RAPPORT TAL-KUMMISSJONI RAPPORT ANNWALI 2012 DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ /* COM/2013/0566 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI RAPPORT ANNWALI 2012
DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
1.
Introduzzjoni
Dan huwa l-għoxrin rapport annwali
dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità
fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE. Dan ir-rapport huwa ppreżentat skont
l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni ta’ dawn
il-prinċipji (minn issa 'l quddiem “il-Protokoll”) mehmuż mat-Trattat
dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Ir-rapport jagħti ħarsa lejn
kif istituzzjonijiet u korpi differenti tal-UE implimentaw dawn
iż-żewġ prinċipji u jekk il-prattika nbidlitx meta mqabbla
mas-snin ta’ qabel. Dan janalizza f’aktar dettall ċerti proposti
tal-Kummissjoni li kienu s-suġġett ta’ opinjonijiet motivati fl-2012.
Minħabba li l-2012 rat l-ewwel ‘karta safra’ mill-parlamenti nazzjonali,
kif introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona, ir-rapport jiffoka fuq dak il-każ
partikolari. Minħabba r-rabtiet mill-qrib bejn il-mekkaniżmu ta'
kontroll tas-sussidjarjetà u d-djalogu politiku bejn il-Parlamenti nazzjonali u
l-Kummissjoni, dan ir-rapport għandu jitqies bħala kumplimentari
għar-Rapport Annwali tal-Kummissjoni għas-sena 2012 dwar
ir-relazzjonijiet mal-Parlamenti nazzjonali.[1]
2.
Applikazzjoni
tal-prinċipji mill-istituzzjonijiet
2.1.
Il-Kummissjoni
Minħabba d-dritt ta’ inizjattiva,
il-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà li tiżgura li jsiru
l-għażliet it-tajba, dwar jekk u kif tiġi proposta azzjoni
fil-livell tal-UE ssir fi stadju bikri tal-iżvilupp ta’ politika. Għaldaqstant, u f’konformità
mal-impenn tagħha għal regolamentazzjoni intelliġenti, qabel ma
tipproponi inizjattivi ġodda, il-Kummissjoni tivverifika jekk l-UE
għandhiex id-dritt li tieħu azzjoni u jekk l-għanijiet
tal-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti
mill-Istati Membri. L-ewwel, il-Kummissjoni tħejji
pjanijiet direzzjonali disponibbli pubblikament[2] għall-inizjattivi
ewlenin kollha. Il-pjanijiet direzzjonali jipprovdu deskrizzjoni preliminari
ta’ inizjattivi possibbli u jispeċifikaw il-pjanijiet tal-Kummissjoni
għax-xogħol ta' politika u konsultazzjoni. Dawn dejjem jinkludu
ġustifikazzjoni inizjali għal azzjoni f’termini ta’ sussidjarjetà u
proporzjonalità. Aktar tard matul il-fażi
tal-iżvilupp tal-politika, titwettaq analiżi iktar sħiħa
ta’ kwistjonijiet ta’ sussidjarjetà bħala parti mill-proċess ta'
valutazzjoni tal-impatt (IA), filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet espressi matul
il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati. Għal dan l-għan,
huwa pprovdut sett ta’ mistoqsijiet strutturati għall-analiżi
tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fil-Linji Gwida IA,[3] u jservi bħala
bażi għall-valutazzjoni tad-dritt tal-UE biex jaġixxi u
l-ġustifikazzjoni għal azzjoni tal-UE. Għalhekk, is-sussidjarjetà u
l-proporzjonalità ta’ azzjoni possibbli tal-UE hija vvalutata abbażi tal-evidenza
kollha disponibbli. Dan imbagħad jiġi eżaminat sew mill-Bord
għall-Valutazzjoni tal-Impatt.[4] Konxji tar-rwol ewlieni li għandhom
il-valutazzjonijiet tal-impatt fit-twaqqif tal- evidenza għall-persuni politiċi li jieħdu
d-deċiżjonijiet, il-Bord immarka fir-rapport annwali
tiegħu għall-2012[5] il-ħtieġa li
tiġi pprovduta ġustifikazzjoni robusta u dettaljata tas-sussidjarjetà
fl-IAs kollha. Fl-2012, l-IAB eżamina
97 valutazzjoni tal-impatt u ħareġ 144 opinjoni. Il-kummenti dwar il-kwistjonijiet ta'
sussidjarjetà ġew inklużi fi 33 %
tal-opinjonijiet tiegħu. Wieħed mill-każijiet li l-IAB
kkummenta dwaru fi-rigward tas-sussidjarjetà kien l-IA għall-proposta
għal Direttiva dwar il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u
drittijiet relatati (COM(2012) 372). F’dan
il-każ, l-IAB talab lis-servizz ewlieni “biex isaħħaħ
il-valutazzjoni tal-ħtieġa għaż-żmien u l-valur
miżjud ta’ azzjoni tal-UE skont il-bażi legali proposta (suq uniku u
diversità kulturali)”.
Bħala
riżultat, l-IA riveduta ppreżentat b’mod aktar ċar
ir-raġuni għall-proposta ta’ inizjattiva tal-UE, pereżempju
spjegazzjoni aħjar dwar in-natura transnazzjonali tal-problemi
identifikati li juru li l-qafas legali eżistenti kemm fil-livell
nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE wera li mhuwiex biżżejjed biex
jindirizza l-problemi. Għall-IA għall-proposta għal Regolament dwar
Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja,[6] l-IAB ssuġġerixxa li
“tippreżenta b’mod aktar ċar il-ħtieġa u l-valur
miżjud ta’ azzjoni tal-UE sabiex l-aspettattivi politiċi jistgħu
jiġu żviluppati fil-kuntest xieraq tagħhom”. Huwa talab ukoll lis-servizz ewlieni biex
“jindirizza b’mod aktar espliċitu l-komplementarjetà u l-koordinazzjoni
tal-[Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja] mal-ħidma ta’
organizzazzjonijiet oħra, minħabba t-tħassib tal-partijiet
interessati dwar id-duplikazzjoni u l-kompetizzjoni”. Ir-rapport rivedut
tal-IA segwa dawn ir-rakkomandazzjonijiet u pprovda ġustifikazzjoni
iżjed bir-reqqa għal azzjoni mill-UE. L-opinjonijiet tal-IAB jgħinu
fit-titjib tal-analiżi ta’ konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà
u l-proporzjonalità, u dawn jikkostitwixxu, flimkien mar-rapporti tal-IA
infushom, elementi importanti li jsaħħu l-proċess tat-teħid
tad-deċiżjonijiet politiċi tal-Kummissjoni.
