiti “tal-Fażi I” kienu wkoll simultanjament mhux konformi mal-limiti “tal-Fażi II”. Għall-prodotti ta’ lostru mill-ġdid tal-vetturi, il-valuri tal-limitu tal-KOV mogħtija fl-Anness IIB tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa ilhom fis-seħħ sa mill-1 ta’ Jannar 2007 u ma ġewx emendati minn dak iż-żmien ’l hawn.

Għal-limiti tal-KOV tal-Fażi I ir-rata ta’ konformità inġenerali kienet relattivament għolja u kienet ta’ 98,7 % (jiġifieri kien hemm 259 kampjun li ma kienx konformi minn total ta’ 19 525 kampjun). L-akbar proporzjon ta’ kampjuni li ma kinux konformi nstab fost il-bejjiegħa bl-ingrossa (2,5 % tal-kampjuni ma kinux konformi) u fost l-importaturi (2,4 % tal-kampjuni ma kinux konformi).

Għal-limiti tal-KOV tal-Fażi II, li huma aktar stretti, ir-rata ta’ konformità inġenerali kienet, għal darb’oħra, relattivament għolja u kienet ta’ 97,46 % (jiġifieri kien hemm 500 kampjun li ma kienx konformi). L-akbar proporzjon ta’ kampjuni li ma kinux konformi nstab fost l-importaturi (6 % tal-kampjuni ma kinux konformi).

Dawn il-livelli għolja ta’ konformità jindikaw li, meta jiġu ċċekkjati, il-limiti tal-KOV b’mod ġenerali huma segwiti fl-UE-27 kollha, għalkemm għad baqa’ opportunitajiet biex ir-rata ta’ konformità titqarreb għal 100 %. B’mod ġenerali l-livelli ta’ konformità huma simili għal dawk irrappurtati għall-2007.

Rekwiżiti tat-tikkettar

Minn xi 121 000 kampjun li ġew iċċekkjati t-tikketti tagħhom fl-2010, 94,2 % nstab li kienu konformi. L-ogħla rata ta’ nuqqas ta’ konformità kienet fost l-importaturi. Minħabba d-differenzi fin-numru ta’ kampjuni/tikketti analizzati, ma jistax isir paragun sew tal-livelli ta' nuqqas ta’ konformità nnutati fl-Istati Membri differenti.

Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità mhumiex evidenti mid-dejta pprovduta fir-rapporti tal-Istati Membri. Għalkemm il-livelli ta’ konformità jidhru li tjiebu b'mod konsiderevoli mill-2007 ’l hawn, meta l-ksur tar-rekwiżiti tat-tikkettar kien jammonta għal madwar 20 %, hemm lok għal titjib fil-kontrolli tal-konformità, speċjalment f’dawk l-Istati Membri fejn il-monitoraġġ mhux qed jitwettaq dal-ħin.

Prodotti li mhumiex konformi

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-Istati Membri li sabu nuqqas ta’ konformità mal-limiti tal-kontenut tal-KOV jew mar-rekwiżiti tat-tikkettar ipprovdew ukoll informazzjoni dwar is-sottokategoriji tal-prodotti li ma kinux konformi skont l-Anness I tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa.

Il-biċċa l-kbira tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, kemm mal-limiti tal-kontenut tal-KOV u kemm mar-rekwiżiti tat-tikkettar, kienu marbutin mal-prodotti tal-kategorija 1.1d) (“dekorazzjoni interna/esterna u kisi minn barra għal injam, metall jew plastik”). Ġew irrappurtati każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kemm mar-rekwiżiti tal-limiti tal-kontenut tal-KOV u kemm mar-rekwiżiti tat-tikkettar għal tliet kategoriji oħra ta’ prodotti, jiġifieri fil-kategoriji 1.1a) “kisjiet matti għal ħitan interni u soqfa”, 1.1e) “lostri ta' dekorazzjoni interna/esterna u kulur għall-injam” u 1.1i) “kisjiet bi prestazzjoni ta' pakkett wieħed”.

Kienu rrappurtati nuqqasijiet ta’ konformità f’aktar sottokategoriji f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tat-tikkettar, milli f’dak li għandu x’jaqsam mal-limiti tal-KOV. Fil-fatt instabu nuqqasijiet ta’ konformità mar-rekwiżiti tat-tikkettar fis-sottokategoriji kollha minbarra tnejn fost dawk taż-żebgħa u l-lostri u fis-sottokategoriji kollha tal-prodotti ta’ lostru mill-ġdid tal-vetturi.

