KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn il-kwalità fit-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni NAIADES II /* COM/2013/0623 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn il-kwalità fit-trasport
bil-passaġġi fuq l-ilma interni NAIADES II
1. Introduzzjoni In-netwerk tal-passaġġi fuq l-ilma
interni tal-Unjoni Ewropea jinsab mifrux f’20 Stat Membru b’madwar 37 000
kilometri ta’ passaġġi fuq l-ilma interni. Kull sena, dawn
iġorru madwar 500 miljun tunnellata ta’ merkanzija, partikolarment
f’żoni popolati u ta’ konġestjoni fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi
l-Baxxi, fi Franza u fil-Belġju. Iż-żoni huma irrigati
mix-xmajjar Renu, Scheldt, Meuse u Seine u huma konnessi max-xmara Danubju.
Is-settur tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni huwa
żgħir f’termini relattivi iżda xorta waħda jagħti kontribut
konsiderevoli ta’ 140 biljun tunnellata kilometri lis-sistema tat-trasport
tal-UE. Dan għandu rwol sinifikanti fit-twassil tal-oġġetti bejn
il-portijiet l-aktar traffikużi tal-UE u l-art milħuqa mill-port.
L-akbar portijiet tal-UE qatt ma kienu se żviluppaw f’ċentri
loġistiċi effiċjenti ħafna kif inhuma llum mingħajr
il-kontribut tan-navigazzjoni interna. Dawn il-portijiet jiddependu fuq
in-navigazzjoni interna sabiex tonqos il-konġestjoni fl-artijiet interni
tagħhom u biex jiżviluppaw aktar. It-trasport tan-navigazzjoni interna huwa
effiċjenti fl-enerġija u jikkontribwixxi għall-miri ta’
ekonomija b’użu baxx tal-karbonju, stabbiliti fil-White Paper dwar
il-Politika tat-Trasport tal-UE[1].
Barra minn hekk, livelli baxxi ta' storbju wkoll jagħmluha konvenjenti
għat-trasport tal-merkanzija fiż-żoni popolati ħafna minn
fejn jgħaddi in transitu u li jisservisja. Madankollu,
in-navigazzjoni interna għandha mnejn titlef il-vantaġġ
ambjentali komparattiv tagħha jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni biex
ikomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja,
b’mod partikolari fid-dawl tal-progress li s-settur tat-trasport bit-triq qed
jagħmel minħabba l-limiti stretti fuq l-emissjonijiet. Il-programm ta’ azzjoni NAIADES
tal-Kummissjoni[2]
adottat fl-2006 kellu l-għan li jsaħħaħ
il-vantaġġi tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni u
jindirizza għadd ta’ ostakli li jistgħu jfixklu l-użu
tal-potenzjal sħiħ tiegħu. Ħafna miżuri introdotti
bil-programm NAIADES ġew implimentati bl-appoġġ tal-istrumenti
ta’ finanzjament bħat-TEN-T[3],
il-Marco Polo[4],
il-Leonardo da Vinci[5],
l-IPA[6]
u s-Seba’ Programm Kwadru tar-Riċerka[7].
Miżuri addizzjonali, bħalma huma l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti
tekniċi għall-bastimenti, għadhom qed jiġu żviluppati
mill-Kummissjoni, filwaqt li miżuri oħra, b’mod partikolari dawk
marbuta mal-isforzi tal-armonizzazzjoni[8],
għadhom ma nbdewx. L-evalwazzjoni tal-programm NAIADES attwali[9] stabbilixxiet li NAIADES kellu
effett sinifikanti ta’ mobilizzazzjoni fl-Istati Membri u fost il-partijiet
interessati. Madankollu, il-prospetti ekonomiċi u ambjentali
għan-navigazzjoni interna komplew sejrin għall-agħar u
l-progress biex jinegħlbu l-ostakli infrastrutturali ewlenin kien limitat.
Barra minn hekk, is-settur bħalissa għaddej minn żminijiet
diffiċli u qed ibati minn kapaċità żejda f’ċerti segmenti u
minn frammentazzjoni kontinwa tal-parteċipanti fis-suq, minbarra t-tnaqqis
ġenerali tal-ekonomija tal-UE mill-2008 ’l hawn. Il-kapaċità żejda fis-settur
tal-merkanzija b’tagħbija likwida, (liquid bulk) hija relatata
mal-introduzzjoni tar-rekwiżit ta’ buq doppju[10]. Dan wassal biex jiġu
introdotti bastimenti b’buq doppju addizzjonali , mingħajr ma
jitneħħew mis-suq il-bastimenti l-qodma b’buq wieħed.
Il-kapaċità żejda hija mistennija li tonqos fl-2018 meta t-tankijiet
b’buq wieħed ikunu tneħħew f'fażijiet. Madanakollu,
fis-segment tal-bastimenti tal-merkanzija b’tagħbija niexfa (dry bulk)
kbar, investiment żejjed u l-kapaċità żejda li tirriżulta
qed joħolqu kompetizzjoni ħarxa, b’effetti sekondarji f’segmenti
tas-suq oħra, b’mod partikolari fis-suq ta’ tagħbija
iżgħar. Bejn wieħed u ieħor 80 %
tal-flotta hija mħaddma minn operaturi-sidien li jaħdmu u jgħixu
mal-familji tagħhom fuq il-bastimenti. Il-provvista tagħhom hija
frammentata, li jagħmilha aktar diffiċli biex iwieġbu
għad-domanda, u dan qed idgħajjef il-pożizzjoni tagħhom
vis-à-vis parteċipanti oħra fis-suq bħal burdnara jew
trasportaturi marittimi kbar. Din il-pożizzjoni fraġli, flimkien
mal-kapaċità żejda twassal għal kompetizzjoni ħarxa
tal-prezzijiet, li tirriżulta f’kapaċità baxxa ta’ qligħ, u
b’hekk tfixkel il-ħila tas-settur li jinvesti mill-ġdid u li jinnova.
