RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 /* COM/2013/077 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE)
Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008
li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u
għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta'
prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 1. Introduzzjoni Dan ir-rapport jagħti ħarsa
ġenerali lejn l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 765/2008
(ukoll "ir-Regolament") li jistabbilixxi r-rekwiżiti
għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati
mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament
tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93. Dan ir-Regolament japplika
mill-1 ta' Jannar 2010. L-għan ewlieni tiegħu huwa li
jkun żgurat li l-prodotti fis-Suq Uniku koperti
mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti
applikabbli, li jipprovdu livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa
u tas-sigurtà u interessi pubbliċi oħra. Għal dan il-għan
ir-Regolament jistabbilixxi qafas għall-akkreditament u
għas-sorveljanza tas-suq. Ir-rapport tħejja b'koperazzjoni mal-Istati
Membri permezz tas-'SOGS', jiġifieri il-Grupp tal-Uffiċjali Anzjani
għall-Istandardizzazzjoni u l-Istima tal-Konformità tal-Politika u l-grupp
ad hoc tas-sorveljanza tas-suq imsejjaħ 'SOGS-MSG'. Dan ir-rapport
jevalwa r-rilevanza tal-istima tal-konformità, l-akkreditament u l-attivitajiet
ta' sorveljanza tas-suq li jirċievu finanzjament mill-Unjoni fid-dawl
tar-rekwiżiti tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE. 2. Akkreditament 2.1. Entitajiet nazzjonali ta'
akkreditament Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008
jintroduċi għall-ewwel darba qafas legali għall-akkreditament.
Dan japplika kemm għas-setturi volontarji kif ukoll dawk regolati.
L-għan huwa li jissaħħaħ l-akkreditament bħala
l-aħħar livell ta' kontroll fil-qafas tas-sistema tal-istima
tal-konformità u sabiex tissaħħaħ il-fiduċja
f'riżultati tal-istima tal-konformità filwaqt li jwieġeb
għall-bżonnijiet tas-swieq kif ukoll tal-awtoritajiet pubbliċi. Ir-Regolament jintroduċi numru ta'
prinċipji u rekwiżiti ġenerali għall-entitajiet nazzjonali
ta' akkreditament[1].
Dawn ir-rekwiżiti huma f'konformità ma' rekwiżiti aċċettati
globalment stipulati fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-istandards
internazzjonali tal-ISO/IEC, għalkemm uħud minnhom jistgħu
jitqiesu bħala aktar rigorużi, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti
stabbiliti fl-istandards applikabbli. Dan huwa l-każ tar-rekwiżiti li
skonthom ikun hemm biss entità ta' akkreditament waħda għal kull Stat
Membru, l-akkreditament isir bħala attività ta' awtorità pubblika,
l-akkreditament jitħaddem b'bażi mhux kummerċjali u bla profitt,
u l-entitajiet ta' akkreditament ma jikkompetux mal-entitajiet tal-istima
tal-konformità jew bejniethom. Sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti
tar-Regolament, l-Istati Membri kellhom jintroduċu bidliet fis-sistemi
nazzjonali tal-akkreditament tagħhom fi gradi differenti. Filwaqt li
għal xi Stati Membri kienu meħtieġa biss xi bidliet jew bidliet
minuri, oħrajn kellhom ibiddlu b'mod sostanzjali s-sistema nazzjonali
tal-akkreditament tagħhom. F'xi każijiet, kien meħtieġ li
jingħaqdu għadd ta' entitajiet ta' akkredetiment. L-Istati Membri
kollha, kif ukoll il-pajjiżi tal-EFTA u t-Turkija stabbilixxew entitajiet
nazzjonali ta' akkreditament[2]. Il-proċess ta' ristrutturar u adattament
għar-Regolament issa huwa kważi komplut, filwaqt li l-konsolidazzjoni
għadha għaddejja, u f'xi każijiet l-entitajiet nazzjonali ta'
akkreditament għad iridu jissaħħu fil-kuntest nazzjonali
tagħhom. 2.2. Akkreditament transfruntieri Ir-Regolament jipprevedi li l-entitajiet
tal-istima tal-konformità għandhom jitolbu l-akkreditament fl-Istat Membru
fejn huma stabbiliti. Madankollu, hemm tliet xenarji fejn entità tal-istima
tal-konformità tista' tfittex akkreditament addizzjonali xi mkien ieħor: (1)
L-ewwel wieħed huwa li l-Istat Membru
inkwistjoni ma jkunx waqqaf entità nazzjonali ta' akkredetiment. (2)
It-tieni xenarju huwa li l-entità nazzjonali ta'
akkreditament ma twettaqx l-akkreditament għall-attività li għaliha
jkun qed jitfittex l-akkreditament. (3)
It-tielet xenarju huwa dak li l-entità nazzjonali
ta' akkreditament rilevanti ma jkunx irnexxielha tgħaddi mill-stima bejn
il-pari. S'issa l-ewwel xenarju ma feġġx peress
li l-Istati Membri kollha waqqfu entità nazzjonali tal-akkredetiment. It-tieni
u t-tielet ix-xenarji huma aktar frekwenti billi mhux kull entità nazzjonali
ta' akkreditament twettaq l-ambitu kollu tal-attivitajiet. Filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet dwar
l-akkreditament transfruntieri wrew li kienu relattivament sempliċi,
kwistjoni li fl-aħħar snin saret dejjem aktar importanti hija li dik
dwar entitajiet internazzjonali tal-istima tal-konformità b'siti multipli u
s-subappalt. Il-Kummissjoni, bi qbil mal-Istati Membri, adottat dokument
politiku li jispjega kif l-entitajiet ta' akkreditament għandhom
jipproċedu f'każijiet bħal dawn bil-għan li jevitaw
akkreditamenti multipli[3].
Il-Koperazzjoni Ewropea għall-Akkreditament, l-EA (ara t-taqsima dwar
l-infrastruttura tal-akkreditament), imbagħad ipprovdiet linji gwida dwar
kif jitwettqu fil-prattika dawn il-prinċipji tal-politika. Jista' jkun li,
wara li tkun inġabret esperjenza aħjar b'dawn il-linji gwida,
l-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji tal-politika jkun
jeħtiġilha tiġi rfinata. 2.3. Stima bejn il-pari X'aktarx stima bejn il-pari hija l-aktar
għodda essenzjali biex ikun żgurat li s-sistema Ewropea ta'
akkreditament tilħaq l-aspettattivi li tkun żgurata l-kwalità
fis-sistema Ewropea tal-istima tal-konformitа. Stima bejn il-pari li
tirnexxi hija prerekwiżit għal rikonoxximent reċiproku
taċ-ċertifikati ta' akkreditament. Għalhekk, mekkaniżmu riġoruż
ta' stima bejn il-pari bejn entitajiet nazzjonali ta' akkreditament huwa
ċentrali biex issir implimentazzjoni tajba tar-Regolament. Dan
jiżgura kontroll kontinwu tal-kwalità f'ħidmet l-entitajiet
nazzjonali ta' akkreditament, filwaqt li jipprovdi wkoll proċess ta'
tagħlim mhux biss ta' dawk stmati iżda wkoll tal-istimaturi. Hija
l-istima bejn il-pari li tiddistingwi u tagħżel l-akkreditament bi
tqabbil ma' mezzi oħra ta' stima tal-kompetenza u l-prestazzjoni ta'
entitajiet tal-istima tal-konformità. L-għan li jmiss huwa li jibqa'
jissaħħaħ il-proċess ta' stima bejn il-pari, tittejjeb
id-disponibbiltà ta' stimaturi bejn il-pari mħarrġa u tal-esperjenza
u jibqgħu jiġu armonizzati l-approċċi, partikolarment
fis-settur regolat. 2.4. Infrastruttura Ewropea ta'
akkreditament Kif imniżżel fir-Regolament,
il-Kummissjoni gћarfet il-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditament
(EA) bħala infrastruttura Ewropea ta' akkreditament[4].
