52013DC0066

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-progress li għamel il-Kosovo* biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberizzazzjoni tal-viża /* COM/2013/066 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-progress li għamel il-Kosovo* biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberizzazzjoni tal-viża

1. Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea nediet djalogu dwar il-liberizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo fid-19 ta’ Frar 2012 u għaddiet lill-gvern tiegħu, pjan direzzjonali mmirat lejn reġim ħieles mill-ħtieġa ta’ viżi fl-14 ta’ Ġunju 2012. Il-Kosovo kien diġà implimenta sett konsiderevoli ta’ riformi fl-2010 u fl-2011, notevolment fil-qasam tar-riammissjoni u r-riintegrazzjoni, u b'hekk il-Kummissjoni setgħet tniedi dan id-djalogu fl-2012.

Il-pjan direzzjonali għal-liberizzazzjoni tal-viża jidentifika l-leġiżlazzjoni u l-miżuri kollha l-oħra li jeħtieġ li jiġu adottati u implimentati mill-Kosovo u r-rekwiżiti li hu jeħtieġ jissodisfa f’qasir żmien sabiex javvanza lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża. Il-Kosovo għandu l-ewwel jadotta jew jemenda l-leġiżlazzjoni stabbilita fil-pjan direzzjonali skont l-acquis tal-UE. Imbagħad għandu jimplimenta b’mod sħiħ dik il-leġiżlazzjoni u l-miżuri kollha l-oħra speċifikati fil-pjan direzzjonali.

Fil-Kosovo diġà hemm korp kbir ta’ leġiżlazzjoni fl-oqsma koperti mill-pjan direzzjonali għall-viża. F’ċerti oqsma ta’ politika, il-leġiżlazzjoni eżistenti diġà hija konformi mal-elementi essenzjali tal-acquis tal-UE; f’oħrajn, għad hemm bżonn ta’ adozzjoni ta’ liġijiet ġodda, allinjament ulterjuri mal-acquis jew adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja.

Fl-14 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni għamlet l-ewwel laqgħa tal-uffiċjali anzjani mal-Kosovo fil-kuntest tad-djalogu dwar il-viża, u matulha talbet lill-awtoritajiet tal-Kosovo biex jipprovdulha rapport komprensiv dwar l-istat ta’ tħejjija tal-Kosovo skont il-pjan direzzjonali għall-viża, li jkun jiffoka fuq l-allinjament leġiżlattiv. Il-gvern ppreżenta dan ir-rapport u analiżi legali fil-15 ta' Settembru 2012. Sabiex jevalwaw il-progress tal-Kosovo fid-djalogu dwar il-viża, is-servizzi tal-Kummissjoni, megħjuna minn diversi esperti tal-Istati Membri tal-UE, l-Uffiċċju tal-UE fil-Kosovo u l-EULEX, mexxew missjoni ta’ valutazzjoni għall-Kosovo bejn it-22 u l-24 ta’ Ottubru 2012.

Dan id-dokument huwa l-ewwel rapport regolari li jipprovdi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberizzazzjoni tal-viża. F’konformità mal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża, huwa jevalwa dan li ġej, filwaqt li jiffoka fuq l-allinjament leġiżlattiv mal-acquis tal-UE:

(1) Ir-rekord tal-Kosovo fir-rigward tal-adozzjoni u tal-emendi tal-leġiżlazzjoni stabbilita fil-pjan direzzjonali skont l-acquis tal-UE.

(2) Ir-rekord tal-Kosovo fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-miżuri kollha l-oħra stabbiliti fil-pjan direzzjonali;

(3) L-impatti migratorji u ta’ sigurtà mistennija mil-liberalizzazzjoni tar-reġim tal-viżi.

Dan ir-rapport jibni fuq ir-rapport komprensiv u l-analiżi legali ppreżentati mill-gvern tal-Kosovo, ir-rapporti abbozzati mill-esperti tal-Istati Membri tal-UE li kienu qed jipparteċipaw fil-missjoni ta’ valutazzjoni f’Ottubru 2012, l-informazzjoni ppreżentata mill-Uffiċċju tal-UE fil-Kosovo, mill-EULEX u mill-Aġenziji tal-UE, kif ukoll l-istatistiċi dettaljati miġbura mill-EUROSTAT u ppreżentati mill-Istati Membri tal-UE u mill-Istati Assoċjati maż-żona Schengen. Huwa jifformula sett ta’ rakkomandazzjonijiet f’oqsma ta’ politika fejn għad hemm bżonn ta’ adozzjoni ta’ liġijiet ġodda, allinjament ulterjuri mal-acquis jew adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja. Billi l-progress fid-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża se jirrikjedi l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-miżuri kollha stabbiliti fil-pjan direzzjonali għall-viża, dan ir-rapport jagħti wkoll sett ta’ rakkomandazzjonijiet fil-qasam tal-implimentazzjoni.

Id-djalogu dwar il-viża huwa mmexxi mingħajr l-ebda ħsara lejn il-pożizzjoni tal-Istati Membri tal-UE dwar l-istatus.

2. Valutazzjoni tar-rekwiżiti relatati mar-Riammissjoni u r-Riintegrazzjoni 2.1. Ir-riammissjoni

Il-qafas legali nazzjonali li jirregola r-riammissjoni jikkonsisti minn liġi dwar ir-riammissjoni u leġiżlazzjoni sekondarja. Dawn il-miżuri jistipulaw ir-regoli u l-proċeduri għar-riammissjoni fil-Kosovo taċ-ċittadini tiegħu, tan-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u tal-persuni apolidi li m’għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dħul jew tas-soġġorn fl-istat rikjedenti. Huma jirregolaw il-proċedura ta’ riammissjoni, b’dispożizzjonijiet fuq l-awtoritajiet kompetenti, l-iskadenzi, il-formoli ta’ applikazzjoni, id-dokumenti tal-ivvjaġġar, il-protezzjoni tad-dejta u t-tranżitu. Il-liġi dwar ir-riammissjoni fiha dispożizzjonijiet li jiggarantixxu r-rispett lejn il-kostituzzjoni u l-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta, iċ-ċittadinanza, id-dokumenti tal-ivvjaġġar u l-barranin, kif ukoll il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati.

Il-Kosovo għandu japplika l-liġi tiegħu dwar ir-riamissjoni “mingħajr ħsara” għal kwalunkwe ftehim ta’ riammissjoni li kkonkluda ma’ pajjiżi terzi. Il-Kosovo kkonkluda tali ftehimiet ma’ 18-il pajjiż, inkluż erbatax-il Stat Membru tal-UE, żewġ Stati Assoċjati maż-żona Schengen u żewġ Stati tal-Balkani tal-Punent[1]. Hu inizjala ftehimiet bilaterali ma' tliet pajjiżi oħra u ta bidu għal negozjati ma' disa' pajjiżi oħra[2]. Il-ftehimiet eżistenti jobbligaw lill-partijiet kontraenti jirriamettu liċ-ċittadini ta’ xulxin u lin-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li m’għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dħul u tas-soġġorn. Huma jispeċifikaw ukoll il-formoli li għandhom jimtlew għall-applikazzjonijiet ta’ riammissjoni u jinkludu dispożizzjonijiet fuq il-limiti ta’ żmien għat-talbiet, il-kostijiet tar-riamissjoni, il-protezzjoni tad-dejta, il-prova tal-identità, il-prova tad-dħul u t-tranżitu.

Ir-riammissjoni mill-Istati Membri tal-UE prinċipalment taħdem fuq il-bażi ta’ ftehimiet bilaterali. Għandha t-tendenza li taħdem ukoll, permezz tal-UNMIK jew tal-EULEX, fil-konfront tal-Istati Membri li ma jirrikonoxxux il-Kosovo. Id-diviżjoni għar-riammissjoni u r-ripatrijazzjoni fil-ministeru tal-affarijiet interni tipproċessa l-applikazzjonijiet ta’ riammissjoni, u l-pulizija tal-Kosovo jfittxu li jidentifikaw lill-persuni ripatrijati. Fin-nuqqas ta’ dokumenti tal-identità personali affidabbli, l-identifikazzjoni tal-persuni ripatrijati spiss toħloq problema għall-awtoritajiet tal-Kosovo, u dan iwassal biex jiċħdulhom l-applikazzjonijiet ta’ riammissjoni. L-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri rigward il-ħtiġijiet speċjali tal-persuni ripatrijati, inkluż il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, jibqa’ problematiku.

Il-liġi dwar ir-riammissjoni tistipula li applikazzjoni ta’ riammissjoni trid tiġi aċċettata jekk l-awtoritajiet tal-Kosovo relevanti ma jkunux wieġbu fi żmien 30 jum. It-tabella 6.6 turi li hemm għadd kbir ta’ applikazzjonijiet ta’ riammissjoni mill-Ġermanja u mill-Belġju li għadhom pendenti, u dan jindika li din id-dispożizzjoni ma taħdimx fil-każ tal-Istati Membri kollha. L-istatistiċi tar-riammissjoni pprovduti mill-Kosovo ma jikkorrespondux maċ-ċifri mogħtija mill-Istati Membri. Il-Kosovo għandu jikkorrobora l-istatistiċi tar-riammissjoni tiegħu ma' dawk ipprovduti mill-Istati Membri.

2.2. Ir-riintegrazzjoni

Matul dawn l-aħħar snin, il-Kosovo tejjeb il-politika tar-riintegrazzjoni tiegħu. Fl-2010, il-gvern adotta strateġija riveduta u pjan ta’ azzjoni għar-riintegrazzjoni u programm ta’ riintegrazzjoni sostnut minn fond għar-riintegrazzjoni[3]. Hu żied ir-riżorsi għal dan il-fond minn EUR 500 000 fl-2010 għal EUR 3,4 miljun u EUR 3,2 miljun, rispettivament, fl-2011 u fl-2012. Il-fond għar-riintegrazzjoni jiffinanzja s-servizzi ta’ emerġenza għall-persuni ripatrijati, bħal pereżempju trasport mal-wasla, akkomodazzjoni temporanja, għajnuna medika, pakketti tal-ikel u ta’ prodotti sanitarji u abitazzjoni, kif ukoll is-servizzi ta’ riintegrazzjoni sostenibbli, bħal pereżempju tagħlim tal-lingwa għal minorenni, taħriġ vokazzjonali, assistenza għall-impjiegi u sostenn għall-bidu ta' negozji. Hemm regolament li jikkjarifika r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet nazzjonali u muniċipali li huma involuti fir-riintegrazzjoni tal-persuni ripatrijati, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-kriterji biex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn dan il-programm.

L-istruttura istituzzjonali li ssostni r-riintegrazzjoni ġiet irfinuta fl-2012. Il-bord eżekuttiv, megħjun minn segretarjat, jawtorizza l-pagamenti mill-fond għar-riintegrazzjoni, jimmonitorja l-implimentazzjoni u jikkoordina l-kompiti bejn il-ministeri u r-rappurtar mill-muniċipalitajiet. L-uffiċċju għar-riintegrazzjoni, inkluż l-uffiċċju tal-akkoljenza fl-ajruport, jikkommunika direttament mal-persuni ripatrijati. Fl-2012, dan l-uffiċċju ġie mibdul f’dipartiment fil-ministeru tal-affarijiet interni u beda jissorvelja l-ħidma ta’ seba’ koordinaturi reġjonali. F’livell lokali, l-uffiċċji muniċipali għall-komunitajiet u r-ripatrijazzjoni huma inkarigati mir-riintegrazzjoni u jirrappurtaw lill-koordinaturi reġjonali[4]. Il-kumitati muniċipali għar-riintegrazzjoni japprovaw it-talbiet għas-servizzi ta’ emerġenza lokalment; it-talbiet għas-servizzi ta’ riintegrazzjoni sostenibbli jiġu approvati fil-livell ċentrali. Madwar 250 uffiċjal lokali rċevew taħriġ dwar ir-riintegrazzjoni fl-2011. Sa issa, għad ma hemmx sistema għall-ġestjoni tal-każijiet li timmonitorja l-aċċess tal-persuni ripatrijati għas-servizzi ta’ riintegrazzjoni.

Fl-2011, il-Kosovo nefaq biss 11 % mill-fond għar-riintegrazzjoni tiegħu, prinċipalment fuq servizzi ta’ emerġenza. Fl-ewwel tliet kwarti tal-2012, l-awtoritajiet impenjaw madwar 58 % tal-fond (EUR 1,8 miljun) għar-riintegrazzjoni, inkluż miljun euro għall-abitazzjoni, EUR 360 000 għal skema ta’ ġenerazzjoni tal-impjiegi u l-kumplament għas-servizzi ta’ emerġenza. Il-kumpanija li kienet tipprovdi akkomodazzjoni temporanja lill-persuni ripatrijati ġiet implikata fi skandlu ta’ korruzzjoni u tilfet il-kuntratt tagħha mal-ministeru tal-affarijiet interni.

Skont id-dipartiment tar-riintegrazzjoni, bejn Jannar u Settembru tal-2012, kien hemm 2 968 persuna ripatrijata lejn il-Kosovo, li xi tliet kwarti (2 181 persuna) minnhom ibbenefikaw mill-fond għar-riintegrazzjoni. Il-61,5 % tal-benefiċjarji kienu Albaniżi etniċi; 30 % kienu jagħmlu parti mill-minoranzi tar-Rom, tal-Ashkali u tal-Eġizzjani; u 4 % kienu jagħmlu parti mill-minoranza Serba. Il-benefiċjarji kollha rċevew pakketti tal-ikel u ta’ prodotti sanitarji; 34 % rċevew għajnuna għat-tagħlim; 18 % ħatab għat-tisħin; 18 % ingħataw kenn jew sostenn għall-abitazzjoni; 11 % kienu pprovduti b’servizzi ta’ trasport mal-wasla tagħhom; u 17 % ingħataw taħriġ vokazzjonali jew sostenn meta bdew xi negozju. Dawn iċ-ċifri juru l-preponderanza tas-sostenn ta’ emerġenza fost is-servizzi ffinanzjati mill-fond għar-riintegrazzjoni.

3. Valutazzjoni tar-rekwiżiti relatati mas-sigurtÀ tad-dokumenti; il-Ġestjoni tal-fruntieri/konfini u tal-migrazzjoni; l-Ordni pubblika u s-sigurtà; u d-drittijiet fundamentali relatati mal-moviment liberu 3.1. Sezzjoni 1: Is-sigurtà tad-dokumenti

Il-liġi dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar, il-liġi dwar il-karti tal-identità u l-leġiżlazzjoni sekondarja jistipulaw ir-regoli u l-proċeduri biex jinkisbu d-dokumenti tal-ivvjaġġar u l-karti tal-identità. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet li jfittxu li jiggarantixxu l-integrità tal-proċess tal-ħruġ u l-kwalità tad-dokumenti f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). Il-liġi dwar l-istatus ċivili, li hija sostnuta mil-leġiżlazzjoni sekondarja, tirregola r-reġistrazzjoni ċivili u l-ħruġ ta’ dokumenti oriġinaturi. Iċ-ċittadini jiġu assenjati numru tal-identifikazzjoni personali hekk kif jitwieldu, waqt reġistrazzjoni li tkun saret tard jew waqt ir-reġistrazzjoni mill-ġdid. Dawk li jkunu tilfu ċ-ċertifikati tal-istatus ċivili tagħhom jistgħu jerġgħu jirreġistraw billi jużaw rekords oħrajn jew ix-xhieda ta’ qrabathom. Il-leġiżlazzjoni sekondarja tirregola l-format u l-ħruġ taċ-ċertifikati tal-istatus ċivili u l-aċċess għar-rekords. Iċ-ċertifikati fihom għadd ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà.

Il-liġi dwar l-ismijiet personali tippermetti li r-reġistrazzjoni tal-ismijiet issir biss bl-alfabett Latin, filwaqt li teskludi l-alfabett Ċirilliku, u b’dan il-mod tmur kontra l-kostituzzjoni. Iċ-ċittadini jistgħu jibdlu isimhom darba kull ħames snin, soġġett għar-restrizzjonijiet maħsuba biex jipprevjenu l-abbuż. Sabiex jagħmlu dan, iridu jipprovdu ċ-ċertifikat tat-twelid, iċ-ċertifikat taż-żwieġ, fejn applikabbli, u ċertifikat li jiddikjara li mhuma soġġetti għall-ebda proċediment. Meta tiġi permessa bidla fl-isem, in-numru tal-identifikazzjoni personali jibqa’ l-istess, iżda ċ-ċertifikat il-ġdid ikun jindika l-aħħar isem magħżul. Il-Kosovo fittex li jkollu relazzjoni aktar mill-qrib mal-INTERPOL sabiex jidentifika lill-persuni li jkunu applikaw għal bidla fl-isem u dawk li jkunu ġew ipprojbiti milli jidħlu fiż-żona Schengen. Għandu l-intenzjoni wkoll li jiċħad l-applikazzjonijiet minn persuni mniżżlin fil-lista ta’ projbizzjoni mid-dħul fiż-żona Schengen. F’ċerti każijiet, bħal pereżempju meta jkun hemm mara miżżewġa li tmur lura għall-isem ta’ meta kienet xebba, il-bidliet fl-ismijiet ma jistgħux jiġu miċħuda, iżda l-ismijiet il-ġodda jiġu mibgħuta lill-INTERPOL sabiex dawn jiġu trażmessi lill-Istati Membri.

