RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern u dwar ir-Regolament 924/2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità /* COM/2013/0549 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/64/KE
dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern u dwar ir-Regolament 924/2009
dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità (Test b'relevanza għaż-ŻEE) I Direttiva 2007/64/KE 1. DAĦLA Dan ir-rapport jeżamina kif id-Direttiva 2007/64/KE dwar
is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern (minn hawn 'il quddiem:
"il-PSD") ġiet applikata kif mitlub mill-Art. 87.
Il-perjodu kkunsidrat minn dan ir-Rapport huwa bejn l-2009 u l-2012.
L-Art 87 jirrikjedi rapport dwar numru ta' kwistjonijiet: Il-kamp ta'
applikazzjoni tad-Direttiva (speċjalment strumenti tal-ħlas ta' valur
baxx u flus elettroniċi); Tranżazzjonijiet b'fażi waħda u
tranżazzjonijiet fil-muniti kollha; Rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni u
ostakli għad-dħul fis-suq; Rekwiżiti prudenzjali (kapital
inizjali/fondi proprji/salvagwardja); Għoti ta' kreditu minn
istituzzjonijiet tal-ħlas; Ħin ta' eżekuzzjoni u nuqqas ta'
eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni difettuża. Madankollu, dan ir-rapport
ma jillimitax l-ambitu tiegħu għal dawn il-kwistjonijiet biss. Il-proċess ta' reviżjoni tal-PSD kien ibbażat fuq
2 studji esterni ddedikati. L-ewwel studju, "l-istudju
ġuridiku" pprovda valutazzjoni tal-konformità ġuridika dwar
it-traspożizzjoni tal-PSD fis-27 Stat Membru[1]. It-tieni studju,
"l-istudju ekonomiku", analizza l-impatt ekonomiku tal-PSD u
r-Regolament relatat 924/2009 dwar il-ħlas transkonfinali f'euro meta
mqabbla mal-objettivi oriġinali tagħhom[2]. Għall-istess għan,
kontribut mill-Istati Membri u mill-atturi tas-suq rilevanti nġabar
permezz tal-kumitati konsultattivi tal-Kummissjoni għall-politika
tal-ħlasijiet bl-imnut. Dan ir-rapport jiddeskrivi
t-traspożizzjoni tal-PSD (taqsima 2); iqis l-applikazzjoni u
l-impatti tagħha (taqsima 3); jidentifika l-kwistjonijiet importanti
li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-PSD (taqsima 4) u jasal
għal għadd ta' konklużjonijiet (taqsima 5). 2. IT-TRASPOŻIZZJONI
TAD-DIRETTIVA Il-PSD daħlet fis-seħħ
fil-25 ta' Diċembru 2007 bi skadenza
tal-1 ta' Novembru 2009 għat-traspożizzjoni
mill-Istati Membri fil-liġi nazzjonali. Xi Stati Membri marru lil hinn
mill-iskadenza. Biex jimplimentaw il-PSD, il-maġġoranza tal-Istati
Membri introduċew att ġuridiku ġdid fil-leġiżlazzjoni
tagħhom[3].
L-implimentazzjoni tal-PSD ma wassalitx
għal kwistjonijiet ewlenin u l-Istati Membri implimentawha kif imiss[4]. Matul il-proċedura
tat-traspożizzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni kkooperaw mal-Istati
Membri u pprovdewlhom għajnuna biex tiġi żgurata
t-traspożizzjoni korretta. Madankollu, minkejja l-approċċ
tal-armonizzazzjoni sħiħa[5]
tad-Direttiva, l-istudju ġuridiku enfasizza li l-PSD fih
dispożizzjonijiet kemm speċifiċi kif ukoll astratti li wasslu
għal diffikultajiet għall-implimentazzjoni madwar l-UE. Xi Stati
Membri kkomplementaw id-dispożizzjonijiet tal-PSD b'regoli nazzjonali
addizzjonali. Il-PSD fih 25 dispożizzjoni mhux
obbligatorja. Meta Stat Membru jagħżel li jagħmel użu minn
opzjoni, kellu jinforma lill-Kummissjoni[6].
L-għadd kbir ta' opzjonijiet tal-Istati Membri jirriżulta
mill-ħtieġa li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-swieq
domestiċi u mill-proċess ta' negozjati li wassal għall-adozzjoni
tal-PSD[7].
Il-partijiet interessati kienu ġeneralment newtrali fir-rigward tal-impatt
tad-dispożizzjonijiet mhux obbligatorji. Din id-diversità ma wasslitx
għal arbitraġġ ġuriżdizzjonali mill-utenti jew
mill-fornituri għall-post tal-attivitajiet tagħhom[8]. 3. L-APPLIKAZZJONI U L-IMPATTI
TAD-DIRETTIVA 3.1. Titolu I -
Suġġett, kamp ta' applikazzjoni, u definizzjonijiet 3.1.1. Kamp ta' applikazzjoni L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kamp ta'
applikazzjoni. L-Anness mehmuż mal-PSD jiddefinixxi l-attivitajiet koperti
mit-termini "servizzi ta' ħlas" u fih seba' kategoriji ta'
servizzi tal-ħlas. Flimkien mal-Artikolu 3 li jiddefinixxi l-kamp ta'
applikazzjoni negattiv, din il-lista tiddefinixxi s-servizzi li jaqgħu
taħt l-ambitu tal-PSD. L-istudju ekonomiku kkonkluda li l-lista
eżistenti kienet adegwata. Dan huwa sostnut mill-partijiet interessati. Madankollu, ir-rispons li wasal ukoll qajjem xi tħassib
fir-rigward tad-definizzjonijiet u l-komprensività tal-Anness. Inħass li
xi servizzi għandhom jiġu inklużi fil-lista dwar is-servizzi
tal-ħlas. L-iżviluppi kummerċjali u teknoloġiċi
ġodda għandhom jiġu kkunsidrati wkoll. L-inklużjoni ta'
fornituri terzi li joffru servizzi ta' inizjazzjoni tal-ħlas ukoll tqieset
importanti. 3.1.2. L-ambitu territorjali u
tal-munita Skont l-Artikolu 2(1), il-PSD u r-regoli
tagħha dwar it-trasparenza tal-kundizzjonijiet, ir-rekwiżiti
tal-iżvelar u l-kondotta tan-negozju tapplika biss għal
tranżazzjonijiet intra-UE, l-hekk imsejħa "tranżazzjonijiet
two-leg". . Madankollu, 13-il Stat Membru ħadu
l-inizjattiva biex jestendu xi wħud mir-regoli tal-PSD
għat-tranżazzjonijiet b'fażi waħda[9] għas-segment tal-UE
tat-tranżazzjonijiet ta' ħlas, 'il ġewwa jew 'il barra, jew
permezz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali għal 11-il Stat Membru jew
billi jippermettu derogi kuntrattwali għaż-żewġ Stati
Membri. Il-PSD tillimita l-kamp ta' applikazzjoni tagħha għal
servizzi ta' ħlas f'muniti tal-UE. L-Istati Membri li estendew
l-applikazzjoni tal-PSD għal tranżazzjonijiet b'fażi waħda
għandhom it-tendenza li japplikaw il-PSD ukoll għal muniti ta' Stati
li mhumiex tal-UE/iż-ŻEE. Dawn ir-reġimi differenti għandhom
impatt fuq il-partijiet interessati u fuq il-konsumaturi. Barra dan,
il-konsumaturi sempliċiment ma jafux li hemm reġimi regolatorji
differenti li qed jiġu applikati[10].
