Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro /* COM/2013/0379 final */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida
ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita
tagħhom hija l-euro IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 136 flimkien
mal-Artikolu 121(2) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar
it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u
s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u b'mod partikolari
l-Artikolu 5(2) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(UE) Nru 1176/2011 tas-16 ta' Novembru 2011 dwar
il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u b'mod partikolari
l-Artikolu 6(1) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea[3], Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet
tal-Parlament Ewropew[4], Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew, Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, Billi: (1) Il-Grupp tal-Euro għandu
responsabilità speċjali fil-governanza taż-żona tal-euro.
Il-kriżi ekonomika indikat b'mod ċar l-interrelazzjonijiet mill-qrib
fiż-żona tal-euro, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa għal
qagħda aggregata koerenti ta' politika li tirrifletti r-riperkussjonijiet
qawwija bejn il-pajjiżi li l-munita tagħhom hija l-euro u
l-ħtieġa għal arranġamenti effettivi tal-koordinazzjoni
fil-politika biex ikun hemm rispons rapidu għall-bidliet fl-ambjent
ekonomiku. (2) L-Istati Membri li l-munita
tagħhom hija l-euro impenjaw ruħhom għal sett ta' riformi
politiċi u koordinament politiku addizzjonali b'impatt wiesa' billi
ffirmaw it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinament u l-Governanza fl-Unjoni
Ekonomika u Monetarja fit-2 ta' Marzu 2012. Id-dħul
fis-seħħ tal-hekk imsejħa Regolamenti "Two Pack"[5] fl-2013 se jkomplu
japprofondixxu l-koordinament baġitarju u tal-politika ekonomika
fiż-żona tal-euro. (3) Qed isir xogħol biex
tiġi approfondita iktar l-unjoni ekonomika u monetarja. Fit-28 ta' Novembru 2012,
il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni għal pjan ta' azzjoni
għal unjoni ekonomika u monetarja profonda ġenwina[6]. Il-pjan ta' azzjoni identifika
l-ħsieb u l-għanijiet ta' UEM ġenwina kif ukoll l-istrumenti u
l-passi li jagħmilha possibbli li jintlaħqu. Il-pjan ta' azzjoni kien
maħsub li jvara dibattitu Ewropew.
Fit-12 ta' Settembru 2012, il-Kummissjoni ppreżentat pjan
direzzjonali lejn Unjoni Bankarja[7]. Din il-proposta kienet
akkumpanjata minn proposta għal żewġ regolamenti
meħtieġa biex jiġi stabbilit mekkaniżmu uniku ta'
superviżjoni[8].
Fil-5 ta' Diċembru 2012, il-President tal-Kunsill Ewropew
ħareġ rapport li kien żviluppat f'kollaborazzjoni mill-qrib
mal-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Grupp tal-Euro u l-President
tal-BĊE, u li kien fih pjan direzzjonali għall-ksib ta' Unjoni
Ekonomika u Monetarja ġenwina. Dan kien strutturat madwar l-oqsma ta'
qafas politiku finanzjarju, baġitarju u ekonomiku integrat u
leġittimità u responsabilità demokratiċi. Fl-14 ta' Diċembru 2012,
il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddeċidew dwar il-ħidma li trid
issir fuq pjan direzzjonali għat-tlestija tal-UEM, filwaqt li jagħrfu
l-interdipendenza bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona
tal-euro u l-benefiċċji li l-istabilità fiż-żona tal-euro tista'
ġġib lill-membri tagħha u lill-Unjoni Ewropea bħala entità
waħda. (4) Il-Parlament Ewropew kien
involut kif xieraq fis-Semestru Ewropew u esprima fehmietu dwar
l-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja fir-riżoluzzjoni
tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 "Lejn Unjoni Ekonomika
u Monetarja ġenwina"[9]. (5) Il-ġestjoni
tal-kriżi taż-żona tal-euro kienet ikkaratterizzata minn rieda
qawwija. L-impenn tal-Istati Membri kollha u tal-istituzzjonijiet tal-UE
għas-salvagwardjar tal-integrità taż-żona tal-euro ma jistax
jiġi ddubitat. Madankollu, l-effikaċja tal-governanza
taż-żona tal-euro kif ukoll il-kondotta tal-ġestjoni
tal-kriżi mill-Grupp tal-Euro hemm bżonn li jittejbu iktar biex
jiġi żgurat bis-sħiħ il-koordinament effikaċi
tal-livell taż-żona tal-euro. Hemm bżonn ukoll ta' koordinament
imsaħħaħ biex wieħed jasal għal pożizzjoni
politika aggregata koerenti fiż-żona tal-euro u biex jiġi
żgurat li l-miżuri politiċi neċessarji jkunu implimentati.
