RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Is-Seba’ Rapport dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (91/271/KEE) /* COM/2013/0574 final */
WERREJ 1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 3 2........... Valutazzjoni kumplessiva
tal-konformità.......................................................................... 4 2.1........ Sistemi ta’ ġbir................................................................................................................ 4 2.2........ Trattament Sekondarju................................................................................................... 5 2.3........ Trattament iktar strett...................................................................................................... 5 2.4........ Bliet kbar/Skarikaturi kbar.............................................................................................. 9 2.5........ Żoni sensittivi.................................................................................................................. 9 3........... Tendenzi ta’ konformità.................................................................................................. 9 4........... Tnaqqis tat-tniġġis
fil-passat u fil-futur............................................................................ 10 5........... Titjib permezz ta’ kofinanzjament.................................................................................. 11 6........... Azzjoni dwar konformità fil-passat................................................................................ 12 7........... L-“approċċ ġdid” għall-promozzjoni tal-konformità....................................................... 11 8........... Konklużjonijiet
u perspettiva......................................................................................... 12 1. Introduzzjoni Id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi[1] (iktar ’il quddiem “id-Direttiva”) hija
waħda mill-għodod ta’ politiki ewlenin dwar l-ilma fl-Ewropa. L-għan
tagħha huwa li tipproteġi l-ambjent mill-effetti negattivi tal-iskariku
tal-ilma urban mormi miż-żoni residenzjali (bliet/irħula) u
tal-ilma industrijal biodegrabbli mormi mis-settur agroalimentari
(pereżempju l-industrija tal-ipproċessar tal-ħalib, l-industrija
tal-laħam, il-birreriji eċċ.). Id-Direttiva teżiġi
l-ġbir xieraq tad-drenaġġ u tirregola l-iskariku tal-ilma mormi
billi tispeċifika t-tip ta’ trattament minimu li għandu jiġi
pprovdut u tistabbilixxi valuri ta’ limitu massimu ta’ emissjonijiet jew
is-sustanzi li jniġġsu ewlenin (ammont organiku u nutrijenti)[2]. Implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva hija prerekwiżit
sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali stabbiliti fid-Direttiva
Kwadru tal-UE dwar l-Ilma (WFD)[3] u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istarteġija Marina[4]. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva kienet ta’ sfida
speċjalment minħabba l-aspetti finanzjarji u tal-ippjanar relatati
mal-investiment infrastrutturali ewlieni, bħas-sistemi
tad-drenaġġ u l-faċilitajiet ta’ trattament. Il-livelli baxxi
ta’ implimentazzjoni jistgħu jwasslu għal tniġġis organiku
fix-xmajjar u l-għadajjar u anke għall-akkumulazzjoni ta’ ammonti ta’
nutrijenti (ewtrofikazzjoni)[5] li b’mod partikolari jaffettwa
l-għadajjar, u l-ilmijiet kostali u marini li huma partikolarment
sensittivi. Skont ir-rapport ta’ implimentazzjoni tad-WFD ippubblikat dan
l-aħħar[6], it-tniġġis tal-punt tas-sors kien għadu pressjoni
sinifikanti fi 22 % tal-korpi tal-ilma fl-UE. L-ewtrofikazzjoni
baqgħet theddida ewlenija f’madwar 30 % tal-korpi tal-ilma fi 17-il
Stat Membru. L-iskariku ta’ ilma mormi mhux trattat jew mhux trattat
biżżejjed jikkontribwixxi għal dawn il-problemi. It-tniġġis tal-ilma mormi jista’ wkoll
jaċċellera t-telf tal-bijodiversità u jiddeterjora s-sorsi tal-ilma
tax-xorb jew l-ilmijiet għall-għawm, u jikkawża tħassib
għas-saħħa pubblika. Dan jinkludi tifqigħat ta’ mard
ikkawżat mill-ilma speċjalment mard relatat ma’ sorsi żgħar
tal-ilma, mard ikkawżat mill-esponiment għal ilma
għall-għawm ikkontaminat (tniġġis organiku,
tniġġis mill-proliferazzjoni tal-alga minħabba eċċess
ta’ nutrijenti) jew il-konsum ta’ frott tal-baħar ikkontaminat,
eċċ. Dawn l-impatti jistgħu jwasslu wkoll għal konsegwenzi
negattivi għas-setturi ekonomiċi bħat-turiżmu u
l-industrija tat-trobbija tal-frott tal-baħar.[7]. L-isforzi ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri diġà
wasslu għal titjib sinifikanti fit-trattament tal-ilma mormi. Konsegwentement,
il-kwalità tal-ilma fl-Ewropa tjiebet b’mod sinifikanti matul dawn
l-aħħar deċennji u l-effetti tas-sustanzi niġġiesa
naqsu[8]. Madankollu, l-implimentazzjoni għada ’l bogħod milli tkun
lesta u l-problemi tat-tniġġis għadhom jippersistu. Il-proposta tal-Kummissjoni għas-7 Programm ta’
Azzjoni Ambjentali (7th EAP) [9]
kif ukoll id-dokument ġdid li jġib it-titlu “Pjan
għas-salvagwardja tar-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa (Blueprint to
Safeguard Europe’s Water Resources)”
[10] jirrikonoxxu l-importanza ta’ din id-Direttiva u jenfasizzaw li hija
meħtieġa azzjoni rinfurzata sabiex tkun żgurata
l-implimentazzjoni b’suċċess tagħha. Dan is-Seba’(7) Rapport dwar l-implimentazzjoni
tad-Direttiva jiddeskrivi l-progress li sar sal-aħħar tal-2009/2010. Ir-Rapport
jinkludi wkoll tendenzi ta’ konformità u jippreżenta approċċ
ġdid għall-“promozzjoni tal-konformità” u l-passi tiegħu lejn
informazzjoni pubblika u rappurtar. Minbarra dan ir-rapport, hemm disponibbli
Anness bit-Tabelli[11]
u “Rapport” tekniku iktar iddettaljat[12]. Id-distakki
bejn id-dejta rrappurtata u l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport huma
intrinsiċi għall-mod li bih kien organizzat fil-passat
l-immaniġġjar tad-dejta bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.
