52013DC0407

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa /* COM/2013/0407 final */


Werrej

1........... L-Industrija tal-Azzar fl-Ewropa. 3

2........... Is-Suq Globali għall-Azzar u l-Iżviluppi Teknoloġiċi 3

2.1........ Xejriet prinċipali fis-suq dinji 3

2.2........ Xpruni u sfidi teknoloġiċi prinċipali 4

3........... Ilħuq tal-isfidi – Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Azzar 5

3.1........ Il-qafas regolatorju korrett 6

3.2........ Żieda fid-domanda għall-azzar 7

3.3........ Kundizzjonijiet ekwi fuq livell internazzjonali 8

Aċċess għall-materja prima. 9

Kummerċ. 11

3.4........ Politiki dwar l-enerġija, il-klima, ir-riżorsi u l-effiċjenza enerġetika sabiex tittejjeb il-kompetittività  13

Prezzijiet u provvista affordabbli tal-enerġija. 13

Indirizzar ta’ kwistjonijiet relatati mal-politika dwar il-klima. 15

Żgurar tal-komparabilità globali 16

Is-settur tal-azzar bħala kontributur għall-miri dwar il-klima u l-effiċjenza tar-riżorsi 16

3.5 ....... Innovazzjoni 19

3.6 ....... Id-dimensjoni soċjali: ir-ristrutturar u l-ħtiġijiet ta’ ħiliet 21

4........... Konklużjonijiet 24

1.           L-Industrija tal-Azzar fl-Ewropa

Settur tal-azzar b’saħħtu u kompetittiv huwa importanti għall-bażi industrijali tal-Ewropa. L-UE hija t-tieni l-akbar produttur tal-azzar fid-dinja, bi produzzjoni ta’ aktar minn 177 miljun tunnellata fis-sena, li jammontaw għal 11% tal-produzzjoni globali. L-azzar jifforma parti wkoll minn għadd ta’ katini tal-valur industrijali u huwa marbut mill-qrib ma’ bosta setturi industrijali downstream bħall-karozzi, il-kostruzzjoni, l-elettronika u l-inġinerija mekkanika u elettrika. Huwa għandu dimensjoni transkonfinali sinifikanti: 500 sit tal-produzzjoni huma maqsuma bejn 23 Stat Membru, li jagħmlu industrija tassew Ewropea.

Illum, is-settur tal-azzar Ewropew jinsab f’sitwazzjoni diffiċli ħafna. Is-sitwazzjoni ekonomika preżenti wasslet għal tnaqqis ċar fl-attività tal-manifattura u fid-domanda assoċjata għall-azzar, li baqgħet 27% aktar baxxa mil-livelli ta’ qabel il-kriżi[1]. Minħabba f’hekk, diversi siti tal-produzzjoni għalqu jew naqqsu l-produzzjoni b’telf korrispondenti tal-impjiegi, biex f’dawn l-aħħar snin intilfu sa 40 000 impjieg. Għalhekk il-pressjoni sabiex issir ristrutturazzjoni u titnaqqas il-kapaċità tal-produzzjoni se tibqa’ waħda mill-isfidi prinċipali għal din l-industrija fil-futur prevedibbli.

B’mod sinifikanti, il-kapaċità żejda mhijiex biss problema Ewropea. Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-azzar hija mistennija li tkompli tiżdied fis-sentejn li ġejjin[2] bl-OECD tistma li sal-2014 b’mod globali din se tiżdied b’118-il miljun tunnellata għal livell ta’ 2 171 miljun tunnellata. L-industrija tal-azzar Ewropea sabet ruħha bl-effetti simultanji ta’ domanda baxxa u kapaċità żejda f’suq tal-azzar globalizzat filwaqt li fl-istess ħin trid tiffaċċja prezzijiet għoljin tal-enerġija u trid tinvesti sabiex taġġusta għat-teknoloġija ekoloġika u tipproduċi prodotti innovattivi..

Il-Kummissjoni tikkunsidra essenzjali li l-Ewropa tibqa’ reġjun importanti ta’ produzzjoni tal-azzar għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali kif ukoll għas-sigurtà tal-provvista. Wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 dwar il-Politika Industrijali[3], li tfittex li treġġa’ lura d-deterjorament tal-industrija fl-Ewropa mil-livell preżenti tagħha ta’ 15.2% tal-PDG għal 20% sal-2020, il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2013 ikkonkluda li se jsegwi l-ħidma tal-Kummissjoni dwar setturi industrijali speċifiċi. Din il-Komunikazzjoni tirrappreżenta r-risposta tal-Kummissjoni għall-kriżi fis-settur tal-azzar u tistabbilixxi azzjonijiet mmirati sabiex ikun żgurat li l-ambjent operattiv iwassal għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli, sabiex hija tkun kapaċi ssolvi l-problemi strutturali li tiffaċċja, tikkompeti b’mod globali u tiżviluppa l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ prodotti tal-azzar li huma vitali għal industriji Ewropej ewlenin oħra.

2.           Is-Suq Globali għall-Azzar u l-Iżviluppi Teknoloġiċi

2.1.        Xejriet prinċipali fis-suq dinji

Mill-2000 ’l hawn is-suq dinji għall-azzar kiber, xprunat mill-industrijalizzazzjoni ta’ pajjiżi emerġenti.

L-isforzi għall-industrijalizzazzjoni fl-Asja għamluh ir-reġjun bl-akbar produzzjoni u domanda għall-azzar fid-dinja. Iċ-Ċina issa tiddomina l-produzzjoni globali tal-azzar: din kienet tammonta għal 39% tal-produzzjoni tal-azzar mhux maħdum tal-Asja fl-2000; din telgħet għal 71% fl-2012. Din iż-żieda fil-produzzjoni wasslet għal kapaċità żejda domestika Ċiniza u biddlet il-pajjiż minn importatur nett – għall-akbar esportatur tal-azzar fid-dinja. L-industrija tal-azzar Ċiniża issa tammonta għal kważi 50%[4] tal-produzzjoni tal-azzar globali.

Fl-Istati Uniti, iż-żieda fil-produzzjoni tal-gass tax-shale tejbet il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-US fir-rigward tal-kostijiet tal-enerġija u hija waħda mir-raġunijiet prinċipali għaliex qed jiġu attirati investimenti ġodda fis-settur tal-azzar. Dan jista’ jissenjala bidla għal dan is-settur, u l-Istati Uniti tista’ ma ddumx ma ssir esportatur nett tal-azzar[5], u b’hekk tkompli żżid il-provvista żejda fis-swieq globali.

Barra minn hekk, xi pajjiżi ġirien (Ir-Russja, l-Ukraina u t-Turkija) tejbu b’mod sostanzjali l-kapaċità ta’ produzzjoni tal-azzar tagħhom u żiedu l-abilità tagħhom li jfornu lis-suq tal-azzar tal-UE. Iżda ż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni f’ħafna pajjiżi mhijiex akkumpanjata minn ftuħ tas-swieq. Fil-fatt hemm tendenza dejjem tiżdied li jiġu protetti l-produtturi domestiċi tal-azzar fis-snin l-imgħoddija bħall-Brażil u l-Indja[6]. Miżuri bħal dawn ixekklu l-iżvilupp ta’ suq globali tal-azzar ibbażat fuq kundizzjonijiet ekwi.

F’dan il-kuntest diffiċli l-industrija tal-azzar tal-UE rnexxielha żżomm il-livell tal-esportazzjonijiet tagħha. Mill-2010 l-esportazzjonijiet tal-UE żdiedu u l-UE kellha bilanċ kummerċjali favorevoli għal dawn l-aħħar erba’ snin. Il-bilanċ kummerċjali favorevoli għall-2012 kien ta’ 16,2 miljun tunnellata (jew 20 biljun euro)[7].

L-aċċess ġust għal materja prima primarja u sekondarja kif ukoll it-trasport marittimu tagħha, b’kundizzjonijiet tas-suq kompetittivi huma wkoll kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli tal-industrija tal-azzar.

2.2.        Xpruni u sfidi teknoloġiċi prinċipali

L-azzar huwa probabbli li jibqa’ materjal ewlieni ta’ għażla fil-kostruzzjoni u l-manifattura. Madankollu, numru ta’ xejriet fit-teknoloġija tal-produzzjoni tal-azzar u fl-użu tal-azzar jistgħu jaffettwaw id-domanda għall-azzar. Wieħed jista’ jistenna li d-disinn kollaborattiv u l-innovazzjoni fil-proċessi jkunu l-ixpruni ewlenin għal dawn ix-xejriet. Dan huwa qasam fejn l-Ewropa tista’ tassumi rwol ta’ tmexxija.

Mil-lat tad-domanda, il-bini ta’ impjanti tal-enerġija, inklużi l-wind farms fuq l-art u lil hinn mill-kosta, it-trażmissjoni tal-enerġija, id-djar u s-settur tat-trasport se jkomplu jipprovdu opportunitajiet għal prodotti tal-azzar innovattivi.

Iż-żieda fil-valur miżjud tal-prodotti tal-azzar, inklużi tubi u pajpijiet, hija mod biex il-produtturi tal-azzar jagħżlu lilhom infushom mill-kompetituri u jżidu l-kompetittività tagħhom. Madankollu, kif jissottolinja studju riċenti tal-OECD[8], il-prodotti tal-azzar b’valur miżjud għoli xorta jammontaw għal proporzjon limitat mid-domanda għall-azzar billi hemm kompetizzjoni qawwija f’dan is-segment. Barra minn hekk, din il-produzzjoni teħtieġ proċessi għaljin għall-irrumblar tal-azzar u investiment qawwi fir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż).

Mil-lat tal-produzzjoni, filwaqt li l-innovazzjoni tibqa’ fundamentali għall-iżvilupp ta' prodotti ġodda u swieq u għaż-żieda fl-effiċjenza, l-aċċess għal u l-prezzijiet tal-materja prima se jiddeterminaw, fost l-oħrajn, ix-xejriet futuri u fir-rigward ta' Ewropa dipendenti fuq l-importazzjoni dawn ix-xejriet fil-prezzijiet jidhru li se jkomplu. Rigward il-materja prima neċessarja biex jiġi prodott l-azzar, is-sostituzzjoni ta’ minerali tal-ħadid verġni bi skart riċiklat (żieda fis-sehem tal-Forn tal-Ark Elettriku (EAF)) u s-sostituzzjoni tal-faħam tal-kokk bil-gass (użu ta’ ħadid miksub b’riduzzjoni diretta (DRI)) jistgħu jkunu xejriet teknoloġiċi deċiżivi tal-ġejjieni.

Il-politiki dwar il-klima u l-effiċjenza tar-riżorsi se jkunu xprun importanti ieħor għall-bidliet fit-teknoloġija. Fuq terminu qasir, iż-żieda fl-użu ta’ skart riċiklat u t-tixrid tal-aħjar tekniki disponibbli (BAT) jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet importanti sabiex jintlaħqu l-miri tal-politika dwar it-tibdil fil-klima u jiżdied l-użu sostenibbli tar-riżorsi skarsi.

Studju riċenti mill-Kummissjoni[9] wera li l-inkorporazzjoni tal-BATs minn issa sal-2022 tipprovdi biss tnaqqis żgħir fil-konsum dirett totali tal-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2 jekk jiġi preżunt li jkunu applikati kundizzjonijiet stretti ta’ investiment (perjodi qosra ta’ ħlas lura). Madankollu, studju ta’ segwitu[10] ieħor jissuġġerixxi li, b’perjodi itwal ta’ ħlas lura jista’ jkun hemm potenzjal akbar ta’ tnaqqis sal-2030. Lil hinn minn hekk, ikunu meħtieġa riċerka u dimostrazzjoni b’suċċess sabiex tittejjeb aktar il-kompetittività tal-kostijiet ta’ dawn il-BATs.

