52013DC0691

ABBOZZ TAL-BAĠIT EMENDATORJU Nru 9 GĦALL-BAĠIT ĠENERALI TAL-2013 DIKJARAZZJONI TAD-DĦUL SKONT IT-TAQSIMA DIKJARAZZJONI TAN-NEFQA SKONT IT-TAQSIMA Taqsima III — Il-Kummissjoni /* COM/2013/0691 final - 2013/ () */


ABBOZZ TAL-BAĠIT EMENDATORJU Nru 9 GĦALL-BAĠIT ĠENERALI TAL-2013

DIKJARAZZJONI TAD-DĦUL SKONT IT-TAQSIMA DIKJARAZZJONI TAN-NEFQA SKONT IT-TAQSIMA Taqsima III — Il-Kummissjoni

Wara li ġie kkunsidrat:

– it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 314 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

– ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

– il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja tal-2013, adottat fit-12 ta’ Diċembru 2012[2],

– il-baġit emendatorju Nru 1/2013 adottat fl-4 ta’ Lulju 2013,

– il-baġit emendatorju Nru 2/2013, adottat fil-11 ta' Settembru 2013,

– il-baġit emendatorju Nru 3/2013, adottat fil-11 ta' Settembru 2013,

– il-baġit emendatorju Nru 4/2013, adottat fil-11 ta' Settembru 2013,

– il-baġit emendatorju Nru 5/2013, adottat fil-11 ta' Settembru 2013,

– l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 6/2013[3], adottat fl-10 ta’ Lulju 2013, kif emendat fit-18 ta' Settembru 2013[4],

– l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 7/2013[5], adottat fil-25 ta’ Lulju 2013,

– l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2013[6], adottat fil-25 ta' Settembru 2013,

Il-Kummissjoni Ewropea hawnhekk qed tippreżenta lill-awtorità tal-baġit l-Abbozz ta’ Baġit Emendatorju Nru 9 għall-baġit tal-2013.

BIDLIET FID-DIKJARAZZJONI TAD-DĦUL U N-NEFQA SKONT IT-TAQSIMA

Il-bidliet għad-dikjarazzjoni tad-dħul u n-nefqa skont it-taqsima huma disponibbli fuq il-EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/budget/www/index-mt.htm). Verżjoni bl-Ingliż tal-bidliet f’din id-dikjarazzjoni hija mehmuża għall-informazzjoni bħala anness baġitarju.

WERREJ

1.      Introduzzjoni 5

2.      Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE. 5

2.1    Nixfa fir-Rumanija.. 5

2.2    Għargħar fl-Ewropa Ċentrali 6

2.2.1      Il-Ġermanja.. 7

2.2.2      L-Awstrija.. 8

2.2.3      Ir-Repubblika Ċeka.. 9

3.      Finanzjament.. 10

4.      Tabella sommarja skont l-intestatura tal-Qafas Finanzjarju.. 11

1.           Introduzzjoni

L-Abbozz ta' Baġit Emendatorju (ABE) Nru 9 għas-sena 2013 ikopri l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE għall-ammont ta' EUR 400,5 miljun f'approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament. Il-mobilizzazzjoni hija favur ir-Rumanija rigward nixfa u nirien fil-foresta fis-sajf tal-2012, u favur il-Ġermanja, l-Awstrija u r-Repubblika Ċeka rigward l-għargħar f'Mejju u f'Ġunju 2013.

2.           Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE

2.1         Nixfa fir-Rumanija

Matul is-sajf tal-2012 partijiet kbar tar-Rumanija soffrew minn ammont baxx ħafna ta' xita u bosta mewġiet ta' temperaturi għoljin ħafna, li wasslu għal nixfa fejn għelejjel importanti spiċċaw mietu, għal bosta nirien fil-foresta u fil-veġetazzjoni, nuqqas ta' ilma għall-popolazzjoni, u li rriżultaw fi problemi fil-fornitura tal-ilma u fis-sistemi għall-produzzjoni tal-enerġija idrika. Konsegwentament, f'Novembru 2012, l-awtoritajiet Rumeni ddeċidew li jippreżentaw applikazzjoni għal għajnuna finanzjarja mill-Fond ta' Solidarjetà tal-UE.

Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu investigazzjoni bir-reqqa tal-applikazzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 u b'mod partikolari skont l-Artikoli 2, 3 u 4 tiegħu. Fil-qosor, l-aktar elementi importanti tal-valutazzjoni huma dawn:

(1) Il-Kummissjoni rċeviet l-applikazzjoni mir-Rumanija fit-2 ta' Novembru 2012. Sabiex tlesti l-valutazzjoni l-Kummissjoni talbet tagħrif supplementari u rivedut li wasal fit-30 ta' Mejju 2013. It-traduzzjoni ta' dan it-tagħrif mir-Rumen, l-ilsien oriġinali, saret disponibbli fit-3 ta' Lulju.