F’Ottubru 2011, il-Kosovo beda joħroġ id-dokumenti tal-ivvjaġġar bijometriċi. Hekk kif ġie skopert li kien hemm xi irregolaritajiet finanzjarji, il-kooperazzjoni bejn il-ministeru tal-affarijiet interni u l-kumpanija li ħadet il-kuntratt, ġiet sospiża. Id-dokumenti tal-ivvjaġġar ivvalutati f’Ottubru 2012 issodisfaw l-istandards kollha tal-UE għall-karatteristiċi ta’ sigurtà, minbarra wieħed: id-disinn tagħhom kien jinkludi l-karatteristiċi ta’ sigurtà kollha meħtieġa; il-format kien konformi mal-istandards tal-ICAO[5]. Id-dejta personali, ir-ritratt tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’ tad-detentur tad-dokument, huma maħżuna f’ċippa elettronika f’konformità mal-istandards tal-ICAO. Il-paġni tad-dejta ġew personalizzati ottikament u inkludew varjetà ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà, iżda ma ssodisfawx l-istandards tal-UE f’dak li jirrigwarda l-età minn meta l-marki tas-swaba’ għandhom jiġu inklużi fid-dokumenti tal-ivvjaġġar. L-età standard tal-UE hija 12-il sena, miżura applikata mill-Istati Membri biex jipprevjenu t-traffikar tat-tfal. Il-liġi tal-Kosovo dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar teżenta minn dan ir-rekwiżit lill-minorenni sal-età ta’ 16-il sena.

Il-Kosovo ma bagħatx lill-pajjiżi terzi ċ-ċertifikati tal-“infrastruttura għall-imfietaħ pubbliċi” tiegħu, li ġew iġġenerati bħala parti mill-proċess tal-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar bijometriċi, billi ma rnexxilux jingħaqad mad-direttorju tal-imfietaħ pubbliċi tal-ICAO. Id-dokumenti tal-ivvjaġġar li jintilfu jew li jinsterqu jiġu rreġistrati u trasferiti lill-unità ta' kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar tal-liġi tal-Kosovo sabiex hi mbagħad tibgħat din l-informazzjoni lill-bażi tad-dejta tad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa (SLTD) tal-INTERPOL. Madanakollu, il-kodiċi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-Kosovo mhuwiex inkluż fil-lista tal-kodiċi użati fil-bażi tad-dejta tal-INTERPOL. Jeżistu madwar 6 000 rekord li potenzjalment jistgħu jiġu trasferiti lill-SLTD.

Il-ħruġ tal-karti tal-identità huwa ggwidat mill-istandards internazzjonali[6]. Il-karti tal-identità tal-Kosovo fihom għadd ta' karatteristiċi ta' sigurtà u l-identifikaturi bijometriċi tad-detenturi tad-dokument, inkluż ir-ritratt ta' wiċċhom u l-marki tas-swaba’ tagħhom, ikkodifikati f’barcode bidimensjonali bl-opzjoni li tkun tista’ tinqara minn magna. Il-karatteristiċi ta’ sigurtà ta’ dawn il-karti tal-identità huma konformi mal-istandards tal-ICAO. L-emendar tal-liġi dwar il-karti tal-identità adottata fl-2012, ikun jippermetti l-produzzjoni ta’ karti tal-identità bijometriċi, iżda l-Kosovo għadu ma ħabbarx meta se jibda jipproduċi dokumenti ta’ dan it-tip.

Sistema tal-istatus ċivili bbażata fuq l-aħjar prassi Ewropea, li fil-bażi tagħha jkun hemm il-persuni kkonċernati, fiha dejta preċiża, kompluta u aġġornata. Is-sistema tal-istatus ċivili tal-Kosovo ma tilħaqx ma’ dawn l-istandards, minkejja l-progress konsiderevoli li sar fis-snin reċenti. L-aġenzija responsabbli mir-reġistrazzjonijiet ċivili fil-ministeru tal-affarijiet interni tamministra r-rekords kollha tal-istatus ċivili u tar-reġistrazzjonijiet u toħroġ, f’livell muniċipali, iċ-ċertifikati tal-istatus ċivili, il-karti tal-identità u d-dokumenti tal-ivvjaġġar għaċ-ċittadini. L-uffiċċji muniċipali tal-istatus ċivili jiddokumentaw l-avvenimenti tal-ħajja kollha f’reġistri separati ddedikati għat-twelid, għaż-żwieġ u għall-imwiet; itellgħu tali dejta f’reġistru ċentrali tal-istatus ċivili; u joħorġu ċertifikati tal-istatus ċivili. In-numru ta’ dan it-tip ta’ uffiċċji fil-Kosovo, m’għandux ixekkel il-ħila tal-aġenzija responsabbli mir-reġistrazzjonijiet ċivili li tawditja l-konformità ta’ dawn l-uffiċċji mal-leġiżlazzjoni relevanti, notevolment fir-rigward tal-bidla fl-ismijiet. Iċ-ċentri muniċipali għar-reġistrazzjonijiet ċivili jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-karti tal-identità u għad-dokumenti tal-ivvjaġġar bil-mod segwenti; jivverifikaw l-identità tal-applikanti fuq il-bażi taċ-ċeritifikati tal-istatus ċivili; jiġbru r-ritratti, il-marki tas-swaba' u l-firem; itellgħu tali dejta f’reġistru ċentrali ċivili; u joħorġu l-karti tal-identità jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa.

L-integrazzjoni tad-dejta tal-istatus ċivili u tar-reġistrazzjoni f’reġistru ċentrali uniku tal-istatus ċivili qed issir bħalissa. Ir-reġistri fil-Kosovo ġew skennjati kollha u ttellgħu f'arkivju elettroniku, u kopji ċċertifikati tar-reġistri oriġinali qed jiġu rritornati mis-Serbja u miżjuda f'dan l-arkivju. Il-ħaddiema ngħataw taħriġ fuq kif għandhom jużaw ir-reġistru ċentrali l-ġdid. Madanakollu, il-kwalità tad-dejta fir-reġistru ċentrali għadha baxxa: minbarra r-reġistrazzjonijiet tat-twelid; l-istat matrimonjali u l-imwiet tal-persuni kkonċernati għadhom ma ġewx aġġornati; l-entrati tad-dejta mhumiex kompletament kontroreferenzjati jew imqabbla; hemm diversi inkonsistenzi u lakuni bejn bażijiet ta’ dejta differenti; u l-mekkaniżmu tal-awditjar għall-monitoraġġ tal-modifiki li jsiru fl-entrati tad-dejta għadu dgħajjef.

Il-ħaddiema tal-aġenzija responsabbli mir-reġistrazzjonijiet ċivili ngħataw taħriġ fuq kodiċi tal-etika ġdid, u spettorat żgħir fl-aġenzija responsabbli mir-reġistrazzjonijiet ċivili qed jinvestiga l-korruzzjoni. Minkejja dan, jeħtieġ li jsir titjib fl-implimentazzjoni: għad hemm bidliet frodulenti fl-ismijiet u dejta skorretta f’dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità, u kien hemm allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-produzzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar bijometriċi u ta' pjanċi tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Iż-żieda fl-affidabbiltà tal-proċess tar-reġistrazzjoni ċivili se tirrikjedi r-riżorsi adatti għall-awditjar, għat-taħriġ u għall-iskrutinju tal-uffiċjali pubbliċi kollha involuti fir-reġistrazzjoni ċivili.

3.2. Sezzjoni 2: Il-Ġestjoni tal-Fruntieri/Konfini u tal-Migrazzjoni 3.2.1. Il-ġestjoni tal-fruntieri/konfini

Il-liġi dwar il-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri tkopri l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet stipulati fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, iżda jidher li d-definizzjonijiet u uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha mhumiex konformi ma’ dan il-kodiċi[7]. Il-konfużjoni terminoloġika tinkludi l-kunċetti ta’ kontroll tal-fruntieri, verifiki fuq il-fruntieri, sorveljanza tal-fruntieri, verifiki minimi, verifiki bir-reqqa u verifiki sekondarji. L-artikoli li jirregolaw il-kooperazzjoni ta’ bejn l-aġenziji huma definiti b’mod wiesa’ żżejjed u ma jirregolawx il-kooperazzjoni fid-dettall. Din il-liġi għandha tiġi emendata skont dan.

Il-leġiżlazzjoni sekondarja dwar it-traffiku lokali fil-fruntieri u l-permessi relevanti hija konformi mal-acquis ta’ Schengen[8]. Fil-futur, it-traffiku lokali fil-fruntieri jista’ jkopri żoni kbar maġenb il-Kosovo, b’impatt konsiderevoli fuq il-flussi migratorji li jgħaddu mill-Kosovo. Għandha titwaqqaf sistema effiċjenti, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi ġirien, li tamministra l-ħruġ, il-kontroll u l-użu tal-permessi tat-traffiku lokali fil-fruntieri.

L-istrateġija tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri (IBM) adottata fl-2012, tibni fuq il-mudell tal-Balkani tal-Punent, li huwa nieqes mill-approċċ komprensiv tal-IBM stabbilit fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2006, fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u fil-Katalogu ta’ Schengen. L-elementi ewlenija tal-IBM, jiġifieri l-kontroll tal-fruntieri, il-prevenzjoni ta’ delitti u l-implimentazzjoni tal-mudell imqassam fuq erba’ livelli ta’ kontroll tal-aċċess, ma jagħmlux parti minn din l-istrateġija, u t-taħriġ mhuwiex kopert b’mod adegwat. Għalhekk, din l-istrateġija għandha tiġi abbozzata mill-ġdid, filwaqt li jittieħed kont tar-rakkomandazzjonijiet ewlenija kollha u tal-aħjar prassi stabbiliti fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2006, fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u fil-Katalogu ta’ Schengen[9].

F’sistema tal-IBM li tkun taħdem tajjeb, l-analiżi strateġika tar-riskji tintuża biex jiġu amministrati r-riskji u t-theddid għas-sigurtà tal-fruntieri. Reċentement, l-awtoritajiet kollha tal-Kosovo involuti fil-ġestjoni tal-fruntieri/konfini żviluppaw is-sistemi ta’ analiżi tar-riskji tagħhom, flimkien maċ-ċentru tal-ġestjoni tal-fruntieri/konfini, u b’hekk beda jkollhom rwol ewlieni fil-ġestjoni tar-riskji. Fil-livelli reġjonali u lokali, l-analiżi tar-riskji għandha tiġi prattikata sistematikament biex jittejbu l-ippjanar operazzjonali u l-bini tal-kapaċitajiet u biex jinħoloq approċċ proattiv għall-ġestjoni tal-fruntieri/konfini. Il-Kosovo ltaqa’ wkoll ma’ diffikultajiet tekniċi fit-tħaddim tas-sistema tal-ġestjoni tal-fruntieri tiegħu fit-Tramuntana tal-Kosovo. Dan għandu jiġi rrettifikat.

L-istrateġija tal-IBM tal-Kosovo taħdem bħal biċċa “kważi leġiżlazzjoni” li tagħti rwoli u responsabbiltajiet differenti lill-varji awtoritajiet involuti fil-ġestjoni tal-fruntieri/konfini u li torganizza l-kooperazzjoni ta’ bejniethom. Il-pjan ta’ azzjoni tal-IBM jistabbilixxi kif għandhom jinkisbu l-miri komuni fil-ġestjoni tal-fruntieri/konfini. Il-kooperazzjoni strateġika fil-livell ċentrali marret għall-aħjar, iżda l-kooperazzjoni ta’ bejn l-aġenziji fil-livelli reġjonali jew lokali ma setgħetx tiġi vvalutata. Iċ-ċentru għall-ġestjoni tal-fruntieri/konfini huwa l-uniku korp ta’ kooperazzjoni li r-rwoli u r-responsabbiltajiet tiegħu huma rregolati b’mod adegwat bil-liġi dwar il-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri u bil-leġiżlazzjoni sekondarja. Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet fil-ġestjoni tal-fruntieri/konfini tal-awtoritajiet l-oħrajn għandhom jiġu definiti legalment ukoll. Għaldaqstant, il-Kosovo għandu jabbozza leġiżlazzjoni li tiddefinixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet pubbliċi kollha involuti fil-ġestjoni tal-fruntieri/konfini, inklużi l-kooperazzjoni operazzjonali u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bl-iskop li jiġu pprevenuti u miġġielda l-migrazzjoni irregolari u l-kriminalità transfruntiera.

Fl-2012, il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi mal-pajjiżi ġirien marret għall-aħjar. Il-Kosovo għandu relazzjoni b’saħħitha mal-Albanija u relazzjoni inqas b’saħħitha ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-kooperazzjoni tal-pulizija, fil-kooperazzjoni doganali u fil-kooperazzjoni fil-fruntieri, li jinkludu pattulji konġunti, skambju tal-informazzjoni u laqgħat konġunti regolari[10]. Il-Kosovo u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja waqqfu ċentru konġunt tal-komunikazzjoni għall-kooperazzjoni tal-pulizija. It-tliet awtoritajiet relatati mal-fruntieri/konfini fil-Kosovo—il-pulizija tal-fruntieri, id-dwana u l-aġenzija alimentari u veterinarja—jipparteċipaw kollha kemm huma f’din il-kooperazzjoni. Qed tinbena wkoll relazzjoni fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri. Qed jiġi stabbilit punt konġunt ta’ qsim tal-fruntiera ġdid ma’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, u hemm pjanijiet li jinfetħu punti ta’ qsim tal-fruntiera ġodda mal-Montenegro. Il-Kosovo għandu jagħmel sforz biex jikkonkludi l-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi mal-pajjiżi ġirien kollha.

Fl-2012, bl-iffaċilitar min-naħa tal-UE, il-Kosovo u s-Serbja għamlu progress sostanzjali billi implimentaw il-Konklużjonijiet Miftiehma tal-IBM tat-2 ta’ Diċembru 2011. Din l-implimentazzjoni kienet tinkludi l-ftuħ ta’ erba’ punti ta’ qsim interim qabel l-aħħar ta’ Diċembru 2012 u t-tħejjija għall-ħolqien ta’ żewġ punti ta’ qsim interim oħra fl-2013. Il-partijiet qablu wkoll dwar il-koordinati ġeografiċi ta’ sitt punti ta’ qsim permanenti, li għandhom jinħolqu fil-futur; id-dispożizzjonijiet fuq l-iskambju tal-informazzjoni fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, l-iskambju tal-informazzjoni doganali u l-assistenza legali reċiproka; u n-nomina ta’ persuni ta’ kollegament biex isegwu l-kwistjonijiet kollha relatati man-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħiet. Il-ftehim tal-IBM għandu jiġi kompletament implimentat b’mod koordinat.

F’koordinazzjoni mal-Montenegro, il-Kosovo għandu wkoll jiddelinja l-fruntiera reċiproka. Il-Kosovo għandu jesplora wkoll il-modalitajiet ta’ kooperazzjoni mal-FRONTEX.

