KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Massimizzazzjoni tal-Impatt tal-Iżvilupp tal-Migrazzjoni Il-kontribuzzjoni tal-UE għad-Djalogu ta’ Livell għoli tan-NU u l-passi li jmiss lejn it-twessigħ tar-rabta żvilupp-migrazzjoni /* COM/2013/0292 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL,
LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Massimizzazzjoni tal-Impatt tal-Iżvilupp tal-Migrazzjoni
Il-kontribuzzjoni tal-UE għad-Djalogu ta’ Livell għoli tan-NU u
l-passi li jmiss lejn it-twessigħ tar-rabta żvilupp-migrazzjoni 1. Introduzzjoni Id-Djalogu ta’ Livell Għoli (DLGħ)
dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp f'Settembru 2006 kien
l-ewwel avveniment ta’ livell għoli organizzat mill-Assemblea
Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddedikat esklussivament biex jiddiskuti
l-aspetti multidimensjonali tal-migrazzjoni internazzjonali u l-iżvilupp.
It-tieni DLGħ se jsir fit-3 u l-4 ta’ Ottubru 2013. Il-migrazzjoni qiegħda dejjem aktar tkun
punt fokali tal-aġenda globali u hija rikonoxxuta bħala forza qawwija
biex tgħin l-iżvilupp kemm għall-pajjiżi tal-oriġini
kif ukoll tad-destinazzjoni. Dan huwa illustrat inter alia mir-rapport
tal-2012 tat-Tim ta’ Ħidma tas-Sistema tan-NU dwar l-Aġenda ta’
Żvilupp tan-NU wara l-2015, 'Inwettqu l-Futur li Rridu għal
Kulħadd', li jirrikonoxxi l-migrazzjoni bħala dimensjoni ewlenija
tad-dinamiċi tal-popolazzjoni globali u xprunatur
għall-inklużjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Iż-żieda tal-mobbiltà reġjonali
u globali tal-persuni, il-bidliet strutturali fl-ekonomija globali u
l-kriżi ekonomika ta’ bħalissa jiġġeneraw opportunitajiet u
sfidi ġodda għall-pajjiżi tal-oriġini, tat-tranżitu u
tad-destinazzjoni. Id-DLGħ tal-2013 jipprovdi opportunità unika biex issir
ħidma lejn aġenda globali għal governanza tal-migrazzjoni
effettiva u inklużiva u jidentifika miżuri li jippromwovu l-irwol
tal-migranti bħala aġenti ta’ innovazzjoni u żvilupp. It-tema
ġenerali tad-DLGħ tal-2013 hija "L-identifikazzjoni ta’
miżuri konkreti biex issaħħu l-koerenza u l-kooperazzjoni
fil-livelli kollha, bil-għan li jitkattru l-benefiċċji
tal-migrazzjoni internazzjonali għall-migranti u l-pajjiżi bl-istess
mod u rabtiet importanti tagħha għall-iżvilupp, filwaqt li
jitnaqqsu l-implikazzjonijiet negattivi tagħha"[1]. Il-massimizzazzjoni tal-impatt pożittiv
tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp hija ta' politika importanti għall-UE,
kif muri mill-qafas politiku doppju tagħha f’dan il-qasam. Il-migrazzjoni
u l-iżvilupp huma wieħed mill-erba’ oqsma ta’ prijorità tal-Approċċ
Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM)[2], li jipprovdi qafas
ġenerali tal-linja politika tal-UE dwar il-migrazzjoni esterna.
Il-migrazzjoni hija wkoll prijorità speċifika fl-Aġenda
għall-Bidla tal-UE[3], li tispjega l-qafas
tal-politika tal-UE għall-iżvilupp. Il-perspettiva tal-migrant hija
karatteristika ċentrali tal-GAMM u t-tisħiħ tad-drittijiet
tal-bniedem tal-migranti huwa prijorità fl-azzjonijiet kollha tal-UE dwar
il-migrazzjoni u l-iżvilupp. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni jinqasam
fi tnejn. Hija tipprovdi l-bażi għal pożizzjoni komuni tal-UE u
l-Istati Membri tagħha (minn hawn ’il quddiem l-UE) dwar id-DLGħ,
inklużi messaġġi ewlenin għal kooperazzjoni globali mtejba.
It-taqsima 2-5 għalhekk hija strutturata skont it-temi li se jiġu diskussi
fl-erba’ laqgħat tad-DLGħ. Barra minn hekk, fit-taqsima 6
l-Komunikazzjoni tipproponi kif l-UE tista’ twessa’ r-rabta bejn il-migrazzjoni
u l-iżvilupp fil-politiki u l-prattiki tagħha stess, u tieħu
passi sabiex tagħti attenzjoni sistematika li r-rwol tal-migrazzjoni u
l-mobbiltà għandhom fil-proċess ta’ żvilupp sostenibbli. Din
it-taqsima għalhekk twieġeb għat-talba tal-Kunsill għal
strateġija "aktar ambizzjuża u li tħares ’il quddiem"
għall-migrazzjoni u l-iżvilupp fil-livell tal-UE, kif formulat fil-konklużjonijiet
tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2012 dwar il-GAMM. 2. Roundtable 1: Li jiġu vvalutati
l-effetti tal-migrazzjoni internazzjonali fuq l-iżvilupp sostenibbli u
jiġu identifikati l-prijoritajiet rilevanti fid-dawl tat-tħejjija ta’
qafas ta' żvilupp post-2015 2.1. Il-ħtieġa ta’ ħarsa usa' tar-rabta bejn
il-migrazzjoni u l-iżvilupp Id-diskors dwar il-migrazzjoni u
l-iżvilupp tradizzjonalment iffoka fuq numru limitat ta’ kwistjonijiet
importanti inkluż tad-dijaspora, rimessi, telf tal-ħiliet u l-migrazzjoni
ċirkolari fejn il-prijorità ngħatat lill-migrazzjoni lejn
pajjiżi tal-OECD aktar milli l-migrazzjoni bejn il-pajjiżi li
għandhom dħul baxx jew medju. Il-politiki u l-implimentazzjoni
tagħhom f’dawn l-oqsma "tradizzjonali", inkluż fil-livell
tal-UE, għadhom jistgħu jitjiebu[4], iżda jeħtieġ li
nagħmlu pass ieħor, peress li dan l-approċċ huwa
insuffiċjenti biex jindirizza b’mod komprensiv il-kwistjonijiet kollha. Il-pajjiżi kollha fid-dinja qed
jesperjenzaw ċaqliq tal-popolazzjoni, u din ix-xejra x’aktarx
tiżdied. Mill-214-il miljun migrant internazzjonali li huma stmati
fid-dinja llum, il-parti l-kbira (150 miljun) huma ċittadini ta’
pajjiżi li mhumiex fl-OECD. Il-migrazzjoni internazzjonali sseħħ
l-aktar fi ħdan reġjuni, l-aktar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
Pereżempju, huwa stmat li aktar minn 80 % tal-migranti
Afrikani kollha jgħixu f’pajjiżi Afrikani oħra. Barra minn hekk, il-migrazzjoni
fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija fenomenu importanti li ħafna
drabi huwa injorat, li jipproduċi opportunitajiet u sfidi simili
għall-migrazzjoni internazzjonali. Lil hinn mir-rabta mill-qrib mal-migrazzjoni,
l-iżvilupp irawwem ukoll u jiddependi fuq il-mobilità (żjajjar
qosra ta’ negozjanti, turisti, ħaddiema, studenti, persuni li jżuru
l-familji tagħhom, eċċ.). Il-mobilità hija element essenzjali
favur it-tisħiħ tar-rwol ta’ ċentri urbani fin-Nofsinhar globali
bħala ċentri ta’ żvilupp u ta’ skambju ekonomiku, soċjali u
kulturali, u tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ ekonomiji li qed
jiżviluppaw fi swieq reġjonali u globali. Il-migrazzjoni furzata tibqa’ sfida globali. Il-maġġoranza kbira tal-popolazzjoni
totali ta’ refuġjati fid-dinja ta’ aktar minn 15-il miljun jgħixu
f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, ħafna drabi f’sitwazzjonijiet
imtawla, li jippreżentaw sfidi sinifikanti għal komunitajiet li
jospitawhom. Iżda l-preżenza ta’ refuġjati u migranti oħra
furzati tista' wkoll tirriżulta f’opportunitajiet ġodda u
benefiċċji għall-ekonomiji nazzjonali u lokali permezz
tal-kapital uman tar-refuġjati, inkluż billi jipprovdu ħiliet
tax-xogħol u joħolqu domanda għal merkanzija u servizzi.
