KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Nibnu s-Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi Niffaċilitaw tagħrif aħjar dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet /* COM/2013/0196 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Nibnu s-Suq Uniku għall-Prodotti
Ekoloġiċi Niffaċilitaw tagħrif
aħjar dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u
tal-organizzazzjonijiet (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 1. Introduzzjoni Il-Pjan Direzzjonali għall-Użu
Effiċjenti tar-Riżorsi[1]
stabbilixxa mira ambizzjuża għall-2020: li nipprovdu
l-inċentivi t-tajbin biex iċ-ċittadini u l-awtoritajiet
pubbliċi jagħżlu l-iżjed prodotti li jużaw
ir-riżorsi b'mod effiċjenti permezz ta' sinjali tajbin fejn
jidħol il-prezz u tagħrif ambjentali ċar. Il-Pjan
Direzzjonali għaraf ukoll li s-suq intern għandu rwol importanti
billi jirrikonoxxi l-prodotti li jużaw ir-riżorsi b'mod
effiċjenti. Din l-inizjattiva – "Nibnu s-Suq Uniku
għall-Prodotti Ekoloġiċi" – hija pass importanti f'din
id-direzzjoni. It-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jużaw
ir-riżorsi b'mod effiċjenti fil-preżent huwa baxx minkejja
l-abbiltà tal-produtturi li jipprovdu dawn il-prodotti u d-domanda dejjem
tikber tal-konsumaturi. Kemm il-produtturi biex jipprovdu, kif ukoll
il-konsumaturi biex jixtru dawn il-prodotti, jiltaqgħu ma' diffikultajiet
li l-biċċa l-kbira tagħhom huma kkawżati mill-ambigwità
dwar x'inhu realment prodott "ekoloġiku" u x'inhi
organizzazzjoni "ekoloġika". Din l-inizjattiva tal-Kummissjoni
hija pass biex titneħħa din l-ambigwità billi ttejjeb il-mod kif
tiġi mkejla u kkomunikata l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u
tal-organizzazzjonijiet. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u
lill-Parlament tintroduċi żewġ metodi ta’ kejl u sett ta'
prinċipji għall-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali
tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet. Hija akkumpanjata minn Rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni li tinkoraġġixxi l-Istati Membri u s-settur privat
biex jużaw dawn il-metodi, skont il-każ, b’mod li
jissaħħaħ l-operat normali tas-suq intern. Din l-inizjattiva tipproponi fażi ta'
ttestjar li matulu l-partijiet interessati flimkien mal-Kummissjoni se
jivvalutaw l-effikaċja tal-metodi proposti, u l-fattibbiltà li
jintużaw madwar is-Suq Uniku kollu. Ir-riżultati tal-fażi
tal-ittestjar se jkunu soġġetti għal proċess ta'
reviżjoni indipendenti tal-pari fejn jitqiesu wkoll metodi alternattivi.
Jekk il-fażi tal-ittestjar tirnexxi, il-Kummissjoni tkompli tikkonsulta
mal-partijiet interessati dwar l-aħjar mod kif jiġu garantiti
l-benefiċċji ta' din l-inizjattiva. Ikomplu jsiru diskussjonijiet
wkoll mal-imsieħba internazzjonali dwar l-iżvilupp metodoloġiku
bil-għan li jiġu żgurati l-kompatibbiltà u s-sinerġiji ma’
metodi mifruxa oħrajn. L-objettiv ta’ dawn l-azzjonijiet huwa li
jippermetti u jiffaċilita, fit-terminu l-medju, interess akbar
fil-prodotti ekoloġiċi u fil-prattiki li jirrispttaw aktar l-ambjent
minn kumpaniji fis-suq tal-UE billi jikkontribwixxu għat-tneħħija
ta' ostakli potenzjali għall-moviment liberu tal-prodotti
ekoloġiċi fis-Suq Uniku. 2. Il-kuntest tal-proposta 2.1. L-isfidi ambjentali u
l-isfidi għall-użu effiċjenti tar-riżorsi Waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar
l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) li saret fl-2012, il-komunità
internazzjonali għarfet li "huma indispensabbli l-bidliet
fundamentali ta' kif jipproduċu u jikkunsmaw il-prodotti
s-soċjetajiet, biex jinkiseb żvilupp sostenibbli dinji"[2]. Kważi żewġ
terzi tal-ekosistemi dinjin ġew ikklassifikati li "sejrin lura"[3], il-bijodiversità qiegħda
tintilef b'rata li hi stmata 100 darba ogħla mir-rata naturali
tal-estinzjoni, u r-riskji u x-xejriet marbutin mat-tibdil fil-klima huma
ddokumentati[4].
L-OECD wissiet li d-degradazzjoni u l-erożjoni tal-"kapital naturali"
kontinwi qegħdin jikkawżaw tibdil irriversibbli li jista' jipperikola
standards ta' ħajja li ilhom jogħlew żewġ sekli[5]. 2.2. Il-benefiċċji
ambjentali ta' prodotti u organizzazzjonijiet ekoloġiċi Il-“prodotti ekoloġiċi” jistgħu
jiġu definiti bħala dawk li jużaw ir-riżorsi b'mod aktar
effiċjenti u li jikkaġunaw anqas ħsara ambjentali tul
iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, mill-estrazzjoni tal-materja
prima sal-produzzjoni, id-distribuzzjoni, l-użu tagħhom u sa tmiemhom
(inkluż l-użu tagħhom mill-ġdid, ir-riċiklaġġ
u l-irkupru tagħhom) meta mqabbla ma' prodotti simili tal-istess
kategorija. Il-“prodotti ekoloġiċi” jeżistu f’kull kategorija
ta’ prodott, irrispettivament minn jekk jingħatawx tikketta li tindika li
huma ekoloġiċi inkella jiġux kummerjalizzati bħala
ekoloġiċi; hija l-prestazzjoni ambjentali tagħhom li
tiddefinihom bħala “ekoloġiċi”. Aktar tqegħid fis-suq ta' dawn il-prodotti
jikkombina l-benefiċċji għas-soċjetà minn anqas ħsara
ambjentali flimkien ma' konsumaturi aktar sodisfatti; dan minbarra l-benefiċċji
ekonomiċi potenzjali għall-produtturi u l-konsumaturi ta' użu
aktar effiċjenti tar-riżorsi ekoloġiċi. Barra minn hekk, il-kumpaniji ekoloġiċi
jiġġeneraw aktar benefiċċji ambjentali. Dawn itejbu
l-proċessi tagħhom, jinfluwenzaw lill-fornituri tagħhom u lil
oħrajn kemm aktar 'il fuq u kemm aktar 'l isfel fil-katina tal-valur u
jiġġeneraw l-innovazzjoni. Kumpanija li tintegra dak li
jissejjaħ "ħsieb taċ-ċiklu tal-ħajja"
fl-istrateġiji tagħha u fit-teħid tad-deċiżjonijiet
tkun qed tnaqqas kemm tista' l-impatt ambjentali tal-attivitajiet tagħha,
kemm b'mod dirett kif ukoll b'mod indirett. 2.3. Il-benefiċċji
ekonomiċi ta' prodotti u organizzazzjonijiet ekoloġiċi Is-suq dinji għal prodotti u servizzi
"b'użu jew emissjonijiet baxxi ta' karbonju" u "ekoloġiċi"
(li huwa sett sekondarju tas-suq totali tal-prodotti ekoloġiċi) huwa
stmat fil-livell ta’ EUR 4,2 triljun li minnhom l-UE għandha 21%[6]. Dan is-suq ilu għaddej
bit-tkabbir b’rata medja annwali ta’ 4%, anke tul ir-riċessjoni ekonomika[7], tant li qed jikkontribwixxi
biex jagħmel l-ekonomija ekoloġika waħda mis-setturi bl-akbar
potenzjal ta’ tkabbir fl-impjiegi[8].