3.2.2. Il-ġestjoni tal-migrazzjoni

Il-liġi dwar il-barranin tirregola għadd ta’ kwistjonijiet relatati mal-ħruġ ta’ viżi, mal-migrazzjoni legali u mal-migrazzjoni irregolari. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tagħha, hija tikkonforma biss parzjalment mal-acquis tal-UE. Għaldaqstant, il-liġi dwar il-barranin, il-liġi dwar il-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri u l-leġiżlazzjoni sekondarja għandhom jiġu abbozzati mill-ġdid b’mod komprensiv sabiex id-definizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet ewlenija tagħhom ikunu jikkonformaw mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni legali[11] u l-migrazzjoni irregolari[12]. L-emendi għandhom jindirizzaw dan li ġej:

– Il-liġi dwar il-barranin tistipula li l-barranin jistgħu jidħlu u joqogħdu fit-territorju tal-Kosovo jekk ikollhom dokument tal-ivvjaġġar validu li jkun jinkludi viża valida jew permess ta’ soġġorn temporanju. Il-kundizzjonijiet tad-dħul definiti fil-liġi dwar il-barranin, kif ukoll l-obbligu tat-trasportaturi li jivverifikaw l-identità tal-vjaġġaturi, il-proċeduri tad-diliġenza dovuta u l-eċċezzjonijiet fil-każ ta' refuġjati rikonoxxuti, hekk kif stabbiliti fil-liġi dwar il-barranin u fil-liġi dwar il-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri, mhumiex f’konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

– Abbażi tal-liġi dwar il-barranin, il-gvern adotta deċiżjoni u abbozza leġiżlazzjoni sekondarja dwar il-ħruġ tal-viżi f’konsulati u f’punti ta’ qsim tal-fruntieri/konfini. Ir-reġim tal-viża l-ġdid tal-Kosovo li hemm ippjanat, se jaffettwa 87 pajjiż, iżda l-implimentazzjoni tiegħu se tittardja sa Lulju tal-2013. Iċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi jistgħu jiksbu viża mill-konsulati tal-Kosovo, filwaqt li xi oħrajn jistgħu jagħmlu dan fil-punti ta' qsim tal-fruntieri/konfini tal-Kosovo[13]. L-għoti ta’ setgħat konsulari tant wiesgħa lill-pulizija tal-fruntieri mhuwiex f'konformità mal-Kodiċi dwar il-Viżi[14], li jippermetti li l-viżi jinħarġu fil-punti ta' qsim tal-fruntieri f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss. L-introduzzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni dwar il-viża se tkun tirrikjedi wkoll investiment sostanzjali f’sistema informatika li torbot il-bażijiet tad-dejta relevanti mar-reġistru tal-viżi. Minkejja s-sostenn estern, l-infrastruttura għadha ma ġietx adottata. Il-liġi dwar il-barranin, il-liġi dwar il-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri u l-leġiżlazzjoni sekondarja għandhom jiġi emendati sabiex jiżguraw li jkun hemm konformità sħiħa mal-Kodiċi dwar il-Viżi fir-rigward tal-ħruġ ta' viżi fil-punti ta' qsim tal-fruntieri.

– Il-liġi dwar il-barranin tirrikjedi li biex jinħareġ permess ta’ soġġorn temporanju lill-barranin, dawn irid ikollhom permess tax-xogħol, filwaqt li l-liġi dwar l-għoti ta’ permess tax-xogħol u l-impjieg liċ-ċittadini barranin tirrikjedi li dawn ikollhom permess tas-soġġorn biex jinħarġilhom permess tax-xogħol. Din il-kontradizzjoni għandha tiġi indirizzata. L-ebda liġi ma taqbel mad-definizzjonijiet użati fil-leġiżlazzjoni tal-UE relevanti dwar il-membri tal-familja, il-persuni apolidi jew il-minorenni mhux akkumpanjati. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni dwar l-impjieg ta’ persuni li jkunu ngħataw permess ta’ soġġorn fuq bażi umanitarja, għar-riunifikazzjoni tal-familja jew għal raġunijiet ta’ studju jew riċerka. Il-klawżoli dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja ma jissodisfawx l-istandards tal-UE. Il-liġi dwar il-barranin ma tirregolax is-soġġorn tal-barranin li kienu vittmi ta’ traffikar.

– Il-liġi dwar il-barranin tirregola r-ripatrijazzjoni ta’ migranti irregolari u d-detenzjoni qabel it-tneħħija mill-pajjiż. Madanakollu, ma tiddefinixxix proċeduri għal politika dwar ir-ripatrijazzjoni ġusta u trasparenti, inklużi dispożizzjonijiet dwar deċiżjonijiet fuq ir-ripatrijazzjoni, it-tneħħija, il-projbizzjonijiet fuq id-dħul, il-ħarbiet, it-tluq volontarju u l-persuni vulnerabbli. Il-proċedura tar-ripatrijazzjoni mhijiex ċara; u ma hemmx salvagwardji proċedurali. Din il-liġi ma tistipulax regoli speċifiċi dwar ir-ripatrijazzjoni ta’ persuni vulnerabbli, ta’ minorenni mhux akkumpanjati jew ta’ vittmi ta' traffikar. Ma hemmx il-possibbiltà li wieħed jestendi t-tluq volontarju jew li jipposponi r-ripatrijazzjoni. Ma hemm l-ebda penali għall-impjegaturi li jimpjegaw nazzjonali ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment;

– Il-liġi dwar il-barranin tistipula li l-ordnijiet tat-tluq għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul, iżda ma tipprovdix għal regoli dwar l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul. Ma hemm l-ebda eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul għall-vittmi ta’ traffikar jew dispożizzjonijiet ċari dwar rimedji legali kontra t-tneħħija u dwar l-assistenza u r-rappreżentazzjoni legali. Ir-regoli dwar id-detenzjoni ma jiddefinixxux l-awtoritajiet kompetenti, il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, il-kuntatt ma’ rappreżentanti legali jew mal-membri tal-familja, jew it-trattament ta' persuni vulnerabbli. Il-prinċipju ta’ non-refoulement huwa inkluż fil-liġi dwar il-barranin, f’konformità mal-istandards internazzjonali, iżda ma hemm l-ebda salvagwardja relatata ma’ ripatrijazzjonijiet pendenti, mal-unità tal-familja jew mal-kura tas-saħħa f’każijiet ta’ emerġenza. L-aħjar interessi għat-tfal u għall-unità tal-familja mhumiex koperti.

– Il-liġi dwar il-barranin ma tinkludix dispożizzjonijiet li jiżguraw l-integrazzjoni soċjoekonomika tar-refuġjati. Sabiex tittejjeb l-integrazzjoni tagħhom anke fis-suq tax-xogħol, ir-refuġjati għandhom jingħataw status legali sigur fil-Kosovo, preferibbilment fl-għamla ta’ permess ta’ soġġorn permanenti, li jinħareġ wara li jkun skada l-permess ta’ soġġorn temporanju.

– Il-Kosovo żviluppa bażi ta’ dejta ġdida dwar l-ażil u l-migrazzjoni. Ladarba tkun funzjonali, din tkun tikkontribwixxi għall-ġbir ta’ dejta u għall-analiżi tal-migrazzjoni lejn il-Kosovo. Però, id-dritt tal-awtoritajiet għall-aċċess ma ġiex definit. F’konformità sħiħa mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta, il-liġi dwar il-barranin għandha tiġi emendata sabiex tirregola l-ipproċessar tad-dejta fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil, l-aċċess għad-dejta u l-kondiviżjoni tad-dejta fost l-awtoritajiet.

Il-kodiċi kriminali jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kutrabandu ta’ migranti, b’sanzjonijiet adegwati, li jiddefinixxu dan id-delitt bħala azzjoni biex wieħed jibbenefika finanzjarjament jew materjalment mid-dħul illegali ta’ barrani fil-Kosovo. Huwa jipprovdi wkoll sanzjonijiet għall-persuni li jassistu intenzjonalment id-dħul illegali ta’ barrani fil-Kosovo. Dawn id-dispożizzjonijiet fil-biċċa l-kbira tagħhom jikkonformaw mad-Direttiva tal-UE li tiddefinixxi l-faċilitazzjoni ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati[15].

Bħalissa qed jiġu abbozzati strateġija ġdida u pjan ta’ azzjoni dwar il-migrazzjoni. Din l-istrateġija għandha tipprovdi qafas komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, inklużi l-migrazzjonijiet legali u irregolari, f’konformità mal-aħjar prassi internazzjonali. Għandha tistabbilixxi miri ċari; tiddefinixxi rwoli u responsabbiltajiet; tikkjarifika l-għan tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi, u tiżviluppa profil ta’ migrazzjoni għall-Kosovo.

3.2.3. L-Ażil

Il-liġi dwar l-ażil tirregola l-kwalifiki u l-istatus tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, il-kondizzjonijiet materjali ta' akkoljenza u l-proċeduri tal-ażil fil-Kosovo. Ma tikkonformax kompletament mal-acquis tal-UE u mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951[16]. Hija tkopri, inter alia, l-aspetti proċedurali tal-ażil; il-forom differenti ta’ protezzjoni, bħall-istatus ta’ refuġjat, il-protezzjoni sussidjarja u l-hekk imsejħa protezzjoni temporanja; id-drittijiet u d-dmirijiet tal-applikanti; il-prinċipju ta' non-refoulement; it-terminazzjoni tal-proċedura tal-ażil; l-appell; u l-ħruġ tad-dokumenti. L-istruttura tal-liġi hija inkoerenti. Diversi definizzjonijiet, inklużi dawk li jikkonċernaw lil dawk li jfittxu l-ażil, lill-persuni vulnerabbli, liċ-ċittadini barranin u lill-persuni apolidi, ma jikkonformawx kompletament mal-acquis tal-UE u mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Id-definizzjonijiet tal-pajjiżi ta’ oriġini siguri u tal-pajjiżi terzi siguri ma jikkonformawx mad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil. Il-liġi ma tiddeskrivix il-prinċipji tal-proċedura tal-ażil. Hemm kategorija addizzjonali tal-hekk imsejħa “protezzjoni temporanja”, iżda l-iskop u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha mhumiex ċari.

Il-ħtiġijiet tal-persuni vulnerabbli mhumiex indirizzati kif suppost u huma limitati għall-minorenni, għan-nisa u għall-persuni b’diżabbiltà mentali jew fiżika. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkonformawx kompletament mad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza u d-Direttiva dwar il-Kwalifiki. Jidher illi d-drittijiet ta’ dawk li jfittxu l-ażil u l-garanziji proċedurali huma restritti bla bżonn, partikolarment f’dak li jikkonċerna l-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet, l-użu tal-lingwa materna tal-individwu fl-applikazzjonijiet, l-użu tal-interpreti u d-dritt għall-komunikazzjoni mal-UNHCR. Jidher li r-rwol tal-UNHCR mhuwiex konformi mad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil jew mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra.

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni ċara dwar id-drittijiet u l-obbligi tar-refuġjati u tal-persuni koperti mill-protezzjoni sussidjarja jew mill-hekk imsejħa "protezzjoni temporanja”, u diversi prinċipji bażiċi mhumiex elenkati fil-liġi, bħal pereżempju l-aċċess għall-edukazzjoni, l-assistenza fl-integrazzjoni, id-dritt għall-pussess ta’ proprjetà u d-dritt għall-impjieg, u għaldaqstant ma jlaħħqux mal-istandards tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki u tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Ir-rimedji legali ma jinkludux id-dritt għall-appell kontra ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja jew “temporanja”, u għaldaqstant ma jlaħħqux mal-istandards tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil. Il-limiti ta’ żmien fir-rigward tal-interruzzjoni tal-proċeduri tal-ażil mhumiex definiti b’mod ċar.

Sa Novembru 2012, il-Kosovo rċieva biss 31 applikazzjoni għall-ażil u fl-2011 kien irċieva 189 applikazzjoni. Din is-sena, id-dipartiment responsabbli miċ-ċittadinanza, l-ażil u l-migrazzjoni fil-ministeru tal-affarijiet interni ġie kkonfrontat ukoll minn għadd ta' allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fil-ġestjoni tal-faċilitajiet tal-ażil u tal-akkomodazzjonijiet tal-kiri għall-persuni ripatrijati. Dawn l-allegazzjonijiet għandhom jiġu investigati vigorożament mill-awtoritajiet relevanti. Il-Kosovo għandu jesplora l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni mal-EASO.

3.3. Sezzjoni 3: L-ordni pubblika u s-sigurtà

Fl-2012, il-Kosovo rreveda b’mod radikali s-sistema tal-ġustizzja kriminali tiegħu, b’liġi ġdida dwar il-qrati, liġi ġdida dwar il-prosekuzzjoni, kodiċi kriminali ġdid u kodiċi tal-proċedura kriminali ġdid, li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013. Il-liġijiet dwar il-Kunsill Ġudizzjarju u l-Kunsill tal-Prosekuzzjoni daħlu fis-seħħ fl-2011. Dawn is-sitt biċċiet leġiżlazzjoni jikkumplimentaw il-liġi dwar il-Prosekuzzjoni Speċjali, li tistabbilixxi l-kompetenzi esklużivi u sussidjarji ta’ prosekuturi speċjali li jkunu inkarigati mill-investigazzjoni u mill-prosekuzzjoni ta’, inter alia, kriminalità organizzata, korruzzjoni u terroriżmu.

L-istruttura l-ġdida tal-qorti se tkun tikkonsisti mill-Qrati Bażiċi, il-Qorti tal-Appell u l-Qorti Suprema. Il-liġi dwar il-qrati tistabbilixxi dipartimenti ddedikati għal delitti serji fi ħdan il-Qrati Bażiċi u l-Qorti tal-Appell biex jiddeċiedu fuq kawżi ta’ dawn id-delitti, inklużi dawk li jaqgħu taħt il-kompetenzi esklużivi u sussidjarji tal-Prosekuzzjoni Speċjali. Il-gvern ikkunsidra li jistabbilixxi awla kriminali speċjali fil-Qorti Bażika ta’ Pristina biex tiddeċiedi fuq każijiet serji f'oqsma li jirriflettu l-kompetenzi esklużivi u sussidjarji tal-Prosekuzzjoni Speċjali. Għadu mhux ċar kif se ssir il-konnessjoni bejn awla kriminali speċjali bħal din u d-dipartimenti ddedikati għal delitti serji li għandhom jitwaqqfu fil-Qrati Bażiċi u fil-Qorti tal-Appell.

Il-Kosovo għandu jimplimenta r-riforma tas-sistema ġudizzjarja tiegħu b’tali mod li jtejjeb l-indipendenza, l-effikaċja, ir-responsabbiltà u l-imparzjalità tal-ġudikatura, inkluż billi jiddedika biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex titħaddem is-sistema tal-qorti l-ġdida. Fl-2009, l-imħallfin u l-prosekuturi għaddew minn proċedura ta’ skrutinju. Il-Kunsill Ġudizzjarju u l-Kunsill tal-Prosekuzzjoni għandhom jagħmlu sforz partikolari biex jipprevjenu l-interferenza politika fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ delitti u fid-deċiżjoni li tittieħed dwarhom; biex jiżguraw li r-reklutaġġ, l-iskrutinju u l-ħatra tal-imħallfin u l-prosekuturi jkunu trasparenti, u jimlew il-pożizzjonijiet vakanti notevolment b’kandidati mill-minoranzi; u biex jinfurzaw azzjoni dixxiplinarja fil-każijiet kollha li jkunu jinvolvu l-korruzzjoni fil-ġudikatura. Il-Kunsill Ġudizzjarju għandu jkompli jimplimenta l-istrateġija tiegħu biex inaqqas l-volum ta’ kawżi fil-qorti li għadhom pendenti.

F’April 2012 ġie adottat kodiċi kriminali ġdid u daħal fis-seħħ f’Jannar 2013. Huwa jinkludi dispożizzjonijiet dwar, inter alia, il-kutrabandu ta’ migranti, it-traffikar tal-bnedmin, il-produzzjoni u t-traffikar tad-drogi, il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u t-traffikar tal-armi. Id-dispożizzjonijiet tiegħu jirrispettaw il-kompetenzi esklużivi u sussidjarji tal-Prosekuzzjoni Speċjali. Madanakollu, id-dispożizzjonijiet dwar ir-reati ta' korruzzjoni jirrikjedu eżaminazzjoni ulterjuri. Id-dispożizzjonijiet fuq it-tkeċċija tal-barranin mill-Kosovo ma jikkonformawx kompletament ma’ dawk tal-liġi dwar il-barranin. It-taqsima dwar il-kondotti ma tinkludix dispożizzjonijiet fuq l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

Fit-22 ta’ Diċembru 2012 ġie adottat kodiċi tal-proċedura kriminali ġdid u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013. Uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu jikkonformaw mal-istandards tal-UE, inklużi dawk dwar il-protezzjoni tad-dejta. Xi dispożizzjonijiet oħra jikkostitwixxu raġuni għal xiex wieħed għandu jitħasseb. Il-kodiċi l-ġdid fih xi dispożizzjonijiet li jistgħu jolqtu l-prinċipju tan-nonretroattività tal-leġiżlazzjoni. L-abbozz tal-kodiċi stipula li l-każijiet li għaddejjin bħalissa jiġu trattati abbażi tal-kodiċi preċedenti, filwaqt li japplikaw ukoll id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-kodiċi adottat fil-proċedimenti kriminali li jkunu nbdew qabel l-1 ta' Jannar 2013, fil-każijiet fejn l-atti tal-akkuża jkunu ġew ippreżentati u kkonfermati, u fil-każijiet fejn l-atti tal-akkuża jkunu ġew ippreżentati iżda jkunu għadhom ma ġewx ikkonfermati. Il-kodiċi l-ġdid inkorpora perjodu tranżitorju ta' għaxart ijiem biss, li ma jagħtix biżżejjed żmien lill-atturi kollha biex iħejju għall-implimentazzjoni tiegħu. Dan jista’ joħloq problemi fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Fl-aħħar nett, ir-retroattività potenzjali tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-kodiċi li jirrigwardaw id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda qabel il-proċess quddiem il-qorti, tista’ tillimita l-ammissibbiltà ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet bħala raġuni għal kundanna fil-proċessi kriminali li diġà qed isiru. Diversi dispożizzjonijiet tal-kodiċi tal-proċedura kriminali jistħoqqilhom eżaminazzjoni ulterjuri.