Huwa mistenni titjib inkrimentali f’termini ta’ effiċjenza enerġetika fuq perjodu ta’ żmien qasir u medju. It-teknoloġiji li qed jintużaw bħalissa diġà għaddew minn titjib sinifikanti[11] u l-impjanti li jużaw l-aħjar teknoloġiji diġà qed joperaw qrib il-limiti termodinamiċi tagħhom. Minkejja dan, xorta baqa’ xi oqsma fejn jista’ jinkiseb titjib sabiex l-industrija ssir aktar reżiljenti għall-kostijiet tal-enerġija. Bit-tnaqqis tal-kostijiet ta' produzzjoni, l-effiċjenza enerġetika mtejba tista' teħtieġ investimenti inizjali ogħla u għaldaqstant il-politiki għandhom jiġu implimentati b’mod li jikkunsidraw l-impatt fuq il-kompetittività. Għalhekk, il-Kummissjoni se timmonitorja s-setturi li huma kkunsidrati bħala esposti għal riskju sinifikanti ta’ tnixxija tal-karbonju sabiex tassigura li d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn is-setturi[12].

Hija kruċjali t-turija b’suċċess ta’ teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 inkluż il-ġbir u l-ħżin industrijali tal-karbonju (CCS). Qabel ma wieħed jgħaddi għall-fażi tal-implimentazzjoni hemm sfidi li jridu jiġu megħluba bħall-kostijiet għoljin u l-għarfien u l-aċċettazzjoni tal-pubbliku, kif spjegat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Futur tal-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa[13].

3.           Ilħuq tal-isfidi – Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Azzar

Sabiex jiġu identifikati u valutati l-isfidi li qiegħda tiffaċċja l-industrija tal-azzar, f’Lulju 2012 twaqqfet Roundtable ta’ Livell Għoli (HLR) mill-Viċi President u l-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, f’kooperazzjoni mal-Kummissarju għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.[14] L-HLR serviet bħala pjattaforma għad-djalogu bejn il-Kummissjoni, il-kapijiet eżekuttivi tal-industrija u t-trejdjunjins. Għal dawn il-laqgħat attendew ukoll rappreżentanti mill-Istati Membri prinċipali produtturi tal-azzar u mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni issa qiegħda tipproponi li jiġu indirizzati l-isfidi prinċipali li qegħdin jaffettwaw il-kompetittività tal-industrija tal-azzar tal-UE kif ġej:

3.1.        Il-qafas regolatorju korrett

Il-leġislazzjoni Ewropea hija essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-funzjonament korrett tas-suq intern, biex l-investitur isib ċertezza u prevedibilità u jkun hemm kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd.

F’konformità mal-aġenda tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Intelliġenti[15], il-leġislazzjoni tal-UE trid tkun effettiva u effiċjenti fil-ksib tal-objettivi tagħha. Il-Kummissjoni hija determinata li tidentifika piżijiet żejda, inkonsistenzi, lakuni jew miżuri mhux effettivi.

Barra minn hekk, l-effetti kumulattivi tad-diversi politiki u tal-leġislazzjoni jista’ jkollhom impatt fuq il-kapaċità tan-negozji li jiġġeddu u li jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment. Fuq tul ta’ żmien medju dan jista’ jsaħħaħ il-kompetittività. Madankollu, il-kompetituri fis-suq globali jibbenefikaw minn kundizzjonijiet qafas aktar favorevoli, huma jistgħu jwasslu wkoll għal tnaqqis fl-investimenti u telf fis-sehem mis-suq li jwasslu għall-għeluq jew delokalizzazzjoni.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qiegħda twettaq valutazzjoni kumulattiva tal-kostijiet dwar setturi speċifiċi bħall-azzar u l-aluminju. Billi tuża l-istrumenti kollha fi ħdan is-sett ta’ għodod tagħha, il-Kummissjoni qiegħda tirrinforza wkoll l-analiżi tagħha tal-impatti tal-proposti ġodda ta’ politika tagħha fuq il-kompetittività bl-użu tal-"ittestjar tal-kompetittività"[16] fil-kuntest tal-valutazzjonijiet ex-ante tagħha tal-impatt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda twettaq "Kontrolli tal-idoneità" bħala evalwazzjonijiet komprensivi tal-politika sabiex tivvaluta jekk il-qafas regolatorju għal settur ta’ politika huwiex adatt għall-iskop tiegħu. Dawn is-sejbiet se jservu bħala input sabiex jinstiltu konklużjonijiet dwar politika u oqfsa regolatorji futuri.

Il-qafas regolatorju għandu jitfassal b’mod intelliġenti u ambizzjuż sabiex ikun xprun ewlieni għall-innovazzjoni, b’mod partikolari meta jintużaw approċċi dinamiċi u bbażati fuq is-suq. Miri ambjentali aktar stretti, l-użu ta’ regoli armonizzati, l-istandards u l-akkwist pubbliku jistgħu wkoll jipprovdu spinta importanti għall-innovazzjoni[17].

L-istandards Ewropej jistgħu jippromwovu wkoll il-produzzjoni sostenibbli ta’ prodotti tal-kostruzzjoni magħmulin mill-azzar. L-industrija tal-azzar diġà qiegħda tiżviluppa l-Marka tal-Prodotti tal-Kostruzzjoni magħmulin mill-Azzar – SustSteel. SustSteel għandha l-għan li tippromwovi s-sostenibbiltà b’mod ġenerali, u fil-produzzjoni tal-prodotti tal-kostruzzjoni magħmulin mill-azzar b’mod partikolari.  Jekk tiġi applikata b'mod tajjeb u kredibbli se jkollha l-potenzjal li żżid is-sehem mis-suq ta’ tali prodotti sostenibbli Ewropej tal-kostruzzjoni magħmulin mill-azzar. Dan għandu jitqies mill-Istati Membri u jista’ jkollu bżonn attivitajiet speċifiċi ta’ standardizzazzjoni.

It-tħassib regolatorju huwa preżenti wkoll fl-Istati Membri. F’xi wħud, l-evażjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud fis-suq domestiku tal-azzar taffettwa negattivament il-kundizzjonijiet operattivi għall-produtturi tal-azzar. Minħabba f’hekk, huma jsofru minn kompetizzjoni inġusta mis-suq iswed. F’ħafna każijiet dan iġiegħel lill-kumpaniji jillimitaw il-produzzjoni jew iwaqqfu l-fabbriki. F’xi Stati Membri minħabba l-evażjoni ta’ din it-taxxa partikolari, il-produzzjoni u l-bejgħ tal-virgi tal-azzar għar-rinfurzar tal-konkrit naqsu bi 15% fl-2012 u din is-sena diġà naqsu bi 30%[18].

Il-Kummissjoni se: – tiffinalizza l-valutazzjoni kumulattiva tal-kostijiet għas-settur tal-azzar fl-2013 sabiex tivvaluta l-piż regolatorju globali, – tkompli tivvaluta l-impatti ta’ inizjattivi ġodda li jistgħu jkunu mistennija li jkollhom influwenza kbira fuq il-kompetittività tal-industrija tal-azzar fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha, inkluż l-użu tal-ittestjar tal-kompetittività, kif xieraq, – teżamina l-potenzjal ta’ SustSteel li żżid is-sehem mis-suq tal-prodotti tal-kostruzzjoni sostenibbli Ewropej magħmulin mill-azzar. Imbagħad tista’ titlob attivitajiet ta’ standardizzazzjoni speċifiċi, – tinvestiga, flimkien mal-Istati Membri, inizjattivi possibbli kontra s-suq illegali tal-UE għall-prodotti tal-azzar, inkluża l-evażjoni tal-VAT. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex: – itejbu s-sostenibbiltà tal-prodotti tal-kostruzzjoni magħmulin mill-azzar billi jisfruttaw il-possibbiltà li jintroduċu SustSteel.

3.2.        Żieda fid-domanda għall-azzar

L-industrija dinjija tal-azzar attwalment għandha madwar 542 miljun tunnellata ta’ kapaċità żejda. Minn din, kważi 200 miljun tunnellata jinsabu fiċ-Ċina[19]. Attwalment, il-kapaċità żejda fl-UE hija stmata għal madwar 80 miljun tunnellata, meta mqabbla mal-kapaċità totali ta’ produzzjoni tal-UE ta’ 217-il miljun tunnellata. Jekk il-kapaċità tal-produzzjoni tal-azzar tibqa’ kostanti wara l-2014, jistgħu jkunu meħtieġa minn ħames sa seba’ snin biex id-domanda tilħaq il-kapaċità, jekk id-domanda tiżdied bir-rati ta’ tkabbir preżenti.

Fl-UE, id-domanda għall-azzar tiddependi fuq l-istatus ekonomiku u finanzjarju ta’ numru żgħir ta’ industriji ewlenin li jużaw l-azzar – pereżempju s-settur tal-kostruzzjoni u s-settur awtomobilistiku huma responsabbli għal sehem kombinat ta’ madwar 40% tad-domanda għall-azzar. L-industriji tal-inġinerija kif ukoll it-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) ukoll huma xpruni importanti għall-prosperità tal-industrija tal-azzar. Il-kriżi finanzjarja madankollu kellha impatt negattiv sostanzjali fuq dawn l-industriji. Sabiex ikun assigurat l-irkupru ta’ dawn is-setturi, huwa importanti li jiġu implimentati l-inizjattivi preżenti tal-UE sabiex jappoġġaw is-settur tal-kostruzzjoni u dak awtomobilistiku bil-għan li tiżdied is-sostenibbiltà tagħhom, u l-effiċjenza fir-riżorsi u l-enerġija. Aktar miżuri orjentati lejn it-tkabbir se jistimulaw il-konsum tal-azzar.

Il-Kummissjoni se: – tkompli tippromwovi s-setturi prinċipali li jużaw l-azzar, b’mod speċifiku permezz tal-inizjattiva ‘CARS 2020’[20], li fost ħwejjeġ oħra tistimula d-domanda għal vetturi li jaħdmu bi fjuwil alternattiv[21] u permezz tal-inizjattiva tal-Kummissjoni ‘Kostruzzjoni Sostenibbli’[22] sabiex iżżid l-effiċjenza enerġetika u tar-riżorsi tinkoraġġixxi r-rinnovament tal-bini.

3.3.        Kundizzjonijiet ekwi fuq livell internazzjonali

L-UE hija suq miftuħ. Iżda ħafna drabi l-pajjiżi produtturi tal-azzar li mhumiex membri tal-UE jużaw restrizzjonijiet jew distorsjonijiet tal-kummerċ biex jagħtu vantaġġi artifiċjali lill-industriji tal-azzar tagħhom. Dawn il-miżuri restrittivi jinkludu ostakoli tariffarji, miżuri mhux tariffarji (relatati b’mod partikolari ma’ regolamenti tekniċi u proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità), inċentivi għall-esportazzjoni u sussidji kif ukoll restrizzjonijiet fuq tipi differenti ta' materja prima għall-produzzjoni tal-azzar.

L-UE tindirizza l-ostakoli kummerċjali u l-prattiki inġusti billi timplimenta bil-forza l-istrateġija tas-suq tagħha bil-ħsieb li ġagħal li jkun hemm impenji internazzjonali u li tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-UE fis-settur tal-azzar.

Permezz ta' netwerk effettiv u għodda ta' monitoraġġ xierqa – l-UE identifikat l-ostakoli kummerċjali ewlenin tas-swieq ta' pajjiżi terzi li mbagħad kienu fil-mira permezz ta' strumenti xierqa ta' infurzar. Fost xi eżempji ta' prattiki bħal dawn elenkati fid-dejtabajż tal-UE dwar l-aċċess għas-swieq hemm l-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet ta' esportazzjoni u dazji ta' esportazzjoni  fuq il-materja prima fl-Indja, iċ-Ċina, il-Federazzjoni Russa u l-Eġittu – fost oħrajn – li jikkontribwixxu biex jgħollu mingħajr bżonn l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-azzar fl-UE. Tipi oħra ta' ostakoli fis-swieq ta' pajjiżi terzi għandhom fil-mira l-prodotti tal-UE billi jimponu proċeduri ta' liċenzjar eċċessivi jew rekwiżiti li fl-aħħar mill-aħħar ifixklu l-esportazzjonijiet tal-azzar – din il-prattika nstabet l-aktar fis-swieq tal-Indja kif ukoll tal-Indoneżja. Biex tiġi protetta l-industrija lokali kontra l-kompetizzjoni mill-UE speċjalment fiċ-Ċina u l-Istati Uniti rispettivament intużaw strateġiji ta' investimenti limitati fis-setturi lokali tal-azzar kif ukoll preferenzi fir-rigward tax-xiri pubbliku għal dawn is-setturi.