Teżisti kompetizzjoni dejjem ikbar bejn il-kumpaniji biex jiksbu aktar
sehem fis-suq f’dan is-settur. Il-prodotti ekoloġiċi jistgħu
jgħinuna nnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni għall-manifatturi
(inqas ma jintużaw riżorsi inqas se jkunu l-ispejjeż
tal-produzzjoni) jew għall-konsumaturi waqt l-użu (jiġifieri
l-apparati domestiċi tal-ewwel klassi skont id-Direttiva dwar it-Tikkettar
tal-Prodotti skont il-Konsum tal-Enerġija[9]).
B'mod ġenerali wkoll, huwa aktar faċli li wieħed jirriċikla
jew juża mill-ġdid il-prodotti ekoloġiċi, u dan
jikkontribwixxi għal ġestjoni aħjar u inqas għali
tal-iskart, għas-soċjetà kollha. Iżda, relattivament, is-suq tal-prodotti
ekoloġiċi għadu jirrappreżenta biss parti żgħira
tas-suq tal-prodotti għall-konsumaturi[10].
L-evidenza turi li hemm domanda konsiderevoli għal dawn il-prodotti meta
jiġu offruti bi prezz kompetittiv, li jfisser li hemm potenzjal li mhux
qed jiġi sfruttat fis-suq intern[11].
Dan ikollu effett pożittiv fuq l-impjiegi: b’mod ġenerali, it-titjib
fl-effiċjenza tar-riżorsi tal-ekonomiji tal-UE jista’ jwassal biex
jinħolqu sa 2.8 miljun impjieg sal-2020.[12] Il-kumpaniji ekoloġiċi għandhom
tendenza li jkunu minn ta' quddiem fl-innovazzjoni. Permezz ta' inqas
spejjeż, produttività mtejba, sigurtà ta' forniment u inqas esponiment
għar-riskji ambjentali, il-kumpaniji Ewropej għandhom
vantaġġ kompetittiv fl-innovazzjoni ekoloġika. Jekk ma jkunx
hemm aktar azzjoni ta' appoġġ, il-kompetittività f'dan is-settur tkun
ipperikolata[13]. 3. Il-problemi li biħsiebha tittratta
l-proposta 3.1. In-nuqqas ta' definizzjoni
komuni ta' x'inhu "prodott ekoloġiku", u x'inhu li jagħmel
"organizzazzjoni ekoloġika" Ma teżistix definizzjoni aċċettata
minn kulħadd u bbażata fuq ix-xjenza ta' x'inhuma verament prodott
jew organizzazzjoni ekoloġiċi. Fil-preżent qed jintużaw
metodi differenti għall-kejl u l-ivvalutar komparattiv tal-prestazzjoni
ambjentali[14],
iżda dawn ivarjaw u jagħtu riżultati diversi meta jintużaw
għall-istess prodott jew organizzazzjoni. Tabilħaqq, minħabba
l-għadd ta' għażliet metodoloġiċi li jista'
jagħmel l-utent, anki r-riżultati miksubin bl-istess metodu
ħafna drabi ma jistgħux jitqabblu. Dan it-tqabbil huwa importanti
biex jippermetti l-kompetizzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni ambjentali, u
jippermetti lill-konsumaturi u lill-kumpaniji jieħdu
deċiżjonijiet infurmati. Wieħed mill-ikbar nuqqasijiet ta' wħud
mill-approċċi metodoloġiċi għall-kejl tal-prestazzjoni
ambjentali huwa li mhumiex eżawrjenti. Ma jħarsux lejn l-impatti
diretti u indiretti kollha tal-prodott jew tal-organizzazzjoni kkonċernati
– jiġifieri lejn iċ-ċiklu kollu tal-ħajja. Bosta indikaturi
jiffukaw fuq il-fażi ta' waqt l-użu (eż. il-konsum tal-ilma
mill-magna tal-ħasil), iżda jinjoraw l-ispejjeż tal-produzzjoni,
tar-rimi, jew il-potenzjal għall-użu mill-ġdid u
għar-riċiklaġġ. Għadd ta' valutazzjonijiet jiffukaw
fuq indikatur ambjentali wieħed, li jista' jfisser li hemm ieħor li
qed jiġi injorat, u dan iwassal għal dak li hu msejjaħ
"trasferiment tal-piż". Pereżempju, prodott ġdid li
jikkonsma ftit enerġija jista' jkun jeħtieġ materjal rari jew
perikoluż. Dan forsi jkun aċċettabbli biex tiġi ffrankata
l-enerġija, iżda jista' ma jkunx aċċettabbli
mill-perspettiva tat-tbattil ta' riżorsi jew tal-impatti meta l-prodott
jasal fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu. Ikun xi jkun,
irid jitqies kollox f'valutazzjoni sħiħa taċ-ċiklu
tal-ħajja, biex id-deċiżjonijiet li jittieħdu favur
it-titjib tal-ambjent ikunu bbażati fuq informazzjoni sħiħa. 3.2. Spejjeż mingħajr
bżonn għall-kummerċ Il-kunsidrazzjonijiet ambjentali qegħdin
isiru dejjem iżjed parti mill-operazzjonijiet u l-istrateġiji
tal-kummerċjalizzazzjoni għal għadd kbir ta' kumpaniji u
għall-investituri tagħhom. Dawn il-kumpaniji qegħdin dejjem
iżjed jużaw il-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCA)[15] bħala għodda biex
jivvalutaw il-kredenzjali ekoloġiċi tagħhom stess jew
tal-fornituri tagħhom, u biex ikejlu (u jtejbu) il-prestazzjoni ambjentali
tal-prodotti tagħhom. L-għadd ta' metodi ta' kejl tal-impatt
(eż. il-marka tal-karbonju, l-impronta fuq l-ilma) qed jiżdied b'mod
mgħaġġel, f’linja parallela mat-tkattir ta' inizjattivi
nazzjonali u fis-settur privat. Dan il-fatt jista’ jiġġenera
spejjeż sinifikanti għall-kumpaniji, speċjalment jekk ikollhom
bżonn jużaw metodi differenti jew jekk ikun jiħtiġilhom
jikkonformaw ma' kundizzjonijiet ta' tikkettar u ta' verifika għal
pajjiżi u bejjiegħa differenti. L-ispejjeż relattivi, u l-piżijiet
