KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar is-Suq Uniku tat-Telekomunikazzjonijiet /* COM/2013/0634 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar is-Suq Uniku tat-Telekomunikazzjonijiet 1. Il-kuntest politiku u
ekonomiku Il-progress
sostanzjali lejn suq uniku Ewropew għat-telekomunikazzjoni huwa essenzjali
għall-interessi strateġiċi u l-progress ekonomiku tal-Ewropa;
għas-settur tat-telekomunikazzjonijiet innifsu; u
għaċ-ċittadini li huma frustrati li ma għandhomx
aċċess sħiħ u ġust għal servizzi tat-telekomunikazzjonijiet
bħall-internet u s-servizzi tal-mowbajl. L-importanza ta’
aċċess għall-internet affidabbli u mgħaġġel se
jiżdied bil-prevalenza tal-cloud computing. Dan jeħtieġ
id-disponibilità ta’ netwerks ta’ kwalità għolja, li jistgħu
jiġu pprovduti biss minn settur tat-telekomunikazzjonijiet
b’saħħtu, u b’hekk dan huwa interess strateġiku
għall-Ewropa. Bl-istess mod,
l-interess strateġiku tal-Ewropa jkun moqdi billi jkollha l-kapaċità
tagħha li tagħti servizz tal-cloud computing sikur
liċ-ċittadini kif ukoll billi żżomm kapaċità
sinifikanti ta’ apparat ta' produzzjoni tat-telekomunikazzjoni. It-tnejn
jiddependu fuq settur tat-telekomunikazzjoni dinamiku tal-mowbajl 4G u fuq
netwerks ta’ aċċess fiss u ta’ veloċità għolja. Il-maġġoranza
assoluta taċ-ċittadini, l-impriżi, il-gvern u l-intraprendituri
huma dejjem iktar dipendenti fuq il-konnettività tat-telekomunikazzjoni. Illum
fl-Ewropa, madankollu, aħna soġġetti għal xi forma ta’
lotterija rigward l-aċċess għal dawn is-servizzi, minkejja 26
sena ta’ progress fir-riforma tas-swieq nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet
tal-Ewropa u fil-ħolqien ta' pedament ta’ suq uniku
tat-telekomunikazzjoni. L-ekonomija
tal-internet innifisha tokkupa sehem dejjem jikber tal-PGD, filwaqt li
konnettività effettiva u l-innovazzjonijiet tal-internet issa huma essenzjali
għat-tkabbir tal-produttività fis-setturi ekonomiċi kollha —
mill-kura tas-saħħa, għall-enerġija, għas-servizzi
pubbliċi. L-iffissar tas-settur tat-telekominikazzjonijiet għalhekk
m’għadux dwar dan is-settur wieħed (li jifforma biss 9 %
tal-ekonomija diġitali tal-Ewropa), iżda dwar l-appoġġ
tal-iżvilupp sostenibbli tas-setturi kollha. Pass ieħor
sinifikanti 'l quddiem fl-iżvilupp tas-suq uniku tat-telekomunikazzjoni
jipprovdi spinta tant meħtieġa lill-ekonomija, billi jgħin
jippromwovi sorsi ġodda ta’ tkabbir ekonomiku (bħall-ekonomija
tal-apps, li mill-2008 ġġenerat 794,000 impjiegi ġodda — li
kważi nofshom żviluppaturi tas-sofwer), jixpruna l-innovazzjoni,
joħloq impjiegi ġodda u sostenibbli, u jġib lura l-kompetittività
Ewropea. Huwa fid-dawl ta’
dan li l-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2013 stieden lill-Kummissjoni biex
tippreżenta miżuri konkreti għall-ħolqien tas-suq uniku
fl-informazzjoni u t-teknoloġija tat-telekomunikazzjonijiet kemm jista’
jkun kmieni. Il-proposti tal-lum jissodisfaw dak l-impenn mill-Kummissjoni. Is-settur
tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jopera fuq skala globali, bil-web (u
s-servizzi li jinnegozjaw fuqu) li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Huwa
importanti li l-inizjattivi prezenti jitqiesu fil-kuntest ta' żviluppi
x’imkien ieħor; u li l-komunikazzjonijiet elettroniċi u twassil
tas-servizzi diġitali jingħataw l-attenzjoni xierqa fi ftehimiet
settorali speċifiċi jew fin-negozjati tal-kummerċ u
tal-investiment mal-imsieħba ewlenin tagħna. 2. 26 sena ta’ riforma
regolatorja tat-telekomunikazzjonijiet Fi żmien ta’
ftit aktar minn ġenerazzjoni, bis-saħħa tal-qafas legali tal-UE,
ix-xenarju tat-telekomunikazzjonijiet tal-Ewropa illiberalizza minn monopolji
pubbliċi statiċi għal settur dinamiku u kompetittiv. Mis-snin
tmenin 'l hawn, pakketti suċċessivi ta' leġiżlazzjoni
Ewropea iddiżassoċjaw in-netwerks, ippromovew il-kompetizzjoni u
l-għażla, tefgħu limitu fuq l-ispejjeż tar-roaming tal-mowbajl,
taw drittijiet importanti ġodda lill-konsumatur, u ħeġġew
applikazzjoni komuni u konverġenti tal-qafas komuni. Barra minn hekk,
l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE kienet strumentali
fl-iżgurar li s-swieq joperaw b’mod kompetittiv, li jġibu prezzijiet
irħas u kwalità ta’ servizz aħjar lill-konsumaturi mal-UE kollha. Dawn il-bidliet
fil-leġiżlazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE fittxew li
jadattaw għal bidliet radikali enormi li seħħew fl-ICT: l-ewwel
it-telefonija mobbli, u mbagħad l-internet. Illum, is-settur
tat-telekomunikazzjonijiet huwa l-qofol ta’ prodotti diġitali u servizzi
li għandhom il-potenzjal isostnu l-aspetti kollha ta’ ħajjitna, u
kapaċi jixprunwa l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa. L-isforzi tal-UE
biex tippromwovi ambjent regolatorju sod ilhom jirfdu l-bidliet fis-settur. Bi
żviluppi bħall-istandards GSM u UMTS, l-UE wittiet it-triq biex
l-Ewropa u l-atturi industrijali jkunu fuq quddiem nett fuq il-livell globali.
Il-liberalizzazzjoni ġabet il-kompetizzjoni, prezzijiet iktar ġusti u
għażliet reali liċ-ċittadini u lin-negozji. Hekk kif
is-swieq isiru aktar kompetittivi, Ewropej u globali, il-qafas regolatorju
jeħtieġ li jevolvi wkoll. Il-qafas
regolatorju eżistenti, imressaq mill-Kummissjoni fl-2007 u ffokat fuq
it-tisħiħ tas-sorveljanza u l-konsistenza Ewropej tar-regolamentazzjoni
tas-suq nazzjonali, serviet tajjeb l-għanijiet tagħha.
Madankollu,aktar reċentement, u lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa,
operaturi b'saħħithom bħall-Istati Uniti, il-Ġappun u
l-Korea t’Isfel investew bil-kbir biex jipprovdu konnessjonijiet broadband
rapidi (fissi u bla wajers); F’tali kuntest globali, huwa importanti li
l-Ewropa ma tibqax lura. Barra minn hekk, il-bidliet fil-klima ekonomika u
teknoloġika u l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja wasslu
għal bidliet rapidi u aċċelerati fis-settur
tat-telekomunikazzjonijiet globali, inkluż ristrutturar sinifikanti.
