52013DC0064

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Applikazzjoni tad-Direttiva 2007/44/KE li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE u d-Direttivi 2002/83/KE, 2004/39/KE, 2005/68/KE u 2006/48/KE, fir-rigward tar-regoli ta' proċedura u l-kriterji ta' evalwazzjoni għall-evalwazzjoni prudenzjali ta' akkwisti u żidiet fil-holdings fis-settur finanzjarju /* COM/2013/064 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Applikazzjoni tad-Direttiva 2007/44/KE li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE u d-Direttivi 2002/83/KE, 2004/39/KE, 2005/68/KE u 2006/48/KE, fir-rigward tar-regoli ta' proċedura u l-kriterji ta' evalwazzjoni għall-evalwazzjoni prudenzjali ta' akkwisti u żidiet fil-holdings fis-settur finanzjarju

1.           Introduzzjoni

1.           Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2007/44/KE[1] li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE u d-Direttivi 2002/83/KE, 2004/39/KE, 2005/68/KE u 2006/48/KE, fir-rigward tar-regoli ta' proċedura u l-kriterji ta' evalwazzjoni għall-evalwazzjoni prudenzjali ta' akkwisti u żidiet fil-holdings fis-settur finanzjarju (minn issa ‘l quddiem: “id-Direttiva dwar il-Holdings Kwalifikanti” jew “id-Direttiva”), il-Kummissjoni għandha tanalizza l-applikazzjoni tad-Direttiva u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ kwalunkwe proposta xierqa sabiex tiġi rriveduta d-Direttiva. L-iskadenza għal dan kien il-21 ta’ Marzu 2011. Minħabba l-ħidma intensiva tal-Kummissjoni fuq programm komprensiv ta’ riforma regolatorja finanzjarja sabiex tinbena sistema finanzjarja trasparenti u iktar stabbli wara l-kriżi finanzjarja u minħabba d-diffikultà li tkun ivvalutata l-applikazzjoni tad-Direttiva matul perjodu ta’ kriżi finanzjarja, il-ħidma fuq ir-rapport ġie postpost.

2.           Id-Direttiva dwar il-Holdings Kwalifikanti tistabbilixxi l-qafas legali għall-valutazzjoni prudenzjali ta’ akkwisti minn persuni naturali jew ġuridiċi ta’ holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu, f’impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew kumpanija tal-investiment. Id-Direttiva emendat id-Direttivi Ewropej (is-CRD[2], l-MiFID[3], is-Solvenza II[4]) applikabbli għal istituzzjonijiet ta’ kreditu, ditti tal-investiment u impriżi tal-assigurazzjoni u riassigurazzjoni. Hija tarmonizza l-kundizzjonijiet sabiex ikun innotifikat akkwist propost jew ċessjoni ta’ holding kwalifikanti; tiddefinixxi proċedura ta’ valutazzjoni ċara u trasparenti; u tispeċifika lista ta’ kriterji ta’ valutazzjoni strettament prudenzjali. Dawn ir-regoli huma suġġetti għal armonizzazzjoni massima, mingħajr ma l-Istati Membri jikunu jistgħu japplikaw regoli iktar stretti. Tnejn mid-Direttivi msemmija qabel, is-CRD u l-MiFID, bħalissa qed jiġu riveduti. Il-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawk id-Direttivi ma jemendawx ir-regoli introdotti fl-2007.

3.           L-għanijiet tad-Direttiva dwar il-Holdings Kwalifikanti huma importanti għas-swieq finanzjarji. B’mod aktar speċifiku, l-għanijiet tad-Direttiva huma:

· Li ttejjeb iċ-ċertezza legali, iċ-ċarezza u t-trasparenza tal-proċess superviżorju ta’ approvazzjoni fir-rigward ta’ akkwiżizzjonijiet u żieda fl-ammonti ta’ ishma fis-setturi bankarji, tal-assigurazzjoni u tat-titoli; kif ukoll

· Li tiżgura li l-akkwiżizzjonijiet proposti kollha jew iċ-ċessjonijiet ta’ holding kwalifikanti huma trattati bl-istess mod fl-UE kollha u fis-setturi kollha.

