52013DC0517

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Komunikazzjoni Konsultattiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Fosfru /* COM/2013/0517 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Komunikazzjoni Konsultattiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Fosfru

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

Il-fosfru hu sies essenzjali tal-ħajja. Huwa parti insostitwibbli tal-agrikoltura moderna, billi ma hemmx sostitut għall-użu tiegħu fl-għalf tal-annimali u l-fertilizzanti. Il-qagħda kurrenti, li tinvolvi skart u telf f’kull pass taċ-ċiklu tal-ħajja tal-fosfru, tikkontribwixxi għal tħassib dwar il-provvista fil-ġejjieni u t-tniġġis tal-ilma u l-ħamrija, kemm fl-UE kif ukoll madwar id-dinja. Permezz tal-produzzjoni u l-użu effiċjenti, kif ukoll tar-riċiklaġġ u t-tnaqqis tal-ħela, jistgħu jsiru passi kbar ’il quddiem lejn l-użu sostenibbli tal-fosfru, li jqiegħdu lid-dinja fit-triq lejn l-effiċjenza tar-riżorsi u jiżguraw li r-riservi jkunu għadhom disponibbli għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.

L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni Konsultattiva huwa li tiġbed l-attenzjoni dwar is-sostenibbilità tal-użu tal-fosfru u li tagħti bidu għal dibattitu dwar il-qagħda kurrenti u l-azzjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati. Mhijiex imfassla bil-mira ta' leġiżlazzjoni speċifika dwar il-fosfru. Din l-azzjoni tħabbret fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa li Tuża r-Riżorsi b'mod Effiċjenti[1] u għandha titqies bħala parti mill-isforz globali biex tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi fl-UE u fid-dinja kollha.

Ir-riżorsi tal-fosfru huma relattivament abbundanti fid-dinja kollha u r-riżervi huma sinifikanti. Madankollu, hemm diversi fatturi li flimkien ifissru li għall-UE, il-kwistjonijiet li jaffettwaw is-sigurtà tal-provvista għandhom jiġu ssorveljati mill-qrib. L-ewwel nett, fi ħdan l-UE, hemm biss riżervi żgħar li għandhom il-blat bil-fosfati fih. It-tieni nett, riċentement kien hemm volatilità fil-prezzijiet — fl-2008, il-prezzijiet tal-blat bil-fosfru żdied bi 700 % fi ftit iktar minn sena, li jikkontribwixxu għal żidiet fil-prezzijiet tal-fertilizzanti. It-tielet, ftit hemm skop li wieħed jaqleb mill-użi inqas importanti tal-fosfru, billi l-użu essenzjali tal-għalf u l-fertilizzanti diġà jikkonsma madwar 90 % tat-total tar-riżorsi li ġej mill-minjieri. It-titjib fl-użu ta’ fosfru riċiklat fl-UE u madwar id-dinja se jgħin biex tiġi jissalvagwardjata l-provvista ta’ din il-materja prima fundamentali u biex titħeġġeġ distribuzzjoni aktar bilanċjata ta’ fosfru kemm fuq il-livell reġjonali kif ukoll fuq il-livell globali. Mil-lat ekonomiku, id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-fosfati għan-negozji tal-UE li jiddependu fuqha se ttejjeb ir-reżiljenza tagħhom meta jħabbtu wiċċhom ma’ kwalunkwe instabilità fil-prezzijiet fil-futur u xejriet oħra li jistgħu jaggravaw din id-dipendenza fuq l-importazzjoni tagħhom.

Barra minn hekk, il-benefiċċji ambjentali u tal-użu tar-riżorsi fiż-żieda fl-effiċjenza u t-tnaqqis tat-telf għandu jkun sinifikanti. L-użu kurrenti tal fosfru huwa ineffiċjenti f’ħafna stadji taċ-ċiklu tal-ħajja, u jikkawża tniġġis tal-ilma problematiku u l-ħela ta’ firxa wiesgħa ta’ riżorsi assoċjati. Il-kontaminanti bħall-kadmju u l-uranju fil-materja prima jistgħu wkoll jikkawżaw problemi ambjentali u tas-saħħa. Indipendentement mill-volum totali tal-fosfat disponibbli li ġej mill-minjieri u l-aspetti tas-sigurtà tal-provvista, dawn il-benefiċċji waħedhom jiġġustifikaw l-azzjoni li tittieħed biex jintuża u jiġi rriċiklat il-fosfru b’mod aktar effiċjenti. L-azzjonijiet li ttieħdu sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-użu u r-riċiklaġġ tal-fosfru għandhom firxa wiesgħa ta’ vantaġġi oħra — pereżempju, ġestjoni aħjar tal-ħamrija tibbenefika l-bijodiversità u l-klima.

Mhijiex daqshekk ħaġa faċli li wieħed jindirizza dawn il-kwistjonijiet . Ir-reġjuni fl-UE li jipproduċu l-uċuħ tar-raba’ huma inklinati lejn stabbilizzazzjoni fil-livelli tal-fosfru fil-ħamrija iżda jkomplu jiddependu fuq l-applikazzjoni tal-fertilizzanti minerali tal-fosfati. Il-produzzjoni intensiva tal-annimali hija kkonċentrata f’oqsma speċifiċi qrib il-portijiet, iċ-ċentri kbar fil-popolazzjoni u x-xogħol u l-għarfien espert disponibbli. Din il-konċentrazzjoni wasslet għal provvista żejda ta’ demel f’dawn ir-reġjuni, b’żieda gradwali tal-kontenut tal-fosfati ta’ tipi differenti ta’ ħamrija u riskji akbar ta’ tniġġis tal-ilma. Bl-istess mod, it-tkabbir ta’ bliet kbar ifisser li dranaġġ u skart tal-ikel li fihom il-fosfru qed ikunu dejjem aktar 'il bogħod mill-azjendi agrikoli fejn jista’ jintuża wara trattament xieraq.

Minkejja dan hemm ħafna lok għal titjib fis-sitwazzjoni. Ir-rotot ewlenin għat-telf ta' fosfru li jista' jintuża jinkludu l-erożjoni tal-ħamrija u l-lissar, kif ukoll l-użu ineffiċjenti tad-demel, l-iskart bijodegradabbli u l-ilma mormi. Analiżi tal-fluss minn Franza, pereżempju, juru li 50 % ta’ fosfru totali użat hemm huwa mitluf — madwar 20 % fid-drenaġġ, l-istess permezz tal-erożjoni u l-iskular u 10 % fil-forma ta’ skart tal-ikel u oħrajn fil-bijoskart[2]. L-użu sostenibbli tal-fosfru issa sar is-suġġett ta’ ħafna riċerka. Fir-Renju Unit, ix-xogħol imwettaq għad-Dipartiment tal-Ambjent, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali identifika l-fosfru bħala riskju għar-riżorsi fil-futur li huwa sinifikanti għall-agrikoltura, u wieħed fejn l-Istat Membru waħdu ma tantx jista’ jagħmel wisq biex jindirizzah[3] Bosta pubblikazzjonijiet xjentifiċi stabbilixxew il-perikli u l-ispejjeż tal-approċċ attwali tagħna.

Diġà ttieħdu miżuri fuq livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali, primarjament biex jindirizzaw problemi ta’ tniġġis tal-ilma mill-fosfru u sabiex jitnaqqas l-iskart ta’ materjali bħall-ikel jew skart bijodegredabbli ieħor li wkoll ikun fihom fosfru. Madankollu, dawn l-azzjonijiet tfasslu bil-ħsieb tal-prevenzjoni tat-tniġġis tal-ilma jew għal għanijiet oħra ta’ politika, aktar milli għall-finijiet ta’ riċiklaġġ u l-iffrankar tal-fosfru. Inizjattivi li huma direttament ffukati fuq l-effiċjenza tal-fosfru u fuq l-irkupru baqgħu imferrxin, u rari jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp tal-politika. Eċċezzjoni hija l-Isvezja, fejn ġiet stabbilita mira interim nazzjonali: “Sal-2015, mill-inqas 60 % tal-komposti tal-fosfru preżenti f’ilma mormi se jkun irkuprat għal użu fuq art produttiva. Mill-inqas nofs dan l-ammont għandhom jintbagħtu lura f'art li tinħadem”. Il-Pajjiżi l-Baxxi daħħlu fis-seħħ ftehim dwar il-katina tal-valur tal-fosfati, li fiha firxa ta’ partijiet interessati impenjaw rwieħhom għal miri bħall-użu ta’ perċentwal stabbilit ta’ fosfru r riċiklat fil-proċess tagħhom ta’ manifattura[4]. Il-Ġermanja qed taħdem fuq leġiżlazzjoni ppjanata biex jitnaqqas l-iskart tal-fosfru. Wara l-ewwel Konferenza Ewropea dwar il-Fosfru Sostenibbli, ġiet stabbilita Pjattaforma Ewropea dwar il-Fosfru mill-partijiet interessati sabiex jinħoloq suq Ewropew ta’ fosfru riċiklat lis-suq u biex jintlaħaq użu aktar sostenibbli tal-fosfru[5].

