52013DC0396

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fis-Slovenja /* COM/2013/0396 final - 2013/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fis-Slovenja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mingħand il-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)       Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta' finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b'saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)       Fit-2 ta' Diċembru 2009 il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 126(6) tat-TFUE, li fis-Slovenja kien jeżisti defiċit eċċessiv u ħareġ rakkomandazzjonijiet[1] biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2013, skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv[2]. Sabiex iġibu d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika taħt it-3% tal-PDG b'mod kredibbli u sostenibbli, l-awtoritajiet Sloveni kienu rakkomandati li jimplimentaw il-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali fl-2010 kif ippjanat, jiżguraw aġġustament baġitarju strutturali annwali medju ta' ¾% tal-PDG matul il-perjodu 2010-2013, u jispeċifikaw il-miżuri li huma neċessarji biex tinkiseb il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2013 jekk jippermettu l-kundizzjonijiet ċikliċi u jaċċelleraw it-tnaqqis tad-defiċit jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi jew baġitarji jirriżultaw aħjar milli mistenni f'dak iż-żmien.

(4)       Fil-15 ta' Ġunju 2010, il-Kummissjoni kkonkludiet abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2010 tas-servizzi tal-Kummissjoni, li s-Slovenja kienet ħadet azzjoni effettiva f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 biex iġġib id-defiċit tal-gvern taħt il-valur ta' referenza ta' 3% tal-PDG u qieset li, għaldaqstant, ma kien meħtieġ l-ebda pass addizzjonali fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

(5)       Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill jista' jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, jekk tkun ittieħdet azzjoni effettiva u jekk avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li kellhom konsegwenzi żvantaggużi kbar għall-finanzi tal-gvern iseħħu wara l-adozzjoni ta' dik ir-Rakkomandazzjoni. L-avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija b'effetti baġitarji żvantaġġużi kbar se jitqiesu fuq l-isfond tat-tbassir ekonomiku li fuqu hija bbażata r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(6)       Skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill meħtieġ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fi żmien determinat. Ir-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi żmien massimu ta' sitt xhur sabiex tittieħed azzjoni effettiva mill-Istat Membru kkonċernat biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv. Minbarra dan, f'rakkomandazzjoni biex jiġi kkoreġut defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu jitlob għall-ilħuq ta' miri baġitarji annwali li, abbażi tat-tbassir li fuqu tissejjes ir-rakkomandazzjoni, ikunu konsistenti ma' titjib minimu annwali fil-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament minbarra miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn, ta' mill-inqas 0,5% tal-PDG bħala valur ta' referenza.

(7)       Fuq il-bażi tal-eżami fil-fond tal-Kummissjoni tal-2013 dwar is-Slovenja l-Kummissjoni jidhrilha li s-Slovenja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. Titjib sostenibbli fir-riżultati fiskali, makroekonomiċi u fis-suq tax-xogħol jitlob progress simultanju fit-tnaqqis tal-iżbilanċi makroekonomiċi u l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

