52013DC0468

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI li jikkonċerna l-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali /* COM/2013/0468 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

li jikkonċerna l-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali

1. Introduzzjoni

Il-kunċett makroreġjonali ġie minn xewqa għal reazzjoni kollettiva għad-deterjorament ambjentali tal-Baħar Baltiku, u għal azzjoni konċertata dwar l-isfidi u l-opportunitajiet ta' dak ir-reġjun. Dan wassal għall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (SUERBB), adottata fl-2009. L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju (SUERD) ġiet adottata f'Ġunju 2011, u l-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tippreżenta Strateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju sa tmiem l-2014 suġġett għall-valutazzjoni tal-kunċett.[1] Reġjuni oħra qed iqisu l-merti tal-approċċ.

L-għan huwa reazzjoni koordinata għal kwistjonijiet li jkunu aħjar ttrattati flimkien milli separatament. Iż-żewġ strateġiji għandhom l-għan li jegħlbu l-ostakli li qed iwaqqfu l-iżvilupp, u li jiġi sfruttat il-potenzjal tar-reġjuni. Huma jippruvaw iqiegħdu l-kwistjonijiet f'ambitu multilaterali u jfittxu lil hinn mill-fruntieri attwali tal-UE biex jaħdmu fl-istess livell mal-ġirien. L-approċċ iħeġġeġ lill-parteċipanti biex jegħlbu mhux biss il-fruntieri nazzjonali imma wkoll il-fruntieri għal ħsieb iktar strateġiku u immaġinattiv dwar l-opportunitajiet disponibbli.

L-għan ta' strateġija makroreġjonali huwa li proġetti u inizjattivi ġodda jiġu mobilizzati, u b'hekk jinħoloq sens ta' responsabilità komuni. Dawn huma innovazzjoni importanti fil-kooperazzjoni u l-koeżjoni territorjali. Madankollu, dan l-approċċ – li jibni fuq tradizzjoni ta' kooperazzjoni li tevolvi minn inizjattivi Komunitarji bħal INTERREG[2] – irid jiġi ġġudikat skont ir-riżultati, u s-suċċess jitkejjel skont l-isforz meħtieġ. Filwaqt li l-approċċ innifsu jgawdi ċerta popolarità, l-implimentazzjoni hija ta' sfida, b'titjib meħtieġ biex jiġi pprovdut valur miżjud bl-iktar mod effiċenti u sostenibbli.

1.1 L-għan ta' dan ir-rapport

Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni "tiċċara l-kunċett ta' strateġiji makroreġjonali, tivvaluta l-malur miżjud tagħhom u tibgħat ir-riżultati lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sa Ġunju 2013".[3]

Dan ir-Rapport:

· jipprova jiċċara l-kunċett;

· jivvaluta l-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali eżistenti;

· jipprovdi rakkomandazzjonijiet għal ħidma futura.

Huwa jqis il-kisbiet sal-lum, kemm il-vantaġġi u kemm id-diffikultajiet, meta mqabbel mal-qafas politiku kumplessiv tal-UE, inkluża l-Istrateġija Ewropa 2020, u l-perspettiva territorjali attwalment preżenti fit-Trattati.

1.2 Metodu ta' Valutazzjoni[4]

Dan ix-xogħol huwa bbażat fuq għadd ta' kontribuzzjonijiet, inklużi:

· Rapporti mill-Kummissjoni dwar is-SUERBB u s-SUERD, u Konklużjonijiet sussegwenti tal-Kunsill u Komunikazzjoni tas-SUERBB f'Marzu 2012;

· stħarriġ estensiv ta' 'l fuq minn 100 parti interessata ewlenija;

· valutazzjonjiet indipendenti minn esperti esterni;

· reviżjoni ta' litteratura akkademika u tal-iżvilupp tal-politika.

Il-Kummentaturi javżaw li:

· peress li ż-żewġ strateġiji makroreġjonali eżistenti huma relattivament ġodda, l-impatt tagħhom għadu diffiċli li jiġi ġġudikat, u jrid ikun ikkalkulat fuq it-terminu medju sa twil;

· trid issir distinzjoni bejn il-valur tal-kunċett kumplessiv, u kwistjonijiet ta' implimentazzjoni.          

2. Il-kunċett ta' strateġija makroreġjonali

Ħafna elementi jipprovdu bażi għal kooperazzjoni makroreġjonali: sens ta' identità reġjonali; xewqa għal ippjanar strateġiku komuni; u rieda għal tgħaqqid tar-riżorsi.