Is-sostituzzjoni totali tal-fosfat estratt mill-minjieri fl-UE bil-fosfru riċiklat la huwa vijabbli u lanqas meħtieġ fil-futur prevedibbli. Madankollu, iktar riċiklaġġ u użu ta’ fosfru organiku fejn ikun meħtieġ jistgħu jistabbilizzaw l-ammonti tal-fosfati estratti mill-minjieri meħtieġa u jistgħu jtaffu l-kwistjonijiet tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija u t-tniġġis tal-ilma. Dan imbagħad se jqiegħdna fit-triq it-tajba biex nagħlqu ċ-ċiklu tal-fosfru fit-terminu twil, meta l-limitazzjonijiet fiżiċi tar-riżorsi se jsiru dejjem aktar importanti.

2.           L-istampa tal-provvista u d-domanda sal-2050 u lil hinn

Storikament, l-ewwel fertilizzanti bil-fosfru ġew minn sorsi organiċi — prinċipalment mid-demel permezz ta’ sistemi ta’ biedja mħallta u mbagħad minn għadam mitħun u l-gwanu, l-ewwel prodotti negozjabbli ewlenin ta' fertilizzanti. Tekniki effiċjenti għall-estrazzjoni u l-manifattura tal-fertilizzant mill-blat tal-fosfati imbagħad ġew żviluppati, u din kienet waħda mill-kundizzjonijiet tar- “rivoluzzjoni ekoloġika” fil-produttività agrikola minn tmiem is-snin erbgħin 'l quddiem. Għalkemm id-demel tal-annimali jibqa’ parti essenzjali mill-provvista tal-fosfru fil-fertilizzant (fl-UE, huwa sors ewlieni — 4.7 miljun tunnellata ta’ demel huma applikati bħala fertilizzanti kull sena[6]), il-fertilizzant tal-fosfat minerali sar l-akbar sors ta’ fosfru fil-produzzjoni tal-uċuh globalment, kif ukoll is-sors oriġinali tal-fosfru kollu ġdid fiċ-ċiklu.

Grafika 1: Sorsi globali storiċi ta’ fertilizzanti bil-fosfru[7]

2.1.        L-istorja ta’ fosfru:

Il-produzzjoni attwali tal-blat tal-fosfati hija kkonċentrata f’għadd limitat ta’ pajjiżi. L-ebda minnhom huma fl-UE, bl-eċċezzjoni tal-Finlandja fejn hemm ammont żgħir ta’ produzzjoni. Fl-2011, ir-rata ta’ dipendenza tal-importazzjoni tal-UE kienet ta' madwar 92 %[8]. Żewġ terzi tar-riżervi tal-blat tal-fosfati kurrenti identifikati fl-aktar riċerka reċenti miċ-Ċentru Internazzjonali tal-Iżvilupp tal-Fertilizzanti (IFDC)[9] dwar is-suġġett ġejjin mill-Marokk/is-Saħara tal-Punent, iċ-Ċina u l-Istati Uniti, għalkemm hemm ħafna pajjiżi li għandhom riżervi iżgħar. F’dan ir-rapport, ir-riżervi ġodda kbar identifikati fil-Marokk/is-Saħara tal-Punent huma mniżżla bħala soġġetti għall-kawtela.

Konsegwentement, huwa diffiċli li titbassar preċiżament il-firxa tal-provvisti tal-blat tal-fosfati u l-abbiltà ta’ dawn il-provvisti biex jissodisfaw id-domanda fit-terminu twil. Madankollu, l-aħjar evidenza disponibbli tindika li hemm biżżejjed provvisti għal diversi ġenerazzjonijiet, u li qed jiġu identifikati regolarment riżervi ġodda, b’tendenza ċara lejn it-twessigħ taż-żona ġeografika tal-produzzjoni fil-futur. Se jkun hemm punt f’xi stadju fil-futur meta l-provvisti se jibdew jonqsu, iżda dan mhuwiex immedjat.

L-FAO ġabret xi informazzjoni statistika dwar l-użu tal-fertilizzant madwar id-dinja, iżda din ma tkoprix ir-riżorsi u riservi tal-blat tal-fosfati. Ir-riżervi tal-kumpaniji tal-blat tal-fosfati huma koperti b’mod wiesa’ għal skopijiet kummerċjali mill-kodiċi Awstraljan JORC[10] jew l-ekwivalenti, li huwa industrija standard għall-klassifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tad-deskrizzjonijiet ta’ riżerva, iżda dan mhuwiex imfassal bħala bażi għall-kumpilazzjoni tar-riżervi nazzjonali jew internazzjonali. Sors ta’ referenza għal informazzjoni bħal din minn dejjem kien l-Istħarriġ Ġeoloġiku tal-Istati Uniti [United States Geological Survey (USGS)], iżda bejn l-1990 u l-2010 l-istatistika tal-USGS ma kinitx kompletament aġġornata b’informazzjoni minn sorsi mhux governattivi. Kif ġie nnutat hawn fuq, fl-2010 ċ-Ċentru Internazzjonali tal-Iżvilupp tal-Fertilizzanti (IFDC) irraporta stimi ġodda sinifikament ogħla ta' riżervi abbażi tal-informazzjoni dwar l-industrija, u fl-2011, l-USGS aġġorna l-istimi tar-riżorsi tiegħu skont dan[11]. Dawn iċ-ċifri, u d-definizzjonijiet ta’ riżorsi u riżerva mill-USGS, ġew użati kulfejn hu possibbli f’dan id-dokument. Il-Grafika 2 turi bidla fl-istimi tar-riżervi.

Grafika 2: L-impatt tar-reviżjoni tar-riżervi tal-blat tal-fosfati — espress bħala biljun tunnellata P205[12]

Il-kwistjoni dwar jekk ikunx meħtieġ li tiġi stabbilita sistema ta’ rappurtar u ta' statistika ta’ segwitu uffiċjali ġiet dibattuta f’diversi pubblikazzjonijiet akkademiċi. Ikun jeħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni li għandha tinġabar b’mod li jirrispetta l-kunfidenzjalità kummerċjali, iżda li fl-istess ħin jagħti lill-korpi pubbliċi u lill-partijiet interessati oħra l-fiduċja li għandhom informazzjoni preċiża. L-integrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-istħarriġ ġeoloġiku nazzjonali eżistenti ser tkun kruċjali.

Is-sorsi organiċi tal-fosfru, bosta drabi huma materjali onerużi u voluminużi bħad-demel jew it-tajn tad-drenaġġ li ma jistgħux jiġu trasportati faċilment fuq distanzi twal. Madankollu, il-provvisti jistgħu jitqassmu aħjar fil-livell reġjonali, u d-disponibilità tal-materjal tista' tittejjeb kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità. Din il-kwistjoni hija esplorata aktar fit-Taqsima 4.

2.2.        Tiżdied id-domanda għall-kompost biex nitimgħu lid-dinja

Il-previżjonijiet tal-FAO dwar id-domanda dinjija għall-fertilizzanti jissuġġerixxu li l-użu dinji tal-fertilizzanti ser ikompli jespandi. Dawn jindikaw iż-żidiet projettati għall-fosfat bħala nutrijent tal-fertilizzant sa 43.8 miljun tunnellata fis-sena fl-2015 u sa 52.9 miljun tunnellata fl-2030[13]. Dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li tinżamm kif inhi s-sitwazzjoni mhux mixtieqa tal-użu baxx ħafna tal-fertilizzanti f’xi pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment flAfrika Subsaħarjana. F’dak li għandu x’jaqsam mal-fosfru, il-konsum dinji kurrenti huwa ta’ madwar 20 miljun tunnellata metrika fis-sena. Id-domanda għal fosfru fl-għalf hija wkoll prevista li se tiżdied, minħabba żidiet kbar fis-settur tat-trobbija tal-annimali[14].

Fit-terminu twil, in-numru ta’ fatturi jindikaw li d-domanda x’aktarx se tkompli tikber. Il-popolazzjoni tad-dinja hija mbassra li tiżdied għal aktar minn disa’ biljun ruħ sal-2050. Dan, flimkien ma’ bidliet fid-drawwiet djetetiċi, wassal lill-FAO biex tbassar domanda għal 70 %[15] aktar ikel sa dik id-data, jekk ix-xejriet insostenibbli attwali jippersistu. Imbagħad, dan x’aktarx ifisser aktar art fil-produzzjoni agrikola, u/jew intensifikazzjoni akbar fuq l-art agrikola eżistenti. Dan imbagħad se jżid id-domanda għall-fertilizzanti.

Iż-żieda fid-domanda għall-fertilizzanti se tkun wkoll xprunata miż-żieda fil-produzzjoni globali tal-bijofjuwils. [16]. Fl-2007/8, l-użu tal-fertilizzanti assoċjati mal-produzzjoni tal-bijofjuwils diġà kienet stmata li tlaħħaq 870,000 tunnellata ta’ fosfati kull sena[17].

2.2.1.     Żbilanċi globali fl-użu tal-fosfru

Grafika 3: Mappa ta’ żbilanċi globali agronomiċi P għas-sena 2000[18]

Il-Grafika 3 hija r-riżultat ta’ studju li jfittex li jikkalkula l-bilanċi tal-fosfru madwar id-dinja. Dan juri li hemm ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw fejn hemm żbilanċi sinifikanti tal-fosfru[19]. Dawn il-livelli huma taħt dak li jkun meħtieġ biex tinżamm il-produttività fit-terminu twil tal-ħamrija u biex jippermettu li jitjieb ir-rendiment tal-uċuħ tar-raba’ li se jkunu meħtieġa. Parti minn dan ir-rekwiżit addizzjonali jista’ jiġi minn użu aħjar ta’ sorsi organiċi lokali, iżda huwa probabbli li ħafna minn din id-domanda trid tiġi fornuta mill-blat tal-fosfati. Peress li t-tkabbir fil-popolazzjoni umana huwa mbassar li se jseħħ fid-dinja li qed tiżviluppa, l-akbar bżonn ta’ fertilizzant tal-fosfati se jkun f’dawk iż-żoni li bħalissa għandhom l-inqas livelli ta' fosfati tal-ħamrija.