Is-servizzi tal-Kummissjoni għaldaqstant qed jipproponu “approċċ
ġdid” anke fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-konformità u
jinkoraġġixxu lill-Istati Membri biex jipprovdu onlajn informazzjoni li
tkun iktar aġġornata fil-livell nazzjonali (ara l-punt 7). 2. Valutazzjoni
kumplessiva tal-konformità Il-valutazzjoni tal-konformità għandha l-għan li
tanalizza l-grad ta’ konformità mad-Direttiva, abbażi ta’ informazzjoni li
l-Istati Membri jipprovdu. Hija bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ linji gwida
u ta’ metodoloġija disponibbli fir-Reportnet tal-EEA[13]. Id-dejta rrappurtata dwar
l-infrastruttura tal-ilma mormi hija disponibbli mill-water info Waterbase tas-Sistema
tal-Informazzjoni dwar l-Ilma għall-Ewropa (WISE) għaż-żoni
residenzjali rrappurtati u l-impjanti ta’ trattament tagħhom.[14] Dan l-eżerċizzju ta’ rappurtar dwar
l-implimentazzjoni tad-Direttiva kien suċċess. Għall-ewwel
darba, 27 Stat Membru pprovdew informazzjoni għar-rapport u
l-biċċa l-kbira minnhom ipprovdewha fil-ħin. Ir-rapport ikopri
kważi 24 000 belt u raħal li għandhom iktar minn 2000
abitant (li jiġġeneraw tniġġis li jikkorrispondi għal
popolazzjoni ta’ 615-il miljun, magħrufa bħala ekwivalenti
tal-popolazzjoni[15]). Kważi 18000 belt u raħal (jew 81 % tal-volum
tal-popolazzjoni) jinsabu fil-15-il Stat Membru li daħlu fl-UE qabel
l-2004 (UE-15). Il-bqija jinsabu fit-12-il Stat Membru li daħlu fl-UE fl-2004
u fl-2007 (UE-12). Il-valutazzjoni tal-konformità twettqet għal 26 Stat
Membru, minħabba li fir-rigward tar-Rumanija, l-ebda skadenza
għall-konformità miftiehma fit-Trattat tal-Adeżjoni tagħhom ma
skadiet sal-2010. Il-Kroazja saret parti mill-UE
fl-1 ta' Lulju 2013 u għalhekk ma kinitx inkluża f'dan
l-eżerċizzju ta' rappurtar. Għal diversi Stati Membri oħra li ngħaqdu
fl-2004 u l-2007, l-iskadenzi għall-konformità skadew matul il-perjodu ta’
rappurtar għal dan ir-rapport. Madankollu, ħafna
mill-ibliet/irħula għandhom jikkonformaw mal-iskadenzi tal-2010 u
wara u għaldaqstant ma ġewx ivvalutati f’dan ir-rapport. Ir-riżultati ewlenin tal-analiżi
tal-implimentazzjoni jidhru fil-qosor hawn taħt (għal dettalji
għal kull Stat Membru, ara t-Tabella 1 fl-Anness, li tinkludi wkoll
informazzjoni ddettaljata dwar skadenzi li għaddew fit-12-il Stat Membru
li ssieħbu fl-UE fl-2004/2007). 2.1. Sistemi ta’ ġbir Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE
jiġbru l-ilma mormi tagħhom f’livelli għoljin ħafna b’rata
medja ta’ konformità ekwivalenti sa 94% (żieda minn 92%). Madwar 15-il
Stat Membru anke jilħqu konformità ta’ 100 %. L-Istati Membri kollha
jew żammew jew tejbu r-riżultati preċedenti tagħhom.
Madankollu, xorta għad hemm pajjiżi li huma Stati Membri fejn ma hemm
ebda ġbir jew hemm ġbir parzjali ta’ drenaġġ. Ħames
Stati Membri kien għad kellhom rati ta’ konformità taħt it-30 % fl-2009/2010(BG,
CY, EE, LV, SI). 2.2. Trattament
Sekondarju Fl-2009/2010, total ta’ 82% tal-ilma mormi fl-UE
irċieva trattament sekondarju li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet
tad-Direttiva, erba’ (4) punti perċentwali iktar mir-Rapport preċedenti.
Erba’ Stati Membri laħqu konformità ta’ 100 % u sitt Stati Membri
oħra kellhom livell ta’ konformità ta’ 97 % u iktar. Madankollu,
ir-rati ta’ konformà fl-Istati Membri tal-UE-12 għadhom ferm lura u 39 %
biss tal-ilma mormi tagħhom irċieva trattament sekondarju xieraq. CZ,
HU, LT u SK biss laħqu riżultati ta’ konformità bejn 80-100%. 2.3. Trattament
iktar strett Dan it-tip ta’ trattament ta’ ilma mormi, magħruf
ukoll bħala trattament terzjarju, fejn meħtieġ jikkumplimenta
t-tieni trattament u huwa mmirat l-iktar biex jelimina n-nutrijenti
għall-mitigazzjoni tal-ewtrofikazzjoni jew biex jitnaqqas
it-tniġġis batterjoloġiku li jista’ jaffettwa s-saħħa
tal-bniedem (bħaż-żoni tal-ilma tax-xorb jew ilmijiet
għall-għawm)[16].
