RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW RAPPORT TA' PROGRESS DWAR IŻ-ŻONA EWROPEA TAR-RIĊERKA 2013 /* COM/2013/0637 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U
LILL-PARLAMENT EWROPEW RAPPORT TA' PROGRESS DWAR IŻ-ŻONA
EWROPEA TAR-RIĊERKA 2013 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 1. Introduzzjoni Ir-riformi
fiż-ŻER bħala kontribuzzjoni strateġika għat-tkabbir u
l-impjiegi Ir-riformi tas-sistemi nazzjonali tar-riċerka huma
fil-qalba taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). Sistemi
nazzjonali tar-riċerka aktar effettivi se jgħinu biex jingħataw
tweġibiet lil sfidi tas-soċjetà Ewropej tal-futur, flimkien
mal-Orizzont 2020 li ser tkun eżemplari għat-twettiq kollha
tal-prijoritajiet taż-ŻER. Ir-riformi taż-ŻER huma
saħansitra aktar urġenti fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u
finanzjarja riċenti li teħtieġ soluzzjonijiet rapidi,
effiċjenti u li jiġġeneraw it-tkabbir. Ir-riċerka Ewropea hija essenzjali biex tiġi
żgurata l-kompetittività futura tal-ekonomiji tagħna u jkun
ġenerat it-tkabbir ekonomiku, kif rikonoxxut mill-Istati Membri kollha
meta adottaw il-mira ta’ 3 % tal-PGD ta’ investiment fir-riċerka u
l-iżvilupp. Filwaqt li l-investiment privat fir-riċerka huwa
kruċjali biex tinkiseb din il-mira, l-awtoritajiet nazzjonali
għandhom jipprovdu għal riformi strutturali biex jiżdied tali
investiment. Ir-riċerka hija komponent essenzjali mill-proċess
tas-Semestru Ewropew li matulu l-Istati Membri jidentifikaw ir-riformi
nazzjonali baġitarji u ekonomiċi tagħhom. Bħala
kontribuzzjoni strateġika għall-istrateġija Ewropa 2020[1] u b'mod partikolari t-tkabbir
intelliġenti fl-Ewropa, fis-17 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni Ewropea
adottat il-Komunikazzjoni dwar “Sħubija Rinfurzata taż-Żona
Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u
għat-Tkabbir"[2].
Din issejjaħ għal bidliet strutturali urġenti fl-Ewropa kollha
fi sħubija bejn l-Istati Membri, l-Organizzazzjonijiet tal-Partijiet
Interessati u l-Kummissjoni għal twettiq f’waqtu ta’ miżuri konkreti
biex jikber il-livell ta’ eċċellenza tas-sistema tar- riċerka
pubblika tal-Ewropa. Hemm bżonn ta' direzzjoni politika b'saħħitha
fis-Semestru Ewropew Ir-riformi
taż-ŻER jridu jkunu parti miċ-ċiklu ta’ governanza
tas-Semestru Ewropew sabiex jiġu stabbiliti politiki ta’ riċerka
nazzjonali fil-kuntest ekonomiku usa’. Kif rikonoxxut mill-Kunsill[3], l-Istati Membri huma mistiedna
“biex jidentifikaw ir-riformi u l-azzjonijiet nazzjonali meħtieġa
għall-kisba taż-ŻER fil-kuntest tal-Unjoni tal-Innovazzjoni,
skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tagħhom, u biex
jippreżentaw dawn ir-riformi u l-implimentazzjoni sussegwenti
tagħhom f'rapport dwar miżuri nazzjonali b'rabta maż-ŻER,
fejn ikun adatt fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma li jibdew mis-Semestru
Ewropew 2013". Direzzjoni politika b’saħħitha fil-livell
tal-Unjoni Ewropea, li tinvolvi l-Pajjiżi Assoċjati fejn hu xieraq,
hija kruċjali biex jiġi żgurat l-iżvilupp taż-ŻER
biex tiffunzjona b’mod sħiħ. Il-kamp tar-Riċerka u l-Innovazzjoni
fl-Ewropa hhuwa divers, karatterizzat minn mogħdijiet istituzzjonali u
strutturi ta’ governanza differenti. L-Istati Membri u r-reġjuni
għandhom jirriformaw is-sistemi tar-riċerka skont l-elementi
pożittivi u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tagħhom stess. Fiċ-ċiklu
tas-Semestru Ewropew tal-2013, diversi Stati Membri diġà inkludew taqsima
ddedikata liż-ŻER jew irriferew indirettament għaż-ŻER
fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom (PNR). Il-Komunikazzjoni dwar iż-ŻER ġiet approvata
mill-Kunsill[4]
u milqugħa mill-Parlament Ewropew[5].