Iż-żidiet fid-domanda fuq il-livell dinji se jonqsu parzjalment permezz ta' tnaqqis fl-użu tal-fosfru madwar iż-żoni ta’ produzzjoni intensiva tal-annimali, fejn il-ħamrija jkun fiha aktar fosfru disponibbli milli huwa meħtieġ għall-produzzjoni tal-uċuħ, bir-riżultat li d-demel żejjed jinfirex (partijiet tal-UE, l-Istati Uniti, iċ-Ċina). Tali tnaqqis jista’ jkun minħabba fatturi ekonomiċi, billi l-fosfru fuq l-art saturata ma ġġib l-ebda benefiċċju għall-uċuh tar-raba’, jew għar-regolamenti ambjentali li jimmiraw li jittrattaw it-tniġġis tal-ilma. Madankollu, għandu jiġi nnutat li, jekk il-produzzjoni tal-annimali f’dawn l-oqsma ma titnaqqasx, id-domanda għall-fosfru permezz tal-għalf tal-annimali se tibqa' l-istess.

2.3.        Il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda

Mindu bdiet il-produzzjoni tal-fertilizzanti industrijali, iż-żieda kostanti fid-domanda għall-fertilizzanti kienet konsistentement ibbilanċjata bil-volumi li dejjem jiżdiedu ta' estrazzjonijiet mill-mijieri tal-blat tal-fosfati. Kien hemm żbalji okkażjonali minħabba avvenimenti ġeopolitiċi usa', notevolment meta l-kollass tal-Unjoni Sovjetika fis-snin disgħin wassal għal waqgħa temporanja fid-domanda globali għal fertilizzant, iżda minbarra dan, iż-żieda kienet kostanti.

2.3.1.     Iż-żieda drastika fil-prezzijiet tal-2008

Mill-2007-8 il-prezzijiet tal-blat tal-fosfati tela’ b’aktar minn 700 % f’perjodu ta' 14-il xahar. Fl-2008, iċ-Ċina imponiet dazju ta' esportazzjoni ta’ 110-120 % fuq il-blat tal-fosfati, li imbagħad tnaqqas f’diversi stadji sal-livell ta’ 35 %, li għadu jiġi applikat sal-lum. Il-kapaċità operattiva globali għal aċidu fosforiku telgħet sa viċin il-massimu possibbli. Dan il-prezz għoli attira interess konsiderevoli mill-istampa u l-partijiet interessati. L-ispinta ġiet segwita minn tnaqqis matul ir-riċessjoni globali, għalkemm il-prezzijiet reġgħu telgħu mill-bidu tal-2011. Żidiet fil-prezzijiet għall-blat tal-fosfati huma essenzjalment funzjoni tal-provvista u d-domanda, u wieħed mill-fatturi tad-domanda li dejjem tikber għall-uċuħ tar-raba’ tal-bijofjuwil. Huma jirriflettu wkoll il-prezzijiet tal-ikel u jistgħu jkunu wkoll fattur kontributorju minuri minħabba żidiet fil-prezzijiet tal-ikel, għalkemm dawn huma ferm inqas sinifikanti mill-prezzijiet taż-żejt f’dak ir-rigward.

2.3.2.     Id-diskussjoni madwar “il-punt massimu tal-fosfru” u s-sigurtà tal-provvista

Skont l-istatistika tal-USGS, li kien l-uniku sors pubblikament disponibbli f’dak iż-żmien, għadd ta’ akkademiċi u kummentaturi oħrajn ipprevedew li “l-punt massimu tal-fosfru”, jiġifieri l-waqt f’perjodu ta’ żmien meta l-produzzjoni globali tal-blat tal-fosfati tilħaq il-massimu tagħha u tibda tonqos, jista’ jokkorri fit-terminu medju[20], jew jista' jkun li diġà għadda[21]. Minn dak iż-żmien, l-USGS aġġorna l-istimi tar-riżervi tiegħu u dawn il-kalkoli ma għadhomx rilevanti aktar. Barra minn hekk, għadd ta’ kummentaturi akkademiċi argumentaw li l-eżaminazzjoni tar-riżervi permezz ta’ kurva Hubbert hija essenzjalment xierqa għal fosfru[22] , partikolarment minħabba l-fatt li l-fosfru jista jiġi rriċiklat. Huma jargumentaw ukoll li hekk kif jogħla l-prezz, se jinstabu riżorsi oħra, anki jekk xi wħud minn dawn is-sorsi huma aktar diffiċli biex jiġu estratti mill-minjiera jew fihom aktar impuritajiet.

Filwaqt li l-ogħla fosfru minħabba l-eżawriment tal-blat tal-fosfati ma tantx jidher li se jkun punt ta’ tħassib fir-rigward tal-ġenerazzjonijiet futuri, il-kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-provvista li kienu tqajmu minn dik id-diskussjoni baqgħu rilevanti. Għalkemm minjieri ġodda u teknoloġiji ġodda — notevolment ir-riżorsi ta' qiegħ il-baħar — qed jiġu żviluppati u riżervi ġodda qed jiġu rrappurtati, sorsi oħra qegħdin dejjem jonqsu. Skont il-kundizzjonijiet teknoloġiċi u ambjentali, il-minjeri fl-Istati Uniti jista' ma jkollhomx tul ta' ħajja ta' iktar minn 50 sena. It-tul tal-ħajja tal-produzzjoni interna taċ-Ċina mhijiex ċara, iżda minħabba l-ħtiġijiet interni kbar jidher li mhemmx prospetti kbar li dan is-sors ikun disponibbli għall-esportazzjoni fi kwantitajiet sinifikanti fil-futur.

2.3.3.     L-Inizjattiva dwar il-Materja Prima

Fl-2010 Grupp ta' Ħidma tal-l-Kummissjoni Ewropea qed jaħdem biex jivvaluta 41 materja prima bil-għan li jidentifika liema materjali huma ta’ importanza kritika għall-UE. Wara li l-Grupp ta' Ħidma evalwa l-importanza ekonomika, ir-riskju ta’ provvista u l-impatt ambjentali ta’ kull materjal, il-Kummissjoni adottat lista ta’ 14-il materja prima li hija meqjusa bħala kritika. Din il-valutazzjoni se titwettaq mill-ġdid fl-2013 u se tinkludi evalwazzjoni tal-blat tal-fosfati.

2.3.4.     Il-kwalità tar-riżerva tal-blat tal-fosfati

Aktar mid-daqs u l-post ta’ riżervi, huwa l-kontenut ta’ metall tqil tad-depożiti li jifdal li tagħti lok għat-tħassib. Il-blat tal-fosfati huwa ġeneralment ikkontaminat mill-kadmju sa ċertu punt, li huwa element tossiku. Il-blat tal-fosfati li huwa estratt mill-minjieri fil-Finlandja, ir-Russja u l-Afrika t'Isfel huwa ignew u għandu kontenut baxx ta' kadmju (xi kultant inqas minn 10mg kadmju/kg P2O5). Min-naħa l-oħra, dawk li jinstabu fl-Afrika ta' Fuq u tal-Punent u fil-Lvant Nofsani huma sedimentarji u ġeneralment għandhom livell ogħla tal-kadmju, 'l fuq minn 60 kadmju/kg P2O5 fl-agħar każijiet. Il-ħtieġa li tiġi kkontrollata l-kontaminazzjoni tal-ħamrija bil-kadmju mill-fertilizzanti (Taqsima 3.3) ifisser li, jekk sorsi aktar nodfa jiġu eżawriti, l-ispiża tal-produzzjoni ta’ fertilizzant li jissodisfa standards ta’ protezzjoni tal-ħamrija x’aktarx li tiżdied, jew li standards ogħla fl-UE jwasslu biex materjal b’kontenut ta’ kadmju ogħla jibda jinbiegћ x’imkien ieħor. L-użu ineffiċjenti ta’ riżervi nodfa se jwasslu sabiex naslu aktar malajr għal dan il-punt, sakemm it-teknoloġiji tad-dekadmjazzjoni[23] jsiru ekonomikament vijabbli.

Q1 — Taħseb li kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-provvista għall-UE relatati mat-tqassim tal-blat tal-fosfati huma kwistjoni ta’ tħassib? Jekk iva, x’għandu jsir biex tinvolvi ruħha mal-pajjiżi produtturi sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet?

Q2 — L-istampa tal-provvista u d-domanda ppreżentata hawnhekk hija preċiża? X’tista’ tagħmel l-UE biex tħeġġeġ il-mitigazzjoni tar-riskji tal-provvista permezz tal-promozzjoni tal-attivitajiet sostenibbli fil-minjieri jew l-użu ta’ teknoloġiji ġodda tal-minjieri?