Miżuri biex jiġi utilizzat il-potenzjal ta’ refuġjati
għall-iżvilupp ittejjeb l-awtodipendenza tagħhom, u b’hekk
tissaħħaħ il-kwalità ta’ protezzjoni tar-refuġjati
għall-benefiċċju wkoll tal-pajjiżi ospitanti. Il-bidla fil-klima
u d-degradazzjoni ambjentali diġà qed jeżerċitaw influwenza
dejjem akbar fuq il-migrazzjoni u l-mobilità, b’evidenza attwali li
tissuġġerixxi li fil-futur il-parti l-kbira tal-movimenti se
jseħħu jew bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew fi
ħdanhom stess[5]. Il-migrazzjoni u l-mobbiltà għandhom
impatt profond kemm f’termini pożittivi kif ukoll negattivi fuq
il-progress lejn żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali
sostenibbli - kemm għall-pajjiżi bi dħul baxx jew medju
tal-oriġini kif ukoll tad-destinazzjoni: ·
Għall-pajjiżi ta’ oriġini,
il-benefiċċji ekonomiċi tal-migrazzjoni huma ddokumentati u
jinkludu kontribuzzjonijiet lejn it-tnaqqis tal-faqar permezz tat-trasferimenti
ta’ rimessi u inizjattivi ta’ investiment tad-dijaspora. Il-kapital
finanzjarju, uman u dak soċjali mid-dijaspora jista' wkoll jikkontribwixxi
direttament biex jintlaħqu l-għanijiet tal-iżvilupp
soċjali, inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju
(MDGs) dwar is-saħħa u l-edukazzjoni. Bl-istess mod, ir-rimessi u
kontribuzzjonijiet oħra tal-migranti jistgħu jgħinu biex itejbu
l-adattament għall-impatti negattivi tal-bidla fil-klima fil-komunitajiet
ta’ oriġini. Opportunitajiet ta’ impjieg barra minn pajjiżhom jista’
jgħin ukoll jimmotiva liż-żgħażagħ jiksbu
ħiliet xierqa. Madankollu, l-implikazzjonijiet tal-iżvilupp uman huma
kumplessi, kif juri t-tħassib dwar telf tal-ħiliet u konsegwenzi
soċjali negattivi tal-migrazzjoni għal dawk li jħallu warajhom.
Pereżempju, il-migrazzjoni jista’ jkollha effett negattiv fuq l-MDGs
tas-saħħa billi tikkontribwixxi għal eżodu tal-ħiliet
u d-distribuzzjoni inugwali globali ta’ ħaddiema tas-saħħa. ·
Għall-pajjiżi tad-destinazzjoni, migrazzjoni
ġestita tajjeb tista’ tgħin biex jimtela l-vojt fis-suq
tax-xogħol, u tipprovdi persuni biex jissupplixxu t-trasformazzjoni
ekonomika strutturali, u tagħti spinta lill-innovazzjoni permezz
tad-dinamiżmu tal-migranti, u tikkontribwixxi għal sistemi ta’
sigurtà soċjali. Il-migrazzjoni u l-mobilità jistgħu
jippreżentaw sfidi għall-ġestjoni tal-urbanizzazzjoni, iżda
huma wkoll vitali għall-funzjonament tal-ibliet bħala ċentri ta’
tkabbir. Fin-nuqqas ta’ governanza effettiva, l-ispejjeż tal-migrazzjoni
jistgħu jkunu sinifikanti, u jistgħu jinkludu tensjonijiet
soċjali mal-popolazzjonijiet ospitanti — li ħafna drabi jkunu
esplojtati minn forzi populisti — u jagħmlu pressjoni fuq riżorsi
skarsi. Il-migrazzjoni bla kontroll tista’ wkoll taggrava theddid
għas-sigurtà, speċjalment fi stati fraġli. Il-migrazzjoni hija għalhekk kemm opportunità
kif ukoll sfida għall-iżvilupp. Mingħajr dubju kellha impatt
pożittiv fuq l-isforzi biex jinkisbu bosta mill-Għanijiet ta’
Żvilupp tal-Millennju. Madankollu, l-effetti negattivi tal-migrazzjoni
ġestita b'mod dgħajjef jistgħu jimminaw ukoll il-progress lejn
l-iżvilupp sostenibbli. 2.2. Il-migrazzjoni u l-qafas ta'
żvilupp għal wara l-2015 Il-Kummissjoni tilqa’ l-interess li qed jikber
fiż-żieda ta' instigaturi li jippermettu l-iżvilupp bħalma
huma l-migrazzjoni u l-mobilità mal-aġenda ta' żvilupp tan-NU
għal wara l-2015[6]. Hija tilqa’ wkoll
id-diskussjoni dwar jekk hux possibbli li jiġu żviluppati indikaturi
dwar il-kwalità ta’ diversi aspetti tal-governanza tal-migrazzjoni. Għandu
jsir kull sforz biex jiġi żgurat li l-kontribut tad-DLGħ dwar
dawn il-kwistjonijiet ikun rilevanti u miġjub f’dan il-proċess usa'
għal wara l-2015. F’dan il-kuntest, diskussjonijiet fuq
id-dinamiżmi tal-popolazzjoni f’aġenda ta’ wara l-2015 u Konferenza
Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u d-Demografija Wara l-2014 huma opportunitajiet
tajba biex jiġu indirizzati sfidi u opportunitajiet li l-migrazzjoni u
l-mobilità joħolqu għall-iżvilupp, inklużi kuntatti ma’
żviluppi globali fis-suq tax-xogħol, xejriet demografiċi usa'
f'reġjuni differenti u movimenti tal-popolazzjoni fi ħdan
il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. 2.3. Messaġġi ewlenin
għad-DLGħ ·
Il-migrazzjoni u l-mobilità għandhom ikunu
rikonoxxuti bħala “fatturi determinanti” għall-iżvilupp. Dawn għandhom jiġu indirizzati minn atturi tal-iżvilupp
fil-livelli kollha u għandhom jiġu introdotti fil-qafas
għall-iżvilupp ta' wara l-2015. Il-promozzjoni ta’ governanza
tal-migrazzjoni effettiva hija essenzjali sabiex timmassimmizza l-impatti
pożittivi u timminimizza l-impatti negattivi tal-migrazzjoni fuq
l-iżvilupp. ·
L-aġenda għall-iżvilupp u
l-migrazzjoni għandha titwessa’[7]. L-importanza dejjem
tikber tal-flussi migratorji fi ħdan u bejn il-pajjiżi li qed
jiżviluppaw għandha tiġi rikonoxxuta, u r-rabtiet pożittivi
u negattivi tagħhom mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali
għandhom jiġu indirizzati f’politiki ta’ żvilupp nazzjonali u
reġjonali. ·
Ir-rabtiet bejn it-tibdil fil-klima,
id-degradazzjoni ambjentali u l-migrazzjoni jeħtieġu aktar
konsiderazzjoni, notevolment fi ħdan il-kuntest ta’ żvilupp. 3. Roundtable 2: Miżuri li
jiżguraw ir-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem
tal-migranti kollha, b’referenza partikolari għan-nisa u t-tfal kif ukoll
għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kuntrabandu ta’ migranti u
t-traffikar tal-persuni u biex tkun żgurata migrazzjoni ordnata, regolari
u bla periklu 3.1. Id-drittijiet tal-bniedem
tal-migranti kollha Ir-rispett għad-drittijiet tal-migranti u
r-refuġjati huwa komponent ewlieni tal-politiki tal-UE. L-UE
għandha politiki avvanzati dwar il-ħarsien tad-drittijiet
tal-migranti. F’dawn l-aħħar għaxar snin, l-UE adottat serje ta’
direttivi maħsuba biex jiżguraw trattament indaqs f’oqsma
bħall-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ. L-ugwaljanza hija
minquxa fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Karta tad-Drittijiet
Fundamentali tal-UE, li tapplika kemm għal ċittadini tal-UE u persuni
li mhumiex ċittadini tal-UE. Ir-regoli tal-migrazzjoni tal-UE imponew
standards uniċi dwar id-drittjiet tas-sigurtà soċjali
għall-migranti. Pereżempju, wara ħames snin ta’ residenza
legali, bil-kundizzjoni li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, persuni li
mhumiex ċittadini tal-UE jiksbu l-istess sigurtà soċjali, assistenza
soċjali u d-drittijiet tal-protezzjoni soċjali bħalma
għandhom ċittadini tal-UE[8]. L-UE hija impenjata biex tiġġieled ir-razziżmu,
il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni tal-migranti u ta' persuni minn sfond
ta' migranti (bħal migranti tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni) sabiex
tiżgura trattament ġust ta’ ċittadini li mhumiex tal-UE u biex
tippromowovi politika ta’ integrazzjoni li tagħti drittijiet u
obbligi komparabbli ma’ dawk taċ-ċittadini tal-UE. L-UE
żviluppat diversi strumenti biex tappoġġja l-integrazzjoni ta’
migranti li jirresjiedu legalment, inkluż il-Fond Ewropew
għall-Integrazzjoni, is-Sit Ewropew fuq l-Internet dwar l-Integrazzjoni,
il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni u l-"Ktejjeb dwar l-integrazzjoni
għal min ifassal u għal min jipprattika". L-UE hija impenjata li tippromwovi l-istess
standards għoljin fil-politika esterna tagħha dwar il-migrazzjoni.
