52013DC0366

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Lussemburgu tal-2013 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Lussemburgu għall-2012-2016 /* COM/2013/0366 final - 2013/ () */


 

 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Lussemburgu tal-2013 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Lussemburgu għall-2012-2016

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, bl-isem ta’ Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li se tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[4], li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)       Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għall-azzjoni fil-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-livers l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fuq il-livell tal-Istati Membri, u b'mod partikolari esprimew impenn sħiħ għall-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

(4)       Fis-6 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tal-Lussemburgu għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’ stabbiltà aġġornat tal-Lussemburgu għall-perjodu 2011-2015.

(5)       Fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir[5], li nieda s-Semestru Ewropew tal-2013 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Ukoll fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[6], li fih ma identifikatx lil-Lussemburgu bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih jitwettaq eżami fil-fond.

(6)       Fl-14 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u azzjoni li trawwem it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’ jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(7)       Fis-26 ta' April 2013, il-Lussemburgu ppreżenta l-programm ta' stabbilità tiegħu tal-2013 li jkopri l-perjodu 2012-2016 u l-programm nazzjonali ta' riforma tiegħu tal-2013. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(8)       Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta’ stabbilità tal-2013 f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill hu tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà huwa plawżibbli. B'mod partikolari, ix-xenarju tal-programm għall-2013 huwa qrib ħafna għat-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tal-Kummissjoni, filwaqt li dak għall-2014 huwa kemxejn aktar ottimist. Projezzjonijiet tad-defiċit fuq terminu medju qed isiru f'xenarju ta' tkabbir kemxejn ottimist, ogħla mit-tkabbir potenzjali. L-għan tal-istrateġija baġitarja deskritt fil-programm huwa li d-defiċit jitnaqqas minn 0,8 % tal-PDG fl-2012 għal 0,6 % tal-PDG fl-2014. Madankollu, fis-snin tal-aħħar tal-perjodu tal-programm, id-defiċit huwa mbassar li jiddeterjora għal 1,3 % tal-PDG kemm fl-2015 kif ukoll fl-2016. Dan huwa riżultat tal-introduzzjoni tar-regoli tal-VAT il-ġodda rigward is-servizzi elettroniċi, li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2015, li se jġibu lil-Lussemburgu konformi mar-regoli tal-UE. Skont dawn ir-regoli, id-dħul mill-VAT iġġenerat mill-attivitajiet tal-kummerċ elettroniku se jiġi trasferit mill-pajjiż fejn jinsab il-fornitur lejn dak tar-residenza tal-klijent. L-impatt tar-regoli l-ġodda huwa stmat mill-awtoritajiet li jnaqqas id-dħul tat-taxxa mill-VAT b'1,4 % tal-PDG. Il-gvern diġà ħabbar li r-rata standard tal-VAT se tiżdied, bil-għan li jiġi rkuprat parti mit-telf fid-dħul. Il-Programm ta' Stabbilità tal-2013 jikkonferma l-objettiv baġitarju fuq terminu medju (OTM) ta' qabel ta' bilanċ pożittiv strutturali ta' 0,5 % tal-PDG. L-OTM huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Abbażi kemm tat-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tal-Kummissjoni kif ukoll tal-bilanċ strutturali tal-baġit (rikalkulat) fil-programm, il-Lussemburgu huwa mistenni li jilħaq bilanċ pożittiv strutturali ta' 0,1 % tal-PDG, li huwa taħt l-OTM, fl-2012, u huwa projettat li jilħaq l-OTM tiegħu fl-2013. Madankollu, il-Lussemburgu huwa projettat li jerġa' jiddevja mill-OTM tiegħu sa mill-2014 b'0,3 % tal-PDG u anki aktar minn hekk fl-2015 u l-2016. L-awtoritajiet nazzjonali sostnew l-għan tagħhom li jmorru lura għall-OTM sa mhux aktar tard mill-2017 sabiex jipprovdu aktar spazju għall-manuvra. Fuq livell ta' 20,8 % tal-PDG, id-dejn gross tal-Gvern huwa ferm anqas mil-livell ta' referenza tat-Trattat.

