KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Naħdmu flimkien għaż-żgħażagħ tal-Ewropa Sejħa għal azzjoni fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ /* COM/2013/0447 final */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U
SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI NAĦDMU FLIMKIEN
GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-EWROPA SEJĦA
GĦAL AZZJONI FIR-RIGWARD TAL-QGĦAD FOST IŻ-ŻGĦAŻAGĦ Iż-żgħażagħ
huma l-qofol tad-dinamiżmu u l-prosperità futuri tal-Ewropa. It-talenti,
l-enerġija u l-kreattività tagħhom se jgħinu lill-Ewropa biex
tikber u ssir aktar kompetittiva hekk kif negħlbu l-kriżi ekonomika u
finanzjarja. Madankollu, iż-żgħażagħ intlaqtu
partikularment ħażin bil-kriżi. Fil-preżent, kważi 6
miljun persuna fl-Ewropa taħt l-età ta' 25 sena huma qiegħda u total
ta' 7,5 miljun huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ.
Ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa
kienu ta' 23,5 % fl-ewwel tliet xhur tal-2013, aktar mid-doppju tar-rata -
li diġà hija għolja ħafna - tal-popolazzjoni sħiħa.
F'xi pajjiżi, aktar minn nofs iż-żgħażagħ li
jridu jaħdmu huma qiegħda. Dan
jirrappreżenta kemm riżors kbir li mhuwiex sfruttat li l-Ewropa ma
tistax taffordja li taħli kif ukoll kriżi soċjali li l-Ewropa ma
tistax tippermetti li tħalliha għaddejja. Il-qgħad fost
iż-żgħażagħ għandu impatt qawwi fuq l-individwi
kif ukoll fuq is-soċjetà u l-ekonomija. Jekk ix-xejriet attwali ma
jinqalbux malajr, il-livelli attwali tal-qgħad fost
iż-żgħażagħ qed jirriskjaw li jipperikolaw
il-prospetti tal-impjiegi għaż-żgħażagħ fuq
terminu itwal ta' żmien, li jkollhom implikazzjonijiet serji għat-tkabbir
futur u l-koeżjoni soċjali. Għaldaqstant, fi ħdan l-istrateġija
usa' tal-Ewropa biex toħloq tkabbir u impjiegi, l-għajnuna li
tingħata liż-żgħażagħ biex jidħlu u
jibqgħu fis-suq tax-xogħol biex jakkwistaw u jiżviluppaw
il-ħiliet li jwittu t-triq għall-impjiegi futuri hija prijorità
għolja għall-Unjoni Ewropea. Matul
il-kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni kienet qed taħdem mal-Istati
Membri biex tindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta'
qgħad għoli u li qed jiżdied. Parti minn din il-ħidma
għandha bżonn iż-żmien biex ikollha r-riżultati
mixtieqa. L-Ewropa teħtieġ riforma strutturali qawwija biex issir
aktar kompetittiva u dan ma jistax iseħħ mil-lum għal
għada. Għaldaqstant, ir-riformi essenzjali jridu jitwettqu flimkien
ma' miżuri li jaġixxu malajr biex jagħtu spinta lit-tkabbir u
biex jgħinu liż-żgħażagħ isibu xogħlijiet u
jakkwistaw ħiliet essenzjali. Dawn il-miżuri se jagħtu spinta
lill-kunfidenza u juru liż-żgħażagħ li huma
għandhom futur sabiħ. Il-Kummissjoni
pproponiet għadd ta' miżuri prattiċi u li jistgħu
jintlaħqu li għandhom il-potenzjal li jkollhom impatt immedjat, dan
l-aħħar fil-Pakkett għall-Impjiegi
taż-Żgħażagħ ta' Diċembru 2012 u l-proposti
ta' Marzu 2013 għall-Inizjattiva tal-Impjiegi
taż-Żgħażagħ ta' EUR 6 biljun. Intlaħaq qbil
dwar uħud minn dawn il-proposti fil-livell tal-UE u issa dawn iridu
jinqalbu b'mod urġenti f'opportunitajiet
għaż-żgħażagħ. Għad irid jintlaħaq qbil
dwar oħrajn fil-livell tal-UE, b'mod partikulari dawk marbuta mal-Qafas
Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2014-2020. B'dan
l-isfond, dan ir-rapport jistabbilixxi passi li jirdu jittieħdu
mingħajr dewmien biex iż-żgħażagħ
jerġgħu jibdew jaħdmu, jitgħallmu jew jitħarrġu.
Dawn il-passi jkopru: -
l-implimentazzjoni
tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; -
l-investiment
fiż-żgħażagħ permezz tal-Fond Soċjali Ewropew; -
il-forniment
minn qabel tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi
għaż-Żgħażagħ; -
is-sostenn
għall-mobilità fi ħdan l-UE mal-EURES; -
il-passi
biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni
għax-xogħol billi tingħata spinta lill-forniment ta'
apprentistati u skemi ta' taħriġ ta' kwalità għolja u jiġi
indirizzat in-nuqqas ta' ħiliet; -
aċċellerar
ta' riformi biex jitwassal suq tax-xogħol tal-UE ġenwin fuq terminu
itwal ta' żmien; u -
miżuri
li jappoġġjaw il-ħolqien immedjat ta' impjiegi, speċjalment
minn SMEs, u li jagħtu inċentiv biex jiġu impjegati
ż-żgħażagħ. F'ħafna
minn dawn l-oqsma, il-ħidma tal-bażi diġà saret. Issa
l-prijorità hi li l-implimentazzjoni tiġi aċċellerata u fornuta
minn qabel. Is-suċċess jiddependi kemm mir-rieda politika tal-Istati
Membri kif ukoll mill-kapaċità tas-settur privat li joħloq
opportunitajiet għaż-żgħażagħ. L-UE ma tistax
tissotitwixxi l-ħidma li hija meħtieġa fil-livell nazzjonali.
Iżda hemm x'tista' tagħmel, billi tidentifika l-aktar riformi
kritiċi permezz tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi
għall-Pajjiżi, ixxerred l-aħjar prattiki, tidderieġi
l-investiment mill-baġit tal-UE, u tgħin
liż-żgħażagħ jisfruttaw bis-sħiħ is-suq
uniku Ewropew. Il-Kummissjoni
Ewropea ssejjaħ lill-istituzzjonijiet Ewropej, lill-Istati Membri,
lis-sħab soċjali u lis-soċjeta ċivili biex jaħdmu
flimkien biex jimplimentaw il-miżuri f'dan ir-rapport; u lill-Kunsill
Ewropew ta' Ġunju biex jagħti s-sotenn politiku qawwi tiegħu
għal dawn il-passi. 1.
Sabiex il-garanzija
għaż-żgħażagħ issir realtà Bħala
parti mill-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ
ippreżentat f'Diċembru 2012, il-Kummissjoni sejħet
lill-Istati Membri biex jiżguraw li ż-żgħażagħ
Ewropej kollha jirċievu offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, tkomplija
tal-edukazzjoni, apprentistat jew skema ta' taħriġ fi żmien
erba' xhur minn meta jitilqu mill-iskola jew jiġu qiegħda. Din hija
l-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-proposta
tal-Kummissjoni ġiet adottata mill-Kunsill f'April 2013. Issa,
il-prijorità hija l-implimentazzjoni. Dan jidher fir-Rakkomandazzjonijiet
Speċifiċi għall-Pajjiżi tal-Kummissjoni għall-2013.