Il-bżonn li ż-ŻER tiġi indirizzata bħala "għan
prijoritarju għat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u
kulturali tal-UE, kif ukoll l-eċċellenza xjentifika u l-koeżjoni
bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u s-soċjetajiet" kien rikonoxxut
mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u mill-Kumitat
tar-Reġjuni (KtR). [6]
L-involviment
imsaħħaħ tal-partijiet interessati taż-ŻER Il-partijiet interessati
fir-riċerka għandhom rwol deċiżiv fl-iżvilupp ta'
Sħubija taż-ŻER b’saħħitha. Huma l-aktar li jafu
d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom ir-riċerkaturi
fl-aċċess għal, l-iżvilupp u l-ħakma tal-karrieri
xjentifiċi. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom
joħolqu ambjent politiku favorevoli għaż-ŻER biex
jiffjorixxu, organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw u jwettqu r-riċerka
għandhom jerfgħu r-responsabilità għall-implimentazzjoni
taż-ŻER fix-xogħol ta' kuljum tagħhom. Il-ħames
Organizzazzjonijiet tal-Partijiet Interessati Ewropej tar-riċerka li
magħhom il-Kummissjoni ffirmat Dikjarazzjoni Konġunta, segwiti minn
erba' Memoranda ta' Fehim u dikjarazzjoni unilaterali, fl-istess ġurnata
tal-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar iż-ŻER[7], impenjaw
ruħhom li jitolbu lill-membri tagħhom li jagħmlu progress
mdaqqas fl-oqsma relevanti ta' prijorità taż-ŻER sa tmiem l-2013 u li
jippreżentaw Rapport ta' Progress konċiż sa Diċembru 2013. Ġiet stabbilita
mill-Kummissjoni pjattaforma tal-partijiet interessati biex ikunu segwiti
l-implimentazzjoni dwar l-impenji, l-iskambju ta' informazzjoni u biex ikunu
indirizzati kwistjonijiet komuni. L-ewwel Rapport ta' Progress
taż-ŻER Ir-Rapport ta’ Progress tal-2013 dwar
iż-ŻER jippreżenta għall-ewwel darba ħarsa
ġenerali tal-kuntest politiku, il-passi meħuda u l-ewwel kisbiet fit-28
Stati Membru kif ukoll f’għadd ta’ Pajjiżi Assoċjati[8]. Id-Dokument
ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-rapport,
"Fatti u Ċifri dwar iż-ŻER", jippreżenta
informazzjoni fattwali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew
dwar il-prijoritajiet taż-ŻER. Dan jipprovdi bażi
għat-tejjija ta' valutazzjoni profonda tal-progress dwar iż-ŻER
fl-2014. Ir-riformi strutturali u t-tfassil
tal-politika taż-ŻER jistgħu jiġu bbażati biss fuq
sistema ta’ monitoraġġ b’saħħitha li tipprovdi
informazzjoni preċiża dwar il-politiki nazzjonali u dwar
l-implimentazzjoni tagħhom minn organizzazzjonjiet li jiffinanzjaw u
jwettqu r-riċerka. Il-mekkaniżmu tal-monitoraġġ
taż-ŻER huwa proċess li jevolvi li jinbena f’kollaborazzjoni
mill-qrib mal-Istati Membri u l-Organizzazzjonijiet tal-Partijiet interessati.
Ser jitwettaq aktar titjib, inkluż dwar il-metodoloġija u l-kwalità
tad-dejta. 2. Analiżi tal-Ewwel Rapport ta'
Progress taż-ŻER: ir-riżultati ewlenin u x-xejriet ġenerali F’kuntest ta’ pressjoni kontinwa fuq il-baġits nazzjonali
tar-R&Ż, ir-riformi strutturali taż-ŻER għandhom
jgħinu biex ir-riżorsi limitati jintużaw b’mod aktar
effiċjenti u għalhekk jiġi massimizzat ir-redditu fuq
l-investiment fir-riċerka filwaqt li tiżdied l-effettività
tagħha fuq il-livell nazzjonali u tal-UE. L-effettività tas-sistemi nazzjonali
tar-riċerka L-iffinanzjar
kompetittiv tar-riċerka jikkontribwixxi għall-effiċjenza
tal-flejjes pubbliċi investiti fir-riċerka. Sew jekk il-kompetizzjoni
hi żgurata permezz ta’ sejħiet miftuħa u sew jekk jiġu
allokati fondi bbażati fuq il-prestazzjoni, din iġġib bidliet
organizzattivi u ttejjeb il-kwalità u r-rikonoxximent tal-istituzzjonijiet u
tar-riċerkaturi tagħhom fid-dinja kollha. Is-sehem tal-finanzjament
kompetittiv u tal-finanzjament istituzzjonali bbażat fuq il-prestazzjoni
qed jikber fl-Ewropa. Bl-istess mod, maġġoranza dejjem akbar ta’
Stati Membri qed tapplika l-prinċipji bażiċi ta’ evalwazzjoni
internazzjonali bejn il-pari[9]
u bosta minnhom jużaw evalwaturi barranin li jfittxu indipendenza akbar
fl-evalwazzjonijiet, jew li jgħollu l-istandards domestiċi, filwaqt
li jaġġustaw il-proċess skont l-ispeċifiċitajiet
tal-qasam u tal-kuntest nazzjonali.[10]
Dan huwa l-każ ukoll fil-livell Ewropew, fejn l-għarfien espert
internazzjonali ta' bejn il-pari huwa l-prinċipju ewlieni tal-allokazzjoni
tal-fondi fil-Programmi ta' Qafas (FPs). Filwaqt li l-bilanċ bejn
finanzjament kompetittiv u mhux kompetittiv hija kwistjoni ta’ għażla
nazzjonali, finanzjament kompetittiv u valutazzjonijiet istituzzjonali
bbażati fuq il-prestazzjoni għandhom ikunu fil-qalba
tad-deċiżjonijiet marbuta mal-finanzjament tar-riċerka fl-Istati
Membri, li japplikaw il-prinċipji bażiċi ta’ evalwazzjoni bejn
il-pari internazzjonali. Kooperazzjoni transnazzjonali L-Ewropa teħtieġ massa kritika biex
jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar b'mod effiċjenti u biex isir
l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli fl-Ewropa. Attivitajiet konġunti jippermettu li jiġu mmobilizzati
l-komplimentaritajiet transkonfinali biex tiġi evitata duplikazzjoni
inutli tal-isforzi, biex jiġu sfruttati s-sinerġiji u biex titwettaq
riċerka fuq skala kbira li ma tistax
titwettaq minn pajjiż wieħed. Il-Programm Qafas tal-UE huwa l-istrument
l-aktar b’saħħtu li jappoġġa l-kooperazzjoni
transnazzjonali ta’ gruppi ta’ riċerka fost l-Istati Membri u
l-Pajjiżi Assoċjati[11].