Domandi ġodda u applikazzjonijiet ġodda għal servizzi
bbażati fuq id-dejta jsaħħu iktar l-imperattiv ta' suq uniku -
il-pożizzjoni b’saħħitha tas-settur Ewropew tal-ICT (speċjalment
tat-telekomunikazzjonijiet), u l-kopertura tal-broadband, meta mqabbla ma’
pajjiżi oħra, huma essenzjali għall-kompetittività tal-ekonomija
Ewropea. Dan jinħass partikolarment f’dan il-mument meta l-Ewropa qed
tfittex modi ġodda biex toħroġ mill-kriżi. Is-settur
tat-telekomunikazzjonijiet għandu jiżviluppa billi jippermetti
l-ekonomija kollha biex jimxi’ l quddiem; huwa insostenibbli li s-settur
ifittex li jikber billi jxekkel il-bżonnijiet ta' konnettività
tal-ekonomija fuq firxa aktar wiesgħa, b’mudelli ta’ negozju li joperaw
iktar fuq l-iskarsezza milli fuq il-ġid. Għalhekk issa hija
meħtieġa azzjoni deċiżiva biex tippermetti r-ristrutturar
tas-settur, sabiex jiġi evitat li jiffaċċja t-tnaqqis inevitabbli
tiegħu. Iż-żamma tal-istatus quo mhijiex għażla. 3. L-ostakli għas-suq
uniku Il-Kummissjoni
Ewropea hija determinata li tmantni u tkompli tespandi l-benefiċċji
tat-telekomunikazzjoni għan-negozju u ċ-ċittadini. Iżda
minkejja l-progress kollu li sar s’issa, is-settur ikompli jiffaċċja
firxa ta’ ostakl u sfidi li flimkien ifissru li l-benefiċċju
sħiħ tas-suq uniku għadu 'l bogħod milli jinkiseb. Studju
reċenti wera li kieku jitlesta s-suq intern għall-komunikazzzjonijiet
elettroniċi, il-prodott gross domestiku tal-UE (PGD) jista’ tikber sa 110
biljuni ta’ euro fis-sena.[1] B’mod
ġenerali, is-settur tat-telekomunikazzjonijiet xorta għadu jġorr
il-wirt tal-monopolji nazzjonali l-antiki, u għadu fil-biċċa
l-kbira jopera fuq linji nazzjonali. Xi kumpaniji kbar
tat-telekomunikazzjonijiet huma preżenti f’diversi Stati Membri; iżda
l-ebda waħda minnhom ma hi preżenti fl-istati kollha.
Fil-biċċa l-kbira l-operaturi tal-mowbajls joperaw biss
nazzjonalment; għal ħafna operaturi fissi is-suq tagħhom huwa
saħansitra aktar lokalizzat. Dawk li ma joperawx f’diversi Stati Membri
għandhom jaħdmu skont regoli separati, xi kultant skont
ir-rekwiżiti u r-rimedji diverġenti ta’ regolaturi differenti, u li
jeħtieġu awtorizzazzjonijiet partikolari f’kull Stat Membru. Barra
minn hekk, ta’ spiss operaturi attivi f’diversi Stati Membri ma jaġixxux
bħala verament operaturi Ewropej, u jidhru kuntenti li jimexxu
l-attivitajiet tagħhom separatament f’kull Stat Membru. Is-suq jinkludi
iktar minn elf operatur ta' telefonija fissa, u bosta mijiet ta’ operaturi
tal-mowbajl, li, minkejja li spiss li jappartjenu għal gruppi akbar,
joperaw fuq bażi nazzjonali. Fl-istess ħin, is-settur huwa dejjem
aktar ta’ natura globali u jiddependi mill-kobor biex jagħmel qliegħ. In-nuqqas ta’ suq