L-implimentazzjoni korretta tal-liġi l-ġdida dwar il-qrati, il-liġi l-ġdida dwar il-prosekuzzjoni, il-kodiċi kriminali l-ġdid u l-kodiċi dwar il-proċedura kriminali l-ġdid hija prerekwiżit essenzjali għat-titjib tal-indipendenza, tal-effikaċja, tar-responsabbiltà u tal-imparzjalità tal-ġudikatura fil-Kosovo. Għaldaqstant, il-Kosovo għandu jikkunsidra li fit-tieni nofs tal-2013, iwettaq analiżi ġenerali tal-funzjonament tas-sistema tal-ġustizzja kriminali li ġiet ristrutturata, li tkun tinkludi valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta' dawn l-erba' liġijiet.

3.3.1. Il-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata, tal-korruzzjoni u tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrihom

Il-Kosovo stabbilixxa qafas leġiżlattiv u istituzzjonali biex jiġġieled kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, iżda l-kooperazzjoni bejn il-pulizija, id-dwana u l-prosekuturi fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ delitti bħal dawn għandha tittejjeb ulterjorment[17]. Jeħtieġ li l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-prosekuzzjoni tissaħħaħ biex tiżgura żieda fl-għadd ta' prosekuzzjonijiet li jinbdew wara l-investigazzjonijiet u biex tiżgura li jkun hemm approċċ proattiv fir-rigward tal-ġlieda kontra delitti serji, f’konformità mal-istrateġija u mal-pjan ta’ azzjoni dwar l-attivitajiet tal-pulizija bbażati fuq l-intelligence. Il-kapaċità investigattiva tal-pulizija hija adegwata, iżda dik tad-dwana għandha tissaħħaħ. Il-kooperazzjoni bejn il-prosekuzzjoni u l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) għandha tittejjeb sabiex tiżgura li jkun hemm approċċ proattiv għat-tnedija ta’ investigazzjonijiet fir-rigward ta’ ġid inspjegabbli. Fl-2012 il-funzjonament tal-UIF u l-kooperazzjoni tagħha mal-pulizija marru għall-aħjar. Il-pedamenti ta’ programm ġdid għall-protezzjoni tax-xhieda ġew stabbiliti fl-2012, iżda f’dan il-qasam jeħtieġ li jkun hemm allokazzjonijiet baġitarji sostanzjali u bini tal-kapaċitajiet. Huwa mistenni li l-Kosovo jadotta strateġija u pjan ta’ azzjoni ġodda għal kontra l-korruzzjoni filwaqt li diġà adotta strateġija u pjan ta’ azzjoni ġodda għal kontra l-kriminalità organizzata. Għandu jagħmel sforz partikolari biex iżomm rekord tal-investigazzjonijiet, tal-prosekuzzjonijiet u tas-sentenzi finali tal-qorti f’kawżi li jikkonċernaw il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, inklużi t-traffikar tad-drogi, it-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tal-armi u l-ħasil tal-flus.

Il-Prosekuzzjoni Speċjali għandha rwol importanti fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ delitti serji fil-Kosovo. Il-prosekuturi speċjali jinkludu l-prosekuturi tal-EULEX u l-prosekuturi pubbliċi tal-Kosovo, u dawn għandhom l-awtorità u r-responsabbiltà li jmexxu investigazzjonijiet kriminali u li jħarrku delitti serji li jaqgħu taħt il-kompetenzi esklużivi[18] u sussidjarji[19] tal-Prosekuzzjoni Speċjali. Fl-2012, il-gvern ikkunsidra jemenda l-kompetenzi tal-Prosekuzzjoni Speċjali jew li jestendi l-kompetenza esklużiva tal-Prosekuzzjoni Speċjali fir-rigward tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ ħasil tal-flus lill-prosekuturi kollha fil-Kosovo. Tali riformi għandhom jitwettqu biss fid-dawl ta’ esperjenza ulterjuri ta’ kif taħdem fil-prattika s-sistema tal-ġustizzja kriminali li ġiet ristrutturata. Il-kompetenzi esklużivi u sussidjarji tal-Prosekuzzjoni Speċjali għandhom jinżammu. Fil-kuntest tal-analiżi ġenerali tas-sistema tal-ġustizzja kriminali msemmija hawn fuq, il-Kosovo u l-UE jistgħu jagħtu bidu għal riflessjoni konġunta dwar kif l-aħjar jiġu adattati l-kompetenzi tal-Prosekuzzjoni Speċjali għas-sistema tal-ġustizzja kriminali li ġiet ristrutturata.

Ġie maħluq il-qafas legali u istituzzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u l-prekursuri. Madanakollu, ir-riżorsi biex tiġi implimentata l-politika ta’ kontra d-drogi tal-Kosovo mhumiex suffiċjenti, u ma hemmx approċċ ibbażat fuq l-intelligence. L-isforzi tal-Kosovo biex tfixkel it-traffikar tal-eroina mill-Afganistan għas-swieq tal-UE li jgħaddi mit-Turkija, u t-traffikar tal-kokaina mill-Amerika Latina għall-UE li jgħaddi mill-Montenegro u mill-Albanija, għadhom mhux adegwati. Il-Kosovo għadu qed jiffaċċja diffikultajiet fit-tnaqqis tal-kultivazzjoni u tat-traffikar tal-kannabis lejn l-UE. Fl-2012 is-sekwestri tad-drogi żdiedu, iżda l-ammont għadu modest; u s-segwitu ġudizzjarju tal-investigazzjonijiet għadu mhux adegwat. Fl-2009, il-Kosovo beda jikoopera mal-EMCDDA. Il-liġi tiegħu dwar id-drogi, is-sustanzi psikotropiċi u l-prekursuri tinkorpora l-istandards internazzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi kif ukoll l-aspetti preventivi tad-dipendenza fuq id-drogi. Il-kodiċi kriminali jinkludi penalitajiet għat-traffikar tad-drogi. L-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni dwar id-drogi jindirizzaw it-tnaqqis tad-domanda u tal-provvista. Il-Kosovo għandu jżid konsiderevolment l-isforzi tiegħu biex jiġġieled kontra t-traffikar tad-drogi.

Il-qafas legali u istituzzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin għadu qed jiġi żviluppat. Il-Kosovo għadu l-post ta’ oriġini u ta’ tranżitu għall-vittmi tat-traffikar. Tkompli x-xejra tat-traffikar tan-nisa lejn l-UE għall-isfruttament sesswali. It-traffikar tat-tfal bil-għan li joqogħdu jittalbu u l-migrazzjoni irregolari ffaċilitata, spiss billi jintużaw dokumenti ffalsifikati jew foloz, għadhom kwistjonijiet li jqajmu tħassib kbir. Il-kodiċi kriminali l-ġdid fih dispożizzjonijiet dwar it-traffikar tal-bnedmin u l-kutrabandu tal-migranti. Huwa żied il-penalitajiet għat-traffikar tat-tfal. Fl-2012 il-pulizija nediet għadd ta’ investigazzjonijiet kriminali tat-traffikar tal-bnedmin, iżda l-ammont ta’ prosekuzzjonijiet ta’ dawn id-delitti u ta’ kundanni jibqa’ baxx. Minkejja li qiegħda ppjanata fil-programm leġiżlattiv, il-gvern għadu ma adottax liġi dwar it-traffikar tal-bnedmin. Inħolqu strateġija u pjan ta’ azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin. Madanakollu, il-Kosovo għandu jżid konsiderevolment l-isforzi tiegħu biex jiġġieled kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-migrazzjoni irregolari ffaċilitata, anke permezz tal-abbozzar ta’ liġi ġdida dwar it-traffikar tal-bnedmin.

Il-Kosovo qed jibqa’ jsofri minħabba t-traffikar ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir. Il-kodiċi kriminali fih dispożizzjoni dwar it-traffikar tal-armi, u l-Kosovo għandu strateġija u pjan ta’ azzjoni kontra t-traffikar tal-armi. It-terroriżmu li joriġina mill-Kosovo huwa ta’ theddida inqas kbira għall-Kosovo u għall-UE mill-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Il-Kosovo għandu strateġija u pjan ta’ azzjoni għal kontra t-terroriżmu u għas-sigurtà nazzjonali. Dawn l-istrateġiji għandhom jiġu implimentati b'mod sħiħ.

Il-liġi dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroristi tistabbilixxi l-UIF bħala istituzzjoni indipendenti li tipprovdi intelligence finanzjarja biex tinvestiga l-korpi involuti fil-qasam tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroristi. Reċentement, ir-responsabbiltajiet taċ-Ċentru tal-Intelligence Finanzjarja immexxi mill-EULEX ġew trasferiti għall-UIF tal-Kosovo. Fl-2012, il-kooperazzjoni tal-UIF mal-banek marret għall-aħjar, b’għadd dejjem jikber ta’ tranżazzjonijiet fi flus irraportati. Il-gvern abbozza wkoll, bil-għajnuna tal-UE u tal-Kunsill tal-Ewropa, emendi għal din il-liġi sabiex jindirizza t-tħassib li hemm fl-erba' oqsma li ġejjin: il-valutazzjoni nazzjonali tar-riskju, il-qafas tal-inkriminazzjoni, is-sanzjonijiet għal nuqqas ta’ konformità u l-kooperazzjoni internazzjonali. Dawn l-emendi jfittxu li jaġġornaw id-definizzjonijiet tal-liġi f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF); li jsaħħu l-indipendenza operazzjonali tal-UIF; u li jirfinaw id-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, id-diliġenza dovuta tal-klijenti, ir-rapporti ta' tranżazzjonijiet suspettużi, ir-responsabbiltajiet ta' superviżjoni, is-sanzjonijiet u l-każinòs. L-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi mar għall-aħjar: l-UIF ikkonkludiet memoranda ta’ qbil ma' seba' pajjiżi[20]. Kopert mill-isponserizzazzjoni tas-Slovenja, il-Kosovo jixtieq japplika għal sħubija mal-Egmont Group tal-UIFs. Il-Kosovo għandu jieħu inkunsiderazzjoni emendi futuri għal-leġiżlazzjoni tiegħu dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroristi fir-rigward ta’ taħriġ speċjalizzat u indikaturi statistiċi, u jimplimenta l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni relevanti.

Il-konfiska tal-assi, sa ċertu punt, hija rregolata mill-kodiċi kriminali u mill-kodiċi tal-proċedura kriminali. Il-gvern abbozza liġi li tistabbilixxi setgħat estiżi għall-konfiska tal-assi. Dan ikun jippermetti l-konfiska abbażi tal-kundanna u, b’ċerti limiti, il-konfiska tal-ġid akkumulat. Is-setgħat ta' konfiska jkopru l-assi li mhumiex benefiċċji materjali ta' reat kriminali, l-assi akkwistati minn imputat li miet jew li telaq mill-Kosovo u l-assi li jkunu ġew trasferiti lil xi parti oħra. F’każ ta’ xiri b’bona fide, l-assi trasferiti ma jistgħux jiġu kkonfiskati. Dan l-abbozz jintroduċi l-kunċett tal-“inverżjoni tal-obbligu tal-provi”, li jirrikjedi prova mill-imputati ta’ kif akkwistaw l-assi tagħhom li jkunu ġew sekwestrati. L-aġenzija li tamministra l-assi sekwestrati jew konfiskati ssostni l-awtoritajiet ġudizzjarji u dawk responsabbli mill-infurzar tal-liġi bl-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet dwar is-sekwestru u l-konfiska tal-assi. Il-Kosovo għandu jadotta u jimplimenta l-abbozz ta' liġi li jistabbilixxi setgħat estiżi għall-konfiska tal-assi.

Il-Kosovo żviluppa qafas leġiżlattiv u istituzzjonali estensiv kontra l-korruzzjoni, li jinkludi liġijiet dwar id-dikjarazzjoni tal-assi mill-uffiċjali pubbliċi, il-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess fis-settur pubbliku, l-iżvelaturi, l-akkwist pubbliku u l-finanzjament ta' partiti politiċi. Aġenzija ta’ kontra l-korruzzjoni hija inkarigata mill-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar id-dikjarazzjoni tal-assi u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess. Din l-aġenzija tista' tniedi investigazzjonijiet preliminari tal-korruzzjoni, filwaqt li titrasferixxi każijiet b’suspett ta’ korruzzjoni lill-pulizija jew lill-prosekuturi. Hija ffirmat memorandum ta’ qbil mal-EULEX. Minkejja l-mandat tagħha, hija tista' tivverifika l-oriġini tal-assi biss meta tissuspetta li dawn ikunu ġew akkwistati illegalment. Il-kompetenzi esperti tagħha fl-identifikar u fis-segwitu tar-riskji ta’ korruzzjoni fis-settur pubbliku, inkluż permezz ta’ valutazzjonijiet tar-riskju f’setturi vulnerabbli, għadhom limitati. Il-Kosovo għandu jikkunsidra jekk hemmx bżonn ta’ riżorsi addizzjonali biex din l-aġenzija taqdi dmirijietha.

Fl-2012 twaqqaf kunsill ta’ kontra l-korruzzjoni, taħt l-awspiċju tal-president, biex isaħħaħ il-koordinazzjoni fost il-korpi differenti involuti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-Prosekuzzjoni Speċjali stabbilixxiet ukoll task force għal kontra l-korruzzjoni, filwaqt li l-pulizija waqqfet direttorat għal kontra l-kriminalità ekonomika u l-korruzzjoni. Id-duplikazzjoni tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet ta’ dawn il-korpi ta’ kontra l-korruzzjoni għandhom jiġu ċċarati.

Minkejja li hemm liġi moderna dwar l-akkwist pubbliku, l-abbuż mill-proċeduri tal-akkwist pubbliku għadu jikkostitwixxi problema kbira fil-Kosovo. Din il-liġi għandha tiġi implimentata b’mod sħiħ, biex b’hekk kwalunkwe abbuż jiġi investigat u mħarrek. Il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi għandha tiġi emendata b'tali mod li tkun tipprojbixxi jew tirregola strettament id-donazzjonijiet minn entitajiet legali li jipprovdu wkoll oġġetti u servizzi lill-amministrazzjoni pubblika, li tkun tobbliga lill-partiti politiċi jkollhom kont bankarju wieħed u li tkun tiddefinixxi l-limiti taż-żmien għall-pubblikazzjoni tar-rapporti finanzjarji. Il-qafas kollu tal-Kosovo għal kontra l-korruzzjoni għandu jiġi implimentat biex jinkisbu riżultati konkreti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Liġi ġdida dwar il-pulizija tirregola d-dmirijiet u s-setgħat tal-pulizija. Il-leġiżlazzjoni sekondarja, notevolment dwar l-użu tal-forza u tal-armi tan-nar mill-uffiċjali tal-pulizija, il-protezzjoni tad-dejta u l-miżuri dixxiplinarji, għadha pendenti. Il-liġi dwar l-ispettorat tal-pulizija tirregola s-setgħat tal-ispettorat tal-pulizija indipendenti, li jittratta l-ilmenti u l-azzjonijiet dixxiplinarji u li jista' jniedi investigazzjonijiet kriminali kontra l-uffiċjali tal-pulizija. Fl-2012 ir-relazzjoni bejn il-pulizija u l-ispettorat tal-pulizija marret għall-aħjar, u fl-2012 ukoll l-ispettorat nieda diversi investigazzjonijiet ġodda. Il-leġiżlazzjoni sekondarja, li għadha ma ġietx adottata, hija meħtieġa għall-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi dwar l-ispettorat tal-pulizija. Il-leġiżlazzjoni sekondarja kollha meħtieġa għal-liġi dwar il-pulizija u l-liġi dwar l-ispettorat tal-pulizija għandha tiġi adottata u implimentata.