Kien hemm rata ta’ konformità kumplessiva ta’ 77%. Madankollu, kien hemm
dewmien partikolari fl-implimentazzjoni ta’ trattament iktar strett fl-Istati
Membri tal-UE-12 fejn 14 % biss tal-ilma mormi kien trattat kif xieraq.
Min-naħa pożittiva, erba’ pajjiżi laħqu konformità ta’ 100 %.
Figura 1: Riżultati
ta’ konformità fil-livell ta’ UE-27, UE-15 u UE-12 rigward l-Artikolu 3
tad-Direttiva (ġbir),bil-kulur aħdar, l-Artikolu 4 (trattament
sekondarju), bil-kulur roża u l-Artikolu 5(trattament iktar strett),
bil-kulur blu. Il-valuri medji huma riflessi, ppiżati skont id-daqs
tal-Istati Membri. Ir-riżultati fil-livell tal-UE-27, UE-15 u UE-12 huma
riflessi fil-Figura 1[17].
Il-valuri fil-livell ta’ UE-15 b'mod ġenerali huma għoljin
u saħansitra għoljin ħafna f'pajjiżi bħall-Ġermanja,
il-Pajjiżi l-Baxxi, u l-Awstrija. Ir-riżultati tal-UE-12 huma
relattivament baxxi speċjalment fir-rigward tat-trattament iktar strett. Il-valuri fil-livell tal-UE-27 ukoll huma għoljin u
jixbħu sew il-valuri tal-UE-15 (anke jekk naqra iktar baxxi),
minħabba: a) Ir-rilevanza relattivament ogħla ta' ċifri dwar
il-ġbir u t-trattament mill-pajjiżi UE-15. Fil-livell tal-UE-15,
l-iskadenzi kollha għall-konformità skadew u għalhekk l-ammont ta'
ilmijiet mormija soġġetti għall-konformità huwa kbir, u
għalhekk huma għolja r-riżultati ta' konformità marbuta
magħhom. b) Ir-rilevanza iktar baxxa taċ-ċifri dwar
il-ġbir u t-trattament mill-pajjiżi tal-UE-12, fejn ir-riżultati
dwar il-konformità jirrigwardaw biss partijiet tal-ibliet/irħula
tagħhom, jiġifieri dawk soġġetti għall-konformità
sal-2009/10. Figura 2: Riżultati
tal-konformità għal kull Stat Membru rigward l-Artikolu 3
tad-Direttiva (ġbir), bil-kulur aħdar, l-Artikolu 4 (trattament
sekondarju),bil-kulur roża u l-Artikolu 5 (trattament iktar strett), bil-kulur
blu. Il-pajjiżi huma kklassifikati billi l-ewwel jidhru dawk li
għandhom l-inqas livelli ta’ konformità mal-Artikolu 5,imbagħad
f’ordni dejjem tikber ta’ konformità. Fis-Slovakkja (Artikolu 5) u
fir-Rumanija (Artikoli 3, 4 u 5), huwa rrappreżentat
il-kunċett ta’ "installazzjonijiet fil-post" minflok
il-konformità, peress li l-iskadenzi għal dawk l-Artikoli kienu
għadhom ma skadewx sas-sena rrappurtata (ma ntalbux ċifri dwar il-konformità
iżda l-Istati Membri rrappurtaw l-ilma mormi miġbur u trattat).
F'Ċipru u l-Latvja r-riżultati ta' konformità kienu 0% għaliex
is-sistemi ta' ġbir u l-impjanti ta' trattament ma kinux għadhom
operattivi għall-kollox fis-sena rrappurtata (2009); madankollu sar
progress sinifikanti minn dakinhar u r-rati reċenti ta' konformità huma
ħafna ogħla. Ir-riżultati nazzjonali fil-Figura 2 jirreferu
għal dejta u għas-sitwazzjoni mhux iktar tard mill-2009 jew l-2010.