Id-definizzjonijiet inizjali[5] issa qed jiġu kkonsolidati fir-Regolament tad-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2014–2020[6], li jgħid li strateġija makroreġjonali:

1) hija qafas integrat relatat mal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fl-istess żona ġeografika;

2) tindirizza l-isfidi komuni;

3) tibbenefika minn kooperazzjoni msaħħa għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

Strateġija makroreġjonali għandha tiġi endorsjata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Il-kunċett jinkorpora wkoll prinċipji ta':        

· integrazzjoni – l-għanijiet għandhom ikunu inklużi f'oqfsa politiċi eżistenti (UE, reġjonali, nazzjonali, lokali, preadeżjoni), programmi (UE, speċifiċi għall-pajjiż, kooperazzjoni territorjali, settorjali), u strumenti finanzjarji;

· koordinament – politiki, strateġiji u riżorsi ta' finanzjament għandhom jevitaw kumpartimentalizzazzjoni bejn politiki settorjali, bejn atturi jew bejn livelli differenti tal-gvern;

· kooperazzjoni – il-pajjiżi għandhom jikkooperaw, u s-setturi wkoll, mar-reġjun kollu, u jibdlu "l-mentalità" minn ideat għall-iżvilupp reġjonali li jħarsu 'l ġewwa għal oħrajn li jħarsu l barra;

· governanza b'ħafna livelli – livelli differenti ta' fassala tal-politika għandhom jaħdmu aħjar flimkien, mingħajr ma joħolqu livelli ġodda għat-teħid tad-deċiżjonijiet;

· sħubija – il-pajjiżi tal-UE u mhux tal-UE jistgħu jaħdmu flimkien fuq il-bażi ta' interess u rispett reċiproku.

L-għanijiet ivarjaw skont il-bżonnijiet tar-reġjun ikkonċernat. Madankollu għandha tingħata prominenza għal kwistjonijiet li jkunu ta' rilevanza strateġika, li jipprovdu valur miżjud ġenwin fir-rigward ta' politiki komunitarji orizzontali, b'referenza partikolari għall-Istrateġija Ewropa 2020. Kemm l-isfidi u kemm l-opportunitajiet iridu jkunu inklużi, peress li pajjiżi fi stadji differenti tal-iżvilupp ikollhom prijoritajiet differenti:

· sfidi, fejn żieda fil-kooperazzjoni hija kruċjali (eż. kwistjonijiet ambjentali, klimatiċi jew ta' konnettività);

· opportunitajiet, fejn żieda fil-kooperazzjoni hija ta' interess reċiproku, b'inizjattivi konġunti, netwerking, qsim ta' esperjenzi, kofinanzjament (eż fir-riċerka, fl-innovazzjoni, fin-negozji u fil-bini tal-kapaċità).

L-aspett fi tnejn huwa nnutat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2012[7], li jendorsja l-approċċ ta' approfondiment tas-suq intern u l-kompetittività tal-UE, li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Politika Marittima Integrata (speċjalment Tkabbir Ikħal), kif ukoll jindirizza sfidi komuni tat-tniġġis jew ħoloq infrastrutturali neqsin. Barra minn hekk, l-istrateġiji jistgħu jintużaw biex jimmobilizzaw sforzi konġunti dwar l-innovazzjoni, azzjoni dwar il-klima, ġestjoni tar-riskju, kwistjonijiet tas-sigurtà, u t-turiżmu.

3. Il-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali

Iż-żewġ strateġiji makroreġjonali eżistenti joperaw mingħajr ebda fondi addizzjonali tal-UE, mingħajr ebda istituzzjonijiet ġodda, u mingħajr ebda leġiżlazzjoni ġdida. Dan ħtieġ iktar koerenza bejn il-fondi, l-istrutturi u l-politiki. L-istrateġiji ħolqu strutturi ta' xogħol madwar oqsma prijoritarji, magħżula bi proċess ta' konsultazzjoni minn isfel għal fuq, bi tmexxija politika f'kull qasam meħud mill-pajjiżi, reġjuni jew għaqdiet parteċipanti, appoġġati mill-Kummissjoni bħala faċilitatur.

3.1 Riżultati f'termini ta' proġetti, azzjonijiet, deċiżjonijiet, netwerks

Ir-rapporti ta' implimentazzjoni tas-SUERBB u s-SUERD jenfasizzaw li l-istrateġiji makroreġjonali għenu l-iżvilupp ta' proġetti ġodda jew taw momentum għall-proġetti transnazzjonali eżistenti. Proġetti emblematiċi biss jgħoddu madwar 100 fir-reġjun tal-Baħar Baltiku, b'ħafna iktar proġetti sekondarji minnhom, filwaqt li qed jiġu kkunsidrati 400 proġett li jiswew EUR 49 bn bejniethom mis-SUERD, li 150 minnhom huma diġà implimentati.