(2) B'reazzjoni għad-diżastru tan-nixfa tal-2008 f'Ċipru l-Kummissjoni stabbilixxiet li, filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 2012/2002 jista’ ma jkunx imfassal tajjeb biex jittratta l-karatteristiċi ta’ diżastru li qed iseħħ bil-mod il-mod, xorta waħda jista’ jiġi immobilizzat b’reazzjoni għal kwalunkwe diżastru naturali maġġuri b’riperkussjonijiet serji fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-ambjent naturali jew l-ekonomija fi Stat benefiċjarju kif stabbilit fl-Artikolu 2(1), sakemm id-diżastru jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(2) u l-applikazzjoni għall-għajnuna ġiet ippreżentata f’ħin xieraq skont l-Artikolu 4(1).

(3) L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002 jirrikjedi li l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn 10 ġimgħat wara l-ewwel ħsarat li jiġu kkawżati mid-diżastru. Fil-każ ta' diżastri li qed iseħħu bil-mod il-mod, bħal nixfa dan joħloq diffikultà oġġettiva. Fir-Rumanija perjodu twil ikkaratterizzat minn ammont baxx ta' xita, temperaturi li dejjem jogħlew u bosta nirien mifruxa fuq bosta xhur wasslu għall-iżvilupp ta' kundizzjonijiet severi ta' nixfa li affettwaw madwar 2,764 miljun ettaru ta' art f'35 mill-41 kontea Rumeni li flimkien fil-25 ta' Awwissu 2012 wasslu għal nirien kbar fil-veġetazzjoni u fil-foresti. Il-Kummissjoni, għalhekk, tqis li l-25 ta Awwissu 2012, kif ippreżentat mill-awtoritajiet Rumeni, jiġifieri 10 ġimgħat qabel ma rċeviet l-applikazzjoni, tista' tiġi aċċettata bħala d-data tal-bidu tad-diżastru maġġuri. Bħala konsegwenza, l-applikazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni fit-2 ta’ Novembru 2012, tirrispetta l-limitu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 4(1).

(4) In-nixfa u l-konsegwenzi tagħha huma ta’ oriġini naturali u għalhekk huma fil-qasam ewlieni tal-applikazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE.

(5) Fl-applikazzjoni inizjali tagħhom l-awtoritajiet Rumeni stmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata min-nixfa u min-nirien fil-foresta hija aktar minn EUR 1,9 biljun. Dan l-ammont jirrappreżenta 263 % tal-limitu normali għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà applikabbli lir-Rumanija fl-2012 ta' EUR 735,5 miljun (jiġifieri 0,6 % tad-IGN fuq il-bażi tad-dejta tal-2010). Madankollu din iċ-ċifra tinkludi ħsara agrikola li seħħet qabel d-data tal-bidu definita li ma tistax tiġi inkluża fl-ammont totali tal-ħsara. Barra minn hekk, l-istima tal-ħsara agrikola ġiet ibbażata fuq aspettativi li mhumiex realistiċi dwar il-qligħ mill-għelejjel u tal-prezzijiet tas-suq. Għalhekk wara talba mill-Kummissjoni r-Rumanija analizzat il-valutazzjoni tagħha tal-ħsara. Il-ħsara totali riveduta ppreżentata mir-Rumanija tammonta għal EUR 872,8 miljun. Madankollu, dan l-ammont xorta jinkludi telf ekonomiku fis-settur tal-produzzjoni tal-enerġija idrika li jammonta għal EUR 66,1 miljun li ma jistax jiġi aċċettat bħala ħsara diretta u jeħtieġ li jiġi eskluż. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-istima tal-ħsara diretta totali għandha tammonta għal EUR 806,7 miljun. Peress li dan l-ammont jaqbeż il-limitu normali biex jiġi attivat il-Fond ta' Solidarjetà n-nixfa tikkwalifika bħala diżastru naturali maġġuri fit-tifsira tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002. Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont ta' għajnuna finanzjarja. L-għajnuna finanzjarja tista’ tintuża biss għal ħidmiet ta’ emerġenza essenzjali kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament.