2.2.
Parlamenti nazzjonali
Fl-2012, il-Kummissjoni rċeviet mingħand
il-parlamenti nazzjonali 70 opinjoni motivata, simili għall-għadd
riċevut is-sena ta’ qabel (64 fl-2011), b’żieda żgħira ta’
madwar 9 %. Madankollu, il-proporzjon ta’ opinjonijiet
motivati li waslu fl-2012 kien l-istess bħall-għadd globali ta’
opinjonijiet li l-Kummissjoni rċeviet fil-kuntest ta’ djalogu politiku
usa’ tagħha mal-parlamenti nazzjonali fl-2012 (663). Bħal fl-2010 u l-2011, dawn kienu
jammontaw għal ftit aktar minn 10 %. L-2012 rat l-ewwel
użu tal-karta safra mill-parlamenti nazzjonali fil-kuntest
tal-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà, b’reazzjoni
għall-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar
l-eżerċitar tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva
fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà biex jiġu pprovduti
s-servizzi. Dan il-proċess huwa deskritt f’aktar dettall
fil-kapitolu 3. L-opinjonijiet motivati jkomplu jvarjaw
ħafna f’termini tal-forma tagħhom u t-tip ta’ argumenti mressqin
mill-parlamenti nazzjonali li jsaħħu l-konklużjoni tagħhom
li l-prinċipju tas-sussidjarjetà nkiser. Simili għas-sena ta’ qabel,
il-fowkus tal-opinjonijiet motivati li joħorġu mill-parlamenti
nazzjonali kien varjat ħafna. Is-70 opinjoni motivata koprew mhux
anqas minn 23 proposta tal-Kummissjoni. Wara l-proposta Monti II (12-il
opinjoni motivata), il-proposta għal Regolament dwar il-Fond
għall-għajnuna Ewropea għal dawk l-aktar fil-bżonn siltet
it-tieni l-ogħla numru ta’ opinjonijiet motivati (5). Tmien proposti
oħra siltu tliet opinjonijiet motivati kull wieħed
(għad-dettalji ara l-Anness). Din it-tendenza jidher li tikkonferma
l-interessi politiċi varji tal-parlamenti nazzjonali, li jsegwu
prijoritajiet differenti meta jagħżlu l-proposti tal-Kummissjoni li
għandhom jiġu skrutinizzati fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’
kontroll tas-sussidjarjetà u japplikaw kriterji differenti meta jivvalutaw
il-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dan ifisser li
l-koordinazzjoni bejniethom tibqa’ sfida. Bħal fl-2011, il-Riksdag Svediża kien
il-Parlament nazzjonali li adottat bil-bosta l-ogħla numru ta’
opinjonijiet motivati (20), kważi d-doppju tan-numru fl-2011 (11). Ir-Riksdag tiskrutinizza
l-proposti kollha tal-Kummissjoni f’termini ta’ sussidjarjetà, u
tiddeċentralizza l-iskrutinju lill-kumitati parlamentari kollha, li jidhru
li japplikaw kriterji differenti. Dan
jista’ jkollu impatt fuq l-għadd ta’ opinjonijiet motivati li
jinħarġu mir-Riksdag.[7] Is-Sénat Franċiż
ħareġ it-tieni l-ogħla numru ta’ opinjonijiet motivati (7),
segwit mill-Bundesrat Ġermaniż (5). Dawn it-tliet ikmamar waħedhom
ħarġu kważi 50 %
tal-opinjonijiet motivati kollha maħruġa mill-Parlamenti nazzjonali
fl-2012. It-tmintax-il rapport biannwali tal-COSAC[8] jagħti
ħarsa ġenerali lejn il-proċeduri u l-prattiċi li
jirrigwardaw skrutinju parlamentari.[9]
Dan id-dokument, ibbażat fuq it-tweġibiet mibgħuta
mill-parlamenti nazzjonali/kmamar għal kwestjonarju, jikkonkludi li
l-proċeduri huma differenti b’mod partikolari f’termini ta’ opinjonijiet
tal-Parlamenti nazzjonali dwar ir-relazzjoni bejn il-prinċipji ta’
sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità. Filwaqt li xi wħud jemmnu li huma
daqstant ieħor importanti, oħrajn jemmnu li l-prinċipju ta’
proporzjonalità huwa sempliċiment komponent ta’ sussidjarjetà. Iżda
ħafna mill-parlamenti nazzjonali huma tal-opinjoni li l-kontrolli ta’
sussidjarjetà mhumiex effettivi sakemm ma tkunx inkluża verifika ta’
proporzjonalità. Ir-rapport jgħid li
maġġoranza kbira tal-parlamenti nazzjonali jirrapportaw li
l-opinjonijiet motivati tagħhom spiss huma bbażati fuq
interpretazzjoni usa’ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà mill-kliem
fil-Protokoll Nru 2. Pereżempju,
l-Eerste
Kamer Olandiż
jemmen li “mhuwiex possibbli li jiġi eskluż il-prinċipji ta’
legalità u proporzjonalità meta tiġi applikata l-verifika
tas-sussidjarjetà ...”. Is-Senát
Ċek huwa tal-opinjoni li s-sussidjarjetà għandha “natura
ġenerali u astratta ... mhijiex kunċett legali strett u
ċar” u għalhekk għandha tintuża interpretazzjoni
wiesgħa.