Is-servizzi tal-Kummissjoni huma konxji li f’ħafna Stati Membri, b’mod
partikolari f’dawk li għandhom rati ta’ konformità baxxi, sar progress
sinifikanti u ħafna drabi, ir-rati ta’ konformità attwali huma
(ħafna) ogħla (b'mod partikolari f'Ċipru u l-Latvja). 2.4. Bliet
kbar/Skariki kbar Dan ir-rapport jidentifika 585 belt kbira, li kull waħda
tipproduċi ilma mormi ekwivalenti għal (jew aktar minn) popolazzjoni
ta’ 150,000. L-ammont tat-tniġġis li huwa prodott f’dawn
il-bliet kbar biss huwa ta’ 45% tal-ammont totali miġbur. Minn dawn il-585
belt, madwar 91% tal-ammont tat-tniġġis jirċievi trattament
iktar strett (l-aħjar trattament disponibbli). Dan huwa titjib meta
mqabbel mar-rapport preċedenti meta 77 % biss tal-ammont
tat-tniġġis rilevanti ngħata tali trattament. Madankollu,
il-grad ta’ konformità jvarja b’mod sinifikanti fost l-ibliet
kbar/l-iskarikaturi kbar. Bħala eżempju, ħdax biss minn 27 belt
kapitali[18]
tal-Istati Membri tal-UE jistgħu jgħidu li kellhom “konformità
sħiħa” fl-2010 anke mal-iktar rekwiżiti stretti, meta
applikabbli (ara t-Tabella 2 u l-kummenti fl-Anness għal dettalji
dwar il-kapitali tal-UE). 2.5. Żoni
sensittivi Is-sehem tat-territorju tal-UE identifikat jew ikkunsidrat
bħala żona sensittiva żdied mir-rapport preċedenti u
sal-2010 laħaq kważi 75 %. L-iktar żidiet rilevanti saru fi
Franza u l-Ġermanja. Dettalji taż-żoni sensittivi fl-Istati
Membri tal-UE huma disponibbli fil- mapviewer.[19] 3. Tendenzi ta’
konformità Valutazzjoni tal-progress lejn konformità sħiħa
tal-Istati Membri kollha għandha tiddistingwi bejn l-UE-15 u dawk l-Istati
Membri li ssieħbu fl-2004 u l-2007. Ir-rekwiżiti ta’ konformità
inbidlu regolarment speċjalment minħabba t-tkabbir u l-perjodi
tranżizzjonali fi stadji fid-Direttiva li skadew. L-iskadenzi kollha
għall-UE-15 spiċċaw sal-31 ta’ Diċembru 2005,
iżda għall-UE-12, dawk l-iskadenzi se jibqgħu jiddekorru
bl-aħħar skadenza finali tiskadi fl-2018. Sal-2004, dejta mill-Istati
Membri tal-UE-15 biss hija disponibbli. Konsegwentement, il-kejl tal-progress
għas-27 Stat Membru kollha kien possibbli biss mill-ħames (5) Rapport
(2005/2006). Meta r-riżultati kollha ppubblikati mir-rapporti
preċedenti tal-Kummissjoni jinġabru flimkien, tista’ tintwera
żieda indikattiva fir-rata tal-konformità. Hemm eċċezzjoni
waħda biss: it-tnaqqis mill-ħames (5) u s-sitt (6) rapport irriżulta
mill-fatt li għadd ta’ Stati Membri b’riżultati ta’ implimentazzjoni
iktar dgħajfa, ma bagħtux l-informazzjoni neċessarja
għall-inklużjoni fil-ħames Rapport (2005/2006). Minkejja dan,
huwa pożittiv li ninnotaw li hemm żieda fit-tendenza mis-sitt Rapport
(2007/2008) għas-Seba’ Rapport (2009/2010), peress li l-Istati Membri tal-UE-12
kellhom obbligi/skadenzi ta’ konformità għall-ewwel darba, iżda dawn
ma baxxewx ir-riżultati pożittivi kumplessivi. Figura 3 Rata ta’
konformità matul is-snin: Din il-figura tirrifletti l-iżvilupp
tal-konformità fuq il-ġbir, it-trattament bioloġiku jew sekondarju u
trattament iktar strett, matul id-diversi Rapporti ta’ Implimentazzjoni
differenti (mit-tieni rapport ’il quddiem), fis-snin irrappurtati
rispettivament (1998 sal-2009/2010). Mhux ir-riżultati kollha kienu
disponibbli fir-Rapporti kollha, fejn huma neqsin, il-valuri ma jistgħux
jidhru fil-Figura u tidher diskontinwità "fil-linja tat-tendenza". 4. Tnaqqis
tat-tniġġis fil-passat u fil-futur Il-Kummissjoni ivvalutat ukoll it-tnaqqis tat-tniġġis li
seħħ minħabba l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u
t-tnaqqis mistenni fis-snin li ġejjin f’sitwazzjoni ta’ konformità
sħiħa. Dan sar bħala parti mill-proġett FATE[20] (relatat mal-valutazzjoni
tad-destin u l-impatti ta’ sustanzi li jniġġsu f’ekosistemi
terrestjali u akwatiċi). Fl-2011/2012, iċ-Ċentru Konġunt
tar-Riċerka tal-Kummissjoni (JRC) ippubblika żewġ rapporti[21] li kkunsidraw l-ammont
tat-tniġġis u t-tnaqqis bħala riżultat ta’ diversi politiki
tal-UE (inkluża d-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar
in-Nitrati u d-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi) fil-passat
(1985-2005) u l-ammont u t-tnaqqis mistenni (sal-2020 mas-sena ta’ referenza
2005). Fir-rigward tat-tnaqqis tan-nutrijenti fil-passat,
id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban mormi, kellha suċċess
fil-kontroll ta’ emissjonijiet minn sors ta’ punt ta’ nutrijenti u
għaldaqstant tnaqqis tal-inputs fl-ilma tal-wiċċ tal-Ewropa. Dan
huwa deskritt f’wieħed mir-rapporti tal-JRC imsemmija hawn fuq, "Ammonti
ta’ nutrijenti għal tul ta’ żmien twil li jidħol fl-Ibħra