assoċjati, huma ħafna ogħla għall-SMEs. Id-dinja kummerċjali Ewropea taf sew b'din
il-qagħda: dawk li wieġbu għall-konsulta pubblika marbuta ma'
din l-inizjattiva urew il-fehma tagħhom li n-nuqqas ta' konsistenza huwa
wieħed mill-iżjed ostakoli importanti għall-wirja u l-ivvalutar
komparattiv tal-prestazzjoni ambjentali (72,5% qablu). Meta ġew mistoqsija
x'kienet il-kawża ewlenija għal dan, l-iżjed affarijiet li
ssemmew fit-tweġibiet kienu l-eżistenza ta' bosta inizjattivi fl-UE
(70,8%) u l-ħafna modi ta' rappurtar (76,3%)[16]. 3.3. L-ostakli għall-moviment
liberu tal-prodotti kummerċjalizzati bħala ekoloġiċi Barra milli jikkawżaw spejjeż
żejda, il-ħafna metodi jistgħu wkoll inaqqsu l-opportunitajiet
tal-produtturi tal-prodotti ekoloġiċi biex jinnegozjawhom, anki fl-UE
stess. Jista' jkun hemm kumpaniji li jkunu jixtiequ jagħmlu negozju
transkonfinali, iżda dawn isibu li l-kundizzjonijiet marbuta
mal-informazzjoni ambjentali għall-prodotti li jkunu biħsiebhom
ibigħu jinbidlu mal-fruntieri. Kaxxa nru 1 – Ostakli konkreti għan-negozju ta' prodotti kummerċjalizzati bħala ekoloġiċi fis-suq uniku Ix-xenarju deskritt hawn taħt qed isir il-mod normali (iżda mhux effiċjenti) li wieħed ibigħ il-prodotti ekoloġiċi fl-Ewropa: kumpanija li tkun tixtieq tikkumerċjalizza l-prodott ekoloġiku tagħha fir-Renju Unit, fi Franza, fl-Italja u fl-Isvizzera jkollha tapplika skemi diversi biex tikkompeti abbażi tal-prestazzjoni ambjentali fis-swieq nazzjonali differenti. Fi Franza, ikollha bżonn twettaq stima ambjentali f’linja mal-metodu Franċiż (BP X30-323); fir-Renju Unit ikollha bżonn tapplika l-PAS 2050 jew il-WRI GHG Protocol; fl-Isvizzera, ikollha bżonn tapplika l-approċċ Svizzeru (qed jiġi żviluppat); fl-Italja jkollha bżonn tissieħeb fl-iskema tal-impronti tal-karbonju rikonoxxuta mill-Gvern u tagħmel analiżi oħra. Għas-suq Svediż, din l-istess kumpanija jkollha bżonn ukoll tiżviluppa Dikjarazzjoni Ambjentali dwar il-Prodott (EPD) ibbażata fuq l-ISO 14025. Wara dan jista' jkun li tkun trid twettaq ħafna EPDs peress li hemm sistemi differenti ta' EPDs jikkompetu bejniethom, madwar id-dinja, kollha bl-ispeċifiċitajiet tagħhom, anki jekk ikunu kollha bbażati fuq l-ISO 14025[17]. Jekk nassumu li kull studju meħtieġ biex wieħed jikkonforma ma' skema tiswa EUR 10 000, il-kumpanija jkollha tħallas dan l-ammont għal kull suq li tkun tixtieq tieħu sehem fih. F'dan ix-xenarju, il-kumpanija jkollha sa EUR 50 000 spejjeż għal kull prodott biex tkun tista' tikkompeti f'ħamest iswieq nazzjonali Ewropej abbażi tal-prestazzjoni ambjentali. Biex ikunu jistgħu jikkompetu abbażi
tal-prestazzjoni ambjentali, il-kumpaniji fir-realtà huma obbligati li
jidħlu fi skemi pubbliċi jew privati diversi bbażati fuq metodi
diversi, li jkunu l-iktar preferuti fi swieq individwali. Fi kliem ieħor,
il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku fis-Suq Uniku jidher li mhux
iwarrab l-ostakli mhux tekniċi fin-negozju minn pajjiż
għall-ieħor fl-UE: anki mingħajr il-kundizzjonijiet legali,
l-esportaturi xorta waħda jridu jużaw il-metodi ta' komunikazzjoni
nazzjonali (eż. skemi nazzjonali ta' tikkettar ekoloġiku) li huma
magħrufin mill-konsumaturi lokali biex ma jkollhomx
żvantaġġ fil-konfront tal-produtturi lokali. 3.4. In-nuqqas ta' fiduċja
tal-konsumaturi fid-dikjarazzjonijiet ekoloġiċi Xi stħarriġiet juru li l-konsumaturi
fl-UE huma lesti jixtru aktar prodotti ekoloġiċi[18]. Madankollu, dawn l-istess
stħarriġiet jgħidu li hemm distakk bejn l-azzjoni li
tittieħed u l-valur kbir li n-nies ipoġġu fuq l-ambjent, u ma
hemmx biżżejjed fiduċja fl-azzjonijiet. Pereżempju: filwaqt
li 75% taċ-ċittadini tal-UE jgħidu li huma lesti jixtru
l-prodotti ekoloġiċi, kien hemm biss 17% li fir-realtà kienu xtraw
minn dawn il-prodotti fix-xahar ta' qabel l-istħarriġ.
Ir-raġunijiet li taw dwar dan huma diversi u jinkludu nuqqas ta'
fiduċja fl-informazzjoni ambjentali li jingħata mill-produtturi u
mill-bejjiegħa, u disponibbiltà limitata ta' prodotti ekoloġiċi
bi prezzijiet affordabbli. Barra minn hekk, ta’ spiss il-prestazzjoni
ambjentali tal-prodotti ma titħabbarx b'mod li dak li jkun jista' jqabbel,
b'hekk il-kapaċità biex wieħed jagħmel għażliet
infurmati hija limitata. L-għadd ta' dikjarazzjonijiet
ekoloġiċi qed jikber, iżda fl-istess ħin, dawn qed isiru
dejjem aktar superfiċjali u vagi fit-terminoloġija li jużaw[19]. Dan ikompli jnaqqas
il-fiduċja tal-konsumaturi: 48% tal-konsumaturi ma jafdawx
fl-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali li tkun ikkomunikata fuq
il-prodotti[20].