Fl-2012, il-Kosovo abbozza liġi dwar l-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni, li tkun tippermetti lill-pulizija, lill-aġenzija tal-intelligence tal-Kosovo, lid-dwana u lill-EULEX jinterċettaw legalment komunikazzjonijiet elettroniċi u jitolbu l-kontenut, il-post u d-dejta dwar it-traffiku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi jew tas-sigurtà nazzjonali. Filwaqt li jidher li l-iskop u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi abbozzata huma konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika[21], tqajjem tħassib fir-rigward tal-allinjament tagħha mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Dejta[22]. Jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni futura dwar l-interċettazzjoni tiddistingwi b’mod ċar bejn l-interċettazzjoni ġudizzjarja u l-interċettazzjoni għas-servizzi tal-intelligence, f’konformità mal-aħjar prassi Ewropea. Il-gvern għandu jqis li jirregola ż-żamma tad-dejta għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, notevolment f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni, l-iskop, il-proporzjonalità, il-kategoriji tad-dejta, l-aċċess għad-dejta, il-perjodi ta’ żamma u r-rimedji legali tagħha, f’konformità mad-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Dejta.

Il-liġi dwar il-protezzjoni tax-xhieda ġiet adottata fl-2011 u daħlet fis-seħħ fl-2012. Hija tirregola l-protezzjoni tax-xhieda ta’ delitti serji. Fil-biċċa l-kbira tagħha hija tikkonforma mal-aħjar prassi Ewropea, iżda l-implimentazzjoni tagħha tirrikjedi leġiżlazzjoni sekondarja dwar kwistjonijiet bħall-bidla tal-identità, id-dispożizzjonijiet baġitarji, ir-rekwiżiti għal dar sikura u l-kwestjonarji għall-vittmi. F’Jannar 2013, ġie ffirmat ftehim internazzjonali dwar ir-rilokazzjoni, ibbażat fuq il-format tal-EUROPOL. Hekk kif ikun operazzjonali, id-direttorat tal-Kosovo għall-protezzjoni tax-xhieda se jkun qed jaħdem flimkien mal-programm tal-EULEX għas-sigurtà tax-xhieda, li għadu responsabbli mill-protezzjoni ta' xhieda ta' delitti skont il-mandat tal-EULEX.

3.3.2. Il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi

Il-Kosovo kkonkluda ftehimiet dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija mal-Awstrija, mal-Isvezja, mal-Kroazja, mal-Albanija u ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; ikkonkluda ftehimiet dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin ma’ Franza u ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; ikkonkluda ftehim dwar il-kooperazzjoni fis-sigurtà mal-Ġermanja; u kkonkluda ftehim mal-Ungerija biex jiġu miġġielda l-kriminalità organizzata u l-migrazzjoni irregolari. Għandu ftehimiet dwar il-kooperazzjoni doganali ma’ għaxar pajjiżi[23].

Fl-2011 il-Kosovo waqqaf unità ta' kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar tal-liġi (ILECU). Din l-unità, bħalma jiġri f’postijiet oħra fil-Balkani tal-Punent, tfittex li tiffaċilita l-kooperazzjoni strateġika u operazzjonali mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-pajjiżi ġirien u tal-Istati Membri tal-UE. Bħala unità kostitwenti tal-pulizija, l-ILECU tal-Kosovo għandha aċċess għall-bażijiet tad-dejta nazzjonali kollha. Hija għandha tipproċessa d-dejta personali strettament f’konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta. Reċentement, il-pulizija ppermettew ukoll l-aċċess tal-EULEX għas-sistema tal-informazzjoni tal-pulizija u għas-sistema tal-ġestjoni tal-fruntieri. Tali kondiviżjoni tal-informazzjoni aktarx tiswa ta’ ġid għall-investigazzjoni ta’ delitti serji fil-Kosovo, iżda l-pulizija u l-EULEX għandhom ifittxu wkoll li jifformalizzaw l-iskambju tal-informazzjoni u tal-intelligence kriminali f’arranġament tekniku.

Il-kooperazzjoni strateġika u operazzjonali fl-infurzar tal-liġi tal-Kosovo mal-pajjiżi ġirien u mal-Istati Membri tal-UE taħdem fuq bażi informali. Il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi mal-Albanija u ma’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja hija b'saħħitha; ir-relazzjonijiet mas-Serbja, permezz tal-faċilitazzjoni tal-UE, u mal-Bosnja u Ħerzegovina sejrin għall-aħjar. Il-Kosovo qed jippjana li jibgħat uffiċjali ta' kollegament għall-infurzar tal-liġi lejn l-Awstrija, l-Ungerija, il-Ġermanja, l-Isvezja u l-Isvizzera. Il-Kosovo għandu jkompli japprofondixxi l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi mal-pajjiżi ġirien u mal-Istati Membri tal-UE kollha interessati. Għandu jesplora modalitajiet ta’ kooperazzjoni mal-EUROPOL, mal-INTERPOL u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali għall-infurzar tal-liġi.

3.3.3. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali

Il-Kosovo kkonkluda ftehimiet dwar l-assistenza legali reċiproka mal-Kroazja, ma’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u mat-Turkija; ikkonkluda ftehimiet dwar l-estradizzjoni ma’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u mat-Turkija; u kkonkluda ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ persuni kkundannati mal-Belġju, mal-Isvizzera, ma’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u mat-Turkija. In-negozjati mal-Ġermanja, mal-Italja u mal-Albanija dwar l-assistenza legali reċiproka, l-estradizzjoni u t-trasferiment ta' persuni kkundannati, tlestew. Il-Kosovo avviċina 23 stat ieħor biex jinnegozja aktar ftehimiet[24].

Barra minn dawn il-ftehimiet bilaterali, il-liġi dwar il-kooperazzjoni legali internazzjonali tipprovdi bażi legali għall-assistenza legali reċiproka ma’ pajjiżi terzi. Il-EULEX qed tkompli taġixxi bħala interfaċċja mal-istati mhux rikonoxxenti skont it-termini ta’ arranġament tekniku mal-ministeru tal-ġustizzja. Il-liġi dwar il-kooperazzjoni legali internazzjonali tirrikjedi reċiproċità għall-ipproċessar ta’ talbiet għall-assistenza legali reċiproka. Il-Kosovo bagħat diversi talbiet lis-Serbja, iżda rrifjuta li jipproċessa talbiet bħal dawn mis-Serbja billi ma hemmx reċiproċità.

Minkejja li l-Kosovo mhuwiex membru tal-Kunsill tal-Ewropa, huwa għandu jikkunsidra li jirratifika l-konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa relevanti kollha fil-qasam tal-assistenza legali reċiproka. Hu għandu jesplora wkoll il-modalitajiet ta’ kooperazzjoni mal-EUROJUST.

3.3.4. Il-protezzjoni tad-dejta

Id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali huwa ssalvagwardjat mill-kostituzzjoni, mil-liġi dwar l-aċċess għal dokumenti uffiċjali u mil-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. Il-liġi dwar il-klassifika tal-informazzjoni u l-approvazzjoni tas-sigurtà tistabbilixxi regoli ulterjuri dwar il-protezzjoni tad-dejta. Regolament dwar l-aġenzija għall-protezzjoni tad-dejta u l-leġiżlazzjoni sekondarja dwar l-ivvalutar tal-uffiċjali tal-awtorità tal-protezzjoni tad-dejta jfittxu li jimplimentaw dan il-qafas legali.

Il-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta tirregola l-ipproċessar tad-dejta mill-korpi pubbliċi u privati, l-obbligi tal-kontrolluri u tal-proċessuri tad-dejta u d-drittijiet tal-persuni kkonċernati. Hi tipprovdi sanzjonijiet għal ksur serju tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta. Fil-biċċa l-kbira tagħha, din il-liġi tikkonforma mal-acquis tal-UE, iżda biex isir progress ulterjuri fil-protezzjoni tad-dejta jeħtieġ li jiġu implimentati r-regolament u l-leġiżlazzjoni sekondarja relevanti.

Din il-liġi fiha sett ta’ restrizzjonijiet dwar l-informazzjoni li għandha tingħata lill-persuni kkonċernati, fiha d-dritt għall-aċċess u d-dritt li wieħed jissuplimenta, jikkoreġi jew iħassar id-dejta. Is-sigurtà pubblika tikkostitwixxi tali eċċezzjoni. Din il-klawżola tikkonforma mal-acquis tal-UE, iżda l-implimentazzjoni tagħha għandha tiġi mmonitorjata. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom dispożizzjonijiet li jippermettu r-restrizzjoni tad-dritt tal-aċċess tal-persuni kkonċernati għad-dejta personali tagħhom għal raġunijiet ta' sigurtà pubblika. Jeħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni u l-eżenzjonijiet possibbli fir-rigward tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati jiġu ċċarati ulterjorment.

L-indipendenza tas-superviżur kap tal-aġenzija għall-protezzjoni tad-dejta hija stabbilita mil-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta. Filwaqt li l-aspetti formali tal-indipendenza huma ggarantiti, dawn id-dispożizzjonijiet iridu jiġu implimentati fil-prattika. Jidher li l-indipendenza de facto tas-superviżuri hija adegwata: il-ħames superviżuri ġew maħtura kollha kemm huma u assumew il-karigi tagħhom.

Din l-aġenzija għandha l-baġit tagħha stess li huwa amministrat independentement f’konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta. Il-baġit tagħha jidher adegwat, u l-aġenzija mliet ħafna mill-karigi li kellha. Hija stabbilixxiet gruppi ta’ ħidma biex jabbozzaw regolamenti dwar l-ipproċessar tad-dejta personali fil-kooperazzjoni tal-pulizija u f’dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. Il-kunsill tal-protezzjoni tad-dejta approva lista ta’ pajjiżi u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li għandhom livell adegwat ta’ protezzjoni tad-dejta. Minkejja li m’għandhiex biżżejjed ħaddiema, din l-aġenzija mexxiet ħamsin spezzjoni u awditu fost l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati biex tivvaluta l-konformità tagħhom mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta.

Hi tiġi kkonsultata wkoll qabel l-adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi u amministrattivi relatati mal-ipproċessar tad-dejta personali. Ġiet ikkonsultata dwar tlettax-il abbozz ta’ liġijiet u regolamenti, iżda ma ġietx ikkonsultata qabel l-adozzjoni tal-liġi dwar il-pulizija jew tal-kodiċi tal-proċedura kriminali l-ġdid. F’konformità mal-mandat tagħha, fil-futur, din l-aġenzija għandha tiġi kkonsultata dwar l-abbozzi kollha ta’ leġiżlazzjoni li jkunu jinvolvu l-ipproċessar tad-dejta personali.

3.4. Sezzjoni 4: Id-Drittijiet Fundamentali relatati mal-Moviment Liberu

Id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali huma minquxa fil-kostituzzjoni tal-Kosovo. Il-kostituzzjoni telenka l-ftehimiet u l-istrumenti internazzjonali prinċipali li huma direttament applikabbli fil-Kosovo[25]. F’każ ta’ kunflitt, il-ftehimiet internazzjonali li ġew irratifikati mill-Kosovo jieħdu preċedenza fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali minquxa f’dawn il-ftehimiet għandhom jiġu interpretati f’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-kostituzzjoni tagħti s-setgħa lill-individwi biex jirreferu għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom mill-qorti kostituzzjonali L-assemblea għandha kumitat dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-persuni nieqsa u l-petizzjonijiet b’mandat biex janalizza l-kwistjonijiet kollha marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, janalizza l-petizzjonijiet taċ-ċittadini u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-liġijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu. Il-Kosovo stabbilixxa strutturi fil-livell ċentrali u f’dak muniċipali biex jassistu fil-protezzjoni, fil-promozzjoni u fl-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali. Strateġija u pjan ta’ azzjoni ġodda dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu abbozzati ma jdumux.

Il-Kosovo għandu qafas legali solidu għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali. Hemm numru kbir ta’ istituzzjonijiet u awtoritajiet f’livelli differenti tal-gvern b’responsabbiltajiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ tali drittijiet. Bħalissa l-Kosovo qed jaħdem fuq leġiżlazzjoni sekondarja f’dan il-qasam, li għandha tinkludi l-konsultazzjoni ma’ awtoritajiet muniċipali.

Il-Konvenzjoni Qafas Ewropew għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, li jagħti mandat għall-protezzjoni tal-persuni minn theddid, ostilità, vjolenza jew diskriminazjoni b’riżultat tal-identità etnika, kulturali, lingwistika jew reliġjuża tagħhom, huwa direttament applikabbli fil-Kosovo. Il-qafas legali nazzjonali jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jħeġġu lill-istituzzjonijiet tal-Kosovo biex jipproteġu s-sigurtà u s-sikurezza tal-minoranzi permezz, inter alia, tal-liġi dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-komunitajiet u tal-membri tagħhom u tal-liġi dwar l-użu tal-lingwi. Il-Kosovo għandu strateġija u pjan ta’ azzjoni dwar l-integrazzjoni tal-minoranzi tar-Rom, tal-Ashkali u tal-Eġizzjani, iżda s-sitwazzjoni ta’ dawn il-minoranzi għadha ħażina ħafna. L-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija u ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni għadha limitata, l-aktar minħabba d-determinazzjoni politika dgħajfa u n-nuqqas ta’ kapaċità li hemm fil-ministeri u l-muniċipalitajiet.

Il-Kosovo għandu qafas legali li jiggarantixxi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, li jinkludi liġi dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, liġi ta’ kontra d-diskriminazzjoni, liġi rigward l-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà u liġi dwar l-ombudsman. Il-liġi ta’ kontra d-diskriminazzjoni qed tiġi rreveduta sabiex jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet tagħha. Madanakollu, il-progress fil-qasam tal-inklużjoni soċjali, inkluż fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, għadu limitat. Il-liġi ta' kontra d-diskriminazzjoni għadha ma ħolqitx mekkaniżmu ta’ protezzjoni effikaċi għal kontra d-diskriminazzjoni - sitwazzjoni li qed tiggrava bl-attiviżmu dgħajjef tas-soċjetà ċivili. Il-komunità tal-leżbjani, gay, bisesswali, transvestiti u transġeneri (LGBT) qed tiffaċċja stigmatizzazzjoni u t-theddida tal-vjolenza. Minkejja l-leġiżlazzjoni, il-persuni b’diżabbiltà għadhom jiffaċċjaw problemi serji biex jaċċessaw infrastrutturi u biex jingħataw assistenza, kura medika, impjieg u protezzjoni mid-diskriminazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Kosovo, il-qafas legali għandu jiġi infurzat.

Il-qafas legali li jsostni l-aċċess tal-minoranzi għad-dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità, inkluża r-reġistrazzjoni ċivili, huwa sodisfaċenti, iżda l-implimentazzjoni tiegħu għadha limitata. Skont rapport reċenti tal-OSKE, minkejja l-obbligu tal-muniċipalitajiet li jipprovdu servizzi bil-lingwi uffiċjali kollha, l-individwi li jagħmlu parti minn minoranzi li jkunu jinsabu f’minoranza numerika f’muniċipalità partikolari, ħafna drabi, ma jkunux jistgħu jikkomunikaw mal-uffiċjali tar-reġistrazzjoni ċivili u allura ma jkunux jistgħu jiksbu d-dokumenti bil-lingwa tagħhom. Il-membri illitterati tal-minoranzi jiffaċċjaw ostakoli addizzjonali huma u jimlew il-formoli biex jaċċessaw ir-reġistrazzjoni ċivili[26].

Il-persuni li jagħmlu parti mill-minoranza Serba qajmu tħassib dwar il-moviment liberu fil-kuntest tal-implimentazzjoni mill-Kosovo tal-ftehim mas-Serbja dwar il-moviment liberu. Huma ffaċċjaw dewmien fil-kisba tal-liċenzji tas-sewqan u tad-dokumenti ta’ reġistrazzjoni tal-vettura tagħhom, kif ukoll problemi ta’ konformità mal-lingwa; elementi li kollha kemm huma jista’ jkollhom impatt avvers fuq il-moviment liberu. L-ombudsperson ħadet f’idejha xi wħud minn dawn l-ilmenti, li fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu relatati man-nuqqas ta’ implimentazzjoni fil-livell muniċipali.

Id-delitti b’motivi ta’ etniċità jitwettqu kontra l-minoranzi kollha fil-Kosovo, inklużi l-Albaniżi f’żoni fejn ma jikkostitwux maġġoranza. Kien hemm żieda fid-delitti b’motivi ta’ etniċità mwettqa kontra r-ripatrijati Serbi, u s-sigurtà għas-Serbi lejn in-Nofsinhar tax-xmara Ibar marret għall-agħar.

Il-kunsilli tas-sikurezza tal-komunitajiet muniċipali, ippreseduti minn sindki lokali u magħmula minn membri li jirrappreżentaw il-minoranzi fi ħdan muniċipalità, huma l-korpi lokali li għandhom mandat biex jindirizzaw is-sikurezza tal-minoranzi. Il-funzjonament ta’ dawn il-kunsilli għadu inkonsistenti, u ħafna muniċipalitajiet għad iridu jwaqqfu korpi ta’ dan it-tip. Fl-2011 il-gvern adotta strateġija u pjan ta’ azzjoni għas-sikurezza tal-komunitajiet.