           

Proġetti

– L-istatus tal-Baħar Baltiku qiegħed jitjieb, ammonti kbar ta' nutrijenti qed jiġu indirizzati permezz ta' proġetti bħal CleanShip (li jnaqqas it-tniġġis mill-bastimenti), jew dawk li qed ineħħu gradwalment il-fosfati mid-deterġenti, filwaqt li kollaborazzjoni aħjar fil-ġestjoni tas-sajd hija ffaċilitata mill-proġett BALTFISH;

– Il-prevenzjoni ta' għargħar fir-reġjun tad-Danubju huwa tħassib serju, indirizzat minn proġetti bħal DANUBE FLOODRISK, li jipprovdi bażijiet ta' dejta komuni u mmappjar tal-għargħar;        

– Titjib fl-infrastruttura elettronika: tnedew proġetti fis-7 Programm ta' Qafas għat-titjib tad-disponibilità tas-servizzi ta' kompjuterizzazzjoni għar-riċerkaturi fir-Reġjun tad-Danubju;

– Bħala parti mill-istrateġiji ta' adattament għar-reġjuni tad-Danubju u l-Baltiku, l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri qed jippjanaw flimkien azzjonijiet rigward il-bdil fil-klima, pereżempju BALTADAPT.

L-approċċ makroreġjonali jiffaċilita wkoll l-inizjattivi konġunti u ta' netwerking.

Inizjattivi konġunti

– il-Programm ta' Riċerka u Żvilupp fil-Baħar Baltiku BONUS qed irawwem kooperazzjoni fir-riċerka f'teknoloġiji nodfa u l-ekoinnovazzjoni;

– L-SMEs qed ikunu appoġġati mill-Forum ta' Negozju tar-Reġjun tad-Danubju.

L-approċċ jiffaċilita wkoll deċiżjonijiet politiċi fil-livell kollettiv. In-navigabilità fil-passaġġi tal-ilma tad-Danubju qed tittejjeb pereżempju permezz tad-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar il-manutenzjoni, jew il-ftehim reċenti bejn ir-Rumanija u l-Bulgarija għall-kondiviżjoni tat-tagħmir.

3.2 Titjib fl-iżvilupp politiku

L-istrateġiji makroreġjonali jipprovdu bażi reġjonali għat-tfassil ta' politika għall-UE kollha, li jwasslu biex approċċi nazzjonali jissarrfu f'implimentazzjoni iktar koerenti fil-livell tal-UE. Xogħol makroreġjonali għandu impatt politiku fuq il-Politika Marittima Integrata, in-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), Netwerk Trans-Ewropew tal-Enerġija (TEN-E), u l-kooperazzjoni ta' protezzjoni ċivili. Ir-rapport tal-espertidwar kwistjonijiet ambjentali jqis l-istrateġiji makroreġjonali b'mod ġenerali bħala li jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni tad-Direttivi tal-UE.[8]

Kontribuzzjonijiet għall-konnettività          – qiegħda tiġi żviluppata perspettiva makroreġjonali għall-ippjanar tal-investiment infrastrutturali fl-oqfsa TEN-T, eż. Perspettiva tat-Trasport Baltiku, li tipprovdi sostenn analitiku/tal-ippjanar;

– biex tiġi żgurata s-sigurtà fil-provvista tal-gass, il-Mudell tas-Suq tal-Gass tar-Reġjun tad-Danubju jappoġġa l-ippjanar ta' proġetti infrastrutturali, u t-tneħħija ta' ostakli għas-suq tekniċi u transnazzjonali oħrajn.

Għalkemm l-istħarriġ tal-partijiet interessati tas-SUERBB u s-SUERD jindika wkoll l-approċċ makroreġjonali bħala impetu għall-mobilizzazzjoni ta' politiki differenti tal-UE, reġjonali u nazzjonali, il-partijiet interessati jenfasizzaw li hemm bżonn ta' iktar żmien u sforzi, bir-rispondenti tas-SUERBB ikunu iktar pożittivi f'dan ir-rigward (iktar minn 55%) milli dawk fir-reġjun tad-Danubju (33%), probabbilment minħabba li bdew qabel.

Integrazzjoni tat-tħassib tal-UE fit-tfassil politiku nazzjonali       – Il-miri tas-SUERD għall-passaġġi fuq l-ilma interni jagħmlu parti mill-Pjan Direttur Awstrijak għat-Trasport;

– L-aqwa partijiet tal-innovazzjoni tax-xjenza tal-ħajja u s-saħħa Nordika, espandew għall-kuntest Baltiku mill-proġett ScanBalt Bioregion, ittieħdu fl-istrateġija għall-bijoteknoloġija Estona, bil-massa kritika tintlaħaq minħabba netwerking mal-ġirien.