Imbagħad din ikkonkludiet ftehim li jispeċifika l-kompiti dettaljati
tal-EA, id-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament u
d-dispożizzjonijiet dwar is-superviżjoni tiegħu. F'April 2009, il-Kummissjoni, l-EFTA, l-Istati
Membri u l-EA ffirmaw linji gwida ta' kooperazzjoni ġenerali li
jenfasizzaw l-impenn politiku tagħhom biex jaħdmu flimkien mill-qrib
biex tirnexxi l-implimentazzjoni tal-kapitolu tar-Regolament dwar
l-akkreditament[5].
Dan jesprimi fehim komuni dwar l-importanza tal-akkreditament
għall-ekonomija Ewropea kif ukoll ir-rwol li jaqdi biex jappoġġa
bosta politiki Ewropej u leġislazzjoni korrispondenti. Il-linji gwida
jistabbilixxu għanijiet speċifiċi tal-politika għall-akkreditament
sabiex dan jilħaq l-għanijiet tiegħu espressi fir-Regolament. F'Ġunju 2010, il-Kummissjoni u l-EA ffirmaw
ftehim qafas ta' sħubija għall-perjodu bejn l-2010 u l-2014. Dan
il-ftehim qafas ta' sħubija jippermetti appoġġ finanzjarju
għall-EA biex twettaq ħidmietha kif previst mir-Regolament u sabiex
jintlaħqu l-għanijiet dettaljati fil-linji gwida. L-attivitajiet
tal-EA eliġibbli għall-finanzjament mill-UE jinkludu xogħol
tekniku marbut ma' sistema ta' stima bejn il-pari, informazzjoni tal-partijiet
interessati u l-parteċipazzjoni f'organizzazzjonijiet internazzjonali
fil-qasam tal-akkreditament, il-tfassil u l-aġġornament tal-kontribut
fil-linji gwida relatati mal-akkreditament, in-notifika ta' entitajiet
tal-istima tal-konformità, l-istima tal-konformità u s-sorveljanza tas-suq, u
l-attivitajiet ta' assistenza lil pajjiżi terzi[6]. Il-ftehim qafas ta' sħubija jistipula
l-possibbiltà ta' għotja operattiva annwali għall-ħidma kontinwa
tal-EA u s-segretarjat tagħha. Waqt li qed jinkiteb dan ir-rapport,
ingħataw żewġ għotjiet operazzjonali annwali ta'
EUR 375,000, jiġifieri madwar 40% tal-baġit globali tal-EA. L-għotja appoġġat ix-xogħol
marbut mal-operazzjoni u l-ġestjoni tas-sistema tal-istima bejn il-pari li
fl-2010 u l-2011 inkludiet 32 stima - inklużi prestimi, ristimi,
stimi inizjali u stimi straordinarji tal-entitajiet nazzjonali ta'
akkreditament - u tmien esperjenzi ta' taħriġ lill-istimaturi.
L-attivitajiet f'dan il-qasam jinkludu wkoll it-tnedija ta' proċess
ġenerali biex tittejjeb is-sistema tal-istima bejn il-pari li tat numru
ta' proposti li bħalissa qed jiġu diskussi. Barra minn hekk, il-kumitat tal-EA
għall-armonizzazzjoni orizzontali kif ukoll il-kumitati tal-laboratorju,
taċ-ċertifikazzjoni u tal-ispezzjoni ħadmu biex jiżdied
il-ftehim komuni dwar kif għandu jsir l-akkreditament u biex
jappoġġaw l-akkreditament fis-setturi regolati rilevanti. Dan
irriżulta f'għadd ta' dokumenti ta' gwida[7]. L-EA kienet ukoll attiva ħafna twettaq
ħidmietha biex tipprovdi l-għarfien espert lis-servizzi differenti
tal-Kummissjoni għall-inklużjoni tal-akkreditament fi proġetti
leġiżlattivi jew f'termini tal-implimentazzjoni
tal-leġiżlazzjoni settorjali eżistenti[8]. Barra minn hekk, l-EA ilha taħdem
mal-partijiet interessati permezz tal-Bord Konsultattiv tagħha u ssodisfat
l-obbligi tagħha li tipparteċipa fl-organizzazzjonijiet
internazzjonali ta' akkreditament ILAC/IAF billi tieħu sehem
fil-proċess tagħhom ta' stima bejn il-pari u fil-gruppi differenti
ta' ħidma tagħhom. Din ħolqot ukoll relazzjonijiet konsolidati
ma' pajjiżi terzi billi aċċettat l-entitajiet nazzjonali ta'
akkreditament tal-EFTA u l-pajjiżi kandidati bħala membri
sħaħ u billi ffirmat ftehimiet ta' assoċjazzjoni ma' entitajiet
nazzjonali ta' akkreditament ta' pajjiżi li jieħdu sehem fil-Politika
Ewropea tal-Viċinat. L-EA bħalissa għandha 35 membru
sħiħ u 13-il membru assoċjat[9]. Minbarra għotja operazzjonali annwali,
il-ftehim qafas ta' sħubija mal-EA jistipula wkoll il-possibbiltà ta'
għotjiet ta' azzjoni għal proġetti speċifiċi. S'issa,
ma sar l-ebda użu minn din il-possibbiltà. Il-kooperazzjoni mal-EA tat ħafna frott
kollox ma' kollox. Saru sforzi konsiderevoli biex jintlaħqu
ċ-ċirkustanzi mibdula għall-akkreditament bid-dħul
fis-seħħ tar-Regolament u r-rwol il-ġdid tal-EA bħala infrastruttura
Ewropea ta' akkreditament f'dan il-kuntest. Il-progress li sar sa issa
għandu jiġi kkonsolidat aktar biex jibqa' jittejjeb ir-rwol
tal-akkreditament bħala l-aħħar livell ta' kontroll fis-sistema
Ewropea tal-istima tal-konformitа. Hekk kif l-akkreditament qed jintuża
dejjem aktar għall-finijiet ta' leġiżlazzjoni tal-UE, dan jista'
jfisser ukoll reviżjoni tar-riżorsi u appoġġ finanzjarju
disponibbli għall-EA. 2.5. L-akkreditament bħala
appoġġ ta' notifika Ir-Regolament huwa ċar ħafna
fil-preferenza tiegħu tal-akkreditament bħala l-mezz biex tintwera
l-kompetenza teknika ta' entita tal-istima tal-konformità għall-finijiet
ta' "notifika" skont leġiżlazzjoni speċifika,
jiġifieri fl-aħħar mill-aħħar li jirrikonoxxi
l-abbiltà tal-entità li tistima l-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti ta'
Regolament jew Direttiva partikolari. L-akkreditament għandu l-benefiċċju
li jkun attività trasparenti bbażata fuq l-istandards, filwaqt li
l-proċess tal-istima bejn il-pari huwa fis-seħħ biex
jiżgura li jinżammu livelli komparabbli ta' kwalità. Dan mhux
il-każ għal notifiki li mhumiex ibbażati fuq l-akkreditament.
Għalhekk il-Kummissjoni, b'kunsens mal-Istati Membri, ħarġet
dokument ta' gwida dwar it-tip ta' informazzjoni li għandha tinkludi
notifika mhux akkreditata[10].