4.           Il-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva tesigi awtoritajiet superviżorji nazzjonali fit-tliet setturi kollha biex jikkooperaw mill-qrib u biex jippromwovu konverġenza fil-prattiki superviżorji tagħhom fil-qafas legali komuni stabbilit mid-Direttiva. Għaldaqstant, fl-2008 it-tliet Kumitati Livell-3 preċedenti (CEBS, CESR u CEIOPS) żviluppaw linjigwida mhux vinkolanti għall-valutazzjoni prudenzjali tal-akkwiżizzjonijiet[5] (minn issa 'l quddiem "Linjigwida 3L3”) sabiex jiżguraw prattiki konverġenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fl-UE. L-għanijiet tal-linjigwida huma li:

· Jintlaħaq fehim komuni tal-ħames kriterji ta’ valutazzjoni prudenzjali stabbiliti mid-Direttiva;

· Jiġu ddefiniti arranġamenti ta’ kooperazzjoni xierqa li jiżguraw fluss ta’ informazzjoni adegwat u fil-ħin bejn is-superviżuri; kif ukoll

· Tiġi stabbilita lista eżawrjenti u armonizzata ta’ informazzjoni li akkwirenti proposti għandhom jinkludu fin-notifiki tagħhom lill-awtoritajiet superviżorji kompetenti.

5.           Barra minn hekk, fis-setturi tas-servizzi bankarji u tal-investiment, id-Direttiva 2010/78/UE adottata riċentiment [6] tippermetti lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ESAs) biex tissottometti lill-Kummissjoni għall-adozzjoni[7]:

· Standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu lista eżawrjenti ta’ informazzjoni li għandha tkun inkluża mill-akkwirenti proposti fin-notifikazzjoni tagħhom biex jakkwistaw holdings kwalifinati; kif ukoll

· Standards tekniċi ta’ implimenazzjoni li jistabbilixxu proċeduri, formoli u mudelli komuni għall-proċess ta’ konsultazzjoni fil-valutazzjoni prudenzjali bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti.

6.           Dan ir-rapport jiddeskrivi l-impatt tad-Direttiva dwar il-Holdings Kwalifikanti u l-konformità magħha (taqsima 2); jidentifika l-kwistjonijiet ewlenin li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva (taqsima 3); u jislet għadd ta’ konklużjonijiet (taqsima 4).

2.           Impatt tad-Direttiva dwar Holdings kwalifikanti u l-konformità magħha

7.           Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu konsultazzjoni pubblika mal-partijiet interessati u bagħtu kwestjonarju, inkluża talba għal dejta statistika, lill-awtoritajiet kompetenti. B’mod ġenerali ir-risposti li waslu jindikaw li d-Direttiva kkontribwixxiet għat-tnaqqis ta’ ostakoli għall-akkwiżizzjonijiet fis-settur finanzjarju u li tranżazzjonijiet domestiċi u transfruntiera huma ttrattati l-istess fl-UE. Ħafna risposti kkonfermaw li d-Direttiva wasslet għal fehim komuni dwar valutazzjoni prudenzjali ta’ akkwiżizzjonijiet fis-settur finanzjarju fl-Ewropa kollha u biex tipprovdi kundizzjonijiet ekwi. Madankollu, ir-risposti jiżvelaw ukoll li f’diversi Stati Membri (CZ, DE u IE) id-Direttiva ma wasslitx għal tibdiliet kbar fil-qafas legali, peress li diġà eżistew regoli simili qabel l-adozzjoni tad-Direttiva.

8.           Din il-valutazzjoni pożittiva tad-Direttiva hija kkonfermata wkoll mid-dejta statistika li waslet mis-superviżuri nazzjonali. Bejn l-2008 u l-2011, kienu nnotifikati iktar minn 10,700 akkwiżizzjoni proposta ta’ holdings kwalifikanti, b’iktar minn 84 % tan-notifiki jsiru fi tliet Stati Membri (UK, NL, DE)[8]. Awtoritajiet kompetenti nazzjonali awtorizzaw il-maġġoranza kbira ta’ dawn in-notifikazzjonijiet u d-dejta ma tiżvela ebda differenza sinifikanti bejn it-trattament ta’ tranżazzjonijiet domestiċi u dawk transfruntiera. Bħala total, 50 % biss tat-tranżazzjonijiet proposti (inqas minn 0.5 %) kienu projbiti; notifikazzjonijiet kienu rtirati f’madwar 450 każ (4.3 %)[9]. L-għadd ta’ notifikazzjonijiet matul il-perjodu kien diġà relattivament stabbli, bi tnaqqis żgħir mill-2010 li fil-biċċa l-kbira tiegħu jista’ jiġi attribwit għal tnaqqis sinifikanti fin-notifikazzjonijiet fir-Renju Unit wara bidliet amministrattivi. Minħabba l-kriżi finanzjarja, seħħew 231 akkwiżizzjoni relatati mal-kriżi, jiġifieri akkwiżizzjonijiet xprunati mis-settur għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq finanzjarji.