Għalkemm l-attività fis-settur reġgħet irkuprat fl-2011, wara li
kienet naqset b’mod sinifikanti fl-2009 u fl-2010, l-indikaturi għall-2012
jindikaw xejra ’l isfel għal darb’oħra għal ċerti partijiet
tas-suq. Għadd dejjem jikber ta’ operaturi daħlu f’arranġamenti
mal-banek tagħhom biex jipposponu l-pagament tal-imgħax dovut[11]. Minn perspettiva aktar fit-tul, huwa ċar
li s-settur esperjenza tnaqqis fit-tul iżda kostanti fis-sehem modali meta
mqabbel mat-trasport bit-triq. Il-qagħda ekonomika attwali diffiċli
se tieħu ż-żmien biex titreġġa' lura. Madankollu hemm
ukoll punti pożittivi. Pereżempju, il-volum ta’ attività
fil-portijiet marittimi għal darb’oħra kien qed jikber b’mod kostanti
mill-2009, u teknoloġiji ġodda bħalma huma l-użu ta’
fjuwils alternattivi jistgħu jbaxxu l-ispejjeż operattivi u joffru
opportunitajiet ġodda tas-suq. Is-settur huwa f’pożizzjoni tajba biex
jieħu vantaġġ minn dawn l-iżviluppi. Minħabba l-opportunitajiet u l-isfidi li
qed jiffaċċja s-settur, il-Kummissjoni ddeċidiet li
taġġorna u ġġedded il-programm NAIADES sal-2020, u li
tallinjah mal-White Paper dwar it-Trasport. Il-programm NAIADES II jiffoka fuq
bidliet strutturali fit-tul għas-settur tat-trasport
bil-passaġġi fuq l-ilma interni, biex jippermetti li dan
jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-istrateġija
Ewropa 2020, li timmira lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u
inklużiv. Biex dan iseħħ, għandha tiġi mtejba
l-kwalità tal-kondizzjonijiet operattivi tas-settur, inkluż
l-infrastruttura, il-prestazzjoni ambjentali, is-swieq u l-innovazzjoni,
l-impjiegi u l-ħiliet u l-integrazzjoni fil-katina loġistika.
L-Istati Membri tal-UE, l-awtoritajiet reġjonali, il-Kummissjonijiet
tax-Xmajjar[12],
organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, u s-settur innifsu lkoll
għandhom rwol f’dan. Is-settur jopera fis-swieq liberalizzati fejn
il-possibbiltajiet għall-intervent pubbliku huma limitati. Fil-fatt,
intervent pubbliku aħrax jista’ jinterferixxi b'mod negattiv
fid-deċiżjonijiet kummerċjali u futuri tal-parteċipanti
fis-suq u fl-effetti ta’ ristrutturar tal-forzi tas-suq. Il-Kummissjoni hija
konxja tad-diffikultajiet li partijiet mill-industrija tat-trasport
bil-passaġġi fuq l-ilma interni qed tiffaċċja,
minħabba l-kriżi ekonomika. Sabiex tiġi ttrattata din
il-qagħda ekonomika attwalment diffiċli, il-Kummissjoni hija
impenjata, flimkien mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-settur u
mal-Istati Membri konċernati, f'diskussjonijiet dwar miżuri adegwati
sabiex din il-qagħda tiġi ssuperata. Dawn il-miżuri
jeħtieġ li jkunu adegwati, effettivi u skont ir-regoli applikabbli.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se twettaq azzjonijiet fuq perjodu ta’
żmien qasir b’konsistenza mal-prinċipji tas-swieq liberalizzati.
Pereżempju, se teżamina mill-ġdid ir-rekwiżiti tekniċi
għall-bastimenti biex tivverifika li ntlaħaq bilanċ tajjeb bejn
ir-riskju għas-sikurezza u l-ispejjeż tal-konformità meta
d-dispożizzjonijiet ta’ tranżizzjoni ġew stabbiliti. Barra minn
hekk, se tħeġġeġ l-użu bikri tal-użu ta’ gass
naturali likwidu (Liquid Natural Gas/LNG) bħala fjuwil alternattiv, li
għandu potenzjali sinifikanti ta’ ffrankar tal-ispejjeż fuq perjodu
ta’ żmien twil, u se tiffaċilita azzjonijiet tas-settur biex
titnaqqas il-frammentazzjoni fost il-parteċipanti fis-suq. Il-Komunikazzjoni
li tistabbilixxi l-programm NAIADES II hija akkumpanjata minn żewġ
miżuri, li jirrappreżentaw l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni: ·
Proposta leġiżlattiva għal Direttiva
li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti
tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li tħassar
id-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; ·
Proposta leġiżlattiva li temenda
r-Regolament tal-Kunsill Nru 718/1999 dwar il-politika ta’ kapaċità
tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq
l-ilma interni. 2. L-għan ta’ NAIADES II L-għan ta’ NAIADES II huwa li
jinħolqu l-kondizzjonijiet għat-trasport bin-navigazzjoni interna
biex dan isir modalità ta’ trasport ta’ kwalità: irregolat b’mod tajjeb,
effiċjenti, sikur, integrat fil-katina intermodali, b’impjiegi ta’ kwalità
okkupati minn ħaddiema tas-sengħa, u li jaderixxi ma’ standards
ambjentali għolja. Jekk is-settur isegwi l-kwalità filwaqt li
jibqa’ kosteffikaċi, dan għandu jkun kapaċi joħroġ
miċ-ċirku vizzjuż tal-kapaċità baxxa għall-qligħ,
tan-nuqqas ta’ investiment, tan-nuqqas ta’ innovazzjoni u ta’ swieq mxekkla.
Jeħtieġ li l-kwalità tiġi segwita sabiex jinkisbu l-miri
stabbiliti fil-White Paper dwar it-Trasport tal-UE billi t-trasport tal-merkanzija
jiġi ttrasferit għat-trasport bil-ferrovija u għat-trasport fuq
l-ilma u billi jitnaqqsu l-emissjonijiet permezz tat-trasport
bil-passaġġi fuq l-ilma interni. 3. Il-Programm ta’ Azzjoni NAIADES
2014-2020: Il-kwalità permezz ta’ oqsma ewlenin ta’ intervent ·
Infrastruttura ta’ kwalità L-infrastruttura tal-passaġġi fuq
l-ilma interni tal-UE hija interkonnessa u integrata ma’ modalitajiet oħra
tat-trasport b’mod insuffiċjenti. Il-passaġġi fuq l-ilma interni
f’ħafna każijiet mhumiex konnessi ma’ ċentri tal-loġistika.
Konġestjonijiet sinifikanti fil-forma ta’ mgħalaq, pontijiet jew
kanali navigabbli ta’ dimensjoni inadegwata u konnessjonijiet neqsin
bħall-konnessjoni bejn is-sistemi tax-xmajjar Seine u Scheldt qed ifixklu
l-potenzjal tal-iżvilupp sħiħ tas-settur. Bi tweġiba
għal dan, il-proposta tal-linji gwida tat-TEN-T[13] tiffoka l-prijoritajiet
tagħha għall-passaġġi fuq l-ilma interni fuq is-soluzzjoni
għal dawn il-konnessjonijiet neqsin, sabiex jitneħħew l-ostakli
importanti, tiddaħħal teknoloġija innovattiva, jittejbu
l-konnessjonijiet intermodali u tiġi żviluppata infrastruttura
intelliġenti. Il-portijiet marittimi interni se jingħataw attenzjoni
partikolari: netwerk b’dimensjoni adegwata ta’ portijiet tan-netwerk ewlieni
b’aċċess u b’faċilitajiet faċli għall-passaġġi
fuq l-ilma hija prekondizzjoni biex jiżdied is-sehem tas-settur
tat-trasport. Il-Kummissjoni tħeġġeġ is-settur
tal-portijiet biex isaħħaħ il-kooperazzjoni u jikkoordina
l-investiment bejn il-kurituri u biex jeżamina u jippromwovi skambji tal-aħjar
prattika dwar id-disinn u l-operazzjonijiet fil-portijiet li huma adattati
għall-passaġġi fuq l-l-ilma interni. Barra minn hekk, il-passaġġi fuq
l-ilma interni huma komponent importanti ta’ sitta mid-disa’ kurituri
tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T[14].