(9)       Il-Lussemburgu rnexxielu jżomm id-defiċit pubbliku tiegħu taħt il-limitu ta' 3 % tal-PDG matul l-aħħar snin, u għalhekk evita li jidħol fi proċedura ta' defiċit eċċessiv. Dan kien dovut aktar għal dħul qawwi milli għal kontroll strett fuq l-infiq. Speċifikament, fl-2012, ir-rata tat-tkabbir tan-nefqa tal-Gvern, nett mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul, hija stmata li qabżet il-limitu tal-infiq kif definit mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Id-devjazzjoni mir-rata ta' tkabbir tal-infiq tal-Gvern mill-valur referenzjarju tal-infiq hija stmata li laħqet il-1,3 %pp tal-PDG, 'il fuq mil-limitu tal-0,5 % tal-PDG definit fir-Regolament (KE) 1466/97. Madankollu, sabiex tiġi kkwalifikata din id-devjazzjoni, trid issir valutazzjoni kumplessiva, li tqis fatturi oħra: (i) id-defiċit iddeterjora f'termini strutturali b'0,2 % tal-PDG biss fl-2012; (ii) l-ekonomija tal-Lussemburgu, minħabba d-daqs żgħir tal-pajjiż u l-grad ta' ftuħ tiegħu, hija volatili ħafna; u (iii) skont it-tbassir tal-2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-Lussemburgu huwa mistenni jilħaq l-OTM tiegħu diġà fl-2013. Dawn l-elementi kollha jissottolineaw in-natura mhux strutturali tad-devjazzjoni. Madankollu, il-volatilità għolja tad-dħul miġbur mill-amministrazzjoni pubblika tal-Lussemburgu, li sa issa rriżultat fi dħul ogħla milli kien ippjanat, tirrappreżenta riskju għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Sabiex dawn ir-riskji jiġu indirizzati aħjar, il-limiti kemm tad-dejn kif ukoll tal-infiq għandhom jiġu stabbiliti fil-liġi. Minbarra dan għandu jkun hemm korp ta' monitoraġġ identifikat u azzjoni predefinita fil-każ ta' nuqqas ta' konformità. Id-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2015 tal-pakkett tal-VAT imsemmi aktar 'il fuq u l-impatt qawwi negattiv sussegwenti tiegħu fuq il-ġbir tat-taxxa juri l-importanza għal-Lussemburgu tal-introduzzjoni ta' qafas baġitarju fuq terminu medju. Speċifikament, dan ikun jirrikjedi pożizzjoni fiskali partikolarment prudenti fl-2014.

(10)     Bħalissa, anqas minn terz tad-dħul tat-taxxa jinġabar mit-taxxi fuq il-konsum, parzjalment minħabba rati moderati tal-VAT standard u mnaqqsa. Il-Lussemburgu huwa l-ewwel fl-UE f'termini tan-numru ta' kategoriji ta' oġġetti u servizzi koperti b'rati mnaqqsa tal-VAT. Il-preżenza ta' settur finanzjarju kbir, eżenti mill-VAT, ukoll tikkontribwixxi għall-proporzjon baxx tal-VAT mal-PDG. Kumplessivament, il-Lussemburgu għandu spazju fejn iżid id-dħul tiegħu billi jestendi r-rata standard tal-VAT. Minbarra dan, is-sistema tat-taxxa korporattiva fil-Lussemburgu hija kkaratterizzata minn inklinazzjoni qawwija tat-taxxa favur id-dejn, li tikkontribwixxi għal proporzjon għoli tad-dejn mal-PDG.