B'mod importanti, dan isaħħaħ ukoll il-koordinazzjoni
transnazzjonali tal-programmi nazzjonali tar-riċerka permezz ta'
ħafna skemi ta' korrdinazzjoni tal-ERA-Net. L-FP7 jappoġġa
inizjattivi ġodda fuq skala kbira: –
Tnedew 5 inizjattivi skont l-Artikolu 185, li
waħda minnhom tinvolvi t-28 Stat Membru kollha. F’Lulju 2013,
il-Kummissjoni pproponiet li dawn jiġu amplifikati u jissaħħu u
għaldaqstant immobillzat b'kollox xi EUR 3500 miljun, li minnhom xi EUR 1400
miljun permezz tal-Orizzont[12] 2020 u –
Mill-2009 tniedu għaxar Inizjattivi ta’
Programmazzjoni Konġunta. Ħamsa minnhom issa għandhom
Aġendi Strateġiċi ta’ Riċerka konġunti u 7 minnhom
nedew jew ippjanaw sejħiet konġunti. –
Barra minn hekk, għadd ta’ Organizzazzjonijiet
Intergovernattivi sinifikanti għandhom rwol importanti fl-appoġġ
ta’ kooperazzjoni transnazzjonali permezz ta’ koordinament u billi jiffinanzjaw
ir-riċerka fuq livell intra-Ewropew u internazzjonali. Pereżempju,
bl-appoġġ qawwi tal-Istati Membri tagħhom, l-Organizzazzjonijiet
Intergovernattivi Ewropej tar-Riċerka[13]
li huma membri tal-EIROforum, jipprovdu xi wħud mill-aqwa infrastrutturi
tar-riċerka fid-dinja. L-allinjament tal-bżonnijiet tal-komunità
xjentifika u l-appoġġ tal-Istati Membri huma komponent ewlieni
għas-suċċess tal-EIROforum. Diversi aġenziji li jiffinanzjaw
ir-riċerka tal-Istati Membri għandhom ftehimiet bilaterali jew
multilaterali jew mudelli ta’ kooperazzjoni transnazzjonali speċifiċi
bħalma hi l-proċedura tal-Aġenzija Mexxejja[14]. Madankollu, il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-inizjattivi huma minn isfel
għal fuq u ta’ daqs limitat. Esklużi l-finanzjament tal-Programm
Qafas u l-Aġenzija Spazjali Ewropea, inqas minn 1 %
tal-finanzjament pubbliku nazzjonali tar-riċerka u l-iżvilupp
jintefaq fuq ir-riċerka transnazzjonali fl-Ewropa, u inizjattivi lejn żieda fl-interoperabbiltà tal-programmi
nazzjonali ta’ riċerka għadhom relattivament skarsi[15]. Sabiex jinkiseb impatt akbar tar-riċerka
bil-fondi pubbliċi limitati disponibbli għar-riċerka, huwa
essenzjali mhux biss li jinfetaħ il-finanzjament transnazzjonali, iżda li prinċipalment jiġu allinjati b’mod
strateġiku s-sorsi differenti ta’ fondi nazzjonali u oħrajn
fil-livell tal-UE. Xi Stati Membri adottaw strateġiji nazzjonali li
jieħdu kont tal-prijoritajiet konġunti miftiehma fl-Orizzont 2020 jew
fl-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka tal- Inizjattivi ta’
Programmazzjoni Konġunta li jkunu qed jipparteċipaw fihom. Il-livell
ta’ allinjament huwa madankollu baxx wisq biex jissolvew l-isfidi ewlenin
tas-soċjetà li l-Ewropa trid tiffaċċja. L-Istati Membri għandhom jallinjaw aħjar il-programmi
nazzjonali ta’ riċerka sabiex jimplimentaw aġendi
strateġiċi ta’ riċerka maqbula b'mod komuni fil-kuntest
tal-programmazzjoni konġunta. Huma għandhom ukoll itejbu
l-interoperabilità bejn il-programmi nazzjonali sabiex tiġi
ffaċilitata aktar kooperazzjoni fir-riċerka transkonfinali. Grazzi
għal programm konġunt mill-Istati Membri, aktar riċerkaturi
jistgħu jikkollaboraw f’attivitajiet transnazzjonali tar-riċerka
ffinanzjati nazzjonalment li jindirizzaw sfidi tas-soċjetà, kif intwera
pereżempju, fl-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar
l-Enerġija tal-Pjan SET[16]. Infrastrutturi tar-Riċerka Eżerċizzji ta’ mmappjar[17] riċenti wrew l-għadd
kbir ta’ infrastrutturi tar-riċerka fl-Ewropa kollha u għamlu l-qasam
aktar trasparenti. Il-monitoraġġ