L-aspetti speċifiċi skont is-settur se jiġu ttrattati b’mod
koerenti fil-kurituri kollha sabiex l-ippjanar u l-monitoraġġ
tal-implimentazzjoni tal-kurituri tat-TEN-T jiġu ffaċilitati
mill-perspettiva tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Wara l-pubblikazzjoni tad-Dokument ta’
Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Towards NAIADES II",
ir-rappreżentanti tas-settur, fuq bażi volontarja, ħejjew
ħarsa ġenerali parzjali tal-abbozz tal-proġetti infrastrutturali
għall-qafas finanzjarju tal-2014-2020. Dan għandu jkun lest, issupplementat
b’informazzjoni dwar l-istatus, il-maturità u l-ippjanar tal-proġetti, u
jinżamm aġġornat b’appoġġ għall-implimentazzjoni
tal-kurituri tat-TEN-T. Azzjonijiet speċifiċi sal-2016 L-integrazzjoni tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-kurituri multimodali: – 2013: It-tnedija tal-implimentazzjoni tal-kurituri permezz tal-Komunikazzjoni dwar il-Kurituri tat-TEN-T, soġġetta għall-adozzjoni mill-koleġiżlaturi tal-linji gwida tat-TEN-T, inkluża l-gwida dwar l-integrazzjoni ta’ modalitajiet differenti tat-trasport, flimkien mal-passaġġi fuq l-ilma interni, fil-kurituri multimodali tat-TEN-T (l-attur prinċipali: il-Kummissjoni) – 2014-2015: L-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ ħidma dwar il-kurituri multimodali u s-segwiment bl-implimentazzjoni tal-kurituri (li għandha ssir minn partijiet interessati ewlenin, inklużi l-portijiet marittimi u interni, il-maniġers tal-infrastruttura tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni, il-Kummissjonijiet tax-Xmajjar, ir-rappreżentanti tal-operaturi tal-bastimenti, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-komunità tal-utenti tat-trasport, taħt l-awspiċi ta’ koordinaturi Ewropej[15] li jaħdmu mill-qrib mal-Istati Membri u f’konsultazzjoni mal-pjattaformi tal-kurituri li jridu jitwaqqfu) Id-direzzjoni għall-2017-2020 L-implimentazzjoni sħiħa tal-kurituri tat-TEN-T, u fejn meħtieġ it-tisħiħ tal-għodod u l-proċessi għall-integrazzjoni tan-navigazzjoni interna fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T fir-rigward tal-forniment tad-dejta jew tal-kapaċitajiet analitiċi Iż-żieda tal-azzjoni u tal-investimenti biex jingħelbu l-ostakli ewlenin tal-infrastruttura fit-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni (l-Istati Membri bl-appoġġ tal-UE) ·
Il-kwalità permezz tal-innovazzjoni: Ir-rata ta’ innovazzjoni fis-settur hija baxxa
meta mqabbla ma’ modalitajiet oħra tat-trasport. It-tul tal-ħajja
tat-tagħmir[16],
il-frammentazzjoni tas-suq, in-nuqqas ta’ kultura ta’ innovazzjoni u
d-dgħufija fil-qagħda finanzjarja tal-operaturi
tal-passaġġi fuq l-ilma interni huma kollha fatturi li
jikkontribwixxu għal dan. L-innovazzjoni ma tistax tiġi “imposta”
minn barra. Il-programm NAIADES II jistieden lis-settur biex ikun aktar involut
fl-inizjattivi tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni
(research, development and innovation/RDI). Is-settur jeħtieġ li
l-ewwel u qabel kollox jiġi żviluppat pjan direzzjonali
għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni.
Dan jinkludi l-istabbiliment ta’ prijoritajiet, il-koordinazzjoni
tal-implimentazzjoni tagħhom u l-ippjanar għall-adozzjoni
tagħhom fis-suq. Dan il-proċess għandu jinkludi l-operaturi,
l-industrija tal-bini ta’ bastimenti, il-manifatturi tat-tagħmir, u
l-awtoritajiet tal-portijiet marittimi u interni, l-operaturi tat-terminali,
il-burdnara u l-integraturi loġistiċi. Ir-riċerka,
l-iżvilupp u l-innovazzjoni għall-ekoloġizzazzjoni tal-flotot
għandhom ikunu prijorità fuq l-aġenda. Teknoloġiji ta’
ċertifikazzjoni jistgħu wkoll jiffaċilitaw aħjar
l-adozzjoni mis-suq u jgħinu jipprijoritizzaw l-għoti ta’
inċentivi tas-suq. Il-Kummissjoni hija mħeġġa li
tiffaċilita dan il-proċess, iżda s-settur għandu jkun fuq
ta’ quddiem sabiex jinħoloq atteġġament responsabbli u tkun
żgurata l-implimentazzjoni sussegwenti. Is-settur huwa msejjaħ biex
isaħħaħ il-koordinazzjoni għal dan il-għan permezz
tal-organizzazzjonijiet settorjali Ewropej tiegħu. Il-pjan direzzjonali
żviluppat mis-settur għandu jgħin biex jiġu identifikati
l-prijoritajiet Ewropej, nazzjonali u privati tar-riċerka u
l-innovazzjoni. L-appoġġ tal-UE għandu jiffoka fuq il-prijoritajiet
tal-pjan direzzjonali li jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ NAIADES
II. Azzjonijiet speċifiċi sal-2016 2014: It-tħejjija ta’ pjan direzzjonali għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni fis-settur tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni (is-settur: dan jinkludi l-operaturi tal-bastimenti, l-industrija tal-bini ta’ bastimenti, il-manifatturi tat-tagħmir, u il-fornituri tas-servizzi tad-dejta, il-fornituri tas-servizzi loġistiċi, l-operaturi tat-terminals, l-awtoritajiet tal-portijiet, il-burdnara, l-awtoritajiet tal-passaġġi fuq l-ilma, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema) 2014: L-organizzazzjoni ta’ servizzi ta’ osservazzjoni tas-suq, inkluż il-forniment ta’ dejta dwar it-traffiku u l-volumi tat-trasport, ix-xift modali għan-navigazzjoni interna, il-provvista u d-domanda u s-swieq tax-xogħol, l-adozzjoni tal-innovazzjoni u l-integrazzjoni tas-settur tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma fil-ktajjen loġistiċi multimodali (il-Kummissjoni) Id-direzzjoni għall-2017-2020 L-eżami fuq bażi regolari tal-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur, l-iffokar fuq l-adozzjoni fis-suq u l-implimentazzjoni tal-innovazzjoni (is-settur) ·