Il-Kummissjoni identifikat passi urġenti f'19-il Stat Membru biex
jiġi miġġieled il-qgħad permezz, fost l-oħrajn,
politiki ta' suq tax-xogħol attiv, tisħiħ tas-servizzi pubbliċi
tal-impjiegi u s-sostenn għall-iskemi ta' taħriġ u ta'
apprentistat. Dawn il-passi kollha se jikkontribwixxu għat-twassil
tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (ara l-Anness I
għal sommarju tar-rakkomandazzjonijiet relatati). L-implimentazzjoni
tal-Garanzija għaż-Żgħżagħ se teħtieġ
investiment sostnut fil-livell nazzjonali. Madankollu, l-esperjenza wriet,
pereżempju fl-Awstrija u fil-Finlandja, li l-investiment irendi u li
l-kost ekonomiku u soċjali tan-nuqqas ta' azzjoni huwa ferm ogħla
mill-kost tal-implimentazzjoni. Jeħtieġ iż-żmien biex
il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tibda taħdem
bis-sħiħ, allura jeħtieġ li l-proċess jibda issa bi
pjan ta' implimentazzjoni ċar għal kull pajjiż li jispjega
eżattament kif il-Garanzija għaż-Żgħażagħ se
titpoġġa fil-prattika, u jitqiesu kif xieraq il-varjazzjonijiet
fl-iskala u n-natura tal-isfidi f'kuntesti nazzjonali differenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssejjaħ
lil: Ø Il-Kunsill
biex jadotta r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi
għal-Pajjiżi proposti dwar il-Garanzija
għaż-Żgħażagħ u dwar l-impjiegi
taż-żgħażagħ b'mod ġenerali, u l-Istati Membri
biex jimplimentaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet b'ħeffa. Ø L-Istati
Membri li għandhom reġjuni li qegħdin jesperjenzaw rati ta'
qgħad fost iż-żgħażagħ li jaqbżu l-25 %
biex jippreżentaw Pjan ta' Implimentazzjoni tal-Garanzija
għaż-Żgħażagħ sa Ottubru 2013. Dawn
il-pjanijiet għandhom jistabbilixxu kif il-Garanzija
għaż-Żgħażagħ se tiġi implimentata
fil-livell nazzjonali, ir-rwoli rispettivi tal-awtoritajiet pubbliċi u
organizzazzjonijiet oħra, kif se tiġi ffinanzjata, kif se jiġi
mmonitorjat il-progress u l-iskeda ta' żmien. Stati Membri oħra huma
mħeġġa jippreżentaw pjanijiet simili sar-rebbiegħa
tal-2014. 2. Tpoġġija
fis-seħħ tal-Fond Soċjali Ewropew
għaż-żgħażagħ Matul
ħafna deċennji, il-fondi strutturali tal-UE wrew li huma mexxejja
b'saħħithom tal-ħolqien tal-impjiegi u l-koeżjoni
soċjali fl-Ewropa. Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE)
jammonta għal kważi EUR 80 biljun għall-perjodu 2007-13. Dan
ipprovda sostenn estensiv għal attivitajiet ġewwa l-Ewropa li huma
mfassla biex jgħinu liż-żgħażagħ jintegraw irwieħhom
fis-suq tax-xogħol u jiżviluppaw kapital uman. Meta
wieħed iħares 'il quddiem lejn il-perjodu 2014-2020, il-Fondi
Strutturali ta' Investiment Ewropej (European Structural and Investment Funds -
ESIF) se jkollhom rwol kruċjali x'jaqdu fis-sostenn taż-żgħażagħ
u fl-implimentazzjoni tal-Garanzija
għaż-Żgħażagħ. Jeħtieġ ftehim dwar
il-QFP li jmiss u l-programmi li jimplemetawh b'mod urġenti biex jiġi
żgurat li l-FSE u ESIF oħra jistgħu jiġu mmobilizzati
immedjatament f'Jannar 2014. Dan il-ftehim irid jirrifletti l-prijorità li
l-UE tagħti għall-ġlieda kontra u l-prevenzjoni tal-qgħad
fost iż-żgħażagħ: sehem minimu ta' 25 %
mill-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni għall-FSE jgħin biex
jiġi żgurat li mill-inqas EUR 80 biljun ikunu disponibbli
għall-investiment fil-kapital uman tal-Ewropa. B'mod
parallel, l-Istati Membri qed jaħdmu qatigħ mal-Kummissjoni biex
ifasslu l-ġenerazzjoni li jmiss ta' Programmi Operattivi li se jiggvernaw
kif jintuża dan il-finanzjament Din hija opportunità tad-deheb biex il-programmi
l-ġodda jiġu adattati għal aktar prijoritajiet ta' riforma
urġenti għat-tkabbir u l-impjiegi, kif stabbilit
fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi, u b'mod
partikulari għat-twassil tal-Garanzija
għaż-Żgħażagħ. Għaldaqstant,
il-Kummissjoni ssejjaħ lil: Ø Il-Parlament
Ewropew u l-Kunsill biex jaqblu b'ħeffa dwar il-Qafas Finanzjarju
Pluriennali u r-regolamenti l-ġodda tal-ESIF, li għandhom
jiżguraw li sehem minimu ta' 25 % għall-finanzjament ta'
politika ta' koeżjoni (mill-inqas EUR 80 biljun) jiġu allokati
għall-Fond Soċjali Ewropew. L-Istati Membri b'livelli partikolarment
għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ
għandhom jassenjaw sehem fiss għall-prijoritajiet marbuta
mal-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Ø L-Istati
Membri biex jaċċelleraw il-ħidma mal-Kummissjoni dwar il-Ftehimiet
ta' Sħubija u l-Programmi Operattivi għall-ESIF u biex ikomplu
jiffukaw bir-reqqa fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ,
l-investiment fil-kapital uman u l-adattament tas-sistemi tal-edukazzjoni u
tat-taħriġ mar-realtajiet tas-suq tax-xogħol. 3. Tnedija
tal-Inizjattiva għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ Sabiex
ikompli jiffoka fuq is-sostenn finanzjarju fuq ir-reġjuni u l-individwi li
qed ibatu l-aktar bil-qgħad u n-nuqqas ta' attivita fost
iż-żgħażagħ, fi Frar il-Kunsill Ewropew qabel li
joħloq Inizjattiva favur l-Impjieg
għaż-Żgħażagħ (YEI) li għandha
tiġi appoġġjata b'EUR 6 biljun mill-baġit tal-UE. Din
se timmira fuq żgħażagħ individwali li għandhom bejn
il-15 u l-24 sena li mhumiex jistudjaw, impjegati jew jitħarrġu
(NEET) u tikkumplimenta s-sostenn ipprovdut mill-FSE
għall-implimentazzjoni tal-Garanzija
għaż-Żgħażagħ. Il-Kummissjoni
għaġġlet il-proposti legali meħtieġa u
ppreżentathom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'Marzu 2013.[1] Issa l-prijorità
hija għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jaqblu dwar dawn il-proposti
u biex jagħmlu dan il-finanzjament disponibbli malajr kemm jista' jkun. 3.1 Iffukar
u forniment minn qabel tal-YEI (Inizjattiva favur l-Impjieg
għaż-Żgħażagħ)
Il-Kummissjoni
pproponiet li tikkonċentra s-sostenn mill-YEI f'reġjuni li
jesperjenzaw rati li jaqbżu l-25 % ta' żgħażagħ
qiegħda, u f'dawn ir-reġjuni fuq żgħażagħ (NEET)
fl-età ta' bejn il-15 u l-24 sena. Dawn il-kriterji għandhom
jinżammu: kwalunkwe tnaqqis fil-livell limitu jifrex wisq il-fondi għad-detriment
ta' dawk ir-reġjuni li l-aktar għandhom bżonn.[2] Huwa vitali wkoll
li l-YEI tintuża fuq kollox biex tappoġġja l-implimentazzjoni
tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Gruppi oħra
fil-mira se jiġu appoġġjati minn sorsi oħra ta'
finanzjament mill-ESIF u b'mod partikolari mill-FSE. Sabiex
jiġi żgurat li l-flus mill-YEI jibdew jiċċirkolaw malajr
ladarba l-qafas legali jiġi maqbul, il-Kummissjoni tipproponi li
taġġusta l-profil tal-QFP li jmiss biex tagħmel disponibbli
l-ammont sħiħ ta' EUR 6 biljun f'impenji matul l-ewwel sentejn
tal-QFP li jmiss. Dan se jinkiseb billi jinbidel il-profil ta' implimentazzjoni
ta' programmi oħra ħalli l-livelli annwali ġenerali tal-impenji
jibqgħu l-istess. Jeħtieġ
li l-Istati Membri jkunu lesti jaħdmu mill-bidu nett fuq il-Programmi
Operattivi tagħhom u fuq proġetti li qegħdin jitħejjew biex
jgħinu liż-żgħażagħ isibu impjiegi, apprentistati
jew edukazzjoni ta' kwalità tajba. L-implimentazzjoni għandha tibda
mingħajr dewmien, anke qabel mal-Ftehimiet ta’ sħubija jkunu
fis-seħħ u qabel mal-qafas legali jkun daħal fis-seħħ.
Dan jiddependi fuq jekk l-Istati Membri jkunux lesti bil-programmi tagħhom
fil-ħin: il-Kummissjoni tipproċessahom malajr. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssejjaħ
lil: Ø Il-Parlament
Ewropew u l-Kunsill biex jaqblu dwar l-Inizjattiva favur l-Impjieg
għaż-Żgħażagħ biex jimmiraw is-sostenn fuq
ir-reġjuni li jesperjenzaw rati ta' qgħad fost
iż-żgħażagħ li jaqbżu l-25 % u fuq
iż-żgħażagħ (NEET) li għandhom bejn 15 u 24 sena,
u jiffukaw bil-qawwi fuq l-azzjonijiet li jappoġġjaw il-Garanzija
għaż-Żgħażagħ. Ø Il-Parlament
u l-Kunsill biex jaqblu biex jimpenjaw is-EUR 6 biljun kollha tal-YEI
fl-2014 u l-2015 billi jaġġustaw il-profil ta' impenn tal-QFP li
jmiss u billi jadattaw ir-regolamenti tal-ESIF biex jippermettu li nefqa taħt
il-YEI tiġi meqjusa eliġibbli mid-data ta' preżentazzjoni
tal-programmi operattivi tal-YEI, anki qabel mal-Ftehimiet ta' Sħubija
jkunu fis-seħħ u qabel mal-qafas legali jkun daħal
fis-seħħ. Ø L-Istati
Membri biex jaċċelleraw it-tħejjija tal-programmi speċifiċi
tal-YEI u biex jippreżentaw dawn il-programmi matul l-2013 għal
implimentazzjoni immedjata. 3.2 Tnedija
mill-ġdid tal-Gruppi ta' Azzjoni għall-Impjiegi fost
iż-Żgħażagħ Fl-2012,
il-Kummissjoni stabbiliet Gruppi ta' Azzjoni għall-Impjiegi fost
iż-Żgħażagħ b'mod konġunt mal-Istati Membri
li jesperjenzaw livelli partikolarment għolja ta' qgħad fost
iż-żgħażagħ. Dawn il-gruppi ħadmu biex
jgħinu biex jiżguraw li l-fondi strutturali tal-UE jintużaw għal
effett massimu biex jappoġġjaw liż-żgħażagħ.
