52013DC0362

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Italja għall-2013 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Italja għall-2012-2017 /* COM/2013/0362 final - 2013/ () */


 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Italja għall-2013 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Italja għall-2012-2017

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew[4],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, bl-isem ta’ Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li se tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, abbażi ta' proposti tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[5], li flimkien jagħmlu "l-linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tal-ekonomija u tal-impjiegi tagħhom.

(3)       Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fuq livell nazzjonali, ta' UE u taż-żona euro, bl-użu tal-influwenzi, l-istrumenti, u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fuq livell ta' Stat Membru, b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(4)       Fis-6 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’ stabbiltà aġġornat tal-Italja għall-2011-2015.

(5)       Fit-28 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[6], li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2013. Barra minn hekk, fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija[7], li fih identifikat lill-Italja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(6)       Fl-14 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex ikunu garantiti l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’ jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(7)       Fl-10 ta' April 2013, il-Kummissjoni ppublikat ir-riżultati tal-analiżi ddettaljata tagħha dwar l-Italja[8], skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-Italja qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi li jenħtieġu azzjoni b'politika determinata. B'mod partikolari, it-telf tal-kompetittività esterna kif ukoll id-dejn pubbliku f'ambjent ta' tkabbir imrażżan b'mod kroniku, jibqgħu identifikati bħala l-iżbilanċi makroekonomiċi prinċipali tal-Italja.

(8)       Fil-11 ta' April 2013, l-Italja ssottomettiet il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha għall-2013 li jkopri l-perjodu 2012-2017, u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2013. Wara din is-sottomissjoni, il-Gvern il-ġdid appuntat fit-28 ta' April wera l-intenzjoni li jsaħħaħ l-aġenda tar-riforma strutturali filwaqt li kkonferma l-miri baġitarji mressqin fil-programm ta' stabbiltà. Fis-17 ta' Mejju, ġie adottat digriet leġiżlattiv li kellu dispożizzjonijiet ġodda dwar it-tassazzjoni fuq il-proprjetà immobbli u l-estensjoni tal-iskema għas-supplement ta' pagi għall-ħaddiema mhux impjegati biżżejjed. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi u l-miżuri ġodda meħuda mill-Gvern ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(9)       Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta' Stabbiltà għall-2013-2017 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku li jappoġġja il-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa ottimist għall-2014, meta kkumparat mat-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tal-Kummissjoni. Huwa plawżibbli mill-2015 'il quddiem, imma dan jekk jiġi meqjus li sseħħ l-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi strutturali adottati, li tibqa' sfida. L-istrateġija baġitarja mfassla fil-programm ġiet ikkonfermata mill-Gvern u approvata mill-Parlament. Din għandha l-għan li żżomm id-defiċit taħt it-3 % tal-PDG tul il-perjodu tal-programm, tilħaq l-objettiv ta' terminu medju (OTM) fl-2013 u tpoġġi l-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG fit-triq tan-niżla sa mill-2014. Il-programm jikkonferma l-OTM ta' pożizzjoni baġitarja f'termini strutturali, li qiegħed f'linja mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Id-defiċit tnaqqas għal 3 % tal-PDG fl-2012 u skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tal-Kummissjoni rrilaxxat fit-3 ta' Mejju, huwa mistenni jibqa' taħt il-valur referenzjali fl-2013-14. Id-dispożizzjonijiet adotatti mill-Gvern Taljan fis-17 ta' Mejju ġew ivvalutati li m'għandhomx impatt sinifikattiv fuq id-defiċit, jekk implimentati b'mod konsistenti. Il-bilanċ strutturali, wara li tjieb b'2,7 punti perċentwali tal-PDG f'termini kumulattivi bejn l-2009 u l-2012, u jekk ma jkunx hemm aktar tibdil ta' politika, bħala parti mill-PDG huwa previst li jitjieb b'punt perċentwali ieħor fl-2013, għal -0,5 %, u mbagħad jonqos marġinalment fl-2014. Il-bilanċ strutturali primarju se jilħaq kważi l-5 % tal-PDG fl-2014. L-aġġustament strutturali previst għall-2013 huwa xieraq, ibbażat ukoll fuq l-analiżi tan-nefqa netta mill-miżuri diskrezzjonarji fid-dħul, filwaqt li għall-2014 juri devjazzjoni mit-triq ta' aġġustamnet lejn l-OTM. Il-programm jipprevedi li l-proporzjon tad-dejn tal-Gvern jilħaq il-massimu fl-2013 u jibda jonqos minn hemm 'il quddiem, anki grazzi għad-dħul previst mill-privatizzazzjoni li jammonta għal punt perċentwali tal-PDG fis-sena. Fit-tbassir, madankollu, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG għadu jiżdied, anki minħabba s-saldu tad-dejn kummerċjali, li jżid madwar 2,5 punti perċentwali fuq l-2013-2014, filwaqt li l-ebda dħul mill-privatizzazzjoni mhuwa inkluż għax id-dettalji għadhom ma ġewx speċifikati. Sa mill-2013, l-Italja qiegħda f'perjodu ta' tranżizzjoni rigward il-konformità mal-kriterju tad-dejn, u t-trajettorja tad-dejn fil-programm ta' stabbiltà tiżgura progress suffiċjenti sabiex isseħħ konformità miegħu. Madankollu, il-projezzjonijiet tad-defiċit u tad-dejn fil-programm isiru effettivi mal-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri baġitarji u tar-riformi strutturali adottati, li huma essenzjali biex tissaħħaħ il-kunfidenza fis-suq u jitjiebu t-tkabbir u l-impjiegi.

