Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Finlandja tal-2013 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Finlandja għall-2012-2017 /* COM/2013/0376 final - 2013/ () */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma
tal-Finlandja tal-2013
u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà
tal-Finlandja għall-2012-2017
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u
148(4) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza
ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta'
politika ekonomika[1],
u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru
1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar
il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u b'mod partikolari l-Artikolu
6(1) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea[3], Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet
tal-Parlament Ewropew[4], Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Impjiegi, Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u
Finanzjarju, Billi: (1) Fis-26 ta' Marzu 2010,
il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija
strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, bl-isem ta' Ewropa
2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi u
li se tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li
tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u
l-kompetittività. (2) Fit-13 ta' Lulju 2010, fuq il-bażi
tal-proposti tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji
gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u
l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta' Ottubru 2010, huwa adotta
deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi
tal-Istati Membri[5],
li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri
ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali
tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi. (3) Fid-29 ta' Ġunju 2012,
il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u
l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għall-azzjoni fil-livelli
nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-għodod,
strumenti u politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li
għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, u b'mod partikolari
esprimew impenn sħiħ favur il-kisba tal-objettivi
tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet
speċifiċi għall-pajjiżi. (4) Fis-6 ta' Lulju 2012,
il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma
tal-Finlandja għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta'
stabbiltà aġġornat tal-Finlandja għall-perjodu 2011-2015. (5) Fit-28 ta' Novembru 2012,
il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir[6], li nieda s-Semestru Ewropew
2013 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Ukoll fit-28 ta'
Novembru 2012, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni
adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[7], li fih hija identifikat lill-Finlandja
bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kien se jitwettaq
rieżami fil-fond. (6) Fl-14 ta' Marzu 2013,
il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-iżgurar ta'
stabbiltà finanzjarja, konsolidazzjoni fiskali u azzjoni biex jitrawwem
it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni
fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa'
jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi
t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi
soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni
pubblika. (7) Fl-10 ta' April 2013,
il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tar-rieżami fil-fond[8] tagħha
għall-Finlandja, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011.
L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Finlandja qed
tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi, li jistħoqqilhom
monitoraġġ u azzjoni ta' politika. B'mod partikolari,
id-deterjorament sostanzjali fil-pożizzjoni tal-kont kurrenti u
d-dgħufija fil-prestazzjoni tal-esportazzjoni, xprunata minn ristrutturar
industrijali, u l-fatturi ta' kompetittività marbuta mal-ispejjeż u
oħrajn li mhumiex, jistħoqqilhom li jkomplu jingħataw
attenzjoni. (8) Fit-18 ta' April 2013,
il-Finlandja ssottomettiet il-programm ta' stabbiltà tal-2013 tagħha li
jkopri l-perjodu 2012-2017 u l-programm nazzjonali ta' riforma tal-2013
tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom,
iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt. (9) Abbażi tal-valutazzjoni
tal-programm ta' stabbiltà tal-2013 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru
1466/97, il-Kunsill huwa tal-fehma li l-finanzi pubbliċi tal-Finlandja
huma fil-biċċa l-kbira sodi u li saru sforzi sabiex jiżdied
id-dħul u biex tiġi kkontrollata n-nefqa bil-għan li jsir
progress lejn l-objettiv fuq terminu medju (OTM). Ix-xenarju makroekonomiku li
fuqu huma bbażati l-projezzjonijiet tal-baġit fil-programm huwa
plawżibbli. Il-projezzjoni tat-tkabbir għall-2013 hija simili
għat-Tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni, filwaqt li dik għall-2014
hija 0,6 punti perċentwali ogħla mit-tbassir tal-Kummissjoni.
L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritt fil-programm huwa li
l-finanzi tal-gvern ċentrali jiġu bbilanċjati u li l-proporzjon
tad-dejn mal-PDG tal-gvern ċentrali jinġieb fuq xejra ta' tnaqqis
sal-2015. Il-programm jinkorpora bidla fl-objettiv fuq terminu medju (OTM) minn
0,5% għal -0,5%. L-OTM l-ġdid huwa konformi mar-rekwiżiti
tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-programm jipprevedi li l-OTM
jintlaħaq sal-2014 u li din is-sitwazzjoni tinżamm sal-2017.