Permezz ta' din il-ħidma, madwar EUR 16-il biljun ta' finanzjament
tal-UE diġà ġew immirati għal twassil aċċellerat jew
allokazzjoni mill-ġdid. Eventwalment, dan se jgħin lil aktar minn
miljun żagħżugħ u żagħżugħa u
r-riżultati diġà qegħdin jinħassu (ara aktar 'l isfel u
l-Anness II). Eżempji ta' riżultati tal-ħidma
tal-Gruppi ta' Azzjoni għall-Impjiegi fost
iż-Żgħażagħ -
Fil-Portugall,
l-inizjattiva "Impulso Jovem" kienet tinkludi programmar
mill-ġdid komprensiv tal-fondi strutturali tal-UE u se jibbenefikaw minnha
90 000 żagħżugħ u żagħżugħa u se
tappoġġja 4 500 SME sal-aħħar tal-2015.
Pereżempju, EUR 143 miljun mill-fondi tal-UE ġew allokati
mill-ġdid biex jiġu ffinanzjati miżuri li jinkludu skemi ta'
taħriġ f'setturi ekonomiċi ewlenin, kif ukoll sostenn
għall-ikkuntrattar ta' persuni fl-età ta' 18-30 sena permezz ta'
żburżar tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta' min
iħaddem. -
Fi
Spanja, aktar minn EUR 286 miljun f'finanzjament tal-FSE ġew
allokati mill-ġdid għal azzjonijiet marbuta
maż-żgħażagħ. Azzjonijiet implimentati s'issa jinkludu
skejjel li jieħdu xejra ta' workshop u workshops ta' impjiegi, b'madwar
9 500 parteċipant żagħżugħ. Ġew implimentati
sussidji fil-forma ta' tnaqqis f'kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali
għall-kumpaniji li jimpjegaw żgħażagħ għal
142 000 żagħżugħ. L-Istrateġija
għall-Intraprenditorija u l-Impjiegi
għaż-Żgħażagħ il-ġdida tistabbilixxi 100
miżura ulterjuri biex jiġi miġġieled il-qgħad fost
iż-żgħażagħ. EUR 3,485 biljun ġew assenjati
għal dawn l-azzjonijiet, u wħud minnhom ġew kofinanzjati
mill-FSE. Diversi miżuri speċifiċi qed jiġu ffinanzjati
mill-FEŻR f'reġjuni fejn ir-rati tal-qgħad
taż-żgħażagħ huma l-ogħla. -
Fl-Italja,
bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni għal Koeżjoni, ġew
allokati EUR 1,4 biljun għal azzjonijiet immirati
għaż-żgħażagħ, fosthom Pjan għal Impjiegi
għaż-Żgħażagħ fi Sqallija li jiswa EUR 452
miljun, attivitajiet ta' edukazzjoni għal 65 300 student
mir-reġjuni tan-Nofsinhar u 13 000 opportunità ta' mobilità
ġdida. Fit-tieni fażi, ġew iddedikati EUR 620 miljun oħra
għal azzjonijiet ġodda li jappoġġjaw
liż-żgħażagħ u lin-NEET, fosthom il-kura tat-tfal,
is-sostenn għall-intraprenditorjat u l-ġlieda kontra t-tluq bikri
mill-iskola. Il-FSE se jikkofinanzja wkoll azzjonijiet li jappoġġjaw
apprentistati (EUR 100 miljun) u li jipprovdu gwida u kollokamenti
għall-istudenti u ż-żgħażagħ gradwati
(EUR 36 miljun). B'segwitu
għal din l-esperjenza pożittiva, il-Kummissjoni hija lesta tniedi
mill-ġdid u tespandi l-Gruppi ta' Azzjoni biex taħdem mal-Istati
Membri eliġibbli għal sostenn finanzjarju skont l-Inizjattiva
għall-Impjiegi għaż-Żgħażagħ. Fuq
inizjattiva tal-Istati Membri inkwistjoni, il-gruppi se jitwaqqfu biex
jappoġġjaw u jaċċelleraw il-ħidma għat-tħejjija
tal-Programmi Operattivi u biex jagħtu pariri dwar kif il-finanzjament
tal-UE mill-FSE u l-YEI jista' jintuża bl-aħjar mod biex jimplimentaw
il-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssejjaħ
lil: Ø L-Istati
Membri eliġibbli għall-Inizjattiva għall-Impjiegi
taż-Żgħażagħ, fuq talba minnhom, biex jaħdmu mal-esperti
tal-Kummissjoni permezz ta' Gruppi ta' Azzjoni għall-Impjiegi
taż-Żgħażagħ biex jassistu bl-implimentazzjoni
tal-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u
l-mobilizzazzjoni tal-FSE u tal-YEI għal dan il-għan. Sabiex
tappoġġja dan il-proċess u fuq talba minn Stat Membru,
il-Kummissjoni se tikkoordina l-assistenza teknika, pereżempju permezz ta'
ġemellaġġi bejn l-Istati Membri. 4.
Spinta għall-mobilità bl-EURES u l-FSE Is-suq
uniku joffri firxa vasta ta' opportunitajiet għal impjiegi, apprentistati
u taħriġ għaż-żgħażagħ tal-Ewropa. Hemm
x'juri li ż-żgħażagħ huma ħerqana biex
jaħtfu dawn l-opportunitajiet. Madankollu, l-identifikar u l-isfruttament
ta' dawn l-opportunitajiet f'xi Stati Membri f'ħin reali jista' jkun
skoraġġanti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ilha taħdem biex
tagħmel il-mobilità aktar faċli kemm għall-benefiċċju
tal-individwi u ta' min iħaddem kif ukoll għall-benefiċċju
tal-ekonomija Ewropea b'mod ġenerali. Il-portal
EURES jagħti aċċess għal aktar minn 1,4 miljun post
tax-xogħol vakanti u kważi 31 000 impjegatur. Madankollu, in
netwerk EURES għadu mhux jaħdem bil-potenzjal kollu tiegħu.
Il-Kummissjoni bdiet riforma maġġuri biex tagħmel is-sistema
EURES aktar reattiva għar-realtajiet tas-suq tax-xogħol u
ssaħħaħ l-enfasi fuq il-mobilità taż-żgħaagħ
billi toffri impjiegi kif ukoll opportunitajiet biex jgħaqqdu
x-xogħol mat-tagħlim, bħall-apprentistati. Il-portal EURES qed
jerġa' jingħata l-ħajja wkoll biex isir aktar faċli
għall-utent u se titressaq Karta EURES li tipprovdi gwida tal-UE maqbula
b'mod komuni għall-miżuri ta' twassil nazzjonali tal-EURES qabel
l-aħħar tas-sena. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed taħdem fuq
leġiżlazzjoni ġdida biex issaħħaħ is-servizzi
tal-EURES kemm għal min iħaddem kif ukoll għal min ifittex
impjieg. L-objettiv huwa li jiġu fornuti aktar postijiet tax-xogħol
vakanti u jiġi mtejjeb it-tlaqqigħ ta' postijiet tax-xogħol
vakanti mal-applikazzjonijiet filwaqt li tiġi msaħħa
l-integrazzjoni tal-EURES fis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. Għal
żagħżugħ jew żagħżugħa, l-identifikar
ta' opportunitajiet ta' xogħol jew ta' tagħlim barra mill-pajjiż
hija ħaġa; li jiġu sfruttati hija oħra. Bħalissa
l-Kummisjoni qed tidderieġi sistema ġdida biex tgħin
liż-żgħażagħ jaħtfu l-opporunitajiet ta'
xogħol irreklamati fl-EURES, filwaqt li tgħin lill-SMEs biex
jimpjegaw żgħażagħ li qed ifittxu xogħol mill-Ewropa
kollha. "L-ewwel impjieg EURES tiegħek" tgħin
liż-żgħażagħ isibu xogħol fi Stati Membri
oħra billi tipprovdi sostenn finanzjarju għal korsijiet tal-lingwa u
ħtiġijiet oħra ta' taħriġ, spejjeż ta'
vjaġġar u programmi ta' integrazzjoni fil-każ ta' impjegar minn
SME. Is-sistema pilota "L-ewwel impjieg EURES tiegħek" se
tgħin biex issib post għal madwar 5 000 persuna fis-sitt Stati
Membri parteċipanti u se tiġi estiża fl-2013 biex tkopri
l-kollokament ta' apprentistat u ta' skemi ta' taħriġ.
Ir-riżultati inizjali kienu inkoraġġanti ħafna u xi Stati
Membri, pereżempju l-Ġermanja, ibbażat l-iskemi ta' mobilità
tagħha fuq dan il-mudell. Skont
il-QFP li jmiss, il-Programm Ewropew għall-Bidla u l-Innovazzjoni
Soċjali se jipprovdi finanzjament dirett addizzjonali ta' madwar
EUR 5 miljun fis-sena biex jappoġġja dan it-tip ta' skema
mmirata. Madankollu, fid-dawl tal-iskala tal-isfida, il-piż se jkun fuq
l-Istati Membri - bil-ħidma tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi - u
fuq min iħaddem biex itejbu s-sostenn finanzjarju tagħhom
għall-impjiegi permezz tal-mobilità fl-UE, fuq il-bażi tal-esperjenza
tal-Ewwel impjieg EURES tiegħek. Il-FSE qiegħed hemm biex jgħin:
mill-2014, is-sostenn finanjarju se jkun disponibbli għat-taħriġ
tal-lingwi u tal-orjentazzjoni tal-karrieri, il-kost tal-ivvjaġġar u
l-integrazzjoni fil-pajjiż ospitanti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssejjaħ
lil: Ø L-Istati
Membri biex jagħmlu użu mill-opportunitajiet tal-finanzjament tal-FSE
u s-sorsi ta' finanzjament nazzjonali biex tiġi promossa l-mobilità
tax-xogħol fl-UE, fosthom bl-użu tal-EURES, u biex
isaħħu l-kapaċità tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi f'dan
ir-rigward. Ø Il-Parlament
Ewropew u l-Kunsill biex iqisu malajr il-proposta leġiżlattiva li
ġejja mill-Kummissjoni biex jissaħħaħ l-EURES li se
titressaq sal-aħħar tal-2013. 5.