Biex tlaħħaq ma' dawn l-isfidi, l-UE timpenja ruħha ma' dawn l-imsieħba permezz ta' reazzjonijiet imwieżna bir-reqqa fil-qafas tal-istrateġija dwar l-aċċess għas-suq. Ir-rekwiżiti obbligatorji ta' ċertifikazzjoni tal-Indja dwar ċerti prodotti tal-azzar pereżempju ġew derogati wara l-intervent tal-UE mal-awtoritajiet tal-Indja filwaqt li kontra ċ-Ċina kellhom jitniedu każijiet ta' soluzzjoni ta' tilwim dwar materja prima ewlenija bħall-koka biex tiġi żgurata provvista mingħajr qtugħ ta' dan il-prodott għas-settur tal-azzar tal-UE. Sadattant, l-UE tkompli tindirizza l-ostakoli li fadal permezz ta' netwerk żviluppat sewwa ta' fora ta' konsultazzjoni magħrufa bħala Gruppi ta' Kuntatt dwar l-Azzar mal-Federazzjoni Russa, iċ-Ċina, l-Istati Uniti iżda wkoll il-Ġappun, l-Indja u l-Brażil. Apparti dak li jista' jiġi negozjat fil-qafas tad-diskussjonijiet dwar il-Kummerċ Ħieles, jew dak li jista' jiġi indirizzat b'mod effettiv permezz tal-attivitajiet tal-gruppi ta' ħidma tad-WTO, dawn il-Gruppi ta' Kuntatt iservu bħala skambji utli biex jiġu identifikati u eliminati l-ostakoli li l-industrija tal-UE għadha qed tiffaċċja f'dawn is-swieq li qed jespandu.  

Sfida oħra ewlenija li l-industrija tal-azzar trid tiffaċċja, l-aktar fil-kuntest tal-kapaċità żejda ta' produzzjoni tal-azzar mad-dinja kollha, huwa l-użu possibbli ta' prattiki kummerċjali mhux ġusti f'pajjiżi terzi bl-għan li jesportaw  il-produzzjoni żejda bis-saħħa ta' aġir kummerċjali predatorju. Il-Kummissjoni tindirizza din l-isfida permezz tal-applikazzjoni tal-Istrumenti għad-Difiża tan-Negozju (TDI) tagħha. Fl-2012 tnedew ħdax-l investigazzjoni ġdida dwar il-prodotti tal-azzar mill-Kummissjoni Ewropea wara ilmenti mill-industrija dwar dawn il-prattiki kummerċjali mhux ġusti. Bi tqabbil mas-sena ta' qabel din hija żieda netta u hija prova kemm tal-importanza tal-problema kif ukoll tad-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tikkonfronta dawn il-prattiki bla rażan. F'dan il-proċess il-Kummissjoni trid tibqa' viġilanti fir-rigward tal-użu tal-istrumenti għad-difiża tan-negozju ta' imsieħba oħra li jista' jkun ukoll mezz biex jiġi limitat b'mod mhux xieraq l-ammont u s-sehem tas-suq tal-esportazzjonijiet tal-UE għall-protezzjoni tal-produtturi lokali. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni timpenja ruħha regolarment mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi biex tiżgura li r-regoli tad-WTO dwar is-salvagwardji, il-miżuri kompensartorji u l-proċeduri ta' anti-dumping procedures jiġu rrispettati kif xieraq.

B'mod ġenerali, il-miżuri restrittivi li jaffettwaw il-kompetittività tal-produtturi tal-azzar tal-UE jeħtieġu li l-UE tkompli tapplika b'determinazzjoni l-istrateġija tagħha ta' aċċess għas-swieq biex tiżgura kompetizzjoni internazzjonali ġusta u kundizzjonijiet ekwi għall-industrija Ewropea.

              Aċċess għall-materja prima

Bħal ħafna industriji oħra tal-manifattura, il-produzzjoni tal-azzar tiddependi fuq riżorsi li huma skarsi fl-Ewropa. Il-fran tal-blast jeħtieġu minerali tal-ħadid u faħam tal-kokk ta’ kwalità tajba. Il-prezzijiet tal-minerali tal-ħadid żdiedu b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin[23] minħabba d-domanda qawwija minn ekonomiji emerġenti. Id-domanda aktar baxxa għall-faħam fl-Istati Uniti, ikkawżata mill-‘isplużjoni’ tal-gass tax-shale, ħolqot pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet tal-faħam fl-UE li kkontribwiet għal prezzijiet aktar baxxi tal-faħam tal-kokk, li wasslu għal żieda fl-użu tal-faħam fl-UE.

L-azzar jista' jerġa' jiġi riċiklat għal bosta drabi mingħajr ma jintilfu l-karatteristiċi ewlenin tiegħu bħas-saħħa, id-duttilità jew il-formabilità. Ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-azzar mhux ikkontaminat jista' jagħmel tajjeb għal aktar minn 1,200 kg ta' minerali tal-ħadid, 7kg ta' faħam u 51kg ta' ġir għal kull tunnellata ta' skart tal-azzar li tintuża[24]. Li tipproduċi l-azzar mill-iskart tal-azzar minflok mill-minerali tal-ħadid ifisser tnaqqis tal-input enerġetiku b'madwar 75%, u ffrankar ta' inputs ta' materja prima b'madwar 90%[25]. Fid-dawl tal-isfidi tal-Ewropa li jkollha aċċess għall-enerġija u l-materja prima bi prezz baxx huwa loġiku li jintuża kemm jista' jkun l-ammont ta' azzar li jiġi mill-iskart minħabba raġunijiet ekonomiċi. Il-motivazzjonijiet ambjentali għandhom piż ukoll peress li l-produzzjoni mill-iskart iġġib tnaqqis qawwi ta' tniġġis tal-arja (madwar 86%), ta' użu tal-ilma (40%) tniġġis ta' ilma (76%) u skart tal-minjieri (97%)[26]. Tunnellata ta' azzar prodotta mill-iskart tnaqqas il-produzzjoni tas-CO2 b'231 tunnellata bi tqabbil mal-minerali tal-ħadid.

Iż-żieda tal-ammont ta' skart riċiklat fl-Ewropa se teħtieġ l-ewwel nett swieq ta' metalli sekondarji li jiffunzjonaw aħjar. Dan se jkun jiddependi fuq il-kost tal-irkupru tal-metalli li jinsabu fi strutturi abbandunati, prodotti mormija u flussi oħrajn ta' skart u kif jikkumpara mal-prezzijiet ta' metalli primarji[27]. Biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, id-disinn tal-prodott ekokompatibbli għandu jinkorpora l-faċilità ta' żmuntaġġ u s-separazzjoni tal-komponenti kollha tal-azzar. Jekk ir-riċiklaġġ jiżdied kemm jista' jkun, ikun hemm aktar azzar fiċ-ċirkolazzjoni[28]. Id-Direttiva tal-Ekodisinn[29] tippermetti l-possibilità li jiġu stabbiliti rekwiżiti dwar ir-riċiklabilità u l-iżmuntaġġ ta' prodott b'mod kost effettiv, u dan jista' jikkontribwixxi biex jiġi żgurat aċċess aħjar għal skart ta' metalli ta' kwalità għolja.

Id-domanda għall-azzar irriċiklat diġà ngħatat spinta bis-saħħa ta' fiduċja akbar fil-kwalità tiegħu li rriżultat mit-twaqqif tal-kriterji li jiddeterminaw meta l-ħadid u l-azzar ma jibqgħux jitqiesu aktar bħala skart[30].

Jeħtieġ li jsir aktar biex tinstab soluzzjoni għall-problema tal-esportazzjonijiet illegali tal-iskart li qed iwasslu għal telf ta' materja prima ta' valur għall-ekonomija Ewropea. Il-Kummissjoni se tressaq proposti biex jiġu indirizzati dawn l-esportazzjonijiet illegali permezz tat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati Membri li jwettqu kontrolli skont ir-Regolament dwar il-Kunsinni tal-Iskart[31]. Jeħtieġ li jkun hemm ukoll aktar ħidma dwar il-monitoraġġ tal-movimenti tal-iskart.Meta jiġu kkunsidrati l-metodi tal-produzzjoni, għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-effiċjenza tar-riżorsi u l-impatt fuq il-klima. Madwar 40% tal-produzzjoni tal-azzar fl-UE tiġi minn Fran tal-Ark Elettriku li jippermettu li l-azzar jiġi prodott minn 100% skart tal-ħadid riċiklat. Filwaqt li din it-tip ta’ produzzjoni tuża ħafna enerġija, l-użu tal-iskart bħala l-materja prima prinċipali jirrendiha effiċjenti fir-riżorsi. Billi tirriżulta wkoll f’emissjonijiet aktar baxxi ta’ karbonju meta mqabbla mal-produzzjoni primarja tal-azzar mill-minerali, din it-tip ta’ produzzjoni għandha tiġi inkoraġġita. Madankollu, biex isir dan huwa neċessarju li jkun hemm skart ta’ kwalità tajba, miksub f’kundizzjonijiet ambjentalment aċċettabbli. L-istrateġija dwar il-materja prima[32] tal-Kummissjoni tistabbilixxi l-qafas xieraq li taħtu għandu jiġi segwit dan l-objettiv.

Sabiex tassigura monitoraġġ xieraq, il-Kummissjoni identifikat lista ta’ 14-il materja prima kritika li huma kemm ekonomikament importanti kif ukoll soġġetti għal riskju ogħla ta’ interruzzjoni tal-provvista, fost l-oħrajn minħabba l-oriġini ġeografika tal-materjal. Ir-riskju tal-provvista jista’ jkun aċċentwat ukoll mis-sostitwibbiltà baxxa u r-rati baxxi ta’ riċiklaġġ tal-materja prima nnifisha. Din il-lista li tinkludi diversi materjali meħtieġa għall-produzzjoni tal-ligi tal-azzar se tiġi riveduta fl-2013 u l-faħam tal-kokk se jiġi kkunsidrat għall-inklużjoni.

              Kummerċ

Il-kummerċ huwa importanti ħafna għall-azzar. Minħabba r-rwol indispensabbli tal-kummerċ bħala xprun tat-tkabbir ekonomiku fis-suq globalizzat tal-azzar, il-Kummissjoni tappoġġja bis-sħiħ il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ internazzjonali taħt l-umbrella tad-WTO.

Fuq livell bilaterali, in-negozjati ta’ ftehimiet kummerċjali, b’mod partikolari l-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTAs) huma strument importanti ieħor sabiex jinkisbu kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE kemm f’termini tal-aċċess għas-swieq kif ukoll għall-materja prima f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta. Sabiex jiġi valutat l-impatt ġenerali li dawn il-ftehimiet għandhom fuq l-industriji tal-UE u fuq l-ekonomija tal-UE, kull ftehim kummerċjali huwa soġġett għal analiżi tal-konsegwenzi tat-tranżazzjoni proposta, għall-UE, ladarba jiġu konklużi n-negozjati, kif ukoll il-valutazzjoni ex-ante tal-impatt li ssir qabel ma jiġu adottati d-direttivi ta’ nnegozjar, u l-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibbiltà li ssir waqt in-negozjati kummerċjali.

L-informazzjoni statistika hija importanti għas-settur, billi tippermetti analiżi rapida tax-xejriet dejjem aktar volatili fl-importazzjoni tal-azzar u li jittieħdu l-inizjattivi neċessarji fuq bażi fattwali b’saħħitha.