Ewropej (Long term nutrient loads entering the European Seas)". Skont dan
ir-rapport, meta l-istimi tal-ammonti tan-nutrijenti għall-2005 jitqabblu
ma’ dawk tal-1991 fl-iskala kontinentali Ewropea, l-esportazzjoni totali
tan-nitroġenu naqset b’9%, filwaqt li l-ammont totali tal-fosfru naqas
b’madwar 15%, speċjalment minħabba tnaqqis fl-emissjonijiet minn sors
ta’ punt. Fir-rapport intqal ukoll li fil-Baħar tat-Tramuntana u
fil-Baħar Baltiku it-tnaqqis kien l-iktar relatat ma’ tnaqqis fis-sors
tal-punt minħabba l-implimentazzjoni ta’ trattament avvanzat tal-ilma
mormi. Fir-rigward tat-tendenzi fil-ġejjieni fl-isfond ta’ xenarju "xejn
ma nbidel" (suppożizzjoni: ebda miżura ta’ mitigazzjoni
tan-nutrijenti ma ġiet applikata), waħda mill-konklużjonijiet
ewlenin ta’ dan ir-rapport kienet li sas-sena 2020, dan ix-xenarju
jirriżulta f’żieda ta’ emissjonijiet ta’ nutrijenti bbażati
fl-art. Jekk issa wieħed jassumi l-implimentazzjoni sħiħa
tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (DTIUM), jintlaħaq
tnaqqis sinifikati fl-emissjonijiet minn sors ta’ punt. F'ċerti partijiet
tal-Ewropa, madankollu, l-implimentazzjoni sħiħa tad-DTIUM tista’
wkoll tirriżulta (bħala l-ewwel pass) f’żieda fl-emissjonijiet
minn sors ta’ punt minn emissjoni mhux miġbura, b’mod partikolari
fil-baċir tan-naħa t’isfel tad-Danubju. Dan minħabba li
agglomerazzjonijiet żgħar mingħajr sistemi tad-drenaġġ
għandhom ġbir u skariku iktar organizzat u dan jirriżulta
f'sorsi ta' punt ġodda li fil-mument ma jeżistux. Filwaqt li dan
jista’ jnaqqas mill-effikaċja tat-tnaqqis tan-nutrijenti
għall-Baħar l-Iswed, dan xorta jwassal għal titjib ambjentali
bħal tnaqqis fit-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art li ma
ġiex ivvalutat bħala parti mill-istudju. Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport ta’
implimentazzjoni, sar kalkolu speċifiku fir-rigward tal-ammont
tas-sustanzi niġġiesa ġġenerati mill-frazzjoni li ma
tikkonformax ta’ ilma mormi tal-bliet/irħula (stima
ta’ "distanza għall-konformità"). Huwa ma kkunsidrax
il-bliet/irħula mingħajr obbligi ta’ konformità
(jiġifieri meta l-iskadenzi fit-Trattati tal-Adeżjoni kienu
għadhom ma skadewx fl-2009 u l-2010, l-aħħar sena rrappurtata
mill-Istati Membri). Abbażi ta’ dawn l-istimi, l-ammont annwali totali
tat-tniġġis li joriġina mill-ilma urban mormi bi ksur
tad-Direttiva kien ta’ madwar 603 kt/sena[22] ta’ nitroġenu,
78 kt/sena ta’ fosfru u 3900 ta’ tniġġis organiku totali[23]. Meta ċ-ċifri msemmija hawn fuq
jitqabblu mat-total annwali stmat tal-ammont ta’ nutrijenti li jidħlu
fl-Ibħra Ewropej (nitroġenu u fosfru), fir-rapport JRC "L-ammont
ta’ nutrijenti għal tul ta’ żmien twil li jidħlu fl-Ibħra
Ewropej", instab li n-nitroġenu ġġenerat mill-frazzjoni li
ma tikkonformax tal-ilma mormi tlaħħaq bejn wieħed u ieħor
15% tan-nitroġenu totali skarikat fl-ibħra. Rigward il-fosfru,
il-proporzjon huwa saħansitra ogħla u jilħaq 35% tal-fosfru
totali. Tali proporzjonijiet jagħtu prova tar-rilevanza
tal-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva fl-UE kollha. Kumplessivament, ir-rapport tal-JRC imsemmi
iktar ’il fuq jikkonkludi li "mitigazzjoni ta’ sorsi ta’ punti ta’
nutrijenti hija l-iktar alternattiva effettiva sabiex titnaqqas l-esportazzjoni
ta’ nutrijenti lejn l-Ibħra Ewropej. Madankollu, l-fattibbiltà ta’ din
tal-aħħar hija relattivament baxxa u tnaqqis ulterjuri ta’ emissjoni
ta’ nutrijenti minn sorsi ta’ punt se jinvolvi spejjeż importanti ". 5. Titjib permezz ta’
kofinanzjament Il-fondi tal-UE jistgħu jintużaw
sabiex jassistu fl-implimentazzjoni tad-Direttiva, b’mod partikolari l-Fond ta’
Koezjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) li
jgħin lil dawk ir-reġjuni li jaqgħu lura jew li qed
jaffaċċjaw diffikultajiet strutturali biex jilħqu żvilupp
sostenibbli. Dawn il-Fondi appoġġjaw b’mod sostanzjali lill-Istati
Membri u lir-reġjuni biex jinvestu fl-infrastrutturi meħtieġa
għat-trattament tal-ilma mormi fuq diversi perjodi ta’ programmar. L-appoġġ
finanzjarju għal investimenti f’xogħlijiet u infrastrutturi relatati
mal-ilma mormi kien ippjanat li jkun ta’ madwar EUR 14.3 biljuni f’21 Stat
Membru fil-perjodu ta’ pprogrammar attwali 2007-13. Huma prinċipalment,
iżda mhux esklussivament l-Istati Membri l-"ġodda" li
allokaw l-ikbar proporzjonijiet tal-finanzjament tagħhom
għat-trattament tal-ilma mormi. Matul is-snin irrappurtati 2009/2010,
il-fondi kumulattivi totali allokati fil-kategorija "ilma mormi" kienu
ta’ EUR 3.5 biljuni għall-2009 u EUR 9.7 biljuni għall-2010.