3.3 Valur tal-flus aħjar

Li l-flus jaħdmu iktar huwa importanti fi żmien ta' baġits ristretti. L-approċċ makroreġjonali jgħin biex il-programmi tal-UE jiġu allinjati biex jaġixxu flimkien fuq għanijiet komuni ewlenin. Nuqqas ta' flus tal-UE addizzjonali wkoll jimbotta lill-implimentaturi biex ifittxu l-fondi b'mod iktar attiv. Dan stimula:        

· id-Djalogu tal-Finanzi tad-Danubju (tqabbil tal-ideat tal-proġetti mal-fondi, li jiġbor flimkien lill-promoturi tal-proġett mal-banek, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-programmi ta' finanzjament);

· il-Faċitilità Seed Money tas-SUERBB (finanzjament żgħir għall-iżvilupp ta' ideat ta' proġetti sal-punt ta' self jew għotjiet).

Riżorsi disponibbli huma kkonċentrati fuq prijoritajiet ta' livell ogħla: "L-Isvezja jew il-Finlandja fir-reġjun tal-Baħar Baltiku jew ir-reġjun ta' Baden-Württemberg fir-reġjun tad-Danubju mmobilizzaw ir-riżorsi tagħhom biex jimplimentaw inizjattivi fil-qafas tal-istrateġiji makroreġjonali."[9] Is-settur privat huwa involut ukoll, jew permezz tax-xogħol mal-Forum ta' Żvilupp Baltiku, jew eż. fit-tneħħija ta' bastimenti mgħarrqa mid-Danubju, is-Sava u t-Tisa.           

L-istrateġiji jħeġġu wkoll il-ġbir flimkien tar-riżorsi: "f'termini ta' inġinerija finanzjarja, il-kamp ta' applikazzjoni għall-ħolqien ta' fondi tal-bidu nett/tal-istadju bikri u fondi għall-kapital ta' riskju fil-makroreġjuni huwa konsiderevoli, peress li ftit pajjiżi [...] għandhom biżżejjed fluss ta' negozji fil-bidu vijabbli biex isostnu fondi speċjalizzati [...] il-makroreġjun jista' jipprovdi massa kritika suffiċjenti".[10]

3.4 Integrazzjoni u koordinament ikbar

Il-parti l-kbira tal-partijiet interessati mistħarrġa jaraw il-proċess bħala li jtejjeb il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni eżistenti ('il fuq minn 60%), u li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi parteċipanti ('il fuq minn 75%). Il-mexxejja politiċi jenfasizzaw ukoll l-aspetti ta' integrazzjoni usa'.[11]

Ta' importanza wkoll huwa li l-istrateġiji jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġol-pajjiżi. Ir-rispondenti għall-istħarriġ, kif ukoll il-valutazzjonijiet indipendenti u r-reviżjoni tal-litteratura, jenfasizzaw approċċi integrati għal kwistjonijiet ta' importanza makroreġjonali. Pereżempju s-SUERBB "ippermetta approċċ krossettorjali għal kwistjonijiet ambjentali. Dan għen biex jiġu indirizzati problemi fejn il-Kummissjoni ta' Ħelsinki (HELCOM), li għandha fokus ambjentali, ma rnexxilhiex preċedentement trażżan ħafna mill-interessi settorjali (eż. agrikoli) li huma l-ixpruni tal-kwistjonijiet ambjentali (ewtrofikazzjoni).[12]

Koordinament ikbar

– fir-reġjun tad-Danubju, qed jiġu żviluppati ħoloq aħjar għal inizjattivi eżistenti, bħall-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tax-Xmara Danubju (ICPDR), il-Komunità tal-Enerġija, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed;

– fir-reġjun tal-Baħar Baltiku, qed jiżdied ix-xogħol konġunt bejn id-Dimensjoni tat-Tramuntana (ND), CBSS, il-Kunsill Nordiku tal-Ministri u oqfsa oħrajn, li jimmobilizzaw flimkien l-istrutturi tagħhom bħall-VASAB għal ippjanar spazjali kkoordinat, jew is-Sħubija ND għat-Trasport u l-Loġistika;

– fir-reġjun tal-Baħar Baltiku, qed isir xogħol konġunt dwar xenarji ta' periklu, filwaqt li fid-Danubju hemm koordinament ikbar dwar it-theddid tas-sigurtà bħall-kriminalità organizzata.

