52013DC0587

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport dwar l-Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-Passiġġieri tal-Ferroviji /* COM/2013/0587 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport dwar l-Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-Passiġġieri tal-Ferroviji

1.           Introduzzjoni

1.1.        Kuntest

Ir-Regolament dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-Passiġġieri tal-Ferroviji[1] (“ir-Regolament”) ġie adottat fit-23 ta’ Ottubru 2007 biex tkun żgurata protezzjoni bażika lill-vjaġġjaturi ferrovjari madwar l-Unjoni Ewropea. Dan daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2009 u japplika għas-servizzi ferrovjarji kollha tal-passiġġieri (internazzjonali, domestiċi, reġjonali, urbani u suburbani) fi ħdan l-UE pprovduti mill-impriżi ferrovjarji liċenzjati[2]. L-Istati Membri jistgħu japplikaw perjodi tranżitorji u eżenzjonijiet għal ċerti servizzi. Peress li ħafna Stati Membri użaw din il-possibbiltà, madwar 61 % tad-distanzi twal nazzjonali kollha u 83 % tas-servizzi reġjonali u suburbani huma eżentati.

L-Artikolu 36 tar-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk dan ir-rapport jissodisfa r-rekwiżit ta’ dan l-Artikolu.

Huwa jipprovdi wkoll elementi rigward kopertura adegwata tar-responsabbiltajiet tal-impriżi ferrovjarji f’każ ta’ aċċidenti kif meħtieġ mill-Artikolu 12 tar-Regolament.

Studju minn konsulent estern[3] kif ukoll tagħrif minn sorsi oħrajn, l-awtoritajiet nazzjonali, il-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati rilevanti[4] pprovdew materjal kwantitattiv u kwalitattiv, f’dan ir-rapport.

1.2.        Ir-Regolament

L-impriżi ferrovjarji b'mod ġenerali implimentaw ir-Regolament relattivament b’mod effettiv. L-informazzjoni disponibbli tiżvela li ma kien hemm l-ebda nuqqas sistematiku ta’ konformità jew ambigwitajiet maġġuri ma’ xi dispożizzjoni tar-Regolament u b'hekk kien possibbli li l-Istati Membri jew l-operaturi jikkonformaw.

Barra minn hekk, il-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ferrovija bħala parti minn "vjaġġi b'kollox inkluż", jibbenefikaw minn protezzjoni supplimentari taħt id-Direttiva dwar il-Vjaġġi b'Kollox Inkluż[5].

1.3.        Is-suq ferrovjarju

L-implimentazzjoni tar-Regolament trid tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-evoluzzjoni globali u l-funzjonament tas-suq ferrovjarju tal-passiġġieri u fid-dawl tal-objettiv politiku stabbilit fil-White Paper tal-2011[6] biex jinkiseb sehem modali akbar għas-settur tal-ferroviji. Fl-2010, is-settur ferrovjarju kien jirrappreżenta biss 7 % tal-mobbiltà interna tal-passiġieri fl-UE. Skont it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur 2012, il-konsumaturi kklasifikaw is-servizzi ferrovjarji bħala li huma batuti[7].

Is-suq ferrovjarju internazzjonali jikkostitwixxi biss 6% tat-traffiku kollu fl-UE. Is-suq domestiku tas-settur ferrovjarju jikkompeti ma' modi oħra tat-trasport, partikolarment it-trasport bl-ajru u bil-karozzi.

Sors: Il-Valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni Ewropea SWD(2013)10 li takkumpanja r-raba' proposta ta' pakkett Ferrovjarju dwar il-ftuħ tas-suq domestiku

Biex tinkoraġġixxi l-innovazzjoni, l-effiċjenza u l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża l-Kummissjoni fir-raba’ pakkett ferrovjarju[8], qed tipproponi li tiftaħ is-suq domestiku tal-passiġġieri għal parteċipanti u servizzi ġodda minn Diċembru 2019 li se jżidu servizzi ferrovjarji.

2.           Valutazzjoni tal-konformità

Ir-rapport jivvaluta l-konformità mar-Regolament abbażi tal-għaxar drittijiet bażiċi tal-passiġġieri elenkati fil-Komunikazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri fuq il-mezzi kollha tat-trasport[9]: in-nondiskriminazzjoni, l-assistenza għal persuni b’diżabilità jew b’mobbiltà mnaqqsa, informazzjoni, rimborż, tibdil fir-rotot jew ibbukkjar mill-ġdid, l-assistenza f’każ ta’ interruzzjoni, kumpens, responsabbiltà lejn il-passiġġieri u l-bagalji, it-trattament tal-ilmenti, l-applikazzjoni u l-infurzar. Jidentifika wkoll oqsma fejn huma meħtieġa titjib jew kjarifika u jispeċifika l-azzjonijiet li jridu jittieħdu.

2.1.        Id-dritt għan-Nondiskriminazzjoni fl-Aċċess għat-Trasport

2.1.1.     Diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità

L-Artikolu 18 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità. Roħs fil-prezz għal nollijiet ibbażati fuq in-nazzjonalità għalhekk jirrappreżenta ksur tal-liġi tal-UE. Diversi impriżi ferrovjarji joffru skontijiet għal ċerti gruppi ta’ passiġġieri (eż. passiġġieri b’diżabbiltà, l-anzjani, it-tfal). L-ebda waħda minn dawn l-iskontijiet ma jiddiskriminaw apertament fuq bażi ta’ nazzjonalità. Fejn dawn jiddependu fuq ir-residenza u għalhekk mhumiex disponibbli għal persuni minn Stati Membri oħra jistgħu jitqiesu bħala diskriminatorji.