L-Istati Membri bl-ogħla ammonti kumulattivi allokati kienu l-Polonja
(EUR 3.3 biljuni), ir-Rumanija (EUR 1.2 biljun) u l-Ungerija (EUR 0.6
biljuni). Minkejja l-appoġġ sinifikanti
mill-Fondi tal-UE "il-Kontroll tal-Kundizzjoni (Fitness Check)
tal-Politika tal-UE dwar l-Ilma Ħelu "enfasizza li
l-maġġoranza tal-fondi neċessarji għall-implimentazzjoni
tal-politika tal-UE dwar l-ilma, għandha tiġi ġġenerata
fl-Istati Membri. Skont studju[24]
ta’ 22 Stat Membru, għad hemm distakk finanzjarju sinifikanti fir-rigward
tal-konformità futura mad-Direttiva f’dawk l-Istati Membri. Ir-raġuni ewlenija għal dan
id-distakk finanzjarju hija li l-progress lejn l-ilħuq tal-irkupru
tal-kosti mill-utenti tal-ilma u l-implimentazzjoni tal-prinċipju min
iħammeġ iħallas, kif teżigi d-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma (WFD),
kien bil-mod u insuffiċjenti fil-parti l-kbira tal-Istati Membri. Sabiex
tali politiki dwar l-ipprezzar tal-ilma jiġu mħeġġa,
il-Kummissjoni pproponiet xi kundizzjonijiet ex ante, inklużi
r-rekwiżiti tad-WFD dwar l-ipprezzar tal-ilma li l-Istati Membri
jeħtieġ li jissodisfaw fil-Politika ta’ Koeżjoni futura tal-UE (2014-2020)
għall-finanzjament ta’ proġetti fis-settur tal-ilma. 6. Azzjoni dwar
konformità fil-passat Il-Kummissjoni ppruvat tiżgura konformità permezz ta’
djalogu kontinwu u fejn neċessarju, anke permezz tat-tnedija ta’
proċeduri ta’ ksur, li xi wħud minnhom imorru lura għall-1997. Sal-lum
madwar 20 każ miġbura fuq livell orizzontali[25] kontra
l-10 tal-Istati Membri tal-UE-15 għadhom miftuħa. L-evalwazzjoni riċenti tal-politika fil-"Kontroll
tal-Kundizzjoni (Fitness Check) tal-Politika tal-UE dwar l-Ilma Ħelu"[26] ikkonkludiet li l-effikaċja fl-implimentazzjoni tad-Direttiva
kienet affettwata b’mod pożittiv mill-proċeduri ta’ ksur li
jħaffu l-implimentazzjoni. Għalkemm l-azzjoni ta’ infurzar fil-livell
tal-UE hija proċess relattivament bil-mod u li jieħu
ż-żmien, il-maġġoranza tal-każijiet ġew solvuti
fil-fażi qabel il-litigazzjoni. Xi eżempji ta’ success huma Franza (każijiet ma’ 682
raħal li wettqu ksur imnedija fl-1998 u l-2000) u l-Belġju (175 raħal/belt
li oriġinarjament wettqu ksur f’każ imniedi fl-1998). Fiż-żewġ
eżempji, prattikament il-bliet/l-irħula kollha msemmija hawn fuq issa
qed jikkonformaw. Barra minn hekk, fl-Italja, 475 raħal/belt wettqu ksur
meta nbdiet il-proċedura fl-1998; issa fadal biss 110 li kienu
għadhom qed iwettqu ksur meta ħarġet is-sentenza tal-Qorti.
Minbarra dawn it-tliet pajjiżi, Spanja u l-Greċja għamlu l-ikbar
progress mill-aħħar eżerċizzju ta’ rappurtar fost l-Istati
Membri li għandhom proċeduri ta’ ksur pendenti, b’mod partikolari
fir-rigward tal-obbligi tat-trattament. 7. L-“approċċ
ġdid” għall-promozzjoni tal-konformità Minkejja s-sinjali inkoraġġanti ta’ progress,
għad hemm distakk sinifikanti fl-implimentazzjoni, b’mod partikolari
fl-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 u wara. Issa qed isir ċar
li mingħajr l-isforzi rinfurzati fil-livell tal-UE, nazzjonali,
reġjonali u lokali, id-dewmien fl-implimentazzjoni f’dawn l-Istati Membri “ġodda”
se jkun twil daqs jew itwal minn dak fl-Istati Membri tal-UE-15. Il-prospetti
għall-ilħuq tal-progress neċessarju, permezz ta’ proċeduri
ta’ ksur biss, mhumiex inkoraġġanti. Meta wieħed iqis il-kriżi
attwali u l-limitazzjonijiet tal-baġits nazzjonali li dejjem qed
jiżdiedu, il-Kummissjoni identifikat din id-Direttiva bħala kandidat
għat-tnidija ta’ inizjattiva pilota għal “approċċ ġdid”
fil-promozzjoni tal-konformità u l-implimentazzjoni. Dan l-“approċċ ġdid” huwa stabbilit