(6) Madwar 99 % tal-ħsara tirrigwarda l-agrikoltura u l-forestija li mhijiex eliġibbli għall-għajnuna tal-Fond ta' Solidarjetà peress li mhijiex koperta mit-tipi ta' operazzjonijiet ta' emerġenza eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002. L-awtoritajiet Rumeni jagħtu stima li l-ispiża tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) hija ta' EUR 2,5 miljun. Dawn l-ispejjeż jirrigwardaw operazzjonijiet ta' emerġenza tas-servizzi ta' salvataġġ, b'mod partikolari l-ġlieda kontra n-nirien u t-trasport tal-ilma, u l-operazzjonijiet ta' riabilitazzjoni fl-infrastruttura tal-ilma. L-għajnuna mill-Fond ta' Solidarjetà ma tistax taqbeż l-ispiża totali tal-operazzjonijiet eliġibbli.

(7) Ir-reġjun milqut huwa eliġibbli bħala "Reġjun ta' Konverġenza" fil-Fondi Strutturali (2007-2013).

(8) L-awtoritajiet Rumeni indikaw li l-ispiża eliġibbli mhijiex koperta minn assigurazzjoni.

Bħala konklużjoni, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, in-nixfa u n-nirien bla kontroll imsemmija fl-applikazzjoni jitqiesu bħala diżastru maġġuri fit-tifsira tar-Regolament u jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament Nru 2012/2002 għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà.

2.2         Għargħar fl-Ewropa Ċentrali

F'Mejju u f'Ġunju 2013 l-Ewropa Ċentrali ġiet affettwata minn sitwazzjoni meteoroloġika li tixbaħ ħafna lil waħda li wasslet għal avveniment ta' 100 sena ta' għargħar fl-2002 u konsegwentament inħoloq il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE. Il-Ġermanja, l-Awstrija u r-Repubblika Ċeka ġew affettwati wkoll minn għargħar estrem. Minkejja l-livelli ftit ogħla ta' għargħar, il-ħsara totali, minkejja li kienet xorta għolja ħafna, kienet inqas minn dik tal-2002, b'mod partikolari fl-Awstrija u fir-Repubblika Ċeka, mhux inqas minħabba l-effikaċja tal-protezzjoni kontra l-għargħar u l-miżuri għall-kontroll tar-riskju introdotti fl-2002.

Konsegwentament, il-Ġermanja ppreżentat applikazzjoni għal għajnuna finanzjarja mill-Fond ta' Solidarjetà tal-UE skont il-kriterji għal diżastri maġġuri, filwaqt li l-applikazzjonijiet mill-Awstrija u mir-Repubblika Ċeka ġew ibbażati fuq l-hekk imsejjaħ "kriterju ta' pajjiż ġar".

Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu investigazzjoni bir-reqqa tal-applikazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 u b'mod partikolari skont l-Artikoli 2, 3 u 4 tiegħu. Fil-qosor, l-aktar elementi importanti tal-valutazzjoni huma dawn:

2.2.1      Il-Ġermanja

(1) Il-Kummissjoni rċeviet l-applikazzjoni mill-Ġermanja fl-24 ta’ Lulju 2013, li kien fil-limitu tal-10 ġimgħat wara li ġew irreġistrati l-ewwel ħsarat fit-18 ta’ Mejju 2013.

(2) Minn nofs Mejju 2013, żoni kbar tal-Ġermanja esperjenzaw ammonti kbar ta' xita qalila, f'xi żoni laħqu t-300 % tal-medja fix-xahar. Flimkien mal-ħamrija diġà saturata u, fil-każ tas-silġ li jinħall minn fuq l-Alpi u jinġabar fil-baċir tax-xmara Danubju, dan irriżulta f'għargħar fuq firxa wiesgħa. Il-livelli tal-ilma laħqu livell għoli ġdid f'ħafna xmajjar. L-għargħar kien aktar estensiv u sever mill-għargħar ta' Awwissu 2002 u r-rekord ta' qabel kien l-għargħar tas-sajf ta' Lulju 1954. Fit-18 ta' Mejju maltempati qawwija u xita qalila taw bidu għall-ewwel ħsarat mill-għargħar fil-Bavarja u Thuringia. Ix-xmajjar Danubju, Lech u Regen u r-reġjun Inn-Salzach intlaqtu partikolarment l-aktar bl-għargħar bejn l-1 u s-16 ta' Ġunju 2013. Mit-30 ta' Mejju 2013 'il quddiem, ix-xita kostanti kkawżat għargħar tul ix-xmara Renu u fiż-żona kollha tagħha fejn jinġabar l-ilma f'Baden-Württemberg, il-Bavarja, Hessen, Rhineland-Palatinate u Thuringia. Ir-reġjuni madwar ix-xmajjar Elbe u Saale fis-Sassonja, Thuringia, Sassonja-Anhalt, Brandenburg, Sassonja ta' Isfel, Mecklenburg-Pomerania tal-Punent u Schleswig-Holstein kellhom għargħar għal perjodu twil, li beda fit-2 Ġunju 2013 u baqa' għaddej sal-aħħar tax-xahar.

