52013DC0114

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Lejn l-implimentazzjoni ta’ standards tal-kontabilità għas-settur pubbliku armonizzati fl-Istati Membri L-adegwatezza tal-IPSAS għall-Istati Membri /* COM/2013/0114 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Lejn l-implimentazzjoni ta’ standards tal-kontabilità għas-settur pubbliku armonizzati fl-Istati Membri

L-adegwatezza tal-IPSAS għall-Istati Membri

1.           Sfond legali u kuntest

Dan ir-rapport jissodisfa l-obbligu tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri[1], biex tivvaluta l-adegwatezza tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku (IPSAS) għall-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 2012. Huwa bbażat fuq tagħrif li jkun wasal permezz ta' konsultazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-IMF, prattikanti esperti u partijiet interessati oħra fl-Istati Membri u lil hinn minnhom, kif ukoll il-Bord tal-IPSAS, li jissettja l-istandards tagħhom.

Il-kriżi tad-dejn sovran enfasizzat il-ħtieġa li l-gvernijiet juru biċ-ċar l-istabilità finanzjarja tagħhom u l-ħtieġa ta’ rappurtar ta’ dejta fiskali b'mod aktar rigoruż u trasparenti. Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (id-Direttiva tal-Oqfsa Baġitarji ) tirrikonoxxi r-rwol kruċjali tas-sorveljanza baġitarja tal-UE għal dejta fiskali sħiħa u affidabbli, li tkun komparabbli fl-Istati Membri kollha. Għalhekk tistabbilixxi r-regoli dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri li huma meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità mal-obbligu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) skont l-Artikolu 126 sabiex jiġu evitati żbilanċi pubbliċi eċċessivi. Fuq naħa waħda, id-dixxiplina fiskali għandha rwol essenzjali fis-salvagwardja tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u min-naħa l-oħra, l-istabilità finanzjarja hija bbażata fuq il-fiduċja. Dan ir-rapport jiddiskuti waħda mill-għodod utli fil-bini ta' din il-fiduċja u fil-kejl u t-tbassir aħjar tas-sitwazzjoni fiskali: standards ta’ kontabilità tas-settur pubbliku armonizzati u bbażati fuq id-dovuti.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/85/UE jitlob li l-Istati Membri "għandu jkollhom stabbiliti sistemi ta’ kontabilità pubblika li komprensivament u konsistentement ikopru s-sottosetturi kollha tal-aministrazzjoni pubblika u jkollhom fihom l- informazzjoni meħtieġa biex biex tiġi ġġenerata data bbażata fuq id-dovuti bl-għan li titħejja data bbażata fuq l-istandard tal-ESA 95"[2]. Għaldaqstant, dan jagħraf l-inkoerenza essenzjali bejn il-kontijiet tas-settur pubbliku, li jirreġistraw biss il-flussi tal-flus, u l-fatt li s-sorveljanza baġitarja tal-UE hija bbażata fuq id-dejta tad-dovuti tal-ESA 95. Dan ifisser li d-dejta dwar il-likwidità trid tiġi ttrasformata f'dovuti permezz ta' approssimazzjonijiet u aġġustamenti li jinvolvu stimi bbażati fuq il-makro. Barra minn hekk, fejn il-kontabilità abbażi tad-dovuti ma teżistix fil-livell mikro, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-karti tal-bilanċ ikollhom jittieħdu minn varjetà ta’ sorsi differenti, li jwassal għal "diskrepanza statistika" bejn id-defiċit miġbur permezz ta' kontijiet mhux finanzjarji u d-defiċit miġbur permezz tal-kontijiet finanzjarji.

In-nuqqas ta' koerenza bejn il-kontijiet tas-settur pubbliku primarju u d-dejta dwar id-dovuti tal-ESA 95 huwa rikonoxxut ukoll fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' April 2011 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill "Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea"[3]. Din il-komunikazzjoni titfa' l-attenzjoni fuq kemm l-adegwatezza tal-proċess tal-produzzjoni kollu jiddependi bil-kbir fuq il-kwalità tal-informazzjoni statistika fil-livell Ewropew. L-Eurostat għalhekk jippromwovi sistema ta' standards tal-kontabilità armonizzati abbażi tad-dovuti, konsistenti mal-ESA, għall-entitajiet kollha tas-settur pubbliku.

L-IPSAS bħalissa huma l-uniku sett ta' standards tal-kontabilità għas-settur pubbliku rikonoxxuti internazzjonalment. L-IPSAS huma msejsa fuq l-istandards internazzjonali tar-rappurtar finanzjarju (IFRS), li huma ġeneralment applikati mis-settur privat, u f’dan il-punt l-IPSAS jikkonsistu minn sett ta' 32 standard tal-kontabilità abbażi tad-dovuti, flimkien ma standard ibbażat fuq il-ħlasijiet.

Huwa f'dan il-kuntest li l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2011/85/UE jirrikjedi valutazzjoni tal-adegwatezza tal-IPSAS għall-Istati Membri.

2.           Introduzzjoni

L-attività tal-gvern tirrappreżenta parti kbira mill-prodott domestiku gross (PDG) fl-ekonomiji kollha tal-UE, u l-assi u l-obbligazzjonijiet pubbliċi huma sostanzjali fil-pajjiżi kollha tal-UE. Għalhekk huwa importanti li jkunu ġestiti b’mod effettiv u li l-gvernijiet ikunu responsabbli għal dan l-immaniġġjar quddiem iċ-ċittadini tagħhom, ir-rappreżentanti tagħhom, l-investituri u l-partijiet l-oħra interessati.

L-istatistika tal-finanzi pubbliċi tipprovdi informazzjoni dwar il-kontijiet tas-sottosetturi differenti tal-amministrazzjoni pubblika sabiex dawk li jfasslu l-politika u partijiet interessati oħra jkunu jistgħu janalizzaw il-pożizzjoni finanzjarja u l-prestazzjoni tal-gvern flimkien mas-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi. L-għejun prinċipali għal dawn l-istatistiċi huma r-rekords tal-kontabilità u r-rapporti tal-entitajiet varji tal-gvern, issupplimentati b’informazzjoni finanzjarja. Il-kontijiet finanzjarji affidabbli tal-gvern huma essenzjali għat-tħejjija tal-kontijiet nazzjonali, u naturalment għall-ippjanar fiskali, il-koordinazzjoni u s-sorveljanza.