uniku jidher ukoll partikolarment fil-prezzijiet. Pereżempju, kemm tiswa
meta ċċempel pajjiż ieħor tal-UE, jew meta tuża
apparat ċellulari f’pajjiż ieħor tal-UE, spiss ikun wisq
ogħla mir-rati domestiċi, minħabba tariffi tas-sejħiet
roaming u tad-dejta roamingu r-rati għas-sejħiet “internazzjonali”
(intra-UE). Dawn l-imposti huma meqjusa bħala inġusti minn bosta
ċittadini, u wkoll jikkostitwixxi impediment prattiku
għall-eżerċitar tal-libertajiet tas-suq uniku. Barra minn hekk,
il-konsumaturi x’aktarx iħossuhom aktar kunfidenti li jkunu jistgħu
jilqgħu offerti minn operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra, jekk
ikunu jafu li jistgħu jserrħu fuq l-istess sett ta’ regoli:
pereżempju regoli dwar it-trasparenza, it-termini kuntrattwali,
il-faċilitazzjoni li wieħed jaqleb minn operatur għal
ieħor, u regoli biex ikun hemm prevenzjoni tal-imblukkar jew
it-trażżin ta’ servizzi onlajn, bħala parti minn miżuri
biex jiżguraw aċċess miftuħ għall-internet. Sforzi
nazzjonali mferrxa biex jitħarsu d-drittijiet tal-konsumatur jistgħu
jkunu l-kawża għal aktar frammentazzjoni tas-suq uniku. Sadanittant
id-differenzi fiż-żmien, il-kundizzjonijiet u l-ispejjeż
tal-proċeduri għall-akkwist tal-ispettru jliġġmu
l-investiment, u jagħmluha diffiċli li jiġu żviluppati
netwerks integrati bla wajers bejn il-pajjiżi. Disponibbiltà aktar
f’waqtha u prevedibbli tal-ispettru tippermetti konnessjonijiet aktar mifruxa u
bi prezzijiet konvenjenti tal-broadband fl-Ewropa, iżda ħafna drabi
tibqa’ limitata fi strutturi regolatorji fil-livell nazzjonali. Ir-regolamentazzjoni
diverġenti tan-netwerks fissi spiss tfisser regolamentazzjoni
eċċessiva, jew inċertezza u imprevidibbiltà regolatorji, u
għalhekk issir diffiċli biex wieħed jippjana l-investimenti
tiegħu f'netwerks tal-broadband veloċi tal-“ġenerazzjoni li
jmiss”. B’aktar
armonizzazzjoni fis-suq uniku, l-Ewropej se jibbenefikaw minn kopertura
tal-broadband veloċi aktar estensiva, u servizzi diġitali ġodda
aktar innovattivi. Dawn in-netwerks veloċi tat-telekomunikazzjonijiet huma
wkoll inputs essenzjali għal ħafna setturi oħra, pubbliċi u
privati. Settur qawwi u dinamiku tat-telekomunikazzjonijiet huwa essenzjali
jekk l-Ewropa trid tisfrutta innovazzjonijiet ġodda bħall-cloud
computing, għodod ġodda li jużaw "dejta kbira",
karozzi konnessi, manifattura intelliġenti, l-Internet
tal-Oġġetti, amministrazzjonijiet pubbliċi modernizzati,
is-Saħħa elettronika, u l-Edukazzjoni elettronika, fost ħafna
oħrajn. In-netwerks ta' veloċità għolja jistgħu jsiru
s-sies għal ekosistema diġitali Ewropea rikka. Fi ftit kliem,
is-settur qed ibati minn frammentazzjoni tul il-fruntieri nazzjonali; nuqqas
