52013DC0169

GREEN PAPER Qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030 /* COM/2013/0169 final */


GREEN PAPER

Qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030

1.           Daħla

L-UE għandha qafas ċar biex torjenta l-politiki tagħha dwar l-enerġija u l-klima sal-2020. Dan il-qafas jintegra fih l-għanijiet differenti tal-politika, bħat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (il-GHGs), l-iżgurar tal-provvista tal-enerġija u l-appoġġ għat-tkabbir, għall-kompetittività u għall-impjiegi permezz ta’ approċċ kosteffettiv u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi li huwa bbażat fuq teknoloġija ta’ livell għoli. Dawn l-għanijiet tal-politika jintlaħqu permezz ta’ tliet miri ewlenin – għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, għall-enerġija rinnovabbli u għall-iffrankar tal-enerġija. Hemm miri addizzjonali għall-enerġija użata mis-settur tat-trasport. B’mod parallel, l-UE daħħlet fis-seħħ qafas regolatorju biex jixpruna l-ħolqien ta’ suq uniku miftuħ, integrat u kompetittiv għall-enerġija li jippromwovi s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Filwaqt li l-UE qed tagħmel progress tajjeb biex tilħaq il-miri stabbiliti għall-2020, kif ukoll fil-ħolqien tas-suq intern għall-enerġija u fl-ilħiq ta’ għanijiet oħrajn tal-politika dwar l-enerġija, issa hemm bżonn nirriflettu dwar qafas ġdid għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030. Huwa importanti li jintlaħaq ftehim bikri dwar il-qafas għall-2030 għal tliet raġunijiet:

· l-ewwel nett, ċikli twal tal-investiment ifissru li l-infrastruttura li tiġi ffinanzjata fil-futur qarib se jkun għadha tintuża fl-2030 u wara dik id-data, u għalhekk l-investituri għandhom bżonn taċ-ċertezza u ta’ riskju regolatorju mnaqqas;

· it-tieni nett, il-fatt li wieħed jiċċara l-għanijiet għall-2030 se jgħin biex jintlaħaq progress favur ekonomija kompetittiva u sistema sikura tal-enerġija billi tinħoloq aktar domanda għal teknoloġiji effiċjenti u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u billi jiġu xprunati r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, li jistgħu joħolqu opportunitajiet ġodda għall-impjiegi u għat-tkabbir. Dan imbagħad inaqqas l-ispiża ekonomika kemm b’mod dirett u kemm b’mod indirett;

· it-tielet nett, filwaqt li n-negozjati għal ftehim internazzjonali li jorbot legalment dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kienu diffiċli, xorta waħda huwa mistenni jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar dan sa tmiem l-2015. L-UE se jkollha taqbel dwar għadd ta’ kwistjonijiet, inkluż il-livell ambizzjuż tagħha stess, qabel din id-data sabiex tkun tista’ tiddiskuti b’mod attiv ma’ pajjiżi oħra dwar dan.

Dan il-qafas għall-2030 għandu jkun ambizzjuż biżżejjed biex jiżgura li l-UE tkun fit-triq it-tajba biex tilħaq għanijiet iktar fit-tul fil-qasam tal-klima. Madankollu, huwa għandu jirrifletti wkoll għadd ta’ bidliet importanti li seħħew minn meta ġie miftiehem il-qafas oriġinali fl-2008/l-2009:

· il-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika li għaddejja bħalissa;

· il-problemi baġitarji tal-Istati Membri u tan-negozji li qed isibuha diffiċli li jsibu fondi għal investimenti fit-tul;

· l-iżviluppi fis-swieq tal-enerġija tal-UE u dinjin, inkluż b’rabta mas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, mal-gass u ż-żejt mhux konvenzjonali u mal-enerġija nukleari;

· it-tħassib tal-familji dwar kemm l-enerġija hija ta’ prezz li jifilħu jħallsuh u t-tħassib tan-negozji dwar il-kompetittività;

· u d-diversi livelli ta’ impenn u ta’ ambizzjoni tal-imsieħba internazzjonali fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (il-GHGs).

Il-qafas għall-2030 għandu jissejjes fuq l-esperjenza miksuba mill-qafas attwali: x’ħadem, x’ma ħadimx u x’jista’ jittejjeb. Għandu jqis l-iżviluppi internazzjonali u jixpruna azzjoni iktar b’saħħitha b’rabta mal-klima fil-livell internazzjonali. Huwa għandu wkoll jidentifika l-aħjar mod biex jitkabbru kemm jista’ jkun is-sinerġiji u biex jiġu indirizzati l-kompromessi bejn l-għanijiet tal-kompetittività, tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u tas-sostenibbiltà.

Il-qafas għandu jqis ukoll il-perspettiva aktar fit-tul li l-Kummissjoni stabbiliet fl-2011 fil-Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050, il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 u l-White Paper dwar it-Trasport. Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjonijiet dwar kull wieħed minn dawn il-Pjanijiet direzzjonali[1]. Dawn il-Pjanijiet direzzjonali ġew żviluppati f’konformità mal-għan li, sal-2050, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jitnaqqsu bi 80 % sa 95 % meta mqabbla mal-livelli tagħhom tal-1990 bħala parti mill-isforzi li l-pajjiżi żviluppati meħtieġa jagħmlu kollha f’daqqa. Ix-xenarji f’dawn il-Pjanijiet direzzjonali ssuġġerew is-sejbiet ewlenin li ġejjin:

· sal-2030, jeħtieġ li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jitnaqqsu b’40 % fl-UE sabiex din tkun f’qagħda li tilħaq tnaqqis ta’ bejn 80 u 95 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2050, b’mod konsistenti mal-mira maqbula fil-livell internazzjonali biex it-tisħin atmosferiku jiġi llimitat għal inqas minn 2 °C;

· sehem ikbar tal-enerġija rinnovabbli, titjib fl-effiċjenza enerġetika u infrastruttura tal-enerġija aħjar u aktar intelliġenti huma għażliet biex tiġi ttrasformata s-sistema tal-enerġija tal-UE “li wieħed ma jiddispjaċihx li jkun għamilhom”;

· għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, ix-xenarji tal-politika fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 jindikaw sehem ta’ madwar 30 % fl-2030;

· hemm bżonn ta’ investimenti sinifikanti sabiex is-sistema tal-enerġija tiġi mmodernizzata, bid-dekarbonizzazzjoni jew mingħajrha, u dan se jkollu impatt fuq il-prezzijiet tal-enerġija fil-perjodu sal-2030.

L-għan ta’ din il-Green Paper huwa li tikkonsulta lill-partijiet interessati biex tikseb evidenza u fehmiet sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-qafas għall-2030. Din il-Green Paper tibda billi tagħti ħarsa ġenerali lejn il-qafas attwali u lejn dak li nkiseb s’issa, imbagħad tippreżenta l-kwistjonijiet li dwarhom qed jintalbu l-kummenti tal-partijiet interessati. B’mod parallel, il-Kummissjoni qed twettaq konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet marbutin man-negozjati internazzjonali dwar ftehim ġdid li jorbot legalment għall-azzjoni b’rabta mal-klima, kif ukoll dwar il-politika tagħha biex ikun jista’ jsir il-wiri tat-teknoloġija għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju.

2.           Il-qafas tal-politika attwali tal-UE u x’inkiseb s’issa

Fil-qalba tal-qafas tal-politika attwali nsibu tliet miri ewlenin li għandhom jinkisbu sal-2020: (1) mira għal tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE meta mqabbel mal-livelli tagħhom tal-1990; (2) sehem ta’ 20 % għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-enerġija kkunsmata fl-UE, b’miri speċifiċi għall-Istati Membri individwali; u (3) iffrankar ta’ 20 % fil-konsum tal-enerġija meta mqabbel mat-tbassir. Barra minn hekk, hemm miri speċifiċi għall-2020 għall-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport (10 %) u għad-dekarbonizzazzjoni tal-fjuwils użati fis-settur tat-trasport (6 %). Il-qafas jirrikonoxxi wkoll id-differenzi bejn l-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mat-taħlitiet tal-enerġija tagħhom, mal-ġid ekonomiku tagħhom u mal-kapaċità tagħhom li jieħdu ċerti azzjonijiet, u għalhekk jinkludi mekkaniżmi biex jiġi żgurat tqassim ġust tal-isforzi bejniethom. Huwa jinkludi miżuri biex jiġu indirizzati r-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u l-impatti tiegħu fuq is-setturi tal-industrija li jużaw ħafna enerġija. Il-qafas huwa appoġġat minn sett wiesa’ ta’ strumenti finanzjarji tal-Unjoni u minn Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (il-Pjan SET). Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li tirrevedi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u l-elettriku[2] sabiex telimina d-dupplikazzjoni bejn l-istrumenti fiskali eżistenti. L-Istrateġija msejħa “Enerġija 2020”[3], li tivvaluta l-isfidi u l-miżuri biex tiġi żgurata sistema tal-enerġija kompetittiva, sostenibbli u sikura, tikkumplimenta l-qafas għall-2020.