3.5 It-trattament tal-inugwaljanza reġjonali u l-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali

Iktar minn 60% tar-rispondenti tal-istħarriġ, flimkien mal-kummentaturi akkademiċi[13], jaraw l-istrateġiji bħala għodda biex tiżdied il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali. Il-Parlament Ewropew jistqarr li huma "jistgħu wkoll ikunu strumenti utli għall-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra d-disparitajiet reġjonali u għall-promozzjoni tal-konverġenza bejn ir-reġjuni Ewropej".[14]

3.6 Promozzjoni tal-governanza multilivelli

L-approċċ makroreġjonali jista’ jaħdem biss jekk ikun hemm kooperazzjoni qawwija bejn il-livelli reġjonali, nazzjonali u lokali biex jippjanaw flimkien u jallinjaw il-fondi. Dan isaħħaħ il-governanza multilivelli bħala element tal-Politika ta’ Koeżjoni, minħabba l-varjetà ta’ atturi involuti. Is-soċjetà ċivili hija preżenti wkoll, u l-approċċ huwa bbażat fuq konsultazzjoni wiesgħa minn isfel għal fuq. Bosta reġjuni u (fis-SUERBB) l-għaqdiet reġjonali jservu bħala koordinaturi.     

3.7 Kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi ġirien

Iż-żewġ strateġiji jgħinu biex titjieb il-kooperazzjoni mal-ġirien. Fis-SUERBB, ir-Russja, għalkemm mhix parti mill-istrateġija nnifisha, laħqet qbil dwar lista ta’ proġetti komuni. In-Norveġja u l-Islanda kienu wkoll involuti b’mod attiv, speċjalment dwar il-loġistika u kwistjonijiet soċjali. Fis-SUERD, ma' pajjiżi li mhumiex tal-UE, b’rati differenti ta’ perspettivi ta’ adeżjoni mal-UE, l-Istrateġija tiffaċilita t-tħejjija tal-kandidati u l-kandidati potenzjali. Kważi 80% tar-rispondenti tas-SUERD iqisu li l-istrateġija tejbet il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien, fejn isservi bħala pjattaforma għall-futur. Din l-opportunità biex jiġu esperjenzati l-politiki u l-proċessi tal-UE, f’attivitajiet komuni, għandha tifforma wkoll parti mix-xogħol fil-ġejjieni.

4. Tagħlimiet meħuda u sfidi li jridu jingħelbu

Jekk il-valur miżjud tal-istrateġiji jkun ċar, jibqa’ essenzjali li jitjiebu l-metodi ta’ implimentazzjoni.

· Għażla tal-għanijiet it-tajbin

L-għanijiet ta’ kull strateġija huma maqsuma f’oqsma ta’ prijorità emerġenti mill-proċess ta’ konsultazzjoni, u jistgħu jiġu riveduti, kif sar reċentament fis-SUERBB. Il-biċċa l-kbira tar-rispondenti għall-istħarriġ jemmnu li l-għanijiet tas-SUERBB u s-SUERD jindirizzaw l-isfidi ewlenin (aktar minn 80%), iżda inqas minnhom huma konvinti bl-għadd ta’ oqsma prijoritarji (60% jaraw l-għadd bħala wieħed raġonevoli, 26% – newtrali, 14% – wisq), kumplessivament kwistjoni akbar fis-SUERBB, li għandha aktar prijoritajiet.

· Żamma tal-impenn politiku

Impenn politiku ta’ livell għoli kien evidenti fl-ewwel sejħiet għall-istrateġiji, fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill, u fl-istqarrijiet f’avvenimenti ewlenin bħall-Fora Annwali. Filwaqt li dan huwa importanti[15], ir-rispondenti tal-istħarriġ jemmnu li dan mhux dejjem jiġi segwit. Il-kummenti juru li dan ivarja skont il-pajjiż, skont l-istituzzjoni, u fuq livelli differenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet: 38% jaqblu li l-impenn politiku huwa għoli, 30% ma jaqblux, bi 32% newtrali, bis-SUERBB ikun inqas pożittiv mis-SUERD, u b'dawk li jafu l-istrateġija minn ġewwa jkunu inqas konvinti mill-oħrajn.

· Finanzjament

Filwaqt li l-allinjament tal-fondi għandu potenzjal sinifikanti, is-SUERBB u s-SUERD tnedew f’nofs il-perjodu finanzjarju, li xi drabi għamel il-koerenza mal-politiki u l-programmi eżistenti problematika. L-użu tas-self kien imxekkel mil-livelli tad-dejn.

Kważi 50% tar-rispondenti tal-istħarriġ ma jaqblux li “l-allinjament tat-tfassil tal-politika u l-finanzjament mal-għanijiet sar b’suċċess”, għalkemm is-SUERBB hija iktar pożittiva, li jirrifletti li beda qabel. Riżorsi insuffiċenti f’pajjiżi li mhumiex fl-UE jibqgħu sfida.