Il-perċezzjoni qegħda tiżdied li l-kumpaniji qegħdin
jikkompetu bid-dikjarazzjonijiet tagħhom flok abbażi tal-vera
prestazzjoni ambjentali li dawn qed jiddeskrivu. 4. Ir-Reazzjoni Politika tal-UE 4.1. L-għan tal-azzjoni
tal-UE L-għan ġenerali tal-azzjoni tal-UE f'dan
il-qasam huwa li tiżdied id-disponibbiltà ta' informazzjoni ċara,
affidabbli, u li tista' titqabbel dwar il-prestazzjoni ambjentali ta' prodotti
u ta' organizzazzjonijiet lill-partijiet interessati kollha rilevanti,
inklużi l-atturi fil-katina sħiħa tal-provvista. Biex tikseb dan
l-għan, u abbażi ta' ħafna snin ta' ħidma flimkien ma'
partijiet interessati u l-komunità xjentifika, il-Kummissjoni qed tipprovdi
żewġ metodi għall-valutazzjoni u l-ivvalutar komparattiv
tal-prestazzjoni ambjentali. Dawn il-metodi huma robusti (ibbażati fuq
ix-xjenza), komprensivi (għaliex se jkopru ċ-ċiklu
tal-ħajja kollu tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet u firxa ta’ aspetti
ambjentali) u eventwalment se jsostnu t-tqabbil bejn il-prestazzjonijiet. Dawn
il-metodi ġew ikkonsultati u ttestjati bis-saħħa tal-involviment
min-naħa tal-industrija fl-2011/2012 u se jkomplu jiġu ttestjati u
mtejba, speċjalment bl-iżvilupp ta' regoli simplifikati għal
gruppi ta' prodotti u setturi speċifiċi, u vvalutati biex jiġi
ddefinit safejn jistgħu jiġu applikati mill-kumpaniji, b'mod
partikolari mill-SMEs, jew minn dawk li jfasslu l-politiki. L-azzjoni tal-UE timmira li tnaqqas
l-inċertezza attwali dwar x'inhuma l-karatteristiki li jikkostitwixxi
prodott ekoloġiku u organizzazzjoni ekoloġika. Hija pass lejn suq
intern aktar integrat, fejn il-prodotti u l-organizzazzjonijiet li huma
ġenwinament ekoloġiċi, jintgħarfu mill-konsumaturi. Huwa
mistenni li żieda fix-xiri ta' prodotti ekoloġiċi se
tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u tkompli ssaħħaħ
il-vantaġġ kompetittiv tal-kumpaniji tal-UE fl-innovazzjoni
ekoloġika[21]. Il-kunċett ġeneriku ta' prodott
ekoloġiku bħala prodott li għandu impatt ambjentali mnaqqas
matul iċ-ċiklu tal-ħajja meta mqabbel ma' prodott ieħor se
jitlaħħam minn żewġ elementi: 1) il-metodu biex jitkejlu
l-impatti ambjentli tul iċ-ċiklu tal-ħajja; 2) ir-regoli
speċifiċi għall-kategoriji tal-prodotti li se jipprovdu
l-valutazzjoni komparattiva meħtieġa biex wieħed ikun jista'
jiddefinixxi prodott li jkun verament ekoloġiku. L-istess
approċċ se jkun implimentat ukoll għall-organizzazzjonijiet. 4.2. Xogħol metodoloġiku
biex jitkejlu l-impatti ambjentali ta' prodotti u ta' organizzazzjonijiet Il-Kummissjoni ilha taħdem f'dan il-qasam,
flimkien ma' firxa ta' partijiet interessati, għal għadd ta' snin:
fl-2003 il-Komunikazzjoni dwar il-Politika Integrata tal-Prodotti[22] introduċiet
il-kunċett ta' Perspettiva ta' Ċiklu tal-Ħajja fit-tfassil tal-politiki
tal-UE. Din kienet segwita fl-2008 mill-Pjan ta' Azzjoni għall-Politiki
dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli/Industrija Sostenibbli[23], li wassal
għall-pubblikazzjoni, fl-2010, tal-International Reference Life Cycle Data
System (ILCD) Handbook (Manwal dwar is-Sistema Internazzjonali ta' Referenza
tad-Dejta dwar iċ-Ċiklu tal-Ħajja) (ILCD)[24], li pprovda gwida teknika
għal studji dettaljati tal-LCA u l-bażi teknika minfejn jistgħu
jittieħdu kriterji speċifiċi għall-kategoriji tal-prodotti,
gwidi u għodod simplifikati. Fl-2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea stieden
lill-Kummissjoni biex tiżviluppa metodu armonizzat għall-kalkolu
tal-impronta ambjentali tal-prodotti[25].
Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-Kummissjoni ilha taħdem
abbażi tal-approċċi eżistenti tal-LCA u l-istandards
internazzjonali[26],
u introduċiet aktar speċifikazzjonijiet metodoloġiċi
meħtieġa biex jinkisbu riżultati aktar konsistenti, li
jistgħu jitqabblu u preċiżi. Din il-ħidma, sostnuta minn
proċess ta' konsultazzjoni, kif ukoll minn eżerċizzju ta'
ttestjar f'sitwazzjoni reali (road-testing exercise) b'kollaborazzjoni
mal-industrija[27],
laħqet il-quċċata tagħha bl-iżvilupp tal-metodi
Impronta Ambjentali tal-Prodotti (PEF) u Impronta Ambjentali
tal-Organizzazzjonijiet (OEF)[28]. Dawn iż-żewġ metodi jintroduċu
ħafna titjib importanti meta mqabbel ma’ metodi oħrajn li
jeżistu, fost oħrajn: ·
identifikazzjoni ċara tal-kategoriji ta'
impatti potenzjali fuq l-ambjent[29]
li jridu jiġu ttestjati biex dak li jkun iwettaq LCA komprensiva; ·
il-kundizzjoni li l-kwalità tad-dejta trid
tiġi kkwantifikata; ·
l-iffissar ta' kundizzjonijiet dwar il-minimu
tal-kwalità tad-dejta; ·
istruzzjonijiet tekniċi iktar ċari biex
jiġu indirizzati xi aspetti kritiċi ta' studju LCA (bħalma huma
l-allokazzjoni, ir-riċiklaġġ, in-normalizzazzjoni u
l-koeffiċjent ta' korrezzjoni[30]. Il-metodi tal-PEF u l-OEF jirrikjedu li biex ikun
jista’ jsir paragun, iridu jiġu żviluppati Regoli dwar l-Impronta
Ambjentali skont il-Kategoriji tal-Prodotti (PEFCR) u Regoli dwar l-Impronta
Ambjentali skont is-Settur (OEFSR)[31].
Dawn se jindirizzaw id-dispożizzjonijiet tal-metodi tal-PEF u l-OEF skont
regoli speċifiċi għall-kategoriji tal-prodotti jew
għas-setturi li jippermettu lill-operaturi ekonomiċi u min ifassal
il-politiki biex jagħtu l-attenzjoni tagħhom lit-tlieta jew l-erba'
impatti ambjentali l-aktar rilevanti fost l-14-il indikatur ewlieni tal-impatti
ambjentali, u lill-proċessi jew lill-istadji l-aktar rilevanti
taċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodott jew settur speċifiku.
