KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-integrazzjoni tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu fil-politiki tal-UE biex jitnaqqsu l-gassijiet effett serra /* COM/2013/0479 final */
1. Il-ħtieġa li
tittieħed azzjoni issa dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG)
mit-trasport marittimu L-UE tappoġġja l-azzjoni
internazzjonali ambizzjuża li tindirizza t-tibdil fil-klima.
Il-multilateraliżmu u l-kooperazzjoni fuq bażi wiesgħa qed
ikompli jkollhom rwol ċentrali fil-politika tal-UE dwar il-klima.
B'konsistenza ma’ din id-diskussjoni internazzjonali l-UE implimentat politiki
biex tiffaċilita t-tranżizzjoni tagħha stess lejn ekonomija
b’livell baxx ta’ karbonju. Il-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija li l-UE
adottat fl-2008 huwa bla dubju l-qafas regolatorju l-aktar komprensiv
globalment. Dan jinkludi miżuri ta’ politika differenti mfassla biex
jiffaċilitaw it-tranżizzjoni u spiċċa jispira azzjoni
mill-pajjiżi sħab tagħna. Li tittieħed azzjoni f’waqtha li
jkollha impatt fuq l-ekonomija tibqa' prijorità ewlenija tal-UE fil-ġlieda
kontra t-tibdil fil-klima. Fil-livell tal-UE, it-trasport marittimu
internazzjonali jibqa’ l-uniku mezz ta’ trasport mhux inkluż fl-impenn
tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet GHG. L-emissjonijiet ta' GHG
mit-trasport marittimu llum jirrappreżentaw 4 % tal-emissjonijiet GHG
tal-UE. Fl-istess ħin, l-emissjonijiet tal-GHG mit-trasport marittimu
mistennija jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-ġejjieni. Skont il-valutazzjoni
tal-impatt li takkumpanja din il-Komunikazzjoni[1],
l-emissjonijiet ta' CO2 mit-trasport marittimu relatati mal-UE,
jiġifieri l-emissjonijiet relatati mar-rotot intra-UE u ma'
vjaġġi deħlin u ħerġin, żdiedu b’+ 48 %
bejn l-1990 u l-2008. Skont il-previżjonijiet ta' tkabbir tal-kummerċ
dinji, l-emissjonijiet relatati mal-UE mit-trasport marittimu huma mistennija
jiżdiedu aktar b'51 % sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-2010
(+ 86 % sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990) minkejja
l-adozzjoni ta’ standards minimi tal-effiċjenza tal-bastimenti għal
bastimenti ġodda mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI)
fl-2011[2].
Emissjonijiet ta’ CO2 stmati mit-trasport marittimu
(relatati mal-UE[3][4] u globalment[5], b'kunsiderazzjoni
tal-EEDI) Fil-livell globali, l-emissjonijiet
mit-trasport marittimu bħalissa jfissru 3 % tal-emissjonijiet
globali, iżda huma mistennija jirrappreżentaw 5 %
tal-emissjonijiet globali fl-2050[6],
minħabba t-tkabbir mistenni tal-ekonomija dinjija u fid-domanda
tat-trasport assoċjat. Din iż-żieda mistennija sseħħ
minkejja d-disponibbiltà ta’ miżuri operazzjonali u ta' teknoloġiji
eżistenti biex jitnaqqsu b'madwar 75 % l-konsum speċifiku
tal-enerġija u l-emissjonijiet ta' CO2 minn bastimenti[7]. It-trasport marittimu huwa ħolqa essenzjali
fil-katina globali tal-provvista u huwa settur ewlieni għall-ekonomija
tal-UE. Filwaqt li t-trasport marittimu komparattivament jista' jikkawża
anqas tniġġis minn mezzi oħra ta' trasport, l-avvanzi
teknoloġiċi f'setturi oħra id-dipendenza żejda fuq iż-żejt,
u s-sejħa qawwija tal-opinjoni pubblika mhux biss għat-tnaqqis
tal-emissjonijiet ta' CO2 iżda wkoll għat-tnaqqis tas-sustanzi li
jniġġsu (SOx, NOx, partiċelli) u l-impront ekoloġiku usa’
(l-ilma tas-saborra, is-separazzjoni tal-iskart) jagħtu xhieda
għall-ħtieġa ta' azzjoni fis-settur tat-trasport marittimu.
L-OMI u l-industrija huma impenjati b’mod attiv iżda l-adozzjoni ta’
teknoloġiji u ta' miżuri operazzjonali ġodda għadha
irregolari. L-inkoraġġiment ta’ aktar effiċjenza u sostenibbiltà
fis-settur tat-trasport marittimu permezz tat-tnaqqis fl-ispejjeż
tal-fjuwil u b'hekk is-sodisfar aħjar tal-aspettattivi tal-klijenti, se
jħares il-kompetittività tiegħu: fil-livell globali billi jiġi
żgurat il-funzjonament ta’ konnessjonijiet kummerċjali, u fil-livell
tal-UE permezz ta’ tmexxija kontinwa ta' kwalità. Il-każ
favur l-azzjoni – Żviluppi reċenti fis-settur Fis-settur
tat-trasport marittimu, l-emissjonijiet ta' CO2 huma assoċjati
mal-fjwuil ikkunsmat. Li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 ifisser
tnaqqis fil-konsum tal-fjuwil li mbagħad jirriżulta f’iffrankar
fl-ispejjeż tal-fjuwil. Sakemm l-investimenti fl-effiċjenza
meħtieġa jkunu jistgħu jiġu koperti mill-iffrankar
tal-fjuwil li jirriżulta, is-settur ikun jista' jagħmel il-qligħ
filwaqt li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Fil-kuntest tal-lum
iffrankar bħal dan huwa rilevanti ħafna. F'dawn
l-aħħar snin il-prezzijiet tal-fjuwil kienu jvarjaw ħafna.
