52013DC0354

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm ta' riforma nazzjonali tal-2013 tad-Danimarka u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tad-Danimarka għall-2012-2016 /* COM/2013/0354 final - 2013/ () */


 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm ta' riforma nazzjonali tal-2013 tad-Danimarka u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tad-Danimarka għall-2012-2016

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[4],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li titneda strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi u li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni biex tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2)       Fit-13 ta' Lulju 2010, fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni (mill-2010 sal-2014), u fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[5], li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali tagħhom.

(3)       Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet tal-Istat jew il-Gvern iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fl-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-lievi, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari filwaqt li esprimew impenn sħiħ għall-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż.

(4)       Fis-6 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tad-Danimarka għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’ konverġenza aġġornat tad-Danimarka għall-perjodu 2011-2015.

(5)       Fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[6], li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew 2013 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-28 ta' Novembru 2012 ukoll, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija[7], li fih hija identifikat id-Danimarka bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(6)       Fl-14 ta' Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidament fiskali u l-azzjoni li tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li jitkompla konsolidament fiskali differenzjat u li jiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’ jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(7)       Fl-10 ta' April 2013, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tal-analiżi fil-fond tagħha[8] għad-Danimarka, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. L-analiżi tal-Kummissjoni ġġegħelha tikkonkludi li d-Danimarka qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi, għalkemm dawn mhumiex eċċessivi.

(8)       Fit-30 ta' April 2013, id-Danimarka ppreżentat il-programm ta' konverġenza tal-2013 tagħha li jkopri l-perjodu 2012-2016 u l-programm nazzjonali ta' riforma tagħha tal-2013. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(9)       Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta’ konverġenza tal-2013 skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku li jappoġġa l-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huma plawsibbli. Ix-xenarju li jipprojjetta tkabbir tal-PDG għal 0,7 % u 1,6 % fl-2013 u l-2014 huwa konformi sew mat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2013 tal-Kummissjoni ta’ 0,7 % u 1,7 %. Il-programm jiddeskrivi strateġija baġitarja mmirata lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv u li tissodisfa l-objettiv ta' terminu medju (OTM) ta' defiċit strutturali ta' mhux aktar minn 0,5 % tal-PDG sal-2013, b'riflessjoni tal-objettivi tal-Patt. Il-programm jimmira lejn defiċit ġenerali tal-gvern ta' 1,7 % tal-PDG fl-2013 u 1,8 % fl-2014, li huwa konformi mal-iskadenza tal-PDE proposta mill-Kummissjoni. L-isforz fiskali annwali medju fil-perjodu 2011-2013, ibbażat fuq il-kalkoli tal-bilanċ tal-baġit strutturali, huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-proċedura għad-defiċit eċċessiv. Huwa stmat li n-nefqa reali tal-gvern (inklużi l-miżuri diskrezzjonali għall-introjtu) li jkollha żero tkabbir fl-2013 u li tkun 0,4 % fl-2014 u b'hekk tkun qed tilħaq il-valur referenzjarju tan-nefqa f'dawk is-sentejn. Il-finanzi pubbliċi fid-Danimarka huma ġeneralment sodi u l-pajjiż diġà qiegħed fl-OTM. Madankollu, ukoll billi l-pajjiż għandu popolazzjoni li qed tixjieħ u politiki ta' protezzjoni soċjali ambizzjużi, huwa kruċjali għad-Danimarka li żżomm qafas sod u sostenibbli għall-politiki fiskali u li żżomm id-defiċit taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fit-Trattat.

(10)     Fl-2012, id-Danimarka kkonkludiet ir-riforma tal-iskemi tal-pensjoni tad-diżabbiltà u l-flessimpjieg, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013. Dawn ir-riformi jikkostitwixxu miżuri importanti għat-tisħiħ tal-provvista tax-xogħol fid-Danimarka. Madankollu, it-titjib tal-impjegabbiltà ta' dawk li huma l-aktar imbiegħda mill-impjiegi, inklużi l-persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni, dawk li ilhom qiegħda u l-ħaddiema bi ftit kwalifiki, jibqa' sfida. Filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-aġenda ambizzjuża tar-riforma tal-gvern Daniż, huwa importanti li jiġi żgurat li l-mudell Daniż rinomat tal-"flessigurtà" ikompli jiffaċilita tranżizzjoni bla ostakoli bejn l-qgħad u x-xogħol, fil-waqt li jillimita l-marġinalizzazzjoni u l-esklużjoni soċjali. Ir-rwol tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet huwa importanti f'dan ir-rigward.

(11)     Għad-Danimarka, l-edukazzjoni hija ġustament prijorità ċara. Madankollu huma meħtieġa sforzi kontinwi għat-titjib tal-kwalità u l-kosteffettività tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħha, inkluż bit-twettiq tar-riformi diġà mibdija. Ir-riforma proposta tas-sistema tal-edukazzjoni primarja u sekondarja inferjuri hija orjentata lejn id-direzzjoni t-tajba u tista' tiġi mistennija li jkollha impatt pożittiv fuq il-kosteffettività tas-sistema tal-iskejjel u l-kwalità tal-edukazzjoni, inklużi l-livelli ta' kisba tal-istudenti. Fir-rirgward tat-taħriġ vokazzjonali, il-Gvern Daniż ħa passi biex isaħħaħ il-kwalità tat-taħriġ vokazzjonali għaż-żgħażagħ u jiżgura l-apprendistati privati meħtieġa. Twaqqaf kumitat bejn il-Gvern, il-muniċipalitajiet, ir-reġjuni u s-sħab soċjali biex isib soluzzjoni permanenti għall-iżgurar tal-provvista meħtieġa ta' apprendistati u għat-titjib tal-kwalità tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV). Is-sejbien ta' soluzzjonijiet dejjiema u ambizzjużi kemm għan-nuqqas tal-apprendistati kif ukoll għar-rati għolja ta' tluq bikri mill-iskola fis-sistema tal-edukazzjoni vokazzjonali taż-żgħażagħ tassew iħejji lid-Danimarka aħjar għad-domandi futuri ta' ħiliet fis-suq tax-xogħol u jtejjeb il-prestazzjoni tal-produttività.

