52013DC0499

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-edukazzjoni ogħla Ewropea fid-dinja /* COM/2013/0499 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-edukazzjoni ogħla Ewropea fid-dinja

1.           L-EWROPA U T-TELLIEQA GLOBALI GĦAT-TALENT

Il-globalizzazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku qegħdin ibiddlu mill-għeruq ix-xenarju tal-edukazzjoni ogħla. Matul l-għoxrin sena li ġejjin, id-domanda għall-edukazzjoni ogħla hija mistennija tikber b'mod esponenzjali, minn 99 miljun student li attwalment hemm madwar id-dinja kollha għal 414-il miljun[1] sal-2030, biċ-Ċina li turi l-ogħla żieda fis-snin riċenti, segwita mill-Brażil u mill-Indja. L-għatx għall-għarfien u l-mobilità soċjali f'ekonomiji emerġenti se jagħmel lill-edukazzjoni ogħla aċċessibbli għal mijiet ta' miljuni ta' ċittadini madwar id-dinja.

It-teknoloġija u l-aspettattivi tal-studenti qed jinbidlu wkoll. Kulma jmur, l-istudenti qegħdin jippretendu dejjem aktar li jagħżlu dak li jridu jitgħallmu, kif jitgħallmuh u meta jitgħallmuh, skont il-bżonnijiet u l-interessi individwali tagħhom. Huma lesti li jagħmlu dan fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, barra minn pajjiżhom, permezz ta' korsijiet offruti onlajn jew permezz ta' mezzi mħallta ta' tagħlim li jgħaqqdu flimkien dawn il-possibbiltajiet kollha..

L-edukazzjoni, u b’mod partikolari l-edukazzjoni ogħla, tinsab fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020 u fl-ambizzjoni tal-Ewropa li ssir ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva: hija għandha rwol kruċjali fl-avvanz tal-individwu u tas-soċjetà; u, bl-impatt tagħha fuq l-innovazzjoni u r-riċerka, hi tipprovdi lill-kapital uman bil-ħiliet speċjalizzati li jeħtieġu l-ekonomiji bbażati fuq l-għarfien sabiex jiġġeneraw it-tkabbir u l-prosperità. Filwaqt li tkompli żżid fuq l-inizjattivi riċenti dwar l-Immodernizzar tas-Sistemi ta' Edukazzjoni Ogħla fl-Ewropa[2] u Ħsibijiet Ġodda dwar l-Edukazzjoni[3], u b'reazzjoni għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni ogħla[4], din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, billi tgħin lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla[5] (HEIs) jiżviluppaw sħubijiet strateġiċi li jippermettu lill-Ewropa tindirizza l-isfidi globali b'mod aktar effettiv.

Il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE u f'qafas Ewropew usa' diġà ffaċilitat l-iżvilupp ta' livell għoli ta' paragun, kompatibbiltà u skambju bejn l-HEIs u s-sistemi taż-Żona Ewopea tal-Edukazzjoni Ogħla. Il-Proċess ta’ Bolonja, programmi bħall-Erasmus, Tempus, Erasmus Mundus, u Marie Curie, u għodod ta’ trasparenza bħas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS) u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) għenu lis-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni ogħla tal-UE jiksbu grad sinifikanti ta' internazzjonalizzazzjoni intra-Ewropea. Madankollu, l-internazzjonalizzazzjoni hija fenomenu li qed jiżdied b'dimensjoni globali: lil hinn mill-kooperazzjoni intra-UE u l-kwistjonijiet ta’ mobilità koperti fil-Komunikazzjoni dwar l-Immodernizzar tas-Sistemi ta' Edukazzjoni Ogħla fl-Ewropa, din il-Komunikazzjoni tanalizza l-opportunitajiet ta' benefiċċju reċiproku offruti mill-kuntest internazzjonali usa’, u, fejn xieraq, tippromwovi l-użu ta’ proċessi Ewropej u għodod lil udjenza globali.

L-Ewropa tibqa’ destinazzjoni attraenti għal studenti mobbli b’sehem stabbli ta’ madwar 45%[6] tal-popolazzjoni tal-istudenti mobbli fuq skala internazzjonali, popolazzjoni li mistennija tikber minn madwar 4 miljuni, kif tinsab fil-preżent, għal 7 miljuni sa tmiem id-deċennju. Madankollu, jekk l-HEIs Ewropej iridu jkomplu jkunu l-aqwa destinazzjoni fi sfond ta' kompetizzjoni li kull ma jmur qed tiżdied mill-Asja, mill-Lvant Nofsani u mill-Amerika Latina, hemm bżonn li jaġixxu b'mod strateġiku biex jikkapitalizzaw mir-reputazzjoni tal-Ewropa għal edukazzjoni ogħla tal-aqwa kwalità. Hemm bżonn li jsiru aktar attraenti; jippromwovu b’mod attiv il-mobilità internazzjonali tal-istudenti u tal-persunal; jipprovdu kurrikuli innovattivi ta’ livell dinji kif ukoll eċċellenza fit-tagħlim u opportunitajiet ta’ riċerka; u jidħlu fi sħubijiet strateġiċi u ta' kooperazzjoni ma' HEIs oħrajn, ma' istituzzjonijiet governattivi, mas-settur privat u mas-soċjetà ċivili madwar id-dinja kollha. Barra minn hekk, għandhom jagħtu kontribut aktar b'saħħtu għat-tkabbir ekonomiku billi jinkoraġġixxu l-innovazzjoni u jiżguraw li l-edukazzjoni ogħla tirreaġixxi għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol[7]. L-edukazzjoni diġitali, u b'mod partikolari bosta korsijiet miftuħa onlajn (MOOCs) li qegħdin jitfaċċaw, qiegħda wkoll tagħti inċentivi ġodda għal sħubijiet strateġiċi bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni, u opportunitajiet ġodda biex jintlaħqu studenti potenzjali li forsi ma jkunux jistgħu jivvjaġġaw jew jieqfu temporanjament mill-impjieg tagħhom imma li huma ħerqana li japprofittaw minn offerti ta' edukazzjoni ogħla barra mill-pajjiż tagħhom. L-Istati Membri għandhom bżonn jappoġġaw dawn l-isforzi billi joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-internazzjonalizzazzjoni fuq livell nazzjonali u reġjonali u billi jiġu indirizzati l-ostakli legali u amministrattivi li għadhom ixekklu l-mobilità.

Filwaqt li l-ekonomiji dinjin jinkoraġġixu kompetittività aktar b’saħħitha, m'għadux biss l-objettiv ta' xi ftit pajjiżi jew ta' HEIs magħrufa mad-dinja kollha li joħolqu u jattiraw l-aqwa talent. Bosta HEIs huma impenjati li jżidu l-kwalità tal-korsijiet tagħhom sabiex jattiraw u jżommu l-aqwa studenti. L-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni ogħla se tgħin tħejji lill-istudenti tagħna, kemm jekk jibqgħu fl-Ewropa kif ukoll jekk jitilqu mill-pajjiż, biex jgħixu f'dinja globali, iżżidilhom l-esperjenza u l-għarfien, l-impjegabbiltà, il-produttività u l-kapaċità ta’ qligħ ta’ flus tagħhom. Bl-istess mod, kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni dwar it-Titjib u l-iffokar tal-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-riċerka u fl-innovazzjoni[8], dan il-moviment globali ġab miegħu opportunitajiet ġodda għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla biex jippromwovu sħubijiet strateġiċi madwar attivitajiet ta’ riċerka u ta' innovazzjoni.

It-Taqsima 2 ta’ din il-Komunikazzjoni tidentifika oqsma prijoritarji ewlenin għall-HEIs u għall-Istati Membri li qegħdin jippruvaw iżidu l-attivitajiet ta' internazzjonalizzazzjoni tagħhom. L-azzjonijiet speċifiċi li l-UE se tieħu, filwaqt li tappoġġa dawn l-isforzi ta' internazzjonalizzazzjoni permezz tal-valur miżjud tagħha, huma ppreżentati fit-Taqsima 3, filwaqt li t-Taqsima 4 tiddeskrivi l-passi li jmiss.