Abbażi tal-bilanċ strutturali (rikalkulat) imsejjes fuq
l-informazzjoni fil-programm, il-Finlandja ma ssodisfatx fl-2012 l-OTM
applikabbli qabel u ma kenitx se tissodisfa l-OTM il-ġdid fl-2013.
Il-programm jipprojetta li l-bilanċ strutturali (rikalkulat) se jittejjeb
minn -1% tal-PDG fl-2012 għal -0,9% tal-PDG fl-2013. Bejn l-2014 u l-2017,
huwa se jibqa' bejn -0,6% u -0,7% tal-PDG. Fl-2012, in-nefqa netta
tal-Finlandja żdiedet b'0,4% li għadha taħt ir-rata referenzjarja
applikabbli tal-valur referenzjarju tan-nefqa. Minħabba t-tkabbir reali
negattiv tal-PDG fl-2012, l-aġġustament strutturali baxx huwa meqjus
suffiċjenti. Fl-2013, il-bilanċ strutturali (rikalkulat)
tal-Finlandja qed jitjieb u n-nefqa netta tagħha hija projettata li tiddevja
biss b'0,1% tal-PDG mill-valur referenzjarju tan-nefqa. Fid-dawl tad-distakk
kbir u negattiv tal-produzzjoni li għandha l-Finlandja, dan huwa meqjus
bħala xieraq. Fl-2014, il-bilanċ strutturali (rikalkulat)
tal-Finlandja huwa previst li jkompli jitjieb, u jilħaq -0,6% tal-PDG, u
b'hekk joqrob biżżejjed lejn l-OTM (minbarra dan, skont it-tbassir
tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni, il-Finlandja tilħqu b'mod
sħiħ fl-2014). Globalment, dan ikun jimplika konformità mal-parti preventiva
tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Id-dejn konsolidat gross tal-amministrazzjoni
pubblika kien 53% tal-PDG fl-2012 u se jibqa', skont il-programm, taħt
is-60% tal-PDG matul il-perjodu tal-programm. Il-programm ibassar tnaqqis
fil-livell tad-dejn fl-2016 u fl-2017. Is-sostenibbiltà fit-tul qed tkompli
tkun l-aktar sfida importanti għall-politika fiskali. Id-distakk
tas-sostenibbiltà relatat mat-tixjiħ, fir-rigward tal-pensjonijiet,
tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul, ġie rikonoxxut u
jeħtieġ monitoraġġ kostanti. (10) It-tkabbir fil-produttività
fis-servizzi pubbliċi ma laħħaqx mat-tkabbir fil-produttività
fl-ekonomija aktar wiesgħa filwaqt li l-piż marbut mat-tixjiħ
tal-popolazzjoni qiegħed jiżdied. Filwaqt li l-prinċipji
għar-riforma tal-muniċipalitajiet ġew stabbiliti,
il-fużjonijiet se jibqgħu volontarji għalkemm se jkunu
disponibbli inċentivi finanzjarji mill-gvern ċentrali. Huwa mistenni
li r-riforma li tinsab għaddejja tas-servizzi soċjali u
tas-saħħa mhix se twassal għal tnaqqis sinifikanti fin-numru
kurrenti ta' distretti tal-kura tas-saħħa. (11) Ġew implimentati
miżuri sabiex jitnaqqas il-qgħad
taż-żgħażagħ u dak fit-tul, bħall-garanzija
taż-żgħażagħ, il-programm temporanju tal-ħiliet
għall-adulti żgħażagħ u l-programm pilota għal
dawk qiegħda fit-tul. Dawn ġew supplimentati fl-2013
b'appoġġ finanzjarju addizzjonali għall-apprentistati bħala
parti mill-garanzija taż-żgħażagħ; dawn huma
milqugħa b'sodisfazzjon fil-kuntest ta' żieda mistennija fir-rata
tal-qgħad. Dawn il-miżuri issa jeħtieġ li jiġu
implimentati b'attenzjoni ċara fuq it-titjib tal-livell tal-ħiliet u
tal-pożizzjoni tas-suq tax-xogħol tal-gruppi fil-mira. Żieda
fir-rata tal-impjieg tal-ħaddiema ikbar fl-età hija importanti biex
jiġu żgurati finanzi pubbliċi sostenibbli u biex tintlaħaq
id-domanda għall-impjiegi fil-ġejjieni. Id-daqs tal-popolazzjoni
fl-età tax-xogħol qiegħed jonqos fil-Finlandja. Ġew miftiehma
bosta miżuri sabiex jiġu indirizzati modi għall-irtirar kmieni,
bħal li togħla l-età għall-aċċess għal pensjoni
part-time, it-tneħħija tal-possibilità ta' pensjoni mnaqqsa u
ż-żieda fl-età tal-irtirar wara l-qgħad. Madankollu,
iż-żieda fl-istennija tal-ħajja kienet iktar
mgħaġġla milli kien previst matul ir-riforma tal-pensjonijiet
fl-2005, u għalhekk, aktar ma jgħaddi żmien, il-firxa tal-età
statutorja ta' rtirar eżistenti tista' tirriżulta baxxa wisq u
l-pensjonijiet jistgħu jirriżultaw mhux suffiċjenti.