(3) L-għargħar huwa ta' oriġini naturali u għalhekk huwa fil-qasam ewlieni tal-applikazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà.

(4) Rigward l-impatt u l-konsegwenzi tal-għargħar, l-awtoritajiet Ġermaniżi rrapportaw li mietu tmien persuni u mill-inqas korrew 128 persuna. Aktar minn 100 000 persuna ġew evakwati miż-żoni affetwati mill-għargħar b'total ta' madwar 600 000 persuna affettwati mid-diżastru. L-impatt inħass fi kważi 1 700 komunità. Ħafna ċentri ta' bliet u rħula spiċċaw parzjalment jew kollha kemm huma taħt l-ilma (pereżempju Passau, Deggendorf, Bad Schandau, Pirna, Meissen, Dresden, Grimma, Döbeln, Waldheim). Aktar minn 32 000 dar ġralhom xi ħsarat jew tkissru kollha kemm huma. Il-ħsara totali għal djar privati kienet ta' madwar EUR 1,5 biljun. F'ħafna postijiet, il-fornitura tal-ilma għax-xorb, is-sistemi tad-dranaġġ u n-netwerks tal-elettriku waqfu milli joperaw u l-iskejjel u dawk tal-kindergarten ingħalqu. Aktar minn 170 pont u madwar 700 km ta' toroq ġralhom xi ħsarat jew tkissru. Il-konnessjoni ewlenija tal-ferrovija bejn Berlin u Stendal għadha magħluqa. Id-difiżi pubbliċi kontra l-għargħar soffrew ħsarat strutturali u mhumiex se jibqgħu joperaw kif xieraq fil-każ ta' għargħar futur. Is-settur tan-negozju sofra ħsara stmata għal aktar minn EUR 1,3 biljun b'impatt serju lil għexieren ta' eluf ta' kumpaniji. Il-produzzjoni waqfet għal ftit żmien minħabba l-ħsara fil-faċilitajiet ta' produzzjoni jew problemi ta' loġistika. Aktar minn 430 000 ettaru ta' art agrikola u ta' forestrija għerqu bi ħsara diretta konsiderevoli li testendi l-mewt tal-uċuħ tal-għelejjel għat-tkissir totali tal-binjiet u tat-tagħmir.

(5) L-awtoritajiet Ġermaniżi stmaw li l-ħsara diretta totali kienet ta' aktar minn EUR 8,2 biljun. Dan l-ammont jaqbeż bil-bosta l-limitu għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà ta' EUR 3,7 biljun applikabbli għall-Ġermanja fl-2013 (EUR 3 biljun bil-prezzijiet għall-2002). Peress li l-ħsara diretta totali stmata taqbeż il-limitu, id-diżastru jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri”. Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont ta' għajnuna finanzjarja. L-għajnuna finanzjarja tista’ tintuża biss għal ħidmiet ta’ emerġenza essenzjali kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament.

(6) L-awtoritajiet Ġermaniżi stmaw l-ispiża tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002 għal EUR 3,3 miljun u ppreżentawh maqsum skont it-tip ta' operazzjoni. L-akbar sehem tal-ispiża tal-operazzjonijiet ta' emerġenza (aktar minn EUR 2,5 miljun) jikkonċerna l-operazzjonijiet ta' rkupru fil-qasam tat-trasport u tal-infrastruttura.

(7) Il-partijiet affettwati tal-Ġermanja huma parzjalment eliġibbli bħala "Reġjuni ta' Konverġenza", parzjalment bħala “Reġjuni tat-Tneħħija Gradwali” u parzjalment bħala “Reġjuni ta' Kompetittività u Impjieg” skont il-Fondi Strutturali (2007-2013). L-awtoritajiet Ġermaniżi beħsiebhom jużaw l-iffinanzjar eżistenti mill-Fondi Strutturali u mill-proġetti tal-FAŻER biex jittrattaw l-effetti tad-diżastru fir-reġjuni kkonċernati. L-operazzjonijiet ffinanzjati mill-Fond ta' Solidarjetà ma jistgħux jibbenefikaw minn għajnuna mill-Fondi strutturali msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament.

