KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Portijiet magna għat-tkabbir /* COM/2013/0295 final */
WERREJ 1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 3 2........... Sfidi............................................................................................................................... 3 3........... Strateġija........................................................................................................................ 6 3.1........ Konnessjoni tal-portijiet
man-netwerk trans-Ewropew.................................................... 6 3.2........ Immodernizzar ta' servizzi portwali.................................................................................. 8 3.3........ Aktar investiment għal
portijiet...................................................................................... 10 3.4........ Promozzjoni tad-Djalogu Soċjali................................................................................... 11 3.5........ Titjib tal-profil ambjentali
tal-portijiet............................................................................. 12 3.6........ Inkoraġġament
tal-innovazzjoni..................................................................................... 13 4........... Konklużjoni.................................................................................................................. 13 KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Portijiet magna għat-tkabbir 1. Introduzzjoni L-Unjoni hija dipendenti ħafna fuq
il-portijiet tal-baħar għall-kummerċ mal-bqija tad-dinja u fi
ħdan is-Suq Intern tagħha. 74% tal-prodotti importati u esportati u
37% tal-skambji fi ħdan l-Unjoni jittranżitaw minn portijiet
marittimi. Il-portijiet jiggarantixxu l-kontinwità territorjali tal-Unjoni
billi jagħtu servizz ta' traffiku marittimu reġjonali u lokali li
jgħaqqad iż-żoni periferiċi u insulari. Dawn huma l-punti
ta' konġunzjoni li minnhom jistgħu jiġu organizzati l-flussi
loġistiċi multimodali tan-netwerk trans-Ewropew, bl-użu ta'
ħoloq marittimi, ferroviji u passaġġi fuq l-ilmijiet interni fuq
distanzi qosra biex jonqsu l-konġestjoni tat-toroq u l-konsum
tal-enerġija. Il-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport u
l-Att dwar is-Suq Uniku II tenfasizza l-bżonn tal-infrastruttura
tal-portijiet b'konnessjonijiet tajba, servizzi portwali effiċjenti u
affidabbli u finanzjament trasparenti tal-portijiet. Id-disponibilità ta’
infrastruttura portwali xierqa, prestazzjoni tajba ta' servizzi ta' portijiet u
kondizzjonijiet ekwi huma vitali jekk l-Unjoni trid tibqa’ kompetittiva
fis-swieq globali, ittejjeb il-potenzjal ta’ tkabbir tagħha u toħloq sistema
ta' trasport aktar sostenibbli u inklużiva biex tirfed is-suq intern. Quddiem l-isfida ta’ netwerk tat-trasport
kompletament integrat, is-sistema tal-portijiet tal-Unjoni ssib lakuni
strutturali fil-prestazzjoni. Jeħtieġ li jkun hemm aktar investimenti
biex l-infrastruttura u l-faċilitajiet tal-portijiet jiġu adattati
biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ġodda ta' trasport u loġistika u
jiġi assorbit it-tkabbir mistenni ta’ merkanzija għad-deċennju
li jmiss fi żmien ta’ skarsezza ta' finanzjament pubbliku. Jekk ma jsir
xejn se tintilef opportunità biex jiżdiedu l-għażliet
disponibbli lill-operaturi tat-trasport u t-trasportaturi tal-merkanzija u
jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir fiż-żoni kostali u mal-Unjoni
kollha kemm hi. Din il-Komunikazzjoni teżamina
mill-ġdid il-Politika Ewropea tal-Portijiet u tibni fuq il-progress
miksub. Din takkompanja u tissupplimenta proposta għal regolament
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas dwar
l-aċċess għas-suq għas-servizzi tal-portijiet u
t-trasparenza finanzjarja tal-portijiet. Hija tidentifika tmien settijiet
addizzjonali ta’ azzjonijiet tal-UE meħtieġa biex ikompli
jinfetaħ il-potenzjal tal-portijiet. Din il-Politika Ewropea tal-Portijiet
riveduta tkopri n-netwerk tat-trasport trans-Ewropew tal-portijiet marittimi,
li huma responsabbli għal 96% tal-merkanzija u 93%
tal-passiġġieri li jittranżitaw mill-portijiet fl-Unjoni. 2. Sfidi Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar
il-Politika Ewropea tal-Portijiet fl-2007[1],
il-Kummissjoni identifikat l-kawżi ewlenin tal-isfidi ffaċċjati
mis-settur. Dawn irrigwardaw theddid fuq il-prestazzjoni tal-portijiet u
l-kollegamenti mal-intern, il-ħtieġa li jiġu mmodernizzati
l-portijiet filwaqt li jiġi rrispettat l-ambjent, in-nuqqas ta’
trasparenza fl-użu tal-finanzjament pubbliku, restrizzjonijiet
għall-aċċess għas-suq u kwistjonijiet dwar
l-organizzazzjoni tax-xogħol fil-portijiet. L-approċċ li ntuża fl-2007 kien
li jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet permezz ta’ strumenti
orizzontali u miżuri li ma jorbtux dwar l-aċċess għas-suq
tas-servizzi tal-portijiet u t-trasparenza finanzjarja. Minn dak
iż-żmien, sar xi progress u kien hemm għadd ta’ żviluppi,
b’mod partikolari: ·
Fl-2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal
Direttiva dwar il-Konċessjonijiet[2].
Din il-proposta tapplika għal kuntratti ta’ konċessjoni mogħtija
fil-portijiet, għalkemm xi forom ta’ għoti ta’ kuntratti bħal
kirjiet tal-art mhumiex koperti. ·
Il-Kummissjoni pproponiet linji gwida ġodda
għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew (TEN-T)[3] u l-Faċilità Nikkollegaw
l-Ewropa (CEF — Connecting Europe Facility)[4]
li jipprovdu għodda ta’ ppjanar komuni għal aktar investimenti
mmirati filwaqt li jkabbru l-possibbiltajiet għal appoġġ
finanzjarju mill-UE. ·
Fil-kuntest tas-semestru Ewropew, il-kriżi
ekonomika wasslet biex xi Stati Membri jintroduċu riformi fis-settur
tal-portijiet tagħhom. Dawn ivarjaw fl-ambitu u l-effiċjenza u
ġew l-aktar imsawra mill-ħtieġa ta' konsolidazzjoni fiskali. ·
Fl-2012 il-Qorti tal-Awdituri sabet li l-Fondi
Strutturali investiti fil-faċilitajiet portwali tal-UE għandhom valur
miżjud limitat jekk ma jkunux konnessi bħala punti ta'
konġunzjoni multimodali man-netwerks tat-trasport nazzjonali,
reġjonali u trans-Ewropew. Tabilħaqq il-miżuri bla irbit
proposti fl-2007 dwar aċċess għal suq ġust u dwar
it-trasparenza kellhom ftit li xejn jew l-ebda impatt. M’hemmx sistema
waħdanija indaqs għas-settur u l-interventi fil-livell nazzjonali
minn dakinhar paradossalment jheddu li jifframmentaw is-suq intern dejjem
aktar. B’konsegwenza ta’ dan, ħafna mill-kwistjonijiet identifikati
fl-2007 għadhom rilevanti sal-lum. Il-portijiet tal-UE għad iridu
jieħdu b’mod sħiħ ir-rwol tagħhom bħala
faċilitaturi li jwasslu għat-tkabbir u l-multimodalità. Id-distakk
fil-prestazzjoni strutturali bejn il-portijiet Il-portijiet huma
l-portali ewlenin fil-qafas tan-netwerks trans-Ewropej. L-UE teħtieġ
portijiet żviluppati u effiċjenti bi standards internazzjonali
fir-reġjuni marittimi kollha tagħha. Filwaqt li xi portijiet Ewropej
huma fost dawk bl-aħjar prestazzjoni fid-dinja, portijiet oħra
għad għandhom prestazzjoni fqira jew jinsabu għaddejjin minn
rigress strutturali[5].