Il-funzjonament bla xkiel tas-suq Is-suq tat-trasport bil-passaġġi fuq
l-ilma interni huwa liberalizzat għalkollox. Madankollu, ċerti regoli
għadhom stabbiliti fil-livell reġjonali jew f’dak tal-Istat Membru,
pereżempju fir-rigward tal-ekwipaġġ tal-bastimenti jew
tal-ħin tax-xogħol tal-ekwipaġġ. In-nuqqas ta’
armonizzazzjoni f’dawn l-oqsma jista’ jirrappreżenta ostakli
għall-funzjonament tas-suq intern. Problemi bħan-nuqqas ta’
internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, in-nuqqas ta’
monitoraġġ jew in-nuqqas ta’ kondizzjonijiet indaqs jistgħu
jiġġustifikaw jew saħansitra jeħtieġu azzjoni
mill-awtoritajiet pubbliċi. L-azzjoni tal-Kummissjoni se tinkludi:
l-analiżi tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali rigward
ir-rekwiżiti tekniċi ta’ bastimenti, it-tkomplija tal-analiżi
tal-iżviluppi fis-suq għat-tfassil tal-politika. Min-naħa
l-oħra, il-frammentazzjoni tas-suq u l-problemi assoċjati mal-ibbilanċjar
bejn il-provvista u d-domanda jeħtieġ li jiġu indirizzati
primarjament mill-parteċipanti tas-suq. Madankollu l-Kummissjoni se
tappoġġja dan il-proċess billi tappoġġja aktar
armonizzazzjoni u billi tiffaċilita l-inizjattivi tas-settur intenzjonati biex
inaqqsu l-frammentazzjoni fuq in-naħa tal-provvista tas-suq
tal-passaġġi fuq l-ilma interni u jrawmu s-sinerġija bejn
l-atturi fis-suq. L-inventarju tal-Kummissjoni ta’ miżuri
sabiex jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni tat-trasport[17] jipprovdi l-bażi ta’
tagħrif meħtieġ għal konsultazzjoni futura dwar rikors
għal tariffi fuq l-infrastruttura bħala mod kif jistgħu
jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni tat-trasport
bil-passaġġi fuq l-ilma interni. Il-portijiet interni mhumiex koperti
mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-portijiet[18] u mill-proposta għal
Regolament fuq l-aċċess għas-suq għas-servizzi portwarji u
t-trasparenza finanzjarja tal-portijiet[19].
Filwaqt li l-portijiet huma l-bibien ewlenin għad-dħul u
għall-ħruġ tal-oġġetti u/jew iċ-ċentri
tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra, il-portijiet interni jwettqu
funzjonijiet aktar simili għal terminals multimodali u jħabbtu
wiċċhom ma’ limitazzjonijiet differenti. Il-Kummissjoni se
tikkonsulta ma’ dan is-settur u teżamina l-ħtieġa dwar kwalunkwe
regola li se tgħin il-portijiet interni. Azzjonijiet speċifiċi sal-2016 2014:
F’konformità mal-progress f’modalitajiet oħra tat-trasport, tinbeda
konsultazzjoni dwar l-użu ta’ tariffi infrastrutturali biex jgħinu
biex tintlaħaq l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni fit-trasport
bil-passaġġi fuq l-ilma interni (il-Kummissjoni) 2014:
L-eżami ta’ ċerti rekwiżiti tekniċi għal bastimenti
fir-rigward tal-ispejjeż u l-aspetti tas-sikurezza (il-Kummissjoni) 2016:
L-evalwazzjoni tal-ostakli għall-iżvilupp aktar ta’ portijiet interni
u l-ħtieġa għal qafas leġiżlattiv sabiex dawn
jiġu indirizzati (il-Kummissjoni) Id-direzzjoni għall-2017-2020 L-eżami
tal-alternattivi għall-użu ta’ tariffi infrastrutturali biex
jgħinu sabiex tintlaħaq l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż
esterni fit-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni (il-Kummissjoni) ·
Il-kwalità ambjentali permezz ta’
emissjonijiet baxxi Meta mqabbel ma’ modalitajiet tat-trasport
oħrajn fuq l-art, it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni
huwa effiċjenti fl-enerġija, sikur u silenzjuż, u kważi
mingħajr l-ebda konġestjoni. Madankollu, il-progress fit-tnaqqis
tas-sustanzi li jniġġsu l-arja ma laħaqx il-livell ta’ din
ix-xejra altrimenti favorevoli. Limiti tal-emissjonijiet inqas stretti
għan-navigazzjoni interna u l-lonġevità tal-magni huma l-kawżi
prinċipali ta’ dan in-nuqqas. Il-limiti tal-emissjonijiet għall-magni
tal-bastimenti huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-limiti
għal magni ġodda u eżistenti huma stabbiliti rispettivament
fid-Direttivi 97/68/KE[20]
u 2006/87/KE[21].
Meta wieħed iqabbel id-diversi livelli ta’ ambizzjoni fir-rigward
tal-istabbiliment ta’ limiti tal-emissjonijiet, mid-dokument ta’ ħidma
tal-persunal li jakkumpanjahom jidher li ż-żewġ
approċċi b’livelli differenti ta’ ambizzjoni għandhom
proporzjonijiet simili ta’ kostbenefiċċji. Approċċ aktar
ambizzjuż ta’ “innovazzjoni” li jkopri kemm il-magni eżistenti kif
ukoll dawk ġodda jeħtieġ aktar investiment inizjali
f’teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi iżda jista’ jikseb iffrankar
sinifikanti fl-ispejjeż tul il-perjodu ta’ ħajja tal-investiment u
jippermetti li jinkisbu limiti fuq l-emissjonijiet ta’ sustanzi li
jniġġsu ekwivalenti għal-livell tat-trasport bit-triq.
Approċċ aktar “konservattiv” li jkopri magni ġodda biss,
jeħtieġ inqas investiment inizjali iżda ma jippermettix
lin-navigazzjoni interna tlaħħaq mat-trasport bit-triq fir-rigward
tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja. L-approċċ li għandu jiġi
adottat fuq il-limiti tal-emissjonijiet għandu jkun strettament newtrali
mill-perspettiva tat-teknoloġija tal-magna u tal-għażla
tal-fjuwil. Minħabba dan, huwa preżunt li t-teknoloġija bl-aqwa
karatteristiċi ta’ kostbenefiċċji għandha tirbaħ.