(8) Fil-mument tal-applikazzjoni ma kienx hemm disponibbli tagħrif dettaljat dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni tal-kost eliġibbli. Il-Kummissjoni tirriserva d-dritt li tivvaluta dan l-element ladarba jkun disponibbli. L-ispiża għat-tiswija tal-ħsara minn parti terza mhijiex eliġibbli għall-għajnuna mill-Fond ta' Solidarjetà.

Bħala konklużjoni, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-għargħar imsemmi fl-applikazzjoni huwa meqjus bħala diżastru maġġuri fit-tifsira tar-Regolament u jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(2), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament Nru 2012/2002 għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà.

2.2.2      L-Awstrija

(1)  Il-Kummissjoni rċeviet l-applikazzjoni mill-Awstrija fis-6 ta’ Awwissu 2013, li kien fil-limitu tal-10 ġimgħat wara li ġew irreġistrati l-ewwel ħsarat fit-30 ta’ Mejju 2013.

(2) L-għargħar affettwa seba' mid-disa' Länder Awstrijaċi, b'mod partikolari Vorarlberg, Tyrol, Salzburg, l-Awstrija ta' Isfel u l-Awstrija ta' Fuq b'popolazzjoni ta' madwar 4,6 miljuni. F'xi baċiri tax-xmara (Saalach, Salzach, Inn, u d-Danubju ta' Fuq) l-livelli tal-għargħar laħqu l-ogħla livelli għal dawn l-aħħar 500 sena. Dan irriżulta fi ħsarat fuq firxa wiesgħa lill-infrastruttura, b'mod partikolari l-infrastruttura ta' protezzjoni tul ix-xmajjar, fis-setturi tat-trasport u tal-ilma/ilma mormi. Djar u proprjetà privati kellhom ħsarat jew tkissru u mewt tal-uċuħ tal-għelejjel irriżultaw mill-għargħar ta' aktar minn 22 000 ettaru ta' art agrikola. Madwar 300 negozju sofrew ħsara diretta, li wħud minnhom fis-settur importanti tat-turiżmu.

(3) Id-diżastru huwa ta' oriġini naturali u huwa fil-qasam tal-applikazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà.

(4) L-awtoritajiet Awstrijaċi stmaw li l-ħsara diretta totali hija ta’ EUR 866,5 miljun. Dan l-ammont jirrappreżenta 48 % tal-limitu ta’ EUR 1,8 biljun (jiġifieri 0,6 % tal-ING tal-Awstrija) għalhekk id-diżastru ma jikkwalifikax bħala “diżastru maġġuri” skont it-termini tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002. Madankollu, l-Awstrija ntlaqtet mill-istess diżastru tal-għargħar li wassal għal diżastru maġġuri fil-Ġermanja. Għalhekk, l-awtoritajiet Awstrijaċi ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom bl-hekk imsejjaħ “kriterju ta’ pajjiż ġar”, li bih pajjiż affettwat mill-istess diżastru maġġuri bħala pajjiż ġar jista’ eċċezzjonalment jibbenefika mill-għajnuna tal-Fond ta’ Solidarjetà anki jekk il-limitu ta' ħsara normali għall-immobilizzazzjoni tal-Fond ma ntlaħaqx. Hemm prova ċara li l-għargħar fil-Ġermanja u fl-Awstrija għandu l-istess kaġuni prinċipali; għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-kriterju ntlaħaq. Ħsara diretta totali hija l-bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna finanzjarja. L-għajnuna finanzjarja tista’ tintuża biss għal ħidmiet ta’ emerġenza essenzjali kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament.

(5) L-awtoritajiet Awstrijaċi stmaw li l-ispiża tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002 tammonta għal EUR 350,4 miljun u ppreżentawha maqsuma skont it-tip ta' operazzjoni. L-akbar sehem tal-ispiża tal-operazzjonijiet ta' emerġenza jirrigwarda l-operazzjonijiet ta' rkupru fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport (EUR 164 miljun) u tal-infrastruttura għall-prevenzjoni (EUR 79 miljun).

(6) L-awtoritajiet Awstrijaċi indikaw li mhumiex qed jippjanaw li jippreżentaw talbiet oħrajn għal għajnuna minn strumenti Komunitarji oħrajn.

(7) L-awtoritajiet Awstrijaċi ddikjaraw li l-ebda waħda mill-operazzjonijiet eliġibbli ma hija assigurata.

Bħala konklużjoni, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-għargħar imsemmi fl-applikazzjoni huwa meqjus bħala diżastru f'pajjiż ġar fit-tifsira tar-Regolament u jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament Nru 2012/2002 għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà.