Billi notifiki mhux akkreditati mhux dejjem ikunu akkumpanjati minn
dokumentazzjoni xierqa u l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom qafas
ta' żmien itwal biex jagħmlu oġġezzjonijiet, f'dawn
il-każijiet il-proċess ta' notifika jista' jieħu fit-tul u jsir
aktar problematiku. L-użu ta' akkreditament għall-finijiet
ta' notifika huwa differenti fost l-Istati Membri u bejn is-setturi. Filwaqt li
xi Stati Membri għamlu akkreditament għall-finijiet ta' notifika
obbligatorju, dan mhuwiex il-każ f'oħrajn li japplikaw
approċċ pjuttost imħallat. Huwa fatt li fi tmiem l-2009, qabel
id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, minn fost 2249 notifika,
1089 ma kinux akkreditati u 1118 kienu akkreditati, filwaqt li sa
Ġunju 2012 kien hemm 3106 notifika li 861 minnhom ma kinux
akkreditati u 2196 kienu akkreditati. Għalhekk l-akkreditament qed
jirnexxielu jaqdi r-rwol li għandu favur in-notifika. Għalhekk hija
ġustifikata komunikazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali
u l-entità ta' akkreditament. 2.6. Dokumenti ta' gwida Il-Kummissjoni, bi qbil mal-Istati Membri,
ħarġet dokumenti ta' gwida li huma stabbiliti fid-dokument ta'
ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż. 2.7. Sfidi Filwaqt li r-Regolament stabbilixxa qafas legali
solidu għall-akkreditament, l-isfidi ewlenin fl-implimentazzjoni
tal-kapitolu tar-regolament dwar l-akkreditament għas-snin li ġejjin
se jkunu biex tkun ikkonsolidata u msaħħa s-sistema kif ukoll biex
titqajjem kuxjenza u jsir fehim aħjar tal-benefiċċji
tal-akkreditament. Apparti minn għadd ta' kwistjonijiet ġuridiċi
madwar l-akkreditament, dan se jkun jeħtieġ aktar tisħiħ
tas-sistema tal-istima bejn il-pari bħala l-għodda ewlenija biex tkun
żgurata kwalità kontinwa taċ-ċertifikati madwar l-UE. Barra minn
hekk l-akkreditament għall-finijiet ta' notifika se jkun
jeħtieġlu jingħata aktar prominenza u se jkollu jintuża
b'mod iktar sistematiku fil-leġiżlazzjoni tal-UE fejn din
tal-aħħar tipprovdi għall-istima tal-konformità u
għall-ħatra tal-entitajiet tal-istima tal-konformità. Dan jaf ikun
jeħtieġ li l-Kummissjoni u EA jiżviluppaw skemi ta' akkreditament
settorjali biex jiżguraw li l-entitajiet tal-istima tal-konformità
jilħqu l-livell ta' kompetenza meħtieġ
mil-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni f'oqsma
b'rekwiżiti speċifiċi[11]. 3. Qafas ta' sorveljanza tas-suq tal-Unjoni
għall-prodotti Din it-taqsima tiġbor fil-qosor
is-sitwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin
tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 dwar l-istabbiliment ta' qafas ta'
sorveljanza tas-suq għall-prodotti armonizzati kollha fis-suq uniku. Dan
il-kapitolu jikkumplimenta l-informazzjoni li hemm fl-istima tal-impatt li
takkumpanja l-proposti tal-Kummissjoni għal Regolament dwar is-Sigurtà
tal-Prodotti għall-Konsumatur u r-Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Suq. 3.1. Rekwiżiti
għall-organizzazzjoni tas-sorveljanza tas-suq mill-Istati Membri Ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti
speċifiċi għall-organizzazzjoni tas-sorveljanza tas-suq
mill-Istati Membri mill-2010 'l hawn. Imbagħad ħafna minnhom irfinaw
l-istrutturi amministrattivi tagħhom u stabbilixxew soluzzjonijiet
speċifiċi biex jiżguraw li jintlaħqu dawk
ir-rekwiżiti. It-tweġibiet tal-Istati Membri fil-kwestjonarju dwar
l-implimentazzjoni tar-Regolament jistgħu jitqassru[12] kif
ġej: ·
Ir-responsabbiltà u l-identità tal-awtoritajiet: fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ir-Regolament kellu
bżonn biss aġġustamenti żgħar fl-attivitajiet
preeżistenti tas-suq (eż. jkun stabbilit programm biex tittejjeb
is-sorveljanza tas-suq) billi l-Istati Membri kienu diġà stabbilixxew
il-proċeduri tagħhom tas-sorveljanza tas-suq
b'leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. ·
Il-mekkaniżmi tal-komunikazzjoni u
l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ivarjaw fost l-Istati Membri: il-kanali tal-komunikazzjoni xi drabi
jissejsu fuq ftehim informali, jew il-komunikazzjoni isir b'entità ta'
koordinazzjoni għas-sorveljanza tas-suq, permezz tal-Grupp ta' Ħidma
responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Qafas Leġiżlattiv il-Ġdid
jew permezz tal-Kumitat tas-Sorveljanza tas-Suq. ·
Il-proċedura li għandha tiġi
segwita għall-ilmenti: qabel ir-Regolament,
ħafna Stati Membri diġà kellhom sistemi għall-ilmenti. Minkejja
li dawn is-sistemi jiġu aġġornati fuq bażi regolari,
il-maġġoranza tal-Istati Membri jindikaw li dawn jistgħu jkomplu
jittejbu. ·
Il-proċedura
għall-monitoraġġ tal-inċidenti u d-dannu għas-saħħa: xi Stati Membri jemmnu li hemm bżonn sistema aħjar
għad-dejta dwar l-inċidenti u din tista' tissejjes fuq il-Bażi
tad-Dejta attwali tal-Korrimenti tal-UE. ·
Tisħiħ tas-setgħat
tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq: saru
aġġustamenti minuri fl-Istati Membri billi s-setgħat
tal-infurzar kienu fil-maġġorparti kompatibbli ma' dawk mitluba
mir-Regolament. Xi Stati Membri kellhom jemendaw il-leġiżlazzjoni
nazzjonali tagħhom biex din tkun konformi mar-Regolament (KE). ·
Tisħiħ tar-riżorsi umani u
finanzjarji tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq: ir-riżorsi
finanzjarji u umani għas-sorveljanza tas-suq naqsu minħabba t-trazzin
finanzjarju f'bosta Stati Membri, filwaqt li f'għadd żgħir ta'
Stati Membri s'issa l-ebda aġġustamenti ewlenin ma tqiesu meħtieġa. ·
Penali għall-operaturi ekonomiċi: qabel dan ir-Regolement daħal fis-seħħ, diġà kienu
jeżistu penali għall-operaturi ekonomiċi li ma jkunux konformi,
iżda dawn ġew emendati xi ftit f'ċerti Stati Membri
minħabba l-kompetenzi l-ġodda tal-awtoritajiet tas-sorveljanza
tas-suq. Fil-bidu tal-2010 l-Istati Membri kollha,
l-Islanda u t-Turkija, infurmaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritàjiet
tagħhom tas-sorveljanza tas-suq u l-oqsma ta' kompetenza tagħhom kif
speċifikament jitlob ir-Regolament[13]. Dawn il-komunikazzjonijiet jagħtu
ħarsa ġenerali tajba lejn id-distribuzzjoni tal-kompiti u
r-responsabbiltajiet fil-qasam tas-sorveljanza tas-suq għal
oġġetti armonizzati, inklużi d-dettalji ta' kuntatt rilevanti.