It-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti
hija prijorità trasversali f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex
fl-UE. L-UE hija impenjata li tgħin biex issaħħaħ
il-politiki tal-integrazzjoni u biex tippromwovi l-protezzjoni tal-migranti u
d-drittijiet tar-refuġjati fi u minn pajjiżi msieħba. Dan
jinkludi t-tisħiħ tal-aċċess għal drittijiet
fundamentali u drittijiet oħra, bħall-aċċess
għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, id-dritt għax-xogħol,
u d-dritt tal-moviment ħieles, il-qerda tal-apolidija, l-eliminazzjoni ta’
detenzjoni arbitrarja tal-migranti, l-aċċess
għall-ġustizzja u trattament ugwali bħaċ-ċittadini
fil-kwistonijiet tax-xogħol. Iż-żamma tad-drittijiet tal-migranti
hija indirizzata permezz ta’ qafas legali u normattiv internazzjonali komprensiv.
It-testi ewlenin li jridu jiġu applikati għall-migranti kif ukoll
għaċ-ċittadini jinkludu d-Dikjarazzjoni Universali
tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet
Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u
Kulturali, il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus
tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967 għal dik il-Konvenzjoni,
il-Konvenzjoni tal-1954 relatata tal-Persuni bla Stat, il-Konvenzjoni tan-NU
tal-1961 dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet
tat-Tfal, iż-żewġ
Protokolli ta' Palermo tan-NU dwar it-Traffikar tal-Migranti u t-Traffikar
tal-Persuni, il-Konvenzjoni
Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni
Razzjali, il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura, u l-Konvenzjoni tal-ILO dwar
xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi. Madankollu, għadhom
meħtieġa sforzi sinifikanti għall-implimentazzjoni aħjar
tal-oqfsa miftiehma internazzjonalment u għall-infurzar
tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, b’mod partikolari
fil-livelli nazzjonali u reġjonali. F’dan il-kuntest, ikun importanti li
jiġu zviluppati linji politiċi u jittieħdu azzjonijiet biex
jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem ta’ persuni f’sitwazzjoni irregolari. L-Istati Membri tal-UE għadhom ma
ffirmawx il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet
tal-Ħaddiema Migranti Kollha u l-Membri tal-Familji tagħhom tal-1990.
Id-distinzjoni insuffiċjenti fil-Konvenzjoni bejn id-drittijiet
ekonomiċi u soċjali ta' ħaddiema migranti regolari u irregolari
mhijiex f’konformità mal-politiki nazzjonali u tal-UE u b’hekk sar ostaklu
fundamentali. Madankollu, meta niġu għas-sustanza, l-istrumenti
tal-UE jipprovdu protezzjoni wiesgħa kemm għall-migranti regolari kif
ukoll dawk irregolari, u salvagwardji li ħafna drabi huma usa’ minn dawk
ipprovduti mill-Konvenzjoni. Fuq perjodu ta’ żmien itwal, jista’ jkun hemm
lok biex jerġa' jiġi rivedut il-qafas normattiv kompost kurrenti,
inkluża l-għażla ta’ ħidma favur konvenzjoni ġdida
dwar id-drittijiet tal-ħaddiema migranti kollha, adattata
għar-realtajiet u l-isfidi tas-seklu 21. 3.2. Migrazzjoni ordinata,
regolari u bla periklu Il-Kummissjoni nediet Portal
tal-Immigrazzjoni tal-UE[9] fl-2011 biex tinforma
lill-migranti dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-proċeduri
tal-immigrazzjoni. Il-portal jipprovdi informazzjoni
għaċ-ċittadini mhux tal-UE interessati li jemigraw lejn l-UE.
Huwa joffri informazzjoni prattika dwar proċeduri f’kull Stat Membru
għal kull kategorija ta’ migrant. L-UE qed tikkunsidra wkoll li tappoġġja
l-istabbiliment ta’ Ċentri dedikati ta’ Riżorsi
għall-Migrazzjoni u l-Mobilità f’ċerti pajjiżi sieħba
bl-għan li tiffaċilita miżuri ta’ qabel it-tluq, tar-ritorn u
tal-integrazzjoni mill-ġdid. Movimenti mħallta fejn nies b’diversi sfondi u ħtiġijiet jużaw l-istess
rotot u mezzi tat-trasport joħolqu sfidi għall-istati rigward
l-iskrining tal-ħtiġijiet tal-gruppi differenti. Huwa kruċjali
li l-awtoritajiet, filwaqt li jindirizzaw dawn il-flussi, jassiguraw li
l-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali jsibuha; u li
l-migranti irregolari jiġu ttrattati b’dinjità u ma jiġux
kriminalizzati. Il-migranti f’sitwazzjoni irregolari
ħafna drabi huma aktar vulnerabbli għall-isfruttament u
l-abbuż. Il-migrazzjoni irregolari tillimita l-potenzjal tal-migranti biex
jappoġġaw il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom u
żżid il-probabbiltà ta’ riżultati ta’ żvilupp negattivi
għall-pajjiżi ta’ destinazzjoni. L-UE hija impenjata bis-sħiħ sabiex
tinfurza l-leġiżlazzjoni u l-politiki maħsuba biex inaqqsu
l-immigrazzjoni irregolari. Hija trawwem rotot għal migrazzjoni legali u
għandha l-għan li tipprevjeni u tikkumbatti l-migrazzjoni irregolari,
inkluż permezz tal-ġestjoni tal-fruntieri u politiki tar-ritorn u
r-riammissjoni. L-UE tieħu azzjoni wkoll biex tissanzjona lil dawk li jabbużaw
lill-migranti. Id-Direttiva dwar is-Sanzjonijiet fuq Min Iħaddem
tal-2009 hija strument ewlieni, li jinkludi dispożizzjonijiet biex
titnaqqas l-ambigwità legali u b’hekk tipprevjeni l-isfruttament ta’ migranti
irregolari. Din id-Direttiva ma tipprovdi għall-ebda sanzjoni kontra
ħaddiema migranti b'permanenza rregolari, iżda tiffoka fuq dawk li
jħaddmu li jabbużaw migranti f’qagħdiet vulnerabbli. L-UE wkoll tgħin lill-pajjiżi li
qegħdin jiżviluppaw fit-tisħiħ tal-politiki u
l-kapaċitajiet tagħhom biex jiżguraw migrazzjoni ordnata,
regolari u bla periklu. Hija tappoġġja l-aġenda dwar
ix-xogħol deċenti u l-protezzjoni soċjali u
tħeġġeġ politiki sabiex jiffaċilitaw il-mobilità
reġjonali tal-impjiegi. Hija tippromwovi wkoll Ġestjoni Integrata
tal-Fruntieri bħala mezz biex ikunu stabbiliti fruntieri miftuħa u
siguri u tippromwovu r-rispett tad-drittijiet fil-fruntiera, inkluż
id-dritt li jfittxu l-ażil. Aktar attenzjoni internazzjonali għandha
tingħata lill-ħtiġijiet ta' assistenza u protezzjoni
tal-migranti li nqabdu f'sitwazzjoni umanitarja mwiegħra u ta’ theddida
għall-ħajja, kemm matul it-tranżitu kif ukoll waqt
permanenza f’pajjiżi ospitanti. Għandha tingħata kunsiderazzjoni
partikulari lin-nisa u tfal jew oħrajn li huma f’sitwazzjoni
partikolarment vulnerabbli. 3.3. It-Traffikar tal-Bnedmin L-impenn tal-UE għall-prevenzjoni u
l-ġlieda kontra l-kuntrabandu tal-migranti kif ukoll il-ħidma favur