L-esperjenza turi li l-programmi ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE) huma s-sors ewlieni tal-finanzjament. Madankollu, fl-implimentazzjoni tal-approċċ, il-politiki u l-programmi kollha, inklużi dawk speċifiċi għal kull pajjiż, kif ukoll dawk minn sorsi privati, għajnuna mill-istituzzjonijiet finanzjarji (eż. il-Bank Ewropew għall-Investiment) eċċ., għandhom jiġu mmobilizzati. Jekk l-approċċ makroreġjonali jrid jirnexxi, jeħtieġ li jkun inkorporat fil-programmazzjoni 2014–2020 billi jiġu pprovduti referenzi espliċiti fil-Ftehimiet ta’ Sħubija kif ukoll fit-testi tal-programm. Dan jeħtieġ li jingħata attenzjoni madwar il-Ministeri kollha, biex jiġi żviluppat ambjent ta’ investiment pożittiv. It-taħlit tal-għotjiet u s-self, eż. permezz tal-Faċilità ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent, huwa pass 'il quddiem effettiv, partikolarment għall-pajjiżi li mhumiex fl-UE.

B’mod ġenerali, l-approċċ għandu jżid l-impatt tal-finanzjamenti disponibbli kollha, isaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ "acquis" eżistenti, u jtejjeb l-użu ta’ strutturi eżistenti.

· Organizzazzjoni u governanza         

L-istħarriġ jikkonferma li l-istrateġiji makroreġjonali jibqgħu sfida għall-amministrazzjonijiet kkonċernati. Id-diffikultajiet jinkludu nuqqas ta’ riżorsi umani, bidliet tal-persunal, u nuqqas ta’ għarfien. Bi tnaqqis fil-persunal u fl-ivvjaġġar, il-laqgħat frekwenti (eż. gruppi ta’ tmexxija għal oqsma prijoritarji tas-SUERD) mhux dejjem ikollhom attendenza tajba.

Il-kummentaturi jinnotaw il-kumplessità tal-istrutturi. Huma jsejħu għal “tmexxija iktar b’saħħitha (biex) tgħin iżżomm minimu ta’ intensità u impenn filwaqt li fokus aqwa jista’ jgħin biex tonqos il-kumplessità tal-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni.”[16]

Ir-rispondenti tal-istħarriġ sejħu wkoll għal skambju ta’ esperjenza aħjar fi ħdan u bejn il-makroreġjuni, u jridu kooperazzjoni aħjar bejn il-livelli kollha ta’ governanza.

· Kejl tal-progress         L-indikaturi jipprovdu markaturi li wieħed jista' jkejjel il-progress bihom. Kemm is-SUERD u kemm is-SUERBB għandhom miri tal-livell ta' strateġija Fl-2013 hija prevista ħidma fuq l-iffissar ta’ indikaturi f’qasam prijoritarju/livell ta’ azzjoni orizzontali.

Din hija biċċa xogħol ta’ sfida, peress li l-progress fl-isfond ta’ indikaturi huwa dovut għal fatturi mhux esklussivi għall-istrateġiji, li l-kontribuzzjoni speċifika tagħhom diffiċli biex tkejjilha. Il-miri u l-indikaturi tal-programm għandhom ikunu konsistenti max-xogħol fil-livell tal-istrateġija .

Is-SUERD u s-SUERBB jużaw ukoll approċċi differenti (tal-ewwek f’livell aktar ġenerali u ewlieni, tal-aħħar b’aktar dettall u parteċipazzjoni lokali). Madankollu, hemm bżonn ta' ħidma ulterjuri: filwaqt li l-indikaturi u l-miri miftiehma huma essenzjali biex l-isforz ikun iffukat, il-progress għandu jitqies ukoll f’termini tan-netwerks maħluqin, proġetti segwiti b’suċċess, u titjib fl-integrazzjoni u l-koordinazzjoni.

5. It-Triq ’il Quddiem — rakkomandazzjonijiet

5.1 Realizzazzjoni tal-potenzjal sħiħ tal-istrateġiji

Sabiex jintlaħaq il-potenzjal tal-approċċ dawn li ġejjin huma kruċjali:

· Il-parteċipanti kollha jridu jirrikonoxxu l-istrateġiji makroreġjonali tagħhom bħala responsabbiltà orizzontali tal-gvernijiet tagħhom bħala entità waħda;

· Is-sħab kollha jridu jaħtfu l-opportunità ta’ finanzjament offruta bl-inklużjoni tal-approċċ fil-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ Regolamenti, speċjalment fi Ftehimiet ta’ Sħubija u Programmi Operattivi, sabiex il-prinċipju li l-approċċ jiddaħħal fid-deċiżjonijiet kollha ("mainstreaming") ikun jista’ jinkiseb;