Pereżempju, fuq il-bażi tal-istat attwali tat-teknoloġija,
bastimenti bil-fjuwil tal-Gass Naturali Likwifikat (LNG) għandhom
jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli biex jinkisbu l-limiti tal-emissjonijiet
għall-approċċ aktar ambizzjuż. Madankollu, l-użu
tal-LNG mis-settur attwalment huwa mfixkel minn ostakli regolatorji,
finanzjarji, tekniċi u infrastrutturali. Għalhekk, hija
meħtieġa azzjoni urġenti biex jingħelbu dawn l-ostakli,
sabiex l-LNG jkun jista’ jintuża sa mhux aktar tard mill-2016.
L-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea għall-fjuwils alternattivi
kif stabbilita fil-Komunikazzjoni dwar l-Enerġija Nadifa għat-Trasport[22] se jkollha rwol ewlieni f’dan
flimkien ma’ azzjoni regolatorja li tippermettu l-użu u t-trasportazzjoni
tal-LNG. Barra minn hekk, dan il-pakkett jinkludi wkoll proposta biex jiġi
emendat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 dwar il-politika ta’
kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport
bil-passaġġi fuq l-ilma interni[23]
biex jiġu mobilizzati r-riżorsi finanzjarji tiegħu fost
l-oħrajn, favur miżuri ambjentali. Meta jiġu ddefiniti limiti ġodda
tal-emissjonijiet għall-magni tal-IWT, jista’ jkun meħtieġ li
ssir distinzjoni bejn bastimenti żgħar u kbar u bejn magni
eżistenti u magni ġodda minħabba l-limitazzjonijiet
teknoloġiċi u ekonomiċi li jiffaċċjaw il-magni eżistenti
u l-bastimenti żgħar. Il-Kummissjoni hija wkoll konxja li għandu
jitħalla jgħaddi biżżejjed żmien biex is-settur
jadatta għal-limiti tal-emissjonijiet aktar ambizzjużi. Id-deċiżjoni finali dwar il-proposta
għal miżuri leġiżlattivi, l-istrettezza u d-data
tad-dħul fis-seħħ ta’ tali miżuri possibbli fuq il-limiti
tal-emissjonijiet se ssir fil-qafas tal-ħidma fuq il-valutazzjoni
tal-impatt sussegwenti għall-proposti leġiżlattivi rilevanti.
Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż, dwar il-limiti
tal-emissjonijiet għan-navigazzjoni interna jikkontribwixxi għal dan
il-proċess. Azzjonijiet speċifiċi sal-2016 Il-qafas regolatorju 2014: L-adozzjoni ta’ proposta dwar il-limiti tal-emissjonijiet għal magni ġodda (il-Kummissjoni) 2015/16: L-esplorar ta’ limiti tal-emissjonijiet addizzjonali għall-magni eżistenti (il-Kummissjoni) 2014: L-emendar tar-regoli[24] biex jippermetti t-trasport tal-LNG (l-UN-ECE, l-Istati Membri u l-Kummissjoni) L-infrastruttura titlesta biex l-LNG ikun jista’ jintuża 2014: L-adozzjoni tal-istrateġija tal-UE tal-fjuwils alternattivi, inkluża l-adozzjoni ta’ standards tekniċi għal-"LNG bunkering" fuq passaġġi fuq l-ilma interni u l-użu tal-LNG bħala fjuwil (l-Istati Membri u settur, b’mod partikolari l-portijiet, l-awtoritajiet tal-passaġġi fuq l-ilma, l-operaturi tal-istazzjon tal-"bunker", il-fornituri tal-"bunker", l-operaturi tal-bastimenti, is-soċjetajiet tal-klassifikazzjoni, il-Kummissjonijiet tax-Xmajjar) Inċentivi finanzjarji 2014: Jiġi żgurat appoġġ finanzjarju mill-programmi tal-UE[25], mill-programmi nazzjonali u mill-fond ta’ riżerva tas-settur biex jappoġġja l-investiment fit-tnaqqis tal-emissjonijiet (parti mill-pakkett ta’ NAIADES II) (il-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-settur) ·
Forza tax-xogħol b’ħiliet u
impjiegi ta’ kwalità Għadhom jeżistu wisq ostakli
għall-aċċess għall-professjoni u għar-rikonoxximent
tal-kwalifiki tal-ħaddiema tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma
interni. Il-proċeduri ta’ provi għall-esperjenza u l-kwalifiki huma
ta’ piż u/jew faċli li wieħed jevitahom. Il-qafas legali
frammentat li jirregola l-ħiliet u l-kwalifiki f’dan is-settur
jeħtieġ li jiġi rivedut. Bħalissa l-Kummissjoni qed
tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 96/50/KE dwar l-armonizzazzjoni
tal-kondizzjonijiet għall-kisba taċ-ċertifikati nazzjonali
tas-sidien tad-dgħajjes għat-trasport ta’ merkanzija u
passiġġieri permezz ta’ passaġġi tal-ilma interni
fil-Komunità, bl-għan li timmodernizza u tissimplifika l-qafas regolatorju
għall-kwalifiki professjonali tal-ħaddiema. L-isforz tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar
il-kaptani fil-qafas ta’ NAIADES I ffoka fuq ir-rikonoxximent ta’
ċertifikati għall-kaptani tal-bastimenti biss u ma setax juru impatti
ekonomiċi u soċjali sinifikanti. Ir-reviżjoni li għaddejja
bħalissa għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’, li jkopri l-ħafna
aspetti ta’ kwalifiki professjonali għall-membri kollha
tal-ekwipaġġ. Fil-fatt, il-ħolqien ta’ qafas konsistenti
għar-regolazzjoni tal-kwalifiki bl-użu ta’ għodod moderni huwa
mistenni li jtejjeb il-kwalità u jnaqqas il-piż amministrattiv u
l-ispejjeż. Il-qafas usa’ dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali
stabbilit bid-Direttiva 2005/36/KE[26]
iservi l-aktar l-għan ta’ ftuħ tas-suq, filwaqt li
għall-professjonijiet tat-trasport ma għandux jiġi kkunsidrat
biss l-aċċess għas-suq, iżda wkoll l-aspett tas-sikurezza.