taż-ŻER juri wkoll li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess
transkonfinali għal infrastrutturi ta’ riċerka mhux dejjem huma
rrappurtati u armonizzati fost l-Istati Membri. Hemm bżonn ta’ aktar trasparenza
tal-kundizzjonijiet għall-aċċess transnazzjonali għal
infrastrutturi tar-riċerka. L-Orizzont 2020 ser tkompli tintegra u
tiftaħ infrastrutturi ewlenin nazzjonali ta’ riċerka eżistenti
ta’ interess pan-Ewropew u reġjonali lir-riċerkaturi Ewropej kollha,
kemm mill-akkademiċi kif ukoll mill-industrija, u jiġi żgurat
l-użu ottimali u l-iżvilupp konġunt tagħhom. Il-Forum Strateġiku Ewropew
għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI) huwa
eżempju ta’ suċċess ta’ strument strateġiku li
jiżviluppa l-integrazzjoni xjentifika tal-Ewropa. Il-Kummissjoni
u l-Istati Membri flimkien qed jagħmlu progress fl-implimentazzjoni
tal-impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni biex ilestu jew iniedu, sal-2015, 60 %
tal-48 infrastruttura prijoritarja kif identifikati fl-2010 mill-ESFRI. L-użu dejjem jiżdied tar-Regolament dwar
l-ERIC għat-twaqqif ta’ infrastrutturi tar-riċerka Ewropej huwa
eżempju tajjeb ta’ strument li jwassal għal strutturi ta’ governanza
aktar komparabbli u kondizzjonijiet ċari ta’ aċċess. L-impenji finanzjarji nazzjonali jibqgħu
kruċjali biex jappoġġaw viżjoni fit-tul u
l-parteċipazzjoni f’infrastrutturi globali tar-riċerka ta’ interess
Ewropew, aktar u aktar fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika. Kważi
żewġ terzi tal-Istati Membri żviluppaw pjanijiet direzzjonali
ta' infrastruttura tar-riċerka[18],
li jikkontribwixxu għad-deframmentazzjoni tal-infrastrutturi
tar-riċerka fl-Ewropa. Madankollu, għad fadal lok għal
allinjament aħjar mal-pjan direzzjonali tal-ESFRI. L-Orizzont
2020 se tkompli tiffaċilita u tappoġġa t-tħejjija,
l-implimentazzjoni s-sostenibbiltà fit-tul u t-tħaddim effiċjenti
tal-infrastrutturi tar-riċerka identifikati mill-ESFRI u infrastrutturi
tar-riċerka oħrajn ta’ klassi mondjali. L-Istati Membri għandhom
jindirizzaw l-ostakli finanzjarji, manigerjali u politiċi
għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-infrastrutturi
tar-riċerka. Dawn għandhom jallinjaw il-pjanijiet direzzjonali
tal-infrastrutturi tar-riċerka u jikkoordinaw l-iżvilupp
tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea se tiżviluppa
Karta għall-aċċess transkonfinali għal, u l-użu ta’,
l-infrastrutturi tar-riċerka sabiex jinkisbu aktar trasparenza u
kundizzjonijiet armonizzati għall-aċċess transnazzjonali
għal infrastrutturi ta’ riċerka. Suq tax-xogħol miftuħ
għar-riċerkaturi Suq
tax-xogħol Ewropew ġenwinament miftuħ u attraenti
għar-riċerkaturi huwa fattur essenzjali għall-kompletezza
taż-ŻER. Reklutaġġ miftuħ, trasparenti u
msejjes fuq il-mertu jiżgura li sistemi tar-riċerka jkunu
jistgħu jagħżlu mill-ġabra tat-talenti l-aktar
wiesgħa, u b’hekk tiġi ġġenerata l-eċċellenza u
titrawwem il-mobbiltà. Aktar minn 200 università u istitut tar-riċerka
huma impenjati b’mod attiv sabiex l-eżerċizzju
“L-eċċellenza tar-riżorsi umani fir-riċerka”, u
l-maġġoranza l-kbira qegħdin jirrevedu l-proċessi ta’
reklutaġġ tagħhom. L-użu tal-Portal tal-Impjiegi EURAXESS
biex jiġu riklamati pożizzjonijiet tar-riċerka fl-UE kollha
jirrappreżenta wkoll pass sostanzjali ‘l quddiem u għen biex
titqabbel il-provvista u d-domanda bejn il-fruntieri. Madankollu,
il-prinċipji ta’ reklutaġġ miftuħ jestendu sew lil hinn
mid-dritt li wieħed ikun jaf u japplika għall-pożizzjonijiet.