Il-prezzijiet irduppjaw bejn l-2002 u l-2005, imbagħad ittripplaw bejn
l-2005 u l-2007, u fl-2008 waqgħu lura għal-livell tal-2005 biex
imbagħad reġgħu rduppjaw bejn l-2008 u l-2010[8]. Il-prezzijiet tal-fjuwil
taż-żejt tqil issa huma madwar $650/t, jiġifieri 8 darbiet aktar
mill-medja tal-prezzijiet tal-1990, u dawn xorta mistennija jiżdiedu.
It-titjib fl-effiċjenza tal-fjuwil f’ħafna taqsimiet tas-settur
tat-trasport marittimu ġie osservat biss mill-2009 meta l-kriżi
ekonomika globali naqqset b’mod sinifikanti l-marġini tal-profitt
tas-settur. Bosta studji
reċenti[9]
identifikaw potenzjal sinifikanti ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet
għat-trasport marittimu permezz ta’ firxa ta’ miżuri tekniċi u
operazzjonali, li prinċipalment jimmiraw li jtejbu l-effiċjenza
enerġetika tal-bastimenti. Biż-żieda mistennija fil-futur fil-prezzijiet
tal-fjuwil, il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-miżuri tekniċi u
operazzjonali huma kosteffiċjenti. Il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa
fil-kuntest ta’ din il-Komunikazzjoni identifikat potenzjal ta' żieda
progressiva fl-iffrankar tal-ispiża tal-fjuwil li se jammontaw b’mod
kumulattiv għal madwar EUR 56 biljun bejn l-2015 u l-2030[10]. Ir-riċerka
turi li l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri kosteffiċjenti ħafna
drabi hija imblukkata minn firxa wiesgħa ta’ ostakli tas-suq, inkluż
nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli, kif ukoll nuqqasijiet tekniċi u
tas-suq[11].
L-ostakli tekniċi jseħħu meta s-sidien tal-bastimenti ma
jkollhomx il-fiduċja fil-kapaċità ta’ soluzzjoni partikolari li
tilħaq it-tnaqqis previst fl-ispejjeż jew biex twassal riżultati
fl-ambjent marin. Il-falliment tas-suq jista’ jiġi kkawżat tipikament
minħabba inċentivi maqsuma fis-settur jiġifieri l-parti li qed
tħallas għall-investiment f’miżura ta' effiċjenza ma tkunx
il-benefiċjarju tal-iffrankar fuq il-fjuwil assoċjat, jew
minħabba nuqqas ta’ aċċess għal finanzi privati
għall-investiment f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’
karbonju. Is-superar ta' dawn l-ostakli tas-suq għandu jipprovdi
possibbiltà sinifikanti għall-inkoraġġimemt tal-adozzjoni ta’
miżuri kosteffikaċi mingħajr ma tkun kkompromessa
l-profittabbiltà. 2. Progress fil-livell internazzjonali
L-OMI bdiet taħdem fuq it-tnaqqis tal-GHG
fl-1997 fuq il-bażi tal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u
tan-nonapplikazzjoni ta' trattament favorevoli stabbiliti fil-MARPOL u
f'Konvenzjonijiet oħrajn tal-OMI. L-adozzjoni ta’ emendi għall-Anness VI
tal-MARPOL[12]
għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja minn bastimenti (Energy
Efficiency Design Index/EEDI) u l-pjan ta’ ġestjoni tal-effiċjenza
enerġetika tal-bastimenti (Ship Energy Efficiency Management Plan/SEEMP)
f’Lulju 2011 tikkostitwixxi progress importanti. Dawn
il-miżuri, u b’mod partikolari l-EEDI, huma mistennija jwasslu għal
żieda sinifikanti ta' tnaqqis tal-emissjonijiet meta mqabbla ma’ xenarji
tat-teknolġiji kostanti (bi 23 % sal-2030 skont studju tal-OMI
tal-2011). Madankollu, kif ġie kkonfermat fid-59 laqgħa tal-Kumitat tal-Protezzjoni
tal-Ambjent tal-Baħar (Marine Environment
Protection Committee/MEPC) tal-OMI[13], jeħtieġ li tittieħed azzjoni supplementari.