9.           Ma tfaċċat l-ebda kwistjoni sostanzjali ta’ konformità sostanzjali relatata mal-applikazzjoni tal-qafas legali fl-Istati Membri. Madankollu, l-istħarriġ u l-konsultazzjoni pubblika jirriflettu li jeżistu xi kwistjonijiet minuri li huma analizzati kif ġej.

3.           L-analiżi tal-applikazzjoni tad-Direttiva: kwistjonijiet emerġenti

10.         Mill-analiżi tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Holdings Kwalifikanti jirriżultaw diversi kwistjonijiet.

11.         L-ewwel nett, hemm xi tħassib fir-rigward taċ-ċertezza legali tad-definizzjoni tar-rekwiżit tan-notifikazzjoni u l-applikazzjoni tiegħu minn superviżuri nazzjonali. Id-Direttiva tipprevedi li[10]:

“L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li kull persuna fiżika jew ġuridika jew tali persuni li jaġixxu flimkien, minn issa ‘l quddiem ‘l-akkwirent propost’, li ħadu deċiżjoni biex jakkwistaw direttament jew indirettament, holding kwalifikanti” f’entità superviżjonata[11] “jew biex iżidu ulterjorment, direttament jew indirettament, tali holding kwalifikanti f’entità superviżjonata b’ tali mod li l-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmum jilħaq jew jaqbeż l-20 %, it-30 % jew il-50 % jew b’tali mod li” l-entità superviżjonata “ssir sussidjarja tagħha (minn hawn ‘il quddiem ‘l-akkwist propost’), jinnotifikaw qabel bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti” tal-entità superviżjonata “li fiha qed jipprovaw jakkwistaw jew iżidu holding kwalifikanti, billi jindikaw id-daqs tal-holding maħsub u l-informazzjoni rilevanti kif imsemmi” fl-artikoli rilevanti tad-direttivi emendati.

L-istħarriġ jiżvela li l-kunċetti li ġejjin użati fid-definizzjoni tar-rekwiżit ta’ notifikazzjoni jista’ potenzjalment jikkawżaw applikazzjoni inkonsistenti fost l-Istati Membri.

· Il-kunċett ta’ “holding kwalifikanti indirett” mhuwiex iddefinit fid-Direttiva. Għalkemm il-Linjigwida 3L3 jipprovdu xi kjarifka ta’ x’tikkostitwixxi holding indirett[12], l-Istati Membri, jiddependu ħafna fuq il-kunċetti fil-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom. L-istħarriġ tal-awtoritajiet kompetenti juri li, bħala riżultat, qed jitħaddmu diversi metodi biex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sehem azzjonarju indirett u għaldaqstant jeżistu interpretazzjonijiet differenti dwar jekk akkwiżizzjoni proposta ta’ holding kwalifikanti għandhiex tkun innotifikata jew le. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika jikkonfermaw li ttieħdu approċċi differenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jiddeterminaw l-eżistenza ta’ holding indiretta, u li għaldaqstant wasslu biex ikun hemm trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet simili.

· Id-Direttiva lanqas ma tipprovdi d-definizzjoni tal-kunċett ta' "persuni li qed jaġixxu flimkien". Il-Linjigwida 3L3 jipprovdu spjegazzjoni wiesgħa ħafna ta’ liema persuni huma meqjusa li qed jaġixxu flimkien[13]. L-istħarriġ juri li l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett sa ċertu punt tista' tkun diverġenti. Il-bżonn ta’ iktar kjarifikazzjoni kien espress ukoll fir-reazzjonijiet tal-partijiet interessati għall-konsultazzjoni pubblika. Il-konsultazzjoni pubblika tiżvela wkoll id-differenzi bejn id-definizzjonijiet użati fid-Direttiva dwar il-Holdings Kwalifikanti, id-Direttiva dwar offerti ta’ Xiri[14] u d-Direttiva dwar it-Trasparenza[15], joħolqu xi tħassib fis-settur privat

· Xi superviżuri nazzjonali indikaw li l-kunċett ta' “deċiżjoni ta’ akkwist” ma għandux ikun applikabbli f’sitwazzjonijiet fejn l-akkwirent ikun qabeż il-limitu mingħajr ma jkun ħa d-deċiżjoni konxja li jagħmel dan, pereżempju fil-każ ta’ wirt jew tnaqqis kapitali tal-emittent. Madanakollu, huwa spjegat fil-Linjigwida 3L3 li “notifika hija meħtieġa wkoll jekk l-akkwirent jaqbeż il-limitu b’mod involontarju”. In-nuqqas ta’ ċarezza bejn id-dispożizzjoni fid-Direttiva u l-ispjegazzjoni pprovduta fil-Linjigwida 3L3, kif ukoll ir-riskju potenzjali għal applikazzjoni mhux ugwali li tista’ tikkawża, kien innutat f’waħda mir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika.