Tnejn mill-aktar indikaturi importanti tas-sostenibilità fiskali huma d-dejn u d-defiċit, li huma użati fl-UE għall-monitoraġġ tal-konformità mat-termini tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir. L-Artikolu 126 tat-TFEU u l-Protokoll Nru 12 dwar il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (EDP), annessi mat-Trattati, jispeċifikaw li l-proporzjon tad-defiċit pubbliku ppjanat jew attwali mal-PDG ma għandux jaqbeż it-3 %, u l-proporzjon tad-dejn pubbliku mal-PDG ma għandux jaqbeż is-60 %. Il-Kummissjoni ssegwi mill-qrib dawn il-limitazzjonijiet rigward il-politika fiskali nazzjonali sabiex tiżgura l-funzjonament effiċjenti tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Meta Stat Membru jonqos milli jibqa' f'dawn il-limiti, u din is-sitwazzjoni tkun meqjusa bħala aktar milli waħda eċċezzjonali u temporanja, tkun tista’ tiġi mnedija l-proċedura tal-EDP. Wara li l-Kummissjoni tkun espremiet opinjoni, il-Kunsill jiddeċiedi, fuq proposta tal-Kummissjoni, jekk jeżistix defiċit eċċessiv, u jekk ikun hekk, jindirizza rakkomandazzjonijiet u skeda għal azzjoni korrettiva lill-Istat Membru.

3.           Għaliex huma meħtieġa l-istandards tal-kontabilità tas-settur pubbliku abbażi tad-dovuti

Il-kontabilità abbażi tad-dovuti hija l-unika sistema ta' informazzjoni aċċettata b'mod ġenerali li tagħti stampa sħiħa u affidabbli tal-pożizzjoni u l-prestazzjoni finanzjarja u ekonomika ta' gvern, billi tiġbor kompletament l-assi u r-responabbiltajiet kif ukoll id-dħul u l-ispejjeż ta' entità, matul il-perjodu li għalih jirreferu l-kontijiet u fil-mument li dawn jingħalqu. Il-kontabilità abbażi tad-dovuti tinvolvi r-reġistrazzjoni ta’ annotazzjonijiet, mhux meta jsiru l-ħlasijiet fi flus kontanti, iżda meta jinħoloq, jiġi ttrasformat jew jispiċċa l-valur ekonomiku, jew meta jinħolqu, jiġu ttrasformati jew jispiċċaw it-talbiet u l-obbligazzjonijiet. Il-kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet tirreġistra t-tranżazzjonijiet meta jasal jew isir il-ħlas. Il-kontabilità abbażi tad-dovuti hija ekonomikament b'saħħitha aktar minn dik ibbażata fuq il-ħlasijiet, li hija r-raġuni għaliex il-qafas tal-kontabilità kurrenti għall-monitoraġġ fiskali fl-UE, l-ESA 95, hija bbażata fuq id-dovuti. Barra minn hekk, l-użu tal-kontabilità bbażata fuq id-dovuti fis-settur pubbliku huwa meħtieġ biex tiġi evitata s-superfiċjalità permessa fil-kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet, fejn il-pagament jista' jitmexxa ' quddiem jew ikun pospost sabiex jiġi rreġistrat fil-perjodu li jagħżel il-gvern. Madankollu, il-kontabilità abbażi tad-dovuti mhijiex maħsuba biex tneħħi jew tibdel il-kontabilità abbażi tal-ħlasijiet, partikolarment fejn din tal-aħħar tintuża għall-finijiet ta' bbaġitjar u ta' kontroll fuq il-baġit. Fil-fatt, il-kontabilità abbażi tad-dovuti għandha titqies bħala kumplimentari, aktar milli bħala alternattiva, għall-"kontabilità abbażi tal-ħlasijiet" pura. Din is-sistema tpoġġi l-kontabilità abbażi tal-ħlasijiet fil-kuntest globali tagħha, sabiex wieħed ikun jista' juri stampa sħiħa tal-pożizzjoni u l-prestazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-entitajiet.

Bl-adozzjoni ta' sett uniku ta' standards tal-kontabilità abbażi tad-dovuti fil-livelli kollha tal-gvernijiet madwar l-UE, jinħolqu benefiċċji distinti fil-ġestjoni u l-governanza tas-settur pubbliku. Il-mikrokontabilità abbażi tad-dovuti fis-settur pubbliku hija mistennija li ttejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u tiffaċilita l-kisba tal-likwidità li hija kundizzjoni meħtieġa fiż-żamma tal-funzjonament tas-servizz pubbliku. Bħal fi kwalunkwe attività ekonomika oħra, l-amministrazzjoni u l-kontroll tal-effettività u l-effiċjenza tas-settur pubbliku torbot mal-ġestjoni u l-kontroll tal-pożizzjoni u l-prestazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha. Il-kontabilità bbażata fuq id-dovuti b'entrati doppji korrispondenti hija l-unika sistema aċċettata ġeneralment li tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa b'mod affidabbli u f'waqtu. Barra minn hekk, il-kontabilità pubblika armonizzata u bbażata fuq id-dovuti żżid it-trasparenza, ir-responsabilità, u l-komparabbiltà tar-rapportaġġ finanzjarju fis-settur pubbliku, u tista' sservi biex ittejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-verifika pubblika.

3.1.        Is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-kontabilità abbażi tad-dovuti fl-Istati Membri tal-UE

Il-parti l-kbira tal-Istati Membri diġà implimentaw il-kontabilità abbażi tad-dovuti skont l-istandards nazzjonali fost is-setturi pubbliċi, jew inkella qegħdin jagħmlu dan. Ħdax-il Stat Membru għandhom sistemi mħallta, fis-sens li implimentaw prattiki ta' kontabilità differenti f'livelli differenti ta' amministrazzjoni[4]. Il-qafas tal-kontabilità u s-sistemi tal-kontabilità tal-Kummissjoni Ewropea u tal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE huma bbażati fuq id-dovuti u ispirati mill-IPSAS Dan huwa wkoll il-każ għal ħafna organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.

Għaldaqstant, għalkemm qed tiġi rikonoxxuta dejjem iktar il-ħtieġa (minkejja li mhux kulħadd jaqbel magħha) ta' kontabilità abbażi tad-dovuti fl-amministrazzjoni pubblika fi ħdan l-UE u l-Istati Membri tagħha, fil-preżent għad m’hemmx approċċ armonizzat.