Dawn ġew ippubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni[14] u bla
dubju jikkontribwixxu għat-trasparenza fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta'
sorveljanza tas-suq fl-UE. 3.2. Programmi nazzjonali
tas-sorveljanza tas-suq Skont ir-Regolament[15],
l-Istati Membri jridu jistabbilixxu, jimplimentaw u jaġġornaw
il-programmi tagħadhom tas-sorveljanza tas-suq. Dawn għandhom
jikkomunikaw ukoll il-programmi lill-Istati Membri l-oħra u
lill-Kummissjoni u jagħmluhom aċċessibbli għall-pubbliku
fuq l-internet. L-għan ta' dawn il-programmi huwa li jippermettu li l-awtoritajiet
ta' pajjiżi oħra, kif ukoll iċ-ċittadini inġenerali
jifhmu kif, meta, fejn u f'liema oqsma ssir sorveljanza tas-suq. Il-programmi
nazzjonali mbagħad ikun fihom informazzjoni dwar l-organizzazzjoni
ġenerali tas-sorveljanza tas-suq fuq livell nazzjonali (eż.
mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn awtoritajiet differenti,
ir-riżorsi allokati lilhom, il-metodi ta' ħidma, eċċ.) u
dwar oqsma speċifiċi ta' intervent (eż. il-kategoriji
tal-prodotti, il-kategoriji tar-riskju, tipi ta' utenti, eċċ.). Il-maġġoranza tal-Istati Membri
kkomunikaw il-programmi nazzjonali tagħhom (ġenerali jew settorjali)
u kull reviżjoni meħtieġa lill-Kummissjoni fl-2010, fl-2011 u
l-2012 (ara t-Tabella 1). Fl-2012, il-Kummissjoni ppubblikat fuq
il-websajt tagħha verżjoni mhux kunfidenzjali oriġinali u
tradotta tal-aħħar programmi nazzjonali li waslu mingħand
l-Istati Membri, l-Islanda u t-Turkija[16]. B'mod ġenerali l-istima tal-isforzi li
għamlu l-Istati Membri hija pożittiva ħafna, minkejja l-fatt li
xi pajjiżi kellhom jenfasizzaw aktar fuq l-informazzjoni dwar l-organizzazzjoni
ġenerali tas-sorveljanza tas-suq, filwaqt li oħrajn għażlu
li jagħtu preferenza lill-informazzjoni dwar l-attivitajiet tas-settur, u
allura l-informazzjoni mhix dejjem komparabbli għalkollox.
Iċ-ċarezza dwar kif l-Istati Membri organizzaw il-kooperazzjoni u
l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti u mad-dwana tista' tittejjeb. Il-Kummissjoni għenet lill-Istati Membri
fl-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament b'mod
partikolari billi pproponiet qafas komuni biex jistabbilixxu l-programmi
tas-settur tagħhom. Dan issa jiffaċilita ħafna l-komparabbiltà
tal-informazzjoni nazzjonali f'oqsma speċifiċi ta' prodotti jew
leġiżlazzjoni u bih l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ikunu jistgħu
jippjanaw kooperazzjoni transfruntiera f'oqsma ta' interess komuni. Tabella 1: Il-Programmi Nazzjonali
tas-Sorveljanza tas-Suq (NMSP) is-sitwazzjoni attali 2010-2012 Pajjiż || Tip ta' programm[17]: || 2010 || 2011 || 2012 L-Awstrija || Ġenerali u Settorjali || x || x || x Il-Belġju || Generali* || x || x || x Il-Bulgarija || Generali* || x || x || x Ċipru || Ġenerali u Settorjali || x || x || x Ir-Repubblika Ċeka || Settorjali || x || x || x id-Danimarka || Ġenerali u Settorjali || x || x || x L-Estonja || Ġenerali u settorjali || x || x || x Il-Finlandja || Settorjali || x || x || x Franza || Ġenerali u settorjali || x || x || x Il-Ġermanja || Generali* || x || x || x Il-Greċja || Ġenerali || x || x || x L-Ungerija || Settorjali || x || x || x Irlanda || Generali* || x || x || x L-Italja || Ġenerali || x || x || x Il-Latvja || Ġenerali u Settorjali || x || x || x Il-Litwanja || Settorjali || x || x || x Il-Lussemburgu || Ġenerali u Settorjali || x || x || x Malta || Settorjali || x || x || x Il-Pajjiżi l-Baxxi || Settorjali || x || x || x Il-Polonja || Ġenerali u Settorjali || x || x || x Il-Portugall || Ġenerali u Settorjali || x || x || x Ir-Rumanija || Ġenerali u Settorjali || x || x || x Is-Slovakkja || Ġenerali u Settorjali || x || x || x Is-Slovenja || Ġenerali u Settorjali || x || x || x Spanja || Settorjali || -- || x[18] || x L-Isvezja || Ġenerali u Settorjali || x || x || x Ir-Renju Unit || Ġenerali u Settorjali || x || x || x Islanda || Ġenerali || x || x || x It-Turkija || Ġenerali || x || x || x *Il-programm ikopri
wkoll xi informazzjoni dwar setturi speċifiċi, għalkemm din mhix
fid-dettall 3.3. Prodotti li jippreżentaw
riskju gravi Ir-Regolament jistabbilixxi obbligu ġenerali
għall-Istati Membri biex jiżguraw li l-prodotti li x'aktarx
jikkompromettu s-saħħa jew is-sigurtà tal-utenti (konsumaturi u
ħaddiema) jew fi kwalunkwe każ ma jkunux konformi mar-rekwiżiti
tal-prodott stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-UE
jiġu rtirati, ipprojbiti jew ristretti fil-provvista tagħhom[19]. Barra
minn hekk, dan jistipula wkoll li meta prodotti – abbażi ta' valutazzjoni
xierqa tar-riskju – jitqiesu li jippreżentaw riskju serju, l-Istati Membri
għandhom ukoll jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien
bil-miżuri li ħadu bl-użu tas-sistema ta' informazzjoni rapida
"RAPEX"[20]. L-inklużjoni fir-Regolament ta' referenza
għas-sistema RAPEX għarfet l-importanza ta' dan il-mekkanizmu ta'
skambju tal-informazzjoni għas-sorveljanza tas-suq fis-suq uniku u r-rabta
ta' dan il-mekkaniżmu mar-Regolamenti speċifiċi
għall-prodott. Ir-referenza għas-sistema RAPEX kellha wkoll l-effett
li testendi l-obbligu li tibgħat in-notifiki tar-RAPEX
għall-oġġetti kollha li jaqgħu fl-ambitu
tal-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-UE, inklużi prodotti
għall-użu f'kuntest professjonali (eż. il-makkinarju
industrijali) u l-prodotti li jistgħu jippreġudikaw l-interessi
pubbliċi għajr is-saħħa u s-sigurtà (eż. l-ambjent,
is-sikurezza, l-operat ġust tat-tranżazzjonijiet kummerċjali,
eċċ.). Din l-estensjoni tat kontribut partikolari
għall-protezzjoni tal-ħaddiema[21] u l-ħarsien tal-ambjent[22],
għalkemm in-numru totali ta' notifiki ġodda kien pjuttost limitat
matul l-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni tar-Regolament. Minbarra n-notifiki
tar-RAPEX skont id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti,
fl-2010 l-Kummissjoni rċeviet 20 notifika skont ir-Regolament (KE)
Nru 765/2008 (sebgħa minnhom jippreżentaw riskju gravi); fl-2011
irċeviet 25 notifika bħal dawn (17 minnhom jippreżentaw
riskju gravi)[23].
B'mod ġenerali, disa' Stati Membri trażmettew notifiki dwar
oġġetti u prodotti professjonali li jistgħu jippreġudikaw
l-interessi pubbliċi għajr is-saħħa u s-sigurtà. Xejriet aktar reċenti juru żieda
fin-numru ta' komunikazzjonijiet li jaslu bħal fil-każ tal-2012 meta
l-Kummissjoni vvalidat b'kollox 37 notifika ġdida, li 31 minnhom
ippreżentaw riskju serju. Fl-istess perjodu beda jinnotifika Stat Membru
ieħor. Dawn iċ-ċifri huma definittivament mistennija li
jiżdiedu hekk kif l-Istati Membri jsiru aktar proattivi fil-qasam
tal-prodotti professjonali u jaġġustaw għalkollox il-prattika
tagħhom għall-ambitu usa' tar-RAPEX. Fuq in-naħa tal-Kummissjoni l-implimentazzjoni
tar-Regolament ħtieġet xi sforzi biex tkun koordinata l-kompetenza
meħtieġa biex jiġu stmati notifiki ġodda u biex ikunu
aġġustati l-proċeduri operattivi għas-sistema ta' ambitu
usa'. It-tlestija tal-pjattaforma l-ġdida tal-IT għan-notifiki tar-RAPEX,
imsejħa GRAS-RAPEX[24],
kien pass kbir 'il quddiem biex jiġu trattati notifiki ġodda. 3.4. Metodoloġija xierqa
għall-valutazzjoni tar-riskju Bħala parti mill-implimentazzjoni
tar-Regolament mwettqa permezz tal-gruppi "SOGS", fl-2011
il-Kummissjoni waqqfet fl-2011 Task Force għall-Valutazzjoni tar-Riskju
magħmula minn esperti tal-Istati Membri. Il-missjoni tat-task force kienet
li tagħti pariri dwar il-mezzi adegwati biex issir valutazzjoni tar-riskju
għal kull prodott li mhux għall-ikel u għar-riskji kollha li
jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni. Il-Linji
Gwida tar-RAPEX[25]
eżistenti diġà jipprovdu metodoloġija għall-valutazzjoni
tar-riskju ta' prodotti għall-konsumatur, li bla dubju tikkostitwixxi
referenza importanti għall-Istati Membri. Imbagħad it-task force
intalbet biex tistima: (i) jekk il-metodoloġija eżistenti, li hija
l-aktar iffokata fuq il-prodotti mhux armonizzati, tistax tqis b'mod adegwat
ir-rekwiżiti ġuridiċi ta' oġġetti armonizzati; (ii)
kif tista' tiġi indirizzata l-ħtieġa li jiġu vvalutati
r-riskji għall-interessi pubbliċi għajr is-saħħa u
s-sigurtà, li din il-metodoloġija ma tqisx. Fl-aħħar tal-proġett it-Task Force
għall-Valutazzjoni tar-Riskju kkonkludiet li l-metodoloġija msemmija
mil-Linji Gwida tar-RAPEX hija bażi tajba, madankollu l-adegwatezza
tagħha għall-parti armonizzata għandha tittejjeb billi
jiddaħħlu referenzi espliċiti għar-rekwiżiti
essenzjali tal-prodott u għall-istandards armonizzati rilevanti. Barra
minn hekk, il-lingwa tal-metodoloġija għandha tiġi
aġġustata għal ġabra usa' ta' interessi pubbliċi billi
tiffoka fuq il-kunċett ta 'ħsara' minflok dak ta' 'dannu'[26]. 3.5. Sistema ġenerali ta'
appoġġ informattiv - ICSMS Skont ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha
tiżviluppa u żżomm sistema ġenerali ta' arkivjar u ta'
skambju tal-informazzjoni, dwar kwistjonijiet relatati ma' attivitajiet
tas-sorveljanza tas-suq[27].
L-esperti tal-Kummissjoni eżaminaw l-alternattivi
possibbli (tinkiseb għodda eżistenti, tiġi żviluppata
għodda ġdida, eċċ.) u waslu għall-konklużjoni li
l-aktar soluzzjoni xierqa hija li tinkiseb l-għodda "ICSMS"
(Sistema ta' Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq), li
hija l-unika sistema ta' informazzjoni tax-xorta tagħha li diġà
titħaddem. F'dak il-mument, l-ICSMA intużat minn 12-il Stat Membru
tal-UE/EFTA (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja,
il-Ġermanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjizi l-Baxxi, is-Slovenja,
l-Isvezja, l-Isvizzera u r-Renju Unit) bħala mezz ta' komunikazzjoni
għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jiskambjaw informazzjoni
dwar l-investigazzjonijiet ta' prodotti speċifiċi u attivitajiet
relatati. F'Novembru 2011, il-Kummissjoni qablet
mal-ICSMS-AISBL (l-entità li terġa' tgħaqqad l-awtoritajiet
tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri tal-UE/EFTA li jużaw l-ICSMS) u
l-LUBW (l-Aġenzija għall-kejl ambjentali dipendenti fuq il-Ministeru
tal-Ambjent u t-Trasport ta' Baden-Wuerttemberg li tospita fiżikament
l-ICSMS) li tixtri l-ICSMS għal EUR 1 940 940. Skont
il-kuntratt, l-ICSMS-AISBL u l-LUBW intrabtu li: –
jittrasferixxu l-IPRs tal-għodda ICSMS
lill-Kummissjoni; –
jintegraw lill-Istati Membri li għadhom
mhumiex membri tal-ICSMS u jagħtu taħriġ lill-utenti tal-pajjiżi
membri ġodda fil-ICSMS. L-ewwel taħriġ ingħata
f'Mejju-Ġunju 2012; –
jagħtu appoġġ u assistenza
tekniċi lill-utenti kollha tal-ICSMS (inkluż il-helpdesk); –
jimmaniġġjaw l-ICSMS ta' kuljum u
jiżguraw il-kwalità tas-servizz; –
jgħaddu l-għarfien tal-ICSMS
lill-Kummissjoni. Appoġġata mill-internet, l-ICSMS
tippermetti skambju komprensiv tal-informazzjoni bejn l-entitajiet kollha
tas-sorveljanza tas-suq. Is-sistema tippermetti li fost l-utenti tagħha
jixterdu malajr u b'mod effiċjenti r-riżultati tat-testijiet,
id-dejta tal-identifikazzjoni tal-prodott, l-informazzjoni dwar l-operatur
ekonomiku, ritratti, il-valutazzjonijiet tar-riskju inkluża dejta dwar
ir-riskju, l-informazzjoni dwar l-inċidenti, u l-miżuri li ħadu
l-awtoritajiet tas-sorveljanza. L-ICSMS tikkonsisti minn parti interna u parti
pubblika. Il-parti interna jużawha l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.
Din tista' tintuża wkoll mill-awtoritajiet doganali u l-uffiċjali
tal-UE. Din fiha l-informazzjoni kollha disponibbli (id-deskrizzjoni tal-prodott,
ir-riżultati tat-testijiet, il-miżuri meħuda, eċċ.).
Il-parti pubblika tal-websajt jużawha l-konsumaturi u l-operaturi
ekonomiċi. L-informazzjoni viżibbli għall-pubbliku tagħti
biss id-dejta, li tagħti r-referenzi għall-prodott u n-nuqqas ta'
konformità tiegħu u mhux għal kwalunkwe dokumenti interni
(jiġifieri bejn l-awtorità u l-manifattur/importatur, eċċ.). L-ICSMA diġà ġabret ir-riżultati
tat-testijiet fuq aktar minn 47 500 prodott u telenka aktar minn
650 awtorità fil-pajjiżi kollha taż-ŻEE għal aktar
minn 45 direttiva. B'kollox hemm 3 600 kont tal-utent. Bl-ICSMS,
l-utenti kollha interni u pubbliċi jkunu jistgħu jagħmlu
tfittxija speċifika. Tfittxija tista' ssir, pereżempju, skont
il-prodotti individwali, u skont ir-riżultati tat-testijiet għal
gruppi kollha tal-prodott. Jistgħu jinkisbu riżultati tat-testijiet
għal prodotti minn pajjiżi speċifiċi. L-informazzjoni
tista' tinkiseb għal prodotti li jaqgħu taħt ċerti
direttivi, notifiki skont il-klawżola ta' salvagwardja, informazzjoni dwar
notifiki tar-RAPEX, għall-manifatturi, l-importaturi u n-negozjanti.