Għalhekk il-leġiżlazzjoni settorjali separata simili
għad-Direttiva 96/50/KE hija l-aktar mod xieraq biex tiġi
indirizzata l-problema. Id-djalogu soċjali huwa wieħed
mill-għodod li jistgħu jtejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u
l-kwalità tal-impjiegi. Wara l-iffirmar ta’ Ftehim Ewropew dwar ċerti aspetti
tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport
bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-15 ta’ Frar 2012,
is-sħab soċjali Ewropej talbu li l-Kummissjoni taħdem lejn
il-ftehim li qed jiġi implimentat permezz tad-Deċiżjoni
tal-Kunsill skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE. Il-Kummissjoni bħalissa
qed tivvaluta l-ftehim. Il-qafas il-ġdid ippreżentat
fil-qafas tan-NAIADES II għandu l-għan li jnaqqas b’mod sinifikanti
l-ostakli għall-aċċess u l-mobilità tax-xogħol,
jivvalorizza l-kwalifiki u l-karrieri fis-settur, u joħloq kondizzjonijiet
indaqs. Dan jikkunsidra wkoll l-introduzzjoni ta’ strumenti elettroniċi
għar-reġistrazzjoni u s-sorveljanza tal-ħin
tat-tbaħħir tal-bastiment u tal-ekwipaġġ u jestendi
l-implimentazzjoni tal-approċċ il-ġdid għar-regolazzjoni (stabbilit
fil-Kapitolu 5 hawn taħt) tal-impjiegi u tal-ħiliet. Billi tirrikonoxxi d-diffikultà
fl-organizzazzjoni ta’ taħriġ vokazzjonali għall-ħaddiema
tan-navigazzjoni interna, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati
Membri biex jużaw il-Fond Soċjali Ewropew għat-taħriġ
tal-ħaddiema tan-navigazzjoni interna, u b’mod partikolari biex jiskambjaw
l-aqwa prattiki u kwalifiki fil-qasam tat-trasport bil-passaġġi fuq
l-ilma interni u l-loġistika teigħu u biex jistimolaw l-użu ta’
teknoloġiji innovattivi u ta’ ħiliet intraprenditorjali. Azzjonijiet speċifiċi sal-2016 2013/2014: Eżami tal-qafas dwar l-armonizzazzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ kwalifiki professjonali fis-settur, inkluża l-kunsiderazzjoni ta’ inizjattiva possibbli dwar apparat għar-reġistrazzjoni tal-ħin/tal-esperjenza tal-ekwipaġġ u tal-bastiment li qed ibaħħar (il-Kummissjoni) 2014: L-iżvilupp ta’ ħiliet intraprenditorjali u ta' ħiliet fl-użu ta’ teknoloġiji innovattivi fis-settur (l-Istati Membri u s-settur, possibbilment bl-appoġġ finanzjarju tal-UE) Id-direzzjoni għall-2017-20 Tlestija tal-qafas għall-kwalifiki professjonali permezz tal-elaborazzjoni ta’ standards tekniċi ·
L-integrazzjoni tat-trasport
bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-katina tal-loġistika
multimodali: L-integrazzjoni ta’ din il-modalità ta’
trasport fil-katina tal-loġistika multimodali teħtieġ li
jiġu integrati infrastruttura, servizzi u flussi ta’ informazzjoni: –
L-integrazzjoni tal-infrastruttura hija segwita
skont l-ewwel qasam ta’ azzjoni dwar l-infrastruttura deskritta hawn fuq. –
L-integrazzjoni tas-servizzi teħtieġ
l-ewwel nett li jkun hemm approċċ iktar proattiv mis-settur.
L-identifikazzjoni u t-tixrid tal-aqwa prattiki jistgħu jgħinu. Fejn
xieraq, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jallokaw jew jagħmlu
disponibbli permezz tal-ippjanar tal-użu tal-art, art biżżejjed
tul ix-xmajjar b’appoġġ tal-attivitajiet loġistiċi
bbażati fuq it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni.
L-ibliet għandhom iqisu b’mod sħiħ it-trasport
bil-passaġġi fuq l-ilma ta’ merkanzija u skart fil-Pjanijiet ta’
Mobbiltà Urbana Sostenibbli tagħhom u fl-istrateġiji dwar
il-loġistika tal-belt. F’dak li għandu x’jaqsam
mal-integrazzjoni tal-flussi ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni bdiet
evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/44/KE dwar is-servizzi
armonizzati ta’ informazzjoni tax-xmajjar (RIS). Is-servizzi tar-RIS
bħalissa fil-biċċa l-kbira jintużaw
għall-ġestjoni tat-traffiku, għall-ġestjoni
tal-infrastruttura jew għas-sikurezza. L-iskambju tad-dejta li qed
iseħħ bħalissa jista’ jitwessa’ u jiġi integrat mal-flussi
ta’ informazzjoni ta’ modalitajiet oħra tat-trasport, waqt li
jittieħed inkonsiderazzjoni l-kunċett tal-merkanzija-elettronika[27]. Kif previst f’din
id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill biex tqis il-progress fl-adozzjoni tal-RIS, tidentifika
orjentazzjonijiet oħra ta’ żvilupp u teżamina kif tista’
tiffaċilita l-adattament tal-istandards tekniċi għall-progress
tekniku b’mod dinamiku. Il-proċess se jiġi mmonitorjat
mill-pjattaforma tal-RIS Konġunt. Azzjonijiet speċifiċi sal-2016 2014: L-eżami u l-identifikazzjoni ta’ orjentazzjonijiet futuri għas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) (il-Kummissjoni) 2015: L-identifikazzjoni, it-tixrid u l-adozzjoni tal-aħjar prattika dwar l-integrazzjoni tas-servizzi tat-trasport bil-passaġġu fuq l-ilma interni f’katini loġistiċi multimodali (settur, possibbilment bl-appoġġ finanzjarju tal-UE) Id-direzzjoni għall-2017-20 L-integrazzjoni tas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS), id-dejta ta’ osservazzjoni tas-suq tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni u l-għodod tal-kurituri tat-TEN-T li jappoġġjaw il-governanza tat-trasport multimodali integrat. 4. Responsabbiltajiet differenzjati
fl-oqsma ta’ implimentazzjoni Il-kwalità fis-settur tista’ tintlaħaq
biss permezz ta’ azzjoni koordinata mis-settur u mill-awtoritajiet
pubbliċi fil-livell tal-Istati Membri, fil-livell Ewropew u dak
internazzjonali. Ir-responsabbiltajiet differenzjati jistgħu jiġu
identifikati għall-oqsma li ġejjin: ·
Infrastruttura ta’ kwalità li tkun
affidabbli, ikkonnettjata b’mod tajjeb u li tiżgura status
tan-navigazzjoni tajjeb: responsabbiltà
fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri L-awtoritajiet pubbliċi diġà
jinvestu riżorsi sostanzjali għall-manutenzjoni u l-iżvilupp
tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni. Fil-livell tal-UE,