Fuq in-naħa tal-fornituri, inqas minn 25 % jużaw sistemi u
proċeduri differenti għal tranżazzjonijiet b'fażi
waħda u two-leg[11].
3.1.3. Kamp ta' applikazzjoni negattiv L-Artikolu 3 jistabbilixxi lista ta'
tranżazzjonijiet ta' ħlas jew servizzi li għalihom il-PSD ma
tapplikax. Dan il-kamp ta' applikazzjoni negattiv jagħmilha diffiċli
għall-konsumaturi biex jifhmu liema attività taqa' taħt liema qafas
regolatorju. Skont stħarriġ li sar f'isem il-Kummissjoni, 82 %
minn 24 assoċjazzjoni tal-konsumaturi f'20 Stat Membru differenti u
15-il awtorità kompetenti jappoġġjaw l-emendar tal-kamp ta' applikazzjoni
negattiv[12].
Partijiet interessati talbu jew għall-kjarifika jew għat-tħassir
ta' ċerti eżenzjonijiet. Barra minn hekk, fornituri ta' servizzi ta'
ħlas għandhom it-tendenza li jevalwaw huma stess jekk
l-operazzjonijiet tagħhom jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-PSD.
Dan jista' jwassal jew għal evażjoni regolatorja jew sabiex
l-awtoritajiet kompetenti jirċievu ħafna talbiet
għall-informazzjoni minn fornituri[13].
3.1.4. Ħlasijiet ta' valur baxx u
flus elettroniċi L-Artikolu 34 u l-Artikolu 53
jistabbilixxu l-prinċipji għal derogi rispettivament
għar-rekwiżiti tal-informazzjoni u r-regoli tal-kondotta
tal-operazzjonijiet għal prodotti sempliċi tal-ħlas għal
tranżazzjonijiet ta' valur baxx. Il-PSD tipprovdi għall-flessibbiltà
billi l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jnaqqsu jew jirdoppjaw
l-ammonti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet għat-tranżazzjonijiet
nazzjonali filwaqt li jżidu dawk l-ammonti għal strumenti li
jitħallsu bil-quddiem (pre-paid)[14].
Ħafna Stati Membri ddeċidew li jirduppjaw l-ammont u għollew
il-limitu massimu għal strumenti mħallsa minn qabel għal
EUR 500. Skont stħarriġ li sar f'isem il-Kummissjoni, huma biss
17 minn 69 istituzzjoni ta' kreditu li ddikjaraw li kienu joffru strumenti
li jaqgħu taħt id-deroga tat-tranżazzjonijiet bi ħlas baxx.
Dan ir-reġim ġuridiku eħfef jikkompeti direttament ma'
reġimi oħrajn saħansitra eħfef ipprovduti mill-PSD
(jiġifieri d-dispensa għal istituzzjonijiet tal-ħlas zgħar,
attivitajiet ta' ħlas eżentati). Il-limitu, il-livell
tar-rekwiżiti ta' informazzjoni u l-limitazzjoni tad-drittijiet u obbligi
għal tranżazzjonijiet ta' valur baxx ġew ikkunsidrati adegwati[15]. 3.1.5. Mikrointrapriżi L-Artikoli 30(2) u 51(3) jsostnu li
l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li t-Titoli III u IV jiġu
applikati għall-mikrointrapriżi. Dawn tal-aħħar huma
definiti fil-PSD b'referenza[16]
għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE dwar id-definizzjoni ta'
intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju[17]. Disa' Stati Membri użaw l-għażla fir-rigward
tat-Titolu III[18]
u tmienja fir-rigward tat-Titolu IV[19].
Skont l-istudju ekonomiku, id-dispożizzjonijiet fakultattivi jistgħu
jkunu adattati għall-iżgħar mikrointrapriżi iżda mhux
għal dawk bi skala sa total tal-karta tal-bilanċ ta' EUR 2
miljun u 10 impjegati[20].
3.2. Titolu II — Fornituri ta'
servizzi ta' ħlas 3.2.1. Ir-reġim tal-ippassaportar
In-numru tal-istituzzjonijiet tal-ħlas
"ippassaportati" fl-Istati Membri jvarja ħafna madwar
iż-ŻEE. F'xi pajjiżi, għadd sinifikanti ta'
istituzzjonijiet tal-ħlas applikaw għal passaporti; f'oħrajn, l-ebda
istituzzjoni tal-ħlas ma ppruvat tikseb passaport sabiex topera barra minn
pajjiżha[21].
Għall-partijiet interessati, "l-ippassaportar" huwa
karatteristika importanti[22].
L-awtoritajiet kompetenti għandhom it-tendenza li japplikaw
approċċi diverġenti. Madankollu, l-introduzzjoni tar-reġim
tal-ippassaportar hi bidla sinifikanti u għalkemm l-effetti ta' din
id-dispożizzjoni fis-suq għadhom ma ġewx esperjenzati, il-PSD
stabbiliet qafas stabbli għal żvilupp pan-Ewropew ta'
istituzzjonijiet tal-ħlas[23].