(8)       It-Tbassir tal-Ħarifa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, li kien jifforma l-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE tat-2 ta' Diċembru 2009, ipprojetta li l-ekonomija tas-Slovenja kienet se tespandi b'1,3% fl-2010 u bi 2,0% fl-2011. Is-snin 2012 u 2013 kienu lil hinn mill-orizzont ta' dak it-tbassir, iżda taħt l-ipoteżi tal-għeluq gradwali tad-distakk negattiv kbir fil-produzzjoni sal-2015, kien mistenni, għall-2012 u l-2013, tkabbir ogħla minn dak tal-2011. Filwaqt li t-tkabbir tal-PDG fl-2010 kien kważi daqs dak mistenni fit-Tbassir tal-Ħarifa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, fl-2011 huwa kien taħt il-livell projettat ta' 2,0%. L-ekonomija Slovena reġgħet daħlet f'riċessjoni fl-2012. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013[3] aġġornat tas-servizzi tal-Kummissjoni jimplika xenarju ħafna aktar negattiv minn dak previst fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ukoll għall-2013. Kumplessivament, it-tkabbir tal-PDG rriżulta li huwa notevolment aktar baxx milli pprojettat fit-Tbassir tal-Ħarifa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Dan qed ikollu effetti negattivi kemm mil-lat tad-dħul kif ukoll minn dak tal-infiq meta mqabbel ma' dak li kien mistenni fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(9)       Is-Slovenja rat il-PDG reali tagħha jaqa' konsiderevolment aktar malajr milli seħħ fiż-żona tal-euro kollha kemm hi bħala riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali kif ukoll tal-iżbilanċi domestiċi. It-tnaqqis fil-PDG reali ta' 7,8% fl-2009 kien ġej l-iktar minn xejriet fil-formazzjoni grossa tal-kapital. L-irkupru mmexxi mill-esportazzjoni li s-Slovenja esperjenzat fl-2010 u l-2011, meta l-PDG reali kiber b'1,2% u 0,6%, rispettivament, kien modest minħabba l-effett negattiv minn domanda domestika dgħajfa. Fl-2012 l-ekonomija Slovena daħlet f'riċessjoni oħra bi tkabbir reali tal-PDG negattiv ta' -2,3%. Kontribut pożittiv għat-tkabbir mid-domanda esterna netta kienet riżultat ta' tkabbir qawwi tal-esportazzjoni lejn swieq barra mill-UE u tnaqqis f'daqqa fl-importazzjonijiet minħabba domanda domestika dgħajfa.

(10)     It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 aġġornat tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprojetta iktar tnaqqis fil-PDG reali bi 2,0% fl-2013 minħabba tnaqqis fl-impjiegi, tkabbir negattiv fil-pagi reali u t-tnaqqis li qed ikompli fl-investiment. Huwa preżunt li t-tnaqqis fid-dejn tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji u r-riabilitazzjoni tas-settur bankarju qed jagħmlu progress, iżda mhux biżżejjed biex jagħtu appoġġ għall-bidu ta' ċiklu ġdid tal-investiment. B'hekk, il-konsum privat u l-investiment huma mbassra li jibqgħu l-akbar xkiel għat-tkabbir. Il-kontribuzzjoni pożittiva tat-tkabbir mid-domanda barranija netta hija mbassra li tonqos bi ftit. It-tkomplija mbassra tar-riċessjoni, bi tkabbir fil-PDG ta' -0,1% fl-2014 hija r-riżultat ta' dewmien sabiex tiġi solvuta l-kriżi bankarja u r-ristrutturar tas-settur korporattiv li għandu livell għoli ta' dejn. It-tkabbir reali tal-PDG huwa pprojettat il jkun ta' 1,3% fl-2015 minħabba tisħiħ gradwali fid-domanda domestika li jirriżulta l-aktar mir-riabilitazzjoni tas-settur bankarju, progress fit-tnaqqis tad-dejn tal-korporazzjonijiet u titjib fil-fiduċja tal-konsumatur.

(11)     Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika kien kiber għal 6,2% tal-PDG fl-2009 minħabba d-dinamika intrinsika qawwija tal-infiq prinċipalment fuq l-imgħax u t-trasferimenti soċjali. Il-miżuri ta' konsolidazzjoni fil-biċċa l-kbira ad hoc fl-2010 kienu mmirati b'mod partikolari lejn tkabbir anqas mgħaġġel fil-kont tal-pagi tas-settur pubbliku u t-trasferimenti soċjali. L-indiċjar tar-rati tal-benefiċċji soċjali, inklużi l-pensjonijiet, u l-pagi tas-settur pubbliku tnaqqas bin-nofs għall-2010 u xi bonusijiet relatati max-xogħol tnaqqsu. Fuq in-naħa tad-dħul, ir-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol, is-sigaretti u ż-żjut minerali żdiedu. Dawn il-miżuri, approvati qabel l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-PŻE tal-Kunsill, ikkontribwew għat-tnaqqis żgħir fid-defiċit nominali fl-2010 għal 5,9% tal-PDG.