2.1.2.     Diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabilità u/jew ta’ mobbiltà mnaqqsa

Wieħed mill-objettivi ta’ dan ir-Regolament huwa li jippermetti persuni b’diżabbiltà u li persuni b’mobbiltà mnaqqsa jingħataw opportunitajiet indaqs għall-ivvjaġġar bil-ferrovija bħal ċittadini oħra. Dan il-prinċipju bażiku huwa konformi mal-obbligi tal-UE skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (UNCRPD)[10]. L-impriżi ferrovjarji ma jistgħux jirrifjutaw it-trasport jew jimponu persuni li jakkumpanjaw sakemm dan ma jkunx meħtieġ biex ikun hemm konformità ma’ regoli dwar aċċess mhux diskriminatorju (l-Artikolu 19).

Rifjuti ta' aċċettazzjoni ta' riservazzjonijiet minn persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa kienu rari ħafna. Dan kien rikonoxxut ukoll minn organizzazzjonijiet dwar id-diżabbiltà. Meta dan seħħ, dawn kienu normalment ibbażati fuq limitazzjonijiet ta’ spazju (eż. spazji limitati għas-siġġijiet tar-roti). L-impriżi ferrovjarji jidhru li b’mod attiv ippruvaw isibu alternattivi fejn it-trasport kien impossibbli. Madankollu f’ċerti każijiet dawk li jużaw is-siġġu tar-roti kellhom jixtru biljetti tal-ewwel klassi, li huwa kjarament diskriminatorju jekk dawn ma jiġux offruti b’tariffa mnaqqsa.

2.2.        Id-dritt għall-mobbiltà: L-aċċessibbiltà u l-Assistenza għal Passiġġieri b’Diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa

Biex il-passiġġieri kollha jkun jista' jkollhom aċċess indaqs għat-trasport, ir-Regolament jagħti xi responsabbiltajiet lill-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-istazzjonijiet, il-bejjiegħa tal-biljetti u l-operaturi turistiċi.

L-impriżi ferrovjarji jew il-bejjiegħa tal-biljetti għandhom jipprovdu almenu l-minimu ta' informazzjoni ta’ qabel il-vjaġġ skont l-Anness II (i. a. dwar aċċessibbiltà, kondizzjonijiet tal-aċċess u disponibbiltà ta’ faċilitajiet abbord għal persuni b’diżabbiltà). Leġiżlazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-interoperabbiltà teknika għal applikazzjonijiet telematiċi (TAP TSI)[11] tispeċifika l-informazzjoni li impriżi ferrovjarji għandhom jipprovdu fuq il-websajts tagħhom. Dawn ġeneralment jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti għalkemm fi gradi li jvarjaw u ta' spiss iħallu barra informazzjoni dwar id-daqs u l-piż massimu tas-siġġijiet tar-roti u dwar faċilitajiet abbord adattati.

Skont l-Artikoli 22 u 23 l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-istazzjonijiet għandhom jipprovdu għajnuna mingħajr ħlas i.a. għall-imbark u għall-iżbark u abbord.

L-Artikolu 24(a) jispeċifika li l-ħtiġijiet ta' assistenza għandhom jiġu notifikati 48 siegħa qabel il-vjaġġ. Ħafna impriżi jaċċettaw skadenzi iqsar, iżda xi wħud japplikaw skadenzi itwal jew jippermettu biss notifikazzjonijiet minn qabel fil-ġranet tax-xogħol. Metodi għal notifika minn qabel mhux dejjem huma ċari u xi drabi jinvolvu spiża (eż. permezz ta' numri bil-ħlas).

B’mod ġenerali, assistenza hija provduta anke fejn servizzi domestiċi ġew eżentati minn dawn l-Artikoli. Ir-Regolament jobbliga l-amministraturi tal-istazzjonijiet jiżguraw assistenza fl-istazzjonijiet. Fil-prattika, l-impriża ferrovjarja (prinċipali nazzjonali) normalment tipprovdi assistenza. F’ambjent futur, liberalizzat bis-sħiħ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaġixxu biex jipprevjenu problemi ta' kompetenza bejn ferroviji li qed jikkompetu u jiżguraw il-provvediment ta’ assistenza.

L-aċċessibbiltà tal-infrastruttura u l-vetturi ferrovjarji skont l-Artikolu 21 li jagħmel referenza għall-STI PRM[12] ivarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. L-organizzazzjonijiet dwar id-diżabbiltà jikkunsidraw stazzjonijiet inaċċessibbli bħala l-ostakli prinċipali għall-ivjaġġar għal persuni b’diżabbiltà. Servizzi internazzjonali u dawk li għadhom kemm jibdew b'vetturi ferrovjarji aktar ġodda u li huma konformi mal-PRM STI għandhom it-tendenza li jkunu aktar aċċessibbli mis-servizzi domestiċi u dawk inkombenti.