3.2.2. Ir-rekwiżiti
tal-awtorizzazzjoni Xi Stati Membri talbu informazzjoni addizzjonali u aktar dettalji dwar
il-formola tal-applikazzjoni[24]
li l-istituzzjonijiet tal-ħlas għandhom jippreżentaw sabiex
joperaw. Ta' min jinnota li f' 6 pajjiżi, in-numru ta' istituzzjonijiet ta'
ħlas ġodda maħluqa wara l-2007 jammonta għal 50% jew aktar
mill-istituzzjonijiet tal-ħlas kollha li jeżistu bħalissa[25]. 3.2.3. Rekwiżiti prudenzjali
(kapital inizjali/fondi proprji/salvagwardja) Il-PSD jistabbilixxi r-regoli għal rekwiżiti prudenzjali fuq
l-istituzzjonijiet tal-ħlas inkluż il-kapital inizjali[26], il-fondi proprji[27] u r-rekwiżiti ta'
salvagwardja[28].
3.2.3.1. Rekwiżit tal-kapital
inizjali Il-kapital inizjali meħtieġ ivarja minn EUR 20 000
għal EUR 125 000 skont l-impenji meħuda mill-fornitur. 3.2.3.2. Fondi proprji 12-il Stat Membru ddeċidew li japplikaw l-għażla
pprovduta mill-Artikolu 7(3)[29]
li permezz tagħha l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma
japplikawx il-metodi stabbiliti bl-Artikolu 8 fir-rigward tal-kalkolu
tal-fondi proprji għal istituzzjonijiet ta' ħlas li huma inklużi
fis-superviżjoni konsolidata tal-istituzzjoni ta' kreditu prinċipali[30]. L-ammont tal-fondi proprji jista' jkun sa 20 % ogħla jew
aktar baxx mill-ammont li jirriżulta mill-metodu ta' kalkolu
magħżul[31].
Żewġ Stati Membri biss ma għażlux din il-possibbiltà.
Żewġ pajjiżi biss applikaw il-possibbiltà li jżidu l-ammont
tar-rekwiżiti tal-fondi proprji, il-bqija tal-Istati Membri pprovdew
għaż-żewġ possibbiltajiet[32].
Madankollu, il-maġġoranza l-kbira tar-regolaturi ma għamlux
użu mill-opzjoni minkejja li żammew l-awtorità ġuridika li
jagħmlu dan[33].
Il-partijiet interessati b'mod ġenerali (inklużi 16 il-awtorità
nazzjonali) jidhru li jaqblu li r-rekwiżiti tal-fondi proprji huma
għolja biżżejjed[34].
3.2.3.3. Rekwiżiti ta' salvagwardja Żewġ possibbiltajiet huma stabbiliti rigward is-salvagwardja
tal-fondi: l-istituzzjonijiet tal-ħlas jistgħu jew jżommu dawn
il-fondi f'kont separat jew ikollhom polza tal-assigurazzjoni. Tal-ewwel
għandha t-tendenza li tintuża mill-maġġoranza tal-istituzzjonijiet
tal-ħlas fiż-ŻEE, minħabba li kienet meqjusa aktar
ċara, konvenjenti, kosteffiċjenti u f'konformità mal-liġijiet
nazzjonali u d-dwana. Ir-rekwiżiti tas-salvagwardja stabbilixxew livell
għoli ta' protezzjoni għall-utenti[35].
3.2.4. Istituzzjonijiet tal-ħlas
b'dispensa Persuni fiżiċi u ġuridiċi jistgħu
jiddaħħlu fir-reġistru tal-fornituri[36] u jgawdu minn regoli
prudenzjali eħfef skont l-artikolu 26 u 27. Din l-għażla
ġiet trasposta fi 15-il Stat Membru iżda sa issa, hija kienet
użata biss f'9 minnhom. 2 203 hekk-imsejħa istituzzjonijiet
tal-ħlas żgħar - jew istituzzjonijiet tal-ħlas
b'dispensa/istituzzjonijiet tal-ħlas irreġistrati - ħadu
vantaġġ minn dan ir-reġim eħfef sa issa. Kieku r-rinunzja
ma kenitx offruta bħala għażla, xi fornituri kienu joperaw barra
l-qafas regolatorju[37].
3.2.5. Aċċess għal
sistemi ta' ħlas Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew
l-Artikolu 28 b'mod litterali[38].
Il-fatt li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għas-sistemi ta'
ħlas kollha joħloq sitwazzjoni żbilanċjata bejn
l-istituzzjonijiet tal-ħlas u b'mod partikolari l-istituzzjonijiet ta'
kreditu. Ir-risposti riċevuti mill-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar
il-Green Paper "Lejn suq Ewropew integrat għal ħlasijiet
bil-kards, minn fuq l-internet u bil-mowbajl"[39] juru li l-istituzzjonijiet
tal-ħlas huma mħassba dwar l-impatt tad-dispożizzjoni tal-PSD
fuq l-aċċess għal sistemi ta' ħlas. Min-naħa
l-oħra, l-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom it-tendenza li
jargumentaw li s-sistemi ta' ħlas għandhom ikunu protetti kontra
kwalunkwe riskji li jista' jkollhom effett negattiv għas-sistemi b'mod
ġenerali, li hija r-raġuni għaliex fil-fehma tagħhom,
is-sistemi ta' ħlas għandhom jibqgħu taħt superviżjoni
u limitati fl-aċċess. 3.3. Titolu III — Rekwiżiti
ta' trasparenza u informazzjoni 3.3.1. Kundizzjonijiet standardizzati
u t-trasparenza fir-rigward tal-informazzjoni fuq il-prezzijiet u l-kalkolu
tal-kontribuzzjoni għall-utenti u l-fornituri Kwistjonijiet speċifiċi
għall-konsumaturi ġew identifikati[40]
u huma relatati mal-ambitu, il-kwalità, il-kontenut tekniku eċċessiv,
l-opaċità u d-disponibbiltà. Regoli dwar it-trasparenza tal-kundizzjonijiet
u r-rekwiżiti tal-informazzjoni japplikaw kemm għal servizzi ta'
ħlas sempliċi ("tranżazzjoni ta' ħlas wieħed ta'
darba", eż. rimessa ta' flus jew ħlas ta' kontijiet) u servizzi
aktar kumplessi bbażati fuq kuntratti qafas (li taħthom huma
eżegwiti t-"tranżazzjonjiet ta' ħlas individwali").