Dawn il-portijiet jirrestrinġu l-ekonomiji kemm tar-reġjuni li jservu
kif ukoll tal-Unjoni kollha kemm hi. Dan id-distakk fil-prestazzjoni
strutturali jnaqqas l-għażliet disponibbli għall-UE u
għall-operaturi marittimi internazzjonali u tal-loġistika. Illum,
20 % tal-prodotti li ġejjin fl-Ewropa bil-baħar jgħaddu
minn tliet portijiet biss. Il-portijiet bi prestazzjoni tajba ħafna ma jistgħux
jiżviluppaw b’mod ottimali l-konnessjonijiet marittimi tagħhom ma’
portijiet oħra tal-UE, filwaqt li jżidu r-riskju ta’ konġestjoni
fl-intern tagħhom, b’mod partikolari l-konġestjoni fit-toroq,
għad-detriment taċ-ċittadini li jgħixu hemmhekk. Id-distakk
strutturali jhedded l-iżvilupp tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra
bħala alternattiva għal rotot bl-art saturati. Fl-2011, mill-portijiet tal-UE għaddew
3.7 biljun tunnellata. Skont l-aħħar projezzjonijiet f’xenarju ta’
tkabbir baxx, huwa stmat li l-volum se jiżdied b’50% sal-2030[6]. Se jkunu meħtieġa
l-portijiet kollha man-netwerk trans-Ewropew kollu biex jiġi akkomodat dan
it-tkabbir. Il-ħtieġa
li l-portijiet jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti l-ġodda L-isfidi ffaċċjati huma aggravati
mill-fatt li s-settur qiegħed dejjem jevolvi u għandu l-potenzjal li
l-infrastruttura tal-portijiet eżistenti jġibha obsoleta jew li
teħtieġ titjib sinifikanti. Il-bidliet jinkludu: ·
Żieda fid-daqs u fil-kumplessità tal-flotta,
b’mod partikolari bastimenti tal-kontejners ultra-kbar, tipi ġodda ta’
vapuretti Ro-Ro u trasportaturi tal-gass. Pereżempju, kumpanija ewlenija
Ewropea ordnat 20 bastiment għall-2015 b’kapaċità ta’ 18,000
Unitajiet Ekwivalenti Għoxrin Pied (Twenty Foot Equivalent Units - TEU).
Dan huwa l-ekwivalenti ta' mogħdija kontinwa ta' vetturi kbar ta’
merkanzija minn Rotterdam sa Pariġi. ·
Rekwiżiti aktar stretti dwar il-prestazzjoni
ambjentali u fjuwils alternattivi (eż. cold ironing[7] u Gass Naturali Likwifikat -
LNG). L-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-Enerġija Nadifa
għat-Trasport u l-proposta għal Direttiva dwar l-użu ta’ fjuwils
alternattivi[8]
teħtieġ li l-infrastruttura tal-portijiet marittimi kollha
tan-netwerk TEN-T Ewlieni jkunu mgħammra b’punti ta' fjuwil LNG skont
standards tekniċi komuni sal-2020. ·
Ix-xejriet li qed jikbru b’rata mgħaġġla
tal-industrija tal-kruċieri u fil-loġistika u sistemi ta’
distribuzzjoni wasslu għal ħtieġa akbar għal servizzi ta’
valur miżjud fiż-żona tal-port; u ·
Żviluppi sinifikanti fil-kummerċ
tal-enerġija, b’bidla miż-żejt u l-prodotti raffinati lejn
il-gass; ħtieġa għal faċilitajiet ta’ gassifikazzjoni
sinifikanti fil-portijiet; volumi potenzjali ta' trasport u ħżin ta'
bijomassa niexfa u CO2. Dawn il-bidliet jagħmlu pressjoni fuq
l-infrastruttura u l-investimenti inkluż l-estensjoni ta’
rmiġġi, mollijiet, digi, it-tħaffir fil-fond ta’ baċiri u
kanali u r-rikonfigurazzjoni li jippermettu manuvri ta’ bastimenti akbar.
Il-portijiet jeħtieġu faċilitajiet ġodda bħal
krejnijiet, terminals ġodda tal-passiġġieri, proċeduri
operattivi ġodda u koordinazzjoni tajba sekwenzjali jew parallella
tas-servizzi differenti pprovduti mill-atturi tal-port ġewwa l-port u
barra mill-port fil-kuntest ta’ loġistika bieb bieb. Barra minn hekk,
il-portijiet huma infrastrutturi kritiċi importanti, bħala fornituri
ewlenin ta' servizzi għall-ekonomija kollha kemm hi, u aċċess
possibbli għall-kummerċ illegali għal dik li hija droga, armi,
merkanzija ffalsifikata u anke materjal KBRN(CBRN)[9]. Il-problemi ta' sigurtà se
jkollhom jiġu kontinwament indirizzati b’mod xieraq[10]. B’mod ġenerali, il-portijiet
se jkollhom jinvestu biex jilqgħu dawn l-isfidi kollha
teknoloġiċi, industrijali, ta' sikurezza, ta' sigurtà, ambjentali u
ta' tibdil fil-klima. Sfida Ewropea Il-portijiet tal-UE, u speċjalment
il-portijiet tan-netwerk trans-Ewropew, ifornu żona interna u żona
ta' ġbir li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u lokali
tagħhom. Dawn huma vitali għall-funzjonament tal-Unjoni Ewropea: bejn
wieħed u ieħor tunnellata minn kull żewġ tunnellati ta’
volum ittrattati f’portijiet tiġi minn jew titlaq, bil-baħar jew
bl-art, lejn jew minn Stat Membru li huwa differenti minn dak tal-port li fih
il-merkanzija tittranżita[11].