il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin kienet riflessa f’diversi inizjattivi,
miżuri u programmi ta’ finanzjament fis-seħħ mis-snin
disgħin. L-adozzjoni tal-2011 tad-Direttiva dwar il-prevenzjoni u
l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi
tiegħu[10] kienet tikkostitwixxi pass
kbir ’il quddiem. Id-Direttiva mhux biss tiffoka fuq l-infurzar tal-liġi
iżda wkoll għandha l-għan li timpedixxi l-kriminalità u
tiżgura li l-vittmi tat-traffikar jiġu protetti u jingħataw
l-opportunità li jirkupraw u jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà. Barra
minn hekk, l-istrateġija tal-UE tal-2012 dwar il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin
[11] inkludiet miżuri biex
jiżguraw kooperazzjoni u koordinament aħjar fost dawk li jaħdmu
fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin inklużi l-gvernijiet, is-soċjetà
ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Azzjonijiet futuri se
jinkludu l-iffinanzjar ta’ riċerka u proġetti, l-istabbiliment ta’
pjattaformi, l-iżvilupp ta’ linji gwida u l-aħjar prassi,
taħriġ, eċċ. Il-traffikar tal-bnedmin huwa wkoll prijorità
għall-kooperazzjoni esterna tal-UE, u huwa sistematikament indirizzat fi
ftehimiet u sħubijiet ma’ pajjiżi li mhumiex tal-UE u fid-djalogi
kollha tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-mobilità. 3.4. Messaġġi ewlenin
għad-DLGħ ·
L-Istati kollha għandhom jiżguraw
il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti bħala prijorità ta'
politika trasversali u għandhom josservaw l-istrumenti internazzjonali
relevanti tad-drittijiet tal-bniedem. ·
L-Istati kollha jridu jirrispettaw id-dinjità u
jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem
tal-migranti, minkejja l-istatus legali tal-migranti. Huma
għandhom jimpenjaw ruħhom biex jipproteġu u jassistu persuni li
jfittxu l-ażil u migranti vulnerabbli, bħal minuri mhux akkumpanjati,
vittmi ta’ traffikar, nisa u tfal. ·
L-Istati kollha għandhom jiżviluppaw
il-politiki nazzjonali għall-integrazzjoni tal-migranti
fis-soċjetajiet tagħhom u biex jipprevjenu u jiġġieldu
l-ksenofobija u d-diskriminazzjoni, inkluż għal persuni bi sfond ta’
migrazzjoni. Huma għandhom jieħdu azzjoni kontra l-forom kollha ta’
sfruttar tal-impjiegi kemm ta' migranti legali kif ukoll migranti irregolari,
inkluż bl-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet effettivi kontra min
iħaddem lil ħaddiema barranin b'mod irregolari. ·
L-Istati kollha għandhom jirratifikaw u
jimplimentaw l-istrumenti internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-kuntrabandu
u t-traffikar tal-bnedmin. Politiki ta’ kontra
t-traffikar tal-bnedmin nazzjonali u reġjonali għandhom jiġu
stabbiliti jew aġġornati filwaqt li l-kooperazzjoni dwar
il-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni tat-traffikanti u l-protezzjoni tal-vittmi
tat-traffikar għandha tissaħħaħ. ·
L-importanza li l-migranti (potenzjali)
jiġu provduti b'informazzjoni dwar il-proċeduri tal-immigrazzjoni,
id-drittijiet tagħhom u dwar il-kondizzjonijiet ekonomiċi u
soċjali fil-pajjiż tad-destinazzjoni intenzjonat għandha
tiġi enfasizzata. 4. Roundtable 3: It-tisħiħ
tas-sħubijiet u kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni internazzjonali,
mekkaniżmi biex il-migrazzjoni tiġi integrata b’mod effettiv
fil-politiki tal-iżvilupp u l-promozzjoni tal-koerenza fil-livelli kollha 4.1. Sħubija u kooperazzjoni: Sħubijiet internazzjonali effikaċi
bejn il-pajjiżi huma essenzjali biex jimmassimizzaw l-impatti
pożittivi tal-migrazzjoni fuq il-pajjiżi tal-oriġini,
destinazzjoni u l-migranti nfushom. L-UE timpenja ruħha fi djalogu
komprensiv u għal kooperazzjoni ma’ firxa wiesgħa ta’
pajjiżi u reġjuni li mhumiex fl-UE. Tali kooperazzjoni hija relatata
mal-erba’ oqsma ugwalment importanti tal-GAMM; i) it-tisħiħ
tal-migrazzjoni legali u l-iffaċilitar tal-mobilità, ii) il-prevenzjoni u
l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin, iii)
il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp tal-migrazzjoni u l-mobilità u
iv) il-promozzjoni tal-protezzjoni internazzjonali. L-UE stabbilixxiet djalogi reġjonali u
bilaterali dwar il-migrazzjoni u l-mobbiltà mal-ġirien tagħha u
l-imsieħba l-oħra ta’ prijorità, li ppermettew l-identifikazzjoni ta’
prijoritajiet konġunti għall-koperazzjoni matul ir-rotot
tal-migrazzjoni. Żewġ oqfsa bilaterali speċifiċi, Sħubijiet
ta’ Mobilità u Aġendi Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità,
ġew stabbiliti biex jippermettu għal djalogi ta' politika u
kooperazzjoni operazzjonali iktar fil-fond u mfassla apposta għall-oqsma
kollha tal-GAMM ma’ pajjiżi sħab. L-istrumenti legali relevanti
qed jiġu nnegozjati u implimentati, inklużi ftehimiet dwar
il-faċilitazzjoni tal-viża (flimkien mal-ftehimiet ta’ riammissjoni)
biex jiffaċilitaw il-kuntatti bejn il-persuni tal-UE u l-pajjiżi
msieħba prijoritarji. Qed jiġu ffinanzjati għadd kbir ta’
programmi u attivitajiet. Id-djalogi politiċi kollha dwar
il-migrazzjoni u l-iżvilupp għandhom ikunu inklusivi u, fejn xieraq,
jinvolvu atturi mhux governattivi bħalma huma s-settur privat,
l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema, il-qasam
akkademiku u s-soċjetà ċivili, kif ukoll l-organizzazzjonijiet
tad-drittijiet tal-bniedem u tal-migranti. 4.2. L-integrazzjoni
tal-migrazzjoni fil-politiki tal-iżvilupp L-integrazzjoni ta' aspetti tal-migrazzjoni u
l-emigrazzjoni fi strateġiji ta’ żvilupp fil-livelli kollha huwa l-ewwel
pass vitali għall-promozzjoni tal-oqfsa ta’ governanza li jimmassimizzaw
il-potenzjal tal-iżvilupp tal-migrazzjoni u l-mobilità. Madankollu,
il-progress għadu inadegwat, partikolarment fil-livell ta’ strateġiji
tal-pajjiżi msieħba bħad-Dokumenti ta’ Strateġija dwar
it-Tnaqqis tal-Faqar (PRSPs). “L-inklużjoni tal-migrazzjoni”
fl-istrateġiji nazzjonali ta’ żvilupp jeħtieġ li tkun
promossa iktar. Meta jiġi adottat il-mudell tal-iżvilupp, l-objettivi
u l-prijoritajiet tal-pajjiżi msieħba jitqiesu bħala punt ta’
tluq, u jsiru eżerċizzji biex il-migrazzjoni ssir parti intrinsika
tal-istrateġiji ta’ żvilupp nazzjonali u settorjali li jistgħu
jtejbu b’mod sinifikanti s-sjieda, is-sostenibbiltà u l-koerenza
tal-azzjonijiet li jimmassimizzaw l-impatt ta’ żvilupp tal-migrazzjoni.