Q3 —Taħseb li l-informazzjoni fuq il-forniment mad-dinja kollha u d-domanda għall-blat tal-fosfati u fertilizzant, huwa disponibbli b’mod suffiċjenti, trasparenti u affidabbli? Jekk le, liema jkun l-aħjar mod biex tinkiseb aktar informazzjoni trasparenti u affidabbli fuq il-livell tal-UE u fuq il-livell globali?

3.           L-impatti ambjentali tul iċ-ċiklu tal-fosfru

L-użu sostenibbli tal-fosfru jmur lil hinn mill-kwistjonijiet marbuta madwar dak l-element wieħed. Meta jinħela l-fosfru, l-użu tal-enerġija, l-ilma u r-riżorsi l-oħra li jikkontribwixxi għaċ-ċiklu tal-produzzjoni tiegħu jinħlew flimkien miegħu. Barra minn hekk, il-fosfru li jispiċċa fil-korpi tal-ilma jikkawża xi problemi ambjentali hu stess, notevolment fil-forma ta’ ewtrofikazzjoni. Il-Grafika 4 turi l-iskala ta’ ineffiċjenza tul il-katina.

Grafika 4: It-telf tul il-katina tal-fosfru [24]

3.1.        Estrazzjonijiet minn mijieri, ipproċessar u trasformazzjoni f’fertilizzant jew għalf

L-estrazzjoni moderna mill-minjieri tal-fosfati issir l-aktar f’minjieri miftuħa. Dan it-tip ta’ xogħol fil-minjieri jeħtieġ żoni kbar ta’ art[25]. Barra l-art fejn isiru l-estrazzjonijiet fil-minjieri, l-art hija meħtieġa wkoll għall-munzelli tal-iskart u l-vaski tat-tafal għad-dikantazzjoni. Il-kwantitajiet totali tal-iskart solidu prodott jistgħu jkunu għolja, iżda dawn ivarjaw b’mod sinifikanti bejn l-impjanti — studju wieħed jirraporta sejbiet fejn, għal kull tunnellata ta’ aċidu fosforiku prodott, jinħtieġu 9.5 tunnellata ta’ fosfati mhux maħduma u jiġu prodotti 21.8 tunnellata ta’ skart differenti u 6.5 tunnellata ta’ dak li jintrema wara li jissaffa (tailings)[26].

Impjanti tal-aċidu fosforiku jipproduċu wkoll kwantitajiet kbar ta’ prodott sekondarju imsejjaħ fosfoġipsum. F’xi pajjiżi, il-fosfoġipsum huwa maħżun f’saffi kbar minħabba r-regolazzjoni tal-livelli ta’ radjuattività jew minħabba li l-alternattivi (ġipsum naturali u ġipsum ġej mid-disulfarizzazzjoni tal-gass fit-tromba taċ-ċumnija) huma aktar kompetittivi. F'xi pajjiżi bħall-Brażil u ċ-Ċina, madankollu, qed jintuża dejjem iktar fil-kostruzzjoni u fl-agrikoltura[27].

L-estrazzjoni mill-minjieri u l-ipproċessar tal-blat tal-fosfati tuża wkoll ammont kbir ta’ ilma. Għalkemm il-minjieri moderni jistgħu jużaw mill-ġdid sa 95 % tal-ilma meħud, dan il-livell tal-effiċjenza mhuwa bl-ebda mod universali. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm riskju ta’ tixrid jew tnixxija tal-ilma ta’ proċess aċiduż ħafna, notevolment minn għaddajjar dwar is-safef tal-fosfoġipsum u dan jista’ jikkontamina l-ekosistemi akkwatiċi. Billi d-depożiti tal-blat tal-fosfati ta' spiss jinsabu f’reġjuni nieqsa mill-ilma, il-provvista tal-ilma tista’ tkun fattur ta’ limitazzjoni sinifikanti fl-iżvilupp tal-estrazzjonijiet tal-fosfati mill-minjieri.

Ix-xogħol fil-minjieri huwa wkoll proċess intensiv fl-enerġija. L-uniċi stħarriġiet komprensivi dwar l-użu tal-enerġija fl-industrija kollha issa huma pjuttost antiki, iżda jagħtu ċifri ta’ 2.4 GJ ta’ enerġija primarja meħtieġa għal kull tunnellata ta’ prodott finali — dan l-ammont jirdoppja jekk wieħed iqis it-trasport lejn l-Ewropa[28]. Il-kisbiet fl-effiċjenza reċenti fil-minjieri tal-fosfati x’aktarx li tejbu din is-sitwazzjoni, li fi kwalunkwe każ tvarja minn minjiera għall-oħra Kull sena, miljuni ta’ tunnellati ta’ blat u fertilizzanti jiġu ttrasportati madwar id-dinja, bl-ispejjeż tat-trasport ambjentali li dan jinvolvi.

3.2.        It-tniġġis tal-ilma mill-agrikoltura u d-drenaġġ

Il-fosfru żejjed, prinċipalment dak ġej minn agrikoltura u ortikultura intensiva huwa kawża ewlenija tal-ewtrofikazzjoni tal-lagi u x-xmajjar. L-ilma mormi la kontroll jew ikkontrollat ħażinġej mill-eskreta tal-bniedem u użi oħra tad-dar, kif ukoll it-tniġġis industrijali, b jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal dawn il-problemi. Il-fertilizzant minerali huwa ta' spiss inqas il-kawża tal-iżbilanċi reġjonali li huma sintomatiċi ta’ dawn il-problemi, iżda jista’ jkun fattur kontributorju f’xi reġjuni.

L-erożjoni tal-ħamrija tista’ ġġorr ammonti sinifikanti ta’ fosfru mill-ħamrija fl-ilma tal-wiċċ. Mudell reċenti ta’ erożjoni tal-ħamrija permezz tal-ilma mibni mill-JRC stima li l-erja tal-wiċċ affettwata fl-UE-27 hi ta' 1.3 miljun km²[29]. Kważi 20 % ta’ din iż-żona affetwata hija soġġetta għal telf tal-ħamrija f’eċċess ta’ 10 tunnellati għal kull ettaru fis-sena. Ċarċir minn fertilizzant applikat reċentement jew mid-demel jista jikkontribwixxu iktar għat-tniġġis tal-ilma. It-tagħbija tal-ħamrija b’livelli għoljin ħafna ta’ fosfati ġeneralment ma ddgħajjifx t-tkabbir tal-uċuħ tar-raba’, iżda tista' taffettwa l-bijodiversità tal-pjanti f’ekosistemi naturali, filwaqt li żieda fil-migrazzjoni tal-fosfati fil-qrib korpi tal-ilma jħarbat il-bilanċ bijoloġiku. Minbarra t-telf indirett, id-demel għadu jinħareġ direttament f’kanali tal-ilma jew fis-sistema tad-drenaġġ f’xi partijiet tad-dinja, u dan ikompli jżid it-tniġġis mill-ilma mormi urban. Filwaqt li l-erożjoni tal-ħamrija hi t-triq ewlenija biex il-fosfati jidħlu fl-ilma f’żoni ta' ħamrija mrammla jew fejn ikun hemm pendil mingħajr veġetazzjoni, il-lissija fl-ilma tal-wiċċ tista' wkoll tkun fattur sinifikanti f’żoni saturati.

Skont is-SOER 2010[30], l-emissjonijiet mill-agrikoltura ta’ fosfru fl-ilma ħelu jaqbeż l-0.1 kg ta’ fosfru għal kull ettaru fis-sena madwar il-biċċa l-kbira tal-Ewropa, iżda jilħqu livelli ogħla minn 1.0 kg P/ettaru/sena fiż-żoni iktar intensi (hotspots). Bħala konsegwenza, diversi ilmijiet tal-baħar u kostali madwar l-UE għandhom konċentrazzjonijiet għolja jew għolja ħafna ta’ fosfru. Ir-riżultati preliminari tal-valutazzjoni tal-Pjanijiet għall-Ġestjoni tal-Baċini tax-Xmajjar[31] juru li, fi 82 % ta’ baċiri tax-xmajjar, l-agrikoltura qiegħda tikkawża ħafna pressjoni tal-fosfru fuq il-kanali tal-ilma. Xi studji[32] argumentaw li diġà qbiżna l-limiti planetarji għat-tniġġis bil-fosfru tal-ilma ħelu.

Telf ta’ fosfru u nutrienti oħrajn permezz ta’ dawn ir-rotot u minħabba t-tniġġis tad-drenaġġ jista’ jikkawża żieda fit-tkabbir tal-pjanti u l-algi. Dan jirriżulta f’ewtrofikazzjoni, li mbagħad tista’ twassal għal żbilanċ bejn il-proċessi tal-produzzjoni u l-konsum tal-pjanti/algi li għandu effetti negattivi fuq id-diversità tal-ispeċi u l-adattabilità tal-ilma għall-użu mill-bniedem. Tista’ tikkawża wkoll proliferazzjonisevera ħafna tal-algi , li ftit minnhom ikun fihom speċijiet dannużi li jikkawżaw il-mewt tal-ħut u l-fawna tal-baħar oħra u li — ladarba dekomposti — jistgħu javvelenaw il-bnedmin u l-annimali minħabba l-emissjonijiet tas-sulfid tal-idroġenu. Sitwazzjoni bħal din tieħu s-snin biex tirrimedja ruħha anke meta s-sors ta’ tniġġis ikun ġie eliminat, għaliex il-fosfru isir parti mis-sedimenti li huma soġġetti għal disturb frekwenti, u b’hekk tiġi kkawżata r-repetizzjoni tal-proċess tal-ewtrofikazzjoni.