In-netwerk trans-Ewropew huwa b’saħħtu daqs l-iktar ħolqa
dgħajfa tiegħu, għaldaqstant il-portijiet iridu jagħtu
prestazzjoni tajba b'mod ġenerali. In-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ugwali li
jiżguraw konsistenza mal-prinċipji tas-suq intern fis-settur
portwarju huwa r-raġuni prinċipali għad-distakk fil-prestazzjoni
strutturali bejn il-portijiet. Id-diversità tal-mudelli ta’ governanza u
l-istrutturi tas-sjieda hija fattur importanti tas-sistema tal-portijiet
Ewropej u mhemmx żewġ portijiet li joperaw bl-istess mod eżatt.
Il-Politika Ewropea tal-Portijiet tirrispetta din id-diversità u ma tfittixx li
timponi mudell uniformi għall-portijiet. 3. Strateġija Wara proċess ta' konsultazzjoni twil
ħafna u ddettaljat[12],
il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li r-reviżjoni
tal-politika portwali għandha ssegwi l-azzjonijiet li ġejjin biex
jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imqajma hawn fuq. L-istrateġija tal-UE
hija msejsa fuq il-prinċipju li jiġu evitati interferenzi mhux
meħtieġa fil-portijiet li għandhom prestazzjoni tajba, filwaqt
li tgħin dawk il-portijiet li għadhom lura biex jimplimentaw prassi
tajba u approċċi maniġerjali tajbin filwaqt li tirrispetta
bis-sħiħ id-diversità u ċ-ċirkostanzi partikolari. 3.1. Konnessjoni
tal-portijiet man-netwerk trans-Ewropew Aktar ippjanar ta' infrastruttura integrata,
strateġiji ta' investiment konsistenti u finanzjament effiċjenti
tal-UE se jkunu possibbli fl-2014-2020 skont il-linji gwida l-ġodda
tat-TEN-T, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-approċċ
il-ġdid tal-Istrumenti Finanzjarji Strutturali. L-użu ta’ strumenti ġodda ta'
ippjanar tat-TEN-T Il-linji gwida l-ġodda tat-TEN-T
identifikaw in-netwerk ewlieni multimodali fuq il-bażi ta’
metodoloġija oġġettiva[13].
Il-portijiet għandhom rwol importanti f’din il-metodoloġija, billi
jiddefinixxu punti ta’ konġunzjoni li huma marbuta b’ħoloq ewlenin
multimodali. Il-proposta TEN-T tinkludi 319 il-port, 83
fin-netwerk ewlieni u 236 fin-netwerk komprensiv. Il-kurituri l-ġodda
tan-netwerk ewlieni huma l-għodda li se tgħin fl-iżvilupp
tan-netwerk ewlieni sal-2030 u dawn jibdew jew jispiċċaw f’portijiet
ewlenin[14].
L-infrastrutturi tat-trasport marittimu tat-TEN-T għandhom ċerti
rekwiżiti, b’mod partikolari: ·
Il-konnessjoni tal-portijiet TEN-T mal-linji
ferrovjarji, it-toroq u, fejn ikun possibbli, il-kanali interni; ·
Id-disponibbiltà ta’ mill-inqas terminal
wieħed fil-port li jkun miftuħ għall-operaturi kollha b’mod mhux
diskriminatorju u li japplika tariffi trasparenti; u ·
L-adegwatezza ta’ kanali marittimi, kanali portwali
u estwarji għall-konnessjoni ta' ibħra qrib xulxin jew li jipprovdu
aċċess mill-baħar għal portijiet marittimi. Il-portijiet tat-TEN-T ewlenin iridu
jiżguraw ukoll li l-karburanti nodfa alternattivi jkunu disponibbli
fil-portijiet tagħhom. Azzjoni 1 Attenzjoni partikolari se tingħata lill-proġetti li
jikkorrispondu għal investimenti identifikati fil-pjanijiet ta’
żvilupp tal-kurituri tal-ġejjieni li jridu jiġu definiti
mill-Koordinaturi fi ħdan strutturi ta' kurituri fl-2014 kif previst
fil-linji gwida għall-iżvilupp tat-TEN-T. Fil-governanza tal-kurituri li ser jiġu stabbiliti fil-qafas
tal-linji gwida għall-iżvilupp tat-TEN-T, il-portijiet se jiġu
mħajra jaġixxu bħala faċilitaturi tal-intermodalità,
pereżempju billi jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex
jipprovdu informazzjoni dwar il-flussi tat-traffiku biex ikun hemm
organizzazzjoni aħjar tal-loġistika intermodali. Finanzjament immirat tal-UE S’issa minħabba nuqqas ta’
prijoritizzazzjoni u kriterji ċari l-finanzjament mill-UE għal
portijiet ma kienx iffokat kif xieraq u ma ngħatatx biżżejjed
attenzjoni lill-koordinazzjoni mal-infrastruttura tal-aċċess
għat-territorju intern.[15] Sabiex ikunu eliġibbli għall-fondi għall-perjodu
2014-2020[16],
ir-regolament li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF)
jeħtieġ li l-portijiet jkunu parti min-netwerk ewlieni jew minn
Awtostrada tal-Baħar li tgħaqqad port man-netwerk ewlieni. Hija
tagħti wkoll importanza lil analiżi serja
tal-ispejjeż/benefiċċji tal-proġetti. Fl-aħħar
nett, tintroduċi strumenti finanzjarji ġodda bħal strumenti ta’
qsim tar-riskju u mekkaniżmi ta’ titjib għal bonds marbuta ma’
proġetti li jistgħu jkunu ta’ interess partikolari għal
sħubijiet pubbliċi-privati fil-portijiet. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra elementi
oħra li fuqhom trid tibbaża l-finanzjament tagħha fis-settur
tal-portijiet. L-ewwel nett, se tibqa’ ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti
Ewropea tal-Awdituri[17]
u tivverifika li jeżistu jew hemm pjanijiet għal konnessjonijiet
effiċjenti għal-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali. Meta talloka l-appoġġ tal-UE, b’mod
partikolari taħt is-CEF, il-valur miżjud tal-proġett biex
jintlaħqu l-għanijiet tal-Politika tat-Trasport tal-UE se jiġi
kkunsidrat, inklużi regoli dwar l-użu tajjeb ta’ riżorsi
pubbliċi skarsi u r-rispett tal-valuri ċentrali tas-Suq Uniku. Azzjoni 2 Se tingħata attenzjoni lill-proġetti li jikkontribwixxu
għall-iżvilupp koordinat u l-ġestjoni tal-portijiet,
infrastrutturi tal-ferrovija u passaġġi tal-ilma interni u dawk li
jtejbu l-prestazzjonijiet ambjentali tal-port u t-tbaħħir. Il-Kummissjoni se tqis jekk għandhiex tipproponi biex tikkunsidra
kwistjonijiet bħall-applikazzjoni bikrija tad-dispożizzjonijiet
stabbiliti fir-Regolament propost b’mod parallel ma’ din il-Komunikazzjoni[18], il-kwalità tal-klima
soċjali, u jekk il-port għandux strateġija ta’ ġestjoni
ambjentali. Fi sħubija mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se
ssaħħaħ l-allinjament tal-proġetti tat-trasport
iffinanzjati taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni bit-TEN-T,
filwaqt li tippromwovi l-prijorità ta' proġetti li jikkonċernaw
l-aċċess għall-portijiet u l-kollegamenti mal-intern. L-impatt
usa’ fuq it-tqassim tat-traffiku bejn il-portijiet se jiġi kkunsidrat. Se
jittieħed l-istess approċċ għal dawk li huma sorsi
oħra ta’ finanzjament tal-UE, bħal self disponibbli permezz tal-BEI u
faċilitajiet ta’ self oħra tal-UE. 3.2. Immodernizzar
ta' servizzi portwali L-ottimizzazzjoni tas-servizzi u
l-operazzjonijiet portwali twassal biex għadd ta’ portijiet tat-TEN-T
jkunu jistgħu jimmaniġġjaw jew jattiraw aktar merkanzija u
passiġġieri u jiksbu prestazzjoni ogħla b’mod sinifikanti
bl-infrastruttura eżistenti, u b’hekk inaqqsu l-bżonn
għall-finanzjament. Aċċess ġust għas-suq Il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi
portwali huma essenzjali għall-prestazzjoni ġenerali tal-port.