(10)     Filwaqt li ġew adottati riformi importanti li jħeġġu is-sostenibbiltà fiskali u jixprunaw it-tkabbir, l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom tibqa' sfida u hemm lok għal aktar azzjoni. Diversi miżuri prinċipali li ġew proposti għadhom ma ġewx approvati jew għadhom jenħtieġu leġiżlazzjoni applikattiva, u hemm ir-riskju li l-applikazzjoni konkreta tagħhom ma tkunx segwita fil-livelli kollha tal-Gvern. L-effiċjenza fl-amministrazzjoni pubblika f'termini ta' qafas regolatorju u proċedurali, il-kwalità tal-governanza u l-kapaċità amministrattiva għadhom isofru minn dgħufijiet sinifikanti li jaffettwaw l-implimentazzjoni tar-riformi u tal-ambjent kummerċjali.

(11)     It-tlestija tar-riforma tal-ġustizzja ċivili bl-implimentazzjoni tar-reviżjoni fl-organizzazzjoni tal-qrati u t-tnaqqis tad-dewmien eċċessiv, id-dewmien fl-immaniġjar tal-każijiet, ix-xogħol b'lura u l-livell għoli ta' tilwim legali, hija neċessarja biex jitjieb l-ambjent kummerċjali. Wara s-sentenza tal-qorti Kostituzzjonali f'Ottubru 2012 dwar il-medjazzjoni, hija meħtieġa azzjoni li tippromwovi l-użu ta' mekkaniżmi għal soluzzjoni għat-tilwim barra l-qorti. Il-korruzzjoni tirrappreżenta inkwiet serju li timplika spiża stmata għal 4 % tal-PDG, li ttellef serjament il-potenzjal ta' rkupru ekonomiku. Il-Liġi ta' Kontra l-Korruzzjoni ta' Novembru 2012 tenħtieġ azzjoni ta' segwitu u l-effiċjenza fit-trażżin tal-korruzzjoni tista' tittejjeb, b'mod partikolari fir-rigward tal-istatut tal-limitazzjonijiet attwalment ikkaratterizzat minn termini qosra ta' preskrizzjoni.