Tħaffif tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni
għax-xogħol Li
ż-żgħażagħ jiġu megħjuna jintegraw
ruħhom fis-suq tax-xogħol wara li jitilqu mill-iskola jew mill-università
hija parti indispensabbli mit-twassil tal-Garanzija
għaż-Żgħażagħ. Fir-Rakkomandazzjonijiet
Speċifiċi għall-Pajjiżi ta' din is-sena, il-Kummissjoni
rrakkomandat lil 16-il Stat Membru li jiffukaw fuq ir-riforma ta' programmi ta'
edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV) billi jżidu r-rilevanza
tas-suq tax-xogħol tagħhom permezz ta' komponent ta' tagħlim
aktar b'saħħtu bbażat fuq ix-xogħol u jaċċelleraw
ir-riforma tal-apprentistati. Il-baġit tal-UE jista' jappoġġja
dan il-proċess: l-Istati Membri jistgħu jużaw il-FSE, il-YEI u
l-programm 'Erasmus +' biex jgħinu t-titjib tal-kwalità u
l-effiċjenza tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. It-tranżizzjoni
minn edukazzjoni għal xogħol kienet tema ċentrali tal-Pakkett
għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ, li nediet
żewġ inizjattivi speċifiċi biex jiffaċilitaw
it-tranżizzjoni: l-Alleanza Ewropea għall-Apprentistati u l-Qafas
ta' Kwalità għall-Iskemi ta' Taħriġ. 5.1 Implimetazzjoni
tal-Alleanza Ewropea għall-Apprentistati
L-esperjenza
wriet li l-pajjiżi b'sistemi ta' ETV b'saħħithom u attraenti u
speċjalment dawk b'sistemi ta' apprentistati stabbiliti sew u tagħlim
b'saħħtu bbażat fuq ix-xogħol għandhom tendenza li
jkollhom prestazzjoni aħjar f'termini ta' ffaċilitar
tat-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol u ż-żamma
baxxa tal-qgħad fost iż-żgħażagħ.
Għaldaqstant, it-titjib tal-forniment u l-kwalità tal-apprentistati huwa
parti importanti mill-istrateġija tal-impjiegi
għaż-żgħażagħ. Kif
imħabbar fil-Pakkett għall-Impjiegi
taż-Żgħażagħ, il-Kummissjoni qed tniedi Alleanza
Ewropea għall-Apprentistati biex tgħin fit-titjib tal-kwalità u
tal-forniment tal-apprentistati u biex tibdel il-perċezzjonijiet li
jeżistu tat-tagħlim ibbażat fq ix-xogħol. L-Alleanza se
ġġib flimkien lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali,
lin-negozji, lill-Kummissjon u lil atturi oħra relevanti biex
jiżviluppaw taħriġ tat-tip ta' apprentistat ta' kwalità
għolja u eċċellenza fit-tagħlim ibbażat fuq
ix-xogħol fl-ETV u biex jippromwovu s-sħubiji nazzjonali
għat-tagħlim doppju. It-tnedija tal-Alleanza fit-2 ta' Lulju 2013
hija opportunità biex tiggalvanizza s-settur privat u biex tagħti impetu
ġdid għall-forniment ta' u d-domanda għal apprentistati ta'
kwalita għolja u tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol. In-negozji
għandhom ħafna x'jiggwadanjaw mill-aċċess għal
għażla vasta ta' kandidati potenzjali għall-apprentistati u
mill-investiment fil-preżent biex tinħoloq forza tax-xogħol
b'ħiliet tajbin ħafna għall-futur Għaldaqstant,
il-Kummissjoni ssejjaħ lil: Ø L-Istati
Membri biex jimplimentaw r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi
għall-Pajjiżi proposti dwar l-apprentistati u dwar l-edukazzjoni
u t-taħriġ vokazzjonali. Ø L-Istati
Membri biex jinkludu r-riforma tal-apprentistati fil-Pjanijiet ta'
Implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ
u biex jimmobilizzaw il-finanzjament tal-UE biex jappoġġjaw dan
l-objettiv; u biex jistabbilixxu sħubiji b'saħħithom fil-livell
nazzjonali għal tagħlim doppju li jgħaqqad flimkien
lill-awtoritajiet responsabbli għall-edukazzjoni u l-impjieg, lis-sħab
soċjali, lill-kmamar, lill-fornituri tal-ETV, lill-organizzazzjonijiet
taż-żgħażagħ u tal-istudenti, lis-servizzi
tal-impjiegi u lill-aġenziji li jiġġestixxu l-finanzjament
tal-UE. Ø Is-settur
privat biex jappoġġja bis-sħiħ lill-Alleanza u biex
jimpenja ruħu biex iforni apprentistati ta' kwalità għolja, li
jkomplu jibnu fuq inizjattivi mmexxija mill-indistriji. 5.2 Twassil
ta' skemi ta' taħriġ ta' kwalità għolja Is-skemi
ta' taħriġ ukoll għandhom rwol importanti x'jaqdu
fl-iffaċilitar tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni
għax-xogħol, b'mod partikulari fil-kuntest tal-kriżi. Skemi ta'
taħriġ ta' kwalità għolja jgħinu biex jagħtu spinta
lill-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u huma passi
importanti fil-mixja lejn impjiegi regolari. Madankollu,
minkejja l-kunsens ġenerali dwar l-importanza tal-iskemi ta' taħriġ,
hemm tħassib serju dwar il-kwalità tal-iskemi ta' taħriġ offruti
u l-valur miżjud tagħhom. Dan it-tħassib huwa marbut
mal-kontenut insuffiċjenti tat-tagħlim, il-kundizzjonijiet
tax-xogħol mhux xierqa u l-iskemi ta' taħriġ ripetuti li
fil-verità jintużaw bħala sostituti għall-impjiegi reali. Sabiex
jiġi indirizzat dan it-tħassib, il-Kummissjoni ħabbret
inizjattiva Ewropea ġdida għal Qafas Ewropew ta' Kwalità
għall-Iskemi ta' Taħriġ bħala parti mill-Pakkett
għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ.. Il-Kummissjoni kkonsultat
lis-sħab soċjali u l-ħidma fuq dan il-qafas se tiġi
aċċellerata sabiex tiġi ppreżentata proposta
sal-aħħar tal-2013. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssejjaħ
lil: Ø Il-Kunsill
biex jaħdem malajr fuq il-proposta tal-Kummissjoni li ġejja dwar Qafas
ta' Kwalità għall-Iskemi ta' Taħriġ, bil-ħsieb li
l-Qafas ikun fis-seħħ fil-bidu tal-2014. 5.3 "Erasmus
+": il-ftuħ ta' edukazzjoni transfruntiera u opportunitajiet ta'
taħriġ Programmi
tal-UE ddedikati wkoll jikkontribwixxu b'mod importanti
għall-iżvilupp tal-ETV u biex jgħinu
liż-żgħażagħ jisfruttaw is-suq uniku.