3.3.        Kontaminazzjoni tal-ħamrija

Il-kontaminant preżenti fil-fertilizzanti bil-fosfati (sakemm ma jitneħħix permezz ta' teknoloġiji ta' dekadmjazzjoni) li bħalissa qed jagħti l-aktar tħassib huwa l-kadmju, għalkemm metalli tqal oħra jistgħu wkoll jeħtieġu monitoraġġ. Ladarba preżenti fil-ħamrija, il-kadmju ma jistgħax jitneħħa faċilment, iżda jista’ jemigra u jakkumula fil-pjanti. Ċerti pjanti (ġirasol, kolza, it-tabakk, eċċ.) għandhom it-tendenza li jakkumulaw ammonti akbar ta’ kadmju.

Fl-2002, il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (SCTEE) jagħti l-opinjoni tiegħu[33] dwar il-probabbiltà ta’ akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamrija permezz tal-użu tal-fertilizzanti bil-fosfati. Abbażi tal-istudji dwar il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa minn tmien Stati Membri (u n-Norveġja) u analiżi addizzjonali, l-SCTEE stima li l-fertilizzanti bil-fosfati li għandhom 60 mg jew aktar ta’ kadmju/kg ta’ P2O5 huma mistennija li jwasslu għal akkumulazzjoni ta’ kadmju f’ħafna mill-ħamrija tal-UE, filwaqt li l-fertilizzanti bil-fosfati li għandhom 20 mg jew anqas ta’ kadmju/kg ta’ P2O5 mhumiex mistennija li jikkawżaw akkumulazzjoni fil-ħamrija fit-tul fuq 100 sena, jekk sorsi oħra ta’ kadmju ma jiġux ikkunsidrati. Xi ħamrija għandha livelli għolja ta’ kadmju b'mod naturali, u għalhekk jinħtieġ approċċ aktar kawt f’dawk iż-żoni.

F’termini tal-impatti fuq is-saħħa, ir-Rapport tal-Valutazzjoni tar-Riskju tal-UE[34] dwar il-kadmju u l-ossidu tal-kadmju nħareġ f’Diċembru 2007. Ir-rapport sab li l-akbar riskju tal-kadmju huwa l-ħsara fil-kliewi permezz tal-konsum tal-ikel u t-tipjip. L-Istrateġija għat-Tnaqqis tar-Riskju għas-sustanzi tal-kadmju u l-ossidu tal-kadmju rrakkomandat miżuri biex jitnaqqas il-kontenut tal-kadmju fl-oġġetti tal-ikel, fit-taħlitiet tat-tabakk u fil-fertilizzanti bil-fosfati, filwaqt li titqies il-firxa ta’ kundizzjonijiet differenti madwar l-UE[35]. Dan ġie kkonfermat mill-valutazzjonijiet tar-riskju fuq il-kadmju fl-ikel imwettqa mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fl-2009[36] u l-2011[37], kif ukoll mill-konklużjonijiet tal-Kumitat Espert Konġunt tal-FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel (JECFA)[38] fl-2010. S’issa, il-ħidma preparatorja għal ħafna minn dawn il-miżuri għadha mhux lesta, iżda d-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskju ttieħdu abbażi tal-livelli massimi tar-residwi fl-għalf u fl-ikel.

Il-kontaminazzjoni tal-ħamrija u l-ilma tal-pjan bl-uranju — prinċipalment mill-preżenza naturali tal-isfond, iżda possibbilment aggravata bil-preżenza tal-uranju fil-fertilizzanti bil-fosfati[39] — ġiet irrapportata f’żoni b’ħamrija mrammla fil-Ġermanja, b’konsegwenzi għall-ipproċessar tal-ilma tax-xorb f’xi każijiet. Din il-kontaminazzjoni tista’ tirriżulta f’aktar prekawzjonijiet u spejjeż fl-oqsma tal-ilma tax-xorb u l-produzzjoni agrikola.

Q4 — Kif għandna nimmaniġġjaw ir-riskju tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija marbuta mal-użu tal-fosfru fl-UE?

4.           Potenzjal għal u l-ostakoli għal użu aktar effiċjenti tal-fosfru

L-analiżi u r-riċerka tal-fluss mwettqa juru li hemm għadd ta’ punti ewlenin fiċ-ċiklu tal-użu tal-fosfru fejn bħalissa qed jintilfu kwantitajiet sinifikanti. Iżda hemm ukoll tekniki li jistgħu jirkupraw il-fosfru jew itejbu l-effiċjenza tal-użu tiegħu[40]. Meta l-prezzijiet tal-blat tal-fosfati u l-prodotti derivati minnu laħqu l-quċċata fl-2008, għadd ta’ sorsi alternattivi ta’ fosfru riċiklat saru ekonomikament interessanti. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-prezzijiet jidhru li laħqu livell kostanti ġdid ta' 200 dollari għal kull tunnellata. Ħafna mill-analiżi preċedenti dwar il-kosteffiċjenza tar-riċiklaġġ tal-fosfru saret minn qabel iż-żieda fil-prezzijiet fil-blat tal-fosfati u għalhekk issa hija skaduta. Barra minn hekk, hekk kif it-teknoloġija għall-ipproċessar minn sorsi iktar promettenti ta’ fosfru riċiklat jittejjeb u l-effiċjenzi tal-iskala jibdew iħallu l-effett tagħhom, l-ispejjeż tagħhom jinżlu. Minbarra l-kwistjonijiet tal-prezzijiet, l-akbar vantaġġ ekonomiku tal-użu tal-fosfru rriċiklat huwa f’termini ta’ reżiljenza — flussi konsistenti, fornuti lokalment, u mingħajr il-volatilità tal-prezzijiet tal-blat tal-fosfati.

L-immudellar meħud fil-kuntest tal-użu effiċjenti tar-riżorsi jissuġġerixxi li ż-żieda globali fl-użu tal-fertilizzanti bil-fosfru minn sorsi primarji jista’ jkun limitat għal 11 % sal-2050 meta imqabbel ma’ xenarju fejn kollox jibqa’ kif inhu bħalissa ta’ 40 %[41]. L-immudellar ekonomiku tas-sitwazzjoni fl-Istati Uniti jissuġġerixxi li, jekk il-prezzijiet ta’ fertilizzanti minerali jiżdiedu u t-tassazzjoni tiġi aġġustata biex tkopri anki parti żgħira mill-esternalitajiet tal-użu tal-fosfru eċċessiv, l-użu ta’ fosfru minn sorsi riċiklati għandu jinfirex għal żoni kbar ta’ art li tista’ tinħadem[42]. Xogħol magħmul fuq il-proġett tal-JRC dwar tbassir NPK għen biex jikkontribwixxi għall-bażi tal-għarfien dwar żviluppi li jista’ jkun hemm[43].

Il-Grafika 5 turi analiżi tal-flussi u t-telf fuq livell globali — f’xi aspetti, l-istampa tal-UE se tkun konsiderevolment differenti, partikolarment fir-rigward tat-telf tal-uċuħ tar-raba’ u ta' wara l-ħsad. Analiżi globali, nazzjonali u reġjonali oħrajn għadhom jistgħu jvarjaw bil-kbir, u xi telfiet imħabbra qed jiġu kkontestati. Bħalissa jinsab għaddej xogħol akkademiku biex jipprova jtejjeb din l-istampa globali.

Grafika 5: Il-fosfru globali jgħaddi mis-sistemi tal-agrikoltura, tal-ikel u tad-dranaġġ (iċ-ċifri huma kkalkolati sal-eqreb numru sħiħ) [44]

Q5 — Liema teknoloġiji għandhom l-akbar potenzjal globali biex itejbu l-użu sostenibbli tal-fosfru? X’inhuma l-ispejjeż u l-benefiċċji?

Q6 — X'għandha tippromwovi l-UE f’termini ta’ aktar riċerka u innovazzjoni fl-użu sostenibbli tal-fosfru?

4.1.        Estrazzjoni, ipproċessar u użu industrijali aktar effiċjenti

Analiżi akkademika li saret qabel dwar l-effiċjenza tal-estrazzjoni tal-fosfati mill-minjieri wriet li jista’ jintilef aktar minn terz tal-blat kollu permezz ta' operazzjonijiet tal-estrazzjoni mill-mijieri, l-ipproċessar u l-preparazzjoni[45], kif ukoll 10 % oħra matul it-trasport u t-tqandil[46]. Madankollu, l-investimenti riċenti wara ż-żidiet fil-prezzijiet wasslu biex l-effiċjenza titjieb b’mod sinifikanti f'xi minjieri. Hemm bosta innovazzjonijiet teknoloġiċi li qed jiġu applikati jew qegħdin jiġi żviluppati li jevitaw l-iskart tal-prodott jew tal-prodott sekondarju, jipproduċu prodott aktar nadif, jew jiffrankaw l-enerġija, l-ilma jew il-kimiċi. Prezzijiet ogħla u t-tnaqqis tal-aħjar riżervi għandhom l-akbar possibilità li jixprunaw dan it-titjib, iżda r-rekwiżiti tal-konsum tal-UE (b’mod partikolari f’termini ta’ dekontaminazzjoni) ukoll jistgħu jkollhom sehem sinifikanti. Qiegħed ukoll ikompli x-xogħol biex tittejjeb is-sikurezza tal-kwalità u t-trasparenza tal-kontenut tal-fertilizzant permezz tat-tikkettar, notevolement fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Fertilizzanti Ir-reviżjoni adottata dan l-aħħar tar-Regolament dwar id-Deterġenti tirrestrinġi l-użu tal-fosfati u komposti oħra tal-fosfru fid-diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur u fid-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi se tgħin ukoll biex jitnaqqas l-użu mhux essenzjali u biex jiġi llimitat l-iskarikar tal-fosfru li joriġina mill-użu tad-deterġent.