4. Valutazzjoni tal-impatti migratorji u ta’ sigurtà tal-liberalizzazzjoni tal-viża 4.1. L-impatt ta’ sigurtà tal-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo

Il-Kosovo qed ikompli jiffaċċja sfidi kbar biex jipprevjeni u jiġġieled b’mod effikaċi l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. L-attivitajiet kriminali bħalma huma t-traffikar tal-eroina, tal-kokaina u tal-kannabis, il-migrazzjoni irregolari ffaċilitata, it-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tal-armi, kif ukoll il-kutrabandu tas-sigaretti u tal-fjuwil jitwettqu ħafna[27]. Il-kumbinament ta’ attivitajiet transfruntiera illeċiti li jħallu l-qligħ, in-nuqqas ta’ żvilupp ekonomiku u l-kapaċità amministrattiva limitata toħloq inċentivi konsiderevoli għat-tixħim, għall-ħasil tal-flus u għall-abbuż mill-proċeduri tal-akkwist pubbliku. Minkejja li fl-2012 l-OECD[28] u Transparency International[29] skoprew titjib marġinali, il-korruzzjoni għadha waħda mill-akbar problemi fil-Kosovo.

Il-Kosovo stabbilixxa qafas leġiżlattiv u istituzzjonali biex jiġġieled il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, iżda l-kooperazzjoni bejn il-pulizija, id-dwana u l-prosekuturi fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ delitti bħal dawn għandha tittejjeb ulterjorment. Jeħtieġ li l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-prosekuzzjoni tissaħħaħ biex tiżgura żieda fl-għadd ta' prosekuzzjonijiet li jinbdew wara l-investigazzjonijiet u biex tiżgura li jkun hemm approċċ proattiv fir-rigward tal-ġlieda kontra delitti serji, f’konformità mal-istrateġija u mal-pjan ta’ azzjoni dwar l-attivitajiet tal-pulizija bbażati fuq l-intelligence. Il-kapaċità investigattiva tal-pulizija hija adegwata, iżda dik tad-dwana għandha tissaħħaħ. Il-kooperazzjoni bejn il-prosekuzzjoni u l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) għandha tittejjeb sabiex tiżgura li jkun hemm approċċ proattiv għat-tnedija ta’ investigazzjonijiet fir-rigward ta’ ġid inspjegabbli. Fl-2012 il-funzjonament tal-UIF u l-kooperazzjoni tagħha mal-pulizija marru għall-aħjar. Fl-2012 ġew stabbiliti l-pedamenti ta’ programm ġdid għall-protezzjoni tax-xhieda.

Ir-riżorsi biex tiġi implimentata l-politika ta’ kontra d-drogi tal-Kosovo mhumiex suffiċjenti, u ma hemmx approċċ ibbażat fuq l-intelligence. L-isforzi tal-Kosovo biex tfixkel it-traffikar tal-eroina mill-Afganistan għas-swieq tal-UE li jgħaddi mit-Turkija, u t-traffikar tal-kokaina mill-Amerika Latina għall-UE li jgħaddi mill-Montenegro u mill-Albanija, għadhom mhux adegwati. Il-Kosovo għadu qed jiffaċċja diffikultajiet fit-tnaqqis tal-kultivazzjoni u tat-traffikar tal-kannabis lejn l-UE. Fl-2012 is-sekwestri tad-drogi żdiedu, iżda l-ammont għadu modest; u s-segwitu ġudizzjarju tal-investigazzjonijiet għadu mhux adegwat.

Il-qafas legali u istituzzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin għadu qed jiġi żviluppat. Il-Kosovo għadu l-post ta’ oriġini u ta’ tranżitu għall-vittmi tat-traffikar. Tkompli x-xejra tat-traffikar tan-nisa lejn l-UE għall-isfruttament sesswali. It-traffikar tat-tfal bil-għan li joqogħdu jittalbu u l-migrazzjoni irregolari ffaċilitata, ġeneralment billi jintużaw dokumenti ffalsifikati jew foloz, għadhom kwistjonijiet li jqajmu tħassib kbir. Il-Kosovo qed jibqa’ jsofri minħabba t-traffikar ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir.

Il-Kosovo għandu qafas leġiżlattiv u istituzzjonali estensiv kontra l-korruzzjoni. L-aġenzija ta’ kontra l-korruzzjoni hija inkarigata mill-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar id-dikjarazzjoni tal-assi u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess. Madanakollu, il-kompetenzi esperti tagħha fl-identifikar u fis-segwitu tar-riskji ta’ korruzzjoni fis-settur pubbliku, inkluż permezz ta’ valutazzjonijiet tar-riskju f’setturi vulnerabbli, għadhom limitati. Żewġ korpi oħra għal kontra l-korruzzjoni għandhom rwoli u responsabbiltajiet iddupplikati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u dan jillimita l-effikaċja tagħhom f’dan it-tentattiv.

Minkejja li hemm liġi moderna dwar l-akkwist pubbliku, l-abbuż mill-proċeduri tal-akkwist pubbliku għadu jikkostitwixxi problema kbira fil-Kosovo. Il-liġi dwar il-finanzjament ta’ partiti politiċi ma tipprojbixxix li jsiru donazzjonijiet minn entitajiet legali li jipprovdu wkoll prodotti u servizzi lill-amministrazzjoni pubblika.

Skont l-istat attwali tal-iżvilupp leġiżlattiv u istituzzjonali, il-kapaċità tal-Kosovo biex jiġġieled b'mod effikaċi kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni għadha limitata, b'impatt potenzjalment sever fuq is-sigurtà interna tal-UE. Meta mqabbel mat-theddid li ġej mill-kriminalità organizzata u mill-korruzzjoni, it-terroriżmu li joriġina fil-Kosovo jidher li huwa ta’ theddida inqas kbira għas-sigurtà interna tal-UE.

Il-Kosovo huwa mħeġġeġ iqis ir-rakkomandazzjonijiet stipulati f’dan ir-rapport sabiex jillimita t-theddid għas-sigurtà interna tal-UE li jkun ġej mill-kriminalità organizzata u mill-korruzzjoni.

4.2. L-impatt migratorju tal-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo

Il-Kummissjoni kompliet tosserva l-ħames indikaturi tal-prestazzjoni stabbiliti fil-pjan direzzjonali għall-viża, jiġifieri r-rata ta’ rifjut ta’ viża, ir-rata ta’ rifjut ta’ dħul fiż-żona Schengen, l-għadd ta’ soġġorni illegali fl-Istati Membri tal-UE, l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil u l-għadd ta’ applikazzjonijiet għar-riammissjoni li ġew miċħuda. Matul id-djalogu dwar il-viżi, tnaqqis sostanzjali f’dawn l-indikaturi tal-prestazzjoni se jintuża bħala referenza indikattiva biex jiġi vvalutat l-impatt migratorju tal-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo.

Bejn l-2010 u l-2011, setgħu jiġu osservati x-xejriet segwenti:

– Ir-rata ta’ rifjut ta’ viża għaċ-ċittadini tal-Kosovo kienet tvarja konsiderevolment fiż-żona Schengen;

– L-għadd ta’ ċittadini tal-Kosovo li kienu rrifjutati dħul fl-Istati Membri tal-UE, irdoppja minn 315 għal 645;

– L-għadd ta’ ċittadini tal-Kosovo li nstabu li qed joqogħdu illegalment fl-Istati Membri naqas minn 5 060 għal 4 180;

– L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati miċ-ċittadini tal-Kosovo fl-Istati Membri naqas minn 14 325 għal 9 865, filwaqt li r-rata ta’ rikonoxximent, li hija ta’ 6 %, baqgħet pjuttost stabbli;

– L-għadd ta’ applikazzjonijiet għar-riammissjoni li ġew miċħuda u li huma pendenti naqas minn 243 għal 199.

It-tabelli 6.1 sa 6.6 fl-Anness juru d-dejta li fuqha ġew ibbażati dawn l-osservazzjonijiet:

– Skont ir-regoli attwali, il-viżi kollha għal soġġorni qosra maħruġa mill-Istati Membri għaċ-ċittadini tal-Kosovo huma viżi b’validità territorjali limitata (VTL)[30]. L-istatistika ppreżentata mill-Istati Membri u mill-Istati Assoċjati maż-żona Schengen fl-2011 ikkonfermaw varjazzjoni konsiderevoli fiż-żona Schengen: l-Isvizzera (16 288), il-Ġermanja (12 526), l-Italja (7 066) u l-Greċja (4 083) ħarġu l-ogħla numru ta’ viżi VTL għaċ-ċittadini tal-Kosovo;

– L-għadd ta’ ċittadini tal-Kosovo li kienu rrifjutati d-dħul fl-Istati Membri tal-UE żdied minn 315 għal 645 bejn l-2010 u l-2011, bi Franza u l-Ungerija fuq quddiem b’ċifri ogħla;

– L-għadd ta’ ċittadini tal-Kosovo li nstabu li qed joqogħdu illegalment fl-Istati Membri naqas minn 5 060 għal 4 180 bejn l-2010 u l-2011. Il-Ġermanja, Franza, l-Awstrija, l-Isvezja u l-Isvizzera rrappurtaw l-ogħla numru ta’ soġġorni illegali minn ċittadini tal-Kosovo;

– L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn ċittadini tal-Kosovo fl-Istati Membri naqas minn 14 325 għal 9 865 bejn l-2010 u l-2011. Franza, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Isvezja u l-Isvizzera komplew jirċievu l-ogħla numru ta’ applikazzjonijiet għall-ażil mill-Kosovo. Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-applikazzjonijiet għall-ażil, li kienet ta’ 5.7 % u 6 % fl-2010 u fl-2011 rispettivament, għall-ewwel, baqgħet pjuttost stabbli, li jindika li l-Istati Membri xorta taw xi forma ta’ protezzjoni internazzjonali lill-applikanti mill-Kosovo;

– L-għadd ta’ applikazzjonijiet għar-riammissjoni li ġew miċħuda naqas minn 243 għal 199 bejn l-2010 u l-2011[31]. L-għadd ta’ applikazzjonijiet għar-riammissjoni li huma pendenti naqas minn 1 572 għal 903 bejn l-2010 u l-2011. Il-Ġermanja u l-Belġju baqgħu jirrappurtaw l-ogħla numru ta’ applikazzjonijiet għar-riammissjoni mill-Kosovo li ġew miċħuda u li huma pendenti.

Il-Kosovo huwa mħeġġeġ iqis is-sett ta’ rakkomandazzjonijiet stipulati f’dan ir-rapport sabiex jimmitiga l-impatt migratorju potenzjali fuq l-UE ta' reġim ħieles mill-ħtieġa ta’ viżi mal-Kosovo.

5. Ir-rakkomandazzjonijiet għall-Kosovo

Sabiex tkompli tibni fuq il-valutazzjoni tal-kapitli preċedenti dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża u bla ħsara għall-pożizzjoni tal-Istati Membri tal-UE dwar l-istatus, il-Kummissjoni tirrikkmanda li l-awtoritajiet tal-Kosovo jieħdu azzjoni adegwata fl-oqsma li ġejjin:

5.1. Ir-riammissjoni

– Idaħħlu mill-ġdid, mill-Istati Membri kollha tal-UE, liċ-ċittadini tal-Kosovo, lil nazzjonali minn pajjiżi terzi u lil persuni apolidi li m’għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' dħul u ta' soġġorn f'dawk l-istati;

– Jimplimentaw il-liġi dwar ir-riammissjoni;

– Ikomplu jinnegozjaw ftehimiet dwar ir-riammissjoni mal-Istati Membri interessati u mal-pajjiżi ta’ tranżitu ewlenin u mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-migrazzjoni irregolari lejn il-Kosovo;

– Inaqqsu l-għadd ta’ talbiet ta’ riammissjoni pendenti mill-Istati Membri kollha, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar ir-riammissjoni jew ta’ ftehimiet bilaterali dwar ir-riammissjoni;

– Itejbu l-iskambju ta’ dejta mal-awtoritajiet tal-Istati Membri rigward il-ħtiġijiet speċjali tal-persuni ripatrijati, inkluż il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

– Jikkorraboraw l-istatistika nazzjonali tar-riammissjoni ma’ dawk tal-Istati Membri tal-UE;

5.2. Ir-riintegrazzjoni

– Jimpenjaw u jiżborżaw il-fond għar-riintegrazzjoni;

– Jipprovdu dejta finanzjarja trasparenti dwar l-impenji u l-pagamenti minn dan il-fond;

– Jibdlu l-enfasi tal-programm ta' riintegrazzjoni minn fuq servizzi ta' riintegrazzjoni ta’ emerġenza għal fuq servizzi ta' riintegrazzjoni sostenibbli;

– Iżidu l-għadd ta' benefiċjarji mill-programm ta' riintegrazzjoni;

– Isaħħu r-rwol tal-koordinaturi reġjonali u tal-kumitati ta’ riintegrazzjoni muniċipali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet finanzjarji;

– Jistabbilixxu sistema għall-ġestjoni tal-każijiet li tirreġistra l-aċċess tal-persuni ripatrijati għas-servizzi ta’ riintegrazzjoni;

5.3. Is-sigurtà tad-dokumenti

– Jemendaw il-liġi dwar l-ismijiet personali biex jippermettu li jsiru reġistrazzjonijiet ta’ ismijiet bl-alfabett Ċirilliku; jiżguraw l-applikazzjoni stretta ta’ din il-liġi biex jeliminaw bidliet frodulenti fl-ismijiet; jivverifikaw l-identità ta’ dawk kollha li japplikaw għal bidla fl-isem;

– Jemendaw il-leġiżlazzjoni sekondarja dwar l-applikazzjonijiet għad-dokumenti tal-ivvjaġġar biex jiżguraw li jittieħdu l-marki tas-swaba’ tal-applikanti kollha li jkollhom aktar minn tnax-il sena;

– Jiżguraw li l-produzzjoni u l-ħruġ tal-karti tal-identità bijometriċi jkunu f’konformità sħiħa mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

– Ipoġġu fil-prattika s-sistema tal-istatus ċivili l-ġdida; jiżguraw l-affidabbiltà tar-reġistru ċentrali uniku tal-istatus ċivili billi jtejbu l-kwalità tad-dejta; jaġġornaw u jqabblu l-entrati kollha tad-dejta u jwettqu kontroreferenzi tagħhom; jeliminaw l-inkonsistenzi bejn il-bażijiet tad-dejta; u jsaħħu l-proċeduri tal-awditjar;

– Jiżguraw l-integrità tal-proċess tar-reġistrazzjoni ċivili billi jinvestigaw il-każijiet kollha ta’ korruzzjoni; jimplimentaw il-kodiċi tal-etika; jgħaddu lill-ħaddiema kollha tal-aġenzija responsabbli mir-reġistrazzjonijiet ċivili, tal-uffiċċji muniċipali tal-istatus ċivili u taċ-ċentri muniċipali għar-reġistrazzjonijiet ċivili minn skrutinju u jħarrġuhom;

5.4. Il-ġestjoni tal-fruntieri/konfini

– Jabbozzaw liġi dwar il-kooperazzjoni ta’ bejn l-aġenziji li tiddefinixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet pubbliċi kollha involuti fil-ġestjoni integrata tal-fruntieri/konfini;

– Jemendaw id-definizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet korrespondenti tal-liġi dwar il-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri u l-leġiżlazzjoni sekondarja f’konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen;

– Jiżguraw it-tħaddim tas-sistema tal-ġestjoni tal-fruntieri;

– Jikkonkludu ftehimiet dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi mal-pajjiżi ġirien kollha, inklużi l-kooperazzjoni operazzjonali u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bl-iskop li jiġu pprevenuti u miġġielda l-migrazzjoni irregolari u l-kriminalità transfruntiera;

– Jemendaw l-istrateġija tal-IBM abbażi tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2006, tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u tal-Katalogu ta’ Schengen biex tkopri l-elementi ewlenin kollha tal-IBM;

– Joħolqu l-punti ta’ qsim interim u permanenti skont kif skedat, f’konformità mal-Konklużjonijiet Miftiehma tal-IBM tat-2 ta’ Diċembru 2011 u b’mod koordinat; jimplimentaw id-dispożizzjonijiet fuq l-iskambju tal-informazzjoni fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, l-assistenza legali reċiproka u l-iskambju tal-informazzjoni doganali; jiskambjaw persuna ta’ kollegament mas-Serbja;

– F’koordinazzjoni mal-Montenegro, jiddelinjaw il-fruntiera reċiproka;

