52013DC0280

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Responsabbilizzazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba_għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp /* COM/2013/0280 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Responsabbilizzazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp

1.           SFOND

Politiki ta’ żvilupp u programmi immexxija ċentralment, minn fuq għal isfel ma jistgħux jirnexxu waħedhom fl-indirizzar tal-komplessitajiet tal-iżvilupp sostenibbli u fil-ġlieda kontra l-faqar. Atturi pubbliċi u privati għandhom ir-rwol tagħhom x’jaqdu speċjalment fil-livell lokali. F’dawn l-aħħar żewġ deċennji, ħafna gvernijiet ċentrali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw attribwew responsabilitajiet lil Awtoritajiet Lokali[1] fi proċessi ta’ żvilupp tal-pajjiż, bil-għan li jippermettu d-definizzjoni tal-politiki pubbliċi u t-twassil ta’ servizz fuq ir-realtajiet lokali.

Madankollu, dan ir-rikonoxximent politiku mhux dejjem kien akkumpanjat minn livell xieraq ta’ awtonomija, żvilupp tal-kapaċità u riżorsi finanzjarji, li jħalli l-għoti tas-setgħa tagħhom mhux komplut. F’ħafna pajjiżi msieħba tal-UE, il-finanzjament direttament mgħoddi permezz tal-Awtoritajiet Lokali għadu jirrappreżenta parti marġinali ta’ nfiq mis-settur pubbliku nazzjonali u għall-għajnuna internazzjonali għall-iżvilupp.

Ċertu għadd ta’ ostakoli jridu jiġu megħluba sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal għall-iżvilupp tal-Awtoritajiet Lokali. Huwa b’dan il-għan li l-Kummissjoni Ewropea tafferma mill-ġdid l-importanza tal-Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba, fil-kisba tal-għanijiet tal-iżvilupp u tipproponi impenn iktar strateġiku biex tissaħħaħ is-setgħa tagħhom.[2]

Din il-Komunikazzjoni tintegra r-riżultati tad-Djalogu Strutturat dwar l-involviment tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-Awtoritajiet Lokali fil-kooperazzjoni tal-iżvilupp tal-UE,[3] l-approċċ imġedded tal-UE lejn it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli definit mill-Komunikazzjoni Żieda fl-Impatt tal-Politika Tal-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla[4] u l-Komunikazzjonijiet relatati u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill,[5] kif ukoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati mwettqa fuq il-bażi tad-dokument tematiku Awtoritajiet Lokali fl-Iżvilupp. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tikkunsidra l-għajnuna internazzjonali dwar l-effettività tal-aġenda tal-iżvilupp, kif imsawra l-aħħar mid-Dokument ta' eżitu ta’ Busan.[6]

L-importanza tal-Awtoritajiet Lokali fl-iżvilupp

Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom u aċċess għal mekkaniżmi ta’ responsabilità hija fundamentali għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-livell lokali, fejn iċ-ċittadini jgħixu u jaħdmu, fejn servizzi bażiċi huma pprovduti u fejn l-intrapriżi huma stabbiliti. Għalhekk, iċ-ċittadini għandhom interessi komuni,li jistabbilixxu għanijiet u jaħdmu flimkien sabiex jiġu identifikati soluzzjonijiet partikolarment immirati għal titjib fl-aċċess għas-servizzi, distribuzzjoni iktar bilanċjata tar-riżorsi disponibbli, koeżjoni soċjali akbar u tisħiħ tar-responsabilizzazzjoni u t-trasparenza ta’ awtoritajiet pubbliċi, inkluż il-mekkaniżmi tar-responsabilità.

Minħabba li huma eqreb għaċ-ċittadini minn istituzzjonijiet pubbliċi oħra, l-Awtoritajiet Lokali għandhom responsabiltà biex jimmobilizzaw l-opinjonijiet tas-soċjetajiet lokali filwaqt li jaġixxu bħala katalizzaturi għall-bidla. Dan huwa partikolarment minnu f’termini ta’ amministrazzjoni pubblika iktar effiċjenti, fi proċessi ta’ żvilupp iktar inklużivi, f’kooperazzjoni mal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili[7] (CSOs), u soluzzjonijiet għal sfidi urġenti li jħabbtu wiċċhom magħhom il-komunitajiet lokali. Dawn l-isfidi jinkludu l-esklużjoni soċjali, il-migrazzjoni, is-sigurtà tal-ikel, l-infrastrutturi limitati, l-urbanizzazzjoni rapida, it-tnaqqis tar-riżorsi, is-sigurtà pubblika u l-vjolenza, l-impatt ambjentali u soċjali tal-attivitajiet tal-estrazzjoni, l-adattament u l-mitigazzjoni tal-klima, l-istat tad-dritt u l-aċċess għall-ġustizzja.

Tmexxija tajba[8] fil-livell lokali hija meħtieġa biex jinkisbu żvilupp sostenibbli u eżiti ekwi. Din toħloq il-kundizzjonijiet għal proċessi ta’ żvilupp inklużiv, adattat u effettiv.