4.2.        L-użu aktar effiċjenti u l-konservazzjoni fl-agrikoltura

Il-produzzjoni effiċjenti tal-uċuh tfisser li jkun hemm biżżejjed fosfru disponibbli fil-ħamrija (il-livell kritiku) biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-pjanta matul l-iżvilupp tagħha, iżda mhux aktar[47]. Fi ħdan l-UE, bosta inizjattivi diġà wasslu għal użu tal-fosfru aktar effiċjenti, u tnaqqis tat-telf tal-fosfru fl-agrikoltura. Dawn jinkludu kodiċi ta’ prattika u programmi ta’ azzjoni skont id-Direttiva dwar in-Nitrati[48], u skemi agri-ambjentali skont il-politika għall-Iżvilupp Rurali. Iż-żieda fl-interess tal-protezzjoni tal-ħamrija promossa mill-Istrateġija Tematika għall-Ħarsien tal-Ħamrija, flimkien mal-parti dwar il-ħamrija fil-Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajbin (GAEC)[49] fi ħdan il-kundizzjonalità fil-Politika Agrikola Komuni, qed jikkontribwixxu għal ġestjoni aħjar tal-ħamrija u biex jonqos id-deterjorment u l-erożjoni ta’ materja organika, u t-tnejn li huma jaqdu rwol fit-telf tal-fosfru. Madankollu, għad hemm lok konsiderevoli għal titjib ulterjuri fl-użu tal-fosfru u fl-effiċjenza fuq il-livell ta’ azjenda agrikola[50]. Dan jinkludi tekniki tal-“agrikoltura ta’ preċiżjoni”, bħall-injezzjoni tad-demel u l-inkorporazzjoni ta’ fertilizzant inorganiku, għalkemm l-ittestjar tal-livelli tal-kontenut tal-fosfru u d-demel fl-għelieqi huwa importanti wkoll biex jiżgura li qed jintuża l-ammont adegwat ta’ fertilizzant fil-post it-tajjeb u fil-waqt it-tajjeb — u b’hekk il-fosfru jittella' sal-livell kritiku. Sforzi ikbar sabiex titnaqqas l-erożjoni bir-riħ u l-ilma, kif ukoll iż-żieda fit-tinwib, jistgħu jgħinu b’mod ġenerali biex jitnaqqas it-telf tal-ħamrija u l-fosfru li jkun fiha. L-użu tal-fertilizzanti fl-ortikultura jista’ jittejjeb ukoll, b’mod partikolari permezz ta’ sistemi magħluqa.

Xi teknoloġiji ġodda diġà mqiegħda fis-suq jew li se jitqiegħdu fis-suq jistgħu jżidu l-effiċjenza tal-fertilizzanti, notevolment permezz ta' tekniki bbażati fuq l-enżimi, bħall-innovazzjonijiet sabiex jittejjeb l-iżvilupp u l-użu ta’ inokulanti mikrobiċi, li kollha huma mfassla biex itejbu l-effiċjenza tal-assorbiment tal-fosfru mill-pjanta.

Tekniki biex tittejjeb l-effiċjenza tal-fosfru fi ħdan il-produzzjoni tal-annimali saru iktar mifruxa. Il-kontenut tal-fosfru fl-ikel b’mod partikolari ġie adattat għall-ħtiġijiet matul id-diversi stadji tal-ħajja tal-annimali (“tagħlif f'fażiijiet’ ”) u ġew miżjuda l-enżimi tal-fitażi mal-għalf għal bhejjem mono-gastriċi. Dawn l-approċċi qed jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-kontenut tal-fosfru fl-għalf tal-annimali minħabba li l-annimali jipproċessaw il-fosfru b’mod aktar effiċjenti. Madankollu, dawn l-approċċi għadhom mhux qed jiġu sfruttati bis-sħiħ. Enzimi tal-fitażi ġodda b’mod konsistenti qegħdin jiġu awtorizzati bħala addittivi tal-għalf fl-UE.

L-ispejjeż u l-prattiċità tal-użu huma l-ostakli ewlenin li qed ifixklu l-użu aktar wiesa’ ta’ dawn it-teknoloġiji. Filwaqt li l-użu tal-enżimi tal-fitażi huwa diġà aċċettat fuq firxa wiesgħa, teknoloġiji oħra se jeħtieġu investigazzjoni robusta— inkluż l-allokament ta' provi fuq il-post — jekk dawn se jsiru l-istandard.

F’dan ir-rigward, il-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka li jmiss għall-2014-2020 u tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikola jista’ jaqdi rwol importanti fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ġodda għal użu aktar effiċjenti u l-konservazzjoni tal-fosfru fl-agrikoltura.

Q7 — Taħseb li l-informazzjoni disponibbli dwar l-effiċjenza tal-użu tal-fosfru u tal-użu tal-fosfru rriċiklat fl-agrikoltura hija adegwata? Jekk le, x’aktar informazzjoni ta' statistika tista’ tkun meħtieġa?

Q8 — Kif tista’ l-Isħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar “produttivita u sostenibbiltà agrikola” tgħin biex tmexxi 'l quddiem l-użu sostenibbli tal-fosfru?

4.2.1.     Użu aħjar tad-demel

Matul dawn l-aħħar għaxar snin, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati swiet ta' xprun għal ġestjoni ħafna aħjar tad-demel. Kien hemm żieda ta’ interess fl-ipproċessar tad-demel u biex tiġi ttrasformata l-parti solida rikka fil-fosfru tad-demel ipproċessat fi prodott li jista’ jinbiegħ barra ż-żona tagħha ta’ produzzjoni, fejn l-għelieqi huma ta’ spiss saturati bin-nutrijenti. Għalkemm id-demel likwidu jibda b’kontenut tal-ilma ta’ madwar 95 %, l-ipproċessar jista’ jnaqqas il-volum tal-parti solida għal madwar 30 % ta’ demel likwidu oriġinali, iżda għadd ta’ ostakli għall-esportazzjoni tad-demel ipproċessat bħall-ispejjeż (trasport, enerġija) — baqgħu hemm. L-aċċettabilità ta' dawn it-tekniki mill-azjendi li jibbenefikaw għadha problema.

Għal 15 minn 22 Stat Membru[51], il-provvista ewlenija ta’ fosfru għal art agrikola hija diġà fil-forma tal-fosfru rriċiklat fid-demel. Madankollu, fl-Istati Membri l-oħra, u f’ħafna reġjuni madwar l-UE, l-opportunitajiet għal aktar ipproċessar ta’ demel u l-użu tiegħu minflok il-fertilizzanti minerali għadhom mhux qed jiġu sfruttati bis-sħiħ.

Q9 — X’jista’ jsir biex tiġi żgurata l-ġestjoni aħjar u ż-żieda fl-ipproċessar tad-demel f’żoni ta’ provvista żejda u biex jitħeġġeġ aktar użu ta’ demel ipproċessat barra minn dawn l-oqsma?

4.3.        Il-qligħ potenzjali marbuta mal-prevenzjoni u l-irkupru tal-iskart tal-ikel

Kwalunkwe tnaqqis ta’ ħela tal-ikel fl-istadji tal-produzzjoni u l-konsum inaqqas l-ħtieġa li jiddaħħal il-fosfru ġdid fis-sistema mir-riżors tal-blat tal-fosfati. Is-sitwazzjoni tal-ħela tal-ikel ġiet studjata b’mod eżawrjenti. Kull persuna fl-UE taħli bħala medja 180 kg ta’ ikel kull sena[52]. Kif aħna nipproduċu u nikkunsmaw l-ikel, it-tip u l-kwantità ta’ ikel li nieklu u kemm naħlu minnu għandu influwenza sinifikanti fuq l-użu sostenibbli tal-fosfru, li jagħmel minn dan qasam fejn hemm potenzjal kbir għal titjib. Dan is-suġġett se jiġi esplorat aktar f’Komunikazzjoni dwar l-ikel sostenibbli, li mistennija li tiġi adottata fl-2013. Dan kien imħabbar fil-Pjan Direzzjonali għall-Effiċjenza fir-Riżorsi li stabbilixxa mira biex jitnaqqas bin-nofs ir-rimi ta’ ikel li jkun għadu jista’ jittiekel fl-UE sal-2020.