2.2.3      Ir-Repubblika Ċeka

(1) Il-Kummissjoni rċeviet l-applikazzjoni mir-Repubblika Ċeka fit-8 ta’ Awwissu 2013, li kien fil-limitu tal-10 ġimgħat wara li ġew irreġistrati l-ewwel ħsarat fit-2 ta’ Ġunju 2013.

(2) Mill-aħħar ta' Mejju u matul Ġunju 2013 ir-Repubblika Ċeka ġiet affettwata b'mod konsiderevoli, parzjalment minn xita torrenzjali li ħolqot għargħar sa perjodu ta' denunzja taż 50 sena speċjalment fiż-żoni fejn jinġabar l-ilma tax-xmajjar Berounka, Vltava u Labe u li taffettwa b'mod partikolari r-reġjuni tal-Bohemia ta' Isfel, Plzeň, Bohemia Ċentrali, Hradec Králové, Liberec, Ústí u l-Belt ta' Praga li jirrappreżentaw madwar 54 % tat-territorju tar-Repubblika Ċeka u jirrigwardaw direttament aktar minn terz tal-popolazzjoni tar-Repubblika Ċeka. Ħmistax-il persuna mietu u 23 000 kellhom jiġu evakwati. L-għargħar għamel il-ħsara u kisser b'mod partikolari l-infrastruttura tat-trasport (linji tal-ferroviji, toroq u pontijiet eċċ.), in-netwerks tat-telekomunikazzjoni, il-fornitura tal-ilma u s-sistemi tal-ilma mormi, kif ukoll in-netwerks tal-elettriku u tal-gass. Aktar minn 7 000 dar privata sofrew ħsarat. Is-servizzi tal-kura tas-saħħa u dawk soċjali, ħafna negozji – li madwar nofshom jista' jkun li jkollhom jagħlqu - l-agrikoltura u l-forestrija sofrew ukoll ħsara estensiva.

(3) Id-diżastru huwa ta' oriġini naturali u huwa fil-qasam tal-applikazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà.

(4) L-awtoritajiet Ċeki stmaw li l-ħsara diretta totali hija ta’ EUR 637,1 miljun. Dan l-ammont jirrappreżenta 73 % tal-limitu ta’ EUR 871,6 miljun (jiġifieri 0,6 % tal-ING tar-Repubblika Ċeka) għalhekk id-diżastru ma jikkwalifikax bi kbir bħala “diżastru maġġuri” skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002. Madankollu, ir-Repubblika Ċeka ntlaqtet mill-istess diżastru tal-għargħar li wassal għal diżastru maġġuri fil-Ġermanja. Għalhekk, l-awtoritajiet Ċeki ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom bl-hekk imsejjaħ “kriterju ta’ pajjiż ġar”, li bih pajjiż affettwat mill-istess diżastru maġġuri bħala pajjiż ġar jista’ eċċezzjonalment jibbenefika wkoll minn għajnuna tal-Fond ta’ Solidarjetà. Hemm prova ċara li l-għargħar fil-Ġermanja u fir-Repubblika Ċeka għandu l-istess kaġuni prinċipali; Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-kriterju ntlaħaq. Ħsara diretta totali hija l-bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna finanzjarja. L-għajnuna finanzjarja tista’ tintuża biss għal ħidmiet ta’ emerġenza essenzjali kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament.

(5) L-awtoritajiet Ċeki stmaw li l-ispiża tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002 hija stmata li tammonta għal EUR 416,4 miljun u ppreżentawha maqsuma skont it-tip ta' operazzjoni. L-akbar sehem tal-ispiża tal-operazzjonijiet ta' emerġenza jikkonċerna xogħlijiet fit-toroq u l-pontijiet (EUR 158 miljun), sistemi tad-dranaġġ (aktar minn EUR 52 miljun) u minn fejn jgħaddi l-ilma (aktar minn EUR 56 miljun).

(6) Il-partijiet affettwati tar-Repubblika Ċeka huma eliġibbli bħala "Reġjuni ta' Konverġenza” skont il-Fondi Strutturali (2007-2013) bl-eċċezzjoni ta' Praga li hija eliġibbli bħala “Reġjuni b'Introduzzjoni Progressiva”. L-awtoritajiet Ċeki indikaw li qed iqisu l-użu tal-iffinanzjar eżistenti fil-Fondi Strutturali u l-programmi tal-Fond ta' Koeżjoni għall-irkupru mill-għargħar. L-operazzjonijiet ffinanzjati mill-Fond ta' Solidarjetà ma jistgħux jibbenefikaw minn għajnuna mill-Fondi strutturali msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament.