2.           PRIJORITAJIET EWLENIN GĦALL-ISTITUZZJONIJIET TA' EDUKAZZJONI OGĦLA U GĦALL-ISTATI MEMBRI: LEJN STRATEĠIJI TA' INTERNAZZJONALIZZAZZJONI AKTAR KOMPRENSIVI

Filwaqt li diversi Stati Membri u bosta HEIs diġà għandhom fis-seħħ strateġiji ta' internazzjonalizzazzjoni għall-edukazzjoni ogħla[9], ta' spiss dawn jiffukaw prinċipalment fuq il-mobilità tal-istudenti: il-kooperazzjoni akkademika internazzjonali ħafna drabi għadha frammentata, ibbażata fuq l-inizjattiva ta’ akkademiċi individwali jew timijiet ta’ riċerka, u mhux neċessarjament marbuta ma’ strateġija istituzzjonali jew nazzjonali. Strateġiji effettivi għandhom jinkludu wkoll l-iżvilupp ta’ kurrikuli internazzjonali, sħubijiet strateġiċi, biex jinstabu modi ġodda ta' kif jitwassal il-kontenut, u tiġi żgurata l-komplementarjetà ma’ politiki nazzjonali usa’ għall-kooperazzjoni esterna, għall-iżvilupp internazzjonali, għall-migrazzjoni, għall-kummerċ, għall-impjiegi, għall-iżvilupp reġjonali, għar-riċerka u għall-innovazzjoni. Stħarriġ reċenti li għamlet l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Universitajiet (EUA) juri li l-maġġoranza tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla jħossu li l-istrateġiji nazzjonali u dawk istituzzjonali għall-internazzjonalizzazzjoni għandhom impatt pożittiv fuq l-attivitajiet ta’ internazzjonalizzazzjoni tagħhom[10]

L-iżvilupp ta’ strateġija komprensiva għall-internalizzazzjoni tfisser, fuq kollox, li jkun hemm HEI, l-istudenti, ir-riċerkaturi u l-persunal tagħha, u s-sistemi nazzjonali fl-attivitajiet rilevanti kollha relatati mar-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni ogħla, fix-xena globali, skont il-profil tal-individwu u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol li dejjem jevolvu, u l-istrateġija ekonomika tal-pajjiż. Għal dan il-għan, m’hemmx approċċ wieħed li jgħodd għal kulħadd, u l-Istati Membri għandhom ifasslu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom biex isaħħu l-punti ta' saħħa tagħhom, il-preżenza internazzjonali tagħhom, u biex jattiraw it-talent, filwaqt li jqisu n-nuqqasijiet ta' ħiliet nazzjonali u interkulturali identifikati u jżommu f'moħħhom il-bżonnijiet ta' għarfien u ta' riċerka tal-pajjiżi msieħba tagħhom li qegħdin fil-fażi tal-iżvilupp. Għaldaqstant, il-prijoritajiet ewlenin issuġġeriti li huma elenkati għall-HEIs u għall-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala sett tal-għodda ta’ azzjonijiet li huma għandhom iġonġu flimkien, fil-qafas ta’ strateġija komprensiva, skont il-bżonnijiet tagħhom.

Strateġija komprensiva għall-internazzjonalizzazzjoni għandha tkopri oqsma ewlenin miġbura f’dawn it-tliet kategoriji li ġejjin: mobilità internazzjonali tal-istudenti u tal-persunal; l-internazzjonalizzazzjoni u t-titjib ta’ kurrikuli u ta' tagħlim diġitali; u kooperazzjoni strateġika, sħubijiet u l-bini tal-kapaċità. Dawn il-kategoriji ma għandhomx jitqiesu bħala iżolati iżda bħala elementi integrati ta’ strateġija komprensiva.

2.1.        Nippromwovu l-mobilità fuq skala internazzjonali tal-istudenti u tal-persunal

Il-mobilità fuq skala internazzjonali tal-lawrja tal-istudenti, l-aktar vettura mifruxa u probabbilment l-aktar vettura b'saħħitha għall-internazzjonalizzazzjoni, qed tinbidel b’mod drammatiku fil-kwantità u fil-forma, u f’xi każijiet saret sors importanti kritiku ta' dħul għall-HEIs. Kull sena hemm 7 % aktar ta' studenti terzjarji li jsiefru barra mill-pajjiż, b'għadd kbir miċ-Ċina, mill-Indja u mir-Repubblika tal-Korea. Filwaqt li pajjiżi tal-OECD jassorbu 77 % tad-domanda totali u l-Asja bħalissa tammonta għal 52 % tat-total tal-istudenti mobbli fuq skala internazzjonali li qegħdin ifittxu li jiggradwaw, is-sehem tal-istudenti mobbli li jagħżlu li jistudjaw fl-Awstralja, fi New Zealand u fir-Russja qed jikber b'pass mgħaġġel. Fl-istess ħin, l-Amerika ta’ Fuq (l-Istati Uniti u l-Kanada) tibqa’ reġjun attraenti b’21 % ta' studenti mobbli. Kull ma jmur, aktar u aktar pajjiżi ta' sors qegħdin isiru wkoll pajjiżi destinatarji: Iċ-Ċina mhijiex biss l-aktar pajjiż ta' sors importanti, imma diġà tospita 7 % tal-popolazzjoni dinjija ta' studenti mobbli fuq skala internazzjonali. Meta wieħed iħares lejn il-volum ġenerali ta’ mobilità fil-pajjiż, tliet Stati Membri tal-UE — ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja — jattiraw 63 % tal-istudenti kollha minn barra ż-żona Ewropea tal-Edukazzjoni Ogħla (EHEA).[11]

Il-mobilità tal-kreditu bħala parti minn kors li jwassal għal lawrja fil-pajjiż tad-domiċilju qiegħda tiżdied, fl-Ewropa permezz tal-iskemi ta' mobilità tagħha, fl-Istati Uniti tal-Amerika permezz tal-programmi tagħhom ta' studju barra mill-pajjiż, filwaqt li skemi simili qegħdin jiżviluppaw u jestendu f'partijiet oħra tad-dinja, din it-tip ta' mobilità tipprovdi kontribut sinifikanti għall-internazzjonalizzazzjoni.

B'dawn il-flussi ta' mobilità li kull ma jmur qegħdin jiżdiedu, it-trasparenza u r-rikonoxximent ta' tagħlim li nkiseb barra mill-pajjiż, għandhom ikunu prijorità ewlenija. L-isforzi li diġà saru biex jiġu żviluppati oqfsa ta' kwalità għall-mobilità fi ħdan l-UE u l-Proċess usa’ ta’ Bolonja jfissru li l-Ewropa hija l-aktar reġjun avvanzat b'mod globali f’dan ir-rigward. Il-Karta Erasmus[12] li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali u r-rekwiżiti minimi li magħhom l-HEI trid tikkonforma meta timplimenta l-iskema ta' mobilità tal-Erasmus, minbarra s-Suppliment tad-Diploma u l-użu tal-ECTS, b'mod globali huma kollha potenzjalment attraenti. Ir-rikonoxximent mad-dinja kollha tal-krediti tat-tagħlim miksuba għandu wkoll jiġi mħeġġeġ sew biex tiżdied it-trasparenza u t-“trasferibbiltà” tar-riżultati tat-tagħlim bejn il-fruntieri.

Il-mobilità tikkonċerna mhux biss lill-istudenti: il-mobilità tal-persunal twassal għal bosta benefiċċji għall-istituzzjoni u għall-individwu. Hija strument li twassal għall-akkwist ta’ kompetenzi, lingwi u metodi ta' tagħlim ġodda u toħloq netwerks internazzjonali. L-HEIs għandhom jinċentivaw lill-persunal biex iżidu l-esperjenza internazzjonali tagħhom u għandhom jippremjaw kif xieraq lill-persunal matul l-evalwazzjoni tal-karriera. L-inkorporazzjoni ta' inċentivi u ta' premjijiet fi strateġija istituzzjonali għandha rwol fundamentali biex tiżgura l-mobilità b'suċċess tal-persunal

Il-mobilità, u b’mod partikolari l-mobilità tal-kreditu, għandha tintuża bħala inċentiv qawwi biex itejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni ogħla Ewropea. L-HEIs għandhom jiżviluppaw servizzi aħjar biex jibagħtu u jirċievu studenti jew riċerkaturi internazzjonali, inklużi servizzi ta' konsulenza fuq bażi individwali biex jagħtu pariri dwar il-karrieri u biex jiffaċillitaw l-integrazzjoni fil-belt/reġjun/pajjiż, b’taħriġ fil-lingwa fejn dan ikun xieraq. L-HEIs għandhom iqabblu l-kurrikuli ma' istituzzjonijiet pari u jtejbuhom biex jitjieb it-tagħlim u biex jissaħħu t-tmexxija u l-immaniġġjar istituzzjonali. Skambju ta' studenti internazzjonali f'qafas ta' programm jipprovdi inċentiv għar-rikonomixximent ta' diplomi barranin. B'hekk, il-mobilità jkollha impatt mhux biss fuq l-iżvilupp u l-impjegabilità tal-individwi, iżda wkoll fuq l-istituzzjonijiet. Fl-istess ħin, li jiġu stabbiliti rabtiet lokali intensivi bejn l-universitajiet u l-ekonomija huwa kruċjali għall-użu tal-potenzjal tar-riċerka u tal-edukazzjoni tal-universitajiet biex jitrawmu l-innovazzjoni u t-tkabbir.