l-azzjonijiet jiffokaw fuq in-netwerk ewlieni tat-TEN-T u se jissaħħu
bl-implimentazzjoni tal-kurituri multimodali tat-TEN-T. Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri
biex jappoġġjaw u jinvestu fi proġetti b’valur miżjud
għoli tal-UE, u biex ikomplu jiżviluppaw u jżommu l-istatus
tagħhom ta’ navigazzjoni tajba fn-netwerks tat-trasport
bil-passaġġi fuq l-ilma interni. ·
Qafas regolatorju ta’ kwalità li joħloq
kondizzjonijiet indaqs: responsabbiltà fil-livelli
tal-UE u tal-Istati Membri Aktar minn 75 % tan-navigazzjoni interna
tal-UE jikkonsisti mit-trasport transfruntiera. Jinħtieġu regoli
armonizzati fl-UE kollha biex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ
tas-suq intern. Madankollu, ir-regoli żviluppaw f’diversi korpi
internazzjonali fuq perjodu ta’ żmien twil. Għalkemm is-sikurezza
tal-flotot baqgħet għolja, strutturi kumplessi, għamluha
diffiċli biex jiġu adattati r-regoli mal-progress teknoloġiku, u
dan joħloq ostakli għall-innovazzjoni. Minkejja l-progress li sar
bil-programm NAIADES I, ċerti oqsma għadhom mhumiex armonizzati. Dan
jagħmilha aktar diffiċli biex ir-regoli jiġu osservati u
infurzati. Barra minn hekk, dan jippermetti ċerti operaturi biex ibaxxu
l-bażi tal-kostijiet tagħhom, billi jżidu il-kompetizzjoni
fil-prezzijiet u jnaqqsu l-kapaċità tal-qligħ kumplessiva tas-settur
. Il-Kummissjoni beħsiebha ttejjeb
il-kooperazzjoni internazzjonali, timmodernizza u tissimplifika l-qafas
regolatorju għat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni, u
tiffaċilita l-infurzar. ·
Il-kwalità permezz tal-innovazzjoni:
approċċ inklużiv għall-identifikazzjoni
tal-ħtiġijiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni u
għall-adozzjoni tal-innovazzjoni:
ir-responsabbiltà fil-livell settorjali Bil-programm NAIADES I, il-korpi u l-istituti
tar-riċerka identifikaw il-ħtiġijiet tar-riċerka, iżda
ma kienx hemm biżżejjed riċerka li wasslet
għall-innovazzjoni fis-suq. NAIADES II jistieden lill-industrija u
lill-parteċipanti fis-suq sabiex jinvolvu ruħhom direttament u b’mod
proattiv fil-prjoritizzazzjoni, fl-ippjanar u fl-adozzjoni fis-suq tal-RDI. ·
Il-kisba tal-kwalità fis-suq permezz
tat-trasparenza u tal-kompetizzjoni ġusta:
ir-responsabbiltà fil-livell settorjali Inizjattivi tas-settur privat jistgħu
jtejbu b’mod sinifikanti l-funzjonament bla xkiel tas-suq tat-trasport
bil-passaġġi fuq l-ilma interni: Twaqqfu swieq elettroniċi biex
jibbilanċjaw il-provvista mad-domanda u dawn jistgħu jżidu
t-trasparenza fis-suq. Is-sinerġiji bejn parteċipanti żgħar
jistgħu jiġu segwiti, pereżempju permezz ta' xiri konġunt,
ta' azzjonijiet konġunti tal-innovazzjoni jew ta' konsolidazzjoni
msaħħa. Il-kooperazzjoni ma’ modalitajiet oħra tat-trasport
tista' tiġi mtejba, sabiex it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma
interni fil-ktajjen loġistiċi multimodali jiġi integrat
aħjar. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm ħafna iktar qsim u skambji
ta’ informazzjoni bejn l-atturi kollha tal-ktajjen tal-loġistika, li
għandu jagħmel is-suq aktar trasparenti u integrat. 5. Il-kwalità tal-governanza Bin-NAIADES II, se jiddaħħal
approċċ ġdid għall-governanza li jindirizza l-irkib
tal-oqfsa legali u tal-kompetenzi fis-settur tal-passaġġi fuq l-ilma
interni. Dan jinvolvi miżuri istituzzjonali u leġiżlattivi u se
jieħu inkonsiderazzjoni d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’
Liżbona, li jipprevedi regoli ġodda dwar setgħat ta’ delega u
ta’ implimentazzjoni u dwar il-koordinazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni
għall-adozzjoni ta’ atti b’effett legali f’korpi internazzjonali. L-approċċ huwa appoġġjat
minn arranġament amministrattiv bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Segretarjat
tas-CCNR li ġie ffirmat fit-22 ta’ Mejju 2013 u li
jipprovdi għal kooperazzjoni aktar immirata meta mqabbla mal-ftehim
amministrattiv ġenerali fis-seħħ mill-2003. Skont
l-approċċ il-ġdid, standards uniformi se jissostitwixxu fi
stadji, is-settijiet differenti ta’ standards miżmuma skont id-diversi
reġimi legali li joperaw skont ir-regoli u l-proċeduri tagħhom
stess. Il-proċess se jibda bir-rekwiżiti tekniċi
għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, u se jiġi
estiż, fit-tieni fażi, għal ċerti oqsma oħra,
bħal kwalifiki professjonali. L-ewwel nett, l-oqfsa eżistenti
jeħtieġu li jiġu adattati biex jippermettu l-promulgazzjoni
tal-istess standards uniformi fil-liġi. Dan huwa s-suġġett
tal-proposta leġiżlattiva għal Direttiva li tistabbilixxi
r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq
l-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE. Bħala t-tieni pass, l-arranġament
amministrattiv bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Segretarjat tas-CCNR
jipprevedi t-tfassil ta’ standards tekniċi fil-qasam tan-navigazzjoni
interna taħt l-awspiċi tas-CCNR. Kumitat dedikat ikkostitwit
mill-Istati Membri tal-UE u mill-Kummissjoni Ċentrali
għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR), se jassoċja lill-Kummissjoni u
se jkun miftuħ għall-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti
għall-Ewropa (UN/ECE), għall-Kummissjonijiet tax-Xmajjar, kif ukoll
għall-partijiet interessati ewlenin, inklużi l-imsieħba
soċjali Ewropej. L-għan huwa li dan il-Kumitat isir kumitat tekniku
Ewropew ta’ referenza għall-iżvilupp tal-istandards f’ċerti
oqsma tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni. B’dan il-mod,
għandu jieħu post il-gruppi varji eżistenti li bħalissa
jittrattaw dawn l-oqsma, u jevita x-xogħol doppju u l-inkoerenza. Fl-aħħar nett, l-uniformità sħiħa
tal-istandards tista’ tinkiseb bejn ir-reġimi legali tal-UE u r-Renu jekk,
skont l-Arranġament Amministrattiv tat-22 ta’ Mejju 2013, is-CCNR