L-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq approċċ li
jinkludi bosta partijiet interessati, li jirrappreżentaw il-ministeri
kollha. Aktar progress huwa meħtieġ ukoll
fil-livell tad-donaturi, inkluża l-Kummissjoni. Il-Kummissjoni
ħadet passi kbar lejn l-integrazzjoni tal-migrazzjoni bħala qasam ta’
prijorità għall-kooperazzjoni esterna, u impenjat kważi EUR 1
biljun għal iktar minn 400 proġett relatat mal-migrazzjoni bejn
l-2004 u l-2012. Il-kooperazzjoni esterna tal-UE kisbet riżultati
sinifikanti fuq il-bini ta’ kapaċitajiet għall-ġestjoni
tal-migrazzjoni skont il-politika tal-migrazzjoni esterna tal-UE u l-objettivi
għat-tnaqqis tal-faqar. Madankollu, minħabba r-realtà ta’ aktar
mobbiltà tal-bniedem, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi
żgurat li l-inizjattivi ta’ żvilupp tal-UE f’setturi
bħall-impjiegi, id-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ, l-agrikoltura
u l-ambjent huma bbażati fuq rikonoxximent sħiħ tal-potenzjal
ta’ migrazzjoni u mobbiltà ġestiti tajjeb biex jippermettu
l-iżvilupp. Sabiex tappoġġja l-ħidma
għall-iżvilupp ta' fehim kondiviż tal-importanza tal-migrazzjoni
fost l-atturi tal-iżvilupp, hija meħtieġa aktar dejta dwar kif
il-migrazzjoni tista’ tmexxi jew tfixkel il-progress lejn il-kisba
tal-għanijiet tal-iżvilupp, speċjalment fis-setturi l-aktar
influwenzati mid-demografiji u kwistjonijiet ta’ impjiegi. Huma
meħtieġa wkoll għodod biex dan it-tagħrif jiġi
tradott fi gwida operazzjonali, inkella impenji politiċi dwar
l-inklużjoni tal-migrazzjoni se jibqgħu mhux miksuba. Il-Kummissjoni daħħlet l-użu
ta’ profili dwar il-migrazzjoni għall-ipprogrammar
għall-iżvilupp fl-2005, bħala għodod effettivi
għall-iżvilupp ta' dejta komparabbli u jappoġġjaw
it-tfassil tal-politika dwar il-migrazzjoni. Profili migratorji qosra
jistgħu jipprovdu sorsi utli ta’ dejta komparabbli dwar il-flussi
migratorji, pereżempju billi jużaw indikaturi ewlenin żviluppati
mill-Grupp għall-Migrazzjoni Globali (GMG), u l-gwida dwar
"Profili dwar il-Migrazzjoni — niksbu li nistgħu
mill-proċess". F’dawn l-aħħar snin, l-UE
appoġġat bil-qawwa "Profili Estiżi tal-Migrazzjoni",
li jlaqqgħu l-partijiet interessati kollha fi proċess speċifiku
għall-pajjiż. Is-sjieda hija f’idejn il-pajjiż imsieħeb, u
s-sostenibbiltà hija żgurata permezz ta’ bini ta’ kapaċitajiet
relatati. Il-Kummissjoni hija impenjata sabiex tappoġġja pajjiżi
sħab li jridu jużaw il-Profili Estiżi tal-Migrazzjoni biex
jifhmu aħjar l-impatt sħiħ tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp
ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħhom bħala bażi
għal azzjonijiet ta' politika aktar immirati. Koerenza Politika
effettiva hija ta’ importanza ewlenija għall-integrazzjoni effettiva
tal-migrazzjoni fil-politiki ta’ żvilupp u għandha tiġi segwita
fi u bejn il-livelli kollha rilevanti inklużi oqfsa nazzjonali
bħall-PRSPs, iżda wkoll fuq livelli reġjonali, lokali u
multilaterali. L-UE nnifisha tista’ tipprovdi eżempju tajjeb ta’ kif
il-kooperazzjoni reġjonali tista’ tippromwovi l-Koerenza tal-Politika
għall-Iżvilupp (PCD) dwar il-migrazzjoni. L-obbligu
għall-PCD huwa inkorporat fit-Trattat tal-UE u għadd ta’ għodod
operattivi ġew żviluppati biex jimplimentaw dan, inkluż
rappurtar ta' kull sentejn[12]. L-ippjanar tal-iżvilupp imwettaq mill-awtoritajiet
lokali jeħtieġ iktar attenzjoni f’diskussjonijiet dwar
il-migrazzjoni u l-iżvilupp. Ir-rwol tal-amministrazzjonijiet tal-ibliet
huwa ċentrali, minħabba li migrazzjoni u urbanizzazzjoni li
qed jiżdiedu huma kwistjonijiet relatati li għandhom impatt
sinifikanti fuq is-soċjetajiet madwar id-dinja. L-ibliet għandhom
il-potenzjal li jaqdu r-rwol ta’ katalisti tal-bidla soċjali. Iżda
bliet fin-Nofsinhar globali wkoll jiffaċċjaw sfidi sinifikanti,
inkluż fil-kisba tal-urbanizzazzjoni sostenibbli. L-iskambju
tal-għarfien u tal-esperjenza bejn il-bliet fuq kwistjonijiet bħalma
huma l-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-integrazzjoni,
l-ippjanar urban u l-infrastruttura, notevolment bħala modi biex
jippromwovu l-kontribuzzjonijiet li l-migranti jistgħu jagħmlu
lill-belt/ir-reġjun, għandhom jitħeġġu pereż.
billi jinħoloq netwerk dinji dedikat għall-bliet u r-reġjuni
urbani dwar dawn il-kwistjonijiet. 4.3. Koerenza multilaterali
fil-governanza tal-migrazzjoni Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-kontribut
sinifikanti li għamel ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju
Ġenerali dwar il-migrazzjoni internazzjonali u l-iżvilupp (SRSG)
fil-promozzjoni ta' kwistjonijiet migrazzjoni-żvilupp kif ukoll ir-rwol
potenzjali tal-GMG bħala korp ta’ koordinazzjoni bejn l-aġenziji dwar
il-migrazzjoni. Żieda fil-koordinazzjoni effettiva dwar kwistjonijiet
relatati mal-migrazzjoni bejn l-aġenziji kollha tan-NU relevanti tista'
tkun ta' kontribuzzjoni serja għal politika globali aktar koerenti dwar
il-migrazzjoni l-iżvilupp. L-Organizzazzjoni Internazzjonali
għall-Migrazzjoni (OIM), bħala l-organizzazzjoni internazzjonali
ewlenija attiva f’dan il-qasam għandha tieħu rwol proattiv biex
ittejjeb il-koordinament mas-sistema tan-NU. Is-SRSG jista’ jkollha rwol
importanti għal dak l-għan, b’mod partikolari biex tkun żgurata
ġestjoni effettiva ta' interface fi ħdan is-sistema tan-NU,
inkluż mal-GMG. Il-Forum Globali dwar il-Migrazzjoni u
l-Iżvilupp (GFMD) wera li kien forum importanti għal diskussjonijiet
miftuħa u ċari u saħħaħ id-djalogu u l-iskambju
mas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet ta’ migranti.
Huwa stabbilixxa l-fiduċja fost partijiet interessati li
jipparteċipaw bis-saħħa tal-karattru informali tal-proċess,
li għandu jinżamm. Jista’ jsir aktar progress dwar is-segwitu u
l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-GFMD.