B'hekk, ir-riżultati ta' valutazzjonijiet separati se jkunu jistgħu
jitqabblu fi ħdan kategorija ta' prodotti jew settur, mingħajr ma
tagħmel ebda differenza min iwettaq il-valutazzjonijiet. Pereżempju, fil-każ li l-PEFCR ikun
żviluppat għad-deterġenti, ir-regoli tal-kategorija se jiddefinixxu
"prodott mudell" li jkun rappreżentattiv tal-grupp ta' prodotti
deterġenti fis-suq tal-UE, u jikkalkulaw ukoll il-prestazzjoni ambjentali
tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-mudell. Il-prestazzjoni ambjentali
ta’ dan il-prodott rappreżentattiv issir il-punt ta’ riferiment (li
mbgaħad ikollu jiġi adattat u rivedut kontinwament f’linja
mal-iżviluppi teknoloġiċi) biex jitqabblu miegħu
l-prestazzjonijiet ta’ deterġenti oħra fis-suq. Dawn
il-prestazzjonijiet jiġu kkomunikati lill-konsumaturi li b'hekk ikunu
jistgħu jqabblu l-prodotti differenti faċilment waqt ix-xiri. Fil-ġejjieni, dawn l-iżviluppi
kruċjali għandhom jippermettu li l-metodi ta’ kejl tal-impatt
ambjentali jiġu applikati fis-suq u fil-politiki bħala għodda
affidabbli biex wieħed ikun jista' jagħraf id-differenzi bejn
il-prodotti jew l-organizzazzjonijiet b'inqas spejjeż. Il-Kummissjoni qiegħda ssostni wkoll
attivitajiet speċifiċi immirati għall-iżvilupp ta' metodi
speċifiċi skont il-kategorija tas-settur jew tal-prodott.[32] Il-Kummissjoni se tkompli
taħdem biex tippromwovi l-kompatibbiltà bejn dawn il-metodi, skont
il-każ. 4.3. Il-pakkett ta' proposti
attwali bħala l-ewwel fażi ta' żvilupp ġdid tal-politika Din il-Komunikazzjoni se tiggwida l-attivitajiet
tal-Kummissjoni f'dawn it-tliet snin li ġejjin. B'konsulta mal-partijiet interessati,
il-Kummissjoni ftit ftit se ddaħħal il-metodi rilevanti fl-Iskema ta'
Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS) tagħha,
fl-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE) u fl-Ekotikketta tal-UE[33]. 4.3.1. Ir-Rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni
tadotta Rakkomandazzjoni dwar l-użu tal-metodi tal-PEF u l-OEF biex
tkejjel u tikkomunika l-prestazzjoni ambjentali ta’ prodotti u
organizzazzjonijiet. il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet
interessati biex jużaw il-metodi tal-PEF u l-OEF f’politiki u inizjattivi
volontarji rilevanti li jinvolvu l-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni
ambjentali ta’ prodotti u organizzazzjonijiet. Il-metodi jiffurmaw parti
integrali tar-Rakkomandazzjoni. 4.3.2. L-Istadju pilota: l-ittestjar
tal-implimentazzjoni tal-metodi tal-kejl tal-impronta ambjentali Il-Kummissjoni se torganizza ttestestjar ta' tliet
snin bil-parteċipazzjoni ta' partijiet interessati li jivvolontarjaw.
Il-miri ta' dan l-istadju pilota huma: ·
li jistabbilixxi u jivvalida l-proċess
tal-iżvilupp tal-PEFCRs u l-OEFSRs, inkluż l-iżvilupp ta’ punti
ta’ riferiment[34]
ambjentali għal kull wieħed minnhom. Fejn ir-regoli dwar il-kategoija
tal-prodott jew dawk speċifiċi għas-settur jeżistu
diġà u jintużaw mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni tuża
dawn bħala bażi għall-iżvilupp tal-PEFCRs u l-OEFSRs. ·
li l-applikazzjoni tal-metodi tal-kejl tal-impronta
ambjentali jsiru iżjed faċli, speċjalment għall-SMEs, billi
jiġu ttestjati modi innovattivi għall-immaniġġjar
tal-proċess u permezz tal-iżvilupp tal-għodda; ·
li jiġu ttestjati sistemi diversi ta'
konformità u ta' verifika għall-PEF u l-OEF, li jinkludu verifika qabel ma
jitpoġġa fis-suq prodott (jiġifieri valutazzjoni ta' konformità)
u verifika wara li jitpoġġa fis-suq (jiġifieri sorveljanza
tas-suq), biex jitwaqqfu u jiġu vvalidati sistemi proporzjonati, effettivi
u effiċjenti ta' konformità u ta' verifika; ·
jiġu ttestjati b'kollaborazzjoni mal-partijiet
interessati approċċi diversi ta' komunikazzjoni bejn il-kumpaniji u
l-konsumaturi, u bejn il-kumpaniji. Fl-2013, il-Kummissjoni se toħroġ
sejħa għall-volontiera li tistieden lill-partijiet interessati (anki
minn pajjiżi terzi) biex jieħdu sehem jew imexxu l-proċess ta'
żvilupp ta' PEFCRs u OEFSRs. L-għażla tal-kategoriji
tal-prodotti u tas-setturi li jipparteiċpaw fit-test pilota se jkunu
bbażati fuq kunsiderazzjonijiet bħalma hi dik tal-kobor tal-impatt
ambjentali, ir-rieda min-naħa tal-partijiet interessati biex
jikkontribwixxu jew imexxu, il-ħtieġa li jiġi żgurat li
l-prodotti differenti (inklużi dawk kumplessi) u s-setturi differenti
(b'katina ta' provvista dinamika) ikunu inklużi; id-disponibbiltà
tax-xogħol eżistenti[35];
u d-disponibbiltà tal-informazzjoni f'termini ta’ dejta dwra iċ-ċiklu
tal-ħajja. Is-suċċess ta’ din il-fażi pilota se jkun stmat
abbażi tad-diversità u r-rappreżentattività tal-prodotti u s-setturi
magħżula kif ukoll l-għadd u r-relevanza tal-partijiet
interessati involuti, inkluża rappreżentanza xierqa ta’ SMEs u NGOs,
u dan filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż, il-benefiċċji u l-ħin
involut fl-implimentazzjoni tal-metodi. Il-Kummissjoni se tagħmel rapport
regolari lill-Istati Membri u lil partijiet interessati oħrajn dwar
il-progress permezz tal-pjattaforma ta' Laqgħat Regolari tal-IPP/SCP[36]. Il-Kummissjoni hija lesta li tevalwa
approċċi alternattivi għall-PEF u l-OEF li jkunu kapaċi
jilħqu l-istess miri elenkati hawn fuq. Għal dan il-għan,
il-Kummissjoni biħsiebha tissottometti r-riżultati finali tal-istadju
pilota għal proċess ta' evalwazzjoni bejn il-pari indipendenti, li
jivvaluta dawn ir-riżultati mqabbla ma' dawk ta' metodi alternattivi
possibbli li jipproponu l-partijiet interessati. Biex ikunu eliġibbli
għal din l-analiżi komparattiva bejn il-pari, il-metodi alternattivi
jridu jkunu ġew ittestjati minn partijiet interessati li jkunu
pproponewhom f'kundizzjonijiet simili ta' ttestjar. Din l-analiżi
tal-evalwazzjoni bejn il-pari indipendenti se tgħin lill-Kummissjoni biex
tagħżel l-iżjed għażla li tidher li hi fattibbli u li
jkun jirnexxilha twassal għall-miri politiċi identifikati f'din
il-Komunikazzjoni. 4.3.3. "Dikjarazzjonijiet
ekoloġiċi" u t-titjib tal-gwida mogħtija mid-Direttiva dwar
il-Prattiki Kummerċjali Żleali Ma teżistix leġiżlazzjoni tal-UE li
speċifikament tarmonizza d-dikjarazzjonijiet ekoloġiċi kollha u
l-kummerċjalizzazzjoni. L-UE rregolat l-użu tad-dikjarazzjonijiet jew
billi inkludiet direttament ir-rekwiżiti f'leġiżlazzjoni
speċifika li tirregola l-prestazzjoni ta' tipi differenti ta' prodotti
(bħal, pereżempju, ir-Regolament dwar l-Energy Star[37]); jew billi ffissat
indirettament ir-regoli ġenerali biex ma jsirux dikjarazzjonijiet
qarrieqa, filwaqt li ħalliethom jiġu interpretati u infurzati
mill-awtoritajiet tas-suq jew tal-kompetizzjoni nazzjonali kull każ
għalih[38],
kif stipulat fid-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali
(UCPD)[39]. Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-UCPD, fl-2009
il-Kummissjoni ħarġet gwida speċifika biex tipprommwovi
l-użu ta' dikjarazzjonijiet ambjentali ċari, preċiżi u
rilevanti fil-kummerċjalizzazzjoni u fir-reklamar. Il-Kummissjoni
biħsiebha tipprovdi gwida aktar fil-fond f'dan ir-rigward, biex
tiżgura infurzar xieraq u uniformi fl-Istati Membri. Biex dan isir,
fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Aġenda tal-Konsumatur[40], il-Kummissjoni diġà
bdiet tiddjaloga mal-partijiet interessati rilevanti sabiex tidentifika
l-isfidi u l-prassi t-ajba, u biex tilħaq qbil dwar rakkomandazzjonijiet
ewlenin għal azzjoni fil-ġejjieni[41].