2.3.        Dritt għal informazzjoni

2.3.1.     Informazzjoni għall-passiġġieri qabel u matul il-vjaġġ

Skont l-Artikolu 8 l-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti għandhom jipprovdu minn tal-inqas l-informazzjoni ta’ qabel il-vjaġġ speċifikata fl-Anness II għar-Regolament (i.a. l-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt u informazzjoni dwar tariffi u vjaġġi).

B’mod ġenerali, l-kondizzjonijiet tal-ġarr jidru li huma konsistenti mar-Regolament, anke jekk ir-Regolament ma jkunx imsemmi speċifikament.

Ħafna impriżi ferrovjarji jipprovdu informazzjoni matul il-vjaġġ (l-Artikolu 8 u l-Anness II il-parti 2), i. a. dwar is-servizzi abbord, il-waqfiet li jkun imiss u dwar interruzzjonijiet permezz ta' persunal abbord, avviżi vokali jew skrins. Fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Novembru 2012 fil-kawża C-136/11, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ċċarat li informazzjoni f’ħin reali dwar dewmien jew kanċellazzjonijiet tal-ferroviji, liema huma s-servizzi prinċipali ta’ konnessjoni, għandhom jingħataw irrelevanti liema impriża tal-ferroviji toperhom. L-amministratur tal-infrastruttura għandu javża lill-impriżi ferrovjarji dwar is-servizzi ta' konnessjoni mħaddma minn impriżi oħra[13].

Skont l-Artikolu 10, l-impriżi ferrovjarji għandhom jagħmlu użu mis-sistema ta’ Informazzjoni u Riservazzjoni Kompjuterizzata għat-Trasport Ferrovjarju (CIRSRT) u jadattaw is-sistemi tal-IT tagħhom għal TAP STI biex ikunu jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni.

2.3.2.     Bejgħ ta’ biljetti u riservazzjonijiet

Skont l-Artikolu 9(1), l-impriżi ferrovjarji għandhom joffru biljetti globali[14] u riservazzjonijiet fejn disponibbli. M'hemm l-ebda inċentivi għall-proviżjoni ta' biljetti globali u problemi prattiċi jew teknoloġiċi jistgħu jirrestrinġu l-offerta ta' biljetti globali għal vjaġġi b’taħlita ta’ biljetti, jiġifieri biljetti li mhumiex b'riservazzjoni, li jistgħu jintużaw fuq is-servizzi kollha, u biljetti b'riservazzjoni integrata, li huma validi biss fuq servizz speċifiku. B’riżultat ta’ dan, id-disponibilità ta’ biljetti globali bħalissa hija limitata.

Fid-dawl ta’ żieda futura tas-servizzi ferrovjarji wara l-ftuħ tas-suq b’aktar interkonnettività fost servizzi domestiċi iżda wkoll bejn is-servizzi internazzjonali u domestiċi, biljetti globali effiċjenti u sinerġiji tan-netwerk huma kruċjali, notevolment fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jistabbilixxux skemi integrati ta' ħruġ ta' biljetti.

2.4.        Id-dritt li jiġu rrinunzjati t-trasport u r-rimborż

F’każ ta’ dewmien fil-wasla ta’ aktar minn 60 minuta, il-passiġġieri huma intitolati skont l-Artikolu 16 li jagħżlu bejn rimborż tal-prezz sħiħ tal-biljett jew tibdil fir-rotta jew mal-ewwel opportunità jew f’data aktar tard skont il-konvenjenza tal-passiġieri. B’mod ġenerali, l-impriżi ferrovjarji jikkonformaw mar-rekwiżit li jipprovdu rimborż.

2.5.        Id-dritt li jitwettaq il-kuntratt tat-trasport f’każ li jkun hemm xi interruzzjoni

F’każ ta’ interuzzjoni fis-servizz, l-għażla ta’ rotta differenti mhux dejjem hija offerta. Bħal fil-każ tat-trasport tal-ajru, bosta impriżi ferrovjarji għandhom it-tendenza jinterpretaw b'mod restrittiv il-kunċett ta' “kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli” fl-Artikolu 16(b) u jbiddel r-rotta biss fuq is-servizzi tagħhom stess iżda mhux fuq servizzi (notevolment ferroviji b’veloċità qawwija) jew mezzi ta’ trasport oħra.

2.6.        Dritt għal assistenza

L-Artikolu 18 jirrikjedi li l-impriżi ferrovjarji jipprovdu assistenza[15] f’każ ta’ dewmien ta’ 60 minuta u aktar. Aktar minn 40 % ta’ Stati Membri eżentaw is-servizzi domestiċi tagħhom li jikkostitwixxu aktar minn 94 % ta’ vjaġġar ferrovjarju tal-passiġġieri minn dan l-Artikolu.

Barra minn hekk, xi impriżi ferrovjarji jillimitaw l-ammont massimu għall-akkomodazzjoni, oħrajn ma jipprovdux ix-xorb u l-ikel meħtieġ abbord, filwaqt li jsostnu li dan huwa diffiċli wisq biex jiġi organizzat, meta jkun hemm dewmien bejn l-istazzjonijiet. Bħala riżultat, l-implimentazzjoni tad-dritt għal assistenza jista' jittejjeb, speċjalment permezz ta' attivitajiet proattivi ta’ infurzar mill-awtoritajiet nazzjonali.