· Programmi transnazzjonali ġodda (Bieb għad-Danubju u għax-Xlokk) u eżistenti (ir-reġjun tal-Baħar Baltiku) iridu jiġu sfruttati bis-sħiħ, kif ukoll strumenti bħal Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) u Investiment Territorjali Integrat. Prattiki tajba għandhom jinqasmu, b’ħidma mill-qrib mal-programm INTERACT;

· Problemi operattivi ġol-amministrazzjonijiet għandhom jiġu indirizzati b’persunal u riżorsi xierqa. Mezzi ta’ komunikazzjoni moderni għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ biex jiġu evitati piżijiet żejda jew vjaġġar inutli;

· Il-koerenza u l-kredibbiltà tal-ħidma makroreġjonali jeħtieġu reviżjoni regolari f’Kunsilli settorjali rilevanti, u f’laqgħat ad hoc tal-Ministri dwar suġġetti speċifiċi. Kontribut kontinwu mill-pubbliku huwa importanti;

· Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-approċċ għandhom ikunu bbażati fuq indikaturi u miri realistiċi kif ukoll fuq ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ qasam prijoritarju;

· Jekk ikun hemm xi tħassib dwar il-prestazzjoni jew ir-rilevanza, għandhom jiġu introdotti klawżoli sunset għall-prijorità kkonċernata, bil-possibbiltà li jitnaqqas l-għadd jew jitbiddel il-fokus tal-oqsma prijoritarji;

· Għandha tingħata aktar attenzjoni għall-komunikazzjoni tal-fini u l-kisbiet tal-istrateġiji, u l-approċċ minn isfel għal fuq li ntuża fil-bidu għandu jinżamm.

5.2 It-tmexxija fir-reġjuni u r-rwol tal-Kummissjoni

Il-muftieħ għall-futur se jkun tmexxija aktar b'saħħitha, li ssaħħaħ is-sens ta' sjieda fir-reġjuni kkonċernati, u tipprovdi teħid ta' deċiżjonijiet aktar ċar u aktar viżibbli. Filwaqt li l-Kummissjoni se jkompli jkollha rwol ewlieni x’taqdi, l-appoġġ tagħha jrid ikun ibbilanċjat aħjar permezz ta' tmexxija effettiva fir-reġjuni kkonċernati.

Il-Kummissjoni tipproponi proċess ta’ reviżjoni, li jiġi ffinalizzat sal-Fora Annwali tal-2014, tal-istrateġiji eżistenti. Dan il-proċess għandu jikkunsidra t-titjib operattiv, kif ukoll l-alternattivi biex tittejjeb it-tmexxija politika. Kjarament, minħabba l-istadji tal-progress varjati tal-istrateġiji, u l-għeruq differenti tagħhom, it-triq ’il quddiem tista' tkun differenti f’kull każ. Madankollu, il-punti li ġejjin huma importanti:

· F’konformità mal-proposti regolatorji attwali, programmi transnazzjonali fil-futur jista' jkollhom rwol aktar sinifikanti fl-appoġġ tal-implimentazzjoni. Ir-REKT jistgħu jipprovdu wkoll opportunitajiet.

· Huwa biss issa li s-sistemi attwali għall-ġestjoni tal-istrateġiji (PACs, NCPs) qed jistabbilixxu ruħhom. Sejħiet għas-semplifikazzjoni għandhom iqisu l-potenzjal ta' dewmien li l-bidliet jistgħu jġibu magħhom.

· L-Istati Membri u l-pajjiżi sħab għandhom jikkunsidraw kif jistgħu jsaħħu s-sens ta' sjieda tagħhom għall-istrateġiji, u r-reazzjoni adatta għas-sejħiet għal tmexxija aktar rikonoxxibbli faċilment. L-għażliet iridu jqisu kwistjonijiet ta’ leġittimità, responsabbiltà, u kontinwità.

· Il-Kummissjoni tiffaċilita l-istrateġiji, tiżgura l-koerenza u l-kontinwità, kif ukoll dimensjoni ċara tal-UE u l-valur miżjud. Madankollu, ir-riżorsi tagħha huma limitati u għandhom ikunu kkunsidrati miżuri biex jippermettulha jkollha rwol xieraq.

· Il-potenzjal għall-involviment tal-pubbliku u ta' fora istituzzjonali oħrajn tal-UE fil-governanza tal-istrateġiji għandu jiġi kkunsidrat.