Minkejja diskussjonijiet diffiċli fi
ħdan l-IMO dwar miżuri bbażati fuq is-suq sabiex jitnaqqsu
l-emissjonijiet tal-GHG mill-bastimenti, żviluppi reċenti
pożittivi fid-diskussjoni dwar progress aktar gradwali, inkluż dwar
it-titjib tal-miżuri tal-effiċjenza proposti mill-Istati Uniti
tal-Amerika[14],
kellhom appoġġ minn ħafna mill-Istati. Il-Kummissjoni hija
impenjata b'mod attiv f’dawn l-iżviluppi minħabba l-fatt li
jistgħu jipprovdu opportunitajiet ġodda għal qbil dwar standards
ta’ effiċjenza għall-bastimenti eżistenti li jwasslu għal
tnaqqis tal-emissjonijiet u li jistgħu jiġu żviluppati aktar
tard f'miżuri bbażati fuq is-suq (MBMs). Bħala l-ewwel pass,
hija prevista sistema robusta għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u
l-verifika (MRV) tal-emissjonijiet. L-UE qed taħdem mill-qrib mal-Istati
Uniti, mal-Ġappun, mal-Awstralja, mal-Kanada, mar-Russja, mal-Korea u ma
pajjiżi oħrajn dwar l-iżvilupp ta’ dawn l-istandards ta'
effiċjenza u dwar skema MRV globali. L-OMI rrikonoxxiet li biex jinkiseb it-tnaqqis
meħtieġ, minbarra miżuri tekniċi u operazzjonali se jkunu
meħtieġa wkoll MBMs, li jiġu diskussi fil-qafas ta punti
differenti tal-aġenda tal-MEPC . Il-Kummissjoni tqis l-MBMs bħala
mezz kosteffikaċi kif tingħata l-flessibbiltà neċessarja
għas-settur tat-trasport marittimu. Iżda d-diskussjonijiet jeħtieġu
ż-żmien biex jimmaturaw, speċjalment meta wieħed iqis li
bosta għażliet komplementari huma taħt kunsiderazzjoni fl-OMI.
B'mod partikolari, mit-63 laqgħa tiegħu li saret fl-2012, l-MEPC
naqas milli jordna studju li jivvaluta l-impatt tal-MBMs proposti[15]. L-UE għandha preferenza qawwija għal
approċċ globali mmexxi mill-OMI, bħala l-aktar forum
internazzjonali xieraq biex jirregola l-emissjonijiet mit-trasport marittimu.
Minkejja r-ritmu kajman tad-diskussjonijiet tal-OMI sal-lum u l-urġenza
għall-azzjoni biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi fuq il-klima,
l-UE se tkompli timpenja ruħha fl-iżviluppi internazzjonali sabiex
jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-GHG minn bastimenti. L-UE se tibqa’ timmonitorja
l-progress u tikkunsidra azzjonijiet futuri fil-kuntest tal-Ftehim tal-UNFCCC
fl-2015 u d-deliberazzjonijiet fl-OMI. 3. L-inklużjoni ta’ emissjonijiet
ta’ gassijiet serra mis-settur marittimu fl-impenn ta’ tnaqqis tal-UE :
Approċċ gradwali Il-politika dwar il-klima u dwar it-trasport
marittimu tal-UE ssaħħaħ l-impenn lejn azzjoni globali
għall-iżgurar tat-tnaqqis effettiv fis-setturi kollha
tal-emissjonijiet (partikolarment minħabba li l-emissjonijiet relatati
mat-trasport marittimu huma mistennija li jiżdiedu iktar fir-reġjuni
li mhumiex Ewropej) filwaqt li fl-istess ħin jinżamm kuntest ekwu
globali għall-industrija tat-trasport marittimu. L-inizjattiva reċenti tal-Istati Uniti
fl-OMI tipprovdi l-bażi għal approċċ effettiv fi stadji
biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet tal-GHG tas-settur marittimu.
B’konformità ma’ dan, l-UE tipprevedi approċċ gradwali
tal-inklużjoni ta’ emissjonijiet ta’ GHG marittimi fl-impenji tagħha.