ta’ konsistenza u prevedibbiltà regolatorja madwar l-Unjoni; prezzijiet
għoljin inġusti għal servizzi speċifiċi; u nuqqas ta’
investiment. L-indirizzar ta’ dawn il-problemi huwa essenzjali biex niżguraw
l-impjiegi Ewropej, il-produttività u t-tkabbir. Suq uniku kompetittiv
tat-telekomunikazzjonijiet jgħin biex jissolvew dawn il-problemi. 4. Lejn suq uniku
fit-telekomunikazzjoni Suq uniku
ġenwin fit-telekomunikazzjonijiet ifisser suq fejn: - Il-konsumaturi
jistgħu jiksbu servizzi minn kwalunkwe operatur fl-UE, mingħajr
diskriminazzjoni, irrispettivament minn fejn huma bbażati; - L-operaturi
jkunu jistgħu kompetittivament joffru servizzi barra mill-Istat Membru ta’
domiċilju tagħhom, u s-suq jagħmlu n-negozju ma' konsumaturi bbażati
madwar l-UE kollha; -
Jitneħħew it-tariffi eċċessivi għas-sejħiet
intra-UE, jew meta l-mowbajl jintuża xi mkien ieħor fl-UE. Dan huwa
l-għan finali li l-Kummissjoni Ewropea ilha taħdem lejh għal xi
żmien, li jirriżulta fil-qafas regolatorju ta’ llum. Dan
fl-aħħar mill-aħħar jimplika t-tneħħija gradwali
tal-ostakli nazzjonali għall-kompetizzjoni transkonfinali, inkluż
regolamenti differenti fis-settur nazzjonali, liġijiet nazzjonali
differenti tal-konsumatur fir-rigward tal-kuntratti ta' komunikazzjoni, u
kundizzjonijiet nazzjonali differenti għall-allokazzjoni u l-assenjazzjoni
tal-ispettru. Jimplika wkoll qafas li huwa iktar konsistenti, stabbli u
legalment ċert, kompetittiv, bi grad ogħla ta' armonizzazzjoni u li
jwassal iktar għall-investiment: jiżgura li jkun hemm aktar
għażla, broadband aktar veloċi, u servizzi transkonfinali
aħjar għall-kumpaniji. Il-Kummissjoni
tibqa’ tal-fehma li suq uniku ġenwin konsistenti ma' din il-viżjoni
se jkun jirrikjedi regolatur waħdieni tal-UE responsabbli għall-interpretazzjoni
u l-implimentazzjoni ta' qafas legali armonizzat. Dan se jkun jeħtieġ
ukoll sistema unika għall-impożizzjoni ta’ rimedji regolatorji, u
aktar armonizzazzjoni possibbli tal-allokazzjoni u l-assenjazzjoni
tal-ispettru. Madankollu huwa
ċar li l-proċess tal-bini ta’ suq uniku tat-Telekomunikazzjoni –
bħal f’setturi oħra –huwa proċess gradwali li jiddependi kemm
fuq l-imġiba tal-parteċipanti fis-suq daqs kemm fuq l-intervent
tar-regolaturi. Il-proposti
mressqa llum jirrappreżentaw pass intermedju importanti lejn dak
l-għan aħħari ta’ Suq Uniku integrat bis-sħiħ billi
jindirizza wħud mill-ostakli li t-tneħħija tagħhom tista’
tgħin biex tiżgura li s-settur jaqdi r-rwol tiegħu sew
fit-tiftixa urġenti għat-tkabbir ekonomiku. L-approċċ huwa
bbażat fuq il-qafas eżistenti tat-telekomunikazzjoni u jiffoka fuq
il-kwistjonijiet transkonfinali li jħabbtu wiċċhom magħhom
l-operaturi u l-konsumaturi, u l-indirizzar tal-ostakli għall-investiment.