Xenarju ta’ żieda fl-importazzjonijiet ikun aktar probabbli jekk il-kapaċitajiet żejda tal-produzzjoni madwar id-dinja jkomplu jiżdiedu, fatt li jinkoraġġixxi l-użu tas-sussidji u d-dumping sabiex jintużaw il-kapaċitajiet żejda globali. Sal-aħħar tal-2012, sistema awtomatika bbażata fuq il-liċenzji (sorveljanza minn qabel)[33] kienet tipprovdi informazzjoni f’waqtha dwar l-importazzjonijiet futuri tal-azzar. Wara l-iskadenza tas-sistema awtomatika bbażata fuq il-liċenzji, l-UE se tibqa’ viġilanti u se tkompli timmonitorja l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi permezz tas-sistema ddedikata “Surveillance 2”[34]. Diversi mill-imsieħba kummerċjali tal-UE jimmonitorjaw ukoll l-importazzjonijiet tal-azzar, xi wħud minnhom bħall-Istati Uniti, permezz ta’ sistema simili għal-liċenzjar awtomatiku.

Huwa importanti wkoll li jiġi assigurat li s-swieq irregolati għan-negozjar ta’ derivattivi ta’ komoditajiet ikunu ġusti u trasparenti filwaqt li jiġu applikati termini speċifiċi sabiex tiġi sostnuta l-likwidità, jiġi evitat l-abbuż tas-suq, u evitat l-iżvilupp ta’ pożizzjonijiet li jfixklu s-suq. Regolamenti differenti[35] jista’ jkollhom impatt fuq il-produtturi tal-azzar, kemm fir-rigward tan-negozjar ta’ derivattivi ta’ komoditajiet kif ukoll tal-istrumenti finanzjarji.

Il-Kummissjoni: Fuq perjodu ta’ żmien qasir – fi ħdan l-istrateġija kummerċjali komprensiva tagħha, se tuża d-diversi għodod u strumenti tal-politika kummerċjali tagħha (eż. in-negozjati kummerċjali jew l-Istrumenti għad-Difiża tan-Negozju) sabiex tassigura li l-produtturi tal-azzar Ewropej ikollhom aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest hija se – tieħu azzjoni kontra prattiki kummerċjali inġusti fis-settur tal-azzar, – tkompli tipprovdi rapporti f’waqthom dwar l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet tal-azzar minn pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, – tkompli twettaq valutazzjonijiet ex-ante tal-impatt tal-FTAs previsti qabel l-adozzjoni ta’ direttivi ta’ nnegozjar kummerċjali, kif ukoll analiżi tal-konsegwenzi tal-FTAs konklużi, għall-UE, qabel ma jiġu ffirmati, – timmonitorja s-swieq tal-iskart. Minħabba l-ammont imnaqqas ta’ CO2 fil-produzzjoni tal-iskart fl-Ewropa, jistgħu jkunu previsti miżuri mhux diskriminatorji għal raġunijiet ambjentali, jekk ikunu meħtieġa sabiex tiġi indirizzata t-tnixxija tal-karbonju lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE, sakemm dawn ma jwasslux direttament jew indirettament għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, – tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-ispezzjonijiet u l-kontrolli dwar il-kunsinni tal-iskart, – tikkunsidra l-inklużjoni tal-faħam tal-kokk fil-lista tal-Materja Prima Kritika flimkien ma’ elementi essenzjali prinċipali oħra għall-produzzjoni tal-azzar, – taħdem mal-pajjiżi produtturi prinċipali li mhumiex membri tal-UE, biex ikollha ħarsa ġenerali tas-settur, ix-xejriet tiegħu u tiżviluppa approċċi komuni għall-isfidi li dan qiegħed jiffaċċja madwar id-dinja. Fuq perjodu fit-tul – issegwi l-aġenda tagħha għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ permezz tan-negozjar ta’ FTAs, sabiex jiġu eliminati jew imnaqqsa b’mod sostanzjali l-ostakoli tariffarji u mhux tariffarji fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, jiġi assigurat aċċess sostenibbli għall-materja prima għall-industrija tal-UE, kif ukoll promozzjoni aħjar tal-istandards internazzjonali għall-prodotti tal-azzar, – tkompli taħdem mal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew, fil-kuntest tal-eżerċizzju għall-immodernizzar tat-TDI, sabiex taġġorna rapidament ir-Regolamenti bażiċi Anti-dumping u Kontra s-sussidji. Dawn il-bidliet jippermettu, fost ħwejjeġ oħra, l-impożizzjoni ta’ dazji ogħla (devjazzjoni mir-regola tad-‘dazju inferjuri’) fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi li jużaw sussidji inġusti u joħolqu distorsjonijiet strutturali fis-swieq tagħhom tal-materja prima; kif ukoll għodod iżjed effettivi għall-investigazzjonijiet ex-officio fejn tkun teżisti theddida ta’ ritaljazzjoni kontra l-industrija tal-UE kkonċernata.

              3.4     Politiki dwar l-enerġija, il-klima, ir-riżorsi u l-effiċjenza enerġetika sabiex tittejjeb il-kompetittività

              Prezzijiet u provvista affordabbli tal-enerġija

Bħal industriji oħra li jużaw ħafna enerġija (EII), il-kostijiet tal-enerġija huma wieħed mill-ixpruni ewlenin tal-kompetittività għas-settur tal-azzar Ewropew. L-industrija tal-azzar tistma li l-kostijiet tal-enerġija jirrappreżentaw sa 40% tal-kostijiet operattivi totali skont is-segment tal-katina tal-valur[36]. L-industrija Ewropea hija ffaċċjata bi prezzijiet ogħla tal-enerġija meta mqabbla mal-biċċa l-kbira tal-kompetituri internazzjonali tagħha, xejra li kienet amplifikata mid-dinamiċi tal-iżvilupp tal-prezzijiet f’dawn l-aħħar snin.

L-elettriku u l-faħam tal-kokk huma l-aktar sorsi ta’ enerġija importanti tal-industrija tal-azzar u din tinsab taħt pressjoni fir-rigward tat-tnejn. Minkejja t-tnaqqis riċenti, il-prezz tal-faħam tal-kokk żdied b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar snin.[37] Il-prezzijiet medji tal-elettriku tal-utent finali għall-industrija tal-UE huma d-doppju ta’ dawk fl-Istati Uniti[38] u konsiderevolment ogħla minn dawk fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-oħra tal-OECD (bl-eċċezzjoni tal-Ġappun) u bosta ekonomiji prinċipali li qegħdin jiżviluppaw. Bejn l-2005 u l-2012, l-industrija Ewropea ffaċċjat żidiet medji ta’ 38% fil-prezz tal-elettriku f’termini reali filwaqt li ċ-ċifra korrispondenti kienet tnaqqis ta’ 4% għall-Istati Uniti u żieda ta’ 16% għall-Ġappun.[39] Billi dawn id-differenzi jfissru impatti fuq l-istrutturi tal-kostijiet tal-kumpaniji tal-azzar f’reġjuni differenti u għandhom effett dirett fuq il-kompetizzjoni u l-kompetittività globali, il-prezzijiet internazzjonalment kompetittivi tal-enerġija u l-provvisti siguri tal-enerġija huma vitali għall-ġejjieni tas-settur tal-azzar fl-Ewropa, mhux l-anqas sabiex jiġu determinati d-deċiżjonijiet dwar il-lokazzjoni u l-investimenti għall-industrija tal-azzar. L-analiżi sottostanti għall-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050[40] tal-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-prezzijiet tal-elettriku huma probabbli li jiżdiedu matul il-perjodu sal-2030 biex wara jonqsu daqsxejn, prinċipalment minħabba l-kostijiet tal-investiment fl-infrastruttura. Għalhekk huwa importanti ħafna li jiġu kkunsidrati l-impatti li jista’ jkun hemm fuq il-prezzijiet u l-kostijiet meta jiġu definiti l-politiki relatati mal-enerġija u li jiġu identifikati modi kif l-impatti avversi fuq il-kompetittività tal-industriji li jużaw ħafna enerġija jistgħu jitnaqqsu jew jiġu kkumpensati.

It-tibdil fil-prezz tal-elettriku għall-utent finali u d-differenzi bejn il-pajjiżi (inkluż fi ħdan l-UE) huma dovuti għal interazzjoni kumplessa ta’ diversi fatturi, inklużi l-kostijiet tal-fjuwil, il-politika tat-tassazzjoni, l-istruttura tas-suq, it-tibdil fl-approċċi għar-regolazzjoni tal-prezzijiet, id-differenzi fil-politiki dwar il-klima u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u struttura li qiegħda tinbidel tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. Is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita enerġetika għandu impatt fuq il-prezz tal-elettriku. Filwaqt li proporzjonijiet għoljin ta’ enerġija rinnovabbli b’kostijiet marġinali baxxi jista’ jkollhom pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet bl-ingrossa, l-impatt fuq il-prezzijiet għall-utent finali mill-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli jista’ jkun negattiv fuq perjodu ta’ żmien qasir sa medju minħabba ż-żieda ta’ imposti fuq is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mill-Istati Membri. Għalhekk huwa importanti li l-kost tal-enerġija rinnovabbli jitbaxxa u li l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali jkunu kost-effettivi. Is-sehem tat-taxxi, it-tariffi u l-imposti stabbiliti mill-Istati Membri jirrappreżenta sehem sostanzjali u f’ħafna każijiet sehem li qiegħed jiżdied fil-prezzijiet għall-utenti finali. Sal-lum, l-industrija tal-azzar u EII oħra f’xi Stati Membri jibbenefikaw minn tnaqqis jew eżenzjonijiet oħra minn dawn it-taxxi u l-imposti.

Sfida oħra huma ż-żidiet fil-prezzijiet tal-elettriku relatati mal-ETS. Dawn il-kostijiet jistgħu madankollu jiġu mitigati permezz tal-Linji gwida tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat[41] li jippermettu l-kumpens ta’ dawn il-kostijiet taħt ċerti ċirkustanzi sabiex tiġi evitata t-tnixxija tal-karbonju.

It-tlestija gradwali tas-suq intern tal-enerġija għenet sabiex jiġu kkontrollati l-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa u se tistimula l-kompetizzjoni, eż. billi jiġu eliminati l-ostakoli għad-dħul fis-suq u l-ostakoli regolatorji, iżda t-tlestija tiegħu tiddependi wkoll fuq l-espansjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura transkonfinali u trans-Ewropea tal-enerġija[42]. Biex is-suq intern tal-enerġija jaħdem, l-Istati Membri jridu jimplimentaw b’mod sħiħ it-tielet pakkett tal-enerġija[43]. Fatturi importanti oħra sabiex ikunu assigurati prezzijiet u kostijiet tal-enerġija kompetittivi fl-Ewropa jinkludu l-issoktar tal-appoġġ permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni għat-teknoloġiji tal-enerġija mill-programm propost ‘Orizzont 2020’ (b’mod partikolari fejn dawn jistgħu jtejbu l-effiċjenza enerġetika, li jista’ jkollha rwol importanti biex tpaċi parzjalment id-differenza fil-prezzijiet tal-enerġija)[44] u l-issoktar tal-isforzi biex jiġu diversifikati s-sorsi ta’ provvista, ir-rotot u l-pajjiżi għall-provvista tal-gass. L-iżvilupp tar-riżorsi indiġeni tal-enerġija b’mod kost-effiċjenti – sew jekk ikunu sorsi rinnovabbli ta’ enerġija, faħam imsieħeb ma’ CCS, jew fjuwils fossili konvenzjonali u mhux konvenzjonali – jista’ jkollu wkoll impatt pożittiv fuq il-prezzijiet tal-enerġija fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil.