4.3.4. Il-komunikazzjoni
tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet Komunikazzjoni inadegwata tista' tikkonfondi jew
tqarraq b'dawk li jirċevuha, tista' timblokka t-teħid ta'
deċiżjonijiet u timmina l-fiduċja fid-dikjarazzjonijiet
ambjentali. Għal din ir-raġuni, u abbażi tal-esperjenza ta’
djalogu ma’ bosta partijiet interessati, il-Kummissjoni tirrakomanda sett ta'
prinċipji li għandhom jiġu applikati meta tiġi kkomunikata
l-prestazzjoni ambjentali ta' prodotti u ta' organizzazzjonijiet. (1)
Trasparenza.
L-operaturi ekonomiċi għandhom jagħtu mhux biss informazzjoni
dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u l-organizzazzjonijiet
ikkonċernati, iżda anki dwar kif din l-informazzjoni ġiet
iġġenerata, jiġifieri dwar il-proċedura ta' valutazzjoni,
il-metodu, is-sors tad-dejta, il-kriterji, eċċ. (2)
Disponibbiltà u aċċessibbiltà. L-operaturi ekonomiċi għandhom juru l-informazzjoni dwar
il-prestazzjoni ambjentali tal-prodott imqabbla mal-impatti ambjentali
l-iżjed rilevanti f'format sempliċi u li jinftiehem mallewwel.
L-informazzjoni essenzjali għandha tiġi kkomplementata
b'informazzjoni dettaljata li tkun disponibbli permezz ta' siti fl-internet,
applikazzjonijiet tal-ismartphones, eċċ. (3)
Affidabbiltà.
L-informazzjoni li tiġi kkomunikata għandha tkun preċiża
b'mod xjentifiku u verifikabbli, biex tiżgura l-fiduċja tal-utenti
fid-dikjarazzjoni ambjentali. (4)
Kompletezza.
L-operaturi ekonomiċi għandhom jipprovdu l-informazzjoni dwar
il-kategoriji kollha tal-impatti ambjentali li jkunu rilevanti
għall-prodott u l-organizzazzjoni kkonċernati b’mod
kosteffiċjenti.. (5)
Komparabbiltà.
L-operaturi ekonomiċi għandhom jagħmlu għażliet
metodoloġiċi konsistenti biex jiggarantixxu l-komparabbiltà
tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali marbuta ma' kategorija
speċifika ta’ prodott jew settur speċifiku tul iż-żmien.
Fejn ikun possibbli, għandhom jużaw metodi li jippermettu t-tqabbil
tal-prestazzjoni ambjentali bejn prodotti li jaqgħu taħt l-istess
kategorija u bejn organizzazzjonijiet li joperaw fl-istess settur. (6)
Ċarezza.
L-operaturi ekonomiċi għandhom jippreżentaw l-informazzjoni
b'mod ċar, preċiż u li jinftiehem sew mill-utenti. Il-kontenut
tal-informazzjoni jrid ikun ċar ukoll: il-firxa u l-kumplessità
tiegħu għandhom jiġu addattati għall-udjenza fil-mira,
għall-karatterisiki tal-prodott u għall-għan tal-komunikazzjoni.
L-użu ta' approċċi, standards u
metodi komuni eżistenti, bħall-PEF u l-OEF, ikun ta' għajnuna
kbira biex jiġu ssodisfati dawn il-prinċipji. 4.4. It-tieni stadju: evalwazzjoni
u politika tal-ġejjieni Wara l-istadju pilota, il-Kummissjoni se tevalwa
l-progress qabel ma tiddeċiedi d-direzzjoni li jmiss (it-"tieni
stadju"). Bħala parti minn dan, hija se tivvaluta jekk il-metodi,
il-punti ta’ riferiment dwar il-prestazzjoni tal-prodotti u s-setturi, u
l-inċentivi, kinux ta’ suċċess hekk li jistgħu jiġu
applikati fl-għodod ta’ politika. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se
teżamina jekk dawn jistgux ikomplu jiġu integrati f’firxa
wiesgħa ta’ strumenti ġodda jew eżistenti biex titjieb
il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti fis-suq tal-UE, u dan filwaqt li jities
l-użu possibbli ta’ għodod f’lokhom, inklużu l-istandards
Ewropej. Abbażi tar-riżultati ta' din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni
se tagħmel il-proposti xierqa, kif indikat fil-proposta tal-Kummissjoni
dwar Programm ta' Azzjoni Ambjentali ġdid tal-UE sal-2020[42]. 5. Il-kuntest dinji u l-kooperazzjoni
internazzjonali Id-dinja qiegħda tgħaġġel
fil-qasam tal-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali, kif qed
jiġri fil-livell tal-Istati Membri. Pereżempju, l-Isvizzera qed
tikkonsidra li fl-2013 tippreżenta leġiżlazzjoni li
tintroduċi valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja b'ħafna
kriterji għall-prodotti u għall-komunikazzjoni ta' din
lill-konsumaturi. Il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, l-Awstralja u l-Kanada
qegħdin huma wkoll jużaw approċċi LCA fit-tfassil
tal-politiki. L-Aġenzija Amerikana għall-Ħarsien tal-Ambjent
(Environment Protection Agency) tal-Istati Uniti qed tiżviluppa dokument
ta' gwida dwar kif wieħed għandu jiżviluppa r-Regoli dwar
il-Kategoriji tal-Prodotti. Il-Konsorzju dwar is-Sostenibbiltà (Sustainability
Consortium) huwa wieħed mill-akbar inizjattivi privati b'rabta
mad-determinazzjoni u l-komunikazzjoni tal-impronta ambjentali tal-prodotti;
qed jixirfu wkoll inizjattivi ġodda, bħalma hu s-Sustainability
Accounting Standards Board. Dawn l-isforzi li qed isiru huma pożittivi,