Ukoll, f’konformità mal-prijoritajiet tal-Presidenza tal-2014 tal-GFMD,
għandhom isiru aktar sforzi biex jissaħħaħ il-fokus fuq
l-iżvilupp fil-GFMD. L-UE se tkompli sservi ta’ sieħba attiva
u determinata fil-kooperazzjoni multilaterali. Bħala entità ġuridika
b’kompetenzi speċifiċi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-iżvilupp, u
skont it-Trattat ta’ Lisbona, l-UE għandu jkollha rwol adegwat fil-korpi
internazzjonali tal-migrazzjoni rilevanti kollha 4.4. Messaġġi ewlenin
għad-DLGħ ·
L-Istati kollha għandhom jimpenjaw
ruħhom fi djalogu internazzjonali u kooperazzjoni mal-imsieħba
rilevanti sabiex jidentifikaw il-prijoritajiet kondiviżi u
jsaħħu l-governanza bilaterali u reġjonali tal-migrazzjoni. Rabta effettiva tas-soċjetà ċivili fi pjanar globali,
reġjonali, nazzjonali u lokali dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp
tal-ippjanar għandhom ikunu segwiti wkoll. ·
Donaturi u atturi oħra tal-iżvilupp
għandhom b’mod effettiv jintegraw il-migrazzjoni u l-kwistjonijiet
tal-mobilità fil-politiki u l-istrumenti ta’ żvilupp tagħhom. Aktar evidenza dwar ir-rabtiet bejn il-mobilità umana u
l-iżvilupp għandha tinġabar, u għandhom jiġu
żviluppati għodod operattivi biex jappoġġjaw
l-iżvilupp ta' aktar inklużjoni tal-migrazzjoni. ·
Sabiex jiġu massimizzati
l-benefiċċji tal-migrazzjoni għall-iżvilupp, hu
meħtieġ aktar xogħol biex jipprovdi bażi suffiċjenti
tat-tagħrif. Għandu jintlaħaq kunsens
dwar it-tipi ta’ dejta u r-rappurtar meħtieġ biex ikun hemm stampa
affidabbli u kumparabbli ta' kwistjonijiet tal-migrazzjoni fuq livell
reġjonali u globali. Mekkaniżmi għall-qsim tad-dejta nazzjonali,
bħalma huma l-profili tal-migrazzjoni, għandhom jiġu esplorati.
Inizjattivi biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex
isaħħu l-kapaċità tagħhom biex jiġbru u janalizzaw
id-dejta dwar ir-rabtiet bejn il-migrazzjoni, il-mobilità u l-iżvilupp għandhom
ikunu mħeġġa. Koordinazzjoni effettiva fil-qasam tal-ġbir
tad-dejta u r-riċerka fil-livell globali għandhom jiġu promossi.
·
L-aġenziji tan-NU u organizzazzjonijiet
internazzjonali għandhom jimpenjaw ruħhom għal aġenda
tal-migrazzjoni internazzjonali integrata u koordinata, sabiex jiġu
minimizzati d-dupplikazzjoni u l-ħela ta’ riżorsi skarsi. 5. Roundtable 4: Mobilità tal-ħaddiema
internazzjonali u reġjonali u l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp 5.1. Mobilità tal-ħaddiema L-UE hija eżempju uniku ta’ kif
l-integrazzjoni reġjonali tista’ tinkiseb u kif tista' tikkontribwixxi
għall-iżvilupp. Hija bniet spazju ekonomiku uniku u żona unika
ta’ moviment liberu, fejn aktar minn 480 miljun ċittadin Ewropew
jistgħu jivvjaġġaw, jistudjaw, jaħdmu u jgħixu. L-UE
qed tibni progressivament suq tax-xogħol tal-UE integrat u stabbiliet
sistemi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u t-trasferibbiltà
tad-drittijiet soċjali u tal-pensjoni bejn l-Istati Membri. Mobilità
tal-ħaddiema fi ħdan l-UE pproduċiet bosta benefiċċji,
inkluż aktar konverġenza ekonomika u qsim ta’ ħiliet bejn
l-Istati Membri, aktar trasferimenti ta' rimessi intra-UE u inqas pressjoni fuq
is-swieq tax-xogħol li qed jiffaċċjaw qgħad għoli.
Strumenti tal-liġi tal-UE[13] jagħtu drittijiet ta’
mobbiltà lil ċittadini li mhumiex ċittadini tal-UE li jippermettulhom
jgħixu u jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Fl-ekonomija globalizzata u ferm
kompetittiva tal-lum, u minkejja ċ-ċifri tal-qgħad għolja
attwali fl-UE, il-migrazzjoni lejn l-UE ħabba l-impjiegi minn
ċittadini li mhumiex tal-UE se jkollhom ukoll rwol biex jiżviluppaw
forza tax-xogħol b’ħiliet ta’ livell għoli, adattabbli li
jistgħu jilħqu jaffaċċjaw l-isfidi demografiċi u
l-bidla ekonomika. L-UE hija impenjata li tagħmel l-aħjar użu
mill-ħaddiema domestiċi tagħha, inkluż il-migranti li
diġà jgħixu legalment fl-UE, filwaqt li tiftaħ mogħdijiet
għal migrazzjoni ekonomika legali f’oqsma li fihom qed jitfaċċaw
nuqqas ta’ xogħol u ħiliet. Maż-żieda internazzjonali
fil-mobbiltà (tal-ħaddiema), ix-xogħol jeħtieġ li jkun
intensifikat fl-oqsma bħalma huma r-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin,
l-esplorazzjoni tal-ġarr tad-drittijiet tal-pensjoni u intitolamenti
oħra, inkluż, fejn ikun possibbli, fuq livell internazzjonali. B’mod
partikolari, il-Bord bejn l-Aġenziji tal-Protezzjoni Soċjali, li ġie
miftiehem permezz tal-G20 fl-2011, għandu jikkunsidra li jindirizza
l-kwistjoni tal-ħarsien soċjali tal-migranti. Il-mobilità reġjonali tal-impjiegi, hija
wkoll ta’ importanza ewlenija għall-migrazzjoni fir-reġjuni li qed
jiżviluppaw, li jirrappreżentaw strateġija ta' għajxien vitali.
Mobilità tax-xogħol tikkontribwixxi għal tqabbil aħjar bejn
il-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol. Minħabba tibdiliet
fit-tqassim tal-ġid globali tal-progress, diversi pajjiżi li qed
jiżviluppaw qed isiru dejjem aktar pajjiżi destinatarji għal migrazzjoni
tal-ħaddiema inter-reġjonali. Tabilħaqq, il-kriżi ekonomika
globali kkawżat iktar mobbiltà fix-xogħol mill-Istati Membri tal-UE
għal ċerti pajjiżi tal-Amerika Latina u tal-Afrika. Madankollu,
l-oqfsa ta’ governanza għall-migrazzjoni tax-xogħol f’ħafna
pajjiżi ta’ destinazzjoni li għandhom dħul baxx jew medju
għadhom dgħajfa, u għandhom jissaħħu sabiex
jippromwovu l-impatt ta’ żvilupp tal-migrazzjoni u jassiguraw protezzjoni
adegwata u standards deċenti tax-xogħol għal ħaddiema
migranti. Attenzjoni speċifika għandha
tingħata wkoll lir-rwol tal-organizzazzjonijiet reġjonali f’dan
il-qasam, billi huma f’pożizzjoni tajba biex itejbu l-governanza
tal-mobbiltà reġjonali tax-xogħol. L-UE hija ħerqana li taqsam
l-esperjenza fil-ġestjoni tal-mobilità tax-xogħol, inkluż
b'organizzazzjonijiet reġjonali f'pajjiżi bi dħul baxx u medju. 5.2. Messaġġi ewlenin
għad-DLGħ ·
L-Istati kollha għandhom jirrevedu
l-ostakli eżistenti għall-mobbiltà tal-bniedem, u bil-ħsieb li
jitneħħew l-ostakoli li mhumiex ġustifikati mil-lat tas-sigurtà
u li qed ixekklu bla bżonn il-kompetittività ekonomika u l-integrazzjoni
reġjonali. Għandha tingħata attenzjoni
partikolari li jkun faċilitat l-aċċess ta’ vjaġġaturi
bona fide u jitnaqqsu l-kostijiet biex jinkisbu d-dokumenti u t-tariffi tar-reklutaġġ.