Kwistjoni ewlenija li tirrigwarda t-tranżazzjoni unika hija l-forniment
ta' informazzjoni dwar ir-rati tal-kambju applikabbli għal
tranżazzjonijiet bil-kards[41].
Il-PSD tesiġi li l-konsumatur ikun informat minn qabel dwar ir-rati
tal-kambju li għandhom jiġu applikati jew, jekk ikunu se
jintużaw ir-rati tal-kambju ta' referenza, id-data rilevanti biex
tiġi ddeterminata r-rata tal-kambju. Bħalissa, ħafna drabi dan
mhux qed ikun il-każ. Oqsma oħra ta' tħassib huma t-tqassim ta'
ħlasijiet u informazzjoni dwar id-data tal-valur tal-kreditu
f'sitwazzjonijiet fejn jew il-kont ta' ħlas ma jkollu l-ebda rata ta'
imgħax jew fejn ma jkun hemm l-ebda kont tal-ħlas. Ir-regoli armonizzati fuq kuntratti qafas
jinkludu l-indikazzjoni ta' informazzjoni prekuntrattwali estensiva,
l-indikazzjoni ta' informazzjoni ta' qabel u wara li ssir it-tranżazzjoni,
il-modalitajiet tat-twassil tal-informazzjoni (inklużi l-ħlasijiet
diretti u l-komunikazzjoni minn distanza mbiegħda), id-disponibiltà
kostanti tat-termini kuntrattwali, il-bidla tal-kuntratt qafas inkluż
bidla tar-rata tal-imgħax u tal-kambju, u t-terminazzjoni. Irriżulta li kien hemm biss ftit
kwistjonijiet ewlenin ta' tħassib u li dawn kienu jikkonċernaw
prinċipalment bidliet għall-kuntratt ta' qafas. L-għoti ta'
informazzjoni dwar bidliet proposti u l-perjodu ta' xahrejn bejn in-notifika
tal-bidliet u d-dħul tagħhom fis-seħħ ma jistgħux
dejjem jiġu rrispettati kif xieraq. Każ partikulari ta' bidla
fil-kuntratt ta' qafas hija l-bidla fir-rata tal-imgħax u t-tariffi. Il-PSD tonqos milli tindirizza b'mod
komprensiv in-nuqqas ta' kunsens tal-utent għal bidliet
għall-kuntratt ta' qafas. 3.4. Titolu IV– Drittijiet u
obbligi 3.4.1. Soprataxxi Il-PSD tqis is-soprataxxi bħala
għodda ta' gwida għall-Istati Membri. Erbatax minnhom ipprojbew
is-soprataxxi b'mod ġenerali, pajjiż wieħed ipprojbihom
għall-użu ta' karti ta' debitu iżda mhux karti ta' kreditu u 12
ma pprojbewhomx b'mod ġenerali u jippermettuhom fuq il-kards kollha u
wieħed fuq il-karti tal-kreditu biss[42].
Fl-Istati Membri fejn huma permessi
s-soprataxxi, kwistjoni waħda hija l-fatt li l-ispiża marbuta
mal-użu tal-karta ta' spiss tiġi mgħarrfa lill-konsumatur fi stadju
avvanzat. Il-kontroll tas-soprataxxa jidher li huwa marbut ukoll mal-kontroll
ta' x'jiġri aktar 'il fuq fil-katina tal-provvista tas-servizzi ta'
ħlas. Għandu wkoll jiġi mfakkar li d-Direttiva dwar
id-Drittijiet tal-Konsumatur (211/83/KE) tillimita d-dritt li tiġi
introdotta soprataxxa minn nofs l-2014. 3.4.2. Ir-responsabbiltà
(tranżazzjoni ta' ħlas mhux awtorizzata) L-Artikolu 60 jistabbilixxi d-dritt ta'
rifużjoni fir-rigward ta' tranżazzjonijiet mhux awtorizzati.
Il-prinċipju ta' rimborż immedjat fuq it-tranżazzjonijiet kollha
mhux awtorizzati japplika mingħajr kundizzjonijiet għall-utenti
kollha. L-Artikolu 61(1) jistipula deroga, skont
liema min ikun qed iħallas, u mhux il-fornituri ta' servizzi ta'
ħlas, iġorru t-telf fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta'
ħlas mhux awtorizzati. Din ir-responsabbiltà hija bbażata fuq
l-użu ta' strumenti tal-ħlas mitlufa jew misruqa jew
il-miżapproprjazzjoni tagħhom. Id-dispożizzjoni tal-PSD
tistabbilixxi wkoll ammont sa massimu ta' EUR 150. L-implimentazzjoni turi approċċi
differenti: fejn mhux l-aspetti kollha stipulati fid-dispożizzjoni tal-PSD
huma ripetuti, f'xi Stati Membri ir-responsabbiltà tal-konsumaturi jew
tal-utenti hija stabbilita taħt il-EUR 150, f'oħrajn dawn
ikomplu jġorru t-telf kollu. 3.4.3. Dritt ta' rifużjoni Skont l-Artikolu 62 u wara, dawk li
jħallsu jistgħu jitolbu rifużjonijiet ta' tranżazzjoni ta'
ħlas awtorizzata matul perjodu ta' tmien ġimgħat taħt
ċerti kondizzjonijiet u notevolment meta min iħallas ma jaqbilx
mar-riċevitur fuq l-ammont impost. Kif imħabbar f'dikjarazzjoni
mill-Kummissjoni għar-Regolament tat-tmiem tas-SEPA, il-Kummissjoni
evalwat jekk ir-regola armonizzata tar-rifużjonijiet irriżultatx
bħala xierqa għal dan l-iskop. Ir-regoli huma maħsuba biex
joffru protezzjoni wiesgħa għal min iħallas. Fl-istess ħin,
ir-regoli attwali xi kultant jitqiesu li huma inqas favorevoli minn xi regoli
nazzjonali preeżistenti. Dan wassal lil għadd ta' Stati Membri biex
jestendu d-dritt tar-rifużjonijiet għad-debiti diretti kollha
mingħajr ma jimponu l-ebda kundizzjoni. Billi l-Ktieb tar-Regoli
Prinċipali tad-Debiti Diretti SEPA attwali jipprovdi wkoll għal jedd
inkondizzjonat ta' rifużjoni għal debiti diretti, ċerti
fornituri japplikaw ukoll dritt inkondizzjonat fuq bażi volontarja. Xi
fornituri esprimew tħassib sostanzjali rigward l-applikazzjoni ta'
drittijiet ta' rifużjoni. Filwaqt li perjodu ta' żmien ta'
għaxart ijiem għar-rifużjoni kien ġeneralment meqjus
bħala xieraq għal debiti diretti, tali perjodu ta' żmien huwa
meqjus problematiku għal tranżazzjonijiet bil-kards peress li
l-fornitur normalment mhuwiex f'qagħda li jiddeċiedi dwar il-mertu
tat-talba għal rifużjoni fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol[43]. 3.4.4. Ħin ta' eżekuzzjoni Il-fornituri ma rraportaw l-ebda
diffikultajiet kbar biex jirrispettaw iż-żmien tal-eżekuzzjoni
jew biex jimplimentaw id-dati tal-valur għal tranżazzjonjiet ta'
ħlas previsti mill-PSD[44].