Dan l-approċċ jinvolvi l-identifikazzjoni ta’ bidliet
speċifiċi tal-qafas attwali, bħala passi intermedjarji li
flimkien joħolqu “punt ta’ tibdil” biex jippermetti lis-suq jevolvi lejn
suq uniku panEwropew. Fil-prattika, dan
jinvolvi: ·
li jiġu indirizzati xi wħud
mid-diverġenzi fl-interpretazzjoni bejn ir-regolaturi nazzjonali,
żieda fil-kooperazzjoni bejniethom u l-kontinwità fil-governanza, u
t-tisħiħ tar-rwol tal-Kummissjoni; ·
jiġu indirizzati l-problemi li jħabbtu
wiċċhom magħhom il-konsumaturi f’suq Ewropew tal-konsumatur
ifframmentat billi jiġu introdotti ċerti standards komuni;
it-tneħħija tal-ħlasijiet meta wieħed jirċievi
telefonati bir-roaming, kif ukoll tas-soprataxxi mhux ġustifikati fuq
sejħiet intra-UE; jiġu inċentivati l-kundizzjonijiet tas-suq li
jistgħu jwasslu għal eliminazzjoni rapida tat-tariffi tar-roaming
fl-Ewropa; u l-introduzzjoni ta’ protezzjonijiet ġodda u komuni
għall-konsumaturi, inkluż sabiex jitħares l-aċċess
għall-internet miftuħ. ·
L-offerta ta' opportunitajiet ġodda ta’
negozju lis-settur tat-telekomunikazzjoni, sabiex tkun ħaġa inqas
kumplessa li wieħed jinvesti fin-netwerks u jipprovdi u jiggarantixxi
servizzi bejn il-fruntieri; u l-armonizzazzjoni ta' “inputs” tekniċi
essenzjali (eż. l-ispettru għal netwerks bla wajers,
l-aċċess għan-netwerks għall-broadband fiss); ·
It-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea
tas-sistema attwali ta’ regolaturi nazzjonali. Il-Kummissjoni tipproponi
bħala pass intermedju t-tisħiħ tar-rwol tal-President tal-Korp
tar-Regolaturi Ewropej (BEREC), bil-ħolqien ta’ post b'impjieġ
sħiħ għal tliet snin li jiżgura aktar ippjanar strateġiku
u kontinwità akbar. Fl-aħħar
tan-negozjati dwar l-analiżi tal-2009 tal-qafas regolatorju,
il-Kummissjoni għamlet impenn formali li tieħu azzjoni fil-qasam
tal-aċċess miftuħ għall-internet. Anki minn dak
iż-żmien 'l hawn, u ċertament sa miż-żmien meta
tfassal oriġinarjament il-qafas, kibret sew l-importanza
tal-aċċess għall-internet, sal-punt li sar parti ewlenija
tal-attività soċjali u kulturali. Bħala tali, sar ukoll l-aktar
servizz ċentrali u prezzjuż mogħti mill-operaturi tan-netwerks u
l-fornituri tas-servizzi tal-internet. Hemm erba' raġunijiet għaliex
l-azzjoni fuq l-aċċess tal-internet huwa meħtieġ issa.
L-ewwel nett jidher li bħalissa, m’hemmx garanziji effettivi fl-UE kollha
ta’ aċċess miftuħ; u hemm ħafna evidenza ċara ta'
servizzi li qed jiġu mblukkati jew imrażżna, b'konsegwenza li
dan jolqot ħażin l-interessi tal-konsumaturi u tal-fornituri
tal-kontenut u tal-applikazzjonijiet li jiffaċċjaw ir-riskju li
jisfaw imblukkati. It-tieni nett, l-operaturi tat-telekom u l-fornituri
tal-kontenut u tal-aplikazzjonijiet qed jiżviluppaw "servizzi
speċjalizzati" lil-valur soċjali u ekonomiku tagħhom
jiddependi fuq il-kwalita ggarantita - għall-IPTV, għal
applikazzjonijiet tas-Saħħa-e bħal immaġini mediku ta'
riżoluzzjoni għolja, għall-vidjokonferenzi, u għal
applikazzjonijiet tal-cloud kritiċi għall-kummerċ u intensivi
fid-dejta. Dawn l-innovazzjonijiet joffru opportunitajiet għal
attivitajiet ekonomiċi ġodda, iżda jeħtieġu qafas
regolatorju Ewropew li jipprovdi kundizzjonijet ċari
għall-iżvilupp ta' danw is-servizzi, flimkien ma ekosistema
tal-internet b'saħħitha. It-tielet nett, ir-regolaturi nazzjonali
bħalissa m'għandhomx biżżejjed poteri permezz tal-qafas
Ewropew tat-telekomunikazzjonijiet biex jintervjenu biex japprovaw l-imblukkar
jew il-prattiki ta' ġestjoni tat-traffiku mhux raġonevoli, jew biex
iżommu l-vitalità tal-Internet miftuħ. Ir-raba' nett, dawk li jfasslu
l-politika qed jibdew jindirizzaw din il-kwistjoni b'firxa ta'
approċċi diverġenti, u b'hekk qed jiftħu r-riskju ta'
frammentazzjoni fi ħdan is-suq waħdieni u sfida ġdida għal
ġestjoni ta' netwerk integrat. Ir-Regolament abbozz ifittex li jindirizza
dawn il-kwistjonijet b'mod effettiv u bbilanċjat. 5. Nindirizzaw l-investiment u
l-kompetizzjoni Ir-Rakkomandazzjoni
dwar il-metodoloġiji tal-ikkostjar u n-nondiskriminazzjoni hija t-tieni
element ta’ dan il-pakkett, li jikkomplementa r-regolament propost u li huwa
intrinsikament marbut miegħu. Din tiffoka aktar direttament fuq
l-investiment, u fuq aktar armonizzazzjoni tal-metodoloġiji tal-ikkalkular
tal-ispejjeż. L-għan huwa li l-Ewropa żżid l-investimenti
tagħha fil-broadband. Dan l-għan huwa essenzjali biex tinżamm
il-kompetittività globali, iżda l-investiment u l-kompetizzjoni qed
jinżammu lura mlll-inċertezza legali u d-diverġenzi bejn ir-regolaturi.