3.2.        Il-qafas tal-makrokontabilità

L-ESA, li hija bbażata fuq id-dovuti, toffri l-qafas tal-istatistika tal-kontabilità fil-livell makro għas-settur pubbliku kif ukoll għas-setturi mhux governattivi fl-UE. Id-dejn pubbliku abbażi tal-ESA u d-dejta tad-defiċit għall-finijiet tal-EDP huma r-riżultat tal-konsolidazzjoni ta' kontijiet individwali ta' entitajiet governattivi ġenerali fl-Istati Membri u huma ddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Fil-kuntest ta' sorveljanza fiskali tal-UE u tal-EDP, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 126 tat-TFUE, għandha l-inkarigu li tivvaluta regolarment il-kwalità kemm tad-dejta reali rrappurtata mill-Istati Membri kif ukoll tal-kontijiet tas-setturi pubbliċi sottostanti miġbura skont l-ESA. Żviluppi riċenti, partikolarment inċidenzi ta' rappurtaġġ finanzjarju mhux xieraq minn xi Stati Membri, urew li s-sistema għall-istatistika fiskali ma naqqsitx biżżejjed ir-riskju li l-kwalità tad-dejta rrappurtatata lill-Eurostat tkun inferjuri. Barra minn hekk, l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-istruttura ta' governanza ekonomika fiż-żona tal-euro u fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Il-Kummissjoni, fid-29 ta' Settembru 2010, irrispondiet għal dan billi adottat pakkett ta' proposti leġiżlattivi, l-hekk imsejjaħ il-"Pakkett ta' governanza ekonomika Ewropea" (imsemmi bħala s-"six-pack"), li fis-16 ta' Novembru 2011 kien adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill[5]. Dan jimmira li jestendi u jtejjeb is-sorveljanza tal-politiki fiskali, il-politiki makroekonomiċi u r-riformi strutturali biex jissewwew in-nuqqasijiet misjuba fil-leġiżlazzjoni eżistenti. Hemm ippjanati mekkaniżmi ġodda ta' nfurzar fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mill-Istati Membri. Huwa ċar li dawn il-mekkaniżmi għandhom jiddependu fuq informazzjoni statistika ta' kwalità għolja, misluta abbażi ta' standards ta' kontabilità tajbin u armonizzati li jkunu adattati għas-settur pubbliku Ewropew.

L-eżistenza u l-kwalità ta' dejta tad-dovuti upstream li tkun komparabbli u koerenti (jiġifieri d-dejta ta' kontabilità primarja għall-entitajiet governattivi) fil-livell ta' mikrokontabilità huma prekundizzjonijiet għal dejta ta' livell għoli dwar id-dejn u d-defiċit abbażi tad-dovuti fil-livell ta' makrokontabilità. Il-mikrokontabilità tas-settur pubbliku fl-Istati Membri għandha bosta varjanti, u dan jagħmel it-tqabbil tagħhom diffiċli kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom. L-approċċ attwali tar-rikonċiljazzjoni mhux armonizzata tad-dejta tal-kontabilità għas-settur pubbliku fil-livell mikro għal finijiet tal-EDP qed jilħaq il-limiti tiegħu.

Is-sistemi armonizzati tal-mikrokontabilità għall-entitajiet kollha tas-settur pubbliku (jiġifieri, il-gvern ġenerali) fl-Istati Membri kollha tal-UE, flimkien mal-kontroll intern u l-verifika esterna, jidhru li huma l-uniku mod effettiv sabiex tinġabar dejta tal-ogħla standards ta' kwalità f'konformità mar-rekwiżiti legali eżistenti. Din hija wkoll waħda mill-ideat ewlenin wara d-Direttiva 2011/85/UE.

3.3.        Il-bżonn għall-armonizzazzjoni

Għall-kumpilazzjoni ta' statistika makroekonomika dwar il-gvern u b’referenza għall-Artikolu 338 tat-TFUE, id-dejta statistika meħtieġa tista' titjieb konsiderevolment jekk l-entitajiet tal-gvern kollha jużaw standards tal-kontabilità armonizzati. Dan kieku jippermetti l-użu tat-tfassil ta' tabelli komuni sabiex jikkompilaw il-kontijiet tal-entità fil-kontijiet tal-ESA, ħaġa li tiffaċilita sew il-proċessi tal-verifika tal-istatistika.

Hija meħtieġa trasparenza fiskali għall-istabilità makroekonomika u għal-pariri dwar is-sorveljanza u l-politiki. Standards armonizzati għall-kontabilità fis-settur pubbliku jtejbu t-trasparenza, il-komparabilità u l-kosteffiċjenza u jipprovdu l-bażi għal governanza mtejba fis-settur pubbliku. Fuq il-livell makro, il-kriżi finanzjarja tenfasizza l-importanza ta' dejta fiskali u finanzjarja f'waqtha u affidabbli u tagħti xhieda tal-konsegwenzi ta' rappurtar finanzjarju mhux komplut u mhux komparabbli fis-settur pubbliku.

Fuq terminu twil ta' żmien tista' tiġi prevista t-tendenza lejn l-irfinar tal-indikaturi ewlenin tal-EDP permezz tal-ħruġ ta' makroriżultati tal-kontijiet pubbliċi (defiċit/dejn) abbażi ta' konsolidazzjoni ħafna aktar diretta ta' mikrokontijiet konsistenti u eżawrjenti. L-adozzjoni ta' qafas ta' kontabilità u rrapportar integrat b'xi adattamenti għall-kunċetti tal-ESA 95 jagħmel possibbli d-derivazzjoni tad-dejta dwar id-dejn u d-defiċit direttament minn dawk is-sistemi. Dawn jistgħu jkunu bbażati fuq dejta tal-kontabilità għas-settur pubbliku ġenwina u armonizzata, li tkun ġiet suġġetta għall-kontroll u l-verifika, jew direttament fuq l-indikaturi ewlenin jew indirettament permezz ta' rapporti finanzjarji. Dan jista' wkoll jgħin biex jonqos iż-żmien li jittieħed biex jiġu rrappurtati d-defiċit u d-dejn.