iżda hemm tħassib li l-biċċa l-kbira ta' dawn l-inizjattivi
qegħdin jiġu żviluppati f'iżolazzjoni relattiva, filwaqt li
l-katini ta’ provvista li dejjem qed isiru aktar internazzjonali u kumplessi,
jeħtieġu approċċ aktar ikkoordinat li pereżempju
jista' jintroduċi aktar possibbiltà ta' skambju u interoperabbiltà
tal-għodda u l-pjattaformi eżistenti. Wieħed jista' jistenna li
jsir xi żvilupp metodoloġiku f'livell internazzjonali. Iżda
jkunu meħtieġa azzjonijiet aktar iffukati u ambizzjużi u
tisħiħ tal-konsensus. L-UE biħsiebha tikkoopera b'mod attiv
mal-imsieħba kummerċjali ewlenin biex tinkoraġġixxi
approċċ aktar ikkoordinat lejn żivluppi metodoloġiċi
f'livell internazzjonali permezz ta' proċess miftuħ u trasparenti ta'
konsultazzjoni li jkun aċċessibbli għall-partijiet interessati
kollha, fost l-oħrajn fil-kuntest tal-Qafas ta' Programmi għal 10
Snin dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli li ġie adottat fis-summit
ta' Rio+20. Il-progress se jiġi rrappurtat lill-Istati Membri u lil
partijiet interessati oħrajn fil-kuntest tal-laqgħat Regolari
IPP/SCP. L-UE qiegħda tipprovdi wkoll sostenn
finanzjarju lill-UNEP għall-attivitajiet tiegħu ta' tisħiħ
tal-kapaċitajiet f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u
f'ekonomiji emerġenti dwar kwistjonijiet bħall-impronta ambjentali,
il-metodi ta' valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja u l-ġbir
tad-dejta. L-applikazzjoni progressiva tal-metodi PEF u OEF
madwar l-UE se tiġġenera l-benefiċċji anki
għall-kummerċ barra l-UE, għaliex se tipprovdi żewġ
referenzi biss għall-kumpaniji li jkunu jixtiequ jidħlu fis-suq
tal-UE, meta mqabbel mat-taħlita ta' skemi li, fil-preżent,
jintużaw f'livell nazzjonali. Din se tnaqqas l-ispejjeż
amministrattivi għall-esportaturi u tkompli tespandi l-offerta
għall-bejgħ ta' prodotti ekoloġiċi fis-Suq Uniku. [1] COM(2011) 571 finali. [2] Qafas ta' 10 Snin ta' Programmi dwar ix-xejriet ta' produzzjoni u
konsum sostenibbli. A/CONF.216/5. Il-Kumitat ta' Livell Għoli
tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-rapport dwar is-Sostenibbiltà
Dinjija "Resilient People, Resilient Planet: [3] UN Secretary-General’s
High-Level Panel on Global Sustainability report ‘Resilient People, Resilient
Planet: A future worth choosing’, 2012. [4] Ara, pereżempju, CBD Secretariat (2006) Global
Biodiversity Outlook 2 and
http://unfccc.int/essential_background/items/6031.php [5] Environmental Outlook to 2050 (OECD 2012). [6] Department for Business, Innovation and Skills (2012):
Low Carbon Environmental Goods and Services. [7] Green Seal (2009): Green Buying Research. [8] Fl-2012,
l-għadd ta’ persuni previsti li jaħdmu f’ekoindustriji
speċifikament fl-UE hu mistenni jkun 3.4 miljuni, aktar mit-2.7 miljuni
fl-2008, hekk li jindika li anke fil-klima ekonomika attwali jeżisti
potenzjal ta’ tkabbir fl-impjiegi fis-settur ambjentali. Ara
"L-Istaħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013", COM(2012) 750
final, http://ec.europa.eu/europe2020/pdf/ags2013_mt.pdf. [9] Id-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz
ta’ tikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum
tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin
mal-enerġija, ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1-12. [10] Għadd ta' studji wrew li s-sehem mis-suq ta' prodotti
bi prestazzjoni ambjentali tajba huwa relattivament żgħir, f'xi
kategoriji tal-prodotti, sa 5% f'ċerti Stati Membri. Għal aktar
dettalji ara r-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impattii. [11] Ara r-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti. [12] Dokument ta’ Ħidma mill-Istaff tal-Kummissjoni
'Nisfruttaw il-Potenzjal tal-Impjiegi mit-Tkabbir Ekoloġiku', SWD(2012) 92
final, li jakkumpanja l-Komunikazzjoni "Lejn irkupru rikk
fl-impjiegi". [13] Id-Danimarka, l-Isvezja u l-Finlandja huma fost l-aqwa
fid-dinja fir-rigward ta' teknoloġija nadifa, iżda jista' jintqal
l-istess għall-kompetituri importanti bħalma huma l-Istati Uniti
tal-Amerika. Iċ-Ċina u l-Indja diġà għaddew
lill-Pajjiżi l-Baxxi, lill-Awstrija, lill-Belġju, lil Franza u lil
Spanja. Ara r-rapport tal-Global Cleantech Innovation Index 2012, tal-Grupp
CleanTech u tal-WWF. [14] Il-metodi tal-kejl
tal-prestazzjoni ambjentali ta' prodotti u organizzazzjonijiet jistgħu
jidħlu f'żewġ kategoriji ewlenin: 1) il-kejl tal-prestazzjoni
ambjentali permezz tal-impatti diretti (jiġifieri impatti li jistgħu
jiġu attribwiti direttament għall-prodott/l-organizzazzjoni,
pereżempju l-iskart perikoluż li huwa riżultat tal-produzzjoni).