Iż-żieda fil-mobilità tal-istudenti żżid il-mobilità
tax-xogħol u tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' suq
tax-xogħol aktar integrat. Pereżempju, il-Programm ta' Tagħlim
tul il-Ħajja attwali - u b'mod partikulari s-subprogramm "Leonardo da
Vinci" għall-ETV - diġà ppermetta li 500 000 student
tal-ETV u 225 000 student ta' edukazzjoni ogħla jisfruttaw
it-taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol fi Stat Membru ieħor,
li jippermettilhom jiżviluppaw kemm il-ħiliet rilevanti
għax-xogħol kif ukoll il-ħiliet trażversali li jkun qed
ifittex min iħaddem. Eżempji ta' kif il-programmi Ewropej ta'
mobilità tal-ETV għenu liż-żgħażagħ -
Fl-2012,
Lili mir-Rumanija pparteċipat fi proġett ta' mobilità ta' Leonardo da
Vinci bl-isem ta' "Applying modern healthcare systems". Hi
għamlet erba' ġimgħat tiżviluppa l-ħiliet tagħha
ta' infermiera waqt kors ta' taħriġ fl-Isptar Barmherzige Bruder fi
Vjenna fl-Awstrija. Dan taha l-opportunità li takkwista għarfien ġdid
dwar it-tekniki tal-infermerija u t-tekniki moderni tar-riċerka u li
tiżviluppa l-ħiliet tagħha fil-lingwa Ġermaniża. Din
l-esperjenza u ċ-Ċertifikat Europass Mobility li hi akkwistat fi
tmiem il-kollokament għenuha ssib xogħol barra minn pajjiżha. -
Fl-2008,
Joanna, mill-Polonja, ħadet sehem f'kollokament vokazzjonali ta' xahar
fil-Ġermanja permezz tal-programm "Leonardo da Vinci", u
ħadmet ma' kumpanija lokali taż-żerriegħa, Appels Wilde
Samen. Dan il-kollokament ippermettielha li takkwista ħiliet fl-ikkultivar
ta' ħafna speċi ta' pjanti kif ukoll li taħdem f'lingwa u
f'ambjent kulturali differenti. Din l-esperjenza wittitilha t-triq biex
tiftaħ ir-razzett tagħha fil-Polonja, u żammet kuntatti tajbin
ħafna mal-kumpanija ospitanti fil-Ġermanja. -
Matthias,
mill-Ġermanja, wettaq skema ta' taħriġ vokazzjonali inizjali
fl-Ajruport Internazzjonali ta' Munich biex isir speċjalist
fil-mekkatronika u mbagħad mar għal tliet ġimgħat
fl-Ajruport ta' Vjenna biex jikseb esperjenza barra minn pajjiżu permezz
tal-programm "Leonardo da Vinci". Kollokament barra minn pajjiżu
ppermettielu li jakkwista għarfien ġdid dwar id-differenzi
fil-prattiki tax-xogħol u l-kultura u tah perspettiva ġdida dwar
il-proċessi ta' ħidma fil-kumpanija oriġinali tiegħu. Skont il-QFP li jmiss, bħala parti mill-programm
"Erasmus +" propost mill-Kummissjoni, is-sostenn għall-mobilità
se jingħata aktar importanza b'mod sinifikanti biex jgħin lil
kważi 5 miljun persuna b'kollox, fosthom aktar minn 700 000
kollokament ta' ETV. Il-kooperazzjoni bejn min iħaddem u l-fornituri
tal-edukazzjoni se tissaħħaħ permezz ta' sħubiji
strateġiċi u alleanzi ta' ħiliet skont is-settur biex jiġu
appoġġjati programmi ta' edukazzjoni ta' kwalità ogħla u
mobilità transfruntiera. L-impatt ta' din il-kooperazzjoni jista' jiżdied
bl-injezzjoni ta' fondi nazzjonali u tal-UE - b'mod partikulari l-FSE - biex
jipprovdi opportunitajiet għal għadd saħansitra akbar ta'
żgħażagħ. Huwa ċar li d-domanda għal mobilità
transfruntiera hija għolja u li għaldaqstant l-għadd ta'
opportunitajiet ta' kollokament barra mill-pajjiż għandu potenzjal
sinifikanti ta' tkabbir. Sabiex tgħin l-isfruttament ta' dan il-potenzjal,
il-Kummissjoni se taċċellera l-implimentazzjoni ta' din il-parti
tal-programm "Erasmus +" u l-Istati Membri għandhom jużaw
l-allokazzjonijiet tal-FSE tagħhom għal dan il-għan. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssejjaħ
lil: Ø Il-Parlament
Ewropew u l-Kunsill biex jaqblu malajr dwar il-programm "Erasmus +".
Il-Kummissjoni se taċċellera l-implimentazzjoni tal-komponent tal-ETV
ta' dan il-programm ladarba jitnieda fl-2014. Ø L-Istati
Membri biex jużaw il-FSE biex jiżviluppaw u jappoġġjaw
il-mobilità fl-ETV biex jgħinu liż-żgħażagħ
jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa biex isibu posthom fis-suq
tax-xogħol. 5.4 Investiment
fil-ħiliet u indirizzar tad-diskrepanzi fil-ħiliet Il-kompetittività
tal-Ewropa, il-kapaċità innovattiva u l-produttività jiddependu b'mod
kritiku fuq id-disponibilità ta' ħaddiema b'edukazzjoni għolja u
mħarrġin sew. It-tendenza li ilha għal rekwiżiti ta’
ħiliet dejjem ogħla jfisser li ż-żgħażagħ
mingħajr il-ħiliet li l-ekonomija teħtieġ se jsibuha dejjem
aktar diffiċli biex isibu impjieg. Għaldaqstant, l-indirizzar
tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jeħtieġ
azzjoni li tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet u d-diskrepanzi fihom. Il-proċess
tal-akkwist ta’ ħiliet jibda fl-iskola u jkompli bl-edukazzjoni
għolja u bit-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol. Madankollu,
illum il-prestazzjoni ta' ħafna mis-sistemi edukattivi hija inadegwata
għax ikollhom rati għoljin li mhumiex aċċettabli ta' dawk
li jitilqu mill-iskola u ma jipprovdux liż-żgħażagħ
b’ħiliet essenzjali. Għalhekk hemm ħtieġa urġenti li
s-sistemi edukattivi jirrispondu aktar għall-ħtiġijiet ta’
ħiliet attwali u futuri sabiex jiġu evitati d-diskrepanzi
fil-ħiliet u l-ostakli. L-indirizzar
tad-diskrepanzi fil-ħiliet f'setturi li huwa rikonoxxut li għandhon
il-potenzjal li joħolqu l-mpjiegi, bħall-ICT, il-kura
tas-saħħa u l-ekonomija ekoloġika huwa prijorità partikulari.
F'Marzu 2013 il-Kummissjoni nediet sħubija bejn diversi partijiet
interessati madwar l-UE — il-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali
— biex tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet fl-ICT fl-UE u biex jimtlew
id-diversi mijiet ta’ eluf ta’ postijiet tax-xogħol vakanti li huma
previsti u li jeħtieġu dawn il-ħiliet. Bħala parti
mill-pjan ta’ azzjoni tagħha dwar il-forza tax-xogħol tal-UE
fil-qasam tas-saħħa , il-Kummissjoni nediet f’April 2013 Azzjoni
Konġunta li tgħin biex jitjieb it-tbassir u l-ippjanar tal-forza
tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa, u qarrbet lill-Istati Membri u
lill-azzjonisti biex jiskambjaw l-aħjar prattika. Il-Kummissjoni qed
twettaq ukoll studju ta' identifikazzjoni bejn il-pajjiżi dwar
strateġiji ta' reklutaġġ innovattivi bħall-użu
tal-midja soċjali, sabiex iħajru
liż-żgħażagħ biex jagħżlu karriera fil-kura
tas-saħħa. Il-Kummissjoni se tniedi koalizzjonijiet simili jew
pjanijiet ta’ azzjoni usa’ sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal
tal-ħolqien tax-xogħol ta’ “ekonomija ekoloġika”. Ħiliet
intraprenditorjali huma importanti wkoll għal żagħżagħ
li qed ifittxu impjieg u li jibdew in-negozju tagħhom. Esperjenzi intraprenditorjali
prattiċi għaż-żgħażagħ kollha jgħinu
biex ikun hemm rabta bejn l-edukazzjoni u d-dinja reali, fejn l-ideat kreattivi
jissarfu f’azzjoni intraprenditorjali. Il-Kummissjoni, biex tappoġġa
l-bidla fis-sistema edukattiva, se tipprovdi gwida politika aktar iddettaljata
dwar l-intraprenditorija fl-edukazzjoni. Azzjoni ta' kollaborazzjoni mal-OECD
dwar Oqfsa ta' Gwida għall-Edukazzjoni Intraprenditorjali fil-livell ta'
skejjel, ta' ETV u ta' universitajiet, se tħeġġeġ it-tagħlim
intraprenditorjali. Biex
tkompli tgħin liż-żgħażagħ jibdew xogħlijiet
barra mill-pajjiż, il-Kummissjoni qed taħdem f’kooperazzjoni
mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet interessati għall-ħolqien
ta’ Żona Ewropea għall-Ħiliet u l-Kwalifiki. Dan se jiżgura
li l-ħiliet u l-kwalifiki jistgħu jiġu faċilment
rikonoxxuti lil hinn mill-fruntieri kif ukoll tkun iffaċilitata l-mobilità
tax-xogħol. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistieden lil: Ø L-Istati
Membri biex jimmodernizzaw u jtejbu s-sistemi edukattivi tagħhom
billi jindirizzaw id-diskrepanzi fil-ħiliet bażiċi, itejbu
l-isforzi kontra t-tluq bikri mill-iskola, itejbu l-provvista ta' ħiliet
trasversali bħal ħiliet diġitali, intraprenditorjali u
lingwistiċi kif ukoll jiskalaw 'il fuq l-użu tal-ICT fit-tagħlim
appoġġjat. Ø Lill-partijiet
interessati kollha biex jiskalaw 'il fuq l-appoġġ għall-Gran
Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali, sabiex jiġi indirizzat
in-nuqqas ta' 900 000 ħaddiem professjonali fl-ICT fl-Ewropa
sal-2015. 6.