Tipikament[19],
l-ispejjeż totali portwali jistgħu jirrappreżentaw frazzjoni
sinifikanti tal-ispejjeż totali assoċjati mal-katina loġistika.
Għal xi kummerċ f’portijiet tradizzjonali, l-ispejjeż
tal-portijiet u tat-tħaddim tat-terminali portwali jistgħu
jaqbżu t-30% tat-total tal-ispejjeż loġistiċi bieb bieb.
F’termini ta’ kumpens intern ta' spejjeż, it-tariffi tal-infrastruttura
portwali jirrappreżentaw bejn 5-10%, is-servizzi tekniċi-nawtiċi
bejn 10-15%, il-ġestjoni tal-merkanzija bejn 45-60% u spejjeż
oħra u servizzi anċillari bejn 10-30%. Storikament, is-servizzi
portwali operaw fi ħdan oqfsa kkaratterizzati minn drittijiet esklużivi
jew monopolji de facto ta’ natura pubblika jew privata.
Ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta' forniment ta' servizzi huma
aċċettabbli biss meta dan ikun iġġustifikat
b'raġunijiet oġġettivi, bħan-nuqqas tal' spazju
fil-portijiet jew raġunijiet ta’ servizz pubbliku, u sakemm dawn ma jwasslux
għal abbużi u huma konformi mat-TFUE. Madankollu, f’każi
bħal dawn, il-fornituri tas-servizzi portwali għandhom jinħatru
skont proċedura li tiżgura trasparenza, ugwaljanza ta’
aċċess u użu effiċjenti ta’ riżorsi pubbliċi. Ir-Regolament propost b’mod parallel ma’ din
il-Komunikazzjoni, li għandu japplika mingħajr preġudizzju
għad-Direttivi dwar il-Konċessjonijiet u dwar il-Kuntratti
Pubbliċi, jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi
fil-portijiet, ħlief għall-immaniġġjar tal-merkanzija u tal-passiġġieri.
F’każijiet ta’ limitazzjoni fl-għadd ta’ fornituri tas-servizzi
portwali, il-fornitur għandu jinħatar wara proċedura
miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja. Il-forniment ta’ servizzi
portwali minn operaturi interni, i. e. l-awtorità tal-port jew
l-amministrazzjoni hija awtorizzata biss fil-każ ta’ obbligi ta’ servizz
pubbliku. F’każijiet bħal dawn, l-operaturi interni huma limitati li
jipprovdu servizzi lis-sistema portwali tagħhom. Is-settur tal-portijiet huwa negozju globali.
L-UE u l-Istati Membri tagħha diġà ħadu impenji permezz ta'
ftehimiet internazzjonali biex jiftħu l-aċċess tas-suq
għas-servizzi portwali fuq bażi ġusta u reċiproka.
Il-Kummissjoni se tissorvelja li dan ma jwassalx għal telf ta’ kontroll
fuq l-interessi strateġiċi tal-UE u se tfittex li tippromwovi
aċċess reċiproku għas-suq ma’ pajjiżi terzi. Azzjoni
3 Għall-konċessjonijiet
għall-immaniġġjar tal-merkanzija u t-terminals
tal-passiġġieri, il-Kummissjoni se tiżgura li d-Direttivi
orizzontali dwar il-Konċessjonijiet (li se jiġu adottati dalwaqt) u
l-Kuntratti Pubbliċi[20]
jiġu applikati b'mod effettiv. Dan għandu jkopri parti
mill-arranġamenti kuntrattwali eżistenti bejn l-awtoritajiet portwali
u l-fornituri tas-servizzi portwali u jwasslu lejn ekonomija kompetittiva u trasparenti
ta’ għoti ta’ servizzi portwali. Għall-kuntratti mhux koperti
mid-Direttivi dwar il-Konċessjonijiet u dwar il-Kuntratti Pubbliċi,
il-ksur potenzjali tal-prinċipji tat-Trattat dwar proċeduri
trasparenti u trattament indaqs kif interpretat mill-Qorti tal-UE se jiġi
segwit mill-Kummissjoni fuq bażi ta’ każ b’każ. Ir-Regolament
futur dwar l-aċċess ta’ prodotti u servizzi minn pajjiżi terzi
fis-suq intern tal-Unjoni fl-akkwist pubbliku propost mill-Kummissjoni fl-2012
se jintuża bħala lieva biex jiġi ffaċilitat in-negozjar ta’
aċċess reċiproku għas-swieq mhux tal-UE ta’ atturi globali
bbażati fl-UE.[21] Superviżjoni ta’ prezz u kwalità Jekk fornitur ta'
servizzi portwali jopera taħt drittijiet esklużivi, hemm riskju ta’
distorsjoni tas-suq, għad-detriment tal-klijenti tiegħu u/jew
kompetituri. Abbużi tipiċi huma, eż. kondizzjonijiet
diskriminatorji, prassi ta' għoti ta' prezzijiet eċċessivi u jew
predatorji u/jew ir-rifjut ta’ fornitura lill-ċerti utenti tas-servizzi
portwali. Ir-Regolament propost b'mod parallel ma’ din
il-Komunikazzjoni jintroduċi regoli komuni biex jiżguraw
superviżjoni minn awtorità indipendenti tat-tariffi tas-servizzi portwali
imposti mill-operaturi li għandhom drittijiet esklużivi u li ma
ġewx magħżula permezz ta’ proċedura li hija trasparenti u
mhux diskriminatorja. Barra minn hekk, l-attivitajiet portwali li
jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi huma soġġetti
għar-regoli tal-kompetizzjoni. Ftehimiet li jirrestrinġu
l-kompetizzjoni u l-abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti, kif definit
rispettivament fl-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE, huma pprojbiti. Il-Kummissjoni u
l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu għalhekk jevalwaw
l-imġieba tal-fornituri tal-operaturi tas-servizzi portwali. Simplifikazzjoni amministrattiva
fil-portijiet Il-Kummissjoni ripetutament fakkret li
l-piż amministrattiv inaqqas l-attrazzjoni ta’ port u jaffettwa
l-prestazzjoni ġenerali tiegħu. Il-problema tikkonċerna
partikolarment it-trasport intra-UE fuq distanzi qosra, li jrid jikkompeti ma’
modi oħra ta’ trasport li mhumiex suġġetti għall-istess
kontrolli. F’dawn l-aħħar snin, bdew jitħaddmu għadd ta’
inizjattivi tal-UE biex titnaqqas il-burokrazija fil-portijiet,
bħar-razzjonalizzazzjoni tal-formalitajiet tar-rappurtar tal-vapuri