L-ilħuq ta' dawn l-għanijiet iqawwi l-fiduċja
taċ-ċittadini u s-swieq, u b'hekk jikkontribwixxi għall-irkupru
ekonomiku u l-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro. (6) L-implimentazzjoni
tat-two-pack se jkompli jsaħħaħ is-sorveljanza baġitarja
fiż-żona tal-euro. Il-leġiżlazzjoni two-pack tassenja rwol
lill-Grupp tal-Ewro fid-diskussjoni dwar l-abbozzi tal-baġits tal-Istati
Membri individwali kif ukoll il-prospetti baġitarji
għaż-żona tal-euro bħala entità waħda sabiex tiġi
żgurata pożizzjoni fiskali kumplessiva xierqa. Dawn
id-diskussjonijiet iseħħu fuq il-bażi tal-opinjonijiet
tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri
taż-żona tal-euro u tal-valutazzjoni kumplessiva taż-żona
tal-euro u l-interazzjoni tagħhom. Għall-konsolidazzjoni fiskali fiż-żona
tal-euro, l-isfida hija li l-proporzjon ta' dejn mal-PDG, iktar ma jgħaddi
ż-żmien, iktar jaqbad it-triq tan-niżla. Dan jista' jsir billi
jkun hemm politiki ta' konsolidazzjoni fiskali differenzjati li jiffavorixxu
t-tkabbir filwaqt li jagħtu spinta lill-potenzjal ta' tkabbir
taż-żona tal-euro. L-Istati Membri b'defiċits
eċċessivi għandhom imorru għal aġġustamenti
baġitarji kif definiti f'termini strutturali fir-rakkomandazzjonijiet
rispettivi tal-Kunsill, li jqisu differenzi minn pajjiż għall-ieħor
fir-riskji għas-sostenibilità, kemm fit-terminu l-qasir u kemm f'dak
medju, u jippermettu stabilizzaturi awtomatiċi biex jiffunzjonaw mat-triq
lejn l-aġġustament. Il-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbità u
Tkabbir tipprevedi aġġustament gradwali lejn l-Objettivi ta' Terminu
Medju b'titjib strutturali annwali ta' 0,5 % bħala punt ta'
riferiment. Dan jista' jkun modulat fuq bażi speċifika
għall-pajjiż meta jitqiesu l-kundizzjonijiet ċikliċi u
r-riskju ta' sostenibilità tad-dejn. Il-kredibilità tal-politika fiskali tul
it-terminu medju jissaħħaħ jekk il-kompożizzjoni tal-infiq
u d-dħul tal-gvern jirriflettu aħjar l-impatt fuq it-tkabbir
tal-partiti ta' nfiq u sorsi ta' dħul differenti. Sabiex jiżdied
il-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija, jadottaw riformi strutturali ulterjuri
u jużaw il-marġni baġitarju kollu disponibbli biex jitrawwem
l-investiment pubbliku fiż-żona tal-euro, bl-użu tal-kamp ta'
applikazzjoni pprovdut mill-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir. (8) Ħafna mill-indikaturi
tar-riskju relatati mas-swieq finanzjarji tal-UE kif ukoll is-sentiment fis-suq
tjiebu meta mqabbla mal-2012 hekk kif sfumat l-intensità taż-żieda
fil-fiduċja awtosodisfaċenti u distruttiva. Madankollu, għad
hemm frammentazzjoni tas-suq sinifikanti. Kundizzjonijiet imtejba ta'
ffinanzjar għall-banek għadhom iridu jwasslu għal żieda