5.3 Strateġiji ġodda

Meta titqies it-tnedija ta’ kwalunkwe strateġija makroreġjonali tal-UE, wieħed għandu jżomm f'moħħu dawn li ġejjin:

· Inizjattivi ġodda għandhom jitnedew biss jekk ikun hemm ħtiġijiet partikolari għal kooperazzjoni mtejba u ta’ livell għoli. Dawn għandhom ikunu ta’ importanza strateġika għall-makroreġjuni u jiġu tradotti f’għadd limitat ta’ għanijiet iddefiniti sew b'sett xieraq ta’ indikaturi li jkejlu l-progress. Sfidi komuni (bħal deterjorament ambjentali, l-adattament tat-tibdil fil-klima, l-impatt tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, il-lakuni fil-konnettività, differenzi kbar fid-dħul) u/jew opportunitajiet (bħal opportunitajiet għal netwerks ta' riċerka, swieq b'espansjoni, immodernizzar tal-amministrazzjonijiet) għandhom ikunu evidenti, flimkien ma' identità ġeografika maqbula. Huwa għalhekk approċċ li għandu jintuża biss f’ċirkostanzi partikolari fejn l-involviment tal-UE jkun xieraq, u l-politiki orizzontali eżistenti tal-UE jkunu msaħħa.

· Irid ikun hemm tħejjija biex l-impenn politiku jiġi tradott f’sostenn amministrattiv. Hekk biss jista' jkun hemm prospetti tajbin ta’ suċċess.

· Approċċi strateġiċi makroreġjonali u tal-baċiri tal-baħar huma t-tweġiba għal aspirazzjonijiet simili. Is-SUERBB jgħaqqad karatteristiċi tat-tnejn li huma, filwaqt li strateġija makroreġjonali Adrijatika u Jonja tista’ tuża l-istrateġija marittima[17] adottata bħala waħda mill-komponenti ewlenin tagħha.

· Il-makroreġjuni attwali jista' jkun li ma eżawrewx il-paradigmi kollha possibbli. Faċli li tipprevedi kooperazzjoni reġjonali ispirata minn dan il-mudell, imma mingħajr l-involviment tal-Kummissjoni, jew ibbażata aktar esklussivament fuq programm transnazzjonali. Min ifittex li jintensifika l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni għandu jfittex dak li jkun l-aktar adatt għas-sitwazzjoni tiegħu. L-istrateġiji makroreġjonali tal-UE għandhom juru b'mod partikolari l-valur miżjud fil-livell tal-UE, bħal infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, jew speċifikament investiment intensifikat fil-konnettività tal-UE, jew fil-massa kritika tal-innovazzjoni.

6. Konklużjonijiet

Iż-żewġ strateġiji makroreġjonali eżistenti qed juru l-mertu tagħhom kemm strateġikament u kemm politikament. Huma diġà evidenti riżultati ċari f’termini ta’ proġetti u tfassil iktar integrat tal-politika, għalkemm huwa essenzjali aktar titjib fl-implimentazzjoni u l-ippjanar. Il-kwistjoni tat-tmexxija hija ċentrali biex il-proċess ta’ reviżjoni jitlesta fl-2014.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament u lill-Kunsill biex japprovaw ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan ir-rapport.

[1]               Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13-14 ta’ Diċembru 2012, il-punt 26.

[2]               Issa l-programmi ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea.

[3]               Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tat-13 ta' April 2011, il-punt 20.

[4]               Il-kontribuzzjonijiet kollha huma disponibbli fil-websajts tas-SUERBB u s-SUERD.

[5]               Eż. Strateġiji makroreġjonali fl-Unjoni Ewropea (Settembru 2009).                http://ec.europa.eu/regional_policy/cooperate/baltic/pdf/macroregional_strategies_2009.pdf.

[6]               Proposta għal Dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd. COM (2011) 615 Finali, kif emendat.

[7]               Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tas-26 ta' Ġunju 2012, il-punt 7.

[8]               Á. Kelemen. Assessing the added value of macro-regional strategies – Environment. 2013.

[9]               A. Reid. Do macro-regional strategies boost innovation and competitiveness?

[10]             Ibid.

[11]             Eż. Il-Kanċillier Merkel fil-Forum Annwali tas-SUERD 2012, il-President Ilves fil-Konferenza Ministerjali dwar is-SUERBB 2009.

[12]             Á. Kelemen. Ibid.

[13]             A. Dubois, S. Hedin, P. Schmitt, J. Sterling. EU macro-regions and macro-regional strategies. Nordregio, 2009.

[14]             Il-Parlament Ewropew, Rapport: dwar l-ottimizzazzjoni tar-rwol tal-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni (Diċembru 2012).

[15]             K. Böhme. Added value of macro regional strategies: A governance perspective. 2013.

[16]             Ibid.

[17]             COM (2012) 713 dwar "Strateġija Marittima għall-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju”.