Ir-regoli dwar l-immigrazzjoni ta’ persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi għandhom jappoġġaw l-isforzi tal-HEIs biex iżidu l-profil internazzjonali tagħhom minflok joħolqu ostakoli għall-mobilità li jdgħajfu r-reputazzjoni tal-Ewropa barra mill-pajjiż. Il-ħin u l-kostijiet involuti biex jinkisbu l-viżi meħtieġa, u/jew permessi kif ukoll id-differenzi sostanzjali fil-prattika bejn il-pajjiżi tal-UE, jistgħu jkunu fattur dissważiv fl-għażla tal-UE bħala destinazzjoni għall-istudju jew għar-riċerka. L-istudju riċenti tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni bl-isem ta' L-immigrazzjoni ta’ Studenti Internazzjonali fl-UE[13] jissuġġerixxi li filwaqt li l-Istati Membri ffaċilitaw l-ammissjoni ta’ studenti nazzjonali ta' pajjiżi terzi fl-UE wara d-Direttiva 2004/114/KE, xorta waħda jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi b'riżultat ta’ regolamenti u/jew prattiki nazzjonali.

Il-proposta riċenti tal-Kummissjoni[14] li tfassal mill-ġdid id-Direttivi 2005/71/KE u 2004/114/KE dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul, tar-residenza u tad-drittijiet ta’ persuni nazzjonali li mhumiex tal-UE għal skopijiet ta' riċerka, studju, eċċ., għandha tagħmilha aktar faċli u aktar attraenti għal studenti u riċerkaturi nazzjonali li mhumiex ċittadini tal-UE biex jidħlu u jgħixu fl-UE għal perjodi itwal minn 90 jum. Fost l-oħrajn, il-proposta tistabbilixxi limiti ta' żmien ċari għall-awtoritajiet nazzjonali biex jiddeċiedu dwar l-applikazzjonijiet, tipprevedi aktar opportunitajiet biex l-istudenti jkunu jistgħu jaħdmu matul is-soġġorni tagħhom u tiffaċilita l-mobilità intra-UE.

Il-prijoritajiet ewlenin dwar il-mobilità għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u għall-Istati Membri għandhom: • Jiffukaw l-istrateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni biex jinkludu komponent qawwi ta' mobilità tal-istudent, tar-riċerkatur u tal-persunal, appoġġat minn qafas ta' kwalità li jinkludi servizzi ta' gwida u ta' konsulenza; • Jistabbilixxu skemi ta’ mobilità bidirezzjonali ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE, li jħaddnu firxa wiesgħa ta’ suġġetti u fejn xieraq ikollhom fil-mira dawk l-oqsma fejn jeżistu nuqqasijiet ta' ħiliet; • Jappoġġaw rikonoxximent ġust u formali tal-kompetenzi miksuba barra mill-pajjiż għal studenti, riċerkaturi u persunal mobbli fuq skala internazzjonali, inkluż użu aħjar tal-għodod tat-trasparenza u tal-komparabilità u iktar enfasi fuq ir-riżultati tat-tagħlim; • Jadottaw, jittrasponu u jimplimentaw fil-ħin it-tfassil mill-ġdid propost tad-Direttiva li tgħaqqad flimkien id-Direttivi 2005/71/KE u d-Direttiva 2004/114/KE.

2.2.        Nippromwovu l-internazzjonalizzazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini u t-tagħlim diġitali

Id-definizzjoni ta’ livell xieraq u mudell ta’ mobilità internazzjonali, għall-persunal kif ukoll għall-istudenti, għandha tkun parti mill-istrateġiji ta' internazzjonalizzazzjoni. Iżda l-internazzjonalizzazzjoni m’għandhiex tkun biss ta' benefiċċju għall-minoranza tal-istudenti u tal-persunal fi kwalunkwe HEI li se jqattgħu xi żmien barra mill-pajjiż.

L-evidenza turi[15] li l-ogħla prijoritajiet tal-politiki dwar l-internazzjonalizzazzjoni għall-Istati Membri tal-UE u għall-HEIs individwali għadhom il-mobilità lil hinn mill-pajjiż tal-istudenti, l-iskambji tal-istudenti, u jattiraw studenti internazzjonali. Madankollu, il-mobilità dejjem se tkun limitata għal perċentwal relattivament żgħir tal-popolazzjoni tal-istudenti u tal-persunal: il-politiki dwar l-edukazzjoni ogħla għandhom jiffokaw dejjem iżjed fuq l-integrazzjoni ta’ dimensjoni globali fit-tfassil u fil-kontenut tal-kurrikuli u tal-proċessi tat-tagħlim (xi kultant imsejħa “l-internazzjonalizzazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini"), biex jiżguraw li l-maġġoranza l-kbira tal-istudenti, it-80-90 % li mhumiex mobbli fuq skala internazzjonali kemm għall-mobilità tal-lawrja kif ukoll għall-mobilità tal-kreditu, xorta waħda jkunu jistgħu jiksbu l-ħiliet internazzjonali meħtieġa f'dinja globalizzata.

Il-preżenza fuq il-kampus universitarju ta' persunal li jgħallem/jirriċerka b'mentalità internazzjonali jew li jkun ġej minn pajjiż barrani, flimkien ma' studenti barranin, iservi ta' strument li jesponi l-maġġoranza tal-istudenti li mhumiex mobbli għal approċċi internazzjonali; dan għandu l-potenzjal li jtejjeb il-prestazzjoni tal-HEIs u l-kwalità tal-edukazzjoni tagħhom, billi jinkoraġġixxi l-iskambju tal-materjal tal-kors, u, kull ma jmur, jiffaċilita l-użu effiċjenti tal-kampusis universitarji virtwali, tal-materjal tal-kors u tal-kooperazzjoni. Netwerks dixxiplinarji u multidixxiplinarji jistgħu jkunu vetturi għall-iskambji tal-persunal u għall-internazzjonalizzazzjoni tal-kurrikulu.

L-integrazzjoni ta’ dimensjoni internazzjonali fil-kurrikuli tenfasizza l-importanza tal-lingwi. Minn naħa, il-profiċjenza fl-Ingliż hija parti de facto minn kwalunkwe strateġija għall-internalizzazzjoni tal-istudenti, tal-għalliema u tal-istituzzjonijiet u xi Stati Membri introduċew, jew qegħdin jintroduċu, korsijiet immirati bl-Ingliż (speċjalment fil-livell ta’ Masters) bħala parti mill-istrateġija tagħhom biex jattiraw talent li kieku ma kienx jiġi fl-Ewropa. Min-naħa l-oħra, il-multilingwiżmu huwa ass Ewropew sinifikanti: huwa ferm apprezzat mill-istudenti internazzjonali[16] u għandu jiġi inkoraġġut fit-tagħlim u fir-riċerka fil-kurrikulu kollu tal-edukazzjoni ogħla. Il-ħiliet addizzjoni fil-lingwi Ewropej jwessgħu l-prospetti tal-karriera u jiddeterminaw sa ċertu punt jekk il-gradwati jew ir-riċerkaturi jagħżlux li joqogħdu fl-Ewropa wara li jiggradwaw, kif enfasizzat mill-istudenti tal-lawrja konġunta tal-Erasmus Mundus minn barra l-UE li jkunu mobbli f'minn tal-inqas żewp pajjiżi Ewropej. Sabiex jilħqu l-potenzjal tagħhom biex jintegraw b'suċċess fil-pajjiż ospitanti tagħhom, l-istudenti, ir-riċerkaturi u l-għalliema mobbli għandhom bżonn ta' appoġġ speċifiku għat-tagħlim tal-lingwa, inkluża l-opportunità li jitgħallmu l-lingwa(lingwi) lokali, kemm jekk din tkun il-lingwa tal-kors tal-istudju jew tal-grupp tar-riċerka kif ukoll jekk le.