(7) L-awtoritajiet Ċeki indikaw li ċerti binjiet pubbliċi huma ġeneralment assigurati filwaqt li ma hemmx assigurazzjoni tal-assi tal-infrastruttura. Il-Kummissjoni tirriserva d-dritt li tivvaluta dan l-element ladarba jkun disponibbli. L-ispiża għat-tiswija tal-ħsara minn parti terza mhijiex eliġibbli għall-għajnuna mill-Fond ta' Solidarjetà.

Bħala konklużjoni, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-għargħar imsemmi fl-applikazzjoni huwa meqjus bħala diżastru f'pajjiż ġar fit-tifsira tar-Regolament u jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament Nru 2012/2002 għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà.

3.           Finanzjament

Il-baġit annwali totali disponibbli għall-Fond ta’ Solidarjetà huwa ta' EUR 1 000 miljun. Minħabba li s-solidarjetà kienet il-ġustifikazzjoni ċentrali għall-ħolqien tal-Fond, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna mill-Fond għandha tkun progressiva. Dan ifisser li, skont prattika preċedenti, il-parti tal-ħsarat li taqbeż il-limitu (0,6 % tal-IGN jew EUR 3 biljun bil-prezzijiet tal-2002, liema minnhom ikun l-iżgħar ammont) għandha twassal għal intensità ta' għajnuna akbar minn ħsarat li jaslu sal-limitu. Ir-rata applikata fl-imgħoddi biex jiġu definiti l-allokazzjonijiet għal diżastri maġġuri hija ta’ 2,5 % tal-ħsara diretta totali taħt il-limitu tal-mobilizzazzjoni tal-Fond u 6 % ’l fuq. Il-metodoloġija biex jiġi kkalkulat il-Fond ta’ Solidarjetà kien imfassal fir-Raport Annwali tal-2002-2003 dwar il-Fond ta’ Solidarjetà u aċċettat mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

Qed jiġi propost li jiġu applikati l-istess perċentwali f’dan il-każ u li jingħataw l-ammonti ta’ għajnuna li ġejjin:

|| || || (f'EUR)

Diżastru || Ħsarat diretti || Limitu (EUR miljun) || L-ispiżat totali tal-operazzjonijiet eliġibbli || Ammont ibbażat fuq 2,5 % || Ammont ibbażat fuq 6 % || Ammont totali tal- għajnujna proposta

Nixfa fir-Rumanija || 806 724 312 || 735,487 || 2 475 689 || 18 387 175 || 4 274 239 || 2 475 689

Għargħar fil-Ġermanja || 8 153 500 000 || 3 678,755 || 3 289 400 000 || 91 968 875 || 268 484 700 || 360 453 575

Għargħar fl-Awstrija || 866 462 000 || 1 798,112 || 350 334 000 || 21 661 550 || - || 21 661 550

Għargħar fir-Repubblika Ċeka || 637 131 000 || 871,618 || 416 368 000 || 15 928 275 || - || 15 928 275

TOTAL || || 400 519 089

Fl-aħħar nett, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, qiegħda ssir il-proposta li l-applikazzjonijiet ippreżentati mir-Rumanija dwar id-diżastru tan-nixfa fl-2012 u mill-Ġermanja, mill-Awstrija u mir-Repubblika Ċeka dwar id-diżastri tal-għargħar li seħħew f'Mejju u f'Ġunju 2013 jiġu aċċettati, filwaqt li tiġi proposta l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà għal kull wieħed minn dawn il-każi.

4.           Tabella sommarja skont l-intestatura tal-Qafas Finanzjarju

Qafas Finanzjarju Intestatura/subintestatura || Qafas finanzjarju tal-2007 rivedut || Baġit tal-2013 (inkluż. BE 1 sa BE 5 + ABE 6 sa ABE 8/2013) || ABE 9/2013 || Baġit tal-2013 (inkluż BE 1 sa BE 5 + ABE 6 sa ABE 9/2013)

CA || PA || CA || PA || CA || PA || CA || PA

1. TKABBIR SOSTENIBBLI || || || || || || || ||

1a. Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi || 15 670 000 000 || || 16 168 150 291 || 12 886 628 095 || || || 16 168 150 291 || 12 886 628 095

Marġni || || || 1 849 709 || || || || 1 849 709 ||

1b. Koeżjoni għat-tkabbir u l-impjiegi || 54 974 000 000 || || 55 108 049 037 || 56 349 544 736 || || || 55 108 049 037 || 56 349 544 736

Marġni[7] || || || 0 || || || || 0 ||

Total || 70 644 000 000 || || 71 276 199 328 || 69 236 172 831 || || || 71 276 199 328 || 69 236 172 831