2.7.        Id-dritt għal kumpens

Skont l-Artikolu 17 il-passiġġieri jistgħu jitolbu kumpens bħala proporzjon tal-prezz tal-biljett f’każ ta’ dewmien twil jew kanċellazzjonijiet.

Ħafna impriżi ferrovjarji jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-politika tal-konsumatur tat-trasportaturi jistgħu jipprovdu kumpens li huwa anke aktar ġeneruż.

Ir-Regolament mhuwiex totalment ċar jekk sitwazzjonijiet ta’ ‘forza maġġuri’ It-trasportaturi jistgħu jkunu eżentati milli tħallas xi kumpens (iżda mhux minn obbligi oħra eż. l-għoti ta’ assistenza). Fil-każ C-509/11[16] pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, l-Avukat Ġenerali kien tal-fehma li l-impriżi ferrovjarji ma jistgħux jeskludu l-obbligu tagħhom li jħallsu kumpens f’każ ta’ dewmien fil-wasla minħabba ċirkustanzi lil hinn mill-kontroll tagħhom. Id-Deċiżjoni mingħand il-Qorti għadha pendenti.

2.8.        Id-dritt għar-responsabbiltà tat-trasportaturi lejn il-passiġġieri u l-bagalji tagħhom;

2.8.1.     Responsabbiltà għat-trasport ta’ passiġġieri u bagalji

L-Artikolu 11 tar-Regolament jispeċifika li r-responsabbiltà għal passiġġieri u bagalji hija rregolata fir-regoli uniformi tas-CIV[17] fl-Anness I għar-Regolament. It-trasportaturi huma responsabbli għall-mewt jew għall-korriment personali sakemm l-aċċident ma jkunx ikkawżat minn ċirkostanzi straordinarji jew jekk ikun it-tort tal-passiġġier jew ta’ parti terza. Fl-aħħar sitwazzjoni t-trasportatur huwa responsabbli iżda jista' jirkupra l-ispejjeż avvanzati lill-passiġġieri. Id-danni għandhom jiġu stabbiliti fil-liġi nazzjonali. Il-limitu superjuri għal kumpens f’każ ta’ mewt jew ta’ korriment huwa stabbilit għal 175 000 unità ta’ kont (ca. EUR 190 000)[18]. Ħafna impriżi ferrovjarji iddikjaraw responsabbiltajiet għal bagalji li laħqu jew qabżu l-limiti definiti fir-Regolament.

2.8.2.     Il-kopertura tar-responsabbiltà

L-Artikolu 12 tar-Regolament jeħtieġ li impriża ferrovjarja għandha 'tkun assigurata b’mod xieraq jew tagħmel arranġamenti ekwivalenti għal kopertura tar-responsabbilitajiet tagħha'. Dawn ir-rekwiżiti mhumiex speċifiċi ħafna, u dan ir-Regolament ma jiddefinixxix assigurazzjoni “adegwata”. B'riżultat ta' dan, m'huwa speċifikat ebda minimu ta’ kopertura finanzjarja. Id-Direttiva li tistabbilixxi Żona Ferrovjarja Unika Ewropea[19], jirrikjedi li “impriża ferrovjarja għandha tkun assigurata b’mod adegwat jew ikollha garanziji skont il-kundizzjonijiet tas-suq biex tkun koperta”.

Sabiex ikun adegwat, il-livell ta’ kopertura meħtieġ jiddependi fuq ir-responsabbiltajiet potenzjali tal-ferroviji. Il-livell attwali ta’ responsabbiltà, l-ambitu ta' pretensjonijiet, u responsabbiltà għal korrimenti huma definiti fil-liġi nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom dispożizzjonijiet nazzjonali li jiddefinixxu din ir-responsabbiltà. Ir-riskju potenzjali, u r-rekwiżiti korrispondenti għall-kopertura, se jiddependu wkoll fuq il-livell tad-dħul tal-Istat ikkonċernat. Għalkemm livell baxx ta’ kopertura ma jistax jikkwalifika impriża ferrovjarja per se bħala mhux konformi, il-kopertura ma tistax titqies adegwata jekk il-kumpensi anki għal numru żgħir ta’ passiġġieri kieku jaqbżu dan il-livell. Dan jidher li huwa l-każ għal ftit impriżi ferrovjarji biss.

Ħafna impriżi ferrovjarji jidhru li ħadu assigurazzjoni biex ikopru l-obbligazzjonijiet tagħhom u jidhru li huma koperti b’mod adegwat.

2.8.3.     Tagħmir ta’ mobbiltà:

L-Artikolu 25 jipprojbixxi l-impriżi ferrovjarji li jillimitaw il-kumpens f’każ ta’ ħsara għat-tagħmir ta’ mobbiltà ta’ persuni b’diżabbiltà. Huma ftit ħafna l-impriżi ferrovjarji ma jikkonformawx ma’ dan ir-rekwiżit.