Regolamentazzjoni aktar konsistenti u prevedibbli u ambjent regolatorju aktar
stabbli jista’ jintlaħaq billi (1) jiġu ċċarati aktar
il-kosti li l-operaturi storiċi jistgħu jżommu biex jagħtu
aċċess lil oħrajn għal netwerks tar-ram tagħhom; u (2)
l-iżgurar li min qed ifittex l-aċċess ikollu aċċess
verament ekwivalenti għan-netwerks. Fejn dawn ir-restrizzjonijiet
kompetittivi u n-nondiskriminazzjoni huma żgurati, il-prezzijiet
għall-prodotti tal-“ġenerazzjoni li jmiss” ikunu determinat mis-suq
aktar milli jkunu regolati; filwaqt li l-prezzijiet għall-aċċess
għal netwerks tar-ram kieku jibqgħu ftit jew wisq stabbli, u ma
jwaqqgħux artifiċjalment il-prezzijiet għan-netwerks
tal-ġejjieni. Kif inhi,
l-applikazzjoni inkonsistenti tar-regoli toħloq inċertezza legali
għal-atturi kollha tas-suq, u ostakli lis-suq intern.
Iċ-ċertezza legali hija partikolarment importanti minħabba li
l-investiment f’netwerks tal-broadband veloċi jġarrbu spejjeż
sinifikanti, tant li d-domanda għall-prodott finali tibqa’ inċerta. Il-kjarifiki
pprovduti fir-Rakkomandazzjoni għalhekk se jkunu kruċjali biex
titneħħa l-inċertezza: l-operaturi tradizzjonali u dawk li
jfittxu l-aċċess it-tnejn se jkollhom iċ-ċarezza dwar
il-prezzijiet imposti fuq l-aċċess għan-netwerk. 6. Pjan direzzjonali għat-tlestija tas-suq
uniku tat-telekomunikazzjoni fit-terminu medju Huwa mistenni li
l-effetti fit-terminu medju tar-regolament propost se jkunu libertà akbar u
iżjed opportunitajiet għall-parteċipanti tas-suq, u tendenza
lejn konsolidazzjoni akbar tas-settur. Kompetizzjoni intensifikata waqt li
l-Ewropa tersaq aktar lejn suq uniku reali tista’ tkun mistennija li twassal,
maż-żmien, għal tnaqqis fir-regoalmentazzjoni speċifika
għas-settur skont l-analiżi tas-suq. Fil-fatt, wieħed
mir-riżultati tal-iżvilupp tas-Suq Uniku għandu jkun tendenza
akbar lejn kompetizzjoni effettiva fis-swieq rilevanti, b’applikazzjoni ex post
tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni li dejjem aktar qed titqies
bħala biżżejjed biex tiżgura l-funzjonament tas-suq. Matul
iż-żmien, hekk kif suq komuni ġenwin
għall-komunikazzjonijiet elettroniċi jbida jfeġġ, l-ambitu
ġeografiku tas-swieq ikollu bżonn jevolvi wkoll, għall-finijiet
sew tar-regolamentazzjoni speċifika għas-settur ibbażata fuq
il-prinċipji tal-kompetizzjoni sew tal-applikazzjoni tal-liġi
tal-kompetizzjoni innifisha. Bħala
kontribut ulterjuri, il-Kummissjoni se tressaq is-sena d-dieħla
analiżi tar-Rakkomandazzjoni dwar swieq relevanti sabiex tiżgura li,
waqt li tiżviluppa l-kompetizzjoni, il-piż regolatorju ex-ante fuq