Marġni[8] || || || 1 849 709 || || || || 1 849 709 ||

2. IL-PRESERVAZZJONI U L-ĠESTJONI TAR-RIŻORSI NATURALI || || || || || || || ||

Li minnhom nefqa relatata mas-suq u ħlasijiet diretti || 48 574 000 000 || || 43 956 548 610 || 43 934 188 711 || || || 43 956 548 610 || 43 934 188 711

Total || 61 289 000 000 || || 60 159 241 416 || 58 068 031 826 || || || 60 159 241 416 || 58 068 031 826

Marġni || || || 1 129 758 584 || || || || 1 129 758 584 ||

3. ĊITTADINANZA, LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA || || || || || || || ||

3a. Libertà, Sigurtà u Ġustizzja || 1 661 000 000 || || 1 440 827 200 || 1 050 404 650 || || || 1 440 827 200 || 1 050 404 650

Marġni || || || 220 172 800 || || || || 220 172 800 ||

3b. Ċittadinanza || 746 000 000 || || 753 287 942 || 664 802 559 || 400 519 089 || 400 519 089 || 1 153 807 031 || 1 065 321 648

Marġni || || || 7 320 000 || || || || 7 320 000 ||

Total || 2 407 000 000 || || 2 194 115 142 || 1 715 207 209 || 400 519 089 || 400 519 089 || 2 594 634 231 || 2 115 726 298

Marġni[9] || || || 227 492 800 || || || || 227 492 800 ||

4. L-UE BĦALA ATTUR GLOBALI || 9 595 000 000 || || 9 583 118 711 || 6 941 146 336 || || || 9 583 118 711 || 6 941 146 336

Marġni[10] || || || 275 996 289 || || || || 275 996 289 ||

5. AMMINISTRAZZJONI || 8 492 000 000 || || 8 430 374 740 || 8 430 049 740 || || || 8 430 374 740 || 8 430 049 740

Marġni[11] || || || 147 625 260 || || || || 147 625 260 ||

6. KUMPENS || 75 000 000 || || 75 000 000 || 75 000 000 || || || 75 000 000 || 75 000 000

Marġni || || || || || || || ||

TOTAL || 152 502 000 000 || 144 285 000 000 || 151 718 049 337 || 144 465 607 942 || 400 519 089 || 400 519 089 || 152 118 568 426 || 144 866 127 031

Marġini [12],[13],[14] || || || 1 782 722 642 || 0 || || || 1 782 722 642 || 0

[1]               ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

[2]               ĠU L 66, 8.3.2013, p. 1.

[3]               COM(2013) 518.

[4]               COM(2013) 655.

[5]               COM(2013) 557.

[6]               COM(2013) 669.

[7]               EUR 134,0 miljun fuq il-limitu huma ffinanzjati permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Istrument tal-Flessibilità fl-2013.

[8]               Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) mhuwiex inkluż fil-kalkolu tal-marġini taħt l-Intestatura 1a (EUR 500 miljun).

[9]               L-ammont tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) huwa mdaħħal addizzjonalment mal-intestaturi relevanti kif previst mill-FII tas-17 ta' Mejju 2006 (ĠU C 139 tal-14.6.2006).

[10]             Il-marġini 2013 għall-intestatura 4 ma jqisx l-approprjazzjonijiet relatati mar-Riżerva għall-Għajnuna ta’ Emerġenza (EUR 264,1 miljun).

[11]             Għall-kalkolu tal-marġini taħt il-limitu massimu tal-intestatura 5, ittieħed kont tan-nota (1) f'qiegħ il-paġna fil-qafas finanzjarju 2007-2013 għal somma ta' EUR 86 miljun mill-kontribuzzjonijiet tal-persunal għall-iskema tal-pensjoni.

[12]             EUR 134,0 miljun fuq il-limitu għall-impenji huma ffinanzjati permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Istrument tal-Flessibilità fl-2013.

[13]             Il-marġini globali għall-impenji ma jqisx l-approprjazzjonijiet relatati mal-FEG (EUR 500 miljun), il-FSUE (EUR 415,1 miljun), l-EAR (EUR 264,1 miljun) u l-kontribuzzjonijiet tal-persunal għall-iskema tal-pensjonijiet (EUR 86 miljun).

[14]             Il-marġini globali għall-ħlasijiet ma jqisx l-approprjazzjonijiet relatati mal-FSUE (EUR 415,1 miljun), l-EAR (EUR 80 miljun) u l-kontribuzzjonijiet tal-persunal għall-iskema tal-pensjonijiet (EUR 86 miljun).