It-tagħlim diġitali u l-użu usa' tat-teknoloġija tal-ICT jistgħu jwessgħu l-aċċess għal HEI Ewropea u jistgħu jżidu l-kurrikulu b'għarfien, materjal u metodi tat-tagħlim minn madwar id-dinja kollha, biex b'hekk irawmu forom ġodda ta' sħubijiet, sinerġiji u skambji fost id-dixxiplini u l-fakultajiet li kieku kien ikun diffiċli li jiġu stabbiliti. Aktar ftuħ u aktar trasparenza permezz tat-teknoloġija jtejbu l-kompetizzjoni u t-trasparenza, u jippermettu lill-HEI li taġġusta l-metodi u l-materjal tat-tagħlim għall-bżonnijiet tal-istudenti li se jaħdmu f'suq tax-xogħol globalizzat.

Dan se jirriżulta f'bidla għall-avvanz fil-mudell kummerċjali ta' kull HEI, billi jiftaħ il-possibbiltà għal udjenzi kompletament ġodda (eż. studenti internazzjonali li mhumiex f'kampus universitarju; individwi li qegħdin isegwu kors wieħed iżda mhux programm komplut; firxiet differenti ta' età) u għal servizzi ġodda (eż. appoġġ għat-tagħlim provdut minn għalliema; valutazzjoni; ċertifikazzjoni). Dan jibdel ir-rwol soċjali tal-istituzzjonijiet bħala fornituri tal-għarfien u tal-innovazzjoni u bħala kontributuri għall-iżvilupp, ipoġġi pressjonijiet ġodda fuq l-HEIs biex jirriflettu dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom fil-kuntest lokali, nazzjonali u reġjonali tagħhom, inkluża r-responsabbiltà li jibnu l-kapaċità f'ekonomiji emerġenti u f'pajjiżi tad-dinja li qegħdin fi stadju ta' żvilupp.

L-Ewropa għandha xi wħud mill-universitajiet l-aktar stabbiliti ta' tagħlim mill-bogħod li joffru tagħlim mill-bogħod u tagħlim imħallat (blended learning) u metodi mhux tradizzjonali oħra ta' tagħlim. Fis-snin riċenti beda u evolva ġmielu l-forniment ta’ Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER)[17] u, b’mod partikolari Softwer Edukattiv Miftuħ (OCW)[18] u Bosta Korsijiet Miftuħa Onlajn (MOOCs), b'tali mod li dawn ir-Riżorsi komplew jiżviluppaw kemm f'dik li hi sofistikazzjoni kif ukoll fl-organizzazzjoni[19].

Filwaqt li l-korsijiet u l-lawrji onlajn mhumiex fenomenu ġdid, it-tkabbir b'ritmu mgħaġġel fil-mod ta' kif jiġu offruti l-edukazzjoni onlajn u l-materjal diġitali, kif ukoll it-tkabbir fil-mod ta' kif isiru l-valutazzjoni, il-validazzjoni u l-kreditu akkademiku minn MOOCs magħżula (xejra emerġenti b'mod partikolari b’ħafna HEIs f’pajjiżi bħall-Istati Uniti u l-Awstralja) għandhom il-potenzjal li jittrasformaw l-edukazzjoni ogħla b'mod radikali. Xejriet ġodda fil-qasam tal-edukazzjoni diġitali u l-MOOCs li qegħdin jitfaċċaw għandhom jinċentivaw lill-HEIs biex jirriflettu dwar l-istrutturi tal-kostijiet tagħhom u possibilment anke dwar il-missjonijiet tagħhom, u jinvolvu ruħhom fi sħubijiet dinjin biex iżidu l-kwalità tal-kontenut u tal-esperjenza ta' tagħlim permezz ta' tagħlim imħallat.

L-Ewropa għandha tkun fuq quddiem fl-isforzi globali biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-edukazzjoni diġitali - inkluża d-disponibbiltà tal-ICT, l-użu tal-OER u l-forniment ta' MOOCs - u biex jingħelbu l-ostakoli sistemiċi li għadhom jeżistu fl-assigurazzjoni tal-kwalità, fil-valutazzjoni u r-rikonoxximent tal-istudenti, kif ukoll fil-finanzjament. Dan il-potenzjal u dawn l-ostakli se jiġu indirizzati fil-ġejjieni f'inizjattiva tal-Kummissjoni.

Il-prijoritajiet ewlenin dwar l-internazzjonalizzazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini u t-tagħlim diġitali għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u għall-Istati Membri għandhom: • Japprofittaw mill-esperjenzi internazzjonali u l-kompetenzi tal-persunal tal-HEIs, bil-għan li jiżviluppaw kurrikuli internazzjonali għall-benefiċċju kemm tal-istudenti mobbli kif ukoll għall-benefiċċju tal-istudenti li mhumiex mobbli; • Iżidu l-opportunitajiet offruti lill-istudenti, lir-riċerkaturi u lill-persunal biex jiżviluppaw il-ħiliet lingwistiċi tagħhom, b'mod partikolari t-tagħlim tal-lingwa lokali, għall-individwi li qegħdin isegwu korsijiet bl-Ingliż, sabiex jimmassimizzaw il-benefiċċji tad-diversità lingwistika Ewropea; • Jiżviluppaw opportunitajiet għal kollaborazzjoni internazzjonali permezz ta’ tagħlim onlajn u jespandu l-użu tal-ICTs u tar-Riżorsi tal-Edukazzjoni Miftuħa għal mezzi ġodda ta' twassil biex jikber l-aċċess, il-kurrikulu jiġi internazzjonalizzat u titwitta t-triq għal forom ġodda ta' sħubijiet.

2.3.        Insaħħu l-kooperazzjoni strateġika, is-sħubijiet u l-bini tal-kapaċità

Żviluppi ġodda bħal ma huma fergħat ta' kampusis universitarji u edukazzjoni ogħla onlajn, u l-poteri ġodda marbuta mal-għarfien li qegħdin jitfaċċaw, qegħdin ibiddlu l-bilanċ bejn il-kooperazzjoni u l-kompetizzjoni fl-istrateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni.

L-importanza ekonomika tal-edukazzjoni ogħla internazzjonali qiegħda tiżdied b'ritmu mgħaġġel. Xi ftit pajjiżi, inklużi destinazzjonijiet popolari bħar-Renju Unit, il-Kanada, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Awstralja, jagħtu importanza kbira lill-edukazzjoni ogħla bħala servizz li jiġġenera sors sinifikanti ta' dħul (li fl-2010 issarraf fi 8.25 biljun sterlina Ingliża fir-Renju Unit, u AUD 15.5 biljun fl-Awstralja).

F’xi Stati Membri tal-UE, bħall-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u d-Danimarka, ġew introdotti miżati sostanzjali għat-tagħlim għall-istudenti li mhumiex ċittadini tal-UE, li l-istituzzjonijiet qegħdin jużaw biex iżidu l-livelli tad-dħul tagħhom, u li qed jippermettulhom, pereżempju, li joffru boroż ta’ studju mmirati għal studenti minn pajjiżi emerġenti u pajjiżi li qegħdin f'fażi ta' żvilupp. Bil-kuntrarju ta' dan, hemm Stati Membri oħrajn li għamlu għażliet politiċi ċari sabiex il-miżati għat-tagħlim għall-persuni nazzjonali ta' pajjiżi terzi jibqgħu baxxi jew ma jkun hemm l-ebda miżata bħala parti mill-istrateġija tagħhom ta' internazzjonalizzazzjoni u bħala mod ta' kif jattiraw aktar studenti internazzjonali.

L-istudenti internazzjonali għandhom impatt ekonomiku pożittiv fuq il-pajjiż ospitanti irrispettivament minn jekk humiex jintalbu jħallsu miżati għat-tagħlim jew le. Studju li sar fl-2012[20] mill-Gvern Olandiż juri li jekk imqar jibqgħu jaħdmu fil-pajjiż 2.5% tal-gradwati internazzjonali, dan jissarraf f'effetti pożittivi fuq terminu twil fuq il-finanzi pubbliċi, lil hinn mill-investiment irkuprat.

Is-sistemi tal-edukazzjoni ogħla tal-Ewropa joffru għadd ta' vantaġġi kompetittivi li għandhom jiġu sfruttati, bħal rekord tajjeb u ta' suċċess f'dawk li huma lawrji konġunti u doppji, skejjel għad-dottorat, dottorati industrijali u l-iżvilupp riċenti tal-Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKIs) tal-EIT[21] f'oqsma ta’ rilevanza dinjija. Iżda l-internazzjonalizzazzjoni teħtieġ aktar kooperazzjoni, ma’ ċentri ġodda tal-edukazzjoni ogħla f’kontinenti oħra.