2.9.        Dritt għal trattament tal-ilmenti rapidu u aċċessibbli

2.9.1.     Immaniġġjar tal-ilmenti

Skont l-Artikolu 27, l-impriżi tal-linji tal-ferrovija għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi biex jiġu ttrattati l-ilmenti u jagħtu pariri lill-passiġġieri kif huma jistgħu jiġu kkuntattjati. Il-passiġġieri jistgħu jilmentaw ma' kwalunkwe impriża ferrovjarja kompetenti (notevolment fejn diversi ferroviji ġew użati fi vjaġġ wieħed bil-konnessjonijiet) u għandhom jirċievu risposta fi żmien xahar sa massimu ta’ tliet xhur. Ir-rapport annwali dwar il-kwalità tas-servizz ferrovjarju għandu jkun fih l-istatistika dwar l-ilmenti.

L-impriżi ferrovjarji b’mod ġenerali jipprovdu informazzjoni dwar il-proċess tal-ġestjoni tal-ilmenti. Ħafna impriżi jirrispettaw ukoll il-perjodu taż-żmien stipulat.

L-istudju ta' appoġġ jistima li fl-2011, l-ONI rċevew madwar 2500-3500 ilment relatati direttament mar-Regolament. - dan huwa inqas minn 10 % tal-ilmenti rċevuti kull sena mill-ONI għad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru.

2.9.2.     Standards u rapporti ta' kwalità tas-servizz

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament impriżi ferrovjarji għandhom jiddefinixxu l-istandards ta’ kwalità tas-servizzi li jkopru mill-anqas is-suġġetti elenkati fl-Anness III għar-Regolament. Rapporti annwali dwar il-prestazzjoni ta’ kwalità tas-servizzi tagħhom għandhom jiġu pubblikati waħedhom u fuq il-website tal-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (ERA).

L-istudju sab li, inizjalment, il-konformità tas-servizzi ferrovjarji ma’ dan ir-rekwiżit kienet dgħajfa. Il-Kummissjoni żviluppat linji gwida[20] biex tiffaċilita l-pubblikazzjoni ta’ rapporti ta’ kwalità tas-servizz u biex tgħin lill-ONI jissorveljaw il-konformità. L-aħħar pubblikazzjonijiet fuq il-website tal-ERA juru li s-sitwazzjoni tjiebet b’mod konsiderevoli minn dak iż-żmien 'l hawn[21].

2.10.      Id-dritt għal applikazzjoni sħiħa u għal infurzar effettiv tal-liġi tal-UE.

2.10.1.   Eżenzjonijiet

Skont l-Artikolu 2, l-Istati Membri jistgħu parzjalment jeżentaw is-servizzi mill-applikazzjoni tar-Regolament mingħajr ma jiġġustifikaw dan. Servizzi ferrovjarji domestiċi jistgħu jiġu eżentati għal perjodu ta' ħames snin, li jiġġedded darbtejn, servizzi ferrovjarji tal-passiġieri urbani, suburbani u reġjonali għal perjodu mhux speċifikat. Vjaġġi fejn parti sinifikanti minnhom topera barra l-UE jistgħu jiġu esklużi għal perjodu li jiġġedded ta’ ħames snin. B'riżultat ta' dan, servizzi domestiċi fuq distanzi twal, li jikkostitwixxu nofs is-suq ferrovjarju domestiku jistgħu jiġu eżentati sa 15-il sena.

Għalkemm bosta Stati Membri għażlu eżenzjonijiet estensivi, dawn huma ta’ sikwit limitati għal servizzi reġjonali u suburbani jew għal artikoli speċifiċi, notevolment l-Artikolu 18 (2), dwar assistenza u kura f’każ ta’ dewmien fit-tul, peress li l-impriżi jipperċepixxu dan l-Artikolu bħala pjuttost oneruż u bħala piż żejjed.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li għandhom il-fruntiera ma' pajjiż terz taw eżenzjonijiet għal servizzi ferrovjarji internazzjonali (L-Artikolu 2(6)), fejn possibbli. Dan offra lil disa’ Stati Membri tal-UE[22], li huma membri tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni bejn il-Ferroviji (OSJD), is-serħan meħtieġ biex jiżguraw li l-Anness futur tal-Konvenzjoni tal-OSJD[23] jipprovdi standards ta’ protezzjoni simili għal passiġġieri ferrovjarji internazzjonali.

2.10.2.   Implimentazzjoni u Infurzar

L-Artikolu 30 jirrikjedi li l-Istati Membri jaħtru korp nazzjonali indipendenti responsabbli għall-infurzar tar-Regolament (ONI). Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri dan għamluh, f’xi Stati l-ONI huwa parzjalment nieqes jew għadu ma bediex jopera; oħrajn naqsu milli jagħtu lill-ONI setgħat effettivi ta’ infurzar. Xi ONI ma jidhrux li huma indipendenti biżżejjed. Fejn l-ONI huwa wkoll il-korp regolatorju tal-ferroviji skont id-Direttiva 2012/34/UE (preċedentement id-Direttiva 2001/14/KE), l-indipendenza tiegħu ġiet eżaminata mill-Kummissjoni. Fejn xieraq, il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur minħabba fin-nuqqas ta' indipendenza.

L-Artikolu 32 jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kkonformaw ma’ dan l-obbligu xi wħud ma introduċew l-ebda sanzjonijiet jew sanzjonijiet li jkopru biss xi artikoli. F’xi Stati Membri jistgħu jiġu imposti biss sanzjonijiet kondizzjonali jew restorattivi, li huma inqas probabbli li jwasslu għal konformità milli sanzjonijiet punittivi.