F’dan il-kuntest, l-organizzazzjoni ta' konferenza dwar il-mobbiltà
internazzjonali tax-xogħol u l-iżvilupp fil-qafas tan-NU
għandhom ikunu kkunsidrati. ·
Proċessi u organizzazzjonijiet
reġjonali involuti fil-promozzjoni tal-migrazzjoni u l-mobilità
intrareġjonali b'mod ordnat bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw
għandhom jiġu appoġġjati. ·
Mobilità tax-xogħol intrareġjonali,
programmi tal-iżvilupp tal-ħiliet u ċertifikazzjoni
tal-ħiliet u l-iskemi tar-rikonoxximent għandhom ikunu promossi,
speċjalment f'setturi fejn hemm nuqqas ta’ persunal imħarreġ u
li jistgħu jibbenefikaw minn ħaddiema migranti. B’mod parallel, huma meħtieġa resokonti affidabbli ta’
xejriet tal-ħiliet meħtieġa madwar ir-reġjuni[14], li jinformaw programmi
tal-iżvilupp tal-ħiliet u opportunitajiet ta’ mobilità. ·
Il-migrazzjoni ċirkolari għandha
tiġi faċilitata biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u
soċjali tal-pajjiżi ta’ oriġini u destinazzjoni. ·
Aċċess effettiv għas-sigurtà
soċjali f’pajjiżi ospitanti kif ukoll il-portabbiltà tad-drittijiet
soċjali u tal-pensjoni għandhom ikunu promossi, inkluż permezz
ta’ ftehimiet bilaterali jew reġjonali, minħabba li dan jista’
jiffaċilita l-mobbiltà u l-migrazzjoni ċirkulari kif ukoll li jservi
bħala diżinċentiv għax-xogħol irregolari. 6. X'għandha tagħmel l-UE:
il-passi li jmiss għal twessigħ tar-rabta żvilupp-migrazzjoni Il-messaġġi ewlenin li ssemmew iktar
’il fuq huma indirizzati lejn il-komunità globali. Madankollu, jista’ jsir
ħafna u għandu jsir fil-kuntest tal-politiki u l-programmi tal-UE stess. Taħt il-politika tal-migrazzjoni esterna
tal-UE, diġà sar progress sinifikanti fil-massimizzazzjoni tal-impatt
tal-migrazzjoni lejn l-UE għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta’
oriġini. L-UE hija impenjata biex tkompli taħdem fuq oqsma
"tradizzjonali" tal-aġenda (tad-dijaspora, rimessi, telf
tal-ħiliet, migrazzjoni ċirkolari). Madankollu, l-isfidi u l-opportunitajiet li
għandhom quddiemhom il-pajjiżi msieħba fir-rigward tar-rabta
żvilupp-migrazzjoni huma usa’ u iżjed kumplessi minn dawk indirizzati
s’issa. Il-Kummissjoni se tiżgura li azzjoni tal-UE fil-ġejjieni dwar
il-migrazzjoni u l-iżvilupp issir verament komprensiva, tindirizza
l-firxa sħiħa ta’ impatti pożittivi u negattivi tad-diversi
forom li l-migrazzjoni jista’ jkollha fuq żvilupp ekonomiku, soċjali
u ambjentali sostenibbli fil-pajjiżi bi dħul baxx jew medju ta’
oriġini u destinazzjoni. Dan jirrikjedi bidla fil-punt fokali, biex
it-tħassib dwar l-iżvilupp isir fiċ-ċentru tal-attenzjoni.
Sabiex dan l-approċċ ħolistiku jissarraf f’azzjoni hemm
bżonn ta' miżuri, partikolarment fil-kuntest tal-politika tal-UE
għall-iżvilupp, li jindirizzaw aħjar għadd ta’
kwistjonijiet, inkluż permezz ta’: ·
L-estensjoni tal-azzjoni taħt l-oqsma
"tradizzjonali" tal-migrazzjoni u l-iżvilupp fil-kuntest
Nofsinhar-Nofsinhar, notevolment billi jiġu
identifikati mezzi biex jiffaċilitaw flussi ta’ rimessi bejn
il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u l-appoġġ ta’ riċerka
biex nifhmu aħjar is-sehem tad-diaspora residenti fil-pajjiżi bi
dħul baxx jew medju bħala atturi għall-iżvilupp fil-pajjiżi
tal-oriġini tagħhom. ·
Esplorazzjoni ta' modi kif jitnaqqsu
l-ispejjeż u jiżdiedu l-benefiċċji tal-migrazzjoni u
l-mobilità għal pajjiżi bi dħul baxx jew medju fil-pajjiżi
tad-destinazzjoni, b’enfasi partikolari fuq il-flussi intrareġjonali.
F’dan ir-rigward, il-koerenza bejn il-politiki nazzjonali tal-impjieg u
migrazzjoni tax-xogħol attiv għandhom jiġu promossi. ·
Approfondiment tal-għarfien tal-konsegwenzi
soċjali u ekonomiċi tal-migrazzjoni għall-iżvilupp,
speċjalment fis-setturi bħas-saħħa, l-edukazzjoni,
l-impjieg u l-agrikoltura. ·
Jittieħdu passi biex tiġi integrata
b’mod sħiħ il-migrazzjoni sfurzata fl-aġenda
migrazzjoni-żvilupp u biex ikun żgurat li r-refuġjati u
l-migranti l-oħra furzati jiġu inklużi fl-ippjanar
tal-iżvilupp fit-tul. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se taħdem
lejn l-integrazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ refuġjati li jdumu iżjed
mis-soltu fl-aġenda tal-iżvilupp biex jiżguraw li s-sitwazzjoni
tagħhom u l-kontribut pożittiv possibbli jiġi meqjus minn
gvernijiet ospitanti sabiex fil-ġejjieni jiġi evitat l-ispostament u
jissaħħu l-isforzi biex jinstabu soluzzjonijiet dejjiema. ·
Jesploraw ulterjorment u jindirizzaw ir-rabtiet li
jeżistu bejn il-bidla fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u
l-migrazzjoni, inkluża l-importanza tal-adattament għall-bidla
fil-klima u t-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri (DRR) fit-tnaqqis
tal-ispustjar, u r-rwol tal-migrazzjoni bħala strateġija
għat-tisħiħ tal-adattament u tat-TRD. ·
Aktar esplorazzjoni tar-rabtiet bejn il-mobbiltà
u l-iżvilupp, inkluża r-relazzjoni bejn il-politika interna u
l-mobbiltà internazzjonali u bejn il-mobilità u l-urbanizzazzjoni. Barra minn hekk, taħt il-GAMM u
l-Aġenda għall-Bidla, il-Kummissjoni se tippromwovi l-governanza
tal-migrazzjoni u koerenza politika effettiva fil-livelli kollha,
biex tutilizza l-potenzjal tal-migrazzjoni u l-mobilità bħala determinanti
tal-iżvilupp. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se: i. Tippromwovi l-integrazzjoni
tal-migrazzjoni fl-istrateġiji tal-iżvilupp. Fir-rigward
tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE stess, il-Kummissjoni se
tkompli finanzjamenti tematiċi mmirati u se tirdoppja l-isforzi
tagħha biex tintegra d-dimensjoni tal-migrazzjoni f’inizjattivi ta’
żvilupp f’setturi oħra fejn ikun relevanti. Barra minn hekk, hija
lesta li tgħin pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-integrazzjoni
tal-migrazzjoni, inkluż bl-appoġġ tal-Profili ta’ Migrazzjoni
Estiża u l-istrateġiji ta’ migrazzjoni nazzjonali. ii. Issaħħaħ
il-governanza tal-migrazzjoni u l-kooperazzjoni fi u bejn il-pajjiżi li
qed jiżviluppaw, b’mod partikolari fuq livell reġjonali, sabiex
jitjiebu r-riżultati tal-iżvilupp għall-pajjiżi
tal-oriġini, it-tranżitu u d-destinazzjoni. Il-Kummissjoni hija lesta
li tappoġġja l-bini tal-kapaċitajiet fl-oqsma rilevanti kollha,
inkluż billi taqsam l-għarfien espert tagħha dwar
il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, l-integrazzjoni,
is-sistemi tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, l-ażil u l-protezzjoni
internazzjonali, il-ġlieda kontra l-kuntrabandu tal-bnedmin u t-traffikar
tal-bnedmin, il-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, eċċ. Dawn
il-miżuri għandhom ikunu konformi bis-sħiħ
mal-għanijiet relatati mal-migrazzjoni tal-istrateġiji ta’
żvilupp rilevanti. iii. Tippromwovi aktar approċċ
iċċentrat fuq il-migrant bħala prijorità trasversali
tal-azzjonijiet kollha tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp, li
għandhom jimmiraw biex jappoġġjaw il-migranti biex isiru iktar
atturi effettivi tal-iżvilupp. L-inizjattivi għandhom ikunu
bbażati fuq għarfien tal-impatt ta’ dawn l-azzjonijiet fil-livell
individwali kif ukoll tal-Komunità, inkluż dwar il-migranti nfushom,
komunitajiet li jospitaw u dawk li tħallew lura. Il-Kummissjoni se tħejji rapport dwar
il-progress li sar dwar l-inizjattivi msemmija hawn fuq fir-Rapport tagħha
tal-GAMM, ippubblikat kull sentejn, kif ukoll fir-rappurtar tagħha dwar
l-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Bidla. 7. Konklużjoni L-UE ħolqot żona
ta’ moviment ħieles ta’ persuni bejn il-pajjiżi tal-Ewropa li hija
meqjusa bħala sors ta’ ispirazzjoni minn ħafna madwar id-dinja.