L-EII huma ta’ kapital intensiv ħafna b’ċiklu ta’ investiment medju ta’ 20 sa 30 sena u għalhekk jeħtieġu l-previdibbiltà tal-kostijiet tal-enerġija sabiex ikunu limitati r-riskji ta’ investiment. Kuntratti fit-tul għall-elettriku bejn il-fornituri u l-konsumaturi, li jipprovdu din iċ-ċertezza tal-ippjanar, huma possibbli skont ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Huwa biss taħt ċerti kundizzjonijiet speċifiċi li tali kuntratti jistgħu jwasslu għall-esklużjoni tal-kompetizzjoni bi ksur tat-Trattat[45]. L-esklużjoni normalment isseħħ biss fir-rigward ta’ fornituri dominanti jew, bħala effett kumulattiv li jirriżulta minn imġiba simili minn diversi fornituri. Filwaqt li jippermettu tulijiet ta’ żmien u dati ta’ skadenza differenti għal kuntratti individwali, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fl-imgħoddi[46] jitolbu li volumi sostanzjali jiġu rritornati fis-suq kull sena, u b’hekk isiru disponibbli għal kuntrattar minn kwalunkwe fornitur. Jekk il-każistika tal-Kummissjoni tipprovdi ċarezza suffiċjenti dwar il-valutazzjoni tal-kompetizzjoni ta’ dawn il-kuntratti, il-Kummissjoni hija lesta li toħroġ Ittra ta’ Gwida fis-sens tal-Avviż tal-Kummissjoni[47], bil-patt li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Avviż ikunu rrispettati.

Il-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2013 rrikonoxxa li l-impatt tal-prezzijiet u tal-kostijiet għoljin tal-enerġija jrid jiġi indirizzat. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tkompli fuq il-Konklużjonijiet tal-Kunsill[48]. Dan il-monitoraġġ preċiż tal-kostijiet tal-enerġija u tal-impatt tagħhom fuq l-industrija se jkopri d-diversi komponenti tal-kostijiet tal-prezzijiet tal-enerġija u l-evoluzzjoni tagħhom maż-żmien kif ukoll tqabbil bejn l-UE u reġjuni produtturi prinċipali oħra tal-azzar, inkluża dejta dwar miżuri korrettivi bħal eżenzjonijiet u ħelsien mit-taxxa.

Fir-rigward tal-konsolidament fiskali differenzjat, il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda li l-aġġustamenti fiskali għandhom ikunu aktar favorevoli għat-tkabbir kemm fir-rigward tad-dħul kif ukoll tal-infiq. Rigward il-bidla għal taxxi ambjentali, dawn jistgħu jistimulaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, jippromwovu l-effiċjenza fir-riżorsi u l-ħolqien ta’ impjiegi "ekoloġiċi" iżda l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq il-familji u fuq il-kompetittività, inkluż l-industriji li jużaw ħafna enerġija, irid jiġi mmonitorjat sabiex id-deċiżjonijiet futuri jkunu jistgħu jittieħdu abbażi ta’ evidenza b’saħħitha[49].

             

              Indirizzar ta’ kwistjonijiet relatati mal-politika dwar il-klima

L-industrija tal-azzar hija waħda mill-akbar sorsi ta’ emissjonijiet tas-CO2[50]. Hija wkoll settur meqjus li qiegħed f’riskju ta’ tnixxija tal-karbonju. Minħabba f’dan ir-riskju, l-industrija tal-azzar se tiġi fil-prinċipju allokata kwota ta’ emissjoni ta’ 100% tal-valur ibbażat fuq il-parametru referenzjarju mingħajr ħlas. Skont il-linji gwida tal-ETS dwar l-għajnuna mill-istat, hija tista’ tirċievi kumpens finanzjarju mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2020, taħt it-tielet fażi tal-ETS.

Kif rikonoxxut mill-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030[51], il-politiki dwar l-enerġija u l-klima jridu jiġu implimentati b’mod kost-effettiv, prevedibbli u koerenti. Huma neċessarji t-trasparenza u l-istabilità tal-qafas regolatorju sabiex ikun assigurat li l-investimenti fit-tul, li huma indispensabbli għat-tiġdid tal-bażi industrijali, iseħħu fl-Ewropa, speċjalment għall-industriji ta’ kapital intensiv ħafna b’perjodi ta’ investiment fit-tul (20 – 30 sena). Għalhekk, il-politika tal-UE dwar il-klima għal wara l-2020 se tikkunsidra kif l-aħjar li jitqiesu l-limiti teknoloġiċi, l-ostakoli u l-opportunitajiet, l-effetti tal-kostijiet assoċjati fuq il-kompetittività kif ukoll l-impenji u l-livell ta’ ambizzjonijiet tal-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE.

L-UE tirrappreżenta biss 11% tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra u dan is-sehem qiegħed jonqos, u għalhekk hija meħtieġa azzjoni internazzjonali effettiva sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Kontribut mill-ekonomiji prinċipali kollha u s-setturi kollha b’mod komparabbli, ekwu, trasparenti u kontabbli huwa vitali sabiex jintlaħaq dan l-objettiv. Irid ikun hemm impenji mtejba kif ukoll sistemi effiċjenti ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika sabiex tkun assigurata t-trasparenza tal-ftehim internazzjonali ġejjieni dwar it-tibdil fil-klima u l-istandards rikonoxxuti internazzjonalment huma essenzjali sabiex tittejjeb il-kompetittività industrijali tal-UE. Huwa importanti li jiġi identifikat kif għandhom jiġu ffinanzjati l-objettivi klimatiċi. Il-pjan direzzjonali tal-UE għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju rrikonoxxa li l-ksib ta’ miri ġodda jkun jeħtieġ investimenti addizzjonali.[52] L-applikazzjoni ta’ proċessi u tagħmir industrijali aktar avvanzati se tkun neċessarja fuq skala wiesgħa wara l-2035, minħabba li l-livell ta’ emissjonijiet tas-CO2 tal-aktar impjant tal-azzar effiċjenti fl-UE huwa qrib il-limiti fiżiċi bit-teknoloġiji fis-seħħ bħalissa.

Waħda mill-opzjonijiet għal finanzjament innovattiv tkun l-użu ta’ parti mid-dħul mill-irkantar ta’ kwoti tal-emissjonijiet taħt l-ETS biex jgħin sabiex jiġu ffinanzjati objettivi relatati mal-klima, li jistgħu jinkludu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda b’emissjoni baxxa ta’ karbonju fl-industriji kkonċernati. Mill-2013, aktar minn 40% min-numru totali ta’ kwoti fi ħdan l-UE se jiġu rkantati u mbagħad il-livell ta’ rkantar se jiżdied b’mod lineari biex jilħaq 100% sal-2027.

L-UE hija impenjata li tindirizza l-kwistjonijiet tal-kompetittività marbuta mal-politiki tagħha dwar it-tibdil fil-klima. Mingħajr kundizzjonijiet ekwi fil-politika dwar it-tibdil fil-klima, il-produtturi kompetituri tal-azzar li mhumiex membri tal-UE jgawdu vantaġġ kompetittiv inġust li jfixkel is-suq globali tal-azzar u jillimita l-investiment futur fl-UE, li jista’ jwassal għal tnixxija tal-karbonju.

              Żgurar tal-komparabilità globali

Ir-riċerka dwar il-materjali u l-kontroll fuq ir-riżorsi tal-materja prima qegħdin isiru dejjem aktar importanti fil-kompetizzjoni globali preżenti għat-tmexxija industrijali fit-teknoloġiji b’emissjoni baxxa ta’ karbonju. L-azzar huwa materjal li għandu potenzjal sinifikanti biex jippermetti t-tranżizzjoni għal ekonomija tal-għarfien, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u effiċjenti fir-riżorsi.[53] Huwa għandu rwol importanti fl-iżvilupp u d-diffużjoni ta’ teknoloġiji aktar effiċjenti, siguri u affidabbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u effiċjenti fir-riżorsi. Sabiex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-klima u sabiex jiġi faċilitat il-ksib tal-objettivi tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, ingħata mandat lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) biex jiżviluppa Standard Ewropew sabiex jiġu valutati l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (GHG) fl-EII. L-identifikazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet kwantifikabbli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, fil-livell ta’ impjant u tas-settur industrijali, teħtieġ metodoloġiji trasparenti u kunsens solidu dwar il-proċeduri ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika kif ukoll indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. L-istandards eventwalment se jippermettu l-validazzjoni tal-metodi tal-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet ta’ GHG relatati mal-proċess, jassiguraw il-komparabilità tal-prestazzjoni tal-impjanti b’mod globali u jippermettu l-valutazzjoni tal-potenzjal tagħhom għal titjib.

              Is-settur tal-azzar bħala kontributur għall-miri dwar il-klima u l-effiċjenza tar-riżorsi

L-azzar jikkontribwixxi għat-tnaqqis tas-CO2 u għall-iffrankar tal-enerġija f’varjetà ta’ applikazzjonijiet bħall-karozzi, il-bini tal-vapuri, il-kostruzzjoni, il-makkinarju, il-prodotti domestiċi, l-apparat mediku u l-imtieħen tar-riħ. Studju riċenti[54] qabbel l-iffrankar tas-CO2 minn applikazzjonijiet innovattivi tal-azzar – bħal impjanti tal-enerġija aktar effiċjenti, turbini tar-riħ jew vetturi eħfef – mal-emissjonijiet tas-CO2 mill-produzzjoni tal-azzar. L-istudju juri li, fil-każ tal-Ġermanja, il-potenzjal ta’ ffrankar miksub bl-użu tal-azzar huwa ogħla mill-emissjonijiet prodotti mill-produzzjoni tal-azzar. L-azzar huwa kompletament riċiklabbli mingħajr telf fil-kwalità. Il-prodotti sekondarji mill-produzzjoni tal-azzar (eż. il-gagazza) jintużaw kważi kompletament. Għalhekk fir-rigward tal-inizjattiva ewlenija ‘Ewropa 2020’ dwar l-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi[55], l-industrija tal-azzar tinsab f’qagħda tajba biex tibbenefika minn fokus akbar fuq Approċċ ibbażat fuq iċ-Ċiklu tal-Ħajja, żieda fir-rati ta’ riċiklaġġ u użu aħjar tal-prodotti sekondarji.

Mod ieħor sabiex jintlaħqu l-isfidi tat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-GHG huwa billi tissaħħaħ aktar l-implimentazzjoni ta’ miżuri addizzjonali dwar l-effiċjenza enerġetika fil-produzzjoni tal-azzar. Bosta impjanti jiġġeneraw ammonti kbar ta’ sħana u gass mitlufa li jistgħu jintużaw għall-ġenerazzjoni tal-enerġija jew fwar, biex jintużaw jew fil-faċilità nnifisha bħala produzzjoni tal-enerġija għall-konsum tagħha stess jew jiġu esportati lejn industriji ġirien jew lejn il-grilja pubblika tal-elettriku. Proġetti bħal dawn jiġġeneraw tnaqqis fl-emissjonijiet billi jissostitwixxu sorsi oħra ta’ produzzjoni tal-enerġija, tipikament mill-fjuwils fossili.