(12)     Id-Danimarka tista' tiġġenera aktar tkabbir ekonomiku billi tneħħi l-ostakoli għall-kompetizzjoni fis-servizzi lokali u tal-bejgħ bl-imnut, minħabba l-importanza ta' dan is-settur fl-ekonomija Daniża. Fl-2012, il-Gvern Daniż ippreżenta att ġdid dwar il-kompetizzjoni, li jikkostitwixxi pass importanti fid-direzzjoni t-tajba. Ir-reviżjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni introduċiet mekkaniżmi aktar effettivi għat-tisħiħ tar-regolamentazzjoni dwar il-kompetizzjoni, li tirrspetta bis-sħiħ il-parti korrispondenti tar-rakkomandazzjoni tal-2012. Madankollu, jista' jsir aktar biex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri meħuda fl-oqsma tas-servizzi settorjali u pubbliċi biex tissaħħaħ il-kompetizzjoni u l-funzjonament tas-suq. Bosta inizjattivi politiċi f'dan il-qasam għadhom fi stadju bikri u huma meħtieġa sforzi kontinwi biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva.

(13)     Fis-sena li għaddiet saret analiżi sinifikanti tad-dejn tal-familji fil-livell nazzjonali u tal-UE sabiex jiġi vvalutat it-theddid għall-istabbiltà finanzjarja u ekonomika. Għalissa, ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja jidhru li huma kkontrollati, iżda jirrikjedu li jiġu mmonitorjati kontinwament. L-awtoritajiet Daniżi ħadu għadd ta' miżuri biex titjieb is-saħħa tas-sistema tal-kreditu ipotekarju. Dawn jinkludu skema għat-tikkettar tar-riskji għas-self ipotekarju għall-abitazzjoni u restrizzjonijiet fuq l-imgħax varjabbli u/jew self b'amortizzament differit. L-istituzzjonijiet tal-kreditu ipotekarju ħadu miżuri minn jeddhom biex jiżguraw il-provvista ta' kollateral addizzjonali. Dawn il-miżuri kollha huma orjentati lejn id-direzzjoni t-tajba, iżda se jkun meħtieġ monitoraġġ mill-qrib sabiex jiġi aċċertat jekk għandhomx l-impatt mixtieq. Il-Kummissjoni se teżamina r-rapporti regolari tad-Danimarka dwar l-impatt tal-miżuri meħuda f'dan il-kuntest. Maż-żmien, it-tassazzjoni fuq il-proprjetà fid-Danimarka għandha terġa' tiġi eżaminata sabiex jitnaqqsu d-distorsjonijiet u jissaħħu l-karatteristiċi kontroċikliki tagħha.

(14)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tad-Danimarka. Hija vvalutat il-programm ta’ konverġenza u l-programm nazzjonali ta’ riforma, u ppreżentat analiżi dettaljata. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli imma qieset ukoll il-konformità mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (3) hawn taħt.

(15)     Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ konverġenza tad-Danimarka, u l-opinjoni tiegħu[9] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt,

(16)     Fid-dawl tal-analiżi dettaljata tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm nazzjonali ta’ riforma u l-programm ta’ konverġenza tad-Danimarka. Ir-rakomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (3) hawn taħt.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li d-Danimarka għandha tieħu azzjoni matul il-perjodu 2013-2014 biex:

1.           Timplimenta l-istrateġija baġitarja fl-2013 kif ippjanat, sabiex tiġi żgurata l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2013. Barra minn hekk, timplimenta l-istrateġija baġitarja għall-2014 u aktar 'il quddiem sabiex tiżgura sforz fiskali xieraq biex tibqa’ fl-objettiv ta' terminu medju.

2.           Tieħu aktar passi biex ittejjeb l-impjegabbiltà tal-persuni fil-marġnijiet tas-suq tax-xogħol, inklużi l-persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni, dawk li ilhom qiegħda u l-ħaddiema bi ftit kwalifiki. Ittejjeb il-kwalità tat-taħriġ vokazzjonali biex tnaqqas ir-rata tat-tluq bikri mill-iskola u żżid l-għadd ta' apprendistati. Timplimenta r-riforma tal-edukazzjoni primarja u sekondarja inferjuri sabiex iżżid il-livelli tal-kisba u ttejjeb il-kosteffettività tas-sistema tal-edukazzjoni.

3.           Tkompli l-isforzi tagħha biex tneħħi l-ostakoli għall-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi inklużi s-setturi tal-bejgħ bl-imnut u tal-kostruzzjoni u ssaħħaħ l-effettività fil-provvista tas-servizzi pubbliċi.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               ĠU L 306, 23,11.2011, p. 25.

[3]               COM(2013) 354 final.

[4]               P7_TA(2013)0052 u P7_TA(2013)0053.

[5]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE tat-22 ta' April 2013.

[6]               COM(2012) 750 final.

[7]               COM(2012) 751 final.

[8]               SWD(2013) 115 final.

[9]               Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.