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri implimentaw il-PSD rigward
ir-regola dwar il-limitu ta' żmien għall-ikkreditjar u d-derogi
possibbli bi ftehim bejn min iħallas u l-fornituri tagħhom, kif ukoll
dawk li jirrigwardaw tranżazzjonjiet ta' ħlas mibdija fuq karti.
Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha jidhru li adottaw dawn
iż-żewġ derogi. Għalkemm il-PSD tippermetti biss
ħinijiet tal-cut-off għal tranżazzjonijiet 'il barra qrib tmiem
il-ġurnata tax-xogħol, ħinijiet tal-cut-off applikati
mill-istituzzjonijiet ta' kreditu kienu jvarjaw b'mod sostanzjali. Dan
il-kunċett huwa interpretat b'modi differenti. Dan għalhekk jista'
jkollu effett fir-rigward taż-żmien reali tal-eżekuzzjoni
tal-ħlasijiet. 3.4.5. Nuqqas ta' eżekuzzjoni jew
eżekuzzjoni difettuża Skont l-Artikolu 75, ir-responsabbiltà tal-fornitur
tas-servizz tal-ħlas tal-pagatur għandha tirrifondi mingħajr
dewmien żejjed l-ammont li jirriżulta minn tranżazzjoni ta'
ħlas li ma ġietx eżegwita jew difettuża. Il-fornituri rrappurtaw tħassib dwar
ir-responsabbiltà stretta tagħhom f'ċerti oqsma, b'mod partikolari
fir-rigward tat-trasparenza tal-kundizzjonijiet u l-forniment
tal-informazzjoni. Il-PSD tipprovdi li rifużjoni hija r-rimedju
fil-każijiet kollha ta' eżekuzzjoni difettuża, li huwa mifhum
bħala kreditu lill-kont tal-fornitur tar-riċevitur. Interpretata
litteralment ir-regola tal-PSD tista' tfisser li eżekuzzjoni
difettuża tkun tkopri wkoll id-dewmien fl-eżekuzzjoni. F'dan
ir-rigward, fattur ewlieni tal-effettività ta' dispożizzjonijiet ta'
responsabbiltà hija l-ħeffa li biha l-utenti jistgħu jiksbu rimedju.
Il-PSD ma tipprovdi l-ebda skadenzi speċifiċi għat-tlestija
tar-rimedju. 4. IR-RIEŻAMI
TAL-OPERAZZJONI TAL-PSD: KWISTJONIJIET EMERĠENTI Il-PSD diġà tat lok għal progress
sinifikanti fir-rigward tal-integrazzjoni totali tas-suq tal-ħlasijiet
bl-imnut. Madankollu, dan is-suq huwa dinamiku ħafna u esperjenza
innovazzjoni sinifikanti f'dawn l-aħħar ftit snin. Oqsma importanti
ta' dan is-suq, speċjalment ħlasijiet bil-kard u mezzi ġodda ta'
ħlasijiet, bħall-ħlasijiet bl-internet u mobbli, spiss
għadhom frammentati skont il-fruntieri nazzjonali u b'hekk jagħmluha
diffiċli għal servizzi ta' ħlas diġitali innovattivi u
faċli biex jintużaw biex jiżviluppaw b'mod effiċjenti u
biex jipprovdu lill-konsumaturi u l-bejjiegħa bl-imnut b'metodi ta' ħlas
effettivi, sikuri u konvenjenti (bl-eċċezzjoni possibbli ta' karti
ta' kreditu) fuq livell pan-Ewropew sabiex jixtru varjetà dejjem akbar ta'
oġġetti u servizzi. L-aħħar żviluppi f'dawn is-swieq
issottolinjaw ukoll ċerti lakuni regolatorji u fallimenti tas-suq
fis-swieq għal ħlasijiet bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl. Biex
jiġu ttrattati kif suppost dawn il-kwistjonijiet, huwa meħtieġ
approċċ armonizzat fil-livell Ewropew. 5. KONKLUŻJONIJIET L-armonizzazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi
tal-fornituri tas-servizzi tal-ħlas fil-PSD kkontribwiet kemm biex
tiffaċilita l-forniment ta' servizzi ta' ħlas uniformi madwar l-UE
kif ukoll, għal ħafna fornituri ta' servizzi ta' ħlas,
għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-konformità ġuridika u
tal-produzzjoni. Il-benefiċċji mistennija għadhom ma twettqux
kompletament minħabba differenzi f'liġijiet u regolamenti oħra
applikabbli (kontra l-ħasil tal-flus, il-protezzjoni tad-dejta,
il-protezzjoni tal-konsumatur) madwar l-UE. Min-naħa tal-konsumatur,
il-kwistjonijiet ewlenin jikkonċernaw l-approċċi differenti
użati mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas u l-Istati Membri meta
d-Direttiva tathom marġni ta' manuvrar u diskrezzjoni fir-rigward
tal-implimentazzjoni[45]. II Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 1. Introduzzjoni Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 jelimina
d-differenzi fl-imposti fuq il-ħlasijiet transfruntiera u nazzjonali
bl-euro. Dan japplika għal ħlasijiet bl-euro fl-Istati Membri kollha
tal-UE. Il-prinċipju bażiku tagħha huwa li l-imposti għal
tranżazzjonijiet ta' ħlas offruti minn kwalunkwe fornitur ta'
servizzi ta' ħlas fl-UE għandhom ikunu l-istess, għall-ħlas
tal-istess valur, kemm jekk il-ħlas huwa nazzjonali kif ukoll jekk huwa
transfruntier. Ir-Regolament japplika għal kull ħlas ipproċessat
elettronikament, inklużi trasferimenti ta' kreditu, debiti diretti,
ġbid ta' kontanti, ħlasijiet permezz ta' karti tad-debitu u
tal-kreditu u rimessi ta' flus. Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 u
l-prekursur tiegħu, ir-Regolament 2560/2001, ġab miegħu tnaqqis
kbir ħafna ta' imposti mħallsa mill-konsumaturi (u utenti oħrajn
tas-servizzi tal-ħlas) għal servizzi ta' ħlas regolati.