Madwar 40 % tar-riċerkaturi tal-UE indikaw li "ma kinux
sodisfatti” bil-prattiki tar-reklutaġġ miftuħ fl-istituzzjoni
tagħhom. F’xi pajjiżi, il-proporzjon kien ta' aktar minn 50 %[19]. L-2012 rat tkabbir fid-diverġenza
fil-prestazzjoni tal-innovazzjoni fost l-Istati Membri. F’dan l-ambjent,
flimkien ma’ tnaqqis fil-baġits tar-riċerka fil-pajjiżi l-aktar
affettwati mill-kriżi finanzjarja, ir-reklutaġġ miftuħ u
l-iżvilupp tal-karrieri tkun aktar importanti biex jinħolqu
l-kundizzjonijiet għal tkabbir aktar bilanċjat fl- Ewropa. Huwa meħtieġ sforz koordinat
mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet biex jiżguraw li
l-pożizzjonijiet tar-riċerka kollha huma soġġetti għal
prattiki ta' reklutaġġ miftuħ, trasparenti u msejjes fuq
il-mertu. Għad hemm differenzi bejn l-Istati Membri
f'dak li għandu x’jaqsam mat-trasferibilità tal-għotjiet u
l-aċċess għal għotjiet nazzjonali. Ftit huma l-Istati
Membri li jirrapportaw li l-mekkaniżmi nazzjonali ta' finanzjament
tagħhom jipprevedu l-portabilità tal-għotjiet. Aċċess
għal għotjiet nazzjonali u fellowships spiss jiġi mxekkel
għal dawk li mhumiex residenti ħlief fejn dan il-finanzjament iservi
l-interess tas-sistema tar-riċerka nazzjonali. Minkejja li bosta
inizjattivi[20]
ġew adottati, l-impatt tagħhom għadu limitat fl-UE. L-Istati Membri għandhom
ineħħu l-ostakli li jipprevjenu l-implimentazzjoni ta’
aċċess għal, u l-portabbiltà ta’ għotjiet nazzjonali, u
organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka għandhom jintensifikaw
il-koperazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess. Proċeduri mgħaġġla ta’
immigrazzjoni li jistgħu jkunu fattur deċiżiv biex jiġbdu
l-aqwa talent globali lejn l-Ewropa. F’Marzu 2013, il-Kummissjoni pproponiet
riformulazzjoni[21]
tad-"Direttiva dwar il-Viża Xjentifika” li tistabbilixxi skadenzi ta'
żmien aktar ċari għall-awtoritajiet nazzjonali biex
jiddeċiedu dwar l-applikazzjonijiet, u tipprovdi lir-riċerkaturi
aktar opportunitajiet għall-mobilità u l-aċċess għas-suq
tax-xogħol wara s-soġġorn tagħhom. Relattivament, l-Ewropa għandha ftit
riċerkaturi impjegati fl-industrija filwaqt li fl-istess ħin
tħarreġ għadd dejjem jikber ta’ PhDs. Għalkemm in-natura
tat-taħriġ dottorali qiegħda tiddiversifika u iżjed
gradwati jibdew karrieri barra mill-qasam akkademiku, ħafna m'humiex preparati
sewwa għas-suq tax-xogħol. Kien hemm progress f'diversi Stati Membri
għalkemm l-isfida tibqa’ fis-sejħa usa' f’termini ta’ lħiq,
finanzjament u s-sostenibbiltà u l-involviment tal-industrija
fit-taħriġ għall-PhDs, biex, b'mod notevoli, jiġu koperti
kull ma hemm fil-Prinċipji għal Taħriġ Innovattiv
fil-Livell ta' Dottorat fl-Ewropa, kif approvat mill-Kunsill[22]. Barra minn hekk, għadd
ta’ Stati Membri għamlu użu tajjeb mill-fondi strutturali biex
jappoġġaw it-taħriġ ta’ kandidati għad-dottorat. L-Istati Membri, l-organizzazzjonjiet li
jiffinanzjaw u jwettqu r-riċerka huma mħeġġa jippromwovu
użu akbar tal-prinċipji tat-taħriġ dottorali innovattiv,
inkluż, fejn ikun xieraq, permezz tal-użu ta’ Fondi Ewropej
Strutturali u ta’ Investiment. Bħala għajnuna biex tikber
l-parteċipazzjoni fiż-ŻER, il-Kummissjoni qed tipproponi
t-twaqqif tal-"Katedri tal-ŻER” taħt l-Orizzont 2020 biex
issostni l-universitajiet u l-istituzzjonijiet l-oħra tar-riċerka
sabiex jiksbu l-livell ta’ eċċellenza meħtieġa
fir-riċerka biex ikunu kompetittivi fuq il-livell internazzjonali. Tnediet
sejħa bi prova taħt l-FP7 li għaliha aktar minn 100 istituzzjoni
wieġbu. L-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni
fir-riċerka Ir-riċerka Ewropea għadha ssofri minn telf sostanzjali, u
minn użu ineffiċjenti ta’ nisa bi kwalifiki għolja ħafna, u
minn nuqqas ta’ dimensjoni tal-irġiel u n-nisa fil-kontenut
tar-riċerka. Jekk in-numru ta’ nisa gradwati b’PhD kiber b’mod sinifikanti
f’dawn l-aħħar snin prattikament fis-setturi kollha, in-nisa fir-riċerka
għadhom minoranza u n-numru ta' kapijiet nisa tal-istituzzjonijiet
fis-settur tal-edukazzjoni għolja huwa baxx ħafna[23]. F’termini ta’ inizjattivi politiċi, l-istampa fl-Istati Membri
għadha ferm eteroġenea. L-ugwaljanza bejn is-sessi hija
ġeneralment regolata fil-livell tad-dispożizzjonijiet ġenerali
tas-suq tax-xogħol. Xi ftit Stati Membri jidhru li għandhom
dispożizzjonijiet speċifiċi li jiżguraw l-ugwaljanza bejn
bejn l-irġiel u n-nisa fi ħdan il-qafas legali tagħhom
għar-riċerka. F’nofs l-Istati Membri jiġu żviluppati
inċentivi biex in-nisa żgħażagħ jkunu
mħeġġa jidħlu għal karriera xjentifika u biex isostnu
lin-nisa jagħżlu karrieri fir-riċerka. Numru iżgħar
ta’ Stati Membri jiffissaw miri partikolarment għall-bilanċ bejn
l-irġiel u n-nisa fi gruppi u kumitati. Ftit ħafna huma dawk li
jinkoraġġixxu l-istituzzjonijiet biex jadottaw u jimplimentaw