L-HEIs Ewropej għandhom jippożizzjonaw lilhom infushom skont il-punti b'saħħithom tagħhom fl-edukazzjoni, ir-riċerka jew l-innovazzjoni, u joħolqu sħubijiet fi ħdan l-Ewropa u barra minnha sabiex isaħħu u jikkumplimentaw il-profil individwali tagħhom: permezz ta’ proġetti konġunti u attivitajiet ta’ riċerka, korsijiet fuq l-internet li jgħaqqdu flimkien il-mezzi tradizzjonali u dawk ġodda tad-distribuzzjoni u tat-twassil, inkluża t-tmexxija ta' kampusis universitarji li huma konġunti jew fergħat f'pajjiżi li mhumiex fl-UE. Netwerks tar-riċerka stabbiliti għandhom ikunu punt tat-tluq biex jitniedu kollaborazzjonijiet ġodda ta' tagħlim, u sħubijiet edukattivi maturi għandhom irawmu proġetti ġodda ta' riċerka.

L-evidenza turi li l-lawrji Konġunti u doppji huma strumenti b’saħħithom: biex jippromwovu l-assigurazzjoni tal-kwalità u tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki; biex jattiraw it-talent u japprofondixxu s-sħubijiet; u biex itejbu l-esperjenza internazzjonali, il-kompetenza interkulturali u l-impjegabilità tal-gradwati. Għaldaqstant, l-UE u l-Istati Membri għandhom jipprovdu inċentiv b'saħħtu biex itejbu r-rwol tal-lawrji konġunti u doppji fl-istrateġiji ta' internazzjonalizzazzjoni tal-HEIs Ewropej, filwaqt li jieħdu spunt mill-esperjenza ta' kważi 700 HEIs Ewropej kif ukoll dawk mhux tal-UE li diġà bbenefikaw mil-lawrji konġunti u doppji pprovduti mill-programm Erasmus Mundus. L-impriża ta' programmi konġunti għadha diffiċli għall-HEIs minħabba żewġ ostakli partikolari, kemm mil-lat akkademiku kif ukoll mil-lat amministrattiv, u hemm bżonn li dawn jiġu indirizzati: Regolamenti istituzzjonali (proċeduri tal-akkreditazzjoni, sistemi ta’ klassifikazzjoni, ir-Regolamenti dwar l-eżaminazzjoni u t-teżi, proċeduri ta' reġistrazzjoni jew politika dwar il-miżati għat-tagħlim), u l-leġiżlazzjoni nazzjonali (partikolarment marbuta mal-għoti ta’ lawrji konġunti).

Sħubijiet strateġiċi internazzjonali b’involviment ibbilanċjat min-negozju u mill-edukazzjoni ogħla huma neċessarji għal innovazzjoni transkonfinali biex jiġu indirizzati l-isfidi globali. Dan huwa partikolarment il-każ f’ekonomiji emerġenti fejn l-Ewropa għandha bżonn tiżviluppa kooperazzjoni bilanċjata ma’ ċentri ta’ eċċellenza sabiex tiġi żgurata preżenza lokali aktar b’saħħitha u aktar sostnuta. Sħubijiet li għandhom l-għan li jrawmu l-intraprenditorija u l-innovazzjoni, li jagħtu bidu għal approċċi innovattivi, ħiliet u l-attitudnijiet intrapreditorjali fl-istudenti, jwasslu għal benefiċċji kemm għall-kompetittività Ewropea kif ukoll għall-pajjiżi sħab. Potenzjal partikolari jinsab fil-promozzjoni ta' innovazzjoni affordabbli u inklużiva li tkun tista’ tgħin lill-ekonomiji emerġenti biex jikkonfrontaw l-isfidi tas-soċjetà tagħhom kif ukoll tippromwovi l-aċċess għas-suq, il-kummerċ u l-investiment għall-kumpaniji Ewropej.

Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li qegħdin fi stadju ta' żvilupp u mal-HEIs tagħhom għandha tkun element ta' strateġiji ta' internazzjonalizzazzjoni, b’mudelli innovattivi ta’ sħubijiet bħala mezz biex tissaħħaħ kemm il-kollaborazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar kif ukoll il-kollaborazzjoni fin-Nofsinhar innfisu bħal programmi konġunti u tagħlim u l-mobilità tal-persunal.

Hemm biżżejjed evidenza[22] li turi li l-edukazzjoni ogħla hija kruċjali għat-twassil tar-rekwiżiti tal-għarfien għall-iżvilupp ekonomiku: permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi, governanza aħjar, żieda fl-intraprenditorija u mobilità interġenerazzjonali, u soċjetà ċivili aktar b’saħħitha. L-HEIs Ewropej jirrikonoxxu li għandhom rwol ewlieni fl-appoġġ tal-isforzi ta’ mmodernizzar f'partijiet tad-dinja emerġenti u dawk li qegħdin fi stadju ta' żvilupp, kif ukoll fil-kontribut għas-sejbien ta' soluzzjonijiet għall-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima jew għat-tnaqqis tad-differenzi fil-livell ta' żvilupp bejn il-popli u n-nazzjonijiet. Bl-istess mod, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jappoġġaw il-programmi ta' kooperazzjoni u ta' bini ta’ kapaċità kkumplimentati minn azzjoni tal-UE f’dan il-qasam. L-istudenti, il-persunal u r-riċerkaturi li jaħdmu jew jistudjaw f'HEIs ospitanti Ewropej ta' spiss jaġixxu bħala mezzi ta' kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-pajjiż tagħhom u mal-pajjiżi tagħhom, sabiex jiżviluppaw, jikkoordinaw u jsegwu proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali.

Minbarra l-azzjonijiet speċifiċi u tradizzjonali ta' bini ta' kapaċità, il-mobilità nnifisha, u b'mod partikolari l-mobilità tal-kreditu, għandha potenzjal soċjali biex ittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni ogħla fil-pajjiżi li qegħdin fi stadju ta' żvilupp: billi tħaffef it-tfassil ta’ strateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni u l-użu ta’ għodod ta' trasparenza u ta’ rikonoxximent, u billi tgħin lill-istituzzjonijiet jiżviluppaw servizzi aħjar biex jibagħtu u jirċievu studenti barranin jew riċerkaturi, u jippromwovu r-rikonoxximent tad-diplomi barranin.

Kif enfasizzat fil-proġett l-Aċċess għas-Suċċess[23], il-kooperazzjoni għall-iżvilupp mhijiex dejjem rikonoxxuta biżżejjed fl-istqarrijiet tal-missjoni tal-HEIs. Iżda l-parteċipazzjoni tal-HEIs Ewropej fil-bini tal-kapaċità f’pajjiżi li mhumiex fl-UE tista' tkun, fl-istess ħin, ta' sodisfazzjoni mil-lat akkademiku għall-istituzzjonijiet Ewropej u tifforma parti mir-responsabbiltà soċjetali tagħhom. Meta jaħdmu ma' HEIs fil-pajjiżi li l-aktar jinsabu fil-bżonn, bħal Stati li jkunu għadhom kif ħarġu minn kunflitt, u jistabbilixxu sħubijiet ma' istituzzjonijiet li għandhom riżorsi inqas minnhom, l-HEIs Ewropej ikollhom l-opportunità li jagħtu kontribuzzjoni b'saħħitha għall-iżvilupp ta' reġjun partikolari u b'hekk jistabbilixxu miegħu rabta strateġika fuq terminu twil. F’dinja li qed tevolvi b’ritmu mgħaġġel, l-opportunitajiet qegħdin jinbidlu malajr, u l-pajjiżi li llum il-ġurnata jinsabu fi stadju ta' żvilupp, se jkunu l-ekonomiji emerġenti ta' għada.

Il-prijoritajiet ewlenin dwar sħubija għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u għall-Istati Membri għandhom: • Isaħħu l-kapaċità tal-edukazzjoni ogħla u jirriċerkaw biex jindirizzaw l-isfidi globali billi jinvolvu ruħhom fi sħubijiet u alleanzi internazzjonali orjentati lejn l-innovazzjoni; • Jindirizzaw l-ostakli li jibqa’ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ lawrji konġunti u doppji, kemm fuq livell istituzzjonali kif ukoll f’dak nazzjonali, u jtejbu d-dispożizzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-kwalità u r-rikonoxximent transkonfinali; • Jipprovdu kurrikuli intraprenditorjali u innovattivi li jinkludu ħiliet trasferibbli, u joħolqu opportunitajiet ta’ taħriġ internazzjonali billi jaħdmu flimkien ma’ impjegaturi minn ġewwa u minn barra l-UE; • Jiżguraw koerenza bejn l-istrateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni u l-politiki ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE billi jikkunsidraw il-prinċipji tal-ekwità u tal-appartenenza tal-pajjiż sieħeb; jużaw l-istudenti, ir-riċerkaturi u l-persunal minn pajjiżi li mhumiex fl-UE bħala mezzi ta' kooperazzjoni mal-HEIs f'dawn il-pajjiżi.