(12)     Il-baġit tal-2011 estenda u saħħaħ il-miżuri ta' konsolidazzjoni fuq in-naħa tal-infiq mill-2010 l-aktar għal sena oħra. Fuq in-naħa tad-dħul, ir-rati tat-taxxa tas-sisa fuq is-sigaretti reġgħu żdiedu. Madankollu, id-defiċit nominali laħaq is-6,4% tal-PDG fl-2011 meta l-operazzjonijiet tal-appoġġ tal-kapital għall-intrapriżi tal-istat li jagħmlu t-telf u nfiq ta' darba kkontribwew 1,4% tal-PDG għad-defiċit.

(13)     In-notifika tal-PEŻ ta' Marzu 2013 kif ivvalidata mill-Kummissjoni (il-Eurostat) irrappurtat li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika għall-2012 kien ta' 4,0% tal-PDG. Dan ir-riżultat ikopri rikapitalizzazzjoni oħra tal-akbar bank b'madwar 0,2% tal-PDG f'Ġunju 2012, li ġiet trattata bħala żvilupp ta' darba. Il-Gvern implimenta trażżin importanti tan-nefqa kurrenti permezz ta' tnaqqis fil-pagi tas-settur pubbliku u t-trasferimenti soċjali. Madankollu, bosta miżuri ta' konsolidazzjoni għal darba oħra huma validi biss temporanjament. Minbarra dan, l-investiment pubbliku għal darba oħra reġa' naqas, b'riżultat ta' nuqqas li jammonta għal sa 45% f'termini reali mill-2009. Fl-aħħar nett, injezzjonijiet ta' kapital, inklużi miżuri ta' darba, għall-korporazzjonijiet pubbliċi kienu inqas sew milli kienu fl-2011. Fuq in-naħa tad-dħul, il-gvern naqqas ir-rata tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv u introduċa allowances aktar ġenerużi tal-investiment u R&Ż.

(14)     It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 aġġornat tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fl-2013 ta' 5,5% tal-PDG. Madankollu, mingħajr żewġ konverżjonijiet ta' darba ta' strumenti ibridi dejn-ekwità fl-ekwità tal-akbar żewġ banek, li jammontaw għal 1,2% tal-PDG, id-defiċit għall-2013 huwa projettat li jkun ta' 4,3% tal-PDG. Id-defiċit imbassar ta' 5,5% tal-PDG huwa komparabbli mal-mira tad-defiċit nazzjonali għall-2013 ta' 7,9% tal-PDG mill-aġġornament tal-2013 tal-programm ta' stabbilità, li tinkludi rikapitalizzazzjonijiet tal-banek li jammontaw għal 3,7% tal-PDG. Il-finanzi pubbliċi fl-2013 huma mistennija li jibbenefikaw mill-effetti ta' sena sħiħa tal-miżuri ta' ffrankar fl-Att dwar l-Ibbilanċjar tal-Finanzi Pubbliċi, li daħal fis-seħħ f'Ġunju 2012, u miżuri li għadhom kif ġew approvati li jżidu d-dħul fuq dak tal-baġit tal-2013. Id-deterjorazzjoni fis-suq tax-xogħol hija mistennija li tirriżulta fi tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet soċjali. B'kuntrast ma' dan, it-trasferimenti soċjali huma mbassra li se jiżdiedu għal darba oħra minħabba li baqa' għoli l-għadd ta' pensjonanti ġodda fi tmiem l-2012 u fil-bidu tal-2013.