Fl-ispirtu ta’ sħubija, hi bdiet il-politika ta’ migrazzjoni esterna li
hija bbilanċjata u komprensiva. Hija d-donatur ewlieni fid-dinja
tal-għajnuna għall-iżvilupp u se tkompli tipprovdi
appoġġ sostanzjali fis-snin li ġejjin. L-UE hija lesta li taqsam
l-esperjenza tagħha ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet interessati.
L-UE esprimiet it-tama li DLGħ tal-2013 se jimmarka l-bidu ta’ era
ġdida ta’ kooperazzjoni globali dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp. Il-Kummissjoni ssejjaħ l-aġenziji
rilevanti kollha u l-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam
tal-migrazzjoni u l-iżvilupp biex isegwu approċċ aktar
koerenti, komprensiv u kkoordinat fil-livell globali. Huwa neċessarju li l-komunità globali tingħata
l-kapaċità biex tikkapitalizza fuq l-opportunitajiet u biex tindirizza
l-isfidi marbuta mal-migrazzjoni internazzjonali. Fid-dinja globalizzata
tal-lum, il-pajjiżi kollha jiffaċċjaw sfidi simili, anke
fil-qasam tal-migrazzjoni u l-iżvilupp. Madankollu, il-pajjiżi se
jindirizzaw is-sitwazzjoni b’modi differenti, peress li l-prijoritajiet
tagħhom, id-daqs u l-karatteristiċi demografiċi u ekonomiċi
jvarjaw. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija għalhekk meħtieġa
biex jiġi żgurat li n-nies li jispustjaw ruħhom biex ifittxu
ħajja aħjar ikunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet
tagħhom f’ambjent sigur. Il-Kummissjoni ssejjaħ lil dawk li
jfasslu l-politika tal-iżvilupp u l-prattikanti biex iżidu
l-involviment tagħhom fit-tisħiħ tar-rabta
żvilupp-migrazzjoni, kemm permezz ta’ integrazzjoni aħjar ta’
kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u mobilità fl-ipprogrammar ta’ żvilupp kif
ukoll permezz ta’ parteċipazzjoni aktar b’saħħitha f’fora
internazzjonali rilevanti. Proċessi ta’
żvilupp jistrieħu fuq il-mobbiltà, li hija meħtieġa biex
jiġu żgurati sistemi effiċjenti tat-tqabbil tal-impjieg, u
l-iffaċilitar tat-trasferimenti soċjali, finanzjarji u ta' kapital
uman. L-iżvilupp irawwem ukoll il-mobilità, u jipprovdi aktar riżorsi
għal persuni biex jemigraw biex ifittxu opportunitajiet. Numru ta’
proċessi se jkomplu jsostnu l-mobilità fil-ġejjieni, inkluż
bidliet globali ta' żoni ta' ġid, l-integrazzjoni ekonomika globali u
reġjonali, u d-degradazzjoni ambjentali relatata mat-tibdil fil-klima. Biex
ikun adatt għas-seklu 21, il-ħsieb dwar l-iżvilupp irid jintegra
b'mod sħiħ ir-rwol tal-migrazzjoni u l-mobbiltà bħala li
jippermettu l-iżvilupp, u li jiġi rikonoxxut ir-rwol essenzjali
tal-governanza tal-migrazzjoni effettiva fl-illimitar tal-impatti negattivi
potenzjali tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni
tistieden lil dawk li jfasslu l-politika dwar il-migrazzjoni u
l-prattikanti biex jieħdu kont sħiħ tat-tħassib dwar
l-iżvilupp tal-politika dwar il-migrazzjoni u jżidu r-responsabbiltà
tagħhom biex ikunu żgurati r-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet
tal-bniedem tal-migranti kollha permezz tad-dimensjonijiet kollha
tal-governanza tal-migrazzjoni. Il-migrazzjoni u
l-mobilità huma dwar il-libertà. Huma jinvolvu li kull individwu jingħata
l-opportunità u l-abbiltà li jinfluwenza s-sitwazzjoni tal-ħajja
tiegħu jew tagħha, ekonomikament u soċjalment. L-impatt tar-rispett
tad-drittijiet tal-bniedem jmur lil hinn ħafna minn migranti individwali,
minħabba li jibbenefika wkoll lis-soċjetà oriġinali tagħhom
u s-soċjetà fejn il-migranti jgħixu u jaħdmu. L-għoti
tas-setgħa lill-individwi sabiex ikollhom aċċess għad-drittijiet
tagħhom hija strateġija rebbieħa, kemm għall-governanza
effettiva tal-migrazzjoni kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli. Id-DLGħ tal-2013
għandu jikkontribwixxi biex jiġu affaċċjati l-isfidi
globali tal-lum, b’mod speċjali billi jippromwovi l-inklużjoni
tal-migrazzjoni u l-mobilità bħala prijorità viżibbli u trasversali
fil-qafas għall-iżvilupp wara l-2015, u li jiġu rikonoxxuti li
jippermttu l-iżvilupp globali. [1] Riżoluzzjoni 67/219 tal-21 ta’ Diċembru 2012
tal-Assemblea Ġenerali tan-NU. [2] COM(2011) 743 finali: Komunikazzjoni dwar l-Approċċ Globali
għall-Migrazzjoni u l-mobilità [3] COM(2011) 637 finali: Komunikazzjoni dwar Żieda fl-Impatt
tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla [4] Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar
il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp (SEC(2011) 1353 finali) mehmuż
mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Approċċ Globali
għall-Migrazzjoni u l-Mobilità tat-18 ta’ Novembru 2011
jinkludi għadd ta’ suġġerimenti fuq dan il-qasam. [5] SWD(2013) 138 finali: Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni dwar it-Tibdil fil-Klima, id-Degradazzjoni Ambjentali, u
l-Migrazzjoni [6] Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenda
għall-iżvilupp ta’ wara l-2015 tiġi elaborata f’iktar dettall
f'COM (2013) 92 finali: Komunikazzjoni dwar "Ħajja Deċenti
għal Kulħadd: Neqirdu l-Faqar u Nagħtu lid-Dinja Futur
Sostenibbli’ [7] Passi li jridu jittieħdu fil-livell tal-UE f’dan ir-rigward huma
deskritti fit-taqsima 6. [8] L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE dwar l-istatus
ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul, ĠU
L 16, 23.1.2004. [9] http://ec.europa.eu/immigration. [10] 2011/36/UE. [11] COM(2012) 286 finali. [12] Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat
"Rapport tal-UE tal-2011 dwar Koerenza fil-Politika
għall-Iżvilupp" SEC(2011) 1627 finali. [13] Id-Direttiva ta’ Residenza għat-Tul (2003/109/KE) jew id-Direttiva
dwar il-Karta Blu (2009/50/KE) [14] L-UE daħħlet fis-seħħ Skills Panorama għal dan
l-għan (taħt żvilupp ulterjuri): http://euskillspanorama.ec.europa.eu/.