Għall-inklużjoni ta’ emissjonijiet
tal-GHG marittimi fl-impenn tal-UE ta’ tnaqqis, jista jiġi meqjus
approċċ gradwali li jikkonsisti fi tliet passi sussegwenti: 1. Implimentazzjoni ta’ sistema
MRV tal-emissjonijiet 2. Definizzjoni ta’ miri
tat-tnaqqis għas-settur tat-trasport marittimu 3. Applikazzjoni ta’ miżura
bbażata fuq is-suq (MBM). Sistema MRV b’saħħitha hija s-sisien
għall-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura li tnaqqas l-emissjonijiet
tal-GHG minn bastimenti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell globali u
tiffaċilita l-monitoraġġ tal-progress ibbażat fuq
ir-riżultati. Għalhekk, l-implimentazzjoni tagħha hija utli,
anki mingħajr sistema MBM fis-seħħ. In-nuqqas ta’ għarfien dwar
l-ispejjeż, il-benefiċċji u r-ritorn fuq l-investiment rigward
teknoloġiji diġà disponibbli jidher li jtellef l-introduzzjoni ta’
tali teknoloġiji fuq skala akbar. Din it-tip ta’ informazzjoni tista’
tipprovdi tagħrif utli dwar il-prestazzjoni ta’ bastimenti individwali,
dwar l-ispejjeż operazzjonali assoċjati tagħhom u l-valur
potenzjali tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju
tas-sidien tal-bastimenti, li jkunu infurmati aħjar biex jieħdu deċiżjonijiet
dwar investimenti kbar u biex jiksbu finanzjament korrispondenti. Skont ir-riżultati tal-valutazzjoni
tal-impatt, l-implimentazzjoni ta’ MRV tipprovdi – sa ċertu punt –
benefiċċji ambjentali u ekonomiċi li jammontaw għal sa
2 % ta' tnaqqis tal-emissjonijiet annwali tal-GHG u sa EUR 1,2 biljun
ta' ffrankar nett annwali għas-settur fl-2030 minħabba l-kontijiet
tal-fjuwil imnaqqsa. L-iffrankar fl-ispejjeż tal-fjuwil previst huwa
mistenni li jissupera l-ispejjeż għall-monitoraġġ u
r-rappurtar. Sistema MRV tista’ żżid ukoll il-pressjoni biex
jitneħħew ostakli tas-suq oħrajn, bħalma huma ta’
inċentivi maqsuma bejn is-sidien tal-bastimenti u l-operaturi, billi
tipprovdi ċarezza dwar l-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta’
emissjonijiet u t-tnaqqis potenzjali. L-approċċ tal-UE huwa mfassal biex
jikkontribwixxi b’mod attiv għal ftehim fl-OMI dwar miżuri globali
għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-GHG mill-bastimenti (ara t-Taqsima 1).
Dan jippermetti wkoll diskussjonijiet infurmati fl-Ewropa dwar l-MBMs u l-miri
ta’ tnaqqis għal dan is-settur. Huwa l-iżvilupp ta' qafas ta' politka
dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija għall-2030 li għandu
jiżgura l-konsistenza. Is-sistema MRV se tipprovdi wkoll informazzjoni
soda u komparabbli għall-iffissar ta' miri għat-tnaqqis
tal-emmissjonijiet u għall-valutazzjoni tal-progress tat-trasport
marittimu lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. F’każ ta’
introduzzjoni b’suċċess ta’ politiki komparabbli fil-livell tal-OMI,
il-proposta MRV tal-UE tista’ tiġi integrata f’sistema MRV
ġeneralizzata. 3.1. Implimentazzjoni
ta' regoli sodi u armonizzati ta’ monitoraġġ u ta' rappurtar L-għan ewlieni ta’ sistema MRV huwa li
tkun ipprovduta dejta affidabbli dwar l-emissjonijiet tal-GHG mit-trasport
marittimu. L-implimentazzjoni ta’ sistema globali MRV għandha tkun
prijorità fin-negozjati tal-OMI. L-emissjonijiet ta' CO2 fis-settur
tat-trasport marittimu jiddependu sempliċiment fuq l-ammont u t-tip ta’
fjuwil ikkunsmat. Il-konsum tal-fjwuil huwa diġà disponibbli għal
kważi l-bastimenti kollha. L-Anness V tar-Regolament 18 tal-MARPOL
diġà jagħmilha obbigatorja d-disponibbiltà ta’ n-noti ta’ kunsinna[16] għal bastimenti li
jwettqu operazzjonijiet ta' trasport internazzjonali ta' aktar minn
400 TG. Għalhekk, il-konsum globali tal-fjuwil ta’ bastiment
diġà qed jiġi mmonitorjat. Madankollu, il-proċess tar-rappurtar u
l-verifika għad irid jiġu stabbiliti. L-affidabbiltà u
l-aċċessibilità tal-informazzjoni huma essenzjali sabiex tkun
żgurata informazzjoni adegwata tul il-katina loġistika kollha dwar
il-prestazzjoni tal-karbonju tas-settur tat-trasport marittimu. L-istabbiliment
ta' proċess ta’ rappurtar ta' verifika adegwat se jeħtieġ
ħidma teknika biex ikun żgurat piż amministrattiv limitat fuq
is-sidien tal-bastimenti, il-maniġers tal-bastimenti u l-Istati
tal-bandiera, filwaqt li jipprovdi livell għoli ta' eżattezza u ta'
trasparenza tal-informazzjoni disponibbli. Fuq perjodu ta' żmien
itwal,approċċ integrat għall-monitoraġġ, li jndirizza
l-emissjonijiet fl-arja kollha, li jinkludu SOx, NOx u PM, għandu
jipprovdi ċ-ċarezza meħtieġa għal dawk li jfasslu l-politika
biex jagħmlu deċiżjonijiet infurmati u konsistenti
gas-sustanżi li jniġġsu kollha, u għall-partijiet
interessati biex ir-rekwiżiti l-ġodda jiġu implimentati
mingħajr xkiel. B’mod partikolari, reviżjoni tal-iskema MRV tista’
titwettaq fi stadju aktar tard. Il-proposta attwali tal-Kummissjoni hija
għal skema MRV bbażata fuq il-konsum tal-fjuwil li tinbeda fil-livell
reġjonali, bil-għan li sservi bħala eżempju għal skema
globali, filwaqt li tindika d-diffikultajiet u l-aħjar prattiki.
Is-sistema MRV proposta tal-UE tikkontribwixxi għad-diskussjonijiet fi
ħdan l-OMI, bil-għan li jitħaffef il-proċess tal-OMI.