– Jesploraw il-modalitajiet tal-kooperazzjoni mal-FRONTEX;

5.5. Il-ġestjoni tal-migrazzjoni

– Jemendaw il-lista tal-kundizzjonijiet tad-dħul u l-obbligi tat-trasportaturi fil-liġi dwar il-barranin u fil-liġi dwar il-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri, f’konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen;

– Jemendaw il-liġi dwar il-barranin, il-liġi dwar il-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri u l-leġiżlazzjoni sekondarja korrespondenti sabiex il-ħruġ tal-viżi fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri/konfini jkun konformi mal-Kodiċi dwar il-Viżi;

– Jarmonizzaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-barranin u tal-liġi dwar l-għoti ta’ permess tax-xogħol u l-impjieg fuq il-permessi tax-xogħol u l-permessi tas-soġġorn;

– Jemendaw il-liġi dwar il-barranin biex id-dispożizzjonijiet tagħha jissodisfaw l-elementi essenzjali tal-acquis tal-UE dwar il-migrazzjoni legali u irregolari;

– F’konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta, jemendaw il-liġi dwar il-barranin biex jirregolaw l-ipproċessar, l-aċċess u l-kondiviżjoni tad-dejta fuq il-migrazzjoni u l-ażil min-naħa tal-awtoritajiet;

– Jikkompletaw l-istrateġija l-ġdida dwar il-migrazzjoni li tinvolvi lill-partijiet interessati kompetenti kollha, anke billi jiżviluppaw profil ta’ migrazzjoni għall-Kosovo;

5.6. L-Ażil

– Jemendaw il-liġi dwar l-ażil biex id-dispożizzjonijiet tagħha jikkonformaw mal-elementi essenzjali tal-acquis tal-UE dwar l-ażil u mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra;

– Jinvestigaw l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-ġestjoni tal-faċilitajiet tal-ażil u tal-akkomodazzjonijiet tal-kiri għall-persuni ripatrijati;

– Jesploraw il-modalitajiet tal-kooperazzjoni mal-EASO;

5.7. Il-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata, tal-korruzzjoni u tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrihom

– Jimplimentaw ir-riforma tas-sistema tal-ġustizzja kriminali b’tali mod li jtejjeb l-indipendenza, l-effikaċja, ir-responsabbiltà u l-imparzjalità tal-ġudikatura, inkluż billi jiddedika biżżejjed riżorsi biex titħaddem is-sistema l-ġdida tal-qorti;

– Jipprevjenu l-interferenza politika fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ delitti u fid-deċiżjoni li tittieħed dwarhom; jiżguraw li r-reklutaġġ, l-iskrutinju u l-ħatra tal-imħallfin u l-prosekuturi jkunu trasparenti; jinfurzaw azzjoni dixxiplinarja fil-każijiet kollha ta’ korruzzjoni fil-ġudikatura;

– Inaqqsu l-volum ta’ kawżi pendenti fil-qorti li li waqgħu lura.

– Jiċċaraw id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi kriminali li jikkonċernaw reati ta’ korruzzjoni; jallinjaw id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar it-tkeċċija tal-barranin mal-liġi dwar il-barranin; jinkorporaw l-iskambju tal-informazzjoni ma’ pajjiżi terzi fid-dispożizzjonijiet dwar il-kondotti;

– Jiċċaraw diversi dispożizzjonijiet tal-kodiċi tal-proċedura kriminali, inklużi d-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu u dawk dwar id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda ta’ qabel il-proċess quddiem il-qorti, biex dawn ma jillimitawx l-ammissibbiltà tal-evidenza;

– Jikkunsidraw li, fit-tieni nofs tal-2013, iwettqu analiżi ġenerali tal-funzjonament tas-sistema tal-ġustizzja kriminali li ġiet ristrutturata, li tkun tinkludi valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar il-qrati, tal-liġi l-ġdida dwar il-prosekuzzjoni, tal-kodiċi kriminali l-ġdid u tal-kodiċi tal-proċedura kriminali l-ġdid;

– Jistabbilixxu rekord tal-investigazzjonijiet, tal-prosekuzzjonijiet u tas-sentenzi finali tal-qorti f’kawżi li jikkonċernaw il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, inklużi t-traffikar tad-drogi, it-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tal-armi u l-ħasil tal-flus;

– Iżommu l-kompetenzi esklużivi u sussidjarji tal-Prosekuzzjoni Speċjali;

– Jieħdu inkunsiderazzjoni emendi futuri għal-leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroristi fir-rigward ta’ taħriġ speċjalizzat u indikaturi statistiċi;

– Jadottaw l-abbozz tal-liġi li tistabbilixxi setgħat estiżi għall-konfiska tal-assi;

– Jabbozzaw liġi dwar it-traffikar tal-bnedmin;

– Jimplimentaw il-liġi dwar l-akkwist pubbliku;

– Jemendaw il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi b'mod li jkun jirregola strettament ir-regoli dwar id-donazzjonijiet u li jkun jiċċara l-obbligi ta' rappurtar tal-partiti politiċi;

– Jadottaw il-leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa biex jiġu implimentati l-liġi dwar il-pulizija u l-liġi dwar l-ispettorat tal-pulizija;

– Jiżguraw li l-leġiżlazzjoni futura dwar l-interċettazzjoni tagħmel distinzjoni ċara bejn l-interċettazzjoni ġudizzjarja u l-interċettazzjoni għas-servizzi tal-intelligence, f’konformità mal-aħjar prassi Ewropea, filwaqt li d-dispożizzjonijiet għaż-żamma ta’ dejta għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi jikkonformaw mal-acquis tal-UE dwar iż-żamma ta’ dejta;

– Jadottaw il-leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tax-xhieda; jimplimentaw il-ftehim internazzjonali għar-rilokazzjoni tax-xhieda;

– Jiċċaraw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-korpi kollha ta’ kontra l-korruzzjoni fil-Kosovo; jikkunsidraw jekk hemmx bżonn ta’ riżorsi addizzjonali biex l-aġenzija ta’ kontra l-korruzzjoni taqdi dmirijietha;

– Jimplimentaw l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni kollha fil-qasam tal-ordni pubblika u tas-sigurtà, inklużi l-istrateġiji u l-pjan ta’ azzjoni l-ġodda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

5.8. Il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi

– Jikkonkludu l-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi mal-pajjiżi ġirien u mal-Istati Membri tal-UE interessati, biex potenzjalment ikopru l-iskambju ta’ dejta strateġika u operazzjonali, inklużi l-kondotti, f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta;

– Itejbu l-kooperazzjoni operazzjonali fl-infurzar tal-liġi mal-pajjiżi ġirien u mal-Istati Membri tal-UE interessati;

– Jieħdu inkunsiderazzjoni li jikkonkludu arranġament tekniku mal-EULEX dwar l-iskambju tal-informazzjoni u tal-intelligence kriminali;

– Jesploraw modalitajiet ta’ kooperazzjoni mal-EUROPOL, mal-INTERPOL u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi;

5.9. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali

– Jemendaw il-liġi dwar il-kooperazzjoni legali internazzjonali f’konformità mal-acquis tal-UE u mal-konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa relevanti; jikkunsidraw li jirratifikaw il-konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa relevanti kollha fil-qasam tal-assistenza legali reċiproka fi kwistjonijiet kriminali;

– Jikkonkludu ftehimiet dwar l-assistenza legali reċiproka fi kwistjonijiet kriminali mal-istati ġirien u mal-Istati Membri tal-UE interessati;

– Jesploraw il-modalitajiet ta’ kooperazzjoni mal-EUROJUST;

5.10. Il-protezzjoni tad-dejta

– Jiċċaraw il-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjonijiet li japplikaw għad-dritt tal-aċċess tal-persuni kkonċernati għad-dejta personali u għad-dritt tagħhom li jissuplimentaw, jikkoreġu jew iħassru din id-dejta;

– Jimplimentaw il-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-leġiżlazzjoni sekondarja tagħha;

– Jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta li tiggarantixxi l-indipendenza tas-superviżur kap tal-aġenzija għall-protezzjoni tad-dejta;

– Jiżguraw li, fil-futur, l-aġenzija għall-protezzjoni tad-dejta tiġi kkonsultata dwar l-abbozzi kollha ta’ leġiżlazzjoni li jkunu jikkonċernaw l-ipproċessar tad-dejta personali;

5.11. Id-drittijiet fundamentali relatati mal-moviment liberu

– Jemendaw il-liġi ta’ kontra d-diskriminazzjoni biex jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet tagħha; jinfurzaw il-qafas ta’ kontra d-diskriminazzjoni għan-nisa, għall-membri tal-komunità tal-LGBT u għall-persuni b’diżabbiltà;

– Jemendaw il-liġi dwar il-barranin biex tissaħħaħ l-integrazzjoni soċjoekonomika tar-refuġjati; jemendaw il-liġi dwar iċ-ċittadinanza biex jiffaċilitaw il-kisba taċ-ċittadinanza għar-refuġjati;

– Jabbozzaw strateġija u pjan ta’ azzjoni ġodda dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali;

– Jimplimentaw u jinfurzaw l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni dwar l-integrazzjoni tal-minoranzi tar-Rom, tal-Ashkali u tal-Eġizzjani;

– Jimplimentaw, f’koordinazzjoni mas-Serbja, il-ftehim dwar il-moviment liberu;

– Jinvestigaw u jressqu d-delitti kollha b’motivi ta’ etniċità quddiem il-qorti;

– Jiżguraw il-funzjonament tal-kunsilli tas-sikurezza tal-komunitajiet muniċipali mal-Kosovo kollu.

6. Statistika 6.1. Applikazzjonijiet għal viżi taż-żona Schengen għal terminu qasir fi Prishtinë/Prishtina, Kosovo, 2010-2011

Sena || Kategorija tal-viża || Il-Belġju || Il-Ġermanja || Il-Greċja || Il-Finlandja || L-Ungerija || L-Italja || Is-Slovenja || L-Isvizzera || In-Norveġja || Total

2010 || Viżi A maħruġa || - || 0 || - || - || - || - || - || - || 0 || 0

Viżi B maħruġa || 1 || 1 || 19 || - || 10 || 2 || 1 || - || 0 || 34

Viżi C maħruġa (inklużi l-viżi għal dħul multiplu -MEV) || 2,128 || 13,283 || 5,099 || 17 || 2,767 || 345 || 2,493 || 3,147 || 532 || 29,811

Viżi C multipli maħruġa || 726 || 1,214 || - || 52 || 1,834 || 2,357 || 2,482 || - || 69 || 8,734

Applikazzjonijiet għal viżi C || 2,942 || 17,079 || 5,477 || 742 || 3,968 || 1,038 || 3,073 || 4,668 || 759 || 39,746

Total ta’ viżi A, B, C maħruġa || 2,129 || 13,284 || 5,118 || 17 || 2,777 || 347 || 2,494 || 3,147 || 532 || 29,845

Total ta’ applikazzjonijiet għal viżi A, B, C || 2,945 || 17,080 || 5,496 || 742 || 3,981 || 1,040 || 3,073 || 4,668 || 759 || 39,784

Total ta’ viżi A, B, C mhux maħruġa || 816 || 3,796 || 378 || 725 || 1,175 || 693 || 579 || 1,521 || 227 || 9,910

Rata ta’ viżi A, B, C mhux maħruġa || 27.71% || 22.22% || 6.88% || 97.71% || 29.52% || 66.63% || 18.84% || 32.58% || 29.91% || 24.91%

Total ta' viżi VTL maħruġa || 5 || 11,629 || 3,749 || 563 || 8 || 4,301 || 3 || 12,305 || 519 || 33,082

Viżi D maħruġa || 135 || 3,585 || 39 || - || 160 || 3,087 || 35 || 2,481 || 17 || 9,539

Viżi “D+C” maħruġa || - || - || - || - || - || - || - || 3 || 0 || 3

Total ta’ viżi A, B, C, VTL, D, “D+C” maħruġa || 2,269 || 28,498 || 8,906 || 580 || 2,945 || 7,735 || 2,532 || 17,936 || 1,068 || 72,469

Rata ta’ viżi VTL maħruġa / viżi B+C maħruġa || 0.23% || 87.54% || 73.25% || 3311.76% || 0.29% || 1239.48% || 0.12% || 391.01% || 97.56% || 110.8%

2011 || Viżi A maħruġa || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Viżi C maħruġa (inklużi l-MEV) || 1,647 || 1,281 || 565 || 7 || 2,937 || 258 || 2,804 || 416 || 637 || 10,552

Viżi C multipli maħruġa || 436 || 1,063 || 190 || 92 || 1,786 || 258 || 2,790 || 174 || 101 || 6,890

Applikazzjonijiet għal viżi C || 2,735 || 6,170 || 725 || 916 || 4,152 || 2,037 || 3,884 || 5,099 || 820 || 26,538

Viżi C mhux maħruġa || 1,088 || 4,889 || 160 || 909 || 1,215 || 1,779 || 1,080 || 4,683 || 183 || 15,986

Total ta’ viżi A, C maħruġa || 1,647 || 1,281 || 565 || 7 || 2,937 || 258 || 2,804 || 416 || 637 || 10,552

Total ta’ applikazzjonijiet għal viżi A, C || 2,735 || 6,170 || 725 || 916 || 4,152 || 2,037 || 3,884 || 5,099 || 820 || 26,538

Total ta’ viżi A, C mhux maħruġa || 1,088 || 4,889 || 160 || 909 || 1,215 || 1,779 || 1,080 || 4,683 || 183 || 15,986

Rata ta’ viżi A, C mhux maħruġa || 39.78% || 79.24% || 22.07% || 99.24% || 29.26% || 87.33% || 27.81% || 91.84% || 22.32% || 60.2%

Total ta' viżi VTL maħruġa || - || 12,526 || 4,083 || 769 || 1 || 7,066 || - || 16,288 || 630 || 41,343

Total ta’ viżi A, C, VTL maħruġa || 1,647 || 13,807 || 4,648 || 776 || 2,938 || 7,324 || 2,804 || 16,684 || 1,267 || 51,895

Rata ta’ viżi VTL maħruġa / viżi C maħruġa || 0.00% || 977.83% || 722.65% || 10,985.71% || 0.03% || 2,738.76% || 0.00% || 3910,58% || 98.90% || 391.8%

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Interni

6.2. Ċittadini tal-Kosovo li kienu rrifjutati d-dħul mal-fruntieri esterni taż-żona Schengen, 2009-2011

L-Istat Membru jew l-Istat Assoċjat || 2009 || 2010 || 2011

Il-Belġju || 0 || 5 || 40

Il-Bulgarija || 45 || 70 || 50

Ir-Repubblika Ċeka || 5 || 0 || 5

Id-Danimarka || 0 || 0 || 0

Il-Ġermanja || 45 || 60 || 50

L-Estonja || 0 || 0 || 0

L-Irlanda || 5 || 0 || 5

Il-Greċja || 140 || 90 || 75

Spanja || 0 || 0 || 0

Franza || 70 || 30 || 280

L-Italja || 0 || 20 || 35

Ċipru || 0 || 0 || 0

Il-Latvja || 0 || 0 || 0

Il-Litwanja || 0 || 0 || 0

Il-Lussemburgu || 0 || - || 0

L-Ungerija || 5 || 10 || 85

Malta || 0 || 0 || 0

Il-Pajjiżi l-Baxxi || 5 || 0 || 5

L-Awstrija || 15 || 10 || 15

Il-Polonja || 0 || 0 || 0

Il-Portugall || 0 || 0 || 0

Ir-Rumanija || 0 || - || 0

Is-Slovenja || 0 || 0 || 0

Is-Slovakkja || 0 || 0 || 0

Il-Finlandja || 0 || 0 || 0

L-Isvezja || 0 || 0 || 0

Ir-Renju Unit || 50 || 20 || 0

L-Islanda || 0 || - || -

Il-Liechtenstein || 10 || 5 || 0

In-Norveġja || 0 || 0 || 0

L-Isvizzera || 40 || 45 || 45

Total (UE-27) || 385 || 315 || 645

Medja (UE-27) || 14 || 13 || 24

Devjazzjoni standard (UE-27) || 31 || 24 || 56

Sors: Kalkulazzjoni tal-EUROSTAT u tad-DĠ għall-Affarijiet Interni

6.3. Ċittadini tal-Kosovo misjuba li kienu qed joqogħdu illegalment fl-Istati Membri tal-UE, 2009-2011