12.         It-tieni nett jidher li jeħtieġ azzjoni ulterjuri li tiżgura applikazzjoni koerenti tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-prinċipju huwa msemmi fil-premessi 5, 8 u 9 tad-Direttiva dwar il-Holdings Kwalifikanti. Il-paragrafu 18 tal-Linjigwida 3L3 jikkjarifika iktar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporżjonalità:

“Dan il-prinċipju li huwa msemmi fil-premessi 5, 8 u 9 japplika kemm għall-kompożizzjoni tal-informazzjoni meħtieġa kif ukoll għall-proċeduri ta’ valutazzjoni. It-tip ta’ informazzjoni meħtieġa mill-akkwirent tista’ tkun influwenzata mill-partikolaritajiet tal-akkwrent (persuna ġuridika vs persuna ġuridika, istituzzjoni finanzjarja superviżjonata vs entità oħra, jekk l-istituzzjoni finanzjarja hijiex superviżjonata jew le fiż-ŻEE jew f’pajjiż terz ekwivalenti, eċċ), Il-partikolaritajiet tat-tranżazzjoni proposta (intragrupp vs tranżazzjoni “esterna” eċċ), il-grad ta’ involviment tal-akkwirent fl-immaniġġjar tal-istituzzjoni finanzjarja fil-mira, jew il-livell ta’ holding li għandu jkun akkwistat.

Madankollu, ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika jipprovdu xi evidenza li awtoritajiet superviżorji nazzjonali ma japplikawx biżżejjed il-prinċipju tal-proporzjonalità kemm f’termini tal-informazzjoni meħtieġa kif ukoll fil-proċedura ta’ valutazzjoni. B’mod partikolari, kien hemm tħassib rigward il-valutazzjoni ta’ tranżazzjonijiet intragrupp[16]. L-istħarriġ juri li f'tali każijiet, il-proċedura ta' valutazzjoni mhux dejjem hija konsistenti. Xi Stati Membri japplikaw “verżjoni ħafifa” tal-proċedura f’tali każijiet jew saħansitra mhux dejjem jirrikjedu notifikazzjoni formali għal tranżazzjonijiet intragrupp fi gruppi bankarji transfruntiera; għall-kuntrarju, xi Stati Membri oħra, abbażi tar-reazzjonijiet tal-partijiet interessati għall-konsultazzjoni pubblika, jivvalutaw it-tranżazzjonijiet intragrupp kollha bl-istess mod bħall-bqija tan-notifikazzjonijiet. Fl-opinjoni tar-rappreżentanti tas-settur privat li pparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika, dan jikkostitwixxi piż mhux meħtieġ.

13.         It-tielet nett, jidher li jeħtieġ li jiġu kkjarifikati xi kriterji ta’ valutazzjoni stipulati fid-Direttiva dwar Holdings Kwalifikanti. Skont id-Direttiva, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fost l-oħrajn huma rikjesti jivvalutaw “is-solidità finanzjarja tal-akkwirent propost, b’mod partikulari fir-rigward tat-tip ta’ negozju li jsir u li huwa previst [fl-istituzzjoni finanzjarja] li fiha jkun qed jiġi propost l-akkwist”[17]. Il-linjigwida 3L3[18] jispjegaw ukoll l-iskop ta’ dan il-kriterju ta’ valutazzjoni u jipprovdu lista indikattiva tal-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tas-sodezza finanzjarja tal-akkwirent propost. Madankollu, l-istħarriġ u l-konsultazzjoni pubblika juru li d-dokumenti rikjesti mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għall-valutazzjoni huma differenti fost l-Istati Membri. Jidher ukoll li mhuwiex ċar biżżejjed jekk is-solvenza tal-akkwirent propost għandhix tkun valutata skont dan il-kriterju. Fl-aħħar nett, hemm xi indikazzjonijiet li l-użu ta’ riżorsi proprji meta mqabbla ma fondi msellfa, huwa interpretat b’mod inkonsistenti.