F’każ ta’ progress b'suċċess lejn MRV komparabbli fil-livell
globali, is-sistema reġjonali tiġi allinjata magħha, kif xieraq. Eżempju:
L-esperjenzi Ewropej fil-kuntest tal-iffrankar fl-ispejjeż tal-fjuwil
permezz tal-monitoraġġ u r-rappurtar Bosta sidien u
operaturi tal-bastimenti li joperaw tipi differenti ta’ bastimenti (eż.
bulk carriers, bastimenti tal-kontejners...) diġà implimentaw
b’suċċess is-sistemi MRV tagħhom stess. Bl-użu ta’
għodod għall-ġbir ta’ dejta elettronika, il-biċċa
l-kbira tal-informazzjoni eżistenti dwar il-prestazzjoni tal-bastimenti
hija miġbura u vverifikata minn parti terza. Bis-saħħa ta’ dawn
is-sistemi, xi kumpaniji diġà naqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-GHG
sa 25 % meta mqabbla mal-2007. Barra minn hekk, dawn l-għodod
ikkontribwixxew għat-tfassil mill-ġdid tal-proċessi ta’
monitoraġġ ġenerali, u ffrankaw il-ħin
tal-ekwipaġġi u tal-operaturi f'kompiti ta’ valur għoli.
Pereżempju, kumpanija waħda qalet li 45 % tal-ħin issa qed
jiġi ddedikat għall-ottimizzazzjoni tal-prestazzjoni, kontra 5 %
qabel l-implimentazzjoni tas-sistema MRV. L-għan ewlieni tal-politika dwar il-klima
tal-UE huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-GHG, irrispettivament jekk ikunu
mnaqqsa permezz ta’ titjib fl-effiċjenza enerġetika jew permezz ta'
bdil ta' fjuwil. Madankollu, sabiex ir-Regolament propost tal-MRV tal-UE
jiġi allinjat mad-diskussjoni għaddejja fi ħdan l-OMI,
ir-Regolament inizjalment se jinkludi firxa ta’ parametri tal-effiċjenza
enerġetika. Fil-każ ta’ kunsens aktar tard dwar l-użu u
d-definizzjoni ta’ dawn il-parametri, il-lista attwalment proposta tiġi
aġġornata skont dan. Is-sistema MRV proposta mhix se timponi
metodoloġija speċifika għall-monitoraġġ
tal-emissjonijiet tas-CO2, dejjem jekk il-metodoloġija magħżula
u l-inċertezzi tagħha jiġu rrappurtati. Dan l-approċċ
jippermetti lis-sidien tal-bastimenti u lill-maniġers tal-bastimenti jibnu
fuq il-prattiki eżistenti. Miżura bħal din tista’ tiġi
introdotta mingħajr ma jiġi mhedded l-għan li s-sehem
predominanti tal-emissjonijiet tal-GHG mit-trasport marittimu jkun kopert
bis-saħħa tal-limitazzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli tal-MRV
għal bastimenti kbar ta’ mill-anqas 5000 TG. 3.2. Stabbiliment
ta’ miri ta’ tnaqqis intermedji għas-settur tat-trasport marittimu F’Diċembru
2010, il-partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar
it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) rikonoxxew li t-tisħin globali ma
għandux jissupera t-temperaturi esperjenzati qabel ir-rivoluzzjoni
industrijali b’aktar minn 2˚°C[17].
Dan huwa essenzjali jekk il-konsegwenzi negattivi tal-interferenza tal-bniedem
fis-sistema tal-klima għandhom jiġu limitati. Din il-mira fuq perjodu
ta' żmien twil tesiġi li l-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra
jitnaqqsu tal-anqas b'50 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2050[18]. Il-pajjiżi żviluppati għandhom
inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom b'80 % sa 95 % sal-2050 meta
mqabbla mal-livelli tal-1990[19].
Fuq perjodu ta' żmien medju, l-UE ntrabtet li tnaqqas l-emissjonijiet
tagħha tal-GHG b’20 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2020, u bi
30 % fil-kuntest ta’ ftehim dinji. Dan l-impenn jifforma parti minn
waħda mill-ħames miri ewlenin tal-UE fl-Istrateġija
Ewropa 2020.[20]
It-trasport marittimu internazzjonali huwa l-uniku settur industrijali u mezz
ta’ trasport mhux kopert mil-leġiżlazzjoni sabiex titwassal din
il-mira ta' tnaqqis. Barra minn hekk, kemm il-Kunsill Ewropew kif ukoll
il-Parlament Ewropew qablu li s-setturi kollha tal-ekonomija għandhom
jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet[21]. Għat-trasport marittimu
internazzjonali tal-UE, il-White Paper dwar it-Trasport[22] tal-2011 stabbilixxa mira ta’
tnaqqis ta’ 40 % (jekk fattibbli, 50 %) sal-2050 meta mqabbla
mal-2005. Fil-livell globali madankollu, għad trid
tiġa kkunsidrata trajettorja definita b'mod ċar tat-tnaqqis assolut
sal-2050 tal-emissjonijiet għat-trasport marittimu u għall-miri
intermedji għall-perjodu bejn l-2020 u l-2050 biex b'hekk tkun żgurata
kontribuzzjoni xierqa tas-settur li tiffaċilita l-kisba tal-mira ta’
2˚ C. Fil-livell tal-UE, diskussjonijiet bħal
dawn għandhom iqisu l-qafas usa’ għat-tibdil fil-klima u l-politika
tal-enerġija tal-2030 u għandhom jikkunsidraw aspetti
bħall-effettività ambjentali b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis
kumulattiv tas-CO2, l-ispejjeż għas-settur,
l-iżvilupp tal-emissjonijiet wara l-2005, l-istandards tal-effiċjenza
ġodda possibbli adottati mill-OMI kif ukoll id-disponibbiltà u
l-ispejjeż tat-teknoloġiji tat-tnaqqis tal-lum kif ukoll dawk futuri.