Fost dawn il-metodi, hemm uħud li jittrattaw dwar impatt ambjentali
waħdieni (pereżempju Scope 1 tal-Protokoll GHG, li jittratta
dwar il-gassijiet b'effett ta' serra), filwaqt li oħrajn jittrattaw dwar
għadd ta' impatti ambjentali (pereżempju l-Indikaturi Ewlenin
tal-Prestazzjoni tal-EMAS – is-sistema ta' Eko-ġestjoni u Verifika). 2)
Il-kejl tal-prestazzjoni ambjentali permezz tal-impatti diretti u indiretti
(jiġifieri dan jinkludi l-impatti f'fażijiet oħra
taċ-ċiklu tal-ħajja, pereżempju Valutazzjoni
taċ-Ċiklu tal-Ħajja mill-ħruġ mill-art,
sal-loġistika, l-użu, u tmiem il-ħajja). Fost dawn il-metodi,
hemm uħud li jittrattaw dwar impatt ambjentali waħdieni
(pereżempju Scope 1 tal-Protokoll GHG) filwaqt li oħrajn
jittrattaw dwar għadd ta' impatti ambjentali (pereżempju
l-Ekotikketta tal-UE). [15] Il-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA)
hija għodda metodoloġika stabbilita li tapplika l-ħsieb
mill-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja b'mod kwantitattiv fuq
l-analiżi ambjentali ta' attivitajiet b'rabta mal-proċessi jew
mal-prodotti. Karatteristika ewlenija tal-valutazzjoni taċ-ċiklu
tal-ħajja hija l-attenzjoni olistika fuq il-prodotti jew il-proċessi
u l-funzjonijiet tagħhom, fejn jiġu meqjusa l-attivitajiet qabel ma
jitlesta l-prodott jew il-proċess u wara li jitlesta. Għalhekk,
pereżempju, l-LCA ta' prodott tinkludi l-proċessi kollha
tal-produzzjoni u s-servizzi assoċjati mal-prodott tul iċ-ċiklu
tal-ħajja tiegħu, mill-ġbir tal-materja prima sal-produzzjoni
tal-materjali li jintużaw fil-manifattura tal-prodott, l-użu
tal-prodott sar-riċiklar tiegħu u/jew ir-rimi finali ta' partijiet
minnu. Dan it-tip ta' ċiklu tal-ħajja sħiħ ħafna drabi
wkoll huwa magħruf bħala "mill-benniena sal-qabar". [16] Ara http://ec.europa.eu/environment/consultations/sustainable.htm [17] Il-Ġermanja, l-Isvezja, in-Norveġa,
il-Ġappun, il-Korea ta’ Isfel, u t-Tajwan. [18] Ewrobarometru
Speċjali 295 "L-attitudnijiet taċ-ċittadini Ewropej lejn
l-ambjent", 2008, p. 27; Eurobarometer Europeans’
attitudes towards the issue of sustainable consumption and production, 2009. [19] OECD (2011); Environmental Claims - Findings and
Conclusions of the OECD Committee on Consumer Policy. - DEFRA (2010);
Assessment of Green Claims on Product Packaging. [20] Il-Flash Eurobarometer
256 dwar l-attitudni tal-Ewropej lejn l-SCP, 2009. Barra minn hekk, il-Flash
Eurobarometer 332 tal-2012 wera li
wieħed minn kull tliet konsumaturi sabu informazzjoni qarrieqa dwar
l-impatti ambjentali ta' prodott. Għal aktar evidenza ara r-rapport dwar
il-Valutazzjoni tal-Impatti. [21] Għal analiżi aktar dettaljata ta' din ir-rabta,
ara r-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impattii. [22] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u
lill-Parlament Ewropew - Integrated Product Policy - Building on Environmental
Life-Cycle Thinking (Politika Integrata tal-Prodotti – Inkomplu nibnu fuq
il-Perspettiva ta' Ċiklu tal-Ħajja Ambjentali). COM/2003/0302 finali. [23] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew,
lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat
tar-Reġjuni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika
Industrijali Sostenibbli – Pjan ta’ Azzjoni. COM/2008/0397 finali. COM/2008/0397
finali. [24] http://lct.jrc.ec.europa.eu/pdf-directory/ILCD-Handbook-General-guide-for-LCA-DETAIL-online-12March2010.pdf [25] Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill
tal-20 ta' Diċembru 2010 fejn stieden lill-Kummissjoni
"biex tiżviluppa metodu komuni għall-valutazzjoni kwantitattiva
tal-impatti ambjentali tal-prodotti tul iċ-ċiklu tal-ħajja
tagħhom". [26] Analysis of Existing
Environmental Footprint Methods for Products and Organizations:
Recommendations, Rationale, and Alignment, JRC, 2011, http://ec.europa.eu/environment/eussd/pdf/Deliverable.pdf
[27] L-eżerċizzji ta’ ttestjar f’sitwazzjoni reali
ġew ittestjati fl-2011-2012. Il-metodoloġiji ġew ittestjati
fil-każ ta' 10 prodotti (agrikultura, bejgħ, bini, kimiki, ICT, ikel,
manifattura – żraben, televixins, karta), u ta’ 10 organizzazzjonijiet
(bejgħ, ikel, il-produzzjoni tal-enerġija, il-forniment tal-ilma,
għalf, is-settur pubbliku, ICT, it-tħaffir għall-materjali
primi, il-kimiki u l-manifattura tal-karta). Għad-dettalji ara l-Anness 9
tar-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti. [28] L-aħħar abbozzi tal-metodi u d-dettalji dwar
il-proċess tal-iżvilupp tal-PEF u l-OEF: http://ec.europa.eu/environment/eussd/product_footprint.htm
[29] It-tibdil fil-klima; it-tħassir tal-ożonu;
it-tossiċità umana - l-effetti tal-kanċer; it-tossiċità umana -
l-effetti mhux tal-kanċer; materjal ta’ partikoli/inorganiki respiratorji;
radjazzjoni ionizzanti; formazzjoni fotokimika fl-ożonu;
aċidifikazzjoni; ewtrofikazzjoni – terrestrijali; ewtrofikazzjoni –
akkwatika; ekotossiċità - ilma ħelu akkwatiku; użu tal-art;
qerda tar-riżorsi - ilma; qerda tar-riżorsi – mineral kombustibbli u
karburant fossili. [30] Għal spjegazzjoni dettaljata tal-elementi
tekniċi tal-PEF u l-OEF ara r-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impattii. [31] Il-PEFCRs huma sett ta' regoli li jikkomplementaw il-gwida
metodoloġika ġenerali għall-istudji tal-PEF billi jagħtu
aktar speċifikazzjoni fil-livell ta' kategorija speċifika ta'
prodotti. L-OEFSRs huma sett ta' regoli li jikkomplementaw il-gwida
metodoloġika ġenerali għall-istudji tal-OEF billi jagħtu
aktar speċifikazzjoni fil-livell tas-settur. [32] Il-metodu tal-marka tal-karbonju fl-ICT żviluppat
skont COM(2010)245 final Aġenda Diġitali għall-Ewropa,
Envifood Protocol żviluppat mill-Food SCP Roundtable; ħidma ta’
standardizzazzjoni marbuta mas-"Sostenibbiltà tax-xogħlijiet
tal-kostruzzjoni" skont il-kumitat Tekniku tas-CEN 350. [33] Eż. l-użu
tal-istudji tal-PEF bħala mezz biex jiġu identifikati l-impatti
ambjentali rilevanti fl-iżvilupp tal-kriterji tal-Ekotikketta jew l-APE; [34] L-iffissar ta' valur
komparattiv jinvolvi l-identifikazzjoni tal-mudell medju li jkun disponibbli
fis-suq, u d-definizzjoni ta' klassifiki ta' prestazzjoni ambjentali
bbażati fuq din l-analiżi. [35] Eż. regoli dwar il-kategoriji tal-prodotti
żviluppati fil-qafas tal-esperimentazzjoni Franċiża
Grenelle II jew żviluppati permezz ta' skemi internazzjonali
oħrajn, bħall-EPD Svediża jew l-Eco-leaf Ġappuniża,
Dokumenti ta' Referenza Settorjali tal-EMAS. [36] http://ec.europa.eu/environment/ipp/ipp_wg.htm
[37] Ir-Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar programm Komunitarju
ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir
tal-uffiċċju. [38] SEC(2009) 1666 – Il-Kapitolu 2.5 Prattiċi
Kummerċjali Żleali fl-Iggwidar dwar
l-implimentazzjoni/l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi
kummerċjali inġusti. [39] Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi
kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern
(Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU
L 149, 11.6.2005, p 22) [40] Aġenda għall-Konsumaturi
Ewropej - Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir, COM(2012) 225 finali. [41] Id-Djalogu bejn firxa wiesgħa ta' Partijiet
Interessati dwar id-Dikjarazzjonijiet Ambjentali (MDEC), ippresedut mid-DĠ
SANCO, JUST, u ENV. Rapport li jippreżenta s-sejbiet u l-konklużjonijiet
ewlenin tal-MDEC tressaq fit-18 ta’ Marzu fis-Samit Ewropew tal-Konsumaturi
tal-2013, http://www.european-consumer-summit.eu. [42] COM(2012) 710 final.