Il-House of Lords tar-Renju Unit tat fehma simili, billi argumentat favur
interpretazzjoni usa’ ta’ dan il-prinċipju minħabba li “għalkemm
il-prinċipju huwa kunċett ġuridiku, fil-prattika l-applikazzjoni
tiegħu tiddependi fuq ġudizzju politiku”. L-opinjonijiet differenti tal-Parlamenti
nazzjonali dwar il-fehim u l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà
wasslet għal opinjonijiet differenti dwar il-ħtieġa għal
linji gwida biex jiċċaraw il-kamp ta' applikazzjoni ta’ kontroll
tas-sussidjarjetà u kriterji relatati. Nofs biss tal-parlamenti nazzjonali li
wieġbu għall-kwestjonarju COSAC kienu favur dan. Dawk kollha li taw
l-appoġġ tagħhom insistew li kwalunkwe linja gwida għandha
tkun mhux vinkolanti.
2.3.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill
Fil-Kunsill, il-Kumitat
tar-Rappreżentanti Permanenti ta' kull Stat Membru (Coreper) jiżguraw
li l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità huma rispettati.
Fl-2012 il-Parlament Ewropew ħoloq direttorat orizzontali ġdid biex
jipprovdi firxa usa’ ta’ servizzi lill-kumitati tal-PE dwar valutazzjonijiet
tal-impatt u valur miżjud Ewropew. Ix-xogħol fuq il-valutazzjonijiet
tal-impatt ikopri l-iskrinjar ta’ pjanijiet direzzjonali tal-Kummissjoni li
juru politika pjanata u konsultazzjoni tax-xogħol u jagħmlu
evalwazzjoni inizjali tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni. Fuq
talba ta’ kumitati individwali, jista’ jipprovdi wkoll valutazzjonijiet
dettaljati tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni, analiżi
kumplimentari dwar aspetti tal-proposti li mhumiex koperti oriġinarjament
mill-Kummissjoni u valutazzjonijiet tal-impatt ta’ emendi kkunsidrati
mill-Parlament. Il-Parlament Ewropew issa jħares
ukoll lejn il-valur miżjud Ewropew tal-proposti, billi janalizza
l-benefiċċju potenzjali ta’ azzjoni tal-UE fil-ġejjieni. Fuq
talba ta’ kumitat tal-Parlament Ewropew, valutazzjonijiet Ewropej b'valur
miżjud jistgħu jiġu pprovduti biex jivvalutaw l-impatti
potenzjali u jidentifikaw il-vantaġġi u l-iżvantaġġi
tal-proposti magħmula f’rapporti leġiżlattivi tal-Parlament.
Il-Parlament Ewropew issa jista' jipproduċi wkoll rapporti dwar
l-ispiża jekk ma titteħidx azzjoni fil-livell tal-UE, dwar oqsma ta’
politika b’potenzjal sinifikanti għal aktar effiċjenza u/jew fuq
il-kisba ta’ “ġid pubbliku” billi jieħu azzjoni fil-livell tal-UE,
fejn tali azzjoni bħalissa hija nieqsa. Fl-2012, il-Parlament Ewropew
ħareġ 10 evalwazzjonijiet inizjali tal-valutazzjonijiet tal-impatt
tal-Kummissjoni, evalwazzjoni waħda dettaljata ta’ valutazzjoni tal-impatt
tal-Kummissjoni u tliet rapporti dwar valur miżjud Ewropew. Fit-13 ta’ Settembru 2012,
il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar it-tfassil aħjar
tal-liġijiet, li sa ċertu punt twieġeb għar-rapport annwali
tal-Kummissjoni għall-2010 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.[10] F’dan ir-rigward,
il-Parlament Ewropew, simili għall-COSAC, jissuġġerixxi li
l-każ għandu jiġi eżaminat sabiex jistabbilixxi l-kriterji
fil-livell tal-UE għall-evalwazzjoni ta’ konformità mal-prinċipji
tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Barra minn hekk, ir-rapport
tal-Parlament Ewropew jenfasizza d-dimensjoni reġjonali u lokali
tal-iskrutinju tas-sussidjarjetà u jitlob li ssir analiżi indipendenti
tal-Kummissjoni tar-rwol tal-parlamenti reġjonali u lokali fil-qasam
tal-kontroll tas-sussidjarjetà. Fit-tweġiba tagħha għar-rapport
tal-Parlament Ewropew,[11]
il-Kummissjoni kkonfermat li l-Kumitat tar-Reġjuni diġà ħejja din
l-analiżi.[12]
2.4.