l-operaturi jonqos b’mod xieraq. Se jkunu
meħtieġa passi ulterjuri biex jitkompla s-suq uniku
tat-telekomunikazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ koordinazzjoni aħjar
ta’ rimedji regolatorji. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se
tieħu l-passi meħtieġa biex tħejji t-triq għall-mandat
li jmiss tal-Kummissjoni, kemm bl-użu ta’ għodod ipprovduti
mill-qafas regolatorju, kif ukoll billi tħejji analiżi ta’ kif
il-mekkaniżmi eżistenti jistgħu jissaħħu aktar biex
jiżguraw il-konsistenza regolatorja. Din ir-reviżjoni, li se tinvolvi
konsultazzjoni pubblika wiesgħa fi żmien xieraq, għandha
teżamina wkoll l-utilità ta’ regolatur Uniku tal-Telekomunikazzjonijiet
fl-UE. L-analiżi tista' tindirizza wkoll il-livell ekwu bejn ir-regoli li
japplikaw għal servizzi online “over-the-top” meta mqabbla ma’ servizzi
tat-telekomunikazzjoni; u kwistjonijiet emerġenti dwar il-konverġenza
bejn is-servizzi u s-swieq tas-servizzi awdjoviżivi u
tat-telekomunikazzjoni. 7. Konklużjoni Il-ħsieb
tal-Kummissjoni huwa li l-UE tgawdi settur tat-telekomunikazzjonijiet dinamiku
u kompetittiv. Dan ikun jinkludi għadd kbir ta’ operaturi, attivi
f’diversi Stati Membri u wkoll barra l-UE, flimkien ma’ numru akbar ta’
kumpanji iżgħar, aktar lokali: kollha kemm huma joffru infrastruttura
jew servizzi avvanzati. Jiġu pprovduti l-infrastruttura u s-servizzi
meħtieġa għal ekonomija diġitali miftuħa ħajja,
li tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-opportunitajiet
fl-Ewropa. B’dan is-sett ta’
miżuri, il-Kummissjoni ttenni l-impenn tagħha għall-miri
broadband tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, li jistgħu
jiġu provduti minn taħlita ta’ operaturi alternattivi (stabbiliti u
alternattivi, telefonija fissa u bla wajers), li joffru firxa wiesgħa u
kompetittiva ta' servizzi u kontenut ta' kwalita għolja. Tali kopertura
tal-broadband hija essenzjali biex servizzi online ġodda jiksbu massa
kritika: mis-sistemi elettriċi intelliġenti għall-bliet
intelliġenti u cloud computing universali, jew l-Internet
tal-Oġġetti. Għandha wkoll tqiegħed lill-Ewropa fuq quddiem
fil-qasam diġitali, bl-aktar infrastruttura diġitali moderna biex
iċ-ċittadini tagħha jisfruttaw il-potenzjal sħiħ
tal-internet biex in-negozji tagħha jikkompetu globalment. Fid-dawl ta' dan
il-kuntest, il-Kummissjoni tappella lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex
jeżaminaw u jadottaw ir-Regolament propost b'għan ċar bħala
kwistjoni tal-ogħla prijorità politika. [1] Ecorys, TU Delft et al., Steps Towards a Truly
Internal Market for e-Communications, 2013.