3.           IL-KONTRIBUZZJONI TAL-UE GĦALL-INTERNAZZJONALIZZAZZJONI TAL-EDUKAZZJONI OGĦLA

Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u tal-HEIs tagħhom li jirriformaw is-sistemi ta' edukazzjoni ogħla tagħhom u li jappoġġaw l-istrateġiji ta' internazzjonalizzazzjoni. Il-valur miżjud tal-UE — f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri u filwaqt li tiġi rrispettata bis-sħiħ l-awtonomija tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla - partikolarment permezz tal-Ewropa 2020 u l-Programm Erasmus+ fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014-2020 (QFP)[24], huwa li hi tipprovdi appoġġ għall-politika aktar b’saħħtu u inċentivi finanzjarji għal strateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni.

Il-programm Erasmus+ għall-perjodu 2014-2020 se jipprovdi investiment sostanzjali fil-livell tal-UE fl-oqsma ewlenin tal-istrateġiji ta' internazzjonalizzazzjoni: il-mobilità internazzjonali, il-lawrji konġunti, u s-sħubijiet ta' kooperazzjoni internazzjonali, inkluż il-bini tal-kapaċità u l-iżvilupp tal-persunal f'partijiet tad-dinja li huma emerġenti u li qegħdin fi stadju ta' żvilupp. Erasmus+, billi jintegra l-istrumenti esterni, iġib fi tmiem l-frammentazzjoni attwali tad-diversi programmi ta’ edukazzjoni ogħla esterni eżistenti u għandu l-għan li jagħmel l-azzjonijiet tal-UE aktar viżibbli, koerenti u attraenti.

Il-programm qafas Orizzont 2020 għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-komponenti tiegħu li huma orjentati lejn l-edukazzjoni - L-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA) għall-mobilità tar-riċerkaturi u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) - se jsaħħaħ ir-rwol u l-immaġni tal-Ewropa bħala fornitur soċjalment responsabbli u ta' kwalità tajba tal-edukazzjoni ogħla u se jalloka aktar fondi b'mod strateġiku lill-istudenti, ir-riċerkaturi u l-persunal mobbli, kemm dawk li jidħlu fil-pajjiż, kif ukoll dawk li jitilqu mill-pajjiż, li jmorru f'pajjiżi li mhumiex fl-UE jew li jiġu minn tali pajjiżi. L-MSCA se jimpjegaw madwar 20 % tar-Riċerkaturi tal-Marie Sklodowska-Curie kollha tagħhom barra mill-Ewropa, u se jrawmu rabtiet ibbażati fuq ir-riċerka ma’ sħubijiet madwar id-dinja permezz ta’ perjodi ta’ mobilità.

Sabiex isir kontribut għall-istrateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni fil-perjodu 2014-2020 permezz ta’ finanzjament mill-UE, il-Kummissjoni se: • Tipprovdi iktar appoġġ finanzjarju permezz tal-programm il-ġdid Erasmus+ għall-mobilità lejn u minn pajjiżi li mhumiex fl-UE, li se jolqot sa 135 000 student u persunal; u se tagħti l-opportunità lil 15 000 riċerkatur minn barra l-UE biex jibdew jew isegwu l-karrieri tagħhom fl-Ewropa permezz tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie fl-Orizzont 2020; • Tappoġġa konsorzji internazzjonali tal-HEIs biex jiżviluppaw lawrji ta' Master u Dottorat permezz tal-Erasmus+ u l-Azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie, rispettivament, u biex jipprovdu boroż ta’ studju ta' livell għoli biex għadd ta' gradwati, sa 60,000 gradwat, ikunu jistgħu jieħdu sehem; • Tappoġġa sħubijiet strateġiċi għall-kooperazzjoni u l-innovazzjoni, u dan jinkludi sa 1,000 sħubija għall-bini ta’ kapaċità bejn l-UE u l-HEIs li mhumiex fl-UE.

Il-kontribut tal-UE se jiffoka fuq żewġ objettivi tal-politika li huma deskritti hawnhekk edukazzjoni ogħla Ewropea aktar attraenti permezz ta' titjib fil-kwalità u t-trasparenza; u aktar kooperazzjoni dinjija għall-innovazzjoni u l-iżvilupp permezz tas-sħubijiet, id-djalogu u l-bini tal-kapaċità.

3.1.        Edukazzjoni ogħla Ewropea aktar attraenti permezz ta' titjib fil-kwalità u t-trasparenza

Sabiex ittejjeb ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki barranin, l-UE se tkompli tinvolvi ruħha fi djalogu internazzjonali dwar il-politiki tal-edukazzjoni ogħla ma’ pajjiżi u reġjuni sħab ewlenin madwar id-dinja. Se tinkoraġġixxi fehim aħjar tal-istandards u l-għodod Ewropej, bħall-QEK, it-Tuning, l-ECTS, is-Suppliment tad-Diploma, in-Netwerk taċ-Ċentru Nazzjonali ta' Informazzjoni u ta' Rikonoxximent Akkademiku (NARIC), u l-Karta Erasmus, sabiex ittejjeb l-użu ta' dawn l-istrumenti u l-potenzjal tagħhom bħala standards globali. Fl-istess ħin, l-UE għandha ssaħħaħ id-djalogu politiku u l-għarfien dwar is-sistemi u l-istrumenti edukattivi ta' pajjiżi sħab, inkluż permezz tal-proċess intergovernattiv ta’ Bolonja, bħala mezz biex tiżviluppa l-istandards u l-għodod tal-Ewropa nnifisha.

Jekk irridu li l-internazzjonalizzazzjoni żżid il-kwalità fl-edukazzjoni ogħla, jeħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib ma' sistemi ekwivalenti f'reġjuni oħra tal-dinja dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità, li tkopri l-kwalità tas-servizzi offruti lill-istudenti mobbli, assigurazzjoni tal-kwalità tal-kontenut akkademiku tal-korsijiet tagħhom, u assigurazzjoni tal-kwalità ta’ proġetti konġunti u programmi. Bl-istess mod, għandu jkun hemm ukoll kooperazzjoni aktar mill-qrib għall-proċeduri ta’ akkreditazzjoni tal-korsijiet ta’ lawrja.

Minħabba l-importanza li dejjem qed tikber tal-klassifikazzjonijiet universitarji u l-impatt tagħhom fuq l-għażla tal-istudenti għal destinazzjoni għall-istudju, il-Kummissjoni qiegħda tappoġġa l-iżvilupp ta’ għodda ta’ trasparenza bħala xi ħaġa alternattiva u li tikkumplimenta l-klassifikazzjonijiet tradizzjonali li prinċipalment jiffukaw fuq ir-riċerka. Il-klassifikazzjoni l-ġdida multidimensjonali u internazzjonali li hija xprunata mill-utent għall-HEIs "U-Multirank" se tippubblika l-ewwel riżultati tagħha fil-bidu tal-2014. Mill-2016/17, se jkun hemm organizzazzjoni indipendenti li se tagħmel il-klassifikazzjoni. L-approċċ għall-klassifikazzjoni l-ġdida se jikkomunika d-diversità tal-profili, il-punti ta' saħħa u l-ispeċjalizzazzjonijiet fl-oqsma tat-tagħlim u tar-riċerka tal-HEI's Ewropej, u HEIs li mhumiex Ewropej se jkunu jistgħu jipparteċipaw fiha fuq termini ugwali.

“U-Multirank” se tippermetti lill-HEIs jippożizzjonaw lilhom infushom fuq diversi indikaturi bħall-profil internazzjonali tagħhom, u jidentifikaw sħab ta' kooperazzjoni li jikkumplimentawhom u li jaħsbuha bħalhom; din se tippermetti lil min ifassal il-politika, lill-HEIs u lill-istudenti jikklassifikaw istituzzjonijiet jew programmi individwali skont dak li hu l-aktar importanti għalihom Biż-żieda fit-trasparenza tal-profili tal-HEIs Ewropej, “U-Multirank” se tiffaċilita t-“tqabbil” tal-ħtiġijiet għal studenti u riċerkaturi internazzjonali potenzjali, u b’hekk tgħin lill-għadd ikbar ta' HEIs Ewropej jattiraw aktar nies.