Il-bini ta' suq tax-xogħol Ewropew għal terminu
twil Ħafna
mill-azzjonijiet deskritti hawn fuq, jekk jiġu implimentati issa se
jkollhom effett immedjat. Madankollu, hemm ħafna akar xi jsir fuq terminu
medju għar-riforma tal-ekonomija, sabiex jinbena suq tax-xogħol
Ewropew ġenwin li fih iċ-ċittadini kollha, iż-żgħażagħ
u l-ħaddiema kbar fl-età, ikunu jistgħu jiċċirkulaw
liberament biex jaħdmu, jistudjaw u jitħarrġu. Dan ser
jagħmel lill-ekonomija Ewropea aktar dinamika u flessibbli filwaqt li
jiġi żgurat li l-protezzjonijiet neċessarji jkunu
fis-seħħ għal dawk li jeżerċitaw id-drittijiet
tagħhom biex jgħixu, jaħdmu u jistudjaw barra minn
pajjiżhom. Diġà
hemm ħafna proposti fuq il-mejda li se jgħinu biex is-suq uniku
jaħdem b’mod aktar effiċjenti, inklużi l-emendi proposti
għad-Direttiva tal-Kwalifiki Professjonali u għad-Direttiva dwar
it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni supplementari u d-Direttiva
dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema mobbli. Jeħtieġ
urġentement li l-infurzar tal-liġi tal-UE eżistenti jitjieb,
b'mod partikulari fir-rigward tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed taħdem fuq
regoli dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali favur
iċ-ċittadin fir-rigward tal-benefiċċji tal-qgħad, u
qed tanalizza l-possibiltà li l-beneffiċċji tal-qgħad
jitħallsu għal perjodu li hu itwal mit-3 xhur attwali
lill-ħaddiema li jkunu qed ifittxu xogħol fi Stat Membru ieħor. Il-proposta
reċenti tal-Kummissjoni biex il-kooperazzjoni bejn is-Servizz Pubbliku
tal-Impjiegi timmodernizza ruħha u tittejjeb se tikkontribwixxi wkoll biex
jitjieb il-funzjonament operattiv tas-swieq tax-xogħol u biex il-programmi
tas-suq tax-xogħol jaslu, u għaldaqstant
iż-żgħażagħ se jiġu megħjuna jidħlu
fis-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni se tipproponi li tistabbilixxi netwerk
tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi sabiex tibda sistema b'punti ta'
referenza, u l-attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku korrispondenti se
jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ suq tax-xogħol Ewropew u
fl-aħħar mill-aħħar se jipprovdu lil dawk li qed ifittxu
x-xogħol u lill-impjegaturi servizz tal-impjiegi aħjar u aktar
effettiv. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistieden lil: Ø Il-Parlament
Ewropew u l-Kunsill biex iżidu l-ħidma fuq il-proposti kollha mfassla
li jippromwovu l-iżvilupp ta' suq tax-xogħol Ewropew ġenwin li
jkun aċċesssibbli għaż-żgħażagħ kollha. 7.
Ħolqien tal-impjiegi: għajnuna lill-kumpaniji biex
jimpjegaw liż-żgħażagħ Il-qgħad
fost iż-żgħażagħ jista' jonqos biss b’mod sostenibbli
jekk l-ekonomija toħloq aktar impjiegi. Għaldaqstant ix-xogħol
kollu li qiegħed isir fl-Ewropa sabiex jiġi xprunat it-tkabbir u
l-ħolqien tal-impjiegi se jikkontribwixxi biex tiġi indirizzata
l-problema tal-qgħad taż-żgħażagħ.
Il-prijoritajiet enfasizzati fil-livell Ewropew fil-kuntest tal-Istħarriġ
Annwali dwar it-Tkabbir u fil-livell nazzjonali fil-qafas
tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi
stabbilixxew it-triq 'il quddiem. F’dan il-kuntest, hemm bżonn ta’ sforz
partikolari sabiex jinħolqu inċentivi tajbin għall-kumpaniji,
b'mod partikolari għall-SMEs, sabiex jiġu rreklutati u miżmuma ż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ huma milquta b’mod
sproporzjonat mill-qgħad. Dan huwa r-riflessjoni ta' problemi aktar
profondi u usa’ fil-funzjonament tas-swieq tax-xogħol. Barra minn hekk,
f’ħafna pajjiżi, iż-żgħażagħ huma l-aktar
fost il-ħaddiema b'kuntratti temporanji. It-tnaqqis tad-diskrepanzi bejn
il-kuntratti temporanji u dawk permanenti fil-leġiżlazzjoni
għall-ħarsien tal-impjiegi se jikkontribwixxi
għall-faċilitazzjoni tat-tranżizzjoni ta’ dawk li qed ifittxu
xogħol għall-ewwel darba, inklużi
ż-żgħażagħ, minn impjiegi tal-bidu għal perjodu
qasir sa impjiegi aktar stabbli li joffru prospetti tajbin ta' karriera. Barra
minn hekk, it-tnaqqis fl-ispejjeż meta żgħażagħ
jiġu impjegati fl-ewwel impjieg tagħhom, pereżempju permezz ta’
sussidji mmirati u tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali
fil-każ ta’ pożizzjonijiet b’ħiliet baxxi, fiċ-cirkustanzi
t-tajbin jistgħu jagħtu kontribut importanti. L-SMEs
u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi huma b'mod speċjali mutur
importanti għall-ħolqien tax-xogħol għaż-żgħażagħ,
u għalhekk għandu jsir kull sforz biex jiġu megħjuna
jkollhom aċċess għall-finanzi li jeħtieġu biex
jirnexxu. Hawnhekk l-istrumenti tal-UE, b’mod partikolari l-Fond Ewropew
għall-Iżvilupp Reġjonali, għandhom rwol importanti, kemm
biex jipprovdu appoġġ dirett lill-SMEs kif ukoll
għall-kofinanzjament ta’ firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji.
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandu wkoll rwol kruċjali
fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs.
Iż-żieda kapitali riċenti ta’ EUR 10 biljun hija mistennija
li toħroġ EUR12,5 biljun fis-sena bħala appoġġ
finanzjarju dirett għall-SMEs fil-perjodu bejn l-2013 u l-2015, u tista'
timmobilizza b’kollox madwar EUR 37,5 biljun f’self lill-SMEs meta tipi oħra
ta’ self li indirettament jibbenefikaw minnhom l-SMEs kif ukoll
il-kofinanzjament jiġu kkunsidrati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni
attwalment qed taħdem mal-BEI biex tiżviluppa strumenti konġunti
li jappoġġjaw is-self lill-SMEs. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistieden lil: Ø L-Istati
Membri biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi
għall-Pajjiżi indirizzati lilhom, anki billi jillimitaw
il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol, inaqqsu d-diskrepanzi bejn it-tipi
differenti ta' kuntratti tax-xogħol sabiex jitħarsu l-impjiegi u
jesploraw miżuri fil-mira sabiex ikun inċentivat l-impjieg
taż-żgħażagħ. Ø Il-BEI
biex itejjeb is-sostenn għall-SMEs li joħolqu impjiegi u joffru
apprentistati għal min għandu inqas minn 25 sena u biex tiġi
aċċellerata l-ħidma mal-Kummissjoni biex jimplimentaw
mekkaniżmi ġodda biex jappoġġjaw lill-SMEs. ***
Anness 1
: Il-qgħad fost iż-żgħaagħ marbut
mar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi BE || Issimplifika u saħħaħ il-koerenza bejn l-inċentivi tal-impjiegi, il-politiki tal-attivazzjoni, it-tlaqqigħ tal-impjiegi, l-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja u l-politiki ta' taħriġ vokazzjonali għall-anzjani u għaż-żgħażagħ. BG || Aċċellera l-Inizjattiva favur l-Impjieg għaż-Żgħażagħ nazzjonali, pereżempju permezz ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. Adotta l-Att tal-Edukazzjoni fl-Iskejjel u segwi r-riforma tal-edukazzjoni ogħla, b'mod partikulari permezz ta' eżiti ta' allinjament aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u n-negozju. DK || Tejjeb il-kwalità tat-taħriġ vokazzjonali biex jitnaqqsu r-rati ta' dawk li jitilqu mill-iskola u jiżdied l-għadd ta' apprentistati. EE || Kompli bl-isforzi biex tittejjeb ir-rilevanza tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fis-suq tax-xogħol, fosthom billi jiġu involuti aktar is-sħab soċjali u jiġu implimentati miżuri mmirati biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ. ES || Implimenta u mmonitorja mill-qrib l-effettività tal-miżuri biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ stabbiliti fl-Istrateġija tal-Intraprenditorjat u tal-Impjiegi għaż-Żgħażagħ 2013-2016, pereżempju permezz ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. Kompli bl-isforzi biex tiżdied ir-rilevanza tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fis-suq tax-xogħol, biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u biex jitjieb it-tagħlim tul il-ħajja, jiġifieri billi titwessa' l-applikazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali doppju lil hinn mill-fażi pilota attwali u billi tiġi introdotta sistema komprensiva ta' monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-istudenti sal-aħħar tal-2013. FI || Implimenta u mmonitorja mill-qrib l-impatt tal-miżuri li għaddejjin biex titjieb il-pożizzjoni taż-żgħażagħ u tan-nies qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol, b'enfasi partikulari fuq l-iżvilupp tal-ħiliet