fil-konfront tal-portijiet applikabbli mid-19 ta’ Mejju 2012. Dawk
l-inizjattivi għandhom jitmexxew ‘il quddiem u jiġu ssupplimentati
biex jinkisbu servizzi portwali kkollegati ma' netwerk fejn il-konsumatur huwa
ċentrali. Azzjoni
4 Il-Kummissjoni
se tkompli tiżviluppa l-inizjattivi tagħha dwar: -
“Ċinturin Blu” li għandha l-għan li tnaqqas il-piż
amministrattiv għall-prodotti tal-UE li jinġarru minn bastimenti li
jbaħħru bejn portijiet tal-UE, għal livell li hu komparabbli ma’
dak ta’ mezzi oħra tat-trasport, inkluż billi jkomplu jissimplifikaw
il-proċeduri doganali. Din l-inizjattiva hija wkoll azzjoni ewlenija
skont l-Att dwar is-Suq Uniku II[22];
-
aktar implimentazzjoni armonizzata u kkoordinata tad-Direttiva 2010/65/UE[23] billi jiġu stabbiliti
linji gwida dwar “tieqa unika nazzjonali” li għandha tibda titħaddem
mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2015; -
l-inizjattiva "e-marittima" biex tinkoraġġixxi l-użu
tal-informazzjoni elettronika għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv u
l-aġevolazzjoni tan-negozju; u -
l-inizjattiva “ e-Merkanzija” li għandha l-għan li tiffaċilita
l-iskambju tal-informazzjoni tul katini loġistiċi multimodali u li se
tikkontribwixxi biex titjieb l-effiċjenza tal-portijiet peress li
l-portijiet huma pjattaformi multimodali importanti. Ir-Regolament propost b'mod parallel ma’ din
il-Komunikazzjoni tintroduċi dispożizzjonijiet legali ġodda biex
jinkoraġġixxu d-djalogu bejn il-partijiet interessati ta' port
(l-utenti, il-fornituri tas-servizzi, l-awtoritajiet, il-ħaddiema) u
jgħin biex tinkiseb implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet imsemmija
hawn fuq. 3.3. Aktar
investiment għal portijiet Il-finanzjament u l-iffinanzjar
tal-infrastruttura u l-faċilitajiet tat-trasport hija waħda
mill-isfidi ewlenin tan-netwerk tat-trasport tal-UE fis-snin li ġejjin. Li
jinstab kemm il-finanzjament pubbliku kif ukoll dak privat jeħtieġ
qafas sempliċi u definit b’mod ċar. Finanzjament trasparenti fil-portijiet In-nuqqas ta’ trasparenza tal-finanzjament
pubbliku fil-portijiet joħloq nuqqas ta’ ċertezza
għall-investituri li jixtiequ jinvestu. Biex tiġi ttrattata din
il-kwistjoni, ir-Regolament propost b'mod parallel ma’ din il-Komunikazzjoni se
jintroduċi regoli li jiżguraw it-trasparenza tar- relazzjonijiet
finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-awtoritajiet tal-port. Aktar
trasparenza finanzjarja se tiżgura wkoll kundizzjonijiet ekwi. Regoli aktar ċari dwar l-għajnuna
mill-Istat Hemm bosta raġunijiet għaliex Stat
Membru jista’ jiddeċiedi li jagħti fondi pubbliċi għal
portijiet: għal skopijiet ta’ żvilupp reġjonali jew biex
jiġu indirizzati swieq li jfallu f’każijiet fejn servizzi portwali
importanti huma ta' ftit interess għall-operaturi li jaġixxu skont
il-kundizzjonijiet tas-suq. Madankollu, prerekwiżit biex jiġi
żgurat l-użu tajjeb tar-riżorsi tal-Istati Membri u jiġu
evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mhux ġustifikati huwa r-rispett
tar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat. Azzjoni
5 Il-Kummissjoni
bħalissa hija impenjata fl-immodernizzar tar-regoli dwar l-għajnuna
mill-Istat għas-setturi ekonomiċi kollha. F’dan il-kuntest,
il-Kummissjoni se tiċċara l-kunċett ta’ għajnuna sa tmiem
l-2013 f’dak li jirrigwarda l-finanzjament tal-infrastrutturi, b’mod
partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza li qed tevolvi tal-Qorti
tal-Ġustizzja[24]. Tariffi tal-infrastruttura portwali aktar
effiċjenti L-għoti effiċjenti tal-prezzijiet
huwa prerekwiżit għall-investimenti infrastrutturali effiċjenti
tal-portijiet. Bħala pass lejn l-għoti ta' prezzijiet aktar
effiċjenti, ir-Regolament propost b’mod parallel ma’ din il-Komunikazzjoni
jintroduċi grad ta’ awtonomija li jippermetti lill-Awtoritajiet Portwali
biex jistabbilixxu l-istruttura u l-livell ta’ tariffi portwali skont l-istrateġija
kummerċjali u ta' investiment tagħhom stess. Huwa vitali li
l-prezzijiet ikunu trasparenti u applikati mingħajr diskriminazzjoni. Dimensjoni internazzjonali Xi portijiet Ewropej għandhom
tħassib dwar kompetizzjoni inġusta minn portijiet f’pajjiżi
terzi, b’mod partikolari dawk qrib biżżejjed biex jipprovdi servizzi
ta' trasbord li jikkompetu. Il-Kummissjoni hija konvinta dwar
il-ħtieġa għal kooperazzjoni msaħħa ma’ pajjiżi
ġirien, sabiex tinkiseb sistema tat-trasport sostenibbli li minnha
jibbenefikaw l-imsieħba kollha tal-UE bbażata fuq il-prinċipji
ewlenin ta’ kompetizzjoni ġusta, użu trasparenti tal-fondi
pubbliċi u strumenti fiskali u r-rispett ta’ standards soċjali u
ambjentali. 3.4. Promozzjoni
tad-Djalogu Soċjali Il-Portijiet tal-UE jimpjegaw aktar minn 3 miljun
ruħ (direttament u indirettament). Ir-riċerka ekonomika sabet rabta
diretta bejn it-tkabbir tal-produzzjoni portwali mal-ħolqien ta’ impjiegi
fir-reġjuni tal-madwar. Biex jirnexxu u jadattaw ruħhom
għad-domanda li qed tinbidel fir-rigward tal-forza tax-xogħol,
il-portijiet iridu joffru kondizzjonijiet tax-xogħol tajba u jtejbu
l-kwalità tal-ambjent tax-xogħol biex jattiraw persunal kwalifikat.