(11)     Ir-riforma tal-pensjonijiet tal-Lussemburgu adottata f'Diċembru 2012 tista' titqies biss bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba. Ukoll meta wieħed iqis il-biċċa l-kbira tal-aspetti tar-riforma tal-pensjonijiet adottata, il-Lussemburgu xorta waħda jkun jeħtieġ jimplimenta politiki fit-tul li jsaħħu s-sostenibbiltà ekwivalenti għal titjib permanenti ta' 8,6 punti perċentwali tal-PDG fil-bilanċ primarju sabiex jingħalaq id-distakk fiskali. Il-Lusssemburgu għalhekk jeħtieġ li jagħmel aktar fir-riforma tal-pensjoni tiegħu. L-introduzzjoni ta' limitu fuq l-aġġustamenti tal-pensjoni, abbażi taż-żidiet fil-pagi reali żżid ir-riżervi tal-pensjoni u l-abbinar tal-età tal-irtirar statutorja mal-istennija tal-ħajja jgħinu sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjoni. Minbarra dan, il-possibiltajiet għall-irtirar bikri għandhom jitnaqqsu u għandu jsir aktar attraenti li wieħed jaħdem aktar mill-minimu meħtieġ. Minbarra dan, l-impatt fuq is-sostenibbiltà fiskali tan-nefqa fuq il-kura fit-tul huwa pprojettat li jikkontribwixxi 2,1 punti perċentwali għad-distakk tas-sostenibbiltà tal-Lussemburgu. Iż-żieda mistennija kemm fin-numru tal-persuni anzjani kif ukoll f'dak tad-dipendenti fil-Lussemburgu huwa għoli meta mqabbel mal-medja tal-UE.

(12)     Il-produttività kurrenti tal-Lussemburgu hija pjuttost għolja. Madankollu, l-ispazju għall-manuvra f'termini ta' gwadann fil-produttività qiegħed jonqos. Għalhekk, it-tkabbir fl-ispiża għal kull unità ta' xogħol għandu jiġi limitat billi tiġi żgurata korrelazzjoni aħjar bejn il-pagi u l-produttività. Il-Lussemburgu ħa miżuri sabiex jimmodera t-tkabbir fil-pagi billi mmodula s-sistema tal-indiċjar bejn l-2012 u l-2014. Madankollu, din ir-riforma hija biss temporanja u ma tiggarantix li l-pagi fuq perjodu ta' żmien jevolvu b'mod konsistenti mal-produttività. Il-produttività mhix l-istess madwar is-setturi ekonomiċi kollha, u l-livell ta' produttività fis-settur finanzjarju hija kważi d-doppju bħal fil-parti li jibqa' tal-ekonomija. Se jkun hemm riskju sinifikanti għall-kompetittività tal-Lussemburgu mill-2015 'il quddiem, meta s-sistema tal-inidiċjar awtomatiku se terġa' tiġi applikata bil-mod normali. Għandhom għalhekk jittieħdu miżuri addizzjonali sabiex is-sistema ta' kif jiġu stabbiliti l-pagi tiġi rriformata b'mod aktar permanenti sabiex tiġi evitata deterjorazzjoni ulterjuri tal-kompetittività fil-futur.

(13)     L-ekonomija tal-Lussemburgu hija dipendenti ħafna fuq is-settur finanzjarju tagħha, li jirrappreżenta madwar 30 % tal-valur miżjud totali u 25 % tad-dħul fiskali miġbur. Sabiex tiġi mħarsa l-kompetittività futura tal-pajjiż, ikun jenħtieġ li jiġu żviluppati "niċeċ ta' kompetenza" alternattivi. Madankollu, is-sistema tar-riċerka u l-iżvilupp tal-Lussemburgu għadha dgħajfa ħafna u l-Lussemburgu mhux fi triqtu li jilħaq il-mira tal-intensità tar-R&Ż għall-2020. Ir-riżultati tal-Lussemburgu fuq l-indikaturi tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka pubblika u l-impriżi huma ferm inqas mill-medja tal-UE, u dan jirrifletti l-iskonnessjonijiet kurrenti bejn ir-R&Ż tas-settur privat u s-sistema tar-riċerka pubblika. Il-Lussemburgu għandu jaħdem kontra x-xejra ta' tnaqqis fl-intensità tar-R&Ż tiegħu, b'mod partikolari billi jgħin fl-istimular tal-intensità tar-R&Ż tal-impriżi. L-iżvilupp ta' strateġija ta' speċjalizzazzjoni aktar intelliġenti jista' jkollu rwol kruċjali sabiex jiġu mmassimizzati l-impatti ekonomiċi tal-finanzjament tar-riċerka pubblika, b'mod partikolari billi jiġi żgurat effett ta' lieva fuq l-investimenti privati. Dan l-approċċ immirat għandu jkun ikkumplimentat minn politika orizzontali kumplessiva ffukata fuq l-iżvilupp u t-tkabbir tal- impriżi innovattivi.