Il-livell ta’ sanzjonijiet ivarja b’mod sinifikanti u ma jistax jiġi kkunsidrat bħala dissważiv fejn dan huwa taħt il-prezz tal-konformità. S’issa, ftit li xejn ġew imposti sanzjonijiet. Għalhekk, għadu kmieni wisq biex wieħed jevalwa jekk il-proċeduri tas-sanzjonar humiex robusti biżżejjed jew jekk jistax ikun hemm problemi fil-ġbir ta’ sanzjonijiet.

Minkejja l-obbligu fl-Artikolu 31 li jikkooperaw, kien hemm ftit kuntatt bejn l-ONI. Peress li 6 % biss tal-vjaġġi bil-ferrovija fl-UE huma internazzjonali, il-ħtieġa għall-kooperazzjoni biex jiġu riżolti ilmenti kienet limitata.

2.10.3.   Rimedju privat, riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim u dispożizzjonijiet legali nazzjonali relatati

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri joffru mekkaniżmi għal rimedju privat, inklużi soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim (ADR) u proċeduri għal talbiet żgħar. Dawn huma mingħajr ebda ħlas jew inkella bi prezz baxx ħafna għall-konsumaturi. Fejn dan ma jkunx possibbli, il-passiġġieri jridu jibdew proċeduri legali permezz ta’ qrati ċivili. Dawn jibqgħu kumplessi, u għalhekk aktarx li jiskuraġġixxu lill-passiġġieri milli jmexxu t-talbiet tagħhom.

F’diversi Stati dispożizzjonijiet nazzjonali li jipproteġu l-passiġġieri tal-ferrovija fuq servizzi domestiċi anke jeċċedu l-ħtiġiet tar-Regolament (eż. permezz tal-kuntratti ta’ ħruġ ta’ liċenzji għal impriżi ferrovjarji). Ir-Regolament ma jostakolax dan sakemm ma jkunx hemm kunflitt ma’ dawk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament fejn għażla fakultattiva (l-opt out) mhijiex possibbli.

3.           Kwistjonijiet mhux ċari jew problematiċi identifikati fir-Regolament

Il-valutazzjoni preċedenti turi li ma hemm l-ebda problema kbira li tirriżulta f’impossibbiltà li jiġi implimentat ir-Regolament. Madankollu, kjarifika ta’ xi termini u artikoli tista' ttejjeb aktar l-applikazzjoni tiegħu.

Xi definizzjonijiet jew huma nieqsa (eż. “konnessjoni li ma ntlaħqitx”) jew mhux ċari (eż. “bejjiegħ tal-biljetti”, “urban”, “suburban” u “servizzi reġjonali ferrovjarji tal-passiġġieri”) jew inkonsistenti ma’ definizzjonijiet f’leġiżlazzjonijiet oħra rilevanti. Il-kunċett ta’ “forza maġġuri” u l-kundizzjonijiet li jeżentaw impriżi milli jħallsu xi kumpens jeħtieġ ukoll li jiġu ċċarati.

Fir-rigward tal-Artikolu 5 dwar it-trasport tar-roti, ir-rappreżentanti taċ-ċiklisti jikkunsidrawh li huwa vag wisq u li ma hemm l-ebda inċentiv li jiffavorixxi t-trasport tar-roti.

Tqajjem ukoll xi tħassib dwar il-konsistenza bejn it-test prinċipali tar-Regolament u l-annessi tiegħu, l-iktar l-Anness I.

4.           Konklużjonijiet

L-applikazzjoni ġenerali u l-infurzar tar-Regolament huwa sodisfaċenti skont il-qagħda attwali tas-suq, anke jekk mhux l-objettivi kollha tar-Regolament intlaħqu (i.a. sehem tas-suq ferrovjarju miżjud[24]). Aktar ftuħ tas-suq kif propost fir-raba’ pakkett ferrovjarju, madankollu, se jeħtieġ aktar sforzi mill-ferroviji u l-Istati Membri xierqa sabiex ikun żgurat il-ħarsien xieraq tal-passiġġieri. B’mod partikolari, aċċess ugwali u trasparenti għal informazzjoni ta’ qabel il-vjaġġ, disponibbiltà tal-biljetti u informazzjoni dwar id-dewmien u l-kanċellazzjonijiet u ħruġ integrat tal-biljetti għandhom rwol importanti biex ikun żgurat li l-passiġġieri jkunu jistgħu jibbenefikaw b’mod sħiħ mill-ftuħ tas-suq. Infurzar attiv u konsistenti mill-ONI huwa importanti biex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-impriżi ferrovjarji.

Skont l-ONI u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, l-industrija ferrovjarja ġeneralment turi strateġija pożittiva lejn l-implimentazzjoni. Ma ġie skopert ebda nuqqas ta' konformità deliberat, gravi jew sistematiku.

Minkejja l-istampa ġenerali pożittiva ċerti Stati Membri u l-impriżi ferrovjarji għandhom bżonn jagħmlu sforzi addizzjonali biex itejbu l-applikazzjoni u l-infurzar.