Il-kwalità tal-governanza lokali hija marbuta prinċipalment mar-rieda politika tal-gvernijiet ċentrali biex jinħoloq ambjent li jwassal fil-livell lokali, permezz ta’ strumenti legali u regolatorji,[9] li jippermetti lil Awtoritajiet Lokali jibbenefikaw minn livell suffiċjenti ta’ awtonomija fl-eżerċitazzjoni tal-poter u l-kisba ta' ħiliet speċifiċi. Għalhekk, il-kwalità tal-governanza lokali hija wkoll marbuta mal-mod kif l-Awtoritajiet Lokali jimmaniġġjaw u jimplimentaw politiki pubbliċi u servizzi fuq il-bażi ta’ proċessi għat-tfassil tal-politika lokali u interazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet pubbliċi oħra, iċ-ċittadini u s-settur privat u permezz tal-allokazzjoni tar-riżorsi disponibbli.

F’pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi naturali, l-Awtoritajiet Lokali jistgħu jagħtu pariri dwar il-modi kif joperaw l-industriji estrattivi u dwar kif id-dħul mis-settur tal-estrazzjoni huwa maqsum bejn komunitajiet lokali, il-gvern ċentrali u operaturi privati.

F’sitwazzjonijiet fraġili, ta’ kriżi u sitwazzjonijiet suġġetti għal riskju, l-Awtoritajiet Lokali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex jissalvagwardjaw il-popolazzjonijiet vulnerabbli u l-komunitajiet, billi jmexxu t-twaqqif ta’ strateġiji lokali ta’ reżiljenza u billi jippermettu l-għoti ta’ servizzi soċjali bażiċi. F’żoni fejn tendenzjalment iseħħu diżastri, jistgħu jkunu kruċjali fil-prevenzjoni, il-mitigazzjoni u t-tħejjija, minbarra l-ġestjoni ta’ reazzjonijiet bikrija u l-forniment tas-servizzi bażiċi lill-popolazzjonijiet. Barra minn hekk, huma ta’ spiss ikollhom parti importanti fit-twissija bikrija u b’hekk jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-konsegwenzi fl-ewwel stadji ta’ vjolenza, permezz ta' mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim lokali u tradizzjonali.

Ir-realizzazzjoni tal-vantaġġ komparattiv tal-Awtoritajiet Lokali xorta jista’ jkun imminat minn fatturi politiki negattivi, b’mod partikolari relatati ma’ nuqqas ta’ tmexxija effettiva, livelli għolja ta’ korruzzjoni u amministrazzjoni ħażina, klijenteliżmu, u ekonomija illegali, kif ukoll minn dgħufijiet istituzzjonali, bħal arranġamenti istituzzjonali disfunzjonali, riżorsi finanzjarji limitati, livelli baxxi ta’ kapaċità amministrattiva, ġestjoni inadegwata ta' proċeduri ta’ ppjanar u tal-finanzi pubbliċi.

Għalhekk, skont il-kuntest tal-pajjiż, ir-rabta tas-settur pubbliku fil-livell lokali mal-proċessi tal-iżvilupp jistgħu jimplikaw l-isforzi biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-Awtoritajiet Lokali u sabiex jissaħħu l-istrutturi ta’ governanza lokali. Huwa fundamentali li fl-istess ħin jagħtu s-setgħa lil awtoritajiet lokali pubbliċi u ċittadini, kemm biex jiġi żgurat li dawn tal-aħħar għandhom il-kapaċità li jeżiġu t-trasparenza u r-responsabilità[10] kif ukoll li l-Awtoritajiet Lokali għandhom il-mezzi u l-inċentivi biex jirrispondu għad-domandi taċ-ċittadini għal governanza effettiva, trasparenti u responsabbli, allokazzjoni ekwitabbli tar-riżorsi u l-aċċess għas-servizzi.

2.           IL-FTUĦ TAL-POTENZJAL TAL-IŻVILUPP TA’ AWTORITAJIET LOKALI

Appoġġ lis-settur pubbliku f'pajjiżi msieħba lejn tfassil u implimentazzjoni iktar effettiva u effiċjenti ta’ politiki u pjanijiet ta’ żvilupp nazzjonali għandu jqis ir-rwol importanti tas-settur pubbliku lokali. Assistenza lil Awtoritajiet Lokali għandha tkun immirata biex iżżid il-kapaċitajiet u l-mezzi tagħhom biex iwettqu il-mandat istituzzjonali tagħhom kif definit mil-liġi u konsegwentement biex jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ inizjattiva bħala dawk li jfasslu l-politika bis-sħiħ.

B'adeżjoni mal-prinċipju tas-sussidjarjetà,[11] l-UE għandha l-għan li tippromwovi r-rwol tal-Awtoritajiet Lokali bħala dawk li jfasslu l-politika u jieħdu d-deċiżjonijiet, favur it-tfassil ta’ politiki trasparenti u responsabbli u l-forniment tas-servizzi fil-livell lokali. X’iktarx li din tagħtihom is-setgħa, u tingħata spinta lill-iżvilupp lokali permezz ta’ iktar parteċipazzjoni demokratika, ġustizzja, drittijiet tal-bniedem, ċittadinanza attiva, parteċipazzjoni tan-nisa u żgħażagħ fl-isfera pubblika, u responsabilità f’diversi livelli.