(12)     L-istrateġija ta' konsolidazzjoni fiskali ambizzjuża adottata s'issa kienet akkumpanjata bl-introduzzjoni ta' regola baġitarja bbilanċjata fil-Kostituzzjoni f'April 2012 u b'azzjoni sabiex tittejjeb l-effikaċja u l-kwalità tan-nefqa pubblika. Madankollu, lakuni fl-implimentazzjoni tellfu l-effettività sħiħa tal-azzjoni meħuda, b'mod partikolari fir-rigward tal-effiċjenza tal-impjiegi fis-settur pubbliku u fit-tnaqqis tal-għadd ta' provinċji. Il-pjan ta' azzjoni għall-Koeżjoni għamilha possibbli li l-fondi strutturali li jammontaw għal EUR 12,1 biljun jiġu assorbiti malajr kemm jista' jkun fi tliet fażijiet konsekuttivi. Madankollu, ma hemmx ħerqa għal titjib fl-immaniġjar ġenerali tal-fondi, speċjalment fin-nofsinhar tal-Italja, li jagħti lok għal tħassib serju għall-perjodu ta' programmar tal-2014-2020. Dan jiftaħ l-ambitu għal titjib fl-effiċjenza tan-nefqa pubblika.

(13)     Il-banek tradizzjonalment għandhom rwol deċiżiv billi jappoġġjaw l-attivita ekonomika Taljana, b'mod partikolari b'self lill-impriżi żgħar, iżda din il-kapaċità tagħhom li jieħdu dan ir-rwol ġiet imdgħajfa minħabba r-riċessjoni ekonomika fit-tul. Iż-żieda fir-riskju ta' kreditu, bi stokk kbir u dejjem jiżdied ta' self li mhux irendi, ikkontribwixxiet għal tnaqqis fis-self u tiggrava l-profitabbiltà baxxa tal-banek. Bi tweġiba, il-Bank tal-Italja qed jivvaluta l-adegwatezza tal-provvediment ta' self danneġġat bi spezzjonijiet fuq il-post. Karatteristiċi speċifiċi fil-governanza korporattiva tal-banek Taljani jistgħu jillimitaw l-effikaċja tal-intermedjazzjoni finanzjarja tagħhom. Ġew adottati miżuri li jinkuraġġixxu l-użu ta' mezzi finanzjarji mhux bankarji, b'mod partikolari il-finanzjament tal-ekwità, u jinkuraġġixxu l-kapaċità innovattiva, iżda l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom jibqa' limitat u għadhom ma ġewx s'issa kompletament implimentati. It-traspożizzjoni tad-direttiva tal-UE dwar il-pagamenti tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali u s-saldu ppjanat tal-istokk akkumulat ta' dejn kummerċjali se jikkontribwixxu biex itejbu l-likwidità tal-impriżi.

(14)     Riforma tas-suq tax-xogħol fuq firxa wiesgħa ġiet adottata f'Ġunju 2012, u tindirizza r-riġidità u s-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol. Ir-riforma trid titlesta billi tiġi adottata l-leġiżlazzjoni implimentattiva pendenti u t-tħaddim konkret tagħha jkun immonitorjat b'reqqa fuq il-post. Barra minn hekk, is-servizz statali tal-impjiegi għad irid jiġi integrat mal-amministrazzjoni tal-benefiċċju tal-qgħad sabiex tkun apoġġata l-implimentazzjoni ta' strateġiji effiċjenti ta' attivazzjoni. Qafas ġdid għall-iffissar tal-pagi kien definit mill-imsieħba soċjali fi ftehimiet suċċessivi bejn l-2011u l-2013. Dan huwa appoġġat minn inċentivi fiskali sabiex jixpruna l-allinjament tal-pagi mal-produttività u bil-kundizzjonijiet lokali tas-suq tax-xogħol. Dan il-qafas għandu jkun implimentat b'mod effettiv u aġġustat progressivament abbażi tal-monitoraġġ tar-riżultati.