Għall-istabbiliment ta’ dawn il-miri, għandha tkun meqjusa b'mod
tajjeb l-ispeċifiċità tal-miżuri ta’ mitigazzjoni fis-settur
marittimu li ma jirriżultaw fl-ebda spejjeż – jew saħansitra fi
spejjeż negattivi – ('low hanging fruits' jew riżultati li jinkisbu
faċilment), kif ġew identifikati, jiġifieri ft-tieni studju dwar
il-GHG tal-2009 tal-OMI, billi dawn jinkoraġġixu b'mod ċar
l-azzjoni bikrija. Fl-aħħar nett, id-dejta miġbura permezz
tas-sistema MRV għandha wkoll tifforma parti integrali ta’ tali
deċiżjonijiet futuri. 3.3. Miżuri
bbażati fuq is-suq effettivi u effiċjenti sabiex jitnaqqsu
l-emissjonijiet tal-GHG mis-settur marittimu Il-valutazzjoni tal-impatt turi li
l-miżuri bbażati fuq is-suq (MBMs) huma effettivi u adatti b'mod tajjeb
biex jiksbu tnaqqis tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu filwaqt li
jipprovdu benefiċċji ekonomiċi għas-settur bħala
riżultat tal-iffrankar sostanzjali fl-ispejjeż tal-fjuwil li huma
relatati mat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2. Sistema MBM tista' effettivament
tneħħi l-ostakli tas-suq, speċjalment il-qsim ta’
inċentivi, pereż. billi timplimenta l-prinċipju li min
iniġġes iħallas. Sistema MBM għandha l-potenzjal li
tegħleb l-ostakli tas-suq relatati mal-aċċess għall-finanzi
dejjem jekk id-dħul potenzjali ġġenerat jiġi ffokat biex
jiżgura l-appoġġ ta’ finanzi privati għas-settur. Skont
il-livell ta’ kontribuzzjoni jew il-livell tal-mira, sistema MBM tista'
toħloq inċentiv qawwi biex jinkiseb tnaqqis assolut tal-emissjonijiet
mifrux mal-ekonomija kollha b’mod kosteffikaċi. Mill-perspettiva tal-kuntest reġjonali u
meta jitqiesu d-diskussjonijiet tal-OMI, il-Valutazzjoni tal-Impatt identifikat
tliet alternattivi mill-varjanti analizzati bħala l-MBMs l-iktar
promettenti b'mod ċar biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet tal-GHG
tat-trasport marittimu, notevolment: 1. Fond ta' Kumpens
ibbażat fuq il-Kontribuzzjoni li skontu għandha tkun
imħallsa kontribuzzjoni volontarja (in €/tCO2) lill-fond.
Il-kontribuzzjoni tiddipendi fuq l-emissjonijiet mill-bastiment koperti
mir-Regolament. Dan l-istrument volontarju jista' biss jiġi implimentat
b’suċċess jekk ikun hemm stabbilit strument komplementari (eż.