It-tilwim industrijali li jaffetwa r-relazzjonijiet jista' jkun ta' ħsara
għad-dehra u l-kompetittività tal-portijiet u għandu jiġi
indirizzat b’mod proattiv. Jeħtieġ li jkun hemm klima soċjali
tajba u djalogu soċjali ġenwin bejn il-partijiet ikkonċernati. Id-Djalogu Soċjali Kemm l-effiċjenza minn jum għal jum
kif ukoll id-dinamika fit-tul tal-kompetizzjoni portwali huma influwenzati
mir-reġim tax-xogħol tal-port. Skont it-tip ta’ terminal,
ix-xogħol tal-port jista' jirrappreżenta sehem sinifikanti
mill-ispejjeż operattivi għall-operaturi tat-terminal. [25] F’16-il Stat Membru, kif inhu l-każ
f’setturi oħra, ir-reġimi portwali tax-xogħol jitbiegħdu
mil-liġi ġenerali tax-xogħol[26].
F’xi każijiet, dawn ir-reġimi jistgħu jqiegħdu
restrizzjonijiet li għandhom effett fuq il-ħolqien ta’ impjiegi
ġodda jew jimminaw l-ambjent tax-xogħol fil-port. Wara proċess twil ta’ negozjati,
l-imsieħba soċjali tas-settur tal-portijiet talbu
għall-ħolqien ta’ Kumitat ta’ Djalogu Soċjali fis-settur
tal-portijiet, b’konformità mal-kompetenzi rikonoxxuti fl-Unjoni bl-Artikolu
152 tat-TFUE[27].
Din hija l-ewwel darba li tali djalogu ntalab fis-settur u se jippermetti li
jiġu indirizzati kwistjonijiet ewlenin, inklużi dawk li jistgħu
jwasslu għal relazzjonijiet kontrattwali. Jekk l-imsieħba
soċjali jkunu jixtiequ hekk, jistgħu mbagħad jitolbu b'mod
konġunt li l-ftehimiet konklużi minnhom fil-livell tal-Unjoni
jiġu implimentati b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta
mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 155(2). F’dan l-istadju,
il-Kummissjoni ma tipproponix li tintroduċi dispożizzjonijiet
partikolari dwar reġimi tax-xogħol tal-port. Għandu jiġi
enfasizzat li d-Djalogu Soċjali fil-livell tal-Unjoni jissupplimenta bla
ma jissostitwixxi d-djalogu soċjali f’livelli nazzjonali, lokali u
korporattiv. Azzjoni 6 F’konformità mal-Artikolu 151 u 154 tat-TFUE, il-Kummissjoni hija lesta
li tiffaċilita d-Djalogu Soċjali fil-livell tal-Unjoni billi
tipprovdi appoġġ tekniku u amministrattiv. L-imsieħba
soċjali tal-UE diġà qablu dwar regoli ta’ proċeduri u programm
konġunt miftuħ ta’ ħidma u jistennew li l-Kumitat jiġi stabbilit
formalment fid-19 ta’ Ġunju 2013. Filwaqt li tirrispetta l-awtonomija tal-imsieħba soċjali,
il-Kummissjoni tistenna li l-imsieħba soċjali tal-UE se jkunu
f'pożizzjoni li jittrattaw kwistjonijiet marbuta mal-organizzazzjoni
tax-xogħol u l-kondizzjonijiet tax-xogħol. Il-Kummissjoni f’koordinazzjoni mal-imsieħba soċjali kollha
tal-UE tipprevedi reviżjoni fl-2016 li se tivvaluta l-funzjonament u
l-progress tad-Djalogu Soċjali Ewropew għas-settur tal-portijiet u
s-sitwazzjoni fir-rigward tal-forniment kemm tat-tgħabija u l-hatt ta’
merkanzija kif ukoll ta' servizzi tal-passiġġieri. Is-saħħa,
is-sikurezza u t-taħriġ Ix-xogħol tal-port jibqa' xogħol
b’riskju għoli ta’ inċidenti u l-implikazzjonijiet fuq
is-saħħa tal-ħaddiema. Huwa essenzjali li jkun hemm sistema
fis-seħħ li tipproteġi s-saħħa, is-sikurezza u
l-benesseri tal-ħaddiema tal-port u tal-utenti, skont
il-leġiżlazzjoni tas-saħħa u s-sikurezza applikabbli. Kull port għandu bżonn
jiżviluppa prassi tax-xogħol li tissalvagwardja s-sigurtà u
s-saħħa tal-ħaddiema tal-port. Dan jeħtieġ
kooperazzjoni u koordinazzjoni tajba bejn min iħaddem u l-ħaddiema
kollha li joperaw fi ħdan il-port. Il-bidliet teknoloġiċi u
l-ħtiġijiet ġodda tat-trasport u l-loġistika se jkunu ta'
mutur għall-kisba tal-ħiliet fl-operazzjonijiet portwali innovattivi
u l-ħtieġa ta' ħaddiema bl-aqwa ħiliet, taħriġ u
kwalifiki li jifhmu, jiksbu kompetenza sħiħa u jisfruttaw
il-vantaġġi kollha li joffru t-teknoloġiji ġodda. Azzjoni 7 Skont is-Seba' programm ta' qafas tal-RTD għat-trasport,
il-Kummissjoni se tniedi proġett ta' azzjoni kkonċertata qabel tmiem
l-2013 biex teżamina l-isfidi tas-saħħa u s-sikurezza,
it-taħriġ u l-kwalifiki fil-portijiet tal-UE. L-imsieħba
soċjali se jkunu involuti bis-sħiħ f’din l-azzjoni. Il-Kumitat
ta’ Djalogu Soċjali għas-settur tal-portijiet se jiġi kkonsultat
regolarment u infurmati dwar dawn il-kwistjonijiet. 3.5. Titjib
tal-profil ambjentali tal-portijiet L-attivitajiet tal-portijiet jagħtu lok
għal impatti sinifikanti f’termini ta’ emissjonijiet, storbju,
tniġġis tal-ilma u l-ħamrija u l-frammentazzjoni tal-ambjenti
naturali. Portijiet li jinsabu viċin żoni urbani b’popolazzjoni densa
jistgħu ta’ spiss ikollhom jilħqu bilanċ bejn l-iżvilupp u
l-ġestjoni ta’ attivitajiet portwali mal-preservazzjoni tal-ambjenti
naturali u l-kwalità tal-ħajja urbana. Il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida fl-2011
dwar l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats
fl-estwarji u ż-żoni kostali, b’enfasi partikolari fuq is-sejbien
tal-aħjar bilanċ bejn il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp
tal-portijiet.[28]
Għalkemm huwa f’idejn il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex tinterpreta
l-liġi tal-UE, l-applikazzjoni tal-linji gwida tal-Kummissjoni tista'