(15)     Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-proporzjon ta' żgħażagħ li m'għandhomx impjieg, edukazzjoni jew taħriġ komplew jiżdiedu, sal-aħħar tal-2012 laħqu 37 % u 21,1 % rispettivament. Kemm min għandu edukazzjoni terzjarja kif ukoll ir-rata tal-impjiegi għall-iggradwati terzjarji żgħażagħ huma l-aktar baxxi fl-UE, li turi li l-ħiliet tal-iggradwati żgħażagħ huma ftit li xejn relevanti għas-suq tax-xogħol. It-tluq kmieni mill-iskola għalkemm qed jonqos b'moderazzjoni, għadu għoli. Dan iqajjem tħassib rigward il-prestazzjoni tas-sistema edukattiva. Wieħed mill-elementi prinċipali hija l-professjoni tal-għalliem, li attwalment hija kkaratterizzata minn karriera b'rotta waħda u toffri prospetti limitati f'termini ta' żvilupp professjonali. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol għadha dgħajfa u d-differenza bejn l-irġiel u n-nisa impjegati għadha waħda mill-ogħla fl-UE. Ir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, u b'mod partikolari d-depravazzjoni materjali severa qed jiżdiedu, filwaqt li s-sistema ta' protezzjoni soċjali għandha diffikultajiet li qed jiżdiedu, biex tkampa mal-bżonnijiet soċjali ġaladarba hija ddominata min-nefqa għall-pensjonijet, kif ukoll it-trasferimenti soċjali li jeskludu l-pensjonijiet mhumiex iffukati biżżejjed biex jiġġieldu l-faqar u jippromwovu l-inklużjoni soċjali.

(16)     L-istruttura tas-sistema tat-taxxa għadha kumplessa u tistrieħ ħafna fuq ix-xogħol u l-kapital. Wara sforz li ttieħed fl-2010-2011, miżuri oħra li ġew adottati biex ixaqilbu l-piż tat-taxxa minn fuq il-fatturi produttivi għal fuq il-konsum, il-proprjetà u l-ambjent, kienu aktar limitati. Għad hemm bżonn ta' azzjoni biex tiġi ssimplifikata s-sistema tat-taxxa, jiġu ssimplifikati n-nefqiet fiskali, titjieb il-konformità u ma tkunx inċentivata l-evażjoni. Sakemm issir ir-reviżjoni tal-valuri katastali, ir-riforma prevista fit-tassazzjoni tal-proprjetà immobbli għandha fil-mira li tagħmilha aktar ġusta, skont il-limiti tal-istrateġija baġitarja stipulata fil-programm ta' stabbiltà. Minn tnaqqis fl-ekonomija s-sewda u x-xogħol mhux iddikjarat jistgħu jibbenefikaw il-finanzi pubbliċi u jista' jkun hemm implikazzjonijiet pożittivi fuq l-ekwitajiet. Ir-reviżjoni tal-eżenzjonijiet tal-VAT jew ir-rati mnaqqsin u l-infiq fiskali dirett jistgħu jenħtieġu xi aġġustament fit-trasferimenti soċjali sabiex ikun imnaqqas l-impatt tad-distribuzzjoni.

(17)     Saru sforzi notevoli biex is-settur tas-servizzi jiġi liberalizzat. Madankollu, ir-riforma tal-professjonijiet irregolati għandha titkompla sabiex tindirizza ir-restrizzjonijiet li fadal, u l-prinċipji ewlenin għandhom ikunu ssalvagwardjati kontra l-ostakli possibbli, li jiġu b'mod partikolari mir-riforma tal-professjoni legali. Wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali f'Lulju tal-2012, azzjoni sabiex jinfetħu s-servizzi pubbliċi lokali hija wkoll importanti.