Pjanijiet dwar l-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa[24]. Ftit qed tingħata attenzjoni mill-Istati Membri lill-integrazzjoni
tad-dimensjoni tal-irġiel u n-nisa fil-programmi nazzjonali ta’
riċerka minkejja li jekk jiġu indirizzati b'mod xieraq
il-bżonnijiet, l-imġieba u l-attitudnijiet kemm tan-nisa kif ukoll
tal-irġiel, il-kwalità u r-rilevanza tar-riżultati tar-riċerka u
l-innovazzjoni jistgħu jittejbu. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw strateġiji komprensivi
ta’ bidla strutturali biex jingħelbu d-differenzi bejn l-irġiel u
n-nisa fl-istituzzjonijiet u programmi ta’ riċerka. Fl-FP7, il-Kummissjoni ffinanzjat it-twaqqif u
l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa
fl-organizzazzjonjiet tar-riċerka. Fl-2013, se titnieda l-ERA-NET
GENDERNET biex tappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u
Pajjiżi Assoċjati. Fl-Orizzont 2020, il-Kummissjoni Ewropea se
tkompli tappoġġa l-bidla strutturali fl-istituzzjonijiet
tar-riċerka. Meta mqabbel mal-FP7, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u
n-nisa u d-dimensjoni tal-irġiel u n-nisa fil-kontenut tar-riċerka u
l-innovazzjoni se tkun b’mod aktar sistematiku operazzjonalizzati fl-istadji
varji tal-programmi tal-Orizzont 2020. L-ottimizzazzjoni
taċ-ċirkolazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien xjentifiku Aċċess miftuħ
għar-riżultati tar-riċerka ffinanzjata pubblikament L-għarfien
huwa essenzjali fiż-ŻER. L-għarfien iffinanzjat pubblikament
għandu jkunu disponibbli għal riċerkaturi u s-settur privat,
biex itejbu l-bażi ta’ għarfien, inaqqsu d-diskrepanzi reġjonali
u jippromwovu soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi tas-soċjetà. Aċċess
mingħajr restrizzjonijiet u mingħajr ħlas
għall-pubblikazzjonijiet hija appoġġata minn għadd li
dejjem qed jikber ta’ universitajiet, ċentri ta’ riċerka u
aġenziji ta’ finanzjament fl-Ewropa. Kważi
l-Istati Membri kollha ffissaw kundizzjonijiet legali u amministrattivi
bħala appoġġ għall-aċċess miftuħ
għall-pubblikazzjonijiet, u xi wħud minnhom qed jippromwovi wkoll
l-Aċċess Miftuħ għad-dejta[25]. L-Istati
Membri għandhom ikomplu jagħmlu sforzi fl-implimentazzjoni
tal-Aċċess Miftuħ għall-pubblikazzjonijiet, u jkomplu
jistabbilixxu qafas adegwat ta’ politika għall-Aċċess
Miftuħ għad-dejta, filwaqt li jitqiesu kwistjonijiet dwar l-IPR,
partikolarment fil-każ tal-involviment tas-settur privat fir-riċerka. L-Orizzont 2020
qed tagħti eżempju, billi tagħmel l-Aċċess Miftuħ
għall-pubblikazzjonijiet tar-riċerka obbligatorju
għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell tal-UE. Id-dimensjoni
diġitali taż-ŻER Il-mezzi
diġitali huma essenzjali għall-ħolqien, l-aċċess u
t-trasferiment tal-għarfien. Xi Stati Membri diġà ħadu azzjoni
biex jippromwovu ż-ŻER diġitali sabiex jiffaċilitaw
l-aċċess onlajn bla xkiel għar-riżorsi, is-servizzi u
l-kollaborazzjonijiet tar-riċerka[26].
L-Istati
Membri kollha għandhom jiżguraw li hemm il-kundizzjonijiet biex
isostnu: aċċess onlajn bla xkiel għas-servizzi tar-riċerka
diġitali għall-kollaborazzjoni, l-informatika u l-aċċess
għall-informazzjoni xjentifika; il-federazzjoni ta’ identitajiet
elettroniċi għar-riċerkaturi, li tiffaċilita
l-aċċess transkonfinali tar-riċerkaturi għal servizzi u riżorsi;
u aċċess armonizzat u użu tal-politiki tal- infrastrutturi
elettroniċi u tas-servizzi diġitali tar-riċerka sabiex
jippermettu kollaborazzjonijiet minn konsorzji multinazzjonali tar-riċerka
ma’ msieħba kemm pubbliċi kif ukoll privati. It-trasferiment tal-għarfien u
l-innovazzjoni miftuħa It-trasferiment tal-għarfien huwa qasam
ewlieni taż-ŻER fejn il-gvernijiet u l-partijiet interessati huma
attivi ħafna, meta jitqies l-irwol kruċjali tiegħu fl-ekonomija,
notevolment għall-irkupru. Filwaqt li dawn l-isforzi ta’ appoġġ
fl-Istati Membri huma ta’ min ifaħħarhom, il-miżuri nazzjonali
għadhom frammentati, u dan ifixkel, min-naħa l-oħra,
l-innovazzjoni miftuħa b’mod ġenerali u l-effiċjenza
tat-trasferiment tal-għarfien fuq il-livell nazzjonali[27]. Strateġiji li jipprovdu
struttura, jistimulaw, jiffaċilitaw u bħala tali jiżguraw li
r-riċerka pubblika tikkontribwixxi għal innovazzjoni miftuħa u
t-trasferiment tal-għarfien, għandhom rwol importanti f’ekonomija
bbażata fuq l-għarfien. Jeħtieġ li l-Istati Membri
jkomplu jiddefinixxu, jimplimentaw u jevalwaw strateġiji nazzjonali
tat-trasferiment tal-għarfien biex iwasslu għal bidla strutturali u
kulturali fis-sistema tar-riċerka u l-innovazzjoni u b'hekk jiżdied
l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ riċerka. Il-politika dwar ix-xjenza u l-innovazzjoni
saret iktar u iktar interkonnessa. L-għarfien xjentifiku huwa dejjem aktar
prodott b’mod dinamiku kollaborattiv, li konsegwentement iwassal għal
innovazzjoni siewja u itaffi l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet.