Il-gvernijiet għandhom l-obbligu tal-interess pubbliku lejn il-parteċipanti tas-suq — is-sidien tat-titoli tal-gvern u l-investituri potenzjali — sabiex jipprovdu informazzjoni affidabbli u komparabbli fil-ħin, dwar il-prestazzjoni u l-pożizzjoni finanzjarja tagħhom, bl-istess mod li l-kumpaniji elenkati għandhom l-obbligi mal-parteċipanti tas-suq tal-ekwità. Hemm ukoll il-ħtieġa li jkun żgurat livell minimu internazzjonali ta’ komparabilità, speċjalment peress li t-titoli tal-gvern jikkompetu kontra xulxin f'suq finanzjarju globali, ħaġa li titlob sistema bbażata fuq standards fis-settur pubbliku ġenerali li huma aċċettati madwar id-dinja. B’referenza għall-Artikolu 114 tat-TFUE, il-kontabilità armonizzata abbażi tad-dovuti tista' toffri t-trasparenza meħtieġa għall-funzjonament xieraq tas-suq intern fis-servizzi finanzjarji, li mingħajrha hemm il-periklu li l-proprjetarji ta’ titoli tal-gvern jidħlu fi tranżazzjonijiet mingħajr għarfien xieraq tal-livell tar-riskju assoċjat. Dan biż-żmien jista’ joħloq riskju kontaġjuż, li jista’ jkun impediment sinifikanti għall-istabilità finanzjarja.

Dak li jgħodd għall-istandards tal-kontabilità tas-settur privat, li huma armonizzati fl-UE għall-kumpaniji elenkati, jgħodd ukoll għall-entitajiet governattivi. Kontabilità armonizzata għas-settur pubbliku bbażata fuq id-dovuti tista’ tipprovdi bażi aktar soda biex wieħed jifhem il-pożizzjoni ekonomika u l-prestazzjoni tal-gvernijiet u l-entitajiet tal-gvern fil-livelli kollha. Is-superjorità tal-prinċipju tad-dovuti għall-monitoraġġ fiskali kemm dak makro kif ukoll mikro hija indisputabbli. Il-livell makro diġà huwa bbażat fuq id-dovuti; il-kontabilità armonizzata tad-dovuti hija essenzjali wkoll fil-livell mikro.

Fil-livell tal-entitajiet, se jkun hemm benefiċċji fit-termini ta' trasparenza u responsabilità, kif ukoll għall-kwalità tat-teħid ta' deċiżjonijiet peress li t-tagħrif disponbbli jirrifletti l-ispejjeż u l-benefiċċji rilevanti b’mod komparabbli. Barra minn hekk, il-prospett ta' integrazzjoni fiskali u baġitarja ulterjuri fl-UE tenfasizza l-ħtieġa għal standards tal-kontabilità tas-settur pubbliku armonizzati sabiex id-deċiżjonijiet baġitarji fil-livell nazzjonali jkunu jistgħu jiġu vvalutati fil-livell tal-UE. Għall-finijiet ta’ responsabilità u trasparenza, l-entitajiet governattivi għandhom jirrapportaw b'mod sħiħ u komparabbli dwar l-użu tar-riżorsi pubbliċi u l-prestazzjoni tagħhom.

3.4.        Governanza futura tal-UE tal-politiki baġitarji

Ir-rapport ta' Van Rompuy/Barroso/Juncker/Draghi Towards a Genuine Economic and Monetary Union jenfasizza l-ħtieġa għal oqfsa ta' politiki baġitarji u ekonomiċi integrati u pereżempju jgħid li:

"Politiki baġitarji nazzjonali sodi huma s-sinsla tal-UEM.

Fil-futur qrib, il-prijorità hija li jitlestew u jiġu implimentati l-istadji l-ġodda għal governanza ekonomika aktar b'saħħtha. F'dawn l-aħħar snin, ġew approvati (is-"Six-Pack") jew maqbula (it-Trattat dwar l-Istabilità, il-Koordinazzjoni u l-Governanza), żviluppi sinifikanti għal qafas ibbażat fuq regoli għall-politiki fiskali fl-UEM b'enfasi akbar fuq il-prevenzjoni ta' żbilanċi baġitarji, fuq l-iżviluppi tad-dejn, fuq mekkaniżmi ta' infurzar aħjar, u fuq is-sjieda nazzjonali tar-regoli tal-UE. L-elementi l-oħra relatati mat-tisħiħ ta' governanza fiskali fiż-żona tal-euro (it-"Two-pack"), li għadhom fil-proċess leġiżlattiv, għandhom jiġu ffinaliżżati urġentament u jiġu implimentati kompletament. Il-qafas ta' governanza l-ġdid se jagħti ħafna koordinazzjoni ex-ante tal-baġits annwali tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro u se jtejjeb is-sorveljanza ta' dawk li qed jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji. ’.

Ħafna mill-għanijiet ewlenin appoġġati mid-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE, bħat-trasparenza u r-responsabilità akbar fis-settur pubbliku, kif ukoll l-istatistika komparabbli f'waqtha jeħtieġu għodda ta' kontabilità u rrapportar komuni, armonizzata u dettaljata.

Dan ir-rapport jappoġġa l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Pjan ta' azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina — It-tnedija ta' Dibattitu Ewropew[6].

3.5.        L-ispejjeż potenzjali tal-armonizzazzjoni

L-ispejjeż tal-implimentazzjoni ta' standard armonizzat tal-kontabilità pubblika bbażata fuq id-dovuti għandhom jitpoġġew kontra l-benefiċċji potenzjali fl-Istati Membri tal-UE. It-tagħrif disponibbli mill-pajjiżi li adottaw il-kontabilità abbażi tad-dovuti tippermettielna li nagħmlu stima tal-ispejjeż għall-Istati Membri f'termini wiesa' biss, għalkemm huwa probabbli li dawn ikunu sinifikanti. L-ispejjeż huma influwenzati ħafna mill-iskala u r-ritmu tal-implimentazzjoni tad-dovuti, id-daqs u l-kumplessità tas-settur pubbliku, kif ukoll il-kompletezza u l-kredibilità tas-sistemi eżistenti. Barra minn hekk, l-esperjenza tissuġġerixxi li l-Istati Membri jistgħu jħossu li huwa xieraq li jimmodernizzaw is-sistemi tal-amministrazzjoni finanzjarja pubblika tagħhom fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-istandards ta’ kontabilità l-ġodda.