Minbarra li nipprevjenu l-ħela tal-ikel, nistgħu wkoll jagħmlu użu aħjar mill-iskart tal-ikel li jiġi ġġenerat. Bħalissa, kwantitajiet kbar ta’ skart tal-ikel u skart bijodegradabbli b’mod ġenerali qed jiġu inċinerati, u ta' spiss il-fosfru fl-irmied ma jerġax jintuża. Barra minn hekk, kwantitajiet sinifikanti ta’ fosfru qed jintilfu wkoll fil-miżbliet. Id-Direttiva dwar il-Miżbliet[53] tobbliga lill-Istati Membri, biex sal-2016, inaqqsu b'mod gradwali r-rimi tal-iskart muniċipali bijodegradabbli fil-miżbliet b'35 % tal-ammont totali ta’ tali skart prodott fl-1995. Id-Direttiva wasslet għal żieda sinifikanti ħafna fir-riċiklaġġ tal-bijoskart fir-rigward tal-produzzjoni tal-bijogass u n-nutrijenti għal titjib fil-ħamrija u l-agrikoltura, iżda mhux dejjem tiddireġi r-riżorsa għall-użu bl-ogħla valur.

L-użu ta’ skart bijodegradabbli f’forma ta’ kompost, diġestat jew irmied minn skart ekoloġiku jew tal-kċina jista' jirriċikla kwantitajiet sinifikanti ta’ fosfru flimkien ma’ nutrijenti oħra. L-adozzjoni ta’ dan il-fluss ta’ skart attwalment hija mxekkla mill-approċċi frammentati ħafna għall-użu xieraq u l-istandards ta’ kwalità għal skart bijodegradabbli madwar l-UE. Fil-livell Komunitarju qed jiġu żviluppati Kriterji għal Tmiem l-Iskart, li jiddefinixxu meta skart bijodegradabbli ma jibqax jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ skart. Dan se jgħin biex jitneħħew l-ostakoli legali. Ir-reviżjoni tar-Regolament tal-Fertilizzanti li għandu jiġi adottat fl-2013 se tkun sinifikanti wkoll. F’dan il-kuntest se tiġi eżaminata l-opportunità ta’ aktar armonizzazzjoni tal-aċċess għas-suq tal-UE għal skart bijodegradabbli li jissodisfa dawn il-kriterji ta’ Tmiem l-Iskart billi dan jista mbagħad jintuża bħala materja prima għal fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija li se jiġu proposti għall-estensjoni tal-ambitu fir-Regolament futur dwar il-Fertilizzanti.

Minbarra dan, hemm għadd ta’ flussi ta’ skart mill-agrikoltura u prodotti sekondarji mill-produzzjoni tal-ikel li jistgħu jirriċiklaw kwantitajiet sinifikanti ta’ fosfru, jekk jiġu ġestiti kif xieraq. Għal xi wħud minn dawn ir-riżorsi, il-problemi ta’ saħħa pubblika u l-azzjonijiet meħtieġa biex dawn jiġu indirizzati għamlu dan il-proċess inqas effiċjenti f’dawn l-aħħar snin. Eżempju notevoli huwa l-laħam u l-għadam imfarrak u l-proteina pproċessata tal-annimali, peress li l-fosfru hu kkonċentrat prinċipalment fl-istruttura tal-għadam. Għalkemm xi laħam u għadam imfarrak jiġi inċinerat u l-irmied jintużaw jew bħala fertilizzant, direttament bħala forma ta’ sustanza li ttejjeb il-ħamrija[54], jew fil-produzzjoni tal-fosfru, ħafna mill-fosfru sempliċement jintilef. Il-proteina pproċessata tal-annimali hija awtorizzata għall-użu fl-għalf u l-fertilizzanti organiċi u hija disponibbli fis-suq fi kwantitajiet sinifikanti. Jista’ jkun possibbli li jiġi rfinut il-qafas legali[55] li jirregola l-użu ta’ materjal bħal dan jekk użi oħra sikuri jiġu identifikati.

Q10 — X’jista’ jsir biex jitjieb l-irkupru tal-fosfru mill-iskart tal-ikel u skart bijodegredabbli ieħor?

4.4.        It-trattament tad-drenaġġ

L-iskart wara l-konsum mill-bniedem huwa inevitabbli, iżda hemm numru ta’ teknoloġiji li jippermettu l-irkupru tal-fosfru minn impjanti ta’ trattament ta’ skart ta’ ilma. Dawn it-tekniki żviluppaw b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar snin, bit-twaqqif ta’ diversi proġetti pilota u issa operazzjonijiet fuq skala kummerċjali fl-Ewropa tal-Punent u tat-Tramuntana.

Għalkemm t-tneħħija tal-fosfru mill-ilma tal-iskart hija rekwiżit skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi[56], dan ma jirrikjedix l-estrazzjoni tal-fosfru f’forma li tista’ tintuża. Waħda mill-karatteristiċi partikolari tad-Direttiva hi li tippermetti l-flokkulazzjoni tal-fosfru bl-użu tal-ħadid, li tipproduċi kompost magħqud sew li minnu l-fosfru mhuwiex faċilment rekuperabbli kummerċjalment, u din it-teknika tista' ma tkunx aċċessibbli għall-impjanti kollha.

Jeżistu tekniki alternattivi għall-estrazzjoni tal-fosfru li ma joħolqux din il-problema. Dawn jinkludu t-tneħħija tal-ilma mormi li fih il-fosfru fil-forma ta’ struvite, l-inċinerazzjoni tat-tajn tad-drenaġġ u l-użu tal-irmied, u l-applikazzjoni tal-ħama tad-drenaġġ direttament fl-għelieqi wara trattament xieraq. Fil-każijiet kollha, il-kwalità agronomika tal-prodott hi kruċjali biex tiżgura li l-fosfru hu attwalment disponibbli u li l-uċuħ qed jassimilawh. Madwar 25 % tal-fosfru li jinsab fl-ilma mormi bħalissa qed jintuża mill-ġdid; l-aktar metodu komuni huwa l-applikazzjoni diretta tal-ħama tad-drenaġġ fl-għelieqi. Il-potenzjal totali għall-irkupru huwa pjuttost għoli — madwar 300,000 tunnellata ta’ fosfru fis-sena fl-UE[57] — u d-diskrepanzi sinifikanti bejn id-diversi Stati Membri fl-UE f’termini ta’ kemm jintuża l-ħama tad-drenaġġ (jew direttament jew f’forma ta’ rmied) juri potenzjal għal armonizzazzjoni madwar l-aħjar prattika.

Il-vijabbiltà kummerċjali u ambjentali ta’ ħafna minn dawn l-approċċi hija dipendenti fuq sakemm ir-riżors jkun ġie dilwit. It-tneħħija tal-ilma u ċ-ċaqlieq ta' volumi kbar ta’ likwidu huwa proċess għali u li jirrikjedi ħafna enerġija. In-nuqqas ta’ kontaminanti huwa wkoll kruċjali, billi dan jeħtieġ standards għoljin u proċeduri ta' kontroll bir-reqqa u, fil-każ ta’ inċinerazzjoni tal-ħama tad-drenaġġ, ifisser li l-ħama tad-drenaġġ ma jistax jitħallat ma’ skart ieħor matul il-proċess ta’ inċinerazzjoni.

Għalkemm id-Direttiva dwar il-Ħama tad-Dranaġġ[58] stabbiliet il-kundizzjonijiet għal użu sikur tal-ħama fuq l-art agrikola, id-dispożizzjonjiet tagħha issa qed jitqiesu bħala skaduti, notevolment fir-rigward tal-valuri tal-limitu massimu għall-kadmju u kontaminanti oħra li qed jitqiesu li huma wisq għoljin. 16-il Stat Membru adotta standards aktar stretti minn dawk stabbiliti fid-Direttiva. L-armonizzazzjoni tal-istandards ta’ kwalità ogħla se tħeġġeġ konfidenza akbar fost il-bdiewa u l-konsumaturi dwar l-użu sikur tal-ħama fl-UE. Sabiex jitħeġġeġ aktar l-użu effiċjenti tar-riżorsi fil-ġejjieni, se jeħtieġ li dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati sabiex l-istandards tal-prodotti għat-tajn tad-drenaġġ jispiraw kunfidenza tul il-katina ta’ utenti aħħarin: jiġifieri l-bdiewa, il-bejjiegħa bl-imnut u fl-aħħar mill-aħħar il-konsumaturi. It-tajn tad-drenaġġ jista’ wkoll jinbidel f’kompost u l-kriterji tat-Tmiem tal-Iskart li qed jiġu żviluppati bħalissa qed jeżaminaw jekk dan il-kompost ta' ħama jistax jissodisfa l-istandards strinġenti sabiex jiġi salvagwardjat l-użu tiegħu mill-bdiewa ladarba jsir kompost.

Q11 — Għandu xi forma ta’ rkupru ta’ fosfru mit-trattament tad-drenaġġ jsir obbligatorju jew jitħeġġeġ? X’jista’ jsir biex il-ħama tad-dranaġġ u l-iskart bijodegradabbli jsir aktar disponibbli u aċċettabbli għall-biedja tal-għelieqi?

4.5.        Użu ta’ fertilizzanti organiċi

Wieħed mill-vantaġġi ta’ użu aktar effiċjenti tal-fosfati minn prodotti sekondarji u skart organiku huwa li ma jżidx il-volum totali tal-kadmju preżenti fl-ekosistema Ewropea, sal-punt li dawn il-prodotti sekondarji u l-iskart jiġu minn ikel u għalf tal-bhejjem prodotti fl-Ewropa li huma stess fihom il-kadmju assorbit mill-ħamrija Ewropea. Madankollu, il-kontaminazzjoni tar-ram u ż-żingu tista’ tkun problema f’xi fertilizzanti organiċi.