(15)     It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 aġġornat tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit għall-2014 ta' 4,9% tal-PDG taħt suppożizzjoni tal-ebda tibdil fil-politika. Il-baġit tal-2014 ma jinkorporax miżuri diskrezzjonarji ġodda, minbarra għal tnaqqis fir-rata tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv għal 16% u stabbilizzazzjoni wiesgħa tal-kont tal-pagi tas-settur pubbliku fil-livell tal-2013. Fuq in-naħa tal-infiq, b'mod partikolari n-nefqa fuq l-imgħax u t-trasferimenti soċjali huma pprojettati li jkomplu jiżdiedu minħabba dejn ogħla, numru dejjem jikber ta' persuni fuq pensjoni tal-età u l-indiċjar tal-pensjonijiet. Taħt xenarju tal-ebda tibdil ta' politika, id-defiċit huwa pprojettat li jkun ta' 5,5% tal-PDG fl-2015. It-tbassir jinkorpora aktar żidiet fin-nefqa tal-imgħax, nefqa ogħla fuq il-pagi fis-settur pubbliku wara l-iskadenza ta' miżuri temporanji tat-trażżin tas-salarji tal-impjegati tas-settur pubbliku u l-aħħar pass ta' tnaqqis gradwali fir-rata tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv b'1 pp. għal 15%.

(16)     Minbarra riżorsi fiskali addizzjonali għat-tisħiħ tal-banek, ir-riskji għat-tbassir tad-dejn jidhru bbilanċjati. Riskji pożittivi jirriżultaw minn miżuri ta' ffrankar ġodda fil-baġit supplimentari tal-2013, filwaqt li riskji negattivi jirriżultaw minn implimentazzjoni dgħajfa tal-baġit u s-sentenza tal-qorti, li għadha qed tiġi kkontestata mill-gvern, li tistipula l-ħlas ta' żieda fis-salarji għall-impjegati tal-gvern posposta fl-2010.

(17)     Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni l-isforz fiskali annwali medju nominali huwa stmat li hu ta' 0,5% tal-PDG matul il-perjodu 2010 - 2013. Il-konsolidazzjoni kienet ikkonċentrata fl-2012 u l-2013. Meta aġġustat għall-impatt tar-reviżjonijiet tat-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni bejn it-tbassir kurrenti u dak li fuqu huma msejsa r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 kif ukoll l-impatt tal-iżviluppi fid-dħul meta mqabbla ma' dawk implikati minn elastiċitajiet standard, l-isforz strutturali annwali medju aġġustat bejn l-2010 u l-2013 huwa stmat li hu ta' 1,1% tal-PDG. Dan huwa 'l fuq mill-isforz fiskali annwali medju rrakkomandat ta' ¾% tal-PDG.

(18)     L-ammont totali ta' miżuri addizzjonali ta' konsolidazzjoni implimentati mill-awtoritajiet Sloveni bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-PEŻ tal-Kunsill għall-perjodu 2010-2013 huwa stmat għal madwar 6¾% tal-PDG bbażat fuq metodu minn isfel għal fuq. Din l-istima teskludi miżuri ta' konsolidazzjoni li jammontaw għal madwar 0,8% tal-PDG mill-baġit tal-2010 diġà inklużi fit-Tbassir tal-Ħarifa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Miżuri li jammontaw għal madwar 5% tal-PDG, inkludew b'mod partikolari mekkaniżmi ta' indiċjar aktar baxxi u tnaqqis fil-pagi tas-settur pubbliku u fir-rati tal-benefiċċji soċjali kif ukoll taxxi indiretti ogħla. Minbarra dan, l-awtoritajiet naqqsu b'mod sinifikanti l-investiment pubbliku b'madwar 1¾% tal-PDG matul il-perjodu 2010-2012.