rievanti għall-impjieg. FR || Ħu aktar miżuri biex titjieb it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, pereżempju permezz ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ u promozzjoni tal-apprentistati. HU || Indirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ, pereżempju permezz ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. Implimenta starteġija nazzjonali dwar it-tluq bikri mill-iskola u żgura li s-sistema tal-edukazzjoni tipprovdi liż-żgħażagħ b'ħiliet, kompetenzi u kwalifiki rilevanti għas-suq tax-xogħol. ... Appoġġja t-tranżizzjoni bejn l-istadji differenti tal-edukazzjoni u lejn is-suq tax-xogħol. Implimenta riforma ta' edukazzjoni ogħla li tippermetti kisba ta' edukazzjoni terzjarja ogħla, b'mod partikulari minn studenti żvantaġġati. IT || Ħu aktar azzjoni biex trawwem il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, speċjalment tan-nisa u taż-żgħażagħ, pereżempju permezz tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Saħħaħ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, assigura servizzi pubbliċi tal-impjiegi aktar effiċjenti, u tejjeb is-servizzi ta' konsulenza għall-istudenti terzjarji. ... Tejjeb l-isforzi biex tevita t-tluq bikri mill-iskola u tejjeb il-kwalita u l-eżiti tal-iskola, anke billi tirriforma l-iżvilupp professjonali u tal-karriera tal-għalliema. LT || Tejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, pereżempju permezz tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, tejjeb l-implimentazzjoni u l-effettività tal-iskemi għall-apprentistati, u indirizza n-nuqqas persistenti ta' tlaqqigħ ta' ħiliet. LU || Tejjeb l-isforzi biex jitnaqqas il-qgħad fost-iż-żgħażagħ billi jittejjeb it-tfassil u l-monitoraġġ tal-politiki tas-suq tax-xogħol. Saħħaħ l-edukazzjoni ġenerali u vokazzjonali biex jitlaqqgħu aħjar il-ħiliet taż-żgħażagħ mad-domanda tax-xogħol, b'mod partikulari għal nies bi sfond ta' migrazzjoni. LV || Indirizza l-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ billi żżid il-kopertura u l-effettività tal-politiki attivi fis-suq tax-xogħol u s-servizzi soċjali mmirati. Tejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, pereżempju permezz ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, waqqaf gwida komprensiva għall-karrieri, implimenta riformi fil-qafas tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u tejjeb il-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-apprentistati. MT || Kompli segwi sforzi ta' politika biex tnaqqas it-tluq bikri mill-iskola, speċjalment billi twaqqaf sistema komprensiva ta' monitoraġġ, u żid ir-rilevanza tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fis-suq tax-xogħol billi tindirizza nuqqasijiet fil-ħiliet, fosthom permezz tar-riforma mħabbra tas-sistema ta' apprentistati. PL || Saħħaħ l-isforzi biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ, pereżempju permezz ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, żid id-disponibbiltà tal-apprentistati u t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, saħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u min iħaddem u tejjeb il-kwalità tat-tagħlim. RO || Sabiex tiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ, implimenta mingħajr dewmien il-Pjan Nazzjonali għal Impjiegi għaż-Żgħażagħ, inkluż, pereżempju permezz ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. Tejjeb ir-riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Kompli allinja l-edukazzjoni terzjarja mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tejjeb l-aċċess għan-nies żvantaġġati. Implimenta strateġija nazzjonali dwar it-tluq bikri mill-iskola li jiffoka fuq aċċess aħjar għal edukazzjoni bikrija tat-tfal ta' kwalità, anke għat-tfal tar-Rom. SE || Saħħaħ l-isforzi biex ittejjeb l-integrazzjoni ta' żgħażagħ bi ftit kwalifiki u persuni bi sfond ta' migrazzjoni fis-suq tax-xogħol b'miżuri aktar b'saħħithom u aktar immirati biex titjieb l-impjegabbiltà tagħhom u d-domanda għal dawn il-gruppi. Tejjeb l-isforzi biex tiffaċilita t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, anke permezz ta' aktar użu ta' tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, appentistati u forom oħra ta' kuntratti li jgħaqqdu l-impjiegi mal-edukazzjoni. Lesti l-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex tkopri aħjar liż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni jew taħriġ. SI || Ħu aktar miżuri biex iżżid l-impjieg ta' gradwati terzjarji żgħażagħ, anzjani u persuni bi ftit kwalifiki billi tiffoka r-riżorsi fuq miżuri ta' politika attiva fis-suq tax-xogħol imfasslin apposta filwaqt li titjieb l-effettività tagħhom. Indirizza n-nuqqas ta' tlaqqigħ ta' ħiliet billi ttejjeb l-attrattività tal-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali rilevanti u billi tkompli tiġi żviluppata l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. SK || Tejjeb l-isforzi biex tiġi indirizzata r-rata ta' qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, pereżempju permezz ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. Ħu passi biex tiġbed liż-żgħażagħ lejn il-professjoni tat-tagħlim u għolli r-riżultati edukattivi. Fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, saħħaħ il-proviżjoni tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fil-kumpaniji. Fl-edukazzjoni ogħla, oħloq aktar programmi ta' baċellerat orjentati lejn l-impjiegi. UK || B'segwitu għall-Kuntratt taż-Żgħażagħ, tejjeb il-miżuri biex tindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ, pereżempju permezz ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. Żid il-kwalità u t-tul tal-apprentistati, issimplifika s-sistema ta' kwalifiki u saħħaħ l-impenn ta' min iħaddem, b'mod partikulari fil-forniment ta' ħiliet tekniċi avvanzati u intermedji. Naqqas l-għadd ta' żgħażagħ fl-età ta' 18 sa 24 sena li għandhom ħiliet bażiċi baxxi ħafna, anke permezz ta' implimentazzjoni effettiva tal-programm ta' Skemi ta' Taħriġ. Anness 2
– Kif il-Gruppi ta' Azzjoni għall-Impjiegi
taż-Żgħażagħ għenu
liż-żgħażagħ L-Irlanda || - F'Diċembru 2012 tnieda Fond ta' Edukazzjoni u Taħriġ għas-Suq tax-Xogħol, magħruf bħala Momentum u huwa parti mill-Pjan ta' Azzjoni għall-Impjiegi tal-Irlanda, biex jipprovdi taħriġ ta' ħiliet għal massimu ta' 6 500 persuna qiegħda fit-tul. Il-FSE se jikkontribwixxi għal EUR 10 miljun għal dan il-Fond, li għandu baġit ġenerali ta' EUR 20 miljun. Wieħed mill-erba' oqsma ta' dan il-Fond huwa mfassal speċifikament għaż-Żgħażagħ taħt l-eta ta' 25 sena Attwalment, 816-il żagħżugħ huma appoġġjati minn dan il-qasam speċifiku. Iżda peress li ż-żgħażagħ jistgħu jipparteċipaw ukoll fit-tliet oqsma l-oħra, l-għadd totali ta' parteċipanti żgħażagħ f'Momentum huwa ta' 1 353. - EUR 25 miljun ġew diretti mill-ġdid għall-programm integrat Youthreach li jipprovdi edukazzjoni, taħriġ u esperjenza ta' xogħol liż-żgħażagħ li telqu kmieni mill-iskola mingħajr kwalifiki jew taħriġ vokazzjonali. Dan se jippermetti 3 700 post ta' taħriġ sal-aħħar tal-2013. Is-Slovakkja || - B'segwitu għall-allokazzjoni mill-ġdid tal-FSE, f'Novembru 2012 tnedew żewġ proġetti nazzjonali (li jiswew EUR 70 miljun) li jappoġġjaw il-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ taħt l-età ta' 29 sena fis-setturi privati u awtonomi fir-reġjuni bl-ogħla livelli ta' qgħad (mira: 13 000 impjieg ġdid). S'issa l-implimentazzjoni tal-proġetti kienet ta' suċċess, u l-mikrointrapriżi u l-SMEs urew l-aktar interess li joffru opportunitajiet ta' xogħol liż-żgħażagħ. Sa nofs Mejju 2013, inħolqu aktar minn aktar minn 6 200 impjieg ġdid (EUR 33,1 miljun ikkuntrattati). Il-Litwanja || - Fil-Litwanja, qed jiġu implimenttai l-azzjonijiet ippjanati kollha tal-FSE. Proġett ġie ffukat mill-ġdid biex joffri programmi ta' taħriġ vokazzjonali lil madwar 6 000 żagħżugħ u żagħżugħa. Il-baġit huwa ta'madwar EUR 6 miljun. Il-proġett beda f'Awwissu 2012 u se jintemm f'Awwissu 2013. L-għadd ta' parteċipanti huwa ta' 4 851. - Proġett li jipprovdi ħiliet għall-ewwel impjieg liż-żgħażagħ ġie estiż b'baġit addizzjonali ta' EUR 6 miljun, li se jappoġġja madwar 6 000 żagħżugħ u żagħżugħa. Il-proġett beda f'Awwissu 2011 u se jintemm