Is-sħubija tal-partijiet interessati u mekkaniżmi ta’ djalogu, magħmula minn rappreżentanti ta’ Awtoritajiet Lokali, atturi oħra li joperaw lokalment u ċittadini, għandhom jitħeġġu fil-livell lokali, bħala mezz biex jidħlu fi djalogu ma’ awtoritajiet ċentrali rilevanti biex jiżguraw li l-ħtiġijiet u t-tħassib tagħhom huma magħrufa u kkunsidrati.

Huwa f’dan il-qafas li strateġija territorjali għall-iżvilupp għandha tiġu promossa. Mfassal skont il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet territorjali, l-approċċ territorjali għall-iżvilupp huwa kkaratterizzat bħala proċess dinamiku minn isfel għal fuq u fit-tul abbażi ta’ approċċ b’bosta atturi u multisettorjali, li fih l-istituzzjonijiet u l-atturi lokali differenti jaħdmu flimkien biex jiddefinixxu l-prijoritajiet, u jippjanaw u jimplimentaw strateġiji ta’ żvilupp. Permezz il-gwida tal-Awtoritajiet Lokali u l-mobilizzazzjoni tal-kapaċitajiet u riżorsi privati addizzjonali tal-komunità, l-approċċ territorjali għall-iżvilupp jista’ jwassal għal tibdil fil-kwalità tal-ħajja u l-benessri taċ-ċittadini, bl-iżgurar ta’ bilanċ bejn it-tkabbir soċjoekonomiku, l-ekwità u l-kwalità ambjentali u ż-żieda fir-reżiljenza ta' dawk li huma l-iktar vulnerabbli. Barra minn hekk, dan l-approċċ jista’ jsaħħaħ il-proċessi politiki lokali, it-trasparenza u tingħata spinta għas-sjieda demokratika tal-iżvilupp, permezz ta’ monitoraġġ kontinwu tal-progress lejn is-sostenibbiltà.

3.           IT-TFASSIL TAL-APPOĠĠ TAL-UE GĦAL GOVERNANZA MTEJBA U EŻITI AKTAR EFFETTIVI TAL-IŻVILUPP FIL-LIVELL LOKALI

L-UE għandha taħdem favur Awtoritajiet Lokali u mexxejja lokali demokratikament leġittimi, responsabbli u rappreżentattivi f'pajjiżi msieħba b’enfażi partikolari fuq awtoritajiet muniċipali f’żoni rurali u urbani. L-UE għandha wkoll tesplora l-opportunitajiet għal koordinazzjoni ma’ awtoritajiet reġjonali.

F’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità, il-kooperazzjoni tal-UE mal-Awtoritajiet Lokali hija partikolarment rilevanti b’mod parallel mal-firxa iktar wiesgħa tal-proċessi tal-bini tal-Istat, li huma essenzjali biex jgħaddu minn fraġilità lejn stabilità. Kif intqal fl-Aġenda għall-Bidla, dan huwa partikolarment rilevanti f’pajjiżi fejn iseħħu vjolazzjonijiet kbar tad-drittijiet tal-bniedem. F’dawn il-każijiet l-UE tista’ tissospendi l-kooperazzjoni ma’ gvernijiet ċentrali u tkompli tiddirezzjona l-assistenza permezz tal-Awtoritajiet Lokali u s-CSOs.

Bl-istess mod, l-UE għandha tappoġġja l-isforzi tal-gvernijiet biex jinħoloq ambjent li jwassal, sabiex l-Awtoritajiet Lokali jkunu jistgħu jingħataw is-setgħa fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki u pjanijiet lokali u jieħdu sehem bis-sħiħ fi proċessi ta’ żvilupp sostenibbli. Flimkien mal-gvernijiet ċentrali, l-UE għandha tinvesti f’attivitajiet ta’ żvilupp ta’ kapaċità biex jiżguraw li l-Awtoritajiet Lokali, b’mod partikolari f’żoni mbiegħda b’kapaċitajiet u riżorsi limitati, huma kapaċi jmexxu l-iżvilupp tat-territorji tagħhom f’kooperazzjoni ma’ atturi lokali oħra.

Mil-lat operazzjonali, l-approċċ il-ġdid tal-UE għandu jippromwovi l-awtonomija politika, amministrattiva u fiskali mtejba tal-Awtoritajiet Lokali permezz ta’ riformi ta’ deċentralizzazzjoni, l-iżvilupp tal-kapaċità u l-iżvilupp istituzzjonali.

3.1.        Proċessi ta’ deċentralizzazzjoni

Id-deċentralizzazzjoni tikkostitwixxi aspett partikolari ta’ riforma fis-settur pubbliku. Din tinvolvi t-trasferiment ta’ firxa ta’ awtorità u setgħat politiċi li jinkludu l-ġenerazzjoni tad-dħul, responsabilitajiet fl-għoti ta' servizzi u riżorsi finanzjarji, umani u amministrattivi minn livelli ogħla fis-sistema politika lill-awtoritajiet pubbliċi fuq livell iktar baxx.

Id-deċentralizzazzjoni fiha nnifisha hija kwistjoni politika li taffettwa l-organizzazzjoni globali ta’ Stat. Din timmira lejn effiċjenza aħjar, ugwaljanza u koeżjoni soċjali u tista' tiġi deċiża biss minn pajjiż sovran. Għalhekk, appoġġ għad-deċentralizzazzjoni mill-imsieħba għall-iżvilupp għandu jkun ikkunsidrat biss fejn hemm rieda politika biex tinbeda jew tiġi appoġġja d-deċentralizzazzjoni jew fejn ir-riformi ta' deċentralizzazzjoni diġà ġew implimentati. Fl-istess ħin, l-UE għandha tadatta l-operazzjonijiet settorjali tagħha għal ambjenti li huma diġà deċentralizzati, fejn dan huwa l-każ.

L-appoġġ tal-UE fil-proċessi ta’ deċentralizzazzjoni ser tkun ibbażat primarjament fuq l-għarfien dwar l-ekonomija politika tar-riformi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ assi territorjali. Barra minn hekk, l-appoġġ tal-UE għad-deċentralizzazzjoni għandu jiffoka fuq it-twaqqif ta’ ambjent legali u ta' politika favorevoli għad-deċentralizzazzjoni u għall-iżvilupp istituzzjonali u tal-kapaċità, sabiex l-Awtoritajiet Lokali jkunu jistgħu jgawdu ċertu livell ta’ awtonomija biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom skont il-mandat bil-liġi.

Ir-riżultati mistennija għandhom ikunu l-allokazzjoni ta’ biżżejjed riżorsi finanzjarji għall-Awtoritajiet Lokali skont l-oqfsa legali nazzjonali, titjib fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-mobilizzazzjoni tad-dħul fil-livell lokali. B’mod parallel, l-assistenza tal-UE għandha timmira li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet ċentrali, is-servizzi pubbliċi dekonċentrati kif ukoll il-persunal lokali politiku u amministrattiv, flimkien mat-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ responsabilità politika, trasparenza u mekkaniżmi għall-monitoraġġ ta' politiki muniċipali.

Eżempju ta’ appoġġ tal-UE lejn il-proċess ta’ deċentralizzazzjoni: il-każ tal-Kambodja Il-programm ikkofinanzjat tal-UE “It-Tisħiħ Demokratiku u l-Gvern Lokali Deċentralizzat" ġie implimentat fi sħubija mal-UNDP mill-2006 sa Diċembru 2011, f'appoġġ tal-"Istrateġija ta' Dekonċentrazzjoni u Deċentralizzazzjoni" tal-Gvern tal-Kambodja. Fuq il-livell tal-muniċipalità, il-Programm bena kooperazzjoni orizzontali fost il-muniċipalitajiet, filwaqt li tejjeb il-perċezzjoni taċ-ċittadini dwar l-awtoritajiet lokali u l-benessri taċ-ċittadini. F’livell provinċjali, il-Programm ħeġġeġ l-istabbiliment ta’ 24 Assoċjazzjoni ta’ Awtoritajiet Lokali legalment indipendenti. Fil-livell nazzjonali, l-azzjoni għandha l-għan li ttejjeb it-trasferimenti intergovernattivi finanzjarji. L-Awtoritajiet Lokali bdew jużaw riżorsi finanzjarji b’mod awtonomu.

F’dan il-kuntest, l-UE għandha tikkunsidra d-deċentralizzazzjoni fiskali bħala punt ta’ dħul strateġiku sabiex gradwalment tiġi stabbilita kultura ta’ responsabilità, billi din tiddefinixxi l-produzzjoni u t-tqassim tar-riżorsi li jintużaw biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet taċ-ċittadini. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil mekkaniżmi li jippermettu għaqdiet ta’ riżorsi esterni u domestiċi f’faċilitajiet ta' trasferiment fiskali, li jiġu appoġġjati fid-dħul mit-taxxi u l-iżvilupp tal-ippjanar, l-ibbaġitjar u proċessi ta’ nfiq tal-Awtoritajiet Lokali.

3.2.        L-iżvilupp tal-kapaċità tal-Awtoritajiet Lokali

Sabiex isaħħu l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali biex jikkontribwixxu lejn governanza tajba u konsegwentement biex jintlaħqu l-għanijiet tal-iżvilupp fil-livell lokali, ir-rappreżentanti eletti lokali u l-persunal amministrattiv għandhom jegħlbu r-restrizzjonijiet ta’ kapaċità, bħall-immaniġjar u l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi tas-settur pubbliku, ħiliet ta’ tmexxija, il-ġestjoni finanzjarja pubblika, żieda fid-dħul u l-infiq, trasparenza, parteċipazzjoni u interazzjoni ma’ atturi oħrajn.

Il-kapaċità għal governanza lokali tajba hija affettwata minn fatturi li joperaw fuq tliet livelli: individwali, istituzzjonali u organizzattiv. Fuq livell individwali, il-kapaċità lokali hija effettwat bil-ħiliet, it-taħriġ u l-attitudni tal-politiċi lokali u l-persunal amministrattiv. Fil-livell istituzzjonali, il-kapaċità tiddependi fuq strutturi, proċeduri operattivi, li jagħtu struttura u jirregolaw l-attivitajiet tal-persunal. Fil-livell organizzattiv, il-kapaċità hija affettwata mill-politika u l-ambjent legali, u mir-regoli u l-prattiċi li jirregolaw ir-relazzjonijiet ma’ atturi oħrajn.