2.1.        Il-mira ta’ tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-miżuri ta’ implimentazzjoni

Il-mira ta’ tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 meta mqabbel mal-livelli tagħhom tal-1990 hija implimentata permezz tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet (l-EU ETS) u permezz tad-Deċiżjoni dwar il-qsim tal-isforz li tiddefinixxi l-miri ta’ tnaqqis għas-setturi li mhumiex koperti mill-EU ETS, u l-politiki tal-UE u dawk nazzjonali favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet jappoġġaw il-kisba ta’ din il-mira. Fl-2011, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra kif inhuma koperti mill-pakkett dwar il-klima u l-enerġija ġew stmati li kienu 16 % inqas mil-livelli tal-1990.

L-EU ETS tistabbilixxi prezz uniformi tal-karbonju għall-istallazzjonijiet industrijali l-kbar, għas-settur tal-enerġija u għas-settur tal-avjazzjoni. Hija tkopri iktar minn 10 000 stallazzjoni u kważi 50 % mill-emissjonijiet kollha tal-gassijiet serra fl-UE. Dan il-prezz uniformi jiżgura li l-għanijiet fil-qasam tal-klima jintlaħqu b’mod kosteffettiv u li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs għan-negozji madwar l-UE. Il-prezz tal-karbonju issa jifforma parti mid-deċiżjonijiet operattivi tan-negozji tal-UE u minn dawk dwar l-investiment tagħhom u huwa kkontribwixxa għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet. Madankollu, huwa ma rnexxilux jixpruna b’mod ewlieni l-investimenti fit-tul f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Minkejja l-fatt li l-limitu massimu tal-emissjonijiet tal-EU ETS jonqos għal madwar -21 % sal-2020 meta mqabbel mal-livelli tal-2005 u jkompli jonqos wara l-2020 – ħaġa li, fil-prinċipju, tagħti garanzija legali li se jkun hemm bżonn tal-investimenti f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, l-ammont kbir ta’ kwoti żejda li hemm dal-ħin, li ġej parzjalment mill-kriżi ekonomika, ma jħallix lil dan jiġi rifless fil-prezz tal-karbonju. Il-prezz baxx tal-karbonju mhux qed jipprovdi lill-investituri b’biżżejjed inċentivi biex jinvestu u jżid ir-riskju tal-hekk imsejjaħ “carbon lock-in”, jiġifieri r-riskju li jibqgħu jintużaw it-teknoloġiji b’livelli għolja ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Xi Stati Membri huma mħassbin dwar dan l-iżvilupp u ħadu, jew qed iqisu li jieħdu, miżuri nazzjonali bħalma huma t-taxxi fuq il-fjuwils li jużaw ħafna karbonju fis-setturi li jaqgħu fi ħdan l-EU ETS. Hemm riskju, li qiegħed dejjem jikber, li l-frammentazzjoni tal-politika thedded is-suq uniku, u li l-politiki nazzjonali u settorjali jimminaw ir-rwol tal-EU ETS u l-kundizzjonijiet indaqs li din suppost kellha toħloq. Ir-Rapport dwar is-suq tal-karbonju jivvaluta f’aktar dettall il-funzjonament tal-EU ETS[4].

Id-Deċiżjoni dwar il-qsim tal-isforz tistabbilixxi miri nazzjonali għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-setturi li mhumiex koperti mill-EU ETS. Il-mira aggregata hija ta’ tnaqqis ta’ 10 % fl-emissjonijiet fil-livell tal-UE sal-2020 meta mqabbel mal-livelli tal-2005. Ħafna politiki tal-UE, inklużi l-leġiżlazzjoni u l-inizjattivi speċifiċi għal setturi differenti, ikkontribwew għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’dawn is-setturi. Dawn ivarjaw minn politiki li jtejbu l-effiċjenza enerġetika u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 tal-karozzi, tas-settur residenzjali u tat-tagħmir li juża l-enerġija, għal politiki speċifiċi dwar l-iskart, l-ambjent, l-agrikultura u l-użu tal-art (ara l-Anness). L-implimentazzjoni ta’ politiki biex tinkiseb il-mira fil-qasam tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika wkoll tikkontribwixxi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet. Il-miri nazzjonali huma mqassmin fost l-Istati Membri skont il-kapaċità ekonomika tagħhom. Xi wħud għandhom bżonn inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom meta mqabbla mal-livelli tal-2005, filwaqt li oħrajn jistgħu jżidu xi ftit l-emissjonijiet tagħhom. Kollox ma’ kollox, l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira ta’ tnaqqis ta’ 10 %, iżda hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri differenti. Nofshom għad iridu jieħdu miżuri addizzjonali. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni dwar il-qsim tal-isforz tippermetti lill-Istati Membri jilħqu l-miri tagħhom b’mod flessibbli, kemm jekk jagħmlu dan permezz tal-akkwist ta’ krediti internazzjonali u kemm jekk jagħmlu dan permezz tal-kummerċ mal-Istati Membri li jkunu laħqu l-miri tagħhom u qabżuhom.

2.2.        Il-mira għall-enerġija rinnovabbli u l-miżuri ta’ implimentazzjoni

L-UE qed tagħmel progress lejn l-ilħiq tal-mira ta’ sehem tal-enerġija rinnovabbli ta’ 20 % fil-konsum finali gross tal-enerġija sal-2020. Fl-2010, is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-UE kien ta’ 12.7 % meta mqabbel ma’ sehem ta’ 8.5 % fl-2005. Fil-perjodu bejn l-1995 u l-2000, meta ma kien hemm l-ebda qafas regolatorju, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli żdied b’1.9 % fis-sena. Wara l-introduzzjoni tal-miri indikattivi (għall-2001 sal-2010), is-sehem tal-enerġija rinnovabbli żdied b’4.5 % fis-sena. Wara li ddaħħlu miri nazzjonali li jorbtu legalment, it-tkabbir żdied iżda xorta jeħtieġ li jilħaq medja ta’ 6.3 % fis-sena biex tintlaħaq il-mira globali stabbilita għall-2020. Is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-qasam tat-trasport laħaq l-4.7 % fl-2010, meta mqabbel ma’ 1.2 % biss fl-2005. Fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli qed ikompli jikber u għandu kważi jirdoppja sal-2020. Madankollu, ħafna mill-Istati Membri se jkollhom jieħdu miżuri ġodda sabiex jiksbu l-miri tagħhom għall-2020 minħabba t-tnaqqis fl-iskemi ta’ appoġġ u l-aċċess iktar diffiċli għall-fondi fil-kuntest tal-kriżi ekonomika.

Fl-2012, il-Kummissjoni ħarġet dokument dwar il-qagħda attwali tal-qasam tal-enerġija rinnovabbli fl-UE[5]. Rapport aġġornat dwar il-progress qed jiġi ppubblikat flimkien ma’ din il-Green Paper. L-investimenti fir-riċerka u fl-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-użu fuq skala kbira fis-settur ikkontribwew għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli. Hemm sfidi kbar marbutin mal-użu fuq skala kbira, bħalma huma l-integrazzjoni sħiħa tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku tal-UE b’mod li jittratta l-intermittenza u t-titjib tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fl-ilħiq tal-miri. L-akkoppjament tas-swieq tal-operaturi tal-elettriku tal-UE se jgħin biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku. L-istess se jagħmel l-użu ta’ grilji intelliġenti, li se jipprovdi opportunitajiet biex il-ġenerazzjoni, il-kontroll tal-grilja, il-ħżin u l-konsum jiġu adattati għall-qagħda tas-swieq li qiegħda tinbidel. Madankollu, se jkun hemm bżonn ukoll ta’ investimenti enormi fil-grilji tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, fosthom permezz ta’ infrastruttura transkonfinali, biex jitlesta s-suq intern tal-enerġija u biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fih. Sfida importanti oħra hija li, biż-żmien, jiġi żgurat li s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jsiru aktar kosteffiċjenti sabiex l-użu tal-iskemi ta’ appoġġ jiġi llimitat biss għal dawk it-teknoloġiji u l-oqsma li għad għandhom bżonnu. Dawn l-iskemi għandhom jitfasslu b’tali mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed, li titjieb il-kosteffiċjenza, li jiġi nkuraġġut tnaqqis kbir fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, li tissaħħaħ l-innovazzjoni, li jiġi żgurat użu sostenibbli tal-materja prima, li jkunu jistgħu jiġu adattati għall-iżviluppi fl-ispejjeż sabiex tiġi evitata d-dipendenza fuq is-sussidji, li jkunu konsistenti fl-Istati Membri kollha u, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mal-bijofjuwils, li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mad-WTO.