f'Awwissu 2013. Diġà pparteċipaw 4 382 żagħżugħ qiegħed f'dan il-proġett. - Il-Fond ta’ Promozzjoni tal-Imprenditorija (FSE EUR 14,5-il miljun) attwalment jipprovdi self u servizzi ta' taħriġ għal bidu ta' negozju u impjiegi indipendenti, u ż-żgħażagħ huma fost il-gruppi fokus ipprijoritizzati taħt din il-miżura. Ġiet approvata miżura ġdida (li tiswa EUR 3 miljun) biex tiżdied l-attrattività ta' din l-iskema ta' self għall-bidu ta' negozju u impjiegi indipendenti. - Riċentement ġiet approvata miżura ġdida oħra tal-FSE (EUR 9,3 miljun) "Sostenn għall-ewwel impjieg", li tieħu post l-iskema eżistenti ta' tnaqqis tas-sigurtà soċjali għall-ewwel impjieg permezz ta' sussidji tal-pagi. Il-proġett beda f'Awwissu 2012 u se jintemm f'Settembru 2015. L-għadd ippjanat ta' parteċipanti huwa ta' madwar 20 000. L-għadd ta' applikazzjonijiet riċevuti sat-18 ta' April 2013 huwa ta' 4 858. - Fis-17 ta' April 2013 ġiet approvata miżura ġdida li tiswa EUR 2,3 miljun, "Promozzjoni tal-impjiegi taż-żgħażagħ u l-motivazzjoni". Tnejn mill-proġetti se jiffukaw fuq il-volontarjat u s-sostenn individwali għaż-żgħażagħ vulnerabbli. Il-Latvja || - Ġew allokati EUR 11-il miljun għal diversi miżuri li jappoġġjaw liż-żgħażagħ mingħajr kwalifiki vokazzjonali u li jkunu qed ifittxu kwalifiki ġodda u orjentati lejn is-suq tax-xogħol. B'riżultat ta' dawn il-miżuri, il-proporzjoni taż-żgħażagħ qiegħda li jirċievu sostenn mill-UE se jaqbeż minn 24 % għal 40 %, filwaqt li l-għadd ta' persuni f'taħriġ vokazzjonali se jirdoppja. - Il-proġett ta' 5 snin "Il-Kisba ta' Programmi ta' Edukazzjoni Vokazzjonali, Ħiliet Bażiċi u Kompetenzi għas-Sostenn tal-Edukazzjoni u tal-Iżvilupp tal-Karrieri" huwa mmirat għat-tħejjija ta' professjonisti fil-livell sekondarju ta' ETV sabiex tiġi promossa l-kisba ta' kompetenzi vokazzjonali u ħiliet għal attivitajiet okkupazzjonali u edukazzjoni ulterjuri kif ukoll l-iffaċilitar tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Huwa qed jiġi implimentat bi sħubija mal-iskejjel tal-ETV biex jiġu pprovduti programmi ta' 12-18-il xahar għal kwalifiki professjonali tat-tieni u tat-tielet livell għal mill-inqas 4 000 persuna taħt l-età ta' 25 sena. Sal-aħħar ta' Mejju 2013, 1 372 student irċevew il-kwalifika professjonali tat-tieni u tat-tielet livell. - Fl-2013, il-miżura "Workshops għaż-żgħażagħ", ikkofinanzjata mill-FSE qed tiġi implimentata bl-objettiv li tgħin lil sa 500 żgħażugħ u żagħżugħa mill-età ta' 15-il sena sa 24 sena mingħajr edukazzjoni vokazzjonali preċedenti biex jesperjenzaw 3 professjonijiet u jagħmlu għażla ta' karriera infurmata sew (500 żagħżugħ u żagħżugħa huma mistennija li jkunu involuti). Il-Portugall || - Inizjattiva nazzjonali bl-isem ta' "Impulso Jovem" kienet tinkludi programmar mill-ġdid komprensiv tal-fondi strutturali tal-UE u se jibbenefikaw minnha 90 000 żagħżugħ u żagħżugħa sal-aħħar tal-2015. Ġew allokati mill-ġdid EUR 143 miljun mill-fondi tal-FSE biex jiġu ffinanzjati miżuri li jinkludu skemi ta' taħriġ f'setturi ekonomiċi ewlenin, kif ukoll sostenn għall-ikkuntrattar ta' persuni fl-età ta' 18-30 sena permezz ta' żburżar tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta' min iħaddem. - Fi Frar 2013, twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-programm, b'hekk tkabbru l-kriterji ta' eliġibbiltà kif ukoll ġie estiż għal reġjuni addizzjonali. Sal-aħħar ta’ Mejju, 9,676 żagħżugħ u żagħżugħa kienu koperti mill-programm s'issa. Sar trasferiment ta' EUR 10 miljun mill-Programm Operattiv tal-FEŻR tal-Madejra għall-Programm Operattiv tal-FSE korrispondenti sabiex jiġu appoġġjati l-miżuri ta' impjiegi taż-żgħażagħ bħall-iskemi ta' taħriġ u l-inċentivi tal-impjiegi. Sal-aħħar ta’ Mejju, 1,497 żagħżugħ u żagħżugħa addizzjonali kienu koperti. Spanja || - Fi Spanja, fl-2012, aktar minn EUR 286 miljun f'finanzjament tal-FSE ġew allokati mill-ġdid għal azzjonijiet marbuta maż-żgħażagħ. Minn dawn, EUR 135 miljun ġew diretti għas-servizz pubbliku tal-impjiegi biex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jsibu xogħol. L-azzjonijiet taż-żgħażagħ implimentati s'issa jinkludu skejjel li jieħdu xejra ta' workshop u workshops ta' impjiegi, b'madwar 9 500 parteċipant żagħżugħ. Dawn huma programmi mħallta ta' impjiegi u taħriġ. Barra minn hekk, ġew implimentati sussidji fil-forma ta' tnaqqis f'kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali għall-kumpaniji li jimpjegaw żgħażagħ għal 142 000 żagħżugħ. - Fir-rigward ta' EUR 50 miljun tal-FSE allokati mill-ġdid fl-2012 fil-programm Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni, miżuri biex jiġu indirizzati l-problemi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jikkonsistu l-aktar f’attivitajiet marbuta ma’ pjanijiet integrati għall-impjiegi adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ gruppi differenti, bħaż-żgħażagħ b’diżabilità, iż-żgħażagħ Rom, iż-żgħażagħ b’diffikultajiet speċjali u ż-żgħażagħ qiegħda b’livell medju ta’ prospetti ta’ impjegabbiltà. - Fit-12 ta' Marzu 2013, il-Gvern Spanjol ippreżenta l-Istrateġija għall-Intraprenditorija u l-Impjiegi għaż-Żgħażagħ 2013-2016. Din l-inizjattiva tipporvdi 100 miżura individwali biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ. L-azzjoni tindirizza liż-żgħażagħ inġenerali taħt l-età ta' 30 sena u speċjalment dawk li huma qiegħda. Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija u jiġu implimentati l-miżuri l-ġodda, ġew assenjati EUR 3,485 biljun. Uħud mill-azzjonijiet se jkunu parzjalment iffinanzjati mill-FSE matul il-perjodi ta' programmar attwali u futuri. L-Italja || - Bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni għal Koeżjoni, ġew allokati EUR 1,4 biljun għal azzjonijiet immirati għaż-żgħażagħ, fosthom Pjan għal Impjiegi għaż-Żgħażagħ fi Sqallija li jiswa EUR 452 miljun u huwa mistenni li jibbenefikaw minnu madwar 50 000 żagħżugħ u żagħżugħa, attivitajiet ta' edukazzjoni għal 65 300 student mir-reġjuni tan-Nofsinhar u 13 000 opportunità ta' mobilità ġdida. Fit-tieni fażi, ġew iddedikati EUR 620 miljun oħra għal azzjonijiet li jappoġġjaw liż-żgħażagħ u lin-NEET, fosthom is-sostenn għall-intraprenditorjat u l-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskola. - Il-FSE se jikkofinanzja wkoll il-"programm AMVA" li jiswa EUR 118 miljun biex jappoġġja l-iskemi ta' apprentistat u l-"programm FIXO" (il-promozzjoni tal-gwida u tal-kollokament tal-istudenti) li jiswa EUR 36 miljun. Il-Greċja || - B'segwitu għall-ipprogrammar mill-ġdid estensiv fl-aħħar tal-2012, f'Jannar 2013 ġie approvat pjan ta' azzjoni għaż-żgħażagħ nazzjonali b'finanzjament mill-UE ta' EUR 517 miljun. Il-pjan huwa maħsub li jippromwovi l-impjiegi, it-taħriġ u l-intraprenditorjat taż-żgħażagħ u jimmira għal kważi 350 000 żagħżugħ u żagħżugħa. Qed jiġi allokat sostenn addizzjonali ta' EUR 1,2 biljun biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' likwidità skont l-aħħar eżerċizzju ta' programmar mill-ġdid. Skont l-aħħar informazzjoni mill-awtoritajiet Griegi, l-inizjattivi l-ġodda inklużi fil-pjan ta' azzjoni għaż-żgħażagħ adottat li diġà bdew (madwar EUR 47 miljun) jinkludu l-impjieg temporanju ta’ żgħażagħ qiegħda (sa 35 sena) fi programmi ta’ ħidma fil-Komunità fis-settur kulturali kif ukoll l-għoti ta’ sostenn għal strutturi soċjali li għandhom l-għan li jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali għar-reklutaġġ ta’ żgħażagħ qiegħda. - Barra minn hekk, qed titnieda l-implimentazzjoni tal-iskemi li ġejjin mill-pjan ta' azzjoni (madwar EUR 146 miljun): a) “vawċer għad-dħul fis-suq tax-xogħol” li jabbina t-taħriġ ma' kollokament f'impjieg ta' ħames xhur f'negozji u jimmira għal 45 000 żagħżugħ u żagħżugħa qiegħda sal-età ta' 29 sena; b) taħriġ teoretiku u fuq il-post tax-xogħol għal 1 000 baħri żagħżugħ qiegħed sal-istess limitu ta' età. [1] COM(2013) 144 finali [2] It-tnaqqis tal-livell limitu għar-reġjuni b'rati
ta' qgħad fost iż-żgħażagħ li jaqbżu
l-20 % u li jestendu s-sostenn tagħhom għall-grupp ta' età bejn
il-25 u d-29 sena jnaqqas b'aktar min-nofs il-livell ta' sostenn għal kull
NEET minn EUR 1360 għal EUR 560, u dan l-effett jagħmel
ħsara kbira lill-effettività ta' dawn l-interventi.