limiti tal-veloċità, ETS, eċċ.) u l-parteċipazzjoni
fil-fond tkun prevista bħala opt-out fakultattiva mill-istrument
komplementari[23]. 2. Fond ta’ kumpens
ibbażat fuq il-mira imsjjes fuq l-istabbiliment ta’ mira uniku
għall-bastimenti kollha koperti mir-Regolament. Entità settorjali[24] tieħu f’idejha
r-responsabbiltà għall-iżgurar tal-konformità mal-mira. Kull
bastiment li mhuwiex kopert mir-Regolament ikollu jistabbilixxi relazzjoni
kuntrattwali ma’ din l-entità biex jiżgura l-kisba tal-mira. Il-ftehim
kuntrattwali jirrikjedi l-pagament ta’ miżata tas-sħubija, li
tappoġġja l-investimenti fl-effiċjenza tal-bastimenti, kif ukoll
dispożizzjonijiet fil-każ tal-issuperar kollettiv tal-mira. 3. Sistema għan-negozjar
ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (ETS), li tkun tfisser li kull bastiment ikollu
jċedi l-kwoti fi tmiem il-perjodu tal-konformità li jikkorrispondi
għall-emissjonijiet tiegħu tas-sena ta' qabel. F’dan il-kuntest, huwa ċar li
d-diskussjoni dwar il-proposti attwali tal-OMI u l-kompliementarjetà
tagħhom għandhom jiġu segwiti. It-tfassil preċiż ta’
kwalunkwe alternattiva jkun jeħtieġ aktar ħidma u deċiżjonijiet
għat-tfassil li għandhom jittieħdu[25]. Il-proposta għal sistema
MRV hija mfassla biex tkun kapaċi tirfed kwalunkwe standard ta’
effiċjenza futura kif ukoll sistema MBM futura, fuq il-bażi
tal-alternattivi li bħalissa qed jiġu diskussi fl-UE u fl-OMI. 4. Miżuri paralleli sabiex
jitneħħew l-ostakli tas-suq Fl-2009, il-Kummissjoni adottat
l-għanijiet u r-rakkomandazzjonijiet strateġiċi
għall-politika dwar it-trasport marittimu tal-UE. Il-Kummissjoni
ddeskriviet bħala prijorità ewlenija l-iżvilupp ta' strateġija
komprensiva u koerenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-GHG mit-trasport
marittimu internazzjonali. Dan huwa kkonfermat fil-White Paper dwar it-Trasport
tal-2011. Bħala segwitu għall-White Paper, il-Kummissjoni qed
tiżviluppa qafas strateġiku għar-riċerka, l-innovazzjoni u
l-adozzjoni fis-settur tat-trasport, favur sistema Ewropea tat-trasport li hija
integrata, effiċjenti u li tħares l-ambjent. Il-Kummissjoni tibqa' żżomm
mal-impenn tagħha li tqis kif jistgħu jiġu indirizzati b’mod
xieraq l-ostakli tas-suq li jwaqqfu l-adozzjoni ta’ teknoloġiji b’livell
baxx ta’ karbonju. Wara diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew, mal-Istati
Membri, mal-partijiet interessati tal-industrija u mas-soċjetà
ċivili, il-Kummissjoni tista’ tipprijoritizza l-oqsma għal analiżi
ulterjuri u għal inizjattivi futuri. Fid-dawl tan-natura globali
tas-settur, din il-ħidma għandha tkun marbuta mill-qrib mal-isforzi
fl-OMI. B’mod partikolari, l-OMI qed tikkunsidra
l-ħtieġa potenzjali u d-disinn ta' standard għall-konsum
tal-fjuwil kif ukoll l-iżvilupp possibbli ta’ standard għall-kejl
tal-prestazzjoni tal-buq u tal-iskrun. Għal dan l-għan,
il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu b’mod attiv fuq dawn
il-kwistjonijiet fil-kuntest tal-OMI, u għandhom jippruvaw jestendu
l-iżvilupp tal-istandard attwali sabiex ikopri soluzzjonijiet
teknoloġiċi ewlenin oħrajn. It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-GHG
tat-trasport marittimu jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq
infrastruttura fuq l-art adegwata. Il-Kummissjoni diġà tappoġġa
l-iżvilupp ta’ infrastrutturi bħal dawn, pereżempju
għall-elettrifikazzjoni tal-port u għal fjuwils alternattivi
bħal-LNG permezz ta' inċentivi finanzjarji u miżuri regolatorji[26]. Inizjattivi futuri
għandhom b’mod partikolari jqisu l-ħtieġa li jiġi
kkunsidrati flimkien tipi varji ta’ emissjonijiet, kemm għal
raġunijiet ta’ ċertezza regolatorja kif ukoll għal
raġunijiet ta' effiċjenza legali u operazzjonali. Ħafna soluzzjonijiet
teknoloġiċi mill-aspett tal-effiċjenza enerġetika
fl-industrija marittima jinvolvu spejjeż kapitali inizjali sostanzjali, li
jagħmilha diffiċli biex dawn jiġu adottati fil-klima ekonomika
attwali. Soluzzjonijiet ta’ finanzjament innovattivi – bħall-ikkuntrattjar
għall-prestazzjoni tal-enerġija - u l-użu tal-faċilitajiet
ta’ appoġġ għall-investiment tal-UE disponibbli mill-Bank
Ewropew tal-Investiment jistgħu jipprovdu għodod utli biex
jgħinu lis-sidien tal-bastimenti jġorru l-prezz inizjali. Fl-aħħar nett, filwaqt li ħafna
teknoloġiji huma diġà disponibbli fis-suq, li wieħed jersaq lejn
trasport marittimu b'emissjonijiet tal-karbonju baxxi jew saħansitra
żero jeħtieġ sforzi sostanzjali ta’ riċerka fit-tul.