14.         Barra minn hekk, jidher li għall-inqas għal ftit awtoritajiet superviżorji nazzjonali, ma kienx ċar biżżejjed x’jikkostitwixxi ħasil ta' flus u finanzjament ta’ terroristi meta kienu qed jivvalutaw “jekk jekk ikunx hemm motivi raġonevoli biex wieħed jissuspetta li, f’rabta mal-akkwist propost, sar, qed isir jew hemm tentattivi biex isir ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu fit-tifsira tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE, jew li l-akkwist propost jista’ jżid ir-riskju ta’ kondotta bħal din”.[19] Stat Membru ġibed l-attenzjoni għad-diffikulta biex tkun żgurata applikazzjoni trasparenti ta’ dan il-kriterju ta’ valutazzjoni minħabba n-natura sensittiva tal-informazzjoni involuta.

15.         Ir-raba’, ġew osservati xi inkonsistenza fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-limiti ta' żmien. Id-Direttiva dwar il-Holdings Kwalifikanti tipprevedi li[20]:

“L-awtoritajiet kompetenti għandhom, minnufih, u fi kwalunkwe każ fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta jirċievu n-notifika..., kif ukoll fuq irċevuta sussegwenti possibbli ta' l-informazzjoni..., jikkonfermaw bil-miktub lill-akkwirent propost li rċevewha.

L-istħarriġ juri li l-konferma tal-wasla tinftiehem b’mod differenti mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jiġifieri, f’xi Stati Membri hija interpretata bħala konferma formali li ma tinvolvi ebda valutazzjoni tad-dokumenti li jkunu waslu filwaqt li fi Stati Membri oħra, il-konferma tal-wasla tinħareġ wara li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jkunu eżaminaw il-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta fid-dokumenti li jkunu waslu. Barra minn hekk, id-Direttiva tipprevedi li[21]:

“L-awtoritajiet kompetenti għandhom massimu ta’ 60 jum ta’ xogħol mid-data tal-konferma tal-irċevuta bil-miktub tan-notifika u d-dokumenti kollha meħtieġa mill-Istati Membri għandhom ikunu mehmuża man-notifika...biex iwettqu l-evalwazzjoni."

L-istħarriġ jipprovdi xi evidenza li f’xi Stati Membri dan il-limitu ta’ żmien inqabeż. Il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet superviżorji rrakkomandaw li jitwal il-limitu ta’ żmien. Min-naħa l-oħra, ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika żvelaw li partijiet interessati tas-settur privat jikkunsidraw dan il-limitu ta’ żmien bħala twil wisq u għaldaqstant ikunu favur li jiqsar, għall-inqas meta l-akkwirent huwa entita regolata tal-UE u fil-każijiet ta’ tranżazzjonijiet tal-intragrupp.

16.         Il-ħames, ġew osservati prattiki diverġenti fost l-Istati Membri fir-rigward ta' approvazzjonijiet kundizzjonali tal-akkwisti. Ir-riżultati tal-istħarriġ juru li f’xi Stati Membri, l-akkwisti proposti kollha huma approvati suġġetti għal kundizzjonijiet, filwaqt li fi Stati Membri oħra, id-Direttiva hija interpretata bħala li ma tippermettix approvazzjonijiet kundizzjonali.

17.         Is-sitta, l-istħarriġ jiżvela li l-kooperazzjoni bejn awtoritajiet superviżorji differenti (settorjali u/jew nazzjonali) f’xi każijiet hija meqjusa bħala formalistika u li tieħu ħafna żmien. Jidher ukoll li l-awtoritajiet kompetenti qed jieħdu approċċi diverġenti fi Stati Membri differenti fir-rigward tat-tip u l-komprensività tal-informazzjoni rikjesta mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. Barra minn hekk, kooperazzjoni ma’ awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi hija xi drabi meqjusa bħala ineffiċjenti: Il-bżonn li titjieb iktar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti kien espress ukoll f’diversi reazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika.

18.         Barra minn hekk, sabiex tkun żgurata konverġenza ikbar tal-valutazzjoni tal-akkwiżizzjonijiet proposti ta’ holdings kwalifikanti fl-oqsma kollha tas-settur finanzjarju, u sabiex ikun żviluppat b’mod ulterjuri s-suq uniku, diversi partijiet interessati kienu favur l-estensjoni tal-qafas għal segmenti tas-suq li bħalissa mhumiex koperti mid-Direttiva, b’mod partikolari s-swieq regolati.

19.         Fl-aħħarnett, il-kriżi finanzjarja wriet li fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet – għall-inqas fis-settur bankarju – jistgħu jwasslu għal riskji għall-istabbilità finanzjarja. Bħalissa d-Direttiva ma tinkludix kriterju espliċitu ta’ valutazzjoni li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti biex jivvalutaw l-impatt tal-akkwiżizzjoni proposta dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Madankollu, l-istabbiltà finanzjarja hija indirizzata b’mod impliċitu mill-kriterju ta’ valutazzjoni tad-Direttiva. B’mod partikolari, il-kriterji dwar is-sodezza finanzjarja tal-akkwirent propost u dwar il-konformità ma’ rekwiżiti prudenzjali jindirizzaw b’mod impliċitu l-valutazzjoni ta’ riskji għall-istabbiltà finanzjarja peress li ż-żewġ kriterji għandhom element li jħares ‘il quddiem.