Il-Kumitat tar-Reġjuni
Fl-2012, il-Kumitat tar-Reġjuni
(CoR) adotta strateġija ġdida dwar il-monitoraġġ
tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. L-għan huwa li
tissaħħaħ mill-ġdid l-istruttura tal-governanza ta’
ħidma ta’ monitoraġġ ta’ sussidjarjetà tal-CoR, tistabbilixxi
approċċ komprensiv biex timmonitorja s-sussidjarjetà matul
il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE,
bl-involviment tal-UE u l-istituzzjonijiet nazzjonali f’din il-ħidma u
tikkonsolida d-disponibbiltà tal-CoR biex tieħu azzjoni quddiem il-Qorti
tal-Ġustizzja. F’dan il-kuntest, twaqqaf il-grupp ta’
tmexxija tas-sussidjarjetà biex jipprovdi governanza politika ta’ ħidma
ta’ monitoraġġ ta’ sussidjarjetà tal-CoR. Dan jikkoordina u
jagħti segwitu politiku għall-attivitajiet ta' monitoraġġ
tas-sussidjarjetà matul is-sena. Huwa responsabbli sabiex jenfasizza
l-prijoritajiet annwali ta' sussidjarjetà u sabiex isiru proposti dwar
l-użu tal-iktar għodod xierqa u l-proċeduri tan-Netwerk
għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà sabiex tiġi
appoġġjata l-ħidma tar-relaturi tal-CoR fil-proċess
leġiżlattiv. L-istrateġija riveduta tenfasizza
li attivitajiet ta’ monitoraġġ tas-sussidjarjetà tal-KoR
għandhom jinbdew matul il-fażi preleġiżlattiva. Dan
l-approċċ jiddependi fuq ir-rwol ta’ Grupp ta’ Esperti tas-Sussidjarjetà,
li jinkludi 16-il uffiċjal min-Netwerk ta’ Monitoraġġ
tas-Sussidjarjetà magħżula skont l-għarfien espert tagħhom
f’termini ta’ sussidjarjetà u għall-esperjenza kbira tagħhom
fil-liġi tal-UE. Il-Grupp iltaqa’ għall-ewwel darba
fil-25 ta’ Ottubru 2012 u għażel inizjattivi għal
monitoraġġ prijoritarju. Fuq din il-bażi, il-Bureau tal-CoR
adotta fit-30 ta’ Jannar 2013 il-Programm ta’ Ħidma ta’
Sussidjarjetà.[13]
Dan jinkludi erba’ inizjattivi ppjanati fil-Programm ta’ Ħidma
tal-Kummissjoni għall-2013 (il-fatturazzjoni elettronika fil-qasam
tal-akkwist pubbliku, “Blue Belt” għal suq uniku għat-trasport
marittimu, ir-Reviżjoni tal-Politika u l-Leġiżlazzjoni dwar
l-Iskart, il-qafas dwar il-klima ambjentali u l-valutazzjoni tal-enerġija
li jippermetti l-estrazzjoni sigura u mingħajr periklu l-estrazzjoni
tal-idrokarburi mhux konvenzjonali) u l-Mobbiltà Urbana (li mhijiex koperta
mis-CWP 2013, iżda l-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni
tagħha li toħroġ Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni urbana
tal-politika tat-trasport tal-UE fl-2013). Imwaqqaf fl-2007, in-Netwerk
tal-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà (SMN) huwa l-għodda ta’
monitoraġġ prinċipali tal-CoR, u inkluda 141 imsieħeb
fi tmiem l-2012. Il-bażi tas-sħubija u r-rappreżentanza tiegħu
reġgħu żdiedu fl-2012, partikolarment minħabba li
ngħaqdu l-parlamenti u l-gvernijiet reġjonali. Konsultazzjonijiet
tal-imsieħba SMN huma l-għodda operattiva ewlenija użata waqt
it-tħejjija ta’ abbozz ta’ opinjoni tal-CoR permezz ta’ relatur. Saru
tliet konsultazzjonijiet fl-2012 — dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa,[14]
fis-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP)[15] u dwar
l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva
fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti
servizzi (“Monti II”).[16]
Taħt pjan ta’ Azzjoni tal-SMN, grupp ħadem matul is-sena dwar
ir-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T u l-Faċilità Nikkollegaw
l-Ewropa. Fi Frar 2012, REGPEX, l-Iskambju
Parlamentari Reġjonali, tnieda bħala sub-network tan-Netwerk
għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà, miftuħ
għall-parlamenti u l-gvernijiet tar-reġjuni li għandhom
setgħat leġiżlattivi. Huwa jappoġġja dawn
ir-reġjuni meta jkunu qed jagħtu s-sehem tagħhom
fil-monitoraġġ tas-sussidjarjetà tal-leġiżlazzjoni tal-UE,
b’mod partikolari fil-kuntest ta’ sistema ta’ twissija bikrija u ta’ wara
Lisbona u l-konsultazzjoni possibbli tagħhom mill-parlamenti nazzjonali.
Il-CoR jikkunsidra lil REGPEX mhux biss bħala bażi ta' dejta teknika,
li jipprovdi aċċess għal sorsi ta’ informazzjoni u li
tippubblika l-pożizzjonijiet reġjonali, iżda wkoll bħala
netwerk li jrawwem kuntatti fost ir-"reġjuni
leġiżlattivi" tal-UE. L-opinjonijiet li ġejjin li
ġew addottati mill-CoR fl-2012 qajmu tħassib fir-rigward
tal-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u proporzjonalità,
uħud minnhom jiċċitaw ksur potenzjali: il-proposta għal
Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali ERDF;
is-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali; il-Pakkett tal-akkwist pubbliku,
il-pakkett tal-protezzjoni tad-dejta u l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas tal-provvediment
ta’ servizzi.
2.5.
Il-Qorti tal-Ġustizzja
Fl-2012 il-Qorti tal-Ġustizzja ma
tat l-ebda sentenza li żviluppat b’mod sinifikanti il-prinċipju
tas-sussidjarjetà. Madankollu, fil-każ C-288/11 P, Mitteldeutsche
Flughafen, sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, il-Qorti
tal-Ġustizzja kkonfermat li l-prinċipju tas-sussidjarjetà ma
japplikax fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li fih il-Kummissjoni
għandha kompetenza esklussiva. Barra minn hekk, fil-kawża C-221/10
P, Artegodan, sentenza tad-19 ta’ April 2012, il-Qorti
tenniet li s-sussidjarjetà, u b'mod aktar ġenerali r-regoli ta' kompetenza
tat-Trattat, ma jagħtux lok għal drittijiet individwali, u
għalhekk ksur ta’ dawn ir-regoli fih innifsu ma jikkawżawx
responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha.
3.
Każijiet
ewlenin fejn tqajjem tħassib dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità
Proposta għal
Regolament dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni
kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li tagħti
servizz (Monti II). Il-Parlamenti nazzjonali ħarġu
12-il opinjoni motivata dwar il-proposta Monti II, li jirrappreżentaw
19-il vot (18 ikun il-limitu), u b’hekk għall-ewwel darba wasslu
għall-imsejħa karta safra.[17] L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni kien li
jiċċara l-interazzjoni bejn l-eżerċizzju tad-drittijiet
soċjali u l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u ta’
provvista ta’ servizzi mnaqqxa fit-Trattat. Hija ppruvat tindirizza
t-tħassib imqajjem mill-partijiet interessati (speċjalment
it-trejdjunjins) li, fis-suq uniku, il-libertajiet ekonomiċi jipprevalu
fuq id-dritt tal-istrajk wara s-sentenzi Viking Line u Laval tal-Qorti
tal-Ġustizzja, billi jiġu ċċarati fi strument
leġiżlattiv li ma jeżisti l-ebda preċedenza bejn it-tnejn.