Fil-qafas tal-inizjattiva ewlenija tagħha, il-Programm Kwadru 7
(FP7), il-Kummissjoni diġà tipprovdi finanzjament sostanzjali lejn
l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji mmirati lejn it-tnaqqis
tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet assoċjati mill-bastimenti
tal-ġejjieni. Il-qafas propost Orizzont 2020[27] għandu l-ħsieb li
jkompli u jintensifika dawn l-isforzi. 5. Konklużjonijiet u l-pass li
jmiss L-approċċ gradwali propost sabiex
jiġu indirizzati l-emissjonijiet tal-GHG mill-bastimenti
bis-saħħa ta' sistema MRV robusta bħala l-ewwel pass, huwa
allinjat ma’ miżuri oħra proposti fil-kuntest tal-OMI sabiex
l-azzjoni ssir prattika aktar milli teoretika. Din il-proposta se tikkontribwixxi
għad-diskussjonijiet fi ħdan l-OMI, u tista' sservi bħala
kampjun għal skema globali. Hemm il-ħtieġa ċara li
s-sħab internazzjonali kollha jidħlu f’diskussjonijiet serji u
jagħtu xhieda tar-rieda tagħhom li jimpenjaw ruħhom
fil-proċess tal-OMI mmirat lejn qbil għal MBM globali u għal
standards possibbli li jindirizzaw l-effiċjenza operazzjonali tal-flotta
eżistenti. Biex tkun kredibbli, din il-ħidma għandha tibni fuq
skema MRV globali robusta. Huwa fl-interess tal-UE li tibqa' konsistenti
mal-għanijiet tagħha tal-politika dwar it-tibdil fil-klima u
l-ambizzjoni stabbilita f’dan il-kuntest. Skont dan, fin-nuqqas persistenti ta’
ftehim, l-UE għandha ssegwi aktar miżuri biex tinkludi t-trasport
marittimu fl-isforz tal-ekonomija wiesgħa f'konformità
mal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament
Ewropew, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati kollha biex jiddiskutu
l-punti miftuħa identifikati f’din il-Komunikazzjoni fid-dawl
tal-possibbiltà ta’ inizjattivi futuri tal-UE biex jiġu indirizzati
l-emissjonijiet tal-GHG mit-trasport marittimu. [1] Referenza għall-Valutazzjoni tal-Impatt [2] AEA Technology u oħrajn, 2013 [3] Relatati mal-UE tfisser CO2 rilaxxat fuq
ir-rotot, mill-aħħar port ta' waqfa lejn port tal-UE u minn port
tal-UE lejn il-port ta' waqfa li jmiss, inklużi l-emissjonijiet fi
ħdan il-portijiet tal-UE. [4] AEA Technology u oħrajn, 2013 [5] Lloyds Register u DNV, 2012 [6] It-tnaqqis stmat tal-emissjonijiet ta' CO2
mill-introduzzjoni ta’ miżuri tekniċi obbligatorji u operazzjonali
ta' effiċjenza enerġetika għall-bastimenti. Minn studju li sar
minn Lloyd's Register u DNV għall-OMI fl-2011 u r-4 Rapport ta'
Valutazzjoni tal-IPCC [7] It-tieni studju tal-OMI dwar il-GHG, 2009 [8] Vivid Economics [9] It-tieni studju tal-OMI dwar il-GHG tal-2009, CE Delft u
oħrajn 2009, DNV 2010, Ricardo-AEA u oħrajn, 2012 [10] skontat b’10 % kull sena [11] Maddox Consulting, 2012 [12] L-Anness VI tal-MARPOL huwa relatat mat-tniġġis
tal-arja mill-bastimenti [13] Ir-Rapport tad-59 laqgħa tal-MEPC,
il-paragrafu 4.92 [14] MEPC 65/4/19 [15] 4 strumenti qed jiġu kkunsidrati: l-ETS, il-Fond
tal-GHG, l-Imposta tal-Istat tal-Port u l-Iskema ta’ Inċentivi ta’
Effiċjenza (EIS). [16] In-nota ta’ kunsinna tal-banker tinkludi l-isem u n-numru
tal-OMI tal-bastiment li jirċievi l-fjuwil, il-port tal-bankering,
id-dettalji ta' kuntatt tal-fornitur tal-banker marittimu, il-kwantità u
d-densità tal-fjuwil. [17] Id-Deċiżjoni 1/CP.16 tal-Konferenza
tal-Partijiet għall-UNFCCC (il-"Ftehimiet ta' Cancún"). [18] Fuq il-bażi tar-Raba' Rapport ta' Valutazzjoni
tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC). [19] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-29 u
t-30.10.2009 u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4.2.2009 (2008/2105(INI)). [20] COM(2010) 2020 finali. [21] Id-Direttiva 2003/87/KE u
d-Deċiżjoni 406/2009/KE. [22] COM(2011) 144 finali. [23] Dan il-mekkaniżmu għandu jkun imfassal b’tali
mod li l-fond ta’ kumpens bbażatfuq il-kontribuzzjoni jibqa' fil-prattika
l-istrument ewlieni. Il-Fond Norveġiż għan-NOx huwa eżempju
fejn it-taxxa sservi bħala strument komplementari bħal din.
Għalhekk, wieħed jista’ jassumi li l-użu ta’ mekkaniżmi
alternattivi se jkun marġinali. [24] Bħal assoċjazzjoni jew korp pubbliku [25] Deċiżjonijiet bħal dawk dwar l-entità li
għandha tkun inkarigata bil-ġbir tad-dħul li jiġi
riċiklat fis-settur, dwar l-iżgurar tal-applikazzjoni fuq firxa
wiesgħa, u dwar mekkaniżmi addizzjonali possibbli ta’ inċentivi.
[26] COM(2013) 17 finali, COM(2013) 18 finali u SWD(2013) 4
finali. [27] COM(2011) 809 finali