L-aspetti tal-kunfidenzjalità huma protetti b'sistema ta' aċċess
bl-awtorizzazzjonijiet. Kull awtorità tas-sorveljanza tas-suq tista'
ddaħħal dejta dwar prodotti investigati, li jkun għadhom mhumiex
fil-bażi tad-dejta u żżid kummenti f'fajl eżistenti
bl-informazzjoni dwar il-prodott, jiġifieri tista' tagħti rispons
dwar l-attivitajiet tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar il-prodotti
investigati. Barra minn hekk, teżisti l-possibbiltà li r-responsabbiltà
għal prodott timxi minn awtorità għal oħra (l-hekk imsejħa
"baton passing") u din tintuza ferm. Evalwazzjoni tal-kuntratt tal-ICSMS hija prematura
peress li l-kuntratt ġie ffirmat f'Novembru 2011 u l-introduzzjoni
tas-sistema fil-pajjiżi tal-UE li ma kien għadhom ma sarux membri
għadha kemm bdiet. Madankollu, fid-dawl tal-potenzjal tal-ICSMS,
il-kuntratt joffri "valur tajjeb għall-flus"
għall-Kummissjoni u l-partijiet interessati konċernati kollha (l-awtoritajiet
nazzjonali, il-manifatturi, iċ-ċittadini). Is-sistema ġenerali
ta' appoġġ informattiv stabbilita mir-Regolament hi maħsuba biex
tkun għodda tal-politika li tiffaċilita s-sorveljanza tas-suq
fl-Unjoni Ewropea kollha, b'mod partikolari billi żżid
l-effikaċja u l-koerenza tal-investigazzjonijiet li jsiru fuq livell
nazzjonali. Skont l-esperti li jużaw l-ICSMA, l-iskambju
tal-informazzjoni dwar ir-riżultati tat-testijiet u l-investigazzjonijiet,
joffri vantaġġi għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq
bħal: –
Intervent f'waqtu: informazzjoni dwar il-prodotti
mhux siguri tista' titħabbar minnufih u jistgħu jittieħdu
miżuri mill-ewwel; –
Deterrenza: il-manifatturi notorji jinqabdu minn
kmieni u jiġu kkastigati b'mod aktar effettiv; –
Jiġi evitat xogħol doppju:
ir-riżultati tat-testijiet minn awtorità tas-sorveljanza waħda jsiru
disponibbli minnufih fl-Istati Membri l-oħra kollha; –
Il-possibilità li tiġi ġġenerata
statistika skont is-settur, il-prodott, eċċ.; –
Il-kopertura tal-kwistjonijiet kollha li
għandhom x'jaqsmu man-nuqqas ta' konformità tal-prodotti. Barra minn hekk, l-ICSMA tipprovdi pjattaforma
indispensabbli għall-implimentazzjoni tal-politika Ewropea tas-sorveljanza
tas-suq billi toħloq il-bażi għal: –
Il-koordinazzjoni ta' interventi mas-suq kollu
kontra l-prodotti suspettati; –
L-elaborazzjoni tal-aqwa prattiċi, l-iskambju
tal-għarfien ġenerali u l-esperjenza; –
L-adozzjoni ta' approċċ komuni
għas-sorveljanza tas-suq f'pajjiżi differenti (biex b'hekk ikun
evitat ix-xkiel għall-kompetizzjoni); –
Id-disponibbiltà ta' enċiklopedija
bl-intelliġenza dwar is-sorveljanza tas-suq fl-UE; –
L-informazzjoni taċ-ċittadini dwar
prodotti mhux konformi u d-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti[28]. 3.6. Appoġġ għal
kooperazzjoni amministrattiva Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jagħti
lill-Kummissjoni il-bażi legali biex tassisti b'għajnuna finanzjarja
u appoġġ lill-Istati Membri fir-rigward tal-attivatjiet tal-gruppi
tal-ADCO[29]
(il-Kooperazzjoni Amministrattiva dwar is-Sorveljanza tas-Suq). L-għan ewlieni tal-gruppi tal-Kooperazzjoni
Amministrattiva dwar is-Sorveljanza tas-Suq huwa li jiggarantixxu applikazzjoni
uniformi u xierqa tad-dispożizzjonijiet tekniċi tad-direttivi
(il-proċeduri ta' ċertifikazzjoni) u għalhekk jillimitaw
l-użu mill-Istati Membri ta' restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq
ta' prodotti ċċertifikati li huma konformi. Bħalissa hemm 20 grupp tal-ADCO. Huma
jtellgħu, b'mod ġenerali, madwar 40 laqgħa fis-sena li
jkopru oqsma bħall-kostruzzjoni, is-sikurezza tal-ġugarelli,
l-emissjonijiet tal-istorbju, il-murtali, ir-radju u t-tagħmir tat-terminali
tat-telekomunikazzjoni, il-kompatibbiltà elettromanjetika, l-apparat ta'
vultaġġ baxx, it-tagħmir mediku, l-apparat u s-sistemi
protettivi intiżi għall-użu f'atmosferi esplożivi,
il-pressjoni u t-tagħmir tal-pressa trasportabbli, il-makkinarju,
il-liftijiet, il-cableways, it-tagħmir protettiv personali, l-ekodisinn,
it-tikkettar tal-enerġija, l-istrumenti tal-kejl u dawk tal-użin mhux
awtomatiċi jew l-artiġjanat rikreazzjonali. Il-parteċipanti
jkunu uffiċjali tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq li
jiżguraw ukoll il-presidenza tal-laqgħat. Il-Kummissjoni hija wkoll
rappreżentata fil-gruppi. Madankollu, ġew innotati livelli differenti
ta' attendenza għal-laqgħat tal-gruppi tal-ADCO, minn setturi
għal ieħor. Ir-raġuni ewlenija għal attendenza dgħajfa
ta' diversi gruppi jidher li hija n-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji
għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni tar-rappreżentanti.
Min-naħa l-oħra, xi awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ma
japplikawx għall-presidenza tal-grupp minħabba l-istess problema
finanzjarja biex jorganizzaw il-laqgħat. 4. Kontrolli ta' prodotti li jidħlu
fis-suq tal-UE Barra minn hekk, ir-Regolament (KE)
Nru 765/2008 jistabbilixxi qafas regolatorju għal kontrolli
tal-fruntieri esterni[30].