2.3.        Il-mira għall-iffrankar tal-enerġija u l-miżuri ta’ implimentazzjoni

Il-mira ta’ ffrankar ta’ 20 % tal-konsum tal-enerġija primarja tal-UE sal-2020 (meta mqabbla mat-tbassir li sar fl-2007) ma torbotx legalment lill-Istati Membri, madankollu xorta waħda sar progress sinifikanti lejn l-ilħiq tagħha. Wara snin ta’ tkabbir, il-konsum tal-enerġija primarja laħaq il-quċċata tiegħu fl-2005/l-2006 (b’ammont ta’ madwar 1 825 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti taż-żejt (Mtoe)) u mill-2007 ’l hawn beda jonqos kemm kemm (u laħaq ammont ta’ 1 730 Mtoe fl-2011). Din ix-xejra ġejja parzjalment mill-kriżi ekonomika u parzjalment mill-effettività tal-politiki eżistenti. Ġejja wkoll mit-tnaqqis fl-intensità enerġetika tal-industrija tal-UE, li naqset minn 174 tunnellata ta’ ekwivalenti taż-żejt (toe) għal kull miljun euro fl-2000 għal 167 fl-2005 u għal 149 fl-2010.

Permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika fl-2012, issa hemm qafas leġiżlattiv komprensiv fil-livell tal-UE li l-Istati Membri jridu jimplimentaw bis-sħiħ. Id-Direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika se tgħin biex jiġi xprunat il-progress f’dan il-qasam, għalkemm l-analiżi preliminari tal-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-mira għall-2020 mhix se tintlaħaq bil-politiki attwali[6]. Parti mill-problema hija n-nuqqas ta’ għodod xierqa għall-monitoraġġ tal-progress u għall-kejl tal-impatti fil-livell tal-Istati Membri. Sfida importanti oħra hija li jinstabu l-fondi meħtieġa biex jiġi żgurat progress kontinwu.

Sa mill-2009 u l-2010 ’l hawn, ġew adottati miżuri ta’ implimentazzjoni fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-ekodisinn u tad-Direttiva dwar it-tikkettar enerġetiku għall-prodotti relatati mal-enerġija. Dawn il-miżuri jnaqqsu d-domanda tal-prodotti industrijali u domestiċi għall-enerġija u jwasslu għal iffrankar għall-utenti aħħarin. Il-miżuri ġew adottati għal diversi tipi ta’ tagħmir elettroniku, inklużi l-magni tal-ħasil tal-platti, il-friġġijiet, il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, it-televixins u t-tajers domestiċi, kif ukoll għal prodotti industrijali bħall-muturi, il-fannijiet u l-pompi. Il-miżuri adottati b’rabta mal-ekodisinn u mat-tikkettar huma stmati li se jwasslu għal iffrankar tal-enerġija ta’ madwar 90 Mtoe fl-2020.

Sabiex tindirizza l-kwistjoni tal-enerġija kkunsmata fil-bini, b’mod partikulari għall-għanijiet tat-tisħin u tat-tkessiħ, fl-2010 l-UE adottat reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Minbarra l-obbligu għall-Istati Membri li japplikaw rekwiżiti minimi għar-rendiment tal-enerġija għall-bini l-ġdid u eżistenti, id-Direttiva teżiġi li huma jiżguraw li sal-2021 il-bini l-ġdid kollu jkun “bini li ma juża kważi l-ebda enerġija”. Madankollu, id-dewmien u miżuri nazzjonali mhux kompluti fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jirriskjaw li jdgħajfu l-kontribut meħtieġ mis-settur tal-bini favur inqas emissjonijiet tal-gassijiet serra u inqas konsum tal-enerġija. Il-potenzjal kosteffettiv ta’ ffrankar tal-enerġija fis-settur tal-bini huwa stmat li se jkun ta’ 65 Mtoe sal-2020. L-UE appoġġat l-iżvilupp ta’ teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inkluż permezz ta’ sħubiji pubbliċi dwar bini li huwa effiċjenti fl-użu tal-enerġija, il-karozzi ekoloġiċi u l-produzzjoni sostenibbli.

Fis-settur tat-trasport, ir-Regolamenti li jistabbilixxu standards ta’ rendiment għall-vetturi ħfief wasslu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra li huwa rifless fit-tnaqqis fl-emissjonijiet medji tas-CO2 mill-flotta tal-karozzi l-ġodda minn 172 gramma għal kull kilometru fl-2000 għal 135.7 grammi għal kull kilometru fl-2011.

2.4.        Is-sigurtà tal-provvista u kemm l-enerġija hija ta’ prezz li kulħadd jiflaħ iħallsu fis-suq intern tal-enerġija

Il-pakkett tal-2009 dwar il-klima u l-enerġija mhuwiex l-uniku punt ta’ ħidma f’dan il-qasam. Fl-2009 u fl-2010, l-UE adottat leġiżlazzjoni komprensiva dwar is-suq intern tal-enerġija għall-elettriku u l-gass naturali u, wara ż-żewġ kriżijiet fil-provvista tal-gass, adottat ukoll ir-Regolament dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass. Minħabba li l-ebda wieħed mill-għanijiet tal-politika dwar l-enerġija ma jista’ jintlaħaq mingħajr konnessjonijiet adegwati tal-grilja, il-Kummissjoni pproponiet ukoll Regolament dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li dwaru ntlaħaq ftehim politiku mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Dan ir-Regolament jindirizza l-isfidi tal-infrastruttura biex jiġu żgurati interkonnessjoni ta’ vera fis-suq intern, l-integrazzjoni tal-enerġija minn diversi sorsi tal-enerġija rinnovabbli u aktar sigurtà tal-provvista[7].

Hemm stabbiliti miżuri oħrajn tal-UE, bħall-Pjan Ewropew tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika, biex jinkuraġġixxu bidla teknoloġika permezz ta’ proġetti tal-iżvilupp u tal-wiri għal teknoloġiji ġodda u innovattivi: pereżempju l-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni, il-grilji intelliġenti, il-bliet u n-netwerks intelliġenti, il-ħżin tal-elettriku u l-mobbiltà bl-elettriku, it-teknoloġiji għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju u l-enerġija nukleari tal-ġenerazzjoni li jmiss u t-tisħin u t-tkessiħ permezz ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Fil-bidu tal-2013, il-Kummissjoni pproponiet ukoll Direttiva dwar l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi li se tiġi appoġġata mir-reviżjoni proposta tal-Linji gwida tat-TEN-T.

Meta tfassal il-pakkett tal-2009 dwar il-klima u l-enerġija, għadd ta’ sfidi ma ġewx indirizzati. Pereżempju, ma ġietx iddefinita l-infrastruttura tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni meħtieġa. L-isfidi tal-ġestjoni marbutin mal-introduzzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, inkluż il-kwistjoni tal-provvista varjabbli ta’ ċerti sorsi tal-enerġija rinnovabbli (pereżempju r-riħ u x-xemx) lanqas ma tqiesu bis-sħiħ, u l-impatt ta’ għadd kbir ta’ skemi ta’ appoġġ nazzjonali għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fuq l-integrazzjoni tas-suq kienet issottovalutata.

It-tielet pakkett dwar l-enerġija indirizza l-kwistjoni ta’ kif tista’ titqanqal il-kompetizzjoni fis-suq, iżda ma ndirizzax il-kwistjoni ta’ jekk is-suq joffrix l-inċentivi meħtieġa biex wieħed jinvesti fil-ġenerazzjoni, id-distribuzzjoni u t-trażmissjoni, u joffrix il-kapaċità tal-ħżin meħtieġa f’sistema li fiha s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jkollhom sehem ikbar, jew le. Sakemm is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jsiru kompetittivi mil-lat tal-ispejjeż, l-għan ta’ sistema tal-enerġija iktar sostenibbli jrid jimxi id f’id mal-bżonn li jkun hemm suq tal-enerġija lliberalizzat u integrat għal kollox li kapaċi jsib l-investimenti u jallokahom b’mod effiċjenti.

Żviluppi u xejriet importanti li qed iseħħu fl-UE u ’l barra minnha jinkludu d-dipendenza dejjem ikbar tal-UE fuq l-importazzjoni tal-enerġija u l-progress teknoloġiku tal-kompetituri ewlenin tagħna, ir-rotot il-ġodda tal-provvista, kif ukoll il-fatt li qed jitfaċċaw produtturi ġodda tal-enerġija fl-Afrika u fl-Amerika Latina. Dan kollu se jkollu impatt fuq l-ispiża tal-enerġija u fuq is-sigurtà tal-provvista fl-UE.