Pereżempju, l-imposti għal trasferiment tal-kreditu ta' 100 EUR
naqas minn medja tal-UE ta' EUR 23,60 fl-2001 għal EUR 2,46
fl-2005. Bl-istess mod, l-imposti fuq ġbid transfruntier mill-ATM f'euro
waqgħu għal-livelli li jġarrbu d-detenturi tal-kard
fil-pajjiż tagħhom stess. Għalhekk, ir-Regolament ġab
iffrankar importanti għal miljuni ta' ċittadini tal-UE. 2. Il-klawżola ta'
reviżjoni L-Artikolu 15 tar-Regolament jirrikjedi
żewġ rapporti. L-ewwel rapport għandu jimmira biex jiddiskuti
kemm hu adatt li jitneħħew l-obbligi tar-rappurtar nazzjonali
abbażi tas-saldi għal għanijiet ta' statistika u huwa marbut
mal-Artikolu 5 tar-Regolament. It-tieni għandu jimmira li jivvaluta
l-applikazzjoni ġenerali tar-Regolament u jeżamina f'iktar dettall
tliet kwistjonijiet speċifiċi: –
l-użu tal-IBAN u l-BIC fir-rigward
tal-awtomazzjoni tal-ħlasijiet; –
l-adattezza tal-limitu massimu previst
fl-Artikolu 3(1), jiġifieri l-limitu massimu ta' EUR 50 000
safejn japplika r-Regolament; –
l-iżviluppi tas-suq fir-rigward
tal-applikazzjoni tal-Artikoli 6, 7 u 8 jiġifieri fuq tariffi
tal-interkambju għal tranżazzjonijiet ta' debiti diretti u fuq
l-aċċessibilità għal debiti diretti. Il-kwistjonijiet
identifikati mill-koleġiżlaturi bħala li jeħtieġu
r-rapporti ġew indirizzati sadanittant fil-proposta l-ġdida
tal-Kummissjoni għar-Regolament, imressqa f'Diċembru 2010. 3. L-emendi introdotti
bir-Regolament (UE) 260/2012 (ir-Regolament tal-migrazzjoni lejn is-SEPA) Ir-Regolament
tal-migrazzjoni lejn is-SEPA, li daħal fis-seħħ
fil-31 ta' Marzu 2012, jintroduċi bosta bidliet
għat-test tar-Regolament tal-ħlasijiet transfruntieri. B'mod
partikolari: –
L-obbligi tar-rappurtar nazzjonali abbażi
tas-saldi jitneħħew għal ħlasijiet ta' kwalunkwe valur
mill-1 ta' Frar 2016; –
L-użu tal-IBAN u l-BIC fir-rigward
tal-awtomazzjoni tal-ħlasijiet huwa soġġett għar-regoli
ġenerali tar-Regolament tal-migrazzjoni lejn is-SEPA; –
Il-limitu massimu tal-applikazzjoni ta' EUR 50000,
previst fl-Artikolu 3(1) jitneħħa; –
Is-sitwazzjoni legali ta' tariffi tal-interkambju
għal tranżazzjonijiet ta' debiti diretti (l-Artikolu 6 u 7
tar-Regolament dwar il-ħlasijiet transfruntieri) hija indirizzata; –
L-aċċessibilità għal
tranżazzjonijiet ta' debitu dirett (l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar
il-ħlasijiet transfruntieri) hija kkonfermata. 4. Konklużjonijiet L-adozzjoni tar-Regolament tal-migrazzjoni
lejn is-SEPA kien akkumpanjat minn reviżjoni sħiħa
tal-kwistjonijiet indikati fl-Artikolu 15 tar-Regolament dwar
il-ħlasijiet transfruntieri. Konsegwentement, ma hemm l-ebda
ħtieġa li jiġi revedut ir-Regolament dwar dawn il-punti.