L-għan ġenerali ta' dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jkun
żgurat li l-Istati Membri jkollhom mekkaniżmi xierqa ta' kontroll
fis-seħħ sabiex jivverifikaw li prodotti li joriġinaw minn
pajjiżi terzi u li jidħlu fis-suq tal-UE jkunu konformi mar-rekwiżiti
stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għal dan il-għan,
ir-Regolament jistabbilixxi prinċipji bażiċi dwar l-operat
tal-kontrolli tal-fruntieri esterni, dwar l-awtorizzazzjoni jew le tar-rilaxx
tal-merkanzija għal ċirkolazzjoni libera u dwar il-kooperazzjoni
tal-awtoritajiet kollha involuti fejn jidħlu dawn iż-żewġ
kompiti. Dawn id-dispożizzjonijiet jibnu fuq ir-Regolament tal-Kunsill
(KEE) Nru 339/93[31],
li ġie revokat mir-Regolament. 4.1. L-implimentazzjoni
mill-Istati Membri Għalhekk l-Istati Membri implimentaw
dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kontrolli fil-fruntieri
billi: ·
Stabbilixxew punt waħdieni ta' kuntatt biex
isiru kontrolli effettivi u effiċjenti fil-fruntieri; ·
Għamlu disponibbli fondi għall-kontrolli
fil-fruntieri; ·
Sawru politika dwar kif għandhom isiru
l-kontrolli fil-fruntieri; ·
Wessgħu l-kontrolli fil-fruntieri biex dawn
ikopru aktar punti tad-dħul; ·
Żguraw li l-kontrolli fil-fruntieri jkunu
mmirati sew u li l-faċilitazzjoni tal-kummerċ ma tintlaqatx
ħażin; ·
Stabbilixxew ftehimiet bil-miktub bejn
l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex
isaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-kontrolli fil-fruntieri; ·
Tejbu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali
u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq (eż. tjieb il-qsim
tal-informazzjoni, żdiedet il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet
tas-sorveljanza tas-suq f'pajjiżi terzi); ·
Taw assistenza lill-uffiċjali doganali li
jagħmlu l-kontrolli doganali; ·
Għamlu analiżi tar-riskju jew assistew
fiha; ·
Armonizzaw l-azzjonijiet doganali; ·
Ħarrġu lill-uffiċjali tad-dwana. 4.2. Gwida mill-Kummissjoni Sabiex tiġi ffaċilitata
l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, il-Kummissjoni,
flimkien mal-Istati Membri, abbozzat linji gwida għal kontrolli
tal-importazzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti u l-konformità tagħhom[32]. Il-linji
gwida huma maħsuba li jkunu strument li jgħin lill-awtoritajiet
doganali u tas-sorveljanza tas-suq biex itejbu l-metodi ta' kooperazzjoni u
l-prattika amministrattiva tajba. Fl-istess ħin, il-linji gwida jiffokaw
fuq mistoqsijiet prattiċi li jsiru lid-dwana meta tkun qed tagħmel
kontrolli relatati mas-sigurtà tal-prodotti u l-konformità tagħhom. Il-linji gwida fihom Parti Ġenerika u Parti
Speċifika. Il-parti ġenerika hija essenzjali biex wieħed jifhem
il-leġiżlazzjoni rilevanti globali applikabbli tal-UE u b'mod
partikolari l-obbligi dwar kontrolli tas-sigurtà u l-konformità, u
l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Il-parti
speċifika tal-linji gwida tagħti għodod prattiċi
għall-uffiċjali tad-dwana, jiġifieri paġni b'informazzjoni
u listi ta' verifika għal gruppi ta' prodotti individwali maħsuba
biex jitħeffu l-kontrolli. Il-Kummissjoni qed tikkoordina l-isforzi
tal-Istati Membri biex ixerrdu u jużaw il-linji gwida fil-livell
nazzjonali. Din hija involuta wkoll fi programm estensiv ta' żjarat
fil-pajjiżi biex tagħti gwida mill-aktar wiesgħa
lill-uffiċjali nazzjonali u biex tindirizza kwistjonijiet
speċifiċi li jista' jkollhom. Dawn l-inizjattivi kollha ġew iffinanzjati
permezz tal-Programm Doganali 2013[33]. 5. Il-marka CE u l-Istima tal-Konformità Il-Kummissjoni fil-passat għarfet li fost
l-operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari l-SMEs, kien hemm nuqqas ta'
għarfien dwar xi tfisser il-marka CE. Għal din ir-raġuni,
ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jistabbilixxi l-prinċipji
ġenerali li jirfdu l-marka CE. F'dan ir-rigward, fuq talba tal-Parlament
Ewropew u bħala parti mill-implimentazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni
impenjat ruħha li tagħmel kampanja informattiva dwar il-marka CE
indirizzata b'mod partikolari lill-operaturi ekonomiċi (b'attenzjoni
partikolari fuq l-SMEs) iżda wkoll lill-awtoritajiet pubbliċi u
lill-konsumaturi. 5.1. Il-kampanja informattiva dwar
il-marka CE Il-kampanja informattiva dwar il-marka CE kienet
maħsuba biex iżżid l-għarfien tal-partijiet interessati
dwar il-marka CE. Din ġiet iffinanzjata mill-programm
għall-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni fl-2009 u b'kollox swiet
EUR 2 miljun. Il-kampanja bdiet fl-ewwel kwart tal-2010 u damet sa
Marzu 2012. Ir-riżultati tal-kampanja jinkludu: –
Inħolqot websajt dedikata bil-lingwi kollha
tal-UE/EFTA li sservi ta' punt waħdieni b'informazzjoni dwar il-marka CE (http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/cemarking/)
–
Tittella' stand fil-fieri kummerċjali[34];
seminars edukattivi fil-pajjiżi kollha tal-UE/EFTA (fil-każ
tal-Isvizzera u l-Lichtenstein sar seminar wieħed għalihom it-tnejn
f'salt); –
Il-produzzjoni ta' fuljetti u browxers bil-lingwi
kollha tal-UE/EFTA għall-professjonisti u l-konsumaturi; il-produzzjoni
ta' żewġ filmati u materjal promozzjonali; il-produzzjoni ta'
factsheets li jispjegaw is-sitwazzjoni rigward il-Marka CE fis-setturi varji
bil-lingwi kollha tal-UE/EFTA u għadd ta' artikli fl-istampa speċjalizzata. Il-kampanja jidher li laħqet il-miri
tagħha. Ir-rispons mis-seminars u l-fieri (l-għadd kbir ta'
parteċipanti[35]
u evalwazzjonijiet pożittivi li kitbu), id-domanda għolja
għall-materjal informattiv[36]
u l-interess qawwi fil-mezzi stampati u onlajn[37] juru li l-kampanja rnexxiet. Barra dan, il-biċċa l-kbira
tal-mistoqsijiet li qed jaslu mill-partijiet interessati dwar il-marka CE juru
li l-partijiet interessati issa huma aktar familjari mat-tifsira tal-marka CE u
huma aktar konxji mid-drittijiet u l-obbligi tagħhom. L-għadd ta'
mistoqsijiet li kitbu l-partijiet interessati lill-Kummissjoni żdied matul
il-kampanja. Il-mistoqsijiet innifishom saru aktar kumplessi u mirquma, u dan
juri li żdied l-għarfien dwar il-marka CE. Barra minn hekk, il-gwida
li tagħti l-websajt tnaqqas ir-riskju possibbli li jsiru żbalji jew
li ma jkunx hemm fehim. 5.2. Gwida
għal-leġiżlatur settorjali u partijiet interessati oħra L-użu tajjeb tal-marka CE jippresupponi
għarfien tajjeb tal-proċeduri tal-istima tal-konformità applikabbli
għal prodotti differenti. Sabiex tgħin lill-leġiżlaturi,
lill-awtoritajiet nazzjonali, lill-Entitajiet ta' Akkreditament,
lill-Entitajiet tal-Istima tal-Konformità, lill-operaturi u lill-partijiet
interessati l-oħra jagħżlu l-proċeduri t-tajba tal-istima,
il-Kummissjoni tat gwida speċifika fid-dokumenti tal-politika: ·
Is-SOGS-N593 EN jew is-CERTIF 2009-03
"Orientations for selecting and implementing the modules of Decision
768/2008 and SMEs specificities in the area of conformity assessment"
jagħti gwida lil-leġiżlattur settorjali dwar kif jagħzel
il-moduli tal-istima tal-konformità mill-"menù" tad-Deċizjoni
768/2008/KE. Barra minn hekk, dan jagħti gwida lill-Entitajiet Notifikati
li jwettqu l-istima tal-konformità. F'konformità mal-għanijiet ta'
regolamentazzjoni aħjar, il-leġiżlatur irid iqis il-komplessità