3.           Kwistjonijiet ewlenin għal din il-konsultazzjoni

Il-qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030 se jissejjes fuq il-progress sinifikanti li diġà sar f’dan il-qasam. Huwa għandu jissejjes fuq l-esperjenza miksuba mill-qafas attwali u għandu jidentifika l-oqsma fejn jista’ jsir titjib. L-esperjenza u l-fehmiet tal-partijiet interessati, kull fejn ikun possibbli appoġġati minn provi sodi, huma essenzjali għall-erba’ kwistjonijiet wesgħin li ġejjin: il-miri, l-istrumenti l-oħra tal-politika, il-kompetittività u d-differenzi fil-kapaċità tal-Istati Membri differenti li jieħdu ċerti azzjonijiet.

3.1.        Il-miri

Il-kwistjonijiet fundamentali marbutin mal-qafas il-ġdid għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030 għandhom x’jaqsmu mat-tipi, in-natura u l-livell tal-miri, u ma’ kif dawn jinteraġixxu bejniethom. Il-miri għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE, fil-livell nazzjonali jew f’dak settorjali u għandhom ikunu jorbtu legalment? Hemm fehmiet diverġenti dwar il-ħtieġa għall-miri u dwar it-tipi ta’ miri. Filwaqt li l-esperjenza miksuba fil-kuntest tal-qafas attwali turi li l-miri jipprovdu impetu politiku, viżjoni fit-tul għall-investiment u valur referenzjarju għall-kejl tal-progress, xi partijiet interessati jargumentaw li l-miri eżistenti u l-politiki biex jintlaħqu mhux bilfors huma koerenti jew kosteffiċjenti, jew li huma ma jqisux biżżejjed il-kompetittività u l-vijabbiltà ekonomika u l-maturità tat-teknoloġiji. Il-qafas għall-2030 għandu jirrikonoxxi l-iżvilupp tat-teknoloġija tul iż-żmien u jippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu vvalutati liema miri jistgħu jkunu l-aħjar, u jistgħu jixprunaw il-politiki dwar l-enerġija u l-klima sal-2030 bil-mod l-iktar sempliċi u l-iktar kosteffettiv, u jekk l-approċċ attwali jistax jiġi ssimplifikat, l-iktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħtieġa ta’ diversi miri sekondarji, bħal dawk fis-settur tat-trasport. Din l-analiżi għandha tindirizza wkoll il-kwistjoni ta’ jekk ikunx xieraq li jkun hemm mira waħda biss għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030, filwaqt li tqis l-għanijiet l-oħra bħas-sigurtà tal-provvista u l-kompetittività.

Il-miri attwali tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, għas-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u għall-iffrankar tal-enerġija tfasslu b’mod li jappoġġaw b’mod reċiproku lil xulxin, u tabilħaqq hemm interazzjonijiet bejniethom. Sehem ikbar tal-enerġija rinnovabbli jista’ jwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, sakemm dawn ma jiħdux post sorsi oħrajn tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li t-titjib fl-effiċjenza enerġetika jista’ jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jiffaċilita l-ilħiq tal-mira għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli . Għalhekk, hemm sinerġiji ovvji, iżda hemm ukoll kompromessi potenzjali. Pereżempju, iffrankar tal-enerġija ikbar milli kien imbassar u produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli ikbar milli kienet mistennija jistgħu jnaqqsu l-prezz tal-karbonju billi jdgħajfu d-domanda għall-kwoti tal-emissjonijiet fl-EU ETS. Dan, min-naħa tiegħu, jista’ jdgħajjef is-sinjal tal-prezzijiet tal-EU ETS għall-innovazzjoni u l-investimenti fl-effiċjenza u fl-użu ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li ma jaffettwax il-kisba tal-mira globali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Qafas għall-2030 li jkun jinkludi diversi miri se jkollu jirrikonoxxi dawn l-interazzjonijiet b’mod espliċitu. Għandu jirrikonoxxi wkoll li sehem ikbar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u iktar iffrankar tal-enerġija waħedhom mhux se jiżguraw iktar kompetittività jew iktar sigurtà tal-provvista. Se jkun għad hemm bżonn ta’ politiki apposta, u jista’ jkun hemm bżonn ukoll ta’ indikaturi addizzjonali li jaqbdu dawn l-għanijiet b’mod iktar dirett.

Hemm kunsens wiesa’ li se jkunu meħtieġa miri intermedjarji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra biex tintlaħaq il-mira mixtieqa ta’ tnaqqis ta’ 80 sa 95 % sal-2050. Il-kwistjoni ewlenija hija d-deċiżjoni dwar l-aktar livell xieraq għat-tali mira intermedjarja. Il-Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 jissuġġerixxi li tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-1990 ikun kosteffettiv. Tnaqqis ta’ inqas minn 40 % jżid l-ispejjeż tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija fit-tul. Filwaqt li l-pjanijiet direzzjonali jissuġġerixxu li t-tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 jista’ jinkiseb mingħajr ma jiżdiedu bla bżonn l-ispejjeż għas-sistema tal-enerġija tagħna, se tkun ta’ sfida li wieħed isib il-fondi meħtieġa biex ikopri l-ispejjeż kapitali għal investimenti inizjali sinifikanti.

Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 wera li s-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-enerġija jrid ikompli jiżdied wara l-2020. Trid titqies bir-reqqa mira għall-2030 għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, minħabba li, f’dan il-perjodu taż-żmien, bosta sorsi tal-enerġija rinnovabbli mhux se jkun għadhom fil-fażi tal-bidu tagħhom u se jkunu qed jikkompetu dejjem iżjed ma’ teknoloġiji oħrajn b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Għandu jitqies ukoll jekk jistax jinkiseb sehem ikbar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-UE mingħajr mira speċifika iżda fil-kuntest tal-EU ETS u abbażi ta’ miżuri regolatorji biex jinħolqu l-kundizzjonijiet ix-xierqa tas-suq minflok. Il-forma li tista’ tieħu mira possibbli għas-sorsi tal-enerġija rinovabbli se tiddependi (i) fuq jekk titqiesx li hija meħtieġa mira biex jiġi żgurat sehem ikbar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli wara l-2020 u b’hekk jingħata kontribut għal sorsi tal-enerġija aktar lokali, għal inqas dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija u għall-impjiegi u t-tkabbir; u (ii) fuq jekk dan jistax jinkiseb u kif dan jista’ jsir mingħajr ma l-iskemi ta’ appoġġ għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jkollhom impatti mhux mixtieqa fuq is-swieq tal-enerġija, il-prezzijiet tal-enerġija u l-baġits pubbliċi. Irid jiġi stabbilit jekk l-għanijiet fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli jistgħux jintlaħqu bl-aħjar mod permezz ta’ mira ewlenija ġdida li jkun fiha miri sekondarji jew le għal setturi bħat-trasport, l-industrija u l-agrikoltura, u/jew permezz ta’ miżuri speċifiċi oħrajn. Kwalunkwe mira jew politika għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli se jkollha tqis l-evidenza dejjem tikber dwar is-sostenibbiltà, l-ispejjeż, l-istat ta’ maturità tat-teknoloġiji u l-potenzjal tal-innovazzjoni tagħha.

Il-qafas tal-UE għall-politika dwar l-effiċjenza enerġetika għadu kemm ġie aġġornat permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika u fl-2014 se ssir reviżjoni fir-rigward tal-mira għall-2020. Id-diskussjonijiet dwar mira għall-iffrankar tal-enerġija għall-2030 għandhom jitqiesu f’dan il-kuntest. Hemm għadd ta’ kwistjonijiet li għandhom jitqiesu. L-ewwel nett, il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 jirrikonoxxi l-effiċjenza enerġetika, u l-iffrankar tal-enerġija li jiġi minnha, bħala għażla għas-sistema tal-enerġija “li wieħed ma jiddispjaċihx li jkun għamilha”. Filwaqt li l-evidenza dwar il-prestazzjoni tas-sistema attwali mhix se tkun kompletament disponibbli sal-2014 jew wara, se jkun essenzjali li wieħed jiżgura li kwalunkwe mira possibbli għall-iffrankar tal-enerġija tkun konsistenti ma’ kwalunkwe mira oħra li jista’ jkun hemm. Se jkun hemm bżonn jitqies ukoll jekk il-progress fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika jkunx xprunat bl-aħjar mod minn miri għall-Istati Membri individwali jew minn miri speċifiċi għas-settur.

Barra minn hekk, se jkun hemm bżonn jitqies jekk mira bħal din għandhiex tkompli titkejjel permezz tal-livelli assoluti tal-konsum tal-enerġija, jewinkella jekk mira relattiva marbuta mal-intensità tal-enerġija (pereżempju l-konsum tal-enerġija meta mqabbel mal-PDG jew mal-valur miżjud gross) tkunx aktar xierqa. Filwaqt li mira assoluta tista’ tiżgura aħjar l-għan globali tal-iffrankar, mira relattiva tista’ tqis aħjar id-dinamika tal-ekonomija tal-UE u r-realtà tal-iżvilupp ekonomiku.