fil-kreditu għall-ekonomija reali u d-differenzi sinifikanti jippersistu
fost l-Istati Membri fir-rigward tal-attività ta' self bankarju u l-ispiża
ta' finanzjament lis-settur privat. Il-faċilitazzjoni
tat-tnaqqis fl-ingranaġġ ordinat kemm tas-settur bankarju u kemm
tas-settur privat nonfinanzjarju filwaqt li jiġi sostnut il-fluss ta'
kreditu ġdid għal użi produttivi fl-ekonomija reali u
partikolarment l-SMEs, huma l-isfida ewlenija bħalissa. (9) Iktar tiswija tal-karti ta' bilanċ tal-banek u iktar
tisħiħ tal-minimu ta' ekwità, fejn meħtieġa,
jikkontribwixxu għat-tiswija tal-kanal ta' kreditu. F'dan il-kuntest, reviżjonijiet ta' kwalità tal-assi u
simulazzjonijiet ta' kriżi għandhom isiru mill-MSU u mill-EBA biex
jipprovdu trasparenza tal-karti ta' bilanċ tal-banek, biex jidentifikaw
kull parti vulnerabbli li jifdal, u għalhekk isaħħu
l-fiduċja fis-settur kollu kemm hu. Ir-riskju ta' frammentazzjoni
ulterjuri tas-suq finanzjarju u t-turbolenza finanzjarja juru l-importanza
għall-euro li jkompli għaddej il-ħolqien tal-Unjoni Bankarja
filwaqt li jiġu evitati approċċi ad hoc
għar-riżoluzzjonijiet bankarji. (10) Għalhekk għandhom
jiġu implimentati riformi strutturali biex jitjieb it-tħaddim
tas-swieq tal-prodotti u tax-xogħol sabiex tiġi promossa l-kompetittività,
jissaħħaħ il-proċess ta' aġġustament li
għaddej u tiġi ggrarantita r-riallokazzjoni sostenibbli
tar-riżorsi. Barra minn hekk, ir-riformi
strutturali għandhom rwol essenzjali fil-faċilitazzjoni
tal-proċess ta' ribilinċjament u tnaqqis fl-ingranaġġ.
Għall-pajjiżi b'defiċit, il-kisbiet fil-kompetittività
jżidu l-esportazzjonijiet netti pożittivi, li jgħinu biex
jirribilanċjaw ix-xejra ta' tkabbir lejn setturi kummerċjabbli inqas
intensivi fix-xogħol, filwaqt li jkun hemm sostenn għall-irkupru ekonomiku
u t-tnaqqis għall-proporzjonijiet tad-dejn. Fl-istess ħin, ir-riformi
għat-titjib tal-kompetizzjoni fil-pajjiżi b'bilanċ favorevoli
fil-kont kurrenti jistgħu jikkontribwixxu għar-riallokazzjoni
tar-riżorsi u jgħinu biex tingħata spinta lill-investiment
fis-setturi mhux kummerċjabbli. Dan isaħħaħ ir-rwol
tad-domanda domestika fil-kompożizzjoni tat-tkabbir li jagħmel
l-aġġustament fiż-żona tal-euro iktar simetrika. Fl-istess
ħin, il-kriżi kellha effetti asimetriċi fuq l-impjiegi
tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, bil-pajjiżi l-iktar milquta
jkunu dawk bl-iktar kompressjoni severa ta' domanda domestika marbuta
mal-bilanċi sfavorevoli tal-kont kurrenti. Fin-nuqqas ta' assorbiment
effettiv u veloċi tal-qgħad ċikliku, jistgħu
jimmaterjalizzaw ruħhom effetti ta' istereżi, fejn il-qgħad
irabbi l-għeruq u jsir inqas sensittiv għad-dinamiċi tal-pagi.