tal-prodott, id-daqs tal-impriżi li joperaw fis-settur indirizzat
(eż. l-SMEs), it-teknoloġija inkwistjoni, ir-riskju
għall-interess pubbliku, u l-massa jew in-natura serjali tal-proċess
tal-produzzjoni. L-entitajiet notifikati iridu, bl-istess mod, jevitaw piż
bla bżonn fuq l-operaturi ekonomiċi, filwaqt li jżommu l-livell
għoli meħtieġ ta' protezzjoni tal-interess pubbliku. ·
Is-SOGS-N594 EN jew is-CERTIF 2009-04
"Introduction to conformity assessment of the New Legislative Framework as
laid down in Decision 768/2008" huwa indirizzat lil dawk li għadhom
ġodda (il-leġiżlaturi, l-Entitajiet Notifikati, il-manifatturi)
fl-istima tal-konformità. Dan jispjega x'inhi stima tal-konformità u jfisser
il-mekkanizmi tagħha u r-rwol li din taqdi fil-katina tal-provvista
tal-prodott. Barra minn hekk, jispjega r-rwol tal-partijiet interessati
involuti u jagħti analiżi fid-dettall tal-proċeduri tal-istima
tal-konformità kif definiti fid-Deċizjoni 768/2008. ·
Is-SOGS N612 EN jew is-CERTIF 2009-08
"Using Harmonised Standards to assess the competence of Conformity
Assessment Bodies in the context of the New Legislative Framework" huwa
indirizzat l-aktar lill-Entitajiet ta' Akkreditament u jiddeskrivi għal
kull modulu tal-istima tal-konformità liema fost l-Istandards Armonizzati
ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jirriflettu
l-kriterji li l-Entitatjiet tal-Istima tal-Konformità għandhom jissodisfaw
biex jiġu nnotifikati bil-modulu inkwistjoni. Id-dokumenti jistgħu jinstabu fuq il-websajt
tal-Kummissjoni[38]. [1] Ara
l-Artikoli 4, 6 u 8 tar-Regolament. [2] Id-dettalji
ta' kuntatt tagħhom jistgħu jinstabu fuq il-websajt tal-Kummissjoni
fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/enterprise/newapproach/nando/index.cfm?fuseaction=ab.main
[3] CERTIF
2009-06 Rev. 6.0 Attivitajiet tal-Akkreditament Transfruntieri (Ara
d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż). [4] Ara
l-Artikolu 14 tar-Regolament. [5] Linji
Gwida Ġenerali għall-kooperazzjoni bejn il-Kooperazzjoni Ewropea
għall-Akkreditament u l-Kummissjoni Ewropea, l-Assoċjazzjoni Ewropea
tal-Kummerċ Ħieles u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ĠU
2009/C 116/04: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2009:116:0006:0011:MT:PDF [6] Ara
l-Artikolu 32 tar-Regolament. [7] http://www.european-accreditation.org/content/publications/pub.htm. [8] L-attivitajiet
ma ġewx limitati għas-servizzi tad-Direttorat Ġenerali
"Intrapriża u Industrija" iżda twessgħu għal
Direttorati Ġenerali oħra (fost oħrajn, DĠ SANCO, DĠ
AGRI, DĠ ENV, DĠ MOVE, DĠ CLIMA). Eżempju prim ikun
il-kooperazzjoni dwar l-Akkredetiment ta' Skambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet
(ETS) Ewropew ġdid r-Regolament dwar il-Verifiki, fejn l-EA kkooperat
mill-qrib ma' DĠ ENTR u DĠ CLIMA sabiex isibu soluzzjoni li
tissodisfa l-bżonnijiet ta' din il-leġiżlazzjoni. (Ir-Regolament
tal-Kummissjoni (UE) Nru 600/2012
tal-21 ta' Ġunju 2012 dwar il-verifika tar-rapporti dwar
l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-rapporti dwar it-tunnellati kilometri u
l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill Test b'relevanza għaż-ŻEE). [9] http://www.european-accreditation.org/content/ea/members.htm [10] CERTIF
2010-08 Rev. 1 Notifika mingħajr akkreditament (Art. 5(2)
tar-Regolament (KE) Nru 765/2008). [11] Ara
l-Artikolu 13(3) tar-Regolament. [12] Ħarsa
ġenerali sħiħa lejn it-tweġibiet tista' tinstab
fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż. [13] Ara
l-Artikolu 17. [14] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/regulatory-policies-common-rules-for-products/market-surveillance-authorities/index_en.htm. [15] Ara
l-Artikolu 18(5). [16] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/regulatory-policies-common-rules-for-products/national-market-surveillance-programmes/index_en.htm. [17] Is-sitwazzjoni
tirrifletti b'mod partikolari l-approċċ segwit għall-2012. [18] Għal
għadd limitat ta' prodotti biss. [19] Ara
l-Artikolu 16 [20] Ara
l-Artikoli 20 u 22. Ir-RAPEX hija sistema ta' twissija diġà
stabbilita skont l-Artikolu 12 tal-. [21] Eżempji
ta' dan huma n-notifika ta' mikser tal-għalf li jintuża
fl-agrikoltura u li nstab mhux konformi mad-Direttiva dwar il-Makkinarju
2006/42/KE wara li kkawża inċident fatali fil-pajjiż
notifikatur, u l-bosta għodod professjonali perikolużi li nstabu li ma
kinux skont id-Direttiva tal-Vultaġġ Baxx 2006/95/KE. [22] Eżempji
ta' dan huma n-notifiki dwar bosta tagħmir protettiv tal-konsumatur u
pakketti tal-ġugarelli li jkun fihom kwantità ta' kadmju li taqbeż
il-limitu permess fir-Regolament REACH (KE) Nru 1907/2006 u n-notifiki
dwar il-logħob tan-nar li jkun fih pollutanti organiċi persistenti. [23] Tista’
ssib aktar dettalji dwar dawn in-notifiki (l-Istati Membri notifikanti,
il-kategoriji tal-prodott, eċċ.) fil-kapitolu 2.3 tar-Rapporti
Annwali tar-RAPEX għall-2010 u l-2011, li huma disponibbli hawn: http://ec.europa.eu/consumers/safety/rapex/key_docs_en.htm.
[24] Il-GRAS-RAPEX
ħadet post l-applikazzjoni tar-RAPEX-REIS
fid-29 ta' Mejju 2012. Il-pjattaforma l-ġdida tal-IT fiha
funzjonalitajiet aktar avvanzati fosthom dropdown menus li bihom il-Punti ta'
Kuntatt tar-RAPEX ikunu jistgħu jtellgħu informazzjoni dwar prodotti
professjonali u riskji oħrajn għajr is-saħħa u s-sigurtà. [25] Adottati
bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/15/UE
tas-16 ta' Diċembru 2009, ĠU L 22, 26.1.2010,
p. 1, http://ec.europa.eu/consumers/safety/rapex/docs/rapex_guid_26012010_en.pdf [26] Id-dokument
SOGS-MSG N 031 Rev. 1 jew is-CERTIF 2012-01 Rev. 1. [27] Ara
l-Artikolu 23 tar-Regolament. [28] Ara
l-Artikolu 19(2). [29] Ara
l-Artikolu 32(1)(e). [30] Ara
l-Artikoli 27, 28 u 29. [31] Ir-Regolament
tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 tat-8 ta' Frar 1993 dwar il-kontrolli
għall-konformità mar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodott fil-każ ta'
prodotti importati minn pajjiżi terzi (ĠU L 40, 17.2.1993,
p. 1). [32] http://ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/common/publications/info_docs/
customs/product_safety/guidelines_en.pdf. [33] Id-Deċiżjoni 624/2007/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 li tistabbilixxi programm ta'
azzjoni għad-dwana fil-Komunità. [34] Preżenza
f'dawn il-fieri: Hannover Messe 2010 (April 2010), Paris Hopital Expo
(Mejju 2010), London CEDIA EXPO (Ġunju 2010), Berlin IFA
(Settembru 2010), Madrid Orto Pro Care (Settembru-Ottubru 2010),
Krakow Eurotool (Ottubru 2010), Nuernberg International Toy Fair
(Frar 2011), Milano Fair (Jannar 2011), Hannover Cebit
(Marzu 2011), Brno (ir-Repubblika Ċeka) Amper Fair
(Marzu-April 2011), Hannover Messe (April 2011). [35] Kważi
elfejn parti interessata segwew is-seminars. F'xi fieri, aktar minn elfejn
persuna żaru l-istands tal-kampanja, filwaqt li aktar minn mitejn
viżitatur ħadu sehem f'diskussjonijiet aktar profondi mal-persunal
tal-istands. [36] Sittin elf
kopja ta' fuljetti u browxers diġà tqassmu. [37] Aktar minn
mija u erbgħin materjal għall-istampa/pubblikazzjoni f'rivisti,
bullettini u f'siti speċjalizzati fuq l-internet. [38] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/documents/certif_doc_en.htm.