Bħala appoġġ tal-proċess, il-Kummissjoni Ewropea
bħalissa qed tiżviluppa approċċ politiku komprensiv
għall-innovazzjoni miftuħa u t-trasferiment tal-għarfien u se
tikkonsulta mal-partijiet interessati dwar dan. Kooperazzjoni
internazzjonali Id-dimensjoni
esterna taż-ŻER[28]
hija intrinsika għall-iżvilupp tagħha. Il-kisbiet
taż-ŻER fil-ġbir tar-riżorsi u bil-ħolqien ta’ massa
kritika, li jiffaċilitaw l-iżvilupp, it-trasferiment u
ċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien u li jistabbilixxu suq
tax-xogħol miftuħ għar-riċerkaturi, se jgħinu biex
l-Ewropa ssir post attraenti għar-riċerkaturi globalment mobbli u
l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. Koordinazzjoni
aħjar tal-politiki nazzjonali se tippermetti rappreżentazzjoni aktar
effiċjenti u koerenti tar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej fid-dinja
u żżied il-viżibbiltà u l-impatt tagħha. Imbagħad din
se ssaħħaħ l-influwenza tal-Ewropa fl-iżvilupp ta’
prinċipji komuni globali (pereżempju, fl-oqsma tal-integrità
tal-evalwazzjoni bejn il-pari tar-riċerka, il-promozzjoni tal-ugwaljanza
bejn l-irġiel u n-nisa u d-dimensjoni tal-irġiel u n-nisa
fir-riċerka, karrieri fir-riċerka, id-dritt ta' proprjetà
intellettwali (IPR) u l-aċċess miftuħ għal
pubblikazzjonijiet ta’ riċerka ffinanzjati mill-pubbliku) sabiex
jiffaċilitaw il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u
l-innovazzjoni u biex joħolqu kuntest ekwu globali. 3. Konklużjoni u l-passi li jmiss Ir-Rapport ta’ Progress tal-2013 juri li
l-implimentazzjoni tal-aġenda taż-ŻER hija essenzjali biex
l-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni jsiru aktar effiċjenti, u
biex isir kontribut għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u
inklużiv. Madankollu, juri wkoll li x-xenarju Ewropew tar-riċerka u
l-innovazzjoni għadu frammentat u jidentifika l-ostakli li jżommu
l-Ewropa milli tgawdi bis-sħiħ ŻER unifikata li fiha r-riċerkaturi,
l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġija jiċċirkolaw b’mod
ħieles[29]. Għal dan l-għan, huwa importanti
għall-Istati Membri li jaderixxu bi sħiħ mal-prijoritajiet
taż-ŻER, billi dawn jibqgħu l-atturi primarji
għall-introduzzjoni ta' riformi essenzjali taż-ŻER fis-sistemi
nazzjonali ta’ riċerka tagħhom. Is-Semestru Ewropew huwa strument
b’saħħtu għall-Istati Membri biex b’mod koerenti jinkludu
l-prijoritajiet taż-ŻER fil-kuntest usa’ tar-riformi lejn
iż-żieda fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u
l-irkupru ekonomiku. Fid-dawl ta’ interazzjoni strateġika u
aktar infurmata mal-Istati Membri, il-Kunsill ikkonferma r-rwol tal-Kumitat
tal-Innovazzjoni u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (KŻER) biex
tinkiseb iż-ŻER[30]
u biex jingħata input lir-rappurtaġġ annwali tal-Kummissjoni u
jkunu sfruttati bis-sħiħ is-sinerġiji bis-Simestru Ewropew.