Bħala ordni ta' kobor, u abbażi tal-esperjenza ta' dawk il-pajjiżi li għalihom hemm dejta disponibbli tal-kostijiet, il-kost possibbli għal pajjiż tal-UE ta’ daqs medju li jibdel minn sistema ta’ kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet għal sistema ta’ kontabilità bbażata fuq id-dovuti jista' jitla' sa EUR 50 miljun, għall-gvern ċentrali iżda mhux għal-livelli l-oħra ta' gvern. Dan l-ammont jinkludi, pereżempju, l-ispejjeż għall-istabbiliment tal-istandards il-ġodda u l-għodod tal-IT tal-kontabilità ċentrali assoċjati, iżda mhux l-ispejjeż assoċjati ma’ riforma kompleta tas-sistema tar-rappurtar finanzjarju. Fil-każ tal-Istati Membri l-kbar u, pereżempju, dawk b’sistemi awtonomi ta' gvern reġjonali, jew sistemi ta' gvern aktar kumplessi, u għal dawk li m'għamlux progress fil-kontabilità abbażi tad-dovuti, l-ispejjeż jistgħu jkunu ferm ogħla, speċjalment jekk it-tranżizzjoni għal sistema armonizzata abbażi tad-dovuti tingħaqad ma’ riformi usa’ tal-prattiki tal-kontabilità u tar-rappurtar finanzjarju. Pereżempju l-ispiża tar-riformi tad-dovuti u l-ibbaġitjar fi Franza matul l-aħħar għaxar snin ġiet stmata fl-ammont ta’ EUR 1 500 miljun. Għal Stat Membru iżgħar, li diġà għandu fis-seħħ sistemi nazzjonali ta' kontabilità abbażi tad-dovuti, l-ispejjeż jistgħu jkunu anqas minn EUR 50 miljun. L-istimi tal-ispejjeż miġbura kollha jaqgħu fil-medda ta' 0.02-0.1 % tal-PDG. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta' kontabilità armonizzata abbażi tad-dovuti fl-Istati Membri titlob ukoll investiment sinifikanti f'termini ta' tmexxija, kompetenza u riżorsi għall-Kummissjoni Ewropea.

Wieħed għandu jiftakar ukoll li, minkejja l-fatt li l-kontabilità abbażi tad-dovuti hija sistema aktar elaborata minn dik ta' kontabilità purament ibbażata fuq il-ħlasijiet, l-għadd kbir differenti ta' standards tal-kontabilità, tabelli tal-kontijiet, proċessi ta' riservazzjoni, u sistemi tal-IT, kif ukoll standards ta' verifika u prattiki li spiss jeżistu flimkien, anke fi ħdan wieħed mis-setturi tal-amministrazzjoni pubblika ta' Stat Membru wieħed, jissuġġerixxu li l-armonizzazzjoni tagħhom se tikseb grad ta' tnaqqis fil-burokrazija u fl-spejjeż, li f'medda ta' żmien medja sa twila tegħleb sew l-investiment mistenni. Barra minn hekk, kontra l-ispejjeż finanzjarji reali u importanti mistennija, wieħed jista' jibbilanċja l-benefiċċji potenzjali, mhux biss dawk ta’ governanza u responsabilità aħjar, immaniġġjar aħjar tas-settur pubbliku u trasparenza tant meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tas-swieq, u għalhekk probabbilment jitnaqqas ir-rendiment meħtieġ mill-proprjetarji ta' titoli tal-gvern (iżda dan ma jistax jitkejjel).

4.           L-istandards Internazzjonali tal-kontabilità għas-Settur Pubbliku (IPSAS)

Kif intqal hawn fuq, l-IPSAS bħalissa huma l-uniċi sett ta' standards tal-kontabilità għas-settur pubbliku rikonoxxuti internazzjonalment. Ġejjin mill-idea li l-ġestjoni moderna tas-settur pubbliku, f’konformità mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effikaċja u l-effiċjenza, jiddependu fuq sistemi ta’ informazzjoni dwar il-ġestjoni li jagħtu informazzjoni preċiża u affidabbli f'waqtha, dwar il-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja u l-prestazzjoni tal-gvern, kif ikun il-każ b’xi tip ieħor ta’ entità ekonomika.

Fil-preżent, l-istandards tal-kontabilità tal-gvern nazzjonali ta' 15-il Stat Membru għandhom xi rabta mal-IPSAS. Minn dawn, disa’ pajjiżi għadhom l-istandards nazzjonali tagħhom bbażati fuq l-IPSAS, ħamsa jagħmlu xi referenzi għalihom u wieħed jużahom għal xi partijiet tal-gvern lokali Madankollu, minkejja li l-valur għoli tal-IPSAS huwa rikonoxxut, l-ebda Stat Membru ma implimenta l-IPSAS b’mod sħiħ.

Dan ir-rapport huwa akkumpanjat minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jagħti sommarju tas-sistema tal-IPSAS u l-arranġamenti attwali tal-Istati Membri għall-kontabilità tas-settur pubbliku[7]. Barra minn hekk, l-Eurostat wettaq konsultazzjoni pubblika bejn Frar u Mejju 2012 biex jinġabru l-opinjonijiet dwar l-adegwatezza tal-IPSAS u s-sommarju tat-tweġibiet miksuba huwa wkoll disponibbli[8].

Fid-dawl tal-opinjonijiet li l-awtoritajiet tal-Istati Membri u oħrajn ressqu fil-konsultazzjoni pubblika, il-konklużjoni globali għandha żewġ partijiet. Minn naħa waħda, jidher ċar li l-IPSAS ma jistgħux jiġu sempliċiment implimentati fl-Istati Membri tal-UE kif inhuma attwalment. Min-naħa l-oħra, l-istandards tal-IPSAS jirrappreżentaw referenza indiskutibbli għall-kontabilità armonizzata potenzjali tal-kontijiet tas-settur pubbliku fl-UE. Fuq naħa waħda, il-punti ta' tħassib li ġejjin jeħtieġ li jiġu indirizzati:

· Bħalissa, l-istandards tal-IPSAS ma jiddeskrivux b’mod preċiż biżżejjed il-prassi tal-kontabilità li għandha tiġi segwita, meta wieħed iqis li xi wħud minnhom joffru l-possibbiltà tal-għażla bejn trattamenti kontabilistiċi alternattivi, li jillimitaw il-prattika tal-armonizzazzjoni;

· Fl-istat attwali tiegħu ta' żvilupp, is-sett ta' standards mhuwiex komplut f’termini tal-kopertura jew tal-applikabbiltà prattika tiegħu għal xi tipi importanti ta’ flussi pubbliċi, bħal pereżempju t-taxxi u l-benefiċċji soċjali, u ma jqisx biżżejjed il-ħtiġijiet speċifiċi, il-karatteristiċi u l-interessi tar-rappurtar tas-settur pubbliku. Kwistjoni ewlenija hija l-kapaċità tal-IPSAS biex isolvu l-problema tal-konsolidazzjoni tal-kontijiet mad-definizzjoni ta' gvern ġenerali, li issa hija kunċett ċentrali fil-monitoraġġ fiskali tal-UE.