Għalkemm ħafna teknoloġiji industrijali għall-irkupru tal-fosfru (mid-demel u dranaġġ u skart bijodegradabbli) huma diġà introdotti fis-suq u użati fi gradi differenti, m’hemm l-ebda strateġija komuni biex tiippromwovi l-użu tat-tali sorsi rinnovabbli min-naħa tal-bdiewa. Il-prezz tal-fertilizzant rkuprat, huwa ġeneralment ogħla mill-prezz tal-fertilizzant tal-fosfati minerali. Jista’ jsir ħafna iżjed f’termini tal-identifikazzjoni tas-swieq għall-fosfru rriċiklat u l-ostakli għaż-żieda fl-użu tiegħu, u fl-implimentazzjoni tat-teknoloġiji li huma diġà disponibbli.

5.           Il-passi li jmiss

Din il-Komunikazzjoni Konsultattiva tistipula għall-ewwel darba fil-livell tal-UE l-kwistjonijiet dwar is-sostenibbiltà tal-użu tal-fosfru. L-intenzjoni issa hi li jitnieda dibattitu dwar il-qagħda kurrenti u l-azzjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati.

L-Istituzzjonijiet Ewropej u dawk kollha interessati – organizzazzjonijiet jew individwi privati – huma mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom dwar il-mistoqsijiet stipulati fil-Komunikazzjoni Konsultattiva kif ukoll dwar kwalunkwe kwistjoni oħra li tikkonċerna l-użu sostenibbli tal-fosfru

Il-partijiet interessati huma mistiedna jibagħtu l-kummenti tagħhom sal-1 ta' Diċembru 2013 fl-indirizz elettroniku li ġej: env-use-of-phosphorus@ec.europa.eu .

Huwa importanti li wieħed jaqra l-istqarrija speċifika dwar il-privatezza mehmuża ma’ din il-konsultazzjoni għal tagħrif dwar kif id-dejta personali tiegħek u l-kontribut tiegħek se jiġu ttrattati. L-organizzazzjonijiet professjonali huma mistiedna jirreġistraw fir-Reġistru tal-Kummissjoni għar-Rappreżentanti Interessati (http://:ec.europa.eu/transparency/regrin). Dan ir-Reġistru ġie stabbilit bħala parti mill-qafas tal-Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza. Il-Kummissjoni se tippubblika l-kontribuzzjonijiet tal-partijiet interessati fuq l-Internet, sakemm inti ma titlobniex espliċitament biex ma nagħmlux dan.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika se jgħinu fit-tfassil ta’ aktar ħidma mill-Kummissjoni, rigward il-kontribuzzjoni li l-UE tista’ tagħmel għall-użu sostenibbli tal-fosfru.

[1]               COM/2011/0571 finali.

[2]               http://www.bordeaux-aquitaine.inra.fr/tcem_eng/seminaires_et_colloques/colloques/designing_phosphorus_cycle_at_country_scale

[3]               Review of the future resource risks faced by UK Business and an assessment of future viability, AEA, 2010

[4]               http://www.nutrientplatform.org/?p=306

[5]               http://www.phosphorusplatform.org/

[6]               Phosphorous imports, exports, fluxes and sinks in Europe, Richards and Dawson 2008

[7]               The Story of phosphorus: Global food security and food for thought, Cordell et al, 2009

[8]               Id-dipendenza fuq l-importazzjoni hija kkalkulata kif ġej:"importazzjonijiet netti/(importazzjonijiet netti + produzzjoni fl-UE) — il-metodoloġija indikata fil-COM (2011) 25 “Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima”

[9]               World Phosphate rock reserves and resources, IFDC, 2010

[10]             Il-Kumitat Konġunt tar-Riżervi tal-Minerali — aktar informazzjoni hija disponibbli fuq www.jorc.org

[11]             http://minerals.usgs.gov/minerals/pubs/commodity/phosphate_rock/mcs-2011-phosp.pdf

[12]             Adattat minn preżentazzjoni minn Blanco, 2011

[13]             Forecasting Long-term Global Fertiliser Demand, FAO, 2008.

[14]             Rosegrant et al, 2009 għal tbassir dwar it-tkabbir fl-għadd ta’ annimali

[15]             Valutazzjonijiet ġodda jistgħu jindikaw valuri eqreb lejn is-60 % — ara l-istudju ta’ tbassir tal-NPK mill-JRC, 2012

[16]             The Impact of First-Generation Biofuels on the Depletion of the Global Phosphorus Reserve, Hein and Leemans, 2012

[17]             Medium Term Outlook for Global Fertilizer Demand, Supply and Trade 2008-2012 Heffer and Prud'homme, 2008

[18]             Agronomic P imbalances across the world's croplands, Macdonald et al, 2011

[19]             Ara wkoll http://www.africafertilizer.org/

[20]             A rock and a hard place – peak phosphorus and the threat to our food security, Soil Association, 2010

[21]             'Peak P' what it means for farmers, Déry and Anderson, 2007

[22]             Il-kurva Hubbert hija approssimazzjoni tar-rata tal-produzzjoni ta’ riżorsa maż-żmien, li l-ewwel kienet tintuża biex tipprevedi massimu fil-produzzjoni taż-żejt, u minn dak iż-żmien 'l hawn ġiet applikata biex tistma l-eżawriment ta’ riżorsi oħra (definizzjoni minn Wikipedia).

[23]             It-tneħħija tal-kadmju mill-prodott ipproċessat

[24]             Sustainable use of phosphorus, Cordell et al, 2010 – figures from date of publication

[25]             L-estrazzjoni tal-minjieri tal-fosfati fi Florida tiddisturba madwar 5,000-6,000 ettaru kull sena, f’9,000 tunnellata tal-Istati Uniti kull ettaru ta’ art mħaffra.

[26]             Global phosphorus flows in the industrial economy from a production perspective, Villalba et al, 2008

[27]             Ta’ min jinnota li l-livelli ta’ radjuattività naturali fil-blat tal-fosfati jistgħu ivarjaw ħafna, skont il-ġeoloġija tal-minjiera

[28]             Materials flow and energy required for the production of selected mineral commodities, Kippenberger, 2001 (iżda ċ-ċifri tal-enerġija infushom ilhom mill-1994)

[29]             L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Tematika dwar il-Ħamrija u attivitajiet għaddejjin bħalissa, COM (2012) 46 finali

[30]             The European environment - state and outlook 2010: http://www.eea.europa.eu/soer

[31]             Ibbażat fuq 38 Pjan ta’ Ġestjoni tal-Baċiri tax-Xmajjar

[32]             Reconsideration of the planetary boundaries for phosphorus, Carpenter and Bennett 2011

[33]             http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/sct/documents/out162_en.pdf.

[34]             http://esis.jrc.ec.europa.eu/doc/risk_assessment/REPORT/cdmetalreport303.pdf

[35]             ĠU C 149, 14.06.2008, p. 6.

[36]             EFSA Journal (2009) 980, 1-139; http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/980.htm

[37]             EFSA Journal (2011); 9 (2): 1975; http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/1975.htm

[38]             Serje tal-WHO għall-Addittivi Alimentari nru 64, it-73 laqgħa tal-Kumitat Konġunt Espert tal-FAO/WHO dwar l-Addittivi Alimentari (JECFA), Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Geneva, 2011

[39]             Rock phosphates and P fertilizers as sources of U contamination in agricultural soils, Kratz and Schnug, 2006

[40]             Għadd minn dawn it-tekniki huma stipulati fi http://www.phosphorus-recovery.tu-darmstadt.de

[41]             EU Resource Efficiency Perspectives in a Global Context, PBL, 2011

[42]             Shakhramanyan et al, Dokument ta’ Ħidma, 2012.

[43]             http://eusoils.jrc.ec.europa.eu/ESDB_Archive/eusoils_docs/other/EUR25327.pdf

[44]             Global phosphorus flows through the agricultural, food and sewage systems, Van Vuuren et al. (2010)

[45]             Kippenberger 2001

[46]             Phosphate rock, Lauriente 2003.

[47]             Efficiency of soil and fertilizer phosphorus use, Syers, et al, 2008

[48]             Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli.

[49]             Il-KAAT, Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajba, hija lista ta' standards imfassla biex jiżguraw li l-art agrikola kollha tinżamm f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba u li tagħmel parti mis-sistema tal-kundizzjonalità.

[50]             Improved phosphorus use efficiency in agriculture: A key requirement for its sustainable use, Schroder et al, 2011

[51]             l-ebda dejta disponibbli għall-Bulgarija, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta, u r-Rumanija

[52]             EU Preparatory Study on food waste in EU 27; BIO IS, October 2010

[53]             Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma.

[54]             Thermochemical processing of meat and bone meal, a review, Cascarosa et al, 2011

[55]             Il-leġiżlazzjoni dwar prodotti sekondarji li ġejjin mill-annimali u l-leġiżlazzjoni dwar l-Enċefalopatiji Sponġiformi Trażmissibbli (TSE) .

[56]             Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi

[57]             EUREAU position paper on the reuse of phosphorus, 2006

[58]             Id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE dwar il-protezzjoni ta’ l-Ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura