52013DC0213

GREEN PAPER dwar l-assigurazzjoni ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem /* COM/2013/0213 final */


GREEN PAPER

dwar l-assigurazzjoni ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem

1.           Introduzzjoni

Bħal ħafna reġjuni oħra tad-dinja, l-Unjoni Ewropea hija vulnerabbli għal kważi t-tipi kollha ta’ diżastri naturali. Id-diżastri jikkawżaw mhux biss telf tal-bniedem iżda wkoll danni għall-valur ta’ biljuni ta’ euro kull sena, li jaffettwaw l-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku. Id-diżastri jista’ jkollhom effetti transfruntieri u jistgħu potenzjalment jheddu żoni sħaħ fil-pajjiżi ġirien. Anki fejn l-ispejjeż ta’ diżastri kbar huma ikkonċentrati lokalment, jekk l-ispejjeż mhumiex koperti b’mod tajjeb mill-assigurazzjoni, imbagħad l-Istati Membri individwali jistgħu jġorru piżijiet fiskali kbar, li jistgħu jikkawżaw żbilanċi interni u esterni. Għalhekk din hija kwistjoni importanti għaċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-gvernijiet madwar l-Unjoni.

Fl-2010 l-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tevalwa u tirrapporta dwar il-potenzjal għall-Unjoni Ewropea biex tiffaċilita u tappoġġja kopertura akbar ta’ assigurazzjoni xierqa kontra r-riskji ta’ diżastri u swieq tat-trasferiment tar-riskju finanzjarju, kif ukoll kondiviżjoni ta' assigurazzjoni reġjonali, f’termini ta’ trasferiment tal-għarfien, kooperazzjoni, jew finanzjament tat-tnedija[1]. Sussegwentement, il-Kummissjoni organizzat Konferenza dwar il-prevenzjoni u l-assigurazzjoni ta’ katastrofi naturali[2] u wettqet studju intitolat "Katastrofi Naturali: Rilevanza tar-Riskju u l-Kopertura tal-Assigurazzjoni fl-Unjoni Ewropea”[3].

Din il-Green Paper tqajjem għadd ta’ mistoqsijiet dwar l-adegwatezza u d-disponibbiltà ta’ assigurazzjoni xierqa kontra d-diżastri u takkumpanja l-Komunikazzjoni bit-titlu “Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima”. L-għan huwa li titqajjem kuxjenza u sabiex ikun valutat jekk azzjoni fil-livell tal-UE tistax tkun xierqa jew meħtieġa biex jitjieb is-suq għal assigurazzjoni kontra d-diżastri fl-Unjoni Ewropea. B’mod aktar ġenerali, dan il-proċess ser jespandi wkoll il-bażi tal-għarfien, jgħin fil-promozzjoni ta’ assigurazzjoni bħala għodda tal-ġestjoni tad-diżastri u b’hekk jikkontribwixxi għal ċaqliq lejn kultura ġenerali ta’ prevenzjoni u mitigazzjoni tar-riskju ta’ diżastri, u jġib aktar dejta u informazzjoni.

Il-grafiki li ġejjin jipprovdu ħarsa ġenerali tal-okkorrenza tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem fl-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar snin.

Grafika 1: Diżastri naturali fl-Istati taż-ŻEE (1980-2011)

Sors: Il-European Environment Agency, Climate change, impacts and vulnerability in Europe 2012, An indicator-based report, EEA Report Nru. 12/2012.

L-għargħar mill-maltempati, għargħar tax-xmajjar jew dawk għal għarrieda huma wieħed mir-riskji ewlenin tad-diżastri naturali li qed tiffaċċja l-Ewropa (eż. l-għargħar tal-2012 fir-Renju Unit, l-Irlanda u r-Rumanija, l-għargħar madwar l-Ewropa tal-2002, l-2005 u l-2010).

Grafika 2: Għargħar — telf storiku massimu

Sors: Ċentru Konġunt tar-Riċerka, il-Kummissjoni Ewropea (2012), Katastrofi Naturali: Rilevanza tar-riskju u l-Kopertura tal-Assigurazzjoni fl-UE, ibbażata fuq dejta disponibbli[4].

Nirien fil-foresti selvaġġi huma wkoll theddida li l-Istati Membri għandhom jittrattaw kull sena. Il-mewġa tas-sħana tal-2003 kienet l-aktar waħda sħuna rreġistrata fl-Ewropa mill-inqas sa mill-1500[5].

Numru ta' maltempati tax-xitwa u r-riħ ikkaġunaw ukoll ħsarat kbar f’pajjiżi Ewropej f’dawn l-aħħar snin.

Grafika 3: Maltempati — telf storiku massimu

Sors: Ċentru Konġunt tar-Riċerka, il-Kummissjoni Ewropea (2012), Katastrofi Naturali: Rilevanza tar-riskju u l-Kopertura tal-Assigurazzjoni fl-UE, ibbażata fuq dejta disponibbli.

It-terremoti ta’ L’Aquila tal-2009 u l-Emilia Romagna tal-2012 irriżultaw fi mwiet, korrimenti u d-devastazzjoni ta’ proprjetà residenzjali u kummerċjali. It-terremoti jistgħu jiskattaw ukoll tsunamis fl-Ewropa (bħal fl-1908 f’Messina jew fl-1755 f’Lisbona).

Grafika 4: Terremot — telf storiku massimu

Sors: Ċentru Konġunt tar-Riċerka, il-Kummissjoni Ewropea (2012), Katastrofi Naturali: Rilevanza tar-riskju u l-Kopertura tal-Assigurazzjoni fl-UE, ibbażata fuq dejta disponibbli.

L-eruzzjoni vulkanika ta’ Eyjafjallajökull f’Marzu tal-2010 uriet kemm jistgħu jkunu kbar il-konsegwenzi ta’ diżastru naturali. L-esperjenza wriet li avveniment improbabbli bħal dan jista’ jkollu konsegwenzi serji u fit-tul għal partijiet oħra tal-Ewropa u tad-dinja.

Bejn l-1980 u l-2011, lat ekonomiku ta’ diżastri naturali fl-Ewropa kollha laħaq kważi l-EUR 445 biljun f’valuri tal-2011. Madwar nofs it-telf kollu li jista’ jiġi attribwit għal ftit avvenimenti kbar, bħalma huma maltempati bħal dik ta’ Lothar fl-1999, Kyrill fl-2007 u Xynthia fl-2010, u l-għargħar fl-Ewropa Ċentrali fl-2002 u fir-Renju Unit fl-2007. Spejjeż tad-danni avvenimenti estremi tat-temp fl-Istati taż-ŻEE żdiedu minn EUR 9 biljun fis-snin 80 għal aktar minn EUR 13-il biljun fis-snin 2000 (valuri aġġustati għall-inflazzjoni tal-2011)[6].

Grafika 5: Diżastri naturali fl-Istati taż-ŻEE — avvenimenti ta’ telf, fatalitajiet u telf (mill-1980 sal-2011)

Sors: Il-European Environment Agency, Climate change, impacts and vulnerability in Europe 2012, An indicator-based report, EEA Report Nru. 12/2012.

Mat-tibdil fil-klima, l-assigurazzjoni se tintalab tkopri dejjem iktar avvenimenti frekwenti u intensi. Tibdil fil-klima, id-demografija u l-konċentrazzjonijiet tal-popolazzjoni, it-tkabbir f’oqsma esposti għall-katastrofi u ż-żieda fil-ġid u l-valuri tal-propjetà qed iżidu l-esponiment u l-vulnerabbiltà ta’ assi ekonomiċi u s-severità tat-telf[7]. Fi żmien qasir, l-effett tat-tibdil fil-klima dwar l-assigurazzjoni jista’ ma jkunx daqshekk sinifikanti. Madankollu, fuq terminu ta’ żmien twil, b’mod partikolari f’setturi jew oqsma fejn l-assigurazzjoni ma kinitx abitwali, it-tibdil fil-klima jista’ jkollu impatt fuq id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-assigurazzjoni. Telf potenzjali huwa dipendenti ħafna fuq bidliet fl-esponiment u l-vulnerabbiltà. B’mod ġenerali, il-probabbiltà ta’ ħafna tipi ta’ avvenimenti estremi tat-temp hija mistennija li tikber b’mod sinifikanti[8]. B’riżultat tar-riskji li qed jiżdiedu, l-assigurazzjoni tista’ ma tibqax disponibbli jew ma tkunx affordabbli f’ċerti oqsma. Assigurazzjoni li mhijiex disponibbli, wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu għall-vulnerabbiltà, tista’ tkompli tkabbar is-suxxettibilità tas-soċjetà, li tħalli l-gvernijiet b’potenzjal kbir ta’ skoperturi finanzjarji.

Diżastri kkawżati mill-bniedem, bħal inċidenti industrijali li jinvolvu sustanzi perikolużi jista’ jkollhom ukoll impatti fuq skala kbira u transkonfinali (jiġifieri, l-aċċident tal-2010 fil-Golf tal-Messiku marbut mal-estrazzjoni taż-żejt lil hinn mill-kosta, in-nixxijiet tad-depot tal-aluminju tal-2011 f’Ajka, l-Ungerija). Barra minn hekk, perikli naturali u diżastri, pereżempju, sajjetti, temperatura baxxa jew terremoti, jistgħu jiskattaw diżastri kkawżati mill-bniedem (‘natech” — Natural Hazard Triggering Technological Disasters) diżastri bħalma huma rilaxxi atmosferiċi, likwidu jismot jew nirien[9] (jiġifieri, id-diżastru nukleari ta’ Fukushima tal-2011, il-Ġappun). Diżastri “natech” komposti bħal dan jistgħu jseħħu aktar ta’ spiss minħabba ż-żieda fil-frekwenza ta’ avvenimenti naturali estremi u ż-żieda fil-kumplessità u l-interdipendenza tas-sistemi industrijali.

Grafika 6: Inċidenti industrijali fl-Istati taż-ŻEE rrappurtati fis-Sistema tar-Rappurtar ta’ Aċċidenti Kbar

Sors: European Environment Agency, Mapping the impacts of natural hazards and technological accidents in Europe, EEA Technical Report Nru 13/2010.

Assigurazzjoni privata tista’ tindirizza numru ta’ tħassib relatat mal-poloz u tista' tikkontribwixxi għal finanzi pubbliċi sostenibbli[10]. L-assigurazzjoni hija waħda mill-għodod li jintużaw għall-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri, flimkien ma’ prevenzjoni tar-riskju u miżuri ta’ tħejjija u reazzjoni: sistema ta’ funzjonament tal-assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ diżastru, lil hinn mill-kondiviżjoni tar-riskji, tista’ tkun operattiva fil-livelli kollha taċ-ċiklu tal-ġestjoni tar-riskju, mill-identifikazzjoni tar-riskju u l-immudellar tar-riskju għat-trasferiment u l-irkupru tar-riskju. L-assigurazzjoni għandha rwol speċifiku: din ma tipprevenix it-telf ta’ ħajjiet jew assi iżda tgħin biex inaqqas l-impatt ekonomiku u tiffaċilita l-irkupru wara d-diżastri. Poloz tal-assigurazzjoni mfassla tajjeb jistgħu jaħdmu wkoll bħala strument ibbażati fuq is-suq biex jiskoraġġixxu mġiba riskjuża u jippromwovu s-sensibilizzazzjoni tar-riskju u jintegraw sistemi ta’ kontra d-diżastru f’deċiżjonijiet ekonomiċi u finanzjarji.

2.           Penetrazzjoni tas-suq ta’ assigurazzjoni kontra d-diżastri naturali

Diżastri naturali kbar għandhom effetti negattivi kbar u sinifikanti fuq l-attività ekonomika, kemm fl-impatt intermedjarju tagħhom kif ukoll fuq medda itwal ta’ żmien. Huwa pinċipalment it-telf mhux assigurat li jmexxi l-ispiża makroekonomika sussegwenti, filwaqt li avvenimenti assigurati biżżejjed huma insinifikanti f’termini ta’ output mitlufa[11].

Riċerka analitika riċenti mwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka turi li, abbażi tad-dejta disponibbli, bħalissa hemm livell baxx ta’ rata ta’ penetrazzjoni tas-suq ta’ assigurazzjoni kontra d-diżastri f’ċerti Stati Membri[12]. L-analiżi tenfasizza li l-għargħar, il-maltempati u r-riskji tat-terremoti huma, kif mistenni eteroġeni fost l-Istati Membri. Madankollu, abbażi tad-dejta disponibbli, hemm każijiet fejn is-swieq ta’ assigurazzjoni kontra d-diżastri ma jidhrux li qed ilaħqu bis-sħiħ mar-riskji eżistenti. Skont ir-riċerka disponibbli, għall-maltempati, ir-rati tal-penetrazzjoni huma għoljin fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Madankollu, għall-għargħar u t-terremoti, ir-rati tal-penetrazzjoni huma għoljin biss f’każijiet fejn dawk ir-riskji huma miġburin flimkien ma’ riskji oħrajn.

Grafika 7: Diżastri naturali fl-Istati taż-ŻEE (mill-1980 sal-2011) — telf globali u dak assigurat

Sors: Il-European Environment Agency, Climate change, impacts and vulnerability in Europe 2012, An indicator-based report, EEA Report Nru. 12/2012.

(1) Mistoqsijiet (1) X’inhi l-fehma tiegħek dwar ir-rata ta’ penetrazzjoni ta’ assigurazzjoni kontra d-diżastri fl-Unjoni Ewropea? Jekk jogħġbok agħti dettalji u dejta biex jappoġġjaw l-argumenti tiegħek. Tinħtieġ iktar riċerka biex jifhmu kwalunkwe nuqqasijiet potenzjali fil-provvista u d-domanda tal-assigurazzjoni, id-disponibbiltà u l-kopertura tal-assigurazzjoni?

2.1.        Gruppar tal-prodott

L-assigurazzjoni tiddistribwixxi mill-ġdid u tnaqqas ir-riskju finanzjarju li huwa assoċjat mal-avvenimenti ħżiena, billi taqsam l-ispejjeż jew bejn individwi jew matul iż-żmien. L-assigurazzjoni titrasferixxi r-riskji individwali għal grupp, ġestit minn assiguratur. Permezz ta' aggregazzjoni jew ippuljar tar-riskji, huwa possibbli li titnaqqas l-ispiża tad-diżastri fi kwalunkwe perjodu ta’ żmien.

Il-kopertura pprovduta mis-suq tal-assigurazzjoni privata hija ffinanzjata permezz ta’ primjums, appoġġjati minn kapital tal-azzjonisti biex jissodisfaw devjazzjonijiet probabbli mit-telf mistenni. Primjums tal-assigurazzjoni jirriflettu t-telf mistenni tal-individwu assigurat, marġini ta’ inċertezza għal-linja speċifika ta’ negozju ta’ assigurazzjoni, tariffa għall-kapital tal-azzjonist, sehem tat-tagħbija l-ispejjeż, jiġifieri, l-ispejjeż amministrattivi u oħrajn assoċjati ma’ sottoskrizzjoni tal-poloz tal-assigurazzjoni, u l-profitt. Il-primjums huma investiti fis-swieq finanzjarji, fejn ir-riskji tal-investiment jeħtiegu li ma jkunux ikkorrelati mas-sottoskrizzjoni tar-riskju jew assigurati mill-ġdid biex jieħdu ftit mir-riskju barra mill-grupp. B’dan il-mod, l-assigurazzjoni tifrex ir-riskju ta’ telf ekonomiku madwar is-soċjetà u fuq ir-reġjuni.

Il-karatteristika speċifika tad-diżastri hija li dawn jistgħu jagħmlu dannu fuq ħafna proprjetajiet f’żona konċentrata, fl-istess ħin: terremoti jinqalgħu tul linji sismiċi ta’ ħsara, l-għargħar iseħħu f’żoni li jinsabu fil-baxx u l-irwiefen spiss iseħħu lejn ix-xtut. Dan jikkuntrasta ma’ tipi oħra ta’ riskju li l-assigurazzjoni tal-proprjetà tipprovdi kopertura, bħas-serq jew in-nar. Huwa improbabbli, għalkemm mhux impossibbli, li raħal kollu jinsteraq fl-istess ħin.

Hemm żewġ strateġiji tekniċi ewlenin li jippermettu l-assigurazzjoni timmaniġġja r-riskji kkorrelatati. L-ewwel huwa li jitwessa’ l-grupp, sabiex ikun inqas probabbli li r-riskji individwali jkunu kkorelatati ħafna permezz ta’ kwalunkwe diżastru potenzjali. Teknika komuni oħra hija l-iggruppar flimkien ta’ diversi tipi ta’ riskji mhux ikkorrelatati f’polza waħda tal-assigurazzjoni, eż., nirien u għargħar, maltempati jew terremoti[13]. Peress li kull riskju huwa indipendenti minn kwalunkwe ieħor fil-polza, ir-ragruppar inaqqas ir-riskji akkumulati ta’ kwalunkwe periklu f’din il-polza.

Gruppar tal-prodott jirrappreżenta solidarjetà bejn il-konsumaturi. Għalhekk, il-gruppar tal-prodott xi drabi huwa introdott permezz ta’ estensjoni mandatorja ta’ riskji sempliċi bħan-nar jew assigurazzjoni tal-karozza għal kopertura tad-diżastri naturali. Idealment, is-sistema għandha tirrikonoxxi li xi persuni assigurati ma joħolqu l-ebda riskju jew riskju baxx meta mqabbla ma’ dawk minn oqsma suġġetti għar-riskju, permezz ta’, pereżempju, skonti fil-primjums.

Mistoqsijiet (2) Liema azzjoni addizzjonali tista' tkun ikkunsidrata f’dan il-qasam? Gruppar mandatorju tal-prodott ikun mod xieraq biex tiżdied il-kopertura tal-assigurazzjoni kontra r-riskji tad-diżastri? Hemm xi mod inqas ristrettiv, għajr il-gruppar mandatorju tal-prodott, li jista’ jikkostitwixx mod xieraq biex tiżdied il-kopertura tal-assigurazzjoni kontra r-riskji tad-diżastri?

2.2.        Assigurazzjoni obbligatorja kontra d-diżastri

Il-konsumaturi jistgħu ma jkunux inklinati li jassiguraw lilhom infushom kontra r-riskji li x’aktarx ma jkunux mistennija li jkollhom impatt fuqhom. In-nies u n-negozji ta’ spiss jissottovalutaw ir-riskju reali ta’ diżastru lilhom (riskju mijopija), u mhumiex ppreparati sew biex jittrattaw il-konsegwenzi finanzjarji. Dawn jiddependu fuq netwerks soċjali jew fuq għajnuna mill-gvern.

Kwistjoni oħra tista’ tkun dik ta’ għażla ħażina. Dan jirreferi għall-fenomenu fl-assigurazzjoni fejn gruppi ta’ persuni li jħossu li huma f’riskju akbar jixtru assigurazzjoni b'kopertura akbar, filwaqt li dawk li ma jipperċepux tali grad għoli ta’ riskju mhux se jħossu li huwa meħtieġ li jixtru assigurazzjoni. Għażla avversa hija partikolarment problematika f’assigurazzjoni kontra d-diżastri. Jekk l-assigurazzjoni li hija f biss esposti ħafna jixtru assigurazzjoni, il-primjum ikun għoli b’mod projbittiv, u l-grupp se jkun żgħir wisq biex tlaħħaq mad-diżastri, peress li ma hemm l-ebda riżerva minn membri tal-grupp li mhumiex affetwati.

Assigurazzjoni obbligatorja kontra d-diżastru tista’ tegħleb dawk il-problemi. Dan jirriżulta f’penetrazzjoni għolja fis-s-suq u grupp kbir ta’ persuni assigurati. Dan jiffaċilita t-tixrid tar-riskju u jnaqqas l-ispejjeż amministrattivi għal kull polza, filwaqt li jillimita l-għajnuna ex-post mill-gvern.

Mistoqsijiet (3) Liema assigurazzjoni obbligatorja kontra d-diżastri, jekk ikun hemm, teżisti fl-Istati Membri? Dawn huma prodotti tal-assigurazzjoni li ġeneralment huma magħquda flimkien ma’ gruppar obbligatorju tal-prodott jew obbligu għall-assiguraturi biex jipprovdu kopertura? L-assigurazzjoni obbligatorja kontra d-diżastri ġeneralment hija akkumpanjata minn dritt biex il-konsumatur ikun jista’ jagħżel minn fost xi riskji ta’ diżastri? X’inhuma l-vantaġġi/l-iżvantaġġi possibbli? Kieku l-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam tkun utli?

2.3.        Gruppi ta’ assigurazzjoni kontra d-diżastri

Gruppi ta’ assigurazzjoni kontra d-diżastri jistgħu jestendu l-kapaċità ta’ assorbiment tar-riskju tas-suq tal-assigurazzjoni. Huma jistgħu jipprovdu kopertura kontra skoperturi u riskji aggregati li ma jistgħux jiġu assikurati minħabba l-periklu morali, id-daqs żgħir tas-suq partikolari jew spejjeż eċċessivi għat-talbiet. Il-gruppi jistgħu jissupplimentaw sistemi bi gruppar obbligatorju tal-prodott jew ma’ assigurazzjoni obbligatorja.

Il-Kummissjoni ġeddet b’modifiki l-eżenzjoni tal-ko(ri)assigurazzjoni fir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-Assigurazzjoni 267/2010[14]. Hija rrikonoxxiet li l-qsim tar-riskju għal ċerti tipi ta’ riskji, li għalihom kumpaniji individwali tal-assigurazzjoni joqogħdu lura jew ma jistgħux jassiguraw ir-riskju kollu waħedhom, huwa importanti ħafna sabiex jiġi żgurat li dawn it-tipi kollha ta’ riskji jistgħu jiġu koperti.

Ir-Regolament jippermetti biss il-kooperazzjoni permezz ta’ gruppi taħt ċerti kundizzjonijiet. Barra minn hekk, huwa limitat għal ftehimiet li ma jagħtux lill-impriżi involuti l-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni. Gruppi barra r-Regolament minħabba l-ishma għoljin tas-suq mhumiex permessi, iżda jridu jkunu awtovalutati taħt ir-regoli tal-kompetizzjoni għaliex dawn jistgħu jinvolvu benefiċċji sabiex jiġġustifikaw eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.4.        Gvernijiet bħala (ri)assiguraturi u (ri) assiguraturi aħħarin

L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiġu involuti bħala assiguraturi jew jistgħu jisponsorjaw gruppi ta’ assiguraturi għall-katastrofi b’mandat mill-istat. Tali programmi ta’ assigurazzjoni jisgtħu jtaffu l-pressjoni politika biex jallokaw riżorsi governattivi sostanzjali wara diżastri naturali. Iżda l-qafas jeħtieġ li jipprevjeni l-problema ta’ periklu morali, eż., detenturi ta’ polza jistgħu jiġu mħeġġa jaġixxu b’modi aktar riskjużi ladarba dawn ikunu jafu li se jkunu koperti minn riżorsi pubbliċi sew jekk dawn jipproteġu lilhom infushom minn qabel u sew jew le.

Permezz ta’ sħubiji pubbliċi-privati, l-assiguraturi jistgħu joffru l-kompetenzi u l-għodod tagħhom (bħal pereżempju pjattaformi ta’ informazzjoni dwar ir-riskju) biex jivvalutaw ir-riskji, ibigħu l-poloz u f’xi każijiet jagħtu parir lill-gvernijiet fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-investiment. L-assiguraturi jistgħu jintalbu wkoll jipprovdu kopertura tal-assigurazzjoni għal telf ta’ daqs medju; il-gvern jillimita l-esponiment tiegħu u l-assiguraturi jkollhom livell ta’ riskju li huwa fi ħdan il-kapaċità tagħhom.

Il-gvernijiet jistgħu jimmaniġġjaw ukoll il-programmi ta’ riassigurazzjoni. Dawn jistgħu jitolbu lis-suq privat jieħu u jħallas għal xi proporzjon tar-riskju, jiġifieri, trattati dwar is-sehem tal-kwoti.

Il-gvernijiet jistgħu jservu bħala (ri)assiguraturi aħħarin billi jieħdu riskji ’l fuq minn ċertu livell ta’ danni minn diżastri, jiġifieri, riassigurazzjoni “stop-loss”. Dan l-approċċ iħallat ir-riskju potenzjali tal-kapaċità tat-tixrid tar-riskju tal-gvern u l-kapaċità tas-suq biex japplika l-prinċipji tal-assigurazzjoni, kif ukoll biex juża l-kapaċità amministrattiva tagħha, jiġifieri, il-ġbir ta’ primjums, il-kummerċjalizzazzjoni u t-trattament tal-pretensjonijiet. Programmi pubbliċi, għalhekk, jistgħu jipprovdu kopertura fl-ogħla livelli ta’ riskju, filwaqt li s-suq privat iżomm xi ftit mir-riskji tal-livelli aktar baxxi jew kollha kemm huma.

Mistoqsijiet (4) Kif jistgħu jitfasslu u jiġu ffinanzjati programmi ta’ riassigurazzjoni tal-istat għad-diżastru jew b’mandat mill-istat stat biex jipprevjenu l-problema ta’ periklu morali?

2.5.        Assigurazzjoni parametrika tat-temp ibbażata fuq l-indiċi u soluzzjonijiet innovattivi oħra

2.5.1.     Assigurazzjoni parametrika tat-temp ibbażata fuq l-indiċi

Taħt skemi ta’ assigurazzjoni tradizzjonali marbuta mat-temp, bħal proprjetà jew assigurazzjoni fuq ir-responsabbiltà, il-kumpens tal-assigurazzjoni se jitħallas wara valutazzjoni tal-parti assigurata tat-telf. Ladarba tkun tlestiet u miftiehma l-valutazzjoni tat-telf, il-parti assigurata tirċievi ħlas ta’ indennizz.

Taħt skema ta’ assigurazzjoni parametrika bbażata fuq l-indiċi, it-telf li jirriżulta minn avvenimenti relatati mat-temp huma kumpensati meta l-indiċi predefiniti tat-temp imorru lil hinn mill-medja storika, irrispettivament mit-telf reali. Dik it-tip ta’ assigurazzjoni tiddependi fuq il-kejl ta’ indiċi oġġettivi u indipendenti li għandhom korrelazzjoni għolja mat-telf reali. Assigurazzjoni tradizzjonali u parametrika bbażata fuq l-indennizz tista’ tiġi magħquda.

Filwaqt li jibnu fuq it-tagħlim u l-esperjenza minn inizjattivi reġjonali differenti[15], l-assigurazzjoni parametrika tista’ titqies bħala soluzzjoni kemm għas-setturi privati u dawk pubbliċi, pereżempju, għal infrastruttura kritika pubblika. Din tista’ ttejjeb l-affordabbiltà tal-assigurazzjoni billi tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi, għaliex din ma tinkludix proċess ta’ aġġustament tal-pretensjonijiet. Hija tħaffef ukoll il-ħlasijiet, u tista’ tkun assoċjata ma’ kuntratti aktar sempliċi tal-assigurazzjoni. Koperturi parametriċi jistgħu jgħinu sabiex jitnaqqsu l-asimmetriji ta’ informazzjoni bejn l-assiguraturi u l-klijenti. Mill-banda l-oħra, dawn il-kuntratti jippreżentaw riskju ta’ bażi sinifikanti, jiġifieri, il-ħlas tal-pretensjoni ma jaqbilx mal-ħlas reali imġarrab u d-detenturi tal-polza mhumiex neċessarjament kapaċi jivvalutawha.

L-assigurazzjoni hija rekwiżit kritiku għall-iżvilupp minħabba li t-telf mhux assigurat jista’ jestendi ċ-ċiklu tal-faqar u jxekkel it-tkabbir ekonomiku. Alternattivament, għodod simplifikati għat-trasferiment tar-riskju bħall-prodotti ta’ mikroassigurazzjoni qed jiġu żviluppati f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Programmi parametriċi ta’ assigurazzjoni, appoġġjati mill-Kummissjoni, ġew implimentati wkoll f’pajjiżi terzi li huma partikolarment esposti għar-riskji tat-temp u dawk katastrofiċi bħal nixfiet, terremoti, u maltempati[16].

2.5.2.     Riċerka meteoroloġika

Il-kumplessitajiet ta’ disinji parametriċi u r-riskju ta’ bażi jistgħu jkunu ta’ restrizzjonijiet sinifikanti dwar l-estensjoni ta’ dawn l-iskemi. Ir-riċerka meteoroloġika jeħtieġ tidentifika indiċi vijabbli. Din tista’ titkabbar biss għal kopertura b’firxa wiesgħa jekk ikun hemm kopertura sistematika tat-territorju, bi stazzjonijiet meteoroloġiċi qrib biżżejjed għal persuni assigurati u żoni ppjantati ta’ riskju. Minbarra preżenza l-fiżika ta’ stazzjonijiet meteoroloġiċi, hemm il-ħtieġa li tinġabar, tinżamm, tixxerred u tiġi arkivjata d-dejta u biex issir faċilment disponibbli b’rabta mal-avvenimenti assigurati. L-użu tad-dejta satellitari flimkien ma’ analiżi u tbassir numeriku diġà rriżultaw f’żieda kontinwa tal-ħiliet meħtieġa biex isir tbassir meteoroloġiku.

Bl-istess mod, l-opportunitajiet relatati ma’ indiċijiet ibbażati fuq is-satellita li jużaw għodod tat-telerilevament jistgħu jiġu esplorati. Bosta setturi ekonomiċi huma sensittivi għal kundizzjonijiet tal-klima, u għalhekk għal tibdil fil-klima. Għalhekk, il-benefiċċji ta’ investiment f’infrastruttura tat-temp se jestendu lil hinn mill-iżvilupp ta’ prodotti tal-assigurazzjoni bbażati fuq l-indiċi, notevolment mal-forestrija u prodotti agrikoli. Bħalissa l-Kummissjoni qiegħda twettaq konsultazzjonijiet immirati lejn l-implimentazzjoni futura ta’ servizz ta’ Monitoraġġ tat-tibdil fil-Klima bħala parti mill-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-Dinja (GMES) [17].

2.5.3.     Titoli marbuta ma' assigurazzjoni

Titoli marbuta ma’ assigurazzjoni bħal bonds għall-katastrofi jew strumenti oħra alternattivi għat-trasferiment ta’ riskji jista’ jidhru bħala mod effettiv biex tiżdied il-kapaċità tal-assigurazzjoni għal avvenimenti improbabbli ħafna, bi frekwenza baxxa, ta' katastrofi naturali ta’ severità għolja.

Għall-assiguraturi, ir-riassiguraturi u n-negozji, il-bonds jipprovdu protezzjoni multiannwali kontra katastrofi naturali bl-inqas riskju ta’ kreditu tal-kontroparti. Għall-investituri, dawn joffru l-possibbiltà li jiddiversifikaw u jnaqqsu r-riskju potenzjali tal-portafoll tagħhom minħabba li l-bond inadempjenzi ma jikkorrelatax b’inadempjenzi ta’ ħafna titoli oħra.

Mistoqsijiet (5) Taħseb li hemm xi diffikultajiet, ostakli jew limitazzjonijiet fl-użu ta’ informazzjoni biex jiġġeneraw l-assigurazzjoni parametrika? Liema fatturi jistgħu jkomplu javvanzaw il-promozzjoni u l-użu ta’ soluzzjonijiet tal-assigurazzjoni innovattivi bħal dawn?

3.           Is-sensibilizzazzjoni, il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju tad-diżastru

Hemm sensibilizzazzjoni politika qawwija fl-Unjoni Ewropea madwar il-ħtieġa li jiġu żviluppati u implimentati poloz b’saħħithom fil-Ġestjoni tar-Riskji ta’ Diżastri (DRM) li għandhom l-għan li jibnu reżiljenza kontra d-diżastri u jnaqqsu l-aktar konsegwenzi gravi tagħhom[18] kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll fl-azzjoni esterna tagħha.

Fil-livell internazzjonali, ir-reżiljenza u t-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri ġew jidhru bħala tema ewlenija f’summits internazzjonali bħas-Summit ta’ Rio dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2012, jew l-inizjattivi tal-G20 dwar il-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri u l-iżvilupp ta’ qafas metodoloġiku maħsub biex jgħin lill-gvernijiet fl-iżvilupp aktar effettivi tal-istrateġiji DRM u, b’mod partikolari, strateġiji finanzjarji, li jibnu fuq il-valutazzjoni msaħħa tar-riskju u finanzjament tar-riskju[19]. Barra minn hekk, il-proċess lejn qafas internazzjonali ġdid għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri (post-2015 qafas għall-azzjoni ta’ Hyogo) ipoġġi enfasi akbar fuq l-aspetti tal-finanzjament ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u l-ispejjeż ekonomiċi tad-diżastri.

L-immaniġġjar tar-riskji minn diżastri naturali jeħtieġ ġestjoni aħjar ta’ espożizzjoni għal perikli naturali, permezz ta’ ppjanar urban u dak tal-użu tal-art. Politika għall-immaniġġjar tad-diżastri jeħtiġilha tħaddan politika ta’ prevenzjoni, reżiljenza u tnaqqis ta’ vulnerabbiltà individwali u t-tisħiħ tal-ekosistemi. F’żoni suxxettibbli għall-periklu, is-sidien tal-proprjetà se jkollhom jinvestu aktar f’miżuri għat-tnaqqis tar-riskju fuq il-proprjetà.

Il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri tista’ tgħin biex tippromwovi żvilupp ekonomiku mhux disturbat u prosperità:

· Fi żmien qasir, l-investiment fil-ġestjoni tar-riskju jista’ jkun mezz li jaċċellera azzjonijiet għat-tkabbir u l-impjiegi (teknoloġiji ġodda, ir-riċerka u l-iżvilupp, reżiljenza tal-bini u l-infrastruttura, strumenti finanzjarji innovattivi);

· Fuq terminu medju, valutazzjoni aħjar għad-diżastri u r-reżistenza tgħin biex tiffoka fuq is-sostenibbiltà strutturali ta’ finanzi pubbliċi u privati, u biex titjieb l-istabbiltà makroekonomika billi jitnaqqas l-impatt detrimentali ta’ diżastri naturali u ta’ diżastri kkawżati mill-bniedem fuq it-tkabbir u fuq il-baġits pubbliċi u privati.

· F’perspettiva fit-tul, l-investiment fil-ġestjoni tar-riskju għandu rata għolja ta’ ritorn u qed jikkontribwixxi għal żvilupp ekonomiku sostenibbli.

Valutazzjoni tar-riskju (inkluża l-analiżi tal-esponiment u l-vulnerabbiltà) hija pass importanti u fundamentali sabiex tinforma ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u l-proċess tal-ippjanar u sabiex talloka riżorsi finanzjarji. Valutazzjonijiet multiriskju filwaqt li jikkunsidraw il- perikli u l- interazzjonijiet vulnerabbli possibbli jistgħu jgħinu wkoll biex jindirizzaw ir-riskji korrelati u l-effetti sekondarji.

Il-bini tar-reżiljenza huwa sforz fit-tul li jeħtieġ li jiġi integrat fil-politiki u l-ippjanar nazzjonali: l-istrateġiji għar-reżiljenza huma wkoll parti mill-proċess ta’ żvilupp u jikkontribwixxu għal diversi politiki fit-tul, b’mod partikolari l-adattament għat-tibdil fil-klima u s-sigurtà alimentari.

3.1.        L-ipprezzar tal-assigurazzjoni bħala inċentiv tal-assigurazzjoni bbażat fuq is-suq biex jippromwovu sensibilizzazzjoni, prevenzjoni u mitigazzjoni tar-riskji

Il-gvernijiet jistgħu jkomplu jassorbu parti kbira mill-ispejjeż ta’ mitigazzjoni u salvataġġ pubbliku billi jkomplu jikkumpensaw lill-vittmi b’mod ġeneruż. Iżda dan jista’ jaggrava l-problemi baġitarji tal-gvernijiet u jħeġġeġ l-iżvilupp mhux mixtieq f’żoni suxxettibbli għar-riskju. Alternattivament, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jirtiraw riżorsi minn dan il-qasam, jikkontrollaw l-iżvilupp f’żoni suxxettibbli għar-riskju u jibbażaw aktar fuq il-forzi tas-suq biex jinkoraġġixxu responsabilità individwali biex jitnaqqas it-telf u jassiguraw kontrih.

L-assiguraturi jistgħu jipprovdu inċentivi bbażati fuq is-suq għal prevenzjoni tar-riskju. L-ipprezzar ibbażat fuq ir-riskju jista’ jimmotiva l-persuni assigurati biex jieħdu miżuri individwali biex inaqqsu l-vulnerabilità ta’ proprjetà tagħhom. Jekk il-primjum jirrifletti b’mod ġust il-livell ta’ riskju, flimkien ma’ skontijiet adegwati għar-riskju għal persuni assigurati li jinvestu fi tnaqqis tat-telf, dan jimmotivahom biex jieħdu miżuri għat-tnaqqis tar-riskju. Madankollu, spiss l-ispiża ta’ tnaqqis tar-riskju ex-ante għall-individwi mhijiex ekonomika, meta mqabbla mas-sempliċi assigurazzjoni kontra r-riskju, jew meta jittieħdu miżuri ta’ prevenzjoni għar-riskju fil-livell Komunitarju. Jekk il-primjums tal-assigurazzjoni rriflettew ir-riskji reali, l-imġiba b’riskju għoli tkun għolja b’mod projbittiv. Ir-rwoli rispettivi tas-settur pubbliku u privat biex jieħdu azzjoni ta’ prevenzjoni kontra r-riskju għandhom, għalhekk, jiġu dejjem ikkunsidrati.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-assiguraturi igawdu l-libertà tagħhom li jiffissaw il-primjums tal-assigurazzjoni[20].

L-ipprezzar ibbażat fuq ir-riskju[21] jeħtieġ proċess tas-sottoskrizzjoni sofistikat. Dan jeħtieġ livell għoli ta’ informazzjoni u jimplika spejjeż amministrattivi għal assiguraturi. L-ipprezzar ibbażat fuq ir-riskju jista’ jaqta’ qalb in-nies milli jgħixu f’żoni suxxettibbli għar-riskju, jew jeħtieġu intervent pubbliku. Differenzjazzjoni ta’ premiums skont ir-riskju jinvolvu wkoll spejjeż amministrattivi iżda x’aktarx jevitaw pretensjonijiet futuri minħabba li l-primjums jistimulaw it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri.

Madankollu l-ipprezzar ibbażat fuq ir-riskju jista’ jippenalizza ċerti gruppi b’riskju għoli. Jista’ jkun hemm riskji li huma jew riskji li ma jistgħux jiġu assigurati jew riskji li jeħtieġu żieda jew livell inaffordabbli ta’ primjum.

Responsabbiltà privata għal riskji ta’ diżastri jista’ jkollha wkoll irwol biex tipprovdi inċentivi tas-suq għal miżuri individwali għall-prevenzjoni ta’ telf u l-iskoraġġiment ta’ żvilupp f’żoni ta’ riskju għoli. Kwistjonijiet fundamentali ta’ ekwità u solidarjetà soċjali jinqalgħu meta r-responsabbiltà hija attribwita, speċjalment f’reġjuni foqra u vulnerabbli.

L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiddeċiedu li jimponu l-użu ta’ primjums tal-assigurazzjoni b’rata komuni jew b’rata fissa, li jirriżultaw f’sussidju inkroċjat minn nies li jgħixu f’żoni b’riskju baxx. Din il-klassifikazzjoni tista’ żżid ir-rata tal-użu relattiv fost il-konsumaturi minn żoni suġġetti għar-riskju. Madankollu, tali klassifikazzjoni tiggrava l-użu esternali tal-art: ma’ primjums b’rata fissa, il-persuni assigurati ma jħallsux għar-riskju li jiġġeneraw billi jgħixu f’żoni esposti. Il-postijiet kollha permessi jirrappreżentaw l-istess spejjeż ta’ assigurazzjoni għall-unitajiet domestiċi. It-tqabbil ta’ solidarjetà u restrizzjonijiet stretti ta’ bini u standards jikkoreġu parzjalment l-internalizzazzjoni imperfetta ta’ riskju u jżidu l-effiċjenza. Il-klassifikazzjoni tal-assigurazzjoni tista’ wkoll tagħmel differenza bejn żoni ta’ riskju bħala rikonoxximent parzjali ta’ livelli differenti ta’ riskju.

Mistoqsijiet (6) L-ipprezzar ibbażat fuq ir-riskju jista’ jkun motivazzjoni għal konsumaturi u assiguraturi biex jieħdu miżuri għat-tnaqqis u l-ġestjoni tar-riskju? L-impatt tal-ipprezzar ibbażat fuq ir-riskju jkun differenti jekk l-assigurazzjoni ta’ diżastri tkun mandatarja? B’mod ġenerali l-assiguraturi jaġġustaw b’mod adegwat il-primjums wara l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni tar-riskju? (7) Hemm diżastri speċifiċi li għalihom primjums b’rata fissa għandhom jiġu suġġeriti? Primjums b’rata fissa għandhom ikunu akkumpanjati minn limiti fuq pagamenti? (8) X’soluzzjonijiet oħrajn jistgħu jiġu offruti lil konsumaturi bi dħul baxx li kieku jistgħu jiġu esklużi minn prodotti ta’ assigurazzjoni kontra d-diżastri?

3.2.        Kuntratti ta’ assigurazzjoni kontra d-diżastri fit-tul

Riskji għal diżastri naturali huma, fil-prinċipju, koperti permezz ta’ kuntratti annwali. Kuntratti annwali jipprovdu flessibbiltà u għażla; konsumaturi jistgħu regolarment jaqilbu bejn assiguraturi u prodotti kompetituri.

Kuntratt tal-assigurazzjoni fuq medda twila ta’ żmien bi pprezzar trasparenti bbażat fuq ir-riskju u skonti fil-primjum għat-tnaqqis tar-riskju jistgħu jsaħħu l-inċentivi ekonomiċi billi jsir investiment fit-tnaqqis tar-riskju ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet kontraenti (assiguratur u assigurat). Kuntratt fuq perjodu fit-tul bi prezz garantit, jew prezz b’kundizzjonijiet predefiniti jew b’limiti massimi tal-prezzijiet jew aġġustamenti regolari tal-inflazzjoni, jistgħu jipprovdu għajnuna finanzjarja u ċertezza kuntrattwali għall-assigurati. Jistgħu jitnaqsu wkoll l-ispejjeż amministrattivi u tranżazzjonarji għaż-żewġ partijiet hekk kif il-kuntratti ma jkollhomx għalfejn jiġu negozjati mill-ġdid kull sena.

Jista’, madankollu, jkun hemm aktar inċertezza u ambigwità dwar ir-riskji li jeżistu. Jidher li l-primjum tal-assigurazzjoni annwali ta’ kuntratt ta’ diversi snin x’aktarx ikun ikbar mill-primjum ta’ kuntratt annwali ekwivalenti. Konsegwentement, ir-rekwiżiti kapitali u d-dħul fuq il-kapital mitlub mill-investituri jkun ukoll ogħla. Min-naħa l-oħra, skont Solvenza II, kuntratti tal-assigurazzjoni fit-tul iżidu l-kapital tal-assiguratur minħabba li l-profitt mistenni matul it-terminu kollu tal-kuntratt huwa rikonoxxut mill-bidu.

L-assiguraturi attwalment joffru assigurazzjoni tal-ħajja jew kuntratti tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Għadu mhux ċar, madankollu, jekk l-assigurazzjoni tal-proprjetà tistax tkun fuq żmien twil filwaqt li tipprovdi l-kopertura bi prezz affordabbli.

Mistoqsijiet (9) Hemm każ għall-promozzjoni ta’ kuntratti tad-diżastri fit-tul? X’ikunu l-vantaġġi/l-iżvantaġġi għall-assiguraturi u l-persuni assigurati rispettivament?

3.3.        Rekwiżiti għal informazzjoni prekuntrattwali u kuntrattwali

Il-konsumaturi jeħtieġu li jifhmu b’mod ċar liema tip ta’ kopertura għandhom u kif din topera f’każ ta’ diżastru u jekk il-polza tagħhom tittrattax impatti mhux tas-soltu, mhux telf normali. Riċerka riċenti mwettqa miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tissuġġerixxi li l-konsumaturi ma għandhomx it-tendenza li jixtru assigurazzjoni kontra d-diżastri u kontra avvenimenti bi probabbiltà żgħira li jseħħu u ta’ severità għolja[22]. Il-pożizzjoni finanzjarja diffiċli attwali ta’ ħafna unitajiet domestiċi f’bosta Stati Membri x’aktarx taġixxi bħala diżinċentiv għax-xiri ta’ assigurazzjoni ta’ diżastru.

Għall-kuntrarju tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja 2002/83/KE[23], l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttivi dwar l-Assigurazzjoni li Mhijiex tal-Ħajja 73/239/KEE[24], 88/357/KEE[25], 92/49/KEE[26] ma għandhomx regoli dwar l-informazzjoni prekuntrattwali u kuntrattwali għal titolari ta’ poloz. Id-Direttiva Solvibbiltà II 2009/138/KE[27] wkoll ma tinkludix dawn ir-regoli għal riskji tal-assigurazzjoni li mhux tal-ħajja.

B’hekk fis-settur tal-assigurazzjoni li mhux tal-ħajja, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni fuq assiguraturi sabiex jiġu protetti l-konsumaturi jvarjaw ħafna. Huwa essenzjali biex iżżid il-fiduċja tal-konsumaturi billi tipprovdi regoli ċari u telimina l-inċertezzi legali. Suq tal-assigurazzjoni b’konsumaturi infurmati sew iġiegħel lill-assiguraturi sabiex jikkompetu biex jattiraw u jżommuhom. Rekwiżiti armonizzati għal informazzjoni prekuntrattwali u kuntrattwali jistgħu jtejbu l-kunfidenza tal-konsumatur u jħeġġu wkoll il-konsumatur biex jixtri b’mod sikur fl-Unjoni Ewropea kollha.

Mistoqsijiet (10) Taħseb li hemm bżonn li jiġu armonizzati rekwiżiti għal informazzjoni prekuntrattwali u kuntrattwali fil-livell tal-UE? Jekk iva, taħseb li l-approċċ għandu jkun b’armonizzazzjoni sħiħa jew minima? Liema rekwiżiti dwar l-impenn għandhom jiġu inklużi, pereżempju: – in-natura tar-riskji tal-assigurat, – miżuri ta’ adattament u prevenzjoni biex jitnaqqsu r-riskji tal-assigurat, – karatteristiċi u benefiċċji (bħal kumpens ta’ spejjeż ta’ sostituzzjoni sħiħa, jew dawk deprezzati, il-ħin fil-valur tal-assi), – esklużjonijiet jew limitazzjonijiet, – dettalji għan-notifika ta’ talba, pereżempju, kemm jekk it-telf u n-notifika tagħha għandhom jaqgħu fi ħdan il-perjodu tal-kuntratt, – min u sa liema punt għandu jħallas l-ispejjeż ta’ investigazzjoni u li jistabbilixxi t-telf, – effetti kuntrattwali ta’ nuqqas biex tipprovdi informazzjoni rilevanti mill-assiguratur, – ir-rimedji, l-ispejjeż u l-proċeduri dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar, – tiġdidiet kuntrattwali, – ġestjoni ta’ lmenti?

3.4.        Termini u kondizzjonijiet ta’ assigurazzjoni

Il-periklu morali jikkorrispondi għal bdil fl-imġiba tal-individwu li, ladarba assigurat, għandu inqas inċentivi biex jipprevjeni telf milli jseħħ u għalhekk, hemm ċans ikbar li jkun hemm impatti negattivi tal-avveniment assigurat. Dan jiżdied sew jekk ma kien hemm l-ebda mekkaniżmu li jirrifletti t-telf fi primjums sussegwenti.

Biex jitnaqqsu l-effetti ta’ periklu morali, tipi differenti ta’ termini u esklużjonijiet ta’ assigurazzjoni — imfassla biex titrawwem l-imġiba ta’ mitigazzjoni tar-riskju — huma użati bħala parti minn kuntratti tal-assigurazzjoni.

Tnaqqis jew eċċessi jobbligaw partijiet assigurati biex ikopru parti mit-telf lilhom infushom bħala ammont partikolari li jitnaqqas mill-ammont tat-talba. Ir-raġuni għala qegħdin hemm hi biex jiġu eliminati talbiet żgħar. Koassigurazzjoni huwa arranġament fejn it-telf jinqasam bejn l-assigurat u l-assiguratur fuq bażi ta’ perċentwali preskritta. Il-kuntratti jistgħu jinkludu wkoll limiti ta’ kopertura (jew limitu massimu, jew esklużjoni ta’ ċerti punti vulnerabbli, eż. kostruzzjonijiet dgħajfa).

L-arranġamenti kuntrattwali deskritti hawn fuq jistgħu jmorru lil hinn mill-kapaċità, il-kontroll jew ir-responsabbiltà tal-parti assigurata u jistgħu ma jkunux xierqa jew effettivi biex jinkoraġġixxu miżuri għat-tnaqqis tar-riskji. Barra minn hekk, jekk iż-żidiet fi tnaqqis, eċċessi u koassigurazzjoni jintużaw biex jittrattaw ir-riskju ta’ diżastri, jistgħu jiġu affettwati persuni assigurati bi dħul baxx li jkunu qed jagħmlu talba għal kumpens għal ħsara “insinifikanti”.

Mistoqsijiet (11) It-tnaqqis, l-eċċessi ta’ koassigurazzjoni u l-esklużjonijiet oħrajn jipprevjenu b’mod effettiv il-periklu morali? X’termini u kundizzjonijiet alternattivi jistgħu jkunu xierqa għal assigurazzjoni kontra d-diżastri tal-parti assigurata, minħabba li jista’ jkun li ma jkunux jistgħu jieħdu miżuri effettivi għal tnaqqis tar-riskju kontra diżastru?

3.5.        Dejta, riċerka u informazzjoni

Qabel l-assiguraturi joffru kopertura kontra avveniment inċert, il-probabbiltà u l-konsegwenzi għandhom jiġu identifikati u kwantifikati. Kieku kien ċert jew kważi ċert li se jkun hemm telf partikolari f’perjodu u reġjun partikolari, l-element ta’ riskju jkun assenti u, għalhekk, mhux kopert b’assigurazzjoni. Avvenimenti bi frekwenza baxxa ħafna jistgħu wkoll jitqiesu bħala li huma ftit li xejn assigurabbli jew li ma jistgħux jiġu assigurati fit-totalità tagħhom peress li l-assiguraturi jista’ ma jkollhomx biżżejjed dejta biex jevalwaw tajjeb ir-riskji.

L-asimettrija tal-informazzjoni bejn l-assigurat u l-assiguratur tiddetermina l-proċess tas-sottoskrizzjoni. L-assiguraturi jridu jiksbu informazzjoni adegwata biex b’mod korrett jiddefinixxu l-gruppi ta’ riskju biex tiġi evitata għażla avversa. Jekk informazzjoni xierqa dwar ir-riskju hija nieqsa, primjums ibbażati fuq ir-riskju huma diffiċli biex jiġu kkalkulati. Nuqqas ġenerali u ambigwità ta’ dejta hija ta’ ostaklu għall-iżvilupp ulterjuri ta’ assigurazzjoni kontra d-diżastri.

Informazzjoni aħjar tista’ tgħin biex titnaqqas l-inċertezza. L-aġenziji tas-settur pubbliku jistgħu jipprovdu lill-partijiet interessati, inkluż assiguraturi, b’aċċess affordabbli għal dejta affidabbli u preċiża dwar perikli naturali tal-passat u tal-futur, eż., bħala ġid pubbliku mill-uffiċċji nazzjonali meteoroloġiċi, aġenziji għall-ġestjoni ta’ għargħar jew osservatorji ta’ diżastri.

Għar-riċerkaturi u l-aġenziji tas-settur pubbliku, bħal aġenziji tal-ġestjoni tal-għargħar, huwa importanti li jitjieb l-aċċess għal teknoloġiji u netwerks ewlenin, id-disponibbiltà ta’ persunal ikkwalifikat kif ukoll l-aċċess għal u l-komparabbiltà tad-dejta dwar telf assigurat (u mhux assigurat) minn diżastri tal-passat. Dan se jgħin biex titjieb ir-riċerka dwar l-impatti ta’ perikli naturali tal-passat u tal-futur u jistgħu jgħinu biex titjieb il-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri ta’ azzjoni u strateġiji żviluppati u implimentati minn aġenziji tas-settur pubbliku. Dejta ta’ telf aggregat komparabbli miġbura mingħand l-industrija tal-assigurazzjoni (inkluż għodod ta’ viżwalizzazzjoni jew pjattaformi ta’ informazzjoni ta’ riskju) tista’ wkoll tiġi kondiviża ma’ aġenziji tas-settur pubbliku kif ukoll tas-settur privat biex ittejjeb il-valutazzjoni tar-riskju.

Il-konsumaturi wkoll iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli. Wieħed minn dawn huwa informazzjoni fqira jew in-nuqqas tagħha — nuqqas ta’ għarfien tar-riskji reali jista’ jfisser li individwu jvarja r-riskju perċepit mir-riskju reali tiegħu. Bosta individwi jipperċepixxu l-probabbiltà ta’ diżastru li jikkawża ħsara lill-proprjetà tagħhom bħala baxxa biżżejjed li ma jistgħux jiġġustifikaw li jinvestu f’mitigazzjoni. Meta jsiru deċiżjonijiet li jinvolvu infiq, il-konsumaturi jridu jqisu l-benefiċċji potenzjali li jsir dak l-investiment fuq perjodu itwal ta’ żmien. Informazzjoni dwar il-periklu u r-riskju f’format li tinqara faċilment, bħal informazzjoni f’żona definita ta’ perikli mmarkati jew ta’ riskju, jew bħala matriċi ta’ riskju jew kurva ta’ riskju li turi avvenimenti possibbli u l-probabbiltà tagħhom, l-impatti mistennija, u l-livell ta’ espożizzjoni, jistgħu jedukaw u jqajmu għarfien fost il-konsumaturi. L-iżvelar ta’ riskju tal-klima u relatat mat-temp huwa, għalhekk, meħtieġ għax jippermetti l-investituri u l-konsumaturi biex jinkorporaw informazzjoni addizzjonali fl-investiment tagħhom u d-deċiżjonijiet ta’ xiri. Minbarra informazzjoni aħjar u aktar aċċess għad-dejta, livell ogħla ta’ standardizzazzjoni ta’ dejta (eż., definizzjonijiet komuni) iżżid il-kwalità tal-analiżi.

Il-Pjattaforma Ewropea għall-Adattament għat-Tibdil fil-Klima (CLIMATE-ADAPT)[28] tista' tintuża biex biex tiġbor u tagħmel disponibbli informazzjoni dwar skemi ta’ assigurazzjoni marbuta mat-temp jew metodi għall-valutazzjoni tar-riskju fl-Istati Membri. Approċċ ieħor jista’ jkun li jipprovdi din l-informazzjoni bħala parti minn pakkett komprensiv ta’ informazzjoni dwar il-ġestjoni tad-diżastri.

L-assiguraturi jkunu jistgħu jiżviluppaw gwida għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-iżviluppaturi tal-proġetti u l-maniġers dwar kif tuża assigurazzjoni għall-adattament ta’ appoġġ u l-ġestjoni ta’ diżastri. Il-gwida tista’ tinkludi deskrizzjoni ta’ kif tuża assigurazzjoni fl-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju, jiġifieri, kif għandhom jiġu kwantifikati u definiti liema riskji jistgħu jiġu evitati u kif u liema jistgħu jiġu assigurati b’mod effikaċi f’termini ta’ nefqa. Dan għandu jtejjeb l-effiċjenza ekonomika ġenerali tat-tfassil tal-politika, l-ippjanar u l-ġestjoni tal-proġetti.

Mistoqsijiet (12) Kif tista’ titjib id-dejta dwar l-impatti ta’ diżastri tal-passat (eż., billi jużaw formati standard; aċċess imtejjeb għal, u l-komparabbiltà tad-dejta minn assiguraturi u organizzazzjonijiet oħrajn)? (13) Kif jista’ l-immappjar tar-riskji ta’ diżastri attwali u projettati/futuri itejbu (eż., permezz ta’ approċċi attwali tal-UE f’mapep tar-riskju ta’ għargħar taħt id-Direttiva dwar l-Għargħar 2007/60/KE[29], il-kooperazzjoni tal-protezzjoni[30] ċivili u l-promozzjoni ta’ linji gwida tar-riskju tal-UE[31])? (14) Kif jista' jiġi mħeġġeġ skambju aħjar tad-dejta, analiżi tar-riskju u metodi tal-mudellar tar-riskju? Għandha tkun ippubblikata d-dejta disponibbli? L-UE għandha tieħu azzjoni f’dan il-qasam? Kif jista’ jiġi mħeġġeġ aktar djalogu bejn l-industrija tal-assigurazzjoni u dawk li jfasslu l-politika f’dan il-qasam?

3.6.        Promozzjoni ta’ inizjattivi ta’ finanzjament tar-riskju bħala parti mill-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE

Globalment, l-assigurazzjoni taqdi rwol ewlieni biex tgħin lill-pajjiżi u r-reġjuni li huma partikolarment vulnerabbli għal diżastri biex jinħolqu mekkaniżmi finanzjarji effettivi ta’ kontinġenza sabiex ilaħqu maż-żieda tal-ispejjeż ekonomiċi tad-diżastri u mat-taqlib globali.

Alternattivament, trasferiment tal-għodod simplifikati ta’ trasferiment ta’ riskju bħal prodotti ta’ mikroassigurazzjoni qed jiġu żviluppati f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Programmi ta’ assigurazzjoni parametrika, appoġġjati mill-Kummissjoni, ġew implimentati wkoll f’pajjiżi terzi li huma partikolarment esposti għat-temp u r-riskji katastrofiċi bħal nixfiet, terremoti, u maltempati.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ msieħba internazzjonali ewlenin (eż., il-Bank Dinji, il-Korporazzjoni Internazzjonali tal-Finanzi) u għat-tkabbar tal-appoġġ estern tal-Unjoni għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta’ finanzjament innovattivi għar-riskju permezz ta’ assigurazzjoni, riassigurazzjoni jew bonds għal katasrofi.

Il-Kummissjoni dan l-aħħar ipproponiet li jiġi żviluppat pjan ta’ azzjoni dwar il-passi li għandhom jittieħdu biex tissaħħaħ ir-reżiljenza f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jinkludi wkoll approċċi innovattivi għall-ġestjoni tar-riskju, u żieda fil-prattiki tajbin eżistenti f’dan il-qasam[32].

Mistoqsijiet (15) Kif tista’ l-Unjoni bl-aktar mod effettiv tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex joħolqu soluzzjonijiet għal protezzjoni finanzjarja adatta kontra d-diżastri u x-xokkijiet u x’għandhom ikunu l-azzjonijiet ta’ prijorità? X’tipi ta’ sħubijiet mas-settur privat u l-istituzzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu segwiti għal dan il-għan?

4.           Diżastri kkawżati mill-bniedem

Perikli industrijali jevolvu wkoll, mhux biss minħabba l-avvanzi teknoloġiċi, iżda wkoll minħabba perikli naturali li qed jevolvu. Perikli naturali u diżastri “natech” jistgħu jikkawżaw aċċidenti. Diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem jistgħu jitħalltu jew jistgħu jaggravaw lil xulxin b’mod reċiproku.

4.1.        Responsabbiltà ambjentali u telf minn aċċidenti industrijali

Id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali 2004/35/KE[33] tinkoraġġixxi iżda ma tobbligax lill-operaturi industrijali li jżommu sigurtà finanzjarja xierqa sabiex jirrimedjaw għall-ħsara ambjentali bħala riżultat tal-attivitajiet tagħhom. Il-Kummissjoni tista' teżamina mill-ġdid l-għażla ta' sigurtà finanzjarja mandatarja matul l-analiżi tad-Direttiva ppjanata għall-2014 flimkien mar-Rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali 2004/35/KE[34]. Madankollu, id-Direttiva ma tkoprix ħsara ambjentali kkawżata minn “fenomenu naturali ta’ natura eċċezzjonali, inevitabbli u irresistibbli.” Id-Direttiva lanqas ma tkopri ħsara lill-ambjent ikkawżata minn żieda preskritta ta’ azzjoni bil-għan li tipproteġi kontra diżastru naturali.

L-assigurazzjoni hija waħda mill-modi biex tikseb sigurtà finanzjarja. Madankollu, il-prodotti spiss ma jkoprux il-firxa sħiħa tal-obbligi taħt id-Direttiva u fil-prattika ma jipprovdux għal kopertura illimitata. Għadu wkoll diffiċli għal assiguraturi biex jiżviluppaw prodotti speċifiċi hekk kif informazzjoni dwar inċidenti ta’ dannu u l-kostijiet rizultanti tar-rimedju għadha mhux disponibbli[35]. L-operaturi industrijali jistgħu wkoll ma jkunux konxji dwar id-daqs possibbli tal-ħsarat.

Mistoqsijiet (16) X’inhuma l-aktar aspetti importanti li tfittex meta tfassal sigurtà finanzjarja u assigurazzjoni skont id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali 2004/35/KE? (17) Hemm biżżejjed dejta u għodod disponibbli biex issir analiżi integrata tar-riskji industrijali rilevanti u emerġenti? Kif tista’ tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-dejta, il-qsim u t-trasparenza tal-għodda? Kif tista’ tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-assiguraturi, in-negozji u l-awtoritajiet kompetenti biex jitjieb l-għarfien ta' obbligi u telf minn aċċidenti industrijali?

4.2.        Assigurazzjoni ta’ responsabbiltà nukleari minn partijiet terzi

L-Artikolu 98 tat-Trattat Euratom jistipula li l-Istati Membri għandhom “jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru riskji atomiċi [nukleari].” Koerenza legali fl-Unjoni Ewropea hija meħtieġa biex tnaqqas il-periklu morali, tittratta l-protezzjoni tal-vittmi fi Stati Membri differenti u l-impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern minħabba r-responsabbiltajiet finanzjarji diverġenti tal-operaturi nukleari, li jistgħu jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Bħalissa hemm bosta regoli differenti dwar responsabbiltà għall-terzi persuni nukleari fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Bosta mill-Istati Membri tal-UE-15 jibbażaw id-dispożizzjonijiet tagħhom fuq il-Konvenzjoni ta' Pariġi fuq ir-Responsabbiltà lejn Partijiet Terzi fil-Qasam tal-Enerġija Nukleari u l-Konvenzjoni supplimentari ta' Brussell taħt l-awspiċju tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Madankollu, il-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE-12 huma parti għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għad-Danni Nukleari taħt l-awspiċji tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA). Xi Stati Membri mhumiex parti għal kull konvenzjoni dwar ir-responsabbiltà nukleari. Il-Kummissjoni, għalhekk, dan l-aħħar issuġġeriet approċċ Ewropew dwar ir-reġimi tar-responsabbiltà nukleari[36].

Assigurazzjoni kontra inċidenti nukleari hija attwalment organizzata fi gruppi mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni nazzjonali (jew permezz ta’ grupp ta’ operaturi nazzjonali). L-assiguraturi jistgħu jsibuha diffiċli li jinxurjaw l-operaturi nukleari lil hinn minn ċerti ammonti limitati, għal ċerti kategoriji ta’ ħsara (eż., ħsara ambjentali) jew għal perjodi twal ta’ żmien ta’ preskrizzjoni (eż., 30 sena għal ħsara għall-ħajja u s-saħħa). L-assigurazzjoni nazzjonali jew il-grupp ta’ operaturi huma wkoll l-ewwel punt ta’ kuntatt għall-vittmi ta’ inċident nukleari.

Attwalment il-Kummissjoni qed tanalizza f'iktar dettall din il-kwistjoni u se tniedi konsultazzjoni pubblika fi żmien qasir. Ibbażat fuq ir-riżultat ta’ din l-analiżi, se tkun determinata l-ħtieġa għal aktar passi, il-mira għat-titjib ta’ kumpens għal vittmi f’każ ta’ inċidenti nukleari u t-tnaqqis tad-differenzi fl-ammonti ta’ assigurazzjoni għal impjanti nukleari fi Stati Membri differenti.

4.3.        Assigurazzjoni ta’ responsabbiltà tal-operaturi taż-żejt u l-gass lil hinn mill-kosta

Id-Direttiva dwar il-Liċenzjar tal-Idrokarburi 94/22/KE[37] tiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi. Id-Direttiva tintroduċi wkoll għanijiet u rekwiżiti mhux diskriminatorji ta’ kapaċità finanzjarja meħtieġa għat-tħaddim tal-entitajiet. Dawn ir-rekwiżiti stabbilixxew il-prinċipji ġenerali biex jiżguraw kompetizzjoni leali fl-istadju ta’ liċenzjar, imma mingħajr fowkus fuq il-ġestjoni ta’ riskju, is-sigurtà jew il-ħarsien ambjentali. Il-Kummissjoni, għalhekk, ipproponiet rekwiżiti ulterjuri li jikkonċernaw il-ġestjoni ta’ riskju, l-obbligu ambjentali u l-kapaċitajiet finanzjarji ta’ detenturi ta’ liċenzja u operaturi[38].

L-industrija taż-żejt u l-gass lil hinn mill-kosta żviluppat għażliet differenti sabiex tiżgura u turi kapaċitajiet finanzjarji suffiċjenti u adegwati. Dawn il-mekkaniżmi jieħdu diversi forom li jvarjaw minn assigurazzjonijiet privati u awtoassigurazzjonijiet u l-mekkaniżmi ta’ sikurezza bħall-iskema ta’ Assoċjazzjoni għar-Responsabbiltà ta’ Tniġġis Offshore (OPOL) [39] fiż-żona tal-Atlantiku tal-Grigal. Konsultazzjonijiet inizjali mal-industrija u l-assiguraturi taż-żejt u l-gass lil hinn mill-kosta jissuġġerixxu li bħalissa ma hemm l-ebda alternattiva li tkun universalment adatta għall-operaturi taż-żejt u l-gass kollha. Jidher li prodotti tal-assigurazzjoni fl-Unjoni Ewropea[40] ma jistgħux jipprovdu kopertura ta’ inċidenti maġġuri ta’ bosta biljuni ta’ euro[41]. Jidher ukoll li l-operaturi l-kbar jistgħu jiffavorixxu u jkunu jistgħu jaffordjaw awtoassigurazzjoni permezz ta’ entità ristretta billi operaturi iżgħar jistgħu jkunu finanzjarjament imrażżna milli jimplimentaw din is-soluzzjoni.

Għalhekk ma hemmx approċċ “ta’ daqs wieħed għal kulħadd” għal finanzjament ta’ riskju f’dan is-settur. Is-soluzzjonijiet interni u esterni attwali offruti biex ikopru dawn it-tipi u d-daqs ta’ riskju għadhom qed jitwieldu. Madankollu, xi atturi fis-swieq finanzjarji u tal-assigurazzjoni qed iġeddu ruħhom malajr. Il-mistoqsijiet li għad baqa rigward l-adegwatezza u kemm huma xierqa dawn il-mekkaniżmi u kif is-settur taż-żejt u l-gass lil hinn mill-kosta jirreaġixxu u l-użu tal-prodotti ġodda tal-assigurazzjoni (eż., prodotti speċifiċi għal operazzjoni). Is-saħħa finanzjarja tal-operatur taż-żejt u l-gass lil hinn mill-kosta hija mutur ewlieni biex jiddeċiedu liema mekkaniżmi jkunu xierqa. Irrispettivament mill-approċċ magħżul, is-soluzzjoni għandha tqis b’mod komprensiv perikli morali possibbli u tiggarantixxi l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas.

Mistoqsijiet (18) Jekk tikkunsidura l-ispeċifiċitajiet tal-industrija taż-żejt u l-gass lil hinn mill-kosta, x’tip ta’ mekkaniżmi innovattivi ta’ assigurazzjoni jkunu xierqa?. Hemm xi modi għall-industrija tal-assigurazzjoni biex tnaqqas l-inċertezza fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskji u l-kalkolu ta’ primjums? X’tip ta’ informazzjoni għandha tkun disponibbli pubblikament li tippromwovi l-iżvilupp ta’ prodotti fis-suq tal-assigurazzjoni li jkopru aċċidenti kbar?

4.4.        Informazzjoni tad-drittijiet ta’ vittmi ta’ diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem

Telf li jirriżulta minn diżastri naturali huwa kopert minn assigurazzjoni lill-ewwel parti; filwaqt li ħsara minn diżastri kkawżati mill-bniedem koperti minn assigurazzjoni ta’ responsabbiltà tat-terza persuna. L-ewwel tip huwa normalment meħud minn sidien ta’ proprjetà individwali, u tal-aħħar minn kumpaniji industrijali individwali.

Jekk id-detentur ta’ polza jsir responsabbli għal parti terza, is-soltu l-parti terza danneġġjata tkun kapaċi tikkuntattja l-parti responsabbli, u, konsegwentement, dak l-obbligu jkun kopert mill-assiguratur. L-ipproċessar tal-klejms jistgħu, madankollu, ikunu aktar pragmatiċi: il-parti danneġġjata tista’ tagħmel talba diretta kontra l-assiguratur. Biex dan ikun possibbli, il-parti danneġġjata għandha jkollha dritt ta’ żvelar kontra l-assiguratur. B’hekk il-persuni b’assigurazzjoni, jistgħu jkunu meħtieġa, bil-liġi, li jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni tagħhom.

Taħt id-Direttiva dwar ir-Responsabilità Ambjentali, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tissottometti lill-awtorità kompetenti informazzjoni u osservazzjonijiet dwar ħsara ambjentali li tirriżulta minn diżastru kkawżat mill-bniedem, u titlob azzjoni ta’ rimedju. Sussegwentement l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lil persuni bħal dawn tal-azzjonijiet meħuda, jew tista’ tirrifjuta li tieħu azzjoni iżda tagħti r-raġunijiet għal dan[42]. Din l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet jistgħu jinkludu dejta dwar l-ispejjeż tal-ħsara, l-assigurazzjoni disponibbli biex jiffinanzjaw it-tiswija u azzjonijiet oħrajn. Id-Direttiva Seveso III 2012/18/UE[43] li ġiet adottata riċentement tobbliga lill-operaturi biex jinkludu fir-rapporti tagħhom ta’ sigurtà deskrizzjoni ta’ kwalunkwe miżuri tekniċi u mhux tekniċi rilevanti għat-tnaqqis tal-impatt ta’ inċident kbir. Informazzjoni dwar l-assigurazzjoni tista’ tkun inkluża. Id-Direttiva, barra minn hekk, tipprovdi li r-rapport tas-sigurtà għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fuq talba.

Mistoqsijiet (19) Għandhom ikunu żvelati kundizzjonijiet kuntrattwali ta’ poloz ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ta’ partijiet terzi lil partijiet terzi f’każ ta’ diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem? Jekk iva, kif?

5.           Perizja teknika

L-attivitajiet u l-professjoni ta’ perizji tekniċi huma attwalment esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni fl-Assigurazzjoni 2002/92/KE[44]. Ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva[45] ġġibhom taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tistabbilixxi proċedura simplifikata ta’ superviżjoni.

Perizja teknika, wara diżastru teħtieġ azzjoni rapida u kkoordinata. Hi importanti ħafna l-kapaċità li tindirizza malajr numru sostanzjali ta’ talbiet u pretendenti, li ħafna minnhom jkunu soffrew minn ħsara fiżika personali. Perizja teknika transkonfinali relatata ma’ diżastri kkawżati mill-bniedem għandha dimensjoni addizzjonali peress li hija soġġetta għad-diskrezzjoni tal-kumpanija tal-assigurazzjoni tal-persuna responsabbli jew ir-rappreżentanti tagħha, li huma, min-natura tagħhom, stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

Mistoqsijiet (20) Hemm aspetti speċifiċi tal-istimar tal-ħsarat, li jistgħu jibbenefikaw minn aktar armonizzazzjoni? Jekk iva, liema? Hemm diffikultajiet prattiċi għal dawk li jaġġustaw it-telf li joperaw bejn il-fruntieri?

6.           Osservazzjonijiet ġenerali

Mistoqsija (21) Dan id-dokument jindirizza aspetti speċifiċi relatati mal-prevenzjoni u l-assigurazzjoni ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem. Kien hemm xi kwistjonijiet importanti nieqsa jew mhux irrappreżentati biżżejjed? Jekk iva, liema?

7.           X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar il-kwistjonijiet kollha stabbiliti f’din il-Green Paper u biex twieġeb għal kwalunkwe mistoqsijiet jew kollha ta’ hawn fuq.

Fuq il-bażi tar-riżultat ta’ din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni se tiddeċiedi dwar l-aħjar azzjoni li tieħu dwar il-kwistjonijiet deskritti f’din il-Green Paper, inklużi miżuri leġiżlattivi, kif xieraq.

Ir-reazzjonijiet li jaslu se jkunu disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni sakemm ma jkunx hemm talba speċifika għall-kunfidenzjalità, u l-Kummissjoni se tippubblika sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjoni.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jibagħtu l-kummenti tagħhom qabel it-30 ta' Ġunju 2013 fl-indirizz elettroniku li ġej: markt-consultation-disasterinsurance@ec.europa.eu.

[1]               Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Soluzzjonijiet Innovattivi għall-Finanzjament ta’ Azzjonijiet fil-Qasam tal-Prevenzjoni tad-Diżastri (it-3043 laqgħa tal-Kunsill, Brussell, it-8 u d-9 ta’ Novembru 2010).

[2]               http://ec.europa.eu/internal_market/insurance/consumer/natural-catastrophes/index_en.htm

[3]               Ċentru Konġunt tar-Riċerka, il-Kummissjoni Ewropea (2012), Katastrofi Naturali: Rilevanza tar-riskju u l-Kopertura tal-Assigurazzjoni fl-UE.

[4]               Skont iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, is-sors ewlieni tad-dejta storika għal telf totali storiku hija l-Emergency Events Database (EMDAT). Din tinkludi dejta essenzjali ewlenija dwar l-okkorrenza u l-effetti ta’ ’l fuq minn 18 000 massa ta’ diżastri naturali u teknoloġiċi fid-dinja mill-1900 sal-preżent. Madankollu, l-informazzjoni mhijiex disponibbli għall-avvenimenti kollha rreġistrati: pereżempju fil-ġabra ta’ dejta misluta, it-telf ekonomiku huwa disponibbli għal 318-il avveniment (għargħar, maltempati, terremoti u n-nixfiet) minn 561-il episodju rreġistrati mill-1990 sal-2010.

[5]               Luterbacher, J., Dietrich, D., Xoplaki, E., Grosjean, M., Wanner, H. (2004), European seasonal and annual temperature variability, trends, and extremes since 1500, Science, 303, 1499–1503.

[6]               European Environment Agency, Climate change, impacts and vulnerability in Europe 2012, An indicator-based report, EEA Report Nru 12/2012.

[7]               Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (2012), Bidliet f’Estremi Klimatiċi u l-Impatti tagħhom fuq l-Ambjent Fiżiku Naturali fil-Ġestjoni tar-Riskji ta’ Avvenimenti estremi u d-Diżastri biex javvanzaw l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima; L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (2010), Ippjanifikar tal-impatti ta’ perikli naturali u aċċidenti teknoloġiċi fl-Ewropa, ħarsa ġenerali lejn l-aħħar għaxar snin.

[8]               Grupp Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (2012) Kapitolu 3: Bidliet fl-Estremi Klimatiċi u l-Impatti tagħhom dwar l-Ambjent Fiżiku Naturali fil-Ġestjoni tar-Riskji ta’ Avvenimenti Estremi u d-Diżastri biex Javvanzaw l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima.

[9]               Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, il-Kummissjoni Ewropea (2010), l-Analiżi ta’ tnaqqis tar-riskju Natech fl-Istati Membri tal-UE li jużaw stħarriġ fil-forma ta’ kwestjonarju.

[10]             International Monetary Fund (2006), Insuring Public Finances Against Natural Disasters—A Survey of Options and Recent Initiatives, IMF Working Paper WP/06/199.

[11]             Bank for International Settlements (2012), Unmitigated disasters? New evidence on the macroeconomic cost of natural catastrophes, BIS Working Papers Nru 394.

[12]             Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (2012).

[13]             Annex A of the First Non-life Insurance Directive 73/239/EEC introduces the classification of risks into different classes of insurance which determine, in particular, the scope of an insurer's licence and product lines. Insurance class no. 8 "fire and natural forces" refers to damage to or loss of property due to individual risks, namely fire, explosion, storm, natural forces other than storm, nuclear energy and land subsidence. Insurance class no. 9 "other damage to property" covers all damage to or loss of property due to hail or frost.

[14]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 267/2010 tal-24 ta’ Marzu 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma fis-settur tal-assigurazzjoni, (ĠU L 83, 30.3.2010, p. 1).

[15]             Bħal pereżempju l-Caribbean Catastrophe Risk Insurance Facility (CCRIF), the Pacific Catastrophe Risk Assessment and Financing initiative (PCRAFI).

[16]             Pereżempju l-Faċilità ta’ Assigurazzjoni għall-Indiċi Globali kif stabbilita mill-Bank Dinji.

[17]             Ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013) (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1).

[18]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem” (COM(2009)82 finali; Il-konklużjonijiet tal-Kunsill fuq qafas Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri fi ħdan l-UE (2979 laqgħa tal-Kunsill, Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Strateġija tal-UE ta’ sostenn għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw” (COM (2009) 84 finali).

[19]             Il-qafas metodoloġiku G20/OECD fuq valutazzjoni tar-riskju tad-diżastriu u finanzjament ta’ riskju.

[20]             Kawża C-59/01 il-Kummissjoni vs l-Italja [2003] ECR I-1759. Fil-Kawża C-347/02, il-Kummissjoni vs Franza [2004] ECR I-7557, il-Qorti tippreċiża li sistema fejn l-assiguraturi jibqgħu ħielsa li jiffissaw l-ammont tal-primjum bażiku hija kompatibbli mal-prinċipju li jistabbilixxi primjums tal-assigurazzjoni. Fil-Kawża C-518/06, il-Kummissjoni vs l-Italja[2009], ECR I-3491, il-Qorti tkompli tispjega li, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiddefinixxi qafas tekniku li l-assiguraturi għandhom jikkalkulaw il-primjums tagħhom fih, tali restrizzjoni fuq il-libertà li tistabbilixxa rati ma tkunx projbita mit-Tielet Direttiva dwar Assigurazzjoni Mhux tal-Ħajja 92/49/KEE.

[21]             Skont iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (2012), primjums ibbażati fuq ir-riskju mhumiex estensivament adottati, kif dawn jintużaw sistematikament f’sitt Stati Membri biss għall-għargħar, f’ħames Stati Membri għall-maltempati u f’erba’ Stati Membri għall-assigurazzjoni kontra t-terremoti.

[22]             Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (2012)

[23]             Id-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1).

[24]             L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE tal-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3).

[25]             It-tieni direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’ oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE (ĠU L 172, 4.7.1988, p. 1).

[26]             Id-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (It-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni li mhux tal-ħajja) (ĠU L 228 tal-11.8.1992, p. 1).

[27]             Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

[28]             http://climate-adapt.eea.europa.eu/

[29]             Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (ĠU L288, 6.11.2007, p. 27)

[30]             Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili COM(2011)934 finali.

[31]             Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Valutazzjoni tar-Riskju u l-Linji Gwida ta’ Direzzjoni għall-Ġestjoni tad-Diżastri " (SEC(2010) 1626 finali).

[32]             Pereżempju l-Faċilità ta’ Assigurazzjoni għar-Riskju Katastrofiku tal-Karibew (EUR 12.5 miljun), u l-Faċilità Globali tal-Indiċi tal-Assigurazzjoni (EUR 24.5 miljun).

[33]             Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

[34]             Rapport mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (COM(2010) 0581 final).

[35]             COM(2010) 0581 finali u .

[36]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Enerġija 2020 — Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u b’sigurtà” (COM(2010) 0639 finali); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-rapport interim dwar valutazzjonijiet komprensivi tar-riskju u tas-sikurezza (“it-testijiet tal-istress”) tal-impjanti nukleari fl-Unjoni Ewropea (COM(2011) 0784 finali), Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-riskju komprensiv u l-valutazzjonijiet tas-sikurezza (“testijiet ta’ reżistenza”) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u attivitajiet relatati (COM(2012) 571 finali).

[37]             Id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi (ĠU L 164 tad-30.06.1994, p. 3. ara wkoll http://ec.europa.eu/energy/oil/licensing_en.htm.

[38]             Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-attivitajiet tal-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta (COM(2011) 0688 finali).

[39]             http://www.opol.org.uk/

[40]             Fil-Golf tal-Messiku l-kopertura tal-assigurazzjoni sa USD 10 biljun għal tixrid ta’ żejt f’daqqa issa hija disponibbli. F’partijiet oħra tad-dinja assigurazzjonijiet tradizzjonali lil hinn mill-kosta jipprovdu kopertura sa USD 1-2biljun/biljuni.

[41]             Il-Kummissjoni qed twettaq studju li jesplora l-fattibbiltà għall-ħolqien ta’ fond li jkopri l-obbligu ambjentali u t-telf li jkun hemm minn inċidenti industrijali.

[42]             Ara l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/35/KE.

[43]             Id-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (OJ L 197, 24.7.2012, p. 1).

[44]             Id-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU L 9, 15.1.2003, p. 3)."

[45]             Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (riformulazzjoni) (COM(2012) 360 finali).