Il-Kummissjoni: Fuq perjodu ta’ żmien qasir, Se toħloq ambjent regolatorju li jwassal għal tkabbir sostenibbli: – toħroġ gwida fl-2013 dwar l-iskemi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli użati mill-Istati Membri biex jilħqu l-miri 2020 tagħhom għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, – tikkunsidra li toħroġ, jekk tintalab, Ittra ta’ Gwida dwar il-valutazzjoni tal-kompetizzjoni tal-kuntratti fit-tul għall-elettriku fil-każ ta’ kwistjonijiet ġodda jew mhux solvuti, – twettaq analiżi tal-kompożizzjoni u l-ixpruni tal-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Istati Membri b’enfasi partikolari fuq il-familji, l-industriji żgħar u medji u l-industriji li jużaw ħafna enerġija, u li tħares b’mod aktar wiesa’ lejn il-kompetittività tal-UE fir-rigward tal-kontropartijiet ekonomiċi globali tagħha qabel id-diskussjoni fil-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2014. Tirrapporta dwar il-prezzijiet tal-elettriku tal-utent finali għall-industrija, inklużi l-komponenti tagħhom (eż. il-komponent tal-enerġija, l-imposti u t-tariffi, it-taxxi) fl-Istati Membri tal-UE u ekonomiji prinċipali oħra, – tanalizza l-impatt tal-ETS fuq il-prezzijiet tal-elettriku fl-UE u, fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar il-politika klimatika sal-2030, teżamina l-ħtieġa ta’ miżuri sabiex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ tnixxija tal-karbonju għal setturi speċifiċi, – tiżviluppa proposti għall-qafas tal-politika klimatika tal-UE sal-2030 b’mod li jikkunsidra b’mod sħiħ il-kost-effiċjenza u l-impatti potenzjali fuq il-kostijiet għall-industrija. Mingħajr preġudizzju għall-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Green Paper “Qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030”, l-iżvilupp tal-politika klimatika 2030 fost ħwejjeġ oħra se jfittex li jikkunsidra l-kompetittività internazzjonali tal-industrija Ewropea kif ukoll il-karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti industriji u l-progress fin-negozjati dwar it-tibdil globali fil-klima kif ukoll valutazzjoni tal-emissjonijiet rilevanti kollha ta’ CO2 fl-UE, – tassigura li l-valutazzjoni tar-riskju ta’ tnixxija tal-karbonju li għandha ssir fil-kuntest tal-lista l-ġdida ta’ tnixxija tal-karbonju titwettaq b’mod miftuħ u trasparenti skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-ETS filwaqt li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti industriji u l-impatti tal-kostijiet tal-elettriku fuq il-kompetittività tagħhom, – tipproponi dalwaqt biex tiżdied il-manifattura ta' ċerti prodotti tal-ħadid maħduma fil-forġa mal-lista ta' setturi meqjusa bħala esposti għat-tniħħis tal-karbonju għall-ispejjeż diretti. – tippromwovi l-aħjar prattika fl-effiċjenza enerġetika, ibbażata fuq ir-riżultati tal-verifiki tal-enerġija li għandhom jitwettqu minn kumpaniji f’konformità mad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija[56], kif ukoll fuq studji Ewropej u internazzjonali, – tippromwovi investimenti fl-effiċjenza enerġetika (bojlers ġodda għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, irkupru tal-gass fil-produzzjoni tal-azzar, Top-Pressure Recovery Turbine Plant (TRT), irkupru tas-sħana mitlufa), Biex iżżid l-innovazzjoni: – tintegra l-industrija tal-azzar fil-miżuri ta’ RŻI, dimostrazzjoni, skjerament u adozzjoni mis-suq għal prodotti, teknoloġiji u soluzzjonijiet li jużaw l-enerġija b’mod effiċjenti sabiex timplimenta d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u leġislazzjonijiet u politiki oħra dwar l-effiċjenza enerġetika, – tivvaluta kif id-dħul relatat mal-ETS jista’ jiġi assenjat u użat sabiex jiffinanzja l-objettivi relatati mal-klima, inkluż l-iskjerament ta’ teknoloġiji ġodda u innovattivi fl-EII, Fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil – Biex toħloq ambjent regolatorju li jwassal għal tkabbir ekonomiku: – tinvolvi ruħha f’negozjati biex jiġi konkluż ftehim internazzjonali vinkolanti dwar it-tibdil fil-klima sal-2015 sabiex tassigura impenji adegwati minn kulħadd, billi jiġu kkunsidrati r-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom filwaqt li jkunu assigurati t-trasparenza u l-kontabilità kif ukoll l-inkorporazzjoni ta’ sistema robusta ta’ konformità u infurzar, – titlob lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni sabiex jiffinalizza kemm jista’ jkun malajr standards għall-valutazzjoni tal-emissjonijiet tal-GHG fis-setturi li jużaw ħafna enerġija, – tissokta bl-isforzi tagħha biex tiżviluppa l-metodoloġija tal-Approċċ għaċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCA) li tippermetti konsiderazzjoni aħjar tar-riċiklabbiltà tal-materjali, – twettaq stima tal-evalwazzjoni  tal-LCA tul katini ta' valur u r-riċiklabilità tal-materjali u tintegra r-riċiklabilità tal-materjali fi proposti u strateġiji ta' politika rilevanti. Biex tiddiversifika l-provvista: – tistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex tippermetti l-isfruttament fil-ġejjieni ta’ riżorsi indiġeni ta’ gass mill-fjuwils fossili, kemm konvenzjonali kif ukoll mhux konvenzjonali, billi dawn jistgħu jikkontribwixxu sabiex jitnaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjoni u l-prezzijiet tal-enerġija tal-UE. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex: – bi tħejjija għad-diskussjonijiet fil-Kunsill tal-Ewropa fi Frar 2014, abbażi tar-rapport tal-Kummissjoni, jivvalutaw l-impatt tal-miżuri nazzjonali kollha fuq il-prezz tal-enerġija għall-EII bħat-taxxi, il-kapaċità u l-imposti tan-netwerk, tariffi u mekkaniżmi ta' appoġġ għall-forom ta' enerġija rinnovabbli u oħrajn differenti, – abbażi ta' dan, jikkunsidraw miżuri xierqa biex inaqqsu l-prezz tal-enerġija għall-EII b’rispett għall-konsolidament fiskali, ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-integrità tas-suq intern – , – jikkunsidraw li jistabbilixxu l-allokazzjoni ta’ dħul mill-ETS għal proġetti ta’ RŻI għall-EII, – iżidu l-isforzi sabiex inaqqsu d-differenza fil-prezzijiet u l-kostijiet medji tal-enerġija bejn l-industrija tal-UE u l-kompetituri prinċipali tagħha billi jsaħħu l-funzjonament tas-suq u s-sigurtà tal-provvista fis-settur tal-enerġija, – jivvalutaw inizjattivi marbuta mal-ġenerazzjoni kollettiva tal-elettriku, kuntratti fit-tul u sħubijiet.   – jiskambjaw l-aqwa prattiċi u jaqsmu l-informazzjoni. – Il-Kummissjoni se tevalwa l-impatt tal-miżuri meħuda u jekk ikun meħtieġ tagħmel aktar rakkomandazzjonijiet biex tnaqqas kemm jista' jkun l-ispejjeż tal-enerġija għall-EII.

              3.5     Innovazzjoni

L-aktar installazzjonijiet moderni fl-industrija tal-azzar tal-UE jinsabu qrib il-limiti ta’ dak li jistgħu jagħmlu t-teknoloġiji preżenti, u l-industrija tal-azzar se ssibha diffiċli biex tikseb aktar tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2 mingħajr l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi[57]. L-innovazzjonijiet teknoloġiċi ġodda huma diversi snin ’il bogħod. Fil-passat kienu investigati teknoloġiji rivoluzzjonarji potenzjali bħala parti minn "umbrella" ta’ proġetti, taħt l-isem "ULCOS"[58]. Il-Kummissjoni appoġġat l-ULCOS: billi ffinanzjat total ta’ 40 miljun € mis-Sitt Programm Kwadru għar-R&Ż kif ukoll mill-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar.

Taħt Orizzont 2020, jista’ jingħata appoġġ speċifiku għall-industrija ta’ proċess lil sħubija pubblika privata (PPP) proposta, imsejħa SPIRE[59]. Barra minn hekk, il-Ġbir u Ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) ġie identifikat bħala teknoloġija ewlenija għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur industrijali fil-Pjan Direzzjonali 2050 għal Ekonomija b’Użu Baxx ta’ Karbonju[60] kif ukoll fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050[61], inkluż applikazzjonijiet ta’ CCS fi proċessi industrijali kif ukoll f’applikazzjonijiet għall-produzzjoni tal-enerġija. Din hija waħda mill-prijoritajiet tal-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET) b’Inizjattiva Industrijali Ewropea ddedikata u Programm Konġunt ta’ Riċerka tal-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija (EERA). L-importanza tal-azzar għall-applikazzjonijiet tal-enerġija u l-ħtiġijiet ta’ riċerka u innovazzjoni ġew definiti fil-Materials Roadmap Enabling Low Carbon Energy Technologies (Pjan direzzjonali għall-materjali li jippermetti teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju) [62]. Għalhekk huma possibbli aktar proposti għat-tip ta’ attività ta’ RŻI investigata taħt il-fażi ta’ R&Ż preċedenti tal-ULCOS. Għall-2014-2020, il-proġetti ta' riċerka se jiġu ffinanzjati wkoll b'madwar 280 miljun mill-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u l-Azzar.

Jekk wieħed iħares lejn il-ġejjieni, huwa ċar madankollu, li se jkun meħtieġ proġett ta’ dimostrazzjoni fuq skala industrijali, tal-produzzjoni tal-azzar b’CCS, u l-pakkett finanzjarju probabbli se jkun lil hinn mid-daqs tipiku ta’ proġett ta’ RŻI. Fil-fatt, huwa stmat li l-firxa sħiħa ta’ esperimenti ta’ dimostrazzjoni relatati mal-ULCOS tiġi tiswa aktar minn 500 miljun €. L-ingranaġġ ta’ strumenti oħra għalhekk huwa meħtieġ b’mod ċar għall-fażi li jmiss tad-dimostrazzjoni kummerċjali ta’ teknoloġiji ta’ CCS għall-produzzjoni tal-azzar, pereżempju sejħa għal NER 300 ġdida, programm Ewropew ieħor tal-Enerġija għall-Irkupru, jew l-użu ta’ fondi strutturali.

Barra minn hekk, anki jekk dawn it-teknoloġiji jkunu disponibbli, l-użu tagħhom fuq skala wiesgħa se jiddependi fuq jekk l-applikazzjoni tagħhom fl-UE tkunx possibbli b’kostijiet ta’ produzzjoni kompetittivi, kif ukoll fuq l-aċċettazzjoni pubblika. B’mod partikolari, s-CCS se tkun teħtieġ it-twaqqif ta’ mekkaniżmi xierqa biex il-komunitajiet lokali jiġu involuti bħala imsieħba f’dawn l-isforzi u sabiex ikun assigurat prezz adegwat għall-karbonju.

L-industrija tal-azzar Ewropea qiegħda kontinwament tiżviluppa tipi ġodda ta’ azzar biex tindirizza applikazzjonijiet speċifiċi. Madankollu, illum hemm il-ħtieġa li tiġi stimulata r-RŻI dwar teknoloġiji bi proċessi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent ħafna aktar milli qatt kien il-każ fl-imgħoddi. Il-potenzjal tat-teknoloġiji ġodda ta' separazzjoni u tas-sistemi, swieq u mudelli ta' negozju innovattivi għall-iżvilupp ulterjuri tar-riċiklaġġ tal-iskart huwa partikolarment inkoraġġanti f'dak li huwa titjib tal-kompetittività u t-tnaqqis tal-emissjonijiet u tal-impatt fuq l-ambjent.

Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima (EIP)[63] tippromwovi l-innovazzjoni permezz tal-katina tal-valur tal-azzar, mill-esplorazzjoni u l-estrazzjoni, sal-ipproċessar effiċjenti, ir-riċiklaġġ u s-sostituzzjoni.

L-użu industrijali ta’ teknoloġiji emerġenti tal-azzar jista’ jiżdied bl-użu tal-mekkaniżmi finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)[64]. Proġetti tas-settur tal-azzar bi profil ta’ riskju aktar baxx sikwit ikunu eliġibbli għal finanzjament fit-tul mill-BEI. Barra minn hekk, prodotti innovattivi ħafna tal-azzar jistgħu jiġu ffinanzjati taħt il-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF), li hija skema innovattiva ta’ kondiviżjoni tar-riskju ta’ kreditu, li twaqqfet b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-BEI sabiex jittejjeb l-aċċess għal finanzjament tad-dejn u b’hekk jiġu promossi attivitajiet bi profil ta’ riskju finanzjarju aktar għoli fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku, id-dimostrazzjoni u l-investimenti fl-innovazzjoni.