Jista’ jkun innutat li fl-Istati Uniti ġie introdott kriterju espliċitu għall-istabbiltà finanzjarja permezz tad-Dodd-Frank Act li diġà ġie applikat meta kienu valutati l-akkwiżizzjonijiet proposti. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika juru li, b’mod ġenerali, il-bżonn li jkun ivvalutat l-impatt potenzjali tal-akkwiżizzjoni proposta fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja huwa rikonoxxut mill-partijiet interessati. Min-naħa l-oħra, l-istħarriġ jiżvela li l-awtoritajiet kompetenti għandhom opinjonijiet diverġenti rigward il-bżonn ta’ kriterju espliċitu għall-istabbiltà finanzjarja; Għalkemm ġeneralment hemm qbil li r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja għandhom ikunu kkunsidrati meta jkunu vvalutati l-akkwiżizzjonijiet proposti.

4.           Konklużjonijiet

20.         L-analiżi tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Holdings Kwalifikanti turi li, kumplessivament, ir-reġim maħluq mid-Direttiva qed jaħdem b’mod sodisfaċenti. Ma tfaċċat ebda kwistjoni ta’ konformità fir-rigward tal-applikazzjoni tal-qafas ġuridiku fl-Istati Membri u d-Direttiva kkontribwixxiet għat-trattament uniformi ta’ akkwiżizzjonijiet nazzjonali u transfruntiera ta’ holdings kwalifikanti fis-settur finanzjarju. Madankollu, għandna nżommu f’moħħna li d-Direttiva bdiet tkun applikata fl-2009 u li minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja, iċ-ċirkustanzi fis-settur finanzjarju kienu eċċezzjonali. Għaldaqstant huwa diffiċli biex tkun ivvalutata b’mod preċiż l-effettività tal-qafas ġuridiku stabbilit għall-valutazzjoni ta’ fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet fis-settur finanzjarju.

21.         Madankollu, jistgħu jkunu indirizzati xi nuqqasijiet fl-applikazzjoni tad-Direttiva biex tkun żgurata applikazzjoni konsistenti fl-UE kollha u fis-setturi finanzjarji u biex tkun pprovduta iktar ċertezza legali lill-akkwirenti. Mod wieħed kif jiġu identifikati inkonsistenzi fl-applikazzjoni jista’ jikkonsisti f’talba lill-ESAs biex jaġġornaw u jikkjarifikaw il-linjigwida 3L3. Tali kjarifika tista’, pereżempju tipprovdi gwida iktar preċiża dwar kif ikun applikat il-prinċipju tal-proporzjonalità; kif jiġu indirizzati holdings indiretti; kif jiġu applikati l-limiti ta’ żmien; u tiżgura li l-kriterji ta’ valutazzjoni huma interpretati u applikati b’mod konsistenti fl-Istati Membri u transsettorjali. Il-Kummissjoni beħsiebha titlob lill-ESAs biex jiċċaraw iktar il-linjigwida eżistenti.

22.         Sabiex ikunu indirizzati l-problemi ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fil-każ ta’ tranżazzjonijiet transsettorjali jew transfruntiera, l-ESAs għandhom is-setgħa li jiżviluppaw standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni, kif previst fid-Direttiva 2010/78/UE, sabiex jikkoreġu problemi ta’ koordinazzjoni bejn superviżuri nazzjonali u jnaqqsu inċertezzi fir-rigward ta’ informazzjoni li għandha tintbagħat lil superviżuri għall-valutazzjoni tal-akkwiżizzjonijiet proposti.

23.         Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar Governanza Korporattiva u d-Dritt Soċjetarju tat-12 ta’ Diċembru 2012 jindirizzaw il-kwistjoni ta’ azzjoni flimkien. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-bżonn ta’ gwida li tikkjarifika l-konfini kunċettwali u li tipprovdi iktar ċertezza dwar din il-kwistjoni sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni tal-azzjonisti dwar kwistjonijiet ta' governanza korporattiva. Matul l-2013, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-ESMA bil-għan li tiżviluppa gwida li tikkjarifika r-regoli dwar azzjoni flimkien, speċjalment fil-kuntest tar-regoli applikabbli ta’ offerti ta’ xiri. B’kunsiderazzjoni għall-progress li sar f’dan ix-xogħol, il-Kummissjoni se tikkunsidra mal-ESAs x’azzjoni ulterjuri tista’ tkun meħtieġa (jekk ikun hemm) biex tindirizza kwistjonijiet speċifiċi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kunċett ta’ azzjoni flimkien fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Holdings Kwalifikanti.