Għal dan l-għan, huwa kruċjali li l-Istati Membri jkomplu u,
fejn meħtieġ, isaħħu l-appoġġ tagħhom biex
il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ biex ikollhom l-aħjar sisien
possibbli għal valutazzjoni sħiħa tal-progress fl-2014. Fil-kuntest tas-Sħubija rinfurzata
taż-ŻER, l-interazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet
interessati għandha tkun ankrata aħjar u ssir espliċita
f’ħafna mill-Istati Membri. L-Organizzazzjonijiet tal-Partijiet
Interessati tar-riċerka li ffirmaw id-Dikjarazzjoni Konġunta
mal-Kummissjoni għandhom ikunu eżempju ta’ interazzjoni bejniethom u
l-membri tagħhom fid-direzzjoni taż-ŻER. Huma mistennija li
jirrapportaw dwar il-progress tagħhom sa tmiem din is-sena, li jsaħħu
l-kollaborazzjoni tagħhom u meta rilevanti, li jżidu l-isforz
tagħhom għal azzjonijiet konġunti f'appoġġ
liż-ŻER. Il-Kummissjoni se tfittex li
ssaħħaħ il-kontribuzzjoni tagħha liż-ŻER permezz
tal-Orizzont 2020 li, flimkien mal-finanzjament pubbliku nazzjonali disponibbli
fi 28 Stati Membru u l-Pajjiżi Assoċjati, se tkun pilastru
finanzjarju importanti għat-twettiq taż-ŻER. Huwa importanti
wkoll li l-Istati Membri jinkorporaw l-aġenda taż-ŻER
fl-użu tagħhom tal-fondi Ewropej strutturali u ta’ investiment
(ESIF). Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li
tikkontribwixxi fid-dibattitu politiku u l-implimentazzjoni ġenerali
taż-ŻER. Hi se tkompli tappoġġa t-tagħlim
reċiproku u l-iskambju ta’ prassi tajba bejn l-Istati Membri, biex
tiżviluppa fehim u apprezzament aħjar tal-politiki nazzjonali ta’
riċerka u innovazzjoni fil-kuntest usa’ tas-Simestru Ewropew ta’
investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku[31]. Appoġġ għall-kompletezza
taż-ŻER mill-Kunsill, il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew,
il-KESE u l-KtR jibqa’ kruċjali biex jiġi żgurat il-pont ma’
partijiet interessati tas-soċjetà inġenerali, il-Parlamenti
nazzjonali u r-reġjuni. Għalhekk, il-Kummissjoni se tiżgura li
jinżamm djalogu interistituzzjonali xieraq. Fl-2014, se ssir valutazzjoni sħiħa
tal-progress sabiex jiġi stabbilit jekk is-Sħubija taż-Żona
Ewropea tar-Riċerka għat-Tkabbir u l-Impjiegi rinfurzata kinitx
biżżejjed biex iż-ŻER tkun kompluta, kif talab il-Kunsill
Ewropew[32].
[1] COM(2010) 2020 finali [2] COM(2012) 392 finali [3] C 17649/12, RECH 467, COMPET 773 [4] idem. Din issejjaħ ukoll għal
"monitoraġġ tal-progress taż-ŻER f'rabta mill-qrib
mas-Semestru Ewropew, kif ukoll direzzjoni ta' livell għoli mill-Kunsill
(…)" [5] Il-Kumitat tal-ITRE 19/6/2012 [6] EESC INT/662-CES2075-2012_00_00_TRA_AC u ĠU 2013/C 62/4 [7] EARTO, EUA, LERU, NordForsk, Science Europe. Sena wara,
CESAER ngħaqdet mas-Sħubija permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali [8] Tliet Pajjiżi Assoċjati (l-Isvizzera,
l-Islanda u n-Norveġja) ġew analizzati abbażi
tal-kontribuzzjonijiet volontarji tagħhom. [9] http://ec.europa.eu/research/era/docs/en/voluntary_guidelines.pdf [10] Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni
(DĦPK) “Fatti u Ċifri dwar iż-ŻER”, p. 14-15. [11] L-Istati Membri rċevew madwar EUR 29,4 biljun u
l-Pajjiżi Assoċjati EUR 2,9 biljun f'kontribuzzjonijiet mill-KE fl-2007-2012 [12] COM(2013) 494 finali [13] CERN, EFDA-JET, EMBL, ESA, ESO, ESRF, European XFEL u ILL [14] DĦPK “Fatti u Ċifri dwar iż-ŻER”, p. 17. [15] JOREP Study (Joint & Open Research European
Programmes) for the European Commission, 2013 [16] COM(2007) 723 finali [17] pereżempju, Research Infrastructures in ERA, ESF
member organisation forum, Marzu 2013 [18] DĦPK “Fatti u Ċifri dwar iż-ŻER”, p. 18. [19] DĦPK “Fatti u Ċifri dwar iż-ŻER”, pp. 21-22. [20] jiġifieri, "Il-flus isegwu
r-Riċerkatur" u "Il-flus isegwu l-Linja ta’ Kooperazzjoni” [21] http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/e-library/documents/policies/immigration/study-or-training/docs/students_and_researchers_proposal_com_2013_151_en.pdf [22] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-immodernizzar
tal-edukazzjoni għolja, 11/2011,
http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/11/st16/st16746.en11.pdf [23] Ċifri tas-SHE għall-2012: in-nisa
jirrappreżentaw 46 % tal-gradwati b’PhD tal-UE, 33 %
tar-riċerkaturi, 20 % tal-istaff akkademiku għoli;
l-iżbilanċ bejn l-irġiel u n-nisa hija aktar impressjonanti
fit-teħid tad-deċiżjonijiet, fejn 15.5 % tal-kapijiet
tal-istituzzjonijiet u 10 % tar-retturi fl-istituzzjonijiet ta’
edukazzjoni superjuri (HEI) huma nisa.
http://ec.europa.eu/research/science-society/document_library/pdf_06/she-figures-2012_en.pdf
[24] DĦPK “Fatti u Ċifri dwar iż-ŻER”, p. 26. [25] DĦPK “Fatti u Ċifri dwar iż-ŻER”, p. 28. [26] idem p. 32 [27] idem p. 29-30 [28] COM(2012(497),
http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/intm/137346.pdf [29] TFUE, l-Artikolu 179 [30] Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar xogħol ta’
konsulenza għaż-ŻER, 31/5/2013 [31] Fl-2013 ġew organizzati seminars ta' tagħlim
reċiproku dwar il-finanzjament kompetittiv u s-sinerġija bejn
il-Fondi Strutturali u l-Orizzont 2020. Huwa previst seminar appoġġat
mill-KE li jindirizza strateġiji nazzjonali biex jitħarrġu
biżżejjed riċerkaturi biex jintlaħqu l-miri nazzjonali
tar-R&Ż. [32] EUCO 2/1/11