Il-Kummissjoni se: – tikkunsidra li tappoġġja, fil-qafas ta’ Orizzont 2020, skont ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-istat, proġetti ta’ R&Ż, ta’ dimostrazzjoni u proġetti pilota għal teknoloġiji ġodda aktar nodfa, u aktar effiċjenti fir-riżorsi u fl-enerġija, inkluż PPPs li jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti. PPP potenzjali - SPIRE (Industrija bi Proċessi Sostenibbli permezz tal-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u l-Enerġija) u l-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (Pjan SET) jinsabu fil-fażi ta’ preparazzjoni, – tikkoopera internazzjonalment fi proġetti ta’ riċerka upstream, fejn ikun xieraq u utli sabiex jiżdiedu l-kompetittività Ewropea u l-aċċess għas-swieq, – tiffoka aktar l-appoġġ finanzjarju fuq il-fażi ta’ amplifikazzjoni u pilotaġġ minflok tiffoka biss fuq il-fażi ta’ riċerka, – tesplora, fil-kuntest tal-EIP dwar il-Materja Prima, u b’mod partikolari l-pjan strateġiku ta’ implimentazzjoni li jmiss tagħha, l-opzjonijiet kollha biex tippromwovi l-innovazzjoni fl-industrija tal-azzar tul il-katina tal-valur tal-materja prima, inkluż ir-riċiklaġġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex: – jesploraw il-ħtieġa u l-vijabilità tal-allokazzjoni ta’ sorsi ta’ finanzjament sabiex jistabbilixxu programmi speċifiċi għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ RŻI fis-settur tal-azzar u jiffavorixxu l-ħolqien ta’ raggruppamenti. Il-Kummissjoni tistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex: – jikkunsidra talbiet għal finanzjament fuq perjodu fit-tul għal proġetti tal-azzar li jkollhom l-objettiv li jassiguraw il-konformità mar-rekwiżiti għall-ħruġ tal-permessi skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali fuq il-bażi tal-BATs.

              3.6     Id-dimensjoni soċjali: ir-ristrutturar u l-ħtiġijiet ta’ ħiliet

Il-prospettiva għall-impjiegi fis-settur tal-azzar hija ta’ tħassib serju u timmerita attenzjoni politika sħiħa, mhux l-anqas minħabba li ntilfu 40 000 impjieg f’dawn l-aħħar snin, minħabba r-ristrutturar.

Dan ifisser li, l-Istati Membri qed ikomplu jiffaċċjaw sfidi soċjali konsiderevoli fir-rigward tal-għeluq ta’ kapaċitajiet fl-imgħoddi u fil-ġejjieni li diġà tħabbru, fatt li jaffettwa diversi reġjuni. Barra minn hekk, jekk isir dejjem aktar diffiċli biex jiġi prodott l-azzar fl-Ewropa, l-industriji li jiddependu fuq l-istess katina ta’ valur ukoll se jagħlqu jew jinvestu xi mkien ieħor.

Biex is-settur jibqa’ strateġiku għall-industrija Ewropea tal-manifattura u għall-impjiegi, jeħtieġ li jittieħdu miżuri (temporanji) urġenti – flimkien mal-miżuri fuq perjodu ta’ żmien fit-tul. Se jkun meħtieġ ukoll l-iżvilupp ta’ arranġamenti tax-xogħol temporanji b’appoġġ pubbliku lill-ħaddiema sabiex tinżamm il-kapaċità tax-xogħol u jingħata taħriġ mill-ġdid lill-ħaddiema matul perjodi ta’ konġuntura ekonomika baxxa f’konformità, fejn ikun xieraq, mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Jistgħu jiġu mobilizzati diversi fondi u strumenti ta’ politika tal-UE sabiex jittaffa l-kost soċjali tal-aġġustament u biex jiġi assigurat li l-ħiliet neċessarji meħtieġa jinżammu u jiġu żviluppati għall-kompetittività futura tal-industrija. Dan għandu jsir b’mod li jappoġġa bidliet maż-żmien favur tekniki ta’ produzzjoni ġodda avvanzati u prodotti innovattivi u ma għandu jipprekludi l-ebda ristrutturar li jkun neċessarju. Miżuri bħal dawn huma partikolarment rilevanti għas-settur tal-azzar billi dan se jkollu jindirizza kapaċitajiet żejda.

L-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ ristrutturar tal-industrija tal-azzar tal-UE hija fundamentali biex jiġu mitigati l-effetti soċjali avversi. Sabiex jitnaqqas l-impatt soċjali tiegħu, għandha tiġi disseminata u promossa l-prattika tajba fil-qasam tat-taħriġ u kwalifika mill-ġdid fil-livell tal-kumpanija.

Dan jagħmilha saħansitra aktar importanti li l-partijiet interessati kollha jindirizzaw ir-restrizzjonijiet ċikliċi b’miżuri temporanji mmirati sabiex jippreservaw il-produzzjoni u l-impjiegi fuq perjodu fit-tul u biex jillimitaw it-tnaqqis fil-kapaċità għall-kapaċità żejda strutturali rikonoxxuta. Is-settur diġà ħa miżuri ta’ aġġustament billi għalaq aktar minn 30 mt f’kapaċitajiet tal-produzzjoni fl-industrija tal-azzar Ewropea, li 20 mt minnhom jistgħu jitqiesu bħala aġġustament permanenti.

Fl-istess ħin, il-forza tax-xogħol tal-industrija tal-azzar għaddejja minn bidla bla preċedenti. L-istruttura tal-età fil-biċċa l-kbira tal-kumpaniji Ewropej li jipproduċu l-azzar hija tali li aktar minn 20 % tal-forza tax-xogħol attwali se tkun telqet mill-industrija fil-perjodu 2005-2015, u qrib 30 % se jitilqu sal-2025. L-industrija għalhekk trid tkun kapaċi tattira talent żagħżugħ u kreattiv.

Hemm attivitajiet speċjali sabiex jassiguraw li xjenzati u maniġers kwalifikati ħafna jmexxu ’l quddiem l-industrija tal-azzar Ewropea u jipprovdu sorsi ġodda ta’ vantaġġ kompetittiv.

Il-fondi strutturali jistgħu jgħinu sabiex jakkumpanjaw ir-ristrutturar fis-settur u jrawmu l-innovazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni għal tkabbir intelliġenti. F’dan il-kuntest ta’ bidla u ristrutturar kbir, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandhom jintużaw b’mod sħiħ sabiex jappoġġaw it-titjib tal-ħiliet u l-aġġornament tal-ħaddiema tas-settur u biex jgħinu tranżizzjonijiet professjonali pożittivi u rapidi għal dawk f’riskju li jiġu ssensjati. Bi programmazzjoni nazzjonali u/jew reġjonali adegwata, il-FSE jista’ jagħmel dan ir-rwol b’mod antiċipattiv, fuq bażi permanenti kif ukoll qabel operazzjonijiet speċifiċi ta’ ristrutturar – u b’hekk itaffi minn qabel l-impatt futur tagħhom. Il-FEG jista’ jikkompleta dan billi jappoġġa b’miżuri attivi fis-suq tax-xogħol lil dawk il-ħaddiema li jkunu ser jiġu ssensjati.

Skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, is-settur tal-azzar jista’ jibbenefika minn diversi kategoriji ta’ miżuri ta’ appoġġ mill-Istat li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-istrateġija ‘Ewropa 2020’: ir-R&Ż u l-innovazzjoni, l-għajnuna għat-taħriġ u l-impjiegi u l-għajnuna sabiex jiżdied il-ħarsien tal-ambjent. Pereżempju, is-settur tal-azzar diġà bbenefika minn eżenzjonijiet mit-taxxi nazzjonali fuq l-ambjent u l-enerġija, minn għajnuna mill-Istat għal miżuri relatati mal-effiċjenza enerġetika u minn għajnuna għal investimenti li tmur lil hinn mill-istandards obbligatorji tal-UE. Barra minn hekk, l-azzar huwa rikonoxxut bħala wieħed mis-setturi f’riskju ta’ tnixxija tal-karbonju u l-Istati Membri jistgħu jimmitigaw l-effett tal-prezzijiet ogħla tal-elettriku kkawżati mill-ETS, fuq il-kompetittività tas-settur, mill-2013 sal-2020 kif spjegat aktar ’il fuq.

 

Il-Kummissjoni: Fuq perjodu ta’ żmien qasir – se tippromwovi l-impjieg ta’ persuni żgħażagħ fis-settur permezz tat-tisħiħ tal-iskemi ta’ apprentistat u proċessi ta’ reklutaġġ orjentati lejn iż-żgħażagħ, – se tinkoraġġixxi l-ħolqien ta’ Kunsill Ewropew tal-Ħiliet għall-industrija tal-azzar, sabiex ilaqqa’ flimkien organizzazzjonijiet nazzjonali eżistenti li jaħdmu fuq l-iżvilupp tal-ħiliet u l-impjiegi fis-settur tal-azzar. Il-Kunsill tal-Ħiliet jista’ jinkludi, skont ir-rieda u l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet fis-settur, rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema fuq livell Ewropew u nazzjonali u organizzazzjonijiet tal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, – se tappoġġa Alleanzi tal-Ħiliet skont is-Settur permezz tal-programm Erasmus għal Kulħadd[65]. Billi jużaw l-evidenza tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet u x-xejriet, l-Alleanzi tal-Ħiliet skont is-Settur se jaħdmu sabiex ifasslu u jwasslu kurrikuli u metodi konġunti, b’mod partikolari tagħlim ibbazat fuq ix-xogħol, li jipprovdu lill-istudenti l-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol f’settur speċifiku, bħall-industrija tal-azzar, – se tappoġġa politiki ta’ taħriġ attiv u tagħlim tul il-ħajja inkluż fir-rigward tal-ħiliet għall-iffrankar tal-enerġija permezz tat-taħriġ tal-awdituri tal-enerġija u l-maniġers tal-enerġija, – se tniedi (fuq talba ċara mit-trejdjunjins u/jew l-awtoritajiet nazzjonali) task force interservizzi[66] sabiex tistudja u ssegwi l-każijiet prinċipali ta’ għeluq ta’ impjanti tal-azzar jew ta’ tnaqqis sinifikanti fin-numru tal-impjegati, bil-għan li tirrazzjonalizza l-użu tal-Fondi rilevanti tal-UE f’każ ta’ tnaqqis sinifikanti fin-numru tal-impjegati jew għeluq, – se tippreżenta Qafas ta’ Kwalità għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar, li jistabbilixxi l-aħjar prattiki f’dan il-qasam li għandhom jiġu implimentati mill-partijiet interessati kollha, – se tiżgura li l-għoti ta' fondi tal-UE, fil-kuntest ta' Orizzont 2020 u tal-fondi strutturali, isegwi l-prinċipju tal-ispeċjalizzazzjoni reġjonali u intelliġenti u jqis d-durabilità tal-investiment fil-ħolqien u ż-żamma tal-impjieg fir-reġjun partikolari – se tkompli tapplika r-regoli tal-kofinanzjament u tal-kontribuzzjoni proprja mnaqqsa fil-fondi strutturali għall-pajjiżi fil-programm. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex: – jesploraw il-possibbiltà li jużaw flimkien mal-awtoritajiet reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, inkluż billi tiġi stabbilita miżura speċifika ta’ finanzjament relatata mas-settur tal-azzar, – jesploraw il-possibbiltà li jużaw fondi strutturali, flimkien mal-awtoritajiet reġjonali, fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, sabiex itaffu l-impatti soċjali tar-ristrutturar fis-settur tal-azzar, – jikkonkludu n-negozjati li għaddejjin dwar il-proposta għal Regolament dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020[67] u jitolbu l-użu tiegħu, – jiffaċilitaw id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali bil-għan li jintlaħaq qbil dwar inizjattivi temporanji sabiex jinżammu l-impjiegi, bħall-possibbiltà li jiddaħħlu skemi ta’ flessibbiltà fix-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-aġġustament ċikliku. Il-Kummissjoni tistieden lill-industrija sabiex: – ikollha rwol attiv sabiex tirrimedja għal-lakuni u n-nuqqasijiet ta’ ħiliet, – tissokta bl-addattament meħtieġ tal-industrija skont l-aħjar prattiki dwar l-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar, inkluż permezz tad-djalogu soċjali u l-involviment xieraq tal-partijiet interessati reġjonali, – teżamina l-ħtiġijiet ta’ ristrutturar u l-aġġustamenti possibbli tal-kapaċità fid-dawl tad-domanda futura ta’ setturi prinċipali, filwaqt li tikkunsidra l-ħtieġa li tittratta b’mod differenti x-xejriet strutturali u ċikliċi, – tikkoopera ma’ partijiet interessati oħra, speċjalment l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali biex tassigura li l-kapaċità żejda ċiklika tiġi indirizzata permezz ta’ miżuri temporanji b’appoġġ pubbliku li jippreservaw l-impjiegi fuq perjodu fit-tul.