Appoġġ għal żvilupp tal-kapaċità tal-Awtoritajiet Lokali ser jiġi definit fuq il-bażi ta’ approċċ ibbażat fuq id-domanda u fuq perjodu twil, b’enfażi fuq il-bini ta' tmexxija, il-provvista ta’ servizz inklużiv u ġestjoni finanzjarja soda. Dan l-approċċ se jinvolvi l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-kapaċità tal-Awtoritajiet Lokali mmexxija mill-pajjiżi fis-setturi li fihom joperaw, partikolarment permezz tal-involviment tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-Awtoritajiet Lokali u l-iskejjel tal-amministrazzjoni, kooperazzjoni orizzontali fost l-Awtoritajiet Lokali li jikkonsistu pereżempju f’muniċipalitajiet kbar li qed joffru assistenza teknika għal dawk iżgħar, u l-inklużjoni ta’ rabtiet iktar adegwati bejn l-awtoritajiet centrali-lokali.

3.3.        Urbanizzazzjoni sostenibbli

Minħabba t-tkabbir rapidu tal-popolazzjoni urbana, il-governanza urbana saret aspett importanti ieħor ta' governanza lokali tajba. L-awtoritajiet lokali f’żoni urbani għandhom rwol deċiżiv sabiex jindirizzaw l-isfidi relatati ma’ urbanizzazzjoni, bħall-ħtiġijiet taċ-ċittadini li jgħixu f’insedjamenti mhux awtorizzat mingħajr servizzi u faċilitajiet adegwati, kwalità tal-ħajja fqira, kriminalità u disfunzjoni soċjali.

Sas-sena 2025, madwar żewġ terzi tal-popolazzjoni dinjija se tkun tgħix f’żoni urbani, b’95 fil-mija tat-tkabir fil-popolazzjoni urbana li sseħħ f’pajjiżi sħab u kkonċentrati fi gruppi bi dħul l-iktar baxx. L-urbanizzazzjoni għandha diversi kawżi inkluż il-migrazzjoni ta’ nies minn bliet żgħar u żoni rurali għal żoni metropolitani kbar u l-migrazzjoni rurali-għall-urbani lejn bliet intermedji, kif ukoll żieda naturali ta’ popolazzjonijiet eżistenti mill-bliet metropolitani.

Fil-kooperazzjoni tagħha ma’ pajjiżi sħab, l-UE se tfittex li tippromwovi strateġiji sostenibbli għall-promozzjoni tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u biex tkisser l-ostakli li jeskludu diversi gruppi mill-aċċess għar-riżorsi u l-opportunitajiet offruti bl-iżvilupp urban, bil-ħsieb li tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, il-koeżjoni territorjali u l-ħarsien tal-ambjent.

Attenzjoni speċjali għandha tingħata għall-aċċess tal-art bħala prerekwiżit għal żvilupp urban sostenibbli. L-urbanizzazzjoni għandha effett profond fuq il-valur tal-artijiet, għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li finanzi muniċipali jistgħu jibbenefikaw miż-żieda fil-valuri tal-art sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw is-servizzi u l-faċilitajiet.

B’mod partikolari, l-UE għandha tinkoraġġixxi d-definizzjoni ta’ politiki għal belt għal titjib fil-kwartieri fqar, li jtejjbu bil-mod il-mod, jifformalizzaw u jinkorporaw il-kerrejiet mal-belt nnifisha billi jestendu l-art, is-servizzi u ċ-ċittadinanza għal persuni li jgħixu fil-bassifondi. Barra minn hekk, l-UE għandha tipprova ttejjeb il-kapaċità amministrattiva tal-Awtoritajiet Lokali biex tirreġistra d-drittijiet u l-interessi tal-art, għall-ġestjoni effettiva u effiċjenti tal-art urbana, (katasti reġistri ta' proprjetà urbana). It-titjib tal-art urbana se tiftaħ is-swieq tal-proprjetà. Il-proprjetà u t-tranżazzjonijiet se jsiru iktar trasparenti u fiskalment taxxabbli, jiżdiedu l-kapaċitajiet fiskali tal-Awtoritajiet Lokali, li huwa prerekwiżit għall-iżvilupp tal-infrastruttura urbana u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja b’mod ġenerali.

3.4.        Assoċjazzjonijiet ta’ Awtoritajiet Lokali

Assoċjazzjonijiet ta’ Awtoritajiet Lokali[12] jistgħu jkunu strumentali fil-kisba ta’ riżultati ta’ governanza tajba u żvilupp fil-livell lokali. Il-funzjonijiet ewlenin tagħhom jinkludu (i) il-promozzjoni tal-interessi tal-membri fi djalogi politiki nazzjonali mal-gvernijiet ċentrali u partijiet interessati nazzjonali oħra kif ukoll f’fora internazzjonali; (ii) il-lobbying għal politiki ta' deċentralizzazzjoni li jwasslu għal Awtoritajiet Lokali iktar awtonomi u bis-setgħa; (iii) il-koordinazzjoni u l-bażi għal diskussjoni fost il-membri; (iv) il-qsim tal-esperjenza u tal-għarfien bil-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Awtoritajiet Lokali; (v) is-superviżjoni ta' kwalità tal-Awtoritajiet Lokali fi kwistjonijiet ta’ prestazzjoni ta' proċessi ta’ tfassil ta’ politiki lokali u l-provvista ta’ servizz; (vi) il-promozzjoni u l-koordinazzjoni tal-pjanijiet ta' żvilupp lokali parteċipativi.