· Fil-preżent, l-IPSAS jistgħu jitqiesu li mhumiex stabbli kemm hemm bżonn, peress li huwa mistenni li xi standards se jeħtiġilhom jiġu aġġornati ladarba jitlesta x-xogħol fuq il-proġett kurrenti tat-tlestija tal-qafas kunċettwali tal-IPSAS, mistenni fl-2014; kif ukoll

· Fil-preżent, il-governanza tal-IPSAS tbati minn nuqqas ta' parteċipazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet tal-kontabilità tas-settur pubbliku fl-UE. Matul l-2012, il-qafas ta’ governanza tal-IPSAS kien qed jiġi rivedut biex jindirizza kwistjonijiet ta' tħassib għall-partijiet interessati. Kwalunkwe riforma għandha tiżgura li l-indipendenza tal-proċess tal-istipular tal-istandards tiġi msaħħa, filwaqt li l-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur pubbliku jiġu indirizzati b’mod effettiv. Barra minn hekk, il-Bord tal-IPSAS attwalment jidher li mhuwiex fornut biżżejjed biex jiżgura li jista' jħaħħaq mal-veloċità u l-flessibilità meħtieġa tad-domanda għall-istandards il-ġodda u l-gwida dwar il-kwistjonijiet emerġenti bi tweġiba għall-evoluzzjoni tal-klima fiskali, partikolarment fid-dawl tal-kriżi.

Min-naħa l-oħra, il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jaqblu li l-IPSAS ikunu addattati bħala qafas ta' referenza għall-iżvilupp futur ta' sett ta' Standards tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku Ewropew, imsemmi aktar 'l isfel bħala "EPSAS".

5.           kif nersqu lejn l-armonizzazzjoni tal-istandards tal-kontabilità għas-settur pubbliku Ewropew (epsas)

Id-deċiżjoni finali dwar jekk għandniex nimxu lejn l-EPSAS titlob li jittieħdu passi importanti oħra li ma jaqgħux fil-kamp tal-applikazzjoni ta' dan ir-rapport u għalhekk ma jistgħux jiġu antiċipati hawnhekk. Madankollu, it-taqsimiet li jmiss jispjegaw kif l-EPSAS jistgħu jiġu implimentati f'każ li tittieħed id-deċiżjoni effettiva.

L-EPSAS jistgħu jagħtu lill-UE il-kapaċità li tiżviluppa l-istandards tagħha stess biex tissodisfa r-rekwiżiti tagħha u bil-ħeffa meħtieġa. Huma joffru sett ta’ standards armonizzati tal-kontabilità tas-settur pubbliku abbażati tad-dovuti adattati għar-rekwiżiti speċifiċi tal-Istati Membri tal-UE li jistgħu jiġu implimentati fil-prattika. L-implimentazzjoni tal-EPSAS madwar l-UE kollha se tnaqqas drammatikament il-kumplessità tal-metodi u l-proċessi tal-kumpilazzjoni użati biex din id-dejta tiġi ttrasformata f'bażi kważi armonizzata u jitnaqqsu r-riskji fir-rigward tal-affidabilità tad-dejta notifikata mill-Istati Membri u ppubblikata mill-Eurostat.

Jista' jiġi previst li l-ewwel pass se jkun li tiġi installata governanza tal-UE għal dan il-proġett bil-għan li l-qafas kunċettwali tal-UE u l-għan tal-kontabilità komuni għas-settur pubbliku tal-UE jiġu kkjarifikati. L-EPSAS inizjalment jistgħu jkunu bbażati fuq l-adozzjoni ta’ sett ta’ prinċipji ewlenin tal-IPSAS. L-EPSAS jistgħu jużaw ukoll l-istandards tal-IPSAS li dwarhom kien hemm qbil komuni mill-Istati Membri. Madankollu, l-EPSAS ma għandhomx jikkunsidraw l-IPSAS bħala xkiel għall-iżvilupp tal-istandards tagħhom stess.

Iżda, għandu jiġi nnutat li d-disinn ta’ sett ta’ standards armonizzati għall-kontabilità tas-settur pubbliku Ewropew mhuwiex garanzija fih innifsu għal dejta dwar il-kontabilità pubblika f'waqtha u ta’ kwalità għolja. Jeħtieġ li jiġu ssodisfati kundizzjonijiet addizzjonali li jinkludu:

· Appoġġ politiku qawwi u s-sjieda konġunta tal-proġett;

· Amministrazzjonijiet pubbliċi li jkunu kapaċi jħaddmu sistema ta' kontabilità aktar kumplessa f’kull entità pubblika individwali;

· Sistemi integrati tal-IT għall-baġit, għall-ħlasijiet, għall-ġestjoni tal-kuntratti, għaż-żamma tal-kotba b'entrati doppji korrispondenti, għall-ġestjoni tal-fatturi, u għar-rapportar tal-istatistika;

· Rappurtaġġ f'waqtu (eż. mensili) tal-avvenimenti ekonomiċi kollha f’sistema ta’ kontabilità integrata tal-entitajiet pubbliċi;

· Id-disponibilità tar-riżorsi, umani u tal-IT modern; kif ukoll

· Il-kontroll intern effettiv u l-verifika finanzjarja esterna tal-kontijiet pubbliċi.

Għall-Istati Membri kollha, iżda b'mod partikolari dawk li attwalment qed jużaw biss kontabilità abbażi tal-ħlasijiet, l-implimentazzjoni tal-kontabilità abbażi tad-dovuti tal-EPSAS se tkun riforma ewlenija. Xi wħud mill-kwistjonijiet li se jqumu huma:

· Kwistjonijiet tekniċi u kunċettwali tal-kontabilità;

· L-għarfien espert tal-persunal u tal-konsulenti, ħiliet tat-taħriġ;

· Il-kommunikazzjoni mal-maniġers u ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet kif ukoll l-edukazzjoni tagħhom;

· Ir-relazzjoni mal-awdituri u t-taħriġ tagħhom;

· L-aġġustament jew l-immodernizzar ta’ sistemi tal-IT; kif ukoll

· L-adattament tal-oqfsa regolatorji nazzjonali eżistenti.