Għall-kuntrarju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-approċċ attwali għall-effiċjenza enerġetika huwa bbażat fuq taħlita ta’ miri ambizzjużi u ta’ miżuri li jorbtu. Il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni tal-UE (bħal, pereżempju, il-qafas dwar l-ekodisinn, id-Direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika u d-Direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija) fil-kuntest tal-qafas għall-2020 hija marbuta, tal-inqas parzjalment, man-nuqqas ta’ miri għall-Istati Membri għall-iffrankar tal-enerġija li jorbtu legalment. Kwalunkwe mira għall-iffrankar jew għall-intensità tal-enerġija li torbot legalment ikollha tħalli lok għall-Istati Membri li jimmanuvraw biex jilħqu l-mira u possibbilment ikollha inqas miżuri li jorbtu fil-livell tal-UE. Madankollu, approċċ bħal dan ikollu jqis li ħafna mil-leġiżlazzjoni tal-UE li tikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija għandha wkoll rwol fundamentali fil-ħolqien tas-suq intern għal dawn il-prodotti (pereżempju l-qafas dwar l-ekodisinn). Jekk il-miri jibqgħu biss fil-livell ta’ miri mixtieqa, irid jitqies jekk il-miżuri konkreti attwali humiex biżżejjed jew jekk hemmx bżonn ta’ miżuri ġodda. Kwistjoni ewlenija se tkun sa liema punt is-swieq tal-enerġija, permezz tas-sinjal tal-prezzijiet u t-tweġiba għad-domanda, se jagħtu huma stess biżżejjed inċentivi biex ikun hemm titjib fl-effiċjenza enerġetika, inkluż bidla fl-imġiba tal-konsumaturi, u jekk l-EU ETS u l-impatt tagħha fuq il-prezzijiet tal-elettriku hux se jipprovdu inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija wkoll jekk ma jkunx hemm miri jew miżuri speċifiċi għal dan. Se jkollhom jitqiesu l-elastiċità relattivament baxxa tal-prezzijiet tad-domanda għall-enerġija f’ħafna setturi importanti tal-ekonomija u l-livelli mbassra għall-ġejjieni, kif ukoll il-varjabbiltà tal-prezz tal-EU ETS.

3.2.        Il-koerenza tal-istrumenti tal-politika

Il-miri tal-2020 huma implimentati permezz ta’ strumenti tal-politika fil-livell tal-UE li huma marbutin mill-qrib mas-suq intern. L-Istati Membri għandhom iktar lok li jimmanuvraw huma u jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE marbuta mal-enerġija rinnovabbli u mal-effiċjenza enerġetika u mal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li ma jaqgħux fi ħdan l-EU ETS, bħal fis-settur tat-trasport bit-triq. Dan wassal għal approċċi nazzjonali differenti għall-iskemi ta’ appoġġ għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, għat-tassazzjoni tal-enerġija u tas-CO2, għall-istandards tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-bini u għal politiki oħrajn dwar l-effiċjenza enerġetika.

X’aktarx li jkun hemm bżonn ta’ taħlita ta’ strumenti sabiex jiġu indirizzati l-għanijiet differenti tal-politika u jingħelbu l-ostakli għas-suq. Dawn l-istrumenti se jinteraġixxu bejniethom hekk kif deskritt hawn fuq. Xi partijiet interessati kkritikaw in-nuqqas ta’ konsistenza ġenerali bejn il-politiki minħabba t-tali interazzjonijiet u ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li jeħtieġ li tittejjeb il-kostefficjenza ta’ diversi miżuri fil-qasam tal-klima u tal-enerġija, filwaqt li titqies il-fattibbiltà teknoloġika. Barra minn hekk, il-miżuri nazzjonali m’għandhomx iwasslu għall-frammentazzjoni tas-suq intern. Għandu jkun hemm enfasi qawwija fuq l-investimenti fl-infrastruttura, b’mod partikulari fin-netwerks, li se jsaħħu l-integrazzjoni tas-suq tal-UE u se jiżguraw is-sostenibbiltà, il-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista.

Għalhekk, il-qafas tal-politika għall-2030 għandu joħloq bilanċ bejn il-miżuri konkreti ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-UE u l-flessibbiltà tal-Istati Membri li jilħqu l-miri tagħhom b’modi li jkunu l-iktar modi xierqa għaċ-ċirkustanzi nazzjonali tagħhom, iżda li jkunu konsistenti mas-suq intern. Il-bilanċ attwali tal-approċċ bejn strumenti fil-livell tal-UE, minn naħa waħda, u miri/strumenti nazzjonali tal-Istati Membri, min-naħa l-oħra, se jkollu jiġi vvalutat f’iktar dettall, inklużi l-impatti tas-sussidji fuq il-fjuwils fossili. Bħalma ġara fl-imgħoddi, jeħtieġ li jitqies ukoll it-tqassim tal-isforzi.

Minbarra l-istrumenti regolatorji, l-UE tipprovdi wkoll appoġġ finanzjarju sinifikanti marbut mat-tibdil fil-klima u mal-enerġija sostenibbli, b’mod partikulari permezz tal-politika ta’ koeżjoni, tal-programmi tar-riċerka tal-UE, u fil-ġejjieni permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. L-għanijiet tal-azzjoni b’rabta mal-klima se jirrappreżentaw tal-inqas 20 % tal-infiq tal-UE fil-perjodu bejn l-2014 u l-2020 u għalhekk se jkunu riflessi fl-istrumenti x-xierqa biex jiġi żgurat li jikkontribwixxu biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija u b’hekk tinbena ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li tkun effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u reżistenti għat-tibdil fil-klima li se ssaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa u toħloq iktar impjiegi u impjiegi iktar ekoloġiċi[8].

Jeħtieġ li jiġi vvalutat l-aċċess futur għall-krediti internazzjonali wara l-2020. L-użu tal-krediti internazzjonali jista’ jillimita l-ispejjeż iżda jikkontribwixxi wkoll għal inċertezza dwar x’inhu meħtieġ fil-livell nazzjonali, u kkontribwixxa għall-ammont ta’ kwoti żejda fl-EU ETS. Barra minn hekk, permezz tal-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif, l-industrija u l-gvernijiet tal-UE ssussidjaw setturi li jikkompetu ma’ dawk tal-UE, speċjalment f’ekonomiji emerġenti bħal dawk taċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil. Il-bidla minn kumpens ibbażat fuq il-proġetti lejn in-negozjar tal-emissjonijiet u mekkaniżmi oħra tas-suq tista’ tinkorpora aħjar il-kapaċitajiet differenti tal-pajjiżi li jieħdu azzjoni dwar it-tibdil fil-klima u tappoġġa l-progress lejn l-iżvilupp ta’ suq tal-karbonju aktar globali b’parteċipazzjoni internazzjonali wiesgħa.

Għas-setturi bħat-trasport marittimu u l-avjazzjoni, l-isforzi politiċi jinkludu wkoll sforz ikkoordinat favur standards u politiki li ntlaħaq qbil dwarhom fil-livell dinji biex ikun hemm, b’mod effettiv, tnaqqis globali tal-emissjonijiet. Bħala l-ewwel pass, fl-2013 daħal fis-seħħ l-indiċi tal-effiċjenza enerġetika tad-disinn li ntlaħaq qbil dwaru fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u li mistenni jnaqqas iż-żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport marittimu fid-dinja.

3.3.        It-trawwim tal-kompetittività tal-ekonomija tal-UE

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika tal-UE dwar l-enerġija huwa li jiġi żgurat li s-sistema tal-enerġija tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-ekonomija tal-UE billi tiżgura swieq tal-enerġija nazzjonali u internazzjonali li jkunu kompetittivi u prezzijiet li jkunu kompetittivi fil-livell internazzjonali u li jirrappreżentaw enerġija li l-konsumaturi aħħarin ikunu jifilħu jħallsuha. Dan huwa importanti b’mod speċjali għall-familji vulnerabbli u għas-setturi tal-industrija li huma esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali u li għalihom l-enerġija hija fattur importanti tal-produzzjoni. Minħabba li r-rwol tal-elettriku huwa mistenni jiżdied matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni tas-sistema tal-enerġija, l-ispejjeż tal-elettriku huma ta’ importanza partikulari għall-perjodu sal-2030.