tadatta r-Regolament dwar l-Ispezzjoni ta’ Bastimenti fuq ir-Renu b’tali mod li
jippermetti dan ir-Regolament li jirreferi wkoll għall-istandards ta’ dan
il-Kumitat. Il-Kummissjonijiet tax-Xmajjar l-oħra kif ukoll l-UN/ECE huma
mistiedna jissieħbu f’dan l-approċċ sabiex jaslu għal korp
ta’ standards koerenti bis-sħiħ f’ċerti oqsma tat-trasport
bil-passaġġi fuq l-ilma interni. Azzjonijiet speċifiċi sal-2016 2013: Proposta leġiżlattiva ġdida għal Direttiva li tissostitwixxi d-Direttiva 2006/87/KE u tippermetti li jiddaħħlu fis-seħħ standards uniformi (parti mill-Pakkett ta’ NAIADES II) 6. Finanzjament L-implimentazzjoni ta’ NAIADES II
teħtieġ finanzjament għall-appoġġ tal-azzjonijiet ta’
politika (azzjonijiet ta’ koordinazzjoni, ta’ governanza u dawk preparatorji),
tar-riċerka u l-innovazzjoni, tal-infrastruttura u l-ekoloġizzazzjoni
tal-flotta. Fil-livell tal-UE, il-finanzjament se
jiġi pprovdut permezz tal-faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (Connecting
Europe Facility/CEF) għall-investimenti fl-infrastruttura,
mill-Orizzont 2020 għar-riċerka, l-iżvilupp u
l-innovazzjoni u bil-programmi tas-CEF u tal-Orizzont 2020 għall-appoġġ
tal-azzjonijiet tal-politika ta’ NAIADES II u għall-adozzjoni
tal-innovazzjoni, inkluż għall-ekoloġizzazzjoni tal-flotta.
L-Istati Membri għandhom jinkludu l-passaġġi fuq l-ilma interni
tagħhom fl-istrateġiji u l-proġetti tal-investiment territorjali
integrati, u għandhom jippjanaw għal appoġġ mill-Fond
Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond Soċjali Ewropew
u mill-Fondi ta’ Koeżjoni. Fejn xieraq, se jiġi
mħeġġeġ l-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi,
partikolarment għat-tranżizzjoni għall-użu ta’ LNG. Se jitħejja dokument ta’ ħidma
tal-persunal dwar il-finanzjament ta’ NAIADES, ladarba l-programmi tas-CEF u
tal-Orizzont 2020 jiġu adottati u jkun sar aktar progress dwar
l-ipprogrammar ta' dawn l-istrumenti. 7. Konklużjoni NAIADES II qed jintensifika l-ambizzjoni
għas-settur tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni billi
jiffoka fuq l-oqsma bl-akbar valur miżjud għat-tisħiħ
tal-kontribut tan-navigazzjoni interna għall-politika tat-trasport tal-UE.
Billi tingħata separazzjoni ċara bejn ir-responsabbiltajiet
fil-livelli tal-UE u dawk internazzjonali, fil-livelli tal-Istati Membri u dawk
reġjonali u tas-settur, il-governanza kumplessiva tista’ tiġi mtejba.
Fl-2017, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress miksub u se tistabbilixxi
azzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni sostnuta ta’
NAIADES II sal-2020. Il-preparazzjonijiet għal NAIADES II diġà bdew u
l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE li jappoġġjaw NAIADES II qed
jiġu stabbiliti. Il-ħidma lejn il-kwalità fit-trasport
bil-passaġġi fuq l-ilma interni fl-Ewropa bdiet. [1] COM/2011/0144 finali [2] Communication from the Commission on the promotion of
inland waterway transport "NAIADES" - Integrated European Action
Programme For Inland Waterway Transport (mhux disponibbli bil-Malti), COM(2006) 6
final [3] Id-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE [4] Ir-Regolament (KE) Nru 1692/2006 [5] Id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE [6] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 [7] Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE [8] L-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti
tal-ekwipaġġ u tad-dokumentazzjoni, ir-responsabbiltà u l-unitajiet
tat-tagħbija intermodali, (intermodal loading units/ILU) [9] Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni
“Towards NAIADES II”. Promoting , greening and integrating inland waterway
transport in the single EU transport area (mhux disponibbli bil-Malti),
SWD(2012) 168 final [10] Id-Direttiva 2008/68/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasport intern ta’
oġġetti perikolużi, li tirreferi għall-Ftehim Ewropew dwar
il-Ġarr Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Passaġġi
fuq l-Ilma Interni (International Carriage of Dangerous Goods by Inland
Waterways/AND) [11] http://ec.europa.eu/transport/modes/inland/studies/doc/2013-06-03-contribution-to-impact-assessment-of-measures-for-reducing-emissions-of-inland-navigation.pdf [12] Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq
ir-Renu, il-Kumissjoni tad-Danubju, il-Kummissjoni Internazzjonali
tal-Baċin tax-Xmara u l-Kummissjoni tal-Moselle. [13] COM/2011/0650 finali [14] Il-Kuritur tal-Baħar tat-Tramuntana – il-Baħar
Baltiku, il-Kuritur Mediterran, il-Kuritur Orjentali/tal-Mediterran tal-Lvant,
il-Kuritur tar-Renu-Alpin, il-Kuritur tal-Baħar tat-Tramuntana –
il-Mediterran u l-Kuritur tar-Renu – Danubju [15] Maħtura mill-Kummissjoni skont ir-Regolament
tat-TEN-T [16] Pereżempju, l-età medja ta’ bastiment fuq ir-Renu
hija ta’ 50 jew 35 sena għal bastiment tal-merkanzija b’tagħbija
niexfa jew likwida rispettivament (sors
http://ec.europa.eu/transport/modes/inland/studies/doc/2013-06-03-contribution-to-impact-assessment-of-measures-for-reducing-emissions-of-inland-navigation.pdf) [17] http://ec.europa.eu/transport/themes/sustainable/studies/sustainable.en.htm [18] COM(2013) 295 finali [19] COM(2013) 296 finali [20] ĠU L 59, 27.2.1998, p. 1-86 [21] ĠU L 389, 30.12.2006, p. 1-260 [22] COM(2013) 17 finali [23] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 [24] stabbilit fil-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport
Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Passaġġi
fuq l-Ilma Interni [25] Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM/2011/0665
finali) u Orizzont 2020 (COM (2011) 809 finali) [26] ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22–142 [27] Azzjoni 7 tal-White Paper dwar il-Politika
tat-Trasport tal-UE