Fil-programm tiegħu, il-gvern impenja ruħu li jżid l-età
tal-irtirar effettiva għal 62,4 sena sal-2025, li tibqa' waħda baxxa
fil-kuntest tal-istennija tal-ħajja u tal-isfidi demografiċi.
L-implimentazzjoni ta' dawn il-linji ta' azzjoni maqbula tibqa' prijorità fuq
perjodu qasir. (12) L-ostakli regolatorji
fis-settur tas-servizzi fil-Finlandja għadhom restrittivi u
l-konċentrazzjonijiet tas-suq huma għolja f'setturi importanti
bħall-bejgħ bl-imnut. It-tibdiliet previsti għall-Att
tal-Kompetizzjoni fir-rigward tal-pożizzjoni dominanti tal-operaturi
tal-kummerċ tal-merċa, tal-objettivi tal-programm dwar
il-kompetizzjoni sana f'termini ta' aktar superviżjoni f'dan is-settur u
tat-tneħħija ta' restrizzjonijiet mhux meħtieġa fuq
il-kompetizzjoni fil-leġiżlazzjoni eżistenti, bħal dik fuq
l-ippjanar tal-ispazju u l-kostruzzjoni, għandhom jgħinu biex
jiġu indirizzati l-problemi kurrenti. Il-fużjoni tal-awtorità
tal-kompetizzjoni u l-aġenzija tal-konsumaturi, flimkien
maż-żieda fil-baġit tagħha u setgħat aktar
wiesgħa sabiex tkopri n-newtralità tal-kompetizzjoni bejn l-atturi
pubbliċi u privati, għandhom itejbu wkoll l-effikaċja u
l-benefiċċji tal-politika tal-kompetizzjoni b'mod aktar
ġenerali. Il-multi tal-liġi tal-kompetizzjoni fil-Finlandja
tradizzjonalment huma baxxi u l-istħarriġ ippjanat għall-2013
għandu jipprovdi bażi għal aktar riformi sabiex jittejjeb
l-effett ta' deterrent tagħhom. (13) It-tkabbir tal-produttività
fil-Finlandja għadu mhux qed ilaħħaq mat-tkabbir fil-pagi
filwaqt li l-kompetittività internazzjonali ddgħajfet, kif jidher
mit-tnaqqis fis-sehem mis-suq għall-esportazzjonijiet Finlandiżi.
Filwaqt li l-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni
għadu kbir, kwistjoni li għadha kritika hija dik tal-effiċjenza
li biha din ir-riċerka hija tradotta f'innovazzjonijiet u kumpaniji
ġodda bi tkabbir għoli, li jistgħu jippenetraw swieq
tal-esportazzjoni li qed jikbru malajr u jsaħħu l-kompetittività internazzjonali.
Fuq perjodu qasir, il-Finlandja għandha timplimenta politiki u miżuri
adottati riċentement sabiex ittejjeb is-sistema tar-riċerka u
tal-innovazzjoni bħall-pjan ta' azzjoni l-ġdid, u tipproponi riformi
oħra, fejn relevanti, ibbażati fuq l-evalwazzjonijiet eżistenti
u r-rapport ta' previżjoni li qiegħed jitħejja bħalissa.
Il-prezzijiet għall-enerġija u x-xogħol ġew identifikati
fost il-prezzijiet tal-inputs li qed iżidu l-ispejjeż għall-produtturi
Finlandiżi. It-tkabbir fil-pagi fis-snin riċenti kien modest
minħabba l-ftehim tripartitiku kurrenti dwar il-pagi li jiskadi fl-2013.