Azzjonijiet biex tiġi żgurata l-konformità

L-iktar sanzjoni komuni meħuda mill-Istati Membri fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-limiti tal-kontenut tal-KOV kien l-irtirar tal-prodotti mis-suq, kif meħtieġ mid-Direttiva dwar iż-Żebgħa.

Fil-każ ta’ ksur tar-rekwiżiti tat-tikkettar, b'mod ġenerali l-Istati Membri kienu jitolbu lill-operaturi jikkoreġu l-iżball f'ċertu perjodu taż-żmien biex jevitaw il-prosekuzzjoni jew il-multi.

Stat Membru wieħed biss semma l-prosekuzzjonijiet u l-istess Stat Membru jitlob lill-operaturi jixprunaw il-bidliet permezz tal-katina tal-provvista tagħhom.

Xi Stati Membri rrappurtaw li, minflok ma ppenalizzaw lill-operaturi għal nuqqas ta’ konformità, b’mod kostruttiv tawhom pariri dwar ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa u dwar il-bidliet meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità magħha.

3.           Konklużjoni u prospetti

L-informazzjoni li waslet mingħand l-Istati Membri skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa turi li, fl-2010, bosta Stati Membri kienu stabbilixxew il-monitoraġġ biex jiċċekkjaw il-konformità tal-prodotti taż-żebgħa u tal-lostru li jitqiegħdu fis-suq. Madankollu, għad hemm numru żgħir ta’ Stati Membri li naqsu milli jagħmlu dan u li kien għadhom ma stabbbilixxewx programmi adegwati ta' monitoraġġ.

F’dawk l-Istati Membri li jwettqu l-monitoraġġ, hemm varjazzjoni kbira fil-frekwenza li biha jitwettaq il-monitoraġġ. Dawn l-Istati Membri juru konformità ġeneralment tajba mal-valuri tal-limitu tal-KOV preskritti mid-Direttiva dwar iż-Żebgħa, u l-ogħla rata ta' nuqqas ta’ konformità ġeneralment tinstab fiż-żebgħa importata. Madankollu, jidher li hemm bżonn ta’ infurzar aħjar tar-rekwiżiti tat-tikkettar.

L-Istati Membri li baqgħu lura huma mħeġġa jieħdu l-miżuri meħtieġa malajr biex jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi marbuta mal-programmi ta’ monitoraġġ.

Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib il-progress li jsir b’rabta ma’ dawn il-kwistjonijiet u se tkompli tgħin lill-Istati Membri biex itejbu aktar il-livell ta’ prestazzjoni tagħhom, kemm permezz ta’ diversi attivitajiet ta’ appoġġ u kemm permezz ta’ azzjoni xierqa ta’ infurzar.

Għalhekk, qed issir rakkomandazzjoni lill-Istati Membri biex ikomplu bl-isforzi tagħhom favur monitoraġġ u infurzar immirat lejn l-aspetti fejn dawn huma l-aktar effettivi u effiċjenti biex jitnaqqsu l-prodotti taż-żebgħa u tal-lostru mhux konformi li jitqiegħdu fis-suq.

[1]               L-ożonu jifforma permezz ta’ reazzjoni tal-KOV mal-ossidi tan-nitroġenu u mal-monossidu tal-karbonju fil-preżenza tad-dawl tax-xemx.

[2]               Il-"prodotti ta' lostru mill-ġdid tal-vetturi" huma ddefiniti bħala l-prodotti elenkati fis-sottokategoriji msemmija fl-Anness II(B) tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa. Dawn jintużaw għall-kisi ta' vetturi tat-triq kif iddefiniti fid-Direttiva 70/156/KEE, jew ta’ parti minnhom, liema xogħol isir bħala parti mit-tiswija, mill-konservazzjoni jew mid-dekorazzjoni tal-vetturi ’l barra mill-istallazzjonijiet tal-manifattura tagħhom.

[3]               COM(2011)297 http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0297:FIN:MT:PDF.

[4]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Strateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja (COM(2005) 446 finali), 21.9.2005.

[5]               Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/543/KE li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-ekotikketta Komunitarja għaż-żebgħa u l-verniċ ta’ barra, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/544/KE li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-ekotikketta Komunitarja għaż-żebgħa u l-verniċ ta’ ġewwa.

[6]               Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/693/UE tat-22 ta’ Lulju 2010 (ĠU L 301, 18.11.2010, p. 4).

[7]               https://circabc.europa.eu/w/browse/d8915eeb-0b2f-4d22-824e-1d4b5d969e14