Għandu jkun enfasizzat li t-tneħħija tal-EUR 50 000
tirrappreżenta progress importanti u mixtieq għall-integrazzjoni
Ewropea tas-suq tal-ħlasijiet bl-imnut. Filwaqt li numru ta' mistoqsijiet dwar
l-applikazzjoni tar-Regolament ġew imqajma fil-kuntest tal-istudju
ekonomiku, ir-riżultati ta' dan l-eżerċizzju fil-biċċa
l-kbira kkonfermaw li r-Regolament jidher li qed jaħdem tajjeb. Pereżempju,
imposti għal trasferimenti ta' EUR 100 komplew ix-xejra ta' tnaqqis u
laħqu l-medja ta' EUR 0,50 għaż-żona tal-euro
għal trasferimenti mibdija onlajn u baqgħu baxxi, fil-livell baxx ta'
EUR 3,10 għat-trasferimenti mibdija l-bank[46]. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni waslet
għall-konklużjoni li l-ebda tibdil fit-test tar-Regolament (KE)
924/2009 ma huwa meħtieġ jew rakkomandat f'dan iż-żmien. III KONKLUŻJONIJIET FINALI L-objettivi
tal-PSD huma li "jkun stabbilit fuq livell Komunitarju qafas ġuridiku
modern u koerenti għas-servizzi ta' ħlas, kemm jekk is-servizzi huma
kompatibbli mas-sistema li tirriżulta mill-inizjattiva tas-settur
finanzjarju għal żona unika tal-ħlas bl-euro, kif ukoll jekk le,
li hu newtrali sabiex jiġi żgurat livell ta' kundizzjonijiet indaqs
għas-sistemi kollha tal-ħlas, sabiex tinżamm l-għażla
għall-konsumatur, li għandu jfisser pass konsiderevoli 'l quddiem
rigward l-ispejjeż, is-sigurtà u l-effiċjenza għall-konsumatur,
meta mqabbel mas-sistema preżenti"[47].
Il-PSD b'mod globali twettaq l-iskop tagħha u kwalunkwe bidliet futuri
possibbli għandhom isegwu approċċ evoluzzjonarju u mhux
wieħed rivoluzzjonarju. L-analiżi
tal-PSD u l-impatti tagħha jissuġġerixxu li għadd ta'
bidliet jistgħu jkunu previsti għall-PSD sabiex isaħħu l-effett
tagħha, jiċċaraw numru ta' aspetti tagħha[48], jipprovdu ambjent ekwu u
jqisu l-iżviluppi teknoloġiċi. F'dan ir-rigward, il-PSD tapplika
biss għal ħlasijiet fejn iż-żewġ fornituri finali
jkunu jinsabu fiż-ŻEE iżda mhux, pereżempju, għal
tranżazzjonijiet minn jew lejn pajjiżi terzi (l-hekk imsejħa
"tranżazzjonijiet b'fażi waħda"). Fil-waqt
tal-adozzjoni tagħha, għadd ta' attivitajiet (relatati)
mal-ħlasijiet kienu eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni tal-PSD. Dan
wassal għal sitwazzjoni fejn l-utenti tas-servizzi ta' ħlas ma
jgawdux il-protezzjoni tal-PSD għal volum dejjem akbar ta'
tranżazzjonijiet, ta lok għal inċertezzi dwar il-kamp ta'
applikazzjoni reali tad-Direttiva u ħoloq kundizzjonijiet li mhumiex ekwi
għal kulħadd. Il-flessibbiltà offruta mill-PSD f'li tippermetti
lin-negozjanti sabiex jitolbu ħlas jew jagħtu rifużjoni sabiex
jidderieġu lill-konsumatur lejn l-aktar mezzi ta' ħlas
effiċjenti, ikkombinata mal-għażla għall-Istati Membri li
jipprojbixxu jew jillimitaw kwalunkwe soprataxxa bħal din fit-territorju
tagħhom, wassal għal eteroġeneità estrema fis-suq. Sabiex
tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur u sabiex tiġi
promossa ċ-ċertezza ġuridika, armonizzazzjoni ulterjuri
tar-regoli tar-rifużjonijiet fir-rigward tad-debiti diretti tista'
tiġi kkunsidrata sabiex jiġu evitati d-disparitajiet kurrenti Ewropej
f'dan ir-rigward. Tnaqqis tal-kamp ta' applikazzjoni tar-"reġim
simplifikat" għall-hekk imsejħa "istituzzjonijiet għal
ħlasijiet żgħar" u ftit aġġustamenti
għad-dispożizzjonijiet tar-responsabbiltà jistgħu jiġu
kkunsidrati wkoll. Hemm
il-ħtieġa wkoll li jiġi akkomodat l-iżvilupp
teknoloġiku tan-negozju. Tfaċċaw atturi ġodda fis-suq
(l-hekk imsejħa "fornituri ta' servizzi ta' ħlas ta' partijiet
terzi") li bażikament joffru soluzzjonijiet ta' ħlasijiet bi
prezz baxx fuq l-internet bl-użu tal-applikazzjoni bankarja onlajn tad-dar
tal-klijenti, bil-kunsens tagħhom, u jinfurmaw lin-negozjanti li l-flus
jinsabu fi triqithom, u b'hekk jiffaċilitaw ix-xiri onlajn. Xi atturi
joffru wkoll informazzjoni konsolidata dwar kontijiet differenti ta' utent
tas-servizzi ta' ħlas ("servizzi ta' informazzjoni dwar
il-kontijiet"). Filwaqt li dawn l-atturi ġodda jġibu
vantaġġi li ma jistgħux jinċaħdu għall-utenti tal-ħlasijiet
b'mod ġenerali - kemm in-negozjanti kif ukoll il-konsumaturi - u
jġibu wkoll il-kompetizzjoni fis-suq, jeħtieġ li tiġi
indirizzata serje ta' kwistjonijiet dwar is-sigurtà, l-aċċess
għall-informazzjoni dwar kontijiet ta' ħlas jew il-privatezza
tad-dejta fil-livell tal-UE, flimkien mal-liċenzjar u s-superviżjoni
possibbli tagħhom bħala istituzzjonijiet tal-ħlas taħt
il-PSD. F'dak li
jirrigwarda r-Regolament 924/2009, kif diġà spjegat aktar 'il fuq, dan ma
jeħtieġx aktar reviżjoni tal-kamp ta' applikazzjoni jew irfinar.