Il-politiki dwar l-enerġija u l-klima jistgħu jagħtu spinta lid-domanda u lit-tkabbir fl-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-UE tinsab fuq quddiem nett fil-qasam tat-teknoloġiji, tal-prodotti u tas-servizzi nodfa u li huma aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u fil-qasam tat-teknoloġiji ekoloġiċi, li flimkien huma mistennija jiġġeneraw madwar 5 miljun impjieg fil-perjodu sal-2020[9]. Barra minn hekk, ħafna minn dawn il-politiki jikkontribwixxu biex ikun hemm inqas tniġġis tal-arja u biex ikun hemm titjib fil-qasam tas-saħħa. Fl-istess ħin, il-politiki ġew ikkritikati għall-impatt negattiv tagħhom fuq il-prezzijiet tal-enerġija, li jaffettwa ħażin kemm l-enerġija tkun ta’ prezz li l-familji vulnerabbli jkunu jifilħu jħallsuh u l-kompetittività ta’ setturi li jużaw ħafna enerġija, anki jekk dawn jistgħu jnaqqsu l-esponiment tal-industrija għall-ispejjeż tal-enerġija u jtejbu r-reżistenza għal prezzijiet tal-enerġija għoljin.

Filwaqt li l-prezzijiet tal-enerġija bl-ingrossa żdiedu b’mod moderat fl-UE, hemm evidenza li, għal ħafna negozji u djar, il-prezzijiet tal-elettriku għall-utenti aħħarin żdiedu b’mod iktar sinifikanti f’termini reali matul dawn l-aħħar għaxar snin. Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 jissuġġerixxi li din ix-xejra se tkompli fil-ġejjieni. L-iżviluppi fis-swieq internazzjonali u l-isfruttament ta’ idrokarburi mhux konvenzjonali jistgħu jwasslu biex tkompli tikber id-diskrepanza bejn il-prezzijiet fl-UE u dawk f’ekonomiji industrijali kbar oħrajn bħall-Istati Uniti fejn il-gass tax-“shale” issa huwa sors tal-enerġija li qed jintuża dejjem aktar. Fl-2012, il-prezzijiet tal-gass għall-industrija fl-Istati Uniti kienu aktar minn erba’ darbiet inqas minn dawk fl-Ewropa[10]. Huwa ċar li din ix-xejra hija xprunata minn bosta fatturi oħra minbarra l-politiki tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u li l-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa fl-UE għadhom jiddependu, fil-biċċa l-kbira tagħhom, mill-prezzijiet tal-fjuwils fossili. Id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar it-tariffi, l-imposti u t-taxxi wkoll ikollhom impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet għall-utenti aħħarin. Dawn il-fatturi jridu jitqiesu meta jkunu qed jitfasslu politiki ġodda. Il-fatturi differenti li jaffettwaw l-ispejjeż tal-enerġija nazzjonali, inkluża t-tassazzjoni, jeħtieġ li jiġu analizzati b’mod iddivrenzjat minħabba li l-impatt tagħhom fuq l-ispejjeż ġenerali tal-produzzjoni tal-enerġija jidher li jvarja ħafna. F’dan il-kuntest hemm għadd ta’ kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati.

L-ewwel nett, l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern hija kruċjali biex il-prezzijiet jinżammu taħt kontroll u biex jiġi ffaċilitat l-ilħiq tal-miri b’mod kosteffettiv, kemm permezz ta’ kompetizzjoni akbar fis-suq u kemm permezz ta’ użu iktar effiċjenti tal-infrastruttura tal-enerġija (permezz tal-kodiċijiet tan-netwerk).

It-tieni nett, hemm bżonn jiġi permess l-isfruttament, fil-ġejjieni, ta’ riżorsi lokali taż-żejt u tal-gass, kemm konvenzjonali u kemm mhux konvenzjonali, b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, minħabba li dawn ir-riżorsi jistgħu jikkontribwixxu biex jonqsu l-prezzijiet tal-enerġija fl-UE u d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni.

It-tielet nett, aktar diversifikazzjoni tar-rotot tal-provvista tal-enerġija tista’ ttejjeb il-kompetizzjoni fis-swieq tal-enerġija u l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika jistgħu jwasslu għal iffrankar sinifikanti fit-tul. Użu akbar tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli jrid ikollu miegħu ġestjoni mtejba tal-grilji, inqas spejjeż tat-teknoloġiji u prestazzjoni aħjar tagħhom u appoġġ kontinwu għall-innovazzjoni.

Ir-raba’ nett, ġie espress tħassib dwar il-fatt li l-impenn tal-UE biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima mhux irreċiprokat bis-sħiħ band’oħra, u li dan għandu impatt fuq il-kompetittività. Fl-istess ħin, l-impenn tal-Unjoni li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’20 % sal-2020 ikkontribwixxa għall-progress li sar mill-Konferenza ta’ Kopenħagen dwar il-klima fl-2009 ’l hawn. Iktar minn 90 pajjiż issa adottaw wegħdiet dwar dan bi gradi differenti ta’ ambizzjoni. Il-komunità internazzjonali wkoll adottat l-għan li tillimita t-tisħin globali għal inqas minn 2 (C. Barra minn hekk, diversi pajjiżi qed jimplimentaw jew jiżviluppaw leġiżlazzjoni għal skemi tagħhom stess għan-negozjar tal-emissjonijiet (l-Isvizzera, l-Awstralja, in-New Zealand, il-Korea t’Isfel, iċ-Ċina u diversi stati tal-Istati Uniti). Minkejja dawn l-iżviluppi, l-offerta tal-UE ta’ mira kundizzjonali ta’ tnaqqis ta’ 30 % tal-emissjonijiet tagħha tal-gassijiet serra ma wasslitx għal wegħdiet u azzjonijiet li jiżguraw li l-isforzi aggregati sal-2020 ikunu konformi mal-għan ta’ 2 °C. Għalhekk, huwa kruċjali li jkun hemm iktar kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll li l-pjattaforma ta’ Durban twassal għal ftehim sal-2015 għall-perjodu ta’ wara l-2020. Dan huwa iktar u iktar importanti minħabba li l-UE tirrappreżenta biss 11 % tal-emissjonijiet dinjin tal-gassijiet serra u minħabba li dan is-sehem qed jonqos dejjem iktar, hekk li hemm bżonn ta’ azzjoni internazzjonali effettiva biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima[11].

Il-ħames nett, l-isforzi tal-UE fil-qasam tal-avjazzjoni u tat-trasport marittimu jfittxu bil-kbir li jintlaħaq progress fil-fora internazzjonali rilevanti sabiex ikunu żgurati l-parteċipazzjoni globali u kundizzjonijiet indaqs tan-negozju.

Is-sitt nett, huwa ċar li prezzijiet ogħla tal-EU ETS u politiki biex titwessa’ l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli billi jingħata appoġġ jew trattament preferenzjali biex dawn jiddaħħlu fis-suq jistgħu jżidu l-prezzijiet tal-elettriku. Fl-isess ħin, l-EU ETS toħloq kundizzjonijiet indaqs tan-negozju fl-UE u tnaqqas kemm jista’ jkun l-ispejjeż għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-setturi li hija tkopri. L-EU ETS tinkludi wkoll miżuri biex jiġu llimitati l-impatti fuq il-kompetittività ta’ setturi li jużaw ħafna enerġija li huma esposti għar-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Dawn il-miżuri se jitkomplew sal-2020. Minħabba l-akkumulazzjoni tal-kwoti bla ħlas fis-setturi industrijali u l-aċċess għal krediti internazzjonali rħas, x’aktarx li l-impatt fuq dawn is-setturi mhux se jkun wieħed qawwi, tal-inqas sal-2020. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat marbutin mal-EU ETS jippermettu lill-Istati Membri jagħtu kumpens, sa mill-2013 ’il quddiem, għal parti mill-ispejjeż indiretti tal-EU ETS għas-setturi li jużaw l-iktar elettriku. Barra minn hekk, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-ambjent dal-ħin jippermettu eżenzjonijiet immirati għall-industrija mit-taxxi marbutin mal-enerġija. Il-qafas għall-2030 se jkollu jqis jekk dan l-approċċ għandux jitkompla jew le, u kif dan għandu jsir.

Fl-aħħar nett, huwa u jitfassal il-qafas għall-2030 għandu jitqies jekk id-dħul marbut mal-EU ETS jistax jintuża għall-finanzjament tal-innovazzjoni f’ċerti setturi jew le. Dal-ħin, din l-għażla tintuża l-iktar permezz tal-użu, mill-Istati Membri, tad-dħul mill-irkanti fil-limiti permessi tal-għoti tal-għajnuna mill-Istat, għalkemm il-qafas eżistenti jipprevedi finanzjament innovattiv tal-Unjoni fil-forma tal-istrument ta’ finanzjament imsejjaħ “NER300”, li huwa mfassal b’mod speċifiku għall-finanzjament ta’ proġetti fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli u tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju.