tipprovdi qafas koerenti għal dawk li jiżviluppaw il-proġetti u
timminimizza r-riskju ta’ litigazzjoni. Il-Kummissjoni tilqa’ l-inizjattivi
meħuda mis-settur tal-portijiet biex tiġi promossa
l-eċċellenza fil-ġestjoni ambjentali u l-prestazzjoni
bil-pubblikazzjoni ta' gwidi ta’ prassi tajba.[29]
Għadd ta’ portijiet diġà adottaw pjanijiet biex jiġġestixxu
aħjar l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u inizjattivi bħal dawn
għandhom ikunu mħeġġa. Il-portijiet għandhom jikkunsidraw jekk
huwiex il-każ li jippremjaw l-operaturi li jantiċipaw jew jaqbżu
l-applikazzjoni ta’ standards ambjentali mandatorji u jippromwovu l-użu
ta’ ktajjen loġistiċi bieb bieb b’karbonju baxx u b’enerġija
effiċjenti, eż. trasport bil-baħar fuq distanzi qosra.
Għalkemm l-iskemi eżistenti[30]
introdotti fuq bażi volontarja minn għadd ta’ portijiet biex
jgħollu d-dehra ambjentali tagħhom għandhom jibqgħu jsibu
appoġġ, applikazzjoni aktar konsistenti ta' varjazzjoni ambjentali
bħal din tat-tariffi tal-infrastruttura portwali fil-livell Ewropew jew
f’dak reġjonali tista’ tgħin biex tiżdied l-effikaċja
tagħhom. Azzjoni 8 Li jinkoraġġixxi applikazzjoni aktar konsistenti ambjentalment
għall-użu tal-portijiet ħlasijiet għall-infrastruttura,
il-Kummissjoni se tipproponi prinċipji ta’ ċċarġjar
ambjentali u jippromwovu l-iskambju tal-prattiċi tajba sal-2015. Il-Kummissjoni qed tippjana reviżjoni tad-Direttiva dwar
il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet fl-2013/2014 bl-għan li
tkompli ttejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tas-sistema. 3.6. Inkoraġġament
tal-innovazzjoni Matul dawn l-aħħar snin,
l-industrija dinjija tal-portijiet inbidlet b’mod sinifikanti. Kulma jmur
il-portijiet qegħdin isiru iktar dipendenti fuq l-innovazzjoni
teknoloġika tul il-katina loġistika kollha. Il-kompetittività tal-portijiet Ewropej se
tiddependi fuq l-abbiltà tagħhom għall-innovazzjoni f’termini ta’
teknoloġija, organizzazzjoni u ġestjoni. Ir-rwol kritiku tagħhom
bħala ċentri multimodali jeħtieġ soluzzjonijiet ta'
konnessjonijiet intermodali innovattivi u effiċjenti u l-użu ta'
għodda ta’ ġestjoni bil-għan li tiżdied aktar l-attrazzjoni
tagħhom. Ir-riċerka tista’ wkoll tintuża
bħala mezz ta’ kif jiġu indirizzati kwistjonijiet soċjali. Dawn
jistgħu jvarjaw minn riskji għas-saħħa u s-sigurtà
għall-ħaddiema tal-portijiet (eż. impatti tal-fumigazzjoni ta’
kontenituri) għall-ħtieġa li jiġu ġestiti u mnaqqsa
l-impatti tal-attivitajiet portwali fuq l-ambjent u ż-żoni urbani. Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-programm
Orizzont 2020 għall-appoġġ tar-riċerka, l-iżvilupp u
l-innovazzjoni mill-2014 sal-2020, il-Kummissjoni se tipproponi kompiti ta’
priorità fejn l-appoġġ tal-UE jista' jkun previst. 4. Konklużjoni Il-portijiet jistgħu jikkontribwixxu
b’mod sinifikanti għall-irkupru ekonomiku u l-kompetittività fit-tul
tal-industriji Ewropej fis-swieq dinjin filwaqt li jiżdiedu l-valur u
l-impjiegi fir-reġjuni kostali kollha tal-UE. Il-portijiet se jkollhom
rwol ewlieni x’jaqdu fl-iżvilupp effiċjenti u sostenibbli tan-netwerk
tat-trasport trans-Ewropew permezz tad-diversifikazzjoni tal-għażliet
ta' trasport u l-kontribut għat-trasport multimodali. Illum, il-Politika tal-Portijiet Ewropej
tinsab f’salib it-toroq. Filwaqt li xi portijiet Ewropej għandhom
prestazzjoni tajba, il-problemi strutturali fir-rigward ta' konnettività
insuffiċjenti maż-żoni interni, in-nuqqas ta’ trasparenza
fl-użu tal-fondi pubbliċi, ostakoli għad-dħul fis-suq,
mudelli mhux aġġornati ta’ governanza u burokrazija
eċċessiva jaffettwaw il-prestazzjoni ta’ ħafna portijiet
oħra. Wasal iż-żmien li jiġu indirizzati dawn il-problemi
li ilhom ħafna. Sabiex tissorvelja l-progress
tal-implimentazzjoni ta’ din il-Politika Ewropea riveduta għall-Portijiet,
il-Kummissjoni diġà nediet proġett[31]
li se jibda qabel it-tmiem tal-2013 biex tiżviluppa u tiġbor sett ta’
indikaturi ġeneriċi Ewropej dwar il-prestazzjoni tal-portijiet. Ir-Regolament propost b’mod parallel
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill huwa mfassal biex jindirizza
l-kwistjonijiet ewlenin marbuta mal-aċċess għas-suq
għas-servizzi tal-port u t-trasparenza finanzjarja u l-awtonomija
tal-portijiet. Il-Kummissjoni se tipprovdi rispons, fil-forma ta’ rapport, dwar
il-funzjonament u l-effett tar-Regolament mhux aktar tard minn tliet snin wara
d-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-Kummissjoni se tindirizza l-bqija
tal-kwistjonijiet permezz tal-azzjonijiet iffukati li ġejjin li jinsabu
taħt ir-responabbiltà tagħha: ·
użu sħiħ tal-linji gwida
l-ġodda tat-TEN-T u l-istrumenti finanzjarji tal-UE biex jitjiebu
l-konnessjonijiet tal-portijiet mal-intern tagħhom u l-promozzjoni
tal-Politika Ewropea tal-Portijiet; ·
sorveljanza tal-liġi eżistenti tal-UE
applikabbli għal konċessjonijiet u l-portijiet biex tiġi
applikata b’mod korrett; ·
għoti tal-appoġġ tekniku u