(18)     Ir-riforma fl-industriji tan-netwerks għadha għaddejja biex jinfetaħ l-aċċess għas-suq u titjieb il-kapaċità infrastrutturali, iżda għad hemm sfidi importanti. Is-separazzjoni tas-settur tal-gass għandha titlesta sa Settembru 2013 u l-istrateġija nazzjonali ta' Marzu 2013 għall-enerġija għadha trid tiġi implimentata. Il-ftuħ tat-telekomunikazzjoni għall-kompetizzjoni huwa qasam potenzjali ieħor ta' azzjoni. L-awtorità tat-trasport il-ġdida responsabbli mill-awtostradi, l-ajruporti, il-portijiet u l-ferroviji għadha ma twaqqfitx. Għandha tkun indipendenti, tingħata r-riżorsi li għandha bżonn biex tiffunzjona u jkollha poter li tagħti sanzjonijiet. Hemm ukoll il-problema serja tan-nuqqasijiet infrastrutturali interni u bejn il-fruntieri, b'differenzi bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, li jikkontribwixxu għal prezzijiet enerġetiċi għoljin, penetrazzjoni baxxa tal-broadband u konġestjoni tat-trasport.

(19)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Italja. Hija vvalutat il-programm ta’ stabbiltà u l-programm nazzjonali ta’ Riforma, u ppreżentat analiżi fil-fond. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fl-Italja, imma wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (6) hawn taħt.

(20)     Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ stabbiltà tal-Italja, u l-opinjoni tiegħu[9] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

(21)     Fid-dawl tal-analiżi ddettaljata tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm nazzjonali ta’ riforma u l-programm ta’ stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (6) hawn taħt.

(22)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro kollha. Abbażi ta' dan, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. L-Italja għandha wkoll tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Italja tieħu azzjoni fil-perjodu 2013-2014 sabiex:

1.           Tiżgura li d-defiċit jibqa' taħt it-3 % tal-PDG fl-2013, billi timplimenta bi sħiħ il-miżuri adottati. Twettaq l-aġġustament strutturali b'pass xieraq u permezz ta' konsolidazzjoni fiskali li tħeġġeġ it-tkabbir sabiex tilħaq u żżomm l-OTM sa mill-2014. Tilħaq l-eċċessi strutturali primarji ppjanati sabiex il-proporzjon għoli ferm ta' bejn id-dejn u l-PDG (previst li jkun 132,2 % tal-PDG fl-2014) jieħu t-triq tan-niżla. Tkompli twettaq titjib li jdum fl-effiċjenza u l-kwalità tan-nefqa pubblika billi timplimenta bi sħiħ il-miżuri adottati fl-2012 kif ukoll iżżid l-isforz permezz ta' analiżi regolari profonda tal-infiq fil-livelli kollha tal-Gvern.

2.           Tiżgura l-implimentazzjoni f'waqtha tar-riformi li għadhom għaddejjin billi tadotta b'ħeffa l-leġiżlazzjoni applikabbli neċessarja, li għandha tkun segwita bit-twettiq konkret fil-livelli kollha tal-Gvern u bil-partijiet interessati relevanti kollha, u bil-monitoraġġ tal-impatt. Issaħħaħ l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u ttejjeb il-koordinazzjoni bejn is-saffi tal-Gvern. Tissimplifika l-qafas amministrattiv u regolatorju għaċ-ċittadini u n-negozji u tnaqqas id-dewmien fl-immaniġjar tal-każijiet kif ukoll il-livelli għolja ta' tilwim fil-ġustizzja ċivili, anki billi ssaħħaħ l-proċeduri ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Issaħħaħ il-qafas legali għat-trażżin tal-korruzzjoni, anki billi jiġu reviżjonati r-regoli li jirregolaw il-perjodi ta' limitazzjoni. Tadotta miżuri strutturali biex ittejjeb l-immaniġjar tal-fondi tal-UE fir-reġjuni tan-Nofsinhar fil-perjodu ta' programmar 2014-2020.

