52013DC0306

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna tal-Unjoni Ewropea skont il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2014-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u l-allokazzjoni tal-assistenza finanzjarja għall-Pajjżi u t-Territorji ekstraEwropej li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE /* COM/2013/0306 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna tal-Unjoni Ewropea skont il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2014-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u l-allokazzjoni tal-assistenza finanzjarja għall-Pajjżi u t-Territorji ekstraEwropej li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE

Il-Ftehim Intern li jistabbilixxi l-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (11-il FEŻ) għandu jiġi adottat mill-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, f'Ġunju 2013. Dan il-Ftehim Intern jidħol biss fis-seħħ wara r-ratifika mill-Istati Membri kollha, li tista' ddum sa 18-il xahar jew aktar.

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni f'waqtha tal-11-il FEŻ hekk kif ir-riżorsi jkunu jistgħu jiġu aċċessati, il-proċeduri u l-modalitajiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet xierqa għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-11-il FEŻ iridu jkunu fis-seħħ. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tipproponi li tipprevedi applikazzjoni provviżorja għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Intern li jistabbilixxi l-11-il FEŻ. Dawn jikkonċernaw b’mod partikulari l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE, l-istabbiliment tal-11-il Kumitat FEŻ kif ukoll il-Kumitat tal-Faċilità ta' Investiment, l-adozzjoni ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni u ta’ Regolament Finanzjarju, u l-kisba ta’ ġestjoni finanzjarja u operattiva. .

Dan huwa l-approċċ li ġie segwit għat-tranżizzjoni mid-9 għall-10 FEŻ[1].

Għalhekk il-Kummissjoni tissuġġerixxi li r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri jadottaw id-deċiżjoni mehmuża.

ANNESS

Abbozz ta' Deċiżjoni mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna tal-Unjoni Ewropea skont il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2014-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u l-allokazzjoni tal-assistenza finanzjarja għall-Pajjżi u t-Territorji ekstraEwropej li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000[2],

Wara li kkunsidraw l-assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u t-Territorji ekstraEwropej mal-Unjoni Ewropea,

Wara li kunsidraw l-abbozz ippreżentat mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)       L-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, laħqu kunsens li jikkonċerna l-Ftehim Intern dwar il-finanzjament tal-għajnuna tal-Unjoni Ewropea lill-Istati tal-AKP u lill-OCTs skont il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020. Dan il-Ftehim mhuwiex se jidħol fis-seħħ qabel l-adozzjoni minn kull Stat Membru skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu.

(2)       Ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim Intern għandhom ikunu applikati fuq bażi provviżorja sakemm jidħol fis-seħħ,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Ftehim Intern relatati mal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għandhom ikunu applikati b’mod provviżorju mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni:

1. l-Artikolu 1, paragrafi (3) u (4);

2. l-Artikolu 1, paragrafu (7), flimkien mal-Artikoli 8 u 9, safejn il-Kunsill jadotta l-iskeda finali tal-kontribuzzjonijiet li għandhom isiru mill-Kroazja kif ukoll il-piż tal-vot finali tagħha u l-maġġoranza kwalifikata l-ġdida u r-regoli ta’ minoranza li timblokka wara l-adeżjoni tagħha fl-UE u skont il-Ftehim Intern.

3. l-Artikoli 8 u 9 bil-għan li tistabbilixxi l-Kumitat FEŻ u l-Kumitat tal-Faċilità ta' Investiment;

4. l-Artikoli 10 u 13, flimkien mal-Artikoli 8 u 9, sakemm meħtieġa għat-tkomplija ta’ ġestjoni finanzjarja u operattiva tal-FEŻ.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni tibqa’ fis-seħħ sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Intern.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       F’isem il-Gvernijiet tal-Istati Membri

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 76M, 16.3.2007, p. 298.

[2]               ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Il-Ftehim kif emendat bil-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 168M, 21.6.2006, p. 33) u bil-Ftehim iffirmat f’Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).