3.4.        Ir-rikonoxximent tad-differenzi fil-kapaċità tal-Istati Membri differenti

Hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri differenti f’termini tal-ġid komparattiv, tal-istruttura industrijali, tat-taħlita tal-enerġija, tal-bini eżistenti, tal-intensità tal-karbonju u tal-enerġija, tar-riżorsi rinnovabbli li jistgħu jiġu sfruttati u tal-istruttura soċjali tagħhom. It-tipi ta’ konsumaturi differenti għandhom kapaċitajiet differenti biex jinvestu u jadattaw ruħhom. Din id-diversità trid titqies meta jkun qed jiġi żviluppat il-qafas tal-politika għall-2030. Il-miri marbutin mal-klima u mal-enerġija jaffettwaw lil kull Stat Membru u liċ-ċittadini tiegħu b’mod differenti u, bħala parti mill-qafas il-ġdid, jeħtieġ li jiġu vvalutati l-għażliet li jippermettu kooperazzjoni effettiva u tqassim ġust tal-isforzi meħtieġa.

Il-qafas attwali tal-politika dwar l-enerġija u l-klima jirrifletti l-kapaċitajiet differenti tal-Istati Membri billi jqassam l-isforzi biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni b’rabta mal-klima u mal-enerġija fost l-Istati Membri, b’piż eħfef jitpoġġa fuq Stati Membri li għandhom dħul iktar baxx. Id-dħul mill-irkanti wkoll jerġa’ jitqassam b’mod parzjali sabiex jagħmel tajjeb għad-differenzi fl-ispejjeż. Fid-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli hemm ukoll mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni li jippermettu li l-enerġija rinnovabbli prodotta fi Stat Membru partikulari tingħadd mal-mira ta’ Stat Membru ieħor. Madankollu, minkejja l-benefiċċji ekonomiċi potenzjali ta’ din l-iskema għaż-żewġ naħat li jieħdu sehem fiha, minbarra l-Isvezja u n-Norveġja, s’issa l-ebda Stat Membru ieħor għadu m’użaha. Sabiex tqis iċ-ċirkustanzi nazzjonali, id-Direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika tipprovdi diversi għażliet ta’ flessibbiltà li l-Istati Membri jistgħu japplikaw għall-miri annwali ta’ ffrankar ta’ 1.5 % tagħhom, fosthom l-introduzzjoni gradwali tal-mira ta’ 1.5 %, l-esklużjoni tas-setturi koperti mill-EU ETS, l-inklużjoni tas-settur tat-trasformazzjoni u tad-distribuzzjoni tal-enerġija u r-rikonoxximent ta’ azzjoni bikrija. Dawn l-għażliet ta’ flessibbiltà jistgħu jintużaw b’mod kumulattiv iżda m’għandhomx idgħajfu l-iffrankar ġenerali tal-enerġija meħtieġ mid-Direttiva.

Jeħtieġ li jitqies jekk għandhomx jinżammu għodod simili tad-distribuzzjoni għall-qafas għall-2030, jew jekk, skont il-livell ta’ ambizzjoni u n-natura tal-miri u tal-miżuri tal-ġejjieni, humiex meħtieġa approċċi alternattivi. Għalkemm jista’ jkun li jaħdmu kontra l-għanijiet tas-suq intern tal-enerġija, miri ddivrenzjati għall-Istati Membri differenti jistgħu jtejbu l-ġustizzja, iżda jistgħu jżidu wkoll l-ispejjeż ġenerali biex jintlaħqu l-għanijiet jekk dawn ma jkollhomx magħhom biżżejjed flessibbiltà biex jintlaħqu, bħall-mekkaniżmi ta’ negozjar. Kwalunkwe qafas għall-2030 se jkollu jqis jekk hemmx biżżejjed flessibbiltà bejn l-Istati Membri sabiex il-miri ddivrenzjati jkunu jistgħu jintlaħqu b’mod kosteffettiv. F’dan il-kuntest, għandu jitqies ukoll il-fatt li dawk l-Istati Membri li fihom hemm l-iktar bżonn tal-investimenti u li għandhom l-aktar għażliet disponibbli għal tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, għall-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli, għal titjib fl-effiċjenza enerġetika, eċċ. ta’ spiss ikollhom inqas kapaċità ekonomika biex jużawhom. Barra minn hekk, xi wħud minn dawn l-Istati Membri jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex jiksbu biżżejjed appoġġ għal bidliet fil-proċessi industrijali u fl-użu tal-enerġija li jistgħu jaffettwaw l-impjiegi u d-dipendenza fuq ir-riżorsi lokali tal-enerġija. L-aċċess għall-fondi għall-investimenti, kemm permezz tal-finanzjament dirett u kemm permezz tal-finanzjament intelliġenti, diġà jifforma parti mis-sett ta’ għodod tal-politiki tal-UE[12], iżda jista’ jkun li dan ikollu jittejjeb fil-kuntest tal-perjodu sal-2030. Miżuri bħal dawn jistgħu jikkontribwixxu għal tqassim ġust u ekwu tal-isforzi, filwaqt li, fl-istess ħin, jiffaċilitaw l-aċċettazzjoni min-naħa tal-pubbliku u jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati kollha fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, sikura u kompetittiva.

Se jkun hemm bżonn jitħejja u jitressaq tagħrif li jkun speċifiku għall-Istati Membri differenti bħala parti mill-qafas il-ġdid sabiex, abbażi tiegħu, isiru d-diskussjonijiet dwar it-tqassim ekwu tal-isforzi u jkun żgurat li ma jaqa’ piż żejjed fuq l-ebda Stat Membru.

4.           Mistoqsijiet

4.1.        Mistoqsijiet ġenerali

· Liema esperjenzi miksubin mill-qafas għall-2020 u mill-qagħda attwali tas-sistema tal-enerġija tal-UE huma l-iktar importanti fit-tfassil tal-politiki għall-2030?

4.2.        Il-miri

· Liema miri għall-2030 ikunu l-iktar effettivi biex jixprunaw l-għanijiet tal-politika dwar il-klima u l-enerġija? F’liema livell għandhom japplikaw (fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri jew settorjali), u sa liema punt għandhom ikunu jorbtu legalment?

· Kien hemm inkonsistenza fil-miri attwali stabbiliti għall-2020 u jekk iva, kif tista’ tiġi żgurata iktar il-koerenza tal-miri potenzjali għall-2030?

· Il-miri għas-setturi sekondarji bħat-trasport, l-agrikultura u l-industrija huma xierqa u, jekk iva, liema huma? Pereżempju, hemm bżonn ta’ mira għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport, minkejja l-għanijiet eżistenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri u mill-vetturi kummerċjali ħfief?

· Il-miri kif jistgħu jirriflettu aħjar il-vijabbiltà ekonomika u l-grad ta’ maturità dejjem jinbidel tat-teknoloġiji fil-qafas għall-2030?

· Kif għandu jiġi vvalutat il-progress f’aspetti oħrajn tal-politika tal-UE dwar l-enerġija, bħas-sigurtà tal-provvista, li jistgħu ma jkunux inklużi fil-miri ewlenin?

4.3.        L-istrumenti

· Hemm bżonn isiru bidliet fi strumenti oħrajn tal-politika u f’kif dawn jinteraġixxu bejniethom, inkluż bejn il-livell tal-UE u dak nazzjonali?

· Il-miżuri speċifiċi fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali kif għandhom jiġu ddefiniti bl-aħjar mod biex ikabbru kemm jista’ jkun il-kosteffiċjenza fl-ilħiq tal-għanijiet b’rabta mal-klima u mal-enerġija?

· Kif tista’ tiġi evitata bl-aħjar mod il-frammentazzjoni tas-suq intern tal-enerġija, l-iktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħtieġa li jiġi nkuraġġut l-investiment u li jinstabu l-fondi għalih?

· Liema miżuri jistgħu jiġu previsti biex ikun hemm iktar iffrankar tal-enerġija bl-iktar mod kosteffettiv?

· Kif jistgħu l-politiki tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni jappoġġaw bl-aħjar mod l-ilħiq tal-qafas għall-2030?

4.4.        Il-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista

· Liema elementi tal-qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija jistgħu jissaħħu sabiex jiġu promossi iktar il-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività?

· X’evidenza hemm dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fil-kuntest tal-qafas attwali u din ir-rilokazzjoni tista’ tiġi kkwantifikata? Din il-problema kif tista’ tiġi indirizzata fil-qafas għall-2030?

· X’inhuma l-fatturi speċifiċi li jwasslu għax-xejriet osservati fl-ispejjeż tal-enerġija u sa liema punt l-UE tista’ tinfluwenzahom?

· Kif għandha titqies l-inċertezza dwar l-isforzi u l-livell ta’ impenji li pajjiżi żviluppati oħrajn u nazzjonijiet ekonomikament importanti li qegħdin jiżviluppaw se jieħdu waqt in-negozjati internazzjonali li għaddejjin bħalissa?