Il-Kummissjoni kienet konxja tas-sensittività tal-kwistjoni u diffikultajiet
biex isibu bażi komuni bejn l-interessi kuntrastanti dwar kif l-aħjar
tittratta kunflitt industrijali f’sitwazzjonijiet li jinvolvu n-negozji u
l-ħaddiema fi Stati Membri differenti. L-opinjonijiet motivati nħarġu minn SE Riksdag
(2 voti), DK Folketing (2 voti), FI Eduskunta (2 voti),
FR Sénat (1 vot), PL Sejm (1 vot), PT Assembleia da
República (2 voti), LV Saeima (2 voti), LU Chambre des
Députés (2 voti), BE Chambre des Représentants (1 vot), UK
House of Commons (1 vot), NL Tweede Kamer (1 vot) u MT Kamra
tad-Deputati (2 voti). Il-maġġoranza tal-parlamenti
nazzjonali li adottaw opinjonijiet motivati esprimew dubji dwar l-użu
tal-Artikolu 352 tat-TFUE bħala l-bażi legali
għall-proposta. Ħafna sabu l-użu ta’ din il-bażi legali
mhux ġustifikati biżżejjed. Xi wħud ikkunsidraw li minbarra
d-dritt tal-istrajk mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 153 tat-TFUE
għandha wkoll tiġi eskluża l-possibbiltà li tuża l-Artikolu 352
tat-TFUE bħala bażi legali. L-istess għadd ta’ parlamenti
nazzjonali esprimew dubji dwar il-valur miżjud tal-proposta u
l-ħtieġa għall-azzjoni proposta. Uħud mill-kmamar rrimarkaw
li l-proposta ma għandhiex tbiddel is-sitwazzjoni legali attwali,
oħrajn sostnew li ma tikkontribwixxix għal ċarezza u
ċertezza legali akbar. Barra minn hekk, ħames parlamenti nazzjonali
argumentaw li l-Artikolu 153(5) tat-TFUE jeskludi d-dritt tal-istrajkjar
minn kompetenza tal-UE, waqt li oħrajn allegaw li l-prinċipju
ġenerali u l-prova tal-proporzjonalità inklużi fil-proposta mhumiex
konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u jistgħu joħolqu
impatt negattiv fuq id-dritt tal-istrajk. Fost kwistjonijiet oħra li
tqajmu, il-parlamenti nazzjonali staqsew jekk hemmx bżonn ta’
mekkaniżmu ta’ soluzzjoni alternattiv għat-tilwim, għax
beżgħu li dan jinterferixxi mas-sistemi nazzjonali. Huma ressqu wkoll
dubji dwar il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu ta’ twissija. Wara valutazzjoni fil-fond tal-argumenti
mressqa mill-parlamenti nazzjonali f’opinjonijiet motivati tagħhom,
il-Kummissjoni sabet li l-prinċipju tas-sussidjarjetà ma kienx inkiser. Fit-tweġibiet tagħha
lill-parlamenti nazzjonali li ħarġu opinjonijiet motivati,[18] il-Kummissjoni
spjegat li l-għan tal-proposta tal-Kummissjoni kien li jiċċara
l-prinċipji ġenerali u r-regoli applikabbli fil-livell tal-UE
fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt fundamentali li tittieħed
azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà biex jingħata servizz u
l-libertà tal-istabbiliment, inkluż il-ħtieġa li jiġu
rikonċiljati fil-prattika f’sitwazzjonijiet transfruntieri. Il-Kummissjoni
temmen li dan ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri waħedhom u
jeħtieġ azzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Rigward il-kwistjoni tal-bażi
legali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża l-Artikolu 352 tat-TFUE
minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita fit-Trattat.
Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 153(5) tat-TFUE jeskludi d-dritt
tal-istrajkjar mill-firxa ta’ kwistjonijiet li jistgħu jiġu regolati
madwar l-UE bi standards minimi stabbiliti f’direttiva, id-deċiżjonijiet
tal-Qorti wrew biċ-ċar li l-fatt li l-Artikolu 153 ma japplikax
għad-dritt tal-istrajkjar ma jeskludix l-azzjoni kollettiva mill-kamp ta’
applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Barra minn hekk il-Kummissjoni kkunsidrat
li Regolament kien l-aktar strument ġuridiku xieraq biex jintużaw
bħala huwa direttament applikabbli u kif din kienet tnaqqas il-kumplessità
regolatorja u mogħtija ċertezza legali akbar għal dawk
soġġetti għal-leġiżlazzjoni madwar l-Unjoni, billi
tiċċara r-regoli applikabbli. Barra minn hekk, ir-Regolament propost kien
jirrikonoxxi l-irwol tal-qrati nazzjonali fl-istabbiliment tal-fatti u
jaċċerta jekk l-azzjonijiet isegwux għanijiet li jikkostitwixxu
interess leġittimu, humiex adatti sabiex jintlaħqu dawn
l-għanijiet, u jekk imorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex
dawn jintlaħqu. Bl-istess mod huwa jirrikonoxxi l-importanza
tal-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali attwali għat-tħaddim
tad-dritt tal-istrajkjar, inklużi l-istituzzjonijiet eżistenti
alternattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, li la kienu se jinbidlu u
lanqas jintlaqtu mill-proposta. Dan kien jispjega r-rwol ta’ mekkaniżmi
alternattivi ta’ riżoluzzjoni informali li jeżistu f’għadd ta’
Stati Membri. Il-Kummissjoni kkonkludiet li
l-prinċipju tas-sussidjarjetà ma kienx miksur, iżda hija ħadet
nota tal-opinjonijiet espressi mill-parlamenti nazzjonali kif ukoll
il-qagħda tad-diskussjonijiet dwar l-abbozz tar-Regolament fost
il-partijiet interessati. Hija rrikonoxxiet li l-proposta tagħha
probabbilment ma kienx se jkollha l-appoġġ politiku neċessarju
fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex tippermetti l-adozzjoni. Fid-dawl ta’
dan, il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u
lill-Parlamenti nazzjonali permezz tal-ittri tat-12 u
t-13 ta’ Settembru 2012 dwar l-intenzjoni tagħha li tirtira
l-proposta tagħha u spjegat li, b’dan il-mod, hija ttamat ukoll biex
tiġi ffaċilitata azzjoni rapida tan-negozjati tal-proposta għal
Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-Direttiva