(14)     Il-qgħad taż-żgħażagħ għadu f'livell persistentement għoli ta' 18 % u jiddependi ħafna fuq il-livell edukattiv. Residenti żgħażagħ jiffaċċjaw kompetizzjoni intensiva għall-impjiegi minn persuni mhux residenti, li ta' sikwit ikollhom ħiliet ogħla. Filwaqt li l-Lussemburgu wera impenn qawwi biex jiġġieled kontra l-qgħad taż-żgħażagħ, huma meħtieġa sforzi akbar. Sabiex jiġi mmassimizzat ir-rendiment, il-miżuri li jittieħdu għandhom ikunu parti minn strateġija kumplessiva ta' riforma, inklużi politiki mtejba ta' attivazzjoni sabiex tiġi miġġielda d-dipendenza fuq il-benefiċċji. Ir-riżultati tal-ittestjar tal-PISA tal-Lussemburgu dwar il-ħiliet bażiċi taż-żgħażagħ huma relattivament dgħajfa. Huma meħtieġa aktar miżuri sabiex tiġi miġġielda t-tendenza negattiva fil-qari, il-matematika u x-xjenza osservata sa mill-2006. Għandhom isiru aktar sforzi sabiex jittejbu u jiġu mmirati r-riżorsi tal-edukazzjoni għall-iskejjel bi studenti żvantaġġati u jiżdiedu r-riżorsi disponibbli għall-appoġġ lingwistiku u għall-klassijiet rimedjali. L-isfidi speċifiċi ffaċċjati minn nies bi sfond ta' migrazzjoni fuq is-suq tax-xogħol għandhom ikomplu jiġu eżaminati u indirizzati permezz ta' miżuri mmirati, inkluż fir-rigward tal-ħiliet lingwistiċi. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandhom jingħataw attenzjoni partikolari f'dan il-kuntest. Għandhom jittieħdu miżuri oħra sabiex tittejjeb l-edukazzjoni tat-tfulija bikrija u jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola, b'mod partikolari għall-popolazzjoni tal-migranti. L-impjegabbiltà tal-ħaddiema aktar avvanzati fl-età għandha tiġi mtejba, inkluż permezz ta' titjib tal-ħiliet.

(15)     Il-Lussemburgu huwa impenjat li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra tiegħu fis-setturi mhux ETS b'20 % fl-2020 meta mqabbel mal-2005 iżda huwa mistenni li ma jirnexxilux jilħaq il-mira tiegħu b'27 punt perċentwali. Is-settur tat-trasport kien responsabbli għal 64 % tal-emissjonijiet non-ETS fl-2010 u jirrappreżenta sfida ewlenija għal-Lussemburgu. Il-miżuri li jinsabu fis-seħħ bħalissa jikkontribwixxu biss għal bejn wieħed u ieħor terz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett serra meħtieġ sabiex tintlaħaq il-mira. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-miżuri jiġu miżjuda b'mod sinifikanti, b'mod partikolari billi tiżdied it-taxxa fuq il-karburanti sabiex jonqos id-distakk tat-taxxa mal-pajjiżi ġirien. Ir-riforma tat-taxxa tal-vetturi wkoll għandha tiġi aċċellerata. Il-Lussemburgu għandu jkompli bl-implimentazzjoni ta' proġetti li jiffavorixxu l-użu tat-trasport pubbliku. Għandhom jiġu introdotti imposti għall-konġestjoni fit-toroq sabiex in-nies jiġu inkoraġġiti jaqilbu għat-trasport pubbliku. Konnessjonijiet tat-trasport pubbliku aħjar mar-reġjuni ġirien għandhom jiġu promossi.