· Kif għandha tiżdied iċ-ċertezza regolatorja għan-negozji, filwaqt li tiddaħħal il-flessibbiltà biex ikun hemm adattament għal ċirkustanzi ġodda (pereżepmpju l-progress fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima u l-bidliet fis-swieq tal-enerġija)?

· L-UE kif tista’ żżid il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-industrija tal-manifattura? Jista’ jintuża d-dħul mill-irkantar tal-kwoti għal dan?

· L-UE kif tista’ tisfrutta bl-aħjar mod l-iżvilupp ta’ sorsi lokali tal-enerġija konvenzjonali u mhux konvenzjonali fl-UE sabiex tikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija u d-dipendenza fuq l-importazzjoni?

· L-UE b’liema mod tista’ ttejjeb bl-aħjar mod is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija internament billi tiżgura l-funzjonament sħiħ u effettiv tas-suq intern tal-enerġija (pereżempju permezz tal-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet neċessarji), u esternament billi tiddiversifika r-rotot tal-provvista tal-enerġija?

4.5.        Aspetti marbutin mal-kapaċitajiet u mat-tqassim tal-isforzi

· Il-qafas il-ġdid kif għandu jiżgura tqassim ekwu tal-isforzi bejn l-Istati Membri differenti? X’passi konkreti jistgħu jittieħdu biex jitqiesu l-kapaċitajiet differenti tagħhom biex jimplimentaw il-miżuri fil-qasam tal-klima u tal-enerġija?

· Liema mekkaniżmi jistgħu jiġu previsti biex jiġu promossi l-kooperazzjoni u t-tqassim ġust tal-isforzi bejn l-Istati Membri differenti filwaqt li jippruvaw jintlaħqu bl-iktar mod kosteffettiv l-għanijiet il-ġodda b’rabta mal-klima u mal-enerġija?

· Hemm bżonn ta’ strumenti jew ta’ arranġamenti finanzjarji ġodda biex jiġi appoġġat il-qafas il-ġdid għall-2030?

5.           It-tressiq tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni

Il-konsultazzjoni se tibqa’ miftuħa sat-2 ta’ Lulju. Għal aktar tagħrif dwar kif tista’ tieħu sehem f’din il-konsultazzjoni, jekk jogħġbok ara s-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/energy/consultations/20130702_green_paper_2030_en.htm.

ANNESS

Tagħrif dwar il-kuntest tal-kwistjonijiet marbutin mal-enerġija u mal-klima

1. Strumenti leġiżlattivi li jimplimentaw il-miri ewlenin tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija u l-politiki ewlenin li jappoġġaw l-ilħiq tagħhom

(1) Id-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li tiddefinixxi l-mira ta’ 20 % għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għal kull Stat Membru.

(2) Id-Direttiva 2003/87/KE, kif emendata mid-Direttiva 2009/29/KE, li tirrevedi l-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet billi tiddefinixxi limitu għall-emissjonijiet u billi tarmonizza l-allokazzjoni tal-kwoti lill-kumpaniji.

(3) Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE (id-Deċiżjoni dwar il-qsim tal-isforz) li tiddefinixxi l-miri, għal kull Stat Membru, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-setturi li mhumiex inklużi fl-EU ETS.

(4) Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 (dwar is-CO2 u l-karozzi) dwar l-istandards għall-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri.

(5) Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief.

(6) Id-Direttiva 2009/30/KE (id-Direttiva dwar il-kwalità tal-fjuwil) biex jitnaqqas l-ammont tal-karbonju prodott mill-fjuwils tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajja tagħhom.

(7) Id-Direttiva 2009/31/KE li toħloq qafas ta’ abilitazzjoni għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju.

(8) Id-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li tiddefinixxi l-azzjonijiet meħtieġa fil-livell tal-Istati Membri.

(9) Id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.

(10) Id-Direttiva 2009/125/KE li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija.

(11) Ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 dwar il-gassijiet serra fluworinati u d-Direttiva 2006/40/KE dwar l-emissjonijiet minn sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja f’vetturi bil-mutur.

(12) Id-Direttiva 1999/31/KE li tneħħi b’mod gradwali l-użu tal-miżbliet għar-rimi tal-iskart, u b’hekk tnaqqas l-emissjonijiet tas-CH4.

(13) Id-Direttiva 1991/676/KEE dwar in-nitrati, li tikkontribwixxi biex jiġu llimitati l-emissjonijiet tan-N2O.

(14) Id-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(15) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku.

(16) Ir-Regolament (KE) Nru 1222/2009 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra.

(17) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 228/2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1222/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-metodu tal-ittestjar tal-qabda fuq l-imxarrab għat-tajers C1.

(18) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1235/2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1222/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-qabda fuq l-imxarrab għat-tajers, il-kejl tar-reżistenza għad-dawrien u l-proċedura ta’ verifika.

(19) Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003.

(20) Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005.

(21) Id-Deċiżjoni dwar ir-regoli tal-kontabilità u l-pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija.

2. Id-dokumenti ewlenin ta’ referenza

Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050

http://ec.europa.eu/clima/policies/roadmap/index_en.htm.

Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050

http://ec.europa.eu/energy/energy2020/roadmap/index_en.htm.

White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti

http://ec.europa.eu/transport/themes/strategies/2011_white_paper_en.htm.

Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi

http://ec.europa.eu/environment/resource_efficiency/about/roadmap/index_en.htm.

Riforma strutturali tas-suq Ewropew tal-karbonju: l-ewwel rapport dwar l-istat tas-suq Ewropew tal-karbonju fl-2012

http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/reform/index_en.htm.

Il-Komunikazzjoni msejħa “Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti”

http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/internal_market_en.htm.

L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija

http://ec.europa.eu/energy/renewables/communication_2012_en.htm.

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2012-0086+0+DOC+XML+V0//MT.

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-White Paper dwar Żona Unika Ewropea tat-Trasport

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2011-0584+0+DOC+XML+V0//MT.

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pjan direzzjonali għall-Enerġija 2050

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2013-0088+0+DOC+XML+V0//MT.

[1]               Fl-Anness qed jingħataw il-ħoloq għar-Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u għall-Pjanijiet direzzjonali fit-taqsima dwar id-dokumenti ewlenin ta’ referenza.

[2]               COM(2011) 169 finali.

[3]               COM(2010) 639 finali.

[4]               Ir-rapport imsejjaħ “L-istat tas-suq Ewropew tal-karbonju fl-2012” (COM(2012) 652). Ir-rapport jiddeskrivi l-modi li bihom wieħed jista’ jindirizza l-kwistjoni tal-eċċess ta’ kwoti fl-EU ETS, inkluż it-twessigħ tas-setturi koperti minn din l-iskema.

[5]               Komunikazzjoni msejħa “L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija” (COM(2012) 271).

[6]               L-implimentazzjoni ta’ miżuri mogħtija fil-White Paper dwar it-trasport, aktar miżuri tal-ekodisinn, l-użu ta’ arloġġi intelliġenti u l-użu ta’ grilji intelliġenti flimkien mat-tweġiba għad-domanda li tirriżulta minn dan għandhom jikkontribwixxu biex tonqos din id-differenza.

[7]               Għall-proġetti identifikati bħala proġetti ta’ interess komuni (PCIs), ir-Regolament jintroduċi miżuri biex iħaffef il-proċeduri tal-għoti tal-permessi, inkluż permezz ta’ limitu massimu taż-żmien u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-valutazzjoni ambjentali. Ir-Regolament jipprovdi wkoll inċentivi aħjar għall-investituri permezz ta’ dispożizzjonijiet regolatorji mtejba, u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għajnuna finanzjarja min-naħa tal-UE fil-kuntest tal-faċilità proposta msejħa “Nikkollegaw l-Ewropa”.

[8]               Hekk kif ġie deċiż mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013 dwar il-qafas finanzjarju multiannwali.

[9]               Il-Komunikazzjoni msejħa “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” (COM(2012) 173 finali).

[10]             Skont id-dejta tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (l-AIE), il-prezzijiet reali tal-elettriku għall-industrija fl-Ewropa (fl-OECD) bħala medja żdiedu bi 38 % bejn l-2005 u l-2012, filwaqt li dawn naqsu b’4 % fl-Istati Uniti. Għall-familji, mill-2005 sal-2012 il-prezzijiet reali tal-elettriku żdiedu b’21.8 % fl-Ewropa (fl-OECD) u bi 8.4 % fl-Istati Uniti. Id-dokument tal-AIE msejjaħ “Il-prezzijiet tal-enerġija u t-taxxi fuq l-enerġija, ir-raba’ kwart tal-2012”.

[11]             Il-Komunikazzjoni Konsultattiva separata msejħa “Il-Ftehim Internazzjonali tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima: It-tfassil tal-politika internazzjonali dwar il-klima wara l-2020” tindirizza l-prospetti għal ftehim globali ġdid dwar il-klima.

[12]             Pereżempju, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali propost għall-2014 sal-2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.