fis-Seba’(7) Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) propost u l-“Pjan għas-salvagwardja tar-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa”. L-għan
ta’ prijorità 4 fis-Seba' EAP “li jiġu massimizzati
l-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE” ippropona
li jitwettqu azzjonijiet speċifiċi[27],
b’mod partikolari: ·
L-istabbiliment ta’ sistemi fil-livell nazzjonali
li attivament ixerrdu informazzjoni dwar kif qed tiġi implimentata
l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, flimkien ma’ ħarsa
ġenerali fil-livell tal-UE tal-prestazzjoni ta’ Stati Membri individwali (magħrufa
bħala "Implimentazzjoni Strutturata u Qafas
tal-Informazzjoni" (SIIF)). ·
It-tħejjija ta’ ftehimiet ta’ implimentazzjoni
ta’ sħubija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Il-Pjan għas-salvagwardja tar-riżorsi tal-ilma stabbilixxa
l-għan “sabiex sal-2018 jittejbu r-rati tal-konformità tat-trattatment
tal-ilma mormi permezz ta’ ppjannar fit-tul ta’ investiment (inklużi fondi tal-UE u selfiet mill-BEI)”. F’termini prattiċi,
il-Pjan ħabbar li l-Kummissjoni se tikkoopera mal-Istati Membri biex
tipprepara pjanijiet ta’ implimentazzjoni, li jistgħu jieħdu l-forma
ta’ ftehimiet ta’ implimentazzjoni ta’ sħubija, sal-2014. Is-servizzi tal-Kummissjoni bdew jiżviluppaw dawn l-azzjonijiet
f’workshop[28]
f’Diċembru tal-2012 u se jibdew jirrapportaw il-progress regolarment. 8. Konklużjonijiet u perspettiva Kważi 20 sena wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar
it-Trattament tal-Ilma Urban mormi, sal-2010 inkiseb progress sinifikanti lejn
l-implimentazzjoni sħiħa. Għall-UE-15, ir-rati medji ta’
konformità huma ta’ 88% għal trattament sekondarju u ogħla għal
sistemi ta’ ġbir u trattament iktar strett (97 u 90% rispettivament). Fuq
quddiemnett, l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi, implimentaw
il-parti l-kbira tad-Direttiva filwaqt li diversi oħrajn kienu viċin
ħafna. Għalihom, il-prijorità se tkun li jżommu jew iġeddu
l-infrastruttura eżistenti. Barra minn hekk, mill-2010, saru investimenti
ulterjuri f’dawk l-Istati Membri tal-UE-15 b’konformità mdewma, anke bħala
riżultat tal-azzjonijiet tal-ksur tal-Kummissjoni. Bi sforzi kontinwi
matul is-snin li ġejjin, huwa possibbli li tiġi kkompletata (jew
fil-parti l-kbira kkompletata) b’suċċess l-implimentazzjoni f’dawk
il-15-il Stat Membru sal-2015 jew l-2016. Dan ikun 10 snin wara li tgħaddi
l-aħħar skadenza fid-Direttiva oriġinali. L-istampa hija differenti għal dawk l-Istati Membri li
ssieħbu fl-UE fl-2004 u wara. Id-distanza tagħhom għall-mira
għadha konsiderevoli b’konformità medja ta’ 72 % għal sistemi
ta’ ġbir u 39 % u 14 % rispettivament għal trattament
sekondarju u trattament iktar avvanzat. Mingħajr sforzi li qed
jiżdiedu fil-livelli kollha, id-dewmien mistenni jista’ jkun simili jew
itwal minn dak għall-UE-15, fattur li jwassal lil dawk li waqgħu lura
fl-implimentazzjoni biex jikkonformaw mad-Direttiva mhux iktar tard mill-2028. Qasam ieħor ta’ tħassib huwa n-nuqqas ta’
konformità f’għadd sinifikanti ta’ “bliet kbar”. Pereżempju,
ħdax biss mis-27 belt kapitali tal-UE għandhom sistema ta’ ġbir
u ta’ trattament stabbilita li tikkonforma mal-istandards tekniċi ta’
iktar minn 20 sena ilu. Minħabba l-ammont għoli ta’ tniġġis
ta’ dawn l-iskariki kbar dan jikkawża tniġġis ambjentali
konsiderevoli. Dan is-Seba’ (7) Rapport ta’ Implimentazzjoni jinkludi,
għall-ewwel darba, valutazzjoni ddettaljata ta’ konformità għas-27
Stat Membru. L-infrastruttura ta’ rappurtar stabbilita fis-Sistema ta’
Informazzjoni dwar l-Ilma għall-Ewropa (WISE), qed taħdem tajjeb.