F’bosta pajjiżi msieħba, Assoċjazzjonijiet ta’ Awtoritajiet Lokali għadhom dgħajfa. F’xi pajjiżi oħrajn l-Assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-Awtoritajiet Lokali ma jeżistux.

F’dawn l-aħħar żewġ deċennji, Assoċjazzjonijiet internazzjonali ta’ Awtoritajiet Lokali bdew jippromwovu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-formulazzjoni ta' politiki tal-iżvilupp u fit-twassil tal-għajnuna internazzjonali fil-livell lokali. Assoċjazzjonijiet internazzjonali ta' Awtoritajiet Lokali affermaw mill-ġdid l-importanza ta’ governanza lokali u riformi ta' deċentralizzazzjoni fil-ħolqien ta’ ambjent favorevoli biex jaqdi rwol effikaċi fl-iżvilupp lokali.

L-Appoġġ għal Assoċjazzjonijiet ta’ Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi tal-AKP

Mill-2010, fil-qafas tal-Ftehim ta’ Cotonou, il-programm Reġjonali finanzjati mill-UE “Appoġġ u tisħiħ tal-Assoċjazzjonijiet tal-Gvernijiet Lokali f’livelli nazzjonali u reġjonali tal-AKP” (ARIAL) kien immirat biex jippermetti l-Assoċjazzjonijiet tal-Awtoritajiet Lokali jieħdu sehem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki għall-iżvilupp, permezz ta’ żvilupp ta' kapaċità u attivitajiet ta’ żvilupp istituzzjonali. Matul il-perjodu ta’ tliet snin ta’ implimentazzjoni tiegħu, ARIAL ħadem favur it-tisħiħ ta’ Assoċjazzjonijiet ta’ Awtoritajiet Lokali fil-livell nazzjonali, subkontinentali u kontinentali. Ir-riżultati ewlenin kienu: (i) l-appoġġ ta’ ħames assoċjazzjonijiet nazzjonali, jiġifieri fil-Gabon, iċ-Ċad, is-Sważiland, Kiribati u l-Vanwatu, permezz tal-Faċilità għall-Assoċjazzjoni tal-Gvernijiet Lokali Emerġenti; (ii) il-produzzjoni ta’ serje ta’ għodod għall-iżvilupp tal-kapaċità, imfassla fuq id-domanda ta’ Assoċjazzjonijiet ta’ Awtoritajiet Lokali, sabiex jiġu identifikati opportunitajiet ta’ finanzjament, biex jiġu mistħarrġa il-bżonnijiet tal-Awtoritajiet Lokali, biex jimmaniġġjaw proġetti, u jħejju l-pjanijiet ta' komunikazzjoni, promozzjoni u lobbying.

L-UE għandha tfittex li tinvolvi Assoċjazzjonijiet ta’ Awtoritajiet Lokali fl-ipprogrammar ta' prijoritajiet nazzjonali u lokali kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ programmi ffinanzjati mill-UE relatati, b’mod partikolari dawk relatati mad-deċentralizzazzjoni. Barra minn hekk, l-UE għandha tiffaċilita t-twaqqif ta’ sħubijiet bejn Assoċjazzjonijiet ta’ Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba u l-UE.

4.           IT-TRIQ ’IL QUDDIEM: MODALITAJIET TA’ APPOĠĠ AKTAR EFFIĊJENTI U FLESSIBBLI

L-UE għandha tadatta l-appoġġ tagħha għar-rwol, il-potenzjal u l-ħtiġijiet li qed jikbru tal-Awtoritajiet Lokali u Assoċjazzjonijiet ta’ Awtoritajiet Lokali f’pajjiżi msieħba.

L-użu ta’ modalitajiet innovattivi ta' finanzjament flessibbli, trasparenti u kosteffettivi li jiffaċilitaw l-aċċess għar-riżorsi f’livell lokali għandhom jiġu esplorati. Fil-kuntest ta’ appoġġ għal proċessi ta’ deċentralizzazzjoni dan jista’ jinkludi għotjiet ibbażati fuq il-prestazzjoni dwar it-twassil ta’ servizz lokali bbażati fuq ir-riżultati ta’ valutazzjoni annwali tal-prestazzjoni istituzzjonali tal-Awtoritajiet Lokali. L-UE għandha tappoġġja wkoll inizjattivi li jippermettu liċ-ċittadini jidentifikaw, jiddiskuti u jipprijoritizzaw il-proġetti tal-infiq pubbliku (pereż. ibbaġitjar parteċipattiv).