96/71/KE, u li jippermettu li jimxu 'l quddiem dwar l-infurzar tad-drittijiet
tal-ħaddiema stazzjonati kif enfasizzat fil-punt 3 l) tal-“Patt
għal Tkabbir u Impjiegi” adottat mill-Kunsill Ewropew
fit-28-29 ta’ Ġunju 2012. Il-Kummissjoni ħadet
id-deċiżjoni tagħha li tirtira l-proposta Monti II
fis-26 ta’ Settembru 2012.[19] Proposta għal
regolament dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni
l-Aktar fil-Bżonn [20] Il-proposta tal-Kummissjoni li attirat
t-tieni l-ogħla numru ta’ opinjonijiet motivati fl-2012 (5) kienet
il-proposta għat-twaqqif tal-fond għall-għajnuna Ewropea
għal Dawk l-Aktar fil-Bżonn. Il-Parlamenti nazzjonali kollha li
bagħtu opinjonijiet motivati [21]
qajmu l-istess kwistjoni, jiġifieri n-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni
suffiċjenti rigward il-konformità tal-proposta mal-prinċipju
tas-sussidjarjetà.[22]
DE Bundestag issottometta
li l-Artikoli 174 u 175 tat-TFUE ma jipprovdux għal kompetenza tal-UE
fil-ġlieda kontra l-faqar, li l-politika soċjali u miżuri skont
politika bħal din jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u
li l-proposta kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. SE Riksdag argumentat li l-faqar u
l-esklużjoni soċjali huma l-aħjar evitati permezz tal-impjiegi
li jippermettu għal appoġġ indipendenti u minn sistema
tas-sigurtà soċjali għall-popolazzjoni kollha kemm hi. Fil-fehma tagħha,
is-sigurtà soċjali hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u
l-għajnuna hija bl-aktar mod effiċjenti ġestita mill-Istati
Membri. Din l-opinjoni
ġiet kondiviża minn DK Folketing, li sostniet l-għan ta'
appoġġ għal dawk l-aktar fil-bżonn jista' jkun sodisfat
bl-aħjar mod mill-Istati Membri, jew fil-livell ċentrali,
reġjonali jew dak lokali. Il-UK House of Lords sabet li ma kien sar l-ebda argument
konvinċenti mill-Kummissjoni biex tiġġustifika l-proposta
tagħha fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u li kwalunkwe inċertezza
dwar l-ħila tal-Istati Membri kollha biex isostnu n-nefqa soċjali u
l-investiment f’livelli suffiċjenti tkun tista’ tintlaħaq permezz ta’
azzjoni taħt il-programmi ta’ koeżjoni eżistenti tal-UE. Il-UK
House of Commons staqsiet hemmx bżonn għall-azzjoni proposta. Fit-tweġibiet tagħha għal
dawn opinjonijiet motivati, il-Kummissjoni enfasizzat li kienet eżaminat
id-dritt tal-UE li taġixxi u l-valur miżjud tiegħu matul
il-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt u li dawn is-sejbiet ġew
imqassra f’memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja l-proposta.
Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-promozzjoni tal-ħidma u appoġġ
indipendenti huwa l-aħjar mod sabiex jikkumbattu l-esklużjoni
soċjali u li l-Fond Soċjali Ewropew għandu jibqa’ l-istrument
ewlieni tal-UE għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni
soċjali billi jappoġġja miżuri ta’ attivazzjoni.
Madankollu, hija enfasizzat li għadd dejjem ikbar ta’ Ewropej huma wisq’
il bogħod mis-suq tax-xogħol biex jibbenefikaw mill-appoġġ
li jista' jiġi pprovdut minn fondi eżistenti. Il-Kummissjoni
ġibdet l-attenzjoni dwar l-obbligu propost li jagħqdu
d-distribuzzjoni ta’ assistenza materjali b’miżuri ta’ akkumpanjament, li
jimmiraw lejn ir-reintegrazzjoni soċjali ta’ persuni megħjuna, li
jagħmel lill-Fond propost strument li jmur lil hinn minn interventi
passivi. Ir-rapport enfasizza li l-Fond propost għandu jkun ibbażat
fuq skemi ta’ appoġġ nazzjonali u jkunu implimentati taħt
ġestjoni kondiviża, li jħalli lill-Istati Membri r-responsabbiltà
primarja biex jiġu identifikati l-aħjar gruppi fil-mira u tipi ta’
interventi. Proposta għal
regolament dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar
ta' dejta.personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta.[23] Fost it-tmien proposti tal-Kummissjoni li
wasslu għal tliet opinjonijiet motivati, il-proposta għal Regolament
dwar il-protezzjoni tad-dejta kienet dik li ġiet ikkritikata mhux biss fuq
il-bażi tas-sussidjarjetà, iżda wkoll ta’ proporzjonalità. Uħud
mill-Parlamenti nazzjonali kienu tal-fehma li l-kamp ta' applikazzjoni tal-att
propost għandu jibqa’ limitat għal skambji transkonfinali. F’termini
ta’ proporzjonalità huma argumentaw li l-proposta tista’ tinfluwenza
t-trattament ta’ dejta personali mis-settur pubbliku (b’mod partikolari
fil-qasam tas-saħħa u s-servizzi soċjali). Fl-aħħar
nett, diversi parlamenti nazzjonali esprimew dubji dwar il-kamp ta'
applikazzjoni u l-għadd ta’ setgħat delegati mogħtija
lill-Kummissjoni mill-proposta. Dan l-argument tal-aħħar kien prinċipalment
rifless mill-Istati Membri fid-diskussjonijiet tal-Kunsill kif ukoll minn
uħud mill-membri tal-Parlament Ewropew. Fit-tweġibiet tagħha
l-Kummissjoni spjegat li l-għażla ta’ Regolament għandha
l-għan li tkompli tarmonizza l-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni
tad-dejta Ewropea eżistenti biex jiġi żgurat livell għoli
ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha u tiggarantixxi b’dan il-mod il-fluss
ħieles tad-dejta personali fis-suq intern. Fil-limiti tar-Regolament,
l-Istati Membri jżommu ċerta marġini ta’ manuvrar fis-settur pubbliku,
kif diġà speċifikat mill-proposta. Fir-rigward ta' setgħat
delegati, il-Kummissjoni ċċarat li se jassiguraw l-adattabilità
xierqa tal-leġiżlazzjoni għad-dinja li kull ma tmur dejjem
tipprogressa ta’ dejta elettronika mingħajr il-ħtieġa ta’
negozjar mill-ġdid tal-Att fil-livell ta’ koleġiżlaturi.