Il-proċess ittejjeb u t-termini ta’ żmien għall-ipproċessar
u l-valutazzjoni tad-dejta tqassar b’mod sinifikanti. Madankollu, f’xi Stati
Membri titjib ulterjuri fis-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar
għadu possibbli. Dawn jispjegaw xi wħud mil-livelli baxxi ta’
implimentazzjoni jew inkonsistenza ta’ dejta dwar id-diversi
eżerċizzji ta’ rappurtar. Is-Seba’ (7) Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u l-Pjan
għas-salvagwardja tar-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa jenfasizzaw l-importanza tal-ġbir u t-trattament tal-ilma urban
mormi. Il-Kummissjoni ħabbret f’dawn l-inizjattivi riċenti ta’
politiki li se żżid iktar l-appoġġ tagħha
għall-Istati Membri fl-isforzi tal-implimentazzjoni tagħhom billi
tippromwovi “approċċ ġdid” sabiex tintlaħaq il-konformità. F’Diċembru 2012,
is-servizzi tal-Kummissjoni bdew dawn l-attivitajiet ta’ “approċċ
ġdid” bl-għan li jinkoraġġixxu lill-Istati Membri
jistabbilixxu jew jirrevedu l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni mhux iktar tard
mill-2014. [1] Direttiva 91/271/KEE,
ĠU L 135 tat-30.5.1991 [2] Għal iktar dettalja dwar
il-kamp ta’ applikazzjoni, l-għanijiet u d-dispożizzjonijiet
tad-Direttiva, ara: http://ec.europa.eu/environment/water/water-urbanwaste/index_en.html [3] Direttiva 2000/60/KE,
ĠU L 327 ta’ 22.12.2000 [4] Direttiva 2008/56/KE,
ĠU L 164 ta’ 25.6.2008 [5] "ewtrofikazzjoni"
tfisser li l-ilma jkun mogħni b’nutrijenti, speċjalment b’komposti
ta’ nitroġenu u/jew fosfru, li jikkawżaw it-tkabbir
mgħaġġel ta’ algae u forom aktar għoljin ta’ pjanti
ħajjin biex jipproduċu tfixkil mhux mixtieq lill-bilanċ ta’
organiżmi li jkunu preżenti fl-ilma kif ukoll lill-kwalità ta’ l-ilma
kkonċernat”. [6] Għal aktar dettalji, ara http://ec.europa.eu/environment/water/water-framework/implrep2007/index_en.htm#third [7] Għal aktar dettalji:
ŻEE (2010): L-Ambjent Ewropew – Stat u Perspettiva 2010 – Kwalità tal-Ilma
Ħelu. [8] Għal aktar dettalji:
ŻEE (2012): L-Ilmijiet Ewropej-valutazzjoni tal-istatus u l-pressjonijiet [9] COM (2012)
710 finali. Għal
aktar dettalji, ara http://ec.europa.eu/environment/newprg/pdf/7EAP_Proposal/en.pdf. [10] COM (2012) 673
finali. Għal aktar dettalji, ara http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2012:0673:FIN:EN:PDF. [11] SWD (2013) (298) [12] Is-Seba’ (7) Valutazzjoni Teknika
ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva
tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar
it-trattament tal-ilma urban mormi kif em 98/15/KE
tas-27 ta’ Frar 1998.(Sitwazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2009
jew fil-31 ta’ Diċembru 2010). Abbozz imħejji
mill-konsulent tal-Kummissjoni Umweltbundesamt GmbH (l-Awstrija). [13] Għal
iktar dettalji, ara http://rod.eionet.europa.eu/obligations/613. [14] http://www.eea.europa.eu/data-and-maps/data/waterbase-uwwtd-urban-waste-water-treatment-directive-3. [15] It-terminu "ekwivelenti
tal-popolazzjoni" jew e.p. jinsab fid-Direttiva u jkopri
t-tniġġis organiku ġġenerat l-aktar mill-abitanti ta'
villaġġ/belt żgħira, u sorsi oħra bħal
popolazzjoni mhux residenti (turisti) u industriji agro-alimentari. [16] Kif ukoll, teknoloġiji ta’
trattament terzjarju (e.ż. ożonazzjoni, klorinazzjoni,
raġġi UV, teknoloġiji bil-membrana, filtri tar-ramel), huma
diskussi ħafna bħala waħda mill-alternattivi l-iktar promettenti
għall-mitigazzjoni ta’ mikrosustanzi li jniġġsu (sustanzi
emergent ta’ kontaminazzjoni inklużi prodotti farmaċewtiċi u ta’
kura personali u kimiki industrijali oħra) li jidħu fl-ambjent
akkwatiku [17] Tabella 1
(ara l-Anness) tirrifletti riżultati għal kull Stat Membru u l-UE-27,
UE-15, UE-12 level, ikklassifikati skont firxiet ta’ konformità [18] Amsterdam,
Ateni, Berlin, Bratislava, Kopenħagen, Ħelsinki,
Madrid, Pariġi, Stokkolma, Vjenna u Vilnius [19] http://www.eea.europa.eu/themes/water/interactive/soe-wfd/urban-waste-water-treatment-directive-viewer [20] http://fate.jrc.ec.europa.eu/rational/home [21] http://bookshop.europa.eu/en/scenario-analysis-of-pollutants-loads-to-european-regional-seas-for-the-year-2020-pbLBNA25159/ and http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/111111111/15938/1/lbna24726enc.pdf [22] Kilotunnellati/sena [23] Abbażi
ta’ domanda għal ossiġnu kimiku (Chemical Oxygen Demand(COD)) [24] COWI 2010: Kosti għall-Konformità tad-Direttiva
dwar it-Trattament ta’ Ilma Urban Mormi. Rapport Finali (Compliance Costs of
the Urban Wastewater Treatment Directive). http://ec.europa.eu/environment/water/water-urbanwaste/info/pdf/Cost%20of%20UWWTD-Final%20report_2010.pdf [25] Lista tal-iktar każijiet
rilevanti ta’ ksur (sal-lum) mis-snin 2009/2010 hija pprovduta fl-Anness tar-Rapport (Tabelli 3
u 4 rispettivament). [26] SWD(2012) 393 [27] Anness VI (p. 102
pp) tal-Valutazzjoni tal-Impatt (SWD(2012) 397 finali) jipprovdi dettalji dwar
l-azzjoni pilota dwar l-Ilma Urban mormi. [28] https://circabc.europa.eu/w/browse/340cea09-390f-4c11-8e99-712c519c21e4