amministrattiv meħtieġ lid-Djalogu Soċjali fil-livell
tal-Unjoni, flimkien ma’ analiżi tal-progress fl-2016; ·
preżentazzjoni ta' inizjattivi ġodda biex
tissimplifika aktar il-proċeduri amministrattivi fil-portijiet, l-aktar
fil-proċeduri doganali; ·
promozzjoni tat-teknoloġiji ambjentali u
tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra permezz ta’ prinċipji komuni
dwar il-varjazzjoni tat-tariffi għall-infrastruttura tal-port. Il-Kummissjoni se tivverifika l-progress skont
it-twettiq tal-objettivi politiċi definiti f’din il-Komunikazzjoni,
partikolarment il-progress fl-iżvilupp tal-konnessjonijiet multimodali
mat-territorju intern, l-immodernizzar tas-servizzi portwali u l-attrazzjoni
tal-investimenti. [1] COM (2007)616 [2] COM (2011)897 [3] COM (2011)650 [4] COM (2011)665 [5] SWD(2013)181 [6] SWD(2013)181 [7] L-użu tal-provvista tal-elettriku mill-art
għall-vapuri li jsorġu mal-moll. [8] COM(2013)17 u COM(2013)18 [9] N.B. Kimiċi, Bijoloġiċi,
Radjoloġiċi, u Nukleari [10] Skont it-termini tad-Direttiva 20005/65/KE u
tar-Regolament 725/204, il-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri,
twettaq spezzjonijiet sabiex tissorvelja l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’
sigurtà rilevanti fil-portijiet tal-UE [11] Dan jirriżulta mill-kummerċ bejn l-Istati Membri
u l-kummerċ bejn Stat Membru u pajjiż mhux membru tal-UE permezz ta’
Stat Membru ieħor. [12] Għal aktar dettalji ara l-valutazzjoni tal-impatt
SWD(2013)181 [13] Ara http://ec.europa.eu/transport/themes/infrastructure/doc/web_methodology.pdf [14] L-allinjament tal-kurituri huwa propost fil-Faċilità
Nikkollegaw l-Ewropa (COM (2011) 650) [15] Mill-baġit tat-TEN-T EUR ingħataw 244.6 miljuni
lill-portijiet mill-2007 sal-2012, madwar 4 % tat-total tal-baġit
tat-TEN-T disponibbli. Minn dan, 58% ġew iddedikati
għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-port, 27 %
għall-iżvilupp tal-aċċess għat-territorju intern u 15%
għat-teknoloġija ekoloġika. Fir-rigward tal-fondi ta’
Koeżjoni, il-Qorti tal-Awdituri kienet partikolarment kritika dwar
in-nuqqas ta’ koordinazzjoni mal-aċċess għall-intern. [16] Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti tagħha
għall-Qafas Finanzjarju 2014-2020 f’Ġunju 2011 (COM (2011) 500).
In-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għadhom
għaddejjin. Il-finanzjament se jkun kopert fi ħdan il-pakketti
finanzjarji miftiehma mill-awtorità tal-baġit u l-atti
leġiżlattivi rilevanti. [17] Rapport Speċjali Nru 4 2012 tal-Qorti Ewropea
tal-Awdituri: “l-użu tal-fondi strutturali
u ta’ koeżjoni għall-kofinanzjament tal-infrastrutturi tat-trasport
fil-portijiet: investiment effettiv?” [18] B’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li japplikaw
mill-1 ta’ Lulju 2025. [19] Hemm varjazzjonijiet importanti skont il-port, it-tip ta’
kummerċ, eċċ. Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt SWD(2013)181. [20] Proposta għal Direttiva dwar l-għoti ta’
kuntratti ta’ konċessjoni (COM 2011) 897 finali u d-Direttiva 2004/17/KE
li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta' entitajiet li joperaw
fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali u
d-Direttiva 2004/18/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri
għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi,
kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi
pubbliċi. [21] COM(2012)124 finali, propost għal Regolament dwar
l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq
intern tal-Unjoni fl-akkwist pubbliku u proċeduri li jappoġġjaw
in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni
għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi [22] COM(2012) 573 finali tal-3 ta’ Ottubru tal-2012 [23] Id-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta’
rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet
tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE; [24] Ara l-Kawża T-443/08 “Leipzig-Halle” [25] 15 % — 20 % f'terminals ta' merkanzija mhux
likwida bl-ingrossa; 40 % — 75 % f'terminals ta' merkanzija
ġenerali [26] Studju dwar ix-Xogħol Portwali tal-UE (2013) [27] Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 1998,
dwar l-istabbiliment ta' Kumitati ta' Djalogu Settorjali biex iġibu 'l
quddiem id-Djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew
(COM(1998)322 finali) [28] http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/doc/guidance_doc.pdf http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/doc/comm_sec_2011_0319.pdf [29] ESPO Gwida ambjentali [30] Il-modulazzjoni abbażi tal-iskema tal-Indiċi
tal-Bastimenti Ambjentali (il-Belġju, Franza, il-Ġermanja u
l-Pajjiżi l-Baxxi), taċ-Ċertifikat tal-Premju Ambjentali
(il-Latvja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall), jew permezz
ta' rifużjonijiet marbuta ma’ emissjonijiet NOx/SOx jew permezz
tal-impożizzjoni ta’ tariffa tal-kubrit (l-Isvezja). [31] Taħt is-Seba' Programm Qafas tal-RTD tat-trasport —
sejħa għall-proposti 2013