4.           Konklużjonijiet

Kif spjegat hawn fuq, il-viżjoni tal-UE għall-2030/2050 tistabbilixxi strateġiji u perkorsi sabiex tieħu lill-ekonomija Ewropea lejn sistema tal-enerġija globali sostenibbli u effiċjenti, it-tiġdid tal-mezzi tat-trasport imsieħeb mal-istabbiliment ta’ sistema ta’ ġestjoni tat-trasport intelliġenti, kif ukoll ir-rinnovament tal-bini kollu u l-integrazzjoni tiegħu fi grilji ta’ provvista intelliġenti.

Din il-viżjoni teħtieġ ħafna materjali avvanzati bħall-azzar, li d-disponibbiltà tagħhom fi kwalità, volum u prezz xierqa hija rekwiżit għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ dik il-viżjoni. Huwa biss il-qafas ta’ politika u regolatorju korrett flimkien ma’ azzjoni mmirata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-industrija li se jgħinu lis-settur tal-azzar jegħleb id-diffikultajiet tiegħu, iżid il-kompetittività tiegħu u jipproduċi l-prodotti innovattivi tal-azzar li huma meħtieġa sabiex iżomm u jżid is-sehem tiegħu mis-suq.

Id-diskussjonijiet kostruttivi dwar l-azzar issottolinjaw is-siwi u l-ħtieġa li jissokta d-djalogu bejn il-partijiet interessati prinċipali f’dan is-settur industrijali strateġiku. Għalhekk il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li jinħoloq formalment Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-azzar. Dan il-proċess se jinvolvi laqgħa ta’ livell għoli kull sena. L-għan prinċipali tiegħu se jkun li jipprovdi pjattaforma Ewropea ta’ informazzjoni reċiproka, djalogu u skambju tal-aħjar prattika. B’mod ġenerali, huwa għandu jiffaċilita u jappoġġa l-isforzi tas-settur tal-azzar Ewropew sabiex iżomm u jtejjeb il-ħila tiegħu li jikkompeti fis-suq globali.

Fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni tal-Azzjoni, il-Kummissjoni se tevalwa kif l-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni kellu impatt fuq il-kompetittività tal-industrija tal-azzar u, jekk ikun meħtieġ, tagħti rakkomandazzjonijiet u gwida addizzjonali.

[1]               Prospettiva għas-Settur Ekonomiku u tal-Azzar tal-Eurofer

[2]               Skont l-avviżi magħmula mill-kumpaniji

[3]               COM(2012) 582 final

[4]               Statistika għall-2012 tal-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Azzar, http://www.worldsteel.org/statistics/statistics-archive/2012-steel-production.html

[5]               OECD DSTI/SU/SC(2012) 21 Il-futur tal-azzar: kif se tevolvi l-industrija? (Diċembru 2012)

[6]               DECISÃO CMC Nru 39/11, Il-Brażil żied it-tariffi tal-importazzjoni fuq 100 prodott, inkluż diversi prodotti tal-azzar, iżda mhux il-folja b’valur miżjud. Id-dazji żdiedu minn 12% għal 25% u huma validi għal 12-il xahar, bil-possibbiltà li jiġu estiżi b'sena.

[7]               Dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq il-prodotti koperti mis-sistema ta’ sorveljanza preċedenti sa Diċembru 2012

[8]               OECD DSTI/SU/SC(2012) 12 Il-futur tal-industrija tal-azzar: xejriet magħżula u kwistjonijiet ta’ politika (Diċembru 2012).

[9]               Xenarji prospettivi dwar l-effiċjenza enerġetika u l-emissjonijiet tas-CO2 fl-industrija tal-Ħadid u l-Azzar (2012) – JRC.

[10]             The potential for improvements in energy efficiency and CO2 emissions in the EU27 iron and steel industry under different payback periods, Journal of Cleaner Production (2013), http://dx.doi.org/10.1016/j.jclepro.2013.02.028

[11]             Meta mqabbel mas-sena 1980, l-użu ta’ materja prima għall-produzzjoni tal-azzar mhux maħdum fl-2008 naqas minn 2336 għal 2015 kg/tunnellata (-13,7%).

[12]             Id-Direttiva 2012/27/UE

[13]             COM (2013) 180 final.

[14]             Aktar informazzjoni tista’ tinstab mis-sit: http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/metals-minerals/steel/high-level-roundtable/index_en.htm

[15]             KUMM (2010) 543 u COM (2012) 746.

[16]          L-ittestjar tal-kompetittività huwa għodda fi tnax-il pass li tindirizza l-impatti ta’ proposta ta’ politika fuq il-kompetittività tal-intrapriżi permezz tal-effetti tagħha fuq il-kost tan-negozju; fuq il-kapaċità tas-setturi affettwati li jiġġeddu; u fuq il-kompetittività internazzjonali tagħhom. Huwa jipprovdi għodda sempliċi u effettiva sabiex titwassal analiżi komprensiva tal-impatt tal-proposti fuq il-kompetittività - SEC(2012) 91 final.

[17]             Unjoni tal-Innovazzjoni - COM(2010) 546 finali

[18]             Statistika tal-Assoċjazzjoni Pollakka tal-Azzar

[19]             OECD DSTI/SU/SC(2012) 15 Il-kapaċità żejda fl-industrija tal-azzar: eżami tal-firxa globali u reġjonali tal-isfida

[20]             COM (2012) 636 finali

[21]             COM (2013) 17 finali u COM (2013) 18 finali

[22]             COM (2012) 433 finali

[23]             Il-prezzijiet tal-minerali tal-ħadid żdiedu minn $25 għal kull tunnellata metrika xotta fl-2001 għal $250 fl-2011

[24]             L-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Azzar (2010)

[25]             L-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Istati Uniti.

[26]             L-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Istati Uniti.

[27]             http://scripts.cac.psu.edu/users/n/w/nwh5089/Steel%20Recycling%20Process.pdf

[28]             www.eurofer.org/index.php/eng/content/.../517/.../SteelRecycling.pdf

[29]             Id-Direttiva 2009/125/KE

[30]             http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:094:0002:0011:EN:PDF

[31]             Ir-Regolament (KE) 1013/2006

[32]             COM(2008) 699 u COM(2011) 25

[33]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1241/2009

[34]             Is-sistema Surveillance 2 qiegħda tiġbor dejta maħruġa direttament mid-dikjarazzjonijiet doganali tal-importazzjoni. Din id-dejta tirrigwarda r-referenza tad-dikjarazzjoni doganali, in-natura tal-prodotti, l-oriġini tagħhom, il-volum tagħhom, il-valur tagħhom u d-data tal-aċċettazzjoni tagħhom mill-amministrazzjoni doganali (id-data proprja tal-importazzjoni). Ir-rekords jintbagħtu kuljum mis-sistemi ċentrali tal-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri tal-UE. Hija bbażata fuq l-artikolu 308d tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali (Regolament 2454/93)

[35]             Proposta għal Regolament dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji COM(2011) 652, ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Swieq Ewropej (UE) Nru 648/2012, id-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq 2003/6/KE emendata bid-Direttiva 2008/26/KE u d-Direttiva 2010/78/UE. Attwalment il-MAD qiegħda tiġi riveduta, KUMM (2011)654 u l-Proposta għal Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq KUMM (2011) 651

[36]             Studju tal-Ecorys dwar l-Industriji Ewropej li Jużaw Ħafna Enerġija – Is-Siwi tal-Istima tal-Elastiċitajiet Settorjali fil-Prezzijiet

[37]             Il-prezzijiet tal-faħam tal-kokk żdiedu minn $170 għal kull tunnellata fl-2009 għal $290 fl-2011

[38]             Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, Statistika ta’ kull tliet xhur, it-tieni kwart tal-2012

[39]             IEA: indiċi 2005 = 100, Prezzijiet u taxxi tal-enerġija, Statistika ta’ kull tliet xhur, ir-raba’ kwart tal-2012. Id-dejta Ewropea tirrigwarda l-membri tal-OECD biss

[40]             COM(2011) 885/2

[41]             2009/C 235/04

[42]             COM(2011) 676

[43]             Id-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE, Ir-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, 714/2009 u 715/2009

[44]             COM(2011) 808 finali

[45]             L-Artikoli 101 u/jew 102 TFUE

[46]             Il-każ AT. 39.386 — Kuntratti tal-Elettriku fit-Tul fi Franza (ĠU C 133, 22.5.2010, p. 5–6) u l-każ AT.37966 — Distrigaz (OJ C 9, 15.1.2008, p. 8–8)

[47]             L-avviż tal-Kummissjoni dwar gwida informali fil-każ ta’ kwistjonijiet ġodda fejn jidħlu l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE li jqumu f’każi individwali (gwida informali), ĠU C 101/78, 27.4.2004

[48]             EUCO 75/1/12 tat-23 ta’ Mejju 2013

[49]             Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Semestru Ewropew 2013: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż – Immexxu lill-Ewropa lil hinn mill-kriżi, KUMM (2013) 350

[50]             Huwa stmat li bejn 4 u 7% tal-emissjonijiet antropoġeniċi tas-CO2 joriġinaw minn din l-industrija fl-UE-27, li ġġenerat medja ta’ 252.5 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet tas-CO2 matul il-perjodu mill-2005 sal-2008

[51]             COM(2013) 169 final

[52]             COM(2011)112 finali

[53]             Dokument ta’ ħidma tal-Persunal SEC(2011)1609: Materials Roadmap Enabling Low Carbon Energy Technologies - Pjan direzzjonali għall-materjali li jippermetti teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju

[54]             Boston Consulting Group

[55]             COM(2011) 21

[56]             Id-Direttiva 2012/27/UE

[57]             Xenarji prospettivi dwar l-effiċjenza enerġetika u l-emissjonijiet tas-CO2 fl-industrija tal-Ħadid u l-Azzar (2012), JRC

[58]             ULCOS tfisser Ultra–Low Carbon dioxide (CO2) Steelmaking - Produzzjoni tal-Azzar b’Livell Baxx Ħafna ta’ Emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju (CO2)

[59]             Sustainable Process Industry through Resource and Energy Efficiency - Industrija bi Proċessi Sostenibbli permezz tal-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u l-Enerġija

[60]             COM (2011) 112 final

[61]             KUMM (2011) 885 finali

[62]             SEC(2011) 1609

[63]             COM(2012) 82 final

[64]             Il-BEI, li ma joperax bi skop ta’ profitt, xorta għandu klassifikazzjoni ta’ “triple-A” mat-tliet aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u għalhekk jista’ jissellef flus mis-swieq finanzjarji globali b’rati ta’ mgħax favorevoli ħafna u jgħaddihom lill-proġetti magħżula

[65]             COM(2011) 787 finali

[66]             COM(2005) 120 finali

[67]             COM(2011) 608