(19)     Is-Slovenja qed tiffaċċja żieda qawwija fid-dejn pubbliku minħabba defiċits primarji persistentement kbar u sa grad anqas l-aġġustament bejn il-fondi u l-flussi u pagamenti ogħla ta' imgħax. Miċ-ċifra baxxa ta' 22% tal-PDG fl-2008, id-dejn żdied għal 54% tal-PDG fl-2012. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi li dan se jiżdied għal 61% tal-PDG fl-2013, u għalhekk jikser il-valur ta' referenza tat-Trattat. Abbażi ta' xenarju ta' ebda bidla fil-politika, id-dejn huwa mbassar li jkompli jiżdied għal 69% tal-PDG fl-2015. Dawn il-projezzjonijiet ma jinkludux sa 11% tal-PDG f'garanziji mill-Istat għal trasferimenti ta' assi lil Kumpanija tal-Ġestjoni tal-Assi tal-Banek u sa 3% tal-PDG fi flus għal rikapitalizzazzjonijiet kif stipulat fl-Att dwar l-Istabbiltà tal-Banek.

(20)     Is-Slovenja ntlaqtet minn żviluppi ekonomiċi negattivi mhux mistennija. L-ekonomija hija f'reċessjoni doppja prevista li ddum sal-2014. L-impjiegi ġew affettwati negattivament, il-qgħad żdied drastikament u t-tkabbir reali tal-pagi sar negattiv. Is-Slovenja qiegħda wkoll tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi serji li qegħdin serjament ixekklu l-investiment. Għalhekk, id-domanda domestika qed tkompli tonqos. Dan qed ikollu effetti negattivi kemm mil-lat tad-dħul kif ukoll minn dak tal-infiq meta mqabbel ma' dak li kien mistenni fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. F'konformità mar-regoli tal-Patt tal-Istabbilità u t-Tkabbir, dan jissuġġerixxi li jixraq li tiġi stabbilita skadenza ġdida għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fis-Slovenja sal-2015.

(21)     L-għoti ta' sentejn addizzjonali għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv ikun konsistenti ma' miri intermedji tad-defiċit nominali ta' 4,9% tal-PDG għall-2013 (3,7% tal-PDG mingħajr 1,2% tal-PDG fi nfiq ta' darba sabiex jiġu rrikapitalizzati l-akbar żewġ banek), 3,3% tal-PDG għall-2014 u 2,5% tal-PDG għall-2014. It-titjib sottostanti fil-bilanċ strutturali tal-baġit implikat minn dawn il-miri huwa ta' 0,7% tal-PDG fl-2013, 0,5% tal-PDG fl-2014 u 0,5% tal-PDG fl-2015, li l-aħħar tnejn jikkorrispondu mat-titjib minimu mitlub mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997. B'kollox, biex jintlaħqu l-miri strutturali msemmija hawn fuq, l-awtoritajiet Sloveni jkunu jridu jimplimentaw miżuri ta' konsolidazzjoni addizzjonali ta' 1% tal-PDG fl-2013, 1½% tal-PDG fl-2014 u 1½% tal-PDG fl-2015 minbarra l-miżuri diġà inklużi fix-xenarju ta' bażi. Dawn il-miri jqisu l-ħtieġa ta' kumpens għall-effetti sekondarji negattivi tal-konsolidazzjoni fiskali fuq il-finanzi pubbliċi, permezz tal-impatt tiegħu fuq it-tkabbir tal-PDG.

(22)     Ir-Rapport tas-Sostenibbiltà Fiskali tal-2012 tal-Kummissjoni Ewropea juri li s-Slovenja hija f'riskju għoli għas-sostenibbiltà fuq terminu twil u medju. Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2012 juri żieda qawwija pprojettata fin-nefqa pubblika totali relatata mal-età matul is-snin 2010-60. Għal dan l-għan, trażżin addizzjonali taż-żieda fl-infiq marbut mal-età billi jkomplu jiġu aġġustati l-parametri rilevanti kollha tas-sistemi tal-pensjoni u tas-sigurtà soċjali, jidher li hu meħtieġ sabiex jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul.

(23)     Is-Slovenja tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-amministrazzjoni pubblika kif stipulat fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

(1) L-awtoritajiet Sloveni għandhom iġibu fi tmiemha l-qagħda attwali ta' defiċit eċċessiv sal-2015.