Li kieku l-prinċipji tal-EPSAS jiġu adottati, il-Kummissjoni tkun tista' tipprevedi l-għoti ta' għajnuna fir-rigward ta’ wħud minn dawn l-oqsma, pereżempju billi jkollha rwol fl-organizzazzjoni tal-qsim tat-taħriġ u l-għarfien espert, tgħin lill-gvernijiet tal-Istati Membri fi kwistjonijiet kunċettwali u tekniċi, u tikkoordina u taqsam l-ippjanar tar-riformi tal-kontabilità pubblika tal-Istati Membri.

F'każ li Stat Membru jkollu nuqqasijiet sinifikanti u evidenti, dgħjufijiet u inkonsistenzi fis-sistemi tal-informazzjoni dwar il-ġestjoni finanzjarja pubblika, ikun xieraq li jitqiesu dawn il-pjanijiet sabiex jiġu implimentati l-EPSAS u dan għandu jiġi rifless fl-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni

5.1.        L-istrutturi tal-EPSAS

Se jkun hemm il-bżonn ta' governanza tal-UE soda għall-iżvilupp u l-adozzjoni tal-istandards tal-EPSAS. Is-sistema biex tiżviluppa u tirregola l-EPSAS se teħtieġ li l-aġenda għall-iżvilupp ta' kull standard tiġi definita u se jkun hemm il-bżonn ta' proċeduri ta’ approvazzjoni ċari. L-istruttura tal-governanza tal-EPSAS se teħtieġ l-inklużjoni ta' ħiliet fir-rigward tal-leġiżlazzjoni neċessarja, l-iffissar tal-istandards, u l-għoti ta' pariri tekniċi u dwar il-kontabilità.

It-twaqqif tal-istruttura ta’ governanza tal-EPSAS se jkun iġġwidat mill-mudell użat mill-Kummissjoni fit-twaqqif tal-governanza tal-IFRS fil-kuntest tal-UE, iżda mhux se jkun simili għalih, minħabba l-ispeċifiċità tas-settur pubbliku u l-enfasi magħmul fuq il-komparabilità fi ħdan l-UE. Fejn huwa possibbli għandhom jintużaw l-esperjenza u l-kompetenza ta’ strutturi ta’ governanza tal-kontabilità fis-settur pubbliku nazzjonali fl-Istati Membri.

Madankollu, l-EPSAS se jeħtiġilhom jistabbilixxu u jżommu rabtiet mill-qrib mal-bord tal-IPSAS sabiex jgħarrfu l-aġenda tagħhom u t-teħid ta' deċiżjonijiet u għaliex l-istandards tal-EPSAS f’xi każijiet jistgħu jeħtieġu li jkunu differenti mill-istandards tal-IPSAS. Ikun importanti li ma tinħoloqx diverġenza mhux meħtieġa bejn l-EPSAS u l-IPSAS, u bejn l-EPSAS u l-IFRS, peress li l-entitajiet ikkontrollati mill-gvern jistgħu jkunu diġà meħtieġa li jirrapportaw abbażi tal-IFRS jew skont l-istandards tal-kontabilità kummerċjali nazzjonali.

L-EPSAS għandhom ukoll jiġu żviluppati bil-għan li jiġu minimizzati d-differenzi mill-ESA, sabiex fl-aħħar jagħtu perspettiva ta' sistemi kompleti u integrati, applikabbli fuq il-livelli mikro u makro.

5.2.        L-adozzjoni tal-EPSAS

L-iżvilupp, l-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tal-EPSAS għandhom ikunu proċess gradwali, li għandu jsir matul perjodu ta' żmien. L-implimentazzjoni se tkun fi stadji fuq medda medja ta' żmien, billi l-ewwel jiffukaw fuq il-kwistjonijiet tal-kontabilità li huma l-aktar importanti għall-armonizzazzjoni, bħad-dħul u n-nefqa (it-taxxi u l-benefiċċji soċjali, l-obbligazzjonijiet u l-assi finanzjarji) u fi stadju aktar tard jiġu kkunsidrati l-assi mhux finanzjarji, eċċ.

It-triq 'il quddiem għandha tkun selettiva u għandha tikkunsidra b'mod partikolari l-perspettiva ta’ entitajiet żgħar u medji, u l-aspett tal-materjalità. L-istrateġija teħtieġ tiddefinixxi l-prijoritajiet, tistabbilixxi l-iskadenzi ewlenin taż-żmien u għalhekk tressaq pjan direzzjonali konkret. Sabiex il-proġett tal-EPSAS jimxi 'l quddiem, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tagħmel abbozz ta' ġabra miftiehma ta' Prinċipji Bażiċi tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku Ewropew bl-iskop illi dawn jiġu inkorporati fi proposta għal Regolament Qafas. Ir-Regolament Qafas għandu jistipula wkoll is-sistema ta’ governanza għall-EPSAS u l-proċedura għall-iżvilupp tal-istandards speċifiċi tal-EPSAS.

Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni xierqa fil-livell nazzjonali, il-kontenut dettaljat ta' kull standard tal-EPSAS se jkun elaborat bl-għajnuna tal-Istati Membri b’mod li jqis ir-rekwiżiti ta' hawn taħt:

· Kontabilità bbażata fuq id-dovuti;

· Żamma tal-kotba b'entrati doppji korrispondenti;

· Rappurtar finanzjarju armonizzat internazzjonalment; kif ukoll

· Kunsiderazzjoni lejn il-konsistenza mal-prinċipji tal-ESA.

5.3.        X'jista' jkun l-ewwel sett ta’ EPSAS?

L-ewwel element jista' jkun proposta għal Regolament Qafas li tirrikjedi l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-dovuti.

L-entità li tfassal l-istandards tal-EPSAS tista' mbagħad tikklassifika 32 standard tad-dovuti tal-IPSAS fi tliet kategoriji:

· Standards li jistgħu jiġu implimentati bi ftit jew bl-ebda adattament;

· Standards li għandhom bżonn adattament, jew li għalihom ikun hemm bżonn ta’ strateġija selettiva; kif ukoll

· Standards li jidhru li jeħtieġu xi emendi għall-implimentazzjoni.