Jekk l-Ewropa trid tibqa’ ferm attraenti bħala destinazzjoni għall-istudenti mobbli fuq skala internazzjonali f'kuntest fejn kull ma jmur dejjem qed ikun hemm aktar ċentri reġjonali ġodda tal-edukazzjoni ogħla, hija għandha ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tippromwovi sensibilizzazzjoni globali tal-kwalità tajba u d-diversità kulturali u lingwistika għanja tal-edukazzjoni ogħla Ewropea.

S'issa, il-kampanji ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni internazzjonali fil-livell tal-UE, ġew organizzati permezz ta’ mezzi tradizzjonali bħall-parteċipazzjoni f’fieri internazzjonali tal-istudenti bit-tema Studja fl-Ewropa, il-websajts u l-għodod tal-komunikazzjoni ta' Studja fl-Ewropa u Destinazzjoni Ewropa[25], serje ta’ Fieri Ewropej tal-Edukazzjoni Ogħla fl-Asja u fl-Amerika Latina u attivitajiet fl-ambitu tal-Programm Erasmus Mundus. Il-Kummissjoni se tikkollabora mal-aġenziji nazzjonali ta’ promozzjoni u mal-partijiet interessati sabiex tikkumplimenta l-isforzi nazzjonali ta’ tagħrif u ta' promozzjoni dwar l-opportunitajiet ta' studju u ta’ finanzjament, b’mod partikolari fi Stati Membri fejn il-preżenza ta' studenti internazzjonali hija iżgħar, u se tippromwovi d-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni ogħla barra mill-Ewropa, bl-għajnuna tad-delegazzjonijiet tal-UE u tal-konsulenti fl-oqsma tal-edukazzjoni u tar-riċerka fl-Ambaxxati tal-Istati Membri.

Il-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE stabbilixxew websajts ta' “one-stop shop” bl-Ingliż li jipprovdu tagħrif u għajnuna lill-istudenti jew lir-riċerkaturi mobbli. Il-websajts nazzjonali li jħabbru opportunitajiet ta' studju jew ta' xogħol u l-finanzjament, eż. il-Finlandja u l-Pajjiżi l-Baxxi[26], huma kkumplimentati fil-livell Ewropew. Il-Kummissjoni se tkompli tiffinanzja l-portals tal-edukazzjoni ogħla[27] li jippromwovu l-offerta Ewropea għall-edukazzjoni u għall-boroż ta' studju fuq firxa wiesgħa, flimkien mal-portal EURAXESS[28], li jelenka postijiet tax-xogħol battala fil-qasam tar-riċerka u rabtiet ma' servizzi differenti li joffru informazzjoni prattika dwar il-ħajja f'pajjiżi differenti, pariri dwar l-immigrazzjoni u informazzjoni dwar is-sigurtà soċjali. Il-Portal tal-UE dwar l-Immigrazzjoni[29] jipprovdi informazzjoni mfassla apposta kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istat Membru dwar il-proċeduri tal-immigrazzjoni għal studenti nazzjonali ta' pajjiżi terzi. Se jsir użu tajjeb mill-metodi innovattivi, pereżempju, permezz ta' assoċjazzjonijiet tal-istudenti u tal-alumni li jaġixxu ta' ambaxxaturi u promoturi tal-edukazzjoni ogħla Ewropea, kif ukoll l-użu ta' midja ġdida mmirata għal udjenza diġitalment letterata.

In-netwerks tal-alumni ta' programmi edukattivi fuq skala internazzjonali għandhom jintużaw bħala strument utli ta’ diplomazija mhux aggressiva, sabiex jinfluwenzaw u jinvolvu udjenzi ġodda b'tali mod li javvanza l-interessi tal-Istati Membri individwali jew tal-UE, u l-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tidentifika l-aħjar prattika.

Il-Kummissjoni se: • Trawwem il-komparabilità tal-kwalifiki, tal-krediti u tas-sistemi ta' reġistrazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni u djalogu internazzjonali; • Ittejjeb il-kwalità tal-mobilità permezz ta’ Karta Erasmus aktar b'saħħitha sal-aħħar tal-2013 inkluż permezz tal-linji ta’ gwida għall-HEIs għall-awtovalutazzjoni u għall-monitoraġġ; • Tippromwovi l-implimentazzjoni ta’ U-Multirank, l-għodda l-ġdida għal klassifikazzjoni multidimensjonali u internazzjonali għall-HEIs sabiex jittejbu t-trasparenza, il-komparabilità u l-valutazzjoni komparattiva bejn l-HEIs; • Tappoġġa l-kooperazzjoni ma' agenziji nazzjonali ta' promozzjoni u assoċjazzjonijiet tal-alumni billi taqsam l-informazzjoni magħhom u tikkoordina azzjonijiet konġunti sabiex tippromwovi lill-Ewropa bħala destinazzjoni ta' kwalità tajba għall-istudju u għar-riċerka (eż. fieri għall-istudenti u t-tfassil ta' għodod konġunti ta’ promozzjoni).

3.2.        Inżidu l-kooperazzjoni dinjija għall-innovazzjoni u l-iżvilupp

Il-programmi ta’ lawrji konġunti u doppji huma aspett partikolari tas-suċċess tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni internazzjonali tal-UE, ibbażati fuq netwerks internazzjonali ta' eċċellenza għat-tagħlim u għar-riċerka[30]: Taħt Erasmus+, il-programmi konġunti ta’ Masters se jiġu appoġġati u se jiżdiedu fin-numru. Dawn il-programmi konġunti, li jikkumplimentaw il-Masters u d-Dottorati tal-Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKIs) tal-EIT, se jiżguraw taħriġ b'enfasi qawwija fuq il-ħiliet meħtieġa mill-impjegaturi tal-ġejjieni. L-innovazzjoni u l-iskambju internazzjonali bejn l-HEIs u s-sħab kummerċjali se jitjiebu, u l-istudenti u r-riċerkaturi se jkollhom l-opportunità li jaħdmu f'pajjiż ieħor u jiksbu esperjenza kemm fis-setturi akkademiċi kif ukoll f'dawk privati. Min-naħa tagħhom, l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, inklużi Dottorati konġunti, Netwerks tat-Taħriġ Innovattiv u Dottorati Industrijali Ewropej se jgħinu lill-HEIs irawmu rabtiet ibbażati fuq ir-riċerka ma' sħab madwar id-dinja u se jirrinforzaw it-trijangolu tal-għarfien bejn l-edukazzjoni ogħla, in-negozju u r-riċerka.

Bl-istess mod, l-Alleanzi tal-Għarfien taħt Erasmus+ se jrawmu l-innovazzjoni u se jsaħħu r-rabtiet bejn l-impjegaturi u l-HEIs parteċipanti, anke f'livell internazzjonali.

Id-djalogu politiku huwa skambju bejn sistema u oħra ma' pajjiżi jew reġjuni li mhumiex fl-UE dwar sfidi komuni. Min-naħa tal-Ewropa, dan id-djalogu jitmexxa mill-Kummissjoni u għandu objettivi differenti, skont l-imsieħba internazzjonali: għandu jissaħħaħ bħala strument flessibbli għall-kooperazzjoni u għad-diplomazija mhux aggressiva. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tippromwovi fuq iż-żewġ naħat it-tagħlim bejn il-pari u l-bini ta' kapaċità, u l-iskambju ta’ prattika tajba f’dawn id-djalogi bl-involviment ukoll tal-partijiet interessati ewlenin; dan se jgħin lill-imsieħba jisfruttaw aħjar il-possibbiltajiet għal tali skambju offruti taħt il-programmi l-ġodda tal-UE. Id-djalogu politiku fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla ma' msieħba internazzjonali għandu jiġi allinjat mal-prijoritajiet esterni tal-UE, u għandu jseħħ fi ħdan l-oqfsa ta’ kooperazzjoni eżistenti bħall-Istrateġija għat-tkabbir, il-Politika Ewropea tal-Viċinat (pereżempju fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant) jew il-ftehimiet differenti ta' sħubija (multisettorjali) ma’ pajjiżi emerġenti jew industrijalizzati bħad-Djalogu ta' Livell Għoli bejn l-UE u ċ-Ċina, id-Djalogu dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ fi ħdan is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil u l-ispazji komuni bejn l-UE u r-Russja.[31]