Huwa ta' tħassib, għalhekk, li għadu ma ġie konkluż
l-ebda ftehim ġdid bejn is-sħab soċjali. (14) Fil-kuntest tas-Semestru
Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika
tal-Finlandja. Hija vvalutat il-programm ta' stabbiltà u l-programm nazzjonali
ta' riforma, u ppreżentat rieżami fid-dettall. Hija qieset mhux biss
ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika
sostenibbli fil-Finlandja imma wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u
mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ
il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata
kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali
futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru
Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (5) hawn taħt. (15) Fid-dawl ta' din
il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà
tal-Finlandja, u l-opinjoni tiegħu[9]
hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt, (16) Fid-dawl tar-rieżami
fid-dettall tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina
l-programm nazzjonali ta' riforma u l-programm ta' stabbiltà tal-Finlandja.
Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru
1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi
makroekonomiċi huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (3), (4) u (5) . (17) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni qed twettaq ukoll
analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro kollha kemm hi.
Fuq din il-bażi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet
speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom
hija l-euro. Il-Finlandja għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni
sħiħa u mingħajr dewmien ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Finlandja
għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2013-2014 biex: 1. Timxi fuq politika fiskali
favorevoli għat-tkabbir u żżomm pożizzjoni fiskali soda kif
previst, filwaqt li tiżgura l-konformità mal-OTM matul il-perjodu
tal-programm. Tkompli twettaq valutazzjonijiet annwali tad-daqs tal-lakuna
tas-sostenibbiltà relatata mat-tixjiħ tal-popolazzjoni u
taġġusta d-dħul u n-nefqa pubbliċi skont l-objettivi u
l-ħtiġijiet fuq terminu twil. Tiżgura l-kosteffikaċja u s-sostenibbiltà
tal-kura fit-tul u tqiegħed enfasi akbar fuq il-prevenzjoni,
ir-riabilitazzjoni u l-għajxien indipendenti. 2. Tiżgura
l-implimentazzjoni effettiva tar-riformi amministrattivi li jinsabu
għaddejjin li jirrigwardaw l-istruttura muniċipali, sabiex
tipproduċi kisbiet fil-produttività u ffrankar tal-kosti fil-provvista ta'
servizzi pubbliċi, inklużi s-servizzi soċjali u tal-kura
tas-saħħa. 3. Tieħu passi oħra
sabiex iżżid ir-rata tal-impjieg tal-ħaddiema li huma akbar
fl-età, inkluż billi ttejjeb l-impjegabbiltà tagħhom u jitnaqqsu
l-possibbiltajiet ta' rtirar kmieni u billi tiġi allinjata l-età
statutorja minima tal-irtirar mal-istennija tal-ħajja miżjuda.
Timplimenta u timmonitorja mill-qrib l-impatt tal-miżuri li jinsabu
għaddejjin sabiex ittejjeb il-pożizzjoni fis-suq tax-xogħol
taż-żgħażagħ u ta' dawk li ilhom ħafna
qiegħda, b'enfasi partikolari fuq l-iżvilupp ta' ħiliet
relevanti għall-impjiegi. 4. Tkompli bl-isforzi
tagħha sabiex issaħħaħ il-kompetizzjoni fis-swieq
tal-prodotti u tas-servizzi, b'mod partikolari fis-settur tal-bejgħ
bl-imnut, billi timplimenta l-programm il-ġdid dwar il-promozzjoni
tal-kompetizzjoni sana. 5. Ittejjeb l-abbiltà
tagħha sabiex tipprovdi prodotti u servizzi innovattivi u kumpaniji
innovattivi li qed jikbru b'pass mgħaġġel f'ambjent li qed
jinbidel malajr, u tkompli d-diversifikazzjoni tal-industrija lejn setturi
anqas intensivi fl-enerġija. Fl-ambjent ta' tkabbir baxx kurrenti,
tappoġġja l-allinjament tal-iżviluppi fil-pagi reali u
fil-produttività filwaqt li tirrispetta b'mod sħiħ ir-rwol
tas-sħab soċjali u tkun konformi mal-prattiki nazzjonali. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. [2] ĠU L 306, 23,11.2011, p. 25. [3] COM(2013) 376 final. [4] P7_TA(2013)0052 u P7_TA(2013)0053. [5] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE
tat-22 ta' April 2013. [6] COM(2012) 750 final. [7] COM(2012) 751 final. [8] SWD(2013) 123 final. [9] Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1466/97.