4.
Konklużjonijiet
Is-sena 2012
ġabet magħha aktar għarfien tal-prinċipji tas-sussidjarjetà
u l-proporzjonalità fil-kuntest interistituzzjonali, mhux l-inqas minħabba
l-parlamenti nazzjonali li jiskattaw l-ewwel karta safra. Kwistjonijiet ta’ kontroll u ta'
monitoraġġ tas-sussidjarjetà kienu wkoll b'mod prominenti fuq
l-aġenda tal-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, li t-tnejn li
huma adattataw il-proċeduri interni tagħhom biex ikunu f’qagħda
aħjar biex jeżaminaw l-impatt u l-valur miżjud ta’
xogħolhom. Istituzzjonijiet
u entitajiet tal-UE qed jesploraw ukoll sinerġiji f’termini
tal-valutazzjoni ta’ konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u
proporzjonalità.
B’riżultat ta’ dan, il-Kumitat tar-Reġjuni issa jistgħu
jissupplixxu informazzjoni, fuq talba espliċita mill-Kummissjoni, dwar
l-impatt reġjonali u lokali ta' proposta li kienet ippjanata
fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew
saħħaħ ukoll l-approċċ tiegħu biex jivvaluta
l-impatt u l-valur miżjud tal-UE. Is-sena 2012 rat intensifikazzjoni
ta’ diskussjonijiet dwar id-definizzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u
l-proporzjonalità, jiġifieri l-ħtieġa li jiġi definit
aħjar il-kamp ta' applikazzjoni tal-kontroll tas-sussidjarjetà kif
deskritt fit-Trattat. Għalkemm il-parlamenti nazzjonali jaraw
benefiċċji ċari f’koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-iskrutinju
tagħhom tax-xogħol u aktar vuċijiet li jitolbu linji gwida, huma
jixtiequ jżommu d-dritt li jinterpretaw dawn il-prinċipji. F’dan
il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li l-linji gwida dwar il-valutazzjoni
tal-impatt tal-Kummissjoni[24]
diġà stabbilixxew b’mod ċar il-kriterji użati biex jivvalutaw
il-konformità tal-proposti tal-Kummissjoni mas-sussidjarjetà u
l-proporzjonalità, u l-Kummissjoni minn dejjem inkoraġġiet
istituzzjonijiet oħra sabiex japplikaw l-istess kriterji. Anness Lista ta'
inizjattivi tal-Kummissjoni li dwarhom
il-Parlamenti nazzjonali fl-2012 ħarġu opinjonijiet motivati[25]
fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà[26] || Dokument tal-Kummissjoni || Titlu || Opinjonijiet motivati (il-Protokoll 2) || Kamra nazzjonali li qed tressaq opinjonijiet motivati 1 || COM(2012)130 || L-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li tagħti servizz (Monti II) || 12 || BE Chambre des Représentants DK Folketing FI Eduskunta FR Sénat LV Saeima LU Chambre des Députés MT Kamra tad-Deputati NL Tweede Kamer PL Sejm PT Assembleia da República UK House of Commons SE Riksdag 2 || COM(2012)617 || Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn || 5 || DE Bundestag DK Folketing UK House of Commons UK House of Lords SE Riksdag 3 || COM (2012)380 || Testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE || 5 || CY Vouli ton Antiprosopon NL Eerste Kamer NL Tweede Kamer FR Sénat SE Riksdag 4 || COM(2012)11 || Il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali) || 4 || DE Bundesrat BE Chambre des Représentants FR Sénat SE Riksdag 5 || COM (2011)778 || Proposta li temenda d-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati || 3 || BE Chambre des Représentants SK Národná Rada SE Riksdag 6 || COM(2011)779 || Rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku || 3 || BE Chambre des Représentants SK Národná Rada SE Riksdag 7 || COM(2011)828 || L-istabbiliment ta' regoli u proċeduri fir-rigward tal-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju f’ajruporti tal-Unjoni fi ħdan l-Approċċ Bilanċjat u li jħassar id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill || 3 || DE Bundesrat FR Sénat NL Tweede Kamer 8 || COM (2011)897 || L-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni || 3 || DE Bundesrat AU Bundesrat ES Congreso de los Diputados/Senado 9 || COM (2012)372 || L-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għal użi online fis-suq intern || 3 || FR Sénat PL Sejm SE Riksdag 10 || COM (2012)381 || Proposta li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE dwar id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għall-vetturi || 3 || CY Vouli ton Antiprosopon NL Eerste Kamer NL Tweede Kamer 11 || COM (2012)382 || Proposta dwar il-pjan direzzjonali tekniku tal-affidabbiltà stradali ta' vetturi kummerċjali li jiċċirkolaw fl-Unjoni u li tħassar id-Direttiva 2000/30/KE || 3 || CY Vouli ton Antiprosopon NL Eerste Kamer NL Tweede Kamer 12 || COM (2012)576 || L-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta' Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom fl-Unjoni || 3 || FR Sénat IT Senato della Repubblica SE Riksdag 13 || COM (2012)614 || It-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'boroż u miżuri relatati || 3[27] || DK Folketing NL Eerste Kamer/Tweede Kamer SE Riksdag 14 || COM (2011)821 || Dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro || 2 || FR Sénat SE Riksdag 15 || COM (2012)10 || Il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ dik id-dejta || 2 || DE Bundesrat SE Riksdag 16 || COM(2012)167 || Proposta li temenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea || 2 || AU Bundesrat ES Congreso de los Diputados/Senado 17 || COM(2012)48 || Proposta li temenda d-Direttiva 2001/83/KE, fir-rigward tal-informazzjoni għall-pubbliku inġenerali dwar prodotti mediċinali soġġetti għal preskrizzjoni medika u fir-rigward tal-informazzjoni għall-pubbliku inġenerali