Is-sħubijiet internazzjonali għall-bini ta’ kapaċità se jkunu essenzjali għall-appoġġ lill-pajjiżi li mhumiex fl-UE biex itejbu s-sistemi tal-edukazzjoni ogħla tagħhom u fl-isforzi tagħhom ta' mmodernizzar u internazzjonalizzazzjoni, biex iħejju t-triq għal kollaborazzjoni akkademika u ta' riċerka fil-ġejjieni, biex jindirizzaw il-kwistjonijiet transkonfinali, u biex jiżviluppaw għarfien aktar b’saħħtu tas-swieq lokali.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali, u se tiżgura li l-politiki jkunu bbażati fuq għarfien tal-ogħla livell dwar kif tiġi pprovduta, b'mod transkonfinali, l-edukazzjoni ogħla. B'mod partikolari tinħass il-ħtieġa għal ġbir aħjar tad-dejta dwar il-flussi tal-mobilità tal-istudenti, tar-riċerkaturi u tal-persunal internazzjonali, u dwar il-kooperazzjoni akkademika internazzjonali. Għodod ġodda ta’ kooperazzjoni bħall-OER se jeħtieġu wkoll monitoraġġ mill-qrib sabiex jitkejjel b'mod adegwat l-impatt tagħhom fuq l-istudenti u l-persuni li jipprovdu t-tagħlim. Sabiex tikseb dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni se taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali biex tidentifika u timla l-lakuni fl-għarfien permezz tar-riċerka, il-ġbir u l-analiżi tal-istatistiċi, u d-djalogu mal-esperti fil-qasam, mill-UE u lil hinn minnha.

Il-Kummissjoni se: • Issegwi djalogi ta’ politika bilaterali u multilaterali ma’ msieħba internazzjonali ewlenin; • Tippromwovi l-EIT u l-KKIs tiegħu bħala mezz ta' appoġġ għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-edukazzjoni ogħla u fl-innovazzjoni sabiex jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà, b'sinerġija ma' attivitajiet oħra ta' riċerka u innovazzjoni kemm tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali; • Issaħħaħ it-tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali, permezz tar-riċerka, tal-ġbir u l-analiżi tal-istatistika, u d-djalogu ma’ esperti; • Tippreżenta, fil-Ħarifa tal-2013, inizjattiva għall-promozzjoni tat-tagħlim diġitali u l-użu aħjar tal-ICT u l-OER fl-edukazzjoni.

4.           IL-PASSI LI JMISS

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, billi tgħin lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla (HEIs) jiżviluppaw strateġiji u sħubijiet li jgħinu lill-Ewropa tindirizza l-isfidi globali b'mod aktar effettiv.

L-istrateġiji komprensivi ta’ internazzjonalizzazzjoni jirnexxu biss jekk ikunu r-riżultat ta' sforz kollaborattiv. Fit-tfassil ta’ dawn il-proposti, il-Kummissjoni kkonsultat b'mod informali ma' firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, inklużi organizzazzjonijiet ewlenin li jirrappreżentaw lill-HEIs, lil min iħaddem, lill-istudenti u lin-netwerks ta' alumni, lill-esperti fil-qasam, u lil rappreżentattivi minn ministeri tal-edukazzjoni kemm dawk li jinsabu fl-UE kif ukoll dawk barra mill-UE. Hi se tkompli taħdem ma’ dawn il-partijiet interessati, u issa se tinvolvi lill-Parlament Ewropew, lill-Istituzzjonijiet Ewropej l-oħra u lill-Istati Membri tal-UE biex ikomplu sejrin b'din l-inizjattiva u lill-Grupp ta' Segwitu tal-Proċess Bolonja biex jimplimentaw l-azzjonijiet proposti.

L-iżvilupp u s-segwitu tal-linji gwida u tal-azzjonijiet tal-politika proposti fit-tmiem ta' kull taqsima f'din il-Komunikazzjoni se jiġu żgurati permezz tal-istrumenti tal-implimentazzjoni tal-programmi ta' Erasmus+ u Orizzont 2020; ir-rappurtar konġunt dwar il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ (ET 2020). id-dispożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-Monitor annwali tal-Edukazzjoni u tat-Taħriġ tal-UE; u l-proċess ta’ Bolonja u djalogu politiku mal-partijiet interessati internazzjonali ewlenin.

[1]               www.oecd.org/edu/highereducationandadultlearning/highereducationto2030vo

l1demography.htm

[2]               COM(2011) 567 finali

[3]               COM(2012) 669 finali

[4]               http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2010:135:0012:0014:MT:PDF

[5]               Dan it-terminu jkopri t-tipi kollha ta’ istituzzjonijiet terzjarji, inkluż fil-qasam tax-xjenza applikata, l-istituti tat-teknoloġija, Grandes Ecoles, l-iskejjel tal-kummerċ, l-iskejjel tal-inġinerija, IUT, il-kulleġġi tal-edukazzjoni ogħla, l-iskejjel professjonali, l-istituti politekniċi, l-akkademji.

[6]               L-Istitut għall-Istatistika tal-UNESCO

[7]               Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku: COM(2012) 582 finali

[8]               COM(2012) 497 finali

[9]               ec.europa.eu/education/external-relation-programmes/doc/mapping_en.pdf

[10]             http://www.eua.be/Libraries/Publications_homepage_list/EUA_International_Survey.sflb.ashx

[11]             Iż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Superjuri fl-2012: Ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Proċess ta’ Bolonja, p. 154.

[12]             ec.europa.eu/education/erasmus/euc_en.htm

[13]             http://www.emnbelgium.be/sites/default/files/publications/0_immigration_of_international_ students_to_the_eu_sr_10april2013_finalpublic_0.pdf

[14]             http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-275_mt.htm

[15]             www.iau-aiu.net/content/global-surveys

[16]             ec.europa.eu/dgs/education_culture/evalreports/education/2012/mundus_en.pdf

[17]             L-OERs huma kwalunkwe tip ta' materjal edukattiv li jinsab fid-dominju pubbliku jew li jiġi introdott b'liċenzja miftuħa. It-tip ta' dan il-materjal miftuħ huwa tali li kull persuna tista', legalment u liberalment, tikkopja, tuża, tadatta u taqsmu mill-ġdid ma' persuni oħrajn. L-OERs ivarjaw minn kotba tal-iskola għal kurrikuli, sillabi, noti relatati ma' lezzjonijiet, assignments, testijiet, proġetti, riżorsi awdjo, vidjow u animazzjoni.

[18]          L-OCW huwa pubblikazzjoni diġitali, bla ħlas u miftuħa, ta' materjal edukattiv tal-livell ta' HEI ta' kwalità tajba. Huwa organizzat bħala korsijiet, u ta' spiss jinkludi materjal għall-ippjanar ta' kors u għodod tal-evalwazzjoni kif ukoll kontenut tematiku. L-OCW huwa liberalment liċenzjat, aċċessibbli għal kulħadd f’kull ħin permezz tal-internet.

[19]             Eż. www.coursera.org; www.udacity.com; www.edx.org

[20]             www.rijksoverheid.nl/documenten-en-publicaties/rapporten/2012/05/16/de-economische-effecten-van-internationalisering-in-het-hoger-onderwijs.html

[21]             L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) huwa korp tal-Unjoni Ewropea stabbilit f’Marzu tal-2008 bl-għan li jżid it-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività Ewropej billi jsaħħaħ il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-UE.

[22]             http://chet.org.za/papers/higher-education-and-economic-development-review-literature

[23]             http://www.accesstosuccess-africa.eu/images/finalconference/eua_whitepaper_eng_web.pdf

[24]             Minn nofs l-2011 ’il quddiem, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposti tagħha għal qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għaċ-ċiklu tal-baġit 2014-2020.

[25]             http://ec.europa.eu/research/iscp/index.cfm?pg=destinationEurope

[26]                    www.studyinfinland.fi; www.studyinholland.nl

[27]             Eż.ec.europa.eu/education/study-in-europe;www.study-info.eu; www.distancelearningportal.eu

[28]                    ec.europa.eu/euraxess inklużi n-netwerk EURAXESS LINKS stabbiliti għar-riċerkaturi Ewropej u dawk li Mhumiex Ewropej fl-Istati Uniti tal-Amerika, iċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja, ASEAN u l-Brażil sabiex jippromwovu lill-Ewropa bħala destinazzjoni attraenti għar-riċerkaturi.

[29]             http://ec.europa.eu/immigration/

[30]             www.iie.org/en/Research-and-Publications/Publications-and-Reports/IIE-Bookstore/Joint-Degree-Survey-Report-2009

[31]             ec.europa.eu/education/external-relation-programmes/doc/china/joint12_en.pdf