L-UE tuża operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju, partikolarment Kuntratti ta’ Riforma Settorjali, biex jappoġġaw titjib fl-għoti ta’ servizzi. Dawn jistgħu ikunu deċentralizzati sabiex jintlaħqu aħjar il-popolazzjoni fil-mira jew istituzzjonijiet, pereżempju fis-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma, is-sanità, l-agrikoltura, jew il-proċess ta’ deċentralizzazzjoni innifsu.[13] Fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-appoġġ baġitarju, l-UE għandha tqis kemm il-livell tal-gvern ċentrali kif ukoll dawk subnazzjonali. Matul l-implimentazzjoni, l-UE għandha tappoġġja sistemi biex jimmonitorjaw il-punt sa fejn il-finanzjament ikun trasferit permezz tat-teżor tal-gvern għall-iktar livell xieraq tal-amministrazzjoni lokali. Dan jista’ jikkontribwixxi għat-titjib ta’ trasferimenti fiskali intergovernattivi, it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-Awtoritajiet Lokali, proċeduri u sistemi fl-oqsma bħalma huma l-ippjanar u l-ġestjoni finanzjarja, u bħala riżultat, jikkontribwixxu għall-kwalità tat-twassil tas-servizz.

Barra minn hekk, l-UE għandha tagħti attenzjoni speċjali għall-koordinazzjoni tal-politika, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn politiki nazzjonali u subnazzjonali u settorjali mmirati għall-appoġġ baġitarju u tal-qbil ma’ riformi ta’ deċentralizzazzjoni u d-devoluzzjoni tas-setgħat, u dan iqajjem tħassib possibbli f’djalogi dwar il-politika ma’ awtoritajiet ċentrali.

L-UE għandha tkompli tappoġġa u tikkoordina kooperazzjoni deċentralizzata u transkonfinali bejn Awtoritajiet Lokali mill-Ewropa u pajjiżi msieħba bbażati fuq sħubijiet istituzzjonali fit-tul u ugwali. Kooperazzjoni diċentralizzata bejn Awtoritajiet Lokali tal-UE u l-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi terzi jistgħu jġibu valur miżjud għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet għall-iżvilupp, permezz ta’ tagħlim bejn il-pari, trasferiment tal-għarfien ta’ kif isiru l-affarijiet u t-titjib fil-parteċipazzjoni tal-atturi lokali fl-ispazju pubbliku fil-livell lokali.

Filwaqt li tirrikonoxxi li ħafna Awtoritajiet Lokali Ewropej bdew jaġixxu bħala donaturi, l-UE ssejjaħ lil dawn l-atturi biex iġibu flimkien l-għarfien espert tagħhom biex jikkooperaw b’mod iktar sistematiku fl-attivitajiet ta’ kooperazzjoni, sabiex jissaħħaħ l-impatt ta’ din il-kooperazzjoni fil-livell lokali, fir-rigward tal-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna u l-iżvilupp. Il-Kumitat tar-Reġjuni, li jipprovdi lill-Awtoritajiet Lokali Ewropej bi spazju politiku għall-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajbin kif ukoll biex jistabbilixxu r-relazzjonijiet interreġjonali, jista’ jkollu rwol ewlieni f’dan ir-rigward. Bl-istess mod, l-Awtoritajiet Lokali Ewropej ukoll għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-promozzjoni tal-Edukazzjoni għall-Iżvilupp u t-Tqajjim tal-Kuxjenza (DEAR) fost iċ-ċittadini.

Appoġġ 'il fuq lir-riformi fis-settur pubbliku għandhom ikunu kkoordinati ma’ appoġġ 'l isfel, li jsaħħaħ ir-rwoli tal-Awtoritajiet Lokali fi djalogu ta’ politika u t-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali. L-UE għandha wkoll tiżgura biżżejjed flessibilità biex tappoġġja l-inizjattivi proprji ta' Awtoratijiet Lokali u Assoċjazzjonijiet ta’ Awtoritajiet Lokali.

Huwa propost li jiġu implimentati l-prinċipji deskritti fil-qosor f’din il-Komunikazzjoni biex jingħata appoġġ lil Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba u l-Assoċjazzjonijiet tagħhom fil-livelli tal-pajjiż, kontinentali u internazzjonali. L-UE għandha partikolarment timpenja ruħha favur l-għoti tas-setgħa lil dawn l-atturi, biex ikunu jistgħu jirreaġixxu aħjar għat-talbiet taċ-ċittadini fit-tqassim mill-ġdid b’mod iktar ġust u l-benefiċċji soċjoekonomiċi fil-livell lokali. Dawn l-ambizzjonijiet għandu jkunu akkumpanjati mill-promozzjoni ta’ ambjent favorevoli fil-livelli nazzjonali u lokali u sforzi biex isaħħu l-kapaċitajiet tal-Awtoritajiet Lokali.

Fuq livell internazzjonali, l-UE għandha tkompli tappoġġja r-rwol li għandhom Awtoritajiet Lokali u Assoċjazzjonijiet ta’ Awtoritajiet Lokali jaqdu sabiex titqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet ta’ żvilupp lokali u urbana u fit-tiswir l-aġenda tal-iżvilupp internazzjonali b’enfażi fuq l-interessi tal-komunitajiet lokali. Fid-dawl tad-definizzjoni tal-Aġenda għall-Iżvilupp ta’ wara l-2015 u l-preparazzjoni tal-Habitat III, il-komunità internazzjonali għandha tagħraf aħjar ir-responsabilitajiet u soluzzjonijiet li l-livelli governattivi differenti jistgħu jġibu fl-indirizzar ta’ sfidi globali u lokali.