Għalhekk, ir-riformi strutturali fis-suq tax-xogħol jibqgħu ta'
importanza partikolari għall-mitigazzjoni tar-riskji
għall-koeżjoni soċjali u l-potenzjal ta' tkabbir futur
fiż-żona tal-euro. Bl-iffirmar tat-Trattat dwar l-Istabbiltà,
il-Koordinazzjoni u l-Governanza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja,
fit-2 ta' Marzu 2012, l-Istati Membri taż-żona
tal-euro impenjaw ruħhom għall-koordinament ex ante
l-pjanijiet nazzjonali tagħhom għal riformi ekonomiċi ewlenin.
L-impatt tal-miżuri diġà adottati għandu jkun immonitorjat
mill-Grupp tal-Euro, bil-ħsieb li jħeġġeġ azzjoni
ulterjuri fejn ikun hemm bżonn, u biex javvanzaw l-ambizzjonijiet ta'
riformi b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi
tal-pajjiżi. B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Istati Membri
taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, individwalment u
kollettivament, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi
tal-Kunsill fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi
tal-Istati Membri, iżda b'mod partikolari fil-kuntest tal-koordinazzjoni
tal-politika ekonomika fil-qafas tal-Grupp tal-Euro, fil-perjodu 2013-2014
biex: 1. Jieħdu azzjoni
kollettiva fil-Grupp tal-Euro biex jiżguraw pożizzjoni politika
koerenti fiż-żona tal-euro, u jwasslu d-deċiżjonijiet
politiċi neċessarji li jkunu meħtieġa biex jiġi
żgurat il-funzjonament tajjeb taż-żona tal-euro. Jippermettu
lill-Grupp tal-Euro jkollu rwol ċentrali fil-qafas ta' sorveljanza
msaħħa applikabbli għall-Istati Membri taż-żona
tal-euro biex jikkoordina u jimmonitorizza r-riformi fil-livell nazzjonali u
f'dak taż-żona tal-euro biex tiġi żgurata l-koerenza
politika. 2. Jiżguraw li l-Grupp
tal-Euro jimmonitorizza u jikkoordina l-politiki fiskali tal-Istati Membri
taż-żona tal-euro u l-pożizzjoni fiskali aggregata implikata
għaż-żona tal-euro bħala entità waħda biex tiġi
żgurata politika fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir.
Għal dan l-għan il-Grupp tal-Euro għandu jiddiskuti
l-opininjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji
ta' kull Stat Membru taż-żona tal-euro, u s-sitwazzjoni u l-prospetti
baġitarji taż-żona tal-euro bħala entità waħda fuq
il-bażi tal-valutazzjoni kumplessiva mill-Kummissjoni tal-abbozzi tal-pjanjiet
baġitarji u l-interazzjoni tagħhom. Il-koordinament jikkontribwixxi
għall-iżgurar li l-pass tal-konsolidazzjoni fiskali jkun differenzjat
skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tal-Istati Membri taż-żona
tal-euro bl-aġġustament baġitarju definit fit-termini
strutturali, li jippermetti lill-istabilizzaturi awtomatiċi jiffunzjonaw
tul it-triq tal-aġġustament u li, fid-dawl tat-tisħiħ
tal-kredibilità tal-politika fiskali fit-terminu medju, il-konsolidazzjoni
fiskali hija appoġġata minn taħlita ta' nfiq u dħul
kumplessivament effiċenti u li tiffavorixxi t-tkabbir u minn riformi
strutturali xierqa li jqawwu l-potenzjal ta' tkabbir ekonomiku. 3. Jivvalutaw, fil-qafas
tal-Grupp tal-Euro, ir-raġunijiet wara d-differenzi fir-rati tas-self