(2) Is-Slovenja għandha tilħaq il-mira tad-defiċit nominali tal-amministrazzjoni pubblika ta' 4,9% tal-PDG fl-2013 (3,7% tal-PDG mingħajr infiq ta' darba ta' 1,2% tal-PDG sabiex jiġu rrikapitalizzati l-akbar żewġ banek), 3,3% tal-PDG fl-2014 u 2,5% tal-PDG fl-2015, li huwa konsistenti ma' titjib annwali tal-bilanċ strutturali ta' 0,7% tal-PDG fl-2013, 0,5% tal-PDG fl-2014 u 0,5% tal-PDG fl-2015, sabiex id-defiċit nominali tal-gvern jinżel għal inqas minn 3% tal-limitu tal-PDG sal-2015, abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 aġġornat tas-servizzi tal-Kummissjoni.

(3) Is-Slovenja għandha timplimenta b'mod rigoruż il-miżuri diġà adottati sabiex jiżdied l-aktar id-dħul mit-taxxi indiretti u tonqos l-ispiża tal-pagi fis-settur pubbliku u t-trasferimenti soċjali filwaqt li tkun lesta li tikkumplimentahom b'miżuri addizzjonali jekk ir-rendiment tagħhom ikun inqas milli previst jew jekk kwalunkwe miżura tiġi mħassra permezz tas-sistema ġudizzjarja.

(4) Minbarra dan, is-Slovenja għandha tispeċifika, tadotta u timplimenta miżuri ta' konsolidazzjoni strutturali ġodda, minbarra dawk diġà inklużi fit-Tbassir aġġornat tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2013, li huma neċessarji biex tinkiseb il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2015.

(5) Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza tal-[1 ta' Ottubru 2013] sabiex is-Slovenja tieħu azzjoni effettiva u, f'konformità mal-Artikolu 3(4a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, biex tirrapporta fid-dettall l-istrateġija ta' konsolidazzjoni prevista biex jintlaħqu l-miri.

Minbarra dan, l-awtoritajiet Sloveni għandhom (i) jaċċelleraw it-tnaqqis tad-defiċit nominali fl-2014 u l-2015 jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi jew baġitarji jkunu aħjar milli mistenni bħalissa; (ii) jispeċifikaw, jadottaw u jimplimentaw miżuri ta' konsolidazzjoni strutturali li jnaqqsu gradwalment il-proporzjon tal-infiq kurrenti mal-PDG, iwasslu għal titjib fit-tul fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika, jappoġġjaw it-tkabbir potenzjali tal-ekonomija inkluż permezz tal-evitar ta' iktar tnaqqis fl-investiment pubbliku, u bil-mod il-mod iwasslu biex il-proporzjon tad-dejn jaqbad direzzjoni ta' tnaqqis. Fl-aħħar nett, sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija ta' konsolidazzjoni fiskali, se jkun importanti wkoll li jiġi appoġġjat il-konsolidazzjoni fiskali b'riformi strutturali kumplessivi, f'konformità mar-rakkomandazzonijiet tal-Kunsill indirizzati lis-Slovenja fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-Proċedura għall-Iżbilanċi Makroekonomiċi.

Lil hinn mir-rapport previst fir-rakkomandazzjoni (5), l-awtoritajiet Sloveni għandhom jirrappurtaw dwar il-progress li jsir fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet mill-inqas kull [sitt xhur] kif ukoll f'kapitolu separat fil-programmi ta' stabbiltà, sakemm tinkiseb il-korrezzjoni sħiħa tad-defiċit eċċessiv.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv tas-Slovenja jinsabu hawn: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/deficit/countries/slovenia_en.htm

[2]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

[3]               Dan it-tbassir huwa bbażat fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, li l-orizzont tiegħu ġie estiż sal-2015. Minbarra dan, l-aġġornament jinkorpora żewġ bonds maħruġa fis-suq tal-Istati Uniti fit-2 ta' Mejju 2013 b'impatt fuq l-infiq fuq l-interessi, id-defiċit u d-dejn.