dwar prodotti mediċinali soġġetti għal preskrizzjoni medika, id-Direttiva 2001/83/KE dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem || 2 || PL Senat SE Riksdag 18 || COM (2012)49 || Proposta li temenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 fir-rigward ta' informazzjoni lill-pubbliku ġenerali dwar prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem soġġetti għal preskrizzjoni medika || 2 || PL Senat SE Riksdag 19 || COM(2012)84 || It-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ sistemi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa || 2 || AU Nationalrat LU Chambre des Députés 20 || COM(2011)793 || Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) || 2 || DE Bundesrat NL Eerste Kamer 21 || COM(2011)895 || Akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u dak postali || 2 || SE Riksdag UK House of Commons 22 || COM(2011)896 || Akkwist pubbliku || 2 || SE Riksdag UK House of Commons 23 || COM(2011)747 || Proposta li temenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu || 1 || SE Riksdag 24 || COM(2011)794 || Soluzzjoni online għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi) || 1 || NL Eerste Kamer 25 || COM(2011)824 || Servizzi ta’ groundhandling fl-ajruporti tal-Unjoni u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE || 1 || LU Chambre des Députés 26 || COM(2011)834 || Li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (2014 - 2020) || 1 || SE Riksdag 27 || COM(2011)873 || Li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) || 1 || SE Riksdag 28 || COM(2011)877 || Proposta li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku || 1 || SE Riksdag 29 || COM(2012)150 || Proposta li temenda d-Direttivi 1999/4/KE, 2000/36/KE, 2001/111/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE fir-rigward tas-setgħat li għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni || 1 || AU Bundesrat 30 || COM(2012)280 || Li jistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/KEE u 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/KE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 || 1 || SE Riksdag 31 || COM(2012)35 || Statut għal Fondazzjoni Ewropea (FE) || 1 || LT Seimas 32 || COM(2012)363 || Il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali || 1 || SE Riksdag 33 || COM(2012)369 || Il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, u li jħassar id-Direttiva 2001/20/KE || 1 || PL Sejm 34 || COM(2012)511 || Li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu || 1 || SE Riksdag || Opinjonijiet motivati dwar proposti mgħoddija individwalment || || 83 || || Opinjonijiet motivati dwar pakketti ta’ proposti[28] || || -13 || || TOTAL || || 70 || [1]
COM(2013) 565. [2]
http://ec.europa.eu/governance/impact/planned_ia/planned_ia_en.htm. [3]
SEC(2009) 92. [4]
http://ec.europa.eu/governance/impact/iab/iab_en.htm. [5]
http://ec.europa.eu/governance/impact/key_docs/docs/iab_report_2012_en_final.pdf. [6]
COM(2012) 514. [7]
Ir-rapport tal-Kumitat Kostituzzjonali tar-Riksdag — 2012/13:KU8. [8] COSAC
hija Konferenza tal-Kumitati tal-Parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri
tal-Unjoni Ewropea li tittratta l-kwistjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll
rappreżentanti tal-Parlament Ewropew. [9] It-tmintax-il
rapport biannwali: L-iżviluppi fil-Proċeduri u l-Prattiki tal-Unjoni
Ewropea Rilevanti għall-Iskrutinju Parlamentari,
is-27 ta’ Settembru 2012. [10]
COM(2011) 344. [11]
SP (2012) 766/2. [12]
http://extranet.cor.europa.eu/subsidiarity/regpex/Pages/Study-on-Regional-Parliaments.aspx. [13]
CDR2336-2012. [14]
COM(2011) 659. [15]
COM(2012) 95. [16]
COM(2012) 130. [17]
Ara l-Artikolu 7(2) tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni
tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. [18]
Ittra tal-14 ta’ Marzu 2013. [19]
PV(2012) 2017;
http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/10061/2012/EN/10061-2012-2017-EN-F-0.Pdf. [20]
COM(2012) 617; il-predeċessura tagħha kien il-programm tal-UE
għad-Distribuzzjoni tal-Ikel għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn li
għandu jitwaqqaf fl-2013 — Il-proposta tal-Kummissjoni COM(2010) 486 wkoll
kienet irċeviet tliet opinjonijiet motivati. [21]
DE Bundestag, DK Folketing, UK House of Lords, UK House of
Commons u SE Riksdag. [22]
L-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2. [23]
COM(2012) 11. [24]
SEC(2009) 92. [25] Biex tikkwalifika
bħala opinjoni motivata skont id-definizzjoni fil-Protokoll 2,
opinjoni għandha tiddikjara b’mod ċar ksur tas-sussidjarjetà u
tintbagħat lill-Kummissjoni fi żmien tmien ġimgħat
mit-trasmissjoni tal-proposta lill-Parlamenti nazzjonali. [26] Klassifikati skont
l-għadd ta’ opinjonijiet motivati li waslu għand il-Kummissjoni bejn
l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2012. [27] Dwar din
il-proposta l-Kummissjoni rċeviet sitt opinjonijiet motivati b’kollox.
Tliet opinjonijiet motivati (PL Sejm; PL Senat; UK House of Lords) ġew
riċevuti wara l-31 ta' Diċembru 2012, iżda qabel
l-iskadenza tal-15 ta' Jannar 2013. [28] Peress li xi
opinjonijiet jikkonċernaw pakketti ta’ proposti, it-tabella tistabbilixxi
l-għadd ta’ opinjonijiet motivati li joħorġu għal kull
proposta. Sabiex ukoll turi l-għadd ta’ opinjonijiet motivati li waslu
mill-Kummissjoni, l-għadd ta’ opinjonijiet motivati li jkopri aktar
proposti minn waħda huwa mnaqqas.