3.           Tippromwovi prattiki ta' governanza korporatitva fis-settur bankarju li jwasslu għal aktar effiċjenza u profittabbiltà biex ikun sostnut il-fluss ta' kreditu għall-attivitajiet produttivi. Titrasferixxi x-xogħol li għaddej bħalissa rigward l-iskrinjar tal-kwalità tal-assi għas-settur bankarju u tiffaċilita s-saldu ta' self improduttiv fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek. Tippromwovi aktar l-iżvilupp tas-swieq tal-kapital biex tiddiversifika u ssaħħaħ l-aċċess tal-impriżi għall-finanzjament, speċjalment fl-ekwità, u b'hekk tinkoraġġixxi l-kapaċità u t-tkabbir fl-innovazzjoni.

4.           Tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tas-suq tax-xogħol u tar-riformi għall-iffissar tal-pagi, sabiex tippermetti allinjament aħjar bejn il-pagi u l-produttività. Tieħu aktar azzjoni biex ittejjeb il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol speċjalment tan-nisa u taż-żgħażagħ, pereżempju permezz ta' Garanzija għaż-Żġħażagħ. Issaħħaħ l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ, tiżgura aktar effiċjenza fis-servizzi pubbliċi tal-impjieg u ttejjeb is-servizzi dwar il-karriera u li jagħtu parir lill-istudenti terzjarji. Tnaqqas id-diżinċentivi fiskali biex it-tieni persuna toħroġ taħdem b'paga u ttejjeb id-dispożizzjoni tas-servizzi għall-kura u s-servizzi mhux marbutin mal-iskola. Iżżid l-isforzi biex timpedixxi t-tluq kmieni mill-iskola u ttejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni kif ukoll tar-riżultati, anki permezz ta' riforma fl-iżvilupp professjonali u tal-karriera tal-għalliema. Tiżgura l-effikaċja tat-trasferimenti soċjali, b'mod partikolari billi tpoġġi fil-mira l-benefiċċji, speċjalment għall-familji bi dħul baxx li għandhom it-tfal.

5.           Tispostja l-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol u l-kapital għal fuq il-konsum, il-proprjetà u l-ambjent b'mod newtrali għall-baġit. Għal dan il-għan, tirrevedi l-kamp ta' applikazzjoni tal-eżenzjonijiet tal-VAT u tar-rati mnaqqsin u tal-infiq dirett tat-taxxa, u tirriforma s-sistema katastali biex tallinja l-bażi tat-taxxa tal-proprjetà immobbli rikorrenti mal-valuri tas-suq. Tiġġieled kontra l-evażjoni tat-taxxa, ittejjeb il-konformità tat-taxxa u tieħu passi deċiżivi kontra l-ekonomija sewda u x-xogħol mhux iddikjarat.

6.           Tiżgura l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri li għandhom fil-mira l-liberalizzazzjoni tas-swieq fis-settur tas-servizzi. Tneħħi r-restrizzjonijiet li jifdal fis-servizzi professjonali u ttejjeb l-aċċess għas-suq pereżempju fl-għoti tas-servizzi pubbliċi lokali, fejn l-użu tal-akkwist pubbliku għandu jitmexxa 'l quddiem (minflok il-konċessjonijet diretti). Tpoġġi fis-seħħ il-miżuri meħuda sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet t'aċċess għas-suq fl-industriji tan-netwerk, b'mod partikolari billi bħala prijorità twaqqaf b'urġenza l-Awtorità tat-Trasport. Taġġorna l-kapaċità tal-infrastruttura, b'fowkus fuq l-interkonnessjonijiet tal-enerġija, it-trasport intermodali u l-broadband b'veloċità għolja fit-telekomunikazzjoni, anki bil-ħsieb li jiġu indirizzati d-differenzi bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       F'isem il-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               ĠU L 306, 23,11.2011, p. 25.

[3]               COM(2013) 362 finali.

[4]               P7_TA(2013)0052 u P7_TA(2013)0053.

[5]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE tat-22 ta' April 2013.

[6]               COM(2012) 750 finali.

[7]               COM(2012) 751 finali.

[8]               SWD(2013) 118 finali.

[9]               Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.