Kwistjoni importanti inerenti fir-Regolament hija li dan jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw il-maġġoranza tas-servizzi ferrovjarji tagħhom mill-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tiegħu.

Il-Kummissjoni tikkunsidra l-użu estensiv ta’ eżenzjonijiet bħala ostaklu serju biex jitwettqu l-objettivi tar-Regolament. L-applikazzjoni ta’ reġimi differenti għal servizzi domestiċi u internazzjonali intra-EU mhijiex konsistenti mal-objettiv usa’ tal-politika ta’ Żona Ferrovjarja Ewropea unika u joħloq ostakli għal operaturi li joperaw f’diversi Stati Membri. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza li huma biss is-servizzi jistgħu jkunu (parzjalment) eżentati mir-Regolament[25], filwaqt li vjaġġi, notevolment vjaġġi transfruntiera, ma jistgħux ikunu eżentati[26].

Barra minn hekk, l-infurzar għadu lura f’xi Stati Membri. Jew m’hemm ebda ONI żviluppat għal kollox, jew l-ONI m'huwiex investit bis-setgħa sħiħa jew mhux suffiċjentement indipendenti. Xi Stati Membri għad iridu jiddefinixxu sanzjonijiet effettivi, xierqa u disswassivi.

Kwistjoni oħra ta’ tħassib hija l-kopertura insuffiċjenti għar-responsabbiltajiet f’każ ta’ aċċidenti f’żewġ Stati Membri.

5.           Azzjonijiet ta’ Segwitu

5.1.        Azzjoni tal-Kummissjoni

· Il-Kummissjoni bħalissa qed tevalwa l-azzjonijiet meħtieġa biex tindirizza n-nuqqas ta’ ONI, in-nuqqas ta’ setgħa suffiċjenti jew in-nuqqas ta’ sanzjonijiet effettivi. Ibbażat fuq każijiet ovvji jew fejn l-ONI jittrattaw l-impriżi ferrovjarji b’mod differenti, notevolment f’aktar swieq liberalizzati, il-Kummissjoni se taġixxi wkoll fuq każijiet fejn hi tikkunsidra li ONI mhuwiex indipendenti biżżejjed. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni nediet għaxar proċeduri ta’ qabel każ ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li jidru li mhux qed jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti jew li azzjonijiet ta’ infurzar tagħhom jeħtieġ li jittejbu, fuq ċerti kwistjonijiet, prinċipalment fl-oqsma prinċipali li ġejjin:

· Nuqqas ta’ ONI biex tkopri l-Artikoli kollha tar-Regolament u n-nuqqas ta’ sanzjonijiet effettivi

· Kopertura insuffiċjenti għal obbligazzjonijiet

· Nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li jitħallas ħlas bil-quddiem fil-każ ta’ mewt ta’ passiġġier

· Nuqqas li tingħata informazzjoni xierqa lil passiġġieri u n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar assistenza u għodod ta’ notifika minn qabel adegwati għal persuni b’diżabilità

· Diskriminazzjoni fuq diversi raġunijiet

· Nuqqas ta’ assistenza u kura f’każ ta' interruzzjoni

· Nuqqas ta’ offerta ta’ kumpens finanzjarju jew kumpens għal telf jew ħsara tal-bagalji rreġistrati jew fir-rigward ta’ tagħmir ta’ mobbiltà

· Nuqqas ta' tibdil fir-rotta permezz ta’ mezzi ta' trasport oħra komparabbli

· Nuqqas ta' pubblikazzjoni ta' rapporti dwar il-kwalità tas-servizz

· Fuq żmien qasir, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-industrija ferrovjarja u l-partijiet interessati, se tikkunsidra l-adozzjoni ta’ linji gwida interpretattivi biex tkun iffaċilitata u tittejjeb l-applikazzjoni tar-Regolament u jiġu promossi l-aħjar prattiki.

· Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni ma’ modi oħra biex jittejjeb it-trasport intermodali mingħajr xkiel.

· Il-Kummissjoni se tikkoordina mal-partijiet interessati rilevanti biex timxi 'l quddiem fir-rigward ta' ippjanar ta' ivvjaġġar integrat u biljetti globali.

· Fuq żmien medju, sabiex isaħħaħ l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bil-ferrovija, il-Kummissjoni tipprevedi li jiġi rivedut ir-Regolament 1371/2007, filwaqt li jittieħed kont tar-reviżjoni li għaddejja bħalissa tad-Direttiva dwar il-Vjaġġi Kollox Inkluż filwaqt li tħares lejn l-oqsma segwenti:

· Eżenzjonijiet għal servizzi domestiċi (għal distanza twila) sabiex jiġu allinjati mar-raba’ pakkett ferrovjarju;

· "Forza maġġuri": biex tallinja ruħha ma’ obbligi taħt leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri għall-modi oħra tat-trasport u minħabba d-deċiżjoni pendenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża C 509/11 il-Kummissjoni se tikkunsidra li tasserixxi li f’sitwazzjonijiet bħal dawn l-impriżi mhumiex obbligati li jħallsu kumpens;

· Kjarifika ta’ kwistjonijiet mhux ċari (eż. rigward kopertura tal-impriżi għar-responsabbiltà tal-passiġġieri biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi u ċertezza legali għall-passiġġieri);