[1]               F’din il-Komunikazzjoni, it-terminu “Awtoritajiet lokali” se jirreferi għal istituzzjonijiet pubbliċi li jkollhom personalità ġuridika, komponent mill-istruttura tal-Istat, taħt il-livell tal-gvern ċentrali u responsabbli lejn iċ-ċittadini. L-awtoritajiet lokali huma normalment magħmula minn korp deliberattiv jew ta’ tfassil ta’ politika (il-kunsill jew l-assemblea) u korp eżekuttiv (is-Sindku jew uffiċjal eżekuttiv ieħor), direttament jew indirettament eletti jew magħżula fil-livell lokali. It-terminu jħaddan saffi differenti ta’ gvern, pereż. irħula, muniċipalitajiet, distretti, pajjiżi, provinċi, reġjuni, eċċ. F’dan il-kuntest wiesa', l-attenzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni hija madankollu fuq il-livell muniċipali, li huwa ġeneralment is-saff l-iktar baxx tas-sistema istituzzjonali ta' gvern pubbliku u l-eqreb taċ-ċittadini.

[2]               F’kontinwità u kumplimentarjetà mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni L-Awtoritajiet Lokali: atturi ta' żvilupp COM(2008) 626 finali (8.10.2008).            Sit elettroniku: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2008:0626:FIN:EN:PDF, mal-European Charter on development cooperation in support of Local Governance URL:

https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/mwikis/aidco/index.php/European_charter_on_development_cooperation_in_support_of_local_governance_paper_P65.

[3]               Sit elettroniku: http://ec.europa.eu/europeaid/who/partners/civil-society/structured-dialogue_en.htm.

[4]               COM(2011) 637 finali (13.10.2011).

[5]               COM(2011) 638 finali (13.10.2011), COM(2011) 865 finali (7.12.2011), COM(2012) 446 finali (20.8.2012), COM(2012) 492 finali (12.09.2012) u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill (15.10.2012), COM(2012) 586 finali (3.10.2012), JOIN(2012) 27 finali (3.10.2012), COM(2013) 92 (27.2.2013).

[6]               Sit elettroniku:

www.aideffectiveness.org/busanhlf4/images/stories/hlf4/OUTCOME_DOCUMENT_-_FINAL_EN.pdf

[7]               “L-UE tqis li s-CSOs jinkludu l-istrutturi kollha mhux statali u mhux għall-profitt (jinkludu l-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità, organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet ibbażati fuq il-fidi, fondazzjonijiet, istituzzjonijiet ta’ riċerka, trejdjunjins, organizzazzjonijiet tan-nisa, kooperattivi, assoċjazzjonijiet professjonali u tan-negozju, u l-midja) li permezz tagħhom in-nies jorganizzaw ruħhom biex isegwu għanijiet u ideali komuni”. COM(2012) 492 finali. Sit elettroniku: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2012:0492:FIN:EN:PDF

[8]               Il-governanza hija relatata ma’ regoli, proċessi, u imġieba li permezz tagħhom l-interessi jiġu organizzati, ir-riżorsi jiġu ġestiti, il-poter jiġi eżerċitat fis-soċjetà mill-istituzzjonijiet responsabbli tal-affarijiet pubbliċi u l-parteċipazzjoni tal-atturi rilevanti kollha hija permessa. COM(2003) 615 finali (20.10.2003).

[9]               Pereż. arranġamenti istituzzjonali, is-separazzjoni tal-poteri, sistemi elettorali u tal-partiti, politiki ta' deċentralizzazzjoni xierqa, sistemi fiskali intergovernattivi, ir-rispett lejn l-Istat tad-dritt.

[10]                    Is-CSOs lokali jista’ jkollhom rwol importanti biex iżommu l-politiċi u l-uffiċjali lokali responsabbli għat-twassil f'waqtu u effiċjenti tas-servizzi pubbliċi fil-livell lokali. Barra minn hekk, l-interazzjoni bejn l-AL u s-CSOs tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ politika lokali fejn isiru l-proċessi ta' politika u żvilupp.

[11]             Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, responsabilitajiet pubbliċi, funzjonijiet regolatorji u l-infiq huma trasferiti sal-inqas livell istituzzjonali jew soċjali, l-eqreb taċ-ċittadini, li huwa kapaċi u fdat biex dawn jitlestew.

[12]             It-terminu “Assoċjazzjonijiet ta’ Awtoritajiet Lokali” għandu jinftiehem bħala organizzazzjonijiet umbrella bbazati fuq is-sħubija u rappreżentanza fuq livell subnazzjonali, nazzjonali, subkontinentali, kontinentali u dak internazzjonali. Jistgħu jiġu organizzati bħala entità awtonoma skont il-leġislazzjoni fis-seħħ fil-pajjiż ta’ reġistrazzjoni. Assoċjazzjonijiet ta’ Awtoritajiet Lokali jista’ jkunu magħmula minn korp rappreżentattiv elett permezz tal-Membri tal-Awtoritajiet Lokali u segretarjat permanenti.

[13]             Linji gwida dwar l-appoġġ baġitarju tal-EuropeAid (2012). Sit elettroniku: http://ec.europa.eu/europeaid/how/delivering-aid/budget-support/documents/bs_guidelines-part_ii-programming,design_management_en.pdf.