L-Istati Membri jkunu mistiedna jistabbilixxu pjan ta' implimentazzjoni għas-subsetturi kollha tal-gvern ġenerali. Pereżempju, is-sett prinċipali tal-EPSAS għandu jkun applikabbli għall-entitajiet pubbliċi kollha u, meta wieħed iqis il-materjalità, għandhom ikopru l-biċċa l-kbira tan-nefqa mis-settur pubbliku fl-Istati Membri.

6.         Triq possibbli

Il-Kummissjoni tqis li, qabel ma tiddeċiedi dwar il-proġett attwali tal-ħolqien tal-EPSAS u l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri, hemm il-ħtieġa ta' xi passi preparatorji oħra. Għad iridu jissolvew bosta diffikultajiet importanti li jikkonċernaw kwistjonijiet lil hinn mill-ambitu ta' dan ir-rapport, bħal pereżempju li jiġi stabbilit il-qafas tal-EPSAS u li jkun speċifikat l-ewwel sett prinċipali tal-istandards tal-EPSAS, kif ukoll l-ippjanar tal-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni, barra minn hekk, teħtieġ tiddeskrivi il-miri konkreti meħtieġa għall-proġett futur, kif ukoll tqis il-kunsiderazzjonijiet tal-valutazzjoni tal-impatt. Tista' tittieħed deċiżjoni biss abbażi ta' reviżjoni ex-ante tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi, kif ukoll tal-ispejjeż u l-benefiċji probabbli.

Ladarba tittieħed id-deċiżjoni: abbażi tal-esperjenza ta’ pajjiżi li implimentaw sistemi ta’ kontabilità bbażati fuq id-dovuti fis-settur pubbliku matul is-snin reċenti, il-proċess ta’ implimentazzjoni għandu jkun sekwenzjali. Għandu jkun iddeterminat, billi tiġi kkunsidrata sewwa l-pożizzjoni tal-bidu ta' kull Stat Membru, pereżempju, l-istat tal-iżvilupp tal-istandards tal-kontabilità nazzjonali eżistenti u d-disponibilità tad-dejta tal-karta tal-bilanċ. F'xi Stati Membri, jista' jkun xieraq li l-implimentazzjoni tibda' fil-livell nazzjonali u timxi fil-livelli reġjonali u lokali aktar tard. Wieħed għandu wkoll jistenna li l-medda tal-implimentazzjoni għal entitajiet iżgħar tista’ tkun limitata, jew għall-inqas li l-entitajiet l-aktar importanti jkunu prijoritizzati, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-materjalità tagħhom.

Il-proċess jista' jseħħ fi tliet stadji:

(1) Stadju preparatorju sabiex jinġabru aktar informazzjoni u opinjonijiet, u sabiex jiġi żviluppat pjan direzzjonali. Dan l-istadju se jibda fl-2013 u se jinvolvi aktar konsultazzjonijiet, konferenza ta' livell għoli, u l-preparazzjoni ta' aktar proposti dettaljati;

(2) Stadju li jiżviluppa u jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi, li jindirizza suġġetti bħall-finanzi, il-governanza, is-sinerġiji possibbli u t-tħassib ta' entitajiet pubbliċi iżgħar. Dan l-istadju għandu jwassal għall-pubblikazzjoni ta’ proposta għal Regolament Qafas. Ir-Regolament Qafas se jkun jeħtieġ l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-dovuti, u jistabbilixxi pjanijiet biex jiġu żviluppati aktar l-istandards speċifiċi tal-kontabilità matul iż-żmien. kif ukoll

(3) L-istadju ta' implimentazzjoni: l-istadju ta' implimentazzjoni għandu jkun gradwali, u jippermetti aktar żmien f'każ li l-istandards tal-kontabilità eżistenti ta' xi Stat Membru jkunu għadhom 'il bogħod mill-EPSAS, għalkemm huwa prevvist li l-implimentazzjoni għandha tinkiseb fl-Istati Membri kollha f'terminu medju ta' żmien.

L-istrateġija proposta tikkonsisti f'approċċ ibbilanċjat li jibni fuq il-kisbiet eżistenti u jiżgura li s-Sistema Statistika Ewropea tista' topera indipendentament iżda xorta waħda b'rabta mill-qrib mal-fornituri ewlenin tad-dejta tagħha u mal-utenti istituzzjonali. Huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li l-EPSAS m’għandux iwassal għal aktar rekwiżiti burokratiċi, piżijiet amministrattivi akbar fuq dawk li jwieġbu jew dewmien fil-produzzjoni statistika.

Il-Kummissjoni se ssegwi l-istrateġija ppreżentata f'dan ir-rapport, billi tqis il-limiti tar-riżorsi, b'konformità mar-responsabbiltajiet tagħha skont it-Trattat.

Minħabba l-kwistjonijiet differenti involuti, huwa importanti li jsir progress malajr filwaqt li jiġu kkonsultati l-partijiet interessati ewlenin, inkluż fejn jinħtieġu inizjattivi leġiżlattivi. L-istadji li jmiss, li se jibdew fl-2013, se jqisu l-kunsiderazzjoniet tal-impatt u se jinkludu pjan direzzjonali li jispeċifika, f'aktar dettall, il-passi li għandhom jittieħdu, inklużi l-inizjattivi leġiżlattivi, sabiex tinkiseb l-armonija tal-istandards tal-kontabilità tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni.

[1]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.

[2]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità, ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.

[3]               COM(2011) 211 finali.

[4]               ‘Overview and comparison of public accounting and auditing in the 27 Member States’

[5]               Ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, ĠU L 306, p. 1; Ir-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro, ĠU L 306, p. 8; Ir-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, ĠU L 306, p. 12; Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, ĠU L 306, p. 25; Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta’ Novembru2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, ĠU L 306, p. 33; Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri, ĠU L 306, p. 41.

[6]               COM(2012) 777 finali.

[7]               Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument Rapport mill-Kummissjoni għall-Kunsill u għall-Parlament Ewropew: Lejn l-implimentazzjoni ta’ standards tal-kontabilità għas-settur pubbliku armonizzati fl-Istati Membri.

[8]               Public consultation — Assessment of the suitability of the International Public Sector Accounting Standards for the Member States: Summary of responses.