24.         Barra minn hekk, jista’ jkun ikkunsidrat - fid-dawl tal-kriżi finanzjarja - li l-aspetti ta’ stabbilità finanzjarja jkunu inkorporati b’mod aktar espliċitu fil-proċess ta' valutazzjoni. Dan jista’ jinkiseb billi tkun introdotta valutazzjoni ta’ risolvibbiltà qabel ma jseħħu t-tranżazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li matul l-2013 twettaq analiżi li tivvaluta l-opzjonijiet differenti, inkluż il-bżonn li dan il-kriterju jkun imfassal b’mod li jevita implimentazzjoni diverġenti mill-awtoritajiet kompetenti.

25.         F’konformità mal-objettivi tad-Direttiva dwar il-Holdings Kwalifikanti, jista’ jkun introdott ukoll qafas ġuridiku simili għall-valutazzjoni ta’ akkwiżizzjonijiet u żieda fil-holdings għas-swieq regolati, kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(14) tal-MiFID.

26.         Il-proposta nnegozjata attwalment għal Regolament tal-Kunsill li jagħti kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu jipprevedi li l-BĊE iwettaq, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' awtoritajiet kompetenti nazzjonali, il-valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-akkwiżizzjonijiet u disponimenti ta’ holdings kwalifikanti. Il-BĊE se jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-idoneità tal-akkwirent propost u s-sodezza finanzjarja tal-akkwiżizzjoni proposta fuq kriterji ta’ valutazzjoni stipulati fid-Direttiva dwar il-Holdings Kwalifikanti u skont il-proċedura u fil-perjodi ta’ valutazzjoni stabbiliti fiha kif ukoll il-liġi nazzjonali rispettiva li tittrasponi l-liġi tal-Unjoni rilevanti. L-ambitu ta’ kompetenzi tal-BĊE huwa limitat għal istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti. Ebda emenda għad-Direttiva ma hija neċessarja bħala konsegwenza tal-kompetenza proposta tal-BĊE għall-valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-akkwiżizzjoni u ċ-ċessjoni ta’ holdings kwalifikanti.

27.         L-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u partijiet oħra interessati huma mistiedna jissottomettu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-analiżi deskritta f’dan ir-rapport sal-31 ta’ Marzu 2013. Abbażi tal-kummenti li jaslu u r-riżultati tal-analiżi msemmija fil-paragrafu 23, il-Kummissjoni, sal-aħħar tal-2013, se tikkomunika jekk ir-reġim għall-valutazzjoni ta’ holdings kwalifikanti jeħtieġx li jkun imsaħħaħ.

ANNESS TAR-RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Applikazzjoni tad-Direttiva 2007/44/KE li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE u d-Direttivi 2002/83/KE, 2004/39/KE, 2005/68/KE u 2006/48/KE, fir-rigward tar-regoli ta' proċedura u l-kriterji ta' evalwazzjoni għall-valutazzjoni prudenzjali ta' akkwiżizzjonijieti u żidiet fil-holdings fis-settur finanzjarju

Figura 1: Għadd ta’ notifiki fl-UE bejn l-2008-2011[22]

Figura 2: Perċentwal ta’ notifikazzjonijiet irtirati u akkwiżizzjonijiet projbiti fl-UE 2008-2011

[1]               Id-Direttiva Nru 2007/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/49/KEE u d-Direttivi Nru 2002/83/KE, 2004/39/KE, 2005/68/KE u 2006/48/KE fir-rigward tar-regoli ta' proċedura u l-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-evalwazzjoni prudenzjali ta' akkwisti u ż-żidiet fil-holdings fis-settur finanzjarju, ĠU L 247, 21.09.2007, p. 1. Disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2007:247:0001:0016:MT:PDF.

[2]               Id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta' kreditu (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 177/1, 30.6.2006).

[3]               Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, ĠU L 145/1, 30.4.2004;

[4]               Direttiva 2007/44/KE kif emendata bid-Direttivi tal-UE dwar l-Assigurazzjoni (Riassigurazzjoni) 92/49/KEE, 2002/83/KE, 2005/68/KE. Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) ĠU L 335/1 tas-17.12.2009 irriformulat dawn it-tliet Direttivi.