· Applikazzjoni tal-UNCRPD: proposta ta’ emendi xierqa għar-Regolament (eż. definizzjoni ta’ “persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa”, l-Artikolu 21 dwar l-aċċessibbiltà jew l-Anness III);

· Taħriġ dwar is-sensibilizzazzjoni u l-assistenza għal persunal li jittratta ma' persuni b’diżabbiltà biex jallinjaw ruħhom ma’ leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri applikabbli għal modi oħra tat-trasport;

· Wiri ta’ avviżi fl-istazzjonijiet ferrovjarji, fil bini tal-bejjiegħa tal-biljetti u abbord ferroviji li jinfurmaw lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom skont dan ir-Regolament biex ikun hemm allinjament ma’ leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri applikabbli għal modi oħra tat-trasport.

5.2.        Infurzar mill-Istati Membri

· L-ONI jeħtieġ li jkunu aktar proattivi fl-infurzar, eż. biex iwettqu aktar spezzjonijiet, b’mod partikolari f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. Għandhom jiġu żgurati riżorsi adegwati.

· L-ONI għandhom jiżguraw li impriżi ferrovjarji jistabbilixxu standards ta’ kwalità u jippubblikaw rapporti ta’ kwalità tas-servizz. L-ONI jistgħu faċilment jiċċekkjaw il-konformità f’dawn l-oqsma u jistgħu jieħdu azzjoni jekk ikun hemm bżonn.

· Kif meħtieġ skont l-Artikolu 31, l-ONI jridu jikkooperaw aħjar fost xulxin, mhux biss biex jirrisolvu kwistjonijiet transkonfinali iżda wkoll biex jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiċi.

· L-ONI għandhom b’mod attiv tqajjem il-kuxjenza tal-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom.

· Il-Kummissjoni se tkompli torganizza laqgħat regolari mal-ONI biex jilħqu fehim reċiproku dwar l-aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni tar-Regolament u sabiex tippermetti lill-ONI jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.

5.3.        Oħrajn

· Il-Kummissjoni se twettaq miżuri ta' sensibilizzazzjoni u se tistieden l-ONI, l-industrija u partijiet interessati oħrajn jingħaqdu mal-Kummissjoni fl-isforzi tagħha u/jew li attivitajiet simili.

[1]               ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14.

[2]               Hekk kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 dwar il-liċenzjar ta' impriżi ferrovjarji (ĠU L 143, 27.6.1995, p. 70).

[3]               Steer Davies Gleeve (SDG): http://ec.europa.eu/transport/themes/passengers/studies/doc/2012-07-evaluation-regulation-1371-2007.pdf

[4]               Industrija tal-ferrovija, assoċjazzjonijiet tal-utenti u tal-konsumaturi

[5]               Id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59.) qed tiġi reveduta. Proposta ġdida, COM (2013) 512, ġiet adottata fid-9 ta’ Lulju 2013.

[6]               COM (2011) 144 tat-28/03/2011

[7]               http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/cms_en.htm

[8]               Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar il-ftuħ tas-suq għal servizzi domestiċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija (COM (2013) 28 ta’ 30/01/2013) u Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2012/34/UE tal-21/11/2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (COM (2013) 29 tat-30/01/2013)

[9]               COM (2011) 898 tat-19/12/2011 Dawn id-drittijiet hemm referenza għalihom ukoll fir-rapport tal-PE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport (2012/2067 (INI)

[10]             Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35).

[11]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 454/2011 tal-5 ta’ Mejju 2011 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema 'applikazzjonijiet telematiċi għal servizzi tal-passiġġieri' tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea (ĠU L 123, 12.5.2011, p. 11).

[12]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/164/KE dwar speċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà rigward il-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fis-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja (ĠU L 64, 7.3.2008, p. 72)

[13]             Westbahn Management GmbH vs ÖBB-Infrastruktur AG.

[14]             Kif definit fl-Artikolu 3(10).

[15]             Ikel jew xorb, akkomodazzjoni matul il-lejl

[16]             Öbb-personenverkehr AG v schienen-control Kommission und bundesministerin für Verkehr, l-innovazzjoni und Technologie

[17]             Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Passiġġieri u Bagalji bil-Ferrovija

[18]             L-Anness I , l-Artikolu 30 (2)

[19]             Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi Żona Ferrovjarja Unika (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32)

[20]             Linji gwida dwar “Standards ta' Kwalità għas-Servizz Ferrovjarju u Proċedura u Kontenut tal-Pubblikazzjoni ta' Rapporti” elaborati mill-Kummissjoni u mibgħuta lill-NEBs f’Marzu 2012.

[21]             https://eradis.era.europa.eu/interop_docs/ruSQPreports/default.aspx

[22]             Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja.

[23]             Dan l-Anness, li jirregola t-trasport internazzjonali bil-ferrovija ta’ passiġġieri u bagalji, bħalissa qed jiġi diskuss. L-ambitu tiegħu jikkoinċidi mar-regoli tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji tal-UE.

[24]             Premessa (1)

[25]             L-Artikolu 2(1), (4) u (5)

[26]             Ħlief fir-rigward tal-Artikolu 2(6) fejn kemm is-servizzi kif ukoll il-vjaġġi jistgħu jiġu eżentati