L-Istat Membru jew l-Istat Assoċjat || 2009 || 2010 || 2011

Il-Belġju || 75 || 90 || 250

Il-Bulgarija || 10 || 20 || 5

Ir-Repubblika Ċeka || 10 || 15 || 20

Id-Danimarka || 0 || 5 || 0

Il-Ġermanja || 1,605 || 1,935 || 1,715

L-Estonja || 0 || 0 || 0

L-Irlanda || 50 || 35 || 15

Il-Greċja || 45 || 30 || 25

Spanja || 0 || 0 || 0

Franza || 835 || 575 || 630

L-Italja || 5 || 40 || 15

Ċipru || 0 || 0 || 0

Il-Latvja || 0 || 0 || 0

Il-Litwanja || 0 || 0 || 0

Il-Lussemburgu || 75 || 80 || -

L-Ungerija || 20 || 20 || 50

Malta || 0 || 0 || 0

Il-Pajjiżi l-Baxxi || 25 || 20 || 20

L-Awstrija || 1,390 || 740 || 530

Il-Polonja || 0 || 5 || 10

Il-Portugall || 0 || 0 || 0

Ir-Rumanija || 0 || 0 || 0

Is-Slovenja || 0 || 0 || 0

Is-Slovakkja || 0 || 0 || 0

Il-Finlandja || 250 || 0 || 0

L-Isvezja || - || 1,335 || 810

Ir-Renju Unit || 185 || 115 || 85

L-Islanda || 0 || - || -

Il-Liechtenstein || - || 0 || -

In-Norveġja || 0 || - || 0

L-Isvizzera || 0 || 0 || 1,285

Total (UE-27) || 4,580 || 5,060 || 4,180

Medja (UE-27) || 176 || 187 || 161

Devjazzjoni standard (UE-27) || 417 || 451 || 376

Sors: Kalkulazzjoni tal-EUROSTAT u tad-DĠ għall-Affarijiet Interni

6.4. Applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn ċittadini tal-Kosovo, 2009-2011

L-Istat Membru jew l-Istat Assoċjat || 2009 || 2010 || 2011

Il-Belġju || 2,515 || 3,230 || 2,320

Il-Bulgarija || 0 || 0 || 0

Ir-Repubblika Ċeka || 20 || 5 || 5

Id-Danimarka || 120 || 160 || 135

Il-Ġermanja || 1,900 || 2,205 || 1,885

L-Estonja || 0 || 0 || 0

L-Irlanda || 30 || 15 || 10

Il-Greċja || 10 || 0 || 0

Spanja || 0 || 0 || 0

Franza || 4,580 || 5,285 || 3,240

L-Italja || 290 || 300 || 110

Ċipru || 0 || 0 || 0

Il-Latvja || 0 || 0 || 0

Il-Litwanja || 0 || 0 || 0

Il-Lussemburgu || 130 || 160 || 140

L-Ungerija || 1,785 || 380 || 210

Malta || 0 || 0 || 0

Il-Pajjiżi l-Baxxi || 45 || 60 || 30

L-Awstrija || 1,305 || 610 || 340

Il-Polonja || 0 || 0 || 0

Il-Portugall || 0 || 0 || 0

Ir-Rumanija || 0 || 0 || 0

Is-Slovenja || 30 || 20 || 20

Is-Slovakkja || 0 || 0 || 0

Il-Finlandja || 240 || 140 || 75

L-Isvezja || 1,235 || 1,715 || 1,320

Ir-Renju Unit || 40 || 40 || 25

L-Islanda || 0 || 0 || 0

Il-Liechtenstein || 5 || 5 || 20

In-Norveġja || 0 || 245 || 145

L-Isvizzera || 695 || 600 || 660

Total (UE-27) || 14,275 || 14,325 || 9,865

Medja (UE-27) || 529 || 531 || 365

Devjazzjoni standard (UE-27) || 1,053 || 1,206 || 812

Sors: Kalkulazzjoni tal-EUROSTAT u tad-DĠ għall-Affarijiet Interni

6.5. Deċiżjonijiet tal-prim istanza dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn ċittadini tal-Kosovo, 2009-2011

Stat Membru jew Stat Assoċjat || Deċiżjonijiet totali || Deċiżjonijiet pożittivi || Rata ta’ rikonoxximent

2009 || 2010 || 2011 || 2009 || 2010 || 2011 || 2009 || 2010 || 2011

Il-Belġju || 1,065 || 1,820 || 2,760 || 115 || 140 || 240 || 10.8% || 7.7% || 8.7%

Il-Bulgarija || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Ir-Repubblika Ċeka || 20 || 10 || 0 || 5 || 0 || 0 || 25% || 0 || 0

Id-Danimarka || 70 || 150 || 140 || 15 || 35 || 25 || 21.4% || 23.3% || 17.9%

Il-Ġermanja || 1,355 || 2,255 || 1.850 || 75 || 90 || 50 || 5.5% || 4% || 2.7%

L-Estonja || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

L-Irlanda || 30 || 15 || 10 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Il-Greċja || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Spanja || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Franza || 2,460 || 3,480 || 3.395 || 110 || 105 || 100 || 4.5% || 3% || 2.9%

L-Italja || 255 || 335 || 220 || 75 || 80 || 95 || 29.4% || 23.9% || 43.2%

Ċipru || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Il-Latvja || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Il-Litwanja || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Il-Lussemburgu || - || 90 || 90 || - || 5 || 5 || 0 || 5.6% || 5.6%

L-Ungerija || 650 || 85 || 135 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Malta || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Il-Pajjiżi l-Baxxi || 25 || 55 || 35 || 5 || 0 || 0 || 20 || 0 || 0

L-Awstrija || 1,115 || 665 || 365 || 80 || 70 || 35 || 7.2% || 10.5% || 9.6%

Il-Polonja || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Il-Portugall || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Ir-Rumanija || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Is-Slovenja || 25 || 25 || 20 || 10 || 0 || 0 || 40% || 0 || 0

Is-Slovakkja || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Il-Finlandja || 85 || 215 || 85 || 10 || 15 || 5 || 11.8% || 7% || 5.9%

L-Isvezja || 1,300 || 975 || 1.200 || 105 || 35 || 50 || 8.1% || 3.6% || 4.2%

Ir-Renju Unit || 45 || 40 || 20 || 15 || 5 || 10 || 33.3% || 12.5% || 50%

L-Islanda || - || 0 || 0 || - || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Il-Liechtenstein || 5 || 0 || 5 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

In-Norveġja || 0 || 245 || 125 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

L-Isvizzera || 245 || 370 || 255 || 45 || 80 || 55 || 18.4% || 21.6% || 21.6%

Total (UE-27) || 8,500 || 10,215 || 10,325 || 620 || 580 || 615 || 7.3% || 5.7% || 6%

Medja (UE-27) || 315 || 378 || 382 || 23 || 21 || 23 || || ||

Devjazzjoni standard (UE-27) || 602 || 822 || 867 || 39 || 39 || 51 || || ||

Sors: Kalkulazzjoni tad-DĠ għall-Affarijiet Interni bbażata fuq id-dejta tal-EUROSTAT

6.6. Applikazzjonijiet ta’ riammissjoni pproċessati mill-Kosovo, 2009-2011

Sena || L-Istat Membru jew l-Istat Assoċjat || Total ta’ applikazzjonijiet ta’ riammissjoni || Applikazzjonijiet miċħuda || Applikazzjonijiet pendenti || Ripatrijazzjonijiet

2009 || Il-Belġju || 58 || 12 || 14 || 32

Il-Bulgarija || 0 || 0 || 0 || 0

Il-Ġermanja || 2,385 || 91 || 1,753 || 541

Franza || 500 || 24 || 0 || 476

L-Italja || 80 || - || 3 || 77

L-Ungerija || - || - || || 133

L-Awstrija || - || - || || 234

Is-Slovenja || 85 || - || 10 || 75

Is-Slovakkja || 0 || 0 || 0 || 0

In-Norveġja || - || - || || 125

L-Isvizzera || 403 || 35 || 0 || 368

Total || 3,511 || 162 || 1,780 || 2,061

2010 || Il-Belġju || 61 || 3 || 18 || 40

Il-Bulgarija || 0 || 0 || 0 || 0

Ir-Repubblika Ċeka || 7 || 0 || 0 || 7

Il-Ġermanja || 2,339 || 197 || 1,536 || 606

Franza || 522 || 21 || 4 || 497

L-Italja || 65 || - || 1 || 64

L-Ungerija || - || - || || 60

L-Awstrija || - || - || || 253

Is-Slovenja || 68 || - || 13 || 55

Is-Slovakkja || 0 || 0 || 0 || 0

In-Norveġja || - || - || || 103

L-Isvizzera || 419 || 22 || 0 || 397

Total || 3,481 || 243 || 1,572 || 2,082

2011 || Il-Belġju || 365 || 17 || 50 || 298

Il-Bulgarija || 0 || 0 || 0 || 0

Ir-Repubblika Ċeka || 1 || 0 || 0 || 1

Il-Ġermanja || 1,483 || 155 || 832 || 496

Franza || 372 || 9 || 9 || 354

L-Italja || 77 || - || 2 || 75

L-Ungerija || - || - || || 62

L-Awstrija || - || - || || 140

Is-Slovenja || 35 || - || 10 || 25

Is-Slovakkja || 0 || 0 || 0 || 0

In-Norveġja || - || - || || 100

L-Isvizzera || 259 || 18 || 0 || 241

Total || 2,592 || 199 || 903 || 1,792

2012 || Il-Belġju || 355 || 14 || 104 || 237

Il-Ġermanja || 691 || 80 || 302 || 309

Il-Greċja || 21 || 0 || 0 || 21

Franza || 226 || 10 || 8 || 208

L-Italja || 39 || - || 0 || 39

L-Ungerija || - || - || || 64

Il-Pajjiżi l-Baxxi || 18 || 1 || 7 || 10

L-Awstrija || - || - || || 94

Is-Slovenja || 15 || - || 8 || 7

L-Isvezja || 489 || 15 || 0 || 474

In-Norveġja || - || - || || 50

L-Isvizzera || 225 || 11 || 0 || 214

Total || 2,079 || 131 || 429 || 1,253

Sors: L-Istati Membri tal-UE u l-Istati Assoċjati

*               Dan l-isem huwa bla ħsara għall-pożizzjonijiet dwar status, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/99 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo.

[1]               L-Awstrija, l-Istati tal-BENELUX (fi ftehim konġunt), il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, Malta, is-Slovenja, l-Isvezja, in-Norveġja, l-Isvizzera, l-Albanija u l-Montenegro kkonkludew ftehimiet ta’ riammissjoni mal-Kosovo.

[2]               Il-Kosovo inizjala ftehimiet ta’ riammissjoni mal-Estonja u mal-Kroazja u ta bidu għal negozjati mal-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u t-Turkija.

[3]               Ir-riintegrazzjoni hija sostnuta wkoll mill-istrateġija għall-komunitajiet u r-ripatrijazzjoni u mill-istrateġija għall-integrazzjoni tal-komunitajiet tar-Rom, tal-Ashkali u dawk Eġizzjani.

[4]               Fi tlieta mit-38 muniċipalità tal-Kosovo, għad ma hemmx tali uffiċċji muniċipali għall-komunitajiet u r-ripatrijazzjoni

[5]               Dawn l-istandards huma stabbiliti fid-Dokument tal-ICAO Nru 9303 (Parti 1) tal-Anness 9 ta’ mal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

[6]               Dawn l-istandards huma stabbiliti fid-Dokument tal-ICAO Nru 9303 (Parti 3) tal-Anness 9 ta’ mal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

[7]               Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen (ir-Regolament 562/2006)

[8]               Ir-Regolament dwar it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera (ir-Regolament 1931/2006)

[9]               Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen (ir-Regolament 562/2006); il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 u l-5 ta’ Diċembru 2006; il-Katalogu ta’ Schengen dwar il-Kontroll tal-Fruntiera Esterna, ir-Ripatrijazzjoni u r-Riammissjoni

[10]             Il-Kosovo għandu ftehim ta’ kooperazzjoni doganali mal-Montenegro u ftehim ta’ kooperazzjoni tal-pulizija mal-Kroazja.

[11]             Id-Direttiva dwar il-Permess Uniku (id-Direttiva 2011/98/UE); id-Direttiva dwar il-kondizzjonijiet ta' ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju u ta’ taħriġ (id-Direttiva 2004/114/KE); id-Direttiva dwar l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka (id-Direttiva 2005/71/KE); id-Direttiva dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (id-Direttiva 2003/86/KE); id-Direttiva dwar ir-residenti għat-tul (id-Direttiva 2003/109/KE); id-Direttiva dwar il-permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti (id-Direttiva 2004/81/KE)

[12]             Id-Direttiva dwar ir-ritorn (id-Direttiva 2008/115/KE); id-Direttiva fuq l-għajnuna f'każijiet ta’ tneħħija bl-ajru (id-Direttiva 2003/110/KE); id-Direttiva li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali (id-Direttiva 2009/52/KE)

[13]             Iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE ma jirrikjedux viża skont ir-reġim tal-viża l-ġdid ppjanat għall-Kosovo.

[14]             Il-Kodiċi dwar il-Viżi (ir-Regolament 810/2009)

[15]             Id-Direttiva li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati (id-Direttiva 2002/90/KE)

[16]             Id-Direttiva dwar il-kondizzjonijiet ta' akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil (id-Direttiva 2003/9/KE), id-Direttiva dwar il-Kwalifiki (id-Direttiva 2004/83/KE u d-Direttiva ta’ Riformulazzjoni 2011/95/KE), id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil (id-Direttiva 2005/85/KE) u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (id-Direttiva 2001/55/KE)

[17]             cf. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-Assistenza tal-Unjoni Ewropea lill-Kosovo relatata mal-Istat tad-Dritt, ir-Rapport Speċjali Nru 18, 2012

[18]             Il-kompetenzi esklużivi jinkludu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’, inter alia, atti terroristiċi, delitti marbuta mal-gwerra, kriminalità organizzata u ħasil tal-flus.

[19]             Il-kompetenzi sussidjarji jinkludu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’, inter alia, kutrabandu ta’ migranti, traffikar tal-bnedmin, traffikar tad-drogi, logħob tal-azzard illegali, evażjoni tat-taxxa, traffikar tal-armi, abbużi minn karigi uffiċjali, tixħim u frodi fit-twettiq ta’ karigi uffiċjali.

[20]             Dawn il-pajjiżi jinkludu s-segwenti: is-Slovenja, il-Kroazja, l-Albanija, il-Montenegro, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, San Marino u t-Turkija.

[21]             Id-Direttiva 2002/58/KE, l-Artikolu 15(1)

[22]             Id-Direttiva 2006/24/KE

[23]             Dawn il-pajjiżi jinkludu s-segwenti: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Isvezja, ir-Renju Unit, l-Isvizzera, il-Kanada, l-Istati Uniti u l-Arabja Sawdija.

[24]             Dawn il-pajjiżi jinkludu s-segwenti: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Latvja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, l-Isvezja, il-Kroazja, l-Isvizzera, in-Norveġja u t-Turkija.

[25]             Dawn l-istrumenti jinkludu d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli tagħha; il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Protokolli tiegħu; il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali; il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali; il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa; u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Il-Kosovo la huwa membru tan-NU u lanqas tal-Kunsill tal-Ewropa.

[26]             OSKE, L-aċċess għar-reġistrazzjoni ċivili fil-Kosovo, Pristina, Lulju 2012

[27]             EUROPOL, Valutazzjoni tal-UE ta' Theddid mill-Kriminalità Organizzata, it-28 ta’ April 2011

[28]             OECD, Appoġġ għat-Titjib tal-Governanza u tal-Ġestjoni, il-Valutazzjoni tal-Kosovo, Marzu 2012

[29]             Fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni (CPI) ta’ Transparency International, il-Kosovo kklassifika fl-aħħar pożizzjoni fil-Balkani tal-Punent fl-2010 u fl-2011, iżda qabeż lill-Albanija fl-2012.

[30]             Viża għal soġġorn qasir b’validità territorjali limitata (“VTL”) tintitola lid-detentur biex joqgħod fl-Istat(i) Membru/Membri biss li għalih/għalihom tkun valida l-viża. Viża VTL tista' tinħareġ f'każijiet fejn il-vjaġġatur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha ta' dħul, meta tal-anqas Stat Membru wieħed ma jirrikonoxxix id-dokument tal-ivvjaġġar li fuqu tkun se titwaħħal il-viża jew meta, għal raġunijiet ta’ urġenza, viża tinħareġ mingħajr ma titwettaq, fejn applikabbli, il-konsultazzjoni minn qabel.

[31]             Il-kampjun tal-Istati Membri u tal-Istati Assoċjati maż-żona Schengen, hekk kif muri fit-Tabella 6.6, kien jinkludi s-segwenti: il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, Franza, l-Italja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Isvezja, in-Norveġja u l-Isvizzera.