[5]               Il-linjigwida konġunti tal-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (CEBS), il-Kumitat għas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej (CEIOPS) u l-Kumitat għar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (KRET) għall-valutazzjoni prudenzjali ta’ akkwiżizzjonijiet u żidiet f’holdings fis-settur finanzjarju kif rikjest mid-Direttiva 2007/44/KE. Disponibbli fuq: http://www.eba.europa.eu/getdoc/09acbe4b-c2ee-4e65-b461-331a7176ac50/2008-18-12_M-A-Guidelines.aspx

[6]               Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 98/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE, u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) ĠU L 331, 12.12.2010, p. 120. Disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/Result.do?T1=V3&T2=2010&T3=78&RechType=RECH_naturel&Submit=Search

[7]               Fin-negozjati dwar Omnibus II li għaddejjin bħalissa, il-koleġiżlaturi qed jiddiskutu li l-EIOPA tingħata s-setgħa li tiżviluppa standards tekniċi regolatorji u standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għal assigurazzjonijiet dwar l-istess suġġett.

[8]               Ara Figura 1 fl-Anness ta’ dan ir-Rapport.

[9]               Ara Figura 2 fl-Anness ta’ dan ir-Rapport.

[10]             Artikolu 10, paragrafu 3 MiFID; Artikolu 19, paragrafu 1 CRD; Artikolu 57 (1) Solvenza II

[11]             Id-Direttiva dwar Holdings Kwalifikati temenda ħames direttivi settorjali billi tinkludi rekwiżit ta’ notifika identiku. It-terminu “entità superviżjonata” jissostitwixxi t-termini “istituzzjoni ta’ kreditu”, “impriża tal-assigurazzjoni”, “impriża tar-riassigurazzjoni”, u "ditta ta’ investiment”, li jintużaw fid-Direttivi settorjali.

[12]             Paragrafu 15, punt 6 tal-Appendiċi I tal-Linjigwida 3L3.

[13]             Skont il-punt 1 tal-Appendiċi I tal-Linjigwida 3L3, “persuni li jaġixxu flimkien” huwa meta kull waħda minnhom tiddeċiedi li teżerċita d-drittijiet tagħha marbuta mal-ishma li takkwista skont ftehim impliċitu jew espliċitu li jsir bejniethom”.

[14]             L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12

[15]             L-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, ĠU L 390 ta’ 31.12.2004, p. 38. Disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/Result.do?T1=V3&T2=2004&T3=109&RechType=RECH_naturel&Submit=Search

[16]             Skont il-paragrafu 19 tal-Linjigwida 3L3, “il-prinċipju tal-proporzjonalità jimplika li fil-każ ta’ tranżazzjonijiet intragrupp fil-grupp ta’ azzjonist eżistenti mingħajr bidla reali jew sostanzjali fil-parteċipazzjoni azzjonarja diretta jew aħħarija tal-istituzzjoni finanzjarja, is-superviżur fil-mira għandu jkun ipprovdut informazzjoni adegwata. Min-naħa l-oħra, il-grupp tal-azzjonist ma għandux jerġa jkun ivvalutat peress li t-tranżazzjoni ma taffettwax l-influwenza li għandu fuq l-istituzzjoni finanzjarja”.

[17]             Artikolu 10b(1)(c) MiFID; Artikolu 19(a)(1)(c) CRD;; Artikolu 59(1)(c) tas-Solvenza II

[18]             Paragrafu 56-66

[19]             Artikolu 10b(1)(c) MiFID; Artikolu 19(a)(1)(c) CRD; Artikolu 59(1)(e) tas-Solvenza II

[20]             Artikolu 10a(1) MiFID; Artikolu 19, paragrafu 2 CRD; Artikolu 58(1) Solvenza II

[21]             Artikolu 10a(1) MiFID; Artikolu 19, paragrafu 2 CRD; Artikolu 58 (1) Solvenza II

[22]             Il-Kummissjoni rċeviet dejta statistika minn 25 Stat Membru. Barra minn hekk, id-dejta dwar akkwiżizzjonijiet ta’ holdings kwalifikanti f’kumpaniji ta’ mmaniġġjar UCITS kienet inkluża fir-reazzjonijiet minn diversi Stati Membri. L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), ĠU L 320 tas-17.11.2009, p.32 timponi obbligu li tkun innotifikata l-akkwiżizzjoni ta’ holding kwalifikanti f’kumpaniji tal-immaniġġjar tal-UCITS. Disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/Result.do?T1=V3&T2=2009&T3=65&RechType=RECH_naturel&Submit=Search