(16)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi kumplessiva tal-politika ekonomika tal-Lussemburgu. Hija vvalutat il-programm ta’ stabbiltà u l-programm nazzjonali ta’ riforma. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Lussemburgu imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha fil-qafas tas-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (6) hawn taħt.

(17)     Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ stabbiltà tal-Lussemburgu, u l-opinjoni tiegħu[7] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt.

(18)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Fuq din il-bażi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-Lussemburgu għandu wkoll jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u mingħajr dewmien ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Lussemburgu jieħu azzjoni fil-perjodu 2013-2014 biex:

1.           Iżomm pożizzjoni fiskali soda u jibqa' fuq l-objettiv ta' terminu medju sabiex jiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, b'mod partikolari billi jqis l-obbligazzjonijiet impliċiti relatati mat-tixjiħ. Isaħħaħ il-governanza fiskali billi jadotta qafas baġitarju fuq perjodu medju li jkopri l-amministrazzjoni pubblika u jinkludi limiti massimi pluriennali ta' nfiq, u billi jistabbilixxi l-monitoraġġ indipendenti tar-regoli fiskali.

2.           Jieħu miżuri sabiex jindirizza l-preferenza favur id-dejn fit-taxxa korporattiva u jestendi l-applikazzjoni tar-rata standard tal-VAT.

3.           Irażżan l-infiq relatat mat-tixjiħ billi jagħmel il-kura fit-tul aktar kosteffikaċi, b'mod partikolari permezz ta' enfasi akbar fuq il-prevenzjoni, ir-riabilitazzjoni u l-għajxien indipendenti, it-tisħiħ tar-riforma tal-pensjonijiet adottata riċentement, it-teħid ta' miżuri addizzjonali sabiex jitrażżan l-irtirar kmieni  u ż-żieda fl-età tal-irtirar effettiva, inkluż billi l-età tal-irtirar statutorja tintrabat mal-istennija tal-ħajja.

4.           Lil hinn mill-friża preżenti, jieħu miżuri strutturali oħra, f'konsultazzjoni mal-partijiet soċjali u skont il-prattiki nazzjonali, sabiex jirriforma s-sistema tal-istabbiliment tal-pagi, inkluż l-indiċjar tal-pagi, sabiex itejjeb l-abbiltà tagħha li tirrispondi għall-iżviluppi fil-produttività u dawk settorjali u l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u jinkoraġġixxi l-kompetittività. Iżid l-isforzi favur id-diversifikazzjoni tal-istruttura tal-ekonomija, fejn jinkoraġġixxi l-investiment privat fir-riċerka, b'mod partikolari billi jiżviluppa l-kooperazzjoni bejn ir-riċerka pubblika u l-impriżi.

5.           Iżid l-isforzi sabiex inaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ billi jtejjeb it-tfassil u l-monitoraġġ tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Isaħħaħ l-edukazzjoni ġenerali u vokazzjonali sabiex iqabbel aħjar il-ħiliet taż-żgħażagħ mad-domanda tax-xogħol, b'mod partikolari għal persuni bi sfond ta' migrazzjoni. Jieħu azzjoni determinata sabiex iżid ir-rata tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema li huma akbar fl-età inkluż billi jtejjeb l-impjegabbiltà tagħhom permezz tat-tagħlim tul il-ħajja.

6.           Iżid il-miżuri sabiex tintlaħaq il-miżura għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra non-ETS, b'mod partikolari billi jżid it-taxxi fuq il-prodotti tal-enerġija għat-trasport.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               COM(2013) 366 finali.

[3]               P7_TA(2013)0052 u P7_TA(2013)0053.

[4]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/238/UE tat-22 ta' April 2013.

[5]               COM(2012) 750 finali.

[6]               COM(2012) 751 finali.

[7]               Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.