speċjalment lill-SMEs fl-Istati Membri taż-żona tal-euro; jesploraw
il-konsegwenzi tal-frammentazzjoni tas-swieq finanzjarji fiż-żona
tal-euro u jagħtu pariri dwar il-modi biex jingħelbu. 4. Filwaqt li jibnu fuq
ir-rikapitalizzazzjoni u r-ristrutturazzjoni tas-snin imgħoddija,
jippromwovu iktar tiswija tal-karta tal-bilanċ fost il-banek bħala
mezz li jirriversja l-frammentazzjoni fis-suq uniku u jtejjeb il-fluss
tal-kreditu għall-ekonomija reali, partikolarment l-SMEs. Għal din
il-fini: (a) jiżguraw li l-valutazzjonijiet tal-karta tal-bilanċ u
s-simulazzjonijiet ta' kriżi jsiru mill-Mekkaniżmu Superviżjoni
Uniku (MSU) b'kooperazzjoni mal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) huma
konklużi skont l-iskeda maqbula; (b) jiżguraw kundizzjonijiet
ekwivalenti ta' kompetizzjoni meta japplikaw ir-rekwiżiti ta'
kondiviżjoni tal-piżijiet fir-rikapitalizzazzjoni tal-banek; (c)
idaħħlu fis-seħħ garanziji ta' kontinġenza fiskali
kredibbli għar-rikapitalizzazzjonijiet possibbli tal-banek qabel
il-valutazzjonijiet tal-karti ta' bilanċ u l-kriżi; (d) ineħħu
l-inċentivi superviżorji għall-banek biex iqabblu l-assi u
l-obbligi mal-fruntieri nazzjonali; Jaċċelleraw it-twaqqif ta' Unjoni
Bankarja li tinkludi superviżur uniku, mekkaniżmu uniku ta'
riżoluzzjoni, kapaċità ta' rikapitalizzazzjoni interna, fond ta' riżoluzzjoni
komuni u garanzija ta' kontinġenza fiskali komuni inkluża
l-possibilità għal rikapitalizzazzjoni diretta tal-istituzzjonijiet
finanzjarji. 5. Jikkoordinaw ex ante
l-pjanijiet ta' riforma ekonomika ewlenin tal-Istati Membri li l-munita
tagħhom hija l-euro. Jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tar-riformi
strutturali, l-iktar fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti u jivvalutaw
l-impatt fuq iż-żona tal-euro, meta jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet
tal-Kunsill għal Stati Membri individwali taż-żona tal-euro.
Jippromwovu aġġustament ulterjuri fiż-żona tal-euro,
jiżguraw li tkompli b'mod bilanċjat u strutturali, billi jsegwu
bir-reqqa r-riformi li jindirizzaw id-distorsjonijiet għall-kondotta
tat-tfaddil u tal-investiment fl-Istati Membri b'kemm id-defiċits u kemm il-bilanċi
favorevoli fil-kontijiet kurrenti. Jieħdu l-passi neċessarji
għal implimentazzjoni effettiva tal-Proċedura tal-Iżbilanċi
Makroekonomiċi, l-iktar billi jivvalutaw il-progress fl-impenji
għar-riforma fl-Istati Membri li jesperjenzaw żbilanċi
eċċessivi u bl-implimentazzjoni tar-riforma fl-Istati Membri bi
żbilanċi li jirrikjedu azzjoni deċiżiva biex jiġu
evitati riperkussjonijiet fil-bqija taż-żona tal-euro. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. [2] ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25. [3] COM(2013) finali [irid
jiġi aġġornat bir-ref.tal-2013]. [4] P7_TA(2013)0052 u P7_TA(2013)0053. [5] COM(2011) 821 finali u COM(2011) 819 finali. [6] COM(2012) 777 finali. [7] COM(2012) 510 finali. [8] COM(2012) 511 finali u COM(2012) 512 finali. [9] Ir-riżoluzzjoni tal-20 ta' Novembru 2012
"Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina", ara
P7_TA(2012)0430.