Anness 1
Emendi għar-Regolament (KE) 924/2009 introdotti bir-Regolament (UE)
260/2012 Ir-Regolament dwar il-ħlasijiet transfruntieri || Id-dispożizzjoni oriġinali || Ir-Regolament dwar il-migrazzjoni lejn is-SEPA || Id-dispożizzjoni emendata Artikolu 3(1) || Imposti miżmuma għal ħlasijiet f'euro sa EUR 50 000 għandhom ikunu l-istess għal tranżazzjonijiet ta' ħlasijiet transfruntieri u ħlasijiet nazzjonali korrispondenti tal-istess valur || Artikolu 17(2) || Imposti miżmuma għal ħlasijiet f'euro ta' kwanunkwe valur għandhom ikunu l-istess għal tranżazzjonijiet ta' ħlasijiet transfruntieri u ħlasijiet nazzjonali korrispondenti tal-istess valur Art. 5. || L-Istati Membri jneħħu l-obbligi tar-rappurtar statistiku abbażi tas-saldi fuq ħlasijiet li jammontaw sa EUR 50 000 || Artikolu 17(4) || L-Istati Membri jneħħu l-obbligi tar-rappurtar statistiku abbażi tas-saldi fuq ħlasijiet ta' kull valur sa mill-1 ta' Frar 2016. Art. 6. || Tariffa multilaterali tal-interkambju ta' EUR 0,088 għandha tapplika għal tranżazzjonijiet transfruntieri ta' debitu dirett sal-1 ta' Novembru 2012, sakemm ma jkunx intlaħaq ftehim dwar tariffa ta' interkambju aktar baxxa || Art 6(3) u Art. 8 || Tariffa multilaterali tal-interkambju għandha tapplika għal tranżazzjonijiet transfruntieri ta' debitu dirett sal-1 ta' Novembru 2012. Mill-1 ta' Frar 2014, tariffa multilaterali tal-interkambju għal tranżazzjonijiet transfruntieri ta' debitu dirett tista' tapplika għal tranżazzjonijiet-R, skont kriterji definiti strettament (approċċ ibbażat fuq l-ispejjeż) Art. 7. || Tariffa multilaterali tal-interkambju għandha tapplika għal tranżazzjonijiet nazzjonali ta' debitu dirett sal-1 ta' Novembru 2012, iżda biss jekk kienet teżisti f'dak l-Istat Membru qabel l-1 ta' Novembru 2009. || Art. 6(3), Art. 8 u Artikolu 17(5) || Tariffa multilaterali tal-interkambju għandha tapplika għal tranżazzjonijiet nazzjonali ta' debitu dirett sal-1 ta' Frar 2017, iżda biss jekk kienet teżisti f'dak l-Istat Membru qabel l-1 ta' Novembru 2009. Mill-1 ta' Frar 2014 tkun tista' tapplika għal tranżazzjonijiet-R, skont kriterji definiti strettament (approċċ ibbażat fuq l-ispejjeż) Art. 8. || Aċċessibilità għal tranżazzjonijiet ta' debitu dirett għandha tkun assigurata sal-1 ta' Novembru 2010 mill-PSPs fl-Istati Membri taż-żona tal-euro. Għandha tkun assigurata sal-1 ta' Novembru 2014 mill-PSPs fi Stati Membri mhux taż-żona tal-euro. || Art. 3, Art. 16(2) u Art. 17(6) || Aċċessibilità għal tranżazzjonijiet (ta' trasferiment ta' kreditu u) ta' debitu dirett għandha tkun assigurata immedjatament mill-PSPs fl-Istati Membri taż-żona tal-euro. Għandha tkun assigurata sal-31 ta' Ottubru 2016 mill-PSPs fi Stati Membri mhux taż-żona tal-euro. Artikolu 15(2) || L-użu tal-(IBAN u l-)BIC fir-rigward tal-awtomazzjoni tal-ħlasijiet || L-Artikolu 5(4), 5(5) u l-Artikolu 17(3) + l-Anness || Il-PSUs huma obbligati li jużaw il-BIC, iżda biss fejn meħtieġ, sal-1 ta' Frar 2014 għal ħlasijiet nazzjonali u sal-1 ta' Frar 2016 għal tranżazzjonijiet ta' ħlasijiet transfruntieri. Mill-1 ta' Frar 2016 l-IBAN biss hija meħtieġa. [1] http://ec.europa.eu/internal_market/payments/docs/framework/transposition/psd_transposition_study_report_en.pdf [2] London Economics u IFF
f'Assoċjazzjoni ma' PaySys Study. [3] Tipik — p4 [4] Tipik– p5 [5] L-Artikolu 86(1) tal-PSD [6] http://ec.europa.eu/internal_market/payments/framework/options_en.htm
[7] iff, London Economics u PaySys –
p169 [8] iff, London Economics u PaySys –
p171 [9] iff, London Economics u PaySys –
p136-9 [10] iff, London Economics u PaySys –
p141 [11] iff, London Economics u PaySys –
p148 [12] Iff, London Economics u PaySys –
p130-1 [13] iff, London Economics u PaySys –
p131 [14] L-Artikolu 34(2) tal-PSD [15] iff, London Economics u PaySys –
p152-3 [16] L-Artikolu 4(26) tal-PSD [17] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=
OJ:L:2003:124:0036:0041:en:PDF [18] Tipik– p31 [19] Tipik– p42 [20] iff, London Economics u PaySys –
p165 [21] iff, London Economics u PaySys –
p175 [22] iff, London Economics u PaySys –
p180-183 [23] Skont id-dejta eżistenti fi
13-il Stat Membru - iff, London Economics u PaySys - p177 [24] Tipik– p10 [25] iff, London Economics u PaySys –
p192 [26] L-Artikolu 6 tal-PSD [27] L-Artikolu 7 tal-PSD [28] L-Artikolu 9 tal-PSD [29] Tipik– p12 [30] skont id-Direttiva 2006/48/KE [31] L-Artikolu 8(3) tal-PSD [32] Tipik– p13 [33] iff, London Economics u PaySys –
p198 [34] iff, London Economics u PaySys –
p200 [35] iff, London Economics u PaySys –
p197 [36] Stipulat fl-Artikolu 13
tal-PSD [37] iff, London Economics u PaySys –
p207 [38] Tipik– p30 [39] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/
LexUriServ.do?uri=COM:2011:0941:FIN:EN:PDF – Ir-risposti: https://circabc.europa.eu/faces/jsp/extension/wai/navigation/container.jsp
[40] iff, London Economics u PaySys –p
295 [41] iff, London Economics u PaySys –p
246 [42] Tipik– p 44 [43] iff, London Economics u PaySys –p
267 [44] iff, London Economics u PaySys –p
270 [45] iff, London Economics u PaySys –p
288 [46] Dejta ta' Settembru 2012. [47] Il